Merħba għall-edizzjoni 2023 tal-pubblikazzjoni L-Ivvjaġġar fl-Ewropa!

L-aħbar importanti għall-vjaġġaturi din is-sena hija li l-Kroazja saret is-27 membru taż-żona Schengen fl-1 ta’ Jannar. Dan ifisser li tneħħew il-kontrolli fuq il-persuni li jaqsmu l-fruntieri bejn il-Kroazja u l-pajjiżi l-oħra fiż-żona Schengen, li hija l-akbar spazju ta’ moviment liberu fid-dinja. Il-Kroazja adottat ukoll l-euro, u dan ifisser li madwar 347 miljun ċittadin fl-UE issa jużaw l-istess munita.

Jekk qed iżżur il-Greċja, l-Ungerija jew ir-Rumaija, tinsiex tagħti daqqa t’għajn lejn il-Kapitali Ewropej tal-Kultura ta’ din is-sena. U jekk tinsab f’Ċipru jew fi Spanja, allura għaliex ma tagħtix ħarsa lejn il-Kapitali Ewropej għat-Turiżmu Intelliġenti?

Kull fejn tkun qiegħed fl-Ewropa, ivvjaġġa b’mod sikur u ħu gost!

Għal aktar informazzjoni, pariri utli, u mappa tal-Ewropa, ara ġewwa.
Ordna jew niżżel dan il-fuljett hawn: https://data.europa.eu/doi/10.2775/03083

B’eluf ta’ snin ta’ storja, wirt kulturali għani u xenarji spettakolari, l-Ewropa tħaddan uħud mill-aktar destinazzjonijiet popolari fid-dinja.

L-Ewropa, minbarra li tattira miljuni ta’ viżitaturi minn pajjiżi barranin, hija d-destinazzjoni ta’ ħafna mill-abitanti tagħha stess li jħobbu jesploraw l-għadd kbir ta’ bliet u pajjiżi fuq l-għatba tal-bieb tagħhom.

Illum, l-Ewropej jistgħu jivvjaġġaw faċilment madwar l-Ewropa daqskemm huwa faċli li jivvjaġġaw f’pajjiżhom. Issa li tneħħew ħafna mill-kontrolli tal-passaporti u bl-użu tal-istess munita fl-20 pajjiż tal-UE, l-euro, sar ħafna iżjed faċli li wieħed jivvjaġġa. Il-ħolqien ta’ suq uniku li fih in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-flus jistgħu jiċċaqilqu liberament ġab miegħu għażla usa’ u prezzijiet orħos.

Aktar u aktar żgħażagħ Ewropej qed isiru wkoll jafu aħjar il-kontinent tagħhom bis-saħħa tal-pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU.

ID-DOKUMENTI LI SE JKOLLOK BŻONN

ĊITTADINI TAL-UE

Il-passaport jew il-karta tal-identità

Bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Schengen, ħafna mill-pajjiżi tal-UE neħħew il-kontrolli fil-fruntieri tagħhom.

Anke l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jinsabu fiż-żona Schengen għalkemm mhumiex parti mill-UE. Dan ifisser, pereżempju, li int tista’ tmur tiskijja fl-Iżvizzera mingħajr ma toqgħod turi l-passaport tiegħek meta taqsam il-fruntiera mill-UE.

B’mod eċċezzjonali, jistgħu jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri fiż-żona Schengen għal perjodu limitat jekk ikun hemm theddida serja għas-sikurezza jew għas-sigurtà pubblika.

Meta tivvjaġġa lejn jew tirritorna minn pajjiżi tal-UE li mhumiex parti miż-żona Schengen, se jkollok bżonn tippreżenta passaport validu jew karta tal-identità valida. Kull min jaqsam il-fruntieri esterni tal-UE, inkluż iċ-ċittadini tal-UE, huwa soġġett għal kontrolli sistematiċi ma’ bażijiet tad-data rilevanti.

Anke jekk ma għandekx bżonn ta’ passaport għall-kontrolli fil-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen, se jkollok bżonn ikollok fuqek dokument tal-ivvjaġġar validu (il-passaport jew il-karta tal-identità tiegħek) meta tivvjaġġa fl-UE minħabba li dan jista’ jkun meħtieġ għal skopijiet ta’ identifikazzjoni jew sigurtà. It-tfal irid ikollhom il-passaport jew il-karta tal-identità tagħhom. Tajjeb tkun taf li l-unika karta tal-identità valida hija dik li tinkiseb mill-awtorità nazzjonali tiegħek.

Qabel ma tivvjaġġa barra mill-UE, iċċekkja liema dokumenti huma meħtieġa mill-pajjiż li mhuwiex fl-UE li tkun qed tippjana li żżur.

Viża

Mhux se jkollok bżonn ta’ viża meta tivvjaġġa fl-UE.
https://europa.eu/!KccGgX

ĊITTADINI MHUX TAL-UE

Innota li ċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja u tal-Iżvizzera huma ttrattati bħala ċittadini tal-UE għall-finijiet tal-ivvjaġġar u tad-dħul fil-pajjiżi tal-UE, minħabba li dawn l-erba’ pajjiżi huma parti miż-żona Schengen.

Passaport

Se jkollok bżonn ta’ passaport validu.

Viża

Ċittadini minn aktar minn 100 pajjiż jeħtieġu viża biex iżuru l-UE. Il-lista ta’ pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viżi biex jivvjaġġaw lejn l-Irlanda tvarja kemxejn mill-pajjiżi l-oħra tal-UE.

Tista’ tapplika għal viża għand il-konsulat jew l-ambaxxata tal-pajjiż tal-UE li qed tippjana li żżur (jew dak li huwa d-destinazzjoni ewlenija tiegħek). Jekk għandek viża ta’ Schengen tista’ tivvjaġġa lejn il-pajjiżi Schengen kollha. Jekk għandek viża valida għal soġġorn fit-tul jew permess validu ta’ residenza li nħariġlek minn wieħed mill-pajjiżi ta’ Schengen, int tista’ toqgħod għal massimu ta’ 90 jum f’pajjiżi oħra ta’ Schengen. Jista’ jkollok bżonn ta’ viża biex iżżur il-pajjiżi tal-UE li mhumiex fiż-żona Schengen.
https://europa.eu/!9FH7r4
https://europa.eu/!8FQRdj

Hemm aktar minn 60 pajjiż u territorju li ċ-ċittadini tagħhom ma jeħtiġux viża biex iżuru l-UE għal massimu ta’ 90 jum. Fl-2024, il-viżitaturi minn dawn il-pajjiżi se jkunu meħtieġa japplikaw għal awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar tal-ETIAS. Din se tkun meħtieġa għal persuni li jivvjaġġaw lejn kwalunkwe pajjiż taż-żona Schengen u mhux ta’ Schengen elenkat fit-tabella li dehret fil-paġna ta’ qabel – minbarra l-Irlanda. Is-sistema l-ġdida se żżid is-sigurtà u se tevita dewmien għall-vjaġġaturi fil-fruntiera.
https://europa.eu/!rmHwfc

FLUS

FLUS

L-euro

Bħalissa, l-euro (€) tintuża kuljum minn aktar minn tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE, jew minn madwar 347 miljun persuna f’20 pajjiż tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. Andorra, Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan jużaw l-euro bħala l-munita nazzjonali bi qbil mal-UE. Għadd ta’ pajjiżi u territorji, bħall-Kosovo (*) u l-Montenegro, ukoll jużaw l-euro bħala l-munita de facto tagħhom.

(*) Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.

Flus kontanti u kards

Illum, il-pagamenti transfruntiera bl-euro, inkluż il-ġbid ta’ flus minn magna u l-pagamenti bil-kard, jiġu jiswew l-istess għaċ-ċittadini tal-UE bħalma jiġu jiswewhom f’pajjiżhom, għalkemm xorta waħda tista’ tintalab tħallas tariffa għall-konverżjoni tal-munita jekk inti tgħix barra miż-żona tal-euro. Issa tista’ wkoll tiċċekkja u tqabbel it-tariffi tal-konverżjoni faċilment meta tħallas bil-kard tiegħek jew meta tiġbed il-flus kontanti barra minn pajjiżek.

Imblokka kwalunkwe kard tal-bank mitlufa jew misruqa minnufih billi ċċempel lill-entità li tkun ħarġithomlok. Ħu nota tan-numru li għandek iċċempel qabel ma tivvjaġġa.

Jekk tidħol fl-UE jew toħroġ minnha b’somma ta’ EUR 10,000 jew aktar fi flus kontanti (*) (jew l-istess ammont f’muniti oħra) trid tiddikjarahom lill-awtoritajiet doganali.

(*) Flus kontanti tfisser karti tal-flus, muniti, strumenti negozjabbli għall-portatur u ċerti tipi ta’ deheb.

XIRI

FL-UE

Ma hemmx limiti ta’ x’tista’ tixtri u tieħu miegħek meta tivvjaġġa bejn il-pajjiżi tal-UE, sakemm ikun għall-użu personali tiegħek u mhux biex jerġa’ jinbiegħ. It-taxxi (it-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji tas-sisa) huma inklużi fil-prezz li tħallas u ma tista’ teħel l-ebda taxxa oħra f’xi pajjiż ieħor tal-UE.

Madankollu, japplikaw regoli speċjali fil-każ ta’ prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa, bħall-prodotti tal-alkoħol u t-tabakk. Kull pajjiż jista’ jfassal il-livelli ta’ gwida tiegħu biex jiddetermina jekk it-tabakk u l-alkoħol ikunux għall-użu tiegħek stess. Jekk tkun qed iġġorr kwantità akbar ta’ dawn il-prodotti, jista’ jkun li jsirulek xi mistoqsijiet biex ikun aċċertat li ma għandek l-ebda intenzjoni kummerċjali. Madankollu, il-livelli ta’ gwida stabbiliti mill-pajjiżi ma jistgħux ikunu inqas mill-ammonti fit-tabella ta’ hawn taħt.



DĦUL FL-UE

Jekk tkun dieħel fl-UE minn pajjiż li mhuwiex fl-UE, tista’ ddaħħal miegħek prodotti mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u dazji tas-sisa għall-użu personali fi ħdan il-limiti stipulati hawn taħt. L-istess jgħodd jekk tkun ġej minn territorji oħrajn fejn ir-regoli tal-UE dwar il-VAT u s-sisa ma jgħoddux.

