Rapport Speċjali
Nru06 2017

Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ “hotspot”

Dwar ir-rapport:F’Mejju 2015, il-Kummissjoni introduċiet approċċ ġdid “hotspot” sabiex tassisti lill-Greċja u lill-Italja jlaħħqu maż-żieda drammatika u f’daqqa ta’ migranti irregolari li kienu qed jaslu fil-fruntieri esterni tagħhom. F’dan ir-rapport aħna nikkonkludu li, fiż-żewġ pajjiżi, l-approċċ hotspot żgura li l-biċċa l-kbira mill-migranti li kienu qed jaslu fl-2016 ġew identifikati, irreġistrati u tteħdulhom il-marki tas-swaba’ kif suppost, kif ukoll li d-data tagħhom ġiet iċċekkjata bi tqabbil ma’ databases rilevanti tas-sigurtà. Madankollu, minkejja l-appoġġ konsiderevoli mogħti mill-UE, fi tmiem l-2016 il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fiż-żewġ pajjiżi kienu għadhom mhumiex adegwati. Kien hemm ukoll nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati biex jakkomodaw u jipproċessaw minorenni mhux akkumpanjati f’konformità ma’ standards internazzjonali. L-approċċ hotspot jirrikjedi wkoll li l-migranti jingħaddew għal proċeduri ta’ segwitu xierqa, jiġifieri applikazzjoni nazzjonali għall-asil, rilokazzjoni għal Stat Membru ieħor jew ritorn għall-pajjiż ta’ oriġini. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri ta’ segwitu, ta’ spiss timxi bil-mod u tkun suġġetta għal diversi punti ta’ konġestjoni, u dan jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-hotspots.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli wkoll f'23 lingwa u fil-formati li ġejjin:
HTML PDF EPUB PRINT
html logo PDF Special Report EPUB Special Report Paper Special Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-migrazzjoni lejn l-Ewropa rat żieda f’daqqa fl-ammont totali ta’ wasliet ta’ migranti, l-ewwel fl-2014 u jerġa’ anke aktar fl-2015, meta ’l fuq minn miljun persuna għamlu dan il-vjaġġ perikoluż biex qasmu l-Mediterran għall-Ewropa bħala migranti irregolari.

II

F’dan ir-rapport aħna neżaminaw parti kruċjali mill-ġestjoni tal-katina tal-migrazzjoni li ġiet inkluża fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ta’ Mejju 2015: l-approċċ “hotspot”.

III

L-Istati Membri tal-UE huma primarjament responsabbli mill-aspetti kollha ta’ kontroll tal-fruntieri u ta’ pproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-asil. Għalhekk, il-Kummissjoni introduċiet dan l-approċċ il-ġdid “hotspot” sabiex tassisti lill-Greċja u lill-Italja, l-Istati Membri l-aktar milquta, biex ilaħħqu maż-żieda drammatika u f’daqqa ta’ migranti irregolari li kienu qed jaslu fil-fruntieri esterni tagħhom fl-2015/16. L-għan ta’ dan l-approċċ kien li jingħata appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-migranti li kienu qed jaslu jiġu identifikati, irreġistrati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba’, kif ukoll jingħaddew għall-proċeduri ta’ segwitu rilevanti. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-approċċ hotspot għen biex isir titijib fil-ġestjoni tal-migrazzjoni fiż-żewġ Stati Membri l-aktar milquta, taħt ċirkustanzi li kienu diffiċli ħafna u li kienu qed jinbidlu kontinwament, billi żied il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħhom, tejjeb il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, u billi saħħaħ il-koordinazzjoni tal-isforzi ta’ appoġġ.

IV

Fiż-żewġ pajjiżi, l-għażla tal-lokalitajiet hotspot ħadet kont, kif suppost, tal-punti prinċipali ta’ dħul u d-disponibbiltà tal-istrutturi eżistenti. Madankollu, l-istabbiliment tagħhom dam aktar milli kien ippjanat. Fil-Greċja, erbgħa mill-ħames hotspots ippjanati kienu operazzjonali f’Marzu 2016, filwaqt li l-aħħar waħda bdiet topera f’Ġunju 2016. Fl-Italja, erbgħa minn sitt hotspots ippjanati kienu operazzjonali f’Marzu 2016, u żewġ hotspots addizzjonali kienu għadhom fil-proċess li jiġu stabbiliti, iżda kienu għadhom mhumiex operazzjonali fi tmiem Frar 2017. Minkejja l-appoġġ konsiderevoli mogħti mill-UE, fi tmiem l-2016 il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fiż-żewġ pajjiżi kienu għadhom mhumiex adegwati biex jirċievu (l-Italja) jew biex jakkomodaw (il-Greċja) kif suppost l-għadd ta’ migranti li kienu qed jaslu. Kien għad hemm nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati biex jakkomodaw u jipproċessaw minorenni mhux akkumpanjati f’konformità ma’ standards internazzjonali, kemm fil-hotspots kif ukoll fil-livell ta’ akkoljenza li jmiss.

V

Il-Kummissjoni u l-Aġenziji rilevanti tal-UE appoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri billi pprovdew esperti, riżorsi finanzjarji u tekniċi, parir u koordinazzjoni. Il-kapaċità tal-Aġenziji biex jagħtu appoġġ ta’ dan it-tip kien u għadu dipendenti ħafna fuq ir-riżorsi li joffru l-Istati Membri. Barra minn hekk, id-durata tal-iskjerament ta’ esperti ta’ spiss kienet qasira ħafna, u dan irriżulta fi tnaqqis tal-effiċjenza tal-esperti skjerati. Dawn in-nuqqasijiet qed jiġu indirizzati attwalment permezz tal-mandati l-ġodda (jew previsti) għall-Aġenziji rilevanti.

VI

Fiż-żewġ pajjiżi, il-koordinazzjoni tal-approċċ hotspot kienet iffaċilitata bil-preżenza ta’ persunal iddedikat mill-Kummissjoni u mill-Aġenziji u, fil-livell operazzjonali, permezz ta’ task forces reġjonali, għalkemm ir-rwol ta’ dawn tal-aħħar fl-approċċ hotspot għad irid jiġi ddefinit sew. Proċeduri operattivi standard huma element essenzjali għall-kjarifika tar-responsabbiltajiet u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri, b’mod partikolari fejn ikun hemm l-involviment ta’ għadd kbir ta’ atturi differenti, kif inhu l-każ għall-approċċ hotspot attwali. L-Italja stabbiliet proċeduri operattivi standard għall-hotspots u tapplikahom kemm fil-hotspots kif ukoll f’portijiet oħra tal-iżbark li jiffunzjonaw bħala hotspots. Fil-Greċja, l-adozzjoni tagħhom għadha pendenti. Il-koordinazzjoni fil-livell ta’ hotspot individwali għadha frammentata u għalkemm ġie stabbilit li l-awtoritajiet ċentrali fl-Istati Membri huma responsabbli mill-ġestjoni globali tal-hotspots, dawn għad iridu jassumu din ir-responsabbiltà bis-sħiħ, almenu fil-Greċja. Il-monitoraġġ u rappurtar mill-Kummissjoni dwar il-progress u l-problemi fil-hotspots kien regolari u estensiv, iżda xi informazzjoni mhix qed tiġi kondiviża bejn il-partijiet interessati differenti, u hemm nuqqas ta’ rappurtar dwar xi wħud mill-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.

VII

Kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja, l-approċċ hotspot żgura li, fl-2016, il-biċċa l-kbira mill-migranti li kienu qed jaslu ġew identifikati, irreġistrati u tteħdulhom il-marki tas-swaba’ kif suppost, kif ukoll li d-data tagħhom ġiet iċċekkjata bi tqabbil ma’ databases rilevanti tas-sigurtà. F’dan ir-rigward, l-approċċ hotspot ikkontribwixxa għal titjib fil-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni. L-approċċ hotspot jirrikjedi wkoll li l-migranti jingħaddew għal proċeduri ta’ segwitu xierqa, jiġifieri applikazzjoni nazzjonali għall-asil, rilokazzjoni għal Stat Membru ieħor (fejn xieraq) jew ritorn għall-pajjiż ta’ oriġini (jew ta’ tranżitu). L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri ta’ segwitu, ta’ spiss timxi bil-mod u tkun suġġetta għal diversi punti ta’ konġestjoni, u dan jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-hotspots.

VIII

Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex tassisti lill-Istati Membri jtejbu l-approċċ hotspot fir-rigward tal-kapaċità tal-hotspots, it-trattament ta’ minorenni mhux akkumpanjati, l-iskjerament ta’ esperti u r-rwoli u r-responsabbiltajiet fl-approċċ hotspot. Aħna nirrakkomandaw ukoll li l-Kummissjoni tevalwa u tiżviluppa aktar l-approċċ hotspot, bil-ħsieb li tottimizza l-assistenza tal-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Introduzzjoni

Sfond

01

Il-migrazzjoni lejn l-Ewropa rat żieda f’daqqa fl-ammont totali ta’ wasliet ta’ migranti, l-ewwel fl-2014 u jerġa’ anke aktar fl-2015, meta ’l fuq minn miljun persuna qasmu l-Mediterran għall-Ewropa bħala migranti irregolari1. Dawn il-flussi migratorji fil-fruntieri esterni tal-UE ġeneralment kienu jikkonsistu kemm f’persuni li kienu qed ifittxu l-asil kif ukoll f’migranti ekonomiċi. Barra minn hekk, ħafna kienu tfal u minorenni mhux akkumpanjati li jeħtieġu attenzjoni u kura partikolari.

02

Filwaqt li fl-2014, il-biċċa l-kbira mill-migranti waslu permezz tar-”rotta tal-Mediterran Ċentrali” (jiġifieri telqu mill-Afrika ta’ Fuq u waslu fl-Italja), din ix-xejra nbidlet matul l-2015, meta total ta’ madwar 850 000 persuna waslu permezz tar-”rotta tal-Mediterran tal-Lvant” (jiġifieri telqu mit-Turkija u waslu fil-Greċja; ara l-Figura 1). Il-kriżi fit-tul is-Sirja kienet fattur importanti wara ż-żieda fil-wasliet mit-Turkija, bħalma jidher fiċ-ċart tan-nazzjonalitajiet fil-Figura 2. L-influss kbir ta’ migranti fil-Greċja naqas b’mod sinifikanti minn April 2016 ‘il quddiem, filwaqt li l-wasliet fl-Italja baqgħu bejn wieħed u ieħor fil-livell tas-snin preċedenti, bl-ammont totali ta’ wasliet ta’ migranti bil-baħar fl-Italja u fil-Greċja jitla’ għal madwar 350 000 persuna għas-sena 2016.

03

Kronoloġija tar-rispons tal-UE għall-kriżi tal-migrazzjoni tinstab fl-Anness I.

Figura 1

Wasliet irregolari bil-baħar fil-Greċja u fl-Italja, 2009-2016

Sors: Il-Frontex.

Figura 2

Nazzjonalitajiet prinċipali tal-migranti li kienu qed jaslu– 2016

Sors: Il-Frontex.

Qafas ta’ politika

Sistema Ewropea Komuni tal-Asil

04

L-asil jingħata lil persuni li jkunu qed jaħarbu l-persekuzzjoni jew dannu serju f’pajjiżhom stess u li għalhekk ikunu jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali. L-asil huwa dritt fundamentali u l-għoti tiegħu huwa obbligu internazzjonali, li jirriżulta mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 dwar l-istatus tar-refuġjati.

05

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) ġiet stabbilita bħala l-qafas legali u ta’ politika prinċipali tal-UE għall-asil. Din is-sistema nbniet u ġiet żviluppata mill-1999 ‘il hawn u attwalment qed terġa’ tiġi riveduta2. Hija tikkonsisti f’sensiela ta’ direttivi u regolamenti, li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jissettjaw standards komuni minimi fost l-Istati Membri meta dawn ikunu qed jittrattaw persuni li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali.

06

Wieħed mill-komponenti ewlenin tagħha huwa r-Regolament ta’ Dublin3, li jistipula kriterji u mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli mill-eżaminar ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali; fil-prinċipju, l-ewwel pajjiż ta’ dħul.

Dan wassal biex għadd limitat ta’ Stati Membri jkollhom jittrattaw il-maġġoranza l-kbira ta’ persuni li jfittxu l-asil, u dan joħloq pressjoni kbira fuq il-kapaċità tas-sistemi tagħhom tal-asil. F’April 2016, il-Kummissjoni introduċiet proposti għal riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil4. Fost affarijiet oħra, il-proposti jinkludu mekkaniżmu biex jittratta sitwazzjonijiet ta’ pressjoni sproporzjonata fuq is-sistemi tal-asil tal-Istati Membri.

07

Element ieħor fir-regoli attwali ta’ Dublin huwa li l-migranti għandhom jintbagħtu lura lejn il-pajjiż li minnu daħlu l-ewwel fl-UE, biex b’hekk ikunu jistgħu japplikaw għall-asil hemmhekk (minflok ma jibqgħu jivvjaġġaw għall-pajjiż li jippreferu). Madankollu, “trasferimenti ta’ Dublin” ta’ dan it-tip lejn il-Greċja minn Stati Membri oħra ilhom li ġew sospiżi mill-2011, b’segwitu għal żewġ sentenzi li tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li identifikaw dgħufijiet sistemiċi fis-sistema tal-asil tal-Greċja.

08

Minn dak iż-żmien ‘il hawn, l-awtoritajiet Griegi għamlu sforzi kontinwi biex itejbu l-funzjonament tas-sistema tal-asil tagħhom, bl-assistenza tal-Kummissjoni, l-EASO, Stati Membri u organizzazzjonijiet oħra. Matul l-2016, il-Kummissjoni ppreżentat bosta rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri li l-Greċja għandha tieħu sabiex ikollha sistema tal-asil li tiffunzjona tajjeb, u b’hekk ħolqot il-kundizzjonijiet biex gradwalment jerġgħu jibdew it-trasferimenti taħt ir-Regolament ta’ Dublin5.

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

09

L-ammont kbir ta’ wasliet ta’ migranti fl-2015 (ara l-Figura 3) ħoloq pressjoni sproporzjonata fuq il-fruntieri esterni tal-UE fil-Greċja u fl-Italja, u dan irriżulta fil-ħtieġa ta’ appoġġ mill-UE għas-sistemi tagħhom tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil. Billi ħafna minn dawn il-migranti komplew jivvjaġġaw għal pajjiżi Ewropej oħra (eż. tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent) dan irriżulta wkoll fi pressjoni akbar fuq is-sistemi tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-akkoljenza u tal-asil ta’ dawn il-pajjiżi (ara l-Figura 4).

