Rapport Speċjali
Nru27 2018

Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija: appoġġ utli, iżda jeħtieġ li jsir titjib biex jinkiseb aktar valur għall-flus

Dwar ir-rapport Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija hija r-rispons tal-UE għall-appell tal-Kunsill Ewropew biex jingħata finanzjament addizzjonali sinifikanti għall-appoġġ tar-refuġjati fit-Turkija. Hija mekkaniżmu għall-koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-għajnuna mill-UE u mill-Istati Membri tagħha. L-awditu tagħna eżamina jekk il-Faċilità appoġġatx b’mod effettiv lir-refuġjati fit-Turkija billi ffoka fuq il-ġestjoni tal-Faċilità, u fuq ir-riżultati li nkisbu sa issa taħt il-komponent umanitarju tagħha. Aħna sibna li, f’kuntest diffikultuż, il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija mmobilizzat EUR 3 biljun fi żmien qasir biex tipprovdi rispons rapidu għall-kriżi tar-refuġjati. Minkejja dan, hija ma laħqitx għalkollox l-objettiv tagħha li tikkoordina dan ir-rispons b’mod effettiv. Il-proġetti awditjati pprovdew appoġġ utli lir-refuġjati; il-biċċa l-kbira minnhom kisbu l-outputs tagħhom, iżda nofshom għadhom ma kisbux l-eżiti mistennija minnhom. Barra minn hekk, aħna identifikajna li hemm lok għal żieda fl-effiċjenza tal-proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti. Għalhekk, aħna nikkonkludu li l-Faċilità setgħet tkun aktar effettiva, u li setgħet tikseb aktar valur għall-flus.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija hija r-rispons tal-UE għall-appell tal-Kunsill Ewropew biex jingħata finanzjament addizzjonali sinifikanti għall-appoġġ tar-refuġjati fit-Turkija. Hija mekkaniżmu għall-koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 3 biljun mill-UE u mill-Istati Membri tagħha. L-appoġġ ikopri attivitajiet umanitarji u dawk mhux umanitarji, b’allokazzjoni finanzjarja ta’ EUR 1.4 biljun u EUR 1.6 biljun rispettivament. Il-Faċilità għandha l-għan li ssaħħaħ l-effiċjenza u l-komplementarjetà tal-appoġġ li jingħata lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija.

II

L-awditu tagħna eżamina jekk il-Faċilità appoġġatx b’mod effettiv lir-refuġjati fit-Turkija. Aħna ffukajna fuq il-ġestjoni tal-ewwel segment tal-Faċilità u fuq ir-riżultati li nkisbu sa issa taħt il-komponent umanitarju tagħha.

III

Aħna sibna li, f’kuntest diffikultuż, il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija mmobilizzat EUR 3 biljun fi żmien qasir mill-baġit tal-UE u mill-Istati Membri tal-UE biex tipprovdi rispons rapidu għall-kriżi tar-refuġjati. Minkejja dan, hija ma laħqitx għalkollox l-objettiv tagħha li tikkoordina dan ir-rispons b’mod effettiv. Il-proġetti awditjati pprovdew appoġġ utli lir-refuġjati; il-biċċa l-kbira minnhom kisbu l-outputs tagħhom, iżda nofshom għadhom ma kisbux l-eżiti mistennija minnhom. Barra minn hekk, aħna identifikajna li hemm lok għal żieda fl-effiċjenza tal-proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti. Għalhekk, aħna nikkonkludu li l-Faċilità setgħet tkun aktar effettiva, u li setgħet tikseb aktar valur għall-flus.

IV

Il-Kummissjoni identifikat il-ħtiġijiet ta’ prijorità tar-refuġjati bbażat fuq valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ qbil bejn it-Turkija u l-UE dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ prijorità fir-rigward ta’ infrastruttura muniċipali u appoġġ soċjoekonomiku, dawn l-oqsma mhumiex koperti biżżejjed.

V

Il-Faċilità appoġġat tip simili ta’ attivitajiet fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni permezz ta’ strumenti differenti. Dan għamel il-koordinazzjoni aktar kumplessa u rriżulta fl-użu parallel ta’ strutturi differenti ta’ ġestjoni għall-finanzjament ta’ proġetti simili.

VI

Għalkemm aħna identifikajna xi eżempji tajbin fis-settur tas-saħħa, fejn il-Kummissjoni appoġġat it-tranżizzjoni minn għajnuna umanitarja għal assistenza għall-iżvilupp aktar durabbli, din il-komplementarjetà ma nkisbitx sistematikament.

VII

Aħna sibna wkoll li hemm lok għal titjib fl-effiċjenza tal-proġetti umanitarji ffinanzjati mill-Faċilità. L-ewwel nett, meta kienet qed teżamina l-proposti għal proġetti, il-Kummissjoni ma vvalutatx ir-raġonevolezza tal-ispejjeż ibbaġitjati b’mod konsistenti u komprensiv. It-tieni nett, anke jekk kienu konformi mal-qafas legali, l-ispejjeż indiretti li tħallsu lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar ta’ assistenza fi flus kontanti kienu għoljin, u l-livell ta’ pagamenti bil-quddiem ma kienx allinjat mal-ħruġ reali ta’ flus għall-proġetti.

VIII

Il-Kummissjoni stabbiliet miżuri xierqa biex timmonitorja l-proġetti umanitarji. Il-limitazzjoni prinċipali kienet ir-rifjut, mill-awtoritajiet Torok, li jingħata aċċess għad-data dwar il-benefiċjarji għaż-żewġ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti. Fil-fatt, la l-Kummissjoni u lanqas il-QEA ma setgħu jittraċċaw il-benefiċjarji tal-proġetti mir-reġistrazzjoni tagħhom sal-pagament.

IX

Il-qafas tar-riżultati tal-Faċilità, li jirrapporta dwar ir-riżultati kkonsolidati, kien għadu qed jiġi żviluppat: kienu għadhom ma ġewx ikkompletati linji bażi, stadji importanti jew miri kkwantifikati għall-indikaturi ta’ livell għoli. Ir-rappurtar pubbliku kien limitat u ma kopriex it-totalità tal-assistenza mogħtija mill-UE lir-refuġjati fit-Turkija.

X

Il-proġetti umanitarji awditjati kollha għenu lir-refuġjati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, prinċipalment permezz tal-assistenza fi flus kontanti. Il-maġġoranza wasslu l-outputs intenzjonati kollha tagħhom jew inkella l-biċċa l-kbira minnhom. Madankollu, nofshom għadhom ma kisbux l-eżiti mistennija u 9 minn 10 kellhom jiġu estiżi. L-ambjent operazzjonali diffikultuż kien il-fattur prinċipali li xekkel l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti mmaniġġjati mill-INGOs.

XI

Ir-rapport jistipula sitt rakkomandazzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-effiċjenza u l-effettività tat-tieni segment tal-baġit tal-Faċilità. Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tindirizza aħjar il-ħtiġijiet tar-refuġjati f’dak li jirrigwarda infrastruttura muniċipali u appoġġ soċjoekonomiku;
  • ittejjeb ir-razzjonalizzazzjoni u l-komplementarjetà tal-assistenza;
  • timplimenta strateġija għat-tranżizzjoni minn assistenza umanitarja għal assitenza għall-iżvilupp;
  • ittejjeb l-effiċjenza ta’ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti;
  • tindirizza, flimkien mal-awtoritajiet Torok, il-ħtieġa li jsir titjib fl-ambjent operazzjonali għall-(I)NGOs; u
  • tintensifika l-monitoraġġ u r-rappurtar tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija.

Introduzzjoni

01

It-Turkija u l-UE ilhom marbuta flimkien mill-1963 permezz ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. F’Diċembru 1999, il-Kunsill Ewropew ta lit-Turkija l-istatus ta’ pajjiż kandidat biex isir membru tal-UE u fl-2005 nfetħu n-negozjati tal-adeżjoni. B’allokazzjoni ta’ aktar minn EUR 9 biljun għall-perjodu 2007-20201, it-Turkija hija definittivament l-akbar benefiċjarju tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), li l-UE tuża biex tħejji lil pajjiżi kandidati għas-sħubija mal-UE.

02

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, it-Turkija hija pajjiż kemm ta’ akkoljenza kif ukoll ta’ tranżitu għal ħafna refuġjati. Minħabba ż-żieda fil-flussi migratorji, prinċipalment kawża tal-kunflitt fis-Sirja, it-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta’ refuġjati fid-dinja: kważi 4 miljun persuna2. Dan jinkludi madwar 3.5 miljun Sirjan, li minnhom madwar 94 % qed jgħixu barra mill-kampijiet ta’ refuġjati3. Minn meta bdiet il-kriżi, it-Turkija pprovdiet appoġġ sinifikanti u kontinwat lir-refuġjati.

Mappa 1

Ripartizzjoni tar-refuġjati u l-applikanti għall-ażil, skont il-provinċja, fit-Turkija - is-sitwazzjoni f’Ġunju 2018

Sors: l-UNHCR.

03

Il-kriżi tar-refuġjati Sirjani ma affettwatx lit-Turkija biss, iżda affettwat ukoll lill-Istati Membri tal-UE. Fl-2015 biss, madwar 850 000 refuġjat qasmu l-Mediterran mit-Turkija għall-Greċja4 u fittxew l-ażil fil-pajjiżi tal-UE. Wara l-adozzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni f’Mejju 2015, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu bosta miżuri biex jindirizzaw l-isfidi identifikati.

04

Fil-15 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni pproponiet Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija (PAK) biex it-Turkija tingħata assistenza fil-ġestjoni tal-kriżi tal-migrazzjoni. Il-PAK jidentifika miżuri li jridu jiġu implimentati mill-UE u mit-Turkija, bl-għan li (a) jingħata appoġġ lis-Sirjani taħt protezzjoni temporanja (SuTP) u lill-komunitajiet Torok li jospitawhom u (b) titjieb il-kooperazzjoni bl-għan li jiġu evitati flussi migratorji irregolari lejn l-UE.

05

L-ewwel azzjoni li riedet tittieħed mill-UE taħt il-PAK kienet il-mobilizzazzjoni ta’ ammont sostanzjali ta’ fondi biex it-Turkija tingħata għajnuna biex tiffaċċja l-isfida rrappreżentata mill-preżenza ta’ Sirjani taħt protezzjoni temporanja5. Dawn il-fondi kellhom jiġu mmobilizzati bl-aktar mod flessibbli u rapidu possibbli. B’rispons għal dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni stabbiliet il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija.

Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

06

Il-Faċilità hija mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li għandha l-għan li tassisti lit-Turkija biex “tindirizza minnufih il-ħtiġijiet umanitarji u ta’ żvilupp tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti tagħhom, kif ukoll biex l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jiġġestixxu u jindirizzaw il-konsegwenzi tad-dħul ta’ refuġjati.” L-objettivi tagħha huma li tikkoordina u tirrazzjonalizza l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u l-kontribuzzjonijiet bilaterali mill-Istati Membri tal-UE, u li ssaħħaħ l-effiċjenza u l-komplementarjetà tal-appoġġ mogħti lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija6. Il-Faċilità hija għodda innovattiva ta’ raggruppament li hija differenti mill-mekkaniżmi ta’ raggruppament l-oħra li jintużaw fl-UE, bħall-Fondi Fiduċjarji tal-UE7 (ara t-Tabella 1).

Tabella 1

Karatteristiċi ewlenin tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija meta mqabbla mal-Fondi Fiduċjarji tal-UE

  Faċilità Fondi Fiduċjarji tal-UE
Fi ħdan il-baġit tal-UE X
Mekkaniżmu ta’ raggruppament X X
Kontribuzzjonijiet fissi mid-donaturi X
Miftuħa għal donaturi mhux mill-UE X
Inkarigata mill-għażla tal-proġetti X
Qafas tar-riżultati speċifiku X X
Kontijiet annwali speċifiċi X

Sors: il-QEA.

07

Din il-Faċilità ġiet stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2016, u għandha baġit ta’ EUR 3 biljun li kellu jintuża fl-2016 u fl-20178. Minn dan l-ammont, EUR 1 biljun huwa ffinanzjat mill-baġit tal-UE u EUR 2 biljun mill-Istati Membri tal-UE9 (l-Anness I juri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali favur il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija). L-appoġġ mogħti jkopri attivitajiet umanitarji u dawk mhux umanitarji, b’allokazzjoni finanzjarja ta’ EUR 1.4 biljun u EUR 1.6 biljun rispettivament. Il-Faċilità tikkoordina l-finanzjament mid-diversi strumenti eżistenti (ara t-Tabella 2).

Tabella 2

Sorsi tal-fondi tal-Faċilità

Strumenti ta’ finanzjament (f’miljun EUR) Linja baġitarja tal-UE Baġit tal-UE (a) Kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri (b) Baġit totali taħt il-Faċilità (a+b)
Għajnuna umanitarja (1) 23 02 01 310 1 090 1 400
Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni 22 02 03 650 910 1 560
Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp 21 02 20 20
Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi 19 02 01 20 20
Subtotal tal-Għajnuna mhux umanitarja (2) 690 910 1 600
TOTAL (1+2) 1 000 2 000 3 000

Sors: “L-ewwel rapport annwali dwar il-Faċilità għar-refuġjati fit-Turkija”, tal-Kummissjoni Ewropea.

08

L-assistenza tiffoka fuq sitt oqsma ta’ prijorità: (1) assistenza umanitarja, (2) ġestjoni tal-migrazzjoni, (3) edukazzjoni, (4) saħħa, (5) infrastruttura muniċipali u (6) appoġġ soċjoekonomiku10. Il-proġetti li huma ffinanzjati mill-Faċilità jintgħażlu u jiġu implimentati permezz tal-istrumenti sottostanti (ara t-Tabella 2), u għalhekk, f’konformità mar-regoli u r-rekwiżiti applikabbli tagħhom11. Dan jinkludi implimentazzjoni permezz tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana – l-“EUTF Madad”12. L-Anness II juri f’aktar dettall kif din il-faċilità taħdem.

09

Fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija datata t-18 ta’ Marzu 201613, il-Membri tal-Kunsill Ewropew u t-Turkija kkonfermaw l-impenn tagħhom li jimplimentaw il-PAK u li jtemmu l-migrazzjoni irregolari mit-Turkija għall-Greċja14. F’din l-okkażjoni, huma qablu wkoll li finanzjament addizzjonali ta’ EUR 3 biljun jista’ jiżdied mal-baġit tal-Faċilità qabel tmiem l-2018. Fit-28 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew qabel li jirrilaxxa t-tieni segment tal-baġit tal-Faċilità.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità

10

Il-Faċilità hija rregolata minn Kumitat ta’ Tmexxija, li huwa ppresedut mill-Kummissjoni, u jinkludi rappreżentanti mill-Istati Membri kollha tal-UE. Rappreżentanti mit-Turkija jattendu għal-laqgħat tiegħu f’funzjoni konsultattiva u jipparteċipaw fid-diskussjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-appoġġ. Ir-rwol tal-Kumitat ta’ Tmexxija huwa li jipprovdi gwida strateġika. Dan jinvolvi “l-istipular tal-prijoritajiet ġenerali, it-tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati, l-istrumenti li għandhom jintużaw […] u l-koordinazzjoni [tal-azzjonijiet]” iffinanzjati taħt il-Faċilità15. Huwa inkarigat ukoll mill-monitoraġġ u mill-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet.

11

Il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà aħħarija għall-ġestjoni tal-azzjonijiet. Id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (id-DĠ NEAR), flimkien mad-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija, huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati permezz tal-IPA, filwaqt li d-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (id-DĠ ECHO) huwa responsabbli għall-komponent umanitarju. Il-Kummissjoni hija inkarigata wkoll mill-proġetti implimentati permezz tal-EUTF Madad.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

12

L-objettiv tagħna kien li nivvalutaw il-ġestjoni tal-Faċilità u r-riżultati li nkisbu sa issa. L-awditu kopra l-perjodu mill-istabbiliment tal-Faċilità sal-31 ta’ Marzu 2018. Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet: “Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija qiegħda tappoġġa b’mod effettiv lir-refuġjati fit-Turkija?”. Din il-mistoqsija nqasmet f’żewġ sottomistoqsijiet.

  1. L-istabbiliment u l-funzjonament tal-Faċilità bħala mekkaniżmu kkontribwew għall-għoti ta’ appoġġ rilevanti, rapidu u kkoordinat sew?

    Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni identifikatx il-ħtiġijiet ta’ prijorità tar-refuġjati u jekk indirizzathomx b’mod rapidu u kkoordinat.

  2. Il-proġetti umanitarji ffinanzjati mill-Faċilità kisbu r-riżultati mistennija minnhom?

    Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-riżultati miksuba minn kampjun ta’ proġetti appoġġati mill-Faċilità. Minħabba li l-biċċa l-kbira mill-proġetti mhux umanitarji kienu għadhom mhumiex fi stadju ta’ implimentazzjoni avvanzat biżżejjed fiż-żmien meta sar l-awditu16, aħna ffukajna din il-parti tal-analiżi tagħna fuq il-proġetti umanitarji.

13

Aħna awditjajna kampjun ta’ 10 proġetti umanitarji li jammontaw għal EUR 458 miljun (ara l-Anness III A). Aħna għażilna l-kampjun b’tali mod li jkollna kopertura bbilanċjata ta’ proġetti f’termini ta’ importanza finanzjarja, setturi (ħtiġijiet bażiċi, protezzjoni, saħħa, edukazzjoni) u tip ta’ sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni (aġenziji tan-NU, INGOs). Il-kampjun intgħażel minn total ta’ 45 kuntratt umanitarju, u jirrappreżenta 33 % tal-ammont totali tal-assistenza umanitarja kkuntrattata.

14

L-awditu kien jinkludi analiżijiet dokumentarji u intervisti mad-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni, mad-Delegazzjoni tal-UE u l-uffiċċji tal-ECHO fit-Turkija, ma’ xi rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità, mal-awtoritjiet Torok, ma’ korpi internazzjonali u organizzazzjonijiet nongovernattivi kif ukoll mal-benefiċjarji finali17. Aħna żorna 8 mill-10 proġetti fil-kampjun tagħna matul żjara fit-Turkija f’Jannar 201818.

15

Il-Ministeru Tork għall-Familja u għall-Politiki Soċjali (MoFSP) ma taniex aċċess għad-database tiegħu ta’ benefiċjarji eliġibbli għall-proġetti awditjati ta’ trasferimenti fi flus kontanti (is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN) u t-Trasferiment Kundizzjonali ta’ Flus Kontanti għall-Edukazzjoni (CCTE)). B’riżultat ta’ dan, aħna ma stajniex nittraċċaw il-benefiċjarji finali mir-reġistrazzjoni tagħhom sal-pagament. Aktar dettalji jingħataw fil-paragrafu 53.

