ISSN 1831-5380
Mappa tas-sit | Avviż legali | L-Cookies | FAQ | Kuntatt | Ipprintja l-paġna

Referenzi

Bażi ġuridika

Id-Deċiżjoni 69/13/Euratom, KEFA, KEE tas-16 ta’ Jannar 1969 li tistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 13, 18.1.1969), imħassra u mibdula bid-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 30.6.2009, p. 41):

Artikolu 1

Il-kompitu tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li huwa uffiċċju interisti­tuzzjonali, għandu jkun li jippubblika l-pubblikazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Unjoni Ewropea fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli.”

*

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni ddefinixxa pubblikazzjoni bħala test idduplikat, maħsub l-aktar għall-użu estern, li l-produzzjoni tiegħu tikkostitwixxi spiża baġitarja.

L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu r-responsabbiltà, fost oħrajn:

(i)
li jistandardizza l-formati;
(ii)
li jarmonizza l-preżentazzjoni tal-pubblikazzjonijiet.
NB:
Skont id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq, l-isem “L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej” inbidel għal “L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea”, bid-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009.

Mandat

Il-gwida tal-istil titmexxa mill-entitajiet li ġejjin:

Il-Kumitat Interistituzzjonali, imwaqqaf mill-Bord tat-Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, hu magħmul minn rappreżentanti ġenerali mill-istituzzjonijiet li ġejjin: Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;
It-taqsima tal-koordinazzjoni ġenerali għall-gwida tal-istil, ibbażata fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet;
Il-gruppi lingwistiċi interistituzzjonali (wieħed kull lingwa), li r-rappreżentanti tagħhom jinħatru mill-membri tal-Kumitat Interistituzzjonali.

Il-Kumitat Interistituzzjonali jaħtar rappreżentanti uffiċjali biex jipparteċipaw direttament fix-xogħol tal-gruppi lingwistiċi. Il-kumitat jista’ jaġixxi bħala arbitru fil-każ ta’ problema kbira.

It-taqsima tal-koordinazzjoni ġenerali hija responsabbli mill-proċedura tal-ġestjoni ġenerali: jorganizza x-xogħol, jiżgura l-koerenza tad-deċiżjonijiet meħuda fil-gruppi differenti, jaġġorna u jiżviluppa l-proċess. Din it-taqsima hija responsabbli wkoll mill-ġestjoni ġenerali tas-sit web tal-gwida tal-istil u tipparteċipa direttament fl-iżvilupp tiegħu.

Il-gruppi lingwistiċi huma responsabbli mill-iżvilupp u s-segwitu tal-verżjonijiet lingwisitċi rispettivi tagħhom, bil-gwida tat-taqsima tal-koordinazzjoni ġenerali. Ir-rappreżentanti fil-gruppi tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jikkoordinaw ix-xogħol u jittrażmettu lura l-informazzjoni tat-taqsima tal-koordinazzjoni ġenerali. Il-gruppi huma magħmula minn rappreżentanti mill-entitajiet lingwistiċi varji tal-istituzzjonijiet: ġuristi lingwisti, tradutturi, terminologi, qarrejja tal-provi, eċċ.

Barra minn hekk, korpi varji li jieħdu d-deċiżjonijiet, notevolment is-Segretarjat Ġenerali, is-servizz tal-protokoll u s-servizzi inkarigati mir-relazzjonijiet esterni tal-Kummissjoni, huma kkonsultati regolarment skont is-suġġett tal-ġurnata. Jinżamm kuntatt mill-qrib ma’ organiz­zazzjonijiet internazzjonali varji, partikolarment fir-rigward ta’ standardizzazzjoni (ISO).

Data tal-aħħar aġġornament: 7.9.2022
It-tarf ta’ fuq tal-paġna
Il-paġna ta’ qabelIl-paġna li jmiss