Rapport Speċjali
Nru19 2017

L-awdituri eżaminaw jekk il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jiżgurawx li l-proċeduri ta’ importazzjoni jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

Dwar dan ir-rapport

I

Il-merkanzija li tidħol fl-UE minn barra t-territorju tal-Unjoni Ewropea hija suġġetta għal kontrolli doganali mill-Istati Membri qabel ma tiġi rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera fi ħdan l-UE. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jiżgurawx li l-proċeduri ta’ importazzjoni jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. Sibna dgħufijiet u lakuni importanti li jindikaw li l-kontrolli ma jiġux applikati b’mod effettiv. Dan għandu effett negattiv fuq il-finanzi tal-UE. Aħna nagħmlu għadd ta' rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-kontrolli.

Dwar il-kontrolli doganali

II

Il-kontrolli doganali jistgħu biss jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jekk ikunu bbażati fuq regoli komuni u jekk l-Istati Membri japplikawhom b’mod armonizzat u standardizzat.

III

Malli tidħol il-merkanzija, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru tal-importazzjoni jirrikjedu lill-importatur iħallas jew ikopri b’garanzija kwalunkwe dazju doganali dovut fuq il-merkanzija importata. Madankollu, l-importaturi jistgħu deliberatament inaqqsu jew jevadu l-obbligazzjoni tad-dazji doganali, pereżempju, billi jissottovalutaw il-merkanzija tagħhom, jiddikjaraw pajjiż ta’ oriġini falz jew jibdlu għal klassifikazzjoni tal-prodotti li jkollha rata ta’ dazju aktar baxxa.

IV

Id-dazji doganali jikkostitwixxu 14 % tal-baġit tal-UE. L-evażjoni tagħhom iżżid in-nuqqas doganali u jrid isir kumpens għaliha permezz ta’ kontribuzzjonijiet ogħla tal-ING li jingħataw mill-Istati Membri. Fl-aħħar mill-aħħar, l-ispiża tintrefa’ mill-kontribwenti Ewropej.

Kif wettaqna l-awditu tagħna

V

Aħna eżaminajna jekk il-kontrolli doganali tal-UE jipproteġux l-interessi finanzjarji tagħha u jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri fasslux proċeduri ta’ importazzjoni robusti li jipproteġu dawk l-interessi.

X'sibna

VI

Aħna sibna dgħufijiet serji li jindikaw li hemm nuqqasijiet fil-qafas legali doganali kif ukoll implimentazzjoni ineffettiva tal-kontrolli doganali fuq l-importazzjonijiet, u li dawn jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE b’mod negattiv.

VII

L-Istati Membri ma jiġux imħeġġa biżżejjed, f’termini finanzjarji, biex iwettqu kontrolli doganali. Dawk li jwettqu kontrolli doganali iżda ma jirnexxilhomx jirkupraw it-telf għad-dħul tal-UE għandhom ir-riskju li jbatu konsegwenzi finanzjarji, filwaqt li dawk li ma jwettqux dawn il-kontrolli jista’ jkun li ma jġarrbux konsegwenzi ta’ dan it-tip.

VIII

L-Istati Membri għamlu progress lejn l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali. Iżda huma għandhom approċċi differenti f’dak li jirrigwarda kontrolli doganali biex jindirizzaw is-sottovalwazzjoni, id-deskrizzjoni skorretta tal-oriġini, u l-klassifikazzjoni skorretta, u biex jimponu pieni doganali. Kontrolli doganali onerużi jista’ jkollhom impatt fuq l-għażla li l-operaturi tas-suq jagħmlu dwar l-uffiċċju doganali tal-importazzjoni, u għalhekk l-ajruporti/portijiet b’inqas kontrolli doganali jistgħu jattiraw aktar traffiku.

IX

Fl-Istati Membri għadhom jeżistu għadd ta’ lakuni fir-rigward tal-kontroll tal-importazzjonijiet.

X’nirrakkomandaw

X

Aħna nagħmlu r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri.

XI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. sabiex tkun tista’ tilqa’ t-talba tal-Parlament Ewropew, tiżviluppa metodoloġija u toħroġ stimi perjodiċi tan-nuqqas doganali mill-2019 ’il quddiem u tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tagħha għall-allokazzjoni tar-riżorsi u għall-issettjar ta’ miri operazzjonali;
  2. tqis il-possibbiltajiet disponibbli kollha biex issaħħaħ l-appoġġ għas-servizzi doganali nazzjonali fir-rwol importanti tagħhom, li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid jikkonferilhom fir-rigward tal-UE, inkluż it-twettiq ta’ rieżami tar-rata xierqa tal-ispejjeż tal-ġbir;
  3. fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss tipproponi li l-programmi ta’ azzjoni tal-UE li jmiss, li jappoġġaw l-Unjoni doganali, jintużaw biex jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà finanzjarja tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej fil-qasam tad-dwana;
  4. tkun aktar preċiża fit-talbiet li jkunu jinsabu f’komunikazzjoni ta' Assistenza Reċiproka biex tiżgura l-implimentazzjoni uniformi tagħhom mill-Istati Membri; u
  5. tipproponi emendi għal-leġiżlazzjoni doganali fl-2018 li jkollhom l-għan li jagħmlu obbligatorja l-indikazzjoni tal-konsenjatur fid-dikjarazzjoni doganali tal-importazzjoni
XII

Jenħtieġ li l-Istati Membri:

  1. idaħħlu kundizzjoni li permezz tagħha l-evitar ta’ kontrolli ssuġġeriti minn filtru ta’ riskju partikolari jkun jirrikjedi approvazzjoni ġerarkika minn qabel jew minnufih;
  2. jintroduċu kontrolli fis-sistemi elettroniċi tagħhom ta’ rilaxx biex jimblokkaw dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni li jkun fihom applikazzjonijiet għal eżenzjoni mid-dazju fuq il-merkanzija li l-valur iddikjarat tagħha jkun ta’ aktar minn EUR 150, jew għal kunsinni kummerċjali ddikjarati bħala rigali; u
  3. jifformulaw pjanijiet ta’ investigazzjoni biex jiġġieldu kontra l-abbuż li jsir minn din l-eżenzjoni fuq il-kummerċ elettroniku ta’ merkanzija ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

Introduzzjoni

01

Fl-2018, l-UE se tiċċelebra l-50 anniversarju minn meta twaqqfet l-Unjoni Doganali. Unjoni Doganali tfisser in-nuqqas ta’ dazji doganali u kwoti fil-fruntieri interni bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-istabbiliment ta’ dazji doganali komuni fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. L-Unjoni Doganali flimkien mal-Politika Kummerċjali Komuni huma oqsma ta’ kompetenza esklussiva tal-UE1, li fi ħdanhom tiġi ddefinita l-biċċa l-kbira mill-politika doganali u tiġi adottata l-leġiżlazzjoni doganali. Madankollu, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali hija primarjament f’idejn l-Istati Membri2.

02

Għalkemm il-fruntieri interni tneħħew, il-merkanzija li tidħol fl-Istati Membri minn barra t-territorju doganali tal-UE hija suġġetta għal kontrolli doganali u għal pagament ta’ kwalunkwe dazju doganali qabel ma tiġi rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera fi ħdan l-UE.

03

Ir-rilaxx ta’ merkanzija importata għal ċirkolazzjoni libera jfisser li l-merkanzija tista’ tiċċirkola b’mod liberu fi ħdan is-suq uniku tal-UE, bħal kwalunkwe prodott li jkun joriġina mill-UE3. Għaldaqstant, malli tidħol il-merkanzija, jenħtieġ li l-amministrazzjoni doganali tal-Istat Membru tal-importazzjoni tirrikjedi lill-importatur iħallas jew ikopri b’garanzija kwalunkwe dazju doganali dovut fuq il-merkanzija importata.

04

Id-dazji doganali, flimkien mal-imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor (kollettivament magħrufa bħala Riżorsi Proprji Tradizzjonali (RPT)), huma sors importanti ta’ dħul għall-baġit tal-UE. Huma jiġu ttrasferiti għall-baġit, wara li titnaqqas iż-żamma għall-ispejjeż tal-ġbir. Fl-2016, l-RPT kienu jikkostitwixxu 14 % tad-dħul tal-UE u ammontaw għal EUR 20.1 biljun.

05

L-awtoritajiet doganali jridu jilħqu bosta objettivi, u riżorsi skarsi jridu jiġu allokati għal kull wieħed minnhom. Huma jistinkaw biex jissodisfaw objettivi bħalma huma l-applikazzjoni ta’ miżuri mhux fiskali li għandhom l-għan li jtejbu s-sigurtà interna tal-UE, filwaqt li jipproteġu l-Unjoni minn kummerċ inġust u illegali, u l-protezzjoni tal-ambjent. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu saret prijorità għall-awtoritajiet doganali. Huma responsabbli wkoll għall-ġbir tad-dazji doganali, tad-dazji tas-sisa, u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fl-importazzjoni.

06

Huwa diffikultuż għall-awtoritajiet doganali li jiksbu bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ, bi proċeduri ta’ importazzjoni li jkunu aktar rapidi u mingħajr xkiel, u l-ħtieġa li jitwettqu kontrolli doganali. Kontrolli doganali onerużi jista’ jkollhom impatt fuq l-għażla li l-operaturi tas-suq jagħmlu dwar l-uffiċċju doganali tal-importazzjoni, u għalhekk l-ajruporti/portijiet b’inqas kontrolli doganali jistgħu jattiraw aktar traffiku.

07

L-obbligazzjoni tad-dazji doganali fil-mument meta tiġi rilaxxata l-merkanzija tiddependi minn tliet fatturi: (i) il-valur doganali tal-merkanzija importata, meta d-dazju jiġi ssettjat bħala perċentwal ta’ dan il-valur (ad valorem); (ii) l-oriġini tal-merkanzija; u (iii) il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija li, flimkien mal-oriġini, tiddetermina r-rata ta’ dazju doganali li trid tiġi applikata fuq il-valur doganali.

Kif isseħħ l-evażjoni tad-dazji doganali

08

L-importatur jista’ deliberatament inaqqas l-obbligazzjoni tad-dazji doganali permezz ta’:

  1. sottovalwazzjoni, jiġifieri meta l-importatur jiddikjara valur tal-merkanzija importata li jkun inqas mill-valur reali, li spiss tkun akkumpanjata mill-preżentazzjoni ta’ dokumenti kummerċjali foloz;
  2. deskrizzjoni skorretta tal-oriġini, fejn l-importatur jiddikjara pajjiż ta’ oriġini falz tal-merkanzija importata;
  3. klassifikazzjoni skorretta, billi jibdel għal klassifikazzjoni tal-prodotti li jkollha rata ta’ dazju aktar baxxa; jew
  4. kombinament ta’ dawn ta’ hawn fuq.
09

Fl-aħħar nett, l-importaturi jistgħu jabbużaw minn eżenzjoni mid-dazji doganali billi japplikaw għal eżenzjoni għall-merkanzija li ma tkunx eliġibbli.

In-nuqqas doganali u l-impatt tiegħu

10

L-evażjoni mid-dazji doganali żżid in-nuqqas doganali li, fi studju li sar mill-Parlament Ewropew4 (PE), huwa ddefinit bħala d-differenza bejn il-livell teoretiku tad-dazji tal-importazzjoni li għandhom jinġabru għall-ekonomija fl-intier tagħha u d-dazji tal-importazzjoni reali li jkunu nġabru. Kwalunkwe nuqqas fil-ġbir tad-dazji jrid jiġi kkumpensat permezz ta’ kontribuzzjonijiet ogħla tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) mill-Istati Membri u li, fl-aħħar mill-aħħar, dawn jintrefgħu mill-kontribwenti Ewropej.

Kif għandha tiġi indirizzata l-evażjoni mid-dazji doganali: kontrolli doganali u skambji ta’ informazzjoni

11

Il-merkanzija importata fl-UE hija suġġetta għal kontrolli doganali. Dawn il-kontrolli doganali jistgħu biss jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE jekk ikunu bbażati fuq regoli komuni u jekk l-Istati Membri japplikawhom b’mod armonizzat u standardizzat.

12

Kontrolli doganali fuq l-importazzjonijiet jistgħu jitwettqu:

  1. qabel il-wasla ta’ merkanzija fit-territorju tal-UE jew fil-post tal-ħatt, u f’dan il-każ ikunu magħrufin bħala kontrolli ta’ qabel il-wasla jew kontrolli ta’ qabel ir-rilaxx;
  2. meta l-merkanzija tiġi importata, l-hekk imsejħa kontrolli tar-rilaxx; jew
  3. wara l-importazzjoni tal-merkanzija, ladarba dawn ikunu f’ċirkolazzjoni libera. Dawn huma l-kontrolli ta’ wara r-rilaxx. Huma jistgħu jkunu jew kontrolli bbażati fuq l-awditi (awditi ta’ wara r-rilaxx) jew inkella kontrolli bbażati fuq it-tranżazzjonijiet (kontrolli oħra ta’ wara r-rilaxx).
13

Peress li l-UE ma għandhiex oqfsa armonizzati ta’ kontroll u ta’ ġestjoni tar-riskju, it-taħlita u l-prevalenza ta’ kull waħda minn dawn it-tliet forom ta’ kontroll ivarjaw minn Stat Membru wieħed għal ieħor. Kontrolli inqas effettivi fl-istadji ta’ qabel ir-rilaxx u waqt ir-rilaxx ifissru li jenħtieġ li r-riskji li jifdal, u li jaffettwaw il-ġbir tad-dazji doganali, jiġu mitigati fl-istadju ta’ wara r-rilaxx.

14

Jeħtieġ li l-awtoritajiet doganali jiskambjaw informazzjoni ma’ pajjiżi oħra dwar il-kummerċ internazzjonali biex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet doganali kif ukoll il-kompletezza tal-ġbir tad-dħul. Dan huwa magħruf bħala assistenza amministrattiva reċiproka.

15

L-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jseħħu fil-livell tal-UE bejn l-Istati Membri jew bejnhom u l-Kummissjoni, jew fil-livell internazzjonali ma’ pajjiżi mhux tal-UE. L-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE jsiru fil-qafas tar-regolament dwar l-assistenza reċiproka jew fil-qafas tas-sistema tal-ġestjoni tar-riskju doganali għal informazzjoni relatata mar-riskji.

16

L-awtoritajiet doganali jistgħu jikkooperaw ukoll ma’ xulxin u jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattika permezz ta’ azzjonijiet konġunti, seminars, korsijiet ta' taħriġ, gruppi ta’ proġetti, żjarat ta’ ħidma, u operazzjonijiet transkonfinali ffinanzjati mill-programmi ta’ azzjoni tal-UE. Żewġ programmi ta’ azzjoni ewlenin tal-UE jiffinanzjaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE: Dwana 2013/2020 u Hercule II/III.

17

Il-programm Dwana 2013 pprovda kważi EUR 325 miljun matul is-sitt snin tal-implimentazzjoni tiegħu biex “jappoġġa u jikkomplementa l-azzjoni li tittieħed mill-Istati Membri sabiex jiġi garantit il-funzjonament effikaċi tas-suq intern fis-settur doganali”5. Il-programm Dwana 2020 jappoġġa l-funzjonament tal-Unjoni Doganali. Ir-Regolament tiegħu jistabbilixxi bosta objettivi speċifiċi li għandhom l-għan li jappoġġaw lill-awtoritajiet doganali fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE, u jipprovdi finanzjament ta’ kważi EUR 525 miljun għall-perjodu 2014-20.

18

Il-programm Hercule II kien programm ta’ azzjoni tal-UE li kien jiffinanzja azzjonijiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, u għamel disponibbli kważi EUR 100 miljun għall-azzjonijiet kontra l-frodi bejn l-2007 u l-2013. Is-suċċessur tiegħu kien il-programm Hercule III li għandu baġit ta’ EUR 105 miljun għall-perjodu 2014-20.

19

L-awtoritajiet doganali jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw ma’ pajjiżi mhux tal-UE fil-qafas ta’ ftehimiet internazzjonali bħalma huma arranġamenti kummerċjali preferenzjali (PTAs), ftehimiet ta’ assistenza reċiproka (MAAs), u arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva (ACAs).

20

Permezz tal-PTAs, is-sħab kummerċjali jkunu jistgħu jagħtu termini preferenzjali fil-kuntest tal-kummerċ tagħhom ma' xulxin. Jistgħu jkunu reċiproċi jew unilaterali. Il-MAAs jipprovdu bażi legali biex tintalab informazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE, b’mod partikolari, sabiex ikun hemm prevenzjoni, investigazzjoni u ġlieda kontra l-operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali.

21

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) tal-Kummissjoni Ewropea jikkonkludi l-ACAs mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE u mas-servizzi investigattivi amministrattivi ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-ACAs huma intenzjonati biex jipprovdu linji gwida prattiċi għal kooperazzjoni operazzjonali tal-OLAF mal-awtoritajiet sħab, b’mod partikolari billi jiddeżinjaw punt ta’ kuntatt.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

22

L-awditu eżamina jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri fasslux proċeduri ta’ importazzjoni robusti li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE.

23

Aħna żorna lill-awtoritajiet doganali ta’ ħames Stati Membri: Spanja, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju Unit. L-għażla ta’ Stati Membri kienet ibbażata fuq il-kriterji tar-riskju li ġejjin: (i) id-daqs tal-kontribuzzjoni tal-RPT tagħhom għall-Baġit tal-UE; (ii) l-inċidenza tas-sottovalwazzjoni fl-Istat Membru; u (iii) il-proporzjon ta’ kontrolli bbażati fuq l-awditi fit-total tal-kontrolli ta’ wara r-rilaxx.

24

Il-perjodu awditjat jibda fl-2007 u jispiċċa fl-2017. Aħna wettaqna l-awditu f'żewġ stadji (ara aktar dettalji dwar l-approċċ tal-awditjar fl-Anness I u l-Anness II):

  1. L-ewwel stadju: xogħol ta’ tħejjija fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri, inkluża żjara lis-servizzi tal-Kummissjoni: id-DĠ Tassazzjoni u Unjoni Doganali, id-DĠ Baġit, l-OLAF u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) kif ukoll lill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) sabiex niġbru informazzjoni u data li jistgħu jkunu utli għax-xogħol tal-awditjar fuq il-post fl-Istati Membri. Dan ippermettielna wkoll nagħmlu valutazzjoni komparattiva tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri doganali tal-UE bi tqabbil mal-istandards tad-WCO6. Biex nittestjaw jekk il-kontrolli doganali u l-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju humiex qed joperaw mingħajr xkiel, qabel kull żjara lil Stat Membru, aħna għażilna erba’ kampjuni ta’ importazzjonijiet riskjużi u kampjun ta’ awditi mwettqa mill-awtoritajiet doganali.
  2. It-tieni stadju: xogħol tal-awditjar fuq il-post kemm fil-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ Tassazzjoni u Unjoni Doganali), id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DĠ Baġit) u l-OLAF), u fl-Istati Membri magħżula, b’attenzjoni speċjali mogħtija lis-sistemi u l-kontrolli.

Osservazzjonijiet

Is-sistema attwali ma tagħtix prijorità lill-importanza tad-dazji doganali bħala sors tal-finanzjament mill-baġit tal-UE

25

Ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji7 jiġbed l-attenzjoni għall-RPT bħala valutazzjoni komparattiva tad-dħul effettiv tal-UE. Madankollu, l-UE għadha ma wettqitx stima tan-nuqqas doganali, hemm diżinċentivi għall-Istati Membri biex iwettqu kontrolli, u l-finanzjament tal-programmi doganali tal-UE ma jiżgurax bis-sħiħ is-sostenibbiltà finanzjarja tal-Unjoni Doganali jew ma jkunx dejjem marbut mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Il-Kummissjoni ma għamlitx stima tan-nuqqas doganali

26

Fl-2013, il-PE talab8 lill-Kummissjoni “tiġbor data affidabbli dwar id-differenza (nuqqas) doganali u tal-VAT fl-Istati Membri u tirrapporta kull sitt xhur lill-Parlament f’dan ir-rigward”. Il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba fir-rigward tad-diskrepanza doganali, filwaqt li hija tiffinanzja regolarment studji dwar id-daqs u n-nuqqas tal-VAT. Il-Kummissjoni tippubblika tqabbil annwali bejn l-RPT addizzjonali li jkunu ġew stabbiliti, b’riżultat tal-attivitajiet ta’ spezzjoni li hija tkun wettqet, mal-ammont reali li jkun inġabar. Dan bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala n-nuqqas doganali kif iddefinit fil-paragrafu 10.

27

L-OLAF għamel kalkolu tat-telf potenzjali ta’ dazji doganali u ta’ VAT li jkun hemm b’kaġun tas-sottovalwazzjoni tal-importazzjonijiet tat-tessuti u x-xedd is-saqajn miċ-Ċina għar-Renju Unit. Ġie kkalkulat li t-telf potenzjali tad-dazji doganali kien qrib l-ammont ta’ EUR 2 biljun għall-perjodu 2013-16. L-OLAF qed jeżamina jekk hemmx xi telf potenzjali fi Stati Membri oħra, inklużi fl-erbgħa l-oħra kkampjunati mill-QEA.

28

Stima annwali tad-diskrepanza doganali tkun tippermetti li tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali f’termini tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Din tkun tgħin ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmiraw ir-riżorsi lejn fejn jinħtieġu l-aktar.

Hemm diżinċentiv għall-Istati Membri biex iwettqu kontrolli doganali

29

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri huma responsabbli għall-ġbir tad-dazji doganali: huma jridu jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li d-dazji jiġu debitament ittrasferiti għall-Baġit tal-UE u jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE9. Biex tiżgura dan, il-Kummissjoni tispezzjona l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kull sena.

30

Il-Kummissjoni tista’ żżomm lil Stat Membru finanzjarjament responsabbli f’każ ta’ żbalji amministrattivi10. Jista’ jkun li l-Istati Membri li ma jwettqux kontrolli doganali ma jiffaċċjawx dan ir-riskju, eż. aħna sibna li fir-Renju Unit, l-operaturi tas-suq li jkunu insolventi jiġu esklużi mill-popolazzjoni mmirata ta’ proġett ta’ kontroll ta’ wara r-rilaxx. Fil-fatt, Stat Membru wieħed ilmenta li, aktar ma huwa jindirizza l-frodi, ogħla jkun ir-riskju li l-Kummissjoni żżommu finanzjarjament responsabbli.

31

Jekk l-awtoritajiet doganali jwettqu kontroll ta’ wara r-rilaxx u jaqbdu pagament insuffiċjenti ta’ dazji doganali, huma jridu jiġbru d-dazji dovuti. L-awtoritajiet doganali jinnotifikaw l-ammont dovut lid-debitur bl-użu ta’ ordni għall-ħlas ta’ wara r-rilaxx. Statistika mill-Kummissjoni turi li, bl-eċċezzjoni tal-Polonja, l-Istati Membri magħżula raw tnaqqis fl-għadd ta’ ordnijiet għall-ħlas ta’ wara r-rilaxx11 (ara l-Figura 1).

Figura 1

Għadd ta’ ordnijiet għall-ħlas ta’ wara r-rilaxx fl-Istati Membri magħżula (2012-16)

Sors: Id-database OWNRES.

32

Minħabba li ma hemmx stima tan-nuqqas doganali, mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat jekk dan huwiex dovut għal xejra ta’ tnaqqis fl-effettività tal-kontrolli ta’ wara r-rilaxx jew għal tnaqqis f’dak in-nuqqas.

Il-finanzjament insuffiċjenti tas-sistemi tal-IT trans-Ewropej jista’ jdewwem l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

33

L-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) hija marbuta inseparabbilment mal-iżvilupp tas-sistemi tal-IT li jappoġġawha. L-użu sħiħ tas-sistemi elettroniċi kollha meħtieġa mill-KDU għandu jiġi kkompletat sal-31 ta’ Diċembru 2020. Wara din id-data, it-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data jridu jsiru r-regola, u d-dwana tal-UE se tibdel għal ambjent mingħajr karti.

34

Skont l-evalwazzjoni finali tal-programm ta’ azzjoni Dwana 201312, investimenti nazzjonali insuffiċjenti jistgħu jdewmu l-użu fl-UE kollha tas-sistemi doganali. Dan il-programm iffinanzja l-ispeċifikazzjonijiet tal-UE għas-sistemi tal-IT trans-Ewropej, u l-Istati Membri refgħu l-ispejjeż biex is-sistemi nazzjonali jsiru kompatibbli mal-ispeċifikazzjonijiet tal-UE.

35

L-istess evalwazzjoni tiddikjara li, skont l-uffiċjali tal-Istati Membri, l-ispejjeż għall-amministrazzjonijiet nazzjonali huma ta’ livell simili bħal dawk li l-Kummissjoni terfa’, u li l-implimentazzjoni u t-titjib tas-sistemi Ewopej jistgħu jkunu partikolarment għaljin għall-Istati Membri jekk is-sistemi nazzjonali jkunu kumplessi u jekk ikun hemm nuqqas ta’ integrazzjoni tas-sistemi nazzjonali. Madankollu, xi komponenti tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej mhumiex iffinanzjati minn Dwana 2020 u l-ispiża tagħhom tintrefa’ mill-Istati Membri13.

36

Ir-restrizzjonijiet tal-baġit nazzjonali jistgħu jipperikolaw l-implimentazzjoni korretta tas-sistemi Ewropej u xi Stati Membri rrappurtaw nuqqas ta’ baġit nazzjonali fl-2015. Barra minn hekk, l-Istati Membri kkonfermaw ir-riskju ta’ dewmien fir-risposti tagħhom għal kwestjonarju li l-Kummissjoni bagħtet fl-2016.

37

Bħalma osservat il-Kummissjoni, fl-2015, seba’ Stati Membri jiġbru aktar minn 80 % tal-RPT, u erba’ Stati Membri jiġbru kważi 60 % tal-RPT14. Jenħtieġ li dan jiġi kkuntrastat mal-ammonti tal-ispejjeż tal-ġbir li jinżammu billi, pereżempju, Stat Membru wieħed15 iżomm aktar minn EUR 1 000 000 000 u, fl-estrem l-ieħor, Stat Membru ieħor16 iżomm inqas minn EUR 10 miljun. Madankollu, hemm element ta’ spejjeż fissi fis-sistemi doganali, pereżempju għal dak li jirrigwarda s-sistemi tal-IT17.

38

Skont ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji “Countries where the main ports of entry are located (Belgium, the Netherlands) — and thus where significant TOR are collected — have sometimes voiced the argument that their share in TOR is too high” (Pajjiżi fejn jinsabu l-portijiet prinċipali ta’ dħul (il-Belġju, in-Netherlands) — u għaldaqstant fejn jinġabru RPT sinifikanti — xi kultant semmew l-argument li s-sehem tagħhom fl-RPT huwa għoli wisq). B’kuntrast ma’ dan, il-kontributuri żgħar tal-RPT qed iġarrbu piż relattivament akbar fil-finanzjament tal-komponenti tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej li ma jitħallsux mill-programm ta’ azzjoni Dwana 2020.

Il-finanzjment ta’ infrastrutturi doganali tal-Istati Membri taħt il-programm ta’ azzjoni Hercule ma jkunx dejjem marbut mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

39

Aħna eżaminajna eżempji ta’ rapporti finali ta’ implimentazzjoni pprovduti mill-benefiċjarji ta’ Hercule Il u sibna li mhux dejjem ikun hemm rabta ċara bejn l-eżitu tat-tagħmir iffinanzjat u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Pereżempju, il-programm iffinanzja l-konfiska tal-ħaxixa bl-użu ta’ endoskopji, u ta’ kamera spija żgħira li tinuża fil-qbid ta’ vetturi ta’ valur għoli, eċċ.

40

Fl-Opinjoni Nru 3/2012 tagħna, aħna sibna18 li “t-tagħmir kofinanzjat mhux neċessarjament jintuża esklussivament għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, imma wkoll għal operazzjonijiet relatati ma’ droga, armi, ħarbiet mill-ħabs, traffikar tal-persuni, frodi fiskali, frodi tal-karti ta’ kreditu, falsifikazzjoni tal-flus u korruzzjoni fl-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi”. Dan jista’ jnaqqas l-effettività tad-dwana fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

L-għodod u l-programmi tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni doganali u l-kooperazzjoni li qed tiżdied ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom

41

L-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jseħħu fil-livell tal-UE, bejn l-Istati Membri jew bejnhom u l-Kummissjoni, jew fil-livell internazzjonali ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Aħna sibna li l-UE stabbiliet sistema li tippermetti li jsiru dawn l-iskambji ta’ informazzjoni, iżda dawn ma jiġux sfruttati bis-sħiħ.

L-UE stabbiliet kanali ta’ informazzjoni promettenti bejn l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, iżda hemm dgħufijiet fil-kontenut u fl-użu tagħhom

L-għodod għall-iskambju ta’ informazzjoni taħt ir-regolament dwar l-assistenza reċiproka ma jiġux sfruttati bis-sħiħ mill-Istati Membri
42

L-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni relatata mal-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali bejniethom u mal-Kummissjoni bl-użu tal-għodod u d-databases previsti fir-regolament dwar l-assistenza reċiproka19. Dawn l-iskambji jsiru permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) sekurizzata, li hija l-għodda ta’ komunikazzjoni elettronika li tassisti lill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ rappurtar dwar l-irregolaritajiet.

43

Fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiftaħ investigazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi wkoll li tiddissemina twissijiet ta’ frodi lill-Istati Membri bl-użu ta’ komunikazzjonijiet ta’ Assistenza Reċiproka (MA).

44

Aħna sibna li l-Istati Membri ma jimplimentawx b’mod uniformi t-talbiet li jsiru mill-OLAF fil-komunikazzjonijiet tal-MA li jintbagħtu biex tiġi indirizzata l-frodi rigward is-sottovalwazzjoni, id-deskrizzjoni skorretta tal-oriġini jew il-klassifikazzjoni skorretta. Aħna sibna wkoll każijiet fejn l-Istati Membri awditjati ma laqgħux it-talbiet li saru mill-OLAF.

45

L-Istati Membri jistgħu jużaw sistemi oħra tal-informazzjoni bħas-Sistema ta' Informazzjoni Doganali (SID) biex jassistuhom fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ksur doganali billi jrendu l-informazzjoni disponibbli aktar rapidament. Madankollu aħna sibna li, ħlief għall-Polonja, l-awtoritajiet doganali l-oħra tal-Istati Membri magħżula rarament jużaw is-SID20 biex jiskambjaw informazzjoni dwar l-irregolaritajiet/il-frodi doganali mal-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra.

46

L-Istati Membri lmentaw ukoll dwar il-problema ta’ rappurtar doppju fis-SID u fl-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskji f’Formola ta' Informazzjoni dwar ir-Riskju (RIF). Dan l-użu baxx tad-database tas-SID u d-duplikazzjonijiet tagħha jnaqqsu l-effettività ta’ dawn l-iskambji ta’ informazzjoni.

47

Biex tegħleb dawn id-duplikazzjonijiet, il-Kummissjoni ħolqot il-proġett “One Seizure One Report” (Qabda Waħda, Rapport Wieħed). Fl-2016, hija stiednet lill-Istati Membri jikkompletaw stħarriġ. Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri identifikaw ir-rappurtar multiplu bħala problema li jeħtieġ tiġi indirizzata. Barra minn hekk, taħt il-qafas tal-programm ta’ azzjoni Dwana 2020, inħoloq grupp ta’ proġett21 ikkostitwit minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, biex jiddiskutu l-konklużjonijiet inizjali tal-istħarriġ u biex joħorġu rakkomandazzjonijiet biex tiġi indirizzata l-problema.

L-iskambju ta’ informazzjoni għall-indirizzar tas-sottovalwazzjoni jiffunzjona tajjeb
48

Biex tegħleb ir-riskju ta’ sottovalwazzjoni, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija biex tistma l-"prezzijiet ġusti”22, billi applikat proċedura tal-istatistika għal data dwar il-COMEXT23 sabiex toħroġ stimi robusti għall-prezzijiet tal-merkanzija importata24. L-OLAF jiddissemina dawn l-istimi fost l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri.

49

Din l-informazzjoni dwar il-prezzijiet ġusti hija għodda effettiva għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju biex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw każijiet potenzjali ta’ sottovalwazzjoni meta hemm ukoll riskji oħra jew indikaturi ta’ frodi, bħal operaturi tas-suq suspettużi involuti fl-importazzjoni (operaturi tas-suq ta’ fama ħażina). Din tista’ tintuża wkoll bħala bażi biex dik il-parti tan-nuqqas doganali dovuta għal sottovalwazzjoni tiġi stmata.

L-iskambju ta’ informazzjoni biex tiġi indirizzata d-deskrizzjoni skorretta tal-oriġini tjieb reċentement
50

L-importaturi jistgħu jnaqqsu wkoll l-obbligazzjoni tad-dazju doganali billi, rigward il-merkanzija importata, jiddikjaraw pajjiż ta’ oriġini żbaljat. B’dan il-mod huma jistgħu jilħqu r-rata mnaqqsa jew ir-rata żero ta’ dazju doganali ssettjata f’arranġament kummerċjali preferenzjali (PTA) u/jew jevitaw il-pagament ta’ dazji antidumping (ADD) jew kumpensatorji (CVD)25 stabbiliti għall-pajjiż ta’ oriġini reali. Xi kultant, l-oriġini reali tal-merkanzija tiġi moħbija permezz ta’ trasbord frodulenti f’pajjiż intermedju fejn il-merkanzija tinħażen temporanjament u mbagħad tintbagħat fl-UE b’dokumentazzjoni falza. Fuq l-internet, aħna sibna bosta eżempji ta’ kumpaniji li joffru dan is-“servizz” ta’ trasbord frodulenti.

51

Biex tindirizza din il-frodi, il-Kummissjoni żviluppat is-sistema ConTraffic u l-Messaġġ dwar l-Istatus tal-Kontejner (MIK). Dawn l-għodod jipprovdu informazzjoni dwar ir-rotot tal-kontejners kif ukoll servizzi ta’ valutazzjoni tar-riskju lill-awtoritajiet doganali. Is-sistema awtomatikament tibgħat sinjali ta’ frodi lill-Istati Membri meta taqbad spariġġi bejn il-pajjiż ta’ oriġini ddikjarat mill-importatur u r-rotta tal-kontejner.

Kaxxa 1

Eżempji ta’ deskrizzjoni skorretta tal-oriġini permezz ta’ trasbord frodulenti u l-impatt finanzjarju tagħha

Operatur tas-suq jixtri roti miċ-Ċina. Id-dazji antidumping għar-roti miċ-Ċina huma ta’ 48.5 % tal-valur tal-prodott. Il-vjeġġ tar-roti jitlaq miċ-Ċina; dan jiġi trasbordat f’Singapore u għal darb’oħra fil-Malasja. Fid-dokument tal-merkanzija ppreżentat fil-mument tal-importazzjoni, ir-roti huma deskritti bħala li ġejjin mill-Bangladesh, mingħajr l-ebda indikazzjoni tar-rotta preċedenti tal-kontejners. Skont id-dokumenti ppreżentati lid-dwana, l-ebda dazju antidumping ma għandu jiġi ddebitat lill-importatur. Jekk l-uffiċjal doganali jkun qed juża l-MIK jew is-sistema ta’ monitoraġġ Contraffic, huwa jista’ jitraċċa r-rotta tal-kontejner u jistaqsi lill-importatur għal dokumenti ulterjuri sabiex tingħata prova tal-oriġini reali tal-merkanzija.

L-OLAF iwettaq investigazzjonijiet rigward l-evażjoni tal-ADD: F’Ġunju 2013, l-UE imponiet dazju antidumping fuq moduli solari li jiġu prodotti fiċ-Ċina. F’temp ta’ ftit ġimgħat, ħarġu indikaturi inizjali li dan id-dazju kien qed jiġi evaż permezz ta’ deskrizzjoni skorretta tal-oriġini. F’Diċembru 2013, l-OLAF fetaħ investigazzjonijiet dwar trasbord frodulenti għaddej mill-Ġappun (deskrizzjoni skorretta li kienet tindika oriġini Ġappuniża), u f’Marzu 2014 dwar trasbord frodulenti għaddej mill-Malasja (deskrizzjoni skorretta li kienet tindika oriġini Malasjana). L-OLAF talab l-assistenza mill-awtoritajiet Ġappuniżi u Malasjani u wettaq investigazzjonijiet b’mod konġunt ma’ bosta Stati Membri. Sa issa, l-OLAF irrakkomanda l-irkupru ta’ aktar minn EUR 50 miljun u ta parir lil bosta Stati Membri biex jużaw ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-OLAF fil-proċedimenti kriminali26.

52

Skont il-JRC, fil-perjodu 2008-2015, permezz ta’ proġett pilota esperimentali mmexxi mill-OLAF u l-JRC f’kollaborazzjoni ma’ 12-il Stat Membru, ġiet analizzata l-oriġini ddikjarata ta’ 5 miljun oġġett għall-importazzjoni, bl-użu tas-sistema ConTraffic, u lill-Istati Membri ntbagħtu 1 187 sinjal ta’ frodi għal frodi potenzjali relatata mal-oriġini. Il-valur ekonomiku potenzjali ta’ dawn is-sinjali kien ta’ EUR 19-il miljun. B’mod ġenerali, għal 2 % tal-merkanzija analizzata ġie kklejmjat pajjiż ta’ oriġini u ta’ dipaċċ li ma kienx jaqbel mar-rotta tal-kontejners. Ibbażat fuq il-proġett ConTraffic, il-Kummissjoni kkonkludiet27 li fl-2011, għall-EU27, bilfors kien hemm aktar minn 1 500 każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz tal-oriġini li rriżultaw f’telf ta’ dħul għall-UE għall-valur totali ta’ mill-inqas EUR 25 miljun u li x’aktarx kien jaqbeż l-ammont ta’ EUR 100 miljun.

53

Madankollu, is-sistema ConTraffic għandha l-limitazzjonijiet tagħha u mhux dejjem tista’ tiddetermina l-oriġini reali tal-merkanzija.

Skambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskji: Hemm wisq informazzjoni li hija kontroproduttiva
54

L-awtoritajiet doganali għandhom l-obbligu li jiskambjaw informazzjoni relatata mhux biss mar-riskji osservati iżda wkoll ma’ theddid li jippreżenta riskju għoli xi mkien ieħor fl-Unjoni28, billi jużaw RIF. Madankollu, ir-rappreżentanti doganali li intervistajna esprimew it-tħassib tagħhom dwar ir-RIFs li waslu minn Stati Membri oħra billi dawn mhux dejjem ikun fihom dettalji biżżejjed biex ikunu utli. Issemmiet ukoll il-problema ta’ rappurtar doppju fis-Sistema Komuni tal-Ġestjoni tar-Riskju Doganali (CRMS) u fis-SID. Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-OLAF mhux dejjem jipprovdu feedback xieraq.

55

Skont l-evalwazzjoni finali tal-programm Dwana 201329, xi Stati Membri rreġistraw ħafna RIFs għal riskji relattivament żgħar u lokali. Dan wassal għal informazzjoni eċċessiva kif ukoll għal diffikultajiet fl-identifikazzjoni tar-riskji ewlenin.

Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE qed jitjiebu

56

Jekk Stat Membru jkollu dubji raġonevoli dwar il-validità u/jew l-awtentiċità tal prova tal-oriġini preferenzjali li tkun qed tiġi kklejmjata, huwa jista’ jibgħat talba għal kooperazzjoni amministrattiva lill-pajjiż benefiċjarju/sieħeb ta’ PTA għall-konferma tiegħu. Jistgħu jitqajmu dubji raġonevoli meta l-kampjun tat-timbru li jkun intuża il-prova tal-oriġini jew l-awtorità li tkun ħarġitu jkun differenti minn dawk li jidhru fid-database Sistema ta' Ġestjoni tal-Eżemplari30 (SMS) immaniġġjata mill-Kummissjoni. Ir-risposta mill-awtoritajiet tal-pajjiżi mhux tal-UE jew, taħt ċerti ċirustanzi, in-nuqqas tagħha jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tat-trattament tariffarju preferenzjali31.

57

Aħna wettaqna segwitu tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Nri 5 sa 13 imwettqa mill-Qorti fir-Rapport Speċjali Nru 2/2014 tagħha “L-Arranġamenti kummerċjali preferenzjali huma ġestiti b’mod xieraq?” u sibna li l-Kummissjoni implimentat pjan ta’ azzjoni għall-monitoraġġ tat-tħaddim ta’ PTAs32 u stabbiliet rutina ta’ monitoraġġ permanenti (kwestjonarji, żjarat. eċċ.).

58

Madankollu, l-Istati Membri rrappurtaw problemi b’pajjiżi bħall-Indja, l-Indoneżja, l-Afganistan, in-Nepal, u l-Bangladesh rigward risposti tardivi u kwalità insuffiċjenti tar-risposti għat-talbiet għal kooperazzjoni amministrattiva (AC). Fl-awditu msemmi hawn fuq, il-Qorti diġà qabdet problemi rigward l-Indja u l-Vjetnam33.

59

Il-Ftehimiet ta’ Assistenza Reċiproka (MAAs) jew il-Protokolli tal-MAAs għal ftehimiet internazzjonali jipprovdu bażi legali biex tintalab informazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE u jaqdu tajjeb l-iskop tagħhom. Madankollu, aħna sibna inċidenti ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti miċ-Ċina: l-Istati Membri rrappurtaw problemi fil-ksib ta’ risposti għal talbiet li ntbagħtu bl-użu ta’ Assistenza Reċiproka. Skont l-OLAF, sa issa twieġbu biss terz minn madwar 150 talba għal verifikazzjoni li ntbagħtu ċ-Ċina wara l-JCO Snake34. Ir-Renju Unit juża l-Uffiċjal ta' Kollegament mal-Awtoritajiet Doganali Barranin (FCLO) proprju tiegħu fiċ-Ċina biex jikseb informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet għar-Renju Unit. L-OLAF għandu wkoll Uffiċjal ta' Kollegament extra-Ewropew (OLO) f’Beijing.

60

Fil-kuntest tal-“Pjan ta' Azzjoni dwar is-Sottovalwazzjoni” li jakkumpanja l-Ftehim ta' Kooperazzjoni Amministrattiva Strateġika tal-2015, l-awtoritajiet Ċiniżi għamlu dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà fuq id-dokumenti ppreżentati lill-UE, li tiddikjara li dawn ma jistgħux jintużaw fi proċedimenti amministrattivi. L-evidenza tal-prezzijiet tat-tessuti u x-xedd is-saqajn iddikjarati fl-esportazzjoni, tkun tagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jirkupraw it-telf minħabba sottovalwazzjoni meta l-operaturi tas-suq jikkontestaw l-ordnijiet għall-ħlas ta’ wara r-rilaxx quddiem qorti.

61

Ibbażat fuq il-ħtiġijiet operazzjonali tiegħu, l-OLAF attwalment jinsab fil-proċess li jinnegozja għadd ta’ ACAs mal-awtoritajiet sħab f’pajjiżi mhux tal-UE u f’organizzazzjonijiet internazzjonali. L-ACAs bejn l-OLAF u l-awtoritajiet investigattivi tal-pajjiżi mhux tal-UE jirrappreżentaw għodda addizzjonali importanti għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea li jikkomplementaw il-qafas legali eżistenti.

Il-programmi ta’ azzjoni tal-UE taw spinta lill-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, iżda dawn ma kinux effettivi biex jiżguraw li l-amministrazzjonijiet doganali kollha jaġixxu daqslikieku kienu amministrazzjoni waħda

62

Il-programmi Dwana 2013/2020 u Hercule II/III jipprovdu fondi biex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jikkooperaw ma’ xulxin u jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattika permezz ta’ (i) sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni; u (ii) parteċipazzjoni f’azzjonijiet konġunti, bħal seminars, taħriġ, gruppi ta’ proġetti, żjarat ta’ ħidma, u operazzjonijiet transkonfinali. Aħna sibna li kemm Dwana 2013 kif ukoll Hercule II kienu effettivi fit-trawwim ta’ kondiviżjoni tal-għarfien u fil-kooperazzjoni fost l-Istati Membri.

63

Madankollu, skont ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisba (ilħuq) tal-objettivi tal-programm Hercule II35, “filwaqt li saru sforzi biex jiġi kkoordinat l-ippjanar tal-programmi differenti tal-Unjoni fil-qasam doganali pereżempju, jista’ jsir aktar biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni bil-għan li jittieħed benefiċċju minn sinerġiji bejn il-programmi u jiġu evitati duplikazzjonijiet bejn il-Programmi u l-inizjattivi tal-UE”.

64

Il-programm Dwana 2013 għandu bħala l-objettiv speċifiku tiegħu “li tinżamm sistema ta' evalwazzjoni (kejl) tal-prestazzjoni tal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċjà (effettività) tagħhom”36. Madankollu, aħna ma sibna l-ebda indikatur tal-prestazzjoni la għall-kejl tal-ilħuq tal-objettiv, tal-programm Dwana 2013, li l-amministrazzjonijiet doganali kollha tal-Istati Membri “jaġixxu daqslikieku kienu amministrazzjoni waħda”, filwaqt li jiżguraw li l-kontrolli jkollhom riżultati ekwivalenti f’kull punt tat-territorju doganali tal-UE, u lanqas għall-kejl tal-ilħuq tal-objettiv tal-programm Dwana 2013 li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE. Aħna sibna li l-programm Dwana 2013 ma laħaqx l-objettiv tiegħu li jiżgura li l-amministrazzjonijiet doganali kollha jaġixxu daqslikieku kienu amministrazzjoni waħda (ara l-paragrafi 89 sa 110).

65

Il-konklużjoni mill-evalwazzjoni finali tal-programm Dwana 2013, relatata mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, kienet ibbażata fuq il-feedback li wasal minn maġġoranza ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali. Dawn kellhom opinjoni pożittiva dwar is-sistema tal-ġestjoni tar-riskju doganali u l-kontribuzzjonijiet tas-sistema Sorveljanza 2 għall-ġestjoni tar-riskju. Madankollu, aħna sibna dgħufijiet li kienu jaffettwaw iż-żewġ sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni. Aħna sibna wkoll li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri ma jaġixxux daqslikieku kienu amministrazzjoni waħda.

66

Fir-rigward tal-azzjonijiet konġunti, il-programm ikkontribwixxa għall-bini u s-sostenn ta’ netwerks. Skont l-evalwazzjoni finali, kien hemm evidenza qawwija li l-programm ikkontribwixxa sinifikattivament għat-tixrid ta’ informazzjoni rilevanti, prattika tajba, u metodi u proċeduri ta’ ħdima bejn l-Istati Membri tal-UE, partikolarment fir-rigward tal-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet nazzjonali għas-sistemi tal-IT u l-implimentazzjoni tagħhom.

67

Fir-rigward ta’ Dwana 2020, minkejja li l-evalwazzjoni finali tal-programm Dwana 2013 irrakkomandat li jiġi żviluppat qafas ta’ monitoraġġ komprensiv għas-segwitu tal-prestazzjoni u biex jiġu identifikati problemi preokkupanti b’mod f’waqtu, aħna ma sibna l-ebda evidenza li l-Istati Membri qed jiġbru l-indikaturi tal-prestazzjoni biex ikejlu l-livell ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri (jiġifieri jaħdmu bħala amministrazzjoni waħda).

68

Skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Deċiżjoni dwar Hercule II37, wieħed mill-objettivi tal-programm kien li jtejjeb il-kooperazzjoni transnazzjonali u multidixxiplinarja bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-OLAF. Madankollu, l-evalwazzjoni finali tikkonkludi li l-Programm Hercule II primarjament itejjeb il-kooperazzjoni transnazzjonali u multidixxiplinarja bejn l-Istati Membri38. Taħriġ fil-ġlieda kontra l-frodi kif ukoll taħriġ, seminars u konferenzi b’fokus legali kienu l-motivaturi prinċipali li wasslu biex jintlaħaq dan l-objettiv.

69

Informazzjoni dwar il-livell ta’ ksib tal-indikaturi tal-impatti tal-programm Dwana 2020 mhijiex disponibbli. Barra minn hekk, lanqas ma hemm informazzjoni dwar il-ksib tal-indikaturi tal-output, tar-riżultati jew tal-impatti rigward il-programm Hercule III. Dan ma jħallina nwettqu l-ebda valutazzjoni proviżorja tal-effettività ta’ dawn il-programmi.

L-UE għamlet progress lejn l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali

70

Bħala Unjoni doganali, jeħtieġ li l-UE tapplika t-Tariffa doganali komuni u l-leġiżlazzjoni doganali tal-UE b’mod uniformi, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-operaturi tas-suq li joperaw fis-suq intern.

71

It-tariffa hija l-isem li jingħata lil kombinament tan-nomenklatura (jew klassifikazzjoni tal-merkanzija) u r-rati ta’ dazju li japplikaw għal kull klassi tal-merkanzija. Din hija komuni għall-Istati Membri kollha tal-UE, iżda r-rati ta’ dazju jiddependu min-natura tal-merkanzija importata u mill-oriġini tagħhom. Hija tinkludi l-leġiżlazzjoni l-oħra kollha tal-UE li għandha effett fuq il-livell ta’ dazju doganali li jista’ jitħallas fuq importazzjoni partikolari, pereżempju l-politika kummerċjali komuni39.

B’mod ġenerali, it-TARIC tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri tariffarji

72

It-TARIC, it-tariffa doganali integrata tal-UE, hija database multilingwi li fiha huma integrati l-miżuri kollha relatati mat-Tariffa doganali komuni u mal-leġiżlazzjoni kummerċjali u agrikola. Hija tgħin biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi mill-Istati Membri kollha u tagħti lill-operaturi ekonomiċi stampa ċara tal-miżuri kollha li għandhom jittieħdu meta jkunu qed jimportaw merkanzija għall-UE jew jesportawha mill-UE40.

73

Il-Kummissjoni timmonitorja jekk id-database TARIC hijiex integrata jew marbuta mas-sistemi ta’ rilaxx doganali fl-Istati Membri b’żewġ modi: (i) permezz ta’ żjarat ta’ monitoraġġ lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u (ii) permezz ta’ monitoraġġ kontinwu tal-kwalità/korrettezza (kontrolli tal-kredibbiltà) tad-dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati fl-Istati Membri, permezz tad-database Sorveljanza 2.

74

Aħna sibna li r-Renju Unit mhuwiex juża l-verżjoni attwali tat-TARIC, it-TARIC 3, minħabba li t-TARIC 1 hija l-unika verżjoni li s-sistema elettronika ta’ rilaxx doganali tar-Renju Unit hija kapaċi tapplika. Id-data tat-TARIC 3 tinbidel manwalment għal dik tat-TARIC 1 u tittella’ fis-sistema. Barra minn hekk, xi miżuri ta’ restrizzjoni tat-TARIC huma neqsin mis-sistema nazzjonali tat-TARIC tar-Renju Unit. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit juża kodiċijiet ta’ proċedura doganali differenti minn dawk ta’ Stati Membri oħra41.

75

Barra minn hekk, għad-database Sorveljanza 2, ir-Renju Unit ma jirrappurtax separatament lill-Kummissjoni reġistri tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni inqas minn EUR 1 00042 għal proċeduri simplifikati, minħabba li huwa japplika soll issettjat għall-forniment ta’ statistika lill-Eurostat dwar il-kummerċ estern ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Taħt dan is-soll, oġġetti għall-importazzjoni jiġu aggregati f’kodiċi speċjali tal-prodott bażiku, li dwaru jkun intlaħaq qbil mal-Eurostat, biex dan l-aspett tal-leġiżlazzjoni jiġi ssodisfat. Fl-2014 u l-2015, 88 % tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni fil-livell tal-artikoli ġew ippreżentati bl-użu ta’ proċeduri simplifikati fir-Renju Unit.

76

L-operaturi tas-suq li jimportaw merkanzija fir-Renju Unit jiffaċċjaw riskju għoli li l-leġiżlazzjoni tal-UE ma tkunx applikata b’mod uniformi, minħabba:

  1. l-aġġornament manwali tat-TARIC fis-sistema elettronika ta’ rilaxx doganali, li jinvolvi riskju ta’ impreċiżjonijiet u ġbir tad-dħul inkomplet;
  2. in-nuqqas ta’ miżuri ta’ restrizzjoni fit-TARIC tar-Renju Unit, li jinvolvi riskji ta’ sikurezza u ta’ sigurtà;
  3. in-nuqqas ta’ kontrolli tal-kredibbiltà mwettqa fuq ir-reġistri tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni ta’ inqas minn EUR 1 000, li jkompli jżid ir-riskju ta’ applikazzjoni żbaljata tat-TARIC; u
  4. l-użu ta’ kodiċijiet ta’ proċedura doganali differenti għall-importazzjoni, li jirrappreżenta piż għall-operaturi tas-suq li joperaw fi Stati Membri differenti kif ukoll riskju ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet doganali.
77

Barra minn hekk, il-Kummissjoni twettaq aġġornamenti tat-TARIC b’effett retroattiv, u dawn jistgħu jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Madankollu, dawn l-aġġornamenti ma jiġux ikkomunikati b’mod sistematiku lid-DĠ Baġit biex b’hekk ikunu jistgħu jwettqu segwitu tal-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri.

78

Il-liċenzji u d-dokumenti ta’ sorveljanza huma essenzjali fl-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali bħal sospensjonijiet tariffarji43, kwoti tariffarji, kwoti, limiti massimi tariffarji44, u miżuri ta’ sorveljanza45. Fl-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, huwa essenzjali li jittieħed kont tal-volum tal-merkanzija importata li f’xi każijiet ma jistax jinqabeż jew, meta jinqabeż, rati standard ta’ dazju jkunu japplikaw.

79

Il-liċenzji u d-dokumenti ta’ sorveljanza jinħarġu għal kwantità fissa ta’ merkanzija. Sabiex jiġi garantit li l-ebda merkanzija ma tiġi rilaxxata fis-suq tal-UE mingħajr dokument validu, il-kwantitajiet iridu jinkitbu fuq il-liċenzja u jiġu ċċertifikati mid-dwana għal kull importazzjoni individwali fil-mument tar-rilaxx46.

80

Fir-Rapport Speċjali Nru 1/2010 tagħha, “Il-Proċeduri Ssimplifikati Doganali għall-importazzjoni huma kkontrollati b’mod effettiv?”, il-Qorti rrakkomandat47 li jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jikkompjuterizzaw l-ipproċessar tal-proċeduri simplifikati inkluża l-ġestjoni elettronika (reġistrazzjoni ta’ data online waqt ir-rilaxx tal-merkanzija) ta’ liċenzji u ta’ dokumenti simili u tal-użu ta’ profili tar-riskju bbażati fuq l-IT li jkopru t-TOR (RPT) u kwistjonijiet tal-politika kummerċjali komuni.

81

Huwa skedat li din ir-rakkomandazzjoni tiġi implimentata sa tmiem l-2020, bl-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-KDU dwar il-proċeduri simplifikati48. Madankollu, hija mhijiex se tkopri r-reġistrazzjoni ta’ data online ta’ liċenzji u ta’ dokumenti simili fil-mument tar-rilaxx tal-merkanzija fl-Istati Membri kollha. L-importazzjonijiet mingħajr dokument validu jaffettwaw l-interessi tal-produtturi tal-UE b’mod negattiv li l-miżura ta’ politika kummerċjali hija intenzjonata li tipproteġi. Barra minn hekk, dan jista’ jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE fil-każ ta’ sospensjonijiet tariffarji, kwoti tariffarji, kwoti, limiti massimi tariffarji.

Il-Kummissjoni implimentat ir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA dwar l-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi

82

Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) hija deċiżjoni uffiċjali bil-miktub, li hija valida għal tliet snin, maħruġa minn awtorità doganali li tipprovdi lill-applikant valutazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-nomenklatura tariffarja tal-UE qabel importazzjoni (jew esportazzjoni). Il-BTI torbot lill-awtoritajiet doganali kollha tal-UE u lid-detentur tad-deċiżjoni. Meta l-importatur ikun id-detentur ta’ BTI, jenħtieġ li dan jiġi indikat fid-dikjarazzjoni doganali rigward l-importazzjoni tal-merkanzija tat-tip inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-BTI. Il-BTI tagħti ċertezza lill-operaturi tas-suq u tikkontribwixxi għall-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali.

83

Aħna wettaqna segwitu tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna li għamilna f’Rapport Speċjali49 preċedenti. Aħna sibna li, minkejja li hemm xi żviluppi tal-IT50, li se jkunu disponibbli biss minn Ottubru 2017 'il quddiem, ir-rakkomandazzjonijiet kollha ġew indirizzati permezz tad-dħul fis-seħħ tal-KDU u tal-Atti ta’ Implimentazzjoni u Delegati tiegħu fl-1 ta’ Mejju 2016.

84

Madankollu, waqt ir-rilaxx, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri magħżula minna ma jivverifikawx il-fatt li d-detentur ta’ BTI, fil-fatt, jużaha għall-importazzjonijiet tal-merkanzija tat-tip indikat fil-BTI. Id-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni, li jiddikjaraw kodiċi TARIC differenti iżda simili għal dak indikat fil-BTI, lanqas ma jiġu identifikati mis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju biex isirilhom kontroll ta’ wara r-rilaxx. Għaldaqstant, detentur tal-BTI li ma jkunx issodisfat bid-deċiżjoni dwar il-BTI jista’ b’mod skorrett jikklassifika l-importazzjonijiet biex jevita d-deċiżjoni jekk l-Istati Membri ma jivverifikawx l-applikazzjoni tagħha, u jevita li jħallas id-dazji ogħla stipulati fil-BTI.

Għad ma hemm l-ebda deċiżjoni dwar il-valwazzjoni fl-UE kollha

85

Deċiżjoni dwar il-valwazzjoni fl-UE kollha tkun deċiżjoni uffiċjali bil-miktub maħruġa minn awtorità doganali li tipprovdi lill-applikant valutazzjoni tat-trattament li għandu jiġi applikat fuq ċertu element tal-valur doganali, qabel importazzjoni, għal perjodu speċifikat. Id-deċiżjoni tkun tindika kif, pereżempju, għandu jiġi ttrattat pagament ta’ kummissjonijiet, pagament tar-royalties jew aspetti ta’ ftehim ta’ pprezzar ta’ trasferiment għal skopijiet ta’ valwazzjoni doganali51.

86

Deċiżjoni dwar il-valwazzjoni fl-UE kollha tkun tipprovdi ċertezza tad-dritt u tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-operaturi tas-suq li joperaw f’bosta Stati Membri. Aħna rrakkomandajna52 li jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu azzjoni leġiżlattiva u amministrattiva xierqa biex tegħleb in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jippermettu l-istabbiliment ta’ deċiżjonijiet, fil-Komunità kollha, dwar il-valwazzjoni.

87

Il-KDU53 ta s-setgħa lill-Kummissjoni biex, permezz ta’ att delegat, testendi l-ambitu tad-deċiżjonijiet relatati ma’ informazzjoni vinkolanti biex ikopri wkoll “fatturi oħra li abbażi tagħhom jkunu applikati dazji tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni u miżuri oħra li jikkonċernaw il-kummerċ tal-merkanzija”, u għalhekk ġew inklużi kwistjonijiet ta’ valwazzjoni. Madankollu, sa issa, il-Kummissjoni għadha ma użatx din is-setgħa.

88

Il-Kummissjoni għadha ma implimentatx ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti. Għaddew 17-il sena u għadu mhuwiex possibbli li jinħarġu deċiżjonijiet dwar il-valwazzjoni fl-UE kollha.

L-Istati Membri ma jsegwux approċċ uniformi għall-kontroll doganali tal-importazzjonijiet, u dan jista’ jwassal għal pagament insuffiċjenti ta’ dazji doganali

89

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri suppost jaġixxu “daqslikieku kienu amministrazzjoni waħda”. Dan kien wieħed mill-objettivi tal-programm Dwana 2013. Meta l-Istati Membri ma jsegwux approċċ uniformi għall-kontrolli doganali, il-frodaturi jistgħu jagħżlu l-ħolqa l-aktar dgħajfa fil-katina biex iwettqu l-importazzjonijiet frodulenti tagħhom.

90

Aħna sibna li ma hemm l-ebda applikazzjoni armonizzata u standardizzata tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri, biex tiżgura livell ekwivalenti ta’ kontroll doganali fl-Unjoni kollha sabiex ma titfaċċax imġiba antikompetittiva fid-diversi punti ta’ dħul u ta’ ħruġ tal-Unjoni.

In-nuqqas ta’ approċċ uniformi għall-kontrolli doganali fuq is-sottovalwazzjoni jfixkel l-għażla tal-Istat Membru fir-rigward tal-importazzjoni

91

L-Istati Membri jiffaċċjaw l-isfida li tiġi indirizzata l-frodi relatata ma’ sottovalwazzjoni. Jenħtieġ li l-kontrolli tar-rilaxx jiġu prijoritizzati f’dawn il-każijiet ta’ frodi potenzjali minħabba li l-importaturi jistgħu sussegwentement isiru insolventi jew jiġu neqsin. Meta jkun hemm dubji raġonevoli dwar jekk il-valur iddikjarat jirrappreżentax il-valur reali tat-tranżazzjoni, l-awtoritajiet doganali jistgħu, meta jkunu qed iwettqu kontrolli tar-rilaxx, jitolbu informazzjoni addizzjonali u li jiġu ppreżentati dokumenti addizzjonali. Dubji raġonevoli jistgħu jeżistu, b’mod partikolari, meta l-valur iddikjarat ma jkunx daqs valur ta’ limitu tar-riskju ddefinit.

92

Għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju, il-valur ta’ limitu tar-riskju jista’ jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ prezzijiet ġusti (ara l-paragrafu 48). F’ċerti każijiet, l-importaturi jippreżentaw evidenza ta’ sostenn (fatturi, kuntratti tal-bejgħ, rendikonti bankarji) li kollha kemm hi tkun taqbel mal-valuri baxxi (foloz) iddikjarati. Kollox ikun jaqbel ma’ dak imniżżel fid-dokumenti ppreżentati lid-dwana, u s-sottovalwazzjoni hija diffiċli biex tinqabad. F’każijiet bħal dawn, jista’ jkun hemm pagamenti oħra, jew fi flus kontanti jew inkella permezz ta’ pajjiżi terzi għad-differenza bejn il-prezz iddikjarat (sottovalwat) u dak reali. Il-Figura 2 hawn taħt turi eżempju ta’ sottovalwazzjoni b’pagament fi flus kontanti bil-quddiem.

Figura 2

Sottovalwazzjoni b’pagament fi flus kontanti bil-quddiem

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq eżempju tad-WCO.

93

Il-proċedura doganali 42 (CP 42) hija s-sistema li importatur juża sabiex jikseb eżenzjoni mill-VAT meta l-merkanzija importata tiġi ttrasportata għal Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, il-VAT tkun dovuta fl-Istat Membru tad-destinazzjoni54. Meta l-importazzjoni ssir taħt is-CP 42, jenħtieġ li, bl-użu ta’ assistenza reċiproka, tintalab informazzjoni addizzjonali dwar il-valur reali tat-tranżazzjoni mingħand l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru tad-destinazzjoni jitolbu , minħabba li f’dawn il-każijiet ir-riċevitur finali tal-merkanzija jista’ jagħmel pagament lil, eż. il-fornitur Ċiniż, li jkun ħafna ogħla mill-valur tal-fattura li r-rappreżentant doganali juri lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru tal-importazzjoni. Madankollu, dan jista’ jieħu l-ħin jew ma jirnexxix minħabba li l-akkwirent iddikjarat jista’ jkun differenti mir-riċevitur finali tal-merkanzija jew jista’ jkun operatur nieqes tas-suq55.

94

Meta jkun għad hemm dubji, jistgħu jittieħdu kampjuni tal-merkanzija importata u tista’ tintalab li tingħata garanzija56 biex tkopri t-telf potenzjali tad-dazji. Il-Kummissjoni pprovdiet linji gwida ċari lill-Istati Membri dwar kif għandha tiġi indirizzata s-sottovalwazzjoni matul l-implimentazzjoni tal-Iskont taż-Żona ta' Kontroll Prijoritarja (PCA) fuq is-sottovalwazzjoni tat-tessuti u x-xedd is-saqajn minn pajjiżi Asjatiċi. Madankollu, diffikultajiet prattiċi għadhom jippersistu.

95

F’kull wieħed mill-Istati Membri li saritilhom żjara, aħna għażilna kampjun ta’ 30 importazzjoni potenzjalment sottovalwati, tat-tessuti u x-xedd is-saqajn mill-Asja, li twettqu fl-2015, sabiex nivverifikaw jekk kinux ġew aċċettati t-talbiet li kienu jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-MA mill-OLAF li kienu rilevanti għas-sottovalwazzjoni. Aħna sibna li l-Istati Membri kienu implimentaw il-komunikazzjonijiet tal-MA b’modi differenti u li t-talbiet li saru mill-OLAF ma ġewx issodisfati fil-każijiet kollha. Aħna sibna wkoll li l-oġġetti fil-kampjun kienu sinifikattivament sottovalwati. F’xi każijiet, il-prezzijiet tal-qoton ipproċessat iddikjarati fl-importazzjoni kienu saħansitra inqas mill-prezz tal-qoton mhux ipproċessat. Il-Figura 3 u l-Figura 4 hawn taħt juru tqabbil bejn il-valuri ta’ limitu tar-riskju tal-qoton ipproċessat, il-prezzijiet tal-qoton mhux ipproċessat u l-prezzijiet iddikjarati fl-importazzjoni, fil-kampjuni tar-Renju Unit u tal-Polonja:

Figura 3

Prezzijiet tal-mekanzija importata tal-qoton ipproċessat tal-kampjun fir-Renju Unit u tqabbil bejn il-valuri ta’ limitu tar-riskju u l-prezz tal-qoton mhux ipproċessat

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mir-riżorsa bbażata fuq il-web, THESEUS (https://theseus.jrc.ec.europa.eu) u minn http://www.finanzen.net/rohstoffe/baumwollpreis/euro/historisch.

Figura 4

Prezzijiet tal-mekanzija importata tal-qoton ipproċessat tal-kampjun fil-Polonja u tqabbil bejn il-valuri ta’ limitu tar-riskju u l-prezz tal-qoton mhux ipproċessat

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mir-riżorsa bbażata fuq il-web, THESEUS (https://theseus.jrc.ec.europa.eu) u minn http://www.finanzen.net/rohstoffe/baumwollpreis/euro/historisch.

96

Aħna sibna wkoll li l-Istati Membri li jwettqu inqas kontrolli tar-rilaxx doganali jattiraw aktar importazzjonijiet. Dawn huwa partikolarment evidenti fil-każ ta’ kontrolli relatati mas-sottovalwazzjoni tat-tessuti u x-xedd is-saqajn miċ-Ċina, fejn l-Istati Membri li ma jwettqux kontrolli tar-rilaxx doganali jattiraw traffiku minn Stati Membri oħra.

97

Ir-Renju Unit ma japplikax il-limiti tar-riskju deskritti fil-paragrafu 92 u lanqas ma jitlob, waqt ir-rilaxx, garanzija għar-rilaxx ta’ merkanzija ddikjarata b’valur doganali potenzjalment sottovalwat sabiex tkopri t-telf ta’ dazju potenzjali. Madankollu, l-OLAF talab lill-Istati Membri kollha jieħdu l-miżuri prekawzjonarji kollha xierqa biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE u jieħdu dazju fuq id-depożitu li jsir fuq kunsinni suspettużi identifikati sabiex jipprevienu t-telf futur ta’ dazji doganali.

98

Aħna sibna li n-nuqqas ta’ talba għal garanzija fir-Renju Unit fir-rigward ta’ merkanzija potenzjalment sottovalwata wassal għal devjazzjonijiet tat-traffiku: importazzjonijiet ta’ merkanzija Ċiniża sinifikattivament sottovalwata li tkun ġejja fi tranżitu minn Stati Membri oħra li, wara li tiġi żdoganata taħt is-CP 42 fir-Renju Unit, tiġi ttrasportata lura għall-Ewropa kontinentali, eż. tessuti jew xedd is-saqajn miċ-Ċina mibgħuta taħt proċedura ta’ tranżitu estern minn Hamburg għal Dover, fejn din tiġi rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera taħt is-CP 42 mingħajr it-twettiq ta’ kontrolli tar-rilaxx u mbagħad tiġi ttrasportata lura għal, pereżempju, il-Polonja jew is-Slovakkja. Il-Figura 5 turi eżempju ta’ din l-“għażla tal-punt ta’ importazzjoni” bl-użu tas-CP 42:

Figura 5

Każ ta’ ”għażla tal-punt ta’ importazzjoni” bl-użu tal-proċedura doganali 42 (CP 42)

Sors: Il-QEA.

99

L-operazzjoni Octopus twettqet fl-2016 mid-Dwana Franċiża bil-kooperazzjoni tal-OLAF. Din kienet iffukata fuq l-importazzjonijiet taħt is-CP 42. Din l-azzjoni ta’ kooperazzjoni amministrattiva ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-frodi relatata ma’ sottovalwazzjoni seħħet prinċipalment fir-Renju Unit u ġiet aggravata aktar mill-fatt li l-VAT ma tħallsitx fl-Istati Membri tad-destinazzjoni. Il-valuri ddikjarati fuq il-bażi ta’ fatturi foloz kienu sottovalwati minn 5 sa 10 darbiet b’impatt sinifikanti fuq id-dazji doganali u t-taxxi miġbura57.

100

Fir-rigward tal-impatt tal-użu frodulenti tas-CP 42 fuq it-telf tal-VAT u tad-dazji doganali, skont il-paragrafu 83 tar-Rapport Speċjali Nru 24/201558 tagħna, “Fir-Renju Unit aħna sibna żewġ każijiet ta’ importazzjonijiet sottovalwati taħt il-proċedura doganali 42, li kienu diġà ġew identifikati mill-HMRC b’riżultat tal-JCO tal-OLAF. L-HMRC stama li l-impatt fuq il-ġbir tal-VAT fir-Renju Unit huwa ta’ GBP 0.5 miljun, u ta’ GBP 10.6 miljun fi Stati Membri oħra. L-impatt stmat fuq il-ġbir doganali fir-Renju Unit jammonta għal GBP 81 miljun. Dawn l-impatti ġew stmati mill-HMRC għall-oġġetti kollha importati miż-żewġ nnegozjanti identifikati fil-kampjun f'perjodu ta' tliet snin”.

101

Il-Figura 6 turi data mill-Eurostat mill-perjodu 2007-2016 dwar il-ħames Stati Membri magħżula mill-Qorti. L-Istati Membri li implimentaw kontrolli tar-rilaxx bir-reqqa fuq is-sottovalwazzjoni tat-tessuti u x-xedd is-saqajn miċ-Ċina raw żieda fil-prezzijiet medji ddikjarati tal-importazzjonijiet iżda esperjenzaw tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet. Iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet fir-Renju Unit kienet ta’ 358 000 tunnellata, filwaqt li t-tnaqqis kumplessiv fl-erba’ Stati Membri l-oħra kien ta’ 264 000 tunnellata.

Figura 6

Prezzijiet u volumi medji importati tat-tessuti u tax-xedd is-saqajn fil-perjodu 2007-16

Sors: L-Eurostat.

102

Dan huwa kkorroborat aktar mill-istimi ta’ telf potenzjali tad-dazji minħabba sottovalwazzjoni tat-tessuti u x-xedd is-saqajn li saret mill-OLAF għall-perjodu 2013-16.

103

Skont l-OLAF59, ir-Renju Unit kien imissu għamel disponibbli ammont stmat ta’ EUR 1.9874 biljun (gross), jew EUR 1.5736 biljun (nett), aktar riżorsi proprji tradizzjonali milli għamel mill-2013 sal-2016. Il-kwantifikazzjoni tat-telf possibbli (f’termini netti, wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir) bi tqabbil mar-riżorsi proprji totali u r-riżorsi proprji tradizzjonali, li fil-fatt saru disponibbli mill-Istati Membri matul l-istess perjodu, jinstabu hawn taħt fil-Figura 7.

Figura 7

Impatt fuq il-Baġit tal-UE tal-ammont stmat ta’ telf potenzjali fir-Renju Unit

Sors: Id-DĠ Baġit, Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2016.

104

Dan ikompli jikkorrobora s-sejbiet tagħna tar-Rapport Speċjali Nru 23/2016 li "differenzi fil-prattiki tal-kontroll doganali bejn l-Istati Membri jistgħu jagħmlu port wieħed aktar attraenti mill-oħrajn għal-linji globali tat-tbaħħir"60.

L-Istati Membri għandhom approċċi differenti biex jindirizzaw il-frodi tal-oriġini u tal-klassifikazzjoni

105

L-OLAF jista’ jiddissemina twissijiet ta’ frodi lill-Istati Membri bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ Assistenza Reċiproka (MA). Dawn it-twissijiet fihom talbiet lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-UE.

106

Aħna sibna li l-ħames Stati Membri magħżula segwew approċċi differenti rigward is-segwitu għall-komunikazzjonijiet tal-MA 2015/15, mill-OLAF, dwar il-klassifikazzjoni skorretta, u dwar id-deskrizzjoni skorretta tal-oriġini. Operaturi tas-suq diżonesti jistgħu jisfruttaw kwalunkwe approċċ differenti għall-kontrolli doganali biex jevadu l-pagament ta’ dazji doganali.

107

Aħna sibna wkoll li huwa aktar faċli li jitwettaq is-segwitu għall-komunikazzjonijiet tal-MA f’dawk l-Istati Membri fejn l-indikazzjoni ta’ min huwa l-konsenjatur tkun obbligatorja fid-dikjarazzjoni doganali tal-importazzjoni (DAU).

L-Istati Membri għandhom approċċi differenti rigward is-sistemi ta’ penali

108

Fl-UE, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni doganali huwa obbligu min-naħa tal-Istati Membri61, li jistgħu jużaw varjetà ta’ penali ċivili, amministrattivi u/jew kriminali bħala deterrent għall-ksur tar-regoli. Dan jista’ jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern bejn l-operaturi tas-suq leġittimi filwaqt li l-frodaturi jistgħu jisfruttaw dawn id-differenzi u jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE.

109

Aħna sibna li fil-Polonja, fil-Belġju u fi Franza, il-ksur doganali jitqies li huwa ta’ natura kriminali u b’mod sistematiku jwassal għal proċedimenti kriminali. Fil-Polonja la hemm penali amministrattivi u lanqas dawk ċivili għall-ksur doganali.

110

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet62, li attwalment qed tiġi eżaminata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. Il-proposta għal Direttiva hija r-riżultat ta’ studju63 dwar l-oqfsa legali tal-Istati Membri għal ksur doganali u sanzjonijiet.

Hemm lakuni fil-kontroll doganali tal-importazzjonijiet

111

Il-ġestjoni tar-riskju tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tinkludi l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, l-analiżi u l-mitigazzjoni tat-tipi u l-livelli differenti ta’ riskji assoċjati mal-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija.

112

Il-ġestjoni tar-riskju doganali tal-UE topera taħt il-prinċipju “ivvaluta minn qabel, ikkontrolla fejn meħtieġ”. Skont xi jkunu r-riskji involuti, dawn jistgħu jiġu indirizzati qabel it-tagħbija tal-merkanzija fil-pajjiż tal-esportazzjoni, qabel il-wasla tagħha fit-territorju tal-UE jew fil-post tal-ħatt, fil-mument tal-importazzjoni jew wara li l-merkanzija tkun ġiet rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera64.

113

L-importazzjonijiet jistgħu jseħħu bl-użu ta’ proċeduri normali jew simplifikati. L-importazzjoni tal-merkanzija bl-użu ta’ proċeduri simplifikati tiffaċilita l-kummerċ billi żżid ir-rapidità tar-rilaxx tal-merkanzija. Kull sena, il-Kummissjoni tipproduċi rapport dwar il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali (CUP), li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-frekwenza u l-effettività tat-tipi differenti ta’ kontrolli doganali mwettqa.

L-Istati Membri ma jwettqux kontrolli ta’ qabel il-wasla biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE

114

Fl-istadju ta’ qabel il-wasla, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiksbu informazzjoni bil-quddiem dwar il-wasliet imminenti tal-merkanzija permezz ta’ manifesti tat-tbaħħir u sorsi oħra. Fl-UE, it-trasportaturi jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom jistgħu jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul elettroniċi (ENS) fl-ewwel ajruport/port ta’ dħul fit-territorju doganali tal-UE f’ħin preskritt qabel il-wasla tal-merkanzija. It-timijiet tal-analiżi tar-riskju doganali jistgħu janalizzaw din id-data u jagħmlu għażliet ta’ mmirar preliminari. Madankollu, informazzjoni limitata tkun disponibbli f’dak l-istadju biex ikunu jistgħu jsiru kontrolli dettaljati għal skopijiet fiskali, eż. rigward il-valwazzjoni jew il-klassifikazzjoni tal-merkanzija importata65.

115

Il-ħames awtoritajiet doganali tal-Istati Membri magħżula argumentaw li huma ma jistgħux jwettqu kontrolli ta’ qabel il-wasla fuq l-ENS għal skopijiet fiskali minħabba n-nuqqas ta’ data rilevanti. Madankollu, operaturi tas-suq suspettużi (ta’ fama ħażina) jistgħu jiskattaw kontrolli ta’ qabel il-wasla li jkunu rilevanti għal skopijiet fiskali jekk l-ENS tkun turi data dwar il-konsenjatur u l-konsenjatarju. Filwaqt li dan ikun regolarment il-każ, din id-data tista’ tkun nieqsa66.

L-Istati Membri mhux dejjem iwettqu l-kontrolli ssuġġeriti mis-sistemi tagħhom tal-ġestjoni tar-riskju

116

Il-kontrolli tar-rilaxx issuġġeriti mis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju jistgħu jkunu fiżiċi, dokumentarji, jew jikkonsistu fit-teħid ta’ kampjun tal-merkanzija għal aktar analiżi, inkluża analiżi fil-laboratorju.

117

Aħna sibna li fl-Istati Membri li saritilhom żjara mill-Qorti, ħlief għar-Renju Unit, uffiċjal doganali jista’ jevita miżura ta’ kontroll issuġġerita minn filtru ta’ riskju mingħajr ma jkollu approvazzjoni jew konferma ġerarkika. Dan jirrappreżenta lakuna fis-sistema ta’ kontroll intern li ddgħajjef l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni tar-riskju doganali.

118

Fir-Renju Unit, kontrolli dokumentarji u fiżiċi japplikaw biss għal proċeduri normali ta’ importazzjoni, li jirrappreżentaw 12 % tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni. Aħna sibna li 99.77 % tal-importazzjonijiet iddikjarati taħt proċeduri normali fl-2015 ġew żdoganati fi żmien siegħa; u li l-kontrolli dokumentarji biex tiġi indirizzata d-deskrizzjoni skorretta tal-oriġini waqt ir-rilaxx la jiċċekkjaw il-provi oriġinali tal-oriġini u lanqas ma jiċċekkjaw id-database ConTraffic għal spariġġi. Dan jixħet dubju fuq l-effettività tal-kontrolli tar-rilaxx fir-Renju Unit. It-88% tal-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni li jifdal ġew ippreżentati bl-użu ta’ proċeduri simplifikati u ma kinux suġġetti għal kontrolli tar-rilaxx.

Il-livell tal-kontrolli ta’ wara r-rilaxx ma jpattix għat-tnaqqis fil-kontrolli tal-iżdoganar fuq il-proċeduri simplifikati

119

Operaturi tas-suq li huma awtorizzati biex jużaw proċeduri doganali simplifikati għall-importazzjonijiet jibbenefikaw minn proċess ta’ rilaxx doganali aċċellerat. Id-dwana sserraħ fuq il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni tagħhom u twettaq inqas kontrolli qabel ir-rilaxx. Jenħtieġ li dawn il-kontrolli jiġu kkumpensati permezz ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u minn awditi ex post67. Fl-2015, kważi erbgħa minn ħamsa tal-importazzjonijiet kollha tal-UE twettqu bl-użu ta’ proċeduri simplifikati, li minnhom 0.2 % kienu suġġetti għal kontrolli tar-rilaxx.

120

Madankollu, aħna sibna li fi Spanja u fir-Renju Unit ma jitwettqux kontrolli tar-rilaxx fuq il-proċeduri simplifikati. Dan il-fatt huwa partikolarment serju fil-każ tar-Renju Unit minħabba li l-maġġoranza l-kbira tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni jiġu ppreżentati bl-użu ta’ proċeduri simplifikati.

121

Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) huwa operatur tas-suq affidabbli li jibbenefika minn inqas kontrolli fiżiċi u minn kontrolli bbażati fuq id-dokumenti waqt l-iżdoganar. L-awtorizzazzjoni tal-AEO tingħata mid-dwana dment li l-operatur tas-suq ikun jissodisfa ċerti kriterji68.

122

Waħda mis-simplifikazzjonijiet previsti fil-KDU tippermetti li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tal-importazzjoni permezz ta’ entrata fir-rekords tad-detentur tal-awtorizzazzjoni. F’dan il-każ, l-operatur tas-suq għandu l-obbligu li jinnotifika l-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana, iżda l-ebda data relatata mal-oriġini, mal-klassifikazzjoni tariffarja u mal-valur tal-merkanzija ma tkun inkluża f’din in-notifika69 li jkun jippermetti lid-dwana twettaq analiżi tar-riskju sinifikattiva għal skopijiet fiskali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali jistgħu jirrinunzjaw l-obbligu, tal-AEO, li jippreżenta l-merkanzija lid-dwana70.

123

Aħna sibna każijiet ta’ AEOs li joperaw fis-settur tal-kurriera li jabbużaw mill-eżenzjoni mid-dazji doganali għal kunsinni ta’ valur baxx, u każijiet oħra ta’ AEOs li ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet għall-AEOs fi żmien iż-żjara tagħna, jew li ppreżentaw importazzjonijiet sottovalwati tat-tessuti u ż-żraben miċ-Ċina bħala dikjarant jew bħala rappreżentanti.

124

Aħna sibna li l-Italja ma twettaqx awditi ta’ wara r-rilaxx kif iddefinit fil-Gwida għall-Awditjar Doganali, u lanqas fir-rigward tal-AEO. Fir-Renju Unit aħna eżaminajna 10 fajls tal-awditjar ta’ wara r-rilaxx relatati tmal-AEOs iżda l-ebda wieħed minnhom ma kien fil-fatt awditu ta’ wara r-rilaxx iżda pjuttost kien valutazzjoni jew monitoraġġ imwettaq wara li l-kundizzjonijiet għall-AEOs ġew issodisfati f’livell kontinwat.

125

Fl-aħħar nett, f’Lulju 2016 il-Kummissjoni osservat li sitt Stati Membri71 jew ma wettqux awditi ta’ wara r-rilaxx jew inkella ma pprovdewx informazzjoni dwar dawn l-awditi. Dawn l-Istati Membri kienu s-sors ta’ madwar 20 % tal-ammont totali ta’ dazji doganali li nġabru fl-UE72. L-awditi ta’ wara r-rilaxx huma intenzjonati li jindirizzaw riskji residwi wara r-rilaxx u kontrolli oħra ta’ wara r-rilaxx, iżda meta dawn ma jitwettqux ikun għad hemm dawn ir-riskji.

Il-kontrolli ta’ wara r-rilaxx rarament ikopru l-importazzjonijiet fi Stati Membri oħra

126

Fejn importatur li jkollu s-sede tiegħu fi Stat Membru wieħed (Stat Membru 2) iwettaq operazzjoni ta’ importazzjoni fi Stat Membru ieħor (Stat Membru 1), il-kontrolli doganali jridu jitwettqu minn dan tal-aħħar73.

127

Aħna sibna li l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru 1 ma jindirizzawx lill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru 2 biex jitolbu r-rekords kontabilistiċi, il-kontijiet tal-bank, eċċ. tal-operatur tas-suq li jkun jinsab fit-territorju tagħhom, u li l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru 2 mhumiex konxji tal-importazzjonijiet li jkunu saru, billi ma hemm l-ebda obbligu għall-awtoritajiet tal-Istat Membri 1 li jinnotifikawhom.

128

Dan huwa aggravat mill-fatt li l-informazzjoni inkluża fid-database eżistenti tal-importazzjonijiet fl-Istati Membri, “Sorveljanza 2”, hija ta’ użu limitat għal awditi ta’ wara r-rilaxx, billi ma tinkludix l-isem tal-importatur u/jew tad-dikjarant. It-tnedija (użu) sħiħa74 ta’ database imsejħa“Sorveljanza 3”, li tinkludi din l-informazzjoni u informazzjoni rilevanti oħra, mhijiex mistennija qabel l-1 ta’ Ottubru 2018.

129

Aħna sibna li din is-sitwazzjoni tapplika b’mod partikolari għas-CP42. Taħt din il-proċedura, l-importatur li jkun ibbażat fl-Istat Membru 2 jista’ jaħtar rappreżentant fl-Istat Membru 1 biex iwettaq l-importazzjoni hemm, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jitwettaq il-kontroll ta’ wara r-rilaxx.

130

Skont l-OLAF, madwar 57 % tal-importazzjonijiet kollha ssuspettati li huma sottovalwati u li ġejjin miċ-Ċina fil-qasam tat-tessuti u x-xedd is-saqajn jiġu żdoganati taħt is-CP42, minkejja li 16 % biss tal-importazzjonijiet jiġu rilaxxati taħt din il-proċedura.

131

Il-Kummissjoni sabet ukoll, matul spezzjoni li twettqet fis-Slovakkja f’Diċembru 2016, li r-riskju prinċipali ta’ sottovalwazzjoni nqabad fl-importazzjonijiet koperti mis-CP42, fejn l-importatur ikun normalment jinsab fi Stat Membru ieħor, u dan għamilha aktar diffiċli biex jiġi miġġieled dan ir-riskju permezz ta’ kontrolli ta’ wara r-rilaxx.

In-nuqqas ta’ kontrolli fuq l-eżenzjoni mid-dazji doganali għal kunsinni ta’ valur baxx qed iwassal għal pagament insuffiċjenti ta’ dazji doganali

132

Il-leġiżlazzjoni doganali tipprevedi eżenzjoni jew eżenzjoni mid-dazji doganali għal kunsinni ta’ valur negliġibbli. Il-merkanzija li l-valur tagħha ma jaqbiżx ċertu soll tiġi eżentata minn dazji doganali u minn taxxi oħra. Dan għaliex il-ġbir ta’ dħul potenzjali żgħir ta’ kunsinni ta’ valur baxx ma jagħmilx tajjeb għall-ispejjeż amministrattivi u tan-negozju li huma meħtieġa biex il-konformità mar-regoli doganali tiġi żgurata.

133

L-espansjoni rapida tal-kummerċ elettroniku biddlet dan ix-xenarju. Bħalma tirrikonoxxi l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)75, fiż-żmien meta ġew introdotti l-biċċa l-kbira mill-eżenjonijiet mid-dazji ta’ importazzjonijiet ta’ valur baxx, ix-xiri minn fuq l-internet ma kienx jeżisti u l-livell ta’ importazzjonijiet li kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni kien relattivament baxx.

134

Il-provvisti, min-negozju għall-konsumatur (B2C), ta’ merkanzija mixtrija minn pajjiżi mhux tal-UE għandhom eżenzjoni mill-VAT (u dazji doganali) għal kunsinni ta’ valur baxx, meta l-valur tagħha ma jaqbiżx is-soll ta’ EUR 10 sa EUR 22. Minbarra l-VAT, meta l-valur tal-merkanzija jkun ogħla minn EUR 150, għandhom jiġu imposti dazji doganali. Rigal li jkun intbagħat minn individwu privat lil individwu privat ieħor (P2P) jiġi eżentat minn dazji doganali u mill-VAT meta l-valur tiegħu ma jkunx jaqbeż l-EUR 45. Meta l-valur tiegħu jkun jaqbeż l-ammont ta’ EUR 45 iżda ma jkunx ogħla minn EUR 700, eskluża l-VAT, tista’ tiġi applikata rata standard u fissa ta’ dazju doganali ta’ 2.5 %. Dawn l-eżenzjonijiet kollha japplikaw ukoll għal merkanzija mixtrija online minn pajjiżi mhux tal-UE.

135

Aħna sibna li s-sistemi elettroniċi ta’ rilaxx doganali fl-Istati Membri magħżula aċċettaw (i) importazzjonijiet li kienu japplikaw għal eżenzjonijiet mid-dazji doganali għal merkanzija ta’ valur negliġibbli minkejja li l-valur76 iddikjarat tagħha kien ogħla minn EUR 150, u (ii) importazzjonijiet ta’ kunsinni kummerċjali ddikjarati bħala rigali.

136

Aħna sibna wkoll li anke l-kurriera li kellhom awtorizzazzjoni tal-AEO abbużaw minn dawn l-eżenzjonijiet mid-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet li twettqu wara d-dħul fis-seħħ tal-Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni tal-KDU77 fl-1 ta’ Mejju 2016. Dan huwa partikolarment serju billi l-AEOs huma meħtieġa jkollhom kontrolli interni li jkunu kapaċi jipprevienu u jaqbdu tranżazzjonijiet illegali jew irregolari78.

137

Evidenza miġbura mir-Renju Unit dwar il-kummerċ elettroniku tindika sottovalwazzjoni massiva ta’ merkanzija importata mil-Lvant Imbiegħed u, dejjem aktar, mill-Istati Uniti tal-Amerka, b’fattur ta’ bejn 10 darbiet sa 100 darba inqas mill-valwazzjoni korretta.

138

Skont id-Dwana Belġjana, merkanzija li tinxtara permezz ta’ ċerti siti web mhux tal-UE tiġi sistematikament iddikjarata bħala merkanzija b’valur ta’ inqas minn EUR 22, filwaqt li fil-fatt il-konsumatur ikun ħallas aktar79.

139

Fl-aħħar nett, skont studju li sar minn Copenhagen Economics80, id-dazji tal-importazzjoni jiġu imposti biss fuq 47 % tal-vjeġġi postali dazjabbli u din l-impożizzjoni inkompleta ta’ dazju tal-importazzjoni tiġi kkonkretizzata direttament f’telf ta’ dazji doganali, fl-UE, ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 0.25 biljun.

140

Għalhekk, it-telf tad-dazji doganali jitwettaq b’żewġ modi: (i) permezz ta’ sottovalwazzjoni ta’ merkanzija, u b’hekk il-merkanzija tiġi ddikjarata b’mod skorrett bħala eliġibbli għall-eżenzjoni mid-dazji doganali għal kunsinni ta’ valur baxx; u (ii) permezz tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji doganali għal merkanzija mhux eliġibbli, eż. merkanzija ddikjarata b’valur ogħla minn EUR 150 u aċċettata mis-sistema ta’ rilaxx doganali minħabba li jkun hemm lakuna fiha jew kunsinni kummerċjali (B2C) iddikjarati bħala rigali (P2P) minħabba li ma jiġux ikkontrollati mid-dwana.

141

Fil-każ tal-kurriera li jkollhom awtorizzazzjoni tal-AEO, dan huwa partikolarment possibbli minħabba li huma jibbenefikaw minn inqas kontrolli fiżiċi u minn inqas kontrolli bbażati fuq id-dokumenti, u dan jinkludi inqas kontrolli fil-punt tal-importazzjoni u jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni koll għall-kontrolli ta’ wara r-rilaxx81.

Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

142

L-awditu indirizza l-kwistjoni ta’ jekk il-proċeduri ta’ importazzjoni tal-UE jipproteġux l-interessi finanzjarji tagħha. Aħna sibna dgħufijiet serji li jindikaw li hemm nuqqasijiet fil-qafas legali kif ukoll implimentazzjoni ineffettiva tal-kontrolli doganali mwettqa mill-Istati Membri fuq l-importazzjonijiet, fatt li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE b’mod negattiv.

143

Il-fatt li ma hemmx stima tan-nuqqas doganali jaffettwa l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali b’mod negattiv f’termini tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, u jipprevieni milli ssir allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi għal ċerti oqsma eż. is-sottovalwazzjoni, jew għal Stati Membri fejn jiġi identifikat l-ogħla telf potenzjali (ara l-paragrafi 26 sa 28).

Rakkomandazzjoni 1

Sabiex tkun tista’ tilqa’ t-talba tal-Parlament Ewropew, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija u toħroġ stimi perjodiċi tan-nuqqas doganali mill-2019 ’il quddiem u tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultati tagħha għall-allokazzjoni tar-riżorsi u għall-issettjar ta’ miri operazzjonali.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2019.

144

L-Istati Membri ma jiġux imħeġġa biżżejjed, f’termini finanzjarji, biex iwettqu kontrolli doganali u biex itejbu l-ġbir ta’ dazji doganali għall-Baġit tal-UE: l-Istati Membri li jwettqu kontrolli doganali iżda mingħajr suċċess fl-azzjoni ta’ rkupru tagħhom, għandhom ir-riskju li jbatu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan it-telf, filwaqt li b’mod pervers l-Istati Membri li ma jwettqux dawn il-kontrolli jista’ jkun li ma jġarrbu l-ebda konsegwenza negattiva. Barra minn hekk, Stat Membru wieħed ilmenta li, aktar ma huwa jindirizza l-frodi, ogħla jkun ir-riskju li l-Kummissjoni żżommu finanzjarjament responsabbli (ara l-paragrafi 29 sa 32).

145

Anke jekk il-finanzjament jiġi pprovdut permezz ta’ programmi ta’ azzjoni tal-UE, dan ma jkunx dejjem marbut mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. L-Istati Membri mhux dejjem jipprovdu r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ komponenti, mhux tal-Unjoni, tas-sistemi tal-Informazzjoni Ewropej li ma jiġux iffinanzjati mill-programmi ta’ azzjoni, u dan iwassal għal dewmien possibbli fl-implimentazzjoni tal-KDU. Xi Stati Membri fejn jinsabu l-portijiet prinċipali ta’ dħul jaċċettaw li s-sehem tagħhom taż-żamma tal-RPT huwa għoli wisq (ara l-paragrafi 33 sa 40).

Rakkomandazzjoni 2

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltajiet disponibbli kollha biex issaħħaħ l-appoġġ għas-servizzi doganali nazzjonali fir-rwol importanti tagħhom, li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) l-ġdid jikkonferilhom fir-rigward tal-UE, inkluż it-twettiq ta’ rieżami tar-rata xierqa tal-ispejjeż tal-ġbir.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: għall-bidu tal-QFP li jmiss.

Rakkomandazzjoni 3

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi li l-programmi ta’ azzjoni tal-UE li jmiss, li jappoġġaw l-Unjoni doganali, jintużaw biex jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà finanzjarja tas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej fil-qasam tad-dwana.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: għall-bidu tal-QFP li jmiss.

146

L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet doganali jiffunzjonaw mingħajr xkiel. Iżda l-awditu wera li għad hemm dgħufijiet fl-għodod għall-iskambju ta’ informazzjoni, kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll ta’ użu tagħhom (ara l-paragrafi 41 sa 69).

Rakkomandazzjoni 4

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tipproponi emendi għal-leġiżlazzjoni doganali fl-2018 li jkollhom l-għan li jagħmlu obbligatorja l-indikazzjoni tal-konsenjatur fid-dikjarazzjoni doganali tal-importazzjoni (DAU); u
  2. tkun aktar preċiża fit-talbiet li jkunu jinsabu f’komunikazzjoni ta' Assistenza Reċiproka biex tiżgura l-implimentazzjoni uniformi tagħhom mill-Istati Membri.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: minnufih.

Rakkomandazzjoni 5

Jenħtieġ li, fl-2018, il-Kummissjoni taħtar uffiċjal ta' kollegament extra-Ewropew tal-OLAF f’pajjiżi mhux tal-UE fejn iseħħu t-trasbordi l-aktar frodulenti f’żoni ħielsa.

147

F’termini ta’ applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE, it-Tariffa integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC) tiġi implimentata b’mod uniformi f’erbgħa mill-ħames Stati Membri awditjati. Madankollu, hemm bidliet retroattivi fit-TARIC li għandhom impatt finanzjarju u jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentawhom b’attenzjoni. L-Istati Membri ma jiċċekkjawx sew jekk, fil-mument tal-importazzjoni, id-detenturi, fil-fatt, jużawx id-deċiżjonijiet li jkunu nħarġu dwar l-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI). Għalkemm il-KDU ta mandat lill-Kummissjoni biex din tagħmel possibbli l-ħruġ ta’ deċiżjonijiet dwar il-valwazzjoni fl-UE kollha, il-Kummissjoni ma għamlitx dan (ara l-paragrafi 70 sa 88).

Rakkomandazzjoni 6

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. twettaq, b’attenzjoni, segwitu fl-Istati Membri tal-kontrolli li dawn iwettqu fuq il-konformità tad-deċiżjonijiet dwar il-BTI sal-2020; u
  2. tagħmel possibbli l-ħruġ ta’ deċiżjonijiet dwar il-valwazzjoni fl-UE kollha mingħajr aktar dewmien, kif irrakkomandajna fir-Rapport Speċjali Nru 23/2000.
148

L-Istati Membri għandhom approċċi differenti f’dak li jirrigwarda kontrolli doganali biex jindirizzaw is-sottovalwazzjoni, id-deskrizzjoni skorretta tal-oriġini, u l-klassifikazzjoni skorretta, kif ukoll biex jimponu pieni. Huwa diffikultuż għall-awtoritajiet doganali li jiksbu bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ, bi proċeduri ta’ importazzjoni li jkunu aktar rapidi u mingħajr xkiel, u l-ħtieġa li jitwettqu kontrolli doganali. Kontrolli doganali onerużi jista’ jkollhom impatt fuq l-għażla li l-operaturi tas-suq jagħmlu dwar l-uffiċċju doganali tal-importazzjoni, u għalhekk l-ajruporti/portijiet b’inqas kontrolli doganali jistgħu jattiraw aktar traffiku. Il-Qorti sabet każijiet ta’ “għażla tal-punt ta’ importazzjoni”, jiġifieri l-operaturi tas-suq jagħżlu li jimportaw il-merkanzija sottovalwata fl-Istati Membri li jkollhom kontrolli inqas stretti (ara l-paragrafi 89 sa 110).

Rakkomandazzjoni 7

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi bidliet leġiżlattivi li jkunu jippermettulha timponi korrezzjonijiet finanzjarji, mill-2021 ’il quddiem, fuq dawk l-Istati Membri li ma jkunux qed jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji u li possibbilment ikunu qed iħeġġu l-“għażla tal-punt ta’ importazzjoni”.

149

Minħabba nuqqas ta’ data suffiċjenti, l-Istati Membri ma jwettqux analiżi tar-riskju għal raġunijiet fiskali fl-istadju ta’ qabel il-wasla jew inkella man-notifika mill-operaturi tas-suq dwar il-wasla ta’ merkanzija fil-bini tagħhom. Barra minn hekk, fil-ħames Stati Membri awditjati, l-uffiċjali doganali jistgħu jinjoraw il-kontrolli ssuġġeriti mis-sistema nazzjonali tal-ġestjoni tar-riskju, mingħajr ma ssir l-ebda approvazzjoni ġerarkika. Fir-rigward ta’ proċeduri simplifikati, l-Istati Membri ma jpattux għal-livell inqas ta’ kontrolli tar-rilaxx, b’kontrolli ta’ wara r-rilaxx. Barra minn hekk, jekk operatur tas-suq jimporta fi Stat Membru li ma jkunx dak li huwa jkun ibbażat fih, dawn l-importazzjonijiet rarament jiġu ċċekkjati ex post. L-Istati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet fl-iżgurar tal-konformità tal-operaturi tas-suq mal-eżenzjoni mid-dazji doganali għal kunsinni ta’ valur baxx, u dan iwassal għal telf għall-Baġits nazzjonali u tal-UE. Aħna sibna li l-AEOs li joperaw fis-settur tal-kurriera qed jabbużaw minn din l-eżenzjoni (ara l->paragrafi 111 sa 141).

Rakkomandazzjoni 8

Jenħtieġ li, fl-2018, il-Kummissjoni:

  1. tipproponi azzjoni leġiżlattiva biex tagħmel obbligatorju l-għoti ta’ elementi ta’ data addizzjonali, li jkunu jippermettu t-twettiq ta’ analiżi tar-riskju finanzjarju fl-istadju ta’ qabel il-wasla u man-notifika mill-operaturi tas-suq dwar il-wasla ta’ merkanzija fil-bini tagħhom;
  2. ittejjeb id-database Sorveljanza biex tidentifika r-riċevitur tal-merkanzija meta l-proċedura doganali 42 tintuża; u
  3. tinvestiga l-abbuż li jsir mill-eżenzjonijiet mid-dazji doganali għal kunsinni ta’ valur baxx fuq il-kummerċ elettroniku ta’ merkanzija ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

Rakkomandazzjoni 9

Jenħtieġ li l-Istati Membri immedjatament:

  1. idaħħlu kundizzjoni li permezz tagħha l-evitar ta’ kontrolli ssuġġeriti minn filtru ta’ riskju partikolari jkun jirrikjedi approvazzjoni ġerarkika minn qabel jew minnufih;
  2. jintroduċu kontrolli fis-sistemi elettroniċi tagħhom ta’ rilaxx doganali biex jimblokkaw l-aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni li jkun fihom applikazzjonijiet għal eżenzjoni mid-dazji doganali għal kunsinni ta’ valur baxx tal-merkanzija li l-valur intrinsiku tagħha jkun ogħla minn EUR 150, jew għal kunsinni kummerċjali (B2C) ddikjarati bħala rigali (P2P);
  3. jivverifikaw ex post il-konformità tal-operaturi tas-suq mal-eżenzjoni mid-dazji doganali għal kunsinni ta’ valur baxx, inklużi l-AEOs;
  4. jifformulaw pjanijiet ta’ investigazzjoni biex jiġġieldu kontra l-abbuż li jsir minn dawn l-eżenzjonijiet fuq il-kummerċ elettroniku ta’ merkanzija ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Baudilio TOMÉ MUGURUZA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-7 ta’ Novembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Approċċ tal-awditjar li ttieħed mill-QEA fil-livell tal-Kummissjoni

Aħna wettaqna l-awditu fil-Kummissjoni f'żewġ stadji, stadju ta' tħejjija u x-xogħol tal-awditjar fuq il-post.

01

Matul l-istadju ta' tħejjija, aħna wettaqna żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni fid-DĠ Tassazzjoni u Unjoni Doganali, fid-DĠ Baġit, fl-OLAF u fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC).

Aħna ddiskutejna mal-Kummissjoni l-metodoloġija tal-awditjar (mistoqsijiet, kriterji u standards tal-awditjar), inklużi l-metodoloġija tal-awditjar fl-Istati Membri u r-risposti tal-Kummissjoni għall-kwestjonarju li bgħattna qabel iż-żjara. Aħna rċevejna wkoll feedback u suġġerimenti rigward is-sottovalwazzjoni, id-deskrizzjoni skorretta tal-oriġini, u l-klassifikazzjoni skorretta, ir-riskji inerenti prinċipali li jaffettwaw ir-rilaxx ta’ merkanzija għal ċirkolazzjoni libera, u ġbarna d-dokumenti rilevanti.

Fil-JRC, il-Kummissjoni ppreżentat il-proġetti xjentifiċi tagħha li jikkonċernaw l-ittraċċar tal-kontejners (ConTraffic) u l-istima ta’ prezzijiet ġusti (THESEUS). Il-JRC ta aċċess lill-awdituri għad-database ConTraffic u għar-riżorsa bbażata fuq il-web, THESEUS.

Id-DĠ Tassazzjoni u Unjoni Doganali ta aċċess lill-awdituri għal Sorveljanza 2, id-database dwar ir-rekords tad-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni, u għas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Eżemplari (SMS), id-database dwar timbri awtentiċi u awtoritajiet li jistgħu joħorġu oriġini preferenzjali jew ċertifikat tal-moviment.

Fl-aħħar nett, id-DĠ Baġit ta aċċess lill-awdituri għal OWNRES, id-database li fiha każijiet ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet li jinvolvu ammonti irrekuperabbli ta’ aktar minn EUR 10 000, u għal WOMIS, id-database li fiha hemm rapporti li jikkonċernaw ammonti irrekuperabbli li jaqbżu ċertu soll fejn l-Istati Membri ma jkunux għamlu l-ammonti rispettivi disponibbli għall-baġit tal-UE, billi huma jqisu li r-raġunijiet għalfejn l-ammonti ma setgħux jiġu rkuprati ma jistgħux jiġu attribwiti għalihom. Il-Kummissjoni toħroġ il-kummenti tagħha dwar ir-rapporti fi żmien sitt xhur minn meta tirċevihom.

Aħna eżaminajna informazzjoni pertinenti dwar il-prestazzjoni, bħar-rapporti annwali tal-attività, ir-rapporti dwar il-prestazzjoni tal-unjoni doganali tad-DĠ Tassazzjoni u Unjoni Doganali, u r-rapporti ta’ progress u ta’ evalwazzjoni relatati mal-programmi ta’ azzjoni Hercule II/III u Dwana 2013/2020 tal-UE. Aħna eżaminajna wkoll id-database RAD, li fiha informazzjoni aġġornata dwar is-segwitu li jingħata għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti li jkunu saru mill-QEA.

Aħna żorna lill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, fejn ippreżentajna l-awditu tagħna u ddiskutejna r-rwol, ir-responsabbiltajiet u l-isfidi tagħha rigward is-sottovalwazzjoni, id-deċiżjonijiet relatati mal-valwazzjoni, l-oriġini, in-nuqqas fid-dħul u l-kummerċ elettroniku. Iddiskutejna l-istandards internazzjonali rilevanti bħall-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), l-hekk imsejjaħ Ftehim dwar il-Valwazzjoni Doganali, il-Konvenzjoni Riveduta ta’ Kyoto tad-WCO dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-Proċeduri doganali, u l-linji gwida tad-WCO. L-iskop ta’ din iż-żjara kien li jiġi vvalutat jekk il-Kummissjoni ssegwix l-aħjar prattika internazzjonali. Aħna eżaminajna l-linji gwida l-aktar rilevanti u reċenti tad-WCO, b’mod partikolari r-Revenue Package. Dawn intużaw bħala valutazzjoni komparattiva għat-tħejjija tal-kwestjonarji, li ntbagħtu lill-Istati Membri magħżula dwar il-valwazzjoni, l-oriġini u l-klassifikazzjoni tariffarja.

02

Matul ix-xogħol tal-awditjar fuq il-post, aħna bgħattna kwestjonarju ġenerali lill-Kummissjoni. Dan indirizza l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni tiżgurax li l-proċeduri ta’ importazzjoni jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. Aħna ġbarna wkoll evidenza tal-iżviluppi attwali u tal-attivitajiet tal-Kummissjoni fl-oqsma bħan-nuqqas doganali, il-programmi ta’ azzjoni tal-UE rigward il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri, l-assistenza reċiproka, is-segwitu tal-implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet doganali li saret mill-Istati Membri, u jekk il-Kummissjoni kinitx fasslet proċeduri ta’ importazzjoni robusti biex tevita lakuni li jwasslu għal pagamenti insuffiċjenti tal-RPT.

Dan il-kwestjonarju ġenerali rrispondew għalih id-DĠ Baġit, l-OLAF u d-DĠ Tassazzjoni u Unjoni Doganali. Barra minn hekk, aħna bgħattna żewġ kwestjonarji supplementari lil kull wieħed minnhom u organizzajna intervisti ma’ rappreżentanti tal-Unitajiet inkarigati mill-oqsma differenti li ġew indirizzati fil-kwestjonarji.

Aħna wettaqna segwitu tal-implimentazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-Rapporti Speċjali rilevanti għall-awditu attwali, bħar-Rapport Speċjali Nru 2/2008 rigward l-Informazzjoni li Torbot dwar it-Tariffa (BTI); ir-Rapport Speċjali Nru 1/2010 “Il-Proċeduri Ssimplifikati Doganali għall-importazzjoni huma kkontrollati b’mod effettiv?”, u r-Rapport Speċjali Nru 2/2014 “L-Arranġamenti kummerċjali preferenzjali huma ġestiti b’mod xieraq?”

Anness II

Approċċ tal-awditjar li ttieħed mill-QEA fl-Istati Membri

Aħna wettaqna l-awditu f'żewġ stadji, stadju ta' tħejjija u x-xogħol tal-awditjar fuq il-post.

01

Matul l-istadju ta' tħejjija, aħna għażilna ħames Stati Membri: Spanja, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju Unit. L-għażla ta’ Stati Membri kienet ibbażata fuq il-kriterji tar-riskju li ġejjin: (i) id-daqs tal-kontribuzzjoni tal-RPT tagħhom għall-Baġit tal-UE; (ii) l-inċidenza tas-sottovalwazzjoni fl-Istat Membru; u (iii) il-proporzjon ta’ kontrolli bbażati fuq l-awditi fit-total tal-kontrolli ta’ wara r-rilaxx.

Aħna bgħattna kwestjonarju lill-Istati Membri magħżula. Dan indirizza l-kwistjoni ta’ jekk l-Istati Membri jiżgurawx li l-proċeduri ta’ importazzjoni jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. Aħna rċevejna risposti bil-miktub mill-Istati Membri kollha magħżula.

Qabel kull żjara fl-Istati Membri, aħna għażilna:

  1. 30 tranżazzjoni ta’ importazzjonijiet potenzjalment sottovalwati. Għal din l-għażla, aħna applikajna Analiżi Viżwali tad-Data għall-popolazzjoni tal-importazzjonijiet irreġistrati f’Sorveljanza 2 minn kull Stat Membru fl-2015, bl-użu ta’ Tableau. Imbagħad, twettqet valutazzjoni komparattiva tas-sottovalwazzjoni potenzjali bil-prezzijiet ġusti għal kull kg li ġew ippubblikati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka f’THESEUS u bil-prezz medju għal kull unità li ġie rrappurtat f’Sorveljanza 2;
  2. 30 tranżazzjoni ta’ importazzjonijiet, suġġetti għal komunikazzjonijiet ta’ Assistenza Reċiproka (MA) maħruġa mill-OLAF biex nindirizzaw il-klassifikazzjoni skorretta tal-merkanzija. B’mod aleatorju, aħna għażilna l-importazzjonijiet li kull Stat Membru rreġistra f’Sorveljanza 2 fl-2015, bl-użu ta’ ACL;
  3. il-popolazzjoni kollha kemm hi tal-importazzjonijiet affettwati minn komunikazzjoni tal-Assistenza Reċipoka (MA) biex nindirizzaw id-deskrizzjoni skorretta tal-oriġini fl-2015, skont Sorveljenza 2;
  4. kampjun, ibbażat fuq ir-riskji, ta’ 10 fajls tal-awditjar relatati mal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEOs) imwettqa mill-Istati Membri matul dawn l-aħħar 6 snin;
  5. kampjun, ibbażat fuq ir-riskji, ta’ 10 dikjarazzjonijiet fil-qosor għall-ħżin temporanju biex nittraċċawhom 'il quddiem sal-mument tar-rilaxx ta’ merkanzija għal ċirkolazzjoni libera, u biex nivverifikaw il-konformità mar-regoli rigward id-data ta' skadenza massima għar-rilaxx, il-valwazzjoni, l-eżenzjonijiet mid-dazji doganali u t-tassazzjoni b’rata fissa, li twettqu fl-2016 minn AEO tipiku tas-settur tal-kurriera wara li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016; u
  6. kampjun, ibbażat fuq ir-riskji, ta’ 10 oġġetti rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera mill-AEO fl-2016 wara li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016, biex nittraċċawhom lura sal-mument tad-dikjarazzjoni fil-qosor għall-ħżin temporanju, u biex nivverifikaw il-konformità mar-regoli li rigward id-data ta' skadenza massima għar-rilaxx tal-merkanzija, il-valwazzjoni, l-eżenzjonijiet mid-dazji doganali u t-tassazzjoni b’rata fissa.
02

Matul ix-xogħol tal-awditjar fuq il-post, aħna żorna lill-awtoritajiet doganali ta’ Spanja, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija u r-Renju Unit. F’kull Stat Membru magħżul, aħna ddiskutejna r-risposti għall-kwestjonarju li waslu minn qabel u wettaqna intervisti mal-uffiċjali inkarigati mill-oqsma differenti li ġew indirizzati fil-kwestjonarju u, b’mod partikolari, mal-uffiċjali inkarigati mill-valwazzjoni, l-oriġini, il-klassifikazzjoni tariffarja, il-ġestjoni tar-riskju, l-AEOs, il-kontrolli ta’ wara r-rilaxx, u Dwana 2013/2020.

Ibbażat fuq standards internazzjonali, aħna ċċekkjajna jekk: (i) il-kontrolli ta’ wara r-rilaxx imwettqa mill-Istati Membri mmaniġġjawx ir-riskji residwi wara l-kontrolli tar-rilaxx; (ii) il-kontrolli ta’ wara r-rilaxx imwettqa mill-Istati Membri koprewx l-importazzjonijiet imwettqa fi Stati Membri oħra; (iii) l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri wettqux id-doveri tagħhom daqslikieku kienu amministrazzjoni waħda; u (iv) l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri tawx attenzjoni dovuta għall-vjeġġi ta’ merkanzija mibgħuta mill-kurriera. Aħna analizzajna u ddiskutejna l-eżitu tal-kampjuni magħżula minn qabel abbażi ta’ lista ta' kontroll.

Aħna tajna attenzjoni speċjali għas-sistemi u l-kontrolli, inkluż test f’ambjent finta tas-sistemi ta’ rilaxx doganali relatati mal-kontrolli ta’ kredibbiltà fuq il-kunsinni ta’ valur baxx.

Risposta tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni tinnota li sejbiet essenzjali inklużi f’dan ir-rapport jikkonċernaw in-nuqqasijiet tal-kontroll u l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri li jitwettqu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni madankollu tispezzjona l-ġbir u d-disponibbiltà tar-riżorsi proprji tradizzjonali mill-Istati Membri li għandu impatt korrettiv.

Meta l-Kummissjoni ssib li l-kontrolli tal-Istati Membri mhumiex effettivi u jwasslu għal telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali, l-Istati Membri huma responsabbli għal dan it-telf, b’ħafna interess sinifikanti applikati għal ħlas tardiv. Dan ifisser li l-effett negattiv fuq il-finanzi tal-UE ta’ kontrolli ineffettivi mill-Istati Membri huwa indirizzat permezz tal-attività ta’ kontroll tal-Kummissjoni. L-imgħax għal ħlas tardiv jikkumpensa sew id-dewmien fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE, sabiex l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni jassigurataw il-protezzjoni komprensiva tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Il-Kummissjoni tilqa’ s-suġġerimenti kollha biex jitjieb il-kontroll.

VI

Nuqqasijiet fil-qafas legali doganali qed jiġu indirizzati permezz tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016. Il-benefiċċji kollha tiegħu jinkisbu meta s-sistemi elettroniċi kollha għall-implimentazzjoni tiegħu jkunu operattivi. Il-KDU għandu bħala għan ewlieni li jħares aħjar ir-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni (riżorsi proprji) billi i) jipproteġi kontra l-frodi l-leġiżlazzjoni doganali Ewropea (jiġifieri l-għeluq ta’ lakuni, l-eliminazzjoni ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli u l-forniment tal-aċċess elettroniku għal informazzjoni rilevanti għall-awtoritajiet doganali), ii) jiżgura applikazzjoni iktar armonizzata u standardizzata ta’ kontrolli doganali mill-Istati Membri, ibbażata fuq qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskji u sistema elettronika għall-implimentazzjoni tiegħu, u iii) li jintroduċi sistema komuni ta’ garanziji. Dawn il-miżuri huma maħsuba mhux biss biex jipproteġu aħjar l-interessi finanzjarji tal-UE u s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE iżda wkoll biex jevitaw għemil antikompetittiv fid-diversi punti ta’ dħul u ħruġ tal-Unjoni.

VII

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri għandhom biżżejjed inċentivi finanzjarji biex iwettqu l-kontrolli doganali. L-Istati Membri li japplikaw il-qafas leġiżlattiv doganali tal-UE b’mod diliġenti ma jiffaċċjawx obbligazzjoni finanzjarja għar-RPT li saru irrekuperabbli għal raġunijiet li jmorru lil hinn mill-kontroll tagħhom.

VIII

Skont l-Artikolu 46(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa f’idejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jwettqu kwalunkwe kontrolli doganali li jqisu meħtieġa. Għalhekk il-prattiki huma differenti sa ċertu punt bejn l-Istati Membri f’dan ir-rigward. Il-kontrolli doganali għandhom, madankollu, ikunu bbażati primarjament fuq l-analiżi tar-riskju. Sabiex ikun hemm kontribut għall-applikazzjoni uniformi tal-kriterji tar-riskju u l-istandards qed jiġi mħejji att ta’ implimentazzjoni dwar kriterji ta’ riskju komuni tal-Unjoni għal riskji finanzjarji. Issa tinsab għaddejja l-gwida meħtieġa biex tappoġġa fehim komuni u implimentazzjoni. Fl-2018 huwa previst proġett pilota ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri.

XI (a)

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni.

Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni sabiex “tiġbor dejta kredibbli dwar in-nuqqas fid-dwana […] tal-Istati Membri”. Il-Kummissjoni diġà tipprovdi kalkoli annwali tan-nuqqas fil-ġbir tad-dazji doganali identifikati fl-ispezzjonijiet tar-RPT tagħha. L-ammonti kkonċernati huma mitluba mingħand l-Istati Membri u jinġabru favur il-baġit tal-UE.

Il-kalkolu tal-Kummissjoni, ibbażat fuq dejta kredibbli, huwa l-aktar metodoloġija kredibbli biex jiġi stabbilit din in-nuqqas u huwa użat għal skopijiet operazzjonali, jiġifieri sabiex tħejji l-programm ta’ spezzjoni annwali tagħha tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni mhijiex konxja ta ebda metodoloġija xierqa oħra iżda tikkunsidra b’mod pożittiv kull suġġeriment għal metodoloġija fattibbli li tista’ tikkomplementa l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Ara wkoll it-tweġibiet għal paragrafi 25 u 26.

(b)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni bħalissa qed tistudja l-alternattivi biex ittejjeb il-finanzjament ta’ servizzi doganali nazzjonali fil-QFP li jmiss. Il-Kummissjoni tqis li l-operazzjonijiet doganali tal-Istati Membri u l-ispejjeż tax-xogħol relatati huma funzjoni ta’ bosta fatturi inkluża l-forma strutturali tal-amministrazzjoni doganali tal-Istat Membru, ir-riżorsi disponibbli għas-servizz doganali nazzjonali, u x-xejra u l-volum tal-kummerċ li jirriżulta mis-sitwazzjoni ġeografika tal-Istat Membru. Bħalissa l-Kummissjoni qed twettaq studju tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Unjoni Doganali biex tinvestiga, fost l-oħrajn, il-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-investimenti doganali mill-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE.

(c)

Il-Kummissjoni tista’ taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni sa fejn taqbel mal-għan tar-rakkomandazzjoni tal-QEA, iżda tinnota li f’dan l-istadju mhijiex f’pożizzjoni li tagħmel impenji speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-proposti tagħha għall-QFP li jmiss.

(d)

Il-Kummissjoni taċċetta li r-rakkomandazzjoni hija aktar preċiża fl-azzjonijiet mitluba mill-Istati Membri f’komunikazzjonijiet ta’ Assistenza Reċiproka, waqt li tinnota li l-għan ewlieni se jibqa’ li jkun hemm riżultati ekwivalenti. It-talbiet tal-OLAF għal assistenza reċiproka huma koperti mir-Regolament 515/1997 u, konsegwentement, huma legali u obbligatorji. L-azzjonijiet proposti lill-Istati Membri huma sett ta’ rakkomandazzjonijiet li mhux neċessarjament huma tajbin għall-Istati Membri kollha f’kull każ.

(e)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Filwaqt li l-indikazzjoni tal-ispeditur fid-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni doganali hija diġà obbligatorja fi Stati Membri li ma għamlux użu mill-fakultà li jirrinunzjaw ir-rekwiżit tad-dejta, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri fl-2018 bl-għan li tagħmel din l-indikazzjoni obbligatorja fl-Istati Membri kollha. Dan jista’ jfisser spejjeż sinifikanti għal dawk l-Istati Membri li għadhom ma jiġbruhiex. Id-data reali tal-adozzjoni se tiddependi min-negozjati mal-Istati Membri.

Introduzzjoni

11

Skont l-Artikolu 46(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa f’idejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jwettqu kwalunkwe kontrolli doganali li jqisu meħtieġa. Għalhekk il-prattiki huma differenti sa ċertu punt bejn l-Istati Membri f’dan ir-rigward. Il-kontrolli doganali għandhom, madankollu, ikunu bbażati primarjament fuq l-analiżi tar-riskju. Sabiex ikun hemm kontribut għall-applikazzjoni uniformi tal-kriterji tar-riskju u l-istandards qed jiġi mħejji att ta’ implimentazzjoni dwar kriterji ta’ riskju komuni tal-Unjoni għal riskji finanzjarji. Issa tinsab għaddejja l-gwida meħtieġa biex tappoġġa fehim komuni u implimentazzjoni. Fl-2018 huwa previst proġett pilota ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri.

13

Il-qafas għall-Ġestjoni tar-Riskji Komuni (Common Risk Management framework, CRMF) ġie introdott fil-leġiżlazzjoni doganali tal-UE permezz tar-Regolament 648/2005 u inkluda diversi azzjonijiet biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-indirizzar ta’ riskji finanzjarji b’mod sistematiku:

  • Forniment tal-Gwida għall-Awditjar Doganali li tittratta b’mod komprensiv it-twettiq tal-awditjar u l-kontrolli ta’ wara l-ikklerjar (issa: kontrolli ta’ wara r-rilaxx);
  • Forniment tal-Manwal dwar il-kontrolli doganali operazzjonali li jindirizzaw kontrolli fil-ħin tal-ikklerjar u jelenka lista tal-aħjar prattiki identifikati fl-Istati Membri inkluż għal riskji finanzjarji relatati ma’ klassifikazzjoni tariffarja, valutazzjoni, oriġini u miżuri antidumping;
  • Azzjonijiet ta’ Kontroll Prijoritarji li għandhom x’jaqsmu b’mod intensiv ma’ suġġetti speċifiċi li jidentifikaw kif l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw bl-aħjar mod ir-riskju u l-isfidi tal-kontrolli doganali b’mod sistematiku.
14

L-assistenza amministrattiva reċiproka għandha l-għan li tiżgura l-ġbir tad-dħul permezz tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-ġlieda kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

15

Fil-livell tal-UE: Is-Sistema Elettronika tal-Ġestjoni tar-Riskju Doganali (Customs Risk Management System, CRMS) bħala appoġġ f’ħin reali għall-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni tar-riskju fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tgħaqqad 841 uffiċċju doganali, inklużi l-portijiet u l-ajruporti internazzjonali kollha, postazzjonijiet fil-fruntieri tal-art il-kbar u ċ-ċentri nazzjonali għall-analiżi tar-riskju kollha attwalment b’madwar 4 000 utent. Diversi servizzi tal-Kummissjoni għandhom aċċess dirett għas-CRMS: TAXUD, OLAF, SANCO, TRADE, BUDG, JUST, ENV, AGRI, GROW.

L-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-livell tal-UE huwa magħmul fuq il-bażi tar-Regolament 515/97 u fuq il-livell internazzjonali fuq il-bażi ta’ ftehimiet internazzjonali.

19

Il-bażijiet ġuridiċi huma numerużi ħafna. Bħala eżempju, dispożizzjonijiet / protokolli 51 MAA huma fis-seħħ relatati ma’ 79 pajjiż / territorju. In-negozjati ma’ oħrajn, pereż. il-Mercosur, għadhom għaddejjin u xi wħud qed jistennew id-dħul fis-seħħ (xi pajjiżi FSE).

ACAs bħala tali ma jipprovdux bażi ġuridika separata għall-iskambju ta’ informazzjoni.

20

Dispożizzjonijiet MAA huma parti mill-arranġamenti preferenzjali bilaterali (FTAs) iżda wkoll reġimi preferenzjali awtonomi bħalma l-SĠP jeħtieġu li l-pajjiżi benefiċjarji jipprovdu assistenza li tippermetti l-prevenzjoni ta’ frodi jew irregolarità fir-rigward tal-għoti ta’ preferenza tariffarja.

Miżuri effettivi kontra l-frodi - bħal, pereżempju, klawżola li tippermetti s-sospensjoni ta’ tariffa preferenzjali f’każ ta’ nuqqas ta’ għajnuna - għandhom l-għan li jiżguraw livell suffiċjenti ta’ MAA minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn preferenza ta’ tariffi fuq l-importazzjoni lejn l-UE.

Osservazzjonijiet

25

Il-Kummissjoni diġà tikkalkula nuqqas fil-ġbir tar-RPT fuq il-bażi tan-nuqqasijiet tal-ġbir tad-dazji doganali identifikati b’riżultat tal-attivitajiet ta’ spezzjoni tad-DĠ BUDG.

Il-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji tipprovdi inċentivi qawwijin, fil-forma ta’ mgħax sinifikanti ħafna għal ħlas tardiv għall-Istati Membri biex iwettqu l-kontrolli.

Il-finanzjament tal-programmi Doganali tal-UE ġie miftiehem mill-Istati Membri għall-QFP attwali u qed jiġi rieżaminat għal dak li jmiss.

26

Il-Kummissjoni diġà tipprovdi kalkoli annwali tan-nuqqas fil-ġbir tad-dazji doganali identifikati fl-ispezzjonijiet tar-RPT tagħha. L-ammonti kkonċernati huma mitluba mingħand l-Istati Membri u jinġabru favur il-baġit tal-UE. Il-VAT huwa sors ta’ dħul ta’ natura differenti, b’hekk l-approċċ użat għall-istima tan-nuqqas tal-VAT mhuwiex applikabbli għan-“nuqqas doganali”.

Il-kalkolu tal-Kummissjoni, ibbażat fuq dejta kredibbli, huwa l-aktar metodoloġija kredibbli biex jiġi stabbilit dan in-nuqqas.

Il-Kummissjoni mhijiex konxja ta ebda metodoloġija xierqa oħra iżda tikkunsidra b’mod pożittiv kull suġġeriment għal metodoloġija fattibbli li tista’ tikkomplementa l-kalkoli tal-Kummissjoni.

27

It-telf potenzjali kkalkulat mill-OLAF għar-Renju Unit qed jiġi segwit fi proċedura kontradittorja attwali ma’ dan l-Istat Membru. Il-Kummissjoni ma tistax tikkummenta dwar proċeduri attwali bħal dawn. Il-Kummissjoni qed tħares lejn sottovalutazzjoni potenzjali fi Stati Membri oħra.

28

Il-Kummissjoni tuża sistematikament il-kalkolu tan-nuqqas, flimkien mal-indikaturi tar-riskju rilevanti l-oħra kollha, sabiex talloka riżorsi għall-ispezzjonijiet tagħha b’mod effiċjenti. Ara wkoll it-tweġibiet għall-paragrafi 25 u 26. Il-Kummissjoni mhijiex konxja tal-ebda metodoloġija oħra xierqa iżda tikkunsidra kull suġġeriment għal metodoloġija fattibbli li tikkomplementa l-kalkoli tal-Kummissjoni.

30

Il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE madwar l-Istati Membri kollha u biex tiżgura li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Istati Membri li ma jwettqux kontrolli u b’hekk jikkawżaw telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali jiffaċċjaw ir-riskju ta’ responsabbiltà għat-telf, li jipprovdi inċentiv għalihom biex ikunu diliġenti sabiex jevitaw ir-responsabbiltà.

Dejn dovut minn operaturi tas-suq fi stat ta’ insolvenza jinħtieġ li jiġi segwit b’mod diliġenti filwaqt li jitqiesu l-assi li jifdal u l-prijorità tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri f’każ ta’ likwidazzjoni. L-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit ma għandhom l-ebda prijorità f’każ ta’ likwidazzjoni.

Bħala parti mit-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni se tqis jekk emendi għall-qafas legali attwali tar-riżorsi proprji jistgħux jtejbu l-inċentivi għal kontrolli effettivi mill-Istati Membri.

31

Il-leġiżlazzjoni doganali tal-UE fis-seħħ ma tagħtix preferenza għal kontrolli ta’ wara r-rilaxx u t-tnaqqis tad-domanda ta’ wara r-rilaxx jista’ jiġi spjegat b’diversi fatturi, fosthom it-twettiq ta’ kontrolli għajr dawk ta’ wara r-rilaxx minn dawk l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tinnota li fil-pajjiżi msemmija mill-QEA n-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni eżaminat wara r-rilaxx wera żieda fl-2016.

32

Kif indikat qabel (ara t-tweġiba għall-paragrafu 26) il-Kummissjoni diġà tipproduċi kalkolu tan-nuqqas. Barra minn hekk, żieda / tnaqqis in-nuqqas doganali jista’ jkun dovut għal ħafna fatturi. Ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġu identifikati rabtiet ta’ kawża / effett mal-fatturi individwali.

33

Sa Diċembru 2020, se jiġi konsenjat 80 % tax-xogħol tas-sistemi tal-KDU. Madankollu, ir-reviżjoni tal-2017 tal-Pjan Strateġiku Pluriennali tad-dwana elettronika (Multi-Annual Strategic Plan, MASP) li qed titħejja stabbilixxiet il-ħtieġa għal data wara dik tal-31 ta’ Diċembru 2020 għad-dħul fl-operat ta’ sitt sistemi tal-KDU, minħabba restrizzjonijiet ta’ riżorsi umani u finanzjarji. Dan l-approċċ bħalissa jinsab waqt diskussjoni mal-Istati membri u l-Kummissjoni se tqis azzjoni leġiżlattiva xierqa.

38

Il-Kummissjoni mhijiex konxja tal-ebda Stat Membru li jaċċetta li sehmu mill-ispejjeż tal-ġbir tar-RPT huwa għoli wisq. Is-sistema attwali tal-ispejjeż tal-ġbir ġiet adottata b’mod unanimu mill-Istati Membri.

40

Għotjiet għal assistenza teknika mogħtija permezz tal-Programmi Hercule jippermettu amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri għax-xiri ta’ tagħmir għall-użu waqt operazzjonijiet b’appoġġ għal investigazzjonijiet dwar trasgressjonijiet, bħal irregolaritajiet, suspetti ta’ frodi u korruzzjoni, imwettqa kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. Dawn l-operazzjonijiet jinkludu, pereżempju, attivitajiet biex jidentifikaw u jsibu gruppi tal-kriminalità involuti fil-kuntrabandu ta’ sigaretti u tabakk, iżda wkoll droga, it-traffikar ta’ bnedmin jew armi. Mhuwiex possibbli li jiġi limitat minn qabel l-użu ta’ dan it-tagħmir għal operazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

41

Il-Kummissjoni bħalissa qed tirrifletti dwar inizjattivi possibbli biex issaħħaħ l-isfruttament tas-sorsi ta’ dejta disponibbli.

44

L-Istati Membri jsaħħu t-talbiet tal-komunikazzjonijiet ta’ assistenza reċiproka (AR) bix-xogħol ta’ intelligence tagħhom stess. F’xi każijiet, jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni għal nuqqas ta’ uniformità fl-azzjonijiet sakemm ir-riżultati jkunu ekwivalenti.

L-ispezzjonijiet tar-RPT tal-Kummissjoni jeżaminaw regolarment l-azzjonijiet ta’ segwitu tal-Istati Membri għall-komunikazzjonijiet ta’ AR tal-OLAF. Meta n-nuqqas mill-Istati Membri li jsegwuhom kif xieraq jirriżulta f’telf tar-RPT, il-Kummissjoni żżomm lill-Istati Membri finanzjarjament responsabbli għat-telf.

45

Is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (Customs Information System, CIS) hija disponibbli għall-Awtoritajiet Doganali tal-Istati Membri kollha. Anki jekk l-Istati Membri kollha jużaw is-sistema għall-għan li għalih ġiet konċeputa, l-użu tagħha jvarja skont kull Stat Membru.

L-OLAF bħalissa qed jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, fuq verżjoni ġdida tas-CIS biex jinkorpora l-bidliet li ġabet magħha l-emenda tar-Regolament 515/97 u jindirizza t-talbiet għal titjib mill-Istati Membri.

46

Is-CRMS tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni tar-riskju elettroniku f’ħin reali fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Ħarsa ġenerali sħiħa tas-sistemi, il-kamp ta’ applikazzjoni, l-objettivi u l-iskeda ta’ żmien tagħhom huma provduti fil-Pjan Strateġiku Pluriennali verżjoni 2016 ippubblikat fuq is-sit web Europa1.

Is-sistemi jservu l-għanijiet u l-iskopijiet tagħhom stess u għandhom bażijiet ġuridiċi differenti. L-Istati Membri identifikaw ir-rappurtar multiplu bħala problema kbira. Is-sinerġiji u r-rabtiet bejn is-sistemi huma dokumentati fil-Mudelli tal-Proċess tan-Negozju li huma disponibbli wkoll fuq is-sit web Europa2.

47

Sadanittant il-grupp tal-proġetti li kien inħoloq biex jindirizza l-problema ppreżentata r-rapport tiegħu, li wera l-kumplessità tar-rappurtar multiplu u li din il-problema ma tistax tissolva b’“sempliċi” soluzzjoni tal-IT permezz tat-trasferiment ta’ dejta bejn iż-żewġ sistemi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp bħalissa qed jiġu indirizzati.

50

L-Istati Membri qed jużaw il-ġestjoni tar-riskju u ħolqu profili tar-riskju biex jagħżlu kunsinni li jistgħu jiġu kklassifikati ħażin jew dikjarati b’oriġini żbaljata.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi att ta’ implimentazzjoni dwar il-kriterji ta’ riskju komuni għal riskji finanzjarji sabiex jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet (ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 11 hawn fuq).

Il-Kummissjoni regolarment teżamina l-proċeduri tal-Istati Membri biex tevita u tiġġieled dawn il-mekkaniżmi ta’ frodi fl-ispezzjonijiet tar-RPT tagħha.

51

Rigward il-kwistjoni ta’ frodi fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini ta’ oġġetti importati l-Kummissjoni wettqet riċerka sabiex tidentifika l-għodod ta’ appoġġ kosteffikaċi. Is-soluzzjoni identifikata, fuq il-bażi tad-dejta tal-Messaġġi dwar l-Istatus tal-Kontejner (Container Status Messages, CSM), sarulha prototipi tagħha u ġiet ittestjata permezz tas-sistema ConTraffic. Din it-teknoloġija tippermetti kontroverifika awtomatika tal-oriġini ddikjarata mill-importaturi kontra r-rotta tal-kontejner u l-immarkar ta’ diskrepanzi.

Kaxxa 1

Jinħtieġ li jiġi nnotat li mill-1 ta’ Settembru 2016, hija disponibbli applikazzjoni ġdida li tippermetti li jiġu traċċati u segwiti l-kontenituri disponibbli permezz tal-pjattaforma AFIS. L-applikazzjoni msejħa AFIS-CSM, tinkludi movimenti ta’ kontejners li jidħlu u jitilqu mit-territorju tal-UE rrappurtati direttament lil repożitorju ċentrali minn trasportaturi marittimi.

52

Fir-rigward tal-analiżi ta’ oriġini f’dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni fl-2008-2015 u l-1 187 sinjal imsemmi mibgħut lill-Istati Membri, il-Kummissjoni tixtieq tiċċara li din l-analiżi saret fil-qafas ta’ proġett pilota sperimentali li sar bil-kollaborazzjoni ta’ 12-il Stat Membru voluntier u s-sinjali prodotti identifikaw każijiet ta’ frodi doganali potenzjali. Din l-informazzjoni ġiet provduta lill-Istati Membri biex jimmiraw aħjar għall-kontrolli ta’ wara r-rilaxx tagħhom.

Tweġiba komuni għall-paragrafi 54 u 55.

L-obbligu ġuridiku biex tiġi skambjata informazzjoni tar-riskju permezz tas-CRMS huwa msemmi fl-Artikolu 46(5) KDU, li jistipula t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproduċiet linji gwida disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE biex tappoġġa d-deċiżjoni tal-Istati Membri dwar informazzjoni rilevanti li għandha titpoġġa f’RIF u b’mod partikolari elementi ġodda tar-riskju u l-immirar. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda lment f’dawn l-aħħar snin, jinnota titjib konsiderevoli fil-kwalità tar-RIFs f’dawn l-aħħar ħames snin u temmen li s-sistema ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għas-CRMs, it-taħriġ estensiv li qed jiġi pprovdut u l-linji gwida se jiżguraw il-kwalità meħtieġa. Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 46.

58

Fil-qafas tal-“Pjan ta’ Azzjoni għall-monitoraġġ tat-tħaddim ta’ arranġamenti ta’ kummerċ preferenzjali” (COM(2014) 105 final), il-kwestjonarji ta’ monitoraġġ intbagħtu fl-2016 u ż-żjarat ta’ monitoraġġ twettqu fl-2017 fl-Indja u l-Indoneżja. Intbagħat kwestjonarju lill-Vjetnam fl-2016, li s-segwitu tiegħu ċċara l-kwistjonijiet kollha identifikati. In-Nepal u l-Indja bdew is-sistema ta’ awtoċertifikazzjoni ma’ Esportaturi Reġistrati (is-Sistema REX) mill-1 ta’ Jannar 2017. Ġew provduti sessjonijiet ta’ taħriġ speċifiċi lil dawn il-pajjiżi mill-Kummissjoni (sessjoni żejda għall-Indja saret f’Settembru 2017). Jistgħu jiġu deċiżi azzjonijiet ġodda ta’ monitoraġġ xierqa ladarba s-Sistema REX tkun implimentata bis-sħiħ f’dawn il-pajjiżi. Il-Bangladesh għandu jkun ikkunsidrat li qed jiġi sorveljat fuq bażi regolari permezz ta’ skambji ta’ ittri u ta’ kuntatti mill-qrib mal-Kummissjoni. Sabiex jitnaqqas l-għadd kbir ta’ talbiet għal verifika ta’ ċertifikati għal tessuti, l-aċċess u l-użu tal-bażi tad-dejta tal-Bangladesh GSP-tracker mill-awtoritajiet doganali nazzjonali tal-UE huwa possibbli u se jiġi promoss. Rigward l-Afganistan, il-Kummissjoni mhijiex konxja tal-problemi li ġew irrapportati minn Stat Membru lill-QEA. Se tiġi mfittxija kjarifika minn dan l-Istat Membru u se tiġi deċiża azzjoni xierqa. F'kull każ, is-sistema REX se tiġi implimentata f’dan il-pajjiż mill-2018. Ġiet proposta azzjoni ta’ taħriġ speċifiku għall-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż li seħħ f’Settembru 2017.

59

Jinħtieġ li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni miċ-Ċina bi tweġiba għat-talbiet MAA; hemm wisq talbiet mill-Istati Membri li jibqgħu mingħajr tweġiba, jew it-tweġibiet idumu jew ma jkunux kompluti jew dokumenti pprovduti mill-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana taċ-Ċina (General Administration of China Customs, GACC) ikunu ttimbrati b’dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà (ara hawn taħt). L-OLAF jissorvelja l-fluss tal-informazzjoni fil-kuntest ta’ talbiet tal-MAA bħal dawn bejn l-UE u ċ-Ċina.

Diġà ttieħdu l-azzjonijiet li ġejjin: prijoritizzazzjoni aħjar tat-talbiet mill-UE, id-dħul mill-ġdid tal-uffiċjal ta' kollegament f’Beijing, l-għotja liċ-Ċina ta’ konnessjoni tal-posta elettronika tal-AFIS sigura għal skambju ta’ informazzjoni b’inqas xkiel. Minkejja dawn l-inizjattivi, il-kooperazzjoni maċ-Ċina għadha insuffiċjenti.

60

L-OLAF jikkunsidra li d-dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà hija bi ksur tal-Artikolu 17.3 tal-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali:

[…] il-Partijiet Kontraenti, fir-reġistri tagħhom ta’ evidenza, rapporti u xhieda u fil-proċedimenti amministrattivi, jistgħu jużaw bħala evidenza t-tagħrif miksub u d-dokumenti konsultati b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Madankollu, l-awtoritajiet Ċiniżi għandhom interpretazzjoni differenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

L-OLAF ripetutament (l-aħħar żewġ laqgħat tal-Gruppi ta’ Ħidma Kontra l-Frodi, l-aħħar laqgħa tal-KKKD) qajjem din il-kwistjoni maċ-Ċina / GACC fil-fora bilaterali kompetenti.

64

L-evalwazzjoni finali tal-Programm Doganali 2013 kienet pożittiva fir-rigward tal-kontribut tal-programmi għall-għanijiet tal-livell tal-politika u f’termini ta’ għajnuna lill-awtoritajiet doganali biex jaħdmu magħqudin. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni osservat li l-aġir bħala amministrazzjoni waħda hija proċess gradwali li ma jistax jitlesta mil-lum għal għada, iżda li l-programm jgħin l-amministrazzjonijiet doganali fil-kisba tal-objettivi tiegħu.

Mal-bidu tal-Programm Doganali 2020, il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija għall-kejl tal-prestazzjoni tal-funzjonament tal-Unjoni Doganali fil-proġett imsejjaħ il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali (Customs Union Performance, CUP). L-għan ewlieni tas-CUP huwa li turi kif l-attivitajiet u l-operazzjonijiet doganali jappoġaw il-kisba ta’ objettivi strateġiċi tal-Unjoni Doganali3. Sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (key performance indicator, KPIs) u indikaturi tal-ġbir tad-dejta (data collection indicators, DCIs) ġew stabbiliti fis-CUP għal kull objettiv strateġiku (protezzjoni, kontrolli doganali, faċilitazzjoni / kompetittività, kooperazzjoni flimkien ma’ parametri bażiċi); dawn huma deskritti fid-dettall fin-Noti ta’ Gwida tas-CUP4.

Il-proġett CUP qed jiġi żviluppat bħala azzjoni konġunta permezz tal-Programm Doganali 2020. Għalkemm l-għan tas-CUP huwa wiesa’ u marbut mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni Doganali, kif imsemmi hawn fuq, xi indikaturi tas-CUP jistgħu jintużaw ukoll għall-kejl tal-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm. Għandu jiġi nnutat, madankollu, li bosta indikaturi tas-CUP huma mmarkati bħala “UE biss” u l-użu tagħhom huwa għalhekk ristrett.

65

B’applikazzjoni tal-artikoli 55 u 56 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (kif ukoll, preċedentement, l-Artikolu 308d tas-CCIP), l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jibagħtu dejta miksuba mid-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tas-sistema Sorveljanza 2. Din it-trażmissjoni hija sorveljata mill-qrib mill-Kummissjoni u ma ġiet innutata l-ebda dgħufija sinifikanti.

69

Skont il-Qafas tal-Kejl tal-Prestazzjoni għal Dwana 2020, l-indikaturi tal-livell tal-impatt għall-programm jinġabru fil-mument tal-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu u dawk finali. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm se tippubblika r-riżultati tagħha, inklużi l-indikaturi tal-impatt, f’Ġunju 2018. Dwar Hercule III: L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu se tindirizza l-punti mqajma mill-QEA b’mod komprensiv speċjalment il-kisba tal-objettiv speċifiku tal-programm Hercule kif imkejla permezz tal-Indikaturi Ewlenin tar-Prestazzjoni elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament 250/2014. Il-Kummissjoni se tippreżenta r-rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa tmiem l-2017. Tagħrif dwar il-produzzjoni u r-riżultati tat-terminu qasir huwa diġà disponibbli u rrappurtat fil-Ħarsiet Ġenerali annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-programm Hercule III.

74

Il-problema tal-użu mhux kif suppost tad-dejta TARIC kienet enfasizzata b’mod qawwi matul il-missjoni ta’ monitoraġġ TARIC u wasslet għal bosta rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Renju Unit fir-rapport ta’ din l-azzjoni ta’ monitoraġġ.

Ir-Renju Unit ħa nota ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u informa lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ sistema ġdida għar-rilaxx.

75

Mill-2013 dejta estratta mid-dikjarazzjonijiet doganali b’valur ta’ inqas minn EUR 1 000 ntbagħtet lill-bażi tad-dejta Sorveljanza 2 mir-Renju Unit.

76

Il-Kummissjoni analizzat il-kwistjonijiet imsemmija hawnhekk mill-QEA fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żjarat ta’ monitoraġġ li seħħew bejn l-2010 u l-2014 u konsegwentement qed tinvestiga din il-kwistjoni fl-ambitu ta’ proċedura possibbli ta’ ksur kontra r-Renju Unit.

(c)

(c) In-nuqqas ta’ dawn il-kontrolli tal-kredibilità huwa marbut mal-applikazzjoni parzjali tat-TARIC. Il-kontrolli tal-kredibilità ma jiġux applikati b’mod sħiħ mir-Renju Unit (ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 74).

77

Il-każijiet fejn it-TARIC ġie aġġornat b’mod retrospettiv jirrelataw mal-leġiżlazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE b’applikazzjoni retrospettiva. Dawn il-każijiet speċifiċi huma komunikati direttament lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri biex ikunu jistgħu jieħdu l-azzjoni finanzjajra neċessarja (rimborż, irkupru).

81

Skont il-KDU li tapplika mill-1/5/2016 hemm obbligu ġenerali biex jintużaw mezzi elettroniċi għall-iskambju tad-dejta u l-ħażna, inkluż għal proċeduri simplifikati. Is-sistemi kollha qegħdin jiġu żviluppati u mħaddma skont il-programm ta’ ħidma tal-KDU.

Fir-rigward ta’ liċenzji u dokumenti simili, sa minn Ġunju 2017 il-Kummissjoni qed taħdem fuq proposta ġuridika għall-“Programm ta’ Punt Uniku ta’ Kuntatt Doganali tal-UE”, li jinkludi l-interfaċċja tal-“Punt Uniku ta’ Kuntatt Doganali tal-UE: Skambju taċ-ċertifikati.

Din l-interfaċċja tqabbad is-sistemi ta’ żdoganar tal-merkanzija nazzjonali ma’ bażijiet tad-dejta li jinsabu ċentralment fil-Kummissjoni li jappoġġaw l-eżekuzzjoni elettronika ta’ proċessi tan-negozju. Din tinkludi funzjonalità li tippermetti kontrolli awtomatiċi fuq id-disponibbiltà ta’ ċertifikati li jinħtieġu jiġu pprovduti lill-awtoritajiet doganali meta l-oġġetti jkunu ppreżentati. Verżjoni futura ta’ din l-interfaċċja li se tkun operazzjonali sa tmiem l-2018 se tespandi din il-funzjonalità, b’mod partikolari biex iżżid in-numru ta’ ċertifikati appoġġati u biex tkopri l-ġestjoni tal-kwantità u tħassir fil-livell tal-UE.

Din l-interfaċċja hija diġà disponibbli għall-Istati Membri kollha fuq bażi volontarja sa mill-2014 (attwalment jużawha seba’ Stati Membri) u l-Kummissjoni hija fiduċjuża li dan in-numru se jikber fil-ġejjieni flimkien maż-żieda fil-funzjonalitajiet. Diversi Stati Membri esprimew l-interess u l-intenzjoni tagħhom li jingħaqdu mal-proġett fis-snin li ġejjin.

84

Il-Kummissjoni tejbet is-sistemi ta’ EBTI u Sorveljanza tagħha sabiex tassisti l-Istati Membri fil-kontroll tal-użu tagħhom tal-BTI. Peress li s-sistemi nazzjonali għadhom mhux aġġornati - skont il-KDU l-Istati Membri għandhom perjodu ta’ tranżizzjoni sal-2020 biex iwettqu dan l-obbligu - dan il-kontroll għadu mhux possibbli billi tintuża s-sistema ta’ Sorveljanza.

Dan jista’ biss jiġi segwit minn verifiki manwali tad-dikjarazzjonijiet doganali.

Il-Kummissjoni se ssegwi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-KDU ladarba jkun hemm biżżejjed dejta disponibbli.

Għal dan it-tip ta’ klassifikazzjoni żbaljata ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 50.

86

Fiż-żmien tar-rapport speċjali 23/2000, fl-UE ma kinitx teżisti bażi ġuridika biex tiġi stabbilita sistema ta’ deċiżjonijiet bil-quddiem fil-qasam tal-valutazzjoni.

88

Il-Kummissjoni impenjat ruħha f’valutazzjoni konġunta mal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri u l-komunità tan-negozju tar-rilevanza, il-fattibbiltà u l-implikazzjonijiet - f’termini ta’ spejjeż / benefiċċji, eċċ. - tal-introduzjoni u l-applikazzjoni fl-UE tal-kunċett ta’ Informazzjoni ta’ Valutazzjoni Vinkolanti (Binding Valuation Information, BVI). Il-Kummissjoni tistenna li tlesti dan ix-xogħol u tiddeċiedi dwar xi pjan ta’ azzjoni sa kmieni fl-2018.

89

Il-fatt li l-Istati Membri ma jsegwux approċċ uniformi mhux neċessarjament iwassal għal sottopagamenti ta’ dazji doganali, iżda jista’ potenzjalment jikkawża dan. L-approċċi differenti applikati jista’ jkollhom effetti simili.

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 11.

92

Il-valur ta’ limitu jista’ jintuża biss bħala indikatur tar-riskju biex tiġi mmirata kunsinna, madankollu ma huwiex prova tal-prezz imħallas (ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 11).

95

Il-Kummissjoni diġà wettqet spezzjonijiet dwar sottovalutazzjoni, inklużi missjonijiet lejn ir-Renju Unit f’Novembru 2016 u f’Mejju 2017 u missjoni lejn is-Slovakkja fl-2016, u attwalment qed issegwi rapporti relatati. Il-Kummissjoni kienet ukoll qed titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri kollha spezzjonati fl-2017 dwar il-proċeduri tagħhom biex jikkumbattu riskji tas-sottovalutazzjoni u għandha l-ħsieb li tagħti prijorità għolja biex din il-kwistjoni timxi 'l quddiem.

96

Il-kwistjoni tas-sottovalutazzjoni ta’ tessuti u żraben miċ-Ċina bħalissa qed tiġi investigata aktar mill-Kummissjoni.

97

Il-Kummissjoni spezzjonat sottovalutazzjoni fl-ispezzjonijiet tagħha tar-RPT tar-Renju Unit ta’ Novembru 2016 u Mejju 2017. Hija se tkompli tagħmel dan fl-ispezzjoni tagħha tar-RPT tar-Renju Unit tagħha ta’ Novembru 2017. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll issegwi b’mod attiv ir-rapport tal-OLAF dwar is-sottovalutazzjoni fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib ħafna s-sottovalutazzjoni fir-Renju Unit u se tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża fejn xieraq, azzjoni legali prevista mit-Trattati. Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 96.

100

Il-proċedura doganali 42 hija faċilitazzjoni importanti għan-negozji leġittimi. Madankollu, għal bosta snin, il-Kummissjoni, l-istess bħall-Qorti tal-Awdituri, kienu qed jindikaw lill-Istati Membri li l-proċedura tista’ tiġi abbużata minn frodaturi; u ġew ifformulati rakkomandazzjonijiet lejn l-amministrazzjonijiet doganali u tat-taxxa fuq il-kontroll u l-iskambju ta’ informazzjoni. L-Istati Membri għandhom l-istrumenti legali u operattivi biex jivverifikaw it-tranżazzjonijiet mill-perspettiva ta’ riskju doganali u tal-VAT; madankollu, dan il-kontroll jeħtieġ kooperazzjoni tajba bejn l-amministrazzjonijiet doganali u tat-taxxa fil-livell nazzjonali.

104

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafi 82 u minn 93 sa 99 tar-Rapport Speċjali Nru 23/2016.

106

B’mod ġenerali l-Kummissjoni hija sodisfatta bil-livell ta’ kooperazzjoni pprovdut mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, irrispettivament mill-eżistenza ta’ problemi ta’ puntwalità.

Il-Kummissjoni kienet qed tagħti attenzjoni partikolari lill-ispezzjoni tal-proċeduri doganali tal-Istati Membri biex twaqqaf u tiġġieled dikjarazzjoni żbaljata tal-oriġini u / jew deskrizzjoni żbaljata ta’ oġġetti b’enfasi speċjali fuq il-komunikazzjonijiet AR kkwotati mill-QEA. Hija se tkompli tagħmel dan.

107

Bħalissa, l-indikazzjoni tal-ispeditur jew id-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni doganali huma element tad-dejta li jista’ jiġi eżentat mill-Istati Membri. Dan huwa obbligatorju fl-Istati Membri li ma għamlux użu minn din l-għażla. Fl-2018 il-Kummissjoni se ssegwi lill-Istati Membri, u skont l-eżitu, tista’ tqis li tieħu azzjoni legali biex l-indikazzjoni tal-ispeditur issir obbligatorja fl-Istati Membri kollha. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-ġbir ta’ din l-informazzjoni se jimplika spejjeż sinifikanti għal dawk l-Istati Membri li għadhom ma jiġbruhiex. Id-data reali tal-adozzjoni se tiddependi min-negozjati mal-Istati Membri.

112

Għandu jkun ikkunsidrat li din il-kwotazzjoni tirreferi wkoll għall-ġestjoni tar-riskju għal skopijiet ta’ sikurezza u sigurtà, u ma tissostanzjax l-utilità tal-analiżi tar-riskju għal skopijiet finanzjarji qabel il-wasla tal-oġġetti fit-territorju tal-UE.

113

Il-Kummissjoni se tkompli tħejji rapport tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali fuq bażi annwali. Dan ir-rapport se jkopri wkoll il-qasam tal-kontrolli doganali.

Il-KDU żamm il-possibbiltà tal-użu ta’ simplifikazzjonijiet. Grupp tal-proġett iddedikat fassal gwida dwar l-applikazzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati.

114

Analiżi tar-riskju għal finijiet fiskali ma titwettaqx fuq il-bażi ta’ dejta ġeneralment disponibbli lit-trasportaturi li jippreżentaw id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul (ENS) fl-istadju ta’ qabel il-wasla, iżda fuq il-bażi ta’ dejta dwar dikjarazzjoni doganali. Madankollu, id-dejta ENS disponibbli tista’ tintuża biex timmarka ċerti kunsinni mal-wasla tagħhom fl-UE. Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 115.

115

L-għan tal-ENS huwa primarjament biex titwettaq analiżi tar-riskju dwar is-Sikurezza u s-Sigurtà (l-Artikolu 128 tal-KDU). Analiżi tar-riskju għal finijiet fiskali hija possibbli biss meta dikjarazzjoni doganali tiġi ppreżentata flimkien tal-ENS skont l-Artikolu 130 tal-KDU. L-operaturi tas-suq li jużaw din il-possibilità normalment jibbenefikaw minn ikklerjar imħaffef malli jaslu l-oġġetti tagħhom. L-introduzzjoni ta’ obbligu biex l-ENS tinkludi, fil-każijiet kollha, dejta dwar l-ispeditur u d-destinatarju mhijiex meħtieġa peress li l-ENS ma tintużax għal finijiet fiskali (ara t-tweġiba għall-paragrafu 114).

118

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li kontrolli dokumentarji u fiżiċi, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, iridu japplikaw ukoll għall-oġġetti li jiġu ddikjarati permezz ta’ proċedura simplifikata.

Kull prattika persistenti li tidher li hija inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli tal-UE se tiġi eżaminata mill-Kummissjoni fl-ambitu ta’ proċedura ta’ ksur possibbli.

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 106.

119

Awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-proċeduri doganali simplifikati għall-importazzjonijiet jiddependu fuq verifiki minn qabel mill-awtoritajiet doganali. Dawn jingħataw lill-operaturi tas-suq li jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-prattiki tan-negozju tagħhom.

122

Il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina jekk in-notifika ta’ preżentazzjoni fil-qafas tad-dħul fil-proċedura tar-reġistri tad-dikjaranti tistax tiġi mtejba jew le. Madankollu, taħt ċerti ċirkostanzi għandha tinżamm il-possibbiltà li jiġu eżentati l-AEOs minn dan l-obbligu sabiex jitqies li dawn l-atturi ekonomiċi għandhom jissottomettu ruħhom għal kriterji aktar stretti.

L-Artikolu 233 KDU IA barra minn hekk, jipprevjeni abbuż possibbli tal-EIDR billi jipprovdi għal verifiki b’saħħithom minn qabel tal-applikanti, monitoraġġ mill-qrib tal-awtorizzazzjoni, u s-superviżjoni regolari tal-operazzjonijiet permezz ta’ pjan ta’ kontroll magħmul apposta.

123

L-awtorizzazzjoni tal-AEO hija soġġetta għal monitoraġġ kontinwu. Fil-każ tan-nuqqas ta’ twettiq tal-kriterji tal-AEO l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jew jissospendu l-awtorizzazzjoni tal-AEO jew jirrevokawha. Meta l-Kummissjoni jkollha għarfien dettaljat li Stat Membru qed jonqos milli jimplimenta l-liġi tal-UE, hija tista’ tieħu azzjoni legali xierqa kontra dak l-Istat Membru.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tistudja l-impatt tar-riskji ta’ mudelli tan-negozju speċifiċi, inklużi couriers express, matul l-applikazzjoni tal-AEO u l-proċess ta’ monitoraġġ.

124

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-Gwida għall-Awditjar Doganali, fid-dawl tal-fatt li dawn il-linji gwida mhumiex legalment vinkolanti.

125

Bosta Stati Membri tabilħaqq jew ma rrapportawx awditjar ta’ wara r-rilaxx jew irrapportaw dejta li kienet teħtieġ kjarifiki. Il-Kummissjoni tipprovdi regolarment kjarifiki metodoloġiċi lill-Istati Membri kollha, tinsisti fuq rappurtar preċiż u kredibbli u, meta jkun meħtieġ, tistedinhom biex jipprovdu l-informazzjoni nieqsa u / jew jikkjarifikaw l-informazzjoni pprovduta. L-analiżi tal-Kummissjoni hija tipikament kondiviża u diskussa mal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (Tradizzjonali).

Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta r-rapporti tal-Istati Membri u tenfasizzalhom il-ħtieġa li jwettqu kontrolli xierqa, inkluż awditjar ta’ wara r-rilaxx. Barra minn hekk, fl-ispezzjonijiet tar-riżorsi proprji tradizzjonali, il-Kummissjoni dejjem tirrakkomanda li l-Istati Membri jsegwu l-Gwida għall-Awditjar Doganali tal-Kummissjoni, għalkemm la l-Gwida u lanqas l-awditjar ta’ wara r-rilaxx ma huma obbligatorji.

127

Din il-kwistjoni diġà qed tiġi segwita minn bosta Stati Membri, fejn il-Kummissjoni titlob iktar sforzi biex titwessa’ l-kooperazzjoni ta’ assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri affettwati.

128

Il-bażi tad-dejta ta’ Sorveljanza 2 qed tkopri d-dikjarazzjonijiet doganali kollha għad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa sa mill-2011. Estensjoni importanti ta’ elementi tad-dejta li għandha tinġabar hija inkluża fil-proġett Sorveljanza 3 li jinħtieġ li jiġi implimentat mhux Ottubru 2018.

131

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kontrolli ta’ wara r-rilaxx huma għodod ħafna inqas effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra s-sottovalutazzjoni minn kontrolli qabel ir-rilaxx. Hija sistematikament ħeġġet lill-Istati Membri biex jindirizzaw is-sottovalutazzjoni b’kontrolli qabel ir-rilaxx.

132

Il-fatt li l-ispejjeż amministrattivi u tan-negozju jegħlbu d-dħul miġbur kien il-ħsieb sa issa għall-eżenzjoni għall-ħelsien minn dazju għal kunsinni ta’ valur negliġibbli.

Madankollu, il-Kummissjoni tibqa’ miftuħa għall-possibbiltà li jiġu esplorati fatturi rilevanti oħra u għall-valutazzjoni tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Din il-kwistjoni se tiġi indirizzata b’mod partikolari minn grupp tal-proġett.

134

Jeżistu xi eżenzjonijiet oħra minn dazji doganali barra dawk imsemmija fir-rapport tal-QEA.

Dawn l-eżenzjonijiet u l-impatt tal-applikazzjoni tagħhom attwalment qed jiġu diskussi fi grupp tal-proġett.

135

F’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċettazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazji doganali għal oġġetti ta’ valur negliġibbli fir-rigward ta’ oġġetti ta’ valur iddikjarat ogħla minn EUR 150, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri jenħtieġu jemendaw is-sistemi ta’ importazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex jiċħdu dawn l-applikazzjonijiet.

Kunsinni kummerċjali li huma kklassifikati b’mod żbaljat bħala rigal jistgħu jkunu soġġetti għall-kontrolli doganali minħabba li l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeċiedu li jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni humiex issodisfati.

136

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 123.

137

Is-sottovalutazzjoni hija waħda mill-kwistjonijiet l-aktar sinifikanti. Grupp tal-proġett se jesplora l-possibilitajiet varji biex jiġu mtejba l-formalitajiet doganali biex jindirizzaw kull tħassib rilevanti.

138

Il-Kummissjoni hija konxja tal-problema tas-sottovalutazzjoni ta’ oġġetti. Il-problema hija partikolarment gravi fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku. Grupp tal-proġett se jipprovdi opportunità biex jiġi esplorat kif dawn il-kwistjonijiet huma indirizzati fl-Istati Membri u kif il-problema jenħtieġ li tiġi solvuta.

139

Il-kwistjoni tal-impożizzjoni ta’ dazju tal-importazzjoni mhux komplut mid-dwana rigward konsenji postali dazjabbli se tiġi indirizzata fi grupp tal-proġett.

140

Grupp tal-proġett dwar kunsinni ta’ valur baxx se jindirizza l-kwistjoni ta’ telf ta’ dazju doganali kif imsemmi mill-QEA.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li kunsinni kummerċjali li huma kklassifikati b’mod żbaljat bħala rigal jistgħu jkunu soġġetti għal kontrolli doganali minħabba li l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeċiedu li jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni humiex issodisfati.

141

L-istatus tal-AEO jipprovdi opportunità biex jintlaħaq bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-kontrolli doganali.

Ara wkoll it-tweġiba għal paragrafu 123.

Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

142

Il-kwistjonijiet rigward il-qafas legali qed jiġu indirizzati permezz tal-pakkett tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) (il-Kodiċi u l-Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni tiegħu) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016. Il-benefiċċji kollha tiegħu jinkisbu meta s-sistemi elettroniċi kollha għall-implimentazzjoni tiegħu jkunu operattivi. Il-KDU għandu bħala għan ewlieni li jħares aħjar ir-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni (riżorsi proprji) billi i) jipproteġi kontra l-frodi l-leġiżlazzjoni doganali Ewropea (jiġifieri l-għeluq ta’ lakuni, l-eliminazzjoni ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli u l-forniment tal-aċċess elettroniku għal informazzjoni rilevanti għall-awtoritajiet doganali), ii) jiżgura applikazzjoni iktar armonizzata u standardizzata ta’ kontrolli doganali mill-Istati Membri, ibbażata fuq qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskji u sistema elettronika għall-implimentazzjoni tiegħu, u iii) li jintroduċi sistema komuni ta’ garanziji. Dawn il-miżuri huma maħsuba mhux biss sabiex jipproteġu aħjar l-interess finanzjarju tal-UE u s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE iżda wkoll biex jiġi evitat għemil antikompetittiv fid-diversi punti ta’ dħul u ħruġ tal-UE. Barra minn hekk, dan il-pakkett legali qed jiġi aġġornat kontinwament biex jiġu indirizzati żbalji u inkonsistenzi li jistgħu jinqalgħu, b’mod partikolari jekk dawn qed jikkawżaw applikazzjoni tar-regoli mhux armonizzata.

143

Ara t-tweġiba għall-paragrafi 25 u 26.

Rakkomandazzjoni 1

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni.

Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni sabiex “tiġbor dejta kredibbli dwar in-nuqqas fid-dwana […] tal-Istati Membri”. Il-Kummissjoni diġà tipprovdi kalkoli annwali tan-nuqqas fil-ġbir tad-dazji doganali identifikati fl-ispezzjonijiet tar-RPT tagħha. L-ammonti kkonċernati huma mitluba mingħand l-Istati Membri u jinġabru favur il-baġit tal-UE.

Il-kalkolu tal-Kummissjoni, ibbażat fuq dejta kredibbli, huwa l-aktar metodoloġija kredibbli biex jiġi stabbilit din in-nuqqas u huwa użat għal skopijiet operazzjonali, jiġifieri sabiex tħejji l-programm ta’ spezzjoni annwali tagħha tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni mhijiex konxja ta ebda metodoloġija xierqa oħra iżda tikkunsidra b’mod pożittiv kull suġġeriment għal metodoloġija fattibbli li tista’ tikkomplementa l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Ara wkoll it-tweġibiet għal paragrafi 25 u 26.

144

Il-Kummissjoni ssostni li l-Istati Membri li ma jwettqux kontrolli jiffaċċjaw riskji konsiderevoli ta’ obbligazzjoni finanzjarja, inkluż l-imgħax għal ħlas tardiv, għal telf lill-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jinżammu finanzjarjament responsabbli għal żbalji amministrattivi jew nuqqas milli jirkupraw djun huwa inkoraġġiment qawwi għalihom biex iwettqu l-kontrolli u jkunu diliġenti sabiex jevitaw l-obbligazzjoni. In-nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li jirkupraw ammonti dovuti u jagħmluhom disponibbli għall-baġit tal-UE ma jkunx konformi mar-regolamenti tar-riżorsi proprji u l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Bħala parti mit-tħejjija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni se tqis jekk emendi għall-qafas legali attwali tar-riżorsi proprji jistgħux jtejbu l-inċentivi għal kontrolli effettivi mill-Istati Membri.

145

Il-Kummissjoni mhijiex konxja tal-ebda Stat Membru li jistqarr li s-sehem tiegħu mill-ispejjeż tal-ġbir tar-RPT huwa għoli wisq, is-sistema attwali ta’ spejjeż taż-żamma ġiet adottata b’mod unanimu mill-Istati Membri.

Rakkomandazzjoni 2

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni bħalissa qed tistudja l-alternattivi biex ittejjeb il-finanzjament ta’ servizzi doganali nazzjonali fil-QFP li jmiss. Il-Kummissjoni tqis li l-operazzjonijiet doganali tal-Istati Membri u l-ispejjeż tax-xogħol relatati huma funzjoni ta’ bosta fatturi inkluża l-forma strutturali tal-amministrazzjoni doganali tal-Istat Membru, ir-riżorsi disponibbli għas-servizz doganali nazzjonali, u x-xejra u l-volum tal-kummerċ li jirriżulta mis-sitwazzjoni ġeografika tal-Istat Membru. Bħalissa l-Kummissjoni qed tagħmel studju tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Unjoni Doganali biex tinvestiga, fost l-oħrajn, il-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-investimenti doganali mill-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE.

Rakkomandazzjoni 3

Il-Kummissjoni tista’ taċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni sa fejn hija taqbel mal-għan tar-rakkomandazzjoni tal-QEA, iżda f’dan l-istadju tinnota li mhijiex f’pożizzjoni li tieħu impenji speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-proposti tagħha għall-QFP li jmiss.

146

Il-Kummissjoni tejbet l-modi ta’ ħidma tagħha fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet doganali ġodda / aġġornati billi involviet l-Istati Membri mill-istadji bikrin tal-iżvilupp. Il-kwistjoni ta’ rappurtar multiplu ta’ informazzjoni doganali, diġà msemmija fil-paragrafi 47 u 54, ġiet diskussa sew mal-Istati Membri sabiex tagħmel l-iskambju tal-informazzjoni doganali fil-livell tal-UE aktar kosteffikaċi. Barra minn hekk, fi proġetti tal-IT attwali l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-konnettività tagħhom ma’ sistemi oħra tal-IT tal-AFIS u esterni, biex tnaqqas l-isforzi tal-Istati Membri u ttejjeb il-kwalità, l-użu u l-iskop tad-dejta ta’ dawn is-sistemi.

Qed jitpoġġa sforz qawwi wkoll fil-forniment ta’ għodda effiċjenti għall-użu analitiku u statistiku tad-dejta maħżuna.

Rakkomandazzjoni 4 (a)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Filwaqt li l-indikazzjoni tal-ispeditur fid-dikjarazzjoni tal-importazzjoni doganali hija diġà obbligatorja fi Stati Membri li ma għamlux użu mill-fakultà li jirrinunzjaw ir-rekwiżit tad-dejta, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri fl-2018 u skont l-eżitu tista’ tqis tieħu azzjonijiet legali bl-għan li tagħmel din l-indikazzjoni obbligatorja fl-Istati Membri kollha. Dan jista’ jfisser spejjeż sinifikanti għal dawk l-Istati Membri li għadhom ma jiġbruhiex.

(b)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni biex tkun aktar preċiża fl-azzjonijiet mitluba mill-Istati Membri f’komunikazzjonijiet ta’ Assistenza Reċiproka, waqt li tinnota li l-għan ewlieni se jibqa’ li jkun hemm riżultati ekwivalenti. It-talbiet tal-OLAF għal assistenza reċiproka huma koperti mir-Regolament 515/1997 u, konsegwentement, huma legali u obbligatorji. L-azzjonijiet proposti lill-Istati Membri huma sett ta’ rakkomandazzjonijiet li mhux neċessarjament huma tajbin għall-Istati Membri kollha f’kull każ.

Rakkomandazzjoni 5

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni suġġett għar-riżorsi disponibbli, il-prijoritajiet investigattivi u r-rieda tal-pajjiż terz li jikkoopera. Attwalment l-OLAF għandu uffiċjali ta’ kollegament fiċ-Ċina, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Ukrajna.

147

Il-każijiet fejn it-TARIC ġie aġġornat b’mod retrospettiv jirrelataw mal-leġiżlazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE b’applikazzjoni retrospettiva. Dawn il-każijiet speċifiċi huma direttament komunikati lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex dawn jieħdu l-azzjoni finanzjarja meħtieġa (rimborż, irkupru).

Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-użu tal-BTI. Il-verżjonijiet aġġornati tas-sistemi tal-EBTI u ta’ Sorveljanza ilhom jiffaċilitaw dan il-monitoraġġ minn Ottubru 2017. Bl-użu ta’ diversi rapporti predefiniti, jista’ jiġi nnutat użu nieqes jew invalidu. Il-kwantitajiet importati taħt użu estiż se jiġu sorveljati wkoll f’rapport regolari.

Madankollu, l-Istati Membri jridu jaġġustaw is-sistemi nazzjonali tagħhom ukoll u jridu jibagħtu l-elementi l-ġodda tad-dejta permezz ta’ Sorveljanza sabiex iwettqu kontroll sinifikanti. Skont il-KDU l-Istati Membri għandhom perjodu tranżitorju sal-2020 sabiex jissodisfaw dan l-obbligu.

Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 88.

Rakkomandazzjoni 6 (a)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Hija tejjbet is-sistemi tal-EBTI u ta’ Sorveljanza tagħha sabiex tassisti l-Istati Membri fl-kontroll tal-użu tagħhom tal-BTI. Billi s-sistemi nazzjonali għadhom mhux aġġornati - skont il-KDU l-Istati Membri għandhom perjodu ta’ tranżizzjoni sal-2020 biex iwettqu dan l-obbligu - dan il-kontroll għadu mhux posibbli billi tintuża s-sistema ta’ sorveljanza.

Dan jista’ biss jiġi segwit minn verifiki manwali tad-dikjarazzjonijiet doganali.

Il-Kummissjoni se ssegwi l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-KDU ladarba jkun hemm biżżejjed dejta disponibbli.

(b)

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni f’dan l-istadju.

Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda twettaq studju, li jinvolvi l-esperti u r-rappreżentanti tan-negozju tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjoni pubblika, sabiex tevalwa l-interess u l-fattibilità fl-Unjoni ta’ sistema ta’ deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ Valutazzjoni Vinkolanti tal-Informazzjoni (Binding Valuation Information, BVI).

148

Il-Kummissjoni qiegħda b’mod attiv tindirizza s-sottovalutazzjoni, id-dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini u d-deskrizzjoni ħażina tal-oġġetti fl-ispezzjonijiet tat-RPT tagħha, b’enfasi speċjali għar-Renju Unit. Hija qed issegwi wkoll r-rapport ta’ sottovalutazzjoni tal-OLAF li jikkonċerna r-Renju Unit. Hija se tkompli tagħmel dan bi prijorità għolja.

Rakkomandazzjoni 7

Il-Kummissjoni ma taċċettax din ir-rakkomandazzjoni, billi l-leġiżlazzjoni attwali diġà fiha inċentivi qawwija għall-Istati Membri sabiex jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji ta’ telf għall-baġit tal-UE, fil-forma ta’ rata għolja ta’ imgħax għal ħlas tardiv.

Il-Kummissjoni, madankollu, se teżamina kull titjib possibbli tas-sistema tal-inċentivi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

149

Attwalment, is-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju ma teħtieġx kontrolli obbligatorji f’kull każ. Il-Kummissjoni qed teżamina modi possibbli biex ittejjeb il-ġestjoni tar-riskju.

Ara t-tweġibiet għall-paragrafi 114 u 123.

Rakkomandazzjoni 8 (a)

Il-Kummissjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni iżda hija lesta teżamina l-kwistjoni mqajjma mill-QEA fil-kuntest ta’ eżaminazzjoni attwali ta’ kif jissaħħaħ l-approċċ tal-kontroll fil-każ ta’ proċeduri simplifikati. Sa fejn hija kkonċernata l-prestazzjoni tal-analiżi tar-riskju finanzjarju fl-istadju ta’ qabel il-wasla, il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġibiet tagħha għall-paragrafi 114 u 115.

(b)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni; fil-fatt, it-titjib propost diġà kien definit fil-qafas tal-iżvilupp tas-sistema Sorveljanza 3 li għandha tiġi implimentata sa Ottubru 2018.

(c)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-abbuż ta’ eżenzjonijet ta’ kunsinni ta’ valur baxx fuq oġġetti tal-kummerċ elettroniku ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Dan huwa wieħed mill-oqsma ta’ frodi tas-sottovalutazzjoni li qed jiġu investigati mill-OLAF.

Il-Kummissjoni waqqfet grupp tal-proġett magħmul minn Stati Membri u rappreżentanti kummerċjali li, fost ħwejjeġ oħra, se janalizzaw l-isfidi li jiffaċċjaw l-awtoritajiet doganali biex jiżguraw implimentazzjoni korretta tar-rekwiżiti legali f’dan il-qasam.

Glossarju

Assistenza reċiproka: Kwalunkwe azzjoni mwettqa minn amministrazzjoni doganali f’isem jew f’kollaborazzjoni ma’ amministrazzjoni Doganali oħra għall-applikazzjoni korretta tal-liġijiet doganali u għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u t-trażżin ta’ reati doganali.

Awditu ta’ wara r-rilaxx: Kontroll tal-operaturi tas-suq permezz ta’ eżaminar tal-kontijiet, tar-rekords u tas-sistemi tagħhom sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli doganali u biex jiġu evalwati r-riskji marbuta man-negozju tagħhom.

Awtoritajiet doganali: L-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri u kwalunkwe awtorità oħra li huma responsabbli biex japplikaw leġiżlazzjoni doganali.

Dazju tal-importazzjoni: Dazju doganali dovut (pagabbli) fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija.

Deċiżjoni: Kwalunkwe att mill-awtoritajiet doganali marbut mal-leġiżlazzjoni doganali li jagħti deċiżjoni dwar każ partikolari, u li jkollu effetti legali fuq il-persuna jew persuni kkonċernati.

Dikjarazzjoni doganali: L-att li bih persuna tindika, fil-forma u l-mod preskritti, li tixtieq tqiegħed merkanzija taħt proċedura doganali speċifika, b’indikazzjoni, fejn ikun xieraq, ta’ kwalunkwe arranġament speċifiku li għandu jiġi applikat.

Dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul: L-att li bih persuna tinforma lill-awtoritajiet doganali, fil-forma u l-mod preskritti, u f’limitu ta’ żmien speċifiku, li se tiddaħħal merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni.

Ġestjoni tar-riskju: L-identifikazzjoni sistematika tar-riskju, inkluża dik permezz ta’ kontrolli każwali (aleatorji), u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi limitata l-espożizzjoni għar-riskju.

Għażla tal-punt ta’ importazzjoni: L-att li bih jintgħażel il-punt doganali tal-importazzjoni b’inqas kontrolli sabiex, b’mod illegali, jitħallas inqas dazju doganali.

Kontroll dokumentarju: Kontroll tal-korrettezza, il-kompletezza u l-validità ta’ informazzjoni mdaħħla fid-dikjarazzjoni doganali (eż. deskrizzjoni tal-merkanzija, valur, u kwantità) jew f’dokumenti oħra (eż. liċenzji tal-importazzjoni, ċertifikati tal-oriġini).

Kontroll fiżiku: Eżaminar tal-merkanzija, li jinkludi l-għadd dettaljat u t-teħid ta’ kampjuni, biex jiġi ċċekkjat jekk dawn jaqblux mad-dikjarazzjoni doganali li takkumpanja l-merkanzija.

Kontrolli doganali: Atti speċifiċi mwettqin mill-awtoritajiet doganali sabiex jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni doganali u leġiżlazzjoni oħra li tirregola d-dħul, il-ħruġ, it-tranżitu, il-moviment, il-ħżin u l-użu aħħari ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u pajjiżi jew territorji barra minn dak it-territorju, u l-preżenza u l-moviment fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni u merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari.

Kontrolli oħra ta’ wara r-rilaxx: Kontrolli tal-korrettezza, il-kompletezza u l-validità ta’ informazzjoni mdaħħla fid-dikjarazzjonijiet doganali (eż. deskrizzjoni tal-merkanzija, valur, u kwantità) jew f’dokumenti oħra (eż. liċenzji tal-importazzjoni, ċertifikati tal-oriġini), li jitwettqu wara l-importazzjoni tal-merkanzija.

Leġiżlazzjoni doganali: Il-korp leġiżlattiv magħmul minn dan kollu li ġej: il-Kodiċi u l-provvedimenti (dispożizzjonijiet) li jissupplimentawh jew jimplimentawh adottati fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, it-Tariffa Doganali Komuni, il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ eżenzjonijiet minn dazju doganali, u ftehimiet internazzjonali li jinkludu provvedimenti doganali sa fejn dawn ikunu applikabbli fl-Unjoni.

Merkanzija mhux tal-Unjoni: Merkanzija oħra barra dik tal-Unjoni jew li tilfet l-istatus doganali tagħha bħala merkanzija tal-Unjoni.

Merkanzija tal-Unjoni: Merkanzija li taqa’ taħt kwalunkwe kategorija minn dawn li ġejjin:

  1. merkanzija miksuba għalkollox fit-territorju doganali tal-Unjoni u li ma tinkorporax merkanzija importata minn pajjiżi jew territorji barra t-territorju doganali tal-Unjoni;
  2. merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Unjoni minn pajjiżi jew territorji barra minn dak it-territorju u rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera;
  3. merkanzija miksuba jew prodotta fit-territorju doganali tal-Unjoni, kemm biss minn merkanzija msemmija fil-punt (b) jew minn merkanzija msemmija fil-punti (a) u (b). Preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana: In-notifika lill-awtoritajiet doganali tal-wasla ta’ merkanzija fl-uffiċċju doganali jew fi kwalunkwe post ieħor indikat jew approvat mill-awtoritajiet doganali.

Proċedura doganali 42: Is-sistema li importatur juża sabiex jikseb eżenzjoni mill-VAT meta l-merkanzija importata tiġi ttrasportata lejn Stat Membru ieħor. Il-VAT hija dovuta fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Proċedura doganali: Kwalunkwe waħda mill-proċeduri li ġejjin, li taħtha tista’ titqiegħed il-merkanzija skont il-Kodiċi: rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa (libera), proċeduri speċjali, esportazzjoni.

Proċedura ta’ importazzjoni: Applikazzjoni tal-proċedura doganali “rilaxx għal ċirkolazzjoni libera”, li warajha l-merkanzija tista’ tinbiegħ jew tiġi kkonsmata fis-suq tal-UE.

Profil tar-riskju: Kombinament ta’ kriterji tar-riskju u oqsma ta’ kontroll (eż. tip ta’ merkanzija, pajjiż ta’ oriġini) li jkun jindika li hemm riskju u li jwassal għal proposta biex titwettaq miżura ta’ kontroll.

Rilaxx tal-merkanzija: L-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu merkanzija disponibbli għall-għanijiet speċifikati għall-proċedura doganali li taħtha hija tqiegħdet.

Riskju Doganali: Il-probabbiltà pponderata mill-impatt ta’ avveniment li jista’ jiġri, fir-rigward ta’ dħul, ħruġ, tranżitu, moviment jew użu aħħari ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u l-pajjiżi jew territorji barra dak it-territorju, u l-preżenza fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni, li jkun jimpedixxi l-applikazzjoni korretta ta’ miżuri tal-Unjoni jew nazzjonali, jikkomprometti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jew ikun ta’ theddida għas-sigurtà u s-sikurezza tal-Unjoni u r-residenti tagħha, għal saħħet il-bniedem, l-annimali jew il-pjanti, għall-ambjent jew għall-konsumaturi.

Stat Membru tal-importazzjoni: L-Istat Membru fejn il-merkanzija tiġi importata fiżikament fl-UE u rilaxxata għal ċirkolazzjoni libera.

Status doganali: L-istatus ta’ merkanzija bħala merkanzija tal-Unjoni jew merkanzija mhux tal-Unjoni.

Unjoni Doganali: Arranġament kummerċjali preferenzjali li permezz tiegħu s-sħab kummerċjali jagħtu lil xulxin aċċess preferenzjali għall-prodotti u s-servizzi tagħhom sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ bejniethom. Dan iwassal għall-eliminazzjoni reċiproka ta’ tariffi u kwoti fit-territorji kostitwenti, id-diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn il-pajjiżi mhux Membri, u l-istabbiliment ta’ tariffa doganali komuni fosthom.

Żdoganar tal-merkanzija: Il-proċess li permezz tiegħu l-formalitajiet doganali jiġu ssodisfati, biex b’hekk l-applikant ikun jista’ jkollu l-merkanzija għad-dispożizzjoni tiegħu.

Żoni ta’ kontroll prijoritarji: Il-parti tal-Qafas Komuni ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju li tkopri proċeduri doganali partikolari, tipi ta’ merkanzija, rotot tat-traffiku, mezzi ta’ trasport jew operaturi ekonomiċi li jkunu suġġetti għal livelli ogħla ta’ analiżi tar-riskju u kontrolli doganali matul ċertu perjodu.

Abbrevjazzjonijiet

AC: Kooperazzjoni amministrattiva

ACAs: Arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva

AD KDU: Att Delegat tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

ADD: Dazji antidumping

AEO: Operatur Ekonomiku Awtorizzat

AFIS: Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi

AI KDU: Att ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

B2C: Min-negozju għall-konsumatur

BTI: Informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi

CP 42: Proċedura doganali 42

CRMS: Sistema Komuni tal-Ġestjoni tar-Riskju Doganali

CUP: Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali

CVD: Dazji kumpensatorji

DAU: Dokument amministrattiv uniku

DĠ BUDG: Direttorat Ġenerali għall-Baġit

DĠ TAXUD: Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

ENS: Dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul

FCLO: Uffiċjal ta' Kollegament mal-Awtoritajiet Doganali Barranin

HMRC: Her Majesty Revenue and Customs (Amministrazzjoni Doganali tar-Renju Unit)

ING: Introjtu Nazzjonali Gross

JRC: Ċentru Konġunt tar-Riċerka

KDU: Kodiċi Doganali tal-Unjoni

MA: Assistenza Reċiproka

MAAs: Ftehimiet ta’ assistenza reċiproka

MIK: Messaġġ dwar l-istatus tal-kontejner

OECD: L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

OLAF: Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, tal-Kummissjoni Ewropea

OLO: Uffiċjal ta' Kollegament extra-Ewropew

P2P: Mill-privat għall-privat

PE: Parlament Ewropew

PTA: Arranġament kummerċjali preferenzjali

RIF: Formola ta' Informazzjoni dwar ir-Riskju

RPT: Riżorsi Proprji Tradizzjonali

SID: Sistema ta' Informazzjoni Doganali

SMS: Sistema ta' Ġestjoni tal-Eżemplari

TARIC: Tariffa doganali integrata tal-Komunità Ewropea

UE: Unjoni Ewropea

VAT: Taxxa fuq il-valur miżjud

WCO: Organizzazzjoni Dinjija Doganali

Noti finali

1 L-Artikolu 3 TFUE. Il-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 47).

2 L-Artikolu 291 TFUE.

3 L-Artikolu 201 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1), jistabbilixxi li r-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa (libera) jagħti lill-merkanzija mhux tal-Unjoni l-istatus doganali ta’ merkanzija tal-Unjoni, u jinvolvi l-ġbir ta’ kwalunkwe dazju tal-importazzjoni dovut u ta’ imposti oħrajn, kif xieraq, l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali u projbizzjonijiet u restrizzjonijiet, u t-twettiq tal-formalitajiet l-oħrajn stabbiliti fir-rigward tal-importazzjoni tal-merkanzija.

4 C.f. il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, “From Shadow to Formal Economy: Levelling the Playing field in the Single Market” (Minn Ekonomija Moħbija għal Ekonomija Formali: Nagħmlu Kundizzjonijiet Ekwivalenti ta' Kompetizzjoni fis-Suq Uniku), 2013.

5 Skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013) (ĠU L 154 tal-14.6.2007, p. 25).

6 Il-Konvenzjoni riveduta ta' Kyoto, il-gwida tad-WCO għall-ġestjoni tar-riskju, il-linji gwida tad-WCO dwar l-awditi ta’ wara l-iżdoganar, eċċ.

7 Il-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji (2016), “Future financing of the EU — Final Report and recommendations” (Il-finanzjament futur tal-UE — Rapport Finali u rakkomandazzjonijiet).

8 Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li Jakkumpanja d-dokument “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta' rilaxx għas-sena finanzjarja 2011 - Risposti għat-talbiet mill-Parlament Ewropew” (COM(2013) 668 final) (SWD(2013) 348 final).

9 C.f. l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas-26 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 29) u l-Artikolu 3(a) tal-KDU.

10 Il-Kawża C-392/02, il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju tad-Danimarka, il-Kawża C-60/13, il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju Unit.

11 Din id-data tkopri biss każijiet fejn l-ammonti maqbuda jaqbżu l-EUR 10 000, irrispettivament minn jekk dawn ġewx irkuprati.

12 Coffey, “Final Evaluation of the Customs 2013 Programme – Final report” (Evalwazzjoni Finali tal-Programm Dwana 2013 – Rapport finali), 2014.

13 Komponenti mhux tal-Unjoni skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1294/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Dwana 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE (ĠU L 347 tal-20.12.2007, p. 209).

14 Il-Ġermanja (21 %), ir-Renju Unit (17 %), in-Netherlands (12 %), il-Belġju (9 %), l-Italja (9 %), Franza (9 %) u Spanja (7 %).

15 Il-Ġermanja.

16 Malta.

17 Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni (Minuti tal-168 laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji (KKRP) li saret fl-1 ta’ Diċembru 2016).

18 Ara l-paragrafu 28 tal-Opinjoni Nru 3/2012 tal-QEA dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Hercule III li jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 201, 7.7.2012, p. 1).

19 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).

20 It-Titolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 515/97.

21 Il-Grupp ta’ Proġett “Reporting Customs seizures in CRMS and AFIS-CIS” (Rappurtar ta’ Qbid doganali fis-CRMS u l-AFIS-SID).

22 Magħrufin ukoll bħala prezzijiet medji “mingħajr valuri estremi”. Dawn huma stimi statistiċi kkalkulati għall-prezzijiet ta’ prodotti nnegozjati fuq il-bażi ta’ data li ma tinkludix valuri estremi.

23 Il-COMEXT hija d-database tal-Eurostat għal statistika dettaljata dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija.

24 Spyros Arsenis, Domenico Perrotta, Francesca Torti, “The Estimation of Fair Prices of Traded Goods from Outlier-Free Trade Data” (L-Istimar ta’ Prezzijiet Ġusti tal-Merkanzija Nnegozjata minn Data Mingħajr Valuri Estremi li tirrigwarda l-Kummerċ), 2015, EUR 27696 EN. doi:1 0.2 788/57125.

25 Dumping iseħħ meta manifatturi minn pajjiż mhux tal-UE jbigħu merkanzija fl-UE bi prezzijiet irħas mill-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq domestiku tagħhom jew bi prezz inqas mill-ispiża tal-produzzjoni. Jekk il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi – permezz ta’ investigazzjoni – li dan qed iseħħ, hija tista’ tikkoreġi kwalunkwe ħsara li tkun saret lill-kumpaniji tal-UE billi timponi dazji antidumping (ADD). Tipikament, dawn huma dazji fuq l-importazzjonijiet tal-prodott mill-pajjiż inkwistjoni. Id-dazji jistgħu jkunu fissi, varjabbli jew perċentwal tal-valur totali (ad valorem). Sussidjar iseħħ meta gvern ta’ pajjiż terz jipprovdi assistenza finanzjarja lil kumpaniji biex jipproduċu jew jesportaw il-merkanzija. Il-Kummissjoni tista’ tiġġieled kwalunkwe effett ta' distorsjoni tal-kummerċ li dawn is-sussidji jkollhom fuq is-suq tal-UE – wara investigazzjoni dwar jekk is-sussidju jkunx inġust u jkunx qed jagħmel ħsara lill-kumpaniji tal-UE. Id-dazji kumpensatorji (CVD) jiġu ssettjati fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti sussidjati. Dawn id-dazji jistgħu jkunu fissi, varjabbli jew perċentwal tal-valur totali (ad valorem).

26 Ir-Rapport 2015 tal-OLAF (https://ec.europa.eu/anti-fraud/about-us/reports/olaf-report_mt).

27 SWD(2013) 483 final.

28 Skont l-Artikolu 46(5) tal-KDU.

29 Coffey, “Final Evaluation of the Customs 2013 Programme – Final report” (Evalwazzjoni Finali tal-Programm Dwana 2013 – Rapport finali), 2014.

30 L-SMS hija l-applikazzjoni li tintuża mill-Kummissjoni biex tibgħat informazzjoni elettronikament, dwar it-timbri tal-oriġini, lill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istat Membru.

31 Ara l-paragrafu 68 tar-Rapport Speċjali Nru 2/2014.

32 COM(2014) 105 final.

33 Ara l-paragrafu 88 tar-Rapport Speċjali Nru 2/2014 tal-QEA.

34 Operazzjoni Doganali Konġunta li saret fl-2014 bejn l-OLAF u l-Istati Membri biex jindirizzaw is-sottovalwazzjoni tat-tessuti u x-xedd is-saqajn miċ-Ċina.

35 COM(2015) 221 final.

36 Skont l-Artikolu 5(c) tad-Deċiżjoni dwar Dwana 2013.

37 Id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE li tistabbilixxi programm ta' azzjoni (Komunitarju) biex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole II) kif emendat.

38 Ramboll, “Evaluation of the Hercule II programme – Final Report” (Evalwazzjoni tal-programm Hercule II – Rapport Finali), 2014.

39 C.f. https://ec.europa.eu/taxation_customs/business/calculation-customs-duties/what-is-common-customs-tariff_en.

40 https://ec.europa.eu/taxation_customs/business/calculation-customs-duties/what-is-common-customs-tariff/taric_en.

41 https://www.gov.uk/government/publications/uk-trade-tariff-customs-procedure-codes/imports-home-use-with-simultaneous-entry-for-free-circulation.

42 Is-soll ġie ssettjat f’ammont ta’ GBP 873 għall-2017.

43 Is-sospensjonijiet tariffarji jinvolvu t-tnaqqis jew it-tneħħija tar-rata ta’ dazju doganali fuq ċerti kategoriji ta’ merkanzija matul perjodu ta’ żmien speċifiku sabiex jiġu ssodisfati ċerti ħtiġijiet ta’ materja prima u ta’ merkanzija li għandhom produzzjoni domestika insuffiċjenti fl-UE.

44 Il-kwoti tariffarji huma simili għal sospensjonijiet tariffarji iżda huma limitati għal volum partikolari tal-merkanzija. Meta l-volum tal-importazzjonijiet jaqbeż is-soll, rati standard ta’ dazju japplikaw. Jenħtieġ li dawn jiġu differenzjati minn kwoti, li jillimitaw il-volum massimu tal-importazzjoni ta’ ċerta kategorija ta’ merkanzija għal soll li ma għandu jinqabeż fl-ebda każ. Il-limiti massimi tariffarji huma simili għal kwoti tariffarji iżda l-applikazzjoni tar-rata standard ta’ dazju, ladarba s-soll tal-importazzjoni jinqabeż, tirrikjedi att legali tal-Unjoni.

45 Ċerti kategoriji ta’ merkanzija li jheddu l-interessi tal-produtturi tal-UE bħal prodotti agrikoli u tat-tessuti jirrikjedu r-rilaxx, għal cirkolazzjoni libera, ta’ dokument ta’ sorveljanza. Id-dokument ta’ sorveljanza li jinħareġ minn kwalunkwe Stat Membru għandu validità fit-territorju doganali kollu tal-UE. Ara d-database tal-miżuri ta’ sorveljanza fil-link li ġejja: http://ec.europa.eu/taxation_customs/dds2/surv/surv_consultation.jsp?Lang=mt.

46 Ara l-paragrafu 68 tar-Rapport Speċjali Nru 1/2010.

47 Ara l-paragrafu 91(3) tar-Rapport Speċjali Nru 1/2010.

48 Id-DĠ TAXUD, “Annual Activity Report 2015” (Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2015).

49 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2008 dwar l-Informazzjoni li Torbot dwar it-Tariffa (BTI) (ĠU C 103, 24.4.2008, p. 1).

50 Eż. validazzjoni tan-numri EORI fid-database tal-EBTI.

51 C.f. id-WCO, Revenue Package, “Technical guidelines on advance rulings for classification, origin and valuation” (Linji gwida tekniċi dwar deċiżjonijiet bil-quddiem għall-klassifikazzjoni, l-oriġini u l-valwazzjoni), u “Practical guidelines for valuation control” (Linji gwida prattiċi għall-kontroll tal-valwazzjoni), 2015.

52 Ara l-paragrafu 86 tar-Rapport Speċjali Nru 23/2000 dwar il-valwazzjoni tal-merkanzija importata għal skopijiet doganali (valwazzjoni doganali).

53 L-Artikoli 35 u 36(b) tal-KDU.

54 Ir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 “Il-kontroll tal-proċedura doganali 42 jimpedixxi u jsib l-evażjoni tal-VAT?”

55 Operatur tas-suq irreġistrat għal skopijiet tal-VAT li, potenzjalment b’intenzjonijiet frodulenti, jakkwista jew ikollu l-intenzjoni li jakkwista merkanzija jew servizzi mingħajr ma jħallas il-VAT, u jforni din il-merkanzija jew dawn is-servizzi bil-VAT, iżda ma jgħaddix il-VAT miġbura lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa.

56 Skont l-Artikolu 191 tal-KDU u l-Artikolu 244 tal-AI KDU.

57 Ara r-riżultati tal-Operazzjoni Doganali Konġunta “Octopus” fuq http://www.douane.gouv.fr/articles/a12973-la-douane-et-l-olaf-presentent-les-resultats-de-l-operation-octopus.

58 Ir-Rapport Speċjali Nru 24/2015 tal-Qorti “L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni”.

59 Id-DĠ Baġit, “Annual activity report 2016” (Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2016).

60 Ara l-paragraf 82 u l-paragrafi 93 sa 99 tar-Rapport Speċjali Nru 23/2016 “It-trasport marittimu fl-UE: f’baħar ta’ inkwiet —sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli”.

61 Ibbażat fuq l-Artikolu 4(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

62 COM(2013) 884 final.

63 Ir-rapport mill-Grupp ta’ Proġett Dwana 2013 dwar il-Pieni Doganali.

64 C.f. COM(2014) 527 final tal-21.8.2014.

65 C.f. id-WCO, Revenue Package, “Technical guidelines on advance rulings for classification, origin and valuation” (Linji gwida tekniċi dwar deċiżjonijiet bil-quddiem għall-klassifikazzjoni, l-oriġini u l-valwazzjoni), u “Practical guidelines for valuation control” (Linji gwida prattiċi għall-kontroll tal-valwazzjoni), 2015.

66 Dan iseħħ meta t-trasportaturi jippreżentaw l-ENS bid-data dwar il-polza ta' kargu maħruġa minn trasportatur u mhux bid-data dwar il-polza ta' kargu maħruġa minn spedizjonier.

67 Ir-Rapport Speċjali Nru 1/2010 ”Il-Proċeduri Ssimplifikati Doganali għall-importazzjoni huma kkontrollati b’mod effettiv?”

68 L-Artikolu 39 tal-KDU jistabbilixxi l-kriterji biex jingħata status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat (AEO).

69 Il-Messaġġ I2 tan-notifika tal-preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana f’każ ta’ entrata fir-rekords tad-dikjarant skont l-Anness B tal-AD KDU.

70 Skont l-Artikolu 182 tal-KDU.

71 Il-Belġju, l-Estonja, l-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja.

72 Ara l-paragrafu 4.18 tar-Rapport Annwali 2016 tal-QEA.

73 Matul it-30 laqgħa tiegħu li saret fid-19.5.2000, il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali (it-Taqsima tar-Regoli Doganali Ġenerali) ikkonkluda li t-twettiq tal-kontrolli kien il-kompitu tal-Istati Membri fejn il-merkanzija tkun ġiet żdoganata. Huma rrikonoxxew il-fatt li seta’ jkun hemm diffikultajiet meta l-kontijiet u l-merkanzija kienu xi mkien ieħor, iżda huwa qies li kien ikun tajjeb li l-Istati Membri jikkoordinaw b’mod xieraq.

74 Skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/578 tal-11 ta’ April 2016 li tistabbilixxi Programm ta' Ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 6, 15.4.2016, p. 6).

75 L-OECD, “Addressing the Tax Challenges of the Digital Economy” (Nindirizzaw l-Isfidi tat-Taxxa għall-Ekonomija Diġitali), il-Proġett OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt, Pubblikazzjoni tal-OECD, 2014.

76 Valur intrinsiku ddefinit bħala l-valur tal-oġġett mingħajr imposti fuq il-merkanzija u tal-assigurazzjoni.

77 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (AI KDU) (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

78 Skont l-Artikolu 25(1)(f) tal-AI KDU.

79 Ara eż.: “Cel Cybersquad spoorde al 858 frauderende webshops op”, l-artiklu f’De Standaard tas-27 ta’ Lulju 2015, li huwa disponibbli fuq: http://www.standaard.be/cnt/dmf20150727_01793127.

80 Copenhagen Economics, E-commerce imports into Europe: VAT and customs treatment (Importazzjonijiet permezz ta’ kummerċ elettroniku fl-Ewropa: il-VAT u t-trattament doganali), 2016.

81 C.f. id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali tal-Kummissjoni, “Linji gwida għall-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati”, 2016.

 

1 https://ec.europa.eu/taxation_customs/general-information-customs/electronic-customs_en

2 https://ec.europa.eu/taxation_customs/business/union-customs-code/ucc-bpm_en

3 Strateġija għall-evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali COM(2008) 169 tal-1.4.2008; l-objettivi strateġiċi stabbiliti fl-2008 ġew ikkonfermati “li għadhom validi u xierqa” mill-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-progress fuq l-Istrateġija għall-Evoluzzjoni tal-Unjoni Doganali (2013/C 80/05 tad-19.3.2013).

4 Id-dokument TAXUD/A1/DB/D(2015) 394984 Rev 1 tat-3 ta’ Frar 2016); innota li dan id-dokument qed jiġi rivedut b’mod annwali f’Jannar / Frar ta’ kull sena; ir-reviżjoni tal-2017 qed titħejja u se tinkludi emendi meħtieġa fuq il-bażi tal-implimentazzjoni tal-KDU.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 31.5.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 13.7.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 7.11.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 23.11.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tagħha f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-programmi tal-UE jew suġġetti ta' ġestjoni relatati ma’ oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan ir-rapport ġie prodott mill-Awla IV tal-Awditjar, li hija mmexxija minn Baudilio Tomé Muguruza, Membru tal-QEA, u li tiffoka fuq l-oqsma ta’ regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva. L-awditu tmexxa mill-Membru tal-QEA Pietro Russo. Fit-tħejjija tar-rapport, huwa kien appoġġat minn Chiara Cipriani, Kap tal-kabinett, Benjamin Jakob, Attaché, Paul Stafford, Maniġer prinċipali u Carlos Soler Ruiz, Kap tal-kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Dan Danielescu, Maria Echanove, Josef Edelmann, Benny Fransen u Francois Gautier.

Mix-xellug għal-lemin: Paul Stafford, Dan Danielescu, Benjamin Jakob, Maria Echanove, Benny Fransen, Pietro Russo, Josef Edelmann, Chiara Cipriani, Carlos Soler Ruiz.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

PDFISBN 978-92-872-8398-6ISSN 1977-5741doi:10.2865/883119QJ-AB-17-018-MT-N
HTMLISBN 978-92-872-8408-2ISSN 1977-5741doi:10.2865/49568QJ-AB-17-018-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2017

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: http://europa.eu/contact

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: http://europa.eu/contact

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://bookshop.europa.eu. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt/data) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.