Osservazzjonijiet

Il-Faċilità ppermettiet li l-appoġġ rilevanti jiġi mobilizzat b’mod rapidu, iżda ma kinitx għalkollox effettiva bħala mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni

16

Aħna vvalutajna jekk:

  1. Il-Faċilità identifikatx u indirizzatx il-ħtiġijiet prinċipali tar-refuġjati permezz ta’ valutazzjoni komprensiva u rigoruża tal-ħtiġijiet;
  2. L-arranġamenti amministrattivi tal-Faċilità ppermettewx li l-assistenza ta’ EUR 3 biljun tiġi kkuntrattata b’mod rapidu, jiġifieri matul il-perjodu 2016-2017, kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Faċilità; u
  3. Il-Faċilità kkoordinatx l-assistenza b’mod effettiv. B’mod partikolari, aħna eżaminajna jekk il-proċeduri stabbiliti għall-għażla u l-approvazzjoni tal-azzjonijiet irrazzjonalizzawx l-assistenza u żgurawx il-komplementarjetà bejn: i) l-istrumenti differenti ta’ nfiq tal-UE li ntużaw, u ii) l-appoġġ umanitarju u dak mhux umanitarju.

Il-Faċilità indirizzat il-ħtiġijiet prinċipali tar-refuġjati b’mod xieraq, minbarra dawk il-ħtiġijiet relatati mal-infrastruttura muniċipali u l-appoġġ soċjoekonomiku

17

L-allokazzjoni ta’ finanzjament ta’ EUR 3 biljun kienet ir-riżultat ta’ deċiżjoni politika li dwarha ntlaħaq qbil bejn l-Istati Membri tal-UE u t-Turkija. Dan l-ammont kien jirrappreżenta żieda sinifikanti fl-ammont kumplessiv ta’ assistenza li l-UE kienet qed tagħti lit-Turkija. Madankollu, ma kienx intenzjonat li jkopri l-ispiża kollha tal-appoġġ għar-refuġjati19.

Valutazzjoni tal-ħtiġijiet b’ċerti limitazzjonijiet
18

Il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija (ara l-paragrafu 4) kien jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE u t-Turkija jwettqu, b’mod konġunt, valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet qabel ma jiżborżaw il-baġit ta’ EUR 3 biljun20. Għalkemm l-awtoritajiet Torok kienu involuti fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet, huma ma approvawx l-eżerċizzju uffiċjalment.

19

Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ġiet iffinalizzata f’Ġunju 2016. Din kienet komprensiva, billi kienet tinkludi valutazzjoni kemm tal-ħtiġijiet umanitarji kif ukoll tal-ħtiġijiet tal-iżvilupp, u pprovdiet informazzjoni rilevanti dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Sirjani, filwaqt li identifikat nuqqasijiet li kellhom jiġu indirizzati b’kont meħud tal-assistenza fil-passat, dik li kienet qed tingħata, u dik ippjanata għal Sirjani taħt protezzjoni temporanja (SuTP) fit-Turkija. Madankollu, din il-valutazzjoni ma kinitx rigoruża biżżejjed:

  1. Il-biċċa l-kbira mid-data numerika (eż. l-istatistika settorjali) fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ġiet ipprovduta mill-awtoritajiet Torok. Il-konsulenti li wettqu l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ma setgħux jaċċessaw id-data primarja. Għalhekk, huma ma setgħux jivvalidaw l-ispiża stmata tal-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti.
  2. Kien hemm nuqqas ta’ informazzjoni demografika aġġornata b’ripartizzjoni skont is-sess, il-grupp ta’ età u l-post, kif ukoll nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet (unitajiet domestiċi mmexxija minn nisa, tfal, anzjani, eċċ.). Il-konsulenti ddeskrivew dan bħala tfixkil serju għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u għat-tfassil ta’ programmi u ta’ interventi. Pereżempju, fis-settur tal-appoġġ soċjali u l-koeżjoni, il-valutazzjoni l-aktar reċenti tal-vulnerabbiltà fil-livell nazzjonali saret fl-2013.
  3. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kienet immirata lejn l-SuTP u ma indirizzatx il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni ta’ refuġjati mhux Sirjani (prinċipalment Afgani u Iraqin). Il-maġġoranza kbira tar-refuġjati fit-Turkija huma SuTP (ara l-paragrafu 2); għalhekk, l-SuTP kienu l-grupp primarju fil-mira appoġġat taħt il-Faċilità. Madankollu, dan ma kienx konformi mal-għan iddikjarat tal-Faċilità, jiġifieri li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-refuġjati kollha.
20

L-oqsma ta’ prijorità tal-Faċilità (ara l-paragrafu 8) kienu fil-biċċa l-kbira allinjati mal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet. L-unika eċċezzjoni kienet il-“ġestjoni tal-migrazzjoni” li l-Kumitat ta’ Tmexxija għażel bħala qasam ta’ prijorità għalkemm din ma kinitx inkluża fl-ambitu tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet. Meta jitqies li l-objettiv prinċipali tal-Faċilità kien li tappoġġa lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti, u li l-ġestjoni tal-migrazzjoni fit-Turkija diġà kienet ġiet allokata appoġġ ta’ madwar EUR 350 miljun taħt l-IPA (barra mill-Faċilità), ir-raġunijiet għalfejn din ġiet identifikata bħala qasam ta’ prijorità huma dubjużi. Fil-fatt, wara li ffinanzja żewġ proġetti relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-Kumitat ta’ Tmexxija ddeċieda li ma jallokax aktar flus għal dan il-qasam.

21

L-oqsma ta’ prijorità ġew iddefiniti b’mod wiesa’ biex tiġi żgurata l-flessibbiltà neċessarja f’kuntest diffiċli u li kien qed jinbidel rapidament. Il-proġetti individwali kienu mmirati li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tar-refuġjati. Aħna analizzajna r-raġunament għall-għażla tal-10 proġetti awditjati u sibna li dan kien tabilħaqq il-każ għalihom kollha (ara l-Anness III B) għad-dettalji). Meta jippreżenta proposta għal finanzjament, is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ta’ proġetti umanitarji jrid jiddeskrivi l-problemi, il-ħtiġijiet u r-riskji identifikati u kif ir-rispons propost huwa adegwat u konsistenti mal-istrateġija umanitarja kumplessiva tal-Kummissjoni fit-Turkija. Il-Kaxxa 1 turi kif l-akbar proġett umanitarju tal-UE ffinanzjat mill-Faċilità indirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati.

Kaxxa 1

L-ESSN: proġett innovattiv maħsub biex jindirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati

Is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN) hija l-akbar proġett umanitarju li qatt ġie ffinanzjat mill-UE, immirat lejn l-għoti ta’ assistenza lil 1.3 miljun refuġjat. Il-proġett qed jiġi implimentat f’żewġ fażijiet li jkopru l-perjodi mill-2016 sal-2018 u mill-2018 sal-2019, b’baġit ta’ EUR 348 miljun u EUR 650 miljun rispettivament. L-ESSN tindirizza l-ħtiġijiet bażiċi (ikel, oġġetti mhux alimentari u servizzi) billi jipprovdi assistenza fi flus kontanti. Il-proġett huwa implimentat madwar it-Turkija kollha minn aġenzija tan-NU f’kollaborazzjoni ma’ sieħeb lokali inkarigat mill-implimentazzjoni u mal-awtoritajiet Torok. Huwa innovattiv minħabba li huwa proġett ibridu ta’ assistenza umanitarja inkorporat fis-sistema nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali.

Fi snin reċenti, minkejja r-riskju perċepit tal-użu skorrett tal-fondi, kien hemm kunsens dejjem akbar fost il-partijiet ikkonċernati fil-qasam umanitarju li l-assistenza fi flus kontanti kellha bosta vantaġġi21. Dan kien rifless fis-Summit Umanitarju Dinji f’Ġunju 2016, fejn ġew promossi t-trasferimenti fi flus kontanti, f’każijiet fejn dan ikun xieraq.

Il-proġett huwa mmirat lejn refuġjati li jgħixu barra mill-kampijiet, b’opportunitajiet limitati biex jidħlu fis-suq tax-xogħol nazzjonali. Huwa jipprovdi sors stabbli u prevedibbli ta’ introjtu biex ikopri l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, prinċipalment l-akkomodazzjoni u l-ikel. Fil-prattika, kull xahar ir-refuġjati jirċievu somma fissa (madwar EUR 30 għal kull persuna). Huma jużaw karta ta’ debitu biex jiġbdu l-flus kontanti minn ATMs jew biex iħallsu fil-ħwienet.

Żewġ oqsma ta’ prijorità ma kinux appoġġati biżżejjed
22

Il-Faċilità ffukat l-infiq tagħha fuq l-oqsma ta’ prijorità tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-assistenza umanitarja (prinċipalment l-ESSN). Dawn l-oqsma rrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 90 % tal-ammont totali kkuntrattat (ara l-Figura 1).

Figura 1

Proporzjon tal-assistenza allokata taħt il-Faċilità għal kull qasam ta’ prijorità (ibbażat fuq ammonti kkuntrattati)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

23

Huwa diffiċli li jiġi ddeterminat jekk din id-distribuzzjoni tal-finanzjament hijiex proporzjonali għall-iskala tal-ħtiġijiet fl-oqsma ta’ prijorità, minħabba li l-Kumitat ta’ Tmexxija ma ssettjax allokazzjonijiet indikattivi minn qabel għal kull qasam ta’ prijorità. Għalkemm dan iżid il-flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-fondi, ma jippermettix li titwettaq valutazzjoni tad-differenzi bejn l-infiq ippjanat u dak reali għal kull qasam ta’ prijorità.

24

Aħna sibna li l-oqsma ta’ prijorità “infrastruttura muniċipali” u “appoġġ soċjoekonomiku” ma ġewx indirizzat biżżejjed. Kif jidher fil-Kaxxa 2, ir-raġuni prinċipali kienet li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Torok ma qablux dwar kif kellhom jindirizzawhom.

Kaxxa 2

Diffikultajiet fil-programmazzjoni tal-oqsma ta’ prijorità “infrastruttura muniċipali” u “appoġġ soċjoekonomiku”

Infrastruttura muniċipali

F’Lulju 2016, il-Kummissjoni allokat EUR 200 miljun biex tindirizza l-ħtiġijiet assoċjati mal-infrastruttura muniċipali. Ir-riżultati mistennija kienu żiedu fil-kapaċità fl-oqsma tal-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi, kif ukoll tal-ġbir ta’ skart solidu. Żewġ sħab, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), intgħażlu biex jimplimentaw l-azzjonijiet relatati fuq il-post. Il-BERŻ xtaq jagħmel l-intervent tiegħu kontinġenti fuq l-inklużjoni ta’ komponent ta’ self fl-appoġġ mogħti minnu; din il-kundizzjoni ma ġietx aċċettata mill-awtoritajiet Torok. Wara negozjati estensivi, il-BERŻ kellu jiġi sostitwit mill-Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW). Eventwalment, kemm il-BEI kif ukoll il-KfW kienu obbligati li jikkanċellaw il-proġetti tagħhom minħabba li l-istituzzjonijiet u l-muniċipalitajiet lokali ma ppreżentawx proġetti adegwati u maturi biżżejjed. B’riżultat ta’ dan, il-qasam ta’ prijorità “infrastruttura muniċipali” ma ġiex indirizzat mill-Faċilità22. Il-fondi allokati għal dan il-qasam ta’ prijorità ġew trasferiti għall-qasam ta’ prijorità “edukazzjoni” fi tmiem l-2017.

Appoġġ soċjoekonomiku (aċċess għas-suq tax-xogħol, taħriġ vokazzjonali u inklużjoni soċjali)

Il-Kummissjoni kkonkludiet kuntratti b’valur totali ta’ EUR 215-il miljun taħt il-qasam ta’ prijorità “appoġġ soċjoekonomiku”, il-biċċa l-kbira minnhom (68 %) f’Diċembru 2017, fi tmiem il-perjodu ta’ kkuntrattar. Il-konklużjoni tal-kuntratti f’dan il-qasam iddewmet minħabba li inizjalment ma kinitx prijorità għall-awtoritajiet Torok u minħabba li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-komponenti ta’ kreditu inklużi fil-proġetti. Madankollu, minħabba li l-kriżi baqgħet ittawwal, il-biċċa l-kbira mill-partijiet ikkonċernati li ltqajna magħhom kienu tal-fehma li għandu jiġi allokat aktar finanzjament għal dan il-qasam biex tiġi żviluppata r-reżiljenza tar-refuġjati, u biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ekonomija u fis-soċjetà.

Il-Faċilità laħqet l-objettiv tagħha li tikkuntratta EUR 3 biljun f’sentejn

25

Id-deċiżjoni li tiġi stabbilita “Faċilità rriflettiet il-ħtieġa li jiġu mmobilizzati fondi addizzjonali. Benefiċċju ewlieni tal-Faċilità kien li l-Istati Membri qablu23 dwar il-kontribuzzjoni tagħhom ta’ EUR 2 biljun fi Frar 2016, immedjatament wara l-istabbiliment tal-Faċilità. Dan ipprovda l-bażi għall-użu rapidu tal-fondi, ibbażat fuq ammont ibbaġitjat predefinit.

26

Il-qafas legali u amministrattiv tal-Faċilità ġie stabbilit relattivament malajr ukoll. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE qablu dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Faċilità matul l-ewwel laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija fis-17 ta’ Frar 2016. Dan fisser li l-Faċilità saret operazzjonali inqas minn tliet xhur wara s-Summit UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015. L-Anness V jippreżenta d-dati u l-avvenimenti ewlenin li huma assoċjati mal-istabbiliment u mal-governanza tal-Faċilità.

27

Il-fondi tal-Faċilità ġew żborżati bl-użu ta’ diversi strumenti eżistenti (ara l-paragrafu 8) u minn diversi sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Dan ippermetta li l-Faċilità tassorbi malajr iż-żieda sinifikanti fil-fondi tal-UE allokati għat-Turkija u li jiġu kkuntrattati EUR 3 biljun f’sentejn. Kif jidher fil-Figura 2, iż-żieda fil-finanzjament kienet partikolarment għolja għall-assistenza umanitarja.

Figura 2

Żieda fl-assistenza umanitarja tal-UE fit-Turkija għall-2015-2017 (ibbażat fuq l-assistenza umanitarja tal-UE bbaġitjata għal kriżijiet ikkawżati mill-bniedem)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

28

Minbarra l-istabbiliment rapidu tal-Faċilità u r-raggruppament effettiv tal-finanzjament, l-għażla ta’ mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, kif deskritt hawn taħt, kienet fattur ewlieni li ppermetta lill-Faċilità tilħaq l-objettiv tagħha li twassal l-assistenza b’mod rapidu.

  1. Il-Kummissjoni qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet Torok tliet għotjiet diretti b’valur totali ta’ EUR 660 miljun, għal proġetti fuq skala kbira taħt il-komponent mhux umanitarju, mingħajr ma niedet sejħiet għal proposti. Fit-Turkija, għotjiet diretti mill-UE ġeneralment jintużaw għal proġetti ħafna iżgħar, b’valur medju ta’ EUR 1 miljun.
  2. Mill-baġit ta’ EUR 3 biljun, 70 % ġew allokati lil organizzazzjonijiet tan-NU u lil istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (ara l-Anness II). Dan ikkontribwixxa għal żieda fil-kapaċità ta’ assorbiment, peress li organizzazzjonijiet ta’ dan it-tip normalment ikollhom il-mezzi biex jimplimentaw proġetti kbar; pereżempju, il-proġett ta’ assistenza fi flus kontanti bi skop multiplu, l-ESSN, li ġie implimentat bħala l-vettura prinċipali għall-forniment ta’ assistenza umanitarja, b’finanzjament ta’ EUR 998 miljun (ara l-Kaxxa 1).
29

Mhux dejjem ikun possibbli li l-karatteristiki deskritti fil-paragrafi 25 sa 28 jiġu kkombinati fil-każ ta’ strumenti oħra jew ta’ Fondi Fiduċjarji tal-UE barra mill-Faċilità. Dan jispjega għalfejn il-fondi tal-IPA li ġew allokati taħt il-Faċilità ġew ikkuntrattati sa ħames darbiet aktar malajr mill-assistenza tradizzjonali taħt l-IPA fit-Turkija. Kif jidher fl-Anness VI, ir-rapidità li biha l-kuntratti tal-Faċilità ġew konklużi kienet saħansitra akbar milli fil-każ tal-Fondi Fiduċjarji tal-UE.

Il-Faċilità kkontribwiet għal koordinazzjoni msaħħa, iżda r-razzjonalizzazzjoni u l-komplementarjetà tal-assistenza ma nkisbux sistematikament

30

Aħna eżaminajna jekk il-Faċilità kkoordinatx u rrazzjonalizzatx l-assistenza mogħtija taħt strumenti differenti biex jitnaqqas ir-riskju ta’ ineffiċjenzi (eż. trikkib ta’ proġetti) u jekk saħħitx il-komplementarjetà tal-appoġġ, bl-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni minn assistenza umanitarja għal assistenza mhux umanitarja.

31

Aħna sibna li l-Kummissjoni kkoordinat id-direzzjoni strateġika tal-Faċilità permezz ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet, struttura ta’ governanza (il-Kumitat ta’ Tmexxija) u qafas tar-riżultati komuni li jkopru kemm l-appoġġ umanitarju kif ukoll l-appoġġ mhux umanitarju. Dan ippermetta l-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ dipartimenti prinċipali tal-Kummissjoni li kienu responsabbli (id-DĠ NEAR u d-DĠ ECHO) u l-EUTF Madad.

32

Madankollu, il-Kummissjoni ma stabbilietx linji ta’ demarkazzjoni ċari bejn l-istrumenti u s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. F’xi każijiet, aħna sibna li l-istrumenti ta’ finanzjament użati mill-Faċilità appoġġaw attivitajiet simili ħafna fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Dan kien jimplika l-użu ta’ strutturi ta’ ġestjoni paralleli għall-finanzjament ta’ attivitajiet simili, u kien jeħtieġ sforzi ta’ koordinazzjoni komprensivi mill-Kummissjoni u mis-sħab biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ trikkib. Dan mhuwiex konformi mal-objettiv tal-Faċilità li tirrazzjonalizza l-assistenza mill-UE. Il-Kaxxa 3 tippreżenta eżempji ta’ kif il-Faċilità ffinanzjat attivitajiet simili taħt strumenti differenti.

Kaxxa 3

Eżempji ta’ attivitajiet simili ffinanzjati taħt strumenti differenti

Edukazzjoni

Fil-qasam tal-edukazzjoni, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni rċevew finanzjament li ġie allokat permezz ta’ tliet strumenti taħt il-Faċilità kif ukoll permezz ta’ finanzjament mill-IPA (barra mill-Faċilità) u tal-kontribuzzjonijiet bilaterali mill-Istati Membri tal-UE. Il-proġett ewlieni tad-DĠ ECHO fl-edukazzjoni (it-Trasferiment Kundizzjonali ta’ Flus Kontanti għall-Edukazzjoni - CCTE) jiffoka fuq l-edukazzjoni formali. Iżda l-EUTF Madad u l-IPA appoġġaw ukoll attivitajiet ta’ edukazzjoni formali u mhux formali, kemm fi ħdan il-Faċilità kif ukoll barra minnha24. Dan irriżulta fi tliet bordijiet differenti għall-għażla tal-proġetti mid-DĠ ECHO, mill-IPA u mill-EUTF Madad, li ħadmu b’mod parallel biex japprovaw proġetti simili. Barra minn hekk, donaturi oħra fit-Turkija appoġġaw is-settur tal-edukazzjoni wkoll, li kkomplika l-koordinazzjoni. L-Anness VII juri l-kumplessità tal-attivitajiet ta’ edukazzjoni li ġew iffinanzjati permezz tal-Faċilità u barra minnha.

