ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

9.1. L-indirizzi

9.1.1. L-indirizzi: prinċipji ġenerali

L-analiżi tal-metodi ta’ kif jinkitbu l-indirizzi hija ħidma diffiċli u kumplessa billi m’hemmx sistema unika għall-pajjiżi kollha. Kif ukoll, il-preżentazzjoni tal-indirizzi hija differenti għall-posta nazzjonali u dik internazzjonali. Fil-prinċipju, il-format internazzjonali huwa dejjem użat fix-xogħlijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Għal dettalji preċiżi dwar il-preżentazzjoni tal-indirizzi, jekk jogħġbok irreferi għas-siti web individwali tas-servizzi postali nazzjonali. Links għal dawn huma disponibbli fuq is-sit tal-Unjoni Postali Universali (UPU) (https://www.upu.int/en/Postal-Solutions/Programmes-Services/Addressing-Solutions).

L-UPU tagħmel ukoll diversi rakkomandazzjonijiet ta’ natura ġenerali, iżda għax-xogħlijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej, limitazzjoni addizzjonali li trid tiġi kkunsidrata hija jekk ix-xogħol jikkonċernax dokumenti monolingwi jew multilingwi.

Links utli

UPU, sistemi ta’ indirizzi (EN, FR):
https://www.upu.int/en/Postal-Solutions/Programmes-Services/Addressing-Solutions

UPU, sistemi ta’ indirizzi postali f’pajjiżi membri (EN, FR):
https://www.upu.int/en/Postal-Solutions/Programmes-Services/Addressing-Solutions#scroll-nav_5

UPU, Universal POST*CODE® DataBase (EN, FR):
https://www.upu.int/en/Postal-Solutions/Programmes-Services/Addressing-Solutions#scroll-nav_1

Lingwi u karattri li għandhom jintużaw

Il-parti tal-indirizz li tindika l-pajjiż ta’ destinazzjoni għandha tkun miktuba skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-pajjiż li qed jibgħat (preferibbilment fil-lingwa tal-pajjiż li qed jibgħat jew f’lingwa li hija magħrufa internazzjonalment).

L-isem tal-pajjiż ta’ destinazzjoni għandu jidher f’ittri kapitali fuq l-aħħar linja tal-indirizz.

Minħabba li r-rakkomandazzjonijiet ivarjaw skont l-użu tal-ittri kapitali fl-aħħar/fl-aħħar żewġ/fl-aħħar tliet linji, ġie deċiż li ssir armonizzazzjoni tal-preżentazzjoni: l-isem tal-pajjiż biss ikun jidher b’ittri kapitali.

Jekk il-pajjiż ta’ destinazzjoni juża alfabett ieħor barra dak Ruman jew alfabett li mhuwiex imfisser biżżejjed, l-isem tal-pajjiż tad-destinazzjoni u possibbilment l-isem tal-belt, għandhom ikunu rrepetuti f’lingwa magħrufa internazzjonalment biex jiġu evitati problemi waqt it-tranżitu f’pajjiżi intermedji.

Il-bqija tal-indirizz għandu jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-pajjiż ta’ destinazzjoni.

Kodiċi postali

Il-kodiċi postali ta’ qabel, li kienu użati għat-trasferiment ta’ posta internazzjonali (kodiċi speċifiċi fl-Ewropa wara rakkomandazzjoni mill-Konferenza tal-Amministrazzjonijiet Postali u Telekomunikazzjonijiet Ewropej fl-1965, u ISO 3166 alfa-2 kodiċi għal pajjiżi oħra), ġew irtirati jew mibdula f’ħafna pajjiżi.

Fl-ewwel ta’ April 2024, seba’ Stati Membri tal-UE biss kienu għadhom jużaw kodiċi tal-pajjiż: il-Kroazja (HR), Ċipru (CY), il-Latvja (LV), il-Litwanja (LT), il-Lussemburgu (L), il-Finlandja (FI) u l-Iżvezja (SE).

NB:
Għal-Latvja, il-kodiċi jiġi wara l-isem tal-belt, wara virgola u spazju:
Riga, LV-1073

Il-kodiċi tal-pajjiż ta’ qabel ma għandux jiġi użat għall-Istati Membri l-oħra. Fil-Ġermanja, jekk ikun hemm il-kodiċi tal-pajjiż ta’ qabel, l-oġġett jista’ jinżamm lura mill-magna li tagħżel l-posta.

Għal aktar informazzjoni fuq kodiċi postali fl-Istati Membri, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 9.1.5.
Data tal-aħħar aġġornament: 2.4.2024
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss