Rapport Speċjali
Nru11 2019

Ir-regolamentazzjoni tal-UE għall-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru pprovdiet valur miżjud – iżda, fil-biċċa l-kbira, il-finanzjament ma kienx meħtieġ

(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)

Dwar ir-rapport: F’dan l-awditu, aħna eżaminajna l-intervent tal-UE fil-fażi ta’ mobilizzazzjoni tas-SESAR, il-pilastru teknoloġiku tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) tal-UE. Is-SESAR ifittex li jarmonizza u jimmodernizza l-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru fl-Ewropa kollha.
B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-intervent regolatorju li sar mill-UE fil-forma ta’ proġetti komuni pprovda valur miżjud. Madankollu sibna wkoll li, fil-biċċa l-kbira, il-finanzjament li ngħata mill-UE bħala appoġġ għall-modernizzazzjoni tal-ATM ma kienx meħtieġ, u li l-ġestjoni tal-finanzjament hija affettwata minn xi nuqqasijiet. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea bħala għajnuna għat-titjib tal-appoġġ li hija tagħti għall-modernizzazzjoni tal-ATM.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-fluss sikur u effiċjenti tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, li laħaq livelli rekord, jirrikjedi sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li tkun robusta. Il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tradizzjonalment ġiet żviluppata u pprovduta, fil-livell nazzjonali, minn fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li huma speċifiċi għall-pajjiż. Ir-riskji assoċjati mal-koeżistenza ta’ diversi fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejnhom u bejn l-ajruporti, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, u l-Maniġer tan-Netwerk (Eurocontrol), wasslu biex l-UE tinkludi proġett ta’ armonizzazzjoni u ta’ modernizzazzjoni teknoloġika – SESAR – fil-politika usa’ tagħha tal-Ajru Uniku Ewropew. B’mod globali, l-UE impenjat EUR 3.8 biljun favur is-SESAR bejn l-2005 u l-2020.

II

Wara li diġà kienet appoġġat il-fażijiet ta’ definizzjoni u ta’ żvilupp tas-SESAR, fl-2014 l-UE estendiet l-intervent tagħha għall-mobilizzazzjoni proprja ta’ teknoloġiji u ta’ proċeduri operattivi ġodda għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. L-intervent mill-UE jikkonsisti prinċipalment f’regolament li jirrikjedi li l-partijiet ikkonċernati jagħmlu ċertu investimenti kkoordinati (magħrufa bħala proġetti komuni); u f’finanzjament mill-baġit tal-UE bħala appoġġ għal dawn tal-aħħar, li ammonta għal madwar EUR 1.6 biljun bejn l-2014 u l-2017.

III

Il-QEA ppubblikat ir-Rapport Speċjali Nru 18/2017 dwar l-Ajru Uniku Ewropew, li fih irrappurtajna dwar id-definizzjoni u l-iżvilupp tas-SESAR. F’dan l-awditu, aħna eżaminajna t-tielet fażi tas-SESAR – il-mobilizzazzjoni ta’ proġetti li għandhom l-għan li jimmodernizzaw il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Aħna eżaminajna jekk l-intervent tal-UE kienx tfassal b’mod li kien xieraq biex jindirizza l-ħtiġijiet u biex jimmira lejn il-proġetti li kellhom l-akbar ħtieġa ta’ appoġġ, u jekk dan kienx ġie implimentat tajjeb u jekk kienx ipprovda valur miżjud għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-UE.

IV

Aħna żorna l-entitajiet li huma involuti fit-tmexxija tas-SESAR: il-Kummissjoni Ewropea, l-Impriża Konġunta SESAR, l-Alleanza għall-Mobilizzazzjoni tas-SESAR li tagixxi bħala Maniġment tal-Mobilizzazzjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Eżaminajna wkoll kampjun ta’ 17-il proġett kofinanzjati mill-UE, li ġew implimentati minn ajruporti, fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, utenti tal-ispazju tal-ajru u l-Eurocontrol.

V

Aħna sibna li l-kunċett ta’ proġetti komuni jippromwovi investimenti kkoordinati. Madankollu, l-ewwel applikazzjoni tiegħu – il-Proġett Pilota Komuni – inkluda bi żball xi funzjonalitajiet li ma kinux maturi u/jew li ma jeħtiġux il-mobilizzazzjoni sinkronizzata b’bosta partijiet interessati biex jitwasslu l-benefiċċji intenzjonati. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ penali fil-każ ta’ nuqqas ta' konformità jdgħajjef parzjalment l-effettività tiegħu.

VI

Aħna eżaminajna l-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li ġiet ippreżentata għall-Proġett Pilota Komuni, u sibna li din kien fiha xi nuqqasijiet minħabba li ma kinitx tieħu kont tal-imposti ddebitati min-naħa tal-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, li jikkumpensaw għall-ispiża tal-investiment. Dan wassal għar-riskju li l-fondi tal-UE jiġu investiti fi proġetti li kieku kienu jiġu ffinanzjati mingħajr l-appoġġ tal-UE.

VII

Dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ finanzjament dgħajfu aktar l-effettività tagħha.

  1. Ammont sostanzjali ta’ fondi li ngħataw mingħajr prijoritizzazzjoni adegwata.
  2. Il-proġetti ffinanzjati mill-UE ġew miġbura flimkien skont kriterji amministrattivi li kellhom bħala mira l-faċilitazzjoni tal-ġestjoni tal-għotjiet, aktar milli l-kunsiderazzjonijiet tekniċi.
  3. Il-mekkaniżmu attwali ta’ finanzjament jirrikjedi l-involviment ta’ ċertu benefiċjarji fl-iskrinjar tal-applikazzjonijiet proprji tagħhom, u jippermetti li huma jinfluenzaw il-finanzjament tal-proġetti eliġibbli. Il-kunflitt ta’ interess potenzjali ma ġiex mitigat b’mod suffiċjenti.
VIII

Filwaqt li d-data ta' skadenza legali għall-mobilizzazzjoni tal-Proġett Pilota Komuni tvarja bejn l-2018 u l-2026, u filwaqt li l-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira mill-proġetti għadha għaddejja, dewmien fl-implimentazzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-proġetti qed iqiegħed f’riskju l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji. Barra minn hekk, għad iridu jiġu ddimostrati l-benefiċċji proprji tal-prestazzjoni tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru f’ambjent operattiv.

IX

Aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. ittejjeb il-fokus ta’ proġetti komuni;
  2. tirrinforza l-effettività ta’ Proġetti Komuni;
  3. tirrevedi l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-UE għall-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;
  4. tirrevedi u tifformalizza t-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-finanzjament;
  5. tiżgura li jsir monitoraġġ xieraq tal-benefiċċji tal-prestazzjoni li jitwasslu b’riżultat tal-modernizzazzjoni tal-ATM.

Introduzzjoni

Livelli rekord ta’ traffiku tal-ajru, iżda infrastruttura frammentata

01

It-trasport bl-ajru huwa importanti għall-kompetittività tal-industriji u s-servizzi Ewropej, u huwa komponent essenzjali tas-suq intern tal-UE. Dan jippermetti l-mobbiltà ta’ persuni u ta’ merkanzija madwar l-UE u barra minnha, filwaqt li jrawwem it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-kummerċ. Fl-2017, madwar 1 000 000 000 passiġġier u 16-il miljun tunnellata ta’ merkanzija telqu jew waslu f’ajruporti tal-UE1. Fl-2018, it-traffiku tal-ajru fl-Ewropa laħaq rekord bla preċedent ta’ 11-il miljun titjira, jiġifieri medja ta’ xi 30 000 kuljum. F’jiem massimi, l-għadd ta’ titjiriet li kienu jaqsmu s-smewwiet Ewropej tela’ sa 37 0002.

02

Il-fluss sikur u effiċjenti ta’ dawn il-livelli ta’ traffiku jirrikjedi sistema ta’ Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) li tkun robusta. L-ATM tinvolvi l-partijiet interessati kemm tal-art (fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, servizzi ta’ informazzjoni meteoroloġika, ajruporti u l-Maniġer tan-Netwerk) kif ukoll dawk tal-ajru (fil-biċċa l-kbira linji tal-ajru kummerċjali iżda wkoll l-avjazzjoni kummerċjali, ġenerali u militari). L-ATM tiżgura s-separazzjoni bejn l-inġenji tal-ajru, bil-għan li jkun hemm fluss sikur, effiċjenti u mħaffef tat-traffiku tal-ajru, filwaqt li tipprovdi wkoll informazzjoni ajrunawtika lill-utenti tal-ispazju tal-ajru (eż. għajnuniet navigazzjonali jew informazzjoni dwar it-temp).

Stampa 1 – Tiġi żgurata s-separazzjoni bejn l-inġenji tal-ajru

© Ħajr lill-EUROCONTROL.

03

Fl-Ewropa, l-ATM tradizzjonalment ġiet żviluppata u pprovduta, fil-livell nazzjonali, minn fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs) li huma speċifiċi għall-pajjiż. B’riżultat ta’ dan, it-titjiriet internazzjonali jaqgħu suċċessivament taħt ir-responsabbiltà ta’ ANSPs differenti hekk kif jiċċaqilqu minn spazju tal-ajru ta’ pajjiż partikolari, għal ieħor. Din il-frammentazzjoni tal-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru ġiet identifikata bħala fattur ewlieni li jfixkel il-prestazzjoni tas-sistema ATM Ewropea, partikolarment fl-oqsma tal-kapaċità u tal-kosteffiċjenza3.

04

Għalkemm tittratta għadd rekord ta’ titjiriet b’mod sikur, is-sistema ATM mhux dejjem tkun kapaċi takkomoda t-talbiet kollha li jsiru mill-utenti tal-ispazju tal-ajru. Id-dewmien kompla jiżdied, billi l-volum tat-traffiku tal-ajru kiber, b’mod partikolari mill-2013 ’il hawn4. Fl-2018, kull waħda mill-11-il miljun titjira esperjenzat medja ta’ 1.73 minuta ta’ dewmien en route5 li kienu attribwibbli għas-sistema ATM, u kkawżati minn diversi tipi ta’ limitazzjonijiiet relatati mal-kapaċità (ara l-Figura 1). Ir-rappurtar ta’ dewmien medju ma jurix l-interruzzjonijiet sinifikanti fl-operat normali, partikolarment fl-eqqel jiem tas-sajf.

Figura 1 – Traffiku u dewmien en route 2008-2018

Sors: L-Eurocontrol.

05

Il-ġestjoni Ewropea tat-traffiku tal-ajru hija ffinanzjata mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, magħrufa bħala utenti tal-ispazju tal-ajru, li jiġu ddebitati għas-servizzi li jirċievu, abbażi tat-tip ta’ inġenju tal-ajru u d-distanza li dan itir fiż-żona li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ kull ANSP, skont it-trajettorja ppjanata. Fl-2016, huma ħallsu madwar EUR 9 biljun għal dawn is-servizzi6, jew kemxejn aktar minn EUR 900 għal kull titjira bħala medja.

Il-politika tal-Ajru Uniku Ewropew u s-SESAR: ir-rispons tal-UE għal ineffiċjenzi fil-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru

06

Il-politika tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) għandha l-għan li ttejjeb il-prestazzjoni ġenerali tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, filwaqt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru. Il-politika tniedet fl-2004 u, għall-implimentazzjoni tagħha, ġie stabbilit qafas regolatorju li jinkludi regoli komuni dwar is-sigurtà tal-ATM, dwar il-forniment tas-servizzi tal-ATM, dwar il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u dwar l-interoperabbiltà fi ħdan in-netwerk.

07

Il-qafas regolatorju huwa kkomplementat bi programm ta’ modernizzazzjoni teknoloġika, magħruf bħala l-“proġett SESAR” (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew). Is-SESAR ifittex li jarmonizza u jimmodernizza s-sistemi u l-proċeduri tal-ATM fl-Ewropa kollha, billi jippromwovi d-definizzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni kkoordinati ta’ għadd ta’ teknoloġiji u kunċetti operattivi. Is-SESAR ġie maqsum f’fażi ta’ definizzjoni (għat-tfassil tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM għall-modernizzazzjoni), fażi ta’ żvilupp (għall-istabbiliment tal-bażijiet teknoloġiċi meħtieġa) u fażi ta’ mobilizzazzjoni (għall-installazzjoni tas-sistemi u l-proċeduri l-ġodda fl-ambjent operattiv). L-UE ilha tappoġġa finanzjarjament lis-SESAR minn meta nbeda, kif jintwera fil-qosor fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1 – Appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Proġett SESAR
Fażi Perjodu Kontribuzzjoni mill-UE (miljun EUR) Sors ta’ Finanzjament
Definizzjoni 2005-2007 30 TEN-T
Żvilupp 2007-2013 700 TEN-T u s-Seba’ Programm Kwadru
2014-2020 585 Orizzont 2020
Mobilizzazzjoni 2014-2020 2 500 Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
Total 3 815

Sors: Il-QEA. L-ammonti indikati għall-perjodu 2014-2020 huma proviżorji.

08

Fir-Rapport Speċjali Nru 18/2017 tagħna (“Ajru Uniku Ewropew: il-kultura nbidlet, iżda għad ma hemmx ajru uniku”, aħna koprejna elementi regolatorji ewlenin tal-politika tal-Ajru Uniku Ewropew, kif ukoll il-fażijiet ta’ definizzjoni u ta’ żvilupp tal-proġett SESAR (2005-2013). Aħna kkonkludejna li l-inizjattiva indirizzat ħtieġa ċara u wasslet għal kultura ta’ effiċjenza akbar fl-ATM. Madankollu, il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew baqgħet frammentata u l-Ajru Uniku Ewropew, bħala kunċett, kien għadu ma nkisibx. Il-fażi ta’ mobilizzazzjoni ma kinitx fl-ambitu ta’ dan l-awditu billi kienet għadha fil-bidu tagħha.