10

Kien f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni Ewropea, f’Mejju 2015, ippreżentat Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni6, li stipulat approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-Aġenda tinkludi azzjoni immedjata bl-għan li, pereżempju, issalva l-persuni mill-baħar, timmira n-netwerks tal-kuntrabandu kriminali, u tgħin l-Istati Membri l-aktar milquta biex ilaħħqu mal-ammonti kbar ta’ wasliet, kif ukoll miżuri fuq terminu itwal, eż. biex jiġu żgurati l-fruntieri esterni tal-Ewropa, jitnaqqsu l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari u titfassal politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali.

Figura 3

Każijiet fejn inqabad qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-UE, 2015 (2014)1

1 Il-biċċa l-kbira mill-migranti li ġew irreġistrati fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent kienu waslu qabel fuq waħda mill-gżejjer Griegi u mbagħad ħallew l-UE biex għaddew mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mis-Serbja.

Sors: Il-Frontex, Analiżi tar-riskju għall-2016.

Figura 4

Għadd ta’ persuni (li mhumiex mill-UE) li fittxew l-asil fl-UE, 2014 u 2015 (f’eluf)

Sors: Il-Eurostat.

Approċċ hotspot

11

Waħda mill-miżuri operazzjonali ewlenin li ġew proposti fl-Aġenda hija li jiġi stabbilit approċċ ġdid “hotspot” għall-ġestjoni tal-influss kbir ta’ migranti. L-approċċ hotspot inħoloq bħala rispons immedjat għal kriżi migratorja kbira u kellu jiġi implimentat taħt ċirkustanzi li kienu diffiċli ħafna u li kienu qed jinbidlu. Hotspot ġiet iddefinita bħala żona fil-fruntieri esterni tal-UE li tiffaċċja pressjoni migratorja sproporzjonata. Il-biċċa l-kbira mill-migranti jidħlu fl-Unjoni f’dawn il-hotspots u, skont il-Kummissjoni, huwa hawnhekk li jeħtieġ li l-UE tagħti appoġġ operazzjonali biex tiżgura li l-migranti li jaslu jiġu rreġistrati u jingħaddew, kif xieraq, għall-proċeduri ta’ segwitu nazzjonali rilevanti (ara l-Figura 5).

Figura 5

Mappa bil-lokalitajiet tal-hotspots fl-Italja u fil-Greċja u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom1

1 Għall-Italja hemm indikati s-sitt lokalitajiet hotspot li kienu ġew proposti oriġinarjament, iżda tnejn minnhom (Augusta u Porto Empedocle) baqgħu ma sarux hotspots.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

12

L-approċċ hotspot huwa deskritt kif ġej: “... l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), il-Frontex u l-Europol ser jaħdmu fuq il-post ma’ Stati Membri li huma l-iktar milquta biex malajr jidentifikaw, jirreġistraw u jieħdu l-marki tas-swaba’ tal-migranti li jkunu deħlin. Il-ħidma ta’ aġenzija se tkun komplementari għal tal-oħra. Dawk li jitolbu l-asil ser ikunu immedjatament mgħoddija għal proċedura tal-asil, fejn timijiet ta’ appoġġ tal-EASO se jgħinu biex il-każijiet ta’ asil jiġu pproċessati malajr kemm jista’ jkun. Għal dawk li ma għandhomx bżonn protezzjoni, il-Frontex se tgħin lill-Istati Membri fil-koordinazzjoni tar-ritorn ta’ migranti irregolari. Il-Europol u l-Eurojust se jgħinu lill-Istat Membru ospitanti b’investigazzjonijiet biex jiġu żarmati n-netwerks tal-kuntrabandu u t-traffikar”7 (ara l-Kaxxa 1).

13

Il-qafas operazzjonali li jirregola l-”approċċ ħotspot” inizjalment ġie stipulat f’”nota ta’ spjegazzjoni” li ntbagħtet mill-Kummissarju Avramopoulos lill-Ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fil-15 ta’ Lulju 20158. Il-prinċipji ġew iddikjarati mill-ġdid f’anness għal Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, minn Settembru 20159. Skont dawn il-prinċipji, l-approċċ hotspot huwa maħsub li jipprovdi qafas operazzjonali għall-Kummissjoni u l-Aġenziji biex jikkonċentraw l-appoġġ tagħhom (permezz ta’ “Timijiet ta’ Appoġġ għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni”) fuq il-post fejn huwa l-aktar meħtieġ, jikkoordinaw l-interventi tagħhom u jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti. It-Timijiet ta’ Appoġġ jistgħu jaħdmu biss fi sħubija ma’, u taħt il-kontroll sħiħ tal-Istat Membru ospitanti, peress li huma l-aworitajiet nazzjonali biss li huma kompetenti biex jistabbilixxu (bl-appoġġ tal-finanzjament mill-UE, fejn meħtieġ) u jimmaniġġjaw infrastrutturi tal-akkoljenza u r-reġistrazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb, kif ukoll jimplimentaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u ta’ segwitu rilevanti.

Kaxxa 1

Ir-rwol tal-Aġenziji

L-Aġenziji tal-UE jagħtu appoġġ speċifiku lill-Istati Membri ospitanti skont il-mandati u l-kompetenzi tagħhom, billi jibagħtu timijiet ta’ esperti, li jiġu pprovduti minn Stati Membri oħra.

Il-Frontex

Fuq talba mill-Istati Membri, il-Frontex tipprovdi kooperazzjoni operazzjonali permezz ta’ operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi. Hija tiskjera esperti, inklużi interpreti, li jaġixxu wkoll bħala medjaturi kulturali, biex jappoġġaw lill-Istati Membri ospitanti fl-identifikazzjoni, fir-reġistrazzjoni u fit-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti hekk kif jaslu. Il-Frontex tiskjera wkoll esperti biex jgħinu fil-ġbir ta’ informazzjoni mingħand il-migranti (permezz ta’ intervisti volontarji), sabiex b’hekk jifhmu r-rotot tagħhom lejn l-Ewropa, kif ukoll jiġbru informazzjoni dwar in-netwerks u l-operazzjonijiet tal-kuntrabandu ta’ migranti. Fejn ikun meħtieġ, l-esperti tal-Frontex jistgħu jipprovdu wkoll assistenza ta’ qabel ir-ritorn u jikkoordinaw titjiriet ta’ ritorn.

L-EASO

L-EASO jipprovdi jew jikkoordina l-għoti ta’ appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri fil-qafas tal-mandat tiegħu u fil-kuntest tal-Pjanijiet Operattivi li ntlaħaq qbil dwarhom mal-Istati Membri. Appoġġ ta’ dan it-tip jingħata permezz tal-iskjerament ta’ esperti b’għarfien dwar il-leġiżlazzjoni attwali li tirrigwarda l-immigrazzjoni u l-asil (u fl-Italja, fejn ikun xieraq, dik li tirrigwarda r-rilokazzjoni) u dwar kif isiru applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali. L-esperti tal-EASO jagħtu appoġġ lill-Istati Membri ospitanti fir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-asil u fit-tħejjija tal-fajls tagħhom ta’ applikazzjoni għall-asil (il-Greċja) jew fl-identifikazzjoni ta’ kandidati għar-rilokazzjoni u fit-tħejjija tal-fajls tagħhom ta’ rikolazzjoni (l-Italja).

Il-Europol

Il-Europol jibgħat timijiet ta’ investigaturi jagħtu appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali fil-prevenzjoni u l-isfaxxament ta’ netwerks tal-kriminalità organizzata li jkunu involuti fil-kuntrabandu ta’ migranti u fi kriminalità serja u organizzata oħra, kif ukoll appoġġ fl-identifikazzjoni ta’ rabtiet ma’ investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu. Bħala parti mir-rispons tal-UE kontra t-terroriżmu, fl-10 ta’ Marzu 201610, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) tal-UE rrinforza l-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Novembru 201511, fejn talab lill-Europol biex, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, jiżviluppa u jimplimenta kunċett ta’ “uffiċjali mistiedna”12 fil-hotspots bħala appoġġ għall-proċess ta’ skrinjar (imsejjaħ ukoll kontrolli ta’ sigurtà sekondarji).

Proċeduri ta’ segwitu

14

Wara r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tagħhom, iċ-ċittadini li ma jkunux mill-UE u li jkunu waslu b’mod irregolari għandhom imbagħad jingħaddew għal wieħed mit-tliet proċessi li ġejjin13 (ara l-flowchart tal-”Approċċ hotspot” fl-Anness II).

  • is-sistema nazzjonali tal-asil tal-pajjiż li fih ikunu waslu l-migranti (jekk migrant ikun qed japplika għall-asil u jitqies li jkun jeħtieġ protezzjoni internazzjonali).
  • l-Iskema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza (ara l-paragrafu 16), jew
  • is-sistema ta’ ritorn (jekk migrant ma jitlobx, jew jitqies li ma jkunx jeħtieġ protezzjoni internazzjonali).
15

Is-sistema tal-asil u s-sistema ta’ ritorn huma partijiet komplementari ta’ ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u huma rregolati bir-regolamenti u d-direttivi Ewropej eżistenti, bħar-Regolament dwar il-EURODAC (dwar it-teħid tal-marki tas-swaba’) u r-Regolament ta’ Dublin (ara l-paragrafu 6), id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u d-Direttiva dwar ir-Ritorn.

16

Mill-banda l-oħra, l-iskema ta’ rilokazzjoni hija mekkaniżmu temporanju bl-ghan li ssir ridistribuzzjoni ta’ persuni bi ħtieġa ċara ta’ protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-piż jinqasam b’mod ġust fost l-Istati Membri u sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq l-Istati Membri l-aktar milquta. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet din l-iskema ta’ rilokazzjoni, li fil-fatt hija eżenzjoni temporanja mill-mekkaniżmu ta’ Dublin (deskritt hawn fuq fil-paragrafu 6) bħala parti mill-Aġenda tagħha dwar il-Migrazzjoni f’Mejju 2015. Minħabba l-ammont kbir ta’ wasliet ta’ migranti u l-pressjoni estrema li saret fuq is-sistemi tal-asil u l-faċilitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri l-aktar milquta, il-Kummissjoni pproponiet li kien jenħtieġ li tiġi attivata s-sistema ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza, prevista flt-TFUE14. Din il-proposta wasslet għal żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill, li ġew adottati f’Settembru 201515 u li stabbilew skema ta’ rilokazzjoni temporanja. Hija kellha l-għan li tirriloka total ta’ madwar 106 000 applikant bi ħtieġa ċara ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Greċja u mill-Italja, għal Stati Membri oħra matul il-perjodu Settembru 2015 – Settembru 2017; ir-responsabbiltà għall-eżaminar tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-asil kellha mbagħad tgħaddi għal dawn l-Istati Membri.

17

L-approċċ hotspot, li jiffoka fuq l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti hekk kif jaslu, għandu għalhekk l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri ta’ segwitu u jista’ jitqies ukoll bħala prekundizzjoni neċessarja biex dawn il-proċeduri ta’ segwitu jaħdmu b’mod effettiv.

Miżuri relatati ta’ politika

18

Minbarra diversi miżuri fuq terminu qasir li ġew proposti fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, inkluż l-approċċ hotspot u l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni temporanja, l-Aġenda inkludiet ukoll miżuri oħra, fuq terminu aktar fit-tul, li kellhom l-għan li jtejbu l-ġestjoni tal-migrazzjoni, bħal miżuri għall-ġestjoni aħjar tal-fruntieri u miżuri li l-għan tagħhom kien li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari. Ħafna mill-miżuri l-aktar importanti li ġew deċiżi matul il-perjodu awditjat huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt.

Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika
19

Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika tnieda fis-Summit dwar il-Migrazzjoni li sar fit-12 ta’ Novembru 2015 fil-Belt Valletta, Malta. Minħabba l-livelli ta’ migrazzjoni irregolari, li huma mingħajr preċedent u li għadhom jippersistu, inħoloq il-Fond Fiduċjarju biex jagħti appoġġ lill-pajjiżi Afrikani li huma l-aktar fraġli u li l-aktar intlaqtu fir-reġjun tas-Saħel u fiż-żona tal-Lag Chad, il-Qarn tal-Afrika u l-Afrika ta’ Fuq. L-għan tal-Fond Fiduċjarju huwa li jgħin biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tad-destabilizzazzjoni, l-ispostament u l-migrazzjoni irregolari fil-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, billi jippromwovi opportunitajiet ekonomiċi u opportunitajiet indaqs, sigurtà u żvilupp. Il-Fond Fiduċjarju jiġbor flimkien finanzjament minn strumenti finanzjarji differenti li huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-baġit tal-UE u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li fil-31 ta’ Diċembru 2016 kien jammonta għal bejn wieħed u ieħor EUR 2.4 biljun, u li huwa ssupplimentat b’fondi addizzjonali ta’ EUR 152 miljun mill-Istati Membri tal-UE u minn donaturi oħra.

Dikjarazzjoni UE-Turkija
20

Fit-18 ta’ Marzu 2016, l-Isttai Membri tal-UE u t-Turkija qablu dwar sensiela ta’ miżuri bl-għan li jitnaqqas jew jitwaqqaf il-fluss ta’ migranti irregolari li kienu qed jaqsmu mit-Turkija għall-gżejjer Griegi16. Taħt din id-Dikjarazzjoni, il-migranti kollha li jaslu fil-gżejjer Griegi jkomplu jiġu rreġistrati kif suppost, u l-awtoritajiet Griegi jipproċessaw l-applikazzjonijiet kollha individwalment fil-hotspot skont id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil. Il-migranti li ma japplikawx għall-asil, jew li l-applikazzjoni tagħhom tkun tqieset li hija bla bażi jew inammissibbli skont id-Direttiva jintbagħtu lura t-Turkija. Għal kull Sirjan li jintbagħat lura t-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor jiġi risistemat fl-UE mit-Turkija. Dan kellu impatt kbir fuq il-funzjonament tal-hotspots u tal-approċċ hotspot fil-Greċja.

Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
21

B’riżultat tal-kriżi attwali tal-migrazzjoni, beda jidher ċar li ż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni setgħet tkun sostenibbli biss jekk il-fruntieri esterni jkunu żgurati u protetti b’mod effettiv, li huwa interess komuni u kondiviż. Għalhekk, l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni identifikat il-ħtieġa li l-ġestjoni tal-fruntieri esterni tibda tkun ir-responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri u tal-UE. Bħala segwitu għal dan, f’Diċembru 2015, il-Kummissjoni introduċiet pakkett ta’ miżuri li kellu l-għan li jiżgura l-fruntieri tal-UE, jimmaniġġja l-migrazzjoni b’mod aktar effettiv, u jtejjeb is-sigurtà interna tal-UE.

22

Element ewlieni fil-pakkett kien il-proposta għal Regolament biex tiġi stabbilita Aġenzija ġdida - l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta – u biex ir-riżorsi indipendenti ta’ din l-Aġenzija l-ġdida u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-ġestjoni tal-fruntieri jingħaqdu flimkien. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar l-Aġenzija l-ġdida fi żmien qasir u din bdiet topera fis-6 ta’ Ottubru 2016. Il-mandat tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta17 huwa konsiderevolment usa’ minn dak tal-Frontex; il-persunal permanenti tagħha se jkun darbtejn akbar u se tkun tista’ tagħmel użu minn riżerva ta’ reazzjoni rapida, magħmula minn 1 500 espert, biex b’hekk tonqos id-dipendenza tagħha fuq il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri.