Hemm limitu ogħla jew aktar baxx fuq l-ammont ta’ tabakk li tista’ ddaħħal fl-UE skont il-pajjiż. Għalhekk, iċċekkja r-regoli doganali tal-pajjiż tal-UE li se żżur.

(*) Kull ammont jirrappreżenta 100 % tal-kwota totali permessa għall-prodotti tat-tabakk. Tista’ tikkombina kwalunkwe waħda minn dawn, iżda ma tridx taqbeż il-limitu totali. Pereżempju: 100 sigarett (50 % tal-kwota permessa) + 50 cigarillo (50 % tal-kwota permessa) = 100 % tal-kwota totali permessa.

(**) Għall-ispirti u l-inbid imqawwi jew frizzanti, kull wieħed minn dawn l-ammonti jirrappreżenta 100 % tat-total tal-kwota permessa, li int tista’ taqsam. Pereżempju, tista’ ġġib nofs litru ta’ spirti u litru ta’ nbid imqawwi; it-tnejn jirrappreżentaw nofs din il-kwota permessa.

Il-vjaġġaturi taħt is-17-il sena ma jistgħux jagħmlu użu minn dawn l-allokazzjonijiet tal-alkoħol u tas-sigaretti.

Jekk qed tivvjaġġa minn pajjiż tal-UE għal ieħor via pajjiż mhux tal-UE (eż. l-Iżvizzera) ikollok bżonn tiċċekkja r-regoli doganali ta’ dak il-pajjiż.

Oġġetti oħra, inkluż il-fwieħa:

  • sa valur ta’ EUR 430 għall-vjaġġaturi bl-ajru u bil-baħar
  • sa valur ta’ EUR 300 għal vjaġġaturi oħra.

Xi pajjiżi tal-UE japplikaw limitu aktar baxx għall-vjaġġaturi taħt l-età ta’ 15-il sena, iżda dan ma jistax ikun inqas minn EUR 150.
https://europa.eu/!TdJvrb

Ikel

Ma hemm l-ebda restrizzjoni ġenerali fuq il-ġarr ta’ prodotti tal-laħam jew tal-ħalib meta tivvjaġġa fl-UE. Madankollu, kun ċert(a) li ma ddaħħalx ikel li fih il-laħam, il-ħalib jew prodotti tal-laħam jew tal-ħalib fl-UE minn pajjiżi mhux tal-UE għax dawn jistgħu jġorru patoġeni perikolużi li jistgħu jikkawżaw mard lill-bhejjem tal-UE bħall-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer u d-Deni Afrikan tal-Ħnieżer. L-uniċi eċċezzjonijiet huma għal dawk li jivvjaġġaw bi kwantitajiet żgħar għall-konsum personali minn Andorra, il-Gżejjer Faroe, Greenland, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, San Marino jew l-Iżvizzera.
https://europa.eu/!VMMt9t

Meta tmur tixtri tinsiex tieħu miegħek basket li jista’ jerġa’ jintuża. Ir-regoli tal-UE qed jgħinu biex jitnaqqas l-użu ta’ basktijiet tal-plastik li jħammġu u jagħmlu ħsara lill-ambjent. Ħafna pajjiżi jitolbuk tħallas għal kull basket li titlob meta tixtri.

GĦAJNUNA GĦALL-KONSUMATURI

GĦAJNUNA GĦALL-KONSUMATURI

Bħala konsumatur, tkun fejn tkun fl-UE, għandek il-garanzija ta’ trattament ġust, prodotti li jissodisfaw standards aċċettabbli u d-dritt għal rimedju jekk xi ħaġa ma tmurx sew.

Kun af x’inti tiekol

Tista’ sserraħ rasek mill-ogħla standards ta’ sikurezza fl-ikel minħabba liġijiet stretti dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ tal-ikel. Ir-regoli tat-tikkettar tal-ikel ifissru informazzjoni ċara, komprensiva u preċiża dwar il-kontenut tal-ikel.

Kun af x’inti tixtri

Teżisti protezzjoni minn medda wiesgħa ta’ prattiki kummerċjali inġusti kemm online kif ukoll fil-ħwienet. Il-kaxxi mmarkati minn qabel fuq is-siti web huma pprojbiti, biex pereżempju, ma tħallasx assigurazzjoni tal-ivvjaġġar bla ma tkun trid meta tixtri biljett tal-ajru online.

Qabbel il-prezzijiet

Il-prezz sħiħ, li jkun jinkludi l-VAT u l-prezz unitarju – il-prezz għal kull kilo jew kull litru – tal-prodotti kollha għall-bejgħ irid jintwera b’mod ċar. Meta tibbukkja akkomodazzjoni jew titjira online, il-prezz totali, inkluż l-imposti u t-taxxi, irid ikun jidher mill-bidu tal-proċess tal-ibbukkjar.

Solvi kull problema

In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jagħti informazzjoni prattika dwar id-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE kif ukoll pariri u assistenza mingħajr ħlas rigward ilmenti jew tilwim transfruntier. Għal għajnuna u informazzjoni prattika waqt l-ivvjaġġar, niżżel l-applikazzjoni (disponibbli f’25 lingwa):
https://www.europe-consommateurs.eu/en/publications/ecc-net-travel-app/

Fittex it-tikketta

L-ekotikketta tal-UE tista’ tgħinek tidentifika prodotti, lukandi, hostels taż-żgħażagħ jew siti tal-kampeġġ ekoloġiċi..

Dan il-logo jgħinek issib prodotti organiċi.

BIEX TASAL

BIT-TRIQ

Liċenzja tas-sewqan

Liċenzja tas-sewqan valida maħruġa f’pajjiż tal-UE hija rikonoxxuta mal-UE kollha u fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera.

Kull liċenzja ġdida maħruġa hija stampata fuq kard tal-plastik f’format standard Ewropew. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, minbarra li ġġorr miegħek liċenzja valida tas-sewqan, jeħtieġ ukoll li jkollok miegħek iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura tiegħek.

Sewwieqa mhux tal-UE għandhom jivverifikaw jekk għandhomx bżonn permess tas-sewqan internazzjonali biex isuqu fil-pajjiżi tal-UE li se jżuru, b’mod partikolari jekk qed jippjanaw li jżuru Ċipru, l-Irlanda, Malta u Spanja.

Assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur

Kull fejn tkun qed tivvjaġġa fl-UE, il-polza obbligatorja tal-assigurazzjoni tal-vettura tiegħek awtomatikament tipprovdi kopertura għal ħsara kkawżata lil partijiet terzi permezz ta’ inċident bil-karozza (responsabbiltà ċivili). Jekk f’pajjiżek għandek assigurazzjoni komprensiva tal-karozzi, din tista’ testendi għall-ivvjaġġar lejn pajjiżi oħra, iżda qabel tivvjaġġa għandek tivverifika f’liema pajjiżi tapplika din il-ħaġa u l-perjodu ta’ validità.

Il-formola Ewropea biex tirrapporta inċident, li tista’ tiksibha mill-assiguratur tiegħek jew online, hija dokument standard disponibbli f’diversi lingwi li bih ikun eħfef għalik li tagħmel dikjarazzjoni fuq il-post f’każ li jkollok inċident f’pajjiż ieħor.

Meta tivvjaġġa fl-UE b’polza tal-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE jista’ jkun li jkollok bżonn karta ħadra jew ikollok tikseb assigurazzjoni tal-fruntieri. Ir-regoli jistgħu jkunu differenti skont il-pajjiż fejn tinħareġ il-polza, għalhekk iċċekkja minn qabel.

Pedaġġi u vinjetti

Ħafna pajjiżi jitolbu ħlas għall-użu tat-toroq tagħhom jew b’pedaġġi (ibbażati fuq id-distanza) jew inkella b’“vinjetti” (ibbażati fuq il-ħin). L-UE tissorvelja dawn l-iskemi tat-tariffi biex taċċerta li huma proporzjonati u li ma jiddiskriminawx kontra dawk li mhumiex residenti jew kontra l-utenti okkażjonali.

Is-sigurtà fis-sewqan

Fil-pajjiżi kollha tal-UE, iridu jintlibsu ċ-ċinturini tas-sigurtà fil-vetturi kollha mgħammra bihom. It-tfal irid ikollhom trażżin xieraq għalihom.

L-użu ta’ mobile waqt is-sewqan iżid ħafna r-riskju ta’ inċident u huwa pprojbit fil-pajjiżi kollha tal-UE u fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera, sakemm ma jintużax sett li jista’ jintuża mingħajr l-użu tal-idejn.

Il-livell massimu ta’ kontenut tal-alkoħol fid-demm permess ivarja bejn 0 mg/ml u 0.8 mg/ml, skont il-pajjiż. Is-sewwieqa li jsuqu b’veloċità kbira jew li jixorbu u jsuqu jistgħu jiġu intraċċati permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni transfruntier imtejjeb.

Ftakar li trid issuq fuq in-naħa tax-xellug tat-triq f’Ċipru, fl-Irlanda u f’Malta u li f’xi pajjiżi, bħall-Belġju, Franza, in-Netherlands u l-Portugall, normalment trid iċċedi lit-traffiku li jkun ġej minn fuq il-lemin tiegħek.

X’inhuma l-limiti tal-veloċità fi Spanja? Hemm bżonn nilbes elmu meta nsuq ir-rota fl-Iżvezja? Għar-regoli kollha importanti dwar is-sikurezza fit-toroq, niżżel l-app Going Abroad mingħajr ħlas:
https://europa.eu/!HVwV7D

Vetturi elettriċi

Plakek standardizzati madwar il-kontinent ifissru li s-sewwieqa ta’ vetturi elettriċi jistgħu jiċċarġjaw il-karozza tagħhom kullimkien fl-UE bħalma jagħmlu f’pajjiżhom.

Iċċekkja l-mappa tal-istazzjonijiet tal-fjuwils alternattivi:
https://europa.eu/!QrGqGg

Xarabanks u coaches

L-UE qed ittejjeb kontinwament l-istandards tas-sikurezza għall-passiġġieri tax-xarabanks u l-coaches, pereżempju dan l-aħħar introduċiet regoli aktar stretti dwar l-użu ta’ materjali reżistenti għan-nar fil-vetturi. Jekk fix-xarabanks u fil-coaches jitwaħħlu ċintorini tas-sigurtà, huwa obbligatorju li dawn jintlibsu mal-UE kollha.