Protezzjoni

  • Proġett ippreżentat għall-finanzjament taħt il-qasam ta’ prijorità Umanitarju f’Ġunju 2016, b’valur ta’ EUR 40 miljun, ġie sospiż u aktar tard ġie rrifjutat peress li l-attivitajiet proposti kienu diġà se jiġu koperti taħt kuntratt iffirmat ma’ sieħeb ieħor taħt l-EUTF Madad. Dak il-kuntratt ġie konkluż fil-31 ta’ Marzu 2017, disa’ xhur wara l-proposta inizjali ppreżentata lid-DĠ ECHO.
  • Attivitajiet iddedikati għal spazji sikuri għan-nisa u l-bniet ġew implimentati b’mod simultanju mill-istess sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni minn żewġ sorsi differenti ta’ finanzjament mill-UE: (i) taħt il-Faċilità permezz tad-DĠ ECHO u (ii) barra mill-Faċilità, bħala sottokuntrattur ta’ proġett tal-IPA ta’ EUR 40 miljun. Fil-prattika, dan kien jinvolvi li kemm id-DĠ ECHO kif ukoll id-Delegazzjoni tal-UE jimmaniġġjaw u jimmonitorjaw l-istess attivitajiet b’mod parallel, għalkemm f’żoni ġeografiċi differenti. Barra minn hekk, f’dan il-każ partikolari, l-attivitajiet iffinanzjati barra mill-Faċilità ma kinux inklużi fil-qafas tar-riżultati tagħha, għalkemm in-natura u l-iskeda ta’ żmien tagħhom huma simili ħafna.
33

Kif ġie osservat aktar ’il quddiem, l-allokazzjoni tal-appoġġ permezz ta’ strumenti differenti ppermettiet li l-Kummissjoni taċċellera l-finanzjament tal-Faċilità (ara l-paragrafu 27). Min-naħa l-oħra, dan żied il-kumplessità tal-ġestjoni, tal-implimentazzjoni u tas-superviżjoni tal-Faċilità fl-intier tagħha. Tabilħaqq, dawn l-istrumenti għandhom mandati u oqfsa legali differenti, mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni differenti, rekwiżiti ta’ rappurtar u ta’ monitoraġġ differenti, u huma mmaniġġjati minn dipartimenti differenti. Barra minn hekk, il-fondi tal-UE li ntnefqu fit-Turkija barra mill-Faċilità appoġġaw ukoll xi wħud mill-istess oqsma ta’ prijorità bħall-Faċilità25. Xi wħud mill-partijiet ikkonċernati li intervistajna matul iż-żjara tagħna fit-Turkija kkonfermaw li din is-sitwazzjoni kienet qed toħloq konfużjoni, notevolment f’termini tar-rwol li kull strument kien mistenni li jkollu.

34

L-objettiv iddikjarat tal-Faċilità, jiġifieri li tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-assistenza, jinkludi r-rabta bejn l-appoġġ umanitarju u l-appoġġ mhux umanitarju. Għalkemm aħna identifikajna xi eżempji tajbin fis-settur tas-saħħa, fejn il-Kummissjoni żgurat li l-għajnuna umanitarja kellha gradwalment tinbidel f’assistenza għall-iżvilupp aktar durabbli, sibna li din il-komplementarjetà ma nkisbitx sistematikament. Pereżempju, il-Kummissjoni ma fasslitx pjanijiet ta’ implimentazzjoni konġunti bejn id-DĠ ECHO u d-DĠ NEAR, u l-Istati Membri tal-UE26, għalkemm dawn il-pjanijiet setgħu jsaħħu kumplessivament il-koerenza u r-razzjonalizzazzjoni tal-assistenza mill-UE. Aħna nqisu li l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni konġunta huma prattika tajba, u l-Kummissjoni użatha meta kienet qed tfassal l-Oqfsa Konġunti għall-Iżvilupp Umanitarju għall-Ġordan u għal-Libanu bl-objettiv li tiżviluppa rispons komprensiv u konġunt27.

35

F’7 mill-10 proġetti umanitarji li awditjajna, aħna ma sibniex evidenza ta’ xi tranżizzjoni jew strateġija ta’ ħruġ maqbula, li permezz tagħhom il-proġetti umanitarji, li suppost ikopru ħtiġijiet ta’ emerġenza, ikunu jistgħu jiġu trasferiti taħt ir-responsabbiltà tal-komponent mhux umanitarju tal-Faċilità, jew taħt ir-responsabbiltà tat-Turkija, f’każ li dawn il-ħtiġijiet jippersistu fuq terminu medju jew fit-tul. F’bosta każijiet, il-proġetti awditjati kienu suġġetti għal azzjonijiet ta’ segwitu, dejjem taħt finanzjament umanitarju u b’perjodu ta’ implimentazzjoni li jmur lil hinn mill-2018. Id-data ta’ skadenza indikattiva ssettjata mid-DĠ ECHO għat-tranżizzjoni tal-assistenza umanitarja kienet għal tmiem l-201828. Aktar tard, din id-data ta’ skadenza ġiet estiża. Il-Kaxxa 4 tipprovdi eżempji ta’ strateġiji ta’ tranżizzjoni, tajbin u dgħajfin, meħuda mill-kampjun ta’ proġetti awditjati.

Kaxxa 4

Eżempji ta’ strateġiji tajbin u strateġiji dgħajfin ta’ tranżizzjoni għall-proġetti

Il-Proġett Nru 4, “Appoġġ lil servizzi tas-saħħa adattati u kulturalment sensittivi favur ir-refuġjati Sirjani”, juri kif il-Kummissjoni użat il-Faċilità biex trawwem sinerġiji bejn id-DĠ ECHO u l-finanzjament mill-IPA biex tiżgura tranżizzjoni mingħajr xkiel minn assistenza umanitarja għal assistenza għall-iżvilupp.

Wara kuntratt inizjali b’valur ta’ EUR 2 miljun, id-DĠ ECHO ipprovda EUR 10 miljun għat-taħriġ ta’ persunal mediku Sirjan (tobba u infirmiera) biex dawn ikunu jistgħu jaħdmu fi ħdan is-sistema tas-saħħa Torka minn Marzu 2017 sa Marzu 2018. Wara din id-data, l-attivitajiet ta’ taħriġ komplew bis-saħħa ta’ finanzjament addizzjonali ta’ EUR 11.5 miljun li ġew allokati permezz tal-EUTF Madad. Wara t-taħriġ, dawn il-persuni ġew assenjati għal ċentru tas-saħħa għall-migranti. Is-salarji tagħhom imbagħad tħallsu mill-Ministeru tas-Saħħa bl-użu ta’ finanzjament minn għotja diretta ta’ EUR 300 miljun taħt il-miżura speċjali tal-IPA.

Il-Proġett Nru 1, is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN, ara l-Kaxxa 1), tfassal fl-2016 biex jibni fuq il-kapaċitajiet nazzjonali eżistenti bl-objettiv li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tiegħu permezz tal-integrazzjoni tar-refuġjati appoġġati mill-ESSN fl-iskemi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali.

Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar it-trasferimenti fi flus kontanti29 jiddikjaraw li jenħtieġ li l-assistenza fi flus kontanti, speċjalment fi kriżi fit-tul, tiġi pprovduta bl-intenzjoni li l-isforzi ta’ żvilupp jew l-interventi tal-gvern fuq perjodu aktar fit-tul [ikunu jistgħu] jieħdu r-responsabbiltà huma, mill-aktar fis possibbli.

Fiż-żmien meta sar l-awditu, ma kienx hemm stabbilita strateġija ta’ ħruġ ċara biex jiġi stipulat min kien se jieħu r-responsabbiltà għall-ESSN wara li jintemm il-finanzjament mill-UE; u d-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin. Għalkemm hija inkorporata fis-sistema nazzjonali ta’ protezzjoni, l-ESSN kienet għadha totalment dipendenti fuq il-finanzjament mill-UE.

L-estensjoni ta’ dan il-proġett fl-2018 ta aktar ħin lill-Kummissjoni biex tinnegozja strateġija ta’ ħruġ. Minkejja dan, tranżizzjoni li tirnexxi fl-aħħar mill-aħħar tiddependi mir-rieda tal-awtoritajiet Torok li jieħdu responsabbiltà għall-proġett u li jallokaw biżżejjed riżorsi biex jiffinanzjawh.

F’kuntest diffikultuż, il-proġetti umanitarji għenu lir-refuġjati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, iżda mhux dejjem wasslu l-valur għall-flus mistenni

36

Aħna vvalutajna l-effiċjenza u l-effettività30 tal-assistenza umanitarja pprovduta taħt il-Faċilità, u b’mod partikolari qisna:

  1. jekk il-Kummissjoni żguratx li l-ispejjeż tal-proġetti ffinanzjati kienu raġonevoli bi tqabbil mar-riżultati mistennija, u jekk il-proġetti ġewx implimentati f’waqthom;
  2. jekk il-Kummissjoni mmonitorjatx l-infiq tal-Faċilità b’mod komprensiv u pproduċietx biżżejjed informazzjoni rilevanti dwar ir-riżultati miksuba; u
  3. jekk il-proġetti umanitarji wasslux l-outputs intenzjonati tagħhom (jiġifieri x’ġie prodott jew xi twettaq), u jekk kisbux l-eżiti mistennija minnhom (jiġifieri l-bidliet li jirriżultaw mill-outputs).
37

Aħna eżaminajna 10 proġetti umanitarji, implimentati taħt ġestjoni indiretta (aġenziji tan-NU) jew diretta (INGOs) (ara l-Anness III A). Minkejja dewmien fl-implimentazzjoni, disa’ proġetti31 li kienu jinsabu għaddejjin kienu avvanzati biżżejjed biex inkunu nistgħu nirrappurtaw dwar l-outputs imwassla u dwar l-eżiti miksuba fiż-żmien meta sar l-awditu.

Hemm il-potenzjal biex titjieb l-effiċjenza tal-proġetti

Il-valutazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-raġonevolezza tal-ispejjeż fiha xi dgħufijiet
38

Fil-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Umanitarja 2016 u 2017 għat-Turkija, il-Kummissjoni ddikjarat li jenħtieġ li l-azzjonijiet appoġġati jkollhom enfasi globali fuq il-kosteffiċjenza u l-kosteffettività. Aħna sibna li meta kienet qed teżamina l-proposti għal proġetti, il-Kummissjoni ma vvalutatx ir-raġonevolezza tal-ispejjeż ibbaġitjati b’mod konsistenti u komprensiv. B’mod partikolari:

  1. il-proporzjon tal-ispejjeż amministrattivi meta mqabbel mal-ispejjeż operazzjonali ma ġiex ivvalutat kif xieraq f’5 minn 10 proġetti;
  2. f’4 minn 10 proġetti, ma sarx kalkolu tal-ispiża għal kull benefiċjarju. Meta sar dan il-kalkolu mhux dejjem wassal għal valutazzjoni ta’ jekk il-proporzjon miksub kienx raġonevoli jew le.
39

Aħna nirrikonoxxu l-fatt li l-ambjenti differenti li fihom il-Kummissjoni taħdem meta tipprovdi assistenza umanitarja jistgħu jagħmluha diffiċli li jintużaw spejjeż standard jew punti ta’ riferiment kwantitattivi. Minkejja dan, aħna nqisu li dawn l-għodod għandhom jintużaw, b’mod partikolari għal proġetti konsekuttivi li jiġu implimentati mill-istess sħab. Għall-ħames proġetti awditjati li kienu f’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx tqabbil bir-reqqa bejn il-proġetti. Il-Kaxxa 5 tipprovdi eżempji fejn il-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni suffiċjenti tar-raġonevolezza tal-ispejjeż.

Kaxxa 5

Eżempji ta’ każijiet fejn il-valutazzjoni tar-raġonevolezza tal-ispejjeż ma kinitx suffiċjenti

Il-Kummissjoni la analizzat u lanqas ma rreferiet għar-raġonevolezza tal-ispejjeż għall-Proġett Nru 4. Għall-Proġett Nru 10, il-Kummissjoni vvalutat li l-proporzjon tal-ispejjeż amministrattivi mqabbla mal-ispejjeż operazzjonali kien aċċettabbli. Madankollu, hija ma ddokumentatx l-analiżi sottostanti li tappoġġa l-valutazzjoni li saret.

Il-Proġett Nru 5 kien proġett ta’ segwitu minn żewġ għotjiet preċedenti li kienu ġew implimentati mill-istess INGO. Inizjalment huwa kellu l-għan li jipprovdi diversi servizzi tas-saħħa fit-Turkija, bħas-saħħa li ssalva l-ħajja, ir-riabilitazzjoni fiżika, is-saħħa mentali, il-kura ta’ vittmi ta’ vjolenza sessista u l-protezzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni kkalkulat li l-ispiża għal kull benefiċjarju kienet ta’ EUR 19.50 meta mqabbla ma’ EUR 10.88 u EUR 105.11 għaż-żewġ għotjiet preċedenti. Anki jekk xi wħud mill-attivitajiet ma kinux identiċi, l-analiżi ma ġietx iddokumentata biżżejjed biex ikun jistgħu jiġu identifikati r-raġunijiet għal din id-differenza, jew biex jiġi ddeterminat jekk din id-differenza kinitx raġonevoli.

40

Għall-proġetti umanitarji implimentati mis-sħab tan-NU, il-Kummissjoni ma kellhiex stampa ġenerali kompleta tal-ispejjeż assoċjati mas-sottokuntrattar lis-sħab (lokali) inkarigati mill-implimentazzjoni. Mingħajr din l-istampa ġenerali, il-Kummissjoni ma tistax tivvaluta r-raġonevolezza tal-ispejjeż b’mod komprensiv.

L-ESSN għandha proporzjon ta’ effiċjenza għoli iżda tista’ tkun aktar effiċjenti
41

L-assistenza fi flus kontanti tippermetti li ssir valutazzjoni aħjar tal-kosteffiċjenza, peress li huwa aktar faċli li jiġi stabbilit il-livell ta’ għajnuna li jkun laħaq lill-benefiċjarji finali. Il-kosteffiċjenza tal-proġett titkejjel billi jsir tqabbil bejn l-ammont li l-benefiċjarji jirċievu direttament u l-ispejjeż l-oħra tal-azzjoni (“proporzjon ta’ effiċjenza”).

42

Għall-ESSN (ara l-Kaxxa 1), fl-2016 il-Kummissjoni kienet stabbiliet mira inizjali ta’ 85:15 għall-proporzjon ta’ effiċjenza32. Dan il-proporzjon fil-mira żdied għal 87.5:12.5 fl-2018. Aħna qabbilna dan il-proporzjon ma’ dak għal proġetti oħra ffinanzjati mill-Kummissjoni fir-reġjun u relatati ma’ ħtiġijiet bażiċi, u sibna li bħala medja, dawn il-proġetti kellhom proporzjon ta’ effiċjenza ta’ 79:2133.

43

Min-naħa l-oħra, aħna sibna li l-proporzjon ta’ effiċjenza kkalkulat għall-ESSN ma jinkludix l-ispejjeż kollha assoċjati direttament mal-proġett, u b’mod partikolari l-ispejjeż imġarrba mill-MoFSP Tork li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-proġett permezz tal-Fondazzjonijiet ta’ Assistenza u Solidarjetà Soċjali. Dawn il-Fondazzjonijiet, li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom permezz ta’ madwar 1 000 uffiċċju fit-Turkija jirċievu l-applikazzjonijiet mir-refuġjati biex jissieħbu fl-ESSN, jivvalutaw l-eliġibbiltà tagħhom u jwettqu żjarat fl-unitajiet domestiċi,.

44

Aħna identifikajna wkoll il-possibbiltajiet li ġejjin ta’ titjib fl-effiċjenza għall-ESSN.

  1. Dan il-proġett huwa implimentat minn organizzazzjoni tan-NU li tista’ tikklejmja sa 7 % tal-ispejjeż diretti totali tal-proġett bħala kumpens għall-ispejjeż indiretti mġarrba, eż. spejjeż tal-ġestjoni u tal-amministrazzjoni mġarrba fil-livell tas-sede tagħha. Aħna sibna li dan il-perċentwal, għalkemm huwa konformi mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv34 bejn il-Kummissjoni u n-NU, normalment japplika għal proġetti li jkollhom baġit ħafna aktar baxx. Minħabba l-iskala kbira ta’ dan il-proġett35, l-ispejjeż indiretti bbaġitjati għaż-żewġ fażijiet kienu ta’ EUR 64 miljun36. Minkejja d-daqs ta’ dan l-ammont, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ta’ sostenn li tiddimostra li din l-ispiża kienet raġonevoli u li kienet inżammet għall-minimu assolut37. Minflok, din ġiet issettjata għal-limitu massimu.
  2. Il-finanzjament tal-ESSN jiġi ttrasferit mis-sieħeb tan-NU inkarigat mill-implimentazzjoni għall-bank permezz ta’ sieħeb lokali inkarigat mill-implimentazzjoni. Għat-trasferiment tal-fondi, dan tal-aħħar jirċievi “tariffa għat-trasferiment tal-flus” li tammonta għal EUR 8.9 miljun (ikkalkulata fuq il-bażi ta’ 1 % tat-trasferimenti totali li jridu jsiru). Meta jitqies li l-fondi jistgħu jiġu ttrasferiti direttament lill-bank mingħajr ma jgħaddu mingħand is-sieħeb lokali inkarigat mill-implimentazzjoni, il-ħtieġa għal din it-tariffa ma ġietx iddimostrata b’mod suffiċjenti mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ma ġewx iddebitati tariffi taħt it-tieni proġett ta’ assistenza fi flus kontanti fil-kampjun tagħna (il-Proġett Nru 3 dwar is-CCTE). Apparti dan, is-sieħeb lokali inkarigat mill-implimentazzjoni jieħu tariffa supplimentari b’rata fissa ta’ 7 % għall-ispejjeż indiretti.
  3. Il-livell ta’ prefinanzjament imħallas mhuwiex xieraq. F’konformità mal-qafas legali li jirregola s-sħubija bejn l-UE u n-NU, il-Kummissjoni trid tħallas prefinanzjament li jirrappreżenta 80 % tal-ammont totali kkuntrattat ma qabel jibda l-proġett. Aħna sibna li dan il-livell ta’ prefinanzjament mhuwiex adattat għax-xejriet ta’ nfiq speċifiċi taż-żewġ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti li ġew awditjati (l-ESSN u s-CCTE). Pereżempju, taħt l-ESSN, EUR 278 miljun għall-Fażi 1 u EUR 520 miljun għall-Fażi 2 tħallsu minn qabel lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni. Madankollu, il-fondi kellhom jiġu żborżati fuq bażi lineari matul 16-il xahar u 13-il xahar rispettivament. Taħt il-Fażi 2 tas-CCTE, il-Kummissjoni ħallset EUR 40 miljun minn qabel f’Diċembru 2017, filwaqt li l-ewwel sensiela ta’ pagamenti hija mistennija li ssir fi tmiem Settembru 2018. L-imgħax li eventwalment jiġi ġġenerat fuq il-pagamenti bil-quddiem jinżamm mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u ma jerġax jiġi investit fl-ESSN jew fis-CCTE.
Id-dewmien fl-implimentazzjoni mmina l-effiċjenza tal-biċċa l-kbira mill-proġetti li ġew awditjati
45

Il-puntwalità hija aspett importanti tal-effiċjenza. Hija jista’ jkollha wkoll impatt fuq il-kosteffiċjenza peress li meta proġett jiddewwem, xorta waħda li l-ispejjeż amministrattivi bħal kirjiet u salarji xorta jkunu jridu jitħallsu, u dan jista’ jwassal biex ikun hemm inqas fondi disponibbli għall-benefiċjarji finali. Minn 10 proġetti awditjati, 9 ddewmu u kellhom jiġu estiżi b’medja ta’ 60 %38. F’każ partikolari, il-baġit inizjali ġie rivedut ’il fuq u fi tliet każijiet, il-baġit tnaqqas minħabba li xi wħud mill-attivitajiet ippjanati ma setgħux jiġu implimentati (ara l-Anness III A).

46

Aħna identifikajna bosta raġunijiet għal dan id-dewmien. F’ħames każijiet, id-dewmien kien ikkawżat prinċipalment minn restrizzjonijiet tekniċi u amministrattivi assoċjati mal-proġetti, bħan-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-tagħmir tekniku neċessarju jew ta’ persunal esperjenzat biex jimplimenta l-proġetti. F’każ partikolari, il-Kummissjoni tat estensjoni biex ikun jista’ jsir trasferiment aħjar tal-attivitajiet għas-sistema nazzjonali. Fi tliet każijiet, ir-restrizzjonijiet marbuta mal-qafas legali u regolatorju imposti mill-awtoritajiet Torok fuq l-NGOs ma ppermettewx l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti39. Konsegwentement, il-proġetti tal-UE implimentati mill-INGOs, li sa dak iż-żmien kienu qed jaħdmu fit-Turkija, esperjenzaw dewmien sinifikanti jew tnaqqis fl-ambitu tal-attivitajiet tagħhom. Fejn xieraq, il-Kummissjoni pprovdiet rispons flessibbli billi estendiet il-kuntratti u billi, f’xi każijiet, irrivediet il-miri li kienu ġew issettjati inizjalment.

47

Il-Kummissjoni ffaċċjat ukoll diffikultajiet biex tikseb l-approvazzjoni tal-awtoritajiet Torok għall-involviment tal-INGOs fl-istadju tal-finanzjament. Pereżempju, il-MoFSP ma qabilx li jawtorizza lill-INGOs biex iwettqu ċerti attivitajiet importanti ta’ protezzjoni, jiġifieri l-ġestjoni tal-każijiet u ż-żjarat fl-unitajiet domestiċi. Il-Kummissjoni kellha tikkanċella erba’ proġetti b’baġit totali ta’ EUR 14-il miljun minkejja li l-finanzjament tqies rilevanti biex jindirizza l-ħtieġa urġenti għall-protezzjoni tal-popolazzjoni tar-refuġjati. Il-Kaxxa 6 tippreżenta eżempji ta’ dewmien u ta’ diffikultajiet li l-proġetti ffaċċjaw.

Kaxxa 6

Eżempji ta’ dewmien u diffikultajiet li l-proġetti ffaċċjaw

Proġett Nru 2 – Għoti ta’ protezzjoni u ta’ soluzzjonijiet durabbli għar-refuġjati u għall-applikanti għall-ażil fit-Turkija

Attività ewlenija taħt il-Proġett Nru 2 kienet li tingħata assistenza lid-Direttorat Ġenerali Tork għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (DGMM) fir-rigward tal-verifika, l-aġġornament u l-korrezzjoni tad-data ta’ reġistrazzjoni ta’ 2.7 miljun refuġjat Sirjan. Dan il-proġett ġie implimentat minn Aġenzija tan-NU. Il-bidu tal-eżerċizzju ta’ verifikazzjoni ddewwem b’seba’ xhur. Ir-raġunijiet prinċipali għad-dewmien kienu l-konsegwenzi tal-attentat ta’ kolp ta’ stat f’Lulju 2016, li wassal għal bidliet interni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-gvern wara s-sospensjoni ta’ uffiċjali superjuri fid-DGMM u għal restrizzjonijiet addizzjonali fis-sigurtà. Barra minn hekk, it-twaqqit stabbilit fil-fażi tat-tfassil tal-proġett kien ambizzjuż iżżejjed meta jitqiesu r-restrizzjonijiet tekniċi kif ukoll ir-restrizzjonijiet fil-kapaċità u amministrattivi li kienu jeżistu fuq il-post. Pereżempju, inizjalment il-proġett kellu nuqqas ta’ persunal esperjenzat fiċ-ċentri ta’ verifikazzjoni, kif ukoll problemi bil-prestazzjoni tad-database tad-DGMM u problemi fil-konnettività tal-internet.

Dawn id-diffikultajiet wasslu għal żewġ modifiki tal-kuntratt fejn ingħatat estensjoni ta’ 12-il xahar segwita minn żieda ta’ EUR 8 miljun fil-baġit.

Proġett Nru 8 - Mitigazzjoni tar-riskji ta’ problemi ewlenin relatati mal-protezzjoni tal-popolazzjoni ta’ refuġjati

Il-proġett awditjat għandu l-għan li jtejjeb il-protezzjoni ta’ refuġjati vulnerabbli permezz ta’ ġestjoni tal-każijiet, assistenza għal protezzjoni individwali u l-provvediment ta’ informazzjoni u assistenza legali. Huwa tnieda fl-2017 u huwa kontinwazzjoni ta’ proġett preċedenti li diġà kien ffinanzjat mill-Kummissjoni u li ilu li ġie implimentat mill-istess INGO mill-2015. Mill-bidu nett, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ffaċjaw diffikultajiet biex jiksbu l-awtorizzazzjonijiet mill-awtoritajiet Torok biex joperaw fil-lokalitajiet ippjanati inizjalment (Gaziantep, Ankara u Sanliurfa), kif ukoll biex jiksbu l-permessi ta’ kooperazzjoni meħtieġa biex jaħdmu mal-NGOs lokali. Konsegwentement, il-proġett ġie estiż minn 13-il xahar għal 22 xahar, l-attivitajiet tiegħu ġew irristrutturati u l-baġit tiegħu tnaqqas b’20 %, peress li s-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni ma setax jopera f’Ankara.

Proġett Nru 10 - Appoġġ għan-nisa u l-bniet refuġjati l-aktar vulnerabbli

L-għan tal-proġett kien li jipprovdi aċċess imsaħħaħ għal spazji sikuri u servizzi speċjalizzati għan-nisa u l-bniet billi jistabbilixxi u jopera ċentri ddedikati. Sieħeb lokali inkarigat mill-implimentazzjoni, li kellu f’idejh 6 mill-20 ċentru ffinanzjati mid-DĠ ECHO, kellu jagħlaq fuq ordni eżekuttiva maħruġa mill-gvern. L-Aġenzija tan-NU, bħala s-sieħeb prinċipali inkarigat mill-implimentazzjoni, talbet lid-DĠ ECHO biex jissospendi parzjalment l-attivitajiet tal-proġett għal ħames xhur, bl-għan li tittrasferixxi l-attivitajiet lil sħab lokali oħra.

Kien hemm nuqqasijiet fil-monitoraġġ tal-proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti u fil-kejl tar-riżultati

48

Il-monitoraġġ huwa l-eżaminar regolari tal-infiq, tal-attivitajiet u tar-riżultati, li jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar jekk il-proġetti jkunux qed jipprogressaw kif intenzjonat. Aħna vvalutajna l-monitoraġġ tal-Faċilità mwettaq mill-Kummissjoni f’żewġ livelli. L-ewwel nett, aħna eżaminajna jekk il-monitoraġġ tal-proġetti umanitarji kienx komprensiv u f’waqtu. It-tieni nett, aħna eżaminajna jekk il-qafas tar-riżultati tal-Faċilità, għodda ddedikata mfassla mill-Kummissjoni biex turi data aggregata dwar ir-riżultati miksuba mill-Faċilità, ipprovdiex informazzjoni rilevanti u kwantifikabbli dwar il-prestazzjoni.

49

Il-Kummissjoni stabbiliet qafas xieraq għall-monitoraġġ tal-proġetti umanitarji. Hija żaret mill-inqas darba l-proġetti kollha li ġew awditjati, skont il-linji gwida proprji tagħha. Il-monitoraġġ tal-proġetti ppermetta lill-persunal tal-Kummissjoni fuq il-post u fis-sede tagħha biex jimmonitorjaw l-operazzjonijiet tal-proġetti kontinwament.

Nuqqas ta’ aċċess għad-data primarja għall-programm ta’ assistenza fi flus kontanti
50

Madankollu, aħna sibna li l-monitoraġġ taż-żewġ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti kien limitat minħabba li l-Kummissjoni u s-sħab tan-NU inkarigati mill-implimentazzjoni ma kellhomx aċċess għad-data oriġinali dwar il-benefiċjarji (jiġifieri lista ta’ benefiċjarji eliġibbli b’isimhom, in-numri ta’ identifikazzjoni u l-indirizzi tagħhom). Il-MoFSP għandu din id-data, iżda rrifjuta li jaqsamha man-NU u mal-Kummissjoni, filwaqt li kkwota l-leġiżlazzjoni Torka dwar il-protezzjoni tad-data. Minflok, is-sieħeb tan-NU inkarigat mill-implimentazzjoni rċieva data anonimizzata, fejn l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni ta’ kull benefiċjarju kienu ġew sostitwiti b’numru uniku ġġenerat mis-sieħeb lokali inkarigat mill-implimentazzjoni.

51

Tabilħaqq, rwol ewlieni tas-sħab tan-NU inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti umanitarji f’isem il-Kummissjoni huwa li jkunu responsabbli għas-superviżjoni tal-proċess ta’ pagament u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Dan in-nuqqas ta’ aċċess għad-data primarja miżmuma mill-MoFSP illimita l-kapaċità tas-sħab tan-NU, u b’konsegwenza dik tal-Kummissjoni wkoll, li jwettqu l-funzjonijiet ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza tagħhom b’mod effiċjenti u effettiv.

52

Is-sħab tan-NU inkarigati mill-implimentazzjoni kienu obbligati jadattaw il-qafas ta’ kontroll intern tagħhom għan-nuqqas ta’ aċċess għad-data primarja ewlenija. Huma stabbilew kontrolli ta’ trijangolazzjoni addizzjonali biex jissostanzjaw id-data anonimizzata riċevuta u biex jirrikonċiljawha mad-data anonimizzata dwar il-pagamenti li rċevew mill-bank. Minkejja dawn il-kontrolli addizzjonali, is-sħab tan-NU inkarigati mill-implimentazzjoni ma setgħux jittraċċaw il-benefiċjarji mir-reġistrazzjoni sal-pagament. Aħna nqisu li din hija dgħufija sinifikanti fil-monitoraġġ tal-programm ta’ assistenza fi flus kontanti.

53

Bħala parti mill-proċeduri tal-awditjar tagħna u f’konformità mad-drittijiet tal-awditjar tagħna, aħna tlabna lill-MoFSP biex jagħtina aċċess għad-data primarja dwar l-ESSN u s-CCTE. Dan l-aċċess ġie rrifjutat u aħna stajna naċċessaw biss id-data anonimizzata miżmuma mis-sħab tan-NU inkarigati mill-implimentazzjoni. Konsegwentement, ma stajniex nistabbilixxu r-rendikont sħiħ tal-entrati mir-reġistrazzjoni tar-refuġjati eliġibbli sal-pagamenti li saru taħt dawn iż-żewġ proġetti. L-Anness VIII juri l-limitazzjonijiet fl-aċċess għad-data, għad-diversi partijiet ikkonċernati involuti.

Dgħufijiet fil-qafas tar-riżultati tal-Faċilità
54

F’dak li jirigwarda l-qafas tar-riżultati tal-Faċilità, aħna identifikajna d-dgħufijiet li ġejjin:

  1. Kienu għadhom ma ġewx stabbiliti linji bażi u valuri fil-mira għall-indikaturi ta’ livell għoli fil-Faċilità, biex il-progress miksub ikun jista’ jitkejjel b’mod oġġettiv. Barra minn hekk, ma kinux ġew stabbiliti stadji importanti intermedji biex ikun jista’ jiġi ttraċċat il-progress fit-terminu medju;
  2. Il-kontribut reali tal-Faċilità lejn l-indikaturi aggregati ta’ livell għoli40 mhuwiex se jkun jista’ jiġi iżolat faċilment. Ir-raġuni prinċipali għal dan hija li xi fondi addizzjonali tal-UE barra mill-Faċilità, il-Gvern Tork, xi Stati Membri tal-UE u donaturi oħra qed jappoġġaw l-istess objettivi (ara l-eżempju tal-Proġett Nru 10 fil-Kaxxa 3);
  3. Il-qafas tar-riżultati ma jipprovdix stampa ġenerali kompleta tal-prestazzjoni tal-assistenza mogħtija mill-UE lir-refuġjati fit-Turkija, minħabba li ma jinkludix l-assistenza pprovduta mill-UE barra mill-Faċilità;
  4. Minħabba nuqqas ta’ qbil mal-Gvern Tork, ma kienx hemm indikaturi aggregati li jkejlu l-progress f’dak li jirrigwarda l-vjolenza sesswali u sessista, l-istudenti li ma jibqgħux jistudjaw jew il-protezzjoni tat-tfal. Madankollu, dawn l-aspetti kienu komponenti importanti ta’ xi wħud mill-proġetti umanitarji. Barra minn hekk, ċerti objettivi u indikaturi speċifiċi rreferew biss għall-SuTP u ma koprewx ir-refuġjati ta’ nazzjonalitajiet oħra;
  5. Il-qafas tar-riżultati tal-Faċilità kien għadu ma jippreżentax stampa aġġornata tal-prestazzjoni miksuba. F’Mejju 2018, ir-rapport ta’ monitoraġġ l-aktar reċenti li kien disponibbli kopra l-indikaturi tal-output (eż. l-għadd ta’ konsultazzjonijiet ta’ kura tas-saħħa primarja) għall-perjodu minn Jannar sa Lulju 2017. Huwa ma rrappurtax dwar l-eżiti (eż. il-proporzjon ta’ refuġjati li għandhom aċċess għas-servizzi tas-saħħa);
  6. Il-qafas tar-riżultati tal-Faċilità ma kienx disponibbli għall-pubbliku.

Il-proġetti awditjati għandhom effetti pożittivi fuq ir-refuġjati iżda nofshom għadhom ma kisbux l-eżiti mistennija minnhom

55

Aħna bbażajna l-valutazzjoni tagħna tal-effettività tal-proġetti umanitarji awditjati fuq analiżi tal-indikaturi ta’ monitoraġġ, ir-rapporti ta’ progress tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, ir-rapporti taż-żjarat ta’ monitoraġġ li twettqu mill-uffiċjali tad-DĠ ECHO preżenti fuq il-post, miż-żjarat tagħna fuq il-post41 u minn intervisti mal-Kummissjoni, mal-awtoritajiet Torok, mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-proġetti u mal-benefiċjarji tal-proġetti. Il-konklużjonijiet tagħna jingħataw fil-qosor fl-Anness III B.

56

Il-proċeduri tal-għażla tal-Kummissjoni żguraw li l-proġetti kienu rilevanti għall-ħtiġijiet tar-refuġjati (ara l-paragrafu 21). Konsegwentement, il-proġetti awditjati kollha għenu lir-refuġjati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom fir-rigward ta’ akkomodazzjoni, ikel, saħħa, edukazzjoni u protezzjoni. Minn 10 proġetti, 6 wasslu l-outputs intenzjonati kollha tagħhom jew inkella l-biċċa l-kbira minnhom. Madankollu, nofs il-proġetti awditjati, li xi wħud minnhom kienu għadhom għaddejjin, għadhom ma kisbux l-eżiti mistennija minnhom, kif dawn ġew iddefiniti fiż-żmien tal-approvazzjoni għall-finanzjament42.

57

Iż-żewġ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti li kienu jirrappreżentaw 83 % tal-kampjun tagħna rnexxielhom iwasslu għajnuna fi flus kontanti lil għadd ogħla ta’ benefiċjarji minn dak li kien ippjanat inizjalment. Fuq il-bażi tad-data rrappurtata mis-sħab tan-NU inkarigati mill-implimentazzjoni, l-ESSN laħqet 1.2 miljun benefiċjarju f’Marzu 2018, meta mqabbel mal-mira inizjali ta’ miljun refuġjat, u sa Marzu 2018 aktar minn 330 000 student kienu rċevew mill-inqas pagament wieħed mis-CCTE minn meta tnieda l-proġett, meta mqabbel mal-mira inizjali ta’ 230 000 tifel u tifla43.

58

Ir-riżultati preliminari tal-ESSN irrappurtati f’Mejju 2018 jindikaw li l-proġett ikkontribwixxa b’mod pożittiv biex jgħin lir-refuġjati jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. Pereżempju, wieħed mill-indikaturi ewlenin għall-ESSN huwa l-indiċi ta’ strateġija ta’ adattament. Dan għandu l-għan li jkejjel ir-rikors għal imġiba negattiva ta’ adattament min-naħa tar-refuġjati44 biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. Ir-riżultati preliminari miksuba taħt l-ESSN juru li ntlaħqet il-mira ta’ tnaqqis ta’ 30 % fl-indiċi ta’ strateġija ta’ adattament45.

59

L-impatt tal-ESSN fuq it-titjib tal-livell ta’ għajxien tar-refuġjati jiddependi minn kemm l-assistenza tkun immirata (min ikun eliġibbli) u minn l-ammont ta’ flus kontanti trasferit. L-immirar kien ibbażat fuq kriterji demografiċi bażiċi46 biex l-assistenza tiġi mmirata lejn ir-refuġjati l-aktar vulnerabbli. L-użu ta’ dawn il-kriterji kien iġġustifikat mill-ħtieġa ta’ implimentazzjoni rapida, billi l-verifikazzjoni tagħhom hija aktar faċli milli dik ta’ kriterji soċjoekonomiċi, bħall-introjtu tal-unitajiet domestiċi.

60

Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ kriterji demografiċi huwa inqas preċiż u jista’ jwassal biex ir-refuġjati jiġu inklużi jew esklużi minn proġett b’mod żbaljat. Dan jitkejjel f’termini ta’ żbalji ta’ esklużjoni (familji vulnerabbli li jitqiesu bħala ineliġibbli) u żbalji ta’ inklużjoni (familji eliġibbli li jissodisfaw il-kriterji demografiċi iżda li mhumiex foqra). Ibbażat fuq id-data ta’ monitoraġġ l-aktar reċenti47, l-ESSN laħqet l-objettivi ppjanati tagħha f’termini ta’ żbalji ta’ esklużjoni (4 % meta mqabbla mal-mira inizjali ta’ taħt 10 %) iżda mhux f'termini ta’ żbalji ta’ inklużjoni (18 % meta mqabbla mal-mira inizjali ta’ 5 %).