Qafas ta’ finanzjament

23

Il-finanzjament u l-appoġġ għall-istabbiliment u l-funzjonament tal-hotspots jiġi pprovdut minn ħafna sorsi differenti inklużi l-UE, l-Aġenziji tal-UE, awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs.

24

Il-finanzjament mill-UE (ara l-Figura 6), inkluż l-appoġġ għall-approċċ hotspot, huwa disponibbli għall-Greċja u għall-Italja permezz tal-allokazzjonijiet rispettivi taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI), u jkopri l-perjodu mill-2014 sal-2020. Huwa disponibbli wkoll permezz ta’ assistenza f’każ ta’ emerġenza mogħtija taħt l-AMIF u l-FSI. Fil-każ tal-Greċja, l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza18 (ESI) huwa disponibbli wkoll biex jindirizza s-sitwazzjoni umanitarja. L-azzjonijiet iffinanzjati permezz tal-allokazzjonijiet nazzjonali taħt l-AMIF u l-FSI huma kofinanzjati mill-Istati Membri riċevituri, iżda l-assistenza f’każ ta’ emerġenza tista’ tiġi ffinanzjata 100 % mill-baġit tal-UE. L-ammonti żborżati fiż-żmien meta sar l-awditu jirrappreżentaw pagamenti bil-quddiem li saru lill-awtoritajiet Griegi u Taljani, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tal-UE rispettivament.

Figura 6

Appoġġ finanzjarju mill-UE (f’miljun EUR)

IL-GREĊJAL-ITALJA
MogħtijaŻborżatiMogħtijaŻborżati
AMIF58524736555
Programmi Nazzjonali taħt il-fond AMIF għall-2014-20202954534844
Assistenza f’każ ta’ Emerġenza mogħtija lill-Istati Membri taħt l-AMIF1261011610
Assistenza f’każ ta’ Emerġenza mogħtija lill-Organizzazzjonijiet Internazzjonali/Aġenziji tal-UE taħt l-AMIF16510111
FSI2777529136
Programmi Nazzjonali taħt il-fond FSI għall-2014-20202152624529
Assistenza f’każ ta’ Emerġenza mogħtija lill-Istati Membri taħt l-FSI5242467
Assistenza f’każ ta’ Emerġenza mogħtija lill-Organizzazzjonijiet Internazzjonali/Aġenziji tal-UE taħt l-FSI10700
Strument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ikkuntrattat)19212700
TOTAL1 05544865691

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea: L-iskeda informattiva “EU support to Greece” (Appoġġ tal-UE mogħti lill-Greċja) tat-8.12.2016, l-Anness 8 għal COM(2015) 510 final tal-14.10.2015 “Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta’ Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” li ġie aġġornat fl-4.12.2016 u l-Intranet Hope tad-DĠ ECHO, is-sitwazzjoni fil-15.12.2016. Kwalunkwe differenza fit-totali/fis-subtotali hija dovuta għall-arrotondament.

Il-Greċja
25

Minħabba d-dewmien fit-tnedija tal-fondi u fl-istabbiliment tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll meħtieġa fil-Greċja, flimkien mal-limitazzjonijiet tal-baġit domestiku biex jikkofinanzja n-nefqa tal-UE, l-ebda nfiq li kien sar fl-2015 mill-allokazzjonijiet nazzjonali Griegi taħt l-AMIF/FSI ma kien ġie kkonfermat fl-201619. Il-Kummissjoni tirrapporta li mill-bidu tal-2015 sa tmiem l-2016, hija kienet tat aktar minn EUR 352 miljun f’finanzjament ta’ emerġenza (mill-AMIF/FSI)20, kif ukoll EUR 192 miljun f’appoġġ umanitarju21 permezz tal-ESI. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-fondi kienu mmirati għal attivitajiet fuq il-Greċja kontinentali (fejn, f’Novembru 2016, kien għad hemm preżenti madwar 45 000 migrant22), filwaqt li l-Kummissjoni tistma li kważi EUR 100 miljun ingħataw bħala appoġġ għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet fil-gżejjer u l-hotspots.

26

Il-proġetti appoġġati mill-Kummissjoni taħt l-AMIF u l-FSI fil-qafas tal-assistenza f’każ ta’ emerġenza jinkludu l-provvediment ta’ kenn u akkomodazzjoni, il-forniment tal-ikel, il-kura tas-saħħa, xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għas-sistemi tal-ilma u tad-drenaġġ, it-trasport mill-punti tal-iżbark għall-hotspots, it-titjib tal-kapaċità tal-awtoritajiet Griegi għat-teħid tal-marki tas-swaba’ u l-ammeljorament tas-sistemi eżistenti tal-IT li l-Pulizija Ellenika tuża għall-proċess ta’ reġistrazzjoni. Peress li l-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament ta’ emerġenza taħt l-AMIF u l-FSI ttieħdu minn Ottubru 2015 ‘il quddiem (normalment, b’perjodi ta’ implimentazzjoni ta’ 12-il xahar), ma kien għad hemm l-ebda rapport dwar l-utilizzazzjoni tal-fondi li kien disponibbli. L-istess japplika għall-azzjonijiet li twettqu taħt l-ESI, li l-ewwel deċiżjonijiet li ttieħdu fir-rigward tagħhom kienu f’Marzu 2016. Sa tmiem Frar 2017, il-Kummissjoni kienet għadha ma rċevietx informazzjoni dettaljata dwar l-użu ta’ dawn il-fondi.

L-Italja
27

Is-sitwazzjoni fl-Italja hija kemxejn differenti minn dik tal-Greċja. Fiż-żmien meta sar l-awditu, l-infiq li ġie rrappurtat lill-Kummissjoni23 mill-programmi nazzjonali tal-Italja ammonta għal EUR 1.6 miljun taħt il-fond AMIF (iżda mhux għall-benefiċċju tal-hotspots) u xejn taħt il-fond FSI għall-perjodu sa nofs Ottubru 2015. L-informazzjoni dwar il-fondi żborżati u l-proġetti magħżula u kkuntrattati sa nofs Ottubru 2016 kienet dovuta f’Marzu 2017.

28

Fir-rigward tat-taqsima tal-AMIF u l-FSI relatata mal-assistenza f’każ ta’ emerġenza, sa tmiem l-2016 l-Italja ngħatat EUR 62.8 miljun. Ma kien għad hemm l-ebda rapport dwar l-utilizzazzjoni ta’ dawn il-fondi ta’ emerġenza għall-hotspots li kien disponibbli fiż-żmien meta sar l-awditu.

Finanzjament indirett permezz tal-Aġenziji tal-UE
29

Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji permezz taż-żewġ aġenziji prinċipali tal-UE li kienu involuti (il-Frontex u l-EASO), il-Frontex oriġinarjament allokat EUR 20 miljun mill-baġit tagħha għall-2016, għal nefqa ddedikata għall-hotspots24, iżda sadanittant (sa tmiem Novembru 2016) hija diġà impenjat kważi EUR 35 miljun għal dan l-iskop. Il-finanzjament mill-UE li ngħata lill-EASO fl-2016 żdied minn madwar EUR 19.4 miljun għal EUR 63.5 miljun (inklużi EUR 26 miljun mill-AMIF/FSI) sabiex ikopri l-appoġġ tagħha għall-approċċ hotspot u l-iskema ta’ rilokazzjoni25.

30

Il-Europol irċieva għotja mill-FSI għal assistenza f’każ ta’ emerġenza li ammontat għal EUR 1.5 miljun fl-2016 bil-ħsieb li jiskjera esperti (Uffiċjali Mistiedna) fil-hotspots biex iwettqu kontrolli ta’ sigurtà sekondarji.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

31

Aħna vvalutajna l-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot fl-Italja u fil-Greċja, għall-perjodu minn meta dan tħabbar għall-ewwel darba fl-Aġenda dwar il-Migrazzjoni f’Mejju 2015 sa tmiem is-sajf tal-2016. Aħna ffukajna speċifikament fuq żewġ mistoqsijiet prinċipali:

  • il-hotspots meħtieġa kienu jinstabu f’pożizzjoni tajba, kienu ġew stabbiliti b’mod f’waqtu u kellhom biżżejjed kapaċità biex jindirizzaw il-ħtiġijiet, bil-provvediment ta’ servizzi adegwati ta’ appoġġ, il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni meħtieġa u proċeduri adegwati ta’ monitoraġġ?;
  • l-approċċ hotspot kien qed jippermetti li l-fluss ta’ migranti li kienu deħlin jiġi mmaniġġjat b’mod effettiv, kien qed jippermetti li jitwettqu identifikazzjoni sħiħa, reġistrazzjoni u teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti, kif ukoll li dawn jingħaddew fi żmien debitu għall-proċessi ta’ segwitu rilevanti (asil, rilokazzjoni, ritorn)?.
32

Aħna kkonċentrajna fuq l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni nfisha, mill-Frontex, mill-EASO u mill-Europol. Aħna eskludejna r-rwol speċifiku tal-Eurojust, peress li l-involviment tagħha fil-hotspots kien aktar indirett u peress li ma kellha l-ebda preżenza fil-hotspots. Barra minn hekk, aħna ma eżaminajniex l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil jew il-proċeduri ta’ rilokazzjoni jew ta’ ritorn. Filwaqt li l-approċċ hotspot innifsu ma jestendix għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri, it-tnejn huma ovvjament marbutin, peress li approċċ hotspot effettiv huwa prekundizzjoni neċessarja biex ikun hemm segwitu li jirnexxi, bl-istess mod kif il-punti ta’ konġestjoni f’dawn il-proċeduri ta’ segwitu jistgħu jaffettwaw l-adegwatezza tal-hotspots. Minħabba f’din ir-rabta, aħna nirreferu għall-isfidi li hemm fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri ta’ segwitu, kif ġie osservat matul l-awditu.

33

Ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien jkkonsisti f’analiżi fl-uffiċċju tad-dokumentazzjoni disponibbli, intervisti mal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Aġenziji26, rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali fl-Italja u fil-Greċja, organizzazzjonijiet internazzjonali27 u Organizzazzjonijiet Nongovernattivi (NGOs)28. Aħna wettaqna wkoll żjarat fuq il-post f’bosta hotspots (Pozzallo u Trapani fl-Italja, Lesbos, Chios u Leros fil-Greċja) u lit-task forces reġjonali fiż-żewġ pajjiżi. Aħna ħadna kont tal-fatt li s-sitwazzjoni reċenti ta’ kriżi u l-bidliet frekwenti li saru fiċ-ċirkustanzi fil-qasam ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni ħolqu ambjent li kien diffiċli u volatili għall-operat tal-Kummissjoni, l-Aġenziji u l-Istati Membri.

Osservazzjonijiet

Stabbiliment ta’ ħotspots

34

Aħna eżaminajna jekk il-hotspots kinux ġew stabbiliti b’mod f’waqtu u jekk l-ammont, il-pożizzjoni u l-kapaċità tagħhom kinux adegwati għall-ħtiġijiet reali, jekk ġewx ipprovduti servizzi adegwati ta’ appoġġ, jekk kinitx ġiet stabbilita l-koordinazzjoni meħtieġa u jekk il-proċeduri ta’ monitoraġġ kinux adegwati.

Il-ħolqien ta’ hotspots mexa aktar bil-mod milli kien ippjanat u l-kapaċità attwali ta’ akkoljenza għadha mhix biżżejjed

35

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill, li kienet maħsuba biex tgħin lill-Italja u lill-Greċja jlaħħqu aktar ma’ sitwazzjoni ta’ emerġenza (ara l-paragrafu 16),fis-16 ta’ Settembru 2015, kemm l-Italja kif ukoll il-Greċja kellhom jippreżentaw pjan direzzjonali kull wieħed lill-Kummissjoni, li kellu jinkludi miżuri adegwati għall-asil, l-ewwel akkoljenza u r-ritorn, u t-tisħiħ tal-kapaċità, tal-kwalità u tal-effiċjenza tas-sistemi tagħhom f’dawn l-oqsma.

Il-Greċja
36

Fil-pjan direzzjonali li ppreżentat lill-Kummissjoni, il-Greċja identifikat ħames hotspots li kellhom jiġu stabbiliti sa tmiem l-2015 fil-”punti prinċipali ta’ dħul attwali”: Lesbos, Chios, Samos, Leros u Kos (ara l-Figura 5). Il-Kummissjoni, meta għamlet il-kummenti tagħha dwar il-pjan direzzjonali, ma qajmitx dubji dwar il-lokalitajiet hotspot li kienu ppjanati, peress li hija qieset li din kienet responsabbiltà nazzjonali. Id-data dwar il-wasliet ta’ migranti wriet li dawn il-gżejjer kienu verament il-punti prinċipali minn fejn il-migranti kienu qed jidħlu fit-territorju Grieg f’dak iż-żmien.

37

Il-hotspots f’Moria fuq il-gżira ta’ Lesbos u f’Vathi fuq il-gżira ta’ Samos inbnew bl-użu ta’ strutturi iżgħar li kienu diġà jeżistu. Lejn tmiem l-2015, inħolqu faċilitajiet proviżorji ta’ akkoljenza fuq il-gżejjer l-oħra u fil-bidu tal-2016, saru sforzi sostanzjali mill-awtoritajiet Griegi biex jinbnew iċ-ċentri hotspot li jeżistu attwalment, biex b’hekk erbgħa mill-ħames hotspots ippjanati gradwalment saru aktar operazzjonali fil-perjodu bejn Jannar u Marzu 2016. Dan sar aktar tard milli kien ippjanat u, konsegwentement, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-migranti kollha li waslu matul il-perjodu sa Marzu 2016 ma kinux garantiti għalkollox.

38

F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni vvalutat li l-ħames hotspots fil-Greċja kienu kollha kompletament operazzjonali, u li kienu jipprovdu kapaċità ta’ akkoljenza għal total ta’ 7 450 persuna29. Madankollu, dan ma kienx biżżejjed biex jakkomoda l-għadd ta’ migranti li kienu qed jaslu fl-2016 minħabba l-bidla fiċ-ċirkustanzi. B’segwitu għall-għeluq tar-rotta tal-Balkani tal-Punent u d-Dikjarazzjoni UE-Turkija, il-wasliet ġodda naqsu b’mod konsiderevoli (ara l-Figura 7) għal madwar 50 persuna kuljum matul il-perjodu Mejju-Ġunju (meta mqabbel ma’ medja ta’ madwar 2 000 persuna kuljum fil-perjodu Jannar-Frar). Minn Lulju 2016 ‘il quddiem, dawn reġgħu bdew jiżdiedu, għal aktar minn 100 persuna kuljum sa tmiem Awwissu. Għalkemm l-ammont ta’ wasliet kien ferm inqas minn qabel, kumplessivament, aktar migranti għadhom qed jaslu fil-hotspots milli qed jitilqu minnhom. Wara ż-żjara tagħna f’Lulju 2016, il-popolazzjoni tal-migranti fuq il-gżejjer żdiedet minn 8 502 fil-bidu ta’ Lulju għal 12 515 fil-bidu ta’ Settembru u għal 16 250 fil-bidu ta’ Novembru30.

Figura 7

Wasliet ta’ migranti bil-baħar fil-gżejjer Griegi

Għadd ta’ migranti li waslu bejn l-1.10.2015 u l-1.1.2017

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

39

Preċedentement, il-migranti li waslu fil-hotspots kienu qed jiġu ttrasferiti għall-art kontinentali wara ftit jiem, ladarba l-proċeduri inizjali ta’ identifikazzjoni, reġistrazzjoni u teħid tal-marki tas-swaba’ kienu ġew ikkompletati. Din is-sitwazzjoni nbidlet wara d-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Il-migranti ġodda li waslu ma tħallewx aktar jitilqu lejn l-art kontinentali, iżda minflok kellhom jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għall-asil fil-hotspot. In-natura tas-soġġorn tal-migranti fil-hotspots inbidlet minn tranżitu ta’ ftit jiem għal soġġorn li kien ħafna itwal (xhur).

40

Għalhekk il-hotspots, b’mod partikolari dawk f’Lesbos, Chios u Samos, huma ffullati ħafna, billi aktar migranti qed jaslu fuq il-gżejjer Griegi milli qed jitilqu minnhom31. Il-kundizzjonijiet materjali fil-kampijiet (il-kwalità tal-ikel, l-insuffiċjenza ta’ kutri u n-nuqqas ta’ privatezza, l-inadegwatezza tal-aċċess għall-kura medika, l-iskarsezza tal-ilma) ġew ikkritikati minn NGOs bħal Amnesty International32, Human Rights Watch33 u Save the Children34. L-Unitajiet ta’ Akkomodazzjoni għar-Refuġjati (binjiet standard f’għamla ta’ kontejners) huma ffullati ħafna, sal-punt li ħafna migranti bnew postijiet ta’ kenn ad hoc madwar il-perimetri tal-hotspots (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Diffikultajiet fil-gżejjer hotspot Griegi

F’Chios, xi persuni kienu ħarbu mill-kamp prinċipali (parzjalment minħabba tħassib dwar is-sikurezza li kien ikkawżat minn ġlied fil-hotspots) u kienu qed jorqdu barra fi u madwar il-port prinċipali fiċ-ċentru ta’ Chios. Ftit li xejn kien hemm sigurtà u l-aċċess għal servizzi bażiċi hemm kien fqir. F’Leros, il-kamp kien inqas iffullat fiż-żmien taż-żjara tagħna fil-bidu ta’ Lulju, iżda ftit jiem wara, faqqgħu rvellijiet u għadd ta’ binjiet ġarrbu ħsarat. F’Lesbos, il-kamp ta’ Moria ġarrab ħsara konsiderevoli minn nirien meta seħħew irvellijiet f’Settembru. It-tliet gżejjer kollha qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jospitaw u jakkomodaw hotspots fuq it-territorju tagħhom, f’termini ta’ infrastruttura, servizzi ta’ appoġġ jew oppożizzjoni mir-residenti lokali jew mill-aġenti tat-turiżmu.

41

It-taqsim tal-akkomodazzjoni ta’ spiss ma kienx fih separazzjonijiet bejn irġiel mhux miżżewġin u kategoriji oħra, bħal nisa mhux miżżewġin, familji jew minorenni. L-għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati huwa stmat li jlaħħaq madwar 2 500 persuna (Settembru 201635) u l-pajjiż ma għandux biżżejjed kapaċità f’faċilitajiet iddedikati biex jakkomadahom skont standards internazzjonali36. B’riżultat ta’ dan, ħafna minorenni mhux akkumpanjati nżammu għal perjodi twal fil-hotspots f’kundizzjonijiet li mhumiex xierqa37, minkejja li l-liġi tirrikjedi li dawn jingħataw prijorità38 (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għal minorenni mhux akkumpanjati

Fil-hotspot ta’ Moria (Lesbos), matul iż-żjara tal-awdituri tagħna sibna li l-minorenni mhux akkumpanjati (li f’dak iż-żmien kienu jammontaw għal madwar 90 persuna) kienu qed jinżammu f’kundizzjonijiet restrittivi fil-kamp, u li kienu separati mill-adulti. Il-biċċa l-kbira minnhom kienu ilhom hemm għal aktar minn tliet xhur, b’segwitu għad-Dikjarazzjoni UE-Turkija. Skont l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali f’nofs Lulju, bniet mhux akkumpanjati kienu baqgħu jinżammu f’akkomodazzjoni flimkien ma’ subien mhux akkumpanjati għal aktar minn ġimagħtejn, u l-unika miżura ta’ sigurtà kienet il-possibbiltà li jsakkru l-bieb tal-kamra tas-sodda billejl. Minbarra dawn, 60 minorenni oħra mhux akkumpanjati kienu qed jinżammu f’postijiet ta’ kenn miftuħa lil hinn mill-kamp f’Mytilene.

Fiż-żmien meta saret iż-żjara tal-QEA f’Leros, id-39 minorenni mhux akkumpanjati ma kinux qed jinżammu separati mill-adulti, iżda kienu qed jinżammu flimkien magħhom fiċ-ċentru ta’ Lepida. Preċedentement, huma kienu qed jinżammu f’faċilità miftuħa (PIKPA) flimkien ma’ gruppi vulnerabbli oħra, iżda, skont l-uffiċjali tar-RIS, kienu ġew ittrasferiti minn hemm mill-maniġer preċedenti tar-RIS għall-protezzjoni tagħhom stess. Mingħajr protezzjoni adegwata u speċifika għat-tfal f’Lepida, dawn kienu ristretti u l-benesseri tagħhom tqiegħed f’riskju minħabba dan it-trattament. F’Chios ukoll, il-minorenni mhux akkumpanjati kienu qed jinżammu f’akkomodazzjoni li ma kinitx separata mill-adulti.

42

Il-membri tal-persunal tal-Aġenziji kienu esposti wkoll għal protesti u aggressjoni vjolenti; xi membri tal-persunal tal-UE u persunal ieħor kellhom jiġu evakwati, u partijiet mill-faċilitajiet tal-hotspots inqerdu jew ġarrbu ħsarat.

43

Is-sigurtà u s-sikurezza, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru, ma ġewx evalwati b’mod adegwat fl-istadju tal-ippjanar. Inizjalment, l-ebda pjan ta’ sigurtà ma ġie abbozzat u l-kampijiet ma kellhomx ħruġ ta’ emerġenza. Kwistjonijiet ta’ sigurtà ġew diskussi f’numru ta’ lagħat ta’ koordinazzjoni, fejn il-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE, bi qbil mal-awtoritajiet Griegi, żviluppaw pjan ta’ sigurtà u proċeduri ta’ emerġenza.

L-Italja
44

L-Italja ppreżentat ukoll pjan direzzjonali f’Settembru 2015, b’miżuri fl-oqsma tal-asil, l-ewwel akkoljenza u r-ritorn bl-għan li ttejjeb is-sistemi tagħha f’dawn l-oqsma. Dan il-pjan direzzjonali ppreveda total ta’ sitt hotspots, li kellhom jiġu stabbiliti u jkunu operazzjonali sa tmiem l-2015, b’kapaċità kumplessiva ta’ 2 500 post. Fil-feedback tagħha dwar il-pjan direzzjonali, il-Kummissjoni qieset li l-lokalitajiet hotspot li ġew ippjanati inizjalment, u li kienu bbażati fuq id-disponibbiltà ta’ strutturi eżistenti, kienu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, il-pjan ma ħax inkunsiderazzjoni ż-żmien li kien meħtieġ għall-adattament ta dawn l-istrutturi jew tal-proċeduri operattivi tagħhom, u minbarra dan, mhux il-lokalitajiet kollha proposti kienu f’konformità max-xejriet eżistenti tal-iżbark.

45

Sa tmiem l-2015, tnejn biss mis-sitt hotspots previsti (ara l-Figura 5) kienu operazzjonali (Lampedusa, Pozzallo) u tnejn oħra saru operazzjonali fl-ewwel xhur tal-2016 (Trapani, Taranto). Sa Lulju 2016 (meta saret iż-żjara tal-awditjar), il-kapaċità totali fl-erba’ hotspots li kienu operazzjonali kienet ta’ 1 600 post, li kien ċar li ma kinitx biżżejjed biex tlaħħaq mal-livelli għoljin ħafna ta’ wasliet ta’ migranti li regolarment kienu qed jammontaw għal 2 000 persuna jew aktar kuljum. Skont data pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, matul l-ewwel seba’ xhur tal-2016, madwar 70 % tal-migranti kienu għadhom qed jiżbarkaw lil hinn mill-hotspots eżistenti, u dan żied ir-riskju li r-reġistrazzjoni tal-migranti li kienu deħlin ma tkunx kompleta.

46

F’Ġunju 2016, sabiex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet Taljani ħabbru l-istabbiliment ta’ żewġ hotspots addizzjonali (biex jissostitwixxu tnejn li kienu ġew ikkanċellati), li kienu għadhom mhumiex operazzjonali fi tmiem Frar 2017. Barra minn hekk, minn Jannar 2016, l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni bdew jiddiskutu strateġija ġdida, li tibni fuq l-approċċ hotspot, iżda mingħajr faċilitajiet fiżiċi ta’ akkomodazzjoni, u din għadha fil-proċess li tiġi implimentata. Dan l-approċċ għandu l-għan li jammeljora portijiet oħra tal-iżbark biex il-proċeduri operattivi standard li ġew żviluppati għall-approċċ hotspot ikunu jistgħu jiġu applikati. Madankollu, fl-istess waqt, ir-rapport ta’ progress ta’ Novembru li nħareġ mill-Kummissjoni39, ħeġġeġ kif suppost lill-Italja biex tipproċedi wkoll bil-ftuħ taż-żewġ hotspots addizzjonali li kienu diġà tħabbru.

47

Preokkupazzjoni kbira għall-Italja hija l-għadd dejjem jiżdied ta’ minorenni mhux akkumpanjati li kienu qed jaslu fl-2016, aktar minn 20 000 sa tmiem Settembru 201640. Peress li hemm nuqqas ta’ faċilitajiet iddedikati għal minorenni fir-reġjuni fejn jinżlu l-art, huma jibqgħu għal wisq żmien fil-hotspots, li mhumiex adatti għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

L-appoġġ mogħti mill-Aġenziji tal-UE kien sostanzjali, iżda jiddependi ħafna fuq li r-riżorsi suffiċjenti li jsiru disponibbli mill-Istati Membri jkunu suffiċjenti

48

Il-provvediment ta’ servizzi ta’ appoġġ mill-Kummissjoni u mill-Aġenziji huwa bbażat fuq talbiet li jsiru mill-awtoritajiet Taljani u Griegi. Fir-rigward tal-hotspots, iż-żewġ pajjiżi l-ewwel fissru l-ħtiġijiet tagħhom għall-appoġġ fil-pjanijiet direzzjonali rispettivi tagħhom. L-appoġġ jikkonsisti prinċipalment f’esperti mill-Istati Membri, li jiġu skjerati permezz tal-Frontex u l-EASO, biex jassistu f’attivitajiet ta’ identifikazzjoni, skrinjar tan-nazzjonalità, reġistrazzjoni, teħid tal-marki tas-swaba’ u ġbir ta’ informazzjoni. Il-Frontex tgħin ukoll fil-proċeduri ta’ ritorn. L-EASO jappoġġa l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-rilokazzjoni, l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għar-rilokazzjoni fl-Italja u r-reġistrazzjoni u l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-asil fil-Greċja. Iż-żewġ aġenziji jipprovdu wkoll medjaturi kulturali. Il-Europol iwettaq kontrolli ta’ sigurtà sekondarji fuq każijiet li jkunu ntgħażlu għal attenzjoni speċjali b’riżultat ta’ attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, jew li jkunu ġew riferuti lil dawn l-awtoritajiet mill-Aġenziji tal-UE jew minn organizzazjonijiet oħra li jkunu preżenti.

49

Ir-rapporti tal-aġenziji juru li n-numru ta’ esperti li ġew skjerati kien ferm inqas minn dak li kien meħtieġ. Dan huwa dovut għall-fatt li l-aġenziji jiddependu fuq il-kooperazzjoni mill-Istati Membri, li jassenjaw esperti wara li jkunu saru talbiet mill-aġenziji. Barra minn hekk, l-aġenziji u l-Istati Membri la stennew u lanqas ma ppjanaw għaż-żieda fil-ħtiġijiet li seħħet fl-2015 u fl-2016. B’mod ġenerali, skont il-Frontex, bejn wieħed u ieħor 65 % mit-talbiet tagħha għal appoġġ dirett għal attivitajiet fil-hotspots kienu koperti mill-offerti li waslu mingħand l-Istati Membri, filwaqt li, għall-EASO, ir-riżultat kien, bħala medja, saħansitra aktar baxx (madwar 57 %). L-Istati Membri għandhom ukoll għadd limitat ta’ membri tal-persunal li huma disponibbli, u xi Stati Membri kienu huma stess qed jiffaċċjaw għadd kbir ta’ talbiet għall-asil, speċjalment fit-tieni nofs tal-2015.

50

Peress li l-esperti normalment jiġu skjerati biss għal perjodu limitat (xi drabi sitt ġimgħat, xi drabi anke inqas), jeħtieġ li l-aġenziji kontinwament jagħmlu talbiet ġodda sabiex jissostitwixxu esperti li jkunu temmew l-inkarigi tagħhom. Din ir-rotazzjoni frekwenti ovvjament timplika telf sinifikanti fl-effiċjenza, peress li esperti li jkunu għadhom kemm waslu jkollhom bżonn ftit taż-żmien biex jaġġustaw u biex isiru familjari mas-sitwazzjoni speċifika. Il-partijiet interessati kollha li ġew intervistati matul iż-żjarat tal-awditjar enfasizzaw il-ħtieġa li l-esperti jiġu skjerati għal perjodi itwal.

Il-Greċja
51

Fil-Greċja, il-ħtieġa ta’ appoġġ mill-Frontex fl-oqsma ta’ identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni naqset minħabba li minn meta ġiet implimentata d-Dikjarazzjoni UE-Turkija kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ li migranti qed jaslu fil-pajjiż. Mill-banda l-oħra, il-ħtieġa ta’ appoġġ mill-EASO żdiedet minn dak iż-żmien ‘il hawn, peress li l-biċċa l-kbira mill-migranti li ġew ittrasferiti għall-art kontinentali f’Marzu 2016 applikaw għall-asil, u l-maġġoranza tal-migranti ġodda li jaslu fil-gżejjer jagħmlu l-istess.