Ċikliżmu

Għax ma tesplorax l-Ewropa bir-rota? EuroVelo, in-network ta’ itinerarji ċiklabbli Ewropej, jgħaqqad il-kontinent kollu u xi wħud mill-attrazzjonijiet ewlenin tiegħu bi 17-il rotta taċ-ċikliżmu fuq distanzi twal li jkopru aktar minn 90,000 km. Tista’ tgawdi l-ibliet tal-Ewropa fuq ir-rota tiegħek stess jew billi tuża waħda mill-ħafna skemi ta’ kiri ta’ roti self-service, li wħud minnhom ġew kofinanzjati mill-UE.
https://en.eurovelo.com/

BL-AJRU

Il-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew fit-trasport bl-ajru 30 sena ilu wassal għal prezzijiet orħos u għażla akbar ta’ trasportaturi, rotot u servizzi għall-passiġġieri.

L-Ewropa għandha wieħed mill-aqwa rekords ta’ sikurezza tal-avjazzjoni fid-dinja. Sabiex is-sikurezza tkompli titjieb, linji tal-ajru li joriġinaw minn barra l-UE għandu jkollhom awtorizzazzjoni li tikkonferma l-konformità tagħhom mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali. Barra minn hekk, l-inġenji tal-ajru tagħhom jistgħu jiġu spezzjonati fl-Ewropa u ma jitħallewx joperaw fl-ispazju tal-ajru Ewropew jekk jinstab li ma jkunux sikuri jew li ma jkunux issorveljati b’mod suffiċjenti mill-awtoritajiet tagħhom.

Ir-regoli komuni tal-UE dwar il-kontrolli tas-sigurtà għall-passiġġieri u għall-bagalji tal-kabina u tal-istiva japplikaw għat-titjiriet kollha li jitilqu mill-ajruporti tal-UE. Hemm restrizzjonijiet fuq likwidi li jistgħu jittieħdu fil-kabina u lista komuni ta’ oġġetti li mhumiex permessi fil-bagalji tal-kabina jew tal-istiva.

BIL-FERROVIJA

Il-ferrovija tibqa’ waħda mill-aktar forom sikuri u popolari ta’ trasport fl-Ewropa u għandha rwol importanti fl-ambizzjonijiet tal-UE li tkun newtrali għall-klima sal-2050. L-UE għandha aktar minn 200,000 km ta’ linji ferrovjarji. Hemm madwar 9,000 km ta’ linji ta’ veloċità kbira fuq rotot importanti bħal Pariġi-Brussell-Amsterdam-Cologne, Milan-Ruma u Barċellona-Madrid, u qed jinbnew oħrajn. L-UE qed taħdem biex tagħti spinta lis-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri transfruntiera u fuq distanzi twal, inklużi l-ferroviji ta’ billejl. Għandha l-għan li tirdoppja t-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja sal-2030 u li tittriplikah sal-2050.
https://europa.eu/!K46gtJ

BL-ILMA

Hemm bosta rotot ewlenin tal-baħar bejn portijiet tal-UE li joffru servizzi regolari u ta’ kwalità għolja bħala alternattiva għat-triq, l-ajru jew il-ferrovija, jew f’kombinazzjoni magħhom. Hemm ukoll xi 42,000 km ta’ xmajjar, kanali u lagi navigabbli.

Mappa

Mappa

ŻONI TAL-ĦIN

ŻONI TAL-ĦIN

ID-DRITTIJIET TIEGĦEK

ID-DRITTIJIET TIEGĦEK

L-UE hija l-unika żona fid-dinja fejn iċ-ċittadini huma protetti minn sett sħiħ ta’ drittijiet tal-passiġġieri, kemm jekk ikunu qed jivvjaġġaw bl-ajruplan, bil-ferrovija, bix-xarabank, bil-coach jew bil-vapur. Il-passiġġieri fl-UE għandhom id-dritt għal informazzjoni preċiża, f’waqtha u aċċessibbli, assistenza fil-każ ta’ intopp fit-trasport u, f’ċerti ċirkostanzi, kumpens għal kanċellazzjonijiet jew dewmien twil.

Niżżel l-app biex tkun tista’ tiċċekkja x’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tibbenefika minnhom:
https://europa.eu/!RQc7CJ

Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE jipproteġuk meta tixtri vaganzi kollox kompriż jew vjaġġi li jikkombinaw mill-inqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar (bħal titjira u lukanda jew kiri ta’ karozza) permezz tal-istess sit tal-prenotazzjoni online jew permezz ta’ sit ta’ prenotazzjoni online llinkjat.

Qabel titlaq: Inti trid tirċievi informazzjoni ċara dwar il-pakkett tal-ivvjaġġar tiegħek (inkluż id-destinazzjoni(jiet) tal-ivvjaġġar, il-lista tas-servizzi inklużi u numru ta’ emerġenza). Inti trid tkun infurmat(a) ukoll/wkoll dwar id-drittijiet tiegħek, pereżempju, għandek drittijiet akbar fir-rigward ta’ kanċellazzjonijiet jew jekk l-organizzatur ifalli.

Meta tkun hemm: Jekk issib ruħek f’diffikultà matul iż-żjara tiegħek, int intitolat(a) għal assistenza bħal informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa u assistenza konsulari.

https://europa.eu/!yQktdr

Passiġġieri li għandhom diżabilità jew li għandhom mobilità mnaqqsa

Il-passiġġieri li għandhom diżabilità jew li għandhom mobilità mnaqqsa huma intitolati għal assistenza bla ħlas fl-ajruporti, fl-istazzjonijiet ferrovjarji, fil-portijiet u f’terminals tal-coaches magħżula, kif ukoll abbord inġenji tal-ajru, ferroviji, vapuri u coaches. Huwa rakkomandabbli li tinnotifika lit-trasportatur jew lill-operatur tat-terminal dwar il-bżonnijiet speċifiċi tiegħek fil-ħin tal-ibbukkjar, meta tixtri l-biljett minn qabel, jew mill-inqas 48 siegħa qabel tivvjaġġa (36 siegħa meta tivvjaġġa b’coach).
https://europa.eu/!PxpNdq

Jekk qed tivvjaġġa bil-karozza u għandek kard tal-UE għall-parkeġġ għall-persuni b’diżabilità f’pajjiżek, għandek tkun tista’ tuża l-faċilitajiet ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabilità f’pajjiżi oħra tal-UE. Iċċekkja minn qabel liema kundizzjonijiet lokali japplikaw fil-pajjiż li tkun se żżur.
https://europa.eu/!tGX7mk

Fittex rimedju

Jekk tħoss li d-drittijiet tiegħek ma ġewx irrispettati waqt l-ivvjaġġar u tixtieq tfittex rimedju, għandek tressaq ilment mat-trasportatur jew mal-operatur tat-terminal jew mal-korp nazzjonali tal-infurzar għall-modalità speċifika tat-trasport tiegħek. Għad-dettalji tal-korp tal-infurzar rilevanti, żur:
https://europa.eu/!CfrWFw

Ċempel fuq in-numru tat-telefown bla ħlas ta’ Europe Direct 00 800 6 7 8 9 10 11 għal aktar informazzjoni.

BIEX TIBQA’ F’SAĦĦTEK

BIEX TIBQA’ F’SAĦĦTEK

Aċċess għall-kura tas-saħħa

Bħala ċittadin tal-UE, jekk timrad waqt żjara temporanja fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja jew fl-Iżvizzera, int intitolat(a) għall-kura tas-saħħa fuq l-istess bażi bħall-persuni assigurati hemmhekk (bla ħlas f’xi pajjiżi).

Tinsiex tieħu l-karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa miegħek fil-vjaġġi tiegħek. Il-kard hija disponibbli mingħajr ħlas, normalment mingħand l-assiguratur tas-saħħa nazzjonali tiegħek, u tagħti prova li inti assigurat(a) f’wieħed mill-pajjiżi elenkati hawn fuq. Jekk ikollok tħallas għall-kura tas-saħħa, jeħtieġ li żżomm il-kontijiet, il-preskrizzjonijiet u r-riċetti kollha tiegħek biex tkun tista’ tapplika għar-rimborż fil-pajjiż li żżur jew meta tmur lura pajjiżek.

Sib kif tapplika għall-kard: https://europa.eu/!fF8YKN

Assigurazzjoni tal-ivvjaġġar

Il-karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa ma tissostitwix l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, għax ma tkoprix kostijiet bħar-ripatrijazzjoni jew is-salvataġġ fil-muntanji f’postijiet tal-iskijjar. Jista’ jkun li jkollok bżonn tuża assigurazzjoni tal-ivvjaġġar biex tkopri tali riskji.

Mediċini

Riċetta mit-tabib tiegħek hija valida fil-pajjiżi kollha tal-UE, imma għandek tiċċekkja li l-mediċina preskritta hija awtorizzata għall-bejgħ u li hija disponibbli fil-pajjiż li se żżur. Kun ċert(a) li r-riċetta tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti dwarek, dwar it-tabib li kiteb ir-riċetta u l-prodott preskritt.

Permezz tar-riċetti elettroniċi, issa huwa possibbli għall-vjaġġaturi li jiġbru l-mediċina preskritta b’mod elettroniku mit-tabib tagħhom minn spiżerija f’xi pajjiżi tal-UE, filwaqt li xi tobba jistgħu jaċċessaw ukoll informazzjoni importanti dwar il-pazjent bil-lingwa tagħhom stess.
Iċċekkja biex tara jekk dawn is-servizzi humiex disponibbli fejn int sejjer: https://europa.eu/!7NvMRD

Vaċċinazzjoni

B’mod ġenerali, ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni meta tivvjaġġa fl-UE. Madankollu hemm xi rekwiżiti jew rakkomandazzjonijiet għal ċerti territorji mbiegħda tal-UE. Iċċekkja mat-tabib tiegħek qabel ma tmur.

Ilma għall-għawm

Aktar minn 95 % tas-siti tal-ilma għall-għawm tal-UE jissodisfaw l-istandards minimi tal-kwalità tal-ilma u aktar minn 85 % jissodisfaw il-livell aktar strett “eċċellenti”.

Iċċekkja l-mappa interattiva biex tiskopri x’inhi l-kwalità tal-ilma fil-post fejn int sejjer: https://europa.eu/!43mRgX

BIEX TIBQA’ KONNESS/A

BIEX TIBQA’ KONNESS/A

Mobiles

L-abbonati tal-UE jistgħu jużaw il-mobiles meta jivvjaġġaw fl-UE bħalma jagħmlu f’pajjiżhom, mingħajr ma jħallsu ebda ħlas addizzjonali. Fl-2022, ir-regoli tar-“Roaming daqslikieku f’pajjiżek”, li japplikaw ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja, ġew estiżi għal 10 snin oħra. Jekk qed tippjana li jkollok soġġorn għal ftit xhur f’pajjiż ieħor tal-UE, jista’ jkun li tkun trid tiċċekkja l-politika tal-użu ġust tal-operatur tiegħek.
https://europa.eu/!YTPPch

Tista’ wkoll tgawdi l-abbonamenti tiegħek online għal films, avvenimenti sportivi, kotba elettroniċi, video games u servizzi tal-mużika mingħajr ebda ħlas addizzjonali jew restrizzjonijiet.
https://europa.eu/!nGvvK7

Wi-Fi

L-aċċess bla ħlas għall-internet huwa disponibbli b’mod usa’ bis-saħħa ta’ hotspots tal-Wi-Fi ffinanzjati mill-UE li ġew stabbiliti f’eluf ta’ komunitajiet lokali mal-Ewropa kollha. Tista’ taqbad mal-internet bla ħlas f’libreriji, fi pjazez, f’parks u f’mużewijiet u f’żoni pubbliċi oħrajn fejn tara s-simbolu WiFi4EU.

Ibgħat postcard!

Il-bolol jistgħu jintużaw biss fil-pajjiż fejn tixtrihom.

Plakek

Kważi l-pajjiżi kollha tal-UE għandhom plakek b’żewġ pinnijiet, minbarra Ċipru, l-Irlanda u Malta, li għandhom plakek bi tliet pinnijiet. Tinsiex tieħu adapter miegħek meta tkun qed iżżur dawn il-pajjiżi.

AFFARIJIET X’TAGĦMEL

AFFARIJIET X’TAGĦMEL

Għal ideat u informazzjoni dwar x’tista’ tara u x’tista’ tagħmel, agħti titwila lis-sit web dwar id-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej (visiteurope.com) jew żur is-siti web tal-organizzazzjonijiet turistiċi nazzjonali uffiċjali ta’ kull pajjiż tal-UE.

L-Awstrijaaustria.info
Il-Belġjuvisitflanders.com
visitwallonia.com
Il-Bulgarija bulgariatravel.org
Ċipruvisitcyprus.com
Iċ-Ċekjavisitczechrepublic.com
Il-Ġermanjagermany.travel
Id-Danimarkavisitdenmark.com
Spanjaspain.info
L-Estonjavisitestonia.com
Franzafrance.fr/en
Il-Finlandjavisitfinland.com
Il-Greċjavisitgreece.gr
L-Ungerijavisithungary.com
Il-Kroazjacroatia.hr
L-Italjaitalia.it/en
L-Irlandadiscoverireland.ie
Il-Lussemburguvisitluxembourg.com
Il-Litwanjalithuania.travel/en
Il-Latvjalatvia.travel
Maltavisitmalta.com
In-Netherlandsholland.com
Il-Portugallvisitportugal.com
Il-Polonjapoland.travel
Ir-Rumanijaromania.travel/en
L-Iżvezjavisitsweden.com
Is-Slovakkjaslovakia.travel/en
Is-Slovenjaslovenia.info

Kull sena, l-UE tippromwovi ħafna proġetti u avvenimenti kulturali madwar l-Ewropa. B’mod partikolari, hija tappoġġa l-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura, inizjattiva li għandha l-għan li tenfasizza r-rikkezza tad-diversità kulturali tal-Ewropa.

ECOC-logo

2023

Elefsina (il-Greċja)
Timișoara (ir-Rumanija)
Veszprém (l-Ungerija)
https://europa.eu/!QRvqpN

Pafos (Ċipru) u Sevilja (Spanja) huma l-Kapitali Ewropej għat-Turiżmu Intelliġenti għall-2023.
https://europa.eu/!3JvKVw

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE billi tippremja destinazzjonijiet tat-turiżmu sostenibbli, emerġenti u mhux tradizzjonali fl-Ewropa permezz tal-premju Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza.
https://europa.eu/!hPTmKH

Vjaġġaturi żgħażagħ

Lill-Ewropej ta’ 18-il sena, l-UE ilha mill-2018 tagħtihom l-opportunità li jivvjaġġaw mingħajr ħlas madwar l-Ewropa għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahar u jiskopru l-wirt kulturali rikk tal-kontinent. Sa issa, aktar minn 200,000 żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ingħataw pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU. L-inizjattiva toffri lill-vjaġġaturi żgħażagħ iċ-ċans li jingħaqdu ma’ xulxin permezz ta’ laqgħat organizzati u li jieħdu sehem fi programm eċċitanti ta’ attivitajiet. Flimkien mal-pass tal-ivvjaġġar tagħhom, il-vjaġġaturi kollha ta’ DiscoverEU jirċievu wkoll karta ta’ skontijiet u jistgħu jibbenefikaw minn aktar minn 40,000 skont fuq avvenimenti kulturali, akkomodazzjoni, edukazzjoni, servizzi u prodotti f’aktar minn 30 pajjiż madwar l-Ewropa.
https://youth.europa.eu/discovereu_mt

ANNIMALI TAD-DAR

L-ivvjaġġar b’kelb, b’qattus jew b’nemes huwa faċli b’passaport tal-annimali tad-dar tal-UE, disponibbli mingħand kwalunkwe veterinarju. Il-klieb, il-qtates u l-inmsa kollha jrid ikollhom passaport u, għal skopijiet ta’ identifikazzjoni, iridu jkunu mgħammra b’mikroċipp elettronika jew ikollhom tattoo fuq ġisimhom li tkun tinqara b’mod ċar, applikata qabel Lulju 2011. Huma jridu jitlaqqmu kontra r-rabbja u d-dettalji għandhom jitniżżlu fil-passaport tal-annimali tad-dar tagħhom. Il-vaċċinazzjoni trid issir wara l-mikroċippjar jew wara li tkun saret it-tattoo.

Il-klieb iridu jingħataw trattament speċifiku kontra d-duda (tapeworm) minn veterinarju qabel ma jivvjaġġaw lejn il-Finlandja, l-Irlanda u Malta. Id-dettalji tat-trattament iridu jidhru fuq il-passaport tal-annimal tad-dar u l-kelb ikun jista’ mbagħad jivvjaġġa bejn jum u ħamest ijiem wara t-trattament.
https://europa.eu/!DX4VBC

F’KAŻ TA’ EMERĠENZA

F’KAŻ TA’ EMERĠENZA

In-numru Uniku Ewropew tal-emerġenza: 112

Biex tikkuntattja s-servizzi ta’ emerġenza fi kwalunkwe pajjiż tal-UE minn kwalunkwe telefown, fiss jew mobbli, ċempel 112, mingħajr ħlas.

Irrapporta kull serq lill-pulizija lokali. Jeħtieġ li tehmeż ir-rapport tal-pulizija meta tagħmel it-talba tiegħek għall-kumpens jew għall-assigurazzjoni. Jekk il-passaport jew il-karta tal-identità tiegħek insterqitlek, irrapporta dan lill-konsulat jew lill-ambaxxata ta’ pajjiżek u lill-pulizija.

Jekk inti tkun tinsab barra mill-UE u teħtieġ assistenza, tista’ tfittex għajnuna mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE jekk tiegħek ma jkunx irrappreżentat.
https://europa.eu/!gYVxWv

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

PERSONALMENT

Hemm mijiet ta’ ċentri ta’ Europe Direct mal-Unjoni Ewropea kollha. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru tiegħek online:
https://european-union.europa.eu/contact-eu_mt


BIT-TELEFOWN JEW BIL-MIKTUB

Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • permezz ta’ numru tat-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (xi operaturi jistgħu jitolbu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq in-numru standard li ġej: +32 22999696,
  • permezz tal-formola li ġejja:
    https://europa.eu/!4hNyWw

KIF ISSIB INFORMAZZJONI DWAR L-UE

KIF ISSIB INFORMAZZJONI DWAR L-UE

ONLINE

L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa:
https://europa.eu/!bgFNFX


PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE

Tista’ tara jew tordna pubblikazzjonijiet tal-UE fuq https://europa.eu/!YbbTP3. Jistgħu jinkisbu diversi kopji ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek: https://europa.eu/!Wbrfvy


ID-DRITT TAL-UE U DOKUMENTI RELATATI

Għal aċċess għal informazzjoni legali mill-UE, inkluż id-drittijiet kollha tal-UE mill-1951 fil-verżjonijiet tal-lingwi uffiċjali kollha, żur EUR-Lex fuq:
https://europa.eu/!TvdGpk

DATA MIFTUĦA MILL-UE

Il-portal data.europa.eu/mt jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal skopijiet mhux kummerċjali. Il-portal jipprovdi wkoll aċċess għal ġabra kbira ta’ settijiet tad-data minn pajjiżi Ewropej.

Dwar

Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Is-Servizz Editorjali u l-Outreach fil-Mira
1049 Bruxelles/Brussel BELGIQUE/BELGIË

Kuntatt: COMM-A2@ec.europa.eu

Il-manuskritt ġie komplut f’April 2023

Dan id-dokument ma għandux jitqies bħala rappreżentattiv tal-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija implimentata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat skont il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess, dment li jingħata kreditu xieraq u tiġi indikata kwalunkwe bidla.

Għal kwalunkwe użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li ma humiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun meħtieġ li jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet rispettivi.

Illustrazzjonijiet: © L-Unjoni Ewropea, © iStock

Din il-pubblikazzjoni kienet ta’ għajnuna għalik? Għidilna x’taħseb: comm-publi-feedback@ec.europa.eu

Is-sit web “L-Ewropa Tiegħek” jagħtik aktar pariri dwar drittijietek meta tgħix, taħdem u tivvjaġġa fl-UE: europa.eu/youreurope/index_mt.htm

IDENTIFIKATURI

Print ISBN 978-92-76-55288-8 doi:10.2775/976920 NA-09-22-383-MT-C
PDF ISBN 978-92-76-55480-6 doi:10.2775/03083 NA-09-22-383-MT-N
HTML ISBN 978-92-76-55483-7 doi:10.2775/188447 NA-09-22-383-MT-Q