Rapport Speċjali
Nru15 2017

Il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-riżerva ta’ prestazzjoni fil-qasam ta’ Koeżjoni: strumenti innovattivi iżda għadhom mhumiex effettivi

Dwar ir-rapport: Il-pakkett leġiżlattiv għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 introduċa żewġ strumenti biex l-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni jkun aktar orjentat lejn ir-riżultati: il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-riżerva ta’ prestazzjoni. Filwaqt li l-kundizzjonalitajiet ex ante jispeċifikaw ċerti kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel l-implimentazzjoni tal-programmi, ir-riżerva ta’ prestazzjoni tirrikjedi li l-biċċa l-kbira mill-programmi tal-FSIE jwarrbu 6 % tal-finanzjament totali lil kull Stat Membru, li mbagħad jiġu allokati definittivament, skont l-eżitu ta’ analiżi tal-prestazzjoni li se ssir fl-2019. F’dan ir-rapport aħna eżaminajna jekk dawn iż-żewġ strumenti ntużawx b’mod effettiv biex jistimulaw infiq aħjar min-naħa tal-Istati Membri fil-qasam tal-Koeżjoni.

Aħna sibna li l-kundizzjonalitajiet ex ante pprovdew qafas konsistenti biex jiġi vvalutat kemm l-Istati Membri kienu lesti li jimplimentaw il-fondi tal-UE. Madankollu, il-valutazzjoni tagħhom kienet proċess twil u li jieħu l-ħin, u għadu mhuwiex ċert sa liema punt huma rriżultaw, u kemm effettivament se jirriżultaw, f’bidliet fil-prattika. Iż-żamma tal-kundizzjonalitajiet ex ante tiddependi mill-impenn u mis-sjieda li jassumu l-Istati Membri. Aħna nqisu wkoll li l-qafas u r-riżerva ta’ prestazzjoni ftit li xejn huma ta’ inċentiv biex il-programmi operazzjonali jkunu orjentati aħjar lejn ir-riżultati, peress li huma bbażati l-aktar fuq l-infiq u l-outputs.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

Dwar Kundizzjonalitajiet ex ante u r-Riżerva ta’ prestazzjoni bħala strumenti li jippermettu li jsir użu aktar effettiv mill-nfiq fil-qasam tal-Koeżjoni

I

L-awditu jħares lejn żewġ strumenti speċifiċi li ġew introdotti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 biex l-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni jkun aktar orjentat lejn ir-riżultati: il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-riżerva ta’ prestazzjoni. Filwaqt li l-kundizzjonalitajiet ex ante jispeċifikaw ċerti kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma titnieda l-implimentazzjoni tal-programmi jew mhux aktar tard minn tmiem l-2016, ir-riżerva ta’ prestazzjoni tirrikjedi li l-biċċa l-kbira mill-programmi tal-FSIE jwarrbu 6 % tal-finanzjament totali lil kull Stat Membru, li mbagħad jiġu allokati jew riallokati definittivament, skont l-eżitu ta’ analiżi tal-prestazzjoni li se ssir fl-2019.

Kif wettaqna l-awditu tagħna

II

Aħna fittixna li niddeterminaw jekk il-kundizzjonalitajiet ex ante kif ukoll il-qafas u r-riżerva ta’ prestazzjoni ntużawx b’mod effettiv biex jistimulaw infiq aħjar min-naħa tal-Istati Membri fil-qasam tal-Koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-awditu tagħna kopra l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Frar 2017.

III

Dan l-awditu jikkomplementa r-Rapport Speċjali Nru 2/2017 preċedenti tagħna li jittratta n-negozjar tal-ftehimiet ta’ sħubija u tal-programmi mill-Kummissjoni.

X’sibna

IV

Il-kundizzjonalitajiet ex ante huma innovazzjoni fil-politika ta’ Koeżjoni. B’mod ġenerali, aħna sibna li huma pprovdew qafas konsistenti biex jiġi vvalutat kemm l-Istati Membri kienu lesti li jimplimentaw il-fondi tal-UE fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Madankollu, mhuwiex ċar kemm fil-fatt dan irriżulta f’bidliet fil-prattika. Waqt l-adozzjoni tal-programmi, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mill-possibbiltà li tissospendi l-pagamenti għal kundizzjonalitajiet ex ante mhux issodisfati. Madwar nofs l-aktar minn 700 pjan ta’ azzjoni li ġew adottati mill-Istati Membri biex jissodisfaw il-kundizzjonalitajiet ex ante kollha ma ġewx irrappurtati bħala kkompletati sa tmiem l-2016. Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni li ma ġewx ikkompletati jkopru massimu ta’ 27 % tal-infiq mill-FEŻR, mill-FK u milll-FSE. Wara l-adozzjoni tal-programm, l-RDK ma jipprevedix li l-Kummissjoni timponi xi sospensjoni tal-pagamenti qabel ma jsir rappurtar mill-Istati Membri dwar l-ikkompletar tal-azzjonijiet għall-issodisfar tal-kundizzjonalitajiet ex ante fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni (sat-30 ta’ Ġunju 2017) jew fir-rapporti ta’ progress (sat-31 ta’ Awwissu 2017).

V

Aħna nqisu wkoll li mhuwiex probabbli li l-qafas u r-riżerva ta’ prestazzjoni jiskattaw riallokazzjoni sinifikanti tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni, matul il-perjodu 2014-2020, għall-programmi li għandhom prestazzjoni aħjar. B’mod partikolari, kull riallokazzjoni ssir fi ħdan u/jew bejn il-programmi tal-istess Stati Membri. Filwaqt li 6 % tal-finanzjament mill-FEŻR, l-FK u l-FSE twarrbu għar-riżerva ta’ prestazzjoni, il-mod li bih din tfasslet ftit li xejn huwa ta’ inċentiv biex il-programmi operazzjonali jkunu orjentati aħjar lejn ir-riżultati, peress li hija bbażata l-aktar fuq l-infiq u l-outputs. Barra minn hekk, il-finanzjament addizzjonali jiġi allokat definittivament anke jekk l-istadji importanti ma jintlaħqux għalkollox sal-2018 u, l-aktar li jista’ jsir hu li jiġi riallokat ġewwa l-Istat Membru kkonċernat. Is-sospensjonijiet u l-korrezzjonijiet finanzjarji li ġew introdotti reċentement f’każijiet fejn il-prestazzjoni tkun insuffiċjenti, huma pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda huma suġġetti għal kundizzjonijiet restrittivi u, għalhekk, mhuwiex probabbli li jiġu applikati fil-prattika.

X’nirrakkomandaw

VI

Aħna ma nemmnux li jkun kosteffiċjenti li jsiru bidliet regolatorji fir-rigward ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-istrumenti matul il-perjodu 2014-2020 attwali. Minkejja dan, aħna nħeġġu lill-Istati Membri biex jikkompletaw il-pjanijiet ta’ azzjoni maqbula u lill-Kummissjoni biex tivvalutahom, kif ukoll biex ikomplu jissodisfaw il-kundizzjonalitajiet ex ante kollha. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar ir-riżerva ta’ prestazzjoni jintużaw kemm huwa possibbli biex jiġi evitat li jkun hemm ħela ta’ flus.

VII

Għalhekk, ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jikkonċernaw il-perjodu ta’ wara l-2020, li matulu jenħtieġ li ż-żewġ strumenti, jekk jinżammu, jiġu rinfurzati biex b’hekk ikun aktar probabbli li jikkontribwixxu għal użu aktar effettiv tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni. Għalhekk, meta tkun qed tħejji l-proposta leġiżlattiva tagħha għall-perjodu ta’ wara l-2020, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • Rakkomandazzjoni 1: tkompli tiżviluppa l-kundizzjonalitajiet ex ante bħala strument biex jiġi vvalutat kemm l-Istati Membri huma lesti li jimplimentaw il-fondi tal-UE, u b’mod partikolari
    1. tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza u l-utilità ta’ kull waħda mill-kundizzjonalitajiet ex ante għall-perjodu 2014-2020, telimina d-duplikazzjonijiet u żżomm biss dawk li jistgħu jkollhom impatt ġenwin fuq l-ilħuq effettiv tal-objettivi ta’ politika;
    2. tiżgura l-konsistenza tal-kundizzjonalitajiet ex ante għall-perjodu ta’ wara l-2020 mas-Semestru Ewropew;
    3. tistabbilixxi kriterji ċari ta’ valutazzjoni b’miri li jistgħu jitkejlu, kull fejn ikun fattibbli, biex tiżgura li jkun hemm fehim komuni ta’ x’jeħtieġ jinkiseb; u
    4. tirrikjedi l-issodisfar u l-applikazzjoni ta’ kundizzjonalitajiet ex ante matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, u tagħti segwitu għal dan filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-piż amministrattiv potenzjali.
  • Rakkomandazzjoni 2: Tqis il-possibbiltà li tbiddel ir-riżerva ta’ prestazzjoni għall-perjodu ta’ wara l-2020 fi strument aktar orjentat lejn ir-riżultati li jalloka l-fondi għal dawk il-programmi li jkunu kisbu riżultati tajbin, u b’mod partikolari tqis jekk jenħtieġx li tipproponi li
    1. ibbażat fuq it-tagħlimiet meħuda, ir-riżerva ta’ prestazzjoni tiġi żviluppata ulterjorment fi strument aħjar li jkun jippromwovi u jippremja aħjar il-prestazzjoni tajba, fejn ikun jeħtieġ li l-programmi operazzjonali juru xi jkun intenzjonat li jiksbu bil-finanzjament addizzjonali;
    2. isir aktar użu minn indikaturi tar-riżultati immedjati; u li l-passi ewlenin tal-implimentazzjoni jinbidlu f’għodod li jkunu juru aħjar il-prestazzjoni reali tal-interventi tal-infrastruttura fuq terminu twil, meta tkun qed issir valutazzjoni tal-prestazzjoni; u
    3. il-kundizzjonijiet għas-sospensjonijiet tal-pagamenti u għall-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu riveduti sabiex sitwazzjonijiet ta’ prestazzjoni insuffiċjenti jkunu jistgħu jiġu indirizzati aktar faċilment, fi stadju aktar bikri, bil-ħsieb li jkomplu jiżdiedu l-inċentivi biex il-fondi jiġu implimentati sew.

Introduzzjoni

L-orjentazzjoni lejn il-prestazzjoni hija prijorità ewlenija għall-Kummissjoni għal matul il-perjodu 2014-2020

01

Il-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) jirrappreżentaw inqas minn 0.4 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea, iżda għandhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomiji ta’ ħafna Stati Membri. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jirrappreżentaw EUR 349.4 biljun fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u jammontaw għal 75 % tal-fondi SIE. Skont data reċenti tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, hemm disa’ Stati Membri fejn l-infiq mill-FEŻR u mill-FK jikkorrispondi għal aktar minn 30 % tan-nefqa kapitali kollha tal-gvern. F’erba’ Stati Membri (l-Ungerija, il-Litwanja, is-Slovakkja u l-Latvja) dan jirrappreżenta wkoll aktar minn nofs l-investimenti pubbliċi kollha2. Huwa għalhekk li huwa daqstant importanti li jsir l-aħjar użu minn dawn il-fondi.

02

Għal matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni tista’ tuża żewġ strumenti speċifiċi biex tistimula lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni u biex tesiġi li r-rilaxx tal-fondi tal-UE jkun suġġetti għall-issodisfar, mill-Istati Membri, ta’ ċerti rekwiżiti marbutin mal-implimentazzjoni tal-fondi SIE:

  • kundizzjonalitajiet ex ante;
  • qafas ta’ prestazzjoni u riżerva ta’ prestazzjoni.
03

Dawn iż-żewġ strumenti speċifiċi jiffurmaw parti minn firxa usa’ ta’ miżuri li għandhom l-għan li jirrinfurzaw l-orjentazzjoni tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni lejn ir-riżultati. Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) għall-perjodu 2014-2020 (li jistipula r-regoli għall-fondi SIE kolha) jirrikjedi wkoll3:

  • konċentrazzjoni tal-finanzjament fuq l-objettivi tematiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment idderivati mill-istrateġija Ewropa 2020;
  • użu aktar strutturat tal-loġika ta’ intervent matul l-eżerċizzju ta’ programmazzjoni, li jibda bl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment u l-ispeċifikazzjoni tar-riżultati intenzjonati fuq terminu twil; u
  • użu aktar konsistenti u aktar komprensiv tal-indikaturi tal-prestazzjoni biex jitkejjel il-progress fil-ksib ta’ dawn ir-riżultati;
04

Dawn it-tliet aspetti li ġew ittrattati fir-Rapport Speċjali Nru 2/2017 tagħna “In-negozjar, li sar mill-Kummissjoni, tal-Ftehimiet ta’ Sħubija 2014-2020 u l-programmi fil-qasam tal-Koeżjoni, għall-perjodu 2014-2020: l-infiq qed ikun aktar immirat fuq il-prijoritajiet ta’ Ewropa 2020, iżda l-arranġamenti għall-kejl tal-prestazzjoni qed ikunu dejjem aktar kumplessi”.

Kundizzjonalitajiet ex ante: l-issettjar ta’ rekwiżiti minimi fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi

05

Il-kundizzjonalitajiet ex ante (EACs) jirrikjedu li Stat Membru jissodisfa ċerti kundizzjonijiet qabel l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali4. L-Anness I jipprovdi l-lista tas-36 EAC kollha. Hemm żewġ tipi ta’ EACs:

  • 7 EACs ġenerali. Dawn għandhom l-għan li jirrinfurzaw l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE (eż. dwar l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni). Huma applikabbli għal diversi setturi u politiki fl-Istati Membri kollha tal-UE; u
  • 29 EAC tematika. B’mod ġenerali, dawn kienu applikabbli għal madwar 2 700 darba fil-programmi operazzjonali differenti taħt il-FEŻR, l-FK u l-FSE, peress li huma relatati ma’ prijoritajiet ta’ investiment magħżula fi ħdan il-11-il objettiv tematiku tal-fondi SIE għall-perjodu 2014-20205.
06

Meta kienu qed iħejju l-Ftehimiet ta’ Sħubija (FtS) u l-Programmi Operazzjonali (PO) tagħhom għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri kellhom jivvalutaw jekk kienx hemm EACs li kienu applikabbli għall-objettivi speċifiċi segwiti fi ħdan il-prijoritajiet ta’ investiment tal-programmi operazzjonali tagħhom, fuq il-bażi ta’ ġabra komuni ta’ kriterji stipulati fl-RDK6. Wara dan, l-Istati Membri kellhom jiddeterminaw jekk dawn l-EACs kinux ġew issodisfati. Din l-awtovalutazzjoni hija ddokumentata fil-ftehim ta’ sħubija u fil-programmi operazzjonali li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għal approvazzjoni.

07

Il-Kummissjoni tivvaluta l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-applikabbiltà u l-issodisfar tal-EACs meta tkun qed tinnegozja l-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali, għal darb’oħra fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-RDK7. Barra minn hekk, f’Marzu 2013, il-Kummissjoni ħarġet sett ta’ linji gwida dwar l-EACs għall-persunal tagħha li jkun qed imexxi n-negozjati tal-ftehimiet ta’ sħubija u tal-programmi operazzjonali mal-awtoritajiet nazzjonali8. Il-verżjoni finali tal-gwida kienet disponibbli fi Frar 2014.

08

Għall-EACs li jkunu għadhom mhux issodisfati fid-data tal-preżentazzjoni tal-ftehim ta’ sħubija, u/jew tal-programmi operazzjonali lill-Kummissjoni, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu lista ta’ azzjonijiet li jkunu jridu jittieħdu, flimkien ma’ skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet u l-korpi responsabbli (pjan ta’ azzjoni). Meta tkun qed tadotta PO, il-Kummissjoni tista’ tissospendi parti minn jew it-totalità tal-pagamenti interim li jsiru għall-prijoritajiet ta’ investiment rilevanti tal-PO sakemm dawn l-azzjonijiet ikunu ġew ikkompletati.

09

Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni kellhom jiġu kkompletati sal-31 ta’ Diċembru 20169. L-Istati Membri jridu jirrappurtaw dwar l-istatus tal-EAC tagħhom, l-aktar tard, fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom li kellhom jippreżentaw sat-30 ta’ Ġunju 201710 jew fir-rapporti ta’ progress li għandhom jippreżentaw sal-31 ta’ Awwissu 201711. Jekk Stat Membru ma jkunx issodisfa l-EAC sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti interim għall-prijoritjiet tal-PO kkonċernat12.

10

L-iskala u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-EACs, kif iddefinit fl-RDK, kienu suġġetti għal negozjati intensi bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-kuntest ta’ negozjar tal-pakkett leġiżlattiv għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. In-negozjati bdew f’Lulju 2012 (fuq il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li saret f’Ottubru 2011) u ġew ikkompletati f’Diċembru 2013.

11

Matul in-negozjati ntlaħaq qbil li l-EACs għandhom ikopru biss kwistjonijiet strettament relatati mal-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni. Barra minn hekk, ġie deċiż li l-Istati Membri huma meħtieġa jivvalutaw l-applikabbiltà tal-EACs fil-każ biss li huma jirċievu kontribuzzjoni mill-UE13.

12

Il-Figura 1 tipprovdi stampa ġenerali tal-kronoloġija għall-ikkompletar tal-EACs.

Figura 1

Kronoloġija għall-issodisfar tal-kundizzjonalitajiet ex ante fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020

* Għall-Istati Membri b’aktar minn programm operazzjonali wieħed għal kull Fond.

** Għall-Istati Membri bi programm operazzjonali wieħed biss għal kull Fond.

Sors: Il-QEA bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-RDK.

Qafas ta’ prestazzjoni u riżerva ta’ prestazzjoni: l-allokazzjoni ta’ parti mill-fondi tal-UE hija suġġetta għall-eżitu tal-analiżi tal-prestazzjoni li se ssir fl-2019

13

L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll li jwarrbu parti mill-finanzjament allokat lilhom mill-UE f’riżerva ta’ prestazzjoni għall-fondi SIE. Din ir-riżerva tista’ tiġi allokata definittivament, u possibbilment riallokata, skont l-eżitu ta’ analiżi tal-prestazzjoni li se titwettaq fl-2019 fuq il-bażi ta’ indikaturi inklużi fil-qafas ta’ prestazzjoni.

14

Ir-riżerva ta’ prestazzjoni għall-perjodu 2014-2020 tikkorrispondi għal 6 % tal-fondi tal-FEŻR, l-FSE u l-FK allokati għall-għan Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi u għal kull kategorija ta’ reġjun b’ċerti eċċezzjonijiet14. Din ir-riżerva tista’ tvarja bejn 5 % u 7 % tal-allokazzjoni għal kull assi prijoritarju individwali fi ħdan PO. Madankollu, skont l-RDK, ma hemm l-ebda riżerva ta’ prestazzjoni prevista għall-assi prijoritarji ddedikati għal:

  • l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) taħt l-FSE15;
  • assistenza teknika; u
  • programmi ddedikati għall-inizjattiva favur l-SMEs16.
15

Il-programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE) ukoll mhumiex suġġetti għal riżerva ta’ prestazzjoni.

16

Hemm tliet tipi ta’ indikaturi tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi17:

  • indikaturi finanzjarji biex jitkejjel l-assorbiment tal-fondi allokati għal kull assi prijoritarju;
  • indikaturi tal-output biex titkejjel l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti taħt il-prijoritajiet ta’ investiment tal-programmi operazzjonali;
  • indikaturi tar-riżultati biex jitkejjel l-ilħuq tal-objettivi speċifiċi tal-programmi operazzjonali.
17

Għal kull assi prijoritarju, il-programmi operazzjonali (ħlief l-assi tal-assistenza teknika u l-programmi operazzjonali ddedikati għall-inizjattiva favur l-SMEs) iridu jispeċifikaw qafas ta’ prestazzjoni kkostitwit minn subsett ta’ indikaturi li jkunu diġà ġew stabbiliti fil-programmi operazzjonali18 u fejn meħtieġ anke minn passi ewlenin tal-implimentazzjoni (KIS). Għal kull wieħed mill-indikaturi tal-prestazzjoni u l-KIS inklużi fil-qafas ta’ prestazzjoni, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu stadji importanti (li jridu jintlaħqu sa Diċembru 2018) u miri (li jridu jintlaħqu sa Diċembru 2023).

18

Il-programmi operazzjonali jistgħu jistipulaw passi ewlenin tal-implimentazzjoni (KIS) għal kull qafas ta’ prestazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jiġu ddeterminati indikaturi tal-output u/jew tar-riżultati li jistgħu jitkejlu sal-201919. Il-KIS, pereżempju, huma l-għadd ta’ proġetti magħżula jew approvati, jiġifieri indikaturi li jirriflettu li l-implimentazzjoni tal-programmi nbdiet jew tinsab għaddejja.

19

Fl-2019, ir-riżerva ta’ prestazzjoni se tiġi allokata definittivament għall-programmi operazzjonali u l-prijoritajiet li jkunu laħqu l-istadji importanti tagħhom jew ikkompletaw il-KIS tagħhom. Fejn dan ma jkunx il-każ, ir-riżerva tista’ tiġi riallokata għal prijoritajiet oħra tal-istess PO jew għal programmi operazzjonali oħra li jkunu laħqu l-istadji importanti tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tissospendi l-pagamenti interim għal prijorità partikolari, f’każijiet fejn ikun hemm nuqqas serju ta’ lħuq tal-istadji importanti li jkun sar qbil dwarhom, minħabba dgħufijiet fl-implimentazzjoni li jkunu ġew identifikati b’mod ċar. B’mod simili, il-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjonijiet finanzjarji għal prijorità partikolari, f’każijiet fejn ikun hemm nuqqas serju ta’ lħuq tal-miri li jkun sar qbil dwarhom sa tmiem l-202320. Dan jista’ jsir abbażi ta’ eżaminar tar-rapporti ta’ implimentazzjoni finali, li għall-programmi tal-FEŻR, tal-FK u tal-FSE mhumiex se jiġu ppreżentati qabel Frar 2025.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

20

Permezz ta’ dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk il-kundizzjonalitajiet ex ante u l-qafas u r-riżerva ta’ prestazzjoni ntużawx b’mod effettiv biex jistimulaw infiq aħjar min-naħa tal-Istati Membri fil-qasam tal-Koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

21

Ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna għal dan ir-rapport attwali kien jinkludi dan li ġej:

  • analiżi tad-dispożizzjonijiet regolatorji relatati mal-kundizzjonalitajiet ex ante u mal-qafas ta’ prestazzjoni, inkluża r-riżerva ta’ prestazzjoni;
  • eżaminar tal-istatus ta’ kemm kienu ġew issodisfati l-kundizzjonalitajiet ex ante u tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni korrispondenti fil-31 ta’ Diċembru 2016, fuq il-bażi tad-data dwar il-monitoraġġ maħruġa mill-Kummissjoni u tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn mogħtija mill-Istati Membri;
  • analiżi approfondita tal-5 ftehimiet ta’ sħubija u l-14-il programm operazzjonali taħt il-FEŻR u l-FSE u ta’ informazzjoni komplementari dwar il-mod kif l-Istati Membri wettqu l-awtovalutazzjoni tagħhom tal-applikabbiltà u l-issodisfar tal-kundizzjonalitajiet ex ante;
  • analiżi tal-qafas ta’ prestazzjoni, inkluż l-issettjar ta’ stadji importanti u ta’ miri għall-indikaturi tal-output għal dawn il-programmi operazzjonali, kif ukoll il-mod kif dan jaffettwa l-kundizzjonijiet għal-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni;
  • intervisti ma’ aktar minn 50 membru tal-persunal fid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana u fid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni u ma’ aktar minn 40 uffiċjal fl-Istati Membri u fir-rappreżentanzi permanenti tagħhom fi Brussell; u
  • konsultazzjonijiet ma’ esperti fil-qasam tal-politiki reġjonali, strutturali u ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea u fil-qasam tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, kif ukoll ma’ esperti nazzjonali u ma’ rappreżentanti tar-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri għall-UE.
22

L-14-il programm operazzjonali taħt il-FEŻR u l-FSE li ġew eżaminati huma relatati ma’ 5 Stati Membri (Spanja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Polonja u r-Rumanija). Aħna wettaqna wkoll żjara ta’ studju fid-Danimarka fejn koprejna żewġ programmi operazzjonali. L-analiżi tagħna hija ffukata fuq l-Objettivi Tematiċi 1: “It-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni" (OT1) u 8 "Il-promozzjoni tal-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u l-appoġġ għall-mobbiltà tax-xogħol" (OT8). Dawn iż-żewġ objettivi tematiċi ntgħażlu primarjament peress li jirrappreżentaw l-ogħla livell tal-allokazzjoni finanzjarja għall-FEŻR (OT1) u għall-FSE (OT8) li hija kondiviża mill-Istati Membri kollha.

23

Aħna ħadna kont ukoll tad-dokument tal-Kummissjoni dwar il-valur miżjud tal-kundizzjonalitajiet ex ante fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej21.

24

L-awditu kopra l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Frar 2017, meta ksibna mingħand il-Kummissjoni d-data dwar l-issodisfar tal-kundizzjonalitajiet ex ante li l-Istati Membri rrappurtaw sa Frar. Barra minn hekk, aħna ħadna inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li, sa nofs Settembru 2017, il-Kummissjoni kellha dwar l-issodisfar tal-kundizzjonalitajiet ex ante, u li l-Istati Membri kienu rrappurtawha fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u fir-rapporti ta’ progress tagħhom sat-30 ta’ Ġunju u t-31 ta’ Awwissu 2017 rispettivament.

Osservazzjonijiet

Il-kundizzjonalitajiet ex ante pprovdew qafas konsistenti biex jiġi vvalutat kemm l-Istati Membri kienu lesti li jimplimentaw il-politika ta’ Koeżjoni, iżda mhuwiex ċar kemm fil-fatt dan irriżulta f’bidliet fil-prattika

25

Il-kundizzjonalitajiet ex ante għandhom jgħinu biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw il-fondi SIE b’mod effettiv billi jispeċifikaw għadd ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016. Barra minn hekk, dan l-istrument jorbot il-Politika ta’ Koeżjoni aktar mill-qrib mal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea.

26

Aħna eżaminajna

  • jekk l-Istati Membri qisux li l-kundizzjonalitajiet ex ante kienu ġew issodisfati fi żmien l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali u/jew sal-31 ta’ Diċembru 2016, kif ukoll il-mod kif kienu pprogressaw fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni korrispondenti;
  • jekk l-awtovalutazzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante li twettqet mill-Istati Membri kinitx valida u jekk l-approċċ tal-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonalitajiet ex ante kienx xieraq;
  • Jekk il-valutazzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante li twettqet mill-Kummissjoni kinitx ikkoordinata b’mod effettiv mas-Semestru Ewropew u ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni; u
  • jekk id-dispożizzjonijiet regolatorji dwar il-monitoraġġ/evalwazzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2016 jippermettux li jsir użu tajjeb minn dawn il-kundizzjonalitajiet ex ante lil hinn mill-2016.

L-Istati Membri jqisu wkoll li kważi żewġ terzi tal-kundizzjonalitajiet ex ante tematiċi kienu ġew issodisfati sa tmiem l-2016

27

B’mod ġenerali, id-data dwar il-monitoraġġ maħruġa mill-Kummissjoni turi li l-Istati Membri qiesu li madwar 65 % tal-EACs tematiċi kienu ġew issodisfati fi żmien l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali jew l-aktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2016.

28

Madankollu, din is-sitwazzjoni tvarja sinifikattivament bejn l-EACs. Il-Figura 2 turi li fi żmien l-adozzjoni, 8 mid-29 EAC tematika kienu ġew issodisfati f’inqas minn nofs il-każijiet u 4 f’inqas minn kwart minnhom: l-EACs 6.1 dwar “Is-settur tal-ilma: l-eżistenza ta’ politika tal-ipprezzar tal-ilma” u 6.2 dwar “Is-settur tal-iskart: il-promozzjoni ta’ investimenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli fis-settur tal-iskart”, l-EAC 8.4 dwar it-“Tixjiħ attiv u fis-saħħa” u l-EAC 7.1 dwar it-“Trasport: l-eżistenza ta’ pjanijiet jew qafas għall-investiment fit-trasport”.

Figura 2

EACs li ġew issodisfati fi żmien l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-RDK u d-data tal-Kummissjoni minn Infoview, Diċembru 2016.

Progress limitat fl-ikkompletar tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-kundizzjonalitajiet ex ante mhux issodisfati sa tmiem l-2016, iżda l-momentum tal-progress żdied qrib id-data ta’ skadenza tar-rappurtar

29

Sa Frar 2017, id-data dwar il-monitoraġġ maħruġa mill-Kummissjoni wriet li kważi nofs l-aktar minn 700 pjan ta’ azzjoni għall-EACs mhux issodisfati ma kinux ġew irrappurtati bħala kkompletati mill-Istati Membri sa tmiem l-2016. Skont il-Kummissjoni, sa nofs Settembru 2017, wara li rċeviet ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapporti ta’ progress tal-Istati Membri, dan l-ammont naqas għal 58 pjan ta’ azzjoni għall-EACs mhux issodisfati.

30

L-issodisfar tal-EACs li kien fadal ma kienx faċli. L-Istati Membri adottaw tliet tipi differenti ta’ pjanijiet ta’ azzjoni: pjanijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali (jiġifieri pjan ta’ azzjoni orizzontali wieħed għal kull kundizzjonalità ex ante għall-programmi operazzjonali kollha), pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi għall-programmi (jiġifieri pjan ta’ azzjoni għal kull PO) u pjanijiet ta’ azzjoni mħallta li jikkombinaw iż-żewġ approċċi. B’kollox, kien hemm 761 pjan ta’ azzjoni għall-Istati Membri kollha tal-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni.

31

L-akbar ammont ta’ pjanijiet ta’ azzjoni relatati mal-EAC ġenerali 7 dwar “Sistemi ta’ statistika u indikaturi tar-riżultati” (110 pjanijiet) u mal-EAC tematika 1.1 dwar “Strateġija nazzjonali jew reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti” (93 pjan). Pereżempju, l-EAC 1.1 tqieset bħala mhux issodisfata f’20 Stat Membru, u l-EAC 7 fi 19-il Stat Membru.

32

L-analiżi li wettaqna tad-data dwar il-monitoraġġ li nħarġet mill-Kummissjoni wriet li, sa Frar 2017, 380 minn dawn is-761 pjan ta’ azzjoni (50 %) ma kinux ġew irrappurtati bħala kkompletati sa tmiem l-2016. L-eżaminar tal-ikkompletar tal-pjanijiet ta’ azzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2016, li ġie rrappurtat fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u fir-rapporti ta’ progress tal-Istati Membri sat-30 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Awwissu 2017, rispettivament, wera li 703 pjanijiet ta’ azzjoni kienu ġew ikkompletati; żieda minn 50 % għal 92 %.

Il-progress mexa l-aktar bil-mod għall-EACs ġenerali dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat
33

Sa Frar 2017, id-data dwar il-monitoraġġ li nħarġet mill-Kummissjoni wriet li hija vvalutat bħala kkompletati l-pjanijiet ta’ azzjoni kollha għal ħames EACs tematiċi biss, u għall-ebda waħda mill-EACs ġenerali. Dawn l-EACs jirrappreżentaw 17 mis-761 pjan ta’ azzjoni (inqas minn 3 %): dawn jikkonċernaw l-EACs 4.2 dwar “Azzjonijiet sabiex tiġi promossa l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja ta’ sħana u elettriku” (pjan ta’ azzjoni wieħed), 4.3 dwar “Azzjonijiet biex jippromwovu l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli” (2 pjanijiet ta’ azzjoni), 7.4 dwar “L-Iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni, tal-ħżin u tat-trażmissjoni tal-enerġija” (3 pjanijiet ta’ azzjoni), 8.2 dwar “Impjieg indipendenti, intraprenditorija u ħolqien tan- negozju” (pjan ta’ azzjoni wieħed), u 9.1 dwar “L-eżistenza u l-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ politika strateġika nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar” (10 pjanijiet ta’ azzjoni). Skont il-Kummissjoni, sa nofs Settembru 2017, il-pjanijiet ta’ azzjoni kollha ġew ikkompletati għal 16-il EAC tematika u għal 5 EACs ġenerali. Dawn l-EACs ikopru 222 pjan ta’ azzjoni jew madwar 30 % tal-pjanijiet ta’ azzjoni kollha.

34

Il-progress fit-twettiq tal-pjanijiet ta’ azzjoni relatati kollha mexa l-aktar bil-mod fil-każ tal-EAC ġenerali 4 dwar “Akkwist pubbliku” (2 minn 57 pjan ta’ azzjoni) u l-EAC ġenerali 5 dwar “Għajnuna mill-Istat” (1 minn 50 pjan ta’ azzjoni). Aħna nfakkru li n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE u mar-regoli nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat huma tnejn mis-sorsi prinċipali ta’ irregolaritajiet fil-politika ta’ Koeżjoni22. Ġie osservat li r-rati ta’ kkompletar kienu baxxi wkoll għall-EACs tematiċi 6.1 dwar “Is-settur tal-ilma: l-eżistenza ta’ politika tal-ipprezzar tal-ilma”, 6.2 dwar “Is-settur tal-iskart: il-promozzjoni ta’ investimenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli fis-settur tal-iskart”, 8.1 dwar “Politiki attivi tas-suq tax-xogħol jiġu mfassla u mwassla fid-dawl tal-linji gwida dwar l-impjiegi” u 8.3 dwar “Modernizzazzjoni u tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol”. Madankollu, l-analiżi li wettaqna tad-data dwar il-monitoraġġ li nħarġet mill-Kummissjoni wriet żieda sinifikanti fil-pjanijiet ta’ azzjoni li ġew irrappurtati bħala ssodisfati bejn Frar u nofs Settembru 2017; minn 381 sa 703 minn 761 azzjoni (92%) (ara l-Figura 3).

Figura 3

Għadd ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għall-EACs mhux issodisfati u l-istatus tagħhom fi żmien l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali u fil-31 ta’ Diċembru 2016, kif ġie rrappurtat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sa nofs Settembru 2017

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mid-DĠ REGIO u mid-DĠ EMPL.

Sa Frar 2017, tliet Stati Membri biss irrappurtaw il-pjanijiet ta’ azzjoni kollha tagħhom bħala kkompletati, u dan l-ammont żdied għal 11-il Stat Membru sa nofs Settembru 2017
35

Sa Frar 2017, ibbażat fuq l-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni vvalutat li tliet Stati Membri biss kienu kkompletaw il-pjanijiet ta’ azzjoni kollha tagħhom sa tmiem l-2016 (il-Latvja, il-Litwanja u l-Finlandja). Fl-istess ħin, kien hemm 10 Stati Membri (il-Bulgarija, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, is-Slovakkja u l-Iżvezja) li rrappurtaw bħala kkompletati inqas minn nofs il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom. Madankollu, skont il-Kummissjoni, sa nofs Settembru 2017, 11-il Stat Membru (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, l-Iżvezja, is-Slovenja u s-Slovakkja) kienu kkompletaw il-pjanijiet ta’ azzjoni kollha tagħhom (ara l-Figura 4).

Figura 4

Għadd ta’ pjanijiet ta’ azzjoni mwettqa u mhux imwettqa għal kull Stat Membru fil-31 ta’ Diċembru 2016, kif irrappurtat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sa nofs Settembru 2017

Nota: Żewġ Stati Membri kienu ssodisfaw l-EACs kollha fi żmien l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali u għalhekk ma kienu stabbilew l-ebda pjan ta’ azzjoni (AT u DK). L-għadd kbir ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għall-Italja huwa dovut parzjalment għall-fatt li għall-EACs ġenerali ġew konklużi pjanijiet ta’ azzjoni separati fil-livell tal-programmi operazzjonali, filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri indirizzaw dawn l-aspetti b’mod orizzontali.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mid-DĠ REGIO u mid-DĠ EMPL.

36

Iż-żmien medju li l-Istati Membri ħadu biex jimplimentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni u li l-Kummissjoni ħadet biex tikkompleta l-valutazzjoni kien ta’ madwar 20 xahar (ibbażat fuq is-703 pjanijiet ta’ azzjoni li ġew ikkompletati sa nofs Settembru 2017, skont id-data dwar il-monitoraġġ li nħarġet mill-Kummissjoni). Id-durata kienet tvarja konsiderevolment fost l-EACs tematiċi differenti, u bejn l-EACs tematiċi u dawk ġenerali (ara l-Figura 5).

Figura 5

Żmien medju (fi ġranet) meħud mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-EACs u mill-Kummissjoni biex taqbel li dawn kienu ġew issodisfati (għall-pjanijiet ta’ azzjoni kkompletati)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mid-DĠ REGIO.

Madwar 27 % tal-finanzjament totali mill-FEŻR, l-FK u l-FSE huwa relatat ma’ objettivi tematiċi li għalihom l-EACs ġew irrappurtati bħala li kienu għadhom mhux issodisfati sa Frar 2017
37

Il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi data dwar l-ammont ta’ finanzjament affettwat mill-pjanijiet ta’ azzjoni. Għalhekk, aħna stmajna l-ammont ta’ fondi tal-UE li ġew allokati għall-prijoritajiet ta’ investiment fejn l-EACs ma kinux ġew issodisfati, fuq il-bażi tal-informazzjoni finanzjarja disponibbli għal kull objettiv tematiku (OT). L-istima tagħna hija li, għal massimu ta’ EUR 199.8 biljun mit-EUR 349.4 biljun (57 %) tal-baġit totali tal-UE għall-perjodu 2014-2020, għall-FEŻR, l-FK u l-FSE (inkluża l-YEI), kienu jeżistu pjanijiet ta’ azzjoni fi żmien l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali. Sa Frar 2017, dan is-sehem kien naqas għal massimu ta’ 27 %.

L-awtovalutazzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante, li twettqet mill-Istati Membri eżaminati kienet pożittiva żżejjed u inkonsistenti

L-Istati Membri raw il-kundizzjonalitajiet ex ante bħala għodda utli għall-awtovalutazzjoni, iżda l-impatt fuq l-effettività tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni huwa inċert
38

B’mod ġenerali, l-Istati Membri eżaminati raw l-EACs bħala għodda utli għall-awtovalutazzjoni li għedu biex jiġu identifikati għadd ta’ nuqqasijiet. F’xi każijiet, dawn tqiesu wkoll li kienu impetu għall-iżvilupp tal-kapaċità għall-ippjanar strateġiku fil-pajjiż. Il-kundizzjonalitajiet ex ante żiedu s-sensibilizzazzjoni għall-punti tajbin u l-punti dgħajfin tal-Istati Membri, iżda l-impatt tagħhom fuq l-użu effettiv tal-appoġġ mill-UE se jkun jiddependi ħafna mill-impenn u mis-sjieda li jassumu l-Istati Membri.

39

Madankolu, l-aspettattivi rigward l-impatt possibbli tal-EACs kienu differenti. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma qisux jekk EAC tiġi ssodisfata, dan awtomatikament jirriżulta f’implimentazzjoni aktar effettiva tal-politika ta’ Koeżjoni u f’riżultati aħjar.

Il-kriterji ta’ valutazzjoni tal-EACs spiss ikunu ta’ natura ġenerika u jħallu lill-Istati Membri lok konsiderevoli għall-interpretazzjoni
40

L-analiżi li wettaqna tal-kriterji speċifikati fl-RDK għall-valutazzjoni ta’ jekk l-EACs ikunux ġew issodisfati turi li dawn ta’ spiss huma ta’ natura ġenerika u, għaldaqstant, iħallu lok konsiderevoli għall-interpretazzjoni. B’mod partikolari, huma spiss ma jirreferux għal miri kwantifikabbli speċifiċi anke fejn miri ta’ dan it-tip setgħu ġew idderivati mill-qafas ta’ politika eżistenti tal-UE.

41

Il-Kummissjoni ħarġet dokumenti ta’ gwida ddettaljati b’subkriterji addizzjonali li jiddeskrivu l-aspettattivi tagħha għal kull kriterju dderivat mill-RDK23. Madankollu, l-użu ta’ din il-gwida kien fakultattiv għall-Istati Membri, peress li l-RDK jispeċifika li huma biss il-kriterji fir-regolament li jistgħu jiġu applikati għall-valutazzjoni. Barra minn hekk, skont l-RDK, il-Kummissjoni kellha wkoll toqgħod attenta li tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali u reġjonali hija u tivvaluta l-adegwatezza tal-miżuri ta’ politika24.

42

Pereżempju, il-kriterji ddefiniti fl-RDK għall-EAC tematika 3.1 dwar “Promozzjoni tal-intraprenditorija” u għall-EAC 8.2 dwar “Impjieg indipendenti, intraprenditorija u ħolqien tan- negozju” jirreferu għal miżuri biex jitnaqqsu ż-żmien u l-ispejjeż fit-twaqqif ta’ negozju u fil-ksib ta’ liċenzji u permessi. Madankollu, ma jirrikjedix li l-Istati Membri jilħqu l-miri korrispondenti li ġew stabbliti fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA)25 u li ġew irrakkomandati mill-Kunsill Kompetittività f’Mejju 2011: li n-negozji jitwaqqfu fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol, li l-ispejjeż biex jitwaqqfu n-negozji ma jkunux ta’ aktar minn EUR 100, u li ż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-liċenzji u l-permessi ma jkunx ta’ aktar minn tliet xhur. Minflok, l-RDK jissuġġerixxi li dawn il-miri jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda mhux neċessarjament jintlaħqu. L-analiżi tagħna turi li fin-nuqqas ta’ miri speċifiċi, l-Istati Membri ġeneralment applikaw id-diskrezzjoni tagħhom biex jivvalutaw jekk l-EACs kinux ġew issodisfati.

43

Skont il-Kummissjoni, iż-żmien medju biex titwaqqaf kumpanija privata b’responsabbiltà limitata fl-Istati Membri tal-EU-28 fl-2016 kienet ta’ 3.3 ijiem u l-ispiża biex jiġi rreġistrat negozju li jkun għadu kemm inbeda kienet ta’ EUR 320. Minn 28 Stat Membru, 16 ma jilħqux il-mira relatata mal-ispiża involuta fit-twaqqif ta’ negozju (inqas minn EUR 100) u 7 Stati Membri ma jilħqux il-mira relatata maż-żmien meħtieġ biex jitwaqqaf negozju ġdid26.

44

Minkejja dan, filwaqt li 9 mill-24 Stat Membru li għalihom kienet tapplika l-EAC 3.1, adottaw b’kollox 13-il pjan ta’ azzjoni fir-rigward ta’ din l-EAC, għal 7 minn dawn l-Istati Membri l-pjanijiet ta’ azzjoni ġew ivvalutati bħala ikkompletati sa Frar 2017 (ara l-Figura 3). Barra minn hekk, l-Istati Membri qiesu li l-EAC kienet ġiet issodisfata f’aktar minn 70 % tal-każijiet (ara l-Figura 2).

45

Aħna nosservaw ukoll li l-Kummissjoni kienet inizjalment ipproponiet li miri speċifiċi ta’ dan it-tip kellhom jintlaħqu għall-EAC 3.1 dwar “Promozzjoni tal-intraprenditorija” u għall-EAC 8.2 dwar “Impjieg indipendenti”27. Madankollu, matul in-negozjati tripartitiċi dwar il-pakkett leġiżlattiv dawn il-miri tneħħew mill-RDK. Dan irriżulta f’sitwazzjoni fejn il-valutazzjoni ta’ jekk EAC kinitx ġiet issodisfata jew le saret essenzjalment suġġettiva u l-Kummissjoni kellha biss mezzi limitati biex tikkontesta l-awtovalutazzjoni li twettqet mill-Istati Membri.

Il-valutazzjoni li l-Istati Membri wettqu dwar jekk l-EACs kinux ġew issodisfati jew le, ma kinitx konsistenti
46

Kien hemm ukoll każijiet fejn l-Istati Membri ma kinux interpretaw l-RDK tajjeb u, f’każijiet oħra, ma vvalutawx b’mod konsistenti jekk l-EACs kinux ġew issodisfati jew le. F’dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma insistietx li titwettaq valutazzjoni korretta.

47

Pereżempju, dan kien il-każ tal-EAC 8.1 dwar “Kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu servizzi personalizzati tal-impjieg u miżuri ta’ politika attivi u preventivi fis-suq tax-xogħol” u l-EAC 8.3 dwar azzjonijiet meħuda biex jiġu stabbiliti servizzi ta’ dan it-tip. Il-kriterji ta’ valutazzjoni li jirfdu dawn iż-żewġ EACs jeskludu lil xulxin peress li l-EAC 8.3 tirrappreżenta EAC 8.1 mhux issodisfata (ara l-Figura 6).

Figura 6

Eżempju ta’ kriterji ta’ valutazzjoni li jeskludu lil xulxin - l-EACs 8.1 u 8.3 dwar il-politiki tal-impjieg

Sors: Il-QEA, fuq il-bażi tal-Anness XI tal-RDK.

48

Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux iqisu li l-kriterji għall-EAC 8.1 dwar “Kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu servizzi personalizzati tal-impjieg u miżuri ta’ politika attivi u preventivi fis-suq tax-xogħol” bħala ssodisfati, u fl-istess ħin jieħdu azzjonijiet biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet għall-forniment ta’ servizzi ta’ dan it-tip, kif meħtieġ mill-EAC 8.3. Madankollu, l-analiżi li wettaqna ta’ 14-il PO wriet li fi 2 mill-5 Stati Membri eżaminati (il-Polonja u l-Kroazja28) ivil-kriterji għall-EAC 8.1 tqiesu bħala li ġew issodisfati, iżda xorta waħda ġew allokati fondi tal-UE għall-modernizazzjoni tas-servizzi tal-impjieg. Fil-każ tal-PO tal-Polonja, aħna sibna wkoll li l-awtoritajiet nazzjonali kienu vvalutaw dawn iż-żewġ EACs flimkien u kkonkludew li t-tnejn kienu ġew issodisfati.

49

Aħna osservajna wkoll eżempji ta’ prattika tajba fejn il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ b’mod proattiv lill-Istati Membri biex jiżviluppaw l-istrateġiji meħtieġa għall-issodisfar ta’ EAC. Il-Kaxxa 1 tagħti eżempju ta’ dan it-tip.

Kaxxa 1

Appoġġ mill-Kummissjoni fir-rigward tal-EAC 1.1 dwar “strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti”

L-Istati Membri li allokaw fondi għall-OT1 "It-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni” jridu jistabbilixxu strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) dwar kif għandhom isaħħu l-vantaġġi kompetittivi tagħhom u l-potenzjal tagħhom għall-eċċellenza, fil-livell nazzjonali jew reġjonali. L-appoġġ finanzjarju taħt l-OT1 għandu jingħata għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni f’oqsma ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti b’potenzjal ta’ tkabbir.

F’bosta każijiet, dawn l-istrateġiji ġew żviluppati bl-għajnuna tal-Kummissjoni. Pereżempju, il-Kummissjoni kkuntrattat esperti biex jivvalutaw l-RIS3 nazzjonali tal-Irlanda u tal-Kroazja kif ukoll biex jiżviluppaw l-RIS3 reġjonali tal-PO reġjonali Spanjol ta’ Andalusija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jipparteċipaw f’evalwazzjonijiet bejn il-pari. Il-Polonja, ir-Rumanija u l-Irlanda pparteċipaw fis-sessjoni ta’ ħidma nazzjonali tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari li twettqet miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Irlandiżi f’Dublin f’Lulju 2014. F’Awwissu 2014, il-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni wettaq evalwazzjoni bejn il-pari tas-sistema Spanjola tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni ħeġġet ukoll l-involviment ta’ partijiet interessati esterni fl-iżvilupp tal-RIS3 u fl-identifikazzjoni ta’ żoni ġeografiċi ta’ speċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni insistiet li jiġi żgurat li l-istrateġiji jkollhom livell suffiċjenti ta’ interazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet maniġerjali, il-kumpaniji u l-universitajiet sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u segwiti opportunitajiet potenzjali ta’ negozju.

Il-kundizzjonalitajiet ex ante mhumiex ikkoordinati biżżejjed mas-Semstru Ewopew u mal-informazzjoni disponibbli minn servizzi oħra tal-Kummissjoni

50

Meta jkun qed jivvaluta l-EACs, jenħtieġ li d-DĠ responsabbli jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-għarfien iġġenerat f’kuntesti oħra, bħas-Semestru Ewropew, jew l-informazzjoni miġbura minn Direttorati Ġenerali oħra jew permezz tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ proprji tiegħu.

Il-valutazzjoni tal-EACs li l-Kummissjoni twettaq mhijiex konformi mal-analiżi li tidher fir-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew
51

Fil-qafas tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni toħroġ rapporti tal-pajjiżi u tippreżenta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru. Dawn ir-rapporti tal-pajjiżi jippreżentaw analiżi annwali tal-isfidi ekonomiċi u soċjali fl-Istati Membri kollha tal-UE.

52

Madankollu, il-Kummissjoni mhux dejjem ħadet inkunsiderazzjoni l-għarfien li kellha dwar il-problemi strutturali fl-Istati Membri, u li kien inġabar fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, hija se tivvaluta l-konsistenza u l-adegwatezza tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru dwar l-EACs. F’Awwissu 2014, il-Kummissjoni adottat gwida interna dwar l-EACs għall-fondi SIE29. Madankollu, din il-linja gwida ma indirizzatx il-mod ta’ kif jista’ jiġi żgurat li ssir valutazzjoni konsistenti tal-EACs u tas-Semestru Ewropew.

53

Pereżempju, l-analiżi tagħna sabet li tlieta mill-ħames Stati Membri eżaminati (il-Polonja, il-Kroazja, u Spanja) qiesu li l-EAC 8.1 dwar “Kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu servizzi personalizzati tal-impjieg u miżuri ta’ politika attivi u preventivi fis-suq tax-xogħol”30 kienet ġiet issodisfata. Il-Kummissjoni aċċettat din il-valutazzjoni, għalkemm ir-rapporti tal-pajjiżi li ġew ippubblikati wara indikaw dgħufijiet sinifikanti relatati ma’ dawn il-kriterji (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Inkonsistenzi bejn il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-rapporti speċifiċi għall-pajjiż fil-valutazzjoni tal-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu politika attiva tas-suq tax-xogħol – eżempji tal-Polonja, Spanja u l-Kroazja

Għall-Polonja, ir-rapport speċifiku għall-pajjiż li l-Kummissjoni ħarġet għall-2015, jidentifika l-problema persistenti li s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) Pollakki ma jindirizzawx b’mod adegwat kwistjonijiet ta’ prestazzjoni relatata mas-suq tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ riżorsi, funzjonament ineffiċjenti, monitoraġġ dgħajjef, koordinazzjoni insuffiċjenti tas-sistema frammentata u nuqqas ta’ persunal bil-livell ta’ ħiliet meħtieġ31.

Għall-Kroazja, ir-rapport speċifiku għall-pajjiż għall-2015 jiddikjara li s-Servizz Puibbliku tal-Impjiegi Kroat għandu kapaċità amministrattiva dgħajfa u li l-proċessi tan-negozju jxekklu l-kapaċità tiegħu li jtejjeb l-effettività tal-miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol kif ukoll is-sensibilizzazzjoni għall-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol.

Għal Spanja, ir-rapport speċifiku għall-pajjiż għall-2016 jiddikjara li l-PES għandu biss kapaċità limitata biex jipprovdi konsulenza effettva u individwalizzata, u li ma ttieħdet l-ebda miżura speċifika biex tiżdied l-assistenza speċjalment għal dawk li jinsabu aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol32. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2014 u l-201533 kienu diġà ddikjaraw qabel li l-Istat Membru kien għamel biss progress limitat fil-proċess biex jaċċellera l-modernizzazzjoni tal-PES u li, kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015 saru rakkomandazzjonijiet biex l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu passi biex iżidu l-kwalità u l-effettività tal-assistenza u l-konsulenza għat-tiftix ta’ impjieg.

54

Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2017, il-Kummissjoni osservat li “r-riformi strutturali għadhom mhumiex kompluti f’ħafna mill-Istati Membri u t-twassil tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ħafna drabi huma inkonsistenti. Il-modernizzazzjoni tal-prodotti, tas-servizzi u tas-swieq tax-xogħol għadhom prijorità f’ħafna Stati Membri”34.

L-awtovalutazzjonijiet li twettqu mill-Istati Membri dwar il-konformità mal-għajnuna mill-Istat mhumiex konsistenti mal-monitoraġġ regolari mwettaq mid-DĠ Kompetizzjoni
55

F’rapport speċjali ieħor35, aħna stabbilejna li xi Stati Membri li kienu ssodisfaw l-EAC ġenerali 5 dwar “Għajnuna mill-Istat” kellhom livell aktar baxx ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat minn dawk li ma kinux issodisfaw din il-kundizzjonalità. Madankollu, l-awtovalutazzjoni li twettqet mill-Istati Membri, madankollu, ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni ma kkontestatx l-awtovalutazzjonijiet li twettqu mill-Istati Membri dwar l-istatus tas-sistemi ta’ monitoraġġ, minkejja li kienet taf dwar id-dewmien sinifikanti
56

Ir-rekwiżiti għal sistema ta’ indikaturi tar-riżultati li hija meħtieġa għall-monitoraġġ tal-progress ta’ PO lejn ir-riżultati, inklużi l-arranġamenti għall-ġbir ta’ data huma stabbiliti fl-EAC ġenerali 7 dwar “Sistemi ta’ statistika u indikaturi tar-riżultati” (ara l-Anness I). L-RDK jirrikjedi wkoll li l-awtoritajiet maniġerjali jistabbilixxu sistema biex tirreġistra u taħżen id-data dwar kull operazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, il-verifikazzjoni u l-awditjar, inkluża data relatata mal-indikaturi u l-istadji importanti36. Il-Kummissjoni tinterpreta dan ir-rekwiżit bħala li jirrigwarda l-eżistenza ta’ sistema kompjuterizzata37. Aħna sibna li l-valutazzjoni, imwettqa mill-Istati Membri, tal-EAC ġenerali 7 ma titwettaqx b’mod konsistenti fil-programmi operazzjonali kollha, jiġifieri valutazzjoni ta’ dak li jikkonċerna l-ħtieġa għal sistema li tirreġistra u taħżen id-data f’forma kompjuterizzata biex tiġi ssodisfata din l-EAC ġenerali (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Il-kundizzjonalità ex ante ġenerali 7 ma ġietx issodisfata minħabba li s-sistemi li jirreġistraw u jaħżnu d-data ma kinux operazzjonali għall-programmi operazzjonali Rumeni (EAC ġenerali 7)

L-awtoritajiet Rumeni qiesu li l-kriterju tal-EAC ġenerali 7 “ikun hemm arranġamenti għall-ġbir u l-aggregazzjoni f’waqtha ta’ data statistika” ma kienx stabbilit fiż-żmien tal-adozzjoni tal-ftehim ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali. Għalhekk, l-EAC ġenerali 7 tqieset bħala mhux issodisfata. Ir-raġuni prinċipali għal dan kienet l-inabbiltà tas-sistema tal-IT li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 125 tal-RDK, jiġifieri li tirreġistra u taħżen, f’forma kompjuterizzata, l-informazzjoni kollha dwar l-indikaturi meħtieġa mir-regolamenti li ġew adottati. Minn dak iż-żmien ’il hawn, l-awtoritajiet jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahar dwar l-iżvilupp tas-sistema tal-IT tagħhom.

57

Din l-EAC ġenerali hija applikabbli għall-Istati Membri kollha u l-programmi operazzjonali kollha. Fiż-żmien tal-adozzjoni tagħhom, madwar terz tal-programmi operazzjonali (126 minn 387) f’19 mit-28 Stat Membru ma kinux jissodisfaw din il-kundizzjoni. Id-data dwar il-monitoraġġ maħruġa mill-Kummissjoni wriet li, sa Frar 2017, kien għad hemm madwar 20 % tal-programmi operazzjonali kollha li ma kinux jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Sa nofs Settembru 2017, din l-EAC ġenerali baqgħet mhux issodisfata għal 13-il programm operazzjonali biss.

58

Mill-14-il programm operazzjonali eżaminati matul l-awditu tagħna, 10 qiesu li l-EAC ġiet issodisfata u l-4 li jifdal qiesu li din ġiet issodisfata parzjalment. Madankollu, sa tmiem l-2016, 12 minn dawn l-14-il PO ma kinux stabbilew sistema tal-IT relatata ma’ indikaturi u ma’ stadji importanti li kienet kompletament operazzjonali. Madankollu, mingħajr sistema tal-IT ta’ dan it-tip, kif meħtieġ fl-Artikolu 125(2) (d) tal-RDK, mhuwiex possibbli li l-implimentazzjoni ta’ PO tiġi mmonitorjata b’mod kosteffettiv.

59

Dawn l-eżempji juru wkoll li l-issodisfar ta’ EAC mhuwiex neċessarjament ekwivalenti għal prestazzjoni aħjar fil-prattika u jqajjem dubji dwar jekk l-approċċ attwali bl-użu ta’ kundizzjonalitajiet ex ante huwiex se jkun effettiv biex isir użu aħjar mill-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni.

Il-Kummissjoni ma ssospendietx il-pagamenti f’każijiet fejn il-pjanijiet ta’ azzjoni ma ġewx ikkompletati

60

L-RDK jippermetti lill-Kummissjoni tissospendi l-pagamenti interim kollha jew parti minnhom, f’każijiet fejn l-Istati Membri naqsu milli jikkompletaw l-azzjonijiet meħtieġa biex jissodisfaw l-EACs applikabbli.

61

Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix sospensjonijiet tal-pagamenti għall-programmi operazzjonali, minkejja l-fatt li għadd kbir ta’ pjanijiet ta’ azzjoni ma kinux ġew ikkompletati u ħafna EACs ma kinux ġew issodisfati. Fl-istess ħin, 13-il Stat Membru (il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja) imponew awtosopensjonijiet relatati ma’ prijoritajiet ta’ investiment magħżula, għal 78 programm operazzjonali.

62

Aħna stmajna li l-baġit li ġie affettwat minn dawn l-awtosospensjonijiet kien ta’ madwar EUR 2.3 biljun ta’ finanzjament mill-FSE u madwar EUR 4.7 biljun ta’ finanzjament mill-FEŻR u mill-FK. Dan jikkorrispondi għal 2 % tal-finanzjament totali mill-UE għall-FEŻR, l-FK u l-FSE għall-perjodu 2014-2020, jew 3.5 % tal-finanzjament totali mill-UE li inizjalment kien kopert mill-pjanijiet ta’ azzjoni.

L-RDK ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar l-infurzar jew il-monitoraġġ/l-evalwazzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2016

63

Għall-programmi operazzjonali fejn l-EACs kienu għadhom ma ġewx issodisfati sa tmiem l-2016, jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforzi ulterjuri biex jimplimentaw il-pjanijiet ta’ azzjoni kif ukoll li l-Kummissjoni tagħmel aktar biex tiggwida, timmonitorja u tikkonferma l-issodisfar tal-EACs.

64

Madankollu, l-RDK ma fih l-ebda dispożizzjoni li tindika l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jirrappurtaw dwar l-infurzar tal-EAcs wara l-2016. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tingħata l-ebda responsabbiltà f’dan ir-rigward. Aħna nosservaw ukoll li l-Kummissjoni ma tistax timponi korrezzjonijiet finanzjarji f’każijiet fejn l-EACs ma jiġux issodisfati. Għalhekk, l-impatt tal-EACs se jkun jiddependi prinċipalment mis-sjieda tal-Istati Membri u mill-impenn tagħhom li jżommuhom u li jkomplu jaħdmu biex jaraw li dawn jiġu ssodisfati wara l-2016.

65

Aħna osservajna wkoll li l-RDK ma jirrikjedix monitoraġġ jew evalwazzjoni tal-impatt tal-EACs fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni jew fuq il-ksib ta’ riżultati aħjar.

Ir-riżerva ta’ prestazzjoni ftit li xejn tipprovdi inċentiv biex il-programmi operazzjonali jkunu orjentati aħjar lejn ir-riżultati u mhuwiex probabbli li tirriżulta f’riallokazzjoni sinifikanti tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni għal programmi li jkollhom prestazzjoni aħjar

66

Jenħtieġ li l-qafas ta’ prestazzjoni u r-riżerva ta’ prestazzjoni relatata jkunu tipprovdu inċentiv effettiv biex jinkisbu l-outputs u r-riżultati intenzjonati u, fejn meħtieġ, jippermettu li ssir riallokazzjoni ta’ fondi tal-UE sabiex ikun jista’ jsir użu aktar effettiv tal-infiq disponibbli fil-qasam tal-Koeżjoni.

67

Aħna eżaminajna jekk:

  • ir-rekwiżit regolatorju li jitwarrab ċertu sehem mill-fondi tal-UE f’riżerva ta’ prestazzjoni ġiex ssodisfat għall-FEŻR, l-FK u l-FSE (6 %) fl-intier tagħhom, u għal kull wieħed mill-14-il programm operazzjonali eżaminati (bejn 5 % u 7 % għal kull assi prijoritarju);
  • il-kundizzjonijiet għal allokazzjoni definittiva tar-riżerva fl-2019 humiex impenjattivi biżżejjed u jekk is-sospensjonijiet ta’ pagamenti u l-korrezzjonijiet finanzjarji jistgħux jintużaw b’mod effettiv għas-sanzjonament ta’ prestazzjoni insuffiċjenti; u
  • l-indikaturi tal-prestazzjoni stabbiliti biex tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni definittiva tar-riżerva ta’ prestazzjoni humiex robusti u, ibbażat fuq evidenza addizzjonali mitluba mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u pprovduta minnhom, jekk l-istadji importanti u l-valuri fil-mira għall-indikaturi inklużi fl-oqfsa ta’ prestazzjoni taħt l-OT 1 u l-OT 8 f’14-il programm operazzjonali li ġew eżaminati jissodisfawx ir-rekwiżiti regolatorji.

Il-mira regolatorja ta’ 6 % għar-riżerva ta’ prestazzjoni għall-FEŻR, l-FK u l-FSE ntlaħqet

68

Riżerva ta’ prestazzjoni ġiet stabbilita f’299 minn 391 programm operazzjonali (76 %). L-analiżi tagħna kkonfermat li l-Istati Membri kienu allokaw madwar EUR 20 biljun minn total ta’ EUR 335 biljun li ngħataw f’finanzjament mill-UE fil-programmi operazzjonali tagħhom, għal dawn ir-riżervi ta’ prestazzjoni għall-perjodu 2014-2020.

69

Dan l-ammont jikkorrispondi għal 6 % tal-allokazzjoni totali għall-FEŻR, l-FK u l-FSE taħt l-għan Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi, minbarra r-riżorsi stipulati mill-RDK38.

Il-qafas u r-riżerva ta’ prestazzjoni huma obbligatorji u japplikaw għall-biċċa l-kbira mill-assi prijoritarji

70

Meta mqabbel mal-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, ir-riżerva ta’ prestazzjoni obbligatorja ġiet introdotta mill-ġdid fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u trid tiġi applikata għall-biċċa l-kbira mill-assi prijoritarji (minbarra dawk tal-assistenza teknika, il-programmi tal-YEI u tal-inizjattiva favur l-SMEs). Barra minn hekk, il-mekkaniżmi għall-allokazzjoni tagħha huma ċari mill-bidu nett. Il-kriterji, jiġifieri l-indikaturi għall-allokazzjoni tagħha ġew iddefiniti fil-bidu u huma inferiti mil-loġika ta’ intervent fil-programmi. Din hija bidla pożittiva. Madankollu, fl-istess ħin, aħna osservajna li l-indikaturi li jiddeterminaw l-allokazzjoni definittiva tar-riżerva jibqgħu fil-biċċa l-kbira orjentati lejn l-input u l-output. Dan ma jiggarantix riżultati aħjar.

Il-qafas ta’ prestazzjoni jibqa’ ffukat fuq l-infiq u fuq l-outputs

71

L-Istati Membri jistgħu juru l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-programmi permezz ta’ stadji importanti u valuri fil-mira għal tliet tipi ta’ indikaturi: indikaturi finanzjarji, indikaturi tal-output u indikaturi tar-riżultati. Dawn jistgħu jkunu kkomplementati mill-użu ta’ passi ewlenin tal-implimentazzjoni (KIS) biex jitkejlu proġetti li jkunu għaddejjin jew li jkunu ppjanati li jinbdew, iżda f’każijiet fejn ma jkunx probabbli li jista’ jinkiseb xi output sa Diċembru 2018. B’mod ġenerali, dawn l-indikaturi jridu jkunu rappreżentattivi tal-azzjonijiet taħt l-assi prijoritarju. B’definizzjoni dan ifisser li jkunu jridu jkopru mill-inqas nofs l-allokazzjoni finanzjarja tal-assi prijoritarju kkonċernat39.

Il-qafas ta’ prestazzjoni ftit li xejn fih indikaturi tar-riżultati
72

B’mod ġenerali, il-qafas ta’ prestazzjoni għall-perjodu 2014-2020 mhuwiex, madankollu, sinifikattivament orjentat aktar lejn ir-riżultati milli huma arranġamenti simili li saru fil-perjodu preċedenti40. Fil-fatt, aħna sibna li l-Kummissjoni saħansitra rrakkomandat li ma jintużawx indikaturi tar-riżultati għall-FEŻR/l-FK peress li dawn ir-riżultati jinkisbu fuq terminu twil u jistgħu jiġu influwenzati ħafna minn fatturi esterni41. Għall-FSE wkoll, l-Istati Membri ftit li xejn użaw l-indikaturi tar-riżultati fil-qafas ta’ prestazzjoni, minkejja li l-indikaturi tar-riżultati tal-FSE jirriflettu l-eżiti immedjati tal-proġetti.

73

Il-programmi operazzjonali huma meħtieġa jkollhom qafas ta’ prestazzjoni għal kull assi prijoritarju, ripartit skont il-kategorija ta’ reġjun, fejn applikabbli42. Għalhekk, aħna analizzajna wkoll ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-indikaturi magħżula għal kull assi prijoritarju, fejn meħtieġ skont il-kategorija ta’ reġjun, għall-programmi operazzjonali kollha taħt il-FEŻR, l-FK u l-FSE li ġew adottati għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, biex niksbu stampa ġenerali tat-tipi ta’ indikaturi u tar-rekwiżiti ta’ rappurtar relatati43. Din l-analiżi teskludi wkoll l-indikaturi użati fl-oqfsa ta’ prestazzjoni li mhumiex assoċjati mar-riżerva ta’ prestazzjoni.

74

Il-Figura 7 turi li l-maġġoranza l-kbira tal-indikaturi użati fil-qafas ta’ prestazzjoni taħt il-politika ta’ koeżjoni huma relatati mal-output (57.1 %), mal-passi ewlenin tal-implimentazzjoni (9.2 %) u mal-indikaturi finanzjarji (33.4 %). Flimkien dawn jikkostitwixxu 99.7 % tal-indikaturi rrappurtati kollha li ntużaw fl-oqfsa ta’ prestazzjoni tal-assi prijoritarji differenti. L-użu tal-indikaturi tar-riżultati huwa marġinali (0.3 %).

Figura 7

Qafas ta’ prestazzjoni tal-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR, l-FK u l-FSE għall-perjodu 2014-2020: proporzjon tat-tip ta’ indikaturi użat għal kull fond

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data mill-applikazzjoni tal-IT, Infoview, tal-Kummissjoni.

Il-KIS, li jkejlu l-abbiltà li tinbeda l-implimentazzjoni tal-programmi, huma l-indikatur prinċipali għal madwar wieħed minn ħamsa tal-fondi tal-UE
75

Il-KIS jintużaw biss għall-FEŻR u l-FK peress li, għall-kuntrarju tal-FSE, l-indikaturi tal-output ikejlu interventi li jkunu ġew implimentati kompletament44. Il-KIS ġew iddefiniti fil-programmi ta’ 22 Stat Membru u għal bejn wieħed u ieħor wieħed minn ħamsa tal-assi prijoritarji kollha b’qafas ta’ prestazzjoni. Dawn il-KIS filmkien mal-indikaturi finanzjarji huma l-uniċi indikaturi li jirriżultaw fl-allokazzjoni definittiva ta’ madwar wieħed minn ħamsa tal-finanzjament totali mill-UE li huwa suġġett għal riżerva ta’ prestazzjoni. F’dawk il-każijiet, l-allokazzjoni definittiva tar-riżerva ta’ prestazzjoni essenzjalment tippremja l-abbiltà li tinbeda l-implimentazzjoni tal-programmi, u mhux il-prestazzjoni tal-interventi nfisha.

76

Dan juri li l-indikaturi inklużi fil-qafas ta’ prestazzjoni għall-perjodu 2014-2020 jibqgħu ffukati fuq l-infiq (indikatur finanzjarju) u fuq l-implimentazzjoni (indikaturi tal-output). Għal parti kbira tal-finanzjament mill-UE dawn ikejlu biss jekk l-implimentazzjoni tal-programmi tkunx inbdiet, iżda ma jipprovdu l-ebda informazzjoni dwar l-outputs jew ir-riżultati (KIS). Fir-rapport speċjali tagħna fejn eżaminajna l-Programmazzjoni tal-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2014-2020, aħna stabbilejna li r-riżerva ta’ prestazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp rurali hija wkoll iffukata fuq l-inputs45.

L-istadji importanti u l-valuri fil-mira mhumiex issostanzjati fil-każijiet kollha
77

Aħna eżaminajna wkoll l-istabbiliment tal-qafas ta’ prestazzjoni għal 35 assi prijoritarju tal-14-il programm operazzjonali koperti. Aħna sibna li l-istadji importanti u l-miri għall-indikaturi tal-prestazzjoni kienu konsistenti man-natura u l-karatteristiki tal-objettivi speċifiċi tal-assi prijoritarju u, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, kienu rilevanti u setgħu jkejlu parti sinifikanti tal-azzjonijiet żviluppati taħt assi prijoritarju partikolari (jiġifieri, jirrappreżentaw aktar minn nofs l-allokazzjoni finanzjarja tal-assi prijoritarju).

78

Is-sejbiet tagħna jindikaw li kien hemm aktar diversità fir-rigward tal-valuri fil-mira li ġew issettjati. Inġenerali, l-awtoritajiet maniġerjali ġġustifikawhom b’referenza għal interventi fil-passat jew interventi eżistenti jew, kull meta ma kinux jeżistu valuri empiriċi, fuq il-bażi ta’ stimi.

79

Għal madwar kwart tal-indikaturi fil-qafas ta’ prestazzjoni tal-programmi operazzjonali li ġew awditjati (28 %), aħna ma stajniex nikkonkludu dwar il-preċiżjoni tal-valur, jew minħabba li l-metodoloġija għall-kalkolu ma setgħetx tiġi vverifikata jew inkella minħabba li ma kienx hemm spjegazzjoni ddettaljata dwar l-ispejjeż unitarji jew is-suppożizzjonijiet li saru. Aħna nqisu wkoll li 18 % tal-istadji importanti u l-valuri fil-mira li jifdal mhumiex realistiċi u/jew li jistgħu jintlaħqu/jinkisbu, peress li dawn jew ġew ikkalkulati b’mod skorrett jew inkella tqiesu li ġew stmati b’mod insuffiċjenti (ara l-Anness III). Eżempju ta’ suppożizzjonijiet mhux issostanzjati huwa ppreżentat fil-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Eżempju ta’ valuri li ma setgħux jiġu vverifikati għaż-żewġ programmi operazzjonali Spanjoli; “Tkabbir Intelliġenti” u “FEŻR għal Andalusija”.

Għal żewġ programmi operazzjonali taħt il-FEŻR Spanjoli li ġew eżaminati, il-miri u l-istadji importanti li ġew stabbiliti għal oqfsa ta’ prestazzjoni relatati mal-Objettiv Tematiku 1 ma setgħux jiġu kkonfermati. L-awtoritajiet Spanjoli ddivulgaw il-metodoloġija użata biex jistmaw il-valuri, iżda ma pprovdewx data li tkun tippermetti li ssir veriifkazzjoni tal-valuri ssettjati fil-programmi operazzjonali adottati. Problema simili tqajmet fir-rapporti ta’ evalwazzjoni ex ante rispettivi tal-PO, li ddikjaraw li aktar informazzjoni kienet tkun meħtieġa biex jiġi vvalidat il-qafas ta’ prestazzjoni46.

80

Meħudin flimkien, dan ifisser li f’madwar 46 % mill-128 każ li ġew eżaminati, għad hemm dubji dwar jekk l-istadji importanti u/jew il-miri li ġew speċifikati għar-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni humiex realistiċi u jistgħux jintlaħqu(ara l-Anness III).

Ir-riżerva ta’ prestazzjoni tista’ tiġi allokata definittivament anke jekk il-valuri għall-istadji importanti ma jinkisbux għalkollox sal-2018

81

Ir-riżerva ta’ prestazzjoni tista’ tiġi allokata definittivament biss malli jintlaħqu l-istadji importanti speċifikati fil-qafas ta’ prestazzjoni tal-programmi operazzjonali47. Għall-14-il programm operazzjonali kollha li ġew eżaminati, kien hemm mill-inqas żewġ stadji importanti speċifikati.

82

Madankollu, aħna osservajna li r-riżerva ta’ prestazzjoni tista’ tiġi allokata definittivament ukoll anke jekk il-valuri għall-istadji importanti ma jinkisbux għalkollox sa Diċembru 2018. F’każ li jkun hemm

  • żewġ indikaturi, l-istadji importanti jitqiesu li jkunu ntlaħqu48 jekk iż-żewġ indikaturi jkunu kisbu mill-inqas 85 % tal-valur għall-istadju importanti tagħhom; u
  • aktar minn żewġ indikaturi, wieħed mill-indikaturi jista’ jikseb 75 % biss tal-valur għall-istadju importanti tiegħu, filwaqt li dawk li jifdal iridu jiksbu 85 % tal-valur. Dan huwa l-każ għal 60 % tal-assi prijoritarji b’oqfsa ta’ prestazzjoni.
L-analiżi tal-prestazzjoni tista’, l-aktar l-aktar, tirriżulta f’riallokazzjoni fi ħdan l-Istat Membru
83

Jekk l-indikaturi ma jiksbux dawn il-valuri minimi għall-istadji importanti, l-analiżi tal-prestazzjoni tirriżulta f’riallokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni għall-prijoritajiet li jkunu kisbu l-valuri għall-istadji importanti u/jew, f’każ li jkun hemm nuqqas serju fil-ksib ta’ dawn il-valuri, dan jista’ jwassal għal sospensjoni tal-pagamenti.

84

L-Anness IV jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-regoli ddettaljati applikabbli għall-valutazzjoni tal-istadji importanti u l-miri.

85

Ir-riallokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni ssir fil-livell nazzjonali: il-fondi jistgħu jiġu riallokati għall-assi prijoritarji fi ħdan PO jew għall-assi prijoritarji ta’ programmi operazzjonali oħra tal-Istat Membru. Għalhekk, ma jkun hemm l-ebda riskju li l-Istat Membru jitlef il-finanzjament mill-UE. F’rapporti preċedenti, aħna konna diġà ddikjarajna li hija diffiċli li jinkisbu riżultati kwalitattivi tajbin minn skemi fejn il-fondi jiġu allokati minn qabel fost l-Istati Membri49.

86

Suġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll il-flessibbiltà li jiddeċiedu kif titwettaq riallokazzjoni: pereżempju, fil-FtS tagħha l-Polonja ddikjarat li r-riżerva ta’ prestazzjoni ta’ madwar EUR 5 biljun kellha tiġi riallokata fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni nazzjonali bejn il-programmi operazzjonali (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Riallokazzjoni tal-fondi tar-riżerva ta’ prestazzjoni – eżempju tas-sistema kompetittiva fil-Polonja

Jekk il-prijoritajiet ma jilħqux l-istadji importanti tagħhom, il-fondi tar-riżerva ta’ prestazzjoni Pollakka jiġu aggregati f’ġabra ta’ fondi nazzjonali ta’ fondi li jiġu riallokati għal prijoritajiet li juru prestazzjoni, dment li dawn ikunu jissodisfaw il-kriterji li ġejjin: i) konformità mar-restrizzjonijiet stipulati fir-regolamenti rilevanti tal-UE (eż. ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika50) u ii) iż-żieda fl-allokazzjoni tal-fondi tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta’ rapporti/ evalwazzjonijiet li jikkonċernaw l-implimentazzjoni, bidliet fis-sitwazzjoni soċjoekonomika u kapaċità amministrattiva u ta’ assorbiment. Ir-riallokazzjoni tal-fondi mhijiex ristretta għal prijoritajiet tal-istess PO, iżda tista’ ssir bejn il-prijoritajiet ta’ programmi operazzjonali differenti, dment li dawn il-prijoritajiet ikunu jissodisfaw iż-żewġ settijiet ta’ kriterji. Madankollu, l-ewwel se titqies il-possibbiltà li l-allokazzjonijiet jitħallew għal programm partikolari.

Is-sospensjonijiet u l-korrezzjonijiet finanzjarji f’każijiet ta’ prestazzjoni insuffiċjenti huma suġġetti għal kundizzjonijiet restrittivi

Sospensjonijiet ta’ pagamenti matul l-implimentazzjoni tal-programmi
87

Sospensjonijiet jistgħu jiġu imposti f’każijiet fejn indikaturi li jkunu inklużi fil-qafas ta’ prestazzjoni ma jiksbux mill-inqas 65 % tal-valuri għall-istadji importanti tagħhom. Barra minn hekk, il-prestazzjoni insuffiċjenti trid tirriżulta minn dgħufijiet fl-implimentazzjoni li jkunu ġew identifikati b’mod ċar. Is-sospensjoni tkun trid titneħħa hekk kif l-Istat Membru jkun ħa l-azzjoni korrettiva meħtieġa51.

88

Barra minn hekk, l-Istat Membru għandu l-possibbiltà li jirrevedi l-valur issettjat għall-istadju importanti jekk ikun hemm bidla sinifikanti fil-kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u tas-suq tal-impjiegi fi Stat Membru jew reġjun52. F’Rapport Speċjali preċedenti, aħna konna diġà sibna li l-Istati Membri użaw din il-possibbiltà matul il-perjodu 2007-2013 biex inaqqsu l-valuri fil-mira tagħhom biex iqarrbu għall-eżitu reali, ftit ta’ żmien qabel l-għeluq53.

89

Aħna nosservaw ukoll li n-nuqqas ta’ lħuq ta’ stadji importanti għall-indikaturi tar-riżultati ma jistax jiskatta sospensjoni tal-pagamenti matul l-implimentazzjoni tal-programmi54.

Korrezzjonijiet finanzjarji fl-għeluq
90

Fl-għeluq, il-Kummissjoni tista’ wkoll timponi korrezzjonijiet finanzjarji netti, f’każ li l-indikaturi inklużi fil-qafas ta’ prestazzjoni jkunu kisbu inqas minn 65 % tal-valuri fil-mira ssettjati fil-programmi operazzjonali għall-2023. L-ebda korrezzjoni finanzjarja ma tista’ tiġi imposta fl-għeluq, jekk il-livell ta’ prestazzjoni insuffiċjenti jkun ogħla minn 65 %.

91

Korrezzjonijiet finanzjarji ma jistgħux jiġu applikati wkoll f’każijiet ta’ prestazzjoni insuffiċjenti relatata mar-riżultati jew jekk in-nuqqas ta’ lħuq ta’ miri jkun dovut għal sett ta’ fatturi esterni ddefiniti fl-RDK, bħal fatturi soċjoekonomiċi jew ambjentali, bidliet sinifikanti fil-kundizzjonijiet ekonomiċi jew ambjentali fl-Istat Membru kkonċernat jew minħabba raġunijiet ta’ “force majeure”55. Il-fatturi esterni li ma jissemmewx speċifikament fil-leġiżlazzjoni għandhom jiġu analizzati fuq il-bażi ta’ każ b’każ u jistgħu jwasslu għal tnaqqis ta’ massimu ta’ 50 % fil-livell tal-korrezzjonijiet finanzjarji56. Biex il-livell ta’ impatt tal-fatturi esterni inkwistjoni jiġi vvalutat, ikun meħtieġ li jitwettqu evalwazzjonijiet.

92

Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji għandha tieħu inkunsiderazzjoni il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-livell ta’ assorbiment tal-programmi operazzjonali. Għal tal-ewwel, il-livell ta’ korrezzjoni jista’ jitnaqqas, mingħajr limitu predefinit, jekk jitqies li l-korrezzjoni finanzjarja tkun sproporzjonata. Għal tal-aħħar, il-leġiżlazzjoni tipprevedi li l-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu applikati biss għal prijoritajiet li r-rata ta’ ksib tal-outputs tagħhom tikkorrispondi għal inqas minn żewġ terzi tal-valuri fil-mira. Il-livell tal-korrezzjoni finanzjarja se jiġi stabbilit abbażi tal-koeffiċjent ta’ lħuq / ta’ assorbiment (ara l-Anness IV).

Il-kundizzjonijiet regolatorji għall-azzjonijiet korrettvi f’każijiet ta’ prestazzjoni insuffiċjenti huma restrittivi wisq
93

Kif diġà ġie osservat f’Rapport Speċjali preċedenti, matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni tista’ għall-ewwel darba timponi sospensjonijiet ta’ pagamenti u korrezzjonijiet finanzjarji f’każijiet fejn il-prestazzjoni tkun insuffiċjenti. Aħna nqisu li dan huwa l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba57. Madankollu, il-kundizzjonijiet regolatorji għall-invokazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet preventivi u korrettivi huma restrittivi wisq. Dan jagħmilha improbabbli ħafna li l-Kummissjoni qatt se tkun f’pożizzjoni li timponi sospensjoni ta’ pagament jew korrezzjoni finanzjarja f’każijiet ta’ prestazzjoni insuffiċjenti matul il-perjodu 2014-2020.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-kundizzjonalitajiet ex ante pprovdew qafas konsistenti biex jiġi vvalutat kemm l-Istati Membri kienu lesti li jimplimentaw il-politika ta’ Koeżjoni, iżda mhuwiex ċar kemm fil-fatt dan irriżulta f’bidliet fil-prattika

94

Il-kundizzjonalitajiet ex ante jirrikjedu li Stat Membru jissodisfa ċerti kundizzjonijiet qabel ma titnieda l-implimentazzjoni tal-programmi, jew inkella mhux aktar tard minn tmiem l-2016. Din hija innovazzjoni pożittiva fil-politika ta’ Koeżjoni.

95

Fi żmien l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali, l-Istati Membri qiesu li kważi żewġ terzi (65 %) tal-kundizzjonalitajiet ex ante tematiċi kienu ġew issodisfati. Madankollu, kien hemm differenzi sinifikanti f’dak li jirrigwarda l-Istati Membri u l-EACs. Pereżempju, 8 mid-29 EAC tematika kienu ġew issodisfati f’inqas minn nofs l-Istati Membri u 4 f’inqas minn kwart minnhom.

96

Ibbażat fuq data dwar il-monitoraġġ li nħarġet mill-Kummissjoni, sar ukoll progress bil-mod fl-ikkompletar tal-pjanijiet ta’ azzjoni adottati mill-Istati Membri għall-kundizzjonalitajiet ex ante mhux issodisfati, billi 380 mis-761 pjan ta’ azzjoni (50 %) kienu għadhom mhux ikkompletati sa Frar 2017. Dan naqas għal 8 %, skont id-data dwar il-monitoraġġ li nħarġet mill-Kummissjoni wara li rċeviet ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapporti ta’ progress f’Ġunju u f’Awwissu 2017, rispettivament. Sa Frar 2017, tliet Stati Membri biss kienu kkompletaw il-pjanijiet ta’ azzjoni kollha tagħhom (il-Finlandja, il-Latvja u l-Litwanja). Fl-istess ħin, kien hemm 10 Stati Membri (il-Bulgarija, Spanja, il-Greċja, il-Kroazja, l-Ungerija, l-Italja, is-Slovakkja, l-Irlanda, l-Iżvezja u l-Lussemburgu) li kienu kkompletaw inqas minn nofs il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom. Il-progress fit-twettiq tal-pjanijiet ta’ azzjoni relatati kollha mexa l-aktar bil-mod fil-każ tal-kundizzjonalitajiet ex ante li jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE u mar-regoli nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat li huma tnejn mis-sorsi prinċipali għal irregolaritajiet fil-politika ta’ Koeżjoni. Mil-lat pożittiv, aħna nistmaw li s-sehem tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni li huwa affettwat minn kundizzjonalitajiet ex ante tematiċi mhux issodisfati kien naqas minn massimu ta’ 57 % għal massimu ta’ 27 %. Skont il-Kummissjoni, sa nofs Settembru 2017, 11-il Stat Membru (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, l-Iżvezja, is-Slovenja u s-Slovakkja) kienu kkompletaw il-pjanijiet ta’ azzjoni kollha tagħhom.

97

Meta kienet qed tivvaluta l-kundizzjonalitajiet ex ante, il-Kummissjoni ma qisitx bis-sħiħ l-għarfien iġġenerat f’kuntesti oħra, bħas-Semestru Ewropew, l-informazzjoni miġbura mid-Direttorati Ġenerali tagħha jew permezz tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ proprji tagħha. Aħna sibna bosta eżempji ta’ valutazzjonijiet inkonsistenti li jistgħu jindikaw ukoll nuqqas ta’ rigorożità meta konna qed nivvalidaw l-awtovalutazzjoni mwettqa mill-Istati Membri, li ta’ spiss kienet pożittiva żżejjed u inkonsistenti. Parti mill-problema hija li l-kriterji speċifikati fl-RDK għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonalitajiet ex ante jkunux ġew issodisfati huma ta’ spiss ta’ natura ġenerika u, għaldaqstant, iħallu lok konsiderevoli għall-interpretazzjoni. B’mod partikolari, huma spiss ma jirreferux għal miri kwantifikabbli speċifiċi anke fejn miri ta’ dan it-tip setgħu ġew idderivati mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

98

Il-Kummissjoni ma ssospendietx il-pagamenti interim kollha jew parti minnhom, għalkemm xi Stati Membri naqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonalitajiet ex ante applikabbli. Kien hemm 13-il Stat Membru li imponew awtosospensjonijiet relatati ma’ prijoritajiet ta’ investiment magħżula, għal 78 programm operazzjonali, u dan kien jikkorrispondi għal madwar EUR 2.3 biljun ta’ finanzjament mill-FSE u madwar EUR 4.7 biljun ta’ finanzjament mill-FEŻR u mill-FK. Fl-istess ħin, għadd kbir ta’ pjanijiet ta’ azzjoni ma kinux ġew ivvalutati bħala ikkompletati u ħafna kundizzjonalitajiet ex ante ma kinux ġew issodisfati sa Frar 2017. L-Istati Membri kienu meħtieġa jippreżentaw ir-rapport ta’ progress u ta’ implimentazzjoni tagħhom dwar l-istatus tal-kundizzjonalitajiet ex ante sa nofs l-2017. Abbażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni tista’ timponi sospensjonijiet tal-pagamenti, iżda għadha ma għamlitx dan.

99

Inġenerali, l-Istati Membri li saritilhom żjara raw il-kundizzjonalitajiet ex ante bħala għodda utli għall-awtovalutazzjoni.

100

Madankollu, il-kundizzjonalitajiet ex ante jaqbdu biss is-sitwazzjoni speċifika fi żmien l-adozzjoni tal-programmi operazzjonali jew, għal dawk li ma tqisux li kienu ġew issodisfati, is-sitwazzjoni f’Diċembru 2016. L-RDK ma jirrikjedix li jsir segwitu tal-istatus tal-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2016. B’hekk se jkun diffiċli biex il-Kummissjoni tivvaluta jekk dawn, fil-fatt, għamlux differenza fil-prattika, meta tkun qed tħejji l-proposta leġiżlattiva għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ timponi korrezzjonijiet finanzjarji f’każijiet fejn l-EACs ma jkunux ġew issodisfati. L-effettività tal-kundizzjonalitajiet ex ante u l-impatt tagħhom fuq l-użu effettiv tal-fondi SIE matul il-perjodu ta’ programmazzjoni se jkunu jiddependu mis-sjieda tal-Istati Membri u mill-impenn tagħhom li jżommuhom u japplikawhom.

Ir-riżerva ta’ prestazzjoni ftit li xejn tipprovdi inċentiv biex il-programmi operazzjonali jkunu orjentati aħjar lejn ir-riżultati u mhuwiex probabbli li tirriżulta f’riallokazzjoni sinifikanti tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni għal programmi li jkollhom prestazzjoni aħjar

101

Riżerva ta’ prestazzjoni ġiet stabbilita f’299 minn 391 programm operazzjonali (76 %). L-analiżi tagħna kkonfermat li l-Istati Membri kienu allokaw madwar EUR 20 biljun minn total ta’ EUR 335 biljun li ngħataw f’finanzjament mill-UE fil-programmi operazzjonali tagħhom, għal dawn ir-riżervi ta’ prestazzjoni għall-perjodu 2014-2020. Dan l-ammont jikkorrispondi għal 6 % tal-allokazzjoni totali għall-FEŻR, l-FK u l-FSE taħt l-għan Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi minbarra r-riżorsi stipulati mill-RDK.

102

Meta mqabbel mal-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, il-qafas u r-riżerva ta’ prestazzjoni huma obbligatorji u jridu jiġu applikati għall-biċċa l-kbira mill-assi prijoritarji. Barra minn hekk, il-mekkaniżmi għall-allokazzjoni tagħha huma ċari mill-bidu nett u l-kriterji għall-allokazzjoni tagħha huma inferiti mil-loġika ta’ intervent fil-programmi u ġew iddefiniti fil-bidu. Din hija bidla pożittiva.

103

Ir-riżerva ta’ prestazzjoni tista’ tiġi allokata definittivament biss malli jintlaħqu l-istadji importanti speċifikati fil-qafas ta’ prestazzjoni tal-programmi operazzjonali. Madankollu, mhuwiex meħtieġ li l-valuri speċifikati għal kull wieħed minn dawn l-istadji importanti jinkisbu għalkollox sal-2018.

104

Jekk l-istadji importanti ma jiksbux dawn il-valuri minimi, l-analiżi tal-prestazzjoni tista’ tirriżulta f’riallokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni għall-assi prijoritarji li jkunu kisbu l-valuri għall-istadji importanti tagħhom f’dak li jirrigwarda l-outputs, il-passi ewlenin tal-implimentazzjoni u l-indikaturi finanzjarji u/jew, f’każ li jkun hemm nuqqas serju fil-ksib ta’ dawn il-valuri għall-istadji, tirriżulta f’sospensjoni tal-pagamenti. Madankollu, sospensjoni ta’ pagament matul l-implimentazzjoni tal-programmi ma tistax tiġi skattata min-nuqqas ta’ lħuq ta’ stadji importanti għall-indikaturi tar-riżultati. Kollox ma’ kollox, dawn l-arranġamenti jfissru li mhuwiex probabbli li r-riżerva ta’ prestazzjoni tirriżulta f’riallokazzjoni sinifikanti tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni għal programmi li jkollhom prestazzjoni aħjar.

105

Fi kwalunkwe każ, riallokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni tista’ ssir biss fil-livell nazzjonali: il-fondi jistgħu jiġu riallokati għal prijoritajiet fi ħdan PO jew għal prijoritajiet ta’ programmi operazzjonali oħra tal-istess Stat Membru. Għalhekk, ma hemmx periklu li l-Istati Membri jitilfu xi finanzjament mill-UE b’riżultat tal-analiżi tal-prestazzjoni li se ssir fl-2019.

106

Il-maġġoranza l-kbira tal-indikaturi li jikkostitwixxu l-bażi għall-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni huma relatati mal-output (57.1 %), mal-indikaturi finanzjarji (33.4 %) u mal-passi ewlenin tal-implimentazzjoni (9.2 %), filwaqt li l-użu tal-indikaturi tar-riżultati huwa marġinali (0.3 %). Dan juri li l-qafas ta’ prestazzjoni għall-perjodu 2014-2020 jibqa’ essenzjalment iffukat fuq l-infiq u fuq l-outputs tal-proġetti, iżda mhux fuq il-ksib ta’ riżultati.

107

Barra minn hekk, kull fejn jintużaw il-Passi Ewlenin tal-Implimentazzjoni (KIS) fil-qafas ta’ prestazzjoni, l-allokazzjoni definittiva tar-riżerva ta’ prestazzjoni essenzjalment jippremja l-abbiltà li tinbeda l-implimentazzjoni, u mhux il-prestazzjoni tal-interventi nfisha. Dawn il-passi ewlenin intużaw f’madwar wieħed minn ħamsa (22 %) tal-finanzjament mill-UE li huwa suġġett għal riżerva ta’ prestazzjoni.

108

Għal madwar kwart tal-indikaturi inklużi fil-qafas ta’ prestazzjoni tal-programmi operazzjonali li ġew eżaminati (28 %), aħna ma stajniex nikkonkludu dwar il-preċiżjoni tal-valur fil-mira għall-istadju importanti, jew minħabba li l-metodoloġija għall-kalkolu ma setgħetx tiġi vverifikata jew inkella ma kienx hemm spjegazzjoni ddettaljata dwar l-ispejjeż unitarji jew is-suppożizzjonijiet li saru. Aħna nqisu wkoll li madwar 18 % tal-istadji importanti u l-valuri fil-mira li jifdal mhumiex realistiċi u/jew ma jistgħux jintlaħqu/jinkisbu jew mhumiex ambizzjużi biżżejjed. Kollox ma’ kollox, dan ifisser li f’madwar 46 % tal-każijiet, għad hemm dubji dwar l-istadji importanti u/jew il-miri li ġew speċifikati għar-rilaxx tar-riżerva ta’ prestazzjoni

109

Fl-aħħar nett, matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni tista’ għall-ewwel darba timponi sospensjonijiet ta’ pagamenti u korrezzjonijiet finanzjarji f’każijiet fejn il-prestazzjoni tkun insuffiċjenti. Aħna nqisu li dan huwa l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, il-kundizzjonijiet regolatorji għall-invokazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet korrettivi huma restrittivi wisq. Dan jagħmilha improbabbli ħafna li l-Kummissjoni qatt se tkun f’pożizzjoni li timponi sospensjoni ta’ pagament jew korrezzjoni finanzjarja f’każijiet ta’ prestazzjoni insuffiċjenti matul il-perjodu 2014-2020.

Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna għall-perjodu ta’ wara l-2020

110

Aħna ma nemmnux li jkun kosteffiċjenti li jsiru bidliet regolatorji fir-rigward ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn l-istrumenti matul il-perjodu 2014-2020 attwali. Minkejja dan, aħna nħeġġu lill-Istati Membri biex jikkompletaw il-pjanijiet ta’ azzjoni maqbula u lill-Kummissjoni biex tivvalutahom, kif ukoll biex ikomplu jissodisfaw il-kundizzjonalitajiet ex ante kollha. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar ir-riżerva ta’ prestazzjoni jintużaw kemm huwa possibbli biex jiġi evitat li jkun hemm ħela ta’ flus.

111

Għalhekk, ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jikkonċernaw il-perjodu ta’ wara l-2020, li matulu jenħtieġ li ż-żewġ strumenti, jekk jinżammu, jiġu rinfurzati biex b’hekk ikun aktar probabbli li jikkontribwixxu għal użu aktar effettiv tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni.

Rakkomandazzjoni 1- Jiġu żviluppati aktar il-kundizzjonalitajiet ex ante għall-perjodu ta’ wara l-2020

Għall-proposta leġiżlattiva tagħha għall-perjodu ta’ wara l-2020, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-kundizzjonalitajiet ex ante bħala strument biex jiġi vvalutat kemm l-Istati Membri huma lesti li jimplimentaw il-fondi tal-UE, u b’mod partikolari:

  1. tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza u l-utilità ta’ kull waħda mill-kundizzjonalitajiet ex ante għall-perjodu 2014-2020, telimina d-duplikazzjonijiet u żżomm biss dawk li jistgħu jkollhom impatt ġenwin fuq l-ilħuq effettiv tal-objettivi ta’ politika;
  2. tiżgura l-konsistenza tal-kundizzjonalitajiet ex ante għall-perjodu ta’ wara l-2020 mas-Semestru Ewropew;
  3. tistabbilixxi kriterji ċari ta’ valutazzjoni b’miri li jistgħu jitkejlu, kull fejn ikun fattibbli, biex tiżgura li jkun hemm fehim komuni ta’ x’jeħtieġ jinkiseb; u
  4. tirrikjedi l-issodisfar u l-applikazzjoni ta’ kundizzjonalitajiet ex ante matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, u tagħti segwitu għal dan filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-piż amministrattiv potenzjali.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta jkunu qed jitħejjew il-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020.

Rakkomandazzjoni 2- Titqies il-possibbiltà li, għall-perjodu ta’ wara l-2020, ir-riżerva ta’ prestazzjoni tinbidel fi strument aktar orjentat lejn ir-riżultati

Għall-proposta leġiżlattiva tagħha għall-perjodu ta’ wara l-2020, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa r-riżerva ta’ prestazzjoni fi strument aktar orjentat lejn ir-riżultati li jalloka l-fondi għal dawk il-programmi li jkunu kisbu riżultati tajbin, u b’mod partikolari tqis jekk jenħtieġx li tipproponi li

  1. ibbażat fuq it-tagħlimiet meħuda, ir-riżerva ta’ prestazzjoni tiġi żviluppata ulterjorment fi strument aħjar li jkun jippromwovi u jippremja aħjar il-prestazzjoni tajba, fejn ikun jeħtieġ li l-programmi operazzjonali juru xi jkun intenzjonat li jiksbu bil-finanzjament addizzjonali;
  2. isir aktar użu minn indikaturi tar-riżultati immedjati, u li l-passi ewlenin tal-implimentazzjoni jinbidlu f’għodod li jkunu juru aħjar il-prestazzjoni reali tal-interventi tal-infrastruttura fuq terminu twil, meta tkun qed issir valutazzjoni tal-prestazzjoni; u
  3. il-kundizzjonijiet għas-sospensjonijiet tal-pagamenti u għall-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu riveduti sabiex sitwazzjonijiet ta’ prestazzjoni insuffiċjenti jkunu jistgħu jiġu indirizzati aktar faċilment, fi stadju aktar bikri, bil-ħsieb li jkomplu jiżdiedu l-inċentivi biex il-fondi jiġu implimentati sew.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta jkunu qed jitħejjew il-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Anness

Anness I

Kundizzjonalitajiet ex ante tematiċi u ġenerali

Objettiv tematiku EAC tematika Strateġika Regolatorja Kapaċità amministrattiva/istituzzjonali Miżuri/ strumenti
OT 1 - Tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni EAC 1.1. Riċerka u innovazzjoni: L-eżistenza ta’ strateġija nazzjonali jew reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti f’konformità mal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali, biex tiġi sfruttata n-nefqa privata fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li tikkonforma mal-karatteristiċi ta’ sistemi ta’ R&I nazzjonali jew reġjonali bi prestazzjoni tajba. X      
EAC 1.2. Infrastruttura tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-eżistenza ta’ pjan pluriennali għall-ibbaġitjar u l-prijoritizzazzjoni ta’ investimenti. X      
OT 2 - Tisħiħ tal-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) (Mira tal-broadband), u l-użu u l-kwalità tagħhom EAC 2.1. Tkabbir diġitali: Qafas ta’ politika strateġika għat-tkabbir diġitali biex jiġu stimulati servizzi privati u pubbliċi li jintlaħqu mill-but ta’ kulħadd, ta’ kwalità tajba u interoperabbli, megħjuna mill-ICT u biex ikun hemm żieda fl-għażla tagħhom miċ-ċittadini, inklużi gruppi vulnerabbli, negozji u amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll inizjattivi transkonfinali. X   X  
EAC 2.2. Infrastruttura tan-Netwerk tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGN): L-eżistenza ta’ Pjanijiet nazzjonali jew reġjonali ta’ NGN li jqisu l-azzjonijiet reġjonali sabiex jilħqu l-miri tal-Unjoni għal aċċess għall-Internet b’veloċità għolja, li jiffukaw fuq iż-żoni fejn is-suq jonqos milli jipprovdi infrastruttura miftuħa bi prezz li jintlaħaq mill-but ta’ kulħadd u ta’ kwalità b’konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, u biex jipprovdu servizzi aċċessibbli għal gruppi vulnerabbli. X      
OT 3 - Tisħiħ tal-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) EAC 3.1. Twettqu azzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi appoġġata l-promozzjoni tal-intraprenditorija filwaqt li ġie kkunsidrat l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA).       X
OT 4 - Appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju fis-setturi kollha EAC 4.1. Twettqu azzjonijiet biex jiġi promoss titjib kosteffettiv tal-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u investiment kosteffettiv fl-effiċjenza enerġetika fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini.   X    
EAC 4.2. Twettqu azzjonijiet sabiex tiġi promossa l-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja ta’ sħana u elettriku.   X    
EAC 4.3. Twettqu azzjonijiet biex jippromwovu l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. X X    
OT 5 - Promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji EAC 5.1. Prevenzjoni tar-riskju u ġestjoni tal-kriżi: l-eżistenza ta’ valutazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali tar-riskju għall-ġestjoni tad-diżastri, li jqisu l-adattament għat-tibdil fil-klima X      
OT 6. Preservazzjoni u ħarsien tal-ambjent u promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi EAC 6.1. Is-settur tal-ilma: L-eżistenza ta’ (a) politika tal-ipprezzar tal-ilma li tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi tal-ilma b’mod effiċjenti u (b) kontribuzzjoni adegwata tal-użu differenti tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, b’rata stabbilita fil-pjan ta’ ġestjoni tal-baċir tax-xmara approvat għal investiment appoġġat mill-programmi. X X    
EAC 6.2. Is-settur tal-iskart: il-promozzjoni ta’ investimenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli fis-settur tal-iskart b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ pjanijiet tal-ġestjoni tal-iskart konsistenti mad-Direttiva 2008/98/KE, u mal-ġerarkija tal-iskart. X X    
OT 7. Promozzjoni ta’ trasport sostenibbli u t-tneħħija ta’ ostakoli fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin EAC 7.1. Trasport: L-eżistenza ta’ pjan jew pjanijiet jew qafas jew oqfsa komprensivi għall-investiment fit-trasport skont l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Istati Membri (inkluż it-trasport pubbliku fil-livell reġjonali u lokali) li tappoġġa l-iżvilupp tal-infrastruttura u ttejjeb il-konnettività man-netwerks komprensivi u ċentrali tat-TEN-T. X   X  
EAC 7.2. Ferrovija: L-eżistenza fil-pjan jew pjanijiet jew qafas jew oqfsa komprensivi tat-trasport ta’ sezzjoni speċifika dwar l-iżvilupp tal-ferrovija skont l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Istati Membri (inkluża dik li tikkonċerna t-trasport pubbliku fil-livell reġjonali u lokali) li tappoġġa l-iżvilupp tal-infrastruttura u ttejjeb il-konnettività man-netwerks komprensivi u ċentrali tat-TEN-T. L-investimenti jkopru assi mobbli u l-interoperabilità u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet. X   X  
EAC 7.3. Mezzi oħra tat-trasport, inklużi passaġġi tal-ilma interni u trasport marittimu, portijiet, konnessjonijiet multimodali u infrastruttura tal-ajruporti: l-eżistenza fil-pjan jew pjanijiet jew qafas jew oqfsa komprensiv(i) ta’ sezzjoni speċifika dwar passaġġi tal-ilma interni u trasport marittimu, portijiet, konnessjonijiet multimodali u infrastruttura tal-ajruporti, li jikkontribwixxu għat-titjib tal-konnettività man-netwerks komprensivi u ċentrali tat-TEN-T u għall-promozzjoni tal-mobbiltà reġjonali u lokali sostenibbli. X   X  
EAC 7.4 L-Iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni, tal-ħżin u tat-trażmissjoni tal-enerġija. X X    
OT 8. Promozzjoni tal-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u l-appoġġ għall-mobbiltà tax-xogħol EAC 8.1. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol jiġu mfassla u mwassla fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi.     X  
EAC 8.2. Impjieg indipendenti, intraprenditorija u ħolqien tan-negozju: l-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika biex wieħed jibda negozju b’mod inklużiv. X      
EAC 8.3. Modernizzazzjoni u tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi.     X  
EAC 8.4. Tixjiħ attiv u fis-saħħa: Il-politiki dwar tixjiħ attiv huma mfassla fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi.       X
EAC 8.5. L-adattament ta’ ħaddiema, impriżi u intraprendituri għall-bidla: L-eżistenza ta’ politiki bl-għan li jiffavorixxu l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tajba tal-bidla u r-ristrutturar.       X
EAC 8.6. L-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika għall-promozzjoni tal-impjieg għaż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. X      
OT 9. Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kull diskriminazzjoni EAC 9.1. L-eżistenza u l-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ politika strateġika nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar bil-għan tal-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. X      
EAC 9.2. L-eżistenza ta’ qafas [ta’ politka] strateġika nazzjonali għall-inklużjoni tar-Roma. X      
EAC 9.3. Is-saħħa: L-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika nazzjonali jew reġjonali għas-saħħa fil-limiti tal-Artikolu 168 tat-TFUE li tiżgura sostenibbiltà ekonomika. X      
OT 10. Investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ, u t-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja EAC 10.1. Tluq bikri mill-iskola: L-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika biex jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola (ESL) fil-limiti tal-Artikolu 165 tat-TFUE. X      
EAC 10.2. Edukazzjoni għolja: l-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika nazzjonali jew reġjonali biex jiżdiedu l-kisbiet, il-kwalità u l-effiċjenza fl-edukazzjoni terzjarja fil-limiti tal-Artikolu 165 tat-TFUE. X      
EAC 10.3. It-tagħlim tul il-ħajja (LL): L-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika nazzjonali u/jew reġjonali għat-tagħlim tul il-ħajja fil-limiti tal-Artikolu 165 tat-TFUE. X      
EAC 10.4. L-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika nazzjonali jew reġjonali biex jiżdiedu l-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ETV fil-limiti tal-Artikolu 165 tat-TFUE. X      
OT 11. Tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti EAC 11. L-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika għat-tisħiħ tal-effiċjenza amministrattiva tal-Istat Membru inkluża r-riforma amministrattiva pubblika. X   X  
Oqsma tal-EACs ġenerali
1. Nuqqas ta’ diskriminazzjoni
2. Sessi
3. Diżabbiltà
4. Akkwist pubbliku
5. Għajnuna mill-Istat
6. Leġiżlazzjoni ambjentali relatata mal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) u l-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika
7. Sistemi ta’ statistika u indikaturi tar-riżultati

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-RDK u l-gwida interna tal-Kummissjoni dwar kundizzjonalitajiet ex ante għall-fondi SIE.

Anness II

Analiżi tat-tliet tipi prinċipali ta’ kundizzjonalitajiet ex ante tematiċi

EACs strateġiċi
1

Il-maġġoranza tal-EACs tematiċi (22 minn 29) jikkonċernaw l-eżistenza jew l-adozzjoni ta’ qafas strateġiku, ta’ strateġija jew ta’ pjan fuq terminu twil. Dawn l-EACs jista’ jkollhom bosta skopijiet. Pereżempju, huma mistennija jipprevedu koordinazzjoni aħjar tal-interventi pubbliċi fl-Istati Membri u għal sinerġiji bejn il-finanzjament nazzjonali u dak mill-UE. Huma meħtieġa wkoll li jgħinu biex il-fondi tal-UE jkunu kkonċentrati fuq il-ħtiġijiet l-aktar importanti, u għaldaqstant biex tiġi evitata l-ħela (ara l-Kaxxa).

Kaxxa

Eżempju ta’ EAC strateġika

L-EAC 2.2. “Infrastruttura tan-Netwerk tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGN): L-eżistenza ta’ Pjanijiet nazzjonali jew reġjonali ta’ NGN” tappoġġa l-objettiv tal-UE li tipprovdi internet b’veloċità aktar għolja lill-Ewropej kollha. Hija tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu pjan għal investiment fl-infrastruttura tal-broadband ibbażat fuq analiżi ekonomika soda. Il-pjanijiet huma meħtieġa jidentifikaw żoni li jkunu kummerċjalment vijabbli (eż. żoni b’densità ogħla ta’ popolazzjoni u b’domanda akbar) fejn jeħtieġ li l-investimenti jiġu primarjament minn investituri fis-settur privat u dawk bi profittabbiltà baxxa li jkunu jirrikjedu li jsiru kontribuzzjonijiet pubbliċi, inklużi dawk mill-fondi SIE.

2

Għal 18 minn dawn it-22 EAC ma hemm l-ebda dispożizzjoni regolatorja espliċita li tistipula fid-dettall kif l-istrateġiji jridu jiġu ddefiniti, liema entitajiet għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u kif inhu meħtieġ li dawn jiġu mmonitorjati (ara l-Anness I). Għall-erbgħa EACs li jifdal, dawn l-aspetti huma stipulati f’Direttivi u Regolamenti. Ir-rekwiżiti għall-istrateġiji msemmija f’dawn l-EACs huma speċifikati fl-RDK u jvarjaw fl-ambitu.

3

L-impatt tal-EACs strateġiċi fuq l-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni se jkun jiddependi mill-kwalità ta’ dawn il-pjanijiet jew strateġiji fuq terminu twil, mill-allinjament tagħhom mal-programmi operazzjonali u mis-sjieda u l-impenn tal-Istati Membri. Issodisfar mekkaniku u konformità mal-kriterji ssettjati għall-EACs korrispondenti fl-RDK, ċertament mhumiex se jkunu biżżejjed biex jinkisbu riżultati aħjar.

EACs li jikkonċernaw il-kapaċità amministrattiva u dik istituzzjonali
4

Il-kapaċità amministrattiva u dik istituzzjonali tal-awtoritajiet ta’ Stat Membru hija fattur ewlieni biex jiġi żgurat li jsir użu effettiv mill-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni. Mid-29 EAC tematika, 7 jirrikjedu miżuri li jiżguraw jew itejbu din il-kapaċità ta’ implimentazzjoni tal-politika (prinċipalment fil-qasam ta’ Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (OT2), Trasport (OT7), Impjieg (OT8) u amministrazzjoni pubblika inġenerali (OT11). Aħna sibna li l-kriterji speċifikati fl-RDK għall-valutazzjoni ta’ kemm dawn l-EACs ġew issodisfati kienu ambigwi, u dan iħalli livell għoli ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-awtovalutazzjoni tagħhom.

EACs regolatorji
5

Mid-29 EAC tematika, 6 huma EACs regolatorji. Fil-biċċa l-kbira, dawn huma relatati mal-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u s-settur tal-ilma u tal-iskart:

  • EAC 4.1 dwar Promozzjoni ta’ investimenti “fl-effiċjenza enerġetika fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini” li tirrigwarda d-Direttivi 2006/32/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE;
  • EAC 4.2 dwar Promozzjoni ta’ “koġenerazzjoni [effiċjenti] ta’ sħana u elettriku” li tirrigwarda d-Direttiva 2004/8/KE;
  • EAC 4.3 dwar Promozzjoni “tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli” li tirrigwarda d-Direttiva 2009/28/KE;
  • EAC 7.4 dwar “Żvilupp ta’ sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni, tal-ħżin u tat-trażmissjoni tal-enerġija” li tirrigwarda d-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 714/2009, ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 u r-Regolament (UE) Nru 347/2013;
  • EAC 6.1 dwar “Is-settur tal-ilma: L-eżistenza ta’ politika tal-ipprezzar tal-ilma” li tirrigwarda d-Direttiva 2000/60/KE; u
  • EAC 6.2 dwar “Is-settur tal-iskart: Il-promozzjoni ta’ investimenti ekonomikament u ambjentalment sostenibbli fis-settur tal-iskart” li tirrigwarda d-Direttiva 2008/98/KE.
6

L-analiżi tagħna wriet li hemm rabta ċara bejn l-EACs regolatorji u t-traspożizzjoni tad-Direttivi fil-liġi nazzjonali. Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-EACs regolatorji huma wkoll legalment vinkolanti. Għalhekk huwa probabbli ħafna li dawn l-EACs, jekk jiġu implimentati b’mod adegwat, ikollhom impatt li jista’ jitkejjel fuq l-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni kif ukoll fuq il-vijabbiltà finanzjarja tal-investimenti appoġġati (ara l-Kaxxa).

Kaxxa

Eżempji ta’ EACs regolatorji

L-EAC 4.1 tirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovu “titjib kosteffettiv tal-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u investiment kosteffettiv fl-effiċjenza enerġetika fil-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini”. Dawn l-azzjonijiet huma mistennija jistimulaw lill-atturi tas-suq biex jixtru servizzi ta’ enerġija u jieħdu miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika. Dawn l-attivitajiet huma appoġġati mill-fondi SIE. Għalhekk, din l-EAC tistimula d-domanda għal interventi kofinanzjati mill-UE.

L-EAC 6.1 tirrikjedi politika tal-ipprezzar tal-ilma li (a) tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi tal-ilma b’mod effiċjenti u (b) kontribuzzjoni adegwata tal-użu differenti tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma1. Huwa meħtieġ li l-kontribuzzjoni inkwistjoni tittieħed inkunsiderazzjoni meta tkun qed tiġi ddeterminata d-diskrepanza fil-finanzjament, jiġifieri d-differenza bejn l-ispejjeż totali tal-investiment u l-kontribuzzjoni nazzjonali li tista’ tiġi kofinanzjata mill-UE. Fi kliem ieħor, l-UE tikkofinanzja biss il-parti tal-investimenti li ma tistax tiġi koperta permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-utenti tal-infrastrutturi tal-ilma2.

Anness III

Konsistenza tal-istadji importanti u l-miri tal-indikaturi tal-qafas ta’ prestazzjoni mal-Anness II tal-RDK (għal kull assi prijoritarju)1 għall-14-il programm operazzjonali eżaminati fir-rigward tal-OT1 u l-OT8

    Fond Indikaturi Total
    FEŻR / FK FSE Indikaturi tal-output u KIS Indikaturi finanzjarji
Għadd totali ta’ stadji importanti u ta’ miri għal kull assi prijoritarju 60 68 81 47 128
li minnhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a.1) Realistiċi u li jistgħu jintlaħqu
  • Realistiċi u li jistgħu jintlaħqu
25
(42 %)
44
(65 %)
33
(41 %)
36
(77 %)
69
(54 %)
  • Informazzjoni insuffiċjenti biex tintlaħaq konklużjoni
24
(40 %)
12
(18 %)
33
(41 %)
3
(6 %)
36
(28 %)
  • Mhumiex realistiċi u/jew ma jistgħux jintlaħqu
11
(18 %)
12
(18 %)
15
(19 %)
8
(17 %)
23
(18 %)
(a.2) Rilevanti u li jħaddnu fihom l-informazzjoni essenzjali dwar il-progress li jkun sar fi prijorità waħda 60
(100 %)
68
(100 %)
81
(100 %)
47
(100 %)
128
(100 %)
(b) Konsistenti man-natura u l-karatteristiki tal-għanijiet speċifiċi tal-prijorità 60
(100 %)
68
(100 %)
81
(100 %)
47
(100 %)
128
(100 %)
(c) Trasparenti, b’objettivi (miri) oġġettivament verifikabbli u fejn id-data tas-sors li tkun ġiet identifikata tkun, fejn possibbli, disponibbli pubblikament
  • Data tas-sors identifikata
60
(100 %)
68
(100 %)
81
(100 %)
47
(100 %)
128
(100 %)
  • Objettivi (miri) oġġettivament verifikabbli
36
(60 %)
56
(82 %)
48
(60 %)
44
(94 %)
92
(72 %)
(d) Verifikabbli, mingħajr ma jiġi impost piż amministrattiv sproporzjonat Għall-indikaturi kollha fil-kampjun, is-sors tad-data huwa s-sistema ta’ statistika żviluppata mill-Istati Membri. Għalhekk, il-piż amministrattiv li l-verifikazzjoni tal-istadji importanti u l-miri tista’ tinvolvi huwa relatat direttament mat-tfassil ta’ dawk is-sistemi li l-proċeduri tagħhom ma ġewx analizzati.
(e) Konsistenti matul il-programmi, fejn xieraq Għall-indikaturi tal-output u l-KIS, dan seta’ jiġi kkonfermat biss għal indikatur wieħed; fil-każijiet l-oħra kollha, intużaw indikaturi differenti. Minkejja dan, aħna nosservaw li l-istadji importanti u l-miri kienu biss maqsumin, skont is-sess, fi tnejn mis-sitt programmi operazzjonali eżaminati li bbenefikaw minn kofinanzjament mill-FSE. Il-bażi legali tħalli f’idejn l-Istati Membri biex iqassmu l-istadji importanti skont is-sess2.

1Iċ-ċifri ppreżentati jikkorrispondu għall-għadd ta’ drabi li indikatur jintuża fil-qafas ta’ prestazzjoni, jiġifieri, jingħaddu għal kull assi prijoritarju.

2Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 288/2014, l-Anness I, it-Tabella 6.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-programmi operazzjonali u informazzjoni komplementari pprovduta mill-Istati Membri.

Anness IV

Regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-ilħuq tal-istadji importanti u tal-miri

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq analiżi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014 u tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju Eżekuttiv

IV

Fir-rigward tat-tibdil fuq l-art ikkawżat minn kundizzjonalitajiet ex ante, is-sempliċi fatt li jiġu imposti kundizzjonijiet minimi li ma kienux jeżistu f’xi oqfsa tal-politika tal-koeżjoni ta’ qabel, għandu jtejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-infiq.

Il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tevalwa l-impatt finali tal-kondizzjonalitajiet ex ante wara li jiġu implimentati l-proġetti/programmi.

Skont is-CPR, il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti għan-nuqqas ta’ tlestija tal-pjan ta’ azzjoni biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonalitajiet ex ante b’segwitu għar-rappurtar mill-Istati Membri dwar it-twettiq tagħhom fir-rapporti annwali tal-implimentazzjoni (sat-30 ta’ Ġunju 2017) jew ir-rapporti ta’ progress (sat-30 ta’ Awwissu 2017).

Il-Kummissjoni qed tippjana li tlesti l-valutazzjoni tagħha fil-ħarifa tal-2017. F’nofs Settembru il-baġit affettwat min-nuqqas ta’ tlestija tal-pjanijiet ta’ azzjoni kien madwar 12 % tal-finanzjament tal-Koeżjoni.

V

Il-Qafas ta’ prestazzjoni u riżerva ta’ prestazzjoni ġew stabbiliti biex jappoġġjaw l-enfasi fuq il-prestazzjoni u l-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huma ma tfasslux biex iwasslu għal riallokazzjoni sinifikanti tan-nefqa tal-Koeżjoni. Madankollu, jekk il-programmi jonqsu milli jiksbu l-għanijiet stabbiliti fil-qafas tal-prestazzjoni, ir-riżerva għall-prestazzjoni tista’ tiġi riallokata għal programmi oħra, bi prestazzjoni aħjar. Barra minn hekk, il-qafas ta’ prestazzjoni huwa biss wieħed minn diversi elementi tal-orjentazzjoni lejn ir-riżultati. Il-maġġoranza tal-indikaturi użati għall-allokazzjoni tar-riżerva tal-prestazzjoni huma indikaturi tal-output, minħabba li ma jkunx ġust li jiġi ppremjat jew ikkastigat il-programm għal riżultati influwenzati minn fatturi esterni li mhumiex fil-kontroll tal-awtorità tal-ġestjoni tal-programm. Madankollu, jekk il-loġika tal-intervent tal-programm tkun imfassla tajjeb, it-twassil ta’ outputs speċifiċi għandu jikkontribwixxi lejn il-kisba tal-objettivi f’termini ta’ riżultati.

VI

Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza r-rapporti dwar it-tlestija tal-pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonalitajiet ex ante, mibgħuta mill-Istati Membri fil-qafas tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapporti ta’ progress.

Id-dispożizzjonijiet regolatorji dwar ir-rieżami tal-prestazzjoni u r-riallokazzjoni tar-riżerva tal-prestazzjoni huma preċiżament imfassla sabiex jikkontribwixxu għal prestazzjoni u għalhekk tiġi evitata l-ħela u l-użu ineffettiv tar-riżorsi.

VII

F’dan l-istadju l-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tidħol għal impenji speċifiċi b’rabta mal-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020.

Ir-Rakkomandazzjoni 1:

F’dan l-istadju l-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tidħol għal impenji speċifiċi b’rabta mal-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020.

(a) Bil-kundizzjoni li jinżammu l-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2020, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sustanza.

(b) Bil-kundizzjoni li jinżammu l-kundizzjonalitajiet ex ante għal wara l-2020, u b’kont meħud tad-dettalji ta’ kull proċess, il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni. Madankollu, hija ser tistinka biex tiżgura l-konsistenza.

(c) Bil-kundizzjoni li jinżammu l-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2020, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sustanza.

(d) Bil-kundizzjoni li jinżammu l-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2020, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sustanza.

Ir-Rakkomandazzjoni 2:

F’dan l-istadju l-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tidħol għal impenji speċifiċi b’rabta mal-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020.

Bil-kundizzjoni li jinżammu il-qafas tal-prestazzjoni u r-riżerva għal wara l-2020, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sustanza.

(c) Il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan ewlieni tagħha huwa li tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Fondi kif suppost u għalhekk, biex tiġi evitata prestazzjoni insuffiċjenti. Il-Kummissjoni se tkompli tistinka biex tkompli tilħaq dan l-objettiv, jiġifieri billi tipprovdi gwida, kompetenza teknika, possibbiltajiet għad-diskussjoni u l-iskambju tal-esperjenzi, eċċ.

Is-sospensjonijiet tal-pagamenti u l-korrezzjonijiet finanzjarji huma azzjonijiet li għandhom jittieħdu biss meta l-isforzi l-oħra kollha jkunu fallew. Il-Kummissjoni se tirrieżamina u se tkompli tuża dawn l-azzjonijiet anki fil-futur, iżda kemm jista’ jkun tiffoka l-isforzi tagħha fit-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni.

Introduzzjoni

18

Pass ewlieni ta’ implimentazzjoni huwa stadju importanti fl-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet taħt prijorità, li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-miri stabbiliti għall-2023. It-tlestija tiegħu issir verifikabbli u tista’ tiġi espressa b’numru jew perċentwal.

Osservazzjonijiet

29

L-Istati Membri jistgħu jirrapportaw dwar it-twettiq tal-EACs sa Ġunju 2017 fil-qafas tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u sa Awwissu 2017 fil-qafas tar-rapporti tal-progress.

Il-Kummissjoni qed tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha ta’ pjanijiet ta’ azzjoni li fadal fil-ħarifa tal-2017.

32

Il-Kummissjoni tfakkar li ma hemm l-ebda obbligu legali għall-Istati Membri biex jirrapportaw qabel Ġunju/Awwissu 2017.

34

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-EAC ġenerali 4 u 5 u l-EAC 8.1 u 8.3, il-parti l-kbira tal-EAC ġew meqjusa bħala li ġew issodisfati fiż-żmien tal-adozzjoni PA/OP:

  • 15 minn 27 Stat Membru li qiesu l-EAC 4 kif applikabbli kkunsidrawha bħala adozzjoni ssodisfata;
  • 22 minn 27 Stat Membru li qiesu l-EAC 5 kif applikabbli kkunsidrawha bħala adozzjoni ssodisfata;
  • 22 minn 27 Stat Membru li qiesu l-EAC 8.1 kif applikabbli kkunsidrawha bħala adozzjoni ssodisfata;
  • 9 minn 14-il Stat Membru li qiesu l-EAC 8.3 kif applikabbli kkunsidrawha bħala adozzjoni ssodisfata;

Is-servizzi tal-Kummissjoni analizzaw l-awtoevalwazzjonijiet tal-Istati Membri. Dawn ġew diskussi mal-Istati Membri.

35

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 32.

37

Kull kundizzjonalità tematika ex-ante hija marbuta ma’ prijorità ta’ investiment speċifiku fi ħdan l-Objettiv Tematiku. Mhux kull prijorità ta’ investiment għandha l-kundizzjonalità ex ante tagħha.

Ladarba l-Kummissjoni tkun lestiet il-valutazzjoni tagħha, hija tkun f’pożizzjoni li tipprovdi analiżi komprensiva ta’ sehem ta’ Fondi koperti bil-pjanijiet ta’ azzjoni li ma tlestewx.

39

Kif imsemmi mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 59 hawn taħt, il-kondizzjonalitajiet ex ante introduċew rekwiżiti minimi u kundizzjonijiet li ma kinux jeżistu f’xi wieħed mill-oqfsa leġiżlattivi preċedenti tal-politika ta’ koeżjoni. Għalkemm l-impatt ex ante jista’ jiġi vvalutat biss fi tmiem il-perjodu tal-programm, il-Kummissjoni tistenna li s-sempliċi fatt li jiġu imposti kundizzjonijiet minimi għandu jtejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-infiq. Madankollu, dan ma jfissirx li l-kundizzjonijiet ma setgħux ikunu aktar rigorużi u ambizzjużi – kif kien propost mill-Kummissjoni (COM(2011)615).

41

Il-Kummissjoni tenfasizza li din il-gwida hija dokument intern għall-persunal tagħha dwar kif għandu jiġi interpretat kull kriterju li joħoroġ mis-CPR sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-valutazzjoni tal-kondizzjonalitajiet ex ante fl-Istati Membri kollha. L-analiżi mis-servizzi tal-Kummissjoni tal-awtovalutazzjonijiet tal-Istati Membri twettqet f’konformità mal-gwida tal-Kummissjoni li naqqset b’mod sinifikanti l-lok għal interpretazzjoni.

47

Il-Kummissjoni tqis li l-kriterji msemmija għal żewġ kundizzjonijiet ex ante li huma marbuta ma’ żewġ prijoritajiet ta’ investiment differenti (waħda li tappoġġja t-twettiq ta’ politiki attivi fis-suq tax-xogħol (ALMPs — Active Labour Market Policies) li tissodisfa ċerti kundizzjonijiet minimi u l-prijorità ta’ investiment l-oħra li tappoġġja r-riformi bl-għan li jinkisbu dawn l-ALMPs), li ma jeskludux lil xulxin. Dan jista’ jkun il-każ biss jekk ikun impossibbli li jsir aktar titjib tal-ALMPs li jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi ddefiniti mill-EAC 8.1 u ma għandhomx ikunu appoġġjati mill-Unjoni.

48

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu jivvalutaw il-kriterji għall-EAC 8.1 bħala ssodisfati u jużaw il-finanzjament tal-UE taħt il-prijorità ta’ investiment relatat mal-EAC 8.3 biex jiġu żviluppati aktar il-kapaċitajiet tagħhom biex iwettqu dawn is-servizzi għar-raġunijiet li ġejjin:

  • Stat Membru jista’ jwettaq l-EAC 8.1 permezz ta’ investimenti u miżuri ta’ riforma adottati taħt il-prijorità ta’ investiment li għalihom japplika l-EAC 8.3.
  • Stat Membru li diġà jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi tal-EAC 8.1 jista’ jkun għad irid itejjeb il-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi tiegħu billi jinvesti fil-prijorità għall-investiment dwar ir-riforma tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, pereżempju biex isegwi l-osservazzjonijiet magħmula fir-rapport tal-pajjiż. Il-fatt li Stat Membru jissodisfa l-kundizzjonijiet minimi ma jistax jipprekludi lil dan l-Istat Membru biex itejjeb aktar l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol tiegħu u s-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jindikaw il-bżonn li jsir xogħol aħjar.
52

Il-Kummissjoni tuża l-għarfien iġġenerat f’żoni oħrajn jew f’eżerċizzji kkoordinati bħas-Semestru Ewropew fix-xogħol ta’ kuljum tagħha fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi.

Il-valutazzjoni ta’ twettiq mill-Istat Membru u l-Kummissjoni hija limitata għall-kriterji stabbiliti fl-Anness XI tas-CPR, jiġifieri l-kondizzjonalitajiet ex ante għandhom ikopru biss kwistjonijiet strettament relatati mal-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika ma ppermettietx li l-Kummissjoni tikkoordina l-valutazzjoni tal-kundizzjonalità ex ante b’mod sħiħ fis-Semestru Ewropew u sorsi oħra ta’ informazzjoni.

53

Il-kondizzjonalitajiet ex ante huma rekwiżiti minimi. L-issodisfar tagħhom jista’ jiġi vvalutat biss fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness XI tas-CPR kif mitlub mill-Artikolu 19(3) Il-proċess tas-Semestru Ewropew huwa bbażat fuq qafas differenti. L-issodisfar tal-kondizzjonalità ex-ante ma jfissirx li t-titjib ulterjuri mhuwiex possibbli jew saħansitra neċessarju minn perspettiva ta’ politika. Dan jispjega wkoll għaliex huwa possibbli li l-EAC 8.1 tkun evalwata bħala ssodisfata (peress li ntlaħqu l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti permezz tal-Anness XI tas-CPR), filwaqt li l-Istati Membri għad iridu jew huma rakkomandati (fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew) biex itejbu iktar it-twettiq tal-ALPMs billi jagħmlu investimenti taħt il-prijorità tal-investiment li magħhom hija marbuta l-EAC 8.3.

Kaxxa 2 — Inkonsistenzi bejn il-kondizzjonalitajiet ex ante u r-rapporti speċifiċi għall-pajjiż fl-evalwazzjoni tat-twettiq tal-Istati Membri tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol — eżempji mill-Polonja, Spanja u l-Kroazja

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġiba tagħha fil-paragrafu 53.

55

Ir-referenza għar-Rapport Speċjali 24/2016 hija msejsa fuq ir-riżultanzi tal-iskemi tal-għajnuna mill-Istat immonitorjati minn DĠ COMP. Il-monitoraġġ ex post huwa msejjes fuq il-kampjuni u ma jinvolvix bħala neċessità finanzjament mill-fondi ESI. Is-servizzi tal-Kummissjoni analizzaw l-awtoevalwazzjonijiet tal-Istati Membri. Dawn ġew diskussi mal-Istati Membri.

Il-kundizzjonalità ex-ante tal-għajnuna mill-Istat tirrikjedi li jkunu fis-seħħ il-kundizzjonijiet ta’ qafas bażiċi għall-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi. Rigward il-kwalità tal-konformità, wieħed għandu jinnota li skont is-CPR "il-valutazzjoni tal-issodisfar mill-Kummissjoni għandha tkun limitata għall-kriterji stabbiliti fir-regoli speċifiċi għall-Fondi u fil-Parti II tal-Anness XI, u għandha tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali u reġjonali biex tiddeċiedi dwar miżuri ta’ politika speċifiċi u adegwati inkluż il-kontenut tal-istrateġiji" (Art 19).

57

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 32.

59

Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea kkonkluda li “L-kondizzjonalitajiet ex ante skattaw tibdiliet fil-livell nazzjonali u reġjonali, li ma kienux jidħlu fis-seħħ jew kienu jseħħu b’pass iktar kajman”1. Id-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni2 jippreżenta eżempji oħra ta’ azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, li għandhom valur miżjud, sakemm l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tagħhom u s-segwitu fil-ġejjieni.

Il-politika l-ġdida għall-iżvilupp u r-riformi strutturali kkawżati minn EAC għandhom effett sekondarju pożittiv fuq l-investiment pubbliku u privat lil hinn minn dak marbut mal-politika ta’ Koeżjoni.

Barra minn hekk, il-kondizzjonalitajiet ex ante introduċew rekwiżiti minimi u kundizzjonijiet li ma kinux jeżistu f’xi wieħed mill-oqfsa leġiżlattivi preċedenti tal-politika ta’ koeżjoni. Filwaqt li kundizzjonijiet ambizzjużi proposti mill-Kummissjoni (COM (2011) 615) ma nżammux fil-proċess leġiżlattiv sussegwenti, l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet minimi hija mistennija li ttejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-infiq.

61

Skont l-Artikolu 19(5) tas-CPR, il-Kummissjoni kellha l-għażla (imma mhux l-obbligu) li tissospendi l-pagamenti interim fil-mument tal-adozzjoni tal-programmi fejn dan kien meħtieġ biex jiġi evitat preġudizzju sinifikanti għall-effettività u l-effiċjenza fil-kisba ta’ objettivi speċifiċi.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza r-rapporti dwar it-tlestija tal-pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonalitajiet ex ante, mibgħuta mill-Istati Membri fil-qafas tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapporti ta’ progress.

Huwa biss wara l-analiżi ta’ dawn id-dokumenti li tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra sospensjonijiet marbuta man-nuqqas ta’ pjanijiet ta’ azzjoni sħaħ u kompluti.

70

Il-oqfsa ta’ prestazzjoni fil-programi addottati jinkludu indikaturi varji sabiex ikun żgurat li l-programmi jkunu fi triqithom biex iwettqu dak li jkun sar qbil fuqu. L-indikaturi tal-output u tal-passi prinċipali tal-implimentazzjoni jirrappreżentaw il-maġġoranza tagħhom, iżda l-indikaturi finanzjarji huma inklużi wkoll biex jipprovdu approssimazzjoni dwar il-progress globali tal-assi prijoritarju. Barra minn hekk, il-qafas ta’ prestazzjoni waħdu ma jistax jiggarantixxi riżultati aħjar. Għandu jkun akkumpanjat ukoll minn elementi oħra ta’ orjentazzjoni lejn ir-riżultati.

72

L-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-programmi jiddependi fuq diversi elementi interattivi li jinkludu analiżi tajba tal-ħtiġijiet, loġika affidabbli ta’ intervent b’objettivi ċari u speċifiċi, indikaturi tar-riżultati magħżula sew riflessi fil-kriterji tal-għażla u, kif ukoll, qafas ta’ prestazzjoni mfassal sew bi stadji importanti u miri realistiċi u li jistgħu jinkisbu.

L-indikaturi tar-riżultati jistgħu ma jkunux adegwati biex jiġu inklużi fil-qafas tal-prestazzjoni tal-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni, minħabba ż-żmien meta r-riżultati jkunu jistgħu jinkisbu u jinġabru mis-sistema. Skont in-natura tal-indikatur, tista’ tkun meħtieġa evalwazzjoni biex wieħed jifred l-effetti ta’ din il-politika minn fatturi esterni għall-programm.

74

Ir-rekwiżit legali jiddikjara li qafas ta’ prestazzjoni għal assi prijoritarju għandu jinkludi indikatur finanzjarju u indikatur tal-output u, fejn xieraq, indikatur tar-riżultat (ara l-punt 2 tal-Anness II tas-CPR).

75

Il-KIS jintużaw biex jimmarkaw stadju importanti fl-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet taħt prijorità, hekk kif meħtieġ biex jintlaħqu l-miri stabbiliti għall-2023, mhux sempliċiment il-bidu tal-implimentazzjoni.

79

Il-konformità tal-istadji importanti u l-miri skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness II tas-CPR ġiet ivverifikata fil-mument tal-adozzjoni tal-programm. L-Istati Membri jistgħu jipproponu reviżjoni tal-istadji importanti u l-miri jekk dawn irriżultaw li kienu stmati ħażin minħabba suppożizzjonijiet żbaljati. Talba bħal din għandha ssegwi l-proċedura għal emenda fil-programm definita fl-Artikolu 30 tas-CPR u l-inizjattiva li titnieda hija kollha kemm hi f’idejn l-Istat Membru.

Kaxxa 4 - Eżempju ta’ valuri li ma setgħux jiġu vverifikati għaż-żewġ OPs Spanjoli; “Tkabbir Intelliġenti” u “FEŻR Andalucia”.

Id-dokumenti li saru disponibbli għaż-żewġ programmi Spanjoli tal-FEŻR, jinkludu informazzjoni dwar il-metodu tal-kalkolu, l-ammont tal-FEŻR korrispondenti għal kull indikatur u l-istadju importanti proposti u l-valur fil-mira. Tabilħaqq ma hemmx spejjeż unitarji pprovduti sabiex ikunu verifikati dawn il-valuri. Madankollu, jeħtieġ li jiġi nnutat li l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tinkludi wkoll parti kwalitattiva bbażata fuq ġudizzju professjonali.

80

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament 215/2014 jobbliga lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex jipprovdu din l-informazzjoni fuq talba tal-Kummissjoni. Minħabba l-varjetà ta’ indikaturi, li jistgħu jintużaw, ma kien hemm l-ebda mudell għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-metodoloġiji u l-kriterji applikati biex jintagħżlu l-indikaturi u jiġu ffissati l-għanijiet u l-miri. Wieħed għalhekk jista’ jobsor li l-livell ta’ dettall ivarja minn dokument għall-ieħor.

82

Il-Kummissjoni tinnota li dawn huma r-rekwiżiti tal-bażi legali fis-seħħ. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija marbuta mill-bażi legali. Id-definizzjoni tal-kisba tal-istadju importanti, inkluża fl-Artikolu 6 (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, jipprovdi ċertu marġni, li jikkunsidra l-kumplessità tal-biċċa l-kbira tal-interventi koperti mill-Fondi SIE. Dan huwa abbinat mal-fatt li l-qafas ta’ prestazzjoni jkun soluzzjoni ġdida u li l-allokazzjoni tar-riżerva se tkun eżerċizzju awtomatiku.

85

Fil-mument tal-ħsieb biex tiġi stabbilita l-allokazzjoni tar-Riżerva ta’ Prestazzjoni kif inhi bħalissa, il-Kummissjoni qieset li ż-żamma ta’ riżerva fuq livell nazzjonali tiżgura l-konformità mal-objettiv ewlieni tal-Politika ta’ Koeżjoni, jiġifieri tiżdied il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u mal-objettivi kif definit mit-TFUE (Art. 176).

Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 72.

86

L-Artikoli 22 (4) u (5) u 30 (3) tas-CPR jipprovdu limiti għal din il-flessibbiltà: ir-riżerva għall-prestazzjoni għandha tiġi trasferita minn dawn il-prijoritajiet, li ma jkunux laħqu l-miri tagħhom, għal dawk li kisbuhom; bħala regola, ir-riallokazzjoni għandha tkun konsistenti mar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika u l-allokazzjonijiet minimi stabbiliti f’dan ir-Regolament u fir-regoli speċifiċi għall-Fondi. Il-proposta tar-riallokazzjoni trid tkun konformi mar-regoli applikabbli, tkun konsistenti mal-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-Istat Membru jew tar-reġjun, u ma tistax tinvolvi riskju sinifikanti li l-objettivi u l-miri inklużi fil-proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu.

87

Il-Kummissjoni tinnota li s-sospensjoni tal-pagamenti hija l-aħħar miżura biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-programmi u tiġi applikata f’każ li miżuri oħra jfallu milli jipproduċu l-valuri meħtieġa. Hemm passi ulterjuri li jirrikjedu lill-Istati Membri biex jintervjenu u jikkoreġu d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni qabel ma jiġu imposti s-sospensjonijiet tal-pagamenti. Dan il-proċess huwa parti mill-monitoraġġ tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi.

88

F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri jistgħu jipproponu bidla fil-valur stabbilit għal objettiv. Madankollu, din il-bidla tkun approvata biss ladarba l-Kummissjoni tadotta l-emenda proposta għall-programm.

89

Fil-każ tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni, l-indikaturi tar-riżultati jkejlu l-bidliet, li huma dovuti għal azzjonijiet kofinanzjati mill-intervent pubbliku, pereżempju mill-Fondi, kif ukoll minn fatturi oħra. Jekk il-bidla li nosservaw fil-valur tal-indikatur tar-riżultat ma tiddependix biss fuq tal-intervent tal-Fondi, il-Kummissjoni ma tistax timponi miżuri korrettivi fuq l-awtoritajiet amministrattivi għal nuqqas ta’ kisba ta’ xi ħaġa, li ma tkunx taħt il-kontroll tagħhom.

91

Il-limiti għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji ġew introdotti sabiex jevitaw sitwazzjonijiet, fejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni huma ppenalizzati għal bidliet li ma jkunux għal kollox taħt il-kontroll tagħhom. Minħabba l-perjodu twil sal-ilħuq tal-miri tiżdied l-imprevedibbiltà ta’ fatturi esterni.

93

Il-limiti għall-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-pagamenti u l-korrezzjonijiet finanzjarji ġew introdotti sabiex jevitaw sitwazzjonijiet, fejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jiġu ppenalizzati għal bidliet li ma jkunux għal kollox taħt il-kontroll tagħhom. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet previsti fil-qafas tal-prestazzjoni mhumiex l-uniċi mekkaniżmi disponibbli. Assorbiment baxx jista’ jwassal għal diżimpenn ta’ fondi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, bbażat fuq ir-regola N + 3.

Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

96

Il-fatt li pjan ta’ azzjoni ma jkunx irrappurtat bħala “komplet” ma jfissirx li l-pjan ta’ azzjoni ma jkunx ġie implimentat.

Il-Kummissjoni tfakkar li ma hemm l-ebda obbligu legali għall-Istati Membri biex jirrapportaw qabel Ġunju/Awwissu 2017.

97

Il-valutazzjoni ta’ twettiq mill-Istat Membru u l-Kummissjoni hija limitata għall-kriterji stabbiliti fl-Anness XI tas-CPR. Kwalunkwe element li jmur lil hinn minn dawn il-kriterji li jista’ jiġi kkunsidrat fil-kuntest tas-Semestru Ewropew ma jistax jintuża għall-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kondizzjonalitajiet ex ante.

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-proposta inizjali tagħha dwar il-kriterji tal-kundizzjonalità ex ante fiha bosta elementi kwalitattivi.

L-użu tal-gwida tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonalitajiet ex ante, li kien obbligatorju għas-servizzi tal-Kummissjoni, naqqas b’mod sinifikanti l-lok għall-interpretazzjoni tal-kriterji fis-CPR.

98

Skont l-Artikolu 19(5) tas-CPR, il-Kummissjoni kellha l-għażla (imma mhux l-obbligu) li tissospendi l-pagamenti interim fil-mument tal-adozzjoni tal-programmi fejn dan kien meħtieġ biex jiġi evitat preġudizzju sinifikanti għall-effettività u l-effiċjenza fil-kisba ta’ objettivi speċifiċi.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza r-rapporti dwar it-tlestija tal-pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonalitajiet ex ante, mibgħuta mill-Istati Membri fil-qafas tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapporti ta’ progress.

Huwa biss wara l-analiżi ta’ dawn id-dokumenti li tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra sospensjonijiet marbuta man-nuqqas ta’ pjanijiet ta’ azzjoni sħaħ u kompluti.

100

Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex tivvaluta l-mekkaniżmu tal-kondizzjonalitajiet ex ante fuq il-post, pereżempju permezz ta’ studju dwar il-kundizzjonalitajiet ex ante u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal - li se jintuża mill-Kummissjoni meta tħejji l-proposta leġiżlattiva għall-perjodu tal-ipprogrammar ta’ wara l-2020.

103

Il-kundizzjonijiet għall-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni huma stipulati fil-leġiżlazzjoni sottostanti. Il-Kummissjoni se ssegwi r-rekwiżiti leġiżlattivi fir-rigward tal-livell ta’ kisba tal-għanijiet meħtieġa għall-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni. Id-definizzjoni ta’ kisba importanti, inkluża fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tipprovdi ċertu marġni, biex jittieħed kont tal-komplessità tal-parti l-kbira tal-interventi koperti mill-Fondi SIE. Ir-raġuni għal dawn ir-regoli huwa l-fatt li l-qafas ta’ prestazzjoni fid-disinn attwali tiegħu huwa soluzzjoni ġdida.

104

Il-qafas ta’ prestazzjoni u r-riżerva mhumiex imfassla biex iwasslu għal riallokazzjoni sinifikanti tal-infiq tal-Koeżjoni. Dawn huma inċentivi biex l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jwettqu kif ippjanat fuq l-outputs, li huma taħt il-kontroll tagħhom. Flimkien ma’ elementi interattivi oħrajn tal-orjentazzjoni għar-riżultat - analiżi tajba tal-ħtiġijiet, loġika affidabbli ta’ intervent b’objettivi ċari u speċifiċi, indikaturi tar-riżultati magħżula sew riflessi fil-kriterji tal-għażla - dan għandu jiżgura li kull programm jaħdem sew u jilħaq l-għanijiet tiegħu.

Barra minn hekk, l-indikaturi tar-riżultati jistgħu ma jkunux xierqa għall-qafas ta’ prestazzjoni minħabba ż-żmien meta r-riżultati jkunu jistgħu jinkisbu u jinġabru mis-sistema. Skont in-natura tal-indikatur, tista’ tkun meħtieġa evalwazzjoni biex wieħed jifred l-effetti ta’ din il-politika minn fatturi esterni għall-programm.

105

Fil-mument tal-ħsieb biex tiġi stabbilita l-allokazzjoni tar-Riżerva ta’ Prestazzjoni kif inhi bħalissa, il-Kummissjoni qieset li ż-żamma ta’ riżerva fuq livell nazzjonali tiżgura l-konformità mal-objettiv ewlieni tal-Politika ta’ Koeżjoni, jiġifieri tiżdied il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u mal-objettivi kif definit mit-TFUE (Art. 176).

L-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-programmi tiddependi fuq diversi elementi interattivi li jinkludu analiżi tajba tal-ħtiġijiet, loġika affidabbli ta’ intervent b’objettivi ċari u speċifiċi, indikaturi tar-riżultati magħżula sew riflessi fil-kriterji tal-għażla u, ukoll, qafas ta’ prestazzjoni mfassal sew bi stadji importanti u miri realistiċi u li jistgħu jinkisbu.

106

Il-qafas ta’ prestazzjoni jiddependi fuq indikaturi varji sabiex ikun żgurat li l-programmi jkunu fi triqithom biex iwettqu dak li jkun sar qbil fuqu. L-indikaturi tar-riżultati jistgħu ma jkunux xierqa (għall-FEŻR/FK), għaliex iż-żmien meta r-riżultati jkunu jistgħu jinkisbu u jinġabru mis-sistema ma jkunx kompatibbli mal-iskeda obbligatorja għal allokazzjoni utli tar-riżerva ta’ prestazzjoni.

107

Il-Passi Ewlenin għall-Implimentazzjoni jintużaw biex jimmarkaw stadju importanti fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet taħt prijorità. Dawk il-passi huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri stabbiliti għall-2023 u ma humiex sempliċi indikazzjoni tal-bidu tal-implimentazzjoni.

108

L-Artikolu 4(3) tar-Regolament 215/2014 jobbliga lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex jipprovdu din l-informazzjoni fuq talba tal-Kummissjoni. Minħabba l-varjetà ta’ indikaturi, li jistgħu jintużaw, ma kien hemm l-ebda mudell għall-għoti ta’ informazzjoni dwar il-metodoloġiji u l-kriterji applikati biex jintagħżlu l-indikaturi u jiġu ffissati l-għanijiet u l-miri. Wieħed għalhekk jista’ jobsor li l-livell ta’ dettall ivarja minn dokument għall-ieħor.

109

Il-limiti għall-applikazzjoni tas-sospensjoni tal-pagamenti u l-korrezzjonijiet finanzjarji ġew introdotti sabiex jevitaw sitwazzjonijiet, fejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni huma ppenalizzati għal bidliet esterni għall-programm u li ma jkunux għal kollox taħt il-kontroll tagħhom. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet previsti fil-qafas tal-prestazzjoni mhumiex l-uniċi mekkaniżmi disponibbli.

B’mod partikolari d-dewmien biex il-proġett jibda u jiġi implimentat, jista’ jwassal għal assorbiment baxx u sussegwentement għad-diżimpenn tal-fondi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, bbażat fuq ir-regola N+3. Dan ifisser li l-livell baxx ta’ implimentazzjoni jista’ jwassal għal tnaqqis fil-finanzjament disponibbli.

111

F’dan l-istadju l-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tidħol għal impenji speċifiċi b’rabta mal-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020.

Rakkomandazzjoni 1 - Jiġu żviluppati aktar il-kundizzjonalitajiet ex ante għall-perjodu ta’ wara l-2020

F’dan l-istadju l-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tidħol għal impenji speċifiċi b’rabta mal-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020.

(a) Bil-kundizzjoni li jinżammu l-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2020, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sustanza.

(b) Bil-kundizzjoni li jinżammu l-kundizzjonalitajiet ex ante għal wara l-2020, u b’kont meħud tad-dettalji ta’ kull proċess, il-Kummissjoni taċċetta parzjalment din ir-rakkomandazzjoni. Madankollu, hija ser tistinka biex tiżgura l-konsistenza.

(c) Bil-kundizzjoni li jinżammu l-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2020, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sustanza.

(d) Bil-kundizzjoni li jinżammu l-kundizzjonalitajiet ex ante wara l-2020, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sustanza.

Rakkomandazzjoni 2 - Tikkunsidra li r-riżerva tal-prestazzjoni għall-perjodu ta’ wara l-2020 issir strument orjentat aktar lejn ir-riżultati.

F’dan l-istadju l-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tidħol għal impenji speċifiċi b’rabta mal-proposti leġiżlattivi għall-perjodu ta’ wara l-2020.

Bil-kundizzjoni li jinżammu l-qafas tal-prestazzjoni u r-riżerva għal wara l-2020, il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni fis-sustanza.

(c) Il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan ewlieni tagħha huwa li tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Fondi kif suppost u għalhekk, biex tiġi evitata prestazzjoni insuffiċjenti. Il-Kummissjoni se tkompli tistinka biex tkompli tilħaq dan l-objettiv, jiġifieri billi tipprovdi gwida, kompetenza teknika, possibbiltajiet għad-diskussjoni u l-iskambju tal-esperjenzi, eċċ.

Is-sospensjonijiet tal-pagamenti u l-korrezzjonijiet finanzjarji huma azzjonijiet li għandhom jittieħdu biss meta l-isforzi l-oħra kollha jkunu fallew. Il-Kummissjoni se tirrieżamina u se tkompli tuża dawn l-azzjonijiet anki fil-futur, iżda kemm jista’ jkun tiffoka l-isforzi tagħha fit-twettiq ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni.

Glossarju u Abbrevjazzjonijiet

L-Analiżi tal-Prestazzjoni teżamina l-ilħuq tal-istadji importanti tal-programmi fil-livell tal-assi prijoritarji, fuq il-bażi tal-informazzjoni u l-valutazzjonijiet ippreżentati fir-rapport annwali ta’ implimentazzjoni li se jiġi ppreżentat mill-Istati Membri fis-sena 2019.

Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) huma ħames fondi separati li jappoġġaw it-twassil tal-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni kollha, kif ukoll il-missjonijiet speċifiċi għall-fondi, b’oqfsa ta’ politika stabbiliti għall-perjodu baġitarju ta’ seba’ snin kopert mill-QFP. Il-fondi jinkludu: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); il-Fond Soċjali Ewropew (FSE); il-Fond ta’ Koeżjoni (FK); il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Ftehimiet ta’ Sħubija (FtS) jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni Ewropea u kull Stat Membru għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Huma jiddeskrivu l-pjanijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kif biħsiebhom jużaw il-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u jfissru fil-qosor l-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment ta’ kull pajjiż, filwaqt li jorbtuhom mal-għanijiet ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huma jinkludu wkoll, fost oħrajn, sommarju tal-valutazzjoni ta’ kemm il-kundizzjonalitajiet ex ante applikabbli jkunu ġew issodisfati, u jekk dawn ma jkunux ġew issodisfati - tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, il-korpi responsabbli u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet, kif ukoll id-deskrizzjoni tal-metodoloġija u l-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-funzjonament tal-oqfsa ta’ prestazzjoni. Huma jitħejjew mill-Istat Membru fi djalogu mal-Kummissjoni u jridu jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Impatt jirreferi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi fuq terminu aktar fit-tul li jistgħu jiġu osservati wara li jkun għadda ċertu perjodu ta’ żmien wara l-ikkompletar ta’ intervent u li jistgħu jaffettwaw lill-benefiċjarji diretti tal-intervent jew lil benefiċjarji indiretti oħra (eż. tnaqqis fil-livelli tal-qgħad, titjib fil-kwalità tal-ilma, eċċ.).

Inputs huma mezzi finanzjarji, umani, materjali, organizzazzjonali jew regolatorji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ politika, programm jew proġett.

Kundizzjonalitajiet ex ante huma kundizzjonijiet ibbażati fuq kriterji ddefiniti minn qabel u stabbiliti fl-RDK, li jitqiesu bħala prerekwiżiti meħtieġa għall-użu effettiv u effiċjenti tal-finanzjament mill-UE għall-fondi SIE kollha. Meta jkunu qed iħejju l-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR, l-FK u l-FSE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri jridu jivvalutaw jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunux ġew issodisfati. Jekk dawn ma jkunux ġew issodisfati, kien jeħtieġ li jitħejjew pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati sal-31 ta’ Diċembru 2016.

Miri jesprimu l-valur tal-outputs, tar-riżultati li għandhom jinkisbu u tal-infiq iċċertifikat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2023. Jekk u sa liema punt ikunu ntlaħqu dawn il-miri se jiġi vvalutat fl-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni fl-2025.

Objettiv Tematiku huwa element strutturanti tal-Ftehimiet ta’ Sħubija. Huwa predeterminat mil-leġiżlazzjoni u jippreżenta objettivi li jenħtieġ li jkunu appoġġati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. L-objettivi tematiċi jistabbilixxu rabta mal-objettivi strateġiċi fil-livell tal-UE.

Outputs jinkisbu jew jitwettqu bir-riżorsi allokati għal intervent (eż. korsijiet ta’ taħriġ mogħtija lil żgħażagħ qiegħda, għadd ta’ impjanti tad-drenaġġ jew km ta’ toroq mibnija, eċċ.).

Pass Ewlieni tal-Implimentazzjoni (KIS) jirreferi għal stadji intermedji speċifiċi fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ssettjati għal prijorità ta’ investiment għall-2023. Huma jistgħu jintużaw unikament għall-iskopijiet tal-qafas ta’ prestazzjoni u jistgħu jirreferu għal stadji differenti tal-implimentazzjoni li huma meħtieġa biex jitwasslu l-outputs, eż. l-għażla tal-proġetti jew l-approvazzjoni ta’ proġetti kbar.

Prijorità ta’ Investiment hija qasam ippreferut għal kontribuzzjoni mill-Unjoni Ewropea, li jiġi stabbilit fil-livell tal-Unjoni u jkun relatat ma’ Objettiv Tematiku speċifiku għall-FEŻR, l-FK u l-FSE.

Programm Operazzjonali (PO) jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta’ Stat Membru jew reġjun, u kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat) mill-fondi SIE jkun se jintuża matul perjodu ta’ żmien partikolari (attwalment seba’ snin) biex jiffinanzja l-proġetti. Dawn il-proġetti jridu jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ ċertu ammont ta’ objettivi speċifikati fil-livell tal-assi prijoritarju tal-PO. PO jitħejja mill-Istat Membru u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni qabel ma jkunu jistgħu jsiru pagamenti mill-baġit tal-UE. Programmi operazzjonali jistgħu jiġu modifikati biss matul il-perjodu kopert, jekk iż-żewġ partijiet jaqblu.

Qafas ta’ Prestazzjoni huwa magħmul minn stadji importanti u miri ddefiniti għal ġabra ta’ indikaturi magħżula mill-Istati Membri għal kull assi prijoritarju fi ħdan programm operazzjonali, minbarra għall-assi prijoritarji tal-assistenza teknika u għall-programmi appoġġati taħt l-inizjattiva favur l-SMEs.

Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSR) huma rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill lill-Istati Membri dwar l-isfidi strutturali li huwa xieraq li jiġu indirizzati permezz ta’ investimenti pluriennali li jaqgħu direttament fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-fondi SIE, kif stipulat fir-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi. Huma bbażati fuq l-analiżi li l-Kummissjoni twettaq tal-pjanijiet ta’ riformi baġitarji, makroekonomiċi u strutturali tal-Istati Membri tal-UE u jikkonċernaw il-perjodu tat-12 sat-18-il xahar li ġejjin. Huma jiġu adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) huwa r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/20061.

Riżerva ta’ Prestazzjoni tirrappreżenta 6 % tar-riżorsi li jiġu allokati għall-FEŻR, l-FSE u l-FK taħt l-għan ta’ Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi, kif ukoll għall-FAEŻR, u għal miżuri ffinanzjati taħt ġestjoni kondiviża f’konformità mar-Regolament dwar il-FEMS. Dawn il-fondi huma inklużi fil-programmi, iżda se jiġu allokati u riallokati definittivament, skont l-eżitu tal-analiżi tal-prestazzjoni li se ssir fl-2019.

Riżultat huwa konsegwenza li tista’ titkejjel, u li tirriżulta– direttament jew indirettament – minn relazzjoni bejn kawża u effett. Għall-politika pubblika, l-approċċ ibbażat fuq ir-riżultati, iserraħ fuq il-prinċipju li l-fokus tal-interventi pubbliċi għandu jkun fuq it-twassil ta’ riżultati, aktar milli fuq il-ġestjoni tal-attivitajiet jew tal-proċessi. Fil-politika ta’ Koeżjoni, it-terminu "riżultat" normalment jirreferi għall-eżiti u l-impatti.

Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu ta’ koordinazzjoni tal-politiki bejn l-Istati Membri tal-UE li għandu l-għan li jallinja l-politiki baġitarji, fiskali u ekonomiċi nazzjonali mal-objettivi u l-prijoritajiet tal-UE. Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kunsill jirrakkomanda lill-Istati Membri liema riformi strutturali għandhom jimplimentaw u kif għandhom jipprevienu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi.

Stadji importanti huma miri intermedji, marbutin direttament mal-ilħuq tal-objettiv speċifiku għal prijorità ta’ investiment. Huma jridu jintlaħqu sal-31 ta’ Diċembru 2018 u se jiġu vvalutati fl-2019.

Noti finali

1 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

2 SWD(2016) 318 final, 19.9.2016, “Ex-post evaluation of the ERDF and Cohesion Fund 2007-13” (Evalwazzjoni ex post tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni 2007-13).

3 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

4 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19.

5 Stampa ġenerali tal-objettivi tal-programmi tal-fondi SIE għall-perjodu 2014-2020 għall-fondi SIE tingħata fir-Rapport Speċjali Nru 2/2017 tagħna, l-Anness II.

6 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Anness XI, il-Parti II.

7 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19(3).

8 Il-Kummissjoni Ewropea, Internal Guidance on EACs for the ESI funds, Part I (Gwida Interna dwar l-EACs għall-fondi SIE, il-Parti I); u Guidance on EACs for the European Structural and Investment Funds, Part II (Gwida dwar l-EACs għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Parti II).

9 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19.

10 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 111.

11 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 52.

12 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19(5).

13 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19(1).

14 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikoli 20 u 22.

15 Aktar informazzjoni dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) tingħata fir-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tagħna "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ - il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ” (http://eca.europa.eu).

16 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 39.

17 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017, il-paragrafi 94 sa 120.

18 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikoli 22 u 96, u l-Anness II.

19 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Anness II u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014, l-Artikolu 5.

20 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 22 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014 (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 65).

21 SWD(2017) 127 final, 31.3.2017.

22 Aktar informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex jitnaqqas il-livell ta’ irregolaritajiet f’dawn l-oqsma tingħata fir-Rapport Speċjali Nru 10/2015 “L-isforzi biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-akkwist pubbliku fin-nefqa tal-UE għall-Koeżjoni għandhom jiġu intensifikati” u fir-Rapport Speċjali Nru 24/2016 "Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ Koeżjoni” (http://eca.europa.eu).

23 Il-Kummissjoni Ewropea, Internal Guidance on EACs for the ESI funds, Part I (Gwida Interna dwar l-EACs għall-fondi SIE, il-Parti I), Awwissu 2014, u Guidance on EACs for the ESI funds, Part II (Gwida dwar l-EACs għall-fondi SIE, il-Parti II), it-13 ta’ Frar 2014.

24 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 19(3).

25 https://ec.europa.eu/growth/smes/business-friendly-environment/small-business-act_mt

26 Il-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ Growth, “Progress report on start-up procedures in 2016” (Rapport ta’ progress dwar il-proċeduri għat-twaqqif ta’ negozju ġdid fl-2016) (http://ec.europa.eu/growth/smes/promoting-entrepreneurship/advice-opportunities/start-up-procedures_mt).

27 KUMM(2011) 615 finali tas-6 ta’ Ottubru 2011, “Proposta għal RDK”.

28 Il-PO nazzjonali tal-Kroazja taħt l-FSE, “Riżorsi Umani Effiċjenti” u l-PO tal-Polonja taħt l-FSE, “Għarfien, Edukazzjoni u Tkabbir”.

29 Il-Kummissjoni Ewropea, “Internal Guidance on EACs for the ESI funds” (Gwida Interna dwar l-EACs għall-fondi SIE), il-Parti I, il-Verżjoni 2.0, id-29 ta’ Awwissu 2014.

30 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Anness XI, il-Kundizzjonalità ex ante 8.1, il-kriterju: Servizzi tal-impjieg

31 SWD(2015) 40 tas-26.2.2015.

32 SWD(2016) 78 final tas-26.2.2016.

33 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2015/C 272/13) tal-14 ta’ Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ta’ Spanja għall-2015 u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ Spanja tal-2015 (ĠU C 272, 18.8.2015, p. 46).

34 COM(2016) 725 final tas-16.11.2016, p. 3.

35 Ir-Rapport Speċjali Nru 24/2016 ”Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u tiġi infurzata l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-politika ta’ koeżjoni”, il-paragrafu 105 (http://eca.europa.eu).

36 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 125.2(d) u (e); ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 24 u l-Anness III (ĠU L 138, 13.5.2014, p. 5).

37 Il-Kummissjoni Ewropea, “Guidance on Ex ante Conditionalities for the European Structural and Investment Funds” (Gwida dwar il-Kundizzjonalitajiet Ex ante għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej), il-parti II, tat-13 ta’ Frar 2014 u “FAQ on ex ante conditionalities relating to statistics” (FAQ dwar il-kundizzjonalitajiet ex ante relatati mal-istatistika) (http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/legislation/guidance/).

38 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 20.

39 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014, l-Artikolu 5(1).

40 Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2014, il-paragrafi 26 u 44 sa 46; ir-Rapporti Annwali għas-sena finanzjarja 2013, il-Kapitolu 10.

41 Il-Kummissjoni Ewropea, Dokument ta’ gwida dwar l-analiżi u r-riżerva tal-qafas ta’ prestazzjoni għall-perjodu 2014-2020, il-Verżjoni 1, id-9 ta’ April 2013, p. 5.

42 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 288/2014 tal-25 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi regoli skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Anness I (ĠU L 87, 22.3.2014, p. 1).

43 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017, il-paragrafi 88 sa 91.

44 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017, il-paragrafi 102 sa 109 u t-Tabella 4.

45 Ir-Rapport Speċjali Nru 16/2017, il-paragrafi 55 sa 59.

46 Il-Paġna 205 tar-rapport ta’ evalwazzjoni ex ante dwar it-PO ”Tkabbir intelliġenti” u l-paġna 93 tar-rapport ta’ evalwazzjoni ex ante dwar il-PO “FEŻR għal Andalusija”.

47 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 22(3).

48 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014, l-Artikolu 6(2).

49 Ir-Rapport Annwali 2012, il-paragrafu 10.4 u r-Rapport Annwali 2014, il-paragrafu 3.57.

50 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017, il-Kaxxa 1.

51 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 142.1(f).

52 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Anness II.

53 Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2014 “L-appoġġ taħt il-FEŻR lill-SMEs fil-qasam tal-kummerċ elettroniku kien effettiv?”, il-paragrafi 23 sa 25 (http://eca.europa.eu).

54 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Preambolu (22) u l-Artikolu 22(6).

55 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Preambolu (22) u l-Artikolu 22(7).

56 Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014, l-Artikolu 3(3).

57 Ir-Rapport Speċjali Nru 4/2017 “Nipproteġu l-baġit tal-UE minn infiq irregolari: Il-Kummissjoni għamlet użu dejjem akbar mill-miżuri preventivi u l-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qasam tal-Koeżjoni matul il-perjodu 2007-2013”, il-paragrafi 134 sa 135 (http://eca.europa.eu).

1Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, l-Artikolu 9(1) (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

2Aktar informazzjoni dwar l-investimenti, iffinanzjati mill-UE, f’infrastrutturi tal-provvista tal-ilma tax-xorb tingħata fir-Rapport Speċjali Nru 12/2017 tagħna "Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb: titjib fil-kwalità tal-ilma u fl-aċċess għalih fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija, iżda l-ħtiġijiet ta’ investiment għadhom sostanzjali".

1Studju minn konsorzju mmexxi minn Metis, għall-Kummissjoni Ewropea, paġna 121, http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/studies/2016/the-implementation-of-the-provisions-in-relation-to-the-ex-ante-conditionalities-during-the-programming-phase-of-the-european-structural-and-investment-esi-funds

2Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Il-valur miżjud tal-kondizzjonalitajiet ex ante tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej” SWD(2017)127

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 7.12.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 13.7.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 4.10.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 21.11.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tagħha f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-programmi tal-UE jew suġġetti ta’ ġestjoni relatati ma’ oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar – immexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA – li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni. L-awditu tmexxa minn Ladislav Balko, Membru tal-QEA, b’appoġġ minn Branislav Urbanič, Kap tal-Kabinett; Niels-Erik Brokopp, Maniġer Prinċipali; Bernard Witkos, Kap tal-Kompitu; Simon Denett, Marija Grguric, Sara Pimentel, Ana Popescu u Anne Poulsen, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Sara Pimentel, Branislav Urbanič, Ladislav Balko, Niels-Erik Brokopp, Marija Grguric, Simon Dennett, Bernard Witkos.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017

PDFISBN 978-92-872-8274-3ISSN 1977-5741doi:10.2865/479828QJ-AB-17-016-MT-N
HTMLISBN 978-92-872-8290-3ISSN 1977-5741doi:10.2865/575883QJ-AB-17-016-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2017

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: http://europa.eu/contact

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: http://europa.eu/contact

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://publications.europa.eu/eubookshop. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.