52

Ir-rapporti ta’ progress ta’ Settembru41 u ta’ Novembru 201642 li nħarġu mill-Kummissjoni jkomplu jappellaw lill-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ li jagħtu lill-EASO fil-provvediment ta’ esperti, peress li l-għadd ta’ esperti li qed jiġu skjerati fil-Greċja għadu mhux biżżejjed biex ilaħħaq mal-għadd akbar ta’ applikazzjonijiet għall-asil li jeħtieġ li jiġu pproċessati. Pereżempju, f’Settembru 2016, ġie stmat li kien hemm il-ħtieġa ta’ 100 assistent soċjali fil-qasam tal-asil (jiġifieri intervistaturi) fil-hotspots, iżda 41 biss kienu fil-fatt ġew skjerati mill-EASO sa tmiem Settembru 201643.

53

Il-persunal tal-Europol ġie skjerat minn Marzu 2016 biex iwettaq kontrolli ta’ sigurtà sekondarji fuq każijiet li jkunu ntgħażlu għal attenzjoni speċjali b’riżultat ta’ riferimenti mill-Pulizija Ellenika matul il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u ta’ skrinjar. L-iskop primarju ta’ dawn il-kontrolli huwa l-identifikazzjoni tal-movimenti ta’ terroristi suspettati u l-isfaxxar tan-netwerks tal-kriminalità organizzata li jkunu involuti fil-kuntrabandu ta’ migranti. Skont ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar is-Sitwazzjoni Attwali44, il-Europol skjera disa’ uffiċjali fil-ħames gżejjer sa Lulju 2016, f’konformità mal-pjan operazzjonali li ntlaħaq qbil dwaru mal-Pulizija Ellenika f’Ġunju 2016. F’Settembru 2016, skont il-Europol, l-ewwel grupp ta’ 10 uffiċjali mistiedna tal-Europol ġie skjerat fil-Greċja. F’Ottubru 2016, kontinġent addizzjonali ta’ 16-il uffiċjal li kienu mistednin minn Stati Membri oħra ġew skjerati għall-ħames hotspots kollha fil-Greċja sabiex iwettqu kontrolli ta’ sigurtà tat-tieni linja fid-databases tal-Europol.

L-Italja
54

B’mod ġenerali, l-awtoritajiet Taljani qiesu li l-appoġġ li ngħata mill-aġenziji tal-UE kien sodisfaċenti, b’mod partikolari peress li s-sitwazzjoni tjiebet minn Mejju ‘l quddiem, meta xi wħud mill-esperti tal-Frontex li oriġinarjament kienu intenzjonati li jiġu skjerati fil-Greċja setgħu jerġgħu jiġu skjerati għall-Italja. Madankollu, il-Kummissjoni xorta waħda tqis li r-rispons tal-Istati Membri għal talbiet li saru mill-EASO biex jiġu skjerati esperti fl-Italja mhuwiex biżżejjed biex ilaħħaq mal-ammont kbir ta’ wasliet ta’ persuni eliġibbli għal rilokazzjoni. Sa tmiem Settembru 2016, kienu ġew skjerati 33 espert dwar l-asil (u 35 medjatur kulturali), filwaqt li fil-pjan li kien intlaħaq qbil dwaru mal-awtoritajiet Taljani kienu ġew previsti 74 espert45.

55

F’Settembru 2016, l-Italja qablet li l-Europol ikun involut fuq il-post fit-twettiq ta’ kontrolli ta’ sigurtà sekondarji, kif mitlub mill-Kunsill. Il-Europol ipprovda input għal pjan operazzjonali u kien qed iħejji l-iskjerament ta’ uffiċjali mistiedna. F’Ottubru 2016, l-Italja talbet ukoll l-appoġġ mill-Europol għal kontrolli addizzjonali ta’ sigurtà relatati mar-rilokazzjoni46.

Il-Kummissjoni kellha rwol attiv fil-koordinazzjoni

56

L-approċċ hotspot jinvolvi ammont kbir ta’ atturi f’livelli differenti. Dan ifisser li jeħtieġ li l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenziji tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali fil-livell ċentrali u f’dak lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali (l-UNHCR u l-IOM) u NGOs ikunu kkoordinati tajjeb sabiex jiġi żgurat li l-hotspots jiffunzjonaw kif suppost.

57

Il-koordinazzjoni sseħħ fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali, fil-livell operazzjonali u fil-livell tal-hotspots. Fiż-żewġ pajjiżi, il-koordinazzjoni kienet iffaċilitata bil-preżenza ta’ persunal iddedikat mill-Kummissjoni u mill-Aġenziji.

Il-Greċja
58

Fil-Greċja, il-koordinazzjoni ċentrali sseħħ f’laqgħa ta’ koordinazzjoni bejn l-aġenziji, li tlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet nazzjonali differenti kollha, il-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali prinċipali. L-appoġġ mill-Kummissjoni jingħata minn servizz ġdid tal-Kummissjoni, li nħoloq fl-2015, is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SRSS), flimkien ma’ persunal minn dipartimenti oħra tal-Kummissjoni. Id-Direttur Ġenerali tal-SRSS jippresiedi f’din il-laqgħa bejn l-aġenziji, li ssir darba kull ġimagħtejn f’Ateni.

59

Punt ta’ tħassib, li tqajjem mill-partijiet interessati kollha li ġew intervistati matul iż-żjara tal-awditjar fil-Greċja, kien in-nuqqas ta’ proċeduri operattivi standard (SOPs) għall-hotspots. Għalkemm il-Pjan Direzzjonali Grieg47 identifika l-SOPs bħala objettiv ewlieni għaċ-ċentri kollha ta’ akkoljenza, dawn qatt ma ġew adottati. Fil-bidu tal-2016, il-gvern Grieg kien qed iħejji l-SOPs u l-Kummissjoni kkummentat dwar l-abbozz ta’ dokument tiegħu. Madankollu, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija bidlet b’mod fundamentali il-funzjonament tal-hotspots. B’mod parallel, il-Greċja adottat leġiżlazzjoni ġdida, fejn ittrasformat is-Servizz tal-Ewwel Akkoljenza fis-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni (RIS) u tatha kompiti ġodda. Dan interrompa wkoll l-iżvilupp tal-SOPs u kien jirrikjedi li dawn jiġu riveduti. Fiż-żmien taż-żjara tagħna, il-Greċja ma kinitx iffinalizzat ir-reviżjoni tal-abbozz ta’ SOPs, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kienet talbitha tagħmel dan bosta drabi.

60

Il-koordinazzjoni fil-livell operazzjonali tiġi indirizzata permezz tat-Task Force Reġjonali tal-UE48, li hija bbażata fil-port ta’ Piraeus f’Ateni. Din il-pjattaforma kienet maħsuba sabiex l-Aġenziji tal-UE jkunu jistgħu jiltaqgħu regolarment biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni ġenerali u jiskambjaw informazzjoni fost il-partijiet interessati differenti, skont il-mandati rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea hija wkoll preżenti u fil-fatt tippresiedi f’dawn il-laqgħat. Madankollu, ir-rwol tat-task force fl-approċċ hotspot mhuwiex iddefinit b’mod ċar ħafna u l-awtoritajiet nazzjonali ma jipparteċipawx fil-laqgħat tat-task force.

61

Fil-livell tal-hotspots, l-awtoritajiet ċentrali huma responsabbli mill-ġestjoni globali tal-hotspots iżda għad iridu jassumu din ir-responsabbiltà bis-sħiħ. Pereżempju, ma kienx hemm persuna maħtura speċifikament jew awtorità inkarigata mill-ġestjoni globali tal-istruttura u l-operazzjonijiet fuq bażi permanenti. Is-Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni kien formalment inkarigat mill-ġestjoni tal-hotspots, iżda kellu persunal limitat ħafna fuq il-post fiż-żmien meta saret iż-żjara tal-awditjar, lu b’hekk ma setax ikollu xi ħadd preżenti għal 24 siegħa kuljum. Fil-prattika, ma kienx ċar għall-partijiet interessati kollha liema kienet l-awtorità deċiżjonali kompetenti li kienet inkarigata mis-siti.

L-Italja
62

Fl-Italja, l-awtoritajiet nazzjonali wrew sjieda qawwija tal-approċċ hotspot u tal-ġestjoni relatata tal-migrazzjoni. L-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ tim Taljan iddedikat fi ħdan il-Ministeru tal-Intern (Dipartiment tal-Libertà Ċivili u l-Immigrazzjoni). L-appoġġ mill-Kummissjoni jingħata fil-livell ċentrali permezz ta’ tim żgħir f’Ruma. Proċeduri operattivi standard ġew abbozzati f’dan il-livell minn grupp ta’ ħidma li kien immexxi mill-Ministeru tal-Intern Taljan u kien jinvolvi l-partijiet interessati prinċipali kollha (l-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni, il-Frontex, il-Europol, l-EASO, l-UNHCR u l-IOM). Dawn il-proċeduri ġew adottati uffiċjalment u kkomunikati lill-atturi rilevanti fis-17 ta’ Mejju 2016. Huma jipprovdu gwida operazzjonali għall-attivitajiet imwettqa fil-hotspots, bl-objettiv li jinkiseb fluss tax-xogħol standardizzat u effiċjenti. L-adozzjoni tagħhom, wara bosta xhur ta’ konsultazzjoni, titqies mill-partijiet interessati kollha bħala pass pożittiv u importanti li jikkontribwixxi għall-istrutturar tal-approċċ hotspot fl-Italja.

63

Fil-livell operazzjonali, il-koordinazzjoni tiġi żgurata permezz tat-Task Force Reġjonali tal-UE, li hija bbażata f’Katanja, Sqallija. Barra mill-Aġenziji tal-UE u l-Kummissjoni, fl-Italja id-diversi awtoritajiet nazzjonali jipparteċipaw ukoll fl-EURTF.

64

Fil-livell tal-hotspots, l-awtoritajiet lokali (Prefetture) huma inkarigati mill-koordinazzjoni u mill-ġestjoni globali ta’ kull struttura tal-hotspots, iżda ma għandhomx preżenza permanenti fil-hotspots, għall-kuntrarju taż-żewġ atturi prinċipali preżenti: il-Pulizija tal-Istat (Questura) u l-entità maniġerjali tal-istruttura (li ta’ spiss tkun NGO), kull wieħed bl-oqsma ta’ responsabbiltà rispettivi tagħhom. Diversi partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li fil-prattika, dan iwassal għal nuqqas ipperċepit ta’ “punt fokali” idddefinit b’mod ċar għal kull hotspot.

Jitwettaq monitoraġġ regolari iżda jista’ jsir titjib fil-kejl tal-prestazzjoni fil-livell tal-hotspots

65

Wara l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapporti estensivi dwar il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati inġenerali. B’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot jiġi diskuss fir-rapporti tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni49. Dawn ir-rapporti ilhom jiġu ppubblikati kull xahar minn Marzu 2016, u jinkludu taqsima dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali fil-Greċja u fl-Italja li hija relatata mill-qrib mal-approċċ hotspot. L-objettiv ta’ dawn ir-rapporti huwa li jipprovdu informazzjoni aġġornata, kemm kwantitattiva kif ukoll kwalitattiva, dwar is-sitwazzjoni attwali, fejn jingħata sommarju tal-progress li jkun sar u tal-isfidi identifikati; ir-rapporti jinkludu wkoll rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea lill-partijiet interessati kollha. Rapporti separati ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija fihom ukoll osservazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni fil-hotspots50. Fl-aħħar nett, rapporti ad hoc jew komunikazzjonijiet speċifiċi51 u skedi informattivi jikkompletaw il-qafas konsolidat ta’ rappurtar.

66

Il-komunikazzjonijiet regolari li l-Kummissjoni Ewropea toħroġ dwar l-approċċ hotspot jikkontribwixxu għal qafas ta’ rappurtar, trasparenti u miftuħ, dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ. L-aspett kwalitattiv tar-rappurtar (sfidi identifikati, rakkomandazzjonijiet eċċ.) juri kemm il-Kummissjoni Ewropea hija lesta timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress li jkun inkiseb52. Madankollu, aħna osservajna li:

  • minkejja li l-Kummissjoni qiegħda konsistentement tħeġġeġ lill-awtoritajiet Taljani biex iżidu l-għadd ta’ hotspots53, ma hemm l-ebda analiżi tal-kost-benefiċċji disponibbli biex jitqabbel il-ftuħ ta’ aktar lokalitajiet hotspot mal-pjan reċenti biex l-approċċ hotspot jiġi applikat b’mod sistematiku fil-portijiet kollha tal-iżbark li ma għandhomx faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni;
  • il-hotspots issa ilhom joperaw għal aktar minn sena, iżda għadu ma ġie stabbilit l-ebda qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni, fil-livell ta’ hotspot individwali, biex isir monitoraġġ tal-effiċjenza tal-operazzjonijiet u l-użu tar-riżorsi (bħal persunal u tagħmir), tiġi identifikata u rimedjata l-kapaċità mhux użata u/jew il-punti ta’ konġestjoni ptatenzjali kif ukoll biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki, il-kondiviżjoni tat-tagħlimiet meħuda u l-bidliet fejn ikun meħtieġ;
  • minkejja li l-Kummissjoni qed tipprova tikkonsolida d-data mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Aġenziji tal-UE, xi data mhijiex qed tiġi kondiviża, bħat-tul ta’ żmien li l-migranti jdumu jistennew fil-hotspots biex jirreġistraw u biex jimlew l-applikazzjonijiet tagħhom għall-asil (il-Greċja), u xi data ewlenija mhijiex qed tiġi koperta jew ippubblikata, bħall-għadd totali ta’ migranti li jiġu identifikati u rreġistrati fil-hotspots jew li jirċievu ordni ta’ ritorn u l-għadd ta’ migranti li fil-fatt jintbagħtu lura (l-Italja).

Effettività tal-approċċ hotspot

67

Aħna eżaminajna jekk l-approċċ hotspot kienx ippermetta li jitwettqu identifikazzjoni sħiħa, reġistrazzjoni u teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti, u jekk żgurax li dawn il-migranti jingħaddew fi żmien debitu għall-proċeduri ta’ segwitu rilevanti (asil, rilokazzjoni u ritorn).

L-approċċ hotspot irriżulta f’titjib fir-rata ta’ reġistrazzjoni u ta’ teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti li kienu deħlin

68

L-objettiv primarju tal-approċċ hotspot kien li jikkontribwixxi għal titjib fil-ġestjoni tal-fruntieri billi jiżgura li l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-migranti kollha li kienu deħlin jitwettqu b’mod korrett. Dan huwa wkoll prekundizzjoni biex il-migranti jingħaddew b’mod korrett għall-proċedura nazzjonali ta’ applikazzjoni għall-asil, l-Iskema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza jew il-proċedura ta’ ritorn.

69

Matul l-identifikazzjoni, id-dettalji personali tal-migranti jiġu stabbiliti u n-nazzjonalità tagħhom tiġi vvalutata (skrinjar), filwaqt li każijiet vulnerabbli jiġu identifikati għal trattament ta’ prijorità. Imbagħad, matul ir-reġistrazzjoni, jittieħdu l-marki tas-swaba’ kif meħtieġ bir- Regolament dwar il-Eurodac u dawn jinħażnu fil-Eurodac, id-database tal-UE tal-marki tas-swaba’. Il-migranti jiġu fotografati, id-data tagħhom tiddaħħal u tiġi kontroverifikata fid-databases Ewropej u dawk internazzjonali rilevanti, l-awtentiċità tad-dokumenti tagħhom tiġi vverifikata (jekk ikollhom xi dokumenti) u l-pulizija twettaq kontrolli ta’ sigurtà.

70

Il-pulizija twettaq dawn il-proċessi inizjali bl-appoġġ tal-Frontex permezz ta’ sensiela ta’ azzjonijiet konsekuttivi fiż-żona ta’ ħidma tal-hotspots54. F’dan l-istadju jew f’xi stadju aktar tard, il-migranti jistgħu jesprimu x-xewqa li japplikaw għall-asil (ara wkoll il-flowchart tal-Approċċ hotspot fl-Anness II).

71

Fil-Greċja, fiż-żmien taż-żjara tagħna f’Lulju 2016, il-migranti kienu qed jiġu identifikati, irreġistrati u kienu qed jitteħdulhom il-marki tas-swaba’ fi żmien tliet ijiem mill-wasla tagħhom55 fuq il-gżejjer. Skont id-data tal-Kummissjoni, minn Marzu 2016 ‘il hawn, il-hotspots fil-Greċja setgħu jwettqu dawn il-kompiti b’mod korrett għal prattikament il-migranti kollha. Dan huwa titjib sostanzjali meta mqabbel mar-rata ta’ reġistrazzjoni ta’ 8 % f’Settembru 201556 (f’Jannar 2016, ir-rata kienet diġà ta’ 78 %). Dan il-kompitu sar ukoll aktar maniġġabbli minn mindu ġiet implimentata d-Dikjarazzjoni UE-Turkija, peress li l-għadd ta’ migranti li kienu qed jaslu naqas b’mod sinifikanti meta mqabbel maċ-ċifri tal-2015.

72

Fl-Italja, l-ammont ta’ wasliet ta’ migranti fl-2016 baqa’ kumparabbli ma’ dak tal-2014 u tal-2015. Fir-rigward tar-reġistrazzjoni kompleta tal-migranti li jkunu deħlin, fl-Italja, madwar terz biss jinżlu l-art (u jiġu rreġistrati) fil-lokalitajiet hotspot57, filwaqt li l-maġġoranza jiżbarkaw f’portijiet oħra. Skont l-informazzjoni l-aktar reċenti pprovduta mill-awtoritajiet Taljani58, ir-rata ta’ reġistrazzjoni u ta’ teħid tal-marki tas-swaba’ tjiebet b’mod sinifikanti minn madwar 60 % fl-ewwel nofs tal-2015 għal medja ta’ 97 % għall-2016 kollha. Dan it-titjib jirrifletti l-impatt pożittiv li rriżulta bl-applikazzjoni tal-approċċ hotspot, mhux biss fl-erba’ hotspots iżda, matul l-2016, anke fi 15-il port ieħor tal-iżbark (ara wkoll il-paragrafi 45 sa 46), biex b’hekk jitnaqqas ir-riskju li xi migranti jidħlu fil-pajjiż mingħajr ma jiġu rreġistrati u mingħajr ma jitteħdulhom il-marki tas-swaba’ kif suppost. Il-partijiet interessati rilevanti kollha li intervistajna qablu li l-approċċ hotspot kellu rwol importanti fit-titjib tas-sitwazzjoni fl-Italja, mhux biss billi jipprovdi infrastruttura adegwata, iżda wkoll billi jistabbilixxi proċeduri standard li għandhom jiġu segwiti u billi jkollu infuwenza pożittiva fuq il-prattiki inġenerali.

73

Barra minn hekk, matul ir-reġistrazzjoni, l-approċċ hotspot jirrikjedi li d-data personali u l-marki tas-swaba’ għall-migranti irregolari kollha jiddaħlu fi u jitqabblu ma’ diversi databases tas-sigurtà nazzjonali, Ewropej u internazzjonali, kif previst fir-regoli tas-SEKA. Madankollu, il-kontrolli ta’ sigurtà li kellhom jitwettqu kienu limitati bil-qafas legali li kien hemm stabbilit u bil-mod ta’ kif is-sistemi huma mfassla. Sa Settembru 2016, skont il-mandat preċedenti tal-Frontex, l-uffiċjali mistiedna tal-Frontex setgħu jaċċessaw id-databases Ewropej tas-sigurtà u tal-verifikazzjoni tad-dokumenti59 fil-każ biss li huma jkunu ġew awtorizzati jagħmlu dan mill-pajjiż ospitanti. Fil-Greċja, huma ma setgħux jikkontribwixxu għal din il-parti tal-ħidma ħlief permezz ta’ arranġamenti informali ta’ ħidma mal-pulizija lokali.

74

F’dan ir-rigward, ir-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jippermetti li t-timijiet tal-EBCG jaċċessaw id-databases rilevanti60. Madankollu, il-problema tal-interoperabbiltà tad-databases tas-sigurtà (nuqqas ta’ sistema ta’ punt ta’ dħul uniku li tkun tippermetti li ssir konsultazzjoni ta’ ħafna databases b’tiftixa waħda) tippreżenta sfida għall-kontrolli sistematiċi ta’ sigurtà li ma tistax tissolva fi żmien qasir61.

Il-funzjonament tal-hotspots huwa affettwat minn punti ta’ konġestjoni fil-proċeduri ta’ segwitu

75

L-approċċ hotspot u dak li jsirwara huma relatati ħafna ma’ xulxin. Sabiex jiġi żgurat li l-migranti jingħaddew b’mod effettiv għall-proċedura ta’ applikazzjoni għall-asil u għall-rilokazzjoni jew, fejn xieraq, ir-ritorn sussegwenti tagħhom jeħtieġ li l-proċeduri li jsiru wara r-reġistrazzjoni jiġu kkompletati fi żmien raġonevoli. Ikun meħtieġ ukoll li l-migranti jirċievu informazzjoni adegwata dwar id-diversi proċeduri.

Il-Greċja
76

Meta jiġu ffaċċjati bil-possibbiltà ta’ ritorn immedjat, prattikament il-migranti ġodda li jkunu għadhom kemm waslu japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali. Minħabba n-numru żgħir ta’ applikazzjonijiet għall-asil li saru fil-Greċja qabel Marzu 2016, is-Servizz tal-Asil Grieg kellu biss għadd limitat ta’ membri tal-persunal u għalhekk kien jeħtieġ li jżid il-persunal b’mod adegwat biex ilaħħaq ma’ din iż-żieda f’daqqa fl-applikazzjonijiet għall-asil. Madankollu, din iż-żieda fil-persunal ma kinitx ġiet ippjanata qabel ma d-Dikjarazzjoni UE-Turkija daħlet f’effett, u l-proċess sussegwenti ta’ reklutaġġ u taħriġ tal-persunal il-ġdid ħa ż-żmien, bir-riżultat li dan affettwa l-kapaċità tas-Servizz tal-Asil Grieg biex jittratta l-applikazzjonijiet għall-asil. F’Awwissu 2016, il-persunal tas-Servizz tal-Asil kien qed jiġi rinforzat permezz tar-reklutaġġ temporanju ta’ 124 persuna, iffinanzjati permezz ta’ għotja mill-Assistenza f’każ ta’ Emerġenza taħt l-AMIF, li ġiet iffirmata mal-EASO62.

77

Is-sitwazzjoni f’Settembru 201663 kienet li l-maġġoranza tal-migranti li waslu wara l-20 ta’ Marzu kien għadhom ma kellhomx l-opportunità li jippreżentaw applikazzjoni għall-asil64. Il-prijoritizzazzjoni tat-talbiet ta’ ċerti nazzjonalitajiet għall-asil qabel dawk ta’ oħrajn65 u n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara mogħtija lill-migranti dwar il-proċeduri u ż-żmien ta’ stennija kkontribwew għal tensjoni dejjem akbar fil-kampijiet.

78

Barra minn hekk, minn Marzu 2016 ‘il hawn, tneħħiet il-possibbiltà ta’ rilokazzjoni għal migranti li jkunu għadhom kemm waslu. Dan seħħ b’segwitu għal deċiżjoni li ttieħdet mis-Servizz tal-Asil Grieg u f’konformità mal-fehmiet li ressqu l-Istati Membri fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, li kienu jimplikaw li r-rilokazzjoni tkun orjentata lejn migranti li kienu fuq l-art kontinentali u li kienu waslu qabel l-20 ta’ Marzu. Bażi legali ċara għal din il-fehma mhijiex inkluża fiż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni.

79

Barra minn hekk, bħalma osservat il-Kummissjoni66, il-pass tar-ritorni taħt id-Dikjarazzjoni UE-Turkija mexa bil-mod, u dan ikkontribwixxa wkoll għall-affollament fil-hotspots. Peress li kważi l-migranti ġodda kollha li jaslu qed japplikaw għall-asil tagħhom, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati għal ritorn wqabel ma jkunu rċevew deċiżjoni negattiva dwar l-applikazzjoni għall-asil u qabel ma jkunu eżawrixxu d-dritt tagħhom li jappellaw. Sa issa, matul il-perjodu minn tmiem Marzu 2016 sal-bidu ta’ Diċembru 2016, total ta’ 748 migrant ġew ritornati mill-gżejjer Griegi għat-Turkija, meta mqabbel ma’ total ta’ madwar 17 000 migrant li kienu waslu67.

L-Italja
80

Fl-Italja, l-approċċ hotspot jaħdem bħalma kien intenzjonat, fis-sens li, barra mill-fatt li 97 % tal-migranti li jaslu jiġu rreġistrati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba’ (ara l-paragrafu 72), huma jingħataw l-opportunità biex jesprimu x-xewqa tagħhom li japplikaw għall-asil. Barra minn hekk, kandidati potenzjali li jkunu eliġibbli għar-rilokazzjoni diġà jkunu ġew identifikati matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni fil-hotspots, u wara dan jiġu ttrasferiti għal ċentri ta’ akkoljenza ddedikati.

81

Fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot, l-isfida inizjali prinċipali għall-iskema ta’ rilokazzjoni kienet li jinstabu kandidati eliġibbli li kienu interessati jipparteċipaw fl-iskema. Attwalment, peress li l-migranti issa jirċievu informazzjoni aħjar dwar ir-rilokazzjoni, aktar kandidati ġew identifikati taħt l-approċċ hotspot aktar strutturat, u l-punt ta’ konġestjoni prinċipali għar-rilokazzjoni issa huwa n-nuqqas ta’ impenji mill-Istati Membri. Fis-27 ta’ Settembru 2016, sena wara li ttieħdu d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni u f’nofs il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ sentejn, 1 196 persuna biss kienu fil-fatt ġew rilokati mill-Italja – mingħajr l-inklużjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjat - u l-Istati Membri kienu formalment impenjaw lilhom infushom li jieħdu total ta’ 3 809 persuni68 mill-Italja (meta mqabbel ma’ impenn kumplessiv li kien sar biex jiġu rilokati 34 953 persuna mill-Italja, kif kien stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill).

82

Punt ta’ konġestjoni ieħor huwa kkawżat mir-rata baxxa ta’ implimentazzjoni għal deċiżjonijiet dwar ir-ritorn, li, skont data riċevuta mill-awtoritajiet Taljani, għadha inqas minn 20 %69. Diffikultajiet strutturali relatati mal-implimentazzjoni tar-ritorni, bħalma ġew identifikati u deskritti mill-awtoritajiet Taljani fil-pjan direzzjonali, jinkludu l-kapaċità limitata taċ-ċentri ta’ identifikazzjoni u tkeċċija kif ukoll in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-pajjiżi ta’ oriġini fir-rigward tar-riammissjoni.

83

Fid-dawl tal-livell għoli u persistenti ta’ wasliet ta’ migranti (‘il fuq minn 150 000 migrant waslu kull sena mill-2014 ‘il hawn), flimkien mal-punti ta’ konġestjoni eżistenti minħabba l-”ħruġ” limitat ta’ migranti permezz tar-rilokazzjoni u r-ritorn, jista’ jkun li, fil-futur qarib, tirriżulta problema ta’ kapaċità fil-faċilitajiet kumplessivi ta’ akkomodazzjoni fl-Italja għal persuni li jkunu qed ifittxu l-asil.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

84

L-Istati Membri tal-UE huma primarjament responsabbli mill-aspetti kollha ta’ kontroll tal-fruntieri u ta’ pproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-asil. Għalhekk, il-Kummissjoni introduċiet dan l-approċċ il-ġdid “hotspot” sabiex tassisti lill-Greċja u lill-Italja, l-Istati Membri l-aktar milquta, biex ilaħħqu maż-żieda drammatika u f’daqqa ta’ migranti irregolari li kienu qed jaslu fil-fruntieri esterni tagħhom fl-2015/16. L-għan ta’ dan l-approċċ kien li jingħata appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-migranti li kienu qed jaslu jiġu identifikati, irreġistrati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba’, kif ukoll jingħaddew għall-proċeduri ta’ segwitu rilevanti. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-approċċ hotspot għen biex isir titjb fil-ġestjoni tal-migrazzjoni fiż-żewġ Stati Membri l-aktar milquta, taħt ċirkustanzi li kienu diffiċli ħafna u li kienu qed jinbidlu kontinwament, billi żied il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħhom, tejjeb il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, u billi saħħaħ il-koordinazzjoni tal-isforzi ta’ appoġġ.

85

Fiż-żewġ pajjiżi, l-għażla tal-lokalitajiet hotspot ħadet kont, kif suppost, tal-punti prinċipali ta’ dħul u d-disponibbiltà tal-istrutturi eżistenti. Madankollu, l-istabbiliment tagħhom dam aktar milli kien ippjanat. Fil-Greċja, erbgħa mill-ħames hotspots ippjanati kienu operazzjonali f’Marzu 2016, filwaqt li l-aħħar waħda bdiet topera f’Ġunju 2016. Fl-Italja, erbgħa minn sitt hotspots ippjanati kienu operazzjonali f’Marzu 2016, u żewġ hotspots addizzjonali kienu għadhom fil-proċess li jiġu stabbiliti, iżda kienu għadhom mhumiex operazzjonali fi tmiem Frar 2017. Minkejja l-appoġġ konsiderevoli mogħti mill-UE, fi tmiem l-2016 il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fiż-żewġ pajjiżi kienu għadhom mhumiex adegwati biex jirċievu (l-Italja) jew biex jakkomodaw (il-Greċja) kif suppost l-għadd ta’ migranti li kienu qed jaslu. Kien għad hemm nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati biex jakkomodaw u jipproċessaw minorenni mhux akkumpanjati f’konformità ma’ standards internazzjonali, kemm fil-hotspots kif ukoll fil-livell ta’ akkoljenza li jmiss (ara l-paragrafi 36 sa 47).

86

Il-Kummissjoni u l-Aġenziji rilevanti tal-UE appoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri l-aktar milquta billi pprovdew esperti, riżorsi finanzjarji u tekniċi, parir u koordinazzjoni. Il-kapaċità tal-Aġenziji biex jipprovdu appoġġ ta’ dan it-tip kien u għadu dipendenti ħafna fuq ir-riżorsi li joffru Stati Membri oħra. Barra minn hekk, id-durata tal-iskjerament ta’ esperti ta’ spiss kienet qasira ħafna, u dan irriżulta fi tnaqqis tal-effiċjenza tal-esperti skjerati. Dawn in-nuqqasijiet qed jiġu indirizzati attwalment permezz tal-mandati l-ġodda (jew previsti) għall-Aġenziji rilevanti (ara l-paragrafi 48 sa 55).

87

Fiż-żewġ pajjiżi, il-koordinazzjoni tal-approċċ hotspot kienet iffaċilitata bil-preżenza ta’ persunal iddedikat mill-Kummissjoni u mill-Aġenziji u, fil-livell operazzjonali, permezz ta’ task forces reġjonali, għalkemm ir-rwol ta’ dawn tal-aħħar fl-approċċ hotspot għad irid jiġi ddefinit sew. Proċeduri operattivi standard huma element essenzjali għall-kjarifika tar-responsabbiltajiet u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri, b’mod partikolari fejn ikun hemm l-involviment ta’ għadd kbir ta’ atturi differenti, kif inhu l-każ għall-approċċ hotspot attwali. L-Italja stabbiliet proċeduri operattivi standard għall-hotspots u tapplikahom kemm fil-hotspots kif ukoll f’portijiet oħra tal-iżbark li jiffunzjonaw bħala hotspots. Fil-Greċja, l-adozzjoni tagħhom għadha pendenti. Il-koordinazzjoni fil-livell ta’ hotspot individwali għadha frammentata u għalkemm ġie stabbilit li l-awtoritajiet ċentrali fl-Istati Membri huma responsabbli mill-ġestjoni globali tal-hotspots, dawn għad iridu jassumu din ir-responsabbiltà bis-sħiħ, almenu fil-Greċja. Il-monitoraġġ u rappurtar mill-Kummissjoni dwar il-progress u l-problemi fil-hotspots kien regolari u estensiv, iżda xi informazzjoni mhix qed tiġi kondiviża bejn il-partijiet interessati differenti, u hemm nuqqas ta’ rappurtar dwar xi wħud mill-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (ara l-paragrafi 56 sa 66).

88

Kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja, l-approċċ hotspot żgura li, fl-2016, il-biċċa l-kbira mill-migranti li kienu qed jaslu ġew identifikati, irreġistrati u tteħdulhom il-marki tas-swaba’ kif suppost, kif ukoll li d-data tagħhom ġiet iċċekkjata bi tqabbil ma’ databases rilevanti tas-sigurtà. F’dan ir-rigward, l-approċċ hotspot ikkontribwixxa għal titjib fil-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni (ara l-paragrafi 68 sa 74). L-approċċ hotspot jirrikjedi wkoll li l-migranti jingħaddew għal proċeduri ta’ segwitu xierqa, jiġifieri applikazzjoni nazzjonali għall-asil, rilokazzjoni għal Stat Membru ieħor (fejn xieraq) jew ritorn għall-pajjiż ta’ oriġini (jew ta’ tranżitu). L-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri ta’ segwitu, ta’ spiss timxi bil-mod u tkun suġġetta għal diversi punti ta’ konġestjoni, u dan jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-hotspots (ara l-paragrafi 76 sa 83).

89

Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, aħna nifformulaw bosta rakkomandazzjonijiet kif jidher hawn taħt. Minħabba l-kriżi migratorja kontinwata li qed taffettwa l-fruntieri esterni tal-UE, ir-Rakkomandazzjonijiet 1 sa 4 jindirizzaw kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati b’urġenza u fl-iktar żmien qasir possibbli.

Rakkomandazzjoni 1 – Kapaċità tal-hotspots

  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji rilevanti, tipprovdi appoġġ ulterjuri lill-Greċja fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ kapaċità fil-hotspots billi:

    • tammeljora l-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni fuq il-gżejjer fejn jinsabu l-hotspots;
    • tħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil (b’appoġġ mill-EASO), filwaqt li tipprovdi informazzjoni ċara lill-migranti dwar kif u meta l-applikazzjonijiet tagħhom se jiġu pproċessati;
    • tinforza l-proċeduri eżistenti ta’ ritorn, fejn xieraq (b’appoġġ mill Frontex).

  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji rilevanti, tappoġġa aktar l-isforzi tal-Italja biex iżżid l-għadd ta’ hotspots, kif oriġinarjament ippjanat, u biex tieħu miżuri ulterjuri biex testendi l-approċċ hotspot sabiex dan ikun ikopri wkoll l-iżbarki li jsiru lil hinn mil-lokalitajiet hotspot fissi.

Rakkomandazzjoni 2 – Minorenni mhux akkumpanjati

  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, tgħin lill-awtoritajiet kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex jiżguraw li l-minorenni mhux akkumpanjati li jaslu bħala migranti jiġu ttrattati skont standards internazzjonali, inkluż billi jingħataw kenn adegwat, protezzjoni, aċċess għal u prijoritizzazzjoni fil-proċeduri ta’ applikazzjoni għall-asil kif ukoll il-possibbiltà li jiġu kkunsidrati għar-rilokazzjoni.
  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinsisti li jinħatar uffiċjal għall-protezzjoni tat-tfal għal kull hotspot/sit.
  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji rilevanti jassistu aktar lill-awtoritajiet responsabbli permezz tal-provvediment ta’ taħriġ u ta’ parir legali, u li jkomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jirrapportaw dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet u l-progress li jkun inkiseb.

Rakkomandazzjoni 3 – Skjerament ta’ esperti

  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji jkomplu jitolbu lill-Istati Membri biex jipprovdu aktar esperti sabiex ikopru l-ħtiġijiet attwali aħjar.
  • Jenħtieġ li l-iskejrament ta’ esperti mill-Istati Membri jkun fit-tul biżżejjed u jkun jikkonforma mal-profili mitluba biex l-appoġġ li jingħata mill-Frontex, mill-EASO u mill-Europol lill-Greċja u lill-Italja jkun effiċjenti u effettiv biżżejjed.

Rakkomandazzjoni 4 – Rwoli u responsabbiltajiet fl-approċċ hotspot

  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenziji u l-awtoritajiet nazzjonali, tistipula b’mod aktar ċar ir-rwol, l-istruttura u r-responsabbiltajiet tat-Task Force Reġjonali tal-UE fl-approċċ hotspot.
  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji jkomplu jinsistu li, mill-Italja u mill-Greċja, tinħatar persuna waħda li tkun inkarigata mill-ġestjoni u mill-funzjonament globali ta’ kull żona hotspot individwali fuq bażi aktar permanenti, kif ukoll dwar l-istabbiliment ta’ proċeduri operattivi standard għal hotspots fil-Greċja.

Rakkomandazzjoni 5 – Evalwazzjoni tal-approċċ hotspot

  • Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Aġenziji jevalwaw, sa tmiem l-2017, l-istruttura u l-implimentazzjoni tal-approċċ hotspot sa issa u jippreżentaw suġġerimenti għal żvilupp ulterjuri. Jenħtieġ li dawn jinkludu mudell standard ta’ appoġġ li għandu jiġi applikat għal movimenti migratorji futuri fuq skala kbira, id-definizzjoni ta’ rwoli u responsabbiltajiet differenti, ir-rekwiżiti minimi għall-infrastruttura u għar-riżorsi umani, it-tipi ta’ appoġġ li għandu jiġi pprovdut, u l-proċeduri operattivi standard.
  • Jenħtieġ ukoll li din l-analiżi tivvaluta l-ħtieġa għal aktar kjarifiki tal-qafas legali għall-approċċ hotspot bħala parti mill-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sur Karel PINXTEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-21 ta’ Marzu 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

President

Annessi

Anness I

Kronoloġija tar-rispons tal-UE għall-kriżi tal-migrazzjoni

Anness II

L-”Approċċ hotspot”

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Nota ta’ spjegazzjoni bid-data tal-15 ta’ Lulju 2015.

Risposta tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni tqis li r-rapport jipprovdi analiżi bbilanċjata ta’ waħda mill-akbar azzjonijiet ta’ sfida stipulati fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex tassisti lill-Istati Membri l-aktar esposti li qed jaffaċċjaw pressjonijiet migratorji sproporzjonati.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Italja u lill-Greċja fil-ġestjoni tal-flussi migratorji u se tkompli tikkoopera mill-qrib mal-Aġenziji tal-UE għal dan l-għan.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti bl-għan li jiżviluppaw aktar aspetti speċifiċi tal-approċċ hotspot.

Introduzzjoni

07

Ir-regoli ta’ Dublin jieħdu wkoll inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ rabtiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi oħra tal-UE (pereżempju rabtiet familjari, viża jew permess ta’ residenza) kif ukoll jekk applikazzjoni ġietx ippreżentata preċedentement lil Stat Membru ieħor qabel ma tittieħed deċiżjoni għat-trasferiment ta’ applikant.

28

Għalkemm l-ebda rapport speċifiku ma kien għadu disponibbli dwar l-użu ta’ fondi ta’ emerġenza għal hotspots fiż-żmien tal-awditu, il-Kummissjoni tistma li, minn total ta’ EUR 62,8 miljun li ngħata lill-Italja f’finanzjament ta’ emerġenza (AMIF/ISF) sa Diċembru 2016, assistenza ta’ emerġenza għal ammont massimu ta’ EUR 21,6 miljun (EUR 19,1 miljun taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) u EUR 2,5 miljun taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni) tikkonċerna proġetti li jkopru attivitajiet fiż-żoni hotspot.

Osservazzjonijiet

39

L-applikanti għall-ażil jistgħu jiġu trasferiti biss lejn il-kontinent jekk, wara valutazzjoni individwali tal-każ tagħhom instabu li huma vulnerabbli, eliġibbli għat-trasferimenti ta’ Dublin minħabba l-kriterji ta’ riunifikazzjoni tal-familja, l-applikazzjonijiet tagħhom instabu li huma ammissibbli għall-eżami fil-Greċja jew instabu li kienu eliġibbli għal protezzjoni internazzjonali.

46

F’Settembru 2016, l-awtoritajiet Taljani għarrfu lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li japplikaw l-approċċ hotspot lil sitt portijiet ta’ żbark, li ma ġewx definiti bħala hotspots iżda li japplikaw Proċeduri Operattivi Standard tal-hotspots.

Fis-7 ta’ Diċembru 2016, il-Ministeru Taljan għall-Intern adotta deċiżjoni li testendi dan l-approċċ lil 15-il port ta’ żbark b’kollox.

50

L-Europol qed tipprevedi li twettaq evalwazzjoni tal-iskema tal-Uffiċjal Mistieden fit-tieni nofs tal-2017, ukoll fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba. Il-Kummissjoni se tkun assoċjata b’mod sħiħ f’dan l-eżerċizzju.

58

Il-Kummissjoni għandha persunal dedikat f’Ateni, Brussell u fuq il-gżejjer hotspot biex jappoġġaw l-approċċ hotspot.

78

Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar rilokazzjoni tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, bil-ħsieb li tappoġġahom biex ilaħħqu aħjar ma’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’dawn l-Istati Membri (l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill). Madankollu, minkejja li l-Italja u l-Greċja huma benefiċjarji skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill, mhumiex legalment obbligati li jirrilokaw l-applikanti eliġibbli. L-applikanti lanqas ma għandhom dritt suġġettiv li jiġu rilokati. L-Italja u l-Greċja jistgħu għalhekk jiddeċiedu legalment li jżommu r-responsabbiltà għal applikant u jew jeżaminaw l-ammissibbiltà tal-kawża jew, għal dawk il-pretensjonijiet li jitqiesu ammissibbli, jiddeċiedu dwar il-merti tal-kawża.

79

Flimkien mas-748 migrant ritornat mill-gżejjer Griegi lejn it-Turkija fil-qafas tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija mill-aħħar ta’ Marzu sal-bidu ta’ Diċembru 2016, 439 migrant li kienu waslu fuq il-kontinent ġew irritornati lejn it-Turkija bejn l-4 ta’ April 2016 u s-6 ta’ Diċembru 2016 skont il-Protokoll bilaterali tal-Greċja u t-Turkija. Barra minn hekk, 393 migrant li waslu fuq il-gżejjer, irritornaw volontarjament lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom taħt il-Programm ta’ Ritorn Volontarju Assistit u Riintegrazzjoni bejn l-1 ta’ Ġunju 2016 u s-6 ta’ Diċembru 2016.

81

Fl-10 Rapport l-aktar riċenti tagħha dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni tat-2 ta’Marzu 2017, il-Kummissjoni spjegat li hemm diversi raġunijiet, minbarra n-nuqqas ta’ wegħdiet min-naħa tal-Istati Membri (eż. in-nuqqas ta’ proċedura apposta għar-rilokazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati jew il-ħtiġiet speċifiċi ta’ xi Stati Membri fir-rigward ta’ intervisti ta’ sigurtà), li jikkontribwixxu għall-fatt li l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza fl-Italja għadha ma laħaqitx l-aspettattivi.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjoni 1 — Il-kapaċità hotspot

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1.

Rakkomandazzjoni 2 — Minorenni mhux akkumpanjati

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2.

Rakkomandazzjoni 3 — Espert skjeramenti

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 3.

Rakkomandazzjoni 4 — Rwoli u responsabbiltajiet fir-rigward tal-approċċ hotspot

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 4.

Rakkomandazzjoni 5 — Evalwazzjoni tal-approċċ hotspot

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 5.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AMIF: Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

EASO: Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil

Europol: Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija

EURTF: Task Force Reġjonali tal-Unjoni Ewropea

Frontex: Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn Ottubru 2016 ‘il quddiem: Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta)

FSI: Fond għas-Sigurtà Interna

IOM: Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni

NGO: Organizzazzjoni Nongovernattiva

RIS: Servizz ta’ Akkoljenza u Identifikazzjoni

SEKA: Sistema Ewropea Komuni tal-Asil

SOPs: Proċeduri Operattivi Standard

SRSS: Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali

TFUE: Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

UNHCR: Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati

Noti finali

Introduzzjoni

1 Skont l-IOM, ma hemmx definizzjoni li hija universalment aċċettata ta’ x’jikkostitwixxi migranti irregolari. Mill-perspettiva ta’ pajjiżi tad-destinazzjoni, din hija d-dħul, is-soġġorn jew ix-xogħol f’pajjiż mingħajr l-awtorizzazzjoni jew id-dokumenti meħtieġa skont ir-regolamenti dwar l-immigrazzjoni.

2 COM(2016) 197 final tas-6.4.2016 “Għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u għat-tisħiħ ta’ rotot legali lejn l-Ewropa”. F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta l-alternattivi għal sistema ġusta u sostenibbli għall-allokazzjoni ta’ applikanti għall-asil fost l-Istati Membri, armonizzazzjoni ulterjuri tal-proċeduri u l-istandards ta’ applikazzjoni għall-asil, u tisħiħ tal-mandat tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO).

3 Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

4 Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

5 Għal sommarju ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet ara “Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istati Membri dwar it-tkomplija tat-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013”, C(2016) 8525 final tat-8.12.2016.

6 COM(2015) 240 final tat-13.5.2015 “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”.

7 “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”, p. 6.

8 In-nota ta’ spjegazzjoni hija disponibbli fuq http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10962-2015-INIT/en/pdf.

9 COM(2015) 490 final tat-23.9.2015 “Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”, b’mod partikolari l-Anness II.

10 Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tal-10 ta’ Marzu 2016, ippubblikati fuq www.consilium.europa.eu.

11 Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tal-20 ta’ Novembru 2015, ippubblikati fuq www.consilium.europa.eu.

12 Il-kunċett ta’ “Uffiċjali Mistiedna” jimplika li l-Europol se jifforma grupp ta’ investigaturi, permezz tas-sekondar tagħhom mill-Istati Membri, li jiġu skjerati sabiex isaħħu l-kontrolli ta’ sigurtà f’punti ewlenin fuq il-fruntiera esterna tal-UE.

13 COM(2016) 85 final tal-10.2.2016 “Is-sitwazzjoni attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-azzjonijiet prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”.

14 L-Artikolu 78(3) TFUE: “F’każ li Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat(i) Membru(i) konċernat(i). Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew”.

15 Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146) u 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80), li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja. Oriġinarjament iż-żewġ deċiżjonijiet kienu pprevedew li total ta’ 160 000 persuna għandhom jiġu rilokati mill-Italja, mill-Greċja u mill-Ungerija; dan ġie aġġustat għal 106 000 persuna mill-Italja u mill-Greċja biss. Skont dawn id-deċiżjonijiet, ir-rilokazzjoni tiġi applikata biss għal migranti b’nazzjonalità li, fid-data l-aktar reċenti tal-Eurostat, tkun turi “rata ta’ rikonoxximent tal-asil” ta’ 75 % f’dak li jirrigwarda deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali.

16 Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija: http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/.

17 Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

18 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1).

19 L-utilizzazzjoni tal-fondi fl-2016 se tkun is-suġġett ta’ rapport li l-awtoritajiet Griegi se jibagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Frar 2017.

20 Il-Kummissjoni Ewropea, skeda informattiva, Managing the refugee crisis, EU Financial Support to Greece (Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati, Appoġġ Finanzjarju tal-UE lill-Greċja), aġġornament fit-8 ta’ Diċembru 2016.

21 L-intranet Hope tad-DĠ ECHO, is-sitwazzjoni fil-15 ta’ Diċembru 2016.

22 COM(2016) 720 final tad-9.11.2016, “Is-Seba’ Rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni”.

23 Il-kontijiet ippreżentati fil-15.2.2016 rigward il-pagamenti li saru sal-15.10.2015.

24 Informazzjoni pprovduta mill-Frontex.

25 Informazzjoni pprovduta mill-EASO.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

26 L-EASO, il-Frontex, il-Europol.

27 Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), il- Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar.

28 Amnesty International, Save the Children, Terre des Hommes.

Osservazzjonijiet

29 COM(2016) 416 final tal-15.6.2016, Ir-raba’ rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-risistemazzjoni.

30 Is-sorsi għall-għadd ta’’ migranti preżenti fil-gżejjer huma: l-UNHCR, il-Pulizija Ellenika, il-Kummissjoni Ewropea, is-Seba’ Rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-ristemazzjoni.

31 Kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet fit-Tielet Tapport tagħha dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija: “Il-fluss kostanti tal-wasliet u l-pass kajman tar-ritorn poġġa lill-kapaċitajiet ta’ akkoljenza fil-gżejjer taħt pressjoni dejjem tiżdied. Bħala konsegwenza, il-hotspots fil-Greċja huma dejjem aktar iffullati, u dan joħloq kundizzjonijiet diffiċli u xi kultant perikolużi”.

32 Amnesty International, il-Greċja: Refugees detained in dire conditions amid rush to implement EU-Turkey deal (Refuġjati miżmuma f’kundizzjonijiet ħżiena, fl-għaġġla biex jiġi implimentat il-ftehim UE-Turkija), is-7 ta’ April 2016, https://www.amnesty.org/en/latest/news/2016/04/greece-refugees-detained-in-dire-conditions-amid-rush-to-implement-eu-turkey-deal/.

33 Human Rights Watch, il-Greċja: Refugee ‘Hotspots’ Unsafe, Unsanitary (Il-”Hotspots” tar-Refuġjati la huma Sikuri u lanqas ma huma Sanitarji), id-19 ta’ Mejju 2016, https://www.hrw.org/news/2016/05/19/greece-refugee-hotspots-unsafe-unsanitary.

34 Save the Children, il-Greċja, l-20 ta’ Settembru 2016, https://www.savethechildren.net/article/aid-organisation-calls-urgent-action-after-fire-moria-detention-centre-lesvos.

35 COM(2016) 636 final tat-28.9.2016 “Is-Sitt Rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni”.

36 Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Il-prinċipji prinċipali tagħha huma wkoll minquxa f’diversi komponenti tas-SEKA.

37 L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Nota ta’ kull ġimgħa dwar l-iskjerament temporanju ta’ esperti tal-FRA fil-qasam tad-drittijiet fundamentali għall-Greċja – Il-ġimgħa mit-18 ta’Lulju sat-22 ta’ Lulju 2016, Vjenna, il-25 ta’ Lulju 2016.

38 Id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil, l-Artikolu 31.7(b)

39 COM(2016) 720 final.

40 COM(2016) 636 final tat-28.9.2016, “Is-Sitt Rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni”.

41 COM(2016) 636 final.

42 COM(2016) 720 final.

43 COM(2016) 634 final tat-28.9.2016 “It-Tielet Rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija”.

44 Il-Kummissjoni Ewropea, Is-Sitwazzjoni Attwali, it-28 ta’ Lulju 2016.

45 COM(2016) 636 final.

46 Informazzjoni pprovduta mill-Europol.

47 Pjan direzzjonali dwar ir-Rilokazzjoni u l-Hotspots fil-Greċja, id-29 ta’ Settembru 2015, pp. 6 u 15.

48 Ara COM(2015) 490 final tat-23.9.2015 “Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”, l-Anness II, li jiddikjara: “F’kull Stat Membru ospitanti, hemm kwartieri ġenerali operattiv konġunt b’rappreżentanti mit-tliet aġenziji kollha kemm huma (it-Task Force Reġjonali Ewropea — EURTF). Dan it-Task Force jikkoordina x-xogħol tat-Timijiet ta’ Appoġġ fil-“hotspots” u jiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.”

49 Ir-rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni huwa bbażat fuq l-obbligu taħt l-Artikolu 12 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2015/1523 u 2015/1601 li jirrikjedu li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn id-Deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-Pjan direzzjonali.

50 Ara d-dokument COM(2016) 634 final, li fih kummenti dwar pereżempju, l-ammont ta’ wasliet ta’ migranti fil-gżejjer Griegi, l-affollament fil-hotspots, in-nuqqas ta’ koordinatur permanenti għall-hotspots fil-Greċja u l-ħtieġa li jiġu adottati SOPs.

51 COM(2016) 220 final tat-12.4.2016 “Evalwazzjonni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Greċja biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet serji identifikati fl-evalwazzjoni tal-2015 dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntiera esterna”.

52 Għalkemm il-Kummissjoni ma taħbix l-isfidi jew in-nuqqas ta’ progress, fejn jiġu osservati, xi drabi hija tkun ottimista żżejjed, eż. fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2016) 636 final, hija tqis li l-mira ta’ 6 000 rilokazzjoni kull xahar għadha valida. Il-Kummissjoni kienet ikkalkolat din il-mira għall-ewwel darba kif meħtieġ fl-Ewwel rapport tagħha dwar ir-rilokazzjoni li nħareġ fis-16 ta’ Marzu 2016 (COM(2016) 165 final), iżda peress li lanqas biss ma kienu ġew rilokati 6 000 persuna fl-ewwel sena sħiħa li fiha ġew implimentati d-deċiżjonijiet dwar ir-rilokazzjoni, tkun meħtieġa mira ta’ ferm aktar minn 8 000 persuna kull xahar biex l-impenn totali ta’ 106 000 rilokazzjoni jkun jista’ jinkiseb sa Settembru 2017. Anke jekk tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żieda żgħira li kien hemm reċentement fir-rapidità tar-rilokazzjoni, din il-mira kumplessiva tidher li hija diffiċli ħafna li tintlaħaq.

53 Ara pereżempju COM(2016) 636 final.

54 Fl-Italja anke fil-portijiet tal-iżbark lil hinn mill-hotspots.

55 Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 603/2013 dwar il-Eurodac (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1), l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu fil-pront il-marki tas-swaba’ ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu mill-inqas 14-il sena u li jinqabad b’konnessjoni mal-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru. L-Istat Membru kkonċernat għandu, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn 72 siegħa wara d-data tal-qbid, jittrażmetti lis-Sistema Ċentrali l-marki tas-swaba’ u data oħra miġbura ta’ tali persuna.

56 COM(2016) 85 final.

57 Sad-29 ta’ Lulju 2016, 29.7 % tal-migranti niżlu l-art f’hotspot (sors: Il-Ministeru tal-Intern Taljan). Minkejja dan, xi migranti li niżlu l-art lil hinn mill-hotspots imbagħad ġew ittrasferiti u rreġistrati f’hotspot. B’mod ġenerali, il-proporzjon tal-migranti li għaddew minn hotspots għal mill-inqas parti mill-proċess ta’ identifikazzjoni/reġistrazzjoni tagħhom kien ogħla mid-29.7 % (dan huwa stmat madwar 40 % sat-30 ta’ Ġunju 2016, iżda d-data eżatta mhijiex disponibbli).

58 Il-Ministeru tal-Intern, “Tabella monitoraggio fotosegnalamenti 2016”, 11.1.2017.

59 COM(2016) 85 final: “Il-kontrolli mal-Interpol, mas-sigurtà Ewropea u ma’ bażijiet tad-dejta għall-verifika ta’ dokumenti, b’mod partikolari mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, iridu jsiru sistematiċi, bl-uffiċjali stazzjonati tal-Frontex ikollhom aċċess għall-bażijiet tad-dejta Ewropej”.

60 L-Artikolu 40(8) tar-Regolament (UE) 2016/1624.

61 COM(2016) 85 final, l-Anness 3 – Rapport dwar is-Sitwazzjoni Attwali fl-Italja: “L-interkonnessjoni bejn il-bażijiet ta’ dejta għadha limitata. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda konnessjoni diretta u awtomatika bejn il-proċess ta’ reġistrazzjoni (foglio notizie) u l-bażijiet ta’ dejta tas-SIS, tal-Europol u tal-Interpol. Dan għandu jiġi stabbilit bħala kwistjoni ta’ prijorità sabiex isiru kontrolli sistematiċi”.

62 Informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.

63 Data miksuba mill-Kummissjoni turi li, sa nofs Settembru 2016, madwar terz mill-migranti li kienu preżenti f’dak iż-żmien fil-gżejjer kienu ngħataw l-opportunità li effettivament jippreżentaw it-talba tagħhom għall-asil, u madwar 20 % biss kienu ġew intervistati.

64 L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil jiddikjara li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha opportunità effettiva biex tippreżentaha malajr kemm jista’ jkun”.

65 Kif deher matul l-intervisti li twettqu fuq il-post u fil-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija.

66 COM(2016) 349 final; COM(2016) 634 final. 

67 COM(2016) 792 final tat-8.12.2016 “Ir-Raba’ Rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija”.

68 COM(2016) 636 final. Id-diskrepanza bejn l-impenji formali (offerti mill-Istati Membri) u l-għadd ta’ persuni li fil-fatt ġew rilokati hija parzjalment spjegata miż-żmien meħtieġ biex jiġu pproċessati t-talbiet ta’ rilokazzjoni u parzjalment minn fatturi oħra identifikati mill-Kummissjoni fir-rapporti suċċessivi tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, bħal ċaħdiet mhux iġġustifikati tat-talbiet mill-Istati Membri, ostakoli relatati ma’ kontrolli ta’ sigurtà u l-ħtieġa ta’ kapaċità mtejba tal-ipproċessar fl-Italja.

69 Sors: Il-Ministeru tal-Intern. Din id-data tirrigwarda l-2015 u l-ewwel seba’ xhur tal-2016.

AvvenimentData
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu19.4.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra)26.1.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja21.3.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha5.4.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tal-prestazzjoni u tal-konformità tagħha f’dak li jirrigwarda oqsma baġitarji jew suġġetti ta’ ġestjoni speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III — immexxija minn Karel Pinxten, Membru tal-QEA — li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja. L-awditu tmexxa mill-Membri tal-QEA Hans Gustaf Wessberg u Istvan Szabolcs Fazakas, b’appoġġ minn Peter Eklund, Kap tal-kabinett Żvediż u Emmanuel-Douglas Hellinakis, Attaché; Márton Baranyi, Attaché tal-kabinett Ungeriż; Sabine Hiernaux-Fritsch, Maniġer Prinċipali; Ruurd de Jong, Kap tal-kompitu; Wayne Codd, Jiri Lang, Karel Meixner u Cyril Messein, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Emmanuel-Douglas Hellinakis, Cyril Messein, Jiri Lang, Istvan Szabolcs Fazakas, Márton Baranyi, Sabine Hiernaux-Fritsch, Hans Gustaf Wessberg, Peter Eklund, Ruurd de Jong, Wayne Codd, Karel Meixner.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ “hotspot”
(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

PDF 978-92-872-7326-0 1977-5741 10.2865/3091 QJAB17007MTN
HTML 978-92-872-7327-7 1977-5741 10.2865/748094 QJAB17007MTQ

© L-Unjoni Ewropea, 2017

KIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE

Pubblikazzjonijiet bla ħlas:

(*) L-informazzjoni mogħtija hija b’xejn, kif ukoll it-telefonati ġeneralment huma b’xejn (għalkemm xi operaturi, kabini tat-telefown jew lukandi jistgħu jitolbu ħlas).

Pubblikazzjonijiet bi ħlas: