L-ABĊ tad-Dritt tal-UE

DAĦLA

L-ordni ġuridiku maħluq mill-Unjoni Ewropea (UE) sar komponent stabbilit tal-ħajja politika u s-soċjetà tagħna. Kull sena, abbażi tat-trattati tal-Unjoni, jittieħdu eluf ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod kruċjali lill-Istati Membri tal-UE u l-ħajjiet taċ-ċittadini tagħhom. L-individwi ma għadhomx biss ċittadini tal-pajjiż, tal-belt jew tad-distrett tagħhom; huma wkoll ċittadini tal-UE. Għal din ir-raġuni waħedha, huwa ta’ importanza fundamentali li jiġu informati dwar l-ordni ġuridiku li jaffettwa l-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Madankollu l-kumplessitajiet tal-istruttura tal-UE u l-ordni ġuridiku tagħha ma humiex faċli biex tifhimhom. Dan huwa parzjalment dovut għall-formulazzjoni tat-trattati nfushom, li ħafna drabi hija kemxejn ambigwa, b’implikazzjonijiet li ma humiex faċli biex tapprezzahom. Fattur addizzjonali huwa n-nuqqas ta’ familjarità ta’ bosta kunċetti li bihom it-trattati jippruvaw jittrattaw sitwazzjonijiet ġodda. Għalhekk, il-paġni li ġejjin huma tentattiv sabiex iċ-ċittadini interessati jingħataw għarfien inizjali dwar l-istruttura tal-UE u l-pilastri li fuqhom huwa mibni l-ordni ġuridiku Ewropew. Għalkemm l-istruttura bażika tal-UE — u l-ordni ġuridiku tagħha, li huwa ta’ interess partikolari hawnhekk — hija stabbli ħafna, madankollu tgħaddi minn bidliet bla għadd fuq skala akbar jew iżgħar, pereżempju l-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Din l-edizzjoni ta’ L-ABĊ tad-Dritt tal-UE tkopri l-iżviluppi ewlenin kollha fl-ordni ġuridiku tal-UE sal-2023.

GLOSSARJU TAL-ABBREVJAZZJONIJIET

AKP L-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku
BĊE Il-Bank Ċentrali Ewropew
ECR Il-Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
Euratom Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
KE Il-Komunità Ewropea
KEDB Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem)
KEE Il-Komunità Ekonomika Ewropea
KEFA Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar
KESE Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
MEP Membru tal-Parlament Ewropew
MES Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà
NATO L-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana
OECD L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi
OEEC L-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni Ekonomika Ewropea
OSKE L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa
PSA Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni
TFUE It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
It-Trattat tal-KE It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea
It-Trattat tal-UE / it-TUE It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
UE L-Unjoni Ewropea
UPPE L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

KRONOLOĠIJA

26 ta’ Ġunju 1945: L-iffirmar tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti f’San Francisco

9 ta’ Settembru 1946: Diskors minn Winston Churchill fi Zurich dwar il-benefiċċji tal-Istati Uniti tal-Ewropa

17 ta’ Marzu 1948: L-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea tal-Punent fi Brussell

4 ta’ April 1949: L-iffirmar tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana li jistabbilixxi n-NATO f’Washington

16 ta’ April 1949: L-istabbiliment tal-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni Ekonomika Ewropea f’Pariġi

5 ta’ Mejju 1949: L-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi l-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu

9 ta’ Mejju 1950: Dikjarazzjoni minn Robert Schuman dwar il-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar bħala l-ewwel stadju fl-istabbiliment ta’ Federazzjoni Ewropea

4 ta’ Novembru 1950: L-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali f’Ruma

18 ta’ April 1951: L-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (it-Trattat KEFA) f’Pariġi mill-Belġju, mill-Ġermanja tal-Punent, minn Franza, mill-Italja, mil-Lussemburgu u min-Netherlands — li kellu jiddekorri għal 50 sena

23 ta’ Lulju 1952: Dħul fis-seħħ tat-Trattat KEFA

1 ta’ Ġunju 1955: Konferenza tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin f’Messina sabiex iħejju għat-Trattat KEE

25 ta’ Marzu 1957: L-iffirmar tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea (it-Trattat KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat KEEA / it-Trattat Euratom) f’Ruma mill-Belġju, mill-Ġermanja tal-Punent, minn Franza, mill-Italja, mil-Lussemburgu u min-Netherlands (it-Trattati ta’ Ruma)

1 ta’ Jannar 1958: Dħul fis-seħħ tat-Trattati ta’ Ruma

4 ta’ Jannar 1960: L-istabbiliment tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles fi Stokkolma mill-Awstrija, mid-Danimarka, min-Norveġja, mill-Portugall, mill-Iżvezja, mill-Iżvizzera u mir-Renju Unit

14 ta’ Diċembru 1960: L-iffirmar tal-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi f’Pariġi

8 ta’ April 1965: L-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej (It-Trattat li Jgħaqqad)

1 ta’ Lulju 1967: Dħul fis-seħħ tat-Trattat li Jgħaqqad

1 ta’ Jannar 1973: Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jissieħbu mal-Komunitajiet Ewropej

1 ta’ Awwissu 1975: L-iffirmar tal-Att Finali tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa f’Helsinki

18 ta’ Diċembru 1978: L-istabbiliment tas-Sistema Monetarja Ewropea

Mis-7 sal-10 ta’ Ġunju 1979: L-ewwel elezzjoni diretta tal-Parlament Ewropew

1 ta’ Jannar 1981: L-adeżjoni tal-Greċja mal-Komunitajiet Ewropej

1 ta’ Jannar 1985: Il-ħruġ ta’ Greenland mill-Komunità Ekonomika Ewropea

14 ta’ Ġunju 1985: Il-Ftehim ta’ Schengen bejn il-Belġju, Franza, il-Ġermanja tal-Punent, il-Lussemburgu u n-Netherlands dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli komuni fuq il-fruntieri

1 ta’ Jannar 1986: L-adeżjoni tal-Portugall u ta’ Spanja mal-Komunitajiet Ewropej

1 ta’ Lulju 1987: Il-bidu tal-Att Uniku Ewropew

3 ta’ Ottubru 1990: L-adeżjoni tal-Ġermanja tal-Lvant mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-integrazzjoni fil-Komunitajiet Ewropej

7 ta’ Frar 1992: L-iffirmar tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Maastricht) f’Maastricht

2 ta’ Mejju 1992: L-iffirmar tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE) f’Porto

1 ta’ Jannar 1993: Il-bidu tas-suq uniku Ewropew

1 ta’ Novembru 1993: Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Maastricht)

1 ta’ Jannar 1994: Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE

1 ta’ Jannar 1995: L-adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Iżvezja mal-Unjoni Ewropea

1 ta’ Marzu 1995: Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (membri addizzjonali sa Marzu 2001: id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, l-Italja, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja u l-Iżvezja)

16 ta’ Lulju 1997: Pubblikazzjoni tal-programm Aġenda 2000 tal-Kummissjoni Ewropea mmirat lejn it-tkabbir tal-UE

2 ta’ Ottubru 1997: L-iffirmar tat-Trattat ta’ Amsterdam

12 ta’ Diċembru 1997: Il-bidu tal-proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea mill-Kunsill Ewropew fil-Lussemburgu

1 ta’ Ottubru 1998: Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni Europol (kooperazzjoni tal-pulizija fl-UE)

1 ta’ Jannar 1999: Introduzzjoni tal-munita unika Ewropea, l-“euro”

1 ta’ Mejju 1999: Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam

24 ta’ Marzu 2000: L-adozzjoni tal-istrateġija ta’ Liżbona għat-tiġdid ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-UE

8 ta’ Diċembru 2000: Il-proklamazzjoni solenni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

26 ta’ Frar 2001: L-iffirmar tat-Trattat ta’ Nizza

1 ta’ Jannar 2002: L-introduzzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro bħala mezz ta’ pagament

28 ta’ Frar 2002: L-istabbiliment tal-Eurojust (mill-2019, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali)

1 ta’ Frar 2003: Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Nizza

1 ta’ Mejju 2004: L-adeżjoni taċ-Ċekja, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja mal-UE

29 ta’ Ottubru 2004: L-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa

Mejju/Ġunju 2005: Iċ-ċaħda tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa f’referendum fi Franza (54.7 % ivvotaw le) u f’referendum fin-Netherlands (61.7 % ivvotaw le)

1 ta’ Jannar 2007: L-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-UE

1 ta’ Jannar 2007: L-introduzzjoni tal-euro fis-Slovenja

1 ta’ Marzu 2007: L-istabbiliment tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali

12 ta’ Diċembru 2007: Il-proklamazzjoni solenni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni fi Strasburgu

13 ta’ Diċembru 2007: L-iffirmar tat-Trattat ta’ Liżbona

21 ta’ Diċembru 2007: Id-dħul taċ-Ċekja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja fiż-Żona Schengen

1 ta’ Jannar 2008: Introduzzjoni tal-euro f’Ċipru u f’Malta

12 ta’ Ġunju 2008: L-ewwel referendum fl-Irlanda dwar it-Trattat ta’ Liżbona (53.4 % ivvotaw le)

12 ta’ Diċembru 2008: Id-dħul tal-Iżvizzera fiż-Żona Schengen

1 ta’ Jannar 2009: L-introduzzjoni tal-euro fis-Slovakkja

2 ta’ Ottubru 2009: It-tieni referendum fl-Irlanda dwar it-Trattat ta’ Liżbona (67.1 % ivvotaw iva)

1 ta’ Diċembru 2009: Dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona

1 ta’ Diċembru 2009: L-ewwel President tal-Kunsill Ewropew (Herman Van Rompuy); l-ewwel Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (il-Barunessa Catherine Ashton)

21 ta’ Ġunju 2010: Il-ħolqien ta’ Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

1 ta’ Jannar 2011: L-introduzzjoni tal-euro fl-Estonja

1 ta’ Jannar 2011: It-tnedija tal-Awtorità Superviżorja Finanzjarja Ewropea

25 ta’ Marzu 2011: L-adozzjoni tal-Patt Euro Plus għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

19 ta’ Diċembru 2011: Id-dħul tal-Liechtenstein fiż-Żona Schengen

30 ta’ Jannar 2012: Ftehim bejn 25 Stat Membru għal Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

2 ta’ Frar 2012: L-iffirmar tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà

1 ta’ Lulju 2013: L-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE

1 ta’ Jannar 2014: L-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja

18 ta’ Settembru 2014: Referendum dwar l-indipendenza Skoċċiża: 55.3 % ivvotaw le, 44.7 % ivvotaw iva

1 ta’ Jannar 2015: L-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja

12 ta’ Marzu 2015: L-irtirar formali tal-applikazzjoni tal-Iżlanda għas-sħubija fl-UE

23 ta’ Ġunju 2016: Referendum dwar il-ħruġ fir-Renju Unit (51.89 % ivvotaw favur il-ħruġ)

30 ta’ Diċembru 2016: Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima mill-UE wara r-ratifika mill-Istati Membri

29 ta’ Marzu 2017: L-avviż formali mill-Prim Ministru Theresa May dwar l-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE

31 ta’ Jannar 2020: Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE wara sħubija ta’ 47 sena

9 ta’ Mejju 2020: 70 sena anniversarju mid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman

1 ta’ Jannar 2021: Ir-Renju Unit joħroġ mis-suq intern u mill-unjoni doganali tal-UE u mill-politiki u mill-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dawn huma sostitwiti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit

10 ta’ Marzu 2021: L-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta mill-PE, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

28 ta’ Ġunju 2021: L-UE tadotta l-ewwel Liġi dwar il-Klima tagħha

l-1 ta’ Jannar 2023: L-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja (l-20 membru taż-żona tal-euro)

l-1 ta’ Jannar 2023: Id-dħul tal-Kroazja fiż-Żona Schengen

MINN PARIĠI GĦAL LIŻBONA PERMEZZ TA’ RUMA, MAASTRICHT, AMSTERDAM U NIZZA

Sa ftit taż-żmien wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, il-kunċett tagħna ta’ stat u tal-ħajja politika tagħna kienu żviluppaw kważi kompletament abbażi ta’ kostituzzjonijiet u liġijiet nazzjonali. Kien fuq din il-bażi li nħolqu r-regoli ta’ kondotta, li jorbtu mhux biss liċ-ċittadini u lill-partiti fl-istati demokratiċi tagħna iżda wkoll lill-istat u lill-organi tiegħu. Kellu jkun il-kollass totali tal-Ewropa u d-deterjorament politiku u ekonomiku tagħha sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal bidu ġdid u jingħata impetu ġdid għall-idea ta’ ordni Ewropew ġdid.

F’termini ġenerali, l-isforzi għall-unifikazzjoni fl-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija ħolqu taħlita li taf tkun ta’ konfużjoni ta’ organizzazzjonijiet kumplessi li wieħed diffiċli jżomm kont tagħhom. Pereżempju, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea jeżistu flimkien mingħajr l-ebda rabta proprja bejniethom.

Din il-varjetà ta’ organizzazzjonijiet takkwista struttura loġika biss jekk inħarsu lejn l-għanijiet speċifiċi tagħhom. Dawn jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi ewlenin.

L-ewwel grupp: l-organizzazzjonijiet Ewro-Atlantiċi

L-organizzazzjonijiet Ewro-Atlantiċi nħolqu b’riżultat tal-alleanza bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Ma kienx b’kumbinazzjoni li l-ewwel organizzazzjoni Ewropea tal-perjodu ta’ wara l-gwerra, jiġifieri l-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni Ekonomika Ewropea (OEEC), li ġiet stabbilita fl-1948, inħolqot fuq inizjattiva tal-Istati Uniti. Fl-1947, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti ta’ dak iż-żmien, George Marshall, ħeġġeġ lill-pajjiżi Ewropej sabiex jingħaqdu flimkien għall-bini mill-ġdid tal-ekonomiji tagħhom u wiegħed l-għajnuna Amerikana. Din ġiet fil-forma tal-Pjan Marshall, li pprovda l-bażi għar-rikostruzzjoni rapida tal-Ewropa tal-Punent. Għall-bidu, l-għan prinċipali tal-OEEC kien li tilliberalizza l-kummerċ bejn il-pajjiżi. Fl-1960, meta l-Kanada u l-Istati Uniti saru membri, żdied għan ieħor, jiġifieri l-promozzjoni tal-progress ekonomiku fit-Tielet Dinja permezz ta’ għajnuna għall-iżvilupp. L-OEEC imbagħad saret l-OECD, li issa għandha 38 membru.

Paul-Henri Spaak jinsab bilqiegħda mal-mejda jiffirma t-trattat, imdawwar b’bosta delegati li qed imejlu għonqhom għal fuq il-mejda u tnejn minnhom qegħdin bilqiegħda fuq kull naħa tiegħu.

Paul-Henri Spaak, il-Ministru Belġjan għall-Affarijiet Barranin, jiffirma t-trattat li jgħaqqad l-eżekuttivi tat-tliet Komunitajiet (il-KEFA, il-KEE, il-Euratom), Brussell, il-Belġju, it-8 ta’ April 1965. It-trattat stabbilixxa Kunsill wieħed u Kummissjoni waħda tal-Komunitajiet Ewropej.

Fl-1949, twaqqfet in-NATO bħala alleanza militari mal-Kanada u mal-Istati Uniti. L-għan tan-NATO huwa d-difiża kollettiva u l-appoġġ kollettiv. Din kienet maħsuba bħala parti minn ċintorin ta’ sigurtà globali sabiex titrażżan l-influwenza Sovjetika. Wara l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid fl-1989 u x-xoljiment sussegwenti tal-Unjoni Sovjetika, l-organizzazzjoni ħadet dejjem aktar il-kompiti ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet u tal-promozzjoni tal-istabbiltà. In-NATO għandha 31 pajjiż membru, li jikkonsistu minn 22 Stat Membru tal-UE (li ma jinkludux l-Irlanda, Ċipru, Malta, l-Awstrija u l-Iżvezja) u l-Albanija, il-Kanada, l-Iżlanda, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, it-Turkija, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Fl-1954 inħolqot l-Unjoni Ewropea tal-Punent (UEP) sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-politika ta’ sigurtà bejn il-pajjiżi tal-Ewropa. L-UEP immarkat il-bidu ta’ politika ta’ sigurtà u ta’ difiża fl-Ewropa. Madankollu, ir-rwol tagħha ma żviluppax aktar, u l-maġġoranza tas-setgħat tagħha ġew ittrasferiti lil istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn, b’mod partikolari n-NATO, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UE. Konsegwentement, l-UEP ġiet xolta fit-30 ta’ Ġunju 2011.

It-tieni grupp: Il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa

Il-karatteristika komuni tat-tieni grupp ta’ organizzazzjonijiet Ewropej hija li huma strutturati sabiex jippermettu l-parteċipazzjoni tal-akbar għadd ta’ pajjiżi possibbli. Fl-istess ħin, kien hemm għarfien li dawn l-organizzazzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn kooperazzjoni internazzjonali konswetudinarja.

Robert Schuman, bilwieqfa fin-nofs ta’ kamra imponenti u quddiem fuklar elaborat, jindirizza d-delegati li qegħdin bilqiegħda quddiemu jew bilwieqfa madwar il-mejda.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman tad-9 ta’ Mejju 1950 fil-kamra tal-arloġġ tal-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Barranin fil-Quai d’Orsay f’Pariġi: il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Robert Schuman, ippropona li l-industrija Ewropea tal-faħam u l-azzar tingħaqad flimkien sabiex tinħoloq il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Il-ħsieb kien li permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, mhux biss ma tkunx inkonċepibbli li tfaqqa’ gwerra bejn il-pajjiżi parteċipi, iżda li din tkun materjalment impossibbli.

Dawn l-organizzazzjonijiet jinkludu l-Kunsill tal-Ewropa, li ġie stabbilit bħala istituzzjoni politika fil-5 ta’ Mejju 1949 u llum għandu 46 membru, inklużi l-Istati Membri attwali kollha tal-UE. L-istatut tiegħu ma jagħmel l-ebda referenza għal bidliet lejn federazzjoni jew unjoni, u lanqas ma jipprovdi għat-trasferiment jew l-għaqda tad-drittijiet sovrani. Id-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet importanti kollha jirrikjedu l-unanimità, li jfisser li kull pajjiż għandu s-setgħa tal-veto. Għalhekk, il-Kunsill tal-Ewropa huwa mfassal biss bil-ħsieb ta’ kooperazzjoni internazzjonali.

Il-Kunsill tal-Ewropa kkonkluda bosta konvenzjonijiet fl-oqsma tal-ekonomija, il-kultura, il-politika soċjali u l-liġi. L-aktar waħda importanti — u l-aktar magħrufa — minnhom hija l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) tal-4 ta’ Novembru 1950; is-46 membru kollha tal-Kunsill issa huma parti għall-konvenzjoni. Il-KEDB mhux biss ippermettiet li jiġi stabbilit standard minimu għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi membri; stabbiliet ukoll sistema ta’ protezzjoni legali li tippermetti lill-korpi stabbiliti fi Strasburgu taħt il-konvenzjoni (il-Kummissjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem) jikkundannaw ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi membri.

Dan il-grupp ta’ organizzazzjonijiet jinkludi wkoll l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), li ġiet stabbilita fl-1994 bħala s-suċċessur tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. L-OSKE, li attwalment għandha 57 stat parteċipant, hija marbuta bil-prinċipji u bl-għanijiet stabbiliti fl-Att Finali ta’ Helsinki tal-1975 u fil-Karta ta’ Pariġi tal-1990. Minbarra miżuri sabiex tiżdied il-fiduċja bejn il-pajjiżi tal-Ewropa, dawn l-għanijiet jinkludu wkoll il-ħolqien ta’ “xibka ta’ sikurezza” sabiex il-kunflitti jkunu jistgħu jiġu solvuti b’mezzi paċifiċi.

It-tielet grupp: l-Unjoni Ewropea

It-tielet grupp ta’ organizzazzjonijiet Ewropej jinkludi l-Unjoni Ewropea (UE). Il-karatteristika li hija kompletament ġdida fl-UE u li tiddistingwiha mit-tip normali ta’ assoċjazzjoni internazzjonali ta’ stati hija li l-Istati Membri ċedew xi wħud mid-drittijiet sovrani tagħhom lill-UE u taw setgħat lill-Unjoni sabiex taġixxi b’mod indipendenti. Fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat, l-UE tista’ tadotta leġiżlazzjoni Ewropea li għandha l-istess saħħa bħal-liġijiet nazzjonali fl-istati individwali.

Il-pedament tal-UE ġie stabbilit mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż ta’ dak iż-żmien Robert Schuman fid-dikjarazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Mejju 1950, li fiha huwa ressaq il-pjan li kien fassal ma’ Jean Monnet sabiex jingħaqdu flimkien l-industriji tal-faħam u tal-azzar Ewropej sabiex jifformaw Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA). Huwa ddikjara li din kellha tikkostitwixxi inizjattiva storika għal “Ewropa organizzata u ħajja”, li kienet “indispensabbli għaċ-ċivilizzazzjoni”, u li mingħajrha “ma setgħetx tinżamm il-paċi dinjija”.

Il-“Pjan ta’ Schuman” finalment sar realtà bil-konklużjoni tat-trattat fundatur tal-KEFA mis-sitt stati fundaturi (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands) fit-18 ta’ April 1951 f’Pariġi (it-Trattat ta’ Pariġi) u d-dħul fis-seħħ tiegħu fit-23 ta’ Lulju 1952. Din il-Komunità ġiet stabbilita għal perjodu ta’ 50 sena, u ġiet “integrata” fil-Komunità Ewropea meta t-trattat fundatur tagħha skada (fit-23 ta’ Lulju 2002). Xi snin wara, kien hemm żvilupp ulterjuri bit-Trattati ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 1957, li ħolqu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom); dawn bdew l-attivitajiet tagħhom meta t-trattati daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1958.

Il-ħolqien tal-Unjoni Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Maastricht immarka pass ieħor fit-triq lejn l-unifikazzjoni politika tal-Ewropa. Għalkemm it-trattat ġie ffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, għadd ta’ ostakli fil-proċess ta’ ratifika (approvazzjoni mill-poplu tad-Danimarka biss wara t-tieni referendum; azzjoni legali fil-Ġermanja sabiex l-approvazzjoni mill-Parlament tat-trattat tiġi ddikjarata mhux kostituzzjonali) fisser li ma daħalx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Novembru 1993. It-trattat irrefera għalih innifsu bħala “pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed mill-qrib fost il-popli tal-Ewropa”. Dan kien jinkludi l-istrument li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, għalkemm ma kkompletax dan il-proċess. L-Unjoni Ewropea ma ħaditx post il-Komunitajiet Ewropej, iżda minflok poġġiethom taħt l-istess kappa bħall-politiki u l-forom ta’ kooperazzjoni l-ġodda. Għalhekk it-“tliet pilastri” li fuqhom hija mibnija l-UE. L-ewwel pilastru kien jikkonsisti mill-Komunitajiet Ewropej: il-KEE (li bdiet tissejjaħ il-KE), il-KEFA (sal-2002) u l-Euratom. It-tieni pilastru kien jikkonsisti mill-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni. It-tielet pilastru kien ikopri l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni.

Żvilupp ulterjuri wasal fil-forma tat-Trattati ta’ Amsterdam u ta’ Nizza, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999 u fl-1 ta’ Frar 2003, rispettivament. L-għan ta’ dawn ir-riformi kien li tiġi ppreżervata l-kapaċità għal azzjoni effettiva anke f’UE mkabbra b’għadd imdaqqas ta’ membri ġodda. Għalhekk, iż-żewġ trattati ffokaw fuq riformi istituzzjonali. Meta mqabbla ma’ riformi preċedenti, ir-rieda politika biex tiġi msaħħa l-integrazzjoni Ewropea kienet relattivament dgħajfa.

Il-kritika sussegwenti minn bosta kwartieri wasslet għall-bidu ta’ dibattitu dwar il-futur tal-UE u l-istruttura istituzzjonali tagħha. Bħala riżultat, fil-5 ta’ Diċembru 2001 f’Laeken (il-Belġju), il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern adottaw Dikjarazzjoni dwar il-Futur tal-Unjoni Ewropea, li fiha l-UE impenjat ruħha li ssir aktar demokratika, trasparenti u effettiva, u li twitti t-triq għal kostituzzjoni. L-ewwel pass sabiex jintlaħaq dan l-għan ittieħed permezz tal-istabbiliment ta’ konvenzjoni Ewropea, ippreseduta mill-ex President ta’ Franza, Valéry Giscard d’Estaing, bil-mandat li titfassal kostituzzjoni Ewropea. L-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa mfassal mill-konvenzjoni kien ippreżentat uffiċjalment lill-President tal-Kunsill Ewropew fit-18 ta’ Lulju 2003, u ġie adottat, b’diversi emendi, mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fis-17 u t-18 ta’ Lulju 2004 fi Brussell.

Il-kostituzzjoni kienet maħsuba biex l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea, kif konna nafuhom, jinbidlu f’Unjoni Ewropea ġdida u unika li tkun ibbażata fuq trattat kostituzzjonali wieħed. Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika biss kellha tibqa’ teżisti bħala komunità separata — għalkemm baqgħet assoċjata mill-qrib mal-Unjoni Ewropea l-ġdida. Madankollu, dan it-tentattiv ta’ kostituzzjoni falla waqt il-proċess ta’ ratifika mwettaq mill-Istati Membri. Wara li l-voti inizjali kienu favur fi 13 mill-25 Stat Membru ta’ dak iż-żmien, it-trattat ġie miċħud f’referendum fi Franza (54.68 % ivvotaw kontra, minn parteċipazzjoni ta’ 69.34 %) u f’referendum fin-Netherlands (61.7 % ivvotaw kontra, minn parteċipazzjoni ta’ 63 %).

Wara perjodu ta’ riflessjoni ta’ kważi sentejn, fl-ewwel nofs tal-2007 tnieda pakkett ġdid ta’ riformi. Dan il-pakkett ta’ riformi kien jirrappreżenta bidla formali mill-idea ta’ kostituzzjoni Ewropea li biha t-trattati eżistenti kollha jiġu rrevokati u jkunu sostitwiti minn test uniku msejjaħ it-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa. Minflok, tfassal Trattat ta’ Riforma, li, bħat-Trattati ta’ Maastricht, ta’ Amsterdam u ta’ Nizza qablu, għamel bidliet fundamentali fit-trattati eżistenti tal-UE sabiex isaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi ġewwa u barra l-Unjoni, iżid il-leġittimità demokratika tagħha u jtejjeb l-effiċjenza tal-azzjoni tal-UE b’mod ġenerali. F’konformità mat-tradizzjoni, dan it-Trattat ta’ Riforma ġie msemmi għall-post fejn ġie ffirmat: it-Trattat ta’ Liżbona. It-trattat ġie abbozzat aktar malajr mis-soltu, prinċipalment minħabba l-fatt li l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern infushom iddefinew fid-dettall, fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007 fi Brussell, kif u sa fejn il-bidliet innegozjati għat-Trattat ta’ Riforma kellhom jiġu inkorporati fit-trattati eżistenti. L-approċċ tagħhom kien differenti minn tas-soltu billi ma llimitawx ruħhom għal direzzjonijiet ġenerali li kellhom jiġu implimentati minn konferenza intergovernattiva, iżda huma nfushom fasslu l-istruttura u l-kontenut tal-bidliet li kellhom isiru, u ħafna drabi speċifikaw il-formulazzjoni eżatta ta’ dispożizzjoni.

Il-punti prinċipali tal-argumentazzjoni kienu d-delimitazzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri, il-futur tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, ir-rwol ġdid tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta’ integrazzjoni, l-inkorporazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fid-dritt tal-UE u l-progress possibbli fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Minħabba f’hekk, il-konferenza intergovernattiva li tlaqqgħet fl-2007 ftit kellha possibbiltà li tagħmel tibdil u setgħet biss timplimenta l-bidliet meħtieġa b’mod tekniku. Il-ħidma tal-konferenza tlestiet sat-18 u d-19 ta’ Ottubru 2007 u kisbet l-approvazzjoni politika tal-Kunsill Ewropew, li kien qiegħed jiltaqa’ b’mod informali f’Liżbona fl-istess żmien.

Finalment, it-trattat ġie ffirmat b’mod formali mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas-27 Stat Membru tal-UE ta’ dak iż-żmien (il-Kroazja ssieħbet fl-UE fl-2013) fit-13 ta’ Diċembru 2007 f’Liżbona. Madankollu, anke għal dan it-trattat il-proċess ta’ ratifika kien diffiċli ħafna. Għalkemm it-Trattat ta’ Liżbona, b’differenza mit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, ġie rratifikat b’suċċess fi Franza u fin-Netherlands, fil-bidu weħel fl-ostaklu tal-ewwel referendum fl-Irlanda fit-12 ta’ Ġunju 2008 (53.4 % ivvotaw kontra, minn parteċipazzjoni ta’ 53.1 %). Kien biss wara li ngħataw għadd ta’ assigurazzjonijiet legali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni (limitat) tat-trattat il-ġdid li ċ-ċittadini Irlandiżi kienu mitluba jivvotaw fit-tieni referendum dwar it-trattat f’Ottubru 2009. Din id-darba kiseb l-appoġġ wiesa’ tal-popolazzjoni Irlandiża (67.1 % ivvotaw favur, minn parteċipazzjoni ta’ 59 %). Is-suċċess tar-referendum fl-Irlanda fetaħ it-triq ukoll għar-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona fil-Polonja u fiċ-Ċekja. Fil-Polonja, għall-President Kaczyński l-iffirmar tal-istrument ta’ ratifika kien jiddependi minn riżultat favorevoli fir-referendum Irlandiż. Anke l-President Ċek, Václav Klaus, għall-ewwel ried jistenna r-riżultat tar-referendum tal-Irlanda, iżda mbagħad iffirma l-istrument ta’ ratifika bil-patt u l-kundizzjoni li Trattat ta’ Liżbona, u b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali inkorporata fit-Trattat tal-UE, ma jkunux jaffettwaw id-“digrieti ta’ Beneš” tal-1945, li ma kinux jippermettu pretensjonijiet għal art f’żoni taċ-Ċekja li qabel kienu Ġermaniżi. Ladarba nstabet soluzzjoni għal din it-talba, Klaus iffirma l-istrument ta’ ratifika fit-3 ta’ Novembru 2009. Għalhekk, il-proċess ta’ ratifika ġie konkluż b’suċċess, u t-Trattat ta’ Liżbona seta’ jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

It-Trattat ta’ Liżbona għaqqad lill-Unjoni Ewropea u lill-Komunità Ewropea f’Unjoni Ewropea waħda. Il-kelma “Komunità” ġiet sostitwita kompletament bil-kelma “Unjoni”. L-Unjoni Ewropea ssostitwiet u segwiet il-Komunità Ewropea. Madankollu, id-dritt tal-UE għadu msawwar mit-tliet trattati li ġejjin:

Trattati fis-seħħ bħalissa

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat tal-UE/TUE) huwa maqsum fis-sitt titoli li ġejjin: (I) Dispożizzjonijiet komuni, (II) Dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi, (III) Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet, (IV) Dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni msaħħa, (V) Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni u (VI) Dispożizzjonijiet finali.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ġie żviluppat mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat tal-KE). Għandu bejn wieħed u ieħor l-istess struttura bħal dak it-trattat. Il-bidliet ewlenin jirrigwardaw l-azzjoni esterna tal-UE u l-introduzzjoni ta’ kapitoli ġodda, b’mod partikolari dwar il-politika dwar l-enerġija, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, l-astronawtika, u l-isport u t-turiżmu.

Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-Trattat Euratom) ġie emendat fi stadji differenti. F’kull każ, l-emendi speċifiċi saru fi protokolli annessi mat-Trattat ta’ Liżbona.

It-Trattat tal-UE u t-TFUE għandhom l-istess locus standi u l-ebda wieħed ma huwa superjuri jew subordinat għall-ieħor. Din il-kjarifika legali espliċita hija meħtieġa, billi l-livelli ta’ regolamentazzjoni fiż-żewġ trattati u t-titolu ġdid tat-Trattat tal-KE preċedenti (it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) jagħtu l-impressjoni li t-Trattat tal-UE huwa xi tip ta’ kostituzzjoni jew trattat bażiku, filwaqt li t-TFUE huwa maħsub bħala trattat ta’ implimentazzjoni. It-Trattat tal-UE u t-TFUE lanqas ma huma formalment ta’ natura kostituzzjonali. It-termini użati fit-trattati b’mod ġenerali jirriflettu din il-bidla fl-approċċ mill-abbozz ta’ kostituzzjoni preċedenti: l-espressjoni “kostituzzjoni” ma għadhiex tintuża; il-“ministru tal-affarijiet barranin tal-UE” jissejjaħ ir-“Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà”; u d-definizzjonijiet ta’ “liġi” u “liġi qafas” ġew abbandunati. Apparti minn hekk, it-trattati emendati ma fihom l-ebda artikolu li jirreferi għas-simboli tal-UE, bħall-bandiera jew l-innu. Il-preminenza tad-dritt tal-UE ma hijiex stabbilita espliċitament fi trattat, iżda hija derivata, bħal qabel, minn dikjarazzjoni li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li hija rilevanti għall-kwistjoni tal-preminenza.

 

It-Trattat ta’ Liżbona jabbanduna wkoll it-“tliet pilastri” tal-UE. Madankollu, il-proċeduri speċjali relatati mal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, inkluża d-difiża Ewropea, jibqgħu fis-seħħ — id-dikjarazzjonijiet tal-konferenza intergovernattiva mehmuża mat-trattat jissottolinjaw in-natura speċjali ta’ dan il-qasam ta’ politika u r-responsabbiltajiet partikolari tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

Is-sħubija mal-UE

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit, l-UE bħalissa għandha 27 Stat Membru. Dawn jinkludu, l-ewwel nett, is-sitt membri fundaturi tal-KEE, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja (inkluż it-territorju tal-eks Ġermanja tal-Lvant wara l-unifikazzjoni taż-żewġ Ġermanji fit-3 ta’ Ottubru 1990), Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Fl-1 ta’ Jannar 1973, id-Danimarka (issa mingħajr Greenland, li f’referendum fi Frar 1982 ivvotat b’maġġoranza żgħira biex ma tibqax fil-KE), l-Irlanda u r-Renju Unit (li issa ħareġ mill-UE mill-31 ta’ Jannar 2020) issieħbu mal-Komunità; L-adeżjoni ppjanata tan-Norveġja ġiet miċħuda f’referendum f’Ottubru 1972 (53.5 % ivvotaw kontra s-sħubija fil-KE).

It-“tkabbir lejn in-Nofsinhar” beda bl-adeżjoni tal-Greċja fl-1 ta’ Jannar 1981 u tlesta fl-1 ta’ Jannar 1986 bl-adeżjoni ta’ Spanja u tal-Portugall. It-tkabbir segwenti seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995 meta l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ssieħbu fl-UE. Fin-Norveġja, referendum wassal għal ripetizzjoni tar-riżultat ta’ 22 sena qabel, b’maġġoranza żgħira (52.4 %) li vvotat kontra s-sħubija Norveġiża fl-UE. Fl-1 ta’ Mejju 2004, l-Istati Baltiċi tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, l-Istati Ewropej tal-Lvant u Ċentrali taċ-Ċekja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja u ż-żewġ gżejjer Mediterranji ta’ Ċipru u Malta ssieħbu fl-UE. Kien biss ftit aktar minn sentejn wara li kompla t-tkabbir lejn il-Lvant bl-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-1 ta’ Jannar 2007.

Il-Kroazja saret l-aktar membru ġdid tal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013. Il-popolazzjoni tal-Unjoni żdiedet għal ċifra kurrenti ta’ 447 miljun. Dan it-tkabbir storiku tal-UE huwa l-qofol ta’ proċess twil li wassal għar-riunifikazzjoni ta’ Ewropa li kienet maqsuma għal aktar minn nofs seklu mill-Purtiera tal-Ħadid u l-Gwerra Bierda. Fuq kollox, dan it-tkabbir jirrifletti x-xewqa li tinkiseb il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità ekonomika f’kontinent Ewropew magħqud.

L-UE hija miftuħa wkoll għall-adeżjoni ta’ aktar pajjiżi, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen fl-1993.

  • Kriterji politiċi. L-istabbiltà tal-istituzzjonijiet, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi.
  • Kriterji ekonomiċi. L-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona li tista’ tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-UE.
  • Kriterji legali. Il-kapaċità li l-pajjiż jassumi l-obbligi tas-sħubija fl-UE, inkluża l-aċċettazzjoni tal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja.

Il-proċedura tal-adeżjoni tikkonsisti minn tliet stadji, li jridu jiġu approvati mill-Istati Membri attwali kollha tal-UE:

  1. pajjiż jiġi offrut il-prospett tas-sħubija;
  2. pajjiż jirċievi l-istatus uffiċjali ta’ kandidat ladarba jkun issodisfa l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni, iżda dan mhux neċessarjament ifisser li jkunu nfetħu n-negozjati formali;
  3. jibdew in-negozjati formali tal-adeżjoni mal-pajjiż kandidat, fejn jiġu miftiehma l-arranġamenti u l-proċeduri għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE.

Meta n-negozjati u r-riformi ta’ akkumpanjament ikunu tlestew għas-sodisfazzjon taż-żewġ naħat, is-sejbiet u l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni jiġu stabbiliti fi trattat tal-adeżjoni. L-ewwel nett, il-Parlament Ewropew irid japprova dan it-trattat tal-adeżjoni b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu. Il-Kunsill imbagħad irid jagħti l-approvazzjoni — unanima — tiegħu. Wara dan, it-trattat tal-adeżjoni jrid jiġi ffirmat mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE u l-pajjiż ta’ adeżjoni. It-trattat tal-adeżjoni mbagħad irid jiġi rratifikat mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiż ta’ adeżjoni skont id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi. Bid-depożitu tal-istrumenti ta’ ratifika, jitlesta l-proċess tal-adeżjoni u t-trattat tal-adeżjoni jidħol fis-seħħ. Il-pajjiż ta’ adeżjoni mbagħad isir Stat Membru.

Bħalissa qed isiru negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija (mill-2005), mal-Montenegro (mill-2012), mas-Serbja (mill-2014), u mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq (mill-2022).

It-Turkija ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-14 ta’ April 1987. Madankollu, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija jmorru lura aktar minn hekk. Sa mill-1963, it-Turkija u l-KEE daħlu fi ftehim ta’ assoċjazzjoni fejn saret referenza għall-prospett ta’ sħubija. Fl-1995, ġiet iffurmata unjoni doganali u, f’Diċembru 1999 f’Helsinki, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti lit-Turkija l-istatus uffiċjali ta’ kandidat għall-adeżjoni. Dan kien jirrifletti t-twemmin li l-pajjiż kellu l-karatteristiċi bażiċi ta’ sistema demokratika, għalkemm kien għad għandu nuqqasijiet serji f’termini tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi. F’Diċembru 2004, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew fl-aħħar ta l-approvazzjoni tiegħu għall-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mat-Turkija. In-negozjati bdew f’Ottubru 2005, iżda għadhom qed ikunu diffiċli. Dan huwa parzjalment dovut għar-rekord kontinwament batut tal-pajjiż fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt, tal-libertà tal-media u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-fatt li tmien kapitoli jistgħu jinfetħu biss għan-negozjati ladarba t-Turkija tkun irratifikat il-protokoll addizzjonali dwar Ċipru mehmuż mal-Ftehim ta’ Ankara, u l-għeluq provviżorju tal-kapitoli li diġà ġew ittrattati jiddependi fuq l-istess avveniment, jippreżenta ostaklu addizzjonali. L-għan aħħari ta’ dawn in-negozjati huwa l-adeżjoni, iżda ma hemm l-ebda garanzija li dan l-għan se jintlaħaq.

L-Iżlanda ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fis-17 ta’ Lulju 2009. In-negozjati tal-adeżjoni nfetħu formalment fl-2010; dawn ukoll għamlu progress tajjeb għall-ewwel, iżda, wara l-bidla fil-gvern, waqfu qabel ma eventwalment ġew abbandunati għalkollox, biex wara l-Iżlanda rtirat l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fit-12 ta’ Marzu 2015.

Fl-2022, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova u l-Ukrajna ngħataw l-istatus ta’ pajjiż kandidat mill-UE. Il-prospett ta’ sħubija futura fl-UE ġie offrut ukoll lill-Kosovo(1) u lill-Georgia.

Sar provvediment ukoll għall-ħruġ mill-UE. Fit-Trattat tal-UE ġiet inkorporata klawsola ta’ ħruġ (l-Artikolu 50), li tippermetti li Stat Membru joħroġ mill-UE. Ma hemmx kundizzjonijiet għal ħruġ bħal dan mill-UE; kulma huwa meħtieġ huwa ftehim bejn l-UE u l-Istat Membru kkonċernat dwar l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu. Jekk ftehim bħal dan ma jkunx jista’ jintlaħaq, il-ħruġ isir effettiv mingħajr l-ebda ftehim sentejn wara n-notifika tal-intenzjoni ta’ ħruġ. Madankollu, ma hemm l-ebda provvediment għat-tkeċċija ta’ Stat Membru mill-UE kontra r-rieda ddikjarata tiegħu, anke għal ksur serju u persistenti tat-trattati.

Il-possibbiltà ta’ ħruġ ġiet eżerċitata aktar kmieni milli xi ħadd qatt seta’ jistenna. Fit-23 ta’ Ġunju 2016, f’referendum dwar is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE, 51.9 % tal-pubbliku tar-Renju Unit (b’parteċipazzjoni ta’ 72.2 %) ivvotaw kontra l-permanenza fl-Unjoni Ewropea. Dan wassal sabiex, fid-29 ta’ Marzu 2017, saret is-sottomissjoni formali lill-Kunsill Ewropew tal-avviż ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Tliet snin wara r-referendum tar-Renju Unit, u wara negozjati ferm tempestużi dwar il-ftehim ta’ ħruġ, fil-31 ta’ Jannar 2020 finalment ġie ssiġillat il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, wara 47 sena ta’ sħubija fl-UE. Mal-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju Unit ħareġ kompletament mill-UE fl-1 ta’ Jannar 2021, u b’mod partikolari ħareġ mis-suq intern tal-UE, mill-unjoni doganali, mill-politiki tal-UE u mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit bħala pajjiż mhux tal-UE huma stabbiliti fil-Ftehim bilaterali dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li, flimkien mal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jirregola t-termini tal-proċess ta’ ħruġ u mad-Dikjarazzjoni Politika, li tistabbilixxi l-qafas għan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, huwa element ewlieni tal-ħruġ.

Żewġ aspetti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistħoqqilhom attenzjoni partikolari.

  • Il-problema tal-fruntiera Irlandiża

Bl-għan li jiġi evitat il-ħolqien ta’ fruntiera fiżika bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda, l-UE talbet proposta ta’ “soluzzjoni ta’ kontinġenza” li, madankollu, fil-fatt kienet iġġiegħel lir-Renju Unit kollu jidħol f’unjoni doganali mal-UE. Dik il-possibbiltà heddet li tagħmel kwalunkwe ftehim impossibbli, iżda fl-aħħar minuta nstab arranġament li kien aċċettabbli għaż-żewġ naħat. Protokoll għall-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi b’mod inekwivoku li l-Irlanda ta’ Fuq hija parti mit-territorju doganali tar-Renju Unit. Il-ftehimiet kummerċjali li r-Renju Unit jista’ jikkonkludi wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, u l-ħruġ tal-pajjiż mill-unjoni doganali tal-UE, se japplikaw ukoll mingħajr restrizzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq. Għalhekk, l-Irlanda ta’ Fuq se jkollha fruntiera mal-Irlanda u, b’hekk, mas-suq intern u mal-unjoni doganali tal-UE, li fit-teorija tkun titlob ukoll kontrolli tal-merkanzija f’dik il-fruntiera. Madankollu, dan ikun f’kunflitt mal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast) tal-1998, li ġie ffirmat wara 30 sena ta’ vjolenza fl-Irlanda ta’ Fuq, magħruf bħala t-Troubles. Għalhekk, ġie organizzat fil-Ftehim dwar il-Ħruġ li l-fruntiera doganali bejn ir-Renju Unit u l-UE titmexxa fil-baħar bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq. Għalhekk, l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ soġġetta għar-regolamenti doganali u tas-suq rilevanti kollha tal-UE, b’mod partikolari r-regolamenti dwar il-moviment tal-merkanzija, l-istandards tas-saħħa, l-istandards tal-produzzjoni, l-arranġamenti tal-bejgħ għall-prodotti agrikoli, ir-regolamenti dwar il-VAT u d-dazju tas-sisa u r-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. L-oġġetti manifatturati fl-Irlanda ta’ Fuq jistgħu jiddaħħlu fl-Irlanda (u minn hemm jittieħdu fi kwalunkwe post fl-UE) mingħajr kontroll fuq il-fruntiera. L-oġġetti u l-prodotti l-oħrajn kollha importati fl-Irlanda ta’ Fuq jiġu kkontrollati mid-Dwana tar-Renju Unit fil-portijiet jew fl-ajruporti. L-għan ewlieni huwa li jiġi ddeterminat jekk dawk l-oġġetti u l-prodotti jkunux maħsubin biss għal wieħed mis-swieq tar-Renju Unit, jew jekk jagħtux lok għar-“riskju” li jiddaħħlu permezz tal-Irlanda fiż-żona tas-suq tal-UE. Kumitat konġunt se jieħu impenn li jistabbilixxi limiti fuq dan ir-“riskju” abbażi ta’ ċerti kriterji (in-natura u l-valur tal-prodott, l-użu għall-konsum dirett jew għal aktar proċessar, il-probabbiltà ta’ abbuż, eċċ.) u jipprovdi għal eżenzjonijiet. Imbagħad, it-trattament doganali jiġi ddeterminat permezz ta’ allokazzjoni lit-territorju doganali rilevanti: jekk l-oġġetti jkunu maħsubin għas-suq fl-Irlanda ta’ Fuq, japplikaw bis-sħiħ ir-regolamenti doganali tar-Renju Unit; jekk, min-naħa l-oħra, ikun hemm “riskju” li l-oġġetti inkwistjoni jerġgħu jidhru fis-suq intern tal-UE, japplikaw ir-regolamenti doganali tal-UE. Wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-parlament tal-Irlanda ta’ Fuq jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza sempliċi kull 4 snin jekk jixtieqx ikompli japplika r-regoli tal-UE. Fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, ir-regolamenti tal-UE ma jibqgħux validi fl-Irlanda ta’ Fuq wara sentejn oħra. F’każ bħal dan, ikollha tinstab soluzzjoni oħra fuq perjodu ta’ sentejn sabiex tiġi evitata fruntiera fiżika bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.

  • Drittijiet reċiproċi taċ-ċittadini

Fid-dawl tal-fatt li 3.2 miljun ċittadin tal-UE huma residenti fir-Renju Unit, u li 1.2 miljun ċittadin tar-Renju Unit jgħixu fl-UE, il-kwistjoni tal-protezzjoni reċiproka tad-drittijiet taċ-ċittadini hija prijorità importanti. Skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, iċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu fit-territorju rispettiv qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni (il-31 ta’ Diċembru 2020), u jkomplu jgħixu hemmhekk wara, se jgawdu għal għomorhom id-drittijiet kollha li kienu intitolati għalihom qabel il-Brexit. Dawn id-drittijiet huma estiżi wkoll għall-membri tal-familja ta’ dawk iċ-ċittadini. Anke wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni, dawn jistgħu jkomplu jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw hemmhekk. Il-konjuġi, it-tfal jew in-neputijiet tagħhom li jgħixu f’pajjiż ieħor jistgħu jirrilokaw fit-territorju ta’ dak il-membru tal-familja fi kwalunkwe żmien. Il-benefiċjarji jżommu wkoll id-drittijiet kollha għall-kura tas-saħħa u benefiċċji oħrajn tas-sigurtà soċjali. Ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali huwa ssalvagwardjat. Kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità se tibqa’ pprojbita, anke lil hinn mill-perjodu ta’ tranżizzjoni. Iċ-ċittadini jgawdu minn ugwaljanza sħiħa tat-trattament, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet u tal-opportunitajiet indaqs fl-aċċess għall-impjiegi u għall-edukazzjoni. Madankollu, dawk id-drittijiet ma humiex se jibqgħu japplikaw awtomatikament. Minflok, iċ-ċittadini tal-UE, pereżempju, iridu jagħtu prova tal-istatus tagħhom bħala residenti fir-Renju Unit sa Ġunju 2021. Jekk tinqabeż l-iskadenza, dak l-istatus jista’ jinkiseb biss jekk ikun hemm raġunijiet konvinċenti għall-applikazzjoni tard.

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ġie ffirmat fit-30 ta’ Diċembru 2020. Ġie applikat b’mod provviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ b’mod definittiv fl-1 ta’ Mejju 2021.

Fost affarijiet oħrajn, il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi sħubija kummerċjali komprensiva. Essenzjalment, din is-sħubija hija bbażata fuq ftehim ta’ kummerċ ħieles li ma jipprevedi la tariffi u lanqas kwoti u, għalhekk, jevita restrizzjonijiet sinifikanti fuq il-kummerċ. Madankollu, sħubija bħal din teħtieġ ukoll kundizzjonijiet ta’ qafas ġusti, u għalhekk iż-żewġ naħat qablu fuq regolamenti estensivi bl-għan li tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta. Din tapplika għall-għajnuna mill-Istat kif ukoll għall-istandards fl-oqsma tal-protezzjoni tal-konsumatur, tal-protezzjoni tal-ħaddiema, tal-ambjent u tal-klima. Minkejja dan, ma jista’ jkun hemm l-ebda ħjiel ta’ sħubija ekonomika ġenwina jekk ir-relazzjonijiet futuri ma jestendux lil hinn mill-kwistjonijiet kummerċjali. Għalhekk, l-UE u r-Renju Unit qablu wkoll dwar qafas għall-kooperazzjoni futura tagħhom f’ħafna oqsma oħrajn: tas-servizzi; tal-kwalifiki professjonali; tal-akkwist pubbliku; ta’ kwistjonijiet ambjentali u enerġetiċi; tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru, bil-baħar u bil-ferrovija; u tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali u dwar ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-ftehim se jservi wkoll bħala bażi għall-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’għadd ta’ programmi tal-UE fil-futur. Sabiex jiġu riflessi r-rabtiet mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit u l-prossimità ġeografika tagħhom, il-ftehim jistabbilixxi wkoll sħubija ta’ sigurtà mill-qrib sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni. B’mod speċifiku, dan ifisser li ż-żewġ naħat se jkomplu jikkooperaw mill-qrib fil-ġlieda kontra l-kriminalità, u jaġixxu flimkien meta jiġġieldu l-ħasil tal-flus, il-kriminalità tranżnazzjonali u t-terroriżmu, pereżempju taħt il-kappa tal-Europol (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi). Barra minn hekk, il-ftehim jirregola l-iskambji reċiproċi tad-data, pereżempju d-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri jew il-fedini penali. Għall-kuntrarju ta’ dak li kienet tixtieq l-UE, il-ftehim ma jagħmel l-ebda dispożizzjoni għall-kooperazzjoni dwar il-politika estera u ta’ sigurtà. L-UE u r-Renju Unit se jibqgħu sħab importanti fin-NATO, fl-OSKE u fin-Nazzjonijiet Uniti.

IL-VALURI FUNDAMENTALI TAL-UNJONI EWROPEA

L-Artikolu 2 tat-TUE (il-valuri tal-Unjoni)

L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

L-Artikolu 3 tat-TUE (l-għanijiet tal-Unjoni)

  1. L-għan tal-Unjoni huwa li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha.
  2. L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.
  3. L-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern. Hija għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità tal-ambjent. Hija għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku.

    Għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

    Għandha tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

    Għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew.

  4. L-Unjoni għandha tistabbilixxi Unjoni Ekonomika u Monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro.
  5. Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Hija għandha tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-pedamenti ta’ Ewropa magħquda kienu stabbiliti fuq ideat u fuq valuri fundamentali li l-Istati Membri qablu magħhom fl-Artikolu 2 tat-TUE u li huma kkonkretizzati f’realtà prattika mill-istituzzjonijiet operazzjonali tal-UE. Dawn il-valuri fundamentali jinkludu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-libertà u s-solidarjetà. L-għanijiet iddikjarati tal-UE huma li tissalvagwardja l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt li huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha, u li tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem.

Dawn il-valuri mhux biss jistabbilixxu l-istandard għall-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE fil-ġejjieni; il-ksur serju u persistenti ta’ dawn il-valuri u l-prinċipji minn Stat Membru jista’ jiġi ppenalizzat ukoll skont l-Artikolu 7 tat-TUE. Qabelxejn, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fil-Kunsill Ewropew iridu jistabbilixxu b’mod unanimu l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti tal-valuri u l-prinċipji tal-UE. Dan l-istabbiliment isir mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fuq proposta minn terz tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni Ewropea, u wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Imbagħad, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jissospendi ċerti drittijiet li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattat tal-UE u mit-TFUE lill-Istat Membru inkwistjoni, inklużi d-drittijiet tal-vot fil-Kunsill. Min-naħa l-oħra, l-obbligi fuq l-Istat Membru inkwistjoni skont it-trattati jibqgħu vinkolanti. Jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-effetti fuq id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini u l-intrapriżi.

L-Unjoni Ewropea bħala garanti tal-paċi

Ma hemmx motivazzjoni akbar għall-unifikazzjoni Ewropea mix-xewqa għall-paċi (ara l-Artikolu 3 tat-TUE). Fis-seklu li għadda, seħħew żewġ gwerer dinjija fl-Ewropa bejn pajjiżi li issa huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, politika għall-Ewropa tfisser fl-istess ħin politika għall-paċi. It-twaqqif tal-UE ħoloq il-qofol ta’ qafas għall-paċi fl-Ewropa li jirrendi gwerra bejn l-Istati Membri impossibbli. Iktar minn 70 sena ta’ paċi fl-Ewropa huma prova ta’ dan. Aktar ma jissieħbu stati Ewropej fl-UE, aktar isir b’saħħtu dan il-qafas ta’ paċi. L-aħħar tkabbiriet tal-UE għamlu kontribut importanti f’dan ir-rigward. Fl-2012, l-UE rċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi għall-ħidma tagħha favur il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.

Iżda l-paċi fl-Ewropa ma tistax tittieħed bħala fatt, kif turi l-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Minflok, l-Unjoni jeħtieġ li jkollha r-rwol li żżomm il-paċi lil hinn miż-żona ta’ paċi maħluqa fl-UE. Il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE fil-politika estera u ta’ sigurtà għandha toffri possibbiltajiet imsaħħin għal dan.

L-unità u l-ugwaljanza bħala t-temi rikorrenti

L-unità hija tema rikorrenti. Il-problemi prinċipali tal-lum jistgħu jiġu megħluba biss jekk il-pajjiżi Ewropej jitkellmu u jaġixxu flimkien, filwaqt li jippreservaw id-diversità tagħhom. Ħafna nies iħossu li mingħajr integrazzjoni Ewropea, ma huwiex possibbli li jiġu żgurati l-paċi (kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja), id-demokrazija, il-liġi u l-ġustizzja, il-prosperità ekonomika u s-sigurtà soċjali, u li dawn jiġu ggarantiti għall-ġejjieni. It-tibdil fil-klima, il-qgħad, it-tkabbir inadegwat, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u t-tniġġis ambjentali ilhom li ma baqgħux sempliċement problemi nazzjonali, u ma jistgħux jiġu solvuti fuq livell nazzjonali. Huwa biss fil-kuntest tal-UE li jista’ jiġi stabbilit ordni ekonomiku stabbli u huwa biss permezz ta’ sforzi Ewropej konġunti li nistgħu nassiguraw politika ekonomika internazzjonali li ttejjeb il-prestazzjoni tal-ekonomija Ewropea, filwaqt li fl-istess ħin jiġi appoġġat l-ilħuq tal-miri klimatiċi u jsir kontribut għall-ġustizzja soċjali. Mingħajr koeżjoni interna, l-Ewropa ma tistax tafferma l-indipendenza politika u ekonomika tagħha mill-bqija tad-dinja, tirbaħ lura l-influwenza tagħha fix-xena internazzjonali u terġa’ tikseb ir-rwol tagħha fil-politika dinjija.

L-unità tista’ tirrenja biss fejn hemm l-ugwaljanza. L-ebda ċittadin tal-UE ma jista’ jitqiegħed fi żvantaġġ jew issir diskriminazzjoni kontrih minħabba n-nazzjonalità tiegħu. It-trattament diskriminatorju abbażi tal-ġeneru, tar-razza, tal-oriġini etnika, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tad-diżabbiltà, tal-età jew tal-orjentazzjoni sesswali jrid jiġi miġġieled. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tmur lil hinn minn dan. Hija pprojbita kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħall-kulur, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f’minorità nazzjonali, il-proprjetà jew it-twelid. Barra minn hekk, iċ-ċittadini kollha tal-UE huma ugwali quddiem il-liġi. Fir-rigward tal-Istati Membri, il-prinċipju tal-ugwaljanza jfisser li l-ebda stat ma għandu preċedenza fuq ieħor, u differenzi naturali bħad-daqs, il-popolazzjoni u strutturi differenti għandhom jitqiesu biss f’konformità mal-prinċipju tal-ugwaljanza.

Il-libertajiet fundamentali

Il-libertà tirriżulta direttament mill-paċi, mill-unità u mill-ugwaljanza. Il-ħolqien ta’ entità akbar permezz tal-għaqda ta’ 27 stat joffri fl-istess ħin il-libertà ta’ moviment lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dan ifisser, b’mod partikolari, il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-moviment liberu tal-merkanzija u l-moviment liberu tal-kapital. Dawn il-libertajiet fundamentali jiggarantixxu lin-nies tan-negozju l-libertà tat-teħid tad-deċiżjonijiet, lill-ħaddiema l-libertà li jagħżlu l-post tax-xogħol tagħhom u lill-konsumaturi l-libertà tal-għażla bejn l-akbar varjetà possibbli ta’ prodotti. Il-libertà tal-kompetizzjoni tippermetti lin-negozji li joffru l-oġġetti u s-servizzi tagħhom lil ċirku ferm aktar wiesa’ ta’ klijenti potenzjali. Il-ħaddiema jistgħu jfittxu impjieg u jibdlu l-impjieg skont ix-xewqat u l-interessi tagħhom fit-territorju kollu tal-UE. Il-konsumaturi jistgħu jagħżlu l-irħas u l-aqwa prodotti mill-firxa ferm akbar ta’ oġġetti offruti li tirriżulta minn kompetizzjoni akbar.

Madankollu, it-trattat tal-adeżjoni ħafna drabi jistabbilixxi regoli tranżizzjonali għall-adeżjoni ta’ pajjiż fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment. Dawn ir-regoli jippermettu lill-Istati Membri “l-qodma” tal-UE jużaw id-dritt nazzjonali jew ftehimiet bilaterali eżistenti sabiex jikkontrollaw it-tħaddim ta’ dawn il-libertajiet fundamentali għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri ġodda sa massimu ta’ 7 snin.

Il-prinċipju tas-solidarjetà

Is-solidarjetà hija l-korrettiv neċessarju għal-libertà, għax it-tħaddim tal-libertà mingħajr konsiderazzjoni dejjem ikun għad-detriment ta’ ħaddieħor. Għal dik ir-raġuni, biex qafas tal-UE jibqa’ jeżisti, dan irid jirrikonoxxi dejjem is-solidarjetà tal-membri tiegħu bħala prinċipju fundamentali, u jaqsam kemm il-vantaġġi, jiġifieri l-prosperità, kif ukoll il-piżijiet b’mod ugwali u ġust fost il-membri tiegħu.

Ir-rispett għall-identità nazzjonali

L-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri huma rispettati. L-idea ma hijiex li l-Istati Membri jiġu “assorbiti” fl-UE, iżda pjuttost li dawn jikkontribwixxu l-kwalitajiet partikolari proprji tagħhom. Hija preċiżament din il-varjetà ta’ karatteristiċi u identitajiet nazzjonali li tagħti lill-UE l-awtorità morali tagħha, li min-naħa tagħha tintuża għall-benefiċċju tal-UE kollha kemm hi.

Il-ħtieġa tas-sigurtà

Dawn il-valuri fundamentali kollha fl-aħħar mill-aħħar jiddependu mis-sigurtà. B’mod partikolari wara l-attakk tal-11 ta’ Settembru 2001 fl-Istati Uniti u ż-żieda fl-għadd ta’ attakki terroristiċi dejjem aktar brutali fl-Ewropa, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata fl-Ewropa reġgħet ingħatat prominenza. Il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja kompliet tiġi kkonsolidata, u l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE ġiet intensifikata.

Madankollu, is-sigurtà fil-kuntest Ewropew tfisser ukoll is-sigurtà soċjali taċ-ċittadini kollha li jgħixu fl-UE, is-sigurtà tal-impjiegi u kundizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ġenerali siguri. F’dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet tal-UE huma msejħa sabiex jagħmluha possibbli għaċ-ċittadini u n-negozji li jikkalkolaw il-ġejjieni tagħhom billi joħolqu l-kundizzjonijiet li jiddependu minnhom.

Id-drittijiet fundamentali

Il-valuri u l-kunċetti fundamentali fil-qalba tal-UE jinkludu wkoll id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini individwali tagħha. L-istorja tal-Ewropa għal aktar minn 200 sena kienet karatterizzata minn sforzi kontinwi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Mid-dikjarazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili fis-seklu 18, id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili issa huma ankrati sewwa fil-kostituzzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-istati ċivilizzati. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-Istati Membri tal-UE, li s-sistemi legali tagħhom huma mibnija fuq il-bażi tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-dinjità, il-libertà u d-dritt għall-iżvilupp personali tal-individwu. Hemm ukoll bosta konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li fosthom il-KEDB hija ta’ sinifikat kbir ħafna għall-Ewropa.

Kien biss fl-1969 li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet ġabra ta’ ġurisprudenza biex isservi bħala qafas tad-drittijiet fundamentali. Qabel dan, il-Qorti kienet ċaħdet ir-rikorsi kollha relatati mad-drittijiet bażiċi bl-argument li hija ma kellhiex għalfejn tinvolvi ruħha fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kostituzzjonali nazzjonali. Il-Qorti wkoll kellha tbiddel il-pożizzjoni tagħha minħabba li hija nnifisha kienet l-espressjoni tal-preminenza tad-dritt tal-UE u l-preċedenza tiegħu fuq id-dritt nazzjonali; din il-preminenza tista’ tiġi stabbilita b’mod sod biss jekk id-dritt tal-UE jkun biżżejjed fih innifsu sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet bażiċi bl-istess saħħa legali daqslikieku skont il-kostituzzjonijiet nazzjonali.

Il-punt tat-tluq f’din il-ġurisprudenza kien is-sentenza Stauder, li fiha l-punt inkwistjoni kien il-fatt li benefiċjarju ta’ benefiċċji soċjali għall-vittmi tal-gwerra qies il-ħtieġa li jagħti ismu meta jirreġistra għax-xiri tal-butir bi prezzijiet imnaqqsa fi żmien il-Milied bħala ksur tad-dinjità umana tiegħu u tal-prinċipju tal-ugwaljanza. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-UE, li ma kienx meħtieġ li l-benefiċjarji jagħtu isimhom biex hekk, fil-fatt, l-eżami tal-kwistjoni ta’ ksur ta’ dritt fundamentali kien superfluwu, hija finalment iddikjarat li l-prinċipji fundamentali ġenerali tal-ordni ġuridiku tal-UE, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tissalvagwardja, kienu jinkludu r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Din kienet l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ qafas tal-UE tad-drittijiet fundamentali.

Fil-bidu, il-Qorti żviluppat is-salvagwardji tagħha għad-drittijiet fundamentali minn għadd ta’ dispożizzjonijiet fit-trattati. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-bosta projbizzjonijiet fuq id-diskriminazzjoni li, f’ċirkostanzi speċifiċi, jindirizzaw aspetti partikolari tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza. Eżempji jinkludu l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità (l-Artikolu 18 tat-TFUE); il-prevenzjoni li n-nies jiġu ttrattati b’mod differenti fuq il-bażi ta’ ġeneru, razza, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali (l-Artikolu 10 tat-TFUE); it-trattament ugwali tal-merkanzija jew tal-persuni fir-rigward tal-erba’ libertajiet bażiċi — il-libertà tal-moviment tal-merkanzija (l-Artikolu 34 tat-TFUE), il-libertà tal-moviment tal-persuni (l-Artikolu 45 tat-TFUE), id-dritt tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE) u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 57 tat-TFUE); il-libertà tal-kompetizzjoni (l-Artikolu 101 et seq. tat-TFUE); u paga ugwali għall-irġiel u n-nisa (l-Artikolu 157 tat-TFUE). Jiġu pprovduti garanziji espliċiti wkoll għad-dritt ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 169 tat-TFUE), id-dritt ta’ petizzjoni (l-Artikolu 24 tat-TFUE) u l-protezzjoni tas-segretezza kummerċjali u professjonali (l-Artikolu 339 tat-TFUE).

Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat u żiedet b’mod kostanti ma’ dawn it-tentattivi inizjali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tad-dritt tal-UE. Hija għamlet dan billi rrikonoxxiet u applikat prinċipji legali ġenerali, billi bbażat fuq il-kunċetti li huma komuni għall-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u fuq il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kienu partijiet għall-konklużjoni tagħhom. Prominenti fost dawn tal-aħħar hija l-KEDB, li għenet sabiex jissawru s-sustanza tad-drittijiet fundamentali fl-UE u l-mekkaniżmi għall-protezzjoni tagħhom. Fuq din il-bażi, il-Qorti rrikonoxxiet għadd ta’ libertajiet bħala drittijiet bażiċi garantiti mid-dritt tal-UE: id-dritt għall-proprjetà, il-libertà li wieħed jeżerċita professjoni, l-invjolabbiltà tad-dar, il-libertà ta’ opinjoni, id-drittijiet ġenerali tal-personalità, il-protezzjoni tal-familja (eż. id-drittijiet tal-membri tal-familja li jingħaqdu ma’ ħaddiem migrant), il-libertà ekonomika u l-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin, kif ukoll għadd ta’ drittijiet proċedurali fundamentali bħad-dritt għal proċess legali xieraq, il-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn avukat u klijent (magħrufa bħala “komunikazzjonijiet privileġġati” fil-pajjiżi tal-liġi komuni), il-projbizzjoni li wieħed jiġi punit darbtejn għall-istess reat jew ir-rekwiżit li tiġi pprovduta ġustifikazzjoni għal att legali tal-UE.

Ritratt mill-qrib ta’ lokomottiva b’ħaddiem tal-kostruzzjoni liebes tagħmir tas-sikurezza, bilwieqfa fuq il-pjattaforma tan-naħa tal-lemin, u jissorvelja l-lokomottiva.

Il-kawża Eugen Schmidberger kienet tirrigwarda protesta fuq l-awtostrada Brenner li wasslet biex l-awtostrada tingħalaq għalkollox għat-traffiku stradali għal 30 siegħa.

Prinċipju partikolarment importanti invokat b’mod regolari f’tilwimiet legali huwa l-prinċipju tat-trattament ugwali. Fi kliem sempliċi, dan ifisser li kawżi simili għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġuni oġġettivament ġustifikabbli sabiex jiġu ttrattati b’mod differenti. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat ukoll lill-UE korp estensiv ta’ dritt kważi kostituzzjonali. F’termini prattiċi, il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa l-aktar wieħed importanti fost dawn. Dan ifisser li l-għanijiet segwiti u l-mezzi użati jridu jintiżnu u jsir tentattiv sabiex dawn jinżammu f’bilanċ tajjeb sabiex iċ-ċittadin ma jkunx soġġett għal piżijiet eċċessivi. Fost il-prinċipji fundamentali l-oħrajn li fuqhom huwa bbażat id-dritt tal-UE hemm il-prinċipji ġenerali tal-liġi amministrattiva u l-kunċett ta’ proċess ġust: l-aspettattivi leġittimi jridu jitħarsu, huma preklużi dispożizzjonijiet retroattivi li jimponu piżijiet jew jieħdu lura vantaġġi miksubin b’mod leġittimu u d-dritt għal proċess legali ġust — ġustizzja naturali huwa t-terminu tradizzjonali għal dan — irid jiġi assigurat fil-proċeduri amministrattivi tal-Kummissjoni u fil-proċeduri ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għandha valur partikolari wkoll it-trasparenza akbar, li jfisser li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu bl-aktar mod miftuħ possibbli, u kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadin. Aspett importanti ta’ din it-trasparenza huwa li kwalunkwe ċittadin tal-UE jew persuna ġuridika rreġistrata fi Stat Membru jista’ jkollha aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. L-għotjiet u s-sussidji kollha mill-baġit tal-UE jridu jiġu żvelati wkoll lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi permezz ta’ bażijiet tad-data aċċessibbli għal kull ċittadin tal-UE.

Bir-rispett dovut kollu għall-kisbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-iżvilupp ta’ drittijiet fundamentali mhux miktuba, dan il-proċess ta’ ħruġ tad-“drittijiet fundamentali Ewropej” kellu żvantaġġ serju: il-Qorti tal-Ġustizzja kienet limitata għall-każ partikolari li tkun qiegħda tittratta. Għalhekk hija ma setgħetx tiżviluppa drittijiet fundamentali mill-prinċipji legali ġenerali għall-oqsma kollha fejn dan kien jidher meħtieġ jew mixtieq. Ma setgħetx lanqas tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-limiti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bil-mod ġenerali u distintiv kif kien meħtieġ. Minħabba f’hekk, l-istituzzjonijiet tal-UE ma setgħux jivvalutaw bi preċiżjoni suffiċjenti jekk kinux fil-periklu li jiksru dritt fundamentali jew le. Lanqas ma seta’ l-ebda ċittadin tal-UE li kien affettwat jiġġudika mingħajr sforz ulterjuri f’kull każ jekk kienx inkiser xi wieħed mid-drittijiet fundamentali tiegħu.

Għal żmien twil, l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB kienet meqjusa bħala mod kif tiġi evitata din is-sitwazzjoni. Madankollu, fl-Opinjoni 2/94 tagħha, il-Qorti kienet iddeċidiet li, kif kien id-dritt tal-UE f’dak iż-żmien, l-UE ma kellha l-ebda kompetenza biex taderixxi mal-konvenzjoni. Il-Qorti sostniet li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kien kundizzjoni għal-legalità tal-atti tal-UE. Madankollu, l-adeżjoni mal-konvenzjoni tinvolvi bidla sostanzjali fis-sistema attwali tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem billi tinvolvi li l-UE tidħol f’sistema istituzzjonali internazzjonali distinta kif ukoll l-integrazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni fl-ordni ġuridiku tal-UE. Il-Qorti qieset li modifika bħal din tas-sistema għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE, b’implikazzjonijiet istituzzjonali daqstant ieħor fundamentali għall-UE stess u għall-Istati Membri, tkun ta’ sinifikat kostituzzjonali u għalhekk tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat dispożittivi previsti fl-Artikolu 352 tat-TFUE. Dan in-nuqqas kien rimedjat bit-Trattat ta’ Liżbona. L-adeżjoni tal-UE mal-konvenzjoni issa hemm provvediment speċifiku għaliha fl-Artikolu 6(2) tat-TUE. Imbagħad, in-negozjati tal-adeżjoni nfetħu mill-ġdid fl-2010. Fir-rebbiegħa tal-2013, intlaħaq ftehim dwar l-abbozz tal-ftehim ta’ adeżjoni. Il-Kummissjoni bagħtet dan l-abbozz lill-Qorti tal-Ġustizzja u talbet opinjoni dwar il-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-UE. Fl-Opinjoni 2/13 tagħha, il-Qorti kkonkludiet li, fil-forma proposta, l-abbozz ta’ ftehim dwar l-adeżjoni tal-UE mal-KEDB ma kienx kompatibbli mad-dritt tal-UE, peress li kien qed iġorr ir-riskju, f’għadd ta’ punti, li jaffettwa b’mod negattiv il-karatteristiċi speċjali u l-awtonomija tad-dritt tal-UE.

Il-kumpanija tat-trasport Schmidberger talbet lir-Repubblika tal-Awstrija -- li l-awtoritajiet tagħha ma kinux ipprojbew id-dimostrazzjoni -- tħallas id-danni għat-telf li sofriet b’riżultat tal-għeluq. Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li n-nuqqas ta’ projbizzjoni tad-dimostrazzjoni llimita l-moviment liberu tal-merkanzija iżda seta’ jkun oġġettivament ġustifikat. Sostniet li d-deċiżjoni kienet tirrispetta d-drittijiet fundamentali tad-dimostranti għal-libertà tal-espressjoni u għal-libertà ta’ għaqda, li huma garantiti mill-kostituzzjoni Awstrijaka u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti sabet li għalhekk, l-awtoritajiet Awstrijaċi ma setax jingħad li wettqu ksur tal-liġi li jwassal għal responsabbiltà.

Punt sinifikanti ta’ kritika f’dan il-kuntest kien li, li kieku l-UE kellha taderixxi mal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha toqgħod għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni tkun soġġetta wkoll għas-superviżjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-Imħallfin kienu tal-fehma li dan kien imur kontra prinċipji strutturali importanti tal-UE. Għalkemm, fit-teorija, l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB tibqa’ possibbli wara din id-deċiżjoni, fil-prattika għalissa din hija eskluża, minħabba li qabel jeħtieġ li jiġu emendati għadd ta’ dettalji tekniċi fl-abbozz tal-adeżjoni.

Irrispettivament mill-adeżjoni tal-UE mal-KEDB, it-Trattat ta’ Liżbona għamel pass deċiżiv ieħor lejn il-ħolqien ta’ dritt kostituzzjonali komuni għall-UE u poġġa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fuq sisien ġodda. Artikolu ġdid dwar id-drittijiet fundamentali (l-Artikolu 6 tat-TUE) jissottometti l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri, sa fejn dawn japplikaw u jimplimentaw id-dritt tal-UE, għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li saret legalment vinkolanti fuq livell tal-UE b’referenza f’dak l-artikolu. Din il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija bbażata fuq abbozz imfassal qabel minn konvenzjoni ta’ 16-il rappreżentant tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri u tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, 16-il Membru tal-Parlament Ewropew u 30 membru ta’ parlamenti nazzjonali (tnejn minn kull wieħed mill-15-il Stat Membru ta’ dak iż-żmien) taħt il-presidenza tal-Professur Roman Herzog. Dan l-abbozz ġie pproklamat b’mod solenni bħala l-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea fil-bidu tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000. Matul in-negozjati dwar kostituzzjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet riveduta u saret parti integrali mit-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa tad-29 ta’ Ottubru 2004. Wara l-falliment tat-trattat, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet proklamata mill-ġdid b’mod solenni bħala l-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”, din id-darba bħala strument separat, mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasburgu. It-Trattat tal-UE jirreferi għal din il-verżjoni tal-karta f’forma vinkolanti. Dan jagħmel il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali legalment vinkolanti u jistabbilixxi wkoll l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali fid-dritt tal-UE. Madankollu, dan ma japplikax għall-Polonja, peress li dan l-Istat Membru ma xtaqx jadotta s-sistema tad-drittijiet fundamentali tal-karta, peress li kien imħasseb li jkun obbligat iċedi jew tal-anqas ibiddel ċerti pożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, kwistjonijiet ta’ reliġjon u ta’ fidi. Għalhekk il-Polonja ma hijiex marbuta mid-drittijiet fundamentali tal-karta, iżda mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħal qabel.

IL-METODI GĦALL-UNIFIKAZZJONI TAL-EWROPA

L-unifikazzjoni Ewropea hija kkaratterizzata minn żewġ kunċetti differenti biex jiġi definit il-mod li bih il-pajjiżi tal-Ewropa jaħdmu flimkien: il-kooperazzjoni u l-integrazzjoni. Il-kooperazzjoni msaħħa nibtet bħala metodu ieħor.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

L-essenza tal-kooperazzjoni hija li, għalkemm l-Istati Membri huma lesti li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom biex jaħdmu flimkien ma’ Stati Membri oħra, huma jagħmlu dan biss jekk is-sovranità nazzjonali tagħhom tiġi ppreservata bħala kwistjoni ta’ prinċipju. Għalhekk, l-isforzi ta’ unifikazzjoni bbażati fuq il-kooperazzjoni ma għandhomx l-għan li joħolqu stat wieħed ġdid, iżda minflok huma limitati għall-konnessjoni ta’ stati sovrani sabiex tiġi ffurmata federazzjoni ta’ stati fejn ikunu ppreservati l-istrutturi nazzjonali (konfederazzjoni). Il-metodi ta’ ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OECD huma konsistenti mal-prinċipju tal-kooperazzjoni.

Il-kunċett ta’ integrazzjoni

Il-kunċett ta’ integrazzjoni jmur lil hinn mill-eżistenza parallela tradizzjonali ta’ stati nazzjon. L-idea tradizzjonali li s-sovranità tal-istati hija invjolabbli u indiviżibbli ċċedi postha għall-konvinzjoni li l-ordni imperfetta tal-koeżistenza umana u nazzjonali, l-inadegwatezza inerenti tas-sistema nazzjonali u l-bosta istanzi fl-istorja Ewropea ta’ stat wieħed li jasserixxi s-setgħa tiegħu fuq stat ieħor (eġemonija) jistgħu jingħelbu biss jekk is-sovranitajiet nazzjonali individwali jinġabru flimkien sabiex tinħoloq sovranità komuni u, f’livell ogħla, jiġu amalgamati f’komunità supranazzjonali (federazzjoni).

L-UE hija ħolqien ta’ dan il-kunċett ta’ integrazzjoni, mingħajr l-amalgamazzjoni tas-sovranità nazzjonali. L-Istati Membri ma kinux lesti li jċedu l-istruttura tal-istat nazzjon tagħhom — li kienu għadhom kif irkupraw u mbagħad ikkonsolidaw wara t-Tieni Gwerra Dinjija — għall-benefiċċju ta’ konfederazzjoni Ewropea. Għalhekk, għal darba oħra, kellu jinstab kompromess, li, mingħajr ma kellu għalfejn joħloq konfederazzjoni Ewropea, assigura aktar minn sempliċi kooperazzjoni bejn l-istati. Is-soluzzjoni kienet tikkonsisti fit-tnaqqis inkrimentali tad-differenzi bejn il-preservazzjoni tal-indipendenza nazzjonali u konfederazzjoni Ewropea. L-Istati Membri ma ntalbux iċedu s-sovranità tagħhom għalkollox, iżda sempliċement iwarrbu t-twemmin li din hija indiviżibbli. Għalhekk, fil-bidu kien biss każ ta’ identifikazzjoni tal-oqsma li fihom l-Istati Membri kienu lesti li jċedu biċċa mis-sovranità tagħhom b’mod volontarju għall-benefiċċju ta’ komunità li kienet superjuri għalihom kollha. It-tliet trattati fundaturi — il-KEFA, il-K(E)E u l-Euratom — jirriflettu l-eżitu ta’ dawn l-isforzi.

Dawn it-trattati u t-trattati tal-UE tal-lum jispeċifikaw l-oqsma li fihom id-drittijiet sovrani ġew ittrasferiti lill-UE. F’dan il-kuntest, l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha ma huma mogħtija l-ebda setgħa ġenerali biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu segwiti l-għanijiet tat-trattati, iżda pjuttost in-natura u l-firxa tas-setgħat ta’ azzjoni huma stipulati fid-dispożizzjonijiet rispettivi tat-trattati (il-prinċipju tal-għoti speċifiku ta’ setgħat). B’dan il-mod, l-Istati Membri jistgħu jimmonitorjaw u jikkontrollaw iċ-ċediment tas-setgħat tagħhom.

Kooperazzjoni msaħħa

L-istrument ta’ kooperazzjoni msaħħa jifforma l-bażi għall-implimentazzjoni tal-idea ta’ integrazzjoni b’veloċitajiet differenti. L-idea hija li anke gruppi relattivament żgħar ta’ Stati Membri jingħataw l-opportunità li jżidu l-integrazzjoni tagħhom f’qasam partikolari li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UE, mingħajr ma jiġu mfixkla mill-Istati Membri li jkunu riluttanti jew mhux lesti li jagħmlu dan.

Billi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-użu ta’ dan l-istrument kienu oriġinarjament (it-Trattat ta’ Amsterdam) stretti ħafna, dawn ġew irrilassati xi ftit fid-dawl tat-tkabbir tal-UE (it-Trattat ta’ Nizza). It-Trattat ta’ Liżbona jgħaqqad id-dispożizzjonijiet preċedenti dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-Artikolu 20 tat-TUE (kundizzjonijiet qafas) u fl-Artikoli 326 sa 334 tat-TFUE (kundizzjonijiet supplimentari, parteċipazzjoni, proċeduri, regoli tal-votazzjoni).

Ir-regoli għall-kooperazzjoni msaħħa jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

  • Kooperazzjoni bħal din tista’ tintuża biss fil-qafas tal-kompetenzi eżistenti tal-UE u trid isservi sabiex tmexxi ’l quddiem l-objettivi tal-Unjoni u ssaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea (l-Artikolu 20 tat-TUE). Għalhekk ma tistax ittaffi n-nuqqasijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja li huma inkorporati fl-arkitettura tat-trattati tal-UE. Il-kooperazzjoni msaħħa ma għandhiex xxekkel is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE. Barra minn hekk, ma tistax tkun ta’ ostakolu jew toħloq diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas tfixkel il-kompetizzjoni (l-Artikolu 326 tat-TFUE). Il-kompetenzi, id-drittijiet, l-obbligi u l-interessi ta’ dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni jridu jiġu rrispettati (l-Artikolu 327 tat-TFUE).
  • Il-kooperazzjoni msaħħa trid tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jitħallew ukoll jipparteċipaw fil-kooperazzjoni fi kwalunkwe ħin, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jikkonformaw mad-deċiżjonijiet meħuda fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jassiguraw li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa l-akbar għadd ta’ Stati Membri possibbli (l-Artikolu 328 tat-TFUE).
  • Il-kooperazzjoni msaħħa tista’ titwettaq biss bħala l-aħħar riżorsa, meta jkun ġie stabbilit fi ħdan il-Kunsill li l-objettivi ta’ din il-kooperazzjoni ma jkunux jistgħu jintlaħqu fi żmien perjodu raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-trattati. Il-limitu minimu għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa huwa ta’ disa’ Stati Membri (l-Artikolu 20(2) tat-TUE).
  • L-atti adottati fil-qafas ta’ kooperazzjoni msaħħa ma humiex meqjusin bħala parti mill-acquis tal-UE. Dawn l-atti għandhom applikabbiltà diretta biss fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (l-Artikolu 20(4) tat-TUE). Madankollu, l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-proċess ma jridux ifixklu l-implimentazzjoni ta’ dawn l-atti.
  • In-nefqa li tirriżulta minn kooperazzjoni msaħħa, għajr il-kostijiet amministrattivi, għandha tiġi ffinanzjata mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm il-membri kollha tal-Kunsill, li jaġixxu b’unanimità wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, ma jiddeċidux mod ieħor (l-Artikolu 332 tat-TFUE).
  • Il-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jassiguraw il-konsistenza tal-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa mal-politiki u l-attivitajiet l-oħrajn tal-Unjoni (l-Artikolu 334 tat-TFUE).

Fil-prattika, dan l-istrument qiegħed jintuża aktar u aktar ta’ spiss: Għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE, l-Istati Membri għamlu użu mill-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa sabiex joħolqu regolament li jippermetti li konjuġi ta’ nazzjonalitajiet differenti jagħżlu d-dritt applikabbli għal divorzju. Wara li proposta tal-Kummissjoni għal dak l-għan naqset fl-2006 milli tikseb l-unanimità meħtieġa fil-Kunsill, dan tal-aħħar ta l-awtorizzazzjoni biex titkompla l-kooperazzjoni msaħħa bid-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2010. Fuq il-bażi ta’ proposta ġdida tal-Kummissjoni, 14-il Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja) oriġinarjament qablu dwar dawn id-dispożizzjonijiet għad-divorzju jew għas-separazzjoni tal-konjuġi ta’ nazzjonalitajiet differenti; sussegwentement, ma’ dawn il-pajjiżi ngħaqdu l-Litwanja (2014), il-Greċja (2015) u l-Estonja (2018). L-eżitu huwa stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. Din il-kooperazzjoni msaħħa ġiet estiża fl-2016 biż-żieda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali.

Każ ieħor li fih ġiet implimentata l-kooperazzjoni msaħħa jirrigwarda l-protezzjoni tal-privattivi fl-Ewropa. Mingħajr Spanja u l-Kroazja, u bil-parteċipazzjoni sussegwenti tal-Italja, total ta’ 25 Stat Membru tal-UE qablu dwar kooperazzjoni msaħħa sabiex tinħoloq protezzjoni tal-privattiva unitarja. Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja u r-Regolament (UE) Nru 1260/2012 dwar l-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni daħlu fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2013. Madankollu, ir-regolamenti se japplikaw biss ladarba l-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi jkun daħal fis-seħħ. Sabiex dan iseħħ, il-ftehim irid jiġi ratifikat minn tal-anqas 13-il Stat Membru.

Fl-aħħar, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) ġie stabbilit ukoll bħala riżultat tal-kooperazzjoni msaħħa. Skont it-Trattat ta’ Liżbona, l-UE ngħatat is-setgħa li tistabbilixxi dan l-uffiċċju (l-Artikolu 86 tat-TFUE) permezz ta’ regolament adottat b’mod unanimu mill-Kunsill wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Bir-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku, il-Kunsill fl-aħħar mill-aħħar għamel użu minn din il-kompetenza fil-qafas ta’ kooperazzjoni msaħħa, peress li ma setgħetx tinkiseb l-unanimità meħtieġa fil-Kunsill. Sa issa, 22 Stat Membru pparteċipaw f’din il-kooperazzjoni msaħħa.

IL-“KOSTITUZZJONI” TAL-UNJONI EWROPEA

Kull organizzazzjoni soċjali għandha kostituzzjoni. Kostituzzjoni hija l-mezz li bih tiġi ddefinita l-istruttura ta’ sistema politika, jiġifieri tiġi speċifikata r-relazzjoni tal-partijiet differenti ma’ xulxin u mal-ħaġa sħiħa, jiġu definiti l-għanijiet komuni u jiġu stabbiliti r-regoli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet vinkolanti. Għalhekk, il-kostituzzjoni tal-UE, bħala assoċjazzjoni ta’ stati li ġiet assenjata kompiti u funzjonijiet pjuttost speċifiċi, trid tkun kapaċi twieġeb l-istess mistoqsijiet bħall-kostituzzjoni ta’ stat.

Fl-Istati Membri, il-korp politiku huwa msawwar minn żewġ prinċipji ewlenin: l-istat tad-dritt u d-demokrazija. L-attivitajiet kollha tal-UE, biex jirrispettaw ir-rekwiżiti fundamentali tad-dritt u d-demokrazija, irid ikollhom leġittimità kemm legali kif ukoll demokratika: l-elementi li fuqhom hija mibnija, l-istruttura tagħha, is-setgħat tagħha, il-mod kif topera, il-pożizzjoni tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tagħhom, u l-pożizzjoni taċ-ċittadini.

Wara l-falliment tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa tad-29 ta’ Ottubru 2004, il-“kostituzzjoni” tal-UE għadha ma hijiex stabbilita f’dokument kostituzzjonali komprensiv, kif inhi fil-biċċa l-kbira tal-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri tagħha, iżda tirriżulta mit-totalità tar-regoli u l-valuri fundamentali li bihom iħossuhom marbuta dawk li jinsabu fl-awtorità. Dawn ir-regoli jinsabu parzjalment fit-trattati Ewropej, fl-istrumenti legali prodotti mill-istituzzjonijiet tal-UE jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huma wkoll parzjalment ibbażati fuq id-drawwiet.

In-natura ġuridika tal-Unjoni Ewropea

Kwalunkwe konsiderazzjoni tan-natura legali tal-UE trid tibda billi wieħed iħares lejn il-karatteristiċi tipiċi tagħha. Għalkemm in-natura ġuridika tal-UE kienet stabbilita f’żewġ sentenzi ta’ preċedent, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-1963 u fl-1964, relatati ma’ dik li kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea, is-sentenzi għadhom validi għall-Unjoni Ewropea fil-forma attwali tagħha.

Van Gend & Loos

F’din it-tilwima legali, il-kumpanija Olandiża tat-trasport Van Gend & Loos ressqet azzjoni kontra l-awtoritajiet doganali Netherlandiżi talli dawn imponew dazju tal-importazzjoni fuq prodott kimiku mill-Ġermanja li kien ogħla mid-dazji fuq l-importazzjonijiet preċedenti. Il-kumpanija qieset dan bħala ksur tal-Artikolu 12 preċedenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (it-Trattat tal-KEE), li kien jipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ dazji ġodda tal-importazzjoni jew kwalunkwe żieda fid-dazji doganali eżistenti bejn l-Istati Membri. Imbagħad, il-qorti fin-Netherlands issospendiet il-proċedimenti u rrinvijat il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika rigward il-kamp ta’ applikazzjoni u l-implikazzjonijiet legali tal-artikolu msemmi hawn fuq tat-Trattat tal-KEE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja użat dan il-każ bħala opportunità sabiex tistabbilixxi numru ta’ osservazzjonijiet ta’ natura fundamentali dwar in-natura legali tal-KEE. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ddikjarat dan li ġej:

L-objettiv tat-Trattat KEE, li huwa li jistabbilixxi Suq Komuni, li l-funzjonament tiegħu huwa ta’ interess dirett għall-partijiet interessati fil-Komunità, jimplika li dan it-Trattat huwa aktar minn ftehim li sempliċiment joħloq obbligi reċiproċi bejn l-istati kontraenti. Din il-fehma hija kkonfermata mill-preambolu tat-Trattat li jirreferi mhux biss għall-gvernijiet iżda għall-popli. Hija kkonfermata wkoll b’mod aktar speċifiku bit-twaqqif ta’ istituzzjonijiet mogħnija bi drittijiet sovrani, li l-eżerċizzju tagħhom jaffettwa lill-Istati Membri u anke liċ-ċittadini tagħhom. […] Il-konklużjoni li għandha tinstilet minn dan hija li l-Komunità tikkostitwixxi ordni ġuridiku ġdid tad-dritt internazzjonali li għall-benefiċċju tiegħu l-Istati Membri llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom, għalkemm f’oqsma limitati, u b’hekk ħolqu ġabra ta’ liġijiet li torbot kemm liċ-ċittadini tagħhom kif ukoll lilhom stess.”

Costa vs ENEL

Sena biss wara, il-Kawża 6/64 Costa vs ENEL tat opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispjega l-pożizzjoni tagħha f’aktar dettall. Il-fatti ta’ din il-kawża kienu dawn. Fl-1962, l-Italja nazzjonalizzat il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku u ttrasferiet l-assi tal-impriżi tal-elettriku lill-bord nazzjonali tal-elettriku, ENEL. Bħala azzjonist ta’ Edison Volta, waħda mill-kumpaniji li ġiet nazzjonalizzata, is-Sur Costa ħass li huwa kien ġie mċaħħad mid-dividend tiegħu u konsegwentement irrifjuta li jħallas kont tal-elettriku li kien jammonta għal ITL 1 926. Fi proċedimenti quddiem il-qorti ta’ arbitraġġ f’Milan, wieħed mill-argumenti mressqin mis-Sur Costa sabiex jiġġustifika l-imġiba tiegħu kien li l-att ta’ nazzjonalizzazzjoni kien jikser għadd ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KEE. Sabiex tkun tista’ tivvaluta s-sottomissjonijiet tas-Sur Costa fid-difiża tiegħu, il-qorti talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta diversi aspetti tat-Trattat tal-KEE. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat dan li ġej fir-rigward tan-natura legali tal-KEE:

B’kuntrast ma’ Trattati internazzjonali normali, it-Trattat KEE ħoloq sistema legali tiegħu li, mal-bidu fis-seħħ tat-Trattat, sar parti integrali tas-sistemi legali tal-Istati Membri u li l-qrati tagħhom huma marbuta li japplikaw. Fil-fatt, bil-ħolqien ta’ Komunità għal żmien illimitat, li għandha l-istituzzjonijiet tagħha, il-personalità tagħha, il-kapaċità legali tagħha, kapaċità ta’ rappreżentanza fuq il-livell internazzjonali u, aktar partikolarment, setgħat veri li jitnisslu minn limitazzjoni ta’ kompetenza jew minn trasferiment ta’ poteri mill-Istati lill-Komunità, l-Istati Membri llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom, għalkemm f’oqsma limitati, u b’hekk ħolqu ġabra ta’ liġijiet li torbot kemm liċ-ċittadini tagħhom kif ukoll lilhom stess.”

Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet dettaljati tagħha, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li ġejja:

Minn dawn l-osservazzjonijiet isegwi li peress li hija mnissla minn fonti indipendenti, il-liġi li toħroġ mit-Trattat, ma tistax, minħabba n-natura speċjali u oriġinali tagħha, tkun suġġetta għal dispożizzjonijiet legali domestiċi, indipendentement minn kif ikunu fformulati, mingħajr ma tiġi mċaħħda min-natura tagħha bħala liġi komunitarja u mingħajr ma jitqajmu dubji dwar il-bażi legali tal-Komunità nnifisha. It-trasferiment mill-Istati tad-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mit-Trattat, mis-sistema legali domestika tagħhom favur is-sistema legali komunitarja, iġib miegħu limitazzjoni permanenti tad-drittijiet sovrani tagħhom, li kontra tagħha ma jistax jipprevali att unilaterali sussegwenti li jkun inkompatibbli mal-kunċett tal-Komunità.”

Fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi, l-elementi li flimkien tipikament jikkaratterizzaw in-natura legali speċjali tal-UE huma:

  • l-istruttura istituzzjonali, li tassigura li l-azzjoni mill-UE tkun ikkaratterizzata wkoll mill-interess Ewropew ġenerali, jiġifieri tkun riflessa fl-interess tal-UE kif stabbilit fl-objettivi jew influwenzata minnu;
  • it-trasferiment ta’ setgħat lill-istituzzjonijiet tal-UE b’mod akbar milli f’organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, u li jestendi għal oqsma li fihom l-istati normalment iżommu d-drittijiet sovrani tagħhom;
  • l-istabbiliment tal-ordni ġuridiku proprju tagħha li huwa indipendenti mill-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri;
  • l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-UE, li tagħmel id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE applikabbli b’mod sħiħ u uniformi fl-Istati Membri kollha, u tagħti drittijiet u timponi obbligi kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq iċ-ċittadini tagħhom;
  • il-preminenza tad-dritt tal-UE, li tassigura li d-dritt tal-UE ma jistax jiġi revokat jew emendat mid-dritt nazzjonali u li dan jieħu preċedenza fuq id-dritt nazzjonali jekk dawn jiġu f’kunflitt.

L-UE għalhekk hija entità awtonoma bid-drittijiet sovrani proprji tagħha u ordni ġuridiku indipendenti mill-Istati Membri, li għalih huma suġġetti kemm l-Istati Membri nfushom kif ukoll iċ-ċittadini fl-oqsma ta’ kompetenza tal-UE.

Min-natura tagħha stess, l-UE għandha ċerti karatteristiċi komuni mat-tip normali ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew struttura tat-tip federali, kif ukoll għadd ta’ differenzi.

L-UE nnifisha għadha ma hijiex “prodott lest”; hija tinsab fil-proċess li tevolvi u l-forma li finalment tieħu għadha ma tistax tiġi mbassra.

L-unika karatteristika li l-UE għandha komuni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tradizzjonali hi li hija wkoll bdiet bħala riżultat ta’ trattati internazzjonali. Madankollu, l-UE diġà tbiegħdet sew minn dan il-bidu. Dan minħabba li t-trattati li jistabbilixxu l-UE wasslu għall-ħolqien ta’ Unjoni indipendenti bid-drittijiet u r-responsabbiltajiet sovrani proprji tagħha. L-Istati Membri ċedew xi wħud mis-setgħat sovrani tagħhom lil din l-Unjoni u ttrasferewhom lill-UE sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati b’mod konġunt.

Permezz ta’ dawn id-differenzi bejn l-UE u t-tip tradizzjonali ta’ organizzazzjoni internazzjonali, l-UE qiegħda fil-proċess li takkwista status simili għal dak ta’ stat individwali. B’mod partikolari, iċ-ċediment parzjali tad-drittijiet sovrani min-naħa tal-Istati Membri tqieset bħala sinjal li l-UE kienet diġà strutturata fuq il-linji ta’ stat federali. Madankollu, din il-fehma tonqos milli tqis li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom setgħat biss f’ċerti oqsma biex isegwu l-objettivi speċifikati fit-trattati. Dan ifisser li ma humiex ħielsa li jagħżlu l-objettivi tagħhom bl-istess mod bħal stat sovran; u lanqas ma huma f’pożizzjoni li jilqgħu l-isfidi li jiffaċċaw l-istati moderni llum. L-UE la għandha l-ġuriżdizzjoni komprensiva li jgawdu l-istati sovrani u lanqas is-setgħat sabiex tistabbilixxi oqsma ġodda ta’ responsabbiltà (“ġuriżdizzjoni fuq ġuriżdizzjoni”).

L-UE għalhekk la hija organizzazzjoni internazzjonali fis-sens normali u lanqas assoċjazzjoni ta’ stati, iżda pjuttost entità awtonoma xi mkien bejn it-tnejn. Fl-oqsma legali, issa jintuża t-terminu “organizzazzjoni supranazzjonali”.

Il-kompiti tal-Unjoni Ewropea

Il-lista tal-kompiti fdati lill-UE tixbah ħafna l-ordni kostituzzjonali ta’ stat. Dawn ma humiex il-kompiti tekniċi limitati ħafna li normalment jassumu l-organizzazzjonijiet internazzjonali, iżda oqsma ta’ kompetenza li, meħuda flimkien, jiffurmaw attributi essenzjali ta’ stat.

Il-lista tal-kompiti fdati lill-UE hija wiesgħa ħafna, u tkopri l-azzjoni ekonomika, soċjali u politika.

Kompiti ekonomiċi

Il-kompiti ekonomiċi huma ċċentrati madwar l-istabbiliment ta’ suq komuni li jgħaqqad is-swieq nazzjonali tal-Istati Membri u li fih l-oġġetti u s-servizzi kollha jistgħu jiġu offruti u mibjugħin bl-istess kundizzjonijiet bħal f’suq intern u li għalih iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkollhom l-istess aċċess liberu. Il-pjan sabiex jinħoloq suq komuni ġie essenzjalment imwettaq permezz tal-programm immirat lejn it-tlestija tas-suq intern sal-1992, li kien inbeda mill-President tal-Kummissjoni ta’ dak iż-żmien, Jacques Delors, u ġie approvat mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, bl-istituzzjonijiet tal-UE jirnexxilhom jistabbilixxu qafas legali għal suq uniku li jiffunzjona b’mod xieraq. Dan il-qafas issa ġie mlaħħam b’mod estensiv b’miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali, bir-riżultat li s-suq uniku diġà sar realtà. Dan is-suq uniku jinħass ukoll fil-ħajja ta’ kuljum, speċjalment meta wieħed jivvjaġġa fl-UE, fejn il-kontrolli fuq il-persuni u l-merkanzija fil-fruntieri nazzjonali ilhom li twaqqfu.

Tliet ċestuni tat-tuffieħ fuq xulxin, li fuq kull wieħed minnhom hemm il-kliem “Europe Quality”.

Is-suq intern, bl-erba’ libertajiet karatteristiċi tiegħu (ara l-Artikolu 26 tat-TFUE), huwa element ewlieni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: il-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikolu 34), il-moviment liberu tal-persuni (l-Artikoli 45 u 49), il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 57) u l-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63).

Is-suq intern huwa sostnut mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-kompitu tal-UE fil-politika ekonomika ma huwiex li tistabbilixxi u tħaddem politika ekonomika Ewropea, iżda li tikkoordina l-politiki ekonomiċi nazzjonali sabiex id-deċiżjonijiet ta’ politika ta’ Stat Membru wieħed jew aktar ma jkollhomx riperkussjonijiet negattivi għat-tħaddim tas-suq uniku. Għal dan il-għan, ġie adottat Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex jagħti lill-Istati Membri l-kriterji dettaljati li d-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-politika baġitarja għandhom jissodisfaw. Jekk huma jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni Ewropea tista’ toħroġ twissijiet u, f’każijiet ta’ defiċit baġitarju eċċessiv persistenti, il-Kunsill jista’ wkoll jimponi penali.

Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, il-kooperazzjoni fil-politika ekonomika fuq livell tal-UE ġiet imsaħħa aktar mill-2010 sal-2012. Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE ġiet supplimentata minn mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet, li jikkonsisti prinċipalment mill-elementi li ġejjin: it-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni, l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ korrezzjoni awtomatika, l-istabbiliment ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-ogħla livell politiku, il-koordinazzjoni miftiehma fis-Semestru Ewropew b’obbligi ta’ rapportar aktar stretti għall-Istati Membri, it-tisħiħ tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew, u l-impenji volontarji li għandhom jiġu stabbiliti fid-dritt nazzjonali.

Din iċ-ċart turi d-diversi stadji tas-Semestru Ewropew, filwaqt li tenfasizza r-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-proċess.

Il-fażi preparatorja sseħħ f’Novembru u f’Diċembru u tinvolvi l-analiżi tas-sitwazzjoni u s-segwitu tas-sena ta’ qabel. Matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi tal-politiki baġitarji u strutturali permezz tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (AGS), tabbozza r-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro u tevalwa l-iżbilanċi makroekonomiċi fir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija. L-ewwel fażi, minn Jannar sa Marzu, tinvolvi gwida politika fil-livell tal-UE. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistudja l-AGS u jadotta l-konklużjonijiet, filwaqt li l-Parlament Ewropew jipprovdi opinjoni rigward il-linji gwida dwar l-impjiegi. Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew (il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern) jipprovdi orjentazzjonijiet ta’ politika. Barra minn hekk, ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija jidentifika pajjiżi bi żbilanċi makroekonomiċi potenzjali li jeħtieġu analiżi fit-tul. Fit-tieni fażi, minn April sa Ġunju, l-Istati Membri jiddeskrivu l-objettivi, il-prijoritajiet u l-pjanijiet speċifiċi tagħhom, li jservu bħala bażi biex il-Kummissjoni Ewropea tabbozza rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaqbel dwar ir-rakkomandazzjonijiet finali speċifiċi għall-pajjiż, li mbagħad jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew u adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. It-tielet fażi hija meta sseħħ l-implimentazzjoni. Meta jieħdu deċiżjonijiet baġitarji nazzjonali għas-sena ta’ wara, l-Istati Membri jqisu r-rakkomandazzjonijiet. Jerġa’ jibda ċiklu ġdid lejn l-aħħar tas-sena, meta l-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni ekonomika fl-AGS tagħha għas-sena li jmiss.

Jerġa’ jibda ċiklu ġdid lejn l-aħħar tas-sena, meta l-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni ekonomika fl-AGS tagħha għas-sena li jmiss.

Sors: https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/european-semester/

Fil-qalba ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid għall-kriżijiet hemm is-semestru Ewropew. Is-semestru Ewropew huwa ċiklu li matulu l-Istati Membri tal-UE jikkoordinaw il-politika ekonomika u fiskali tagħhom. Il-fokus tiegħu huwa fuq l-ewwel 6 xhur ta’ sena, għalhekk jissejjaħ is-“semestru”. Matul is-semestru Ewropew, l-Istati Membri jallinjaw il-politiki baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-objettivi u r-regoli maqbula fil-livell tal-UE. L-għan tas-semestru Ewropew għalhekk huwa li jikkontribwixxi sabiex jassigura finanzi pubbliċi sodi, irawwem it-tkabbir ekonomiku u jipprevjeni żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fl-UE.

Il-kompitu tal-UE fil-politika monetarja kien u għadu li tintroduċi munita unika fl-UE u li tikkontrolla l-kwistjonijiet monetarji b’mod ċentrali. Diġà nkiseb xi suċċess f’dan il-qasam. Fl-1 ta’ Jannar 1999, l-euro ġiet introdotta bħala l-munita unika Ewropea fl-Istati Membri li kienu diġà ssodisfaw il-kriterji ta’ konverġenza stabbiliti għal dak l-għan (rata ta’ inflazzjoni: 1.5 %, defiċit tal-gvern = dejn annwali ġdid: 3 %, dejn tal-gvern: 60 %, rata tal-imgħax fit-tul: 2 %). Dawn kienu l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja. Fl-1 ta’ Jannar 2002 il-muniti nazzjonali ta’ dawn l-istati ġew issostitwiti b’karti tal-flus u b’muniti tal-euro. Minn dakinhar, il-pagamenti u t-tranżazzjonijiet finanzjarji ta’ kuljum tagħhom saru f’munita waħda biss — l-euro. Fis-snin ta’ wara, għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri laħqu l-kriterji sabiex jadottaw l-euro: il-Greċja (fl-1 ta’ Jannar 2001), is-Slovenja (fl-1 ta’ Jannar 2007), Ċipru (fl-1 ta’ Jannar 2008), Malta (fl-1 ta’ Jannar 2008), is-Slovakkja (fl-1 ta’ Jannar 2009), l-Estonja (fl-1 ta’ Jannar 2011), il-Latvja (fl-1 ta’ Jannar 2014), il-Litwanja (fl-1 ta’ Jannar 2015) u fl-aħħar il-Kroazja (fl-1 ta’ Jannar 2023). Iż-żona tal-euro — il-pajjiżi li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom — issa tkopri 20 Stat Membru.

Fil-prinċipju, l-Istati Membri li fadal huma obbligati wkoll li jadottaw l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom malli jilħqu l-kriterji ta’ konverġenza. L-unika eċċezzjoni hija għad-Danimarka li kisbet esklużjoni fakultattiva li tippermettilha tiddeċiedi jekk u meta tinbeda l-proċedura għall-verifika tal-konformità mal-kriterji għas-sħubija fil-munita unika. L-Iżvezja, li ma għandhiex klawżola ta’ esklużjoni fakultattiva, tirrappreżenta każ speċjali. L-adozzjoni tagħha tal-euro tiddependi minflok fuq jekk il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jirrakkomandawx il-parteċipazzjoni tal-Iżvezja lill-Kunsill. Jekk issir tali rakkomandazzjoni u din tiġi approvata mill-Kunsill, l-Iżvezja ma tkunx tista’ tirrifjuta li tipparteċipa.

Minkejja t-tħassib kollu, l-euro żviluppa f’munita b’saħħitha u rikonoxxuta internazzjonalment li tifforma wkoll rabta soda bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Anke l-kriżi tad-dejn sovran li bdiet fl-2010 ma bidlitx dan. Pjuttost bil-kontra. L-UE wieġbet għall-kriżi billi introduċiet mekkaniżmi ta’ appoġġ temporanju, li ġew issostitwiti b’mod permanenti bil-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) fl-2013. Bħala qafas permanenti għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet, l-MES jipprovdi lill-Istati Membri taż-żona tal-euro assistenza finanzjarja esterna, b’kapaċità ta’ self effettiva ta’ EUR 500 biljun. L-Istati Membri taż-żona tal-euro jistgħu jirċievu din l-assistenza finanzjarja biss taħt kundizzjonijiet stretti, li huma mmirati għal konsolidament fiskali rigoruż u huma riflessi fi programm ta’ aġġustament ekonomiku li għandu jiġi nnegozjat mill-Kummissjoni u mill-Fond Monetarju Internazzjonali, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Permezz tal-MES, l-UE għandha l-kapaċità li taġixxi sabiex tiddefendi l-euro, anke fix-xenarji tal-akbar pressjoni. Dan huwa riflessjoni ċara tal-interess komuni u tas-solidarjetà fiż-żona tal-euro, kif ukoll tar-responsabbiltà individwali ta’ kull Stat Membru quddiem il-pari tiegħu.

Minbarra l-qasam tal-politika ekonomika u monetarja, hemm bosta oqsma oħrajn tal-politika ekonomika fejn l-UE għandha responsabbiltajiet. Dawn jinkludu b’mod partikolari l-politika dwar il-klima u l-enerġija, il-politika agrikola u tas-sajd, il-politika tat-trasport, il-politika tal-konsumatur, il-politika strutturali u ta’ koeżjoni, il-politika dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, il-politika spazjali, il-politika ambjentali, il-politika tas-saħħa, il-politika kummerċjali u l-politika dwar l-enerġija.

Kompiti soċjali

Fil-politika soċjali, l-UE għandha wkoll il-kompitu li tfassal id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku u tassigura li l-benefiċċji tal-integrazzjoni ekonomika ma jinħassux biss minn dawk attivi fl-ekonomija. Wieħed mill-punti ta’ tluq għal dan kien l-introduzzjoni ta’ sistema tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti. B’din is-sistema, il-ħaddiema li jkunu ħadmu f’aktar minn Stat Membru wieħed, u għalhekk kienu jaqgħu taħt skemi tas-sigurtà soċjali differenti, ma jsofrux żvantaġġ fir-rigward tas-sigurtà soċjali tagħhom (il-pensjoni tal-irtirar, il-pensjoni tal-invalidità, il-kura tas-saħħa, il-benefiċċji tal-familja, il-benefiċċji tal-qgħad). Kompitu prijoritarju ieħor tal-politika soċjali, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-qgħad fl-UE, li kienet sors ta’ tħassib għal għadd ta’ snin, kien il-ħtieġa li titfassal strateġija Ewropea dwar l-impjiegi. Dan jitlob li l-Istati Membri u l-UE jiżviluppaw strateġija dwar l-impjiegi, u b’mod partikolari li jippromwovu forza tax-xogħol b’ħafna ħiliet, imħarrġa u adattabbli, minbarra li s-swieq tax-xogħol iridu jsiru adattabbli għat-tibdil ekonomiku. Il-promozzjoni tal-impjiegi hija meqjusa bħala kwistjoni ta’ interess komuni u tirrikjedi li l-Istati Membri jikkoordinaw il-miżuri nazzjonali tagħhom fi ħdan il-Kunsill. L-UE se tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ impjiegi billi tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, tikkumplimenta l-azzjoni tagħhom filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tagħhom.

Kompiti politiċi

Fir-rigward tal-qasam politiku proprju, l-UE għandha kompiti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, taċ-ċittadinanza tal-UE, tal-politika dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

L-UE qed tiġġieled it-tibdil fil-klima permezz ta’ politiki ambizzjużi fil-pajjiżi tagħha u b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali. L-azzjoni klimatika hija fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew — pakkett ambizzjuż ta’ miżuri li jvarjaw minn tnaqqis ambizzjuż fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għal investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni mill-aktar avvanzati, sal-preżervazzjoni tal-ambjent naturali tal-Ewropa. L-ewwel inizjattivi ta’ azzjoni klimatika taħt il-Patt Ekoloġiku jinkludu:

Iċ-ċittadinanza tal-UE saħħet aktar id-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini tal-Istati Membri fi ħdan l-UE. Iċ-ċittadini jgawdu d-dritt li jiċċaqalqu b’mod liberu fi ħdan l-UE (l-Artikolu 21 tat-TFUE), id-dritt li jivvotaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet lokali (l-Artikolu 22 tat-TFUE), l-intitolament għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru (l-Artikolu 23 tat-TFUE), id-dritt li jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew (l-Artikolu 24 tat-TFUE) u, fil-kuntest tal-projbizzjoni ġenerali fuq id-diskriminazzjoni, id-dritt li jiġu trattati mill-Istati Membri kollha bl-istess mod li jittrattaw liċ-ċittadini proprji tagħhom (l-Artikolu 20(2), flimkien mal-Artikolu 18 tat-TFUE).

Fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, ir-rwol ewlieni tal-UE huwa li twettaq kompiti li huma fl-interessi tal-Ewropa kollha kemm hi. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Billi l-kriminalità organizzata ma għadhiex tista’ tiġi miġġielda aktar b’mod effettiv fuq livell nazzjonali, hija meħtieġa risposta konġunta fuq livell tal-UE. Diġà ttieħdu żewġ passi pożittivi ħafna bid-direttiva dwar il-ħasil tal-flus u l-ħolqien ta’ awtorità Ewropea tal-pulizija, il-Europol, li ilha taħdem mill-1998 (l-Artikolu 88 tat-TFUE). Il-Europol ilha aġenzija tal-UE mill-2010, u issa hija magħrufa bħala l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi. Din il-kooperazzjoni hija kkonċernata wkoll bl-iffaċilitar u t-tħaffif tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-proċedimenti u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, l-iffaċilitar tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri, l-istabbiliment ta’ regoli minimi relatati mal-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u mal-pieni fl-oqsma tal-kriminalità organizzata, it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta’ drogi u t-traffikar illeċitu ta’ armi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni (l-Artikolu 83 tat-TFUE).

Wieħed mill-aktar avvanzi sinifikanti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE kien il-ħolqien tal-UPPE. Dan inħoloq mill-Kunsill bil-kunsens tal-Parlament Ewropew skont ir-Regolament (UE) 2017/1939 bħala parti mill-kooperazzjoni msaħħa li tinvolvi 22 Stat Membru. F’Ġunju 2021, 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament dwar l-UPPE, l-UPPE nieda l-operazzjonijiet tiegħu wara deċiżjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq proposta mill-Kap Prosekutur Ewropew. L-UPPE għandu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu. L-UPPE se jkun organizzat f’livell ċentrali u f’livell deċentralizzat. Il-livell ċentrali se jkun jikkonsisti mill-Uffiċċju Ċentrali, magħmul mill-Kulleġġ, mill-Awli Permanenti, mill-kap prosekutur Ewropew, mill-viċi kapijiet prosekuturi Ewropej, mill-prosekuturi Ewropej u mid-direttur amministrattiv. Il-livell deċentralizzat se jikkonsisti minn prosekuturi delegati Ewropej li se jkunu jinsabu fl-Istati Membri. L-UPPE se jkun responsabbli għall-investigazzjoni, għall-prosekuzzjoni u għat-teħid ta’ azzjoni legali kontra l-awturi ta’ reati kriminali u l-kompliċi f’reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. F’dak ir-rigward, l-UPPE se jwettaq investigazzjonijiet, u jwettaq atti ta’ prosekuzzjoni u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri, sakemm il-każ ikun finalment ingħalaq. L-UPPE se jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet imnaqqxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Se jkun marbut bil-prinċipji tal-istat tad-dritt u tal-proporzjonalità fl-attivitajiet kollha tiegħu. L-UPPE se jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod imparzjali u se jfittex l-evidenza rilevanti kollha, kemm jekk tkun timplika ħtija kif ukoll jekk tkun tiskolpa.

Sar aktar progress bil-Mandat ta’ Arrest Ewropew, li ilu validu madwar l-UE kollha minn Jannar tal-2004. Il-mandat jista’ jinħareġ għal kwalunkwe persuna akkużata b’reat li għalih il-piena minima tkun ta’ aktar minn sena priġunerija. Il-Mandat ta’ Arrest Ewropew ħa post il-proċeduri twal ta’ estradizzjoni tal-imgħoddi.

Fir-rigward tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, l-UE, b’mod partikolari, għandha l-kompiti li tissalvagwardja l-valuri miżmuma b’mod komuni, l-interessi fundamentali u l-indipendenza tal-UE; it-tisħiħ tas-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; l-iżgurar tal-paċi dinjija u ż-żieda tas-sigurtà internazzjonali; il-promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-kooperazzjoni internazzjonali; is-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet bażiċi; u l-istabbiliment ta’ difiża komuni.

Billi l-UE ma hijiex stat individwali, dawn il-kompiti jistgħu jitwettqu biss pass pass. Tradizzjonalment, il-politika estera, u speċjalment il-politika tas-sigurtà, hija qasam fejn l-Istati Membri huma partikolarment ħerqana li jżommu s-sovranità proprja tagħhom. Raġuni oħra għaliex huwa diffiċli li jiġu ddefiniti l-interessi komuni f’dan il-qasam hija li Franza hija l-uniku pajjiż tal-UE li għad għandu armi nukleari. Problema oħra hija li xi Stati Membri ma humiex fin-NATO. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni għadhom jittieħdu fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni bejn l-istati. Sadanittant, madankollu, tfaċċat medda ta’ strumenti indipendenti, li tat il-kooperazzjoni bejn l-istati qafas legali sod.

Fid-dawl ta’ ambjent ta’ sigurtà li qed jinbidel, l-istrateġija globali tal-UE għall-politika estera u ta’ sigurtà bdiet proċess ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib fis-sigurtà u fid-difiża. L-Istati Membri qablu li jespandu l-ħidma tal-UE f’dan il-qasam u rrikonoxxew li koordinazzjoni aktar mill-qrib, investiment akbar fid-difiża u fil-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża huma essenzjali sabiex dan jinkiseb. Dan huwa l-objettiv ewlieni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fi kwistjonijiet tas-sigurtà u tad-difiża, kif previst fl-Artikolu 42(6) u fl-Artikolu 46 tat-TUE u fil-Protokoll Nru 10 tiegħu. Permezz tal-PESCO, l-Istati Membri jżidu l-effettività tagħhom fl-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà u fl-avvanzar lejn aktar integrazzjoni u tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam fid-difiża fi ħdan il-qafas tal-UE. Fil-11 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni li jistabbilixxi l-PESCO u l-lista tal-parteċipanti fiha, u b’hekk ħa pass storiku. B’kollox, 25 Stat Membru għażlu li jieħdu sehem fil-PESCO: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

Is-setgħat tal-Unjoni Ewropea

It-trattati li jistabbilixxu l-Unjoni Ewropea ma jagħtu lill-istituzzjonijiet tal-UE l-ebda setgħa ġenerali sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-trattati, iżda f’kull kapitolu jistabbilixxu l-firxa tas-setgħat ta’ azzjoni. Bħala prinċipju bażiku, l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha ma għandhomx is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-bażi legali u l-kompetenzi tagħhom; jibqa’ japplika l-prinċipju tal-għoti speċifiku ta’ setgħat (l-Artikolu 2 tat-TFUE). Dan il-metodu ntgħażel mill-Istati Membri sabiex jiġi assigurat li ċ-ċediment tas-setgħat tagħhom ikun jista’ jiġi mmonitorjat u kkontrollat aktar faċilment.

Il-firxa tal-kwistjonijiet koperti mill-għoti speċifiku ta’ setgħat tvarja skont in-natura tal-kompiti assenjati lill-UE. Il-kompetenzi li ma ġewx ittrasferiti lill-UE jibqgħu fil-poter esklużiv tal-Istati Membri. It-Trattat tal-UE jiddikjara espliċitament li l-kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali jibqgħu taħt l-awtorità esklużiva tal-Istati Membri.

Dan naturalment iqajjem il-mistoqsija ta’ fejn tinsab il-linja diviżorja bejn il-kompetenzi tal-UE u dawk tal-Istati Membri. Din il-linja diviżorja titfassal fuq il-bażi ta’ tliet kategoriji ta’ kompetenza.

  • Kompetenza esklużiva tal-UE (l-Artikolu 3 tat-TFUE) f’oqsma fejn wieħed jista’ jassumi li miżura f’livell tal-UE tkun aktar effettiva minn miżura fi kwalunkwe Stat Membru li ma tkunx ikkoordinata. Dawn l-oqsma huma stabbiliti b’mod ċar u jinkludu l-unjoni doganali, l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern, il-politika monetarja tal-istati tal-euro, il-politika kummerċjali komuni u partijiet mill-politika komuni tas-sajd. F’dawn l-oqsma ta’ politika l-Unjoni Ewropea biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan huma stess biss jekk jingħataw is-setgħa mill-UE jew għall-implimentazzjoni ta’ atti tal-UE (l-Artikolu 2(1) tat-TFUE).
  • Kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri (l-Artikolu 4 tat-TFUE) f’oqsma fejn azzjoni fuq livell tal-EU żżid il-valur fuq azzjoni mill-Istati Membri. Hemm kompetenza kondiviża għar-regoli tas-suq intern; il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; l-agrikoltura u s-sajd; l-ambjent; it-trasport; in-networks trans-Ewropej; il-provvista tal-enerġija; u ż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-kompetenza kondiviża tkopri wkoll tħassib komuni dwar is-sikurezza fi kwistjonijiet tas-saħħa pubblika; ir-riċerka u l-żvilupp teknoloġiku; l-ispazju; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; u l-għajnuna umanitarja. F’dawn l-oqsma kollha, l-UE tista’ teżerċita l-kompetenza l-ewwel hi, iżda biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet stabbiliti fl-istrument rilevanti tal-Unjoni Ewropea, u mhux għall-qasam kollu ta’ politika. L-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sa fejn l-UE ma tkunx eżerċitat, jew iddeċidiet li ma tkomplix teżerċita, il-kompetenza tagħha (l-Artikolu 2(2) tat-TFUE). Is-sitwazzjoni tal-aħħar tinħoloq meta l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE jiddeċiedu li jirrevokaw att leġiżlattiv, b’mod partikolari biex jirrispettaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Il-Kunsill jista’, fuq inizjattiva ta’ wieħed jew aktar mill-membri tiegħu, jitlob li l-Kummissjoni tissottometti proposti għat-tħassir ta’ att leġiżlattiv.
  • Kompetenza li twettaq azzjoni ta’ appoġġ (l-Artikolu 6 tat-TFUE). Il-kompetenza tal-UE li twettaq azzjoni ta’ appoġġ hija limitata għall-koordinazzjoni jew il-provvediment ta’ azzjoni komplementari għall-azzjoni tal-Istati Membri; l-UE ma tistax tarmonizza d-dritt nazzjonali fl-oqsma kkonċernati (l-Artikolu 2(5) tat-TFUE). Ir-responsabbiltà għat-tfassil tal-leġiżlazzjoni għalhekk tibqa’ tal-Istati Membri, li b’hekk għandhom libertà konsiderevoli ta’ azzjoni. L-oqsma koperti minn din il-kategorija ta’ kompetenza huma l-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem, l-industrija, il-kultura, it-turiżmu, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-isport, it-taħriġ vokazzjonali, il-protezzjoni ċivili u l-kooperazzjoni amministrattiva. Fl-oqsma tal-impjiegi u l-politika ekonomika, l-Istati Membri jirrikonoxxu espliċitament il-ħtieġa li jikkoordinaw il-miżuri nazzjonali fi ħdan l-UE.

Minbarra dawn is-setgħat speċjali sabiex jaġixxu, it-trattati tal-UE jagħtu wkoll lill-istituzzjonijiet is-setgħa li jaġixxu meta dan ikun essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku jew sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet (ara l-Artikolu 352 tat-TFUEsetgħat dispożittivi jew klawsola ta’ flessibbiltà). Madankollu, dawn l-artikoli ma jagħtu lill-istituzzjonijiet l-ebda setgħa ġenerali li tippermettilhom iwettqu kompiti li jaqgħu barra mill-objettivi stabbiliti fit-trattati, u l-istituzzjonijiet tal-UE ma jistgħux jestendu s-setgħat tagħhom għad-detriment ta’ dawk tal-Istati Membri. Fil-prattika, il-possibbiltajiet offruti minn din is-setgħa ntużaw ta’ sikwit ħafna fil-passat, billi matul iż-żmien l-UE kellha tiffaċċa ripetutament kompiti ġodda li ma kinux previsti meta ġew konklużi t-trattati fundaturi, u li għalihom għalhekk ma kienet konferita l-ebda setgħa xierqa fit-trattati. Eżempji huma l-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumaturi jew l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bħala mezz sabiex titnaqqas id-differenza bejn ir-reġjuni żviluppati u dawk sottożviluppati tal-UE. Issa, madankollu, ingħatat ġuriżdizzjoni speċifika fl-oqsma msemmija hawn fuq. Dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi fissru li l-importanza prattika tas-setgħat dispożittivi naqset ħafna. L-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fl-aħħar nett, hemm setgħat oħrajn sabiex jittieħdu dawk il-miżuri li jkunu indispensabbli għall-implimentazzjoni effettiva u sinifikanti tas-setgħat li diġà ngħataw b’mod espliċitu (setgħat implikati). Dawn is-setgħat kisbu sinifikat speċjali fit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni. Dawn jippermettu lill-UE tassumi obbligi lejn stati mhux tal-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn fl-oqsma koperti mil-lista tal-kompiti fdati lill-UE. Eżempju eċċezzjonali huwa pprovdut mill-kawża Kramer deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kawża kienet tikkonċerna l-kapaċità tal-UE li tikkopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-iffissar ta’ kwoti tas-sajd u, fejn meqjus xieraq, li tassumi obbligi dwar il-kwistjoni skont id-dritt internazzjonali. Billi ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika stabbilita fit-Trattat tal-UE, il-Qorti ddeduċiet il-kompetenza esterna meħtieġa tal-UE mill-kompetenza interna tagħha għall-politika tas-sajd skont il-politika agrikola komuni.

Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat, l-UE hija mmexxija mill-prinċipju tas-sussidjarjetà, meħud mid-duttrina soċjali Kattolika Rumana, li akkwistat status virtwalment kostituzzjonali bl-inklużjoni fit-Trattat tal-UE (l-Artikolu 5(3) tat-TUE). Hemm żewġ aspetti għal dan: id-dikjarazzjoni affermattiva li l-UE trid taġixxi fejn l-objettivi li jridu jiġu segwiti jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Unjoni, li żżid is-setgħat tagħha; u d-dikjarazzjoni negattiva li hija ma għandhiex taġixxi fejn l-objettivi jistgħu jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod individwali, li tillimitahom. Dan għandu jiġi preżunt awtomatikament għall-oqsma tal-kompetenza esklużiva tal-UE, u b’riżultat ta’ dan, kwalunkwe verifika tas-sussidjarjetà tista’ ma ssirx f’dawn l-oqsma. Madankollu, għall-oqsma l-oħrajn kollha ta’ responsabbiltà, fil-prattika dan ifisser li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, imma speċjalment il-Kummissjoni, iridu dejjem juru li hemm ħtieġa reali għal regoli komuni u azzjoni komuni. Sabiex wieħed jikkwota lil Montesquieu, meta ma jkunx meħtieġ li l-UE tieħu azzjoni, huwa meħtieġ li ma tieħu l-ebda azzjoni. Jekk tintwera l-ħtieġa ta’ regoli tal-UE, il-mistoqsija l-oħra li tqum tirrigwarda l-intensità u l-forma li dawn għandhom jieħdu. Ir-risposta toħroġ mill-prinċipju tal-proporzjonalità, li huwa stabbilit fit-Trattat UE flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza (l-Artikolu 5(4) tat-TUE). Dan ifisser li l-ħtieġa tal-istrument legali speċifiku trid tiġi vvalutata bir-reqqa biex wieħed jara jekk jeżistix mezz anqas limitattiv sabiex jinkiseb l-istess riżultat. F’termini ġenerali wieħed jikkonkludi li r-regolamenti qafas, l-istandards minimi u r-rikonoxximent reċiproku tal-istandards eżistenti tal-Istati Membri għandhom jiġu ppreferuti fuq dispożizzjonijiet legali dettaljati żżejjed, u kull fejn ikun possibbli għandhom jiġu evitati dispożizzjonijiet armonizzanti.

Din iċ-ċart tiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-istituzzjonijiet u l-korpi ewlenin tal-UE, inkluż il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment.

Il-Kunsill Ewropew jinkludi l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas-27 Stat Membru tal-UE, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa magħmul minn 27 Ministru, wieħed li jirrappreżenta lil kull Stat Membru. Il-Parlament Ewropew huwa magħmul minn 705 Membri tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea hija magħmula minn 27 membru, wieħed maħtur minn kull Stat Membru. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu 329 membru. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu 326 membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tinkludi 27 imħallef mill-Qorti tal-Ġustizzja (wieħed minn kull Stat Membru) u 54 imħallef mill-Qorti Ġenerali (żewġ imħallfin minn kull Stat Membru). Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha 27 membru, membru wieħed għal kull Stat Membru. Il-Bank Ċentrali Ewropew jikkonsisti minn 19-il gvernatur li jirrappreżentaw il-banek ċentrali tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu Bord tal-Gvernaturi magħmul minn 27 membru, membru wieħed minn kull Stat Membru.

Il-parlamenti nazzjonali issa jistgħu jivverifikaw ukoll il-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Għal dan il-għan, ġiet introdotta sistema ta’ twissija bikrija, li tippermetti lill-parlamenti nazzjonali joħorġu pożizzjoni motivata fi żmien 8 ġimgħat wara t-trażmissjoni ta’ proposta leġiżlattiva tal-UE, li tispjega għaliex il-proposta leġiżlattiva inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Jekk din il-pożizzjoni motivata tkun appoġġata minn tal-anqas terz tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali (fejn kull parlament nazzjonali għandu żewġ voti, jew, fil-każ ta’ sistemi ta’ kmamar, vot wieħed għal kull kamra), il-proposta leġiżlattiva trid tiġi rieżaminata mill-ġdid mill-istituzzjoni li tkun ħarġitha (ġeneralment il-Kummissjoni Ewropea). Wara dan ir-rieżami, il-proposta tista’ tinżamm, tiġi emendata jew irtirata. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li żżomm l-abbozz, hija trid toħroġ opinjoni motivata fejn tiddikjara għaliex hija tqis li l-abbozz isegwi l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din l-opinjoni motivata tintbagħat lil-leġiżlatur tal-UE flimkien mal-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jitqiesu fil-proċedura leġiżlattiva. Jekk, b’maġġoranza ta’ 55 % tal-membri tal-Kunsill jew b’maġġoranza tal-voti mitfugħa fil-Parlament Ewropew, il-leġiżlatur tal-UE jkun tal-fehma li l-proposta ma tikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta leġiżlattiva ma tiġix eżaminata aktar.

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea

L-Artikolu 13 tat-TUE (qafas istituzzjonali)

  1. L-Unjoni għandu jkollha qafas istituzzjonali maħsub sabiex jippromwovi l-valuri tagħha, isegwi l-objettivi tagħha, iservi l-interessi tagħha, dawk taċ-ċittadini tagħha u dawk tal-Istati Membri, kif ukoll sabiex jassigura l-koerenza, l-effiċjenza u l-kontinwità tal-politika u tal-azzjonijiet tagħha.

    L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma:

    • il-Parlament Ewropew,
    • il-Kunsill Ewropew,
    • il-Kunsill,
    • il-Kummissjoni Ewropea,
    • il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
    • il-Bank Ċentrali Ewropew,
    • il-Qorti tal-Awdituri.
  2. Kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skont il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-kooperazzjoni leali.
  3. Id-dispożizzjonijiet dwar il-Bank Ċentrali Ewropew u dwar il-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-istituzzjonijiet l-oħrajn, jinsabu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
  4. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu assistiti minn Kumitat Ekonomiku u Soċjali u minn Kumitat tar-Reġjuni, li jeżerċitaw funzjonijiet konsultattivi.

Kwistjoni oħra li tinħoloq b’rabta mal-kostituzzjoni tal-Unjoni Ewropea hija dik tal-organizzazzjoni tagħha. X’inhuma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni? Billi l-UE teżerċita funzjonijiet normalment riservati għall-istati, għandha gvern, parlament, awtoritajiet amministrattivi u qrati bħal dawk li aħna familjari magħhom fl-Istati Membri? L-azzjoni dwar il-kompiti assenjati lill-UE u d-direzzjoni tal-proċess ta’ integrazzjoni intenzjonalment ma tħallietx f’idejn l-Istati Membri jew għall-kooperazzjoni internazzjonali. L-UE għandha sistema istituzzjonali li tippermettilha li tagħti stimoli u għanijiet ġodda għall-unifikazzjoni tal-Ewropa u li toħloq korp ta’ liġi uniformi u vinkolanti fl-Istati Membri kollha fil-kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha.

L-atturi prinċipali fis-sistema istituzzjonali tal-UE huma l-istituzzjonijiet — il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-korpi anċillari fis-sistema istituzzjonali tal-UE huma l-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

L-istituzzjonijiet

Il-Parlament Ewropew (l-Artikolu 14 tat-TUE)

Il-Parlament Ewropew jirrappreżenta l-popli tal-Istati Membri tal-UE. Huwa amalgamazzjoni tal-Assemblea Konġunta tal-KEFA, l-Assemblea tal-KEE u l-Assemblea tal-Euratom, li ġew magħqudin flimkien sabiex jifformaw “assemblea” skont il-Konvenzjoni tal-1957 dwar Ċerti Istituzzjonijiet Komuni għall-Komunitajiet Ewropej (l-ewwel Trattat li Jgħaqqad). L-isem ma nbidilx uffiċjalment għal “Parlament Ewropew” qabel ma t-Trattat tal-KE ġie emendat mit-Trattat dwar l-UE (it-Trattat ta’ Maastricht), għalkemm dan il-pass sempliċement kien jirrifletti dak li diġà kien użu komuni li jmur lura għall-bidla fl-isem tal-assemblea stess għal “Parlament Ewropew” fl-1958.

Kompożizzjoni u elezzjoni

L-Istruttura tal-Parlament Ewropew 2019–2024

  • Il-President
  • 14-il viċi president
  • 5 kwesturi (konsultattivi)

Il-President tal-Parlament Ewropew, il-viċi presidenti u l-kwesturi (MEPs fdati b’kompiti amministrattivi u finanzjarji) jifformaw il-Bureau, li huwa elett mill-Parlament għal termini ta’ sentejn u nofs. Hemm ukoll Konferenza tal-Presidenti, li tikkonsisti mill-president u l-presidenti tal-gruppi politiċi. Din hija responsabbli għall-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Parlament u għar-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE u ma’ istituzzjonijiet mhux tal-UE.

Stat Membru Siġġijiet fil-Parlament Ewropew
Il-Ġermanja 96
Franza 79
L-Italja 76
Spanja 59
Il-Polonja 52
Ir-Rumanija 33
In-Netherlands 29
Il-Belġju 21
Iċ-Ċekja 21
Il-Greċja 21
L-Ungerija 21
Il-Portugall 21
L-Iżvezja 21
L-Awstrija 19
Il-Bulgarija 17
Id-Danimarka 14
Is-Slovakkja 14
Il-Finlandja 14
L-Irlanda 13
Il-Kroazja 12
Il-Litwanja 11
Il-Latvja 8
Is-Slovenja 8
L-Estonja 7
Ċipru 6
Il-Lussemburgu 6
Malta 6

Sal-1979, ir-rappreżentanti fil-Parlament Ewropew kienu jintgħażlu minn fost il-membri tal-parlamenti nazzjonali u jiġu ddelegati minnhom lill-Parlament Ewropew. L-elezzjoni ġenerali diretta tal-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) min-nies tal-Istati Membri kienet prevista fit-trattati nfushom, iżda l-ewwel elezzjonijiet diretti ma sarux qabel Ġunju 1979, billi għadd ta’ inizjattivi preċedenti ma rnexxewx. L-elezzjonijiet issa jsiru kull 5 snin, li jikkorrispondi għat-tul ta’ “perjodu leġiżlattiv”. Wara deċennji ta’ sforzi, fl-aħħar fl-1976 ġiet introdotta proċedura elettorali uniformi bl-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali li mbagħad ġiet irriformata b’mod fundamentali bl-Att dwar l-Elezzjonijiet Diretti fl-2002. Skont dan l-att, kull Stat Membru jistabbilixxi l-proċedura elettorali proprja tiegħu, iżda jrid japplika l-istess regoli demokratiċi bażiċi:

  • elezzjoni ġenerali diretta,
  • rappreżentanza proporzjonali,
  • vot sigriet u ħieles,
  • età minima (għad-dritt tal-vot, din hija ta’ 18 fl-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tal-Awstrija u ta’ Malta, fejn l-età minima tal-vot hija ta’ 16-il sena, u tal-Greċja, fejn l-età minima tal-vot ġiet stabbilita għal 17-il sena),
  • mandat ta’ 5 snin li jista’ jiġġedded,
  • inkompatibbiltajiet (l-MEPs ma jistax ikollhom żewġ karigi fl-istess ħin, eż. il-kariga ta’ mħallef, ta’ prosekutur pubbliku, ta’ ministru; huma wkoll soġġetti għal-liġijiet ta’ pajjiżhom, li jistgħu jillimitaw aktar il-kapaċità tagħhom li jkollhom aktar minn pożizzjoni jew kariga waħda),
  • data tal-elezzjoni,
  • l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

F’xi pajjiżi (il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Greċja), il-votazzjoni hija obbligatorja.

Barra minn hekk, fl-2009 daħal fis-seħħ statut uniformi għall-MEPs, li jagħmel it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħidma tagħhom aktar trasparenti u jinkludi regoli ċari. Dan jintroduċi wkoll salarju uniformi għall-MEPs kollha, li jitħallas mill-baġit tal-UE.

Issa li jiġi elett b’mod dirett, il-Parlament igawdi leġittimità demokratika u jista’ verament jgħid li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE. Iżda s-sempliċi eżistenza ta’ Parlament elett direttament ma tistax tissodisfa r-rekwiżit fundamentali ta’ kostituzzjoni demokratika, li huwa li l-awtorità pubblika kollha trid tiġi mill-poplu. Dan ma jfissirx biss li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet irid ikun trasparenti u l-istituzzjonijiet li jieħdu d-deċiżjonijiet iridu jkunu rappreżentattivi; huwa meħtieġ kontroll parlamentari, u l-Parlament irid jagħti l-leġittimità lill-istituzzjonijiet tal-UE involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Anke f’dan il-qasam sar progress kbir f’dawn l-aħħar snin. Mhux biss id-drittijiet tal-Parlament ġew estiżi b’mod kontinwu, iżda t-Trattat ta’ Liżbona stabbilixxa b’mod espliċitu l-obbligu ta’ azzjoni mill-UE sabiex taderixxi mal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea huma rappreżentati b’mod dirett fil-Parlament u huma intitolati jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja demokratika tal-UE. L-għan sottostanti ta’ dan huwa li d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jittieħdu kemm jista’ jkun b’mod miftuħ u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin. Il-partiti politiċi fil-livell tal-UE għandhom jikkontribwixxu għat-tiswir ta’ identità Ewropea u sabiex jartikolaw ir-rieda taċ-ċittadini tal-UE. Jekk hemm xi nuqqas fil-mudell demokratiku attwali tal-UE, dan huwa li l-Parlament Ewropew, b’differenza mill-parlamenti veri f’demokrazija parlamentari, ma jeleġġix gvern responsabbli lejh.

L-Artikolu 10 tat-TUE (demokrazija rappreżentattiva)

  1. Il-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva.
  2. Fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew.

    L-Istati Membri huma rappreżentati fil-Kunsill Ewropew mill-Kap tal-Istat jew tal-Gvern tagħhom u fil-Kunsill mill-gvernijiet tagħhom, li jkunu demokratikament responsabbli kemm lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll lejn iċ-ċittadini tagħhom.

  3. Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.
  4. Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Madankollu, ir-raġuni għal dan id-defiċit hija li, b’mod pjuttost sempliċi, ma jeżistix gvern fis-sens normali fil-livell tal-UE. Minflok, il-funzjonijiet analogi għall-gvern previsti fit-trattati tal-UE jitwettqu mill-Kunsill u mill-Kummissjoni skont forma ta’ tqassim tax-xogħol. Fl-istess waqt, it-Trattat ta’ Liżbona ta lill-Parlament setgħat estensivi fir-rigward tal-ħatriet fil-Kummissjoni, li jvarjaw mill-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew, għall-vot ta’ approvazzjoni tal-kulleġġ sħiħ tal-kummissarji mill-Parlament (id-dritt ta’ investitura). Madankollu, il-Parlament ma għandu l-ebda influwenza bħal din fuq is-sħubija tal-Kunsill, li huwa suġġett għall-kontroll parlamentari biss sa fejn kull wieħed mill-membri tiegħu, bħala ministru nazzjonali, huwa responsabbli lejn il-parlament nazzjonali.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-proċess leġiżlattiv tal-UE żdied b’mod konsiderevoli. Il-promozzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni għal-livell ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja, fir-realtà, bidlet il-Parlament f’“koleġiżlatur” flimkien mal-Kunsill. Fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament mhux biss jista’ jressaq emendi għal-leġiżlazzjoni f’diversi qari iżda wkoll, sa ċerti limiti, iwassal għall-aċċettazzjoni tagħhom mill-Kunsill. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tistax tgħaddi mingħajr qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Tradizzjonalment, il-Parlament kellu rwol ewlieni wkoll fil-proċedura tal-baġit. It-Trattat ta’ Liżbona estenda aktar is-setgħat baġitarji tal-Parlament, fejn dan jistipula li jrid japprova l-pjan finanzjarju pluriennali u jagħtih setgħat ta’ kodeċiżjoni fuq in-nefqa kollha.

Il-Parlament għandu d-dritt ta’ kunsens għall-ftehimiet internazzjonali prinċipali kollha dwar qasam kopert b’kodeċiżjoni, u għat-trattati tal-adeżjoni konklużi ma’ Stati Membri ġodda li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-ammissjoni.

Is-setgħat superviżorji tal-Parlament Ewropew ukoll żdiedu b’mod sinifikanti matul iż-żmien. Dawn huma eżerċitati prinċipalment mill-fatt li l-Kummissjoni trid twieġeb lill-Parlament, tiddefendi l-proposti tagħha quddiemu u tippreżentalu rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-UE għal dibattitu. Il-Parlament jista’, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, jgħaddi mozzjoni ta’ ċensura u b’hekk iġiegħel lill-Kummissjoni tirriżenja bħala korp (l-Artikolu 234 tat-TFUE). Ġew ippreżentati diversi mozzjonijiet bħal dawn quddiem il-Parlament, iżda l-ebda waħda ma kisbet il-maġġoranza meħtieġa (2). Billi fil-prattika l-Kunsill iwieġeb ukoll mistoqsijiet parlamentari, il-Parlament għandu l-opportunità ta’ dibattitu politiku dirett ma’ żewġ istituzzjonijiet ewlenin.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, dawn is-setgħat superviżorji tal-Parlament ġew imsaħħa. Issa għandu s-setgħa wkoll li jwaqqaf kumitati ta’ inkjesta speċjali sabiex jeżaminaw speċifikament każijiet ta’ allegat ksur tad-dritt tal-UE jew amministrazzjoni ħażina. Kumitat minn dawn ġie stabbilit f’Ġunju 2016 fid-dawl tar-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers dwar kumpaniji offshore u s-sidien sigrieti tagħhom. Il-kompitu tiegħu huwa li jinvestiga ksur possibbli tad-dritt tal-UE fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Kumitat ieħor ta’ inkjesta, ukoll stabbilit fl-2016, indirizza l-iskandlu tal-emissjonijiet tal-vetturi. Fl-aħħar nett, f’Ġunju 2020, il-Parlament waqqaf kumitat ta’ inkjesta dwar it-trasport tal-annimali fl-UE sabiex jinvestiga l-ksur tar-regolament tal-UE dwar it-trasport ta’ annimali ħajjin (Ir-Regolament (KE) Nru 1/2005). Miktub ukoll fit-trattati hemm id-dritt ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tindirizza petizzjonijiet lill-Parlament, li mbagħad jiġu ttrattati minn Kumitat permanenti għall-Petizzjonijiet. Fl-aħħar, il-Parlament għamel użu wkoll mis-setgħa tiegħu li jaħtar Ombudsman Ewropew li lilu jistgħu jiġu referuti lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-UE, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Ombudsman jista’ jwettaq inkjesti u jrid jinforma lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat b’tali azzjoni, u jrid jissottometti lill-Parlament rapport dwar ir-riżultat tal-inkjesti tiegħu.

Is-sede

Il-Parlament għandu s-sede tiegħu fi Strasburgu, fejn isiru t-12-il perjodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit. Il-perjodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali jsiru fi Brussell, fejn jiltaqgħu wkoll il-kumitati. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament, madankollu, huwa bbażat fil-Lussemburgu. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar dawn il-postijiet fl-1992 kienet ikkonfermata fil-Protokoll Nru 6 għat-Trattat ta’ Liżbona. Ir-riżultat ta’ din id-deċiżjoni huwa li l-MEPs u xi uffiċjali u impjegati tal-Parlament iridu jivvjaġġaw bejn Strasburgu, Brussell u l-Lussemburgu — li jiswa ħafna flus.

Il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 15 tat-TUE)

Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern u l-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew tal-anqas darbtejn kull 6 xhur fi Brussell.

Kompożizzjoni u kompiti

Kompożizzjoni tal-Kunsill Ewropew

  • Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri
  • Il-President tal-Kunsill Ewropew
  • Il-President tal-Kummissjoni Ewropea
  • Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà

KOMPITI

Jiddefinixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE

It-Trattat ta’ Liżbona ħoloq il-kariga ta’ President tal-Kunsill Ewropew. Il-President tal-Kunsill Ewropew, b’differenza mill-presidenza, għandu mandat Ewropew, mhux wieħed nazzjonali, għal sentejn u nofs fuq bażi full-time. Il-persuna maħtura president għandha tkun personalità eċċezzjonali, magħżula permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill Ewropew. L-elezzjoni mill-ġdid hija possibbli għal darba. Il-kompiti tal-president jinkludu t-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u r-rappreżentanza tal-UE f’summits internazzjonali fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà.

Il-Kunsill Ewropew ma jeżerċitax funzjonijiet leġiżlattivi. Il-funzjoni tiegħu hija li jistabbilixxi l-linji gwida ta’ politika ġenerali għall-azzjoni tal-UE. Dawn jieħdu l-forma ta’ “konklużjonijiet”, li jiġu adottati b’kunsens u jinkludu deċiżjonijiet bażiċi ta’ politika jew struzzjonijiet u linji gwida lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni. Il-Kunsill Ewropew b’dan il-mod mexxa l-ħidma dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, is-sistema monetarja Ewropea, l-elezzjonijiet diretti għall-Parlament u għadd ta’ kwistjonijiet ta’ adeżjoni.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 16)
Kompożizzjoni u presidenza

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri. Is-27 Stat Membru kollha jibagħtu rappreżentant wieħed — bħala regola, għalkemm mhux neċessarjament, il-ministru dipartimentali jew subaltern responsabbli għall-kwistjonijiet taħt konsiderazzjoni. Huwa importanti li dawn ir-rappreżentanti jkollhom is-setgħa li jaġixxu b’effett vinkolanti fuq il-gvernijiet tagħhom. Il-fatt innifsu li l-gvernijiet jistgħu jkunu rappreżentati b’diversi modi ovvjament ifisser li ma hemmx membri permanenti tal-Kunsill; minflok, ir-rappreżentanti fil-Kunsill jiltaqgħu f’10 konfigurazzjonijiet differenti skont is-suġġetti li jkunu qed jiġu diskussi.

L-10 konfigurazzjonijiet tal-Kunsill

Rappreżentant wieħed ta’ kull gvern ta’ Stat Membru f’livell ministerjali, bil-kompożizzjoni tvarja skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss

Presedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà:

  • Affarijiet Barranin

Presedut mill-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill:

  • Affarijiet Ġenerali
  • Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
  • Ġustizzja u Affarijiet Interni
  • Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur
  • Kompetittività
  • Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija
  • Agrikoltura u Sajd
  • Ambjent
  • Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport

Il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin jieħu ħsieb l-azzjoni tal