Il-fażi ta’ mobilizzazzjoni tas-SESAR

09

Meta s-SESAR tnieda fl-2005, l-ambitu tal-parteċipazzjoni tal-UE kien limitat għad-definizzjoni u l-iżvilupp: l-intenzjoni kienet li kemm it-tmexxija kif ukoll il-finanzjament tal-fażi ta’ mobilizzazzjoni jkunu r-responsabbiltà tal-partijiet interessati tal-industrija7.

10

Madankollu, din is-sitwazzjoni evolviet maż-żmien. Fl-2011, il-valutazzjoni mill-Kummissjoni kienet li “hija biss mobilizzazzjoni f’waqtha, sinkronizzata u kkoordinata, li tkun integrata b’mod sħiħ fil-qafas tal-SES, li tikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni tal-SES”8. Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li jkun jenħtieġ intervent mill-UE biex jistimola l-mobilizzazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li jkunu ġew żviluppati fi ħdan l-ewwel żewġ fażijiet tas-SESAR. Dan ikun jindirizza, notevolment, il-fenomenu tal-“last mover advantage” fejn il-partijiet interessati jkollhom it-tendenza li jipposponu l-investimenti tagħhom billi jkunu jafu li l-benefiċċji jinkisbu biss meta l-partijiet interessati kollha jkunu mgħammra b’teknoloġiji ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tqiegħed il-finanzjament pubbliku għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati biex tikkumpensahom għal telf finanzjarju li jkunu ġarrbu minħabba l-mobilizzazzjoni. Dan it-telf seta’ jkun mistenni fil-każ ta’ inġenji tal-ajru militari u statali, kif ukoll fil-każ tal-avjazzjoni ġenerali u kummerċjali.

11

Biex tindirizza dawn il-ħtiġijiet, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, inklużi l-Istati Membri u l-entitajiet l-oħra tas-SES, il-Kummissjoni fasslet il-fażi ta’ mobilizzazzjoni tas-SESAR madwar il-kunċett ta’ “Proġetti Komuni”9 li jirrikjedu l-mobilizzazzjoni kkoordinata ta’ sett speċifiku ta’ funzjonalitajiet tal-ATM (ara l-Kaxxa 1), minn għadd ta’ partijiet interessati fi żmien perjodu speċifikat. Is-sekwenza ta’ passi speċifiċi meħtieġa għall-mobilizzazzjoni se tiġi deskritta fi Programm tal-Mobilizzazzjoni10.

Kaxxa 1

Il-kunċett ta’ funzjonalità tal-ATM fil-Proġetti Komuni

Funzjonalità tal-ATM tirreferi għal grupp ta’ teknoloġiji jew proċeduri li għandhom l-għan li jtejbu l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tiddefinixxi, ulterjorment, funzjonalità tal-ATM bħala “grupp ta’ funzjonijiet jew servizzi operattivi tal-ATM relatati mal-ġestjoni tat-trajettorja, tal-ispazju tal-ajru u tas-superfiċe jew mal-qsim tal-informazzjoni mal-ambjenti operattivi fir-rotta, tat-terminal, tal-ajruport jew dak tan-netwerk”.

Biex funzjonalità tiġi inkluża fi proġett komuni, din trid tipprovdi titjib sinifikanti fil-prestazzjoni tan-netwerk, tkun lesta biex tiġi implimentata, u tkun teħtieġ mobilizzazzjoni sinkronizzata.

12

It-tmexxija tal-mobilizzazzjoni għandha tliet livelli:

  1. Livell tal-politika: il-Kummissjoni Ewropea, li hija primarjament responsabbli mill-adozzjoni ta’ proġetti komuni, l-għażla tal-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni, l-approvazzjoni tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni, u l-ġestjoni tal-fondi tal-UE li jappoġġaw il-mobilizzazzjoni (bl-appoġġ tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks- INEA). Il-Proġett Pilota Komuni11 (PCP) huwa l-ewwel u, sal-ġurnata tal-lum, l-uniku proġett komuni li adottat il-Kummissjoni.
  2. Livell tal-maniġment: il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni, li huwa funzjoni li tiġi assenjata mhux lil individwu iżda lil konsorzju ta’ partijiet interessati (ara l-Kaxxa 2). Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni huwa primarjament responsabbli mill-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni, kif ukoll milli jiġbor flimkien il-partijiet interessati operattivi li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni.
  3. Livell tal-implimentazzjoni: il-partijiet interessati operattivi li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-proġetti f’konformità mal-Programm tal-Mobilizzazzjoni.

Kaxxa 2

Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR

Il-funzjonijiet tal-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR ġew assenjati formalment lil grupp ta’ partijiet interessati operattivi, magħrufa bħala l-Alleanza għall-Mobilizzazzjoni tas-SESAR (SDA), permezz ta’ Ftehim Qafas ta' Sħubija (FQS) li ġie ffirmat f’Diċembru 2014 u li se jdum sa tmiem l-2020.

Inizjalment, l-FQS kien ikkostitwit minn 11-il ANSP, 4 gruppi ta’ linji tal-ajru u Grupp Ewropew ta’ Interess Ekonomiku li jirrappreżenta lil 25 ajruport Ewropew. Mill-2018 ’il hawn, żewġ ANSPs addizzjonali u linja waħda tal-ajru ngħaqdu mal-FQS. Il-membri tal-FQS jipprovdu persunal, fuq bażi ta’ sekondar, lill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu.

Oriġinarjament, l-FQS ġie stabbilit bħala konsorzju ta’ partijiet interessati mingħajr status legali iżda, f’Jannar 2018, l-FQS biddel l-istatus tiegħu biex sar assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta' qligħ.

L-attivitajiet tal-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR huma ffinanzjati kompletament mill-UE. B’kollox, ingħataw EUR 14.5 miljun bejn l-2014 u l-2017.

Finanzjament mill-UE għall-fażi ta’ mobilizzazzjoni tas-SESAR

13

Fl-2013, il-linji gwida għan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport12 identifikaw is-SESAR bħala proġett prijoritarju ta’ interess komuni, u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE)13 assenjat pakkett totali ta’ EUR 3 biljun biex tappoġġa lil dan il-proġett matul il-perjodu 2014-2020. Aktar tard, il-pakkett finanzjarju tnaqqas għal EUR 2.5 biljun b’segwitu għall-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u għall-ħtieġa li l-baġit tal-UE jiġi riallokat. Dawn il-fondi jiġu mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA). Huma jkopru bejn 20 % u 50 % tal-ispejjeż eliġibbli għall-investimenti tal-ajru u għal dawk tal-art rispettivament. Fl-Istati Membri benefiċjarji tal-Fond ta’ Koeżjoni, ir-rata ta’ finanzjament tilħaq sa 85 % tal-ispejjeż eliġibbli kollha.

14

Il-proġetti ta’ implimentazzjoni relatati mal-PCP huma d-destinatarji primarji tal-fondi, għalkemm proġetti oħra relatati mal-ATM huma eliġibbli wkoll. Bejn l-2014 u l-2017, l-INEA niedet 7 sejħiet għal proposti14, li rriżultaw fl-għoti ta’ madwar EUR 1.6 biljun għall-appoġġ ta’ 414-il proġett u attività ta’ koordinazzjoni.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

15

F’dan l-awditu, aħna evalwajna kemm il-Kummissjoni mmaniġġjat tajjeb il-mobilizzazzjoni tas-SESAR mill-2011 ’il hawn, u kif din il-mobilizzazzjoni għenitha biex tilħaq l-objettivi tal-politika tagħha tal-Ajru Uniku Ewropew. Aħna eżaminajna jekk il-parteċipazzjoni tal-UE fil-fażi ta’ mobilizzazzjoni tas-SESAR permezz tal-istabbiliment ta’ qafas regolatorju u l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju:

  1. kinitx ġustifikata f’termini ta’ valur miżjud tal-UE, u tfasslitx tajjeb;
  2. ġietx implimentata b’mod li jirrappreżenta użu effiċjenti tar-riżorsi tal-UE;
  3. kinitx ikkontribwiet għat-titjib tal-prestazzjoni tal-ATM Ewropea.
16

Aħna żorna entitajiet li kienu involuti fit-tmexxija tas-SESAR: il-Kummissjoni Ewropea, l-Impriża Konġunta SESAR, l-Alleanza għall-Mobilizzazzjoni tas-SESAR li tagixxi bħala Maniġment tal-Mobilizzazzjoni, l-INEA, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u għadd ta’ partijiet interessati inklużi ajruporti, ANSPs, utenti tal-ispazju tal-ajru u l-Eurocontrol. Żorna wkoll l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), fejn eżaminajna r-rwol li l-UE u l-proġett SESAR għandhom fit-twaqqif ta’ standards internazzjonali relatati mal-ATM; u l-ANSP Kanadiż (“Nav Canada”), biex nifhmu kif l-ATM titwettaq f’kuntest reġjonali differenti.

17

Aħna analizzajna l-proċess tal-applikazzjonijiet u tal-għażla li laħaq il-quċċata tiegħu fil-għoti ta’ madwar EUR 1.3 biljun matul is-sejħiet għal proposti taħt l-FNE tal-perjodu 2014-2016. Analizzajna wkoll kampjun ta’ 17-il proġett kofinanzjat mill-UE15, filwaqt li żgurajna li koprejna proġetti li kienu qed jimplimentaw il-Proġett Pilota Komuni u proġetti oħra li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-SES. Ivvalutajna l-ħtieġa għall-proġetti eżaminati u għall-finanzjament tagħhom mill-UE; ir-rabtiet tagħhom mal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM u mal-Proġett Pilota Komuni; u l-outputs ta’ kull proġett sal-ġurnata tal-lum, flimkien mal-impatt tagħhom fuq il-prestazzjoni tal-ATM Ewropea.

Osservazzjonijiet

Ir-regolamentazzjoni tal-UE għall-modernizzazzjoni tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru pprovdiet valur miżjud, minkejja xi nuqqasijiet

18

Aħna evalwajna jekk ir-regolamentazzjoni tal-UE għall-modernizzazzjoni tal-ATM ipprovdietx valur miżjud. B’mod partikolari, aħna eżaminajna l-ħtieġa għal koordinazzjoni fil-livell tal-UE, jekk hemmx għodod effettivi ta’ infurzar u jekk il-PCP jindirizzax il-bidliet operattivi neċessarji li jkunu maturi biex jiġu implimentati u li jkunu jeħtieġu mobilizzazzjoni sinkronizzata.

Il-modernizzazzjoni tal-ATM tibbenefika minn koordinazzjoni fil-livell tal-UE

19

Aħna evalwajna jekk l-intervent fil-livell tal-UE f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni tal-mobilizzazzjoni ta’ teknoloġiji jew ta’ proċeduri operattivi ġodda tal-ATM:

  1. jimmitigax l-effetti tal-forniment frammentat ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;
  2. jiżgurax l-interoperabbiltà bejn l-ajruporti, l-ANSPs, l-utenti tal-ispazju tal-ajru u l-Maniġer tan-Netwerk.
20

Fl-2013, il-Kummissjoni adottat regolament li jiddefinixxi l-kunċett ta’ proġetti komuni16. Bil-mobilizzazzjoni ta’ funzjonalità, permezz ta’ għadd speċifikat ta’ partijiet interessati u sa data partikolari, il-proġetti komuni jippromwovu azzjoni kkoordinata u jimmitigaw il-“last mover advantage” li fixkel il-modernizzazzjoni teknoloġika tal-ATM fil-passat. L-azzjoni kkoordinata tippromwovi wkoll perspettiva ta’ netwerk għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, li tista’ timmitiga l-frammentazzjoni.

Il-fatt li ma jingħatawx penali għan-nuqqas ta' konformità jnaqqas l-effettività potenzjali tar-regolamentazzjoni

21

Jekk ir-regolamentazzjoni ma tiġix segwita, it-tneħħija tal-last mover advantage u l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti komuni mhumiex se jinkisbu. Jenħtieġ li r-regolamentazzjoni tinkludi mekkaniżmi effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jiżguraw il-konformità.

22

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 jiddefinixxi l-iskop u l-kontenut tal-proġetti komuni kif ukoll ir-regoli għat-twaqqif, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom. Madankollu, ma hemmx mekkaniżmi ta’ infurzar speċifiċi. Minbarra l-proċedura ta’ ksur tar-regoli prevista mit-Trattati tal-UE, li hija indirizzata lill-Istati Membri u li għandha titnieda biss ladarba jiġi identifikat każ ta’ nuqqas ta' konformità, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa biex tissanzjona n-nuqqas ta' konformità, pereżempju biex tiżgura li l-partijiet interessati jimmobilizzaw il-funzjonalitajiet meħtieġa sad-data mmirata. In-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar adegwati jnaqqas l-effettività tar-regolamentazzjoni tal-UE.

23

Din il-problema hija aggravata aktar minħabba n-nuqqas ta’ Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali (NSAs), responsabbli għas-sorveljanza tal-ANSPs, li jkunu indipendenti għalkollox u b’riżorsi adegwati. Fil-qafas tal-Ajru Uniku Ewropew, l-NSAs huma reponsabbli miċ-ċertifikazzjoni u sorveljanza tal-ANSPs nazzjonali, kif ukoll mit-tħejjija u l-monitoraġġ tal-pjanijiet u l-miri tal-prestazzjoni tagħhom. Fir-Rapport Speċjali Nru 18/2017 tagħna, aħna osservajna li xi NSAs ma għandhomx riżorsi adegwati u li mhumiex indipendenti għalkollox mill-ANSPs li huma jissorveljaw. Dan iżid mal-problema ta’ insuffiċjenza ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar.

24

Fir-regolament dwar l-iskema ta’ imposti, diġà hemm sistema ta’ modulazzjoni ta’ imposti prevista, bl-objettiv espliċitu li tiġi aċċellerata l-mobilizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ATM tas-SESAR17. Il-modulazzjoni għandha l-għan li tmexxi l-imġiba tal-partijiet interessati operattivi billi żżid jew tnaqqas l-imposti tan-navigazzjoni skont, pereżempju, il-livell ta’ konformità tagħhom mal-proġetti komuni. Madankollu, attwalment l-użu ta’ din is-sistema jinsab għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, li ma ġie implimentawha.

Xi funzjonalitajiet tal-PCP ma ssodisfawx il-kriterji għall-proġetti komuni

25

Jenħtieġ li kull funzjonalità tal-ATM li jkun hemm fi Proġett Komuni tikkonforma ma’ tliet kriterji ewlenin: tkun tirrappreżenta “bidla operattiva neċessarja” kif iddefinita fil-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM18; tkun lesta biex tiġi implimentata; u tkun teħtieġ mobilizzazzjoni sinkronizzata19. Is-sinkronizzazzjoni tinsab fil-qofol tal-proġetti komuni. Hija tfittex li tiżgura li l-investimenti li jirrikjedu l-parteċipazzjoni ta’ bosta partijiet interessati ma jiġux imxekkla minħabba dewmien f’xi wħud minnhom. Biex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-UE, jenħtieġ li l-proġetti komuni ma jkunx fihom funzjonalitajiet li ma jissodisfawx il-kriterji ewlenin.

26

L-ewwel applikazzjoni tal-kunċett ta’ proġetti komuni seħħet fl-2014 bl-adozzjoni tal-Proġett Pilota Komuni (PCP) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2014. B’kollox, il-PCP fih sitt Funzjonalitajiet tal-ATM (FA) li d-dati mmirati tagħhom għall-mobilizzazzjoni huma bejn l-2018 u l-2026 (ara t-Tabella 2).

Tabella 2 – Il-Proġett Pilota Komuni (2014)
Funzjonalità tal-ATM Partijiet interessati rilevanti20 Data dovuta21
Il-Ġestjoni Estiża tal-Wasliet u n-Navigazzjoni Bbażata fuq il-Prestazzjoni f'Żoni ta' Mmanuvrar f'Terminals ta' Densità Għolja (FA1) L-ANSPs u l-Maniġer tan-Netwerk 2024
L-Integrazzjoni u t-Throughput tal-Ajruport (FA2) L-ANSPs u l-ajruporti 2021-2024
Il-Ġestjoni Flessibbli tal-Ispazju tal-Ajru u r-Rotot Liberi (FA3) L-ANSPS, il-Maniġer tan-Netwerk u l-utenti tal-ispazju tal-ajru 2018-2022
Il-Ġestjoni tan-Netwerk Kollaborattiv (FA4) L-ANSPS, l-ajruporti, il-Maniġer tan-Netwerk u l-utenti tal-ispazju tal-ajru 2022
Il-Ġestjoni tat-Tagħrif Mifruxa mas-Sistema Kollha Inizjali (FA5) L-ANSPS, l-ajruporti, il-Maniġer tan-Netwerk u l-utenti tal-ispazju tal-ajru 2025
Il-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni dwar it-Trajettorja Inizjali (FA6) L-ANSPS, il-Maniġer tan-Netwerk u l-utenti tal-ispazju tal-ajru 2025-2026

Sors: Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2014.

27

Aħna sibna li l-funzjonalitajiet tal-PCP kienu jirrappreżentaw bidliet operattivi essenzjali, kif meħtieġ mill-kunċett ta’ proġetti komuni. Madankollu, mhux kollha kienu maturi u lesti biex jiġu implimentati u/jew inkella mhux kollha kienu jeħtieġu mobilizzazzjoni sinkronizzata biex jitwasslu l-benefiċċji mistennija f’dak li jirrigwarda l-prestazzjoni.

28

Aħna eżaminajna l-proposta għal proġett komuni li l-Impriża Konġunta SESAR ħejjiet fl-2013, u sibna li din kienet tinkludi teknoloġiji li fiż-żmien tal-valutazzjoni ma kinux maturi, iżda li jkunu jeħtieġu aktar xogħol ta’ R&Ż biex isiru lesti għall-operat. B’konsegwenza ta’ dan, il-proposta kienet inkludiet funzjonalitajiet li għalihom ix-xogħol ta’ R&Ż sottostanti kien għadu inkomplet u li, għalhekk, ma kinux maturi biżżejjed biex jiġu inklużi. Skont l-analiżi tagħna, kien biss gradwalment u wara l-adozzjoni tal-PCP li t-teknoloġiji meħtieġa laħqu l-livell ta’ maturità li jkun jippermetti l-implimentazzjoni tagħhom (21 % fl-2015, 81 % fl-2016). Eżempju ta’ dan in-nuqqas fil-livell ta’ tħejjija jintwera fil-Kaxxa 3.

Kaxxa 3

Interoperabbiltà ta’ Oġġetti ta’ Titjiriet: rilevanti iżda għad mhux lesta għall-mobilizzazzjoni

L-Interoperabbiltà ta’ Oġġetti ta’ Titjiriet tinsab fil-qofol tal-viżjoni Ewropea għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u hija faċilitatur fundamentali tal-Funzjonalitajiet 5 u 6 tal-PCP. Permezz tagħha, bosta partijiet interessati (u b’mod partikolari l-ANSPs differenti matul it-trajettorja ta’ titjira) ikollhom stampa komuni komuni u f’ħin reali ta’ kull titjira li hija, jew li se tkun, rilevanti għall-operazzjonijiet tagħhom. Dan iwassal għal livelli mtejba ta’ prevedibbiltà, kapaċità tal-ispazju tal-ajru, effiċjenza tat-titjir u sikurezza, meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali, fejn kull ċentru ta’ kontroll jara biss it-titjira ladarba din tkun daħlet fl-ispazju tal-ajru tiegħu. Madankollu, ix-xogħol ta’ R&Ż meħtieġ mill-Impriża Konġunta SESAR huwa kumpless u mistenni li jkompli minn tal-inqas sal-2020.

© Ħajr lill-Impriża Konġunta SESAR.

29

Minbarra x-xogħol ta’ R&Ż, il-biċċa l-kbira mill-funzjonalitajiet jirrikjedu wkoll speċifikazzjonijiet u standards fl-industrija kollha biex il-mobilizzazzjoni tagħhom tkun tista’ ssir. Madankollu, il-proposta mill-Impriża Konġunta SESAR twissi dwar in-nuqqas ta’ standardizzazzjoni bħal din fil-każijiet tal-FA 1, 2, 5 u 6. Il-proġett SESAR fih lakuna f’dan il-qasam, billi la l-Impriża Konġunta SESAR u lanqas il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni ma għandhom mandat biex jiżguraw l-istandardizzazzjoni. Meta tfassal dan ir-rapport, dan in-nuqqas kien għadu jirrappreżenta livell għoli ta’ riskju għall-mobilizzazzjoni.

30

Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni ripetittivament semma l-fatt li n-nuqqas ta’ maturità kien riskju għall-mobilizzazzjoni22, jiġifieri bħala kawża potenzjali ta’ dewmien u ta’ mobilizzazzjoni mhux armonizzata, li jaffettwa b’mod partikolari l-FA 4, 5 u 6. Barra minn hekk, dan ta lok għall-allokazzjoni ta’ finanzjament mill-UE biex tiġi appoġġata l-mobilizzazzjoni ta’ teknoloġiji mhux maturi (ara l-paragrafu 56).

31

Skont ir-regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li l-funzjonalità tiġi mobilizzata b’mod sinkronizzat abbażi tal-ambitu ġeografiku, id-dati mmirati u l-partijiet interessati operattivi li huma meħtieġa għall-mobilizzazzjoni tal-funzjonalitajiet tal-ATM23. Aħna sibna li dawn il-kriterji mhumiex suffiċjenti minħabba li ma jiddimostrawx li l-parteċipazzjoni sinkronizzata b’bosta partijiet interessati (mill-ajru għall-art, jew mill-art għall-art, jew it-tnejn li huma) hija meħtieġa biex jitwasslu benefiċċji operattivi. Huma ma jsemmux il-ħtieġa speċifika li jkun hemm azzjoni kkoordinata. Konsegwentement, il-formulazzjoni attwali fir-regolament tkun tippermetti li kwalunkwe funzjonalità essenzjali u matura tikkwalifika biex tiġi inkluża fi proġett komuni.

32

Il-funzjonalitajiet kollha, għajr tnejn, li huma inklużi fil-PCP jeħtieġu s-sinkronizzazzjoni b’bosta partijiet interessati. Madankollu, xi komponenti speċifiċi tal-FA 1 (pereżempju, in-Navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni f'żoni ta' mmanuvrar f'terminals ta' densità għolja) u tal-FA 2 (pereżempju, xbieki ta' sikurezza tal-ajruport), li huma ta’ natura lokali, jeħtieġ li jitfasslu apposta għal ajruporti speċifiċi, u jistgħu jwasslu benefiċċji tal-prestazzjoni anke jekk jiġu mobilizzati biss fuq bażi lokali b’mod independenti minn oħrajn.

33

F’dawn iż-żewġ każijiet, aħna nqisu li l-valur miżjud tal-koordinazzjoni fil-livell tal-UE huwa limitat. Il-mobilizzazzjoni obbligatorja ta’ funzjonalitajiet li ma jeħtiġux is-sinkronizzazzjoni b’bosta partijiet interessati ma tindirizzaz il-“last-mover advantage” u, minħabba f’hekk, jiddgħajjef l-iskop tal-kunċett ta’ proġett komuni.

Il-finanzjament mill-UE, fil-biċċa l-kbira, ma kienx meħtieġ

34

F’din it-taqsima, aħna evalwajna jekk il-finanzjament mill-UE taħt il-PCP kienx intuża biex jiġu mmirati l-benefiċjarji li kienu l-aktar fil-bżonn ta’ proġetti ta’ mobilizzazzjoni għall-modernizzazzjoni tal-ATM. Aħna eżaminajna r-riskju li l-finanzjament mill-UE jitħallas lil benefiċjarji li ma kellhomx bżonnu (“deadweight” - ara l-Kaxxa 4). Analizzajna l-każ inizjali li l-Kummissjoni ressqet għall-finanzjament ta’ proġett, jekk dan il-każ kienx jeżisti fil-prattika, u l-impatt li dan kellu fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment li ttieħdu mill-partijiet interessati.

Kaxxa 4

X’inhuwa d-deadweight fil-finanzjament li jingħata mill-UE

Id-deadweight huwa riskju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE. Huwa jirreferi għall-punt sa fejn benefiċjarju kien jidħol għall-investiment anke fin-nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju mill-UE. Li tingħata għotja, f’każijiet bħal dawn, ikun jikkostitwixxi użu ineffiċjenti tal-baġit tal-UE billi din ma tkunx meħtieġa biex isir l-investiment.

Il-mezz primarju biex jitnaqqas ir-riskju ta’ deadweight huwa li l-appoġġ mill-UE jitfassal b’tali mod li huwa jkun disponibbli biss fejn tkun ġiet identifikata ħtieġa għal intervent pubbliku. Pereżempju, l-appoġġ pubbliku jista’ jkun meħtieġ f’każijiet fejn l-investimenti jkunu innovattivi u jkun diffiċli li jiġi ġġenerat kapital; jew fejn ir-redditi finanzjarji ma jkunux jissodisfaw l-ispejjeż sħaħ tal-investiment, eż. proġett b’benefiċċji prinċipalment ambjentali.

Ir-riskju ta’ deadweight jista’ jiġi mitigat ukoll fil-proċess tal-għażla tal-proġett. L-awtoritajiet aġġudikanti jistgħu jiksbu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ benefiċjarju, kif ukoll dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji projettati għall-investiment – u b’hekk jevalwaw jekk il-proġett ikunx jeħtieġ għotja biex ikun vijabbli.

Il-raġunament inizjali għall-finanzjament ma ssegwiex

35

Jenħtieġ li l-finanzjament mill-UE għall-mobilizzazzjoni jkun limitat għal dak li jkun neċessarju biex: l-investimenti jiġu aċċellerati fin-netwerks Trans-Ewropej; ikunu jistgħu jitwettqu proġetti ta’ interess komuni; jiġu appoġġati proġetti b’valur miżjud Ewropew u benefiċċji sinifikanti għas-soċjetà u li ma jirċevux finanzjament adegwat mis-suq24. Jenħtieġ li dan ikun limitat għall-mitigazzjoni ta’ sitwazzjonijiet fejn l-investiment jiġġenera spejjeż li jkunu ogħla mill-benefiċċji għall-partijiet interessati individwali25.

36

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-2011 dwar il-mekkaniżmi ta’ inċentivi u tmexxija għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR26, il-Kummissjoni qieset li, filwaqt li kien hemm inċentivi b’saħħithom għall-ANSPs sabiex jinvestu minn kmieni fuq teknoloġija ġdida27, ċertu partijiet interessati oħra (jiġifieri l-inġenji tal-ajru militari u statali, l-avjazzjoni ġenerali u l-avjazzjoni kummerċjali) jistgħu ma jarawx l-investiment bħala vantaġġ finanzjarju. Imbagħad, il-Kummissjoni kkonkludiet li “sabiex jitnaqqsu r-riskji relatati mal-każijiet kummerċjali negattivi u tingħata spinta lill-fondi privati, huwa stmat li l-implimentazzjoni tas-SESAR se tkun teħtieġ EUR 3 biljun f’fondi tal-UE matul il-perjodu 2014-2024”.

37

Din l-analiżi tal-Kummissjoni kienet konsistenti mal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM li kien hemm fis-seħħ f’dak iż-żmien, li kien jimponi l-parti l-kbira tar-rekwiżiti ta’ investiment fuq il-partijiet interessati tal-ajru (73 %). Dewmien fl-investimenti tal-partijiet interessati tal-ajru jkun jipperikola l-modernizzazzjoni tal-ATM.

38

Madankollu, dan ir-raġunament li għandu l-għan li jħeġġeġ lill-partijiet interessati tal-ajru biex jinvestu ma ġiex segwit fil-prattika:

  1. Il-PCP li ġie adottat mill-Kummissjoni impona l-parti l-kbira tar-rekwiżiti ta’ investiment fuq il-partijiet interessati tal-art (qrib it-80 %, kif ippreżentat ukoll fil-paragrafu 41 hawn taħt), li huma grupp ta’ partijiet interessati differenti minn dawk li għalihom kienu ġew identifikati ħtiġijiet ta’ finanzjament fil-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM u fil-Komunikazzjoni tal-2011. Dan kien ir-riżultat tal-analiżi li s-SESAR JU kienet wettqet fir-rigward tat-titjib teknoloġiku potenzjali previst fil-Pjan Regolatorju: dan it-titjib li kien tassew lest biex jiġi implimentat u li kien jeħtieġ sinkronizzazzjoni rriżulta li kien jaqa’, fil-biċċa l-kbira, fil-qasam tal-partijiet interessati tal-art.
  2. Minkejja t-tnaqqis sinifikanti fl-investimenti li għalihom tqies li kien meħtieġ finanzjament mill-UE (il-partijiet interessati tal-ajru ma baqgħux mistennija jwettqu l-parti l-kbira tal-investiment, iżda 20 % biss), il-pakkett finanzjarju li kien ġie propost inizjalment ma ġiex rivedut ’l isfel, u r-Regolament dwar l-FNE assenja l-istess ammont ta’ EUR 3 biljun għall-perjodu 2014-2020. Fil-fatt, l-użu bis-sħiħ ta’ dan il-pakkett finanzjarju jkun jimplika li d-destinatarji tiegħu jkunu dawk li għalihom il-ħtieġa kienet sinifikattivament inqas28. Għalhekk, mill-bidu nett, il-finanzjament mill-UE kien suxxettibbli għal riskju għoli ta’ deadweight.
39

L-analiżi tal-għotjiet li ngħataw matul is-sejħiet tal-perjodu 2014-2017 turi li r-riċevituri primarji tal-għotjiet mill-UE kienu l-partijiet interessati tal-art, f’kuntrast qawwi mal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li kienet saret fl-2011 (ara l-Figura 2).

Figura 2 – Distribuzzjoni tal-fondi tal-UE għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR fost il-kategoriji ta’ partijiet interessati (f’EUR miljun u f’% tat-total li ngħata fil-perjodu 2014-2017)

Sors: Kalkolu mwettaq mill-QEA, ibbażat fuq l-għotjiet li ngħataw fil-perjodu 2014-2017.

L-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għall-PCP kien fiha n-nuqqasijiet

40

Ir-regolamenti tal-UE29 jirrikjedu li l-proġetti komuni jkunu akkumpanjati minn Analiżi tal-Ispejjeż Imqabbla mal-Benefiċċji (ASB). Jenħtieġ li din l-analiżi, fost l-oħrajn, tidentifika l-impatti pożittivi jew negattivi potenzjali għall-kategoriji speċifiċi ta’ partijiet interessati operattivi, u tintuża għall-modulazzjoni ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja li tingħata taħt l-FNE għal kull proġett.

41

L-ASB li akkumpanjat il-proġett pilota komuni tħejjiet mis-SESAR JU u ġiet inkluża fil-proposta ġenerali tagħha. Aħna analizzajna s-suppożizzjonijiet u r-riżultati ġenerali tagħha. L-ASB tkopri l-perjodu 2014-2030 u tippreżenta riżultat nett ġenerali pożittiv ta’ EUR 2.4 biljun, distribwiti b’mod mhux indaqs fost il-partijiet interessati: l-utenti tal-ispazju tal-ajru huma mistennija jkunu l-benefiċjarji ewlenin tal-implimentazzjoni tal-PCP, minkejja li huma meħtieġu jagħmlu investimenti relattivament żgħar (EUR 0.6 biljun). Mill-banda l-oħra, il-partijiet interessati tal-art huma meħtieġa jagħmlu l-biċċa l-kbira mill-investimenti (EUR 3 biljun jew 80 % tat-total ta’ EUR 3.8 biljun stmati mill-ASB) u huma mistennija li jagħmlu telf fuq l-investiment. L-ASB turi wkoll li s-sitt funzjonalitajiet għamlu kontribuzzjonijiet differenti (ara l-Figura 3).

Figura 3 – Id-diversi impatti mistennija tal-PCP

Sors: Analiżi tal-QEA, ibbażata fuq is-SESAR JU, Proposta dwar il-kontenut ta’ Proġett Pilota Komuni (2013).

42

Aħna analizzajna l-ASB u sibna li fiha nuqqas fundamentali minħabba li assumiet li l-ispejjeż u l-benefiċċji ma ġewx ittrasferiti fost il-partijiet interessati. Dan mhuwiex korrett, minabba li l-ANSPs jistgħu jirkupraw, mill-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ispejjeż tal-investimenti f’konformità mar-Regolament dwar l-iskema ta’ imposti. Ir-regolament jippermetti lill-ANSPs jiddebitaw lill-utenti għal dawn l-investimenti, b’mod partikolari jekk ikunu konsistenti mal-Pjan Regolatorju għall-ATM u implimentati permezz ta’ proġetti komuni bħalma huwa l-PCP30.

43

In-nuqqas ta’ inklużjoni tad-dħul iġġenerat mill-ANSPs permezz tal-iskema ta’ imposti jwassal għal każ kummerċjali negattiv għalihom (ta’ EUR 440 miljun kif jidher fil-Figura 3 hawn fuq) li mhuwiex f’konformità mar-realtà31. Għall-kuntrarju, billi l-utenti tal-ispazju tal-ajru se jkollhom iħallsu għal dawn l-istess investimenti, il-benefiċċju stmat tagħhom huwa ddikjarat b’mod eċċessiv. Konklużjoni simili tista’ tinsilet għall-bqija tal-partijiet interessati tal-art, anke jekk il-mekkaniżmi ta’ trażmissjoni jkunu differenti. Sitwazzjoni bħal din taffettwa b’mod avvers l-użu li jista’ jsir mill-ASB kemm f’termini ta’ ggwidar tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-partijiet interessati kif ukoll fil-valutazzjoni tal-ħtieġa u tal-valur miżjud tal-finanzjament li l-UE tagħtihom bħala appoġġ.

Il-maġġoranza tal-proġetti awditjati ma kinux jeħtieġu finanzjament mill-UE

44

Aħna eżaminajna jekk il-finanzjament li ngħata mill-UE kienx irnexxielu jallinja l-imġiba tal-partijiet interessati mal-intenzjonijiet tal-politika tal-UE dwar il-modernizzazzjoni tal-ATM. Notevolment, jenħtieġ li dan jiskatta deċiżjonijiet ta’ investiment f’konformità mal-Pjan Regolatorju għall-ATM u, b’mod partikolari, mal-Proġett Pilota Komuni.

45

L-analiżi tagħna turi li l-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet ta’ investiment li ttieħdu mill-parti interessata awditjata ma kinux immexxija jew skattati mill-finanzjament li ngħata mill-UE, u dan jikkonferma l-preżenza ta’ deadweight. Għal 9 mill-14-il proġett ikkampjunat li ġew assoċjati mal-PCP, kienet ittieħdet deċiżjoni jew saħansitra tniedu qabel ma sar ir-regolament. Barra minn hekk, għal 13 mit-total ta’ 17-il proġett li kienu ġew ikkampjunati mill-awditu, ittieħdet deċiżjoni qabel ma ħarġet id-deċiżjoni li tat il-kofinanzjament. Aħna nosservaw ukoll li t-test tas-sejħa tal-2014 taħt l-FNE jagħti prijorità b’mod espliċitu lil dawk l-applikazzjonijiet li kienu relatati ma’ investimenti li diġà kienu bdew.

46

Fil-proġetti kkampjunati kollha li ġew esegwiti mill-ANSPs (total ta’ EUR 159 miljun mogħtija f’finanzjament mill-UE), l-istess investimenti kienu ġew inklużi fil-pjanijiet tal-prestazzjoni rispettivi tagħhom u wara ġew iddebitati lill-utenti tal-ispazju tal-ajru32. Dan jiġġenera sitwazzjoni fejn jista’ jingħata finanzjament doppju, minħabba li għalkemm l-ANSPs jirkupraw għalkollox l-ispejjeż tal-investiment tagħhom mill-utenti tal-ispazju tal-ajru permezz tal-imposti tan-navigazzjoni miftiehma, huma mbagħad jirċievu għotja tal-UE li żżid mad-dħul tagħhom u tkompli tikkumpensahom għall-istess investiment.

47

L-iskema ta’ imposti tfittex li timmitiga dawn l-elementi ta’ finanzjament doppju billi tirrikjedi lill-ANSPs biex inaqqsu s-sussidju mill-imposti tan-navigazzjoni applikabbli għall-utenti tal-ispazju tal-ajru. Madankollu, it-tnaqqis għad mhux qed jiġi applikat b’mod konsistenti fost l-ANSPs: mill-ħames ANSPs li ġew ikkampjunati mill-awditu, wieħed biss qed inaqqas is-sussidju gradwalment.

48

Anke jekk it-tnaqqis kien jiġi applikat b’mod effettiv, fl-aħħar mill-aħħar dan kien jirriżulta fit-trasferiment tal-għotja lill-utenti, u dan l-eżitu ma jaqdi l-ebda objettiv tal-politika li dwaru jkun intlaħaq qbil. Barra minn hekk, skont l-ASB tal-PCP, l-utenti tal-ispazju tal-ajru diġà huma l-benefiċjarji uniċi tal-mobilizzazzjoni tal-PCP, permezz ta’ sistema ATM li taħdem aħjar. Mhuwiex ġustifikat li ma’ dan il-benefiċċju jiżdied kumpens finanzjarju fil-forma ta’ tnaqqis fl-imposti tan-navigazzjoni li jitħallsu mill-baġit tal-UE, speċjalment billi dan isir irrispettivament mil-livell ta’ konformità tal-utenti tal-ispazju tal-ajru mar-rekwiżiti tal-PCP.

Dgħufijiet fl-implimentazzjoni jnaqqsu aktar l-effettività tal-finanzjament mogħti mill-UE

49

F’din it-taqsima, aħna evalwajna jekk il-finanzjament li ngħata mill-UE kienx ġie mmaniġġjat b’mod li jiżgura l-użu adegwat tar-riżorsi tal-UE. Aħna eżaminajna s-sejħiet għal proposti li l-INEA niedet mill-2014 sal-2017, u l-proċess tal-għażla li tmexxa mill-Kummissjoni. Aħna evalwajna jekk is-sejħiet għal proposti kinux stabbilew prijoritajiet ċari, jekk l-applikazzjonijiet ġewx miġbura flimkien biex l-investimenti jiġu kkoordinati bl-aħjar mod possibbli, u jekk il-proċess kienx ħieles minn kunflitt potenzjali ta’ interess.

Il-finanzjament mogħti mill-UE ma ġiex prijoritizzat b’mod adegwat

50

Aħna sibna nuqqas ta’ prijoritizzazzjoni adegwata:

  1. Is-sejħiet taħt l-FNE għall-2014 u l-2015 ma stabbilewx prijoritajiet speċifiċi għall-finanzjament, ħlief għal referenza għall-PCP. Barra minn hekk, is-sejħiet tniedu mingħajr l-approvazzjoni ta’ programm tal-mobilizzazzjoni, li jkun jiddeskrivi fid-dettall dak li huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-PCP. Minkejja dan, dawn iż-żewġ sejħiet taw aktar minn EUR 1 000 000 000  (jew 64 % tat-total tal-finanzjament li l-UE tat lis-SESAR bejn l-2014 u l-2017 – ara l-Figura 4).
  2. Figura 4 – Ammonti li ngħataw għal kull sejħa taħt l-FNE (f’EUR miljun)

    Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA).

  3. Fin-nuqqas ta’ prijoritizzazzjoni speċifika, il-finanzjament mill-UE ġie allokat de facto għal proġetti kbar ta’ tiġdid tas-sistema ATM li diġà kienu fir-repertorju ta’ investiment u lesti biex jiġu implimentati. Ħames ANSPs kbar irċevew 53 % tal-finanzjament li ngħata fis-sejħiet tal-perjodu 2014-2015.
  4. Mill-2016 ’il quddiem, is-sejħiet għal proposti stabbilew prijoritajiet speċifiċi. Madankollu, aħna osservajna li xi prijoritajiet irreferew għal elementi li jinsabu barra mill-ambitu tal-PCP33. B’mod ġenerali, bejn l-2014 u d-data ta’ dan ir-rapport, l-għotjiet li ngħataw għal proġetti bħal dawn ammontaw għal EUR 141 miljun.
51

Barra minn hekk, is-sejħiet kollha rriżervaw madwar 20 % tal-finanzjament disponibbli għall-hekk imsejħa “proġetti oħra”, li ġew identifikati bħala li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew iżda li jinsabu barra mill-ambitu tal-PCP. Madwar EUR 290 miljun ingħataw għal proġetti li kienu jaqgħu taħt din il-kategorija fis-sejħiet tal-perjodu 2014-2017. Minħabba li ma hemmx rekwiżit li jirrikjedi azzjoni kkoordinata għal proġett komuni, l-appoġġ li ngħata mill-UE għal din il-kategorija ta’ proġetti għandu effettività limitata f’dak li jirrigwarda l-indirizzar tal-frammentazzjoni.

52

In-nuqqas ta’ prijoritajiet speċifiċi naqqas l-effettività tal-finanzjament li ngħata mill-UE. Il-fatt li dan kien il-każ għall-ewwel sentejn huwa partikolarment serju, minħabba li dan huwa l-perjodu li matulu ngħataw l-akbar ammonti ta’ finanzjament. Dan fisser li l-finanzjament ma ntużax biex jiġu mmirati dawk l-investimenti li kienu l-aktar kritiċi għall-implimentazzjoni tal-PCP.

Ir-raggruppament tal-applikazzjonijiet għal finanzjament ma għenx biex il-proġetti jiġu sinkronizzati b’mod effettiv u biex l-applikazzjonijiet jiġu evalwati b’mod xieraq

53

Il-finanzjament mill-UE huwa intenzjonat biex jappoġġa s-sinkronizzazzjoni effiċjenti u l-koordinazzjoni ġenerali tal-proġetti ta’ implimentazzjoni u tal-investimenti relatati f’konformità mal-Programm tal-Mobilizzazzjoni (ara l-Kaxxa 5), li huwa żviluppat mill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni u approvat mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tal-proġetti relatati mal-PCP tivvaluta l-ħtieġa tagħhom għal sinkronizzazzjoni, il-potenzjal li jtejbu l-prestazzjoni tan-netwerk tagħhom, u l-mod kif ikopru lakuni reali relatati mal-Programm tal-Mobilizzazzjoni.

Kaxxa 5

Is-sinkronizzazzjoni kif deskritta fil-Programm tal-Mobilizzazzjoni

Il-Programm tal-Mobilizzazzjoni huwa komponent kruċjali tal-qafas tat-tmexxija stabbilit għall-mobilizzazzjoni tal-proġetti komuni. Huwa organizzat f’erba’ livelli: il-funzjonalitajiet tal-ATM (il-livell 1) u s-sottofunzjonalitajiet tal-ATM (il-livell 2) kif deskritt fil-PCP; l-implimentazzjoni tar-raggruppamenti jew tal-familji (il-livell 3) li jaggregaw proġetti lokali ta’ implimentazzjoni (il-livell 4).

Ix-xogħol ta’ koordinazzjoni mwettaq mill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni fil-livell 3 huwa fundamentali fid-dawl tal-prinċipju globali sottostanti għal proġett komuni. Ir-raggruppamenti huma ddefiniti bħala inizjattivi kampjun/ta’ implimentazzjoni li taħthom jiġu miġbura flimkien proġetti lokali ta’ implimentazzjoni li jkunu jeħtieġu koordinazzjoni/sinkronizzazzjoni fil-livell lokali jew reġjonali u/jew li jkunu jaqdu l-istess (parti minn) Sottofunzjonalità34.

Aktar dettalji dwar il-Programm tal-Mobilizzazzjoni huma pprovduti fl-Anness I.

54

Kull sejħa għal proposti mnedija mill-INEA tiddikjara b’mod speċifiku li l-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni għandu jagħmilha ta’ koordinatur għall-proġetti. L-applikanti għall-proġetti komuni jridu jikkoordinaw l-applikazzjonijiet tagħhom mal-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni li huwa meħtieġ iwettaq skrinjar biex jivvaluta r-rilevanza tagħhom mal-proġett komuni. Fil-prattika, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni jirċievi l-applikazzjonijiet individwali għal proġetti, jiġborhom flimkien u jibgħat l-applikazzjonijiet raggruppati lill-INEA għal finanzjament.

55

B’mod speċifiku, aħna sibna li għalkemm ir-raggruppament seta’ jintuża wkoll għall-koordinazzjoni teknika, huwa ma ntużax għal dan l-iskop fil-kuntest ta’ finanzjament tal-proġett komuni:

  1. Għalkemm l-applikazzjonijiet għal proġetti jiġu organizzati f'raggruppamenti skont il-funzjonalità inkluża fil-PCP, il-proġetti individwali ma ġewx ikkoordinati u ma kienx hemm kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet interessati waqt l-implimentazzjoni tal-istess proġetti. Minflok, l-aggregazzjoni tal-proġetti individwali f’raggruppamenti kienet motivata minn kunsiderazzjonijiet amministrattivi: it-twaqqit (dati ppjanati għall-bidu u għat-tmiem) u r-rati ta’ finanzjament għall-pajjiżi tal-koeżjoni u dawk mhux tal-koeżjoni.
  2. Minkejja l-fatt li kienu miġbura flimkien f’raggruppamenti, aktar minn 70 % tal-proġetti kofinanzjati sal-ġurnata tal-lum kienu ġew implimentati minn partijiet interessati uniċi. Dan jikkonferma li, fil-biċċa l-kbira, il-finanzjament li jingħata mill-UE mhuwiex qed jintuża għall-promozzjoni ta’ azzjoni kkoordinata fejn din tkun meħtieġa.
  3. Xi kunċetti operattivi fi ħdan il-PCP li, fil-prinċipju, ikunu jibbenefikaw minn mobilizzazzjoni sinkronizzata ġew fil-fatt implimentati addirittura b’mod separat mill-partijiet interessati rilevanti. Eżempju ta’ dan jinsab fl-implimentazzjoni tal-FA 3-Spazju tal-Ajru b’Rotot Liberi li, fil-prinċipju, tirrikjedi azzjoni kkoordinata kemm mill-ANSPs kif ukoll mill-utenti tal-ispazju tal-ajru. Madankollu, l-awditu żvela li dawn il-partijiet interessati qed jimplimentaw din il-funzjonalità f’raggruppamenti separati, bi skedi ta’ żmien differenti. Dan qed iwassal għal ineffiċjenzi u għal perjodi ta’ implimentazzjoni mtawla.
56

Barra minn hekk, aħna sibna li l-applikazzjonijiet raggruppati jinkludu għadd kbir ta’ proġetti individwali ta’ implimentazzjoni (sa 104 f’każ minnhom) u li għandhom ambitu wiesa’ li jkopri l-firxa sħiħa ta’ funzjonalitajiet u sottofunzjonalitajiet deskritti fil-PCP. Sibna li, filwaqt li dawn jikkonformaw mal-mudelli tal-INEA, huma jippreżentaw l-informazzjoni kruċjali fil-qosor. Dan kien ifisser li l-INEA ma setgħetx teżamina bir-reqqa r-rilevanza u l-impatt tal-applikazzjonijiet:

  1. L-ANSPs kollha li ġew ikkampjunati bagħtu proġetti li, filwaqt li jiddikjaraw li jindirizzaw funzjonalità speċifika tal-PCP, proprjament ikopru t-tiġdid tas-sistemi ATM tagħhom kollha kemm huma. Madankollu, l-informazzjoni li ġiet fornuta lill-INEA ma tippermettix identifikazzjoni adegwata tal-ispiża li tikkorrispondi għall-funzjonalità speċifika tal-PCP li kienet qed fil-mira. B’mod kumplessiv, fil-kuntest tas-sejħiet tal-perjodu 2014-2017, l-ammont ta’ finanzjament li ngħata mill-UE għal titjib fis-sistemi ATM kien kważi ta’ EUR 500 miljun, madwar 30 % tat-total ta’ għotjiet li ngħataw sal-ġurnata tal-lum.
  2. L-analiżijiet tal-kosteffettività (AtK), li huma meħtieġa mis-sejħiet taħt l-INEA, jiġu ppreżentati b’mod raggruppat u mhux għal kull proposta individwali ta’ proġett. Effettivament, dan jipprevieni lill-INEA milli tivvaluta l-allinjament ta’ proġett mal-ASB tal-PCP. Barra minn hekk, l-awditu tagħna identifika punteġġi pervażivi baxxi fl-AtK, li jindika li l-proporzjon kostijiet-benefiċċji tal-proġetti li għalihom kien qed jintalab li jingħata kofinanzjament mill-UE kien sinifikattivament agħar minn dak inkluż fl-ASB tal-PCP.
  3. Aħna sibna bosta każijiet (8 minn 17) fejn il-kontenut tal-proġetti kien parzjalment jew kompletament barra mill-ambitu tal-PCP. F’żewġ każijiet, il-proġetti ffinanzjati ddikjaraw li huma jappoġġaw il-mobilizzazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-titjiriet, funzjonalità li ma kinitx lesta biex tiġi implimentata.
57

Fil-fehma tagħna, dawn id-dgħufijiet jiddimostraw li r-raggruppament immina l-objettiv ewlieni tas-SESAR relatat mal-mobilizzazzjoni sinkronizzata. Il-proġetti ġew miġbura flimkien għal raġunijiet amministrattivi, aktar milli biex jiġu raggruppati bosta partijiet interessati bl-għan li tinkiseb sinkronizzazzjoni operattiva. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li ssir evalwazzjoni adegwata tal-proposti mingħajr tfixkil minħabba d-daqs, l-eteroġeneità u n-nuqqas ta’ trasparenza fi ħdan ir-raggruppamenti.

Ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess ma jiġix mitigat b’mod suffiċjenti

58

Ir-regolament finanzjarju tal-UE jirrikjedi li l-atturi finanzjarji u persuni oħra involuti fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit, l-awditu jew il-kontroll ma għandhom jieħdu ebda azzjoni li tista’ ġġib l-interessi tagħhom f’kunflitt ma’ dawk tal-Unjoni35. Minbarra dan, ir-Regolament dwar id-definizzjoni ta’ proġetti komuni jagħti r-responsabbiltà lill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni li jiżgura ġestjoni effettiva tar-riskji u l-kunflitt ta’ interess36.

59

Kif ġie deskritt fil-paragrafu 54, ir-regoli stabbiliti mill-INEA jiddikjaraw li l-applikanti għall-finanzjament ta’ proġetti li jimplimentaw il-PCP iridu jikkoordinaw il-proposti tagħhom mal-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni li mbagħad iwettaq skrinjar ta’ dawn l-applikazzjonijiet individwali għal proġetti. Fil-prattika, l-MM ta wkoll l-appoġġ tiegħu għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet, u rraggruppahom u bagħathom lill-INEA għal finanzjament.

60

L-Alleanza għall-Mobilizzazzjoni tas-SESAR, li tagixxi bħala Maniġment tal-Mobilizzazzjoni, hija konsorzju magħmul minn xi wħud mill-partijiet interessati tal-ATM, iżda mhux kollha. Il-membri nfushom huma benefiċjarji tal-finanzjament u jissekondaw membri tal-persunal biex jesegwixxu l-kompiti tal-MM – notevolment l-iskrinjar tal-proġetti proprji tagħhom biex tiġi vverifikata r-rilevanza tagħhom għall-PCP. Aħna nqisu li dan il-qafas jiġġenera kunflitt potenzjali ta’ interess fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ finanzjament li jingħata mill-UE. Dan il-kunflitt ta’ interess potenzjali ma ġiex mitigat b’mod suffiċjenti.

  1. L-ebda dokument formali ma jattribwixxi lill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni r-responsabbiltà li jibgħat l-applikazzjonijiet raggruppati, jew ma jiddeskrivi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’dan il-proċess. Li hemm partikolarment f’riskju hija l-attività ta’ skrinjar tal-applikazzjonijiet individwali, fejn ma hemm l-ebda aċċertament ta’ indipendenza bejn l-applikant u l-membri tal-persunal tal-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni li jwettqu l-iskrinjar.
  2. Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni ma jiddokumentax b’mod suffiċjenti l-interazzjonijiet li jsiru mal-applikanti waqt it-tħejjija tal-applikazzjonijiet raggruppati. B’mod partikolari, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni ma jżommx rekord komplet tal-kuntatti li jsiru mal-partijiet interessati kkonċernati, l-azzjonijiet ta’ segwitu u r-raġunament tagħhom. Dan jillimita l-possibbiltà li jiġi traċċat il-proċess mill-proposti inizjali ta’ proġetti sal-kompożizzjoni finali tal-applikazzjonijiet raggruppati (ara l-Kaxxa 6).
  3. Sabiex l-allokazzjoni tal-fondi tiġi ottimizzata f’kuntest ta’ sejħiet li jirċievu għadd eċċessiv ta’ applikazzjonijiet, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni ta parir lill-applikanti ta’ proġetti kbar ta' investiment biex jaqsmuhom f’fażijiet mifruxa fuq bosta sejħiet. Skont l-ambitu tal-proġetti u l-fażijiet tagħhom, dan il-qsim effettivament jimmodifika l-allokazzjoni finali tal-finanzjament għal kull wieħed minnhom.
  4. Fis-sejħa tal-2015, il-fatt li xi applikanti rtiraw l-applikazzjoni tagħhom wara li ngħataw il-finanzjament, u qabel l-iffirmar tal-ftehimiet ta' għotja, wassal lill-INEA biex tiddistribwixxi mill-ġdid il-fondi li kienu saru disponibbli permezz ta’ dan l-irtirar. Madankollu din id-distribuzzjoni mill-ġdid segwiet proposta speċifika li kienet ġiet ipprovduta mill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni. Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar il-Kummissjoni tat il-qbil tagħha fir-rigward tiegħu, dan il-proċess ma kellux kriterji trasparenti u minnu gawdew għadd limitat ta’ proġetti.

Kaxxa 6

Eżempju ta’ trasparenza insuffiċjenti

Fis-sejħa tal-2015, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni rċieva 318-il sejħa individwali, iżda 108 minnhom ma nżammux fir-raggruppamenti li ntbagħtu finalment lill-INEA. Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni ma jżommx rekord sistematiku tar-raġunijiet ta’ bażi għat-tneħħija tagħhom, u ma setax jipprovdi rikonċiljazzjoni bejn il-proposti li ġew riċevuti u dawk li nżammu. In-nuqqas ta’ rekord sistematiku huwa ta’ detriment għat-trasparenza tal-proċess ta’ raggruppament.

Fl-istess sejħa, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni ħoloq ukoll gruppi prijoritarji fost il-proposti li nżammu, skont kriterji li kienu tfasslu mill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni nnifsu u mhux mill-INEA fis-sejħa għal proposti tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, dan irriżulta f’rati differenti ta’ kofinanzjament għall-proġetti, anke jekk l-istess funzjonalitajiet tal-PCP kienu qed jiġu indirizzati.

It-titjib fl-ATM Ewropea għad irid jiġi ddimostrat

61

F’din it-taqsima, aħna evalwajna jekk l-intervent mill-UE tassew jikkontribwix għat-titjib tal-prestazzjoni tal-ATM Ewropea. Aħna analizzajna l-progress li nkiseb sa issa fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tal-PCP, kemm f’termini tal-outputs li fil-fatt ġew mobilizzati f’ambjent operattiv reali kif ukoll f’termini tal-benefiċċji tal-prestazzjoni li twasslu għas-sistema ATM. Għal din il-fini, aħna evalwajna jekk l-implimentazzjoni tal-PCP tinsabx fit-triq it-tajba f’dak li jirrigwarda d-dati ta' skadenza regolatorji, u jekk hemmx kisbiet reali fil-prestazzjoni li qed jinqabdu mis-sistema ta’ monitoraġġ.

Il-mobilizzazzjoni għadha għaddejja, iżda r-riskju ta’ dewmien qed jiżdied

62

Il-PCP jistabbilixxi dati ta' skadenza li jvarjaw bejn l-2018 u l-2026 għall-mobilizzazzjoni sħiħa tas-sitt funzjonalitajiet tiegħu (ara t-Tabella 2 hawn fuq). Minbarra data ta' skadenza għall-ikkompletar, kull ftehim ta' għotja jiddefinixxi l-outputs mistennija ta’ kull proġett ta’ implimentazzjoni.

63

B’kollox, hemm 30 % tal-komponenti tal-PCP li għadhom ma ġewx ippjanati jew inkella qed jiġu ppjanati (ara l-Kaxxa 7). Dawn huma relatati prinċipalment mal-Funzjonalitajiet 4, 5 u 6 tal-ATM, fejn xi wħud mit-teknoloġiji meħtieġa għall-implimentazzjoni għadhom mhumiex lesti biex jiġu mobilizzati. Il-Pjan għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni jidentifika dawn ir-riskji b’mod ripetut. Din il-konsegwenza hija parzjalment dovuta għan-nuqqas ta’ maturità tat-teknoloġiji u l-kunċetti meħtieġa deskritti fil-paragrafu 28, u jista’ jkollha impatt negattiv fuq ir-rispett tad-dati ta' skadenza tal-PCP.

Kaxxa 7

Implimentazzjoni tal-Proġett Pilota Komuni

Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-PCP. Għal dan il-għan, huwa jiġbor u jippubblika informazzjoni dwar lakuni li jkun hemm fl-implimentazzjoni.

Sa Lulju 2018, il-progress tal-mobilizzazzjoni tal-PCP, imkejjel permezz ta’ dawk li huma teknikament magħrufa bħala lakuni fl-implimentazzjoni37, kien kif ġej:

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data mill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR, Monitoring View 2018 (Ħarsa lejn il-Monitoraġġ għall-2018).

64

Xi wħud mill-proġetti li diġà tniedu qed jiffaċċjaw dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom. Il-kampjun tagħna wera li 3 mis-6 proġetti kkompletati kellhom dewmien li kien jilħaq it-12-il xahar wara d-data oriġinali tat-tmiem38. It-talba li l-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni għamel lill-INEA biex id-data tal-ikkompletar ta’ 18-il proġett tiġi estiża bi 12-il xahar tikkonferma l-iskala usa’ ta’ din is-sitwazzjoni39.

65

Taħt il-PCP, b’kollox tniedu 299 proġett ta’ implimentazzjoni b’riżultat tas-sejħiet tal-2014, l-2015 u l-2016. Fir-rapport ta’ monitoraġġ tiegħu ta’ Ġunju 201840, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni ħabbar li 72 minn dawn il-299 kienu ġew ikkompletati. Madankollu, aħna nosservaw li 24 minn dawn it-72 proġett ma jirrappreżentawx soluzzjoni operattiva li diġà ġiet mobilizzata, iżda jirrappreżentaw minflok studji, faċilitaturi jew proġetti relatati mas-sikurezza.

Il-monitoraġġ effettiv tal-mobilizzazzjoni qed jiffaċċja ċertu sfidi

66

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni, timmonitorja l-mobilizzazzjoni tas-SESAR fir-rigward tal-impatt fuq il-prestazzjoni tal-ATM. Jeħtieġ li jkun hemm evidenza li l-proġetti ta’ implimentazzjoni finalizzati kkontribwew għat-titjib fil-prestazzjoni tal-ATM, skont l-aspettattivi stabbiliti fil-Pjan Regolatorju għall-ATM, l-ASB tal-PCP, il-Programm tal-Mobilizzazzjoni u l-applikazzjoni għall-proġetti.

67

L-INEA hija inkarigata mill-monitoraġġ tal-progress tal-proġetti kollha li huma kofinanzjati permezz tal-FNE. Madankollu, mingħajr mandat ċar biex timmonitorja l-prestazzjoni, l-INEA tiffoka fuq l-outputs tal-proġetti, aktar milli fuq ir-riżultati.

68

Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni huwa responsabbli mill-monitoraġġ tal-PCP (ara l-paragrafu 12). Aħna sibna bosta sfidi f’dan il-proċess:

  1. Il-partijiet interessati operattivi li jkunu qed jimmobilizzaw il-PCP jinfurmaw lill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni, fuq bażi regolari. Madankollu, din l-informazzjoni ma tiġix verifikata b’mod indipendenti. Barra minn hekk, huma biss ir-riċevituri tal-għotjiet tal-UE li huma marbuta b’kuntratt biex jipprovdu din l-informazzjoni, u b’hekk il-monitoraġġ sħiħ tal-PCP jiddependi mir-rappurtar volontarju li jsir minn oħrajn41.
  2. Il-kejl tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-PCP jipprovdi stampa kwantitattiva (ara l-Kaxxa 7) li, għal darb’oħra, tiffoka fuq l-outputs mobilizzati. Għaldaqstant huwa ma jirreferix għat-twassil tal-benefiċċji tal-prestazzjoni tal-ATM għall-partijiet interessati operattivi jew għan-netwerk fl-intier tiegħu. Fi ħdan il-kampjun tagħna ta’ proġetti kkompletati, aħna sibna nuqqas ta’ kejl tar-riżultati reali tal-prestazzjoni42.
  3. Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni għadu qed jiżviluppa metodoloġija soda għall-kejl tar-riżultati reali tal-proġetti, kif ukoll it-tqabbil tagħhom mal-aspettattivi oriġinali (ASB tal-PCP) u l-kontribut tagħhom għall-ilħuq tal-miri fil-pjanijiet tal-prestazzjoni43. Mingħajr dawn l-għodod, ma hemm l-ebda aċċertament li l-benefiċċji mistennija qed jimmaterjalizzaw, b’mod partikolari, għall-utenti tal-ispazju tal-ajru.
69

B’riżultat tas-sitwazzjoni deskritta hawn fuq, għad ma hemmx evidenza suffiċjenti biex jiġi ddimostrat il-kontribut li l-PCP, u l-proġetti ta’ implimentazzjoni ffinanzjati mill-UE, jagħtu għall-prestazzjoni tal-ATM f’ambjent operattiv reali. 

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

70

Il-forniment frammentat ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn l-ajruporti, l-ANSPs, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, u l-Maniġer tan-Netwerk wassal lill-UE biex tappoġġa l-mobilizzazzjoni ta’ teknoloġiji u proċeduri operattivi ġodda tal-ATM. Mill-2014 ’ il hawn, l-UE kienet qed tuża żewġ strumenti ewlenin biex tindirizza dan is-sors ta’ tħassib: regolament li permezz tiegħu ċertu investimenti kkoordinati (proġetti komuni) isiru obbligatorji; u finanzjament mill-baġit tal-UE biex dawn jiġu appoġġati. F’dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk dawn l-istrumenti kinux ġustifikati u implimentati tajjeb, u jekk kinux tejbu l-prestazzjoni tal-ATM Ewropea.

71

Aħna kkonkludejna li l-intervent regolatorju li sar mill-UE fil-forma ta’ proġetti komuni pprovda valur miżjud, għalkemm l-ewwel applikazzjoni ta’ dan il-kunċett – il-Proġett Pilota Komuni – ma kellhiex dispożizzjonijiet ta’ infurzar adegwati u kienet tinkludi funzjonalitajiet li ma kinux jissodisfaw il-kriterji neċessarji għall-għażla. Sibna wkoll li, fil-biċċa l-kbira, il-finanzjament li ngħata mill-UE bħala appoġġ għall-modernizzazzjoni tal-ATM ma kienx meħtieġ, u li l-ġestjoni tal-finanzjament hija affettwata minn xi nuqqasijiet.

72

Il-kunċett ta’ proġetti komuni jippromwovi investimenti kkoordinati. Madankollu, l-ewwel applikazzjoni tiegħu – il-Proġett Pilota Komuni – inkluda bi żball xi funzjonalitajiet li mhumiex maturi u/jew li ma jeħtiġux il-mobilizzazzjoni sinkronizzata b’bosta partijiet interessati biex jitwasslu l-benefiċċji intenzjonati. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ penali fil-każ ta’ nuqqas ta' konformità jdgħajjef parzjalment l-effettività tiegħu (ara l-paragrafi 18 sa 33).

Rakkomandazzjoni 1 – Isir titjib fil-fokus ta’ proġetti komuni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-fokus ta’ proġetti komuni billi tispeċifika kriterji aktar preċiżi għas-sinkronizzazzjoni, u billi tapplika b’mod strett il-kriterji għall-maturità, meta tkun qed tagħżel funzjonalitajiet li għalihom irid jingħata mandat biex jiġu mobilizzati b’mod ikkoordinat. Jenħtieġ li l-PCP jiġu rriveduti kif meħtieġ.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi rinforzata l-effettività ta’ Proġetti Komuni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel proposti biex tirrinforza l-effettività ta’ Proġetti Komuni billi ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ infurzar tagħhom. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, li ssir obbligatorja s-sistema ta’ modulazzjoni ta’ imposti, applikabbli kemm għall-partijiet interessati tal-art kif ukoll għal dawk tal-ajru, li attwalment hija prevista b’mod volontarju fir-Regolament dwar l-iskema ta’ imposti. Jenħtieġ li din il-mobilizzazzjoni tinkludi imposti tan-navigazzjoni li jkunu aktar favorevoli għal dawk li jieħdu azzjoni bikrija fil-mobilizzazzjoni tal-proġetti komuni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2020

73

Il-ħtieġa għal għotjiet mill-FNE, għat-twettiq tal-mobilizzazzjoni, ma ġietx iddimostrata b’mod adegwat u dan irriżulta biex il-finanzjament jingħata lil proġetti li setgħu jitwettqu anke mingħajr l-appoġġ tal-UE. Oriġinarjament, ir-raġunament kien li l-appoġġ tal-UE jkun meħtieġ biex jikkumpensa għal telf finanzjarju li jkun iġġarrab minħabba l-mobilizzazzjoni u minħabba diffikultajiet ta’ aċċess għall-kapital mis-swieq finanzjarji; madankollu dawn il-fatturi kellhom impatt limitat. Il-finanzjament mill-UE twassal primarjament lil partijiet interessati tal-art li kienu diġà ddeċidew li jagħmlu dawn l-investimenti, u li qed jgħaddu l-imposti li jsirulhom lill-utenti tal-ispazju tal-ajru fil-kuntest tal-kummerċ regolari tagħhom. Dan irriżulta f’sitwazzjoni fejn l-investituri jirċievu għotjiet għal assi u jirkupraw ukoll l-ispiża tal-investimenti tagħhom billi jiddebitaw imposti lill-utenti (ara l-paragrafi 34 sa 48).

Rakkomandazzjoni 3 – Issir reviżjoni tal-appoġġ finanzjarju li l-UE tagħti għall-ATM

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmira aħjar l-appoġġ finanzjarju li jingħata mill-UE għall-modernizzazzjoni tal-ATM:

  1. Fil-qafas attwali (2014-2020), jenħtieġ li l-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet jiġi limitat:
    • għaż-żamma u l-monitoraġġ tal-programm tal-mobilizzazzjoni, inklużi l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni teknika;
    • biex jikkumpensa lill-partijiet interessati għal każijiet kummerċjali negattivi fil-mobilizzazzjoni ta’ proġetti li jimplimentaw funzjonalitajiet maturi u essenzjali u li jeħtieġu l-involviment sinkronizzat b’bosta partijiet interessati.

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: applikabbli għal sejħiet għal proposti mill-2019 ’il quddiem

  2. Fuq terminu itwal, jekk il-baġit tal-UE jkompli jiffinanzja din il-mobilizzazzjoni barra mill-qafas finanzjarju attwali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistipula b’mod adegwat l-objettivi li l-finanzjament huwa intenzjonat li jilħaq kif ukoll l-iskeda ta’ żmien għall-ilħuq tagħhom.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

74

Nuqqasijiet addizzjonali fl-implimentazzjoni reali tal-iskema ta’ finanzjament dgħajfu aktar l-effettività tagħha (ara l-paragrafi 49 sa 60):

  1. Fis-sejħiet tal-2014 u tal-2015, ingħata ammont sostanzjali ta’ fondi mingħajr ma ġew stabbiliti u applikati prijoritajiet ċari.
  2. Minkejja l-objettiv globali li jiġu żgurati investimenti kkoordinati, il-proġetti ffinanzjati mill-UE ġew miġbura flimkien skont kriterji amministrattivi li kellhom bħala mira l-faċilitazzjoni tal-ġestjoni tal-għotjiet, aktar milli l-kunsiderazzjonijiet tekniċi.
  3. Minkejja r-rwol aħħari tal-Kummissjoni fl-għażla tal-proġetti, il-mekkaniżmu attwali ta’ finanzjament jirrikjedi l-involviment ta’ ċertu benefiċjarji, li jaġixxu bħala Maniġment tal-Mobilizzazzjoni, fl-iskrinjar tal-applikazzjonijiet proprji tagħhom, u jippermetti li huma jinfluwenzaw l-allokazzjoni tal-finanzjament fost il-proġetti eliġibbli. Il-kunflitt ta’ interess potenzjali ma ġiex mitigat b’mod suffiċjenti.
Rakkomandazzjoni 4 – Jiġu riveduti u fformalizzati t-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-finanzjament

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiċċara, tissemplifika u tifformalizza r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR fit-tħejjija u fil-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-finanzjament, biex b’hekk timmitiga wkoll il-kunflitt potenzjali ta’ interess;
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2019

  3. tiżgura li s-sejħiet futuri għal proposti jkunu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet ippreżentati jkunu jirriflettu u jappoġġaw id-dimensjoni teknika tal-koordinazzjoni, li hija l-għan aħħari tal-proġetti komuni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

75

Filwaqt li d-data ta' skadenza legali għall-mobilizzazzjoni tal-PCP tvarja bejn l-2018 u l-2026, u filwaqt li l-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira mill-proġetti għadha għaddejja, aħna osservajna li dewmien fl-implimentazzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-proġetti qed iqiegħed f’riskju l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji - parzjalment b’konsegwenza tal-inklużjoni fil-PCP ta’ funzjonalitajiet li mhumiex maturi. Barra minn hekk, għad iridu jiġu ddimostrati l-benefiċċji proprji tal-prestazzjoni tal-ATM f’ambjent operattiv (ara l-paragrafi 61 sa 69).

Rakkomandazzjoni 5 – Jiġi żgurat monitoraġġ xieraq tal-benefiċċji tal-prestazzjoni li jitwasslu b’riżultat tal-modernizzazzjoni tal-ATM

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiżgura li l-modernizzazzjoni tal-ATM tiġi monitorjata b’mod xieraq. Jenħtieġ li l-benefiċċji tal-prestazzjoni jitkejlu u jitqabblu mal-aspettattivi inizjali (ASB tal-PCP);
  2. fejn ikun applikabbli fl-iskema ta’ prestazzjoni, tiżgura li l-miri proposti jieħdu inkunsiderazzjoni l-kisbiet kollha fil-prestazzjoni li jkunu qed jitwettqu – u b’hekk jiġi aċċertat li dawn il-kisbiet jitwasslu lill-utenti tal-ispazju tal-ajru.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-eżerċizzju li jmiss tal-istabbiliment tal-miri (il-perjodu ta’ rappurtar 4 tal-iskema ta’ prestazzjoni)

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Il-Programm tal-Mobilizzazzjoni

X’inhuwa l-Programm tal-Mobilizzazzjoni?

Il-Programm tal-Mobilizzazzjoni huwa dokument li għandu l-għan li jagħti dettalji dwar il-karatteristiċi tekniċi u l-linji gwida li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti komuni, biex b’hekk tiġi mħeġġa l-adeżjoni tal-partijiet interessati operattivi. Skont il-leġiżlazzjoni44, “il-programm tal-mobilizzazzjoni għandu jipprovdi pjan ta’ ħidma komprensiv u strutturat tal-attivitajiet neċessarji kollha għall-implimentazzjoni tat-teknoloġiji, il-proċeduri u l-aħjar prassi meħtieġa biex jiġu implimentati proġetti komuni”.

Stampa 2 – Il-Programm tal-Mobilizzazzjoni

Sors: Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR, https://www.sesardeploymentmanager.eu/publications/deployment-programme/

Min huwa responsabbli mit-tħejjija u l-approvazzjoni tiegħu?

Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR huwa responsabbli milli jiżviluppa, jżomm u jimplimenta l-Programm tal-Mobilizzazzjoni, suġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni45. Mit-twaqqif tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni f’Diċembru 2014, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni aġġornah minn tal-inqas darba fis-sena.

Min jiġi kkonsultat għat-tħejjija tiegħu?

Kull verżjoni tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni hija suġġetta għal proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti. Din il-konsultazzjoni tinvolvi: partijiet interessati operattivi li għandhom il-mandat biex jimmobilizzaw proġetti komuni irrispettivament minn jekk humiex membri tal-MM jew le; u partijiet interessati istituzzjonali ewlenin li magħhom il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni jkun iffirma ftehimiet ta’ kooperazzjoni, notevolment l-Impriża Konġunta SESAR, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, il-Maniġer tan-Netwerk, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-EUROCAE. Il-proċess ta’ konsultazzjoni jitwettaq f’bosta ċikli fejn il-kummenti li jsiru mill-partijiet interessati jiġu reġistrati u mwieġba mill-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni, sal-adozzjoni finali tiegħu.

X’inhuwa l-livell ta’ granularità tiegħu?

Il-Proġett Pilota Komuni (PCP) jipprovdi stampa ta’ livell għoli ta’ dawk inkarigati mill-mobilizzazzjoni u meta din għandha ssir (funzjonalitajiet u sottofunzjonalitajiet), u tal-elementi li jeħtieġ jiġu mobilizzati. Sabiex jiżgura li l-partijiet interessati operattivi jifhmu, u jiffaċilita l-investimenti tagħhom meħtieġa għall-mobilizzazzjoni tal-funzjonalitajiet li huma obbligatorji fil-PCP, il-Programm tal-Mobilizzazzjoni introduċa element ta’ granularità addizzjonali: il-kunċett ta’ familji. Familja tirrappreżenta ġabra ta’ elementi teknoloġiċi u operattivi omoġeni li jridu jiġu mobilizzati fi ħdan ambitu ġeografiku u skeda ta’ żmien iddefiniti. Għal kull familja, il-Programm tal-Mobilizzazzjoni jinkludi informazzjoni dwar l-ambitu tiegħu, il-partijiet interessati involuti, it-twaqqit għall-implimentazzjoni, l-interdipendenzi ma’ familji oħra u t-titjib fil-prestazzjoni mistenni.

L-edizzjoni 2018 tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni tiddefinixxi 48 familja li ġew raggruppati fi 3 gruppi:

  • 36 familja ewlenin. Dawn jikkorrispondu għal titjib operattiv u teknoloġiku neċessarju għall-ambitu tar-Regolament dwar il-PCP u fi ħdanu.
  • 7 familji faċilitattivi. Dawn jinkludu attivitajiet ta’ implimentazzjoni li jitqiesu li huma ta’ titjib għall-prestazzjoni ġenerali tal-ATM. Madankollu, mhumiex parti mill-ambitu tal-PCP.
  • 5 familji komplementari. Dawn huma prerekwiżiti għall-funzjonalitajiet tal-PCP, iżda ma jiffurmawx parti mill-ambitu tal-PCP innifsu.

Kif jintuża għad-definizzjoni tal-prijoritajiet?

Il-Programm tal-Mobilizzazzjoni jinkludi approċċ ta’ mobilizzazzjoni li jidentifika liema familji huma meħtieġa fit-terminu qasir biex tinkiseb mobilizzazzjoni f’waqtha tal-Programm kollu kemm hu. Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni jħeġġeġ lill-partijiet interessati kkonċernati operattivi biex isegwu dan l-approċċ u jiffukaw l-attivitajiet ta’ mobilizzazzjoni tagħhom fuq dawk il-familji li jitqiesu bħala l-aktar urġenti. Barra minn hekk, mill-2016 ’il quddiem, is-sejħiet taħt l-FNE tal-INEA jagħtu prijorità lil dawk il-proposti għal proġetti li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ ċertu familji taħt il-Programm tal-Mobilizzazzjoni.

Min qed jimmonitorja l-eżekuzzjoni tiegħu?

Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni huwa responsabbli milli jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni. Kull sena, l-MM jiġbor informazzjoni mingħand il-partijiet interessati operattivi sabiex jidentifika l-familji li jkunu diġà ġew mobilizzati, dawk li jkunu għadhom għaddejjin, kif ukoll dawk li ġew ippjanati u dawk li għad iridu jiġu ppjanati. Huma jiddikjaraw ukoll id-dati ta’ meta huwa mistenni li l-familji jiġu kkompletati. Permezz ta’ din l-informazzjoni, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni jista’ jikkwantifika l-lakuni fl-implimentazzjoni li jintużaw bħala bażi biex jitkejjel il-progress tal-implimentazzjoni tal-PCP.

Noti finali

1 Sors: L-Eurostat, Traffiku ta’ passiġġieri li vvjaġġaw bl-ajru, traffiku ta’ merkanzija u traffiku tal-posta, skont il-pajjiż rapportatur.

2 Sors: L-Eurocontrol “2018’s air traffic in a nutshell” (It-traffiku tal-ajru tal-2018, fi ftit kliem). L-istatistika tirreferi għal titjiriet li twettqu skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti (IFR) fiż-żona li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Maniġer tan-Netwerk.

3 Għal analiżi dettaljata, ara l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali Nru 18/2017 dwar l-Ajru Uniku Ewropew.

4 Qabel l-2013, ġiet irreġistrata quċċata fid-dewmien fl-2010, primarjament minħabba diffikultajiet li ġew ikkawżati mill-iżbroff ta’ vulkan fl-Iżlanda.

5 Sors: Il-Maniġer tan-Netwerk, “2018’s air traffic in a nutshell” (It-traffiku tal-ajru tal-2018, fi ftit kliem), https://www.eurocontrol.int/news/2018-air-traffic.

6 Sors: L-Eurocontrol, ir-Rapport 2016 ta’ Valutazzjoni Komparattiva dwar il-Kosteffettività tal-ATM. L-ammont jirreferi għad-dħul li ġie mis-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru gate-to-gate, inklużi s-servizzi en route u fit-terminals.

7 Communication from the Commission to the Council on the project to develop the new generation European air traffic management system (SESAR) and the establishment of the SESAR Joint Undertaking (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-proġett għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)), COM(2005) 602 final.

8 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar Mekkaniżmi ta’ inċentivi u tmexxija għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR, il-pilastru teknoloġiku tal-Ajru Uniku Ewropew – KUMM(2011) 923 finali.

9 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 jipprovdi dettalji kompleti dwar id-definizzjoni ta' proġetti komuni, it-twaqqif ta' governanza (tmexxija) u l-identifikazzjoni ta' inċentivi li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru.

10 Aktar dettalji dwar il-Programm tal-Mobilizzazzjoni huma ppreżentati fl-Anness I.

11 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2014 dwar l-istabbiliment tal-Proġett Pilota Komuni li jsostni l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru.

12 Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk Trans-Ewropew tat-trasport.

13 Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

14 Normalment, is-sejħiet għal proposti jitniedu fuq bażi ta’ kull sena. Kien hemm xi snin meta sejħiet iddedikati tniedu għall-pakkett ta’ koeżjoni u biex għall-kombinament tal-FNE ma’ mekkaniżmi finanzjarji oħra.

15 B’kollox, is-17-il proġett magħżul ingħataw madwar EUR 229 miljun f’finanzjament taħt l-FNE.

16 Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013.

17 L-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 dwar l-Iskema Komuni ta’ Imposti. Ir-regolament jipprovdi r-regoli li permezz tagħhom l-ANSPs u partijiet interessati l-oħra tal-art jistgħu jiddebitaw, lill-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-ispejjeż tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

18 Fi ħdan il-qafas tal-Ajru Uniku Ewropew (SES), il-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru huwa l-għodda prinċipali ta’ ppjanar li tintuża għad-definizzjoni tal-prijioritajiet ta’ modernizzazzjoni tal-ATM. Il-Pjan Regolatorju huwa pjan direzzjonali li qed jevolvi u li jistabbilixxi l-qafas għall-attivitajiet ta’ żvilupp li l-Impriża Konġunta SESAR twettaq fil-perspettiva wkoll tal-attivitajiet ta’ mobilizzazzjoni li għandhom jitwettqu mill-partijiet interessati operattivi kollha. Bidla Operattiva Neċessarja hija ddefinita fil-Pjan Regolatorju bħala bidla operattiva fl-ATM li tipprovdi titjib sinifikanti fil-prestazzjoni tan-netwerk lill-partijiet interessanti operattivi.

19 L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013.

20 Mhux il-partijiet interessati msemmija kollha huma milquta, peress li l-PCP jiddefinixxi wkoll ambitu ġeografiku ta’ applikabbiltà.

21 Kull funzjonalità tal-ATM tista’ tkun magħmula minn żewġ sottofunzjonalitajiet jew aktar. Id-data mmirata għall-mobilizzazzjoni tista’ tkun differenti għal kull waħda minnhom.

22 Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR, il-Pjan għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni, l-edizzjonijiet 2015-2018.

23 L-Artikolu 4.5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013.

24 Il-Preambolu (2) u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

25 Il-Preambolu (20) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013.

26 KUMM(2011) 923 finali.

27 L-iskema ta’ prestazzjoni applikabbli għall-partijiet interessati tal-art tistabbilixxi miri vinkolanti f’diversi oqsma ta’ prestazzjoni, kif ukoll penali finanzjarji f’xi każijiet ta’ nuqqas ta' konformità.

28 Il-partijiet interessati tal-art li jipprovdu servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru joperaw f’qafas regolatorju li jippermittihom jirkupraw l-ispejjeż tal-investiment tagħhom mill-utenti, permezz ta’ imposti tan-navigazzjoni bl-ajru.

29 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 dwar proġetti komuni, ir-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013 u (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

30 L-Artikoli 6.3 u 6.4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013.

31 Fil-proposta tal-2013 dwar il-PCP, is-SESAR JU tirrikonoxxi li t-trasferiment tal-ispejjeż u l-benefiċċji mill-ANSPs għall-utenti tal-ispazju tal-ajru jkun irid jitqies fil-kuntest tal-perjodu referenzjarju 2 (2015-2019) u lil hinn minnu.

32 Osservazzjoni simili tista’ tinsilet fir-rigward tal-Maniġer tan-Netwerk, li għandu l-pjan tal-prestazzjoni proprja tiegħu u li huwa wkoll suġġett għall-iskema ta’ imposti tal-UE; u fir-rigward tal-parti interessata kkampjunata mis-settur tal-ajruporti, li għalkemm ma kinitx suġġetta għall-iskema ta’ imposti, topera wkoll taħt kuntratt ta’ regolazzjoni ekonomika nazzjonali – li jinkludi parti mill-proġett kofinanzjat mill-UE.

33 Mill-2016 ’il quddiem, il-Programm tal-Mobilizzazzjoni jiddefinixxi familji ewlenin, komplementari u faċilitattivi. Bħalma huwa spjegat fid-dettall fl-Anness I, il-Familji komplementari ma jiffurmawx parti mill-PCP iżda huma prerekwiżiti għalih. Il-familji faċilitattivi huma meqjusa bħala ta’ benefiċċju iżda mhux meħtieġa mill-PCP. Is-sejħiet tal-2016 u tal-2017 jipprijoritizzaw lill-familji 2.5.2 (faċilitattivi) u 6.1.1, 6.1.3 u 6.1.4 (komplementari), rispettivament.