61

Rigward l-ammont ta’ flus kontanti trasferiti, l-objettiv primarju tal-proġett kien li jkopri għalkollox il-ħtiġijiet bażiċi tar-refuġjati l-aktar vulnerabbli. Il-finanzjament meħtieġ biex dan isir kien iniżjalment stmat li huwa TRL 18048 għal kull persuna kull xahar. Wara diskussjoni mal-awtoritajiet Torok, l-ammont ta’ flus kontanti trasferit ġie ssettjat għal TRL 10049. Dan żdied għal medja ta’ TRL 133 f’Ġunju 201750, li jikkorrispondi għal 74 % tal-ħtieġa inizjali stmata. Minkejja kuntest ta’ inflazzjoni għolja fit-Turkija, il-valur ilu ma jiġi aġġornat minn Ġunju 2017. Dan dejjem ikompli jnaqqas l-impatt tal-proġett fuq il-benefiċjarji l-aktar vulnerabbli.

62

Xi eżempji ta’ proġetti li kisbu l-biċċa l-kbira mir-riżultati mistennija minnhom huma deskritti fil-Kaxxa 7.

Kaxxa 7

Riżultati pożittivi ta’ xi proġetti

Proġett Nru 4

Billi pprovda taħriġ lil membri tal-persunal mediku Sirjan, dan il-proġett saħħaħ il-kapaċità tagħhom li jaħdmu fi ħdan is-sistema tas-saħħa Torka fil-15-il provinċja bl-ogħla għadd ta’ refuġjati fit-Turkija. Għalhekk, il-proġett tejjeb l-aċċess tar-refuġjati għall-kura tas-saħħa primarja bil-lingwa tagħhom stess, u dan irriżulta f’aktar minn 140 000 konsultazzjoni.

Proġett Nru 10

Dan il-proġett laħaq l-objettiv tiegħu li jżid b’mod sinifikanti l-perċentwal ta’ nisa u bniet refuġjati li għandhom aċċess għal spazji sikuri għan-nisa u għall-bniet fil-provinċja tagħhom stess u bil-lingwa tagħhom stess. Kumplessivament, fl-2017, 337 525 benefiċjarju aċċessaw servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u rċevew settijiet tal-iġjene minn 20 spazju sikur għan-nisa u għall-bniet, iffinanzjati mill-UE. Barra minn hekk, 194 719-il benefiċjarju aċċessaw servizzi kontra l-vjolenza sesswali u sessista, u rċevew settijiet tal-iġjene. Minn 10 outputs ippjanati, twasslu 8.

Stampa 1

Spazji sikuri għan-nisa u għall-bniet f’Gaziantep (il-Proġett Nru 10)

Sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

63

Fuq nota inqas pożittiva, aħna sibna li erbgħa mill-ħames proġetti awditjati li ġew implimentati mill-INGOs għadhom ma kisbux l-outputs jew l-eżiti li kienu ppjanati inizjalment. L-ambjent operazzjonali diffiċli u li dejjem jinbidel għall-(I)NGOs fit-Turkija wassal għas-sospensjoni, il-modifika jew il-kanċellazzjoni ta’ wħud mill-attivitajiet ippjanati (ara l-paragrafu 46) u għar-reviżjoni tal-miri inizjali. Għalkemm il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ flessibbli, notevolment permezz ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ estensjonijiet tad-dati ta’ skadenza, id-diffikultajiet li ġew iffaċċjati matul l-implimentazzjoni kellhom impatt negattiv dirett fuq il-livell tar-riżultati u fuq il-ksib tagħhom f’waqtu (ara l-Anness III B).

Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet

64

Aħna sibna li, f’kuntest diffikultuż, il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija mmobilizzat EUR 3 biljun fi żmien qasir mill-baġit tal-UE u mill-Istati Membri biex tipprovdi rispons rapidu għall-kriżi tar-refuġjati. Minkejja dan, hija ma laħqitx għalkollox l-objettiv tagħha li tikkoordina dan ir-rispons b’mod effettiv. Il-proġetti awditjati pprovdew appoġġ utli lir-refuġjati; il-biċċa l-kbira minnhom kisbu l-outputs tagħhom, iżda nofshom għadhom ma kisbux l-eżiti mistennija minnhom. Barra minn hekk, aħna identifikajna li hemm lok għal żieda fl-effiċjenza ta’ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti. Għalhekk, aħna nikkonkludu li l-Faċilità setgħet tkun aktar effettiva, u li setgħet tikseb aktar valur għall-flus.

65

Il-Kummissjoni identifikat il-ħtiġijiet ta’ prijorità tar-refuġjati bbażat fuq valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ qbil bejn it-Turkija u l-UE dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ prijorità fir-rigward ta’ infrastruttura muniċipali u appoġġ soċjoekonomiku, dawn l-oqsma mhumiex koperti biżżejjed. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni bħala qasam ta’ prijorità ma kinitx iġġustifikata b’mod ċar.

66

Kien diffiċli li jiġi ddeterminat jekk il-fondi li ntnefqu f’kull qasam ta’ prijorità kinux proporzjonali għall-iskala tal-ħtiġijiet, minħabba li l-Kumitat ta’ Tmexxija ma ssettjax allokazzjonijiet indikattivi minn qabel għal kull qasam ta’ prijorità. Għalkemm dan iżid il-flessibbiltà, huwa jxekkel l-obbligu ta’ rendikont, billi ma jistax isir tqabbil bejn l-infiq ippjanat u dak reali għal kull qasam ta’ prijorità (il-paragrafi 18 sa 24).

Rakkomandazzjoni 1 – Indirizzar aħjar tal-ħtiġijiet tar-refuġjati f’dak li jirrigwarda infrastruttura muniċipali u appoġġ soċjoekonomiku

Għat-tieni segment tal-baġit tal-Faċilità, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiżgura li l-Faċilità tikkontribwixxi għall-indirizzar aħjar tal-ħtiġijiet fl-oqsma ta’ prijorità “infrastruttura muniċipali” u “appoġġ soċjoekonomiku”;
  2. tivvaluta mill-ġdid il-ħtieġa li żżomm il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni bħala waħda mill-oqsma ta’ prijorità tal-Faċilità;
  3. tissettja allokazzjoni indikattiva ta’ fondi għal kull qasam ta’ prijorità qabel jibqa l-infiq.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2019.

67

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri stabbilew f’qasir żmien l-arranġamenti amministrattivi tal-Faċilità. Barra minn hekk, ir-raggruppament effettiv tal-finanzjament u l-għażla ta’ mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, bl-użu ta’ diversi strumenti u sħab għall-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar, ippermettew li l-Faċilità tilħaq l-objettiv tagħha li tikkonkludi kuntratti b’valur ta’ EUR 3 biljun sa tmiem l-2017 (il-paragrafi 25 sa 29).

68

Filwaqt li l-Kummissjoni kkoordinat id-direzzjoni strateġika tal-Faċilità permezz ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet, governanza u qafas tar-riżultati komuni li jkopru kemm l-appoġġ umanitarju kif ukoll l-appoġġ mhux umanitarju, l-assistenza setgħet ġiet irrazzjonalizzata aħjar. Il-Faċilità appoġġat l-istess tip ta’ attivitajiet fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni permezz ta’ strumenti differenti. Dan għamel il-koordinazzjoni aktar kumplessa u rriżulta fl-użu b’mod parallel ta’ strutturi ta’ ġestjoni differenti għall-finanzjament ta’ proġetti simili. Barra minn hekk, il-fondi tal-UE li ntnefqu fit-Turkija barra mill-Faċilità appoġġaw ukoll xi wħud mill-istess oqsma ta’ prijorità bħall-Faċilità (il-paragrafi 31 sa 33).

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib tar-razzjonalizzazzjoni u l-komplementarjetà tal-assistenza

Għat-tieni segment tal-baġit tal-Faċilità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġija konġunta b’diviżjoni ċara tal-kompiti bejn l-istrumenti differenti u l-Istati Membri tal-UE, sabiex issaħħaħ il-koerenza u r-razzjonalizzazzjoni tal-assistenza.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2019.

69

L-objettiv iddikjarat tal-Faċilità, jiġifieri li tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-assistenza, jikkonċerna wkoll ir-rabtiet bejn il-komponent umanitarju u dak mhux umanitarju tagħha. Għalkemm aħna identifikajna xi eżempji tajbin fis-settur tas-saħħa, fejn il-Kummissjoni appoġġat it-tranżizzjoni minn għajnuna umanitarja għal assistenza għall-iżvilupp aktar durabbli, din il-komplementarjetà ma nkisbitx sistematikament. Fiż-żmien meta sar l-awditu, il-kundizzjonijiet għal tranżizzjoni minn assistenza umanitarja għal assistenza għall-iżvilupp kienu għadhom ma ġewx stabbiliti għall-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati (il-paragrafi 34 sa 35).

Rakkomandazzjoni 3 – Implimentazzjoni ta’ strateġija għat-tranżizzjoni minn assistenza umanitarja għal assistenza għall-iżvilupp

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta strateġija ta’ tranżizzjoni, bl-objettiv finali li tittrasferixxi kemm l-attivitajiet umanitarji kif ukoll dawk mhux umanitarji taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2021.

70

Aħna sibna wkoll li hemm lok għal titjib fl-effiċjenza tal-proġetti umanitarji li huma ffinanzjati mill-Faċilità. L-ewwel nett, meta kienet qed teżamina l-proposti għal proġetti, il-Kummissjoni ma vvalutatx ir-raġonevolezza tal-ispejjeż ibbaġitjati b’mod konsistenti u komprensiv. It-tieni nett, anke jekk kienu konformi mal-qafas legali, l-ispejjeż indiretti li tħallsu lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti kbar ta’ assistenza fi flus kontanti kienu għoljin u mhux iġġustifikati biżżejjed, u l-livell ta’ pagamenti bil-quddiem ma kienx allinjat mal-ħruġ reali ta’ flus għall-proġetti (il-paragrafi 38 sa 44).

Rakkomandazzjoni 4 – Titjib fl-effiċjenza ta’ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel sforz biex iżżid l-effiċjenza ta’ proġetti kbar ta’ assistenza fi flus kontanti biex tirrifletti aħjar in-natura u l-iskala speċifika tagħhom, b’mod partikolari billi:

  1. tinnegozja tnaqqis fil-perċentwal tal-ispejjeż indiretti ddebitati mis-sieħeb tan-NU inkarigat mill-implimentazzjoni tal-ESSN;
  2. tiżgura li t-tariffa għat-trasferiment fi flus kontanti (għall-ESSN) titħallas biss meta tkun neċessarja u tkun debitament iġġustifikata;
  3. tinnegozja mas-sħab tnaqqis fil-livell ta’ prefinanzjament li jkun allinjat aħjar mal-ħruġ ta’ flus previst għall-proġetti.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2020.

71

L-effiċjenza tal-proġetti tiddependi wkoll fuq l-implimentazzjoni tagħhom f’waqtha. Meta proġett jiddewwem, hemm probabbiltà li l-ispejjeż bħal kirjiet u salarji xorta jkunu jridu jitħallsu għal żmien itwal. Mill-10 proġetti awditjati, 9 kellhom jiġu estiżi; dawn kienu jeħtieġu li ż-żmien jiġi estiż b’medja ta’ 60 %. L-ambjent operazzjonali diffikultuż kien il-fattur prinċipali li xekkel l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti għall-INGOs (il-paragrafi 45 sa 46).

Rakkomandazzjoni 5 – Tindirizza, flimkien mal-awtoritajiet Torok, il-ħtieġa li jsir titjib l-ambjent operazzjonali għall-(I)NGOs

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża djalogu politiku ta’ livell għoli mal-awtoritajiet Torok biex ittejjeb l-ambjent operazzjonali għall-(I)NGOs fit-Turkija.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2019.

72

Il-Kummissjoni stabbiliet miżuri xierqa biex timmonitorja l-proġetti umanitarji, u kienet taf tajjeb jekk il-proġetti kinux qed jipprogressaw kif intenzjonat. Il-limitazzjoni prinċipali kienet ir-rifjut, mill-awtoritajiet Torok, li jingħata aċċess għal-lista oriġinali ta’ benefiċjarji eliġibbli għaż-żewġ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti. Minħabba f’dan, la aħna u lanqas il-Kummissjoni ma stajna nittraċċaw lill-benefiċjarji mir-reġistrazzjoni tagħhom sal-pagament għal din il-parti sostanzjali tal-komponent umanitarju tal-Faċilità (il-paragrafi 49 sa 53).

73

Il-qafas tar-riżultati tal-Faċilità rrapporta dwar ir-riżultati kkonsolidati, iżda għandu xi dgħufijiet: l-indikaturi aggregati ma għandhomx linji bażi, stadji importanti jew miri kkwantifikati. Ir-rappurtar pubbliku kien limitat u ma kopriex it-totalità tal-assistenza mogħtija mill-UE lir-refuġjati fit-Turkija (il-paragrafu 54).

Rakkomandazzjoni 6 – Tintensifika l-monitoraġġ u r-rappurtar tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tinsisti li l-awtoritajiet Torok jagħtu aċċess sħiħ għad-data dwar il-benefiċjarji eliġibbli lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti, sabiex ikun hemm titjib kemm fl-obbligu ta’ rendikont kif ukoll fl-effiċjenza tal-qafas ta’ monitoraġġ ta’ dawn il-proġetti emblematiċi;
  2. ittejjeb it-tfassil tal-qafas tar-riżultati tal-Faċilità, notevolment billi tinkludi stadji importanti, miri u data ta’ referenza għall-indikaturi tar-riżultati aggregati;
  3. tirrapporta dwar infiq mill-istrumenti tal-UE li jappoġġa lir-refuġjati fit-Turkija barra mill-Faċilità.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2019.

74

Il-proġetti umanitarji awditjati kollha għenu lir-refuġjati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet prinċipali tagħhom fir-rigward ta’ akkomodazzjoni, ikel, saħħa, edukazzjoni u protezzjoni. Minn 10 proġetti, 6 wasslu l-outputs intenzjonati kollha tagħhom jew inkella l-biċċa l-kbira minnhom. Madankollu, nofs il-proġetti awditjati, li xi wħud minnhom għadhom għaddejjin, għadhom ma kisbux l-eżiti mistennija minnhom, kif dawn ġew iddefiniti fiż-żmien meta ġew approvati għall-finanzjament (il-paragrafi 56 sa 63).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina JAKOBSEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

Sors: Figura bbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-Kunsill.

Kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (miljun EUR)
Il-Belġju 57.6 Il-Litwanja 5.2
Il-Bulgarija 5.9 Il-Lussemburgu 4.3
Ir-Repubblika Ċeka 20.4 L-Ungerija 14.7
Id-Danimarka 38.4 Malta 1.1
Il-Ġermanja 427.5 In-Netherlands 93.9
L-Estonja 2.8 L-Awstrija 45.6
L-Irlanda 22.9 Il-Polonja 57.0
Il-Greċja 25.1 Il-Portugall 24.4
Spanja 152.8 Ir-Rumanija 21.6
Franza 309.2 Is-Slovenja 5.2
Il-Kroazja 5.9 Is-Slovakkja 10.5
L-Italja 224.9 Il-Finlandja 28.4
Ċipru 2.3 L-Iżvezja 61.3
Il-Latvja 3.5 Ir-Renju Unit 327.6

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Anness II

Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija: mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

Anness III A

Stampa ġenerali tal-proġetti umanitarji awditjati

        Informazzjoni finanzjarja (miljun euro) Żmien
Nru Titolu tal-Proġett Settur Tip ta’ Sieħeb Ammont allokat
(euro)
Ammont ikkuntrattat (a)
(euro)
Ammont ikkuntrattat rivedut (b)
(euro)
Differenza (b-a)
(euro)
Ammont imħallas
(euro)
Data tal-bidu Data tat-tmiem inizjali Data tat-tmiem estiża Differenza
(xhur)
1 Is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN) hija sistema ta’ trasferiment ta’ flus kontanti b’bosta finijiet biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ kuljum tar-refuġjati fit-Turkija Ħtiġijiet bażiċi Aġenzija tan-NU 348.0 348.0 348.0 - 278.4 09/2016 12/2017 08/2018 8
2 Forniment ta’ protezzjoni u ta’ soluzzjonijiet durabbli għar-refuġjati u għall-applikanti għall-ażil fit-Turkija Protezzjoni Aġenzija tan-NU 43.3 35.0 43.3 8.3 34.6 08/2016 07/2017 07/2018 12
3 Forniment ta’ trasferiment kundizzjonali ta’ flus kontanti għall-Edukazzjoni bl-għan li tiżdied ir-reġistrazzjoni u titjieb l-attendenza ta’ tfal refuġjati Edukazzjoni - Protezzjoni Aġenzija tan-NU 34.0 34.0 34.0 - 27.2 03/2017 02/2018 07/2018 5
4 Appoġġ lil servizzi tas-saħħa adattati u kulturalment sensittivi għar-refuġjati Sirjani Saħħa Aġenzija tan-NU 10.0 10.0 10.0 - 8.0 03/2017 12/2017 03/2018 3
5 Forniment ta’ kura tas-saħħa primarja li ssalva l-ħajja lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli u tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom permezz tal-MHPSS, attivitajiet ta’ riabilitazzjoni u protezzjoni ta’ superstiti ta’ vjolenza sessista Saħħa - Protezzjoni INGO 2.4 8.0 2.4 -5.6 2.4 04/2017 12/2017 05/2018 5
6 Faċilitazzjoni tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u dawk psikosoċjali għar-refuġjati Saħħa INGO 3.0 3.0 3.0 - 2.4 04/2017 12/2017 06/2018 6
7 Rispons Umanitarju ta’ Emerġenza għar-Refuġjati Sirjani fit-Turkija Edukazzjoni - Protezzjoni INGO 3.0 3.0 3.0 - 2.4 09/2016 08/2017 05/2018 9
8 Mitigazzjoni tar-riskji tat-tħassib ewlieni dwar il-protezzjoni tal-popolazzjoni ta’ refuġjati permezz ta’ sensibilizzazzjoni mmirata, tisħiħ tas-sistemi ta’ riferiment, u forniment ta’ assistenza speċjalizzata għall-protezzjoni Protezzjoni INGO 3.7 4.6 3.7 -0.9 3.7 04/2017 04/2018 01/2019 9
9 Mekkaniżmu ta’ rispons b’bosta partijiet ikkonċernati u multisettorjali jtejjeb l-aċċess għal servizzi inklużivi u ta’ kwalità għar-refuġjati Sirjani u mhux Sirjani l-aktar vulnerabbli, inklużi persuni b’diżabbiltà fit-Turkija (Izmir u l-belt ta’ Istanbul) Saħħa INGO 2.0 2.5 2.0 -0.5 2.0 09/2016 08/2017 01/2018 5
10 Appoġġ għan-nisa u l-bniet refuġjati l-aktar vulnerabbli biex jaċċessaw Servizzi tas-saħħa Sesswali Riproduttiva (SRH) u Servizzi kontra l-Vjolenza Sesswali u Sessista (SGBV) Saħħa - Protezzjoni Aġenzija tan-NU 9.0 9.0 9.0 - 7.2 08/2016 12/2017 12/2017 -

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni (April 2018).

Anness III B

Prestazzjoni tal-proġetti awditjati

        Tfassil Implimentazzjoni Effettività Strateġija ta’ tranżizzjoni / ta’ ħruġ
Nru Titolu tal-Proġett Settur Tip ta’ Sieħeb Rilevanza Fil-ħin Baġit Outputs imwassla Eżiti miksuba
1 Is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN) hija sistema ta’ trasferiment ta’ flus kontanti b’bosta finijiet biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ kuljum tar-refuġjati fit-Turkija Ħtiġijiet bażiċi Aġenzija tan-NU
2 Forniment ta’ protezzjoni u ta’ soluzzjonijiet durabbli għar-refuġjati u għall-applikanti għall-ażil fit-Turkija (Riżultat 1: eżerċizzju ta’ verifika) Protezzjoni Aġenzija tan-NU Mhux applikabbli
Forniment ta’ protezzjoni u ta’ soluzzjonijiet durabbli għar-refuġjati u għall-applikanti għall-ażil fit-Turkija (Riżultati 2 sa 4: attivitajiet ta’ reġistrazzjoni u ta’ protezzjoni)
3 Forniment ta’ trasferiment kundizzjonali ta’ flus kontanti għall-Edukazzjoni bl-għan li tiżdied ir-reġistrazzjoni u titjieb l-attendenza ta’ tfal refuġjati Edukazzjoni - Protezzjoni Aġenzija tan-NU Mhux disponibbli
4 Appoġġ lil servizzi tas-saħħa adattati u kulturalment sensittivi għar-refuġjati Sirjani Saħħa Aġenzija tan-NU
5 Forniment ta’ kura tas-saħħa primarja li ssalva l-ħajja lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli u tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom permezz tal-MHPSS, attivitajiet ta’ riabilitazzjoni u protezzjoni ta’ superstiti ta’ vjolenza sessista Saħħa - Protezzjoni INGO
6 Faċilitazzjoni tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u dawk psikosoċjali għar-refuġjati Saħħa INGO
7 Rispons Umanitarju ta’ Emerġenza għar-Refuġjati Sirjani fit-Turkija Edukazzjoni - Protezzjoni INGO
8 Mitigazzjoni tar-riskji tat-tħassib ewlieni dwar il-protezzjoni tal-popolazzjoni ta’ refuġjati permezz ta’ sensibilizzazzjoni mmirata, tisħiħ tas-sistemi ta’ riferiment, u forniment ta’ assistenza speċjalizzata għall-protezzjoni Protezzjoni INGO
9 Mekkaniżmu ta’ rispons b’bosta partijiet ikkonċernati u multisettorjali jtejjeb l-aċċess għal servizzi inklużivi u ta’ kwalità għar-refuġjati Sirjani u mhux Sirjani l-aktar vulnerabbli, inklużi persuni b’diżabbiltà fit-Turkija (Izmir u l-belt ta’ Istanbul) Saħħa INGO
10 Appoġġ għan-nisa u l-bniet refuġjati l-aktar vulnerabbli biex jaċċessaw Servizzi tas-saħħa Sesswali Riproduttiva (SRH) u Servizzi kontra l-Vjolenza Sesswali u Sessista (SGBV) Saħħa - Protezzjoni Aġenzija tan-NU
Rilevanza Żmien Baġit Outputs Eżiti Tranżizzjoni
Sodisfaċenti L-ebda estensjoni Konsum ta’ aktar minn 80 % Miksuba kompletament Miksuba kompletament Saret u lesta
Fil-biċċa l-kbira sodisfaċenti Estiż mingħajr l-ebda impatt fuq l-attivitajiet Mhux applikabbli Fil-biċċa l-kbira miksuba Fil-biċċa l-kbira miksuba Maqbula
Fil-biċċa l-kbira insodisfaċenti Mhux applikabbli Konsum baġitarju baxx Fil-biċċa l-kbira mhux miksuba Fil-biċċa l-kbira mhux miksuba Taħt diskussjoni
Insodisfaċenti Estiż mingħajr l-ebda impatt fuq l-attivitajiet Finanzjament addizzjonali pprovdut Mhux miksuba Mhux miksuba Pjanijiet mhux issettjati

Sors: Il-QEA.

Anness IV

Lista ta’ intervisti tal-awditjar imwettqa fit-Turkija fl-2018

Żjarat Isem l-entità li saritilha żjara
22 ta’ Jannar Id-delegazzjoni tal-UE, l-Ambaxxatur, l-uffiċċju tad-DĠ ECHO
22 ta’ Jannar Il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP)
23 ta’ Jannar Iċ-Ċellola għall-Ġestjoni Konġunta tal-ESSN
23 ta’ Jannar L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)
23 ta’ Jannar Il-Ministeru tas-Saħħa
24 ta’ Jannar Il-Ministeru għall-Familja u għall-Politiki Soċjali
24 ta’ Jannar Il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA)
24 ta’ Jannar Il-Ministeru għall-Intern - Id-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (DGMM)
24 ta’ Jannar International Medical Corps
24 ta’ Jannar Il-Ministeru għall-Edukazzjoni Nazzjonali
25 ta’ Jannar Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR)
25 ta’ Jannar Il-Bank tal-Iżvilupp KfW
25 ta’ Jannar Il-Bank Dinji
25 ta’ Jannar Il-Presidenza tal-Ġestjoni tad-Diżastri u tal-Emerġenzi (AFAD)
25 ta’ Jannar Il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF)
25 ta’ Jannar Handicap International
25 ta’ Jannar Il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA)
25 ta’ Jannar L-Uffiċċju tad-DĠ ECHO f’Istanbul
26 ta’ Jannar Il-benefiċjarji tas-CCTE u tal-ESSN
26 ta’ Jannar Il-Fondazzjoni tal-Assistenza Soċjali u tas-Solidarjetà (SASF)
26 ta’ Jannar Médecins du Monde
26 ta’ Jannar L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)
29 ta’ Jannar Iċ-ċentru ta’ servizzi tan-Nofs Qamar l-Aħmar tat-Turkija (TRC)
29 ta’ Jannar Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR)
29 ta’ Jannar Il-Fondazzjoni tal-Assistenza Soċjali u tas-Solidarjetà (SASF)
30 ta’ Jannar Il-benefiċjarji tas-CCTE u tal-ESSN
30 ta’ Jannar Il-Kooperattiva għall-Assistenza u l-Għajnuna Kullimkien
30 ta’ Jannar L-Uffiċċju tad-DĠ ECHO f’Gaziantep

Anness V

Dati u avvenimenti ewlenin assoċjati mal-Faċilità

Sors: Il-QEA.

Anness VI

Rapidità fil-konklużjoni ta’ kuntratti relatati mal-Faċilità mqabbla ma’ dik għall-Fondi Fiduċjarji tal-UE (f'miljun euro)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

Anness VII

Kumplessità tal-assistenza mogħtija mill-UE lir-refuġjati fit-Turkija – l-eżempju tas-settur tal-edukazzjoni

Sors: Il-QEA.

Anness VIII

Fluss tad-data dwar il-benefiċjarji tal-ESSN u limitazzjonijiet fl-aċċess għad-data

Sors: Il-QEA.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

III

Il-Faċilità tinsab fil-qofol tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija ta’ Marzu 2016. Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija kienet strumentali biex tiġi indirizzata l-kriżi ta’ migrazzjoni akuta li poġġiet lill-Unjoni Ewropea taħt pressjoni serja fi tmiem l-2015 u l-bidu tal-2016. Wara l-ftehim dwar id-dikjarazzjoni UE-Turkija, il-fluss tar-refuġjati li kienu qed jaslu fil-gżejjer Griegi waqaf kważi mil-lum għal għada, u l-għadd ta’ mwiet fil-qsim irregolari naqas b’aktar minn 95 %.

Il-Faċilità hija l-uniku komponent tad-Dikjarazzjoni li saret operazzjonali immedjatament u li wriet riżultati konsistenti matul l-aħħar sentejn, filwaqt li b’hekk ipprovdiet konferma tal-kapaċità tal-UE li twettaq l-impenji tagħha, b’azzjonijiet tanġibbli u viżibbli għall-atturi politiċi u għall-pubbliku ġenerali. Matul dawn l-aħħar sentejn, il-Faċilità saret inizjattiva ewlenija tal-UE u mudell għall-implimentazzjoni ta’ assistenza koordinata tal-UE fil-kuntest tal-iżvilupp tal-politika tal-migrazzjoni tal-UE.

Il-Faċilità ppermettiet il-mobilizzazzjoni rapida ta’ EUR 3 biljun fl-UE u assistenza tal-Istati Membri lir-refuġjati fit-Turkija, bl-użu tal-istrumenti eżistenti tal-UE b’mod koordinat. F’perjodu politikament volatili, inkluż tentattiv ta’ kolp ta’ stat li falla fit-Turkija, ġew impenjati u kuntrattati EUR 3 biljun u ġew żborżati kważi EUR 2 biljun fi żmien 20 xahar, f’konformità sħiħa mal-qafas proċedurali u legali tal-UE.

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-biċċa l-kbira tal-proġetti kisbu l-outputs mistennija tagħhom. L-akbar proġett, is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN - Emergency Social Safety Net), li jirrappreżenta 76 % tal-finanzjament allokat, kiseb l-objettivi tiegħu b’mod sodisfaċenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li żewġ proġetti biss spiċċaw fi żmien il-perjodu awditjat, peress li l-maġġoranza tal-proġetti kellhom jiġu estiżi, prinċipalment minħabba kuntest diffikultuż.

IV

Il-Kummissjoni tinnota li ż-żewġ oqsma prijoritarji ġew fil-fatt ipprogrammati u li l-interventi tal-infrastruttura muniċipali ma setgħux iseħħu peress li l-proġetti konkreti ppreżentati mit-Turkija għall-finanzjament ma kinux maturi.

V

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-appoġġ għal tip ta’ attivitajiet simili permezz ta’ strumenti paralleli ppermetta komplementarjetà u ma wassal għal ebda duplikazzjoni jew trikkib, u ppermetta lill-Kummissjoni taċċellera r-risponsi tagħha, peress li strumenti differenti ġew mobilizzati fi żminijiet differenti.

Il-Faċilità hija mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li għandu l-għan li jikkoordina l-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-UE u r-riżorsi tal-Istati Membri, u li jipprevedi l-mobilizzazzjoni ta’ strumenti eżistenti b’mod parallel.

VI

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li hemm eżempji oħra ta’ komplementarjetà: eżempji fl-edukazzjoni jinkludu l-mobilizzazzjoni tal-għotja diretta għall-Ministru tal-Edukazzjoni Nazzjonali b’komplementarjetà mat-Trasferiment Kondizzjonali ta’ Flus Kontanti għall-Edukazzjoni. F'dan is-settur, l-appoġġ ipprovdut lill-edukazzjoni formali kien jindirizza essenzjalment l-ostakli ekonomiċi għall-aċċess għall-iskola, u l-iżvilupp ta’ kurrikulu alternattiv għal tfal li ma jmorrux skola.

Fis-settur tas-saħħa, l-isforzi ta’ koordinazzjoni rriżultaw fl-integrazzjoni progressiva ta’ kliniki mmexxija mill-INGO, fl-iskema taċ-ċentru tas-saħħa tal-Migranti mmexxija mill-Ministeru tas-Saħħa.

Skont it-tieni segment, it-tranżizzjoni tal-ESSN għandha tkun ikkomplementata minn appoġġ soċjoekonomiku mfassal apposta, wara t-tfassil ta’ profil komprensiv ta’ benefiċjarji ESSN.

VII

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li, b’segwitu għal rakkomandazzjoni tal-QEA f’rapport tal-awditjar preċedenti, issa l-baġits qed jiġu analizzati sistematikament waqt l-evalwazzjoni tal-proposti.

Din il-valutazzjoni hija riflessa b’mod xieraq minn tmiem l-2017 fid-daxxbord mandatorja li trid timtela’ qabel tingħata kwalunkwe għotja. Il-proġetti magħżula fil-kampjun għal dan ir-rapport ingħataw qabel tmiem l-2017.

Il-Kummissjoni hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-FAFA1 li jistabbilixxu prefinanzjament ċar u livelli ta’ spejjeż indiretti, li jistgħu jaslu sa 7 %. Madankollu, minn meta l-aġenzija tan-NU naqqset b’mod ġenerali l-ispejjeż indiretti ta’ appoġġ minn 7 % sa 6,5 %, l-ispejjeż indiretti għat-tieni ftehim ESSN ġew imnaqqsa wkoll. Il-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lis-sħab ibaxxu l-livell ta’ spejjeż indiretti għal operazzjonijiet ta’ flus fuq skala kbira, iżda t-tnaqqis huwa possibbli biss jekk is-sieħeb ikun jaqbel ma’ dan.

VIII

Peress li l-Kummissjoni ma tistax tagħmel kuntratt direttament ma’ entità governattiva, ir-rabta kuntrattwali hija bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-FAFA. Għalhekk, id-data ma tiġix kondiviża direttament mal-Kummissjoni, iżda permezz tas-sieħeb għal finijiet ta’ monitoraġġ.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sħab ma kellhomx aċċess sħiħ għal data dwar il-benefiċjarji minħabba r-restrizzjonijiet legali relatati mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data. Madankollu, huma implimentaw l-aktar sistemi robusti possibbli minħabba dawn il-limitazzjonijiet.

Għall-ESSN, il-programm ta’ assistenza fi flus kontanti, id-data kondiviża mas-sħab permezz tas-sieħeb ta’ implimentazzjoni lokali jippermettu t-twettiq ta’ verifiki robusti.

Finalment, is-sħab u l-Kummissjoni jkomplu jinsistu mal-awtoritajiet Torok dwar aċċess aħjar għad-data. Fix-xhur li għaddew, sar progress f’dan il-qasam, fejn pereżempju s-sħab ingħataw aċċess għall-pjattaforma finanzjarja.

IX

L-indikaturi u l-miri huma fil-proċess li jiġu finalizzati u r-rapportar pubbliku kien limitat peress li l-monitoraġġ tal-Faċilità kien għadu fil-fażi pilota tiegħu.

Il-qafas legali tal-Faċilità jobbliga lill-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati tal-Faċilità biss. Il-Kummissjoni tuża għodod oħra biex tirrapporta dwar l-assistenza ġenerali tagħha lit-Turkija.

X

Huwa importanti li jitqiesu l-ambizzjoni, il-kumplessità u l-iskala mingħajr preċedent tal-proġetti. Aġġustamenti fil-perjodu taż-żmien, fil-baġit jew fl-outputs/eżiti huma adattamenti meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi.

L-akbar proġett, l-ESSN, li jirrappreżenta 76 % tal-finanzjament allokat, kiseb l-objettivi tiegħu b’mod sodisfaċenti. It-tkabbir rapidu ta’ dan il-proġett, kif ukoll l-effettività fl-ilħiq tal-popolazzjoni tibqa’ mingħajr preċedent.

XI

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet kollha.

Ir-raba’ inċiż: Filwaqt li l-ESSN u CCTE huma diġà kosteffikaċi ħafna skont l-istandards umanitarji, il-Kummissjoni se tinnegozja mas-sħab tagħha l-ispejjeż indiretti possibbli l-aktar baxxi (ara l-punt VII hawn fuq u r-Rakkomandazjzoni 4(a)).

Il-ħames inċiż: Il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha mal-awtoritajiet Torok bil-għan li ttejjeb l-ambjent operazzjonali għall-(I)NGOs fit-Turkija.

Introduzzjoni

07

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-Faċilità għandha żewġ segmenti li għandhom jiġu programmati u jingħataw b’kuntratt fl-2016-17 u l-2018-2020 rispettivament. Għalhekk, waqt l-evalwazzjoni tal-istrateġiji tal-Faċilità rigward it-tranżizzjoni u l-ħruġ, għandha titqies l-eżistenza tat-tieni segment.

10

Il-Kummissjoni tinnota li l-Membri tal-Parlament Ewropew huma mistiedna għal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija u jattendu dawn il-laqgħat regolarment, u b’hekk jiġi żgurat aktar obbligu ta’ rendikont tal-Faċilità.

Osservazzjonijiet

19 (c)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ħtiġijiet tar-refuġjati mhux Sirjani kienu inklużi taħt iż-żewġ partijiet tal-Faċilità skont l-approċċ għal “refuġjat wieħed” li ma jiddiskriminax kontra nazzjonalitajiet/oriġini differenti.

Kaxxa 1 – L-ESSN: proġett innovattiv maħsub biex jindirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza n-natura innovattiva u ambizzjuża tal-ESSN, li diġà tilħaq aktar minn 1,3 miljun benefiċjarju u għalhekk laħqet l-objettivi tagħha b’mod sodisfaċenti.

28 (A)

Il-Kummissjoni tixtieq tikkonferma li l-proġetti kkonċernati ġew ikkuntrattati f’konformità mal-qafas legali attwali.

32

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-appoġġ ta’ attivitajiet simili permezz ta’ strumenti paralleli ppermetta l-komplementarjetà u ma wassal għal ebda duplikazzjoni jew trikkib. Dan ippermetta lill-Kummissjoni tħaffef ir-reazzjonijiet tagħha, peress li strumenti differenti ġew mobilizzati fi żminijiet differenti, li huwa ta’ importanza fundamentali għall-interventi f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

Barra minn hekk, l-użu ta’ strumenti differenti ma’ sħab differenti inkarigati mill-implimentazzjoni għal attivitajiet simili eżerċitati fl-istess setturi u bl-istess objettiv, ġej min-natura nnifisha tal-Faċilità, li hija mekkaniżmu li jikkoordina diversi strumenti tal-UE.

Kaxxa 3 – Eżempji ta’ attivitajiet simili ffinanzjati taħt strumenti differenti

L-edukazzjoni

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza l-fatt li, minkejja l-kumplessitajiet fil-ġestjoni u fil-koordinazzjoni, ma kien hemm l-ebda każ ta’ trikkib jew duplikazzjoni.

Protezzjoni

L-ewwel inċiż: Il-Kummissjoni tqis li l-eżempju kkwotat mill-QEA fil-fatt jenfasizza l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni. Minflok li jkun hemm proġett li jirċievi finanzjament doppju, is-servizzi tal-Kummissjoni ħadmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw li l-finanzjament xieraq ikun disponibbli għas-sieħeb għat-tip ta’ attivitajiet xierqa.

It-tieni inċiż: Skont il-mandat tagħha, il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità jkopri esklussivament il-proġetti ffinanzjati tal-Faċilità.

33

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-appoġġ ta’ attivitajiet simili permezz ta’ strumenti paralleli jippermetti l-komplementarjetà u ma jwassal għal ebda duplikazzjoni jew trikkib, u ppermetta lill-Kummissjoni tħaffef ir-reazzjonijiet tagħha, peress li strumenti differenti ġew mobilizzati fi żminijiet differenti.

Il-Faċilità hija mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li timmira li tikkoordina l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tal-baġit tal-UE u tal-Istati Membri, u tipprevedi l-mobilizzazzjoni ta’ strumenti eżistenti b’mod parallel. Ir-rapport ma jidentifika l-ebda każ ta’ duplikazzjoni jew trikkib, li jwassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-koordinazzjoni tal-Faċiltà kienet effettiva.

34

Il-Kummissjoni fittxet li tiżgura komplementarjetà massima fis-setturi kollha. Barra mis-settur tas-saħħa, wieħed jista’ jsemmi l-eżempju tal-mobilizzazzjoni tal-għotja diretta fl-edukazzjoni minn DĠ NEAR bit-Trasferiment Kundizzjonali ta’ Flus Kontanti għall-Edukazzjoni minn DĠ ECHO.

Id-disinn tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni konġunta kieku kien idum ħafna u kien jimmina l-objettiv tal-mobilizzazzjoni rapida tar-riżorsi. Il-kundizzjonijiet fit-Turkija fl-2016 u l-lakuni enormi fir-reazzjoni, iddettaw il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-veloċità fil-kisba tar-riżultati minflok fuq il-proċess.

Il-Kummissjoni se tipprova ttejjeb il-komplementarjetà u l-koerenza tal-assistenza umanitarja u mhux umanitarja.

35

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza l-punti li ġejjin:

  1. It-tranżizzjoni u l-ħruġ tal-assistenza umanitarja jiġu integrati bis-sħiħ fl-istrateġija għat-tieni segment tal-Faċilità. Dawn tal-aħħar qed jiġu diskussi prinċipalment fil-livell tal-politika/settur u mhux fil-livell tal-proġett. Il-Kummissjoni aġixxiet fuq il-bażi tal-impenn li għamlet fid-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016, li ġie onorat mill-Kunsill f’Ġunju 2018 li se jkun hemm it-tieni segment u għalhekk perjodu ta’ implimentazzjoni lil hinn mill-2018.
  2. Il-Qafas tal-Ġestjoni huwa dokument ta’ ppjanar intern li jimmira li jiffaċilita l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. Fih innifsu, huwa dokument ħaj li jiġi aġġustat għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu fuq il-post. Il-Qafas tal-Ġestjoni jidentifika b’mod ċar ir-riskji kuntestwali li jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni u t-tranżizzjoni. Ħafna minn dawn fil-fatt immaterjalizzaw b’hekk dewmu l-proċess, minkejja l-miżuri ta’ mitigazzjoni meħuda mill-Kummissjoni u mis-sħab tagħha.
  3. It-tranżizzjoni hija possibbli biss ladarba l-proġetti jkunu maturi biżżejjed. Għal diversi proġetti, dan ma kienx il-każ matul l-ewwel 18-il xahar meta l-biċċa l-kbira minnhom kienu għadhom se jiġu implimentati. Dan kien il-każ partikolarment għal proġetti ewlenin.
Kaxxa 4 – Eżempji ta’ strateġiji tajbin u strateġiji dgħajfin ta’ tranżizzjoni għall-proġetti

Il-ħames inċiż: L-ESSN hija ffinanzjata sal-bidu tal-2019 (tiddependi fuq l-implimentazzjoni u r-rata tal-kambju). It-tranżizzjoni tirrikjedi ċertu livell ta’ maturità għall-proġett u ta’ kapaċità tal-atturi li se jkunu involuti fit-trasferiment. Tranżizzjoni kmieni tirriskja ħruġ diżordnat, bi tħarbit potenzjali fil-provvediment tal-assistenza. Id-diskussjonijiet dwar it-tranżizzjoni u l-ħruġ huma għaddejjin u huma ppjanati taħt il-FRIT II.

38
  1. Wara r-rapport tal-awditjar riċenti, il-Kummissjoni ħadet azzjonijiet biex tiżgura li l-analiżi tal-ispejjeż ibbaġitjati ssir b’mod konsistenti u komprensiv għall-proposti kollha tal-proġett. Minbarra d-daxxbord mandatorja, il-Forma Unika tinkludi minn tmiem l-2017 qasam ġdid fejn l-ispejjeż diretti tal-proġetti jinqasmu bejn l-ispejjeż operazzjonali u l-ispejjeż ta’ appoġġ. Il-proġetti kkampjunati f'dan ir-rapport ingħataw qabel tmiem l-2017.
  2. Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-ispiża għal kull benefiċjarju fil-parti l-kbira tal-proġetti hija speċifika b’mod partikolari għall-kuntest u għall-każ. Għalhekk, l-analiżi tal-ispejjeż u l-użu tal-parametri referenzjarji kwantitattivi hija diffiċli u analiżi komparattiva bejn il-proposti mhux dejjem tista’ tkun rilevanti minħabba n-natura u l-evoluzzjoni tas-servizz ipprovdut, l-ostakli amministrattivi imposti u t-trasformazzjoni tal-mudell ta’ negozju.

Il-Kummissjoni taqbel li t-twaqqif ta’ parametri referenzjarji għall-baġits huwa diffiċli.

L-esperti tal-qasam u l-uffiċjali jivvalutaw b’mod konċiż il-kosteffiċjenza tal-proġetti.

Peress li kull proġett huwa bbażat fuq valutazzjoni ta’ ħtiġijiet speċifiċi li tkun marbuta maż-żmien u mal-post, il-Kummissjoni tagħmel valutazzjonijiet speċifiċi għall-proġett iżda analiżi komparattiva bejn il-proposti tista’ ma tkunx dejjem rilevanti.

Kaxxa 5 – Eżempji ta’ valutazzjoni insuffiċjenti tar-raġonevolezza tal-ispejjeż

L-ewwel inċiż: Ara t-tweġibiet għall-paragrafu 38. a).

It-tieni inċiż: Għal dan il-proġett speċifiku, l-ispiża għal kull benefiċjarju ma tistax tiġi mqabbla minn għotja waħda għal oħra peress li s-servizzi pprovduti kienu differenti ħafna. In-natura tas-servizzi pprovduti inizjalment evolviet, minn servizzi tal-kura tas-saħħa primarja għal għadd sinifikanti ta’ benefiċjarji għal kura ta’ riabilitazzjoni postoperattiva u fiżika għal għadd iżgħar ta’ benefiċjarji.

Il-mudell tan-negozju huwa wkoll differenti minn proġett għall-ieħor. F’dan il-każ, il-mudell tas-sieħeb sabiex jintegra kemm servizzi ta’ kura tas-saħħa primarja, kif ukoll dawk tas-saħħa sekondarja fl-istess faċilità, ippermetta li jitnaqqsu xi spejjeż ta’ appoġġ, filwaqt li l-proġetti l-oħrajn tas-saħħa kienu qed jappoġġaw faċilitajiet differenti, adattati għal servizzi tal-kura tas-saħħa differenti, u b’hekk bi spejjeż ta’ appoġġ ogħla.

40

Il-Kummissjoni hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA) rigward il-livell ta’ dettall li tista’ titlob mis-sħab tagħha. It-tibdil tal-kundizzjonijiet tal-FAFA huwa soġġett għall-qbil tas-sħab u ma jistax jiġi impost unilateralment mill-Kummissjoni. Minkejja dan, il-Kummissjoni insistiet fuq l-estrazzjoni ta’ aktar informazzjoni, anki fir-rigward ta’ trasferimenti lejn is-Sħab ta’ Implimentazzjoni. Dan sar fil-kuntest ta’ deskrizzjonijiet narrattivi tal-ispejjeż.

Għandu jiġi nnutat li l-proġetti umanitarji implimentati min-NU huma implimentati taħt ġestjoni indiretta skont valutazzjoni tal-pilastru.

42

L-ESSN serviet ta’ parametru referenzjarju intern u l-mistoqsijiet ewlenin matul in-negozjati dwar l-adozzjoni tagħha informaw in-nota gwida tal-Kummissjoni dwar it-trasferimenti ta’ flus kontanti li ntużat fi gradi varji fil-programmi ta’ flus kontanti fuq skala kbira sussegwenti kollha. Il-kuntest tat-Turkija huwa speċifiku ħafna, speċjalment minħabba l-iskala tal-operazzjonijiet tagħha, li hi ferm ogħla mil-livell limitu ta’ EUR 10 Miljun imsemmija fin-nota gwida għat-trasferimenti ta’ flus kontanti fuq skala kbira.

43

Fil-biċċa l-kbira tal-proġetti umanitarji u ta’ żvilupp fid-dinja kollha, il-kontribuzzjoni tal-gvernijiet nazzjonali bħala parti mis-sistemi eżistenti tagħhom mhijiex imkejla abbażi tal-baġit għal proġetti speċifiċi, iżda hi kkunsidrata bħala parti mill-infrastruttura disponibbli għall-implimentazzjoni tal-proġetti.

F’termini ta’ tranżizzjoni, il-kontribuzzjonijiet mill-gvern nazzjonali u t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż huma apprezzati. Ma għandniex noħolqu dubju dwar il-kontribuzzjonijiet tad-donaturi.

44 (a)

Il-Kummissjoni se tipprova tnaqqas l-ispejjeż indiretti marbuta ma’ proġetti ta’ għajnuna bi flus kontanti, kif diġà stipulat fin-nota gwida dwar il-flus kontanti (ara wkoll il-punt VII tas-Sommarju Eżekuttiv u r-Rakkomandazzjoni 4(a)).

Il-Kummissjoni nnegozjat mas-sieħeb dwar il-livell ta’ spejjeż indiretti għal dan il-proġett, kif muri fid-dokumentazzjoni korrispondenti. Madankollu, ma tistax timponi dan unilateralment. Billi d-dispożizzjonijiet tal-FAFA jistipulaw li l-livell ta’ spejjeż indiretti jistgħu jilħqu sa 7 % u billi r-regolamenti interni tas-sieħeb, li jistgħu jiġu modifikati biss mill-Bord Eżekuttiv tiegħu, jistipulaw li l-ispejjeż indiretti għandhom ikunu ta’ 7% u 6,5% minn tmiem l-2017, l-ispazju għan-negozjar kien limitat.

(b)

il-valur miżjud tas-sħubija lokali jeħtieġ jiġi enfasizzat, peress li kien prekundizzjoni essenzjali għas-suċċess tal-proġett. Il-pjattaforma żviluppata mis-sħab lokali tiżgura aspetti kritiċi relatati mal-kontabilità tal-popolazzjoni affettwata u tippermetti l-intraċċar tal-benefiċjarji u li jiġu informati fil-ħin. Il-pjattaforma hija wkoll għodda li tipprovdi informazzjoni lill-benefiċjarji dwar is-sitwazzjoni speċifika tagħhom meta jiġu identifikati abnormalitajiet fil-pagament.

Il-perċentwal tat-tariffa tal-pjattaforma ddebitata mis-sieħeb responsabbli mill-ġestjoni tal-pjattaforma, huwa prassi normali għal programmi ta’ trasferiment ta’ flus kontanti li jinvolvu l-aġenzija tan-NU. Jekk l-istess tariffi jiġu ddebitati lill-programm CCTE, dan ikun jinvolvi duplikazzjoni ta’ finanzjament: din it-tariffa ma ġietx inkluża fis-CCTE preċiżament għaliex il-Kummissjoni ma taċċettax li tħallas għall-istess servizz darbtejn.

(c)

Sar kull sforz biex jiġu nnegozjati livelli ta’ prefinanzjament aktar baxxi iżda dan ma ġiex aċċettat mis-sħab u ma setax jiġi impost unilateralment. Il-Kummissjoni hija marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-FAFA.

45

Il-Kummissjoni tixtieq ittenni l-importanza tal-flessibbiltà meta jiġu implimentati l-proġetti, biex tippermetti lis-sħab iwettqu l-objettiv tagħhom minkejja sfidi legali/amministrattivi jew sfidi operazzjonali li jistgħu jseħħu. L-estensjonijiet bla spejjeż addizzjonali mhumiex neċessarjament dewmien fihom infushom, iżda mekkaniżmu biex jiżgura u jaġġusta t-twettiq tar-riżultati f’ċirkostanzi spiss avversi u diffikultużi. Mingħajr estensjonijiet bħal dawn, il-kisba tal-objettivi tista’ tiġi mfixkla serjament, li jista’ jwassal għal ħela ta’ riżorsi, jiġifieri ineffiċjenza.

L-estensjonijiet tal-proġetti ma jaffettwawx sistematikament l-effiċjenza tal-proġett u lanqas ma jnaqqsu sistematikament il-finanzjament disponibbli għall-benefiċjarji finali. Rigward il-proġetti vverifikati, li d-durata tagħhom ġiet estiża, l-estensjonijiet ġew immonitorjati bir-reqqa. L-estensjonijiet jista’ jkollhom impatt newtrali, jekk mhux pożittiv fuq l-effiċjenza tal-proġetti.

Ġeneralment, l-ispejjeż amministrattivi addizzjonali involuti minn estensjoni mingħajr spejjeż huma marġinali meta mqabbla mal-benefiċċji miksuba billi s-sieħeb jingħata aktar żmien biex jimplimenta l-attivitajiet tiegħu f’ċirkostanzi diffiċli bħal dawn, fejn spiss l-ostakli huma barra mir-responsabbiltà tagħha. Barra minn hekk, l-estensjoni taż-żmien miftiehma ma tirriżultax b’mod kumulattiv fi spejjeż amministrattivi peress li l-istruttura sħiħa ma tkunx fis-seħħ neċessarjament fil-bidu tal-proġett.

46

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza l-importanza li s-sħab jiġu konvinti jagħżlu miri ambizzjużi u li tassistihom biex jiksbuhom. Dan kien il-każ għall-biċċa l-kbira tal-proġetti, u l-miri fil-biċċa l-kbira ntlaħqu, anki jekk tard f’xi każijiet.

Il-Kummissjoni tqis li jekk is-sħab jitħallew jagħżlu riżultati mhux ambizzjużi ftit li xejn ikun hemm inċentiv għal titjib. Huwa importanti wkoll li s-sħab ikunu jafu li mhux se jiġu penalizzati jekk jistabbilixxu miri għolja iżda se jiġu permessi jagħmlu modifiki fejn meħtieġ sabiex jiksbu l-objettivi tagħhom.

Kaxxa 6 – Eżempji ta’ dewmien u diffikultajiet li ffaċċjaw il-proġetti

Proġett 2 – Forniment ta’ protezzjoni u ta’ soluzzjonijiet durabbli għar-refuġjati u għall-applikanti għall-ażil fit-Turkija

Il-Kummissjoni taqbel li s-sieħeb iffaċċja għadd kbir ta’ diffikultajiet amministrattivi u tekniċi matul l-implimentazzjoni tal-proġett. Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tenfasizza l-ambizzjoni u l-importanza tal-proġett, peress li l-proċess ta’ verifika f’din l-iskala kien biċċa xogħol mingħajr preċedent, li x’aktarx jirrikjedi aktar ħin u riżorsi.

L-eżerċizzju ta’ verifika li nbeda żied il-pass maż-żmien. Fil-bidu tal-proġett, peress li l-persunal reklutat ma kienx għadu tal-esperjenza, ir-rata ta’ intervisti ta’ kuljum kienet ta’ 10-15. Hekk kif il-proġett kompla, il-persunal kiseb esperjenza li tippermetti implimentazzjoni aktar rapida. Ir-rata attwali żdiedet għal 20-25.

Dan żied l-għadd ta’ persuni verifikati minn madwar 1 miljun fiż-żmien tal-awditjar għal 1.82 miljun minn Lulju 2018.

Proġett 10 - Appoġġ għan-nisa u l-bniet refuġjati l-aktar vulnerabbli

Il-Kummissjoni diġà qablet mal-Ministeru tas-Saħħa dwar proċess ta’ tranżizzjoni ċar biex jintegra n-nisa u l-bniet f’netwerk ta’ Ċentri tas-Saħħa tal-Migranti.

51

L-aċċess għad-data personali tal-benefiċjarji hija parti minn dibattitu wiesa’ dwar ir-regoli tal-protezzjoni tad-data. Il-gwida tal-Kummissjoni lis-sħab dwar it-trasferimenti ta’ flus kontanti fuq skala kbira tistipula li jeħtieġ li jiġu implimentati garanziji dwar il-protezzjoni tad-data personali, li jirrispettaw l-istandards internazzjonali u nazzjonali tal-protezzjoni tad-data.

52

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm nuqqas fl-aċċess għad-data personali (l-isem tal-benefiċjarji) iżda tixtieq tenfasizza li, minkejja n-nuqqas ta’ aċċess għall-ismijiet tal-benefiċjarji, is-sħab stabbilew mekkaniżmi ta’ kontroll robusti (ara t-tweġiba fil-punt VIII). Barra minn hekk, is-sħab kisbu aċċess awtonomu għall-portal tal-bank, u żviluppaw sistema ta’ identifikazzjoni unika biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ kwalunkwe dħul falz (peress li kull isem u numru tal-ID tal-benefiċjarju ġew sostitwiti b’numru uniku ġġenerat mis-sieħeb ta’ implimentazzjoni lokali).

54

Il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità kien qed jiġi żviluppat fiż-żmien tal-awditjar u l-Kummissjoni tkompli tiżviluppah. Għalhekk, ma hemm l-ebda nuqqasijiet inerenti fil-Qafas tar-Riżultati iżda biss kwistjonijiet temporanji li qed jiġu indirizzati gradwalment.

  1. Il-Kummissjoni tinnota li l-Qafas tar-Riżultati kien għadu qed jiġi żviluppat fiż-żmien tal-awditjar. L-indikazzjonijiet u l-miri huma fil-proċess li jiġu finalizzati.
  2. Il-kontribut reali tal-Faċilità lejn l-ilħiq tal-indikaturi ta’ livell għoli mhuwiex se jkun jista’ jiġi iżolat faċilment; din hija problema rikorrenti fl-evalwazzjoni tal-programmi kollha għall-iżvilupp.
  3. Il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità għandu mandat li jkopri l-assistenza pprovduta taħt il-Faċilità biss.
  4. Il-Kummissjoni tixtieq iżżid li d-deċiżjoni li ma jiġux inklużi indikaturi ta’ protezzjoni fil-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità kienet ibbażata wkoll fuq ir-raġunament li l-protezzjoni hija soġġetta għal attenzjoni kontinwa bl-għan finali li jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizz.
  5. Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li peress li għadd sostanzjali ta’ interventi ffinanzjati mill-Faċilità bdew l-implimentazzjoni tagħhom biss fl-2018, huwa diffiċli li wieħed jirrapporta dwar l-eżiti b’mod komprensiv u sinifikanti.
  6. Il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità kien fil-fażi pilota tiegħu fl-2017 u attwalment qed jiġi rivedut u għalhekk għadu ma ġiex ippubblikat.
56

Uħud mill-proġetti għadhom għaddejjin u għalhekk l-effettività tagħhom ma tistax tiġi vvalutata f’dan l-istadju. Il-valutazzjoni tar-riżultati tagħhom għandha tinkludi l-isfidi kontestwali li jiltaqgħu magħhom is-sħab matul l-implimentazzjoni.

57

L-ESSN issa laħqet aktar minn 1,3 miljun refuġjat.

Abbażi tal-analiżi tad-data u ta’ rieżami tas-CCTE 1, il-mira għas-CCTE 2 saħansitra żdiedet għal 450 000, abbażi ta’ evidenza li s-CCTE kienet ċertament strument utli biex jilħaq lit-tfal tal-iskola.

60

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni rapida, fejn l-użu ta’ kriterji demografiċi minflok kriterji soċjoekonomiċi kien kruċjali, minħaba d-disponibbiltà tad-data. Barra minn hekk, is-sistema ESSN ġiet imfassla bil-ħsieb li timita kemm jista’ jkun id-dispożizzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali u għalhekk il-kriterji demografiċi ġew privileġġati, bil-ftehim tal-Gvern Tork.

