5.5. Testi preliminari u finali
5.5.1. Dedika
Id-dedika ġeneralment tkun qasira ħafna u stampata b’karattri iżgħar minn dawk użati fil-bqija tal-pubblikazzjoni. Hija titqiegħed kemm kemm ’il fuq miċ-ċentru ottiku tal-paġna. Il-wara tagħha jitħalla vojt.
5.5.2. Il-kelmtejn ta’ qabel, il-prefazju u d-daħla
Il-kelmtejn ta’ qabel jitqiegħed fil-bidu tax-xogħol; l-għan tiegħu huwa li jippreżenta lill-qarrej l-awtur tal-ktieb jew ix-xogħol li se jikkonsulta. Is-soltu l-awtur ma jagħmilx il-kelmtejn ta’ qabel ta’ xogħlu stess. Il-prefazju jsir f’karattru differenti mill-bqija tax-xogħol, ġeneralment bil-korsiv u probabbilment, ikbar.
Il-prefazju, miktub mill-awtur innifsu, huwa preżentazzjoni qasira tax-xogħol fejn l-awtur jesponi l-għanijiet tiegħu. Ġeneralment huwa miktub b’tipa Rumana.
Id-daħla, miktuba mill-awtur innifsu, għandha l-iskop li tippreżenta l-istruttura tax-xogħol lill-qarrej. Hija magħmula ġeneralment mill-istess karattri bħal dawk użati fix-xogħol.
5.5.3. Il-werrej
Il-werrej jitqiegħed, skont il-prassi tradizzjonali, fuq quddiem nett tax-xogħol. Huwa magħmul minn lista tat-titoli eżatti, estratti tat-test ta’ kull subdiviżjoni tax-xogħol. Ma’ kull titolu, ġeneralment konness permezz ta’ punti gwida, jidher in-numru tal-paġna jew il-bidu tal-parti rilevanti.
Il-werrej ġenerali jista’ jkun akkumpanjat minn werrej sussidjarju għal kull taqsima; il-livell ta’ dettall għal kull wieħed huwa adattat skont kif jixraq.
Il-werrej jista’ jiġi akkumpanjat minn tabella tal-illustrazzjonijiet u ta’ lista ta’ tabelli u graffs.
5.5.4. Bibljografiji
Referenza għal xogħol sħiħ
Għandha tiġi adottata din l-ordni:
Wettinger, G., Kliem Malti Qadim, L-Istitut tal-Lingwistika u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, Malta, 2006, p. 39.
Referenza għal parti minn xogħol: kontribuzzjoni jew artikolu
Għandha tiġi adottata din l-ordni:
Grima, A., “L-Analiżi Kritika tal-Poeżija”, Il-Qari tal-Letteratura: Bejn Esperjenza u Kritika, Allied Publications, Malta, 2009, pp. 71–98.
Referenza għal perjodiku jew għal pubblikazzjoni f’serje
Għandha tiġi adottata din l-ordni:
“Economic transformation in Hungary and Poland”, European Economy Nru 43, Marzu 1990, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Lussemburgu, 1990, pp. 151–167.
Kummenti ġenerali
Għall-konvenjenza, jintużaw l-abbrevjazzjonijiet li ġejjin: ikomp., pp., Vol., eċċ. (ara l-Anness A3). Kull nota ta’ spjegazzjoni — frekwenza, post tal-pubblikazzjoni, eċċ. — trid titfassal fl-ilsien Malti.
5.5.5. Indiċi
L-indiċijiet huma listi dettaljati li jikklassifikaw, kif spjegat hawn taħt, is-suġġetti meqjusa bħala importanti (kunjomijiet tal-persuni, ismijiet tal-postijiet, avvenimenti, kliem importanti, eċċ.) u li jispeċifikaw il-pożizzjoni tagħhom fil-pubblikazzjoni.
L-indiċijiet jistgħu jiġu stabbiliti skont kriterji differenti: b’mod alfabetiku, sistematiku, kronoloġiku, numerat, eċċ.
Spiss ikun hemm bosta sistemi ta’ klassifikazzjoni soġġetti għal xulxin fl-istess indiċi.
Huwa possibbli li jsiru indiċijiet speċjalizzati (indiċi tal-awturi, tal-ismijiet ġeografiċi, eċċ.) jew li din l-informazzjoni kollha tinġabar f’indiċi ġenerali.
Preżentazzjoni tal-indiċi
Fil-proċess ta’ produzzjoni, fil-każijiet fejn sar it-tqassim tal-paġni ta’ xogħol, huwa s-servizz tal-awtur li jkollu d-dmir li jlesti u jivverifika l-indiċi (pereżempju, l-awtur ilesti l-impaġnar f’indiċi li jagħmel referenza għan-numri tal-paġni).
Jekk l-indiċi ta’ xogħol jidher fil-forma ta’ faxxilklu separat, it-titolu tiegħu jrid jindika l-awtur, it-titolu, il-post u d-data tal-pubblikazzjoni indiċjata, hekk kif jidhru fuq il-paġna ta’ titolu.
It-titolu tal-indiċi ta’ perjodiku jew ta’ pubblikazzjoni f’serje, jirriproduċi t-titolu sħiħ, in-numru tal-volum u l-perjodu kopert mill-indiċi.
Fil-każ tal-perjodiċi, huwa rakkomandat li jiżdiedu l-indiċijiet kumulattivi għall-indiċijiet tal-volumi. Għalhekk ir-referenzi jridu jinkludu s-sena u n-numru tal-volum.
Jekk kull faxxilku ta’ volum jiġi impaġnat b’mod separat, in-numru tal-faxxiklu jew id-data tiegħu, iridu jitniżżlu fir-referenza.
L-intestaturi kurrenti jridu jidhru fuq in-naħa ta’ quddiem u fuq in-naħa ta’ wara ta’ kull paġna u jridu jsemmu, rispettivament, it-titolu tax-xogħol u n-natura tal-indiċi, ħlief f’każijiet partikolari. F’każ ta’ indiċi voluminuż, huwa rakkomandat li jiġu indikati l-inizjali tal-ewwel u l-aħħar kelma, jew il-kelmiet innifishom, fir-rokna esterna ta’ fuq ta’ kull paġna.
Jekk l-indiċi jitqiegħed fil-bidu tal-pubblikazzjoni, l-impaġnar tiegħu jrid ikun distint minn dak tat-test.
L-indiċijiet tal-perjodiċi jew ta’ pubblikazzjonijiet oħrajn f’serje, iridu jiġu ppubblikati volum b’volum u, jekk jista’ jkun fil-frekwenza, ta’ darba fis-sena. Bl-istess mod, l-indiċijiet kumulattivi huma ppubblikati f’intervalli regolari.