34 Il-Ftehim Qafas ta' Sħubija, l-Anness 1, il-Parti B1.

35 L-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

36 L-Artikolu 9.2(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013.

37 Lakuna fl-implimentazzjoni hija l-iżgħar unità ta’ attivitajiet ta’ implimentazzjoni tal-PCP. Din tiġi ddefinita permezz tal-kombinament ta’ element tekniku/operattiv (eż. familja tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni) u ta’ element ġeografiku (eż. ajruport jew pajjiż). Meta jkun meħtieġ, it-tieni element jiġi sostitwit minn parti interessata (eż. il-Maniġer tan-Netwerk) jew minn grupp ta’ partijiet interessati (eż. utenti tal-ispazju tal-ajru). Minħabba l-kumplessità biex jiġi pprovdut perċentwal preċiż jew livelli ta’ ekwipaġġ tal-flotot ta’ inġenji tal-ajru, il-lakuni fis-settur tal-ajruporti ma jitkejlux għall-familji kkonċernati kollha tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni, u jiġu rrappurtati separatament mill-monitoraġġ tal-lakuni tal-art.

38 Dewmien bħal dan kien dovut għal proċeduri ta’ offerti ta’ kuntratt li damu aktar milli previst, jew għal diffikultajiet li l-kuntratturi sabu biex jirrispettaw id-dati ta' skadenza maqbula minħabba l-kumplessità teknika tar-riżultati tanġibbli.

39 F’Novembru 2018, il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni talab lill-INEA biex temenda l-Ftehim ta' Għotja Speċifiku ta’ wieħed mir-raggruppamenti tas-sejħa tal-2015 biex id-durata ta’ 18 minn 51 proġett ta’ investiment (35 %) ta’ dan ir-raggruppament tiġi estiża bi 12-il xahar, jiġifieri sa tmiem l-2019.

40 Il-Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR, ir-Rapport ta’ Progress tal-Eżekuzzjoni tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni, Ġunju 2018. L-għadd ta’ proġetti li tniedu u li ġew ikkompletati jvarja b’mod kontinwu. Fi Frar 2019, minn 348 proġett li kienu tniedu, il-Maniġment tal-Mobilizzazjoni ppreżenta 105 proġetti kkompletati.

41 Il-Pjan għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Programm tal-Mobilizzazzjoni 2018 jidentifika l-implimentazzjoni tal-PCP barra mill-qafas tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR bħala riskju ta’ livell għoli.

42 Fost is-sitt proġetti kkampjunati, aħna osservajna eċċezzjoni waħda fejn ġie mkejjel titjib reali, għalkemm mhux monetizzat.

43 Il-pjanijiet tal-prestazzjoni huma obbligatorji skont ir-Regolament li jistabbilixxi Skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013).

44 L-Artikolu 11.1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013.

45 L-Artikolu 12.1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

ANSP: Fornitur ta’ Servizz tan-Navigazzjoni bl-Ajru

ASB: Analiżi tal-Ispejjeż imqabbla mal-Benefiċċji

ATFM: Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru

ATM: Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru

EUROCAE: Organizzazzjoni Ewropea għat-Tagħmir tal-Avjazzjoni Ċivili

EUROCONTROL: Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru

FA: Funzjonalità tal-ATM

FNE: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

FQS: Ftehim Qafas ta' Sħubija

ICAO: Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IFR: Regoli tat-Titjir bl-Istrumenti

INEA: Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks

PCP: Proġett Pilota Komuni

R&Ż: Riċerka u Żvilupp

SDA: Alleanza għall-Mobilizzazzjoni tas-SESAR

SES: Ajru Uniku Ewropew

SESAR JU: Impriża Konġunta SESAR

SESAR: Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew

TEN-T: Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport – Trasport

Glossarju

Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA): Aġenzija Ewropea li nħolqot fl-2014 mill-Kummissjoni Ewropea biex timmaniġġja l-implimentazzjoni teknika u finanzjarja ta’ ċertu programmi tal-UE, li wieħed minnhom huwa l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Alleanza għall-Mobilizzazzjoni tas-SESAR: L-SDA ġiet stabbilita bħala konsorzju ta’ partijiet interessati li inizjalment ma kellu l-ebda status legali, u li kien regolat mid-dispożizzjonijiet tal-FQS u minn Ftehim Intern ta’ Kooperazzjoni. F’Jannar 2018, l-SDA biddlet l-istatus tagħha biex issa saret assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta' qligħ. Hija taġixxi bħala Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR għall-perjodu 2014-2020.

Analiżi tal-Kosteffettività: Fil-kuntest ġenerali tas-sejħiet għal proposti taħt l-FNE, analiżi tal-kosteffettività (AtK) hija maħsuba biex tidentifika l-proġetti li, għal livell ta’ output partikolari (eż. il-konformità ma’ ċertu standard), jimminimizzaw il-valur nett attwali tal-ispejjeż. Fir-rigward ta’ proġetti relatati mal-PCP, l-MM ħejja l-AtK bl-iskop li jippreżenta l-mod kif il-proporzjon kostijiet-benefiċċji tal-proġett kandidat jitqabbel ma’ dak tal-PCP fl-intier tiegħu. Punteġġ AtK ta’ 1 ikun jindika li l-proporzjon kostijiet-benefiċċji ta’ dak il-proġett huwa allinjat perfettament mal-aspettattivi tal-PCP.

Dewmien tal-ATFM en route: Indikatur tal-prestazzjoni ewlieni għall-kapaċità li jkejjel il-medja ta’ minuti ta’ dewmien tal-ATFM en route għal kull titjira attribwibbli għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, espress bħala d-differenza bejn il-ħin stmat tat-tluq mitlub mill-operatur tal-inġenju tal-ajru fl-aħħar pjan tat-titjira ppreżentat u l-ħin tat-tluq ikkalkulat allokat mill-Maniġer tan-Netwerk.

Eurocontrol: L-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru hija organizzazzjoni intergovernattiva li twaqqfet fl-1960 bl-għan li tippromwovi operazzjonijiet tat-traffiku tal-ajru li jkunu sikuri, effiċjenti u ekoloġiċi fir-reġjun Ewropew kollu. Fost rwoli oħra, hija tesegwixxi l-funzjonijiet ta’ Maniġer tan-Netwerk u tassisti lill-Kummissjoni u lill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ prestazzjoni u ta’ imposti.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa: Strument ta’ finanzjament li jipprovdi assistenza finanzjarja mill-UE lin-netwerks Trans-Ewropej sabiex jagħti appoġġ lill-proġetti ta' interess komuni fis-setturi tal-infrastrutturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija u biex jisfrutta s-sinerġiji potenzjali bejn dawk is-setturi. Minbarra għotjiet, l-FNE toffri appoġġ finanzjarju għall-proġetti permezz ta’ strumenti finanzjarji innovattivi bħalma huma garanziji u bonds tal-proġetti.

Fornitur ta’ Servizz tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANSP): Kull entità pubblika jew privata li tipprovdi servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali.

Funzjonalità tal-ATM: Grupp ta’ funzjonijiet jew servizzi operattivi tal-ATM relatati mal-ġestjoni tat-trajettorja, tal-ispazju tal-ajru u tas-superfiċe jew mal-qsim tal-informazzjoni mal-ambjenti operattivi fir-rotta, tat-terminal, tal-ajruport jew dak tan-netwerk.

Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru: Funzjoni stabbilita biex tiżgura fluss sikur, ordnat u mħaffef tat-traffiku tal-ajru. Hija tikkonsisti f’ġabra ta’ regoli u proċeduri mfassla biex jinkiseb użu ottimali tal-kapaċità ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru u biex jiġi żgurat li l-volum tat-traffiku jkun kumpatibbli mal-kapaċitajiet iddikjarati mill-fornituri pertinenti ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM): L-aggregazzjoni tas-servizzi fl-ajru u ta’ dawk ibbażati fuq l-art (servizzi tat-traffiku tal-ajru, ġestjoni tal-ispazju tal-ajru u ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru) meħtieġa biex ikun żgurat il-moviment sikur u effiċjenti tal-inġenji tal-ajru matul il-fażijiet kollha tal-operat.

Impriża Konġunta SESAR (SESAR JU): Sħubija pubblika-privata stabbilita biex timmaniġġja l-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR. L-għan tas-SESAR JU huwa li tippromwovi l-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi rilevanti kollha ta’ riċerka u żvilupp fl-UE. Hija responsabbli għat-twettiq tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM.

Interoperabbiltà: Sett ta' proprjetajiet funzjonali, tekniċi u operattivi rikjesti li s-sistemi u l-kostitwenti tan-Netwerk Ewropew tal-ATM u l-proċeduri għall-operat tiegħu huma meħtieġa li jkollhom sabiex jippermettu l-operat salv, bla xkiel u effiċjenti ta’ dan in-netwerk. Interoperabbiltà tinkiseb billi s-sistemi u l-kostitwenti jsiru konformi mar-rekwiżiti essenzjali.

Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru: Servizz ipprovdut għall-iskop li tkun żgurata separazzjoni sikura bejn l-inġenji tal-ajru u li jinżamm fluss ordnat tat-traffiku tal-ajru.

Kontrollur tat-Traffiku tal-Ajru: Persuna awtorizzata biex tipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru.

Maniġer tan-Netwerk: Rwol li l-Kummissjoni Ewropea ħolqot fl-2011 biex il-funzjonijiet ewlenin jiġu esegwiti f’livell (tan-netwerk) supranazzjonali: il-ġestjoni ċentrali tal-fluss tat-traffiku tal-ajru, il-koordinazzjoni tal-użu ta’ riżorsi skarsi u t-tfassil tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot. Ir-rwol ta’ Maniġer tan-Netwerk ġie assenjat lill-Eurocontrol sa tmiem l-2019.

Maniġment tal-Mobilizzazzjoni tas-SESAR (MM SESAR jew MM): Funzjoni li ġiet stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 u formalizzata permezz ta’ Ftehim Qafas ta' Sħubija. Hija tinkludi prinċipalment li l-MM: jiżviluppa, jipproponi, iżomm u jimplimenta l-Programm tal-Mobilizzazzjoni; jassoċja lill-partijiet interessati operattivi li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni; jiżgura sinkronizzazzjoni effiċjenti u koordinazzjoni globali tal-proġetti ta’ implimentazzjoni u l-investimenti relatati.

Mobilizzazzjoni tas-SESAR: L-attivitajiet u l-proċessi relatati mal-industrijalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-funzjonalitajiet tal-ATM identifikati fil-Pjan Regolatorju għall-ATM.

Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM: L-għodda prinċipali ta’ ppjanar li tintuża għad-definizzjoni tal-prijioritajiet ta’ modernizzazzjoni tal-ATM, kif miftiehem mill-partijiet interessati tal-ATM. Il-Pjan Regolatorju huwa pjan direzzjonali li qed jevolvi u li jistabbilixxi l-qafas għall-attivitajiet ta’ żvilupp li l-Impriża Konġunta SESAR twettaq fil-perspettiva wkoll tal-attivitajiet ta’ mobilizzazzjoni li għandhom jitwettqu mill-partijiet interessati operattivi kollha.

Proġett Pilota Komuni (PCP): L-ewwel Proġett Komuni li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-ATM. Il-PCP jidentifika sitt funzjonalitajiet tal-ATM u ġie adottat bħala r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2014.

Proġetti Komuni: Regolamenti tal-UE li jirrikjedu l-iskjerament (il-mobilizzazzjoni) ta’ sett ta' funzjonalitajiet tal-ATM b'mod f'waqtu, ikkoordinat u sinkronizzat sabiex jinkisbu l-bidliet operattivi neċessarji. Il-proġetti komuni għandhom jidentifikaw funzjonalitajiet tal-ATM li: wara li jkunu laħqu l-livell xieraq ta’ industrijalizzazzjoni, ikunu lesti biex jiġu implimentati; u jeħtieġu skjerament (mobilizzazzjoni) sinkronizzat.

Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR): Proġett li għandu l-għan li jtejjeb il-prestazzjoni tal-ATM billi jimmodernizza u jarmonizza s-sistemi ATM permezz tad-definizzjoni, l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-mobilizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi u operattivi tal-ATM li jkunu innovattivi.

Servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru: Servizzi tat-traffiku tal-ajru (prinċipalment il-kontroll tat-traffiku tal-ajru); servizzi tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza (CNS); servizzi meteoroloġiċi (MET); u servizzi tal-informazzjoni ajrunawtika (AIS).

Skemi ta’ Prestazzjoni u ta’ Imposti: L-iskema ta’ prestazzjoni tissettja miri vinkolanti għall-ANSPs fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru u l-kosteffiċjenza. L-iskema ta’ imposti tipprovdi r-regoli għall-kalkolu tar-rati għal kull unità li jistgħu jiġu ddebitati lill-utenti tal-ispazju tal-ajru għall-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

Spazju tal-Ajru b’Rotot Liberi: Spazju tal-ajru speċifikat li fih l-utenti jistgħu jippjanaw rotta liberament bejn punt tad-dħul definit u punt tal-ħruġ definit. Skont id-disponibbiltà, ir-rotta tista’ tiġi ppjanata direttament minn punt għal ieħor permezz ta’ punti intermedji (ippubblikati jew le), mingħajr referenza għan-netwerk tar-rotot tal-ATS. Fi ħdan dan l-ispazju tal-ajru, it-titjiriet jibqgħu suġġetti għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

Utenti tal-ispazju tal-ajru: Operaturi ta’ inġenji tal-ajru ċivili (linji tal-ajru kummerċjali u avjazzjoni ġenerali) jew militari.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa mis-Sur George Pufan, Membru tal-QEA, b'appoġġ mis-Sur Patrick Weldon, Kap tal-Kabinett u s-Sur Mircea Radulescu, Attaché tal-Kabinett; is-Sur Pietro Puricella, Maniġer Prinċipali; is-Sur Afonso Malheiro, Kap tal-Kompitu; is-Sur Luis De La Fuente Layos, is-Sur Romuald Kayibanda, is-Sur David Boothby u s-Sa Maria Pia Brizzi, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Patrick Weldon, Luis De La Fuente Layos, Romuald Kayibanda, Pietro Puricella, Afonso Malheiro, Maria Pia Brizzi, George Pufan, Mircea Radulescu.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-2161-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/542486 QJ-AB-19-007-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-2148-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/412319 QJ-AB-19-007-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.