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza wkoll li skont l-istudji u l-evalwazzjonijiet, l-iżbalji ta’ inklużjoni/esklużjoni fi proġetti simili huma bħala medja ferm aktar frekwenti.

61

Il-valur inizjali (100 Lira Torka) ġie stabbilit fuq il-bażi li l-valur tat-trasferiment riċevut tipikament minn familji Torok permezz tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tal-gvern (ISAS) ma jinqabiżx fl-interessi tal-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, il-valur tat-trasferiment attwali għandu impatt pożittiv, kif muri mill-indikaturi tar-riżultati li qed jiġu sorveljati mis-sieħeb. Ta’ min jinnota wkoll li l-benefiċjarji tas-CCTE jikkoinċidu mal-benefiċjarji tal-ESSN b’madwar 80 %, li effettivament iżid il-valur tat-trasferiment għal bosta.

F’kull kuntest, il-valur tat-trasferiment għal programmi tat-trasferiment tal-flus konstanti jrid jitqabbel mal-parametru referenzjarju tal-assistenza pprovduta lil komunitajiet ospitanti. Minkejja valur tat-trasferiment aktar baxx mill-ħtiġijiet attwali, il-monitoraġġ ta’ wara d-distribuzzjoni (post-distribution monitoring - PDM) wera impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarji, kif ukoll fuq il-konsum tal-ikel tagħhom u żieda ċara fl-affidabbiltà fuq mekkaniżmu ta’ adattament negattiv (konsum tal-ikel kif ukoll l-għajxien). L-evalwazzjoni esterna tal-ESSN 1 turi li skont il-benefiċjarji, il-koperatura tal-unità domestika kienet aktar rilevanti milli l-adegwatezza tal-valur tat-trasferiment.

Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet

64

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-maġġoranza tal-proġetti kisbu l-outputs mistennija minnhom. L-akbar proġett, is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN), jirrappreżenta 76 % tal-finanzjament allokat, laħaq b’mod sodisfaċenti l-għanijiet tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li żewġ proġetti biss intemmu fiż-żmien tal-awditjar, peress li l-maġġoranza tal-proġetti kellhom jiġu estiżi, prinċipalment minħabba kuntest diffikultuż ħafna.

65

Il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żewġ oqsma prijoritarji ġew programmati u l-interventi tal-infrastruttura muniċipali ma setgħux iseħħu peress li l-proġetti proprji ppreżentati mit-Turkija għal finanzjament kienu nieqsa mill-maturità.

Rakkomandazzjoni 1 – Indirizzar aħjar tal-ħtiġijiet tar-refuġjati għal infrastruttura muniċipali u appoġġ soċjoekonomiku

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

68

Il-Kummissjoni tqis li l-appoġġ ta’ attivitajiet simili permezz ta’ strumenti paralleli ppermetta komplementarjetà u ma wassal għal ebda duplikazzjoni jew trikkib, u ppermetta lill-Kummissjoni taċċellera r-reazzjonijiet tagħha, peress li strumenti differenti ġew mobilizzati fi żminijiet differenti.

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib tar-razzjonalizzazzjoni u l-komplementarjetà tal-assistenza

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 3 – Implimentazzjoni ta’ strateġija għat-tranżizzjoni minn assistenza umanitarja għal assistenza għall-iżvilupp

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 4 – Titjib tal-effiċjenza ta’ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tinnota li l-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni ma tiddependix esklussivament fuq il-Kummissjoni iżda wkoll fuq ir-rieda tas-sħab li jaċċettaw dawn il-kundizzjonijiet.

Rakkommandazzjoni 5 – Indirizzar mal-awtoritajiet Torok dwar il-ħtieġa ta' titjib tal-ambjent operazzjonali għall-(I)NGOs

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

72

Minkejja n-nuqqas ta’ aċċess għall-ismijiet tal-benefiċjarji, is-sħab stabbilew mekkaniżmi ta’ kontroll robust. Is-sħab, flimkien mal-Kummissjoni, se jkomplu jaħdmu favur aċċess aħjar għad-data primarja għall-Gvern Tork, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-qafas legali.

Rakkomandazzjoni 6 – Titjib tal-monitoraġġ u r-rappurtar tal-Faċilità għar-refuġjati fit-Turkija

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

(a)

Il-Kummissjoni se tkompli timpenja ruħha mal-awtoritajiet Torok dwar din il-kwistjoni bil-għan li tiżgura aċċess sħiħ għad-data għas-sħab ta’ implimentazzjoni, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-qafas legali applikabbli.

(c)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Faċilità mhijiex maħsuba biex tikkoordina l-assistenza kollha tal-UE lir-refuġjati fit-Turkija; il-mandat tagħha dwar il-monitoraġġ u r-rapportar jirrigwarda l-assistenza tal-Faċilità biss. F’kuntest separat, il-Kummissjoni diġà qed tħejji Rapport Globali dwar l-Implimentazzjoni tal-finanzjament relatat mal-kriżi tal-migrazzjoni li se jikkomplimenta r-rapportar speċifiku tal-Faċilità.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

BEI: Bank Ewropew tal-Investiment

BERŻ: Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp

CCTE: Trasferiment Kundizzjonali ta’ Flus Kontanti għall-Edukazzjoni

DCI: Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp

DĠ ECHO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej

DĠ NEAR: Id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir

DGMM: Id-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (it-Turkija)

ESSN: Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza

IcSP: Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi

(I)NGO: Organizzazzjoni Nongovernattiva (Internazzjonali)

IPA: Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni

KfW: Kreditanstalt für Wiederaufbau

MoFSP: Ministeru għall-Familja u għall-Politiki Soċjali (it-Turkija)

MoNE: Ministeru għall-Edukazzjoni Nazzjonali (it-Turkija)

NU: Nazzjonijiet Uniti

PAK: Pjan ta’ Azzjoni Konġunt

SuTP: Sirjani taħt Protezzjoni Temporanja

Noti finali

1 Ara r-Rapport Speċjali Nru 7/2018 tal-QEA “Assistenza ta’ qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE lit-Turkija”.

2 Sors: l-UNHCR fil-31 ta’ Mejju 2018 (http://www.unhcr.org/tr/en/unhcr-turkey-stats).

3 It-Turkija nfisha tagħti l-istatus ta’ refuġjat biss lil persuni affettwati minn avvenimenti li jseħħu fl-Ewropa. Fl-2013, hija tat lis-Sirjani l-istatus speċjali ta’ “Sirjani taħt Protezzjoni Temporanja”. Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, f’dan ir-rapport aħna nużaw it-terminu “refuġjat” għall-persuni kollha li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali jew temporanja.

4 Skeda informattiva tad-DĠ ECHO – it-Turkija – Marzu 2016.

5 It-test sħiħ tal-PAK huwa disponibbli fuq http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5860_fr.htm

6 L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C (2015) 9500) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2016.

7 “Fond Fiduċjarju” huwa arranġament legali bi struttura finanzjarja distinta li jirraggruppa flimkien il-fondi ta’ diversi donaturi biex jiffinanzja azzjoni b’mod konġunt fuq il-bażi ta’ objettivi u formats tar-rappurtar miftiehma b’mod komuni (sors: Working Document XI – EU Trust Fund - Draft General Budget of the European Union for the Financial Year 2018 (id-Dokument ta’ Ħidma IX – Fondi Fiduċjarji tal-UE - Abbozz ta’ Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-Sena Finanzjarja 2018)).

8 L-Artikoli 4 u 9 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C (2015) 9500) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2016.

9 L-Istati Membri tal-UE kkontribwew dan l-ammont ta’ EUR 2 biljun fl-għamla ta’ dħul assenjat esternament għall-baġit tal-UE, u dawn il-flus ġew assenjati għal-linji baġitarji tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u tal-assistenza umanitarja. Għalhekk, f’termini legali, il-Faċilità hija ffinanzjata kollha kemm hi mill-baġit tal-UE.

10 Il-minuti tat-tieni Kumitat ta’ Tmexxija, it-12 ta’ Mejju 2016.

11 L-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C (2015) 9500) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2016.

12 L-“EUTF Madad” inħoloq f’Diċembru 2014 bl-objettiv li jindirizza l-ħtiġijiet ekonomiċi, edukattivi u soċjali fuq terminu twil tar-refuġjati Sirjani f’pajjiżi ġirien, inkluża t-Turkija. Wara li ġiet stabbilita l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, proporzjon tal-fondi favur il-Faċilità qed jiġi implimentat permezz tal-“EUTF Madad”.

13 It-test tat-tieni dikjarazzjoni UE-Turkija huwa disponibbli fuq: http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18/eu-turkey-statement/pdf

14 F’April 2018, il-Kummissjoni rrappurtat li l-wasliet irregolari mit-Turkija għall-Greċja baqgħu 97 % aktar baxxi mill-perjodu qabel ma d-Dikjarazzjoni saret operazzjonali. Għal aktar dettalji, ara “EU-Turkey statement - Two years on” (Id-dikjarazzjoni UE-Turkija - Sentejn wara) fuq https://ec.europa.eu/home-affairs/what-we-do/policies/european-agenda-migration/background-information_en

15 L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (C (2015) 9500) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2016.

16 Assistenza mhux umanitarja hija prinċipalment relatata ma’ għajnuna għall-iżvilupp aktar fit-tul b’fokus fuq l-edukazzjoni, is-saħħa, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-appoġġ soċjoekonomiku. Minħabba n-natura speċifika tagħhom, l-implimentazzjoni tagħhom tieħu ż-żmien, ġeneralment bejn sentejn (għal azzjonijiet operazzjonali bħat-taħriġ, it-tagħmir relatat mas-saħħa, eċċ.) u erba’ snin (għal azzjonijiet relatati mal-infrastruttura bħal ċentri tas-saħħa u skejjel).

17 L-Anness III jelenka l-organizzazzjonijiet kollha intervistati matul iż-żjara tal-awditjar fit-Turkija.

18 It-tnejn li jifdal kienu f’post remot wisq biex ikun prattiku.

19 Fl-Ewwel Fażi tal-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet, l-awtoritajiet Torok stmaw li l-ħtiġijiet kumplessivi kienu EUR 14 454 miljun għall-perjodu 2016-2018.

20 Il-paragrafu 3, il-Parti 1 tal-PAK UE-Turkija.

21 Ara pereżempju: https://interagencystandingcommittee.org/grand-bargain-hosted-iasc u https://www.devex.com/news/for-humanitarian-response-a-cash-based-payment-consensus-88238.

22 F’dan ir-rigward, il-Pjan Reġjonali għar-Refuġjati u r-Reżiljenza (3RP) tat-Turkija għall-2018-2019 li ġie stabbilit b’rispons għall-kriżi fis-Sirja semma li l-investimenti fl-infrastruttura u fil-kapaċitajiet muniċipali jibqgħu prijorità għolja (p. 5).

23 Il-ftehim ġie konkluż fit-3 ta’ Frar 2016, meta nbdiet il-Faċilità (ara http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/02/03/refugee-facility-for-turkey/).

24 Fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja 2017 għat-Turkija, il-Kummissjoni tirreferi għall-edukazzjoni formali bħala sistema edukattiva bi strutturi ġerarkiċi u progress kronoloġiku minn livell għall-ieħor jew minn grad għall-ieħor, b’bidu u tmiem stabbiliti. L-edukazzjoni formali ġeneralment isseħħ f’istituzzjoni u tinvolvi xi tip ta’ valutazzjoni li twassal għal ċertifikat jew kwalifika. Min-naħa l-oħra, l-edukazzjoni mhux formali hija relatata ma’ approċċ flessibbli għall-edukazzjoni bl-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ taħriġ barra mis-sistema formali.

25 Proġetti tal-UE li jirrappreżentaw aktar minn EUR 200 miljun ġew implimentati barra mill-Faċilità b'mod simultanju mal-appoġġ ipprovdut lir-refuġjati fit-Turkija permezz tal-Faċilità.

26 Kontribuzzjoni bilaterali diretta mill-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari l-Ġermanja b’aktar minn EUR 175 miljun għas-sena 2017, immirata li tipprovdi finanzjament għal attivitajiet u lil sħab simili għal dawk taħt il-Faċilità (ara l-Anness VII fis-settur tal-edukazzjoni).

27 Il-Qafas Konġunt għall-Iżvilupp Umanitarju, stabbilit għall-Ġordan b’rispons għall-kriżi fis-Sirja, għandu l-għan li jindirizza l-prijoritajiet fuq terminu medju għall-assistenza umanitarja u l-assistenza għall-iżvilupp, u b’hekk jintegra u jallinja aħjar ir-rispons ippjanat tad-DĠ NEAR u d-DĠ ECHO, kif ukoll dak fil-qafas tal-Fondi Fiduċjarji MADAD tal-UE.

28 Fil-qafas tiegħu ta’ Ġestjoni għat-Turkija datat Marzu 2017, id-DĠ ECHO jsemmi li l-objettiv huwa li jkun hemm tranżizzjoni tas-servizzi adattati għar-refuġjati għas-sistema tal-[Gvern tat-Turkija], għas-servizzi ta’ atturi nazzjonali oħra jew għal strumenti oħra tal-iżvilupp, hekk kif din il-kapaċità tiġi żviluppata. It-tranżizzjoni hija mistennija tkun kważi kompleta sal-31 ta’ Diċembru 2018, bl-eċċezzjoni possibbli ta’ xi servizzi speċjalizzati.

29 Gwida għas-sħab iffinanzjata mid-DĠ ECHO biex isiru trasferimenti ta’ flus kontanti fuq skala medja jew kbira fil-qafas tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja 2017.

30 Aħna qisna l-“effiċjenza” bħala l-aħjar relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u l-outputs jew ir-riżultati prodotti, u l-“effettività” bħala l-punt sa fejn l-objettivi jkunu ntlaħqu.

31 Għall-Proġett Nru 3 dwar is-CCTE, ir-riżultati preliminari tal-proġett li ttraċċaw l-attendenza u r-reġistrazzjoni fl-iskejjel kienu għadhom mhumiex disponibbli fiż-żmien meta sar l-awditu, u minħabba dan ma stajniex nivvalutaw l-eżiti tal-proġett.

32 Il-proporzjon ta’ effiċjenza li verament inkiseb kien għadu mhuwiex magħruf fiż-żmien meta sar l-awditu.

33 Il-kampjun kien jinkludi kemm il-proporzjonijiet ta’ effiċjenza reali kif ukoll dawk ibbaġitjati.

34 L-Artikolu 19.4 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv.

35 Il-proġetti ffinanzjati mid-DĠ ECHO għandhom baġit medju ta’ EUR 9 miljun taħt il-Faċilità u ta’ EUR 2 miljun fil-livell dinji.

36 Il-perċentwal tal-ispejjeż indiretti kien ta’ 7 % taħt l-ewwel fażi tal-ESSN u ta’ 6.5 % taħt it-tieni fażi.

37 Dan kien rekwiżit skont l-anness tekniku tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja 2016 li semma li, bħala minimu, l-ESSN kellha tinkludi l-karatteristiki distinti li l-ispejjeż ġenerali jinżammu għall-minimu assolut u jkunu ġġustifikati kif xieraq.

38 Inizjalment, il-proġetti ġew ippjanati għal medja ta’ 12-il xahar iżda ġew estiżi b’7 xhur.

39 Ħafna NGOs ingħalqu permezz ta’ digrieti tal-gvern jew kellhom l-attivitajiet tagħhom ristretti b’mod sinifikanti permezz ta’ applikazzjoni aktar stretta tar-rekwiżiti legali eżistenti jew bl-impożizzjoni ta’ rekwiżiti legali ġodda. Pereżempju, xi INGOs sabuha diffiċli biex iġeddu r-reġistrazzjoni tagħhom, biex jiftħu kontijiet bankarji, u biex jiksbu permessi tax-xogħol jew il-permess ta’ kooperazzjoni, li ma kienx ilu li ġie introdott, li jawtorizza lil INGO biex taħdem mas-sħab lokali inkarigati mill-implimentazzjoni.

40 Bħall-“Perċentwal ta’ refuġjati tal-età tal-iskola li qed jirċievu edukazzjoni” jew ir-“Rata tal-mard prinċipali li jittieħed fost ir-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti”.

41 Aħna żorna l-proġetti kollha fil-kampjun tagħna għajr il-Proġetti Nru 5 u Nru 7.

42 B’mod aktar konkret, żewġ proġetti kienu għalkollox effettivi (il-Proġetti Nru 4 u Nru 10), tnejn kienu effettivi fil-biċċa l-kbira mill-aspetti (il-Proġetti Nru 1 u Nru 6) u ħames proġetti għadhom ma kisbux l-eżiti li kienu ppjanati inizjalment (Nri 2, 5, 7, 8 u 9).

43 Is-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni tas-CCTE rraporta li madwar 81 % tal-benefiċjarji tas-CCTE kienu rreġistrati fl-ESSN ukoll, li turi li l-komplementarjetà qawwija bejn iż-żewġ proġetti.

44 Mġiba negattiva ta’ adattament tvarja minn dik mhux serja ħafna (bħar-razzjonar tal-ikel) għal dik serja ħafna (bħat-tħaddim tat-tfal).

45 Ir-rapport interim dwar l-ESSN datat il-31 ta’ Mejju 2018.

46 L-unitajiet domestiċi li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin huma eliġibbli għall-assistenza: 1. Nisa adulti mhux miżżewġin (bejn 18-il sena u 59 sena) li ma għandhom l-ebda familja. 2. Ġenituri waħidhom mingħajr adult ieħor fil-familja u b’mill-inqas wild wieħed taħt it-18-il sena. 3. Anzjani ta’ 60 sena jew aktar mingħajr adult ieħor fil-familja. 4. Familji b’persuna waħda jew aktar b’diżabbiltà. 5. Familji b’erbat itfal jew aktar. 6. Familji b’mill-inqas 1.5 persuna dipendenti għal kull adult f’saħħtu.

47 L-ewwel ċiklu ta’ monitoraġġ, wara d-distribuzzjoni, imwettaq mis-sieħeb tan-NU inkarigat mill-implimentazzjoni.

48 Madwar EUR 50 fi tmiem l-2016.

49 Waħda mir-raġunijiet prinċipali kienet li l-awtoritajiet Torok ma riedux jipprovdu livell ogħla ta’ assistenza lir-refuġjati milli liċ-ċittadini Torok, peress li dan seta’ jikkawża tensjonijiet.

50 Dan kien jirrappreżenta madwar EUR 33 f’Ġunju 2017.

 

1 FAFA: Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv, iffirmat bejn il-Komunità Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti fl-2003.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 17.10.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 12.7.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 2.10.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 9.11.2018

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna/Sigurtà u ġustizzja, immexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA, li kienet ukoll il-Membru Relatur għal dan ir-rapport. Is-Sinjura Jakobsen ingħatat appoġġ minn Katja Mattfolk, Kap tal-Kabinett u Kim Storup, Attaché tal-Kabinett; Alejandro Ballester Gallardo, Maniġer Prinċipali; Cyril Messein, Kap tal-Kompitu; Florin-Alexandru Farcas, Andrej Minarovic u Nikolaos Zompolas, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Katja Mattfolk, Florin-Alexandru Farcas, Bettina Jakobsen, Andrej Minarovic, Cyril Messein, Kim Storup

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-847-1098-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/469471 QJ-AB-18-025-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1099-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/42956 QJ-AB-18-025-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.