Rapport Speċjali
Nru05 2019

Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD): Appoġġ siewi iżda l-kontribut tiegħu għat-tnaqqis tal-faqar għadu mhuwiex stabbilit

Dwar ir-rapport Minkejja l-ġid kumplessiv tal-Unjoni Ewropea, kważi wieħed minn kull erba’ Ewropej għadu f’riskju ta' faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tinsab fil-qalba tal-istrateġija “Ewropa 2020” tal-Unjoni. Għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni tiddedika EUR 3.8 biljun permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD). L-għan tal-FEAD huwa li jtaffi l-forom ta’ faqar estrem, li għandhom l-akbar impatt fuq l-esklużjoni soċjali, bħall-persuni mingħajr dar, il-faqar fost it-tfal u l-privazzjoni alimentari.
Aħna eżaminajna jekk il-FEAD kienx maħsub bħala għodda effettiva li permezz tagħha jkun jista’ jintlaħaq dan l-għan. Aħna sibna li l-FEAD ġie inkorporat tajjeb fil-qafas tal-politika soċjali. Barra dan, huwa jikkontribwixxi għall-approċċi tal-Istati Membri biex itaffu l-faqar. Huwa jinkludi wkoll miżuri innovattivi ta’ inklużjoni soċjali. Madankollu, aħna sibna li l-Fond jibqa’ essenzjalment skema ta’ appoġġ alimentari u li mhux dejjem jimmira lejn il-forom l-aktar estremi ta’ faqar fl-Istati Membri. Fl-aħħar nett, aħna ma stajniex nistabbilixxu l-kontribut tiegħu għat-tnaqqis tal-faqar minħabba monitoraġġ inkomplet.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jissostitwixxi l-programm Ewropew preċedenti għall-persuni l-aktar fil-bżonn (MDP). Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, huwa jipprovdi finanzjament mill-UE li jammonta għal EUR 3.8 biljun u jiġi implimentat fil-livell nazzjonali permezz ta’ programmi operazzjonali.

II

Meta mqabbel mal-MDP, il-FEAD ġab żewġ bidliet importanti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-faqar. L-ewwel nett, minbarra għajnuna alimentari, huwa joffri kemm assistenza materjali kif ukoll miżuri ta’ inklużjoni soċjali. It-tieni nett, i-ġestjoni tal-Fond fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea ġiet ittrasferita mingħand id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali għal għand id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Din il-bidla organizzattiva lejn il-politika soċjali ġiet segwita wkoll mill-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

III

Madankollu, minkejja dawn il-bidliet, aħna sibna li l-FEAD jibqa’ essenzjalment programm ta’ appoġġ alimentari, billi 83 % tal-Fond huwa ddedikat għal dan it-tip ta’ appoġġ. Dan sar possibbli permezz tar-Regolament bażiku dwar il-FEAD, li jippermetti lill-Istati Membri jiffinanzjaw l-appoġġ alimentari b’mod simili għal dak taħt l-MDP preċedenti. Erba’ Stati Membri biss għażlu li jikkonċentraw il-programmi tagħhom fuq miżuri speċifiċi ta’ inklużjoni soċjali, li jirrappreżentaw 2.5 % tal-Fond.

IV

“Persuni l-Aktar fil-Bżonn” jibqa’ terminu ġeneriku, għalhekk hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu lil dawk il-persuni li huma l-aktar esposti għall-faqar u li jimmiraw għalihom l-appoġġ mogħti taħt il-FEAD permezz tal-programmi operazzjonali nazzjonali tagħhom. Nofs l-Istati Membri li eżaminajna ma jimmirawx l-għajnuna lejn xi grupp vulnerabbli speċifiku jew lejn xi sitwazzjoni speċifika ta’ faqar. Madankollu, jekk l-għan tal-FEAD huwa li jipprovdi valur miżjud tal-UE flimkien ma’ skemi oħra ta’ appoġġ, jeħtieġ li jkun immirat lejn dawk il-persuni l-aktar fil-bżonn, jew lejn il-forom l-aktar estremi ta’ faqar.

V

L-Istati Membri kellhom jadottaw diversi miżuri ta’ inklużjoni soċjali biex jikkomplementaw l-appoġġ materjali, u aħna sibna firxa wiesgħa ta’ dawn il-miżuri, li jvarjaw mid-distribuzzjoni ta’ fuljetti ta’ informazzjoni sal-għoti ta’ appoġġ individwali personalizzat. Huma biss ftit l-Istati Membri li jimmonitorjaw ir-riżultati miksuba minn dawn il-miżuri. Konsegwentement, il-kontribut tagħhom biex jittaffew l-agħar forom ta’ faqar ma setax jiġi stabbilit.

VI

L-erba’ Stati Membri li kkonċentraw il-programmi tagħhom fuq miżuri speċifiċi ta’ inklużjoni soċjali minflok fuq l-assistenza alimentari jew materjali, wettqu monitoraġġ aktar dettaljat minħabba li r-Regolament bażiku dwar il-FEAD jirrikjedi mmirar aħjar. Madankollu, ma hemmx biżżejjed evidenza li turi li dawn il-miżuri kienu jikkomplementaw miżuri simili appoġġati mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

VII

Għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss wara l-2020, il-Kummissjoni pproponiet li l-FEAD jiġi integrat fl-FSE + il-ġdid, li jkun jinkludi objettivi speċifiċi għall-ġlieda kontra l-privazzjoni materjali.

VIII

B’mod kumplessiv, aħna nqisu li l-FEAD huwa strument rilevanti li żgura li tingħata assistenza alimentari u materjali lil dawk il-persuni l-aktar fil-bżonn, filwaqt li jikkomplementa l-inizjattivi tal-Istati Membri u dawk privati, iżda mhux neċessarjament inizjattivi oħra tal-UE. Il-FEAD huwa wkoll milqugħ b’mod favorevoli minn dawk li jittrattaw il-persuni l-aktar fil-bżonn. Madankollu, il-kontribut tiegħu biex jittaffa l-faqar ma ġiex stabbilit. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet li jieħdu inkunsiderazzjoni l-proposti tal-Kummissjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, sabiex:

  1. L-għajnuna tiġi mmirata aħjar
  2. Jiġu salvagwardjati l-miżuri ta’ inklużjoni soċjali għar-riċevituri ta’ assistenza materjali bażika
  3. Tittejjeb il-valutazzjoni tal-inklużjoni soċjali tar-riċevituri finali tal-għajnuna li tingħata taħt il-FEAD.

Introduzzjoni

01

Minkejja l-ġid kumplessiv tal-Unjoni Ewropea (UE), il-livell tal-faqar fl-UE għadu għoli. L-istrateġija Ewropa 2020 hija l-aġenda tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi għad-deċennju attwali. It-tnaqqis tal-faqar huwa wieħed mill-komponenti politiċi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020: hija tistabbilixxi l-mira li, sal-2020, “tneħħi mill-inqas 20 miljun persuna mir-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali”, meta mqabbel mas-sena 2008. Fl-2017, kien hemm 113-il miljun persuna, jiġifieri 22.5 % tal-popolazzjoni tal-UE, li kienu għadhom f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali1. Fl-2008, meta l-UE ddefiniet il-mira ewlenija tagħha, kien hemm 116-il miljun persuna li kienu f’riskju. Ir-riskju huwa l-ogħla għal gruppi speċifiċi, bħat-tfal u l-anzjani.

02

Mis-snin 80 'l hawn, l-UE stabbiliet skemi mmirati lejn l-għoti ta’ appoġġ lill-persuni l-aktar fil-bżonn. L-ewwel nett, il-programm Ewropew għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (MDP), u mill-2014 ‘il hawn, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rapport tal-awditjar.

L-MDP - il-programm predeċessur

03

Fl-1978, il-Kunsill stabbilixxa l-MDP, li kellu l-għan li jirrilaxxa prodotti agrikoli minn stokkijiet ta' intervent pubbliku lill-Istati Membri li kienu jixtiequ jużawhom bħala għajnuna alimentari għall-persuni l-aktar fil-bżonn fi ħdan il-popolazzjonijiet tagħhom. L-MDP, li huwa mmaniġġjat mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea (DĠ AGRI), sar sors importanti ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu ikel lill-persuni fil-bżonn. Fl-2010, aktar minn 18-il miljun persuna fl-UE bbenefikaw mill-iskema. Madankollu, l-iskema saret is-suġġett ta’ tilwim legali bejn l-Istati Membri.

04

L-MDP kien evolva progressivament fi skema ta' appoġġ finanzjarju għax-xiri u l-provvediment ta’ ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Fl-2008, il-Ġermanja kkontestat l-approċċ tal-Kummissjoni, bl-argument li l-MDP ma kienx għadu jiġi ġġenerat mill-Politika Agrikola Komuni iżda kien jindirizza l-politiki soċjali, li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri. F’dan ir-rikors, l-Iżvezja appoġġat il-pożizzjoni tal-Ġermanja, iżda Franza, l-Italja, Spanja u l-Polonja appoġġaw lill-Kummissjoni. B’segwitu għan-negozjati politiċi li saru fil-Kunsill, l-Istati Membri sabu kompromess billi ħolqu fond ġdid, il-FEAD, lil hinn mill-Politika Agrikola Komuni, li ssostitwixxa l-MDP għall-perjodu ta' programmazzjoni suċċessiv. Il-programm MDP kompla għal perjodu tranżitorju li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2013 (biex l-organizzazzjonijiet tal-karità fl-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida).

05

Aħna awditjajna l-MDP fl-20082. Aħna rrakkomandajna li, fost affarijiet oħra:

  • il-programm jiġi stabbilit fil-qafas tal-politika soċjali tal-Istati Membri;
  • jiġu żviluppati objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, rilevanti u marbuta mal-ħin, kif ukoll jiġu stabbiliti indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti biex jiġi mmonitorjat l-ilħuq tal-objettivi tal-programm.

FEAD - Approċċ ġdid għall-għoti ta’ appoġġ lill-persuni l-aktar fil-bżonn

06

Fl-2014, il-FEAD issostitwixxa l-iskema MDP. Huwa kellu l-għan li jimplimenta approċċ ġdid relatat mal-għajnuna offruta lill-persuni fil-bżonn u li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tagħna. Fil-fatt, huwa kellu l-għan li mhux biss ikun skema ta' għajnuna alimentari, iżda wkoll li joffri assistenza materjali kkombinata ma’ miżuri ta’ inklużjoni soċjali mfasslin apposta biex joħroġ lill-persuni mill-faqar jew mir-riskju ta’ faqar. Dan huwa rifless fl-objettivi tal-FEAD (ara l-Kaxxa 1):

Kaxxa 1

Objettivi tal-FEAD

Il-Fond għandu jippromwovi l-koeżjoni soċjali, itejjeb l-inklużjoni soċjali u għalhekk jikkontribwixxi għall-objettiv tal-qerda tal-faqar fl-Unjoni billi jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-faqar ta’ mill-inqas 20 miljun mill-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali skont l-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jiġu kkumplementati l-Fondi Strutturali.

Il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettiv speċifiku li jittaffew l-agħar forom ta’ faqar, billi jipprovdi għajnuna mhux finanzjarja lill-persuni l-aktar fil-bżonn permezz ta’ assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika, kif ukoll attivitajiet ta' inklużjoni soċjali li għandhom bħala għan l-integrazzjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

Il-Fond għandu jikkomplementa l-politiki nazzjonali sostenibbli għall-qerda tal-faqar u tal-inklużjoni soċjali.

Sors: Ir-Regolament bażiku dwar il-FEAD3; l-Artikolu 3.

07

Il-Fond ma ġiex stabbilit biss biex jipprovdi assistenza alimentari u assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn, u biex jipprovdi appoġġ materjali dirett fis-sitwazzjonijiet l-aktar urġenti, iżda ġie stabbilit ukoll biex – fejn ikun possibbli – joħroġhom mill-faqar u jiggwidahom lejn skemi oħra ta’ appoġġ, kemm tal-UE kif ukoll nazzjonali, ara l-Figura 1.

Figura 1

FEAD – assistenza bażika u possibbiltajiet għall-inklużjoni soċjali

Sors: Il-QEA.

08

Bħala parti minn dan l-approċċ il-ġdid, id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) ħa taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-ġestjoni tal-FEAD. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-finanzjament mill-UE jammonta għal EUR 3.8 biljun, ikkomplementati b’kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għal finanzjament totali ta’ EUR 4.5 biljun.

Żewġ tipi ta’ PO għall-implimentazzjoni tal-FEAD

09

Għall-implimentazzjoni tal-FEAD, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn żewġ tipi distinti ta’ programmi operazzjonali jew jistgħu jagħżlu li jkollhom it-tnejn li huma.

  • Il-programmi operazzjonali tat-“tip I” joffru kemm għajnuna alimentari kif ukoll appoġġ materjali, bħad-distribuzzjoni ta’ pakketti tal-ikel; l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ joffru ikliet sħan lill-persuni mingħajr dar, u jiddistribwixxu basktijiet tal-irqad u settijiet tal-iġjene; jew billi jingħata appoġġ għal ikliet fl-iskejjel għal tfal li jkunu fil-faqar jew billi jingħata appoġġ lill-familji tagħhom.
  • Barra minn hekk, dawn il-programmi għandhom joffru miżuri ta’ akkumpanjament li jkollhom l-għan li jtaffu l-esklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Dawn jistgħu jinvolvu miżuri bħal konsulenza dwar l-iġjene personali jew klassijiet tat-tisjir, iżda jistgħu jinvolvu wkoll il-provvediment ta’ informazzjoni dwar l-iskemi ta’ appoġġ soċjali nazzjonali disponibbli.
  • Il-programmi operazzjonali tat-“tip II” ma jipprovdux għajnuna alimentari jew appoġġ materjali. Huma jipprovdu miżuri mmirati lejn l-inklużjoni soċjali ta’ popolazzjonijiet li huma ddefiniti b’mod ċar fost il-persuni l-aktar fil-bżonn. Dawn il-miżuri għandhom ikunu marbuta b’mod ċar mal-politiki nazzjonali dwar l-inklużjoni soċjali u jistgħu jvarjaw minn attivitajiet ta’ konsulenza li jkunu simili għal dawk disponibbli fil-miżuri ta’ akkumpanjament taħt il-programmi operazzjonali tat-tip I, iżda wkoll għal attivitajiet ta’ inklużjoni soċjali li jkunu simili għall-miżuri disponibbli taħt l-FSE.

Kien hemm 24 Stat Membru li għażlu programmi operazzjonali tat-tip I, filwaqt li 4 għażlu programmi tat-tip II. L-ebda Stat Membru ma għamel użu mill-possibbiltà li jkollu ż-żewġ tipi ta’ programmi (ara l-Figura 2).

Figura 2

PO I u PO II fl-Istati Membri

Sors: Il-QEA, maħluq permezz ta’ mapchart.net.

Programmazzjoni simili għall-Fondi SIE

10

Il-FEAD jiġi implimentat fuq bażi pluriennali u l-qafas finanzjarju pluriennali attwali jopera mill-2014 sal-2020. B’mod simili għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) bħall-FSE, jeħtieġ li l-programmi operazzjonali (PO), ippreżentati mill-Istati Membri, jiġu approvati mill-Kummissjoni.

11

L-Istati Membri jaħtru awtorità maniġerjali, li hija responsabbli għall-ġestjoni tal-programm, kemm f’termini ta’ ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll ta’ konformità mar-Regolament bażiku dwar il-FEAD. L-awtorità maniġerjali taħtar ukoll organizzazzjoni sieħba waħda jew aktar, li jkunu jew korpi pubbliċi jew inkella organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jipprovdu ikel u/jew assistenza materjali bażika. L-organizzazzjonijiet sħab jaħdmu mill-qrib mal-benefiċjarji tal-FEAD, eż. l-organizzazzjonijiet tal-karità li huma responsabbli għal kċina soċjali jew li jipprovdu ikliet sħan lill-persuni mingħajr dar.

FSE + - direzzjoni ġdida għall-FEAD

12

Fit-30 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +), li huwa mistenni li jiffaċilita t-tranżizzjoni minn attivitajiet ta’ inklużjoni soċjali appoġġati permezz tal-FEAD għal miżuri attivi. Għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEAD jiġi inkorporat fl-FSE +.

13

Skont din il-proposta, l-FSE + se jkollu żewġ objettivi speċifiċi li huma relatati mal-ġlieda kontra l-privazzjoni materjali: (i) objettiv speċifiku dwar il-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, inklużi l-persuni l-aktar fil-bżonn u t-tfal, kif ukoll (ii) objettiv speċifiku dwar l-indirizzar tal-privazzjoni materjali permezz ta’ assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn, inklużi miżuri ta’ akkumpanjament. Qed jiġi propost ukoll li, għall-kuntrarju tal-FEAD attwali, dawk il-miżuri ta’ akkumpanjament ma jibqgħux obbligatorji.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

14

Il-Qorti ddeċidiet li twettaq dan l-awditu fil-ħin għad-diskussjonijiet relatati mar-Regolament propost dwar l-FSE + li se jissostitwixxi r-Regolament attwali dwar il-FEAD u li se jiġi stabbilit għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027.

15

Aħna eżaminajna jekk il-FEAD kienx maħsub bħala għodda effettiva li ttaffi l-faqar u tikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Biex inwieġbu din il-mistoqsija kumplessiva tal-awditjar, aħna eżaminajna jekk:

  • it-tfassil tal-FEAD kienx sostanzjalment differenti minn dak tal-MDP preċedenti f’dak li jirrigwarda t-taffija tal-faqar u l-kontribut għall-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn;
  • il-programmazzjoni tal-FEAD fl-Istati Membri kinitx immirata lejn l-għajnuna biex b’heklk dan ikun għodda effettiva;
  • il-kontribut tal-miżuri ta’ inklużjoni soċjali, li jikkostitwixxu l-element innovattiv tal-FEAD, setax jitkejjel.
16

L-approċċ tal-awditjar kopra l-analiżi tad-dokumentazzjoni tal-politika u tal-programmazzjoni, kemm fil-livell tal-Kummissjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Għall-Istati Membri, aħna eżaminajna disa’ programmi operazzjonali4 taħt il-FEAD u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn. Aħna għażilna l-Istati Membri fuq il-bażi tal-allokazzjonijiet finanzjarji, il-possibbiltà li jiġu eżaminati ż-żewġ tipi ta’ programmi operazzjonali, kemm tat-tip I kif ukoll tat-tip II, u fuq il-ksib ta’ bilanċ f’termini ta’ kopertura ġeografika fl-UE kollha (ara l-Figura 3). Aħna ma awditjajniex l-implimentazzjoni tal-fond fl-Istati Membri.

17

Aħna vvalutajna l-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni stabbilit fil-Kummissjoni permezz ta’ analiżi dokumentarja tad-dokumentazzjoni rilevanti, u bbażajna fuq l-Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Fond (MTE)5.

Figura 3

Stati Membri koperti mill-eżaminar tagħna

Sors: Il-QEA, maħluq permezz ta’ mapchart.net.

18

Aħna wettaqna stħarriġ tat-28 awtorità maniġerjali inkarigati mill-FEAD, li għalih irrispondew 276. L-istħarriġ kellu l-għan li jiġbor informazzjoni rigward: l-għażla tal-programm operazzjonali; l-approċċ relatat mal-immirar tal-popolazzjoni indirizzata permezz tal-PO; l-għadd, it-tip u l-proċess tal-għażla ta’ organizzazzjonijiet sħab; u l-arranġamenti ta' monitoraġġ stabbiliti għall-PO (għar-riżultati dettaljati tal-istħarriġ ara l-Anness I).

Osservazzjonijiet

FEAD - strument ta' politika milqugħ b’mod favorevoli għall-indirizzar tal-faqar

Bħall-MDP preċedenti, il-FEAD jiffinanzja prinċipalment appoġġ alimentari

19

Mill-24 Stat Membru li għażlu l-PO tat-tip I, 10 biss jipprovdu għajnuna alimentari u wieħed jipprovdi appoġġ materjali biss. L-Istati Membri l-oħra jipprovdu kemm assistenza alimentari kif ukoll materjali.

20

B’mod kumplessiv, il-programmi operazzjonali tat-tip I jirrappreżentaw 97.5 % tal-baġit totali tal-FEAD. L-appoġġ alimentari jirrappreżenta 83.5 % biss ta’ dan il-baġit u 90 % ta’ din l-għajnuna alimentari ġiet distribwitia f’ħames Stati Membri: Franza, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija u Spanja (ara l-Figura 4).

Figura 4

Kwantità tal-appoġġ alimentari distribwit fil-qafas tal-FEAD fl-2016

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-Evalwazzjoni ta’ Nofs it-Terminu (MTE).

21

L-appoġġ fil-forma ta’ għajnuna materjali jirrappreżenta 14 % tal-baġit totali tal-FEAD. Dan jintuża prinċipalment fil-Greċja, f’Ċipru, fil-Lussemburgu u fl-Awstrija. Din l-assistenza materjali hija mmirata prinċipalment lejn l-unitajiet domestiċi foqra li jkollhom tfal dipendenti u tinkludi oġġetti bħal ħwejjeġ tat-trabi u prodotti tal-iġjene personali.

22

L-istħarriġ li wettaqna kkonferma l-enfasi kontinwa fuq l-appoġġ alimentari. Meta staqsejna lill-Istati Membri fuq liema bażi ġew stabbiliti l-baġits tagħhom fir-Regolament dwar il-FEAD, 13 irrispondew li l-baġits tagħhom kienu bbażati direttament fuq il-volum tal-infiq fil-qafas tal-MDP preċedenti, filwaqt li 11 oħra indikaw li l-baġits tagħhom kienu bbażati fuq in-numru ta’ riċevituri finali (mistennija), u 12-il Stat Membru ddikjaraw li kienu jiddependu fuq konsultazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet sħab. L-ebda Stat Membru ma rrisponda li kien stabbilixxa l-baġit tal-FEAD bil-ħsieb li jikkomplementa l-programmi taħt l-FSE, l-għodda l-aktar importanti tal-UE għall-inklużjoni soċjali (ara l-Figura 5).

Figura 5

Loġika tal-ibbaġitjar tal-FEAD (Setgħet tingħata aktar minn tweġiba waħda)

Sors: Risposti għall-mistoqsija 6 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

Il-FEAD indirizza rakkomandazzjoni preċedenti li l-Qorti kienet għamlet fir-rigward tal-politika soċjali

23

Mill-2014 'l hawn, id-DĠ EMPL kien responsabbli għall-implimentazzjoni tal-FEAD. Għall-kuntrarju tal-MDP, l-awtoritajiet maniġerjali fl-Istati Membri huma fil-biċċa l-kbira amministrazzjonijiet nazzjonali li huma responsabbli għall-politiki dwar l-inklużjoni soċjali. Awtorità maniġerjali tal-FEAD waħda biss kienet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm MDP preċedenti, filwaqt li 17-il awtorità maniġerjali minn 27 huma istituzzjonijiet li jimplimentaw ukoll l-FSE (ara l-Figura 6). It-tranżizzjoni lejn il-korpi għall-inklużjoni soċjali indirizzat rakkomandazzjoni li l-Qorti kienet għamlet b’segwitu għall-awditu tal-MDP li hija kienet wettqet fl-2008.

Figura 6

Il-governanza tal-FEAD fl-Istati Membri; pass ċar lejn l-atturi tal-inklużjoni soċjali

Sors: Risposti għall-mistoqsija 1 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

Il-FEAD huwa milqugħ b’mod favorevoli minn dawk li jittrattaw il-persuni l-aktar fil-bżonn

24

B’risposta għall-istħarriġ li wettaqna, 11-il awtorità maniġerjali ddikjaraw li l-għan tal-programm operazzjonali tagħhom kien li jitkomplew l-operazzjonijiet meħudin fil-qafas tal-MDP u 16-il awtorità maniġerjali jqisu li l-FEAD huwa għodda li permezz tagħha jista’ jiġi adottat approċċ ġdid fl-għoti ta’ appoġġ lill-persuni fil-bżonn. Żewġ terzi rrispondew li l-programm FEAD kellu l-għan li jilħaq lill-popolazzjonijiet li mhumiex koperti mill-programmi nazzjonali jew reġjonali, jew minn fondi oħra tal-UE (ara l-Figura 7).

Figura 7

Loġika għall-programmazzjoni tal-FEAD

Sors: Risposti għall-mistoqsija 3 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

25

Barra minn hekk, l-istħarriġ li wettaqna kkonferma li 23 minn 27 awtorità maniġerjali jqisu li l-FEAD kien importanti ħafna jew inkella importanti fl-għoti ta’ assistenza lill-persuni l-aktar fil-bżonn, meta mqabbel ma’ programmi nazzjonali jew inizjattivi privati oħra li jeżistu f’pajjiżhom. Żewġ awtoritajiet biss iqisu li l-FEAD mhuwiex importanti (ara l-Figura 8).

Figura 8

L-importanza tal-FEAD

Sors: Risposti għall-mistoqsija 35 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

L-importanza relattiva tal-FEAD mhijiex magħrufa

26

Il-Kummissjoni ma għandhiex data li turi l-importanza relattiva tal-FEAD fir-rigward tal-appoġġ kumplessiv li jingħata lill-persuni fil-bżonn ġewwa l-UE. Fil-livell tal-UE, ma teżistix data kumparabbli fost il-pajjiżi dwar l-appoġġ kumplessiv li jingħata lill-persuni fil-bżonn. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri li stħarriġna ma setgħux jipprovdu s-sehem li l-finanzjament taħt il-FEAD jirrappreżenta mill-appoġġ totali, li jinkludi donazzjonijiet ta’ fondi u materjali kif ukoll l-ekwivalent finanzjarju tal-input mogħti minn xogħol ta’ volontarjat. It-Tabella 1 tippreżenta d-data mis-sitt Stati Membri li setgħu jipprovdu indikazzjoni tal-importanza relattiva tal-FEAD.

Tabella 1 – Sehem tal-FEAD fir-rigward tal-attivitajiet totali relatati mal-appoġġ soċjali għall-persuni fil-bżonn

Il-Lussemburgu 5 - 10 %
L-Ungerija 10 %
Franza 30 %
Il-Belġju 50 %
L-Italja madwar 60 %
Il-Polonja 67 %

Sors: Risposti għall-mistoqsija 36 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

27

Aħna tlabna lill-Federazzjoni Ewropea tal-Banek tal-Ikel (FEBA) biex tipprovdi indikazzjoni tal-importanza relattiva tiegħu. Fi 12-il Stat Membru, il-membri tal-FEBA jipprovdu ikel lill-organizzazzjonijiet tal-karità anke permezz ta’ finanzjament taħt il-FEAD. Abbażi taċ-ċifri li rċevejna, aħna nistmaw li l-FEAD jiffinanzja terz tal-ikel ipprovdut minn dawn il-banek tal-ikel. Il-FEBA ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-FEAD jippermettilhom jippjanaw ir-ridistribuzzjoni ta’ ikel speċifiku, bħal ħalib tat-trabi. B’dan il-mod, huma jkunu inqas dipendenti fuq il-fluss irregolari tad-donazzjonijiet (għal aktar data dwar il-FEBA fil-qafas tal-FEAD, nitolbuk tirreferi għall-Anness II).

L-immirar tal-appoġġ mogħti taħt il-FEAD huwa essenzjali, iżda mhux dejjem jiġi stabbilit fil-livell tal-programmi

Il-qafas tal-FEAD jipprovdi flessibbiltà lill-Istati Membri biex jiddefinixxu t-terminu “persuni l-aktar fil-bżonn”

28

Ir-Regolament bażiku dwar il-FEAD jiddikjara li l-Istati Membri jew l-organizzazzjonijiet sħab jistgħu jiddefinixxu lil min huma jqisu li huwa “persuna l-aktar fil-bżonn” (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

It-terminu “persuni l-aktar fil-bżonn” kif iddefinit mill-Istati Membri

Persuni l-aktar fil-bżonn huma: “persuni fiżiċi, kemm jekk individwi, familji, unitajiet domestiċi jew gruppi magħmula minn persuni bħal dawn, li l-bżonn tagħhom għall-assistenza ġie stabbilit skont il-kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessanti rilevanti, filwaqt li jiġu evitati kunflitti tal-interess, jew iddefiniti mill-organizzazzjonijiet sħab u li huma approvati minn dawk l-awtoritajiet nazzjonali u li jistgħu jinkludu elementi li jippermettu l-immirar tal-persuni l-aktar fil-bżonn f'ċerti żoni ġeografiċi“.

Sors: Ir-Regolament bażiku dwar il-FEAD; l-Artikolu 2.2.

L-immirar huwa essenzjali minħabba li r-riżorsi baġitarji huma limitati

29

Li kieku l-FEAD kien l-uniku sors ta’ fondi li jindirizzaw il-faqar fl-UE, ir-riżorsi jkunu limitati ħafna (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

FEAD - mezzi finanzjarji limitati jimplikaw il-ħtieġa li jiġi mmirat l-intervent tagħhom

Jekk il-FEAD jimmira biss lejn din il-popolazzjoni, … … huwa jipprovdi l-ammont li ġej ta’ finanzjament mill-UE, fis-sena / għal kull persuna
Persuni fl-UE li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali - 113-il miljun €5
Tfal li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali - 25 miljun €25
Persuni mingħajr dar fl-UE -
madwar 4 miljun
€160

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data tad-DĠ ESTAT.

30

Madankollu, il-FEAD mhuwiex mistenni li jelimina l-faqar tal-UE waħdu. Huwa għandu jikkomplementa l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali u reġjonali, l-inizjattivi privati u fondi oħra tal-UE, bħall-FSE. Jekk l-għan tal-FEAD huwa li jipprovdi aktar valur miżjud flimkien mal-iskemi l-oħra ta’ appoġġ, jeħtieġ li huwa jkun immirat lejn il-persuni l-aktar fil-bżonn, jew lejn il-forom l-aktar estremi ta’ faqar.

31

L-awtoritajiet maniġerjali jkollhom jiddependu fuq bosta atturi biex jipprovdu appoġġ lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Dan jista’ jkun diffiċli biex jiġi żgurat minħabba l-għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet involuti. Filwaqt li l-eżistenza ta’ netwerks kbar ta’ organizzazzjonijiet sħab tista’ tiżgura rispons aħjar għall-ħtiġijiet lokali, hija tagħmel il-koordinazzjoni aktar diffiċli. Id-data miġbura mill-istħarriġ li wettaqna tindika li madwar 5 700 organizzazzjoni sieħba huma involuti fl-organizzazzjoni tal-għajnuna u li 14 000 benefiċjarju ieħor jipprovdu l-għajnuna (ara l-Anness I). Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jew jagħżlu li jimmiraw l-għajnuna fil-livell tal-programmi operazzjonali, jew inkella iħallu din l-għażla għad-diskrezzjoni tal-organizzazzjonijiet sħab. Fiż-żewġ każijiet, l-immirar tal-għajnuna lejn dawk il-persuni l-aktar fil-bżonn huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-effettività tal-fond.

Nofs biss tal-Istati Membri eżaminati jimmiraw l-għajnuna fil-livell tal-programmi operazzjonali

32

Permezz tal-eżaminar li wettaqna ta’ tmien programmi operazzjonali tat-tip I, aħna identifikajna li erba’ minnhom fil-fatt jimmiraw l-għajnuna lejn popolazzjonijiet speċifiċi. Stat Membru partikolari mhux biss stabbilixxa popolazzjoni fil-mira, iżda ddefinixxa wkoll il-miżuri u t-tipi ta’ appoġġ alimentari għal dik il-popolazzjoni speċifika (ara l-Kaxxa 4). Dan l-approċċ jippermetti li l-finanzjament limitat taħt il-FEAD jintuża b’mod tajjeb u jiżgura li l-għajnuna tiġi pprovduta lil dawk il-persuni l-aktar fil-bżonn.

Kaxxa 4

Is-Slovakkja – immirar rinforzat kemm permezz tad-definizzjoni tal-popolazzjoni kif ukoll permezz tal-mezzi biex din tiġi indirizzata

Il-programm operazzjonali tas-Slovakkja jiddefinixxi tliet popolazzjonijiet fil-mira: persuni mingħajr dar; riċevituri tal-assistenza soċjali fir-rigward ta’ ħtiġijiet materjali, li huma rreġistrati mill-uffiċċji tax-xogħol, tal-affarijiet soċjali u tal-familja; kif ukoll persuni koperti minn fornituri rreġistrati tas-servizzi soċjali (bħal djar tal-anzjani u orfanatrofji).

Il-programm jiddefinixxi wkoll il-mezzi biex jiġu indirizzati dawn il-popolazzjonijiet iddefiniti: il-persuni mingħajr dar għandhom jirċievu ikliet sħan, ir-riċevituri tal-assistenza soċjali jingħataw ikel jew inkella kaxxi tal-iġjene, u l-persuni koperti minn fornituri rreġistrati jingħataw prodotti tal-ikel mogħtija b'donazzjoni. Dawn il-miżuri separati huma riflessi wkoll fil-baġit nazzjonali tal-FEAD.

33

Mill-istħarriġ li wettaqna, aħna nosservaw ukoll li aktar minn nofs l-Istati Membri jorbtu t-twassil tal-għajnuna mill-FEAD mal-eliġibbiltà għal diversi forom ta’ assistenza soċjali (ara l-Figura 9). Dan jimplika li l-finanzjament taħt il-FEAD se jkun ikkonċentrat fuq gruppi ddefiniti ta’ persuni, li jirrappreżenta forma ta’ mmirar li jippermetti li jiżdied l-impatt tiegħu u li jiffaċilita l-monitoraġġ.

Figura 9

Definizzjoni ta’ regoli aktar stretti għall-eliġibbiltà tar-riċevituri finali

Sors: Risposti għall-mistoqsija 21 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

34

Fejn l-Istati Membri jiddefinixxu regoli aktar stretti dwar l-aċċess, il-listi ta’ eliġibbiltà jiġu fil-biċċa l-kbira ddefiniti minn korpi pubbliċi (korpi nazzjonali, reġjonali jew lokali), u sa ċertu punt inqas, minn organizzazzjonijiet sħab u minn benefiċjarji (ara l-Figura 10).

Figura 10

Min jiddefinixxi l-kriterji ta' eliġibbiltà?

Sors: Risposti għall-mistoqsija 22 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

35

Aħna sibna wkoll li xi Stati Membri jiddefinixxu l-persuni l-aktar fil-bżonn f’termini wisgħin ħafna fil-programmi operazzjonali tagħhom. B'riżultat ta' dan, l-appoġġ mogħti taħt il-FEAD isir aċċessibbli għal firxa wiesgħa ta’ riċevituri finali. Dan huwa prevalenti l-aktar fl-Istati Membri li jindirizzaw l-appoġġ alimentari permezz tal-FEAD bħala kontinwazzjoni tal-MDP (il-Belġju, Spanja, Franza u l-Polonja).

36

Dawn l-erba’ Stati Membri ma jimmirawx lejn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni fil-programmi operazzjonali tagħhom, minkejja li l-programmi tagħhom jinkludu analiżi tajba tas-sitwazzjoni nazzjonali ta’ faqar. Dan ifisser li, xi drabi, l-organizzazzjonijiet sħab jew il-benefiċjarji li jipprovdu l-appoġġ ikollhom ir-responsabbiltà li jagħżlu r-riċevituri finali, bir-riskju li ma jkunux dawk il-persuni l-aktar fil-bżonn li jirċievu l-għajnuna.

Il-Kummissjoni ma tafx jekk il-miżuri ta’ akkumpanjament taħt il-PO I kinux effettivi jew komplementari

Il-miżuri ta’ akkumpanjament taħt il-PO I huma obbligatorji, iżda huma ddefiniti b’mod vag

37

Il-miżuri ta’ akkumpanjament jikkostitwixxu l-element innovattiv prinċipali tal-FEAD meta mqabbel mal-MDP preċedenti, f’konformità mal-objettiv li tiġi indirizzata l-esklużjoni soċjali. Huma għandhom l-għan li jappoġġaw l-integrazzjoni soċjali tar-riċevituri finali tal-FEAD u huma obbligatorji taħt il-programmi tat-tip I. Dawn jiġu pprovduti flimkien mad-distribuzzjoni ta’ assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika bl-għan li tittaffa l-esklużjoni soċjali u/jew li jiġu indirizzati l-emerġenzi soċjali b’mod aktar setgħani u sostenibbli, pereżempju gwida dwar dieta bilanċjata u pariri dwar l-immaniġġjar tal-baġit ta’ unità domestika.

38

Aħna identifikajna li l-miżuri ta’ akkumpanjament spiss jiġu ddefiniti b’mod vag fil-programmi operazzjonali. F’ħames mit-tmien każijiet li eżaminajna, ma kienx possibbli li jiġi identifikat in-numru ta’ miżuri differenti li kellhom jitwettqu u n-numru ta’ riċevituri finali7 mir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, f’erba’ każijiet, in-natura tal-miżuri ta’ akkumpanjament ma ġietx stabbilita8 b’mod ċar fil-PO. Dan kien partikolarment il-każ għal żewġ programmi li eżaminajna, fejn il-miżuri ta’ akkumpanjament ma kinux iffinanzjati taħt il-FEAD9 iżda minn finanzjament nazzjonali, għażla li hija pprovduta mir-Regolament bażiku dwar il-FEAD. F’dawn il-każijiet, il-livell ta’ informazzjoni li tinsab fil-programm kienet jerġa’ aktar limitata10.

39

Fl-istħarriġ li wettaqna, aħna staqsejna x’tip ta’ miżuri ta’ akkumpanjament kienu qed iwettqu l-Istati Membri (ara l-Figura 11). Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jużaw il-FEAD biex jorjentaw mill-ġdid lir-riċevituri finali lejn assistenza mogħtija mis-servizzi soċjali nazzjonali tagħhom, jew biex jipprovdu miżuri relatati mal-ikel u man-nutrizzjoni.

Figura 11

Stħarriġ imwettaq mill-QEA: Tipi ta’ miżuri ta’ akkumpanjament

Sors: Risposti għall-mistoqsija 11 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

40

Skont l-MTE, il-miżuri ta’ akkumpanjament instabu li kienu ferm rilevanti billi l-appoġġ alimentari jew dak materjali waħidhom ma jindirizzawx il-kawżi sottostanti tal-faqar (ara l-Figura 12). Il-provvediment tagħhom huwa dak il jagħmel il-FEAD “programm tan-nies” għall-kuntrarju ta’ “programm alimentari”.

Figura 12

Miżuri ta’ akkumpanjament li huma essenzjali għall-FEAD

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-riżultati tal-OPC.

41

Barra minn hekk, l-MTE turi li hemm korrelazzjoni ċara bejn il-provvediment tal-miżuri ta’ akkumpanjament u s-sodisfazzjon kumplessiv tar-riċevituri finali fir-rigward tal-programm. Hija tikkonkludi li f’dawk l-Istati Membri fejn il-miżuri ta’ akkumpanjament jiġu pprovduti b’mod inqas estensiv, is-sodisfazzjoni kumplessiv fir-rigward tal-appoġġ mogħti taħt il-FEAD huwa kemxejn aktar baxx, li, min-naħa tiegħu, jissuġġerixxi rwol mhux negliġibbli tal-miżuri ta’ akkumpanjament fir-rigward tal-effettività tal-FEAD.

42

Minkejja li jikkostitwixxu l-element innovattiv tal-FEAD, il-miżuri ta’ akkumpanjament fl-Istati Membri ma jistgħux jitqabblu, minħabba d-diversità tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma ddefinietx indikaturi komuni dwar il-provvediment ta’ miżuri ta’ akkumpanjament, u lanqas indikaturi li jippermettu l-kejl tar-riżultati tagħhom.

43

Madankollu, hemm eżempji individwali tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament li qed jiġu vvalutati f’aktar dettall fir-Rapport Annwali ta' Implimentazzjoni, bħal fi Spanja jew fil-Polonja (ara l-Kaxxa 5). F’każijiet bħal- dak tas-Slovakkja, l-awtorità maniġerjali wettqet żjarat għall-għarrieda biex tiċċekkja l-provvediment ta’ dawn il-miżuri, iżda dan ma jissemmiex fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni li ntbagħtu lill-Kummissjoni.

Kaxxa 5

Monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament

Fil-Polonja, ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni pprovdew informazzjoni dwar il-miżuri mwettqa minn kull organizzazzjoni sieħba, inkluża informazzjoni dwar il-parteċipanti, li ġiet ripartita skont il-grupp fil-mira.

Fi Spanja, l-awtorità maniġerjali stabbiliet miri dwar in-numru ta’ riċevituri finali li jeħtieġ li jiġu infurmati u jiġu pprovduti b’miżuri ta’ akkumpanjament. Hija timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom, li huwa rekwiżit qabel ma jingħata l-pagament.

Komplementarjetà mal-FSE – jeħtieġ li jsiru aktar sforzi

44

Il-FEAD jipprovdi ħtiġijiet bażiċi u appoġġ għall-inklużjoni soċjali lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Skont l-MTE, il-FEAD jippermetti li jintlaħqu gruppi fil-mira li ma jistgħux ikunu koperti mill-miżuri nazzjonali jew lokali, u jipprovdi assistenza li ma tiġix ipprovduta mingħajru.

45

L-FSE jiffoka fuq gruppi li huma eqreb għas-suq tax-xogħol u jipprovdi appoġġ li huwa aktar immirat lejn l-inklużjoni soċjoekonomika attiva. L-MTE tenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jittejbu s-sinerġiji bejn il-FEAD u l-FSE, bil-ħsieb li r-riċevituri finali, speċjalment dawk ta’ età tax-xogħol, jingħataw għajnuna biex joqorbu aktar lejn is-suq tax-xogħol.

46

Aħna ma stajniex nidentifikaw sa liema punt il-FEAD u skemi oħra ta’ appoġġ, sew jekk dawk nazzjonali jew inkella tal-FSE, kienu jikkomplementaw tajjeb lil xulxin. Pereżempju, fil-każ ta’ Franza, l-evalwazzjoni ex ante kkritikat in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-interazzjoni bejn il-miżuri taħt il-FEAD u dawk taħt l-FSE11. Ir-riżultati tal-istħarriġ li wettaqna jindikaw ukoll komplementarjetà limitata bejn il-miżuri taħt il-FEAD u dawk taħt l-FSE, billi ftit Stati Membri ddikjaraw li huma kienu integraw persuni mill-FEAD għall-azzjonijiet tal-FSE (ara l-Figura 13). Iċ-ċifri huma ferm aktar baxxi fir-rigward tal-monitoraġġ, fejn 21 rispondent iddikjaraw li huma ma jimmonitorjawx din il-komplementarjetà.

Figura 13

Integrazzjoni tal-popolazzjoni tal-FEAD fil-miżuri taħt l-FSE fil qafas tal-PO I: ftit huma l-Istati Membri li jiksbu dan, u dawk li jimmonitorjawh huma jerġa’ inqas

Sors: Risposti għall-mistoqsijiet 23 u 24 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

47

Fl-istħarriġ li wettaqna, iż-żewġ Stati Membri li rrispondew li kienu qed jimmonitorjaw data kwantifikata f’termini tan-numru ta’ riċevituri finali tal-għajnuna li tingħata taħt il-FEAD li kienu qed jiġu integrati fl-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-FSE kienu l-Estonja u l-Bulgarija. It-tnejn li huma ddikjaraw li huma kienu integraw ir-riċevituri finali tal-għajnuna li tingħata taħt il-FEAD fil-miżuri taħt l-FSE (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Prattika tajba fl-Estonja u fil-Bulgarija - eżempju ta’ data disponibbli fir-rigward tal-attivitajiet tal-FSE

Sors: Risposti għall-mistoqsija 26 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

Sar titjib fir-rappurtar dwar il-miżuri ta’ akkumpanjament, iżda l-kontribut tagħhom biex jittaffa l-faqar ma ġiex stabbilit

48

Il-Kummissjoni tejbet il-kondiviżjoni tal-għarfien tagħha rigward il-miżuri ta’ inklużjoni soċjali, b’mod partikolari dwar il-miżuri ta’ akkumpanjament għall-programmi operazzjonali tat-tip I. Eżempju ta’ dan huwa l-organizzazzjoni tagħha ta’ laqgħat tan-Netwerk tal-FEAD, li waħda minnhom kienet indirizzat b’mod speċifiku l-miżuri ta’ akkumpanjament. Dawn is-seminars jipprovdu lill-awtoritajiet maniġerjali u lill-organizzazzjonijiet involuti fl-implimentazzjoni tal-fond l-opportunità li jiskambjaw esperjenzi u prattika tajba. B’mod simili, il-Kummissjoni torganizza seminars regolari dwar il-FEAD, fejn kwistjonijiet differenti jiġu diskussi mal-awtoritajiet maniġerjali.

49

Barra minn hekk, b’segwitu għal awditu tal-FEAD li sar mis-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni, din tal-aħħar introduċiet ukoll titjib fir-rappurtar dwar il-miżuri ta’ akkumpanjament fir-rapporti annwali nazzjonali ta’ implimentazzjoni. Madankollu, din l-informazzjoni hija normalment deskrittiva u ma tistax tiġi aggregata.

50

Minkejja dawn l-isforzi biex isir titjib fir-rappurtar, is-sitwazzjoni rigward il-miżuri ta’ akkumpanjament għadha mhijiex uniformi fl-Istati Membri kollha. Dment li ma jkunx hemm il-ħtieġa li jiġu ddefiniti l-linji bażi jew il-valuri fil-mira u li l-informazzjoni, jekk tkun disponibbli, tibqa’ essenzjalment kwalitattiva, mhuwiex possibbli li jitwettaq monitoraġġ tal-impatt tagħhom fuq it-taffija tal-faqar.

51

Fil-valutazzjoni tagħha tal-effettività tal-Fond, l-MTE qieset il-provvediment u l-monitoraġġ tal-miżuri ta’ akkumpanjament bħala qasam fejn il-potenzjal tal-FEAD jista’ jkompli jiġi sfruttat. Il-ħtieġa li jiġu rinforzati l-miżuri ta’ akkumpanjament issemmiet ukoll f’rapport maħruġ minn organizzazzjoni sieħba Spanjola, li huwa bbażat fuq riċerka li saret flimkien mar-riċevituri finali u l-awtoritajiet pubbliċi12.

PO II - approċċ aktar immirat lejn l-inklużjoni soċjali, iżda l-funzjoni ta’ tranżizzjoni tiegħu lejn l-FSE mhux dejjem tiġi stabbilita

Il-programmi operazzjonali tat-tip II jirrikjedu l-istabbiliment ta’ miri preċiżi

52

Il-programmi operazzjonali tat-tip II isegwu approċċ li huwa sostanzjalment differenti minn dak tal-programmi tat-tip I. Huma jimmiraw b’mod dirett lejn l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn. L-erba’ Stati Membri li għażlu dan it-tip ta’ programm huma d-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja. B’kollox, huma allokaw 2.5 % tal-baġit totali tal-FEAD, li 80 % minnu jmur għall-Ġermanja. Il-programmi tat-tip II huma meħtieġa jistabbilixxu objettivi speċifiċi u jidentifikaw is-sezzjoni tal-popolazzjoni tal-persuni l-aktar fil-bżonn li għandha tiġi mmirata (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

In-Netherlands - immirar lejn grupp partikolari speċifiku tal-popolazzjoni

L-objettiv globali tal-programm huwa li jnaqqas l-esklużjoni soċjali tal-anzjani fin-Netherlands li l-introjtu disponibbli tagħhom huwa baxx.

Ġew identifikati t-tliet objettivi speċifiċi li ġejjin:

  1. Lil-grupp fil-mira jsir konxju tal-firxa ta’ attivitajiet ta’ appoġġ lokali fir-rigward tal-inklużjoni soċjali li jkunu qed jiġu offruti, u li dawn l-attivitajiet jiġu ppreżentati (fuq bażi kontinwa) għall-attenzjoni tal-organizzazzjonijiet ta' għajnuna u/jew tal-awtoritajiet lokali;
  2. Li jissaħħaħ in-netwerk soċjali tal-grupp fil-mira; u
  3. Li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-grupp fil-mira.

Sors: Risposti għall-mistoqsija 12 tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali.

53

Fil-programmazzjoni tal-programmi operazzjonali tat-tip II, ir-Regolament bażiku dwar il-FEAD jirrikjedi li l-Istati Membri jippreżentaw ir-riżultati mistennija għall-objettivi speċifiċi, filwaqt li jindikaw l-indikaturi tal-output u tar-riżultati flimkien mal-linji bażi u l-valuri fil-mira. Minħabba din l-istruttura ta’ monitoraġġ aktar stretta, il-kejl tar-riżultati tal-FEAD huwa aktar faċli minn dak tal-programmi tat-tip I (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

Il-Ġermanja – eżempju ta’ mmirar kwantifikat

Il-Ġermanja identifikat żewġ gruppi fil-mira: (a) migranti fil-bżonn ġewwa l-UE u t-tfal tagħhom, (b) il-persuni mingħajr dar u dawk f’riskju li jispiċċaw mingħajr dar.

Il-miri tal-output li l-Ġermanja tiddefinixxi fir-rigward ta’ dawn il-persuni huma:

  • Migranti adulti ġewwa l-UE li rċevew pariri: 18 044;
  • Migranti ġewwa l-UE, ġenituri u tfal, li rċevew appoġġ ta’ konsulenza: 19 700;
  • Tfal ta’ età tal-iskola preprimarja ta’ migranti ġewwa l-UE li rċevew appoġġ pedagoġiku: 19 700; u
  • Persuni mingħajr dar, jew persuni mhedda li jispiċċaw mingħajr dar, li rċevew pariri u appoġġ soċjali: 21 450.
54

Fil-Ġermanja, il-FEAD jista’ jintuża biex jiġu stabbilizzati l-gruppi ta’ persuni l-aktar fil-bżonn li ma għandhomx aċċes għall-għajnuna offruta mis-servizzi soċjali fil-livell lokali. Il-FEAD jopera fil-qasam tal-offerti ta’ assistenza li huma faċilment aċċessibbli għall-gruppi fil-mira. F’dan ir-rigward, il-FEAD jista’, f’każijiet speċifiċi, jibda joffri forom oħra ta’ appoġġ li jkunu differenti mill-miżuri standard diġà eżistenti. L-għan kumplessiv huwa li l-appoġġ mogħti taħt il-FEAD jintuża bħala “tranżizzjoni” lejn skemi oħra ta’ appoġġ.

55

Skont l-MTE, il-FEAD laħaq madwar 23 000 individwu fl-2016, l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni, taħt il-programmi operazzjonali tat-tip II (21 600 fil-Ġermanja). Il-FEAD kien “ġeneralment fit-triq it-tajba” biex jilħaq il-miri dwar l-indikaturi speċifiċi tal-output. Barra minn hekk, il-programmi għall-inklużjoni soċjali kienu meqjusa li kienu importanti ħafna billi l-għajnuna alimentari u dik materjali mhumiex biżżejjed biex il-faqar jiġi miġġieled b’mod effettiv fuq terminu twil.

L-immirar huwa aktar preċiż, iżda s-sinerġija mal-FSE mhux dejjem tiġi stabbilita

56

Fl-istħarriġ li wettaqna, aħna staqsejna lill-Istati Membri li għażlu l-programmi tat-tip II jekk huma kinux integraw persuni mill-FEAD f’miżuri taħt il-programmi speċifiċi tagħhom fil-qafas tal-FSE, filwaqt li qiesu l-hekk imsejħa “funzjoni ta’ tranżizzjoni” li l-FEAD għandu jkollu lejn dawn il-miżuri taħt l-FSE. Żewġ Stati Membri rrispondew li huma għamlu dan13. Madankollu, meta staqsejna wkoll jekk huma kinux qed jimmonitorjaw ukoll id-data kwantitattiva dwar din il-funzjoni ta’ “tranżizzjoni”, wieħed biss14 irrisponda b’mod pożittiv.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

57

Permezz ta’ dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk il-FEAD kienx maħsub bħala għodda effettiva li ttaffi l-faqar u tikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn ġewwa l-UE. Aħna nikkonkludu li, minbarra li jittaffa l-faqar permezz tal-għajnuna alimentari, l-elementi innovattivi tal-politika soċjali tal-FEAD joffru lill-Istati Membri possibbiltajiet biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali. Madankollu, minħabba xi limitazzjonijiet fil-monitoraġġ tiegħu, il-kontribut tiegħu biex jittaffa l-faqar ma ġiex stabbilit.

58

Aħna sibna li minkejja l-objettiv kumplessiv tiegħu fir-rigward tal-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn, il-FEAD jibqa’ essenzjalment skema ta’ appoġġ alimentari: 83 % tal-baġit tal-FEAD huwa ddedikat għall-appoġġ alimentari. Dan għaliex it-tfassil tal-FEAD jippermetti lill-Istati Membri jkomplu joffru appoġġ alimentari fejn jidhrilhom li jkun xieraq, bħalma għamlu taħt l-MDP. Minkejja dan, il-FEAD huwa apprezzat ħafna mill-partijiet ikkonċernati li jittrattaw il-persuni l-aktar fil-bżonn (ara l-paragrafi 19 sa 27).

59

F’termini finanzjarji, il-FEAD huwa fond relattivament żgħir. L-għajnuna tiġi pprovduta lir-riċevituri finali minn bosta atturi differenti. Aħna sibna li, fir-rigward tal-immirar, il-programmazzjoni tal-FEAD fl-Istati Membri tvarja b’mod sostanzjali. Nofs l-Istati Membri li eżaminajna segwew approċċ ta’ mmirar rinforzat fil-livell tal-programmi, filwaqt li ffukaw fuq l-agħar forom ta’ faqar, li għandu jippermetti li l-Fond jintuża b’mod aktar effettiv. In-nofs l-ieħor għażlu li ma jimmirawx l-għajnuna b’mod speċifiku fil-programmi operazzjonali. L-immirar tal-għajnuna lejn xi grupp vulnerabbli partikolari jitħalla għad-diskrezzjoni tal-organizzazzjonijiet sħab, bir-riskju assoċjat li jinxtered l-effett tal-finanzjament limitat (ara l-paragrafi 28 sa 36).

60

-element il-ġdid introdott milll-FEAD, għaż-żewġ tipi ta’ programmi, jagħmel enfasi fuq l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn, li ma kinitx parti mill-MDP preċedenti. Fejn dawn il-miżuri ntużaw b’mod xieraq, il-livell kumplessiv ta’ sodisfazzjon fir-rigward tal-fond instab li kien ogħla. Madankollu, mhuwiex possibbli li jiġi mmonitorjat is-suċċess tal-miżuri ta’ inklużjoni soċjali minħabba nuqqas ta’ data kwantitattiva, u għalhekk, il-kontribut tal-Fond għall-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn ma jistax jitkejjel. Barra minn hekk, ftit Stati Membri jwettqu segwitu tal-komplementarjetà bejn il-miżuri taħt il-FEAD u dawk taħt l-FSE (ara l-paragrafi 37 sa 56).

61

Għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss fil-perjodu 2021 – 2027, il-Kummissjoni pproponiet li l-FEAD jiġi inkorporat f’FSE + ġdid. Il-Qorti ħadet kont ta’ din il-proposta tal-Kummissjoni meta kienet qed tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

Rakkomandazzjoni 1 - L-għajnuna tiġi mmirata aħjar

Waqt li tkun qed tapprova l-programmi operazzjonali taħt l-FSE + il-ġdid, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jimmiraw l-assistenza alimentari u l-assistenza materjali bażika lejn dawk il-persuni l-aktar fil-bżonn, billi:

  1. tiddeskrivi b’mod ċar is-sitwazzjoni nazzjonali ta’ faqar;
  2. tiddefinixxi il-popolazzjoni speċifika li għandha tiġi mmirata u l-mezzi li għandhom jintużaw;
  3. tistipula l-loġika ta’ intervent u b’mod partikolari r-riżultati mistennija, filwaqt li tidentifika l-valuri referenzjarji (linji bażi) u tistabbilixxi miri kwantifikati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Qabel l-approvazzjoni tal-programmi taħt l-FSE +

Rakkomandazzjoni 2 - Jiġu salvagwardjati l-miżuri ta’ inklużjoni soċjali għar-riċevituri ta’ assistenza materjali bażika
  1. (a) Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri li se jużaw l-FSE + biex jindirizzaw il-privazzjoni materjali permezz ta’ assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika għall-persuni l-aktar fil-bżonn:
    1. jinkludu miżuri ta’ akkumpanjament fil-programmi operazzjonali tagħhom biex jikkomplementaw l-appoġġ alimentari u dak materjali bażiku; jew inkella
    2. jiddefinixxu b’mod ċar fil-programmi operazzjonali tagħhom liema miżuri ta’ inklużjoni soċjali taħt l-FSE + aktar ġenerali se jkunu espliċitament immirati lejn ir-riċevituri tal-appoġġ alimentari u/jew tal-assistenza materjali bażika.
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta tkun qed tapprova dawn il-progranmmi, tiżgura li r-Rakkomandazzjonijiet 2(a)(i) jew 2(a)(ii) jiġu indirizzati b’mod effettiv.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Qabel l-approvazzjoni tal-programmi taħt l-FSE +

Rakkomandazzjoni 3 - Tittejjeb il-valutazzjoni tal-inklużjoni soċjali tar-riċevituri finali tal-għajnuna li tingħata taħt il-FEAD

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw metodoloġija biex jivvalutaw kemm-il riċevitur finali tal-assistenza alimentari u dik materjali jistgħu jtejbu s-sitwazzjoni personali tagħhom permezz tal-FEAD u ta’ skemi oħra tal-inklużjoni soċjali, fl-Istati Membri jew inkella permezz tal-FSE +.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Sa tmiem Ġunju 2023

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-27 ta’ Frar 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Annessi

Anness I

Riżultati tal-istħarriġ imwettaq mill-QEA li kien indirizzat għall-awtoritajiet maniġerjali

Lista ta’ mistoqsijiet li jidhru fl-istħarriġ li wettaqna tal-awtoritajiet maniġerjali b’indikazzjoni fil-qosor tar-risposti li ngħataw għal dawn il-mistoqsijiet.

1. L-istituzzjoni tiegħek kienet ukoll responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ strumenti oħra tal-UE minbarra l-FEAD?

2. Liema PO ntgħażel biex jiġi implimentat f’pajjiżek? L-Istati Membri li għażlu li jimplimentaw il-PO I kienu 23, u 4 Stati Membri għażlu l-PO II.

3. Għalfejn intgħażel il-PO I jew il-PO II?

4. Meta ntużaw il-fondi mill-FEAD biex tingħata għajnuna lill-persuni l-aktar fil-bżonn, tqieset il-possibbiltà li jintgħażlu ż-żewġ programmi operazzjonali għall-implimentazzjoni nazzjonali?
Kien hemm biss 7 li rrispondew IVA, l-20 l-oħra rrispondew LE.

5. Jekk weġibt iva għall-mistoqsija 4, nitolbuk tispjega għalfejn ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi implimentat PO wieħed minflok it-tnejn li huma (it-tweġibiet għal din il-mistoqsija ma jistgħux jiġu ppubblikati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data).

6. Fuq xiex kienet ibbażata l-allokazzjoni kumplessiva mill-baġit tal-programm nazzjonali FEAD?

7. Jinżamm rendikont tal-infiq u tal-kwantitajiet effettivi ta’ għajnuna alimentari u ta’ assistenza materjali li jingħataw fuq bażi annwali skont il-kategoriji indikati fit-tabella li tidher taħt il-mistoqsija 8?
It-23 rispondent kollha rrispondew b’mod pożittiv.

8. Jekk iva, nitolbuk tagħti d-dettalji li ġejjin (23 tabella kkompletata).

Ammonti totali tal-infiq u tal-kwantitajiet ta’ assistenza alimentari u dik materjali

infiq fuq l-ikel EUR 1 020 027 859
pakketti 177 725 973
tunnellati 1 106 513
infiq fuq l-assistenza materjali EUR 16 012 156
pakketti 474 324
oġġetti 3 114 028
oġġetti 192
infiq totali EUR 1 036 040 015
pakketti totali 178 200 297
tunnellati totali 1 106 705

9. Il-miżuri ta’ akkumpanjament jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-FEAD?
Riżultati: 15 irrispondew IVA, 8 rrispondew LE.

10. Il-miżuri ta’ akkumpanjament ma jiġux iffinanzjati mill-baġit tal-FEAD minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

11. X’tip ta’ miżuri ta’ akkumpanjament ġew implimentati?

12. Liema huma l-attivitajiet ta’ inklużjoni soċjali li ġew implimentati? (PO II biss) - (it-tweġibiet għal din il-mistoqsija ma jistgħux jiġu ppubblikati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data).

13. Għal kull wieħed mill-programmi elenkati fil-mistoqsijiet 11 (għall-PO I) jew 12 (għall-PO II), il-programm operazzjonali tal-FEAD jikkomplementa dawn li ġejjin:

14. Il-gruppi fil-mira jiġu speċifikati f’aktar dettall?

15. Jekk weġibt iva għall-mistoqsija 14, kemm intnefqu flus u kemm-il persuna ngħatat għajnuna għal kull grupp fil-mira? (it-tweġibiet għal din il-mistoqsija ma jistgħux jiġu ppubblikati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data).

16. Jekk daħħalt data dwar in-numru ta’ persuni li ngħataw għajnuna fit-tabella ta’ hawn fuq, nitolbuk tindika s-sors:

17. Jekk weġibt iva għall-mistoqsija 14, dawn il-gruppi fil-mira huma ddefiniti fil-programm operazzjonali? Tnejn biss irrispondew LE, u 14 irrispondew IVA.

18. Jekk il-gruppi fil-mira eliġibbli huma ddefiniti b’mod ġenerali, nitolbuk tindika d-definizzjoni ta’ faqar applikata (Eurostat għal referenza).

19. Nitolbuk tindika kull kriterju addizzjonali għad-definizzjoni ta’ gruppi fil-mira.

20. Fejn huma ddefiniti l-kriterji ta’ eliġibbiltà għar-riċevituri finali?

21. Sabiex jirċievu għajnuna mill-FEAD, ir-riċevituri finali jridu jkunu legalment eliġibbli għall-assistenza soċjali li tingħata mis-sistema nazzjonali, reġjonali jew lokali tal-Istat Membru?

22. Jekk iva, min jistabbilixxi l-lista ta’ riċevituri finali eliġibbli?

23. Persuni li jagħmlu parti mill-grupp(i) fil-mira tal-FEAD ġew integrati f’miżuri u operazzjonijiet speċifiċi ffinanzjati taħt l-FSE?

24. Id-data kwantitattiva tiġi mmonitorjata f’termini tan-numru ta’ riċevituri finali tal-FEAD li jkunu qed jiġu integrati fl-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-FSE?

25. Jekk weġibt iva għall-mistoqsija 24, nitolbuk tindika n-numru.

26. Jekk weġibt iva għall-mistoqsija 24, bejn l-2014 u tmiem l-2017, kemm-il persuna fi ħdan il-grupp(i) fil-mira tal-FEAD iddaħħlu f’attivitajiet tal-FSE?

27. X’tipi ta’ organizzazzjonijiet jitqiesu bħala organizzazzjonijiet sħab eliġibbli kif iddefinit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014?

28. Abbażi ta’ liema kriterji ntgħażlu l-organizzazzjonijiet sħab?

29. L-organizzazzjoni sieħba/organizzazzjonijiet sħab magħżula jkopru t-territorju kollu tal-Istat Membru?

30. L-organizzazzjoni sieħba/organizzazzjonijiet sħab magħżula jkopru l-popolazzjoni(jiet) kollha ddefinita/i bħala l-grupp(i) fil-mira?

31. Kemm-il organizzazzjoni sieħba wettqu operazzjonijiet issussidjati mill-FEAD, mill-2014 'il hawn?

32. Kemm-il benefiċjarju pprovdew għajnuna ssussidjata mill-FEAD għall-perjodu mill-2014 sa tmiem l-2017?

33. Dawn l-indikaturi tal-input, tal-output u tar-riżultati tal-Kummissjoni huma raġonevoli f’termini ta’ kemm jirriflettu l-impatt tal-programm FEAD?

34. Jekk jiġu ddefiniti indikaturi speċifiċi fil-livell tal-programm operazzjonali, dawn ikunu jirriflettu aħjar l-impatt tal-programm FEAD?

35. Kemm huma importanti l-operazzjonijiet ta’ assistenza materjali u ta’ inklużjoni soċjali ffinanzjati taħt il-FEAD għall-persuni l-aktar fil-bżonn f’pajjiżek meta mqabbel ma’ programmi nazzjonali u/jew inizjattivi privati?

36. Tista’ tagħti estimu tas-sehem li l-finanzjament taħt il-FEAD jirrappreżenta bħala perċentwal tal-finanzjament kollu minn inizjattivi privati u pubbliċi, u minn organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jipprovdu għajnuna jew appoġġ għall-persuni materjalment fil-bżonn (simili għall-FEAD) f’pajjiżek, bl-inklużjoni ta’ donazzjonijiet materjali u finanzjarji kif ukoll l-ekwivalent finanzjarju tal-input mogħti minn xogħol ta’ volontarjat?

37. In-numru totali ta’ riċevituri finali li ngħataw għajnuna mill-FEAD, irrappurtat permezz tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, huwa bbażat fuq:

38. Jekk weġibt “għadd” jew “it-tnejn li huma” hawn fuq, f’liema livell jinġabru ċ-ċifri li jingħaddu (jiġifieri, għadd dirett tar-riċevituri finali kollha, mingħajr ebda aġġustament statistiku jew limitazzjoni oħra b’riżultat ta’ ġudizzju tal-għadd dirett)?

Anness II

Data riċevuta mingħand il-parti kkonċernata l-Federazzjoni Ewropea tal-Banek tal-Ikel

Fi 12-il Stat Membru, il-banek tal-ikel tal-Federazzjoni Ewropea tal-Banek tal-Ikel (FEBA) jipprovdu ikel lill-organizzazzjonijiet tal-karità permezz tal-FEAD. Dawn il-banek tal-ikel jiddependu b’mod komprensiv fuq id-donazzjonijiet tal-ikel (ikel żejjed li jkun ġej direttament mill-katina tal-provvista tal-ikel, prodotti tal-ikel li jkunu ġejjin minn ġabriet tal-ikel, kif ukoll frott u ħxejjex li jiġu rtirati mis-suq). L-aċċess għall-appoġġ finanzjarju mill-FEAD jippermettilhom jiddistribwixxu mill-ġdid l-elementi li huma jkunu jeħtieġu l-aktar; huwa jipprovdilhom il-flessibbiltà neċessarja billi d-donazzjonijiet ma jistgħux jiġu pprogrammati. Il-FEAD joffri finanzjament għall-provvediment ta’ ikel speċjali (bħal ħalib tat-trabi) skont analiżi tal-ħtiġijiet bi qbil imwettqa mal-awtoritajiet maniġerjali. Skont id-data riċevuta mill-FEBA, madwar terz tal-provvista tal-ikel fil-banek tal-ikel li jipparteċipaw fil-FEAD huwa ffinanzjat taħt il-FEAD (jiġifieri f’tunnellati).

Figura 1

Sehem tal-prodotti tal-FEAD fl-għajnuna alimentari disponibbli mill-banek tal-ikel tal-FEBA

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mill-FEBA15.

F’xi Stati Membri, l-importanza relattiva tal-FEAD fil-provvista tal-banek tal-ikel tal-FEBA tilħaq anke sa 40 %.

Figura 2

Ripartizzjoni tal-appoġġ mogħti taħt il-FEAD fl-għajnuna alimentari tal-FEBA, skont il-pajjiż

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mill-FEBA.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju Eżekuttiv

III

Il-FEAD qed jipprovdi ikel u assistenza materjali bażika tant meħtieġa lil għadd kbir ta’ persuni l-aktar fil-bżonn u huwa kkumplimentat minn miżuri ta’ akkumpanjament li jipprovdu gwida u pariri, li jimmiraw lejn l-inklużjoni soċjali tagħhom. Għalhekk, l-għajnuna alimentari hija l-ewwel pass importanti biex jinkiser iċ-ċiklu tal-faqar billi tingħata għajnuna materjali immedjata lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Il-Kummissjoni tqis li proporzjon għoli ta’ għajnuna li tingħata bħala għajnuna alimentari huwa kompletament konformi mal-objettivi ddikjarati għall-FEAD.

IV

Il-Kummissjoni taqbel mal-prinċipju li l-għajnuna tiġi mmirata għal dawk l-aktar fil-bżonn iżda tqis li l-varjetà ta’ approċċi fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-aktar fil-bżonn hija konformi mas-sussidjarjetà u l-FEAD huwa komplementari għal kuntesti soċjali nazzjonali differenti. Il-Kummissjoni tinnota li l-identifikazzjoni ta’ dawk l-aktar fil-bżonn kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet stabbilita skont kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali, u b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Dan ir-rekwiżit ġie ċċekkjat fl-istadju ta’ approvazzjoni tal-Programmi Operazzjonali. L-Istati Membri huma meqjusa fl-aħjar pożizzjoni biex jimmiraw l-għajnuna filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet lokali u għandu jkollhom il-flessibbiltà biex jaġġustaw il-gruppi fil-mira għal ħtiġijiet ġodda/li qed jinbidlu matul il-perjodu ta’ programmazzjoni.

V

L-Istati Membri jimmonitorjaw il-miżuri ta’ akkumpanjament b’mod kwalitattiv fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni. Monitoraġġ kwantitattiv ma jidhirx li huwa xieraq u proporzjonat.

Għadu kmieni wisq biex jiġu vvalutati r-riżultati u l-impatti tal-fond. Dawn għandhom jiġu vvalutati permezz ta’ evalwazzjoni ex-post tal-FEAD fi stadju aktar tard.

VI

L-Istati Membri kkunsidraw il-komplementarjetà, fl-istadju tat-tfassil meta ssottomettew il-Programmi Operazzjonali, u matul l-implimentazzjoni. Il-kumplimentarjetà tal-FEAD kemm mal-programmi nazzjonali kif ukoll mal-programmi tal-UE ġiet ivvalutata b’mod pożittiv fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu: Il-FEAD juri kumplimentaritajiet importanti billi jimmira gruppi differenti jew jipprovdi miżuri komplementari b’mod partikolari fir-rigward tal-gruppi fil-mira appoġġati u l-miżuri ta’ appoġġ ipprovduti. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-FEAD huwa ffukat fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn u l-FSE fuq persuni li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom huma ssodisfati u li huma eqreb għas-suq tax-xogħol.

VIII

Il-FEAD laħaq l-aktar gruppi fil-mira fir-riskju tal-faqar u għamel differenza f’ħajjithom. Il-FEAD huwa koerenti u jikkumplimenta s-sistemi nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar, peress li wessa’ l-għadd u t-tip ta’ riċevituri finali milħuqa. Il-FEAD huwa koerenti mal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li għadu kif ġie adottat. Hija tikkumplimenta fondi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew billi timmira gruppi differenti jew tipprovdi miżuri komplimentari.

  1. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u tqis li l-kundizzjonijiet kollha għat-twettiq tagħha huma żgurati mill-proposti tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-FSE+ u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni ħlief għall-istabbiliment ta’ miri kwantifikati.
  2. L-iffissar ta’ miri u parametri referenzjarji għat-tip ta’ operazzjonijiet OP I ma jitqiesx bħala sinifikanti u proporzjonat peress li l-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jindirizzaw fuq tul ta’ żmien gruppi fil-mira differenti jew jikkumplimentaw politiki nazzjonali bi strumenti differenti.

  3. Il-Kummissjoni parzjalment taċċetta din ir-rakkomandazzjoni peress li l-Artikolu 17(4) tar-regolament tal-FSE+ propost jispeċifika li t-twassil tal-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika jistgħu jiġu kkumplimentati minn miżuri ta’ akkumpanjament immirati lejn l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Għalkemm dawn il-miżuri ta’ akkumpanjament mhumiex obbligu għall-Istati Membri, il-Kummissjoni tħeġġiġhom jisfruttaw bis-sħiħ is-sinerġiji pprovduti fil-proposta tar-Regolament tal-FSE+ biex jiġu kkombinati taqsimiet differenti ta’ appoġġ għall-inklużjoni soċjali lill-persuni l-aktar fil-bżonn.
  4. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li għall-FEAD, ġew stabbiliti sistemi proporzjonati ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni b’konformità mar-rekwiżit li tiġi rispettata d-dinjità ta’ dawk l-aktar fil-bżonn u li se jitressqu fl-FSE+.

Osservazzjonijiet

22

L-ibbaġitjar tal-FEAD inkluda b’mod inerenti verifika fil-konfront ta’ allokazzjoni ta’ Fondi Strutturali oħra, u għalhekk jirrifletti l-kumplimentarjetà tal-fondi.

26

Huwa diffiċli li tiġi stabbilita data komparabbli bejn il-pajjiżi fil-livell tal-UE, peress li hemm varjetà ta’ approċċi u atturi f’kull Stat Membru dwar tali politiki soċjali, li mhux neċessarjament jiffurmaw settur distint tal-attività ekonomika. Dan huwa konformi wkoll mas-sussidjarjetà.

35

Il-Kummissjoni tinnota li l-identifikazzjoni ta’ dawk l-aktar fil-bżonn kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet stabbilita skont kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali, u b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Dan ir-rekwiżit ġie ċċekkjat fl-istadju ta’ approvazzjoni tal-Programmi Operazzjonali. Il-Kummissjoni tqis li fl-Istati Membri msemmija mill-QEA, l-għajnuna hija mmirata sew biex jitqiesu l-ħtiġijiet lokali. Dan l-approċċ huwa effettiv u adegwat biex jikkumplimenta l-politiki soċjali nazzjonali.

36

Il-Kummissjoni tqis li l-approċċi tal-Istati Membri, inklużi dawk imsemmija mill-QEA, huma effettivi u adegwati biex jaġġustaw l-appoġġ tal-FEAD għall-bidliet fir-realtajiet soċjali fuq il-post. Ara wkoll it-tweġiba ġenerali (paragrafu 35).

38

L-Istati Membri jimmonitorjaw il-miżuri ta’ akkumpanjament b’mod kwalitattiv, u jirrapportaw dwarhom fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni, inkluż fl-Istati Membri msemmija mill-QEA.

42

L-istabbiliment ta’ indikaturi komuni għal miżuri ta’ akkumpanjament imur ukoll kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità li għandu jiġi applikat fil-FEAD minħabba li l-miżuri ta’ akkumpanjament huma limitati għal 5 % tal-appoġġ.

45

Titjib ulterjuri tas-sinerġija huwa żgurat billi jkopri l-FEAD u l-FSE b’Regolament wieħed għall-perjodu li jmiss permezz ta’ diversi objettivi speċifiċi.

46

L-Istati Membri kkunsidraw il-komplementarjetà fl-istadju tad-disinn u matul l-implimentazzjoni meta ssottomettew il-Programmi Operazzjonali.

Il-kumplimentarjetà tal-FEAD kemm mal-programmi nazzjonali kif ukoll mal-UE ġiet ivvalutata b’mod pożittiv mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu. Il-FEAD juri kumplimentaritajiet importanti billi jimmira gruppi differenti jew jipprovdi miżuri komplementari b’mod partikolari fir-rigward tal-gruppi fil-mira appoġġati u l-miżuri ta’ appoġġ ipprovduti. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-FEAD huwa ffukat fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn u l-FSE fuq persuni li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom huma ssodisfati u li huma eqreb għas-suq tax-xogħol.

Ftit riċevituri finali tal-FEAD jistgħu jitqiesu lesti biex jingħaqdu mal-miżuri tal-FSE li jwasslu għal integrazzjoni fis-suq tax-xogħol; dan jintwera wkoll fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni annwali tal-FEAD u fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu. Proporzjon sinifikanti ta’ gruppi fil-mira huma tfal (29 %) jew persuni ta’ 65 sena jew aktar (9 %) mingħajr rabta mal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, wieħed jista’ jistenna minn fost il-persuni mingħajr dar u minn persuni b’diżabbiltà, l-ebda mogħdija immedjata f’miżuri tas-suq tax-xogħol.

Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 55.

49

Il-Kummissjoni fil-fatt saħħet ir-rappurtar tal-miżuri ta’ akkumpanjament. Filwaqt li huwa ta’ natura kwalitattiva, ir-rappurtar jikkontribwixxi għal Rapport sommarju ta’ kull sena, li jintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

Ara wkoll it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 50 u 51.

50

Peress li t-tip u l-kopertura tal-miżuri ta’ akkumpanjament tant huma differenti, ma hemmx lok li jiġu definiti indikaturi komuni. Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 42.

L-impatt tal-FEAD se jiġi vvalutat permezz ta’ evalwazzjoni ex post, ladarba l-programmi jkunu tlestew.

51

Ir-rappurtar tal-miżuri ta’ akkumpanjament fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni fil-fatt ġie msaħħaħ. Issa hemm sezzjoni apposta għar-rappurtar dwar miżuri ta’ akkumpanjament mill-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha ħarsa ġenerali tat-tip ta’ attivitajiet, l-ilħuq u l-finanzjament.

Il-miżuri ta’ akkumpanjament jibqgħu pjuttost differenti fit-tip tal-azzjonijiet u wkoll fl-intensità (ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 42).

L-istħarriġ dwar ir-riċevituri aħħarin imwettaq darbtejn matul il-perjodu ta’ programmazzjoni min-naħa tal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni (evalwazzjoni) jagħti informazzjoni importanti dwar it-tip ta’ miżuri ta’ akkumpanjament fid-diversi Stati Membri u dwar l-utilità ta’ pariri u gwida mill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni.

53

Il-Kummissjoni tinnota li dan l-approċċ ta’ monitoraġġ huwa konformi mar-Regolament tal-FEAD, li jipprevedi indikaturi speċifiċi għall-programm għat-tip ta’ programmi OP II (iżda mhux għall-programmi tat-tip I tal-OP).

Il-programmi OP II jikkonċernaw, skont id-definizzjoni, operazzjonijiet differenti ħafna mmirati lejn riċevituri finali speċifiċi ħafna.

56

Il-programmi tat-tip OP II jikkonċernaw operazzjonijiet diversi ħafna (ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 53) u mhux kollha jselfu għall-funzjoni ta’ “bridging”, pereżempju meta jimmiraw it-tfal jew l-anzjani.

Barra minn hekk, ir-Regolament tal-FEAD ma jimponix l-Istati Membri biex jiġbru data dwar ir-riċevituri finali tal-FEAD għal tranżizzjoni għal miżuri tal-FSE. Il-kejl sistematiku tal-fluss ta’ riċevituri tal-FEAD jista’ ma jkunx proporzjonat.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

57

Il-monitoraġġ tal-miri dwar il-faqar tal-Ewropa 2020 isir darbtejn matul l-implimentazzjoni tal-FEAD, b’mod kwalitattiv. Dan l-approċċ ta’ monitoraġġ intgħażel għal skop, bil-ħsieb li tiġi ppreservata d-dinjità tar-riċevituri aħħarin. Il-monitoraġġ kwantitattiv dwar it-tnaqqis tal-faqar diġà sar fis-Semestru Ewropew.

L-impatt tal-FEAD se jiġi vvalutat permezz ta’ evalwazzjoni ex post (f’Diċembru 2024), ladarba l-programmi jkunu tlestew.

59

Il-Kummissjoni taqbel mal-prinċipju li l-għajnuna tiġi mmirata għal dawk l-aktar fil-bżonn iżda tqis li l-varjetà ta’ approċċi fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-aktar fil-bżonn hija konformi mas-sussidjarjetà u l-FEAD huwa komplementari għal kuntesti soċjali nazzjonali differenti. Il-Kummissjoni tinnota li l-identifikazzjoni ta’ dawk l-aktar fil-bżonn kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet stabbilita skont kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali, u b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Dan ir-rekwiżit ġie ċċekkjat fl-istadju ta’ approvazzjoni tal-Programmi Operazzjonali.

60

Il-miżuri ta’ akkumpanjament fl-OP I qed jiġu ssorveljati fir-Rapporti Annwali ta’ Implimentazzjoni tal-Istati Membri, f’taqsima ddedikata. Barra hekk, l-istħarriġ dwar ir-riċevituri aħħarin imwettaq darbtejn matul il-perjodu ta’ programmazzjoni min-naħa tal-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni (evalwazzjoni) jagħti informazzjoni importanti dwar it-tip ta’ miżuri ta’ akkumpanjament fid-diversi Stati Membri u dwar l-utilità ta’ pariri u gwida mill-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni. Ir-rekwiżit ta’ stħarriġ qed jinżamm fil-proposta tal-Kummissjoni tal-FSE+ għal wara l-2020. Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 42.

Il-kumplimentarjetà tal-FEAD kemm mal-programmi nazzjonali kif ukoll mal-programmi tal-UE ġiet ivvalutata b’mod pożittiv mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu: Il-FEAD juri kumplimentaritajiet importanti billi jimmira gruppi differenti jew jipprovdi miżuri komplementari b’mod partikolari fir-rigward tal-gruppi fil-mira appoġġati u l-miżuri ta’ appoġġ ipprovduti. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-FEAD huwa ffukat fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn u l-FSE fuq persuni li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom huma ssodisfati u li huma eqreb għas-suq tax-xogħol.

Rakkomandazzjoni 1 – Miri aħjar tal-għajnuna
  1. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1(a) u tqis li l-kundizzjonijiet kollha għat-twettiq tagħha huma żgurati mill-proposti tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-FSE+ u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK).
  2. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (li se japplika għal dan it-tip ta’ appoġġ li bħalissa qed jiġi ffinanzjat mill-FEAD) tirrikjedi li kull programm jistabbilixxi l-isfidi ewlenin, inklużi l-isfidi soċjali. Dan ifisser li din l-informazzjoni se tiġi żviluppata aktar fil-programmi.

  3. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1(b) u tqis li l-kundizzjonijiet kollha għat-twettiq tagħha huma żgurati mill-proposti tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-FSE+ u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.
  4. Id-definizzjoni “tal-aktar fil-bżonn” fl-FSE+, b’mod partikolari l-Artikolu 2(13) tispeċifika li l-ħtieġa għall-għajnuna qed tiġi stabbilita skont kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Din hija dispożizzjoni importanti, peress li l-FEAD għandu jikkomplementa l-politiki soċjali nazzjonali u l-approċċ immirat għandu jkun konformi mas-sussidjarjetà.

    Għalhekk, l-approċċi nazzjonali xorta jistgħu jvarjaw billi jitqiesu l-ħtiġijiet lokali, anke skont it-tip ta’ assistenza.

  5. Il-Kummissjoni parzjalment taċċetta r-rakkomandazzjoni 1(c). Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet kollha għat-twettiq tagħha huma żgurati mill-proposti tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-FSE+ u r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.
  6. Il-ħtieġa li l-Istati Membri jirreferu għal-loġika ta’ intervent hija impliċita fis-sottomissjoni ta’ programm ta’ finanzjament mill-Fond sabiex jikkonformaw mal-FSE+ fuq il-kontenut tal-prijoritajiet. Il-ħtieġa li l-Istati Membri jirreferu għall-valuri ta’ referenza hija diġà koperta mill-FSE+.

    Il-Kummissjoni toġġezzjona li tiffissa miri kwantifikati fil-programmi minħabba li:

    l-iffissar ta’ miri u parametri referenzjarji għat-tip ta’ operazzjonijiet OP I ma jitqiesx bħala sinifikanti. Is-sitwazzjoni/il-ħtiġijiet nazzjonali jevolvu matul il-perjodu ta’ 7 snin; L-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà biex biż-żmien jindirizzaw gruppi mmirati differenti jew jikkumplimentaw politiki nazzjonali bi strumenti differenti.

    Barra minn hekk, jista’ wkoll ma jkunx proporzjonat, fid-dawl tal-isforzi meħtieġa mill-benefiċjarji li jaħdmu mal-voluntiera, u sabiex tiġi rispettata d-dinjità tar-riċevituri aħħarin.

Rakkomandazzjoni 2 – Is-salvagwardja tal-miżuri ta’ inklużjoni soċjali għar-riċevituri ta’ assistenza materjali bażika

Il-Kummissjoni tinnota li r-rakkomandazzjoni 2(a) hija indirizzati lill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni parzjalment taċċetta r-rakkomandazzjoni 2(b) peress li l-Artikolu 17(4) tar-regolament tal-FSE+ propost jispeċifika li t-twassil tal-ikel u/jew l-assistenza materjali bażika jistgħu jiġu kkumplimentati minn miżuri ta’ akkumpanjament immirati lejn l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Għalkemm dawn il-miżuri ta’ akkumpanjament mhumiex obbligu għall-Istati Membri, il-Kummissjoni tħeġġiġhom jisfruttaw bis-sħiħ is-sinerġiji pprovduti fil-proposta tar-Regolament tal-FSE+ biex jiġu kkombinati taqsimiet differenti ta’ appoġġ għall-inklużjoni soċjali lill-persuni l-aktar fil-bżonn.

Rakkomandazzjoni 3 – It-titjib tal-valutazzjoni tal-inklużjoni soċjali tar-riċevituri finali tal-FEAD

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 3 sa fejn din tikkonċerna lill-Kummissjoni.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

DĠ AGRI: Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

DĠ EMPL: Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

EaSI: Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali

FEAD: Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

FEBA: Federazzjoni Ewropea tal-Banek tal-Ikel

FEG: Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

FSE +: Fond Soċjali Ewropew Plus (Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027)

FSE: Fond Soċjali Ewropew

FSIE: Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

MDP: Programm Ewropew għall-persuni l-aktar fil-bżonn

MTE: Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu kkummissjonata mill-Kummissjoni

OPC: Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa

PO: Programm Operazzjonali

PROGRESS: Programm PROGRESS (2007-2013)

QFP: Qafas Finanzjarju Pluriennali

Glossarju

Assistenza materjali: Il-prodotti bażiċi tal-konsumatur b'valur limitat, li jkunu għall-użu personali tal-persuni l-aktar fil-bżonn pereżempju ħwejjeġ, żraben, prodotti tal-iġjene, materjal tal-iskola u basktijiet tal-irqad.

Attivitajiet relatati mal-appoġġ soċjali għall-persuni fil-bżonn: Il-finanzjament kollu minn inizjattivi privati u pubbliċi, u minn organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jipprovdu għajnuna jew appoġġ għall-persuni li jkunu materjalment fil-bżonn ġewwa pajjiż, li jkopri donazzjonijiet materjali u finanzjarji kif ukoll l-ekwivalent finanzjarju tal-input mogħti minn xogħol ta’ volontarjat.

Awtorità maniġerjali: Hija awtorità pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali (jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor), li nħatret minn Stat Membru biex timmaniġġja Programm Operazzjonali. Il-kompiti tagħha jinkludu l-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, il-monitoraġġ ta' kif jiġu implimentati l-proġetti u r-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-aspetti finanzjarji u r-riżultati miksuba. L-awtorità maniġerjali hija wkoll il-korp li jimponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarji b’segwitu għal awditi li jkunu twettqu mill-Kummissjoni, mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jew minn kwalunkwe awtorità fl-Istat Membru.

Benefiċjarju: Korp pubbliku jew privat responsabbli għall-bidu, jew għall-bidu u għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet.

Evalwazzjoni ex ante: Deċiżjoni, ibbażata fuq l-evidenza, li tiġi abbozzata sabiex jittejbu l-kwalità u t-tfassil ta’ kull programm operazzjonali, li għandha tkun ibbażata fuq data rilevanti.

Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu: Rapport dwar il-FEAD ikkummissjonat mill-Kummissjoni (lil Metis GmbH, f'kooperazzjoni ma’ Fondazione Giacomo Brodolini u Panteia) li għandu jiġi ppubblikat mill-Kummissjoni.

Fond Soċjali Ewropew: Il-Fond Soċjali Ewropew għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali ġewwa l-Unjoni Ewropea billi jtejjeb l-impjieg u l-opportunitajiet ta’ xogħol (prinċipalment permezz ta' miżuri ta' taħriġ), filwaqt li jħeġġeġ livell għoli ta’ impjieg u l-ħolqien ta' aktar impjiegi u ta’ kwalità aħjar.

Miżuri ta’ akkumpanjament: Attivitajiet ipprovduti flimkien mad-distribuzzjoni ta’ assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika bl-għan li tittaffa l-esklużjoni soċjali u/jew li jiġu indirizzati l-emerġenzi soċjali b’mod aktar setgħani u sostenibbli, pereżempju gwida dwar dieta bilanċjata u pariri dwar l-immaniġġjar tal-baġit.

Netwerk tal-FEAD: In-Netwerk tal-FEAD huwa komunità ta’ sħubija miftuħa għal persuni li jipprovdu assistenza lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Ewropa. Dan jinkludi lil awtoritajiet maniġerjali nazzjonali tal-FEAD, organizzazzjonijiet li jipprovdu jew li huma interessati fl-attivitajiet iffinanzjati taħt il-FEAD, NGOs fil-livell tal-UE u istituzzjonijiet tal-UE. In-Netwerk tal-FEAD jiġbor flimkien lil dawk kollha li qed jaħdmu biex inaqqsu l-agħar forom ta’ faqar fil-pajjiżi Ewropej. Huwa spazju għall-membri biex jikkondividu prattika tajba u jħeġġu ideat ġodda, kif ukoll biex jiddiskutu l-mod kif għandha tiġi pprovduta l-assistenza mhux finanzjarja lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Ewropa.

Operazzjoni: Proġett, kuntratt jew azzjoni magħżulin mill-awtorità maniġerjali tal-programm operazzjonali kkonċernat, jew li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-programm operazzjonali li huma relatati miegħu.

Organizzazzjoni sieħba: Korp pubbliku u/jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li jipprovdu assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika, fejn applikabbli, flimkien ma' miżuri ta' akkumpanjament b’mod dirett jew permezz ta’ organizzazzjonijiet sħab oħra, jew li jwettqu attivitajiet li jimmiraw direttament lejn l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn, u li l-operazzjonijiet tagħhom ikunu ntgħażlu mill-awtorità maniġerjali.

Persuni l-aktar fil-bżonn: Persuni fiżiċi, kemm jekk individwi, familji, unitajiet domestiċi jew gruppi magħmula minn persuni bħal dawn, li l-bżonn tagħhom għall-assistenza ġie stabbilit skont il-kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessanti rilevanti, filwaqt li jiġu evitati kunflitti tal-interess, jew iddefiniti mill-organizzazzjonijiet sħab u li huma approvati minn dawk l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u li jistgħu jinkludu elementi li jippermettu l-immirar tal-persuni l-aktar fil-bżonn f'ċerti żoni ġeografiċi.

Programm Operazzjonali tat-“Tip I”: Programm operazzjonali li jipprovdi assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika jfisser programm operazzjonali li jappoġġa d-distribuzzjoni ta’ assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika lill-persuni l-aktar fil-bżonn, ikkombinat, fejn ikun applikabbli, ma’ miżuri ta’ akkumpanjament li għandhom l-għan li jtaffu l-esklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

Programm Operazzjonali tat-“Tip II”: ”: Inklużjoni soċjali tal-programm operazzjonali għall-persuni l-aktar fil-bżonn tfisser programm operazzjonali li jappoġġa l-attivitajiet barra l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, li jikkonsisti f’assistenza mhux finanzjarja u mhux materjali mmirata lejn l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

Regolament bażiku dwar il-FEAD: Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.

Riċevitur finali: Il-persuna l-aktar fil-bżonn jew il-persuna li tirċievi l-appoġġ.

Stħarriġ dwar ir-riċevitur finali: Stħarriġ strutturat dwar ir-riċevituri finali tal-programmi operazzjonali li jkopru l-assistenza alimentari u/jew l-assistenza materjali bażika (PO I) huwa wieħed mill-istrumenti li għandu jintuża biex jiġi evalwat il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.

Noti finali

1 Skont id-DĠ ESTAT.

2 Ara r-Rapport Speċjali Nru 6/2009.

3 Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.

4 Għall-PO I: il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, Franza, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja; għall-PO II: il-Ġermanja.

5 Fiż-żmien meta ġie abbozzat dan ir-rapport, l-Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-FEAD kellha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni.

6 Ir-Renju Unit, li ma implimentax il-programm FEAD oriġinali tiegħu, ma rrispondiex.

7 Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja, is-Slovakkja.

8 Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, is-Slovakkja.

9 Sa 5 % tal-ispejjeż tax-xiri tal-ikel u/jew tal-assistenza materjali bażika f’kull PO nazzjonali jistgħu jintużaw għall-finanzjament ta’ dawn il-miżuri.

10 Il-Belġju u Franza.

11 Evalwazzjoni ex ante tal-programm operazzjonali 2014-2020 ta’ Franza għall-implimentazzjoni tal-FEAD (Évaluation ex ante du Programme Opérationnel 2014-2020 pour la mise en œuvre du Fonds européen d’aide aux plus démunis (FEAD))

12 Valutazzjoni tal-impatt tal-FEAD fi Spanja, mill-perspettiva tar-riċevituri finali kif ukoll tal-organizzazzjonijiet u tal-persunal maniġerjali, is-Salib l-Aħmar fi Spanja, 2018. (Valoración del impacto del Fondo de Ayuda Europea para las personas más desfavorecidas (FEAD) en España, a través de la percepción de las personas beneficiarias, Organizaciones y personal de gestión, Cruz roja española, 2018.)

13 Il-Ġermanja u n-Netherlands.

14 In-Netherlands.

15

  • Irtirar mis-suq - prodotti - frott u ħxejjex - li jiġu rtirati mis-suq, bħala parti mill-ġestjoni ta’ kriżijiet u li jiġu ddistribwiti mill-ġdid mingħajr ħlas lil korpi u fondazzjonijiet tal-karità, inklużi l-Banek tal-Ikel, biex jużawhom fil-ħidma tagħhom waqt li jkunu qed jgħinu lil persuni żvantaġġati. Din il-miżura tikkonforma mal-Artikolu 34, il-paragrafu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
  • Prodotti tal-UE - din il-kategorija tirreferi għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD).
  • Industrija - ikel żejjed, jiġifieri prodotti tal-ikel li jittiekel li għal diversi raġunijiet ma jinxtrawx jew ma jiġux ikkunsmati minn konsumaturi jew minn persuni li għalihom dawn ikunu ġew prodotti, ipproċessati, iddistribwiti, servuti jew mixtrija, li jiġi rkuprat mis-settur tal-manifattura - industriji, kumpaniji, manifatturi, eċċ. Il-Banek tal-Ikel jirċievu dan l-ikel żejjed mingħajr ħlas u, min-naħa tagħhom, jiddistribwuh mill-ġdid mingħajr ħlas lil assoċjazzjonijiet tal-karità li jagħtu appoġġ lil persuni fil-bżonn.
  • Distribuzzjoni - ikel żejjed, jiġifieri prodotti tal-ikel li jittiekel li għal diversi raġunijiet ma jinxtrawx jew ma jiġux ikkunsmati minn konsumaturi jew minn persuni li għalihom dawn ikunu ġew prodotti, ipproċessati, iddistribwiti, servuti jew mixtrija, li jiġi rkuprat mis-settur tad-distribuzzjoni - ktajjen ta' ħwienet tal-imnut, ċentri ta' distribuzzjoni, bejjiegħa bl-ingrossa, eċċ. Il-Banek tal-Ikel jirċievu dan l-ikel żejjed mingħajr ħlas u, min-naħa tagħhom, jiddistribwuh mill-ġdid mingħajr ħlas lil assoċjazzjonijiet tal-karità li jagħtu appoġġ lil persuni fil-bżonn.
  • Ġbir - dan huwa mod biex l-ikel jinġabar direttament mingħand in-nies. rFi tmiem Novembru jew fil-bidu ta’ Diċembru, xi wħud mill-membri tal-FEBA jorganizzaw ġabriet tal-ikel: voluntiera fis-supermakets jistaqsu lin-nies li jkunu qed jagħmlu x-xirja tagħhom biex jixtru xi ħaġa żejda u jagħtuha donazzjoni lill-Banek tal-Ikel.

Tim tal-awditjar

Dan ir-rapport speċjali tal-QEA jippreżenta r-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn George Pufan, Membru tal-QEA, b’appoġġ minn Patrick Weldon, Kap tal-Kabinett u Mircea Radulescu, Attaché tal-Kabinett; Emmanuel Rauch, Maniġer Prinċipali; Naiara Zabala Eguiraun, Dana Moraru u Carmen Gruber, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Mircea Radulescu, George Pufan, Carmen Gruber, Patrick Weldon, Emmanuel Rauch.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-1772-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/50993 QJ-AB-19-003-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1780-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/51416 QJ-AB-19-003-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.