ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

7.2.4. Ir-regoli li jirregolaw il-lingwi fl-istituzzjonijiet

L-Artikolu 290 tat-Trattat tal-KE (issa l-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u l-Artikolu 190 tat-Trattat tal-Euratom jagħtu r-responsabbiltà lill-Kunsill li, b’vot unanimu, jiddetermina r-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, “mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.

Abbażi ta’ dan, il-Kunsill adotta fil-15 ta’April 1958, ir-Regolament Nru 1 li jiddetermina l-lingwi li għandhom jintużaw fil-Komunità Ekonomika Ewropea, regolament li kien emendat b’atti varji ta’ adeżjoni.

Bħalissa, hemm 24 lingwa uffiċjali u ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara t-Taqsima 7.2.1).

L-Irlandiż

Sal-31 ta’ Diċembru 2006, l-Irlandiż ma kienx magħdud bħala waħda mil-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Skont ftehim li sar fl-1971 bejn l-Irlanda u l-Komunità, l-Irlandiż kien ikkunsidrat bħala lingwa uffiċjali tal-Komunità, ħaġa li madankollu kienet tfisser li l-leġiżlazzjoni primarja biss kellha titfassal b’din il-lingwa.

Mill-1 ta’ Jannar 2007, l-Irlandiż huwa lingwa uffiċjali sħiħa tal-UE, b’deroga temporanja għal perjodu rinnovabbli ta’ ħames snin (ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 tat-13 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3)). Dan ir-Regolament jgħid li “l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea ma għandhomx ikunu marbuta bl-obbligu li jfasslu l-atti kollha bl-Irlandiż u li jippubblikawhom f’dik il-lingwa f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”, ħlief għar-regolamenti adottati b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Din id-deroga ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2016 bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1257/2010 (ĠU L 343, 29.12.2010, p. 5). Din ġiet estiża mill-ġdid bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/2264 (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 1). Id-deroga għall-Irlandiż ma baqgħetx tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

L-Irlandiż jew il-Gaeliku?

Kuntrarju għal ċerta użanza, dawn it-termini mhumiex sinonimi.

Il-Gaeliku = il-grupp lingwistiku Ċeltiku tal-Irlanda u l-Iskozja
L-Irlandiż = il-grupp lingwistiku Ċeltiku tal-Irlanda

L-ewwel lingwa uffiċjali tal-Irlanda hija l-Irlandiż, it-tieni hija l-Ingliż.

Il-Malti

Fl-2007 l-Kunsill waqqaf id-deroga (ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2004 tal-1 ta’ Mejju 2004 (ĠU L 169, 1.5.2004, p.1)) ta’ tliet snin fl-obbligu li l-atti kollha jitfasslu u jkunu ppubblikati bil-Malti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant l-atti kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE qegħdin ikunu ppubblikati bil-Malti wkoll.

Data tal-aħħar aġġornament: 25.1.2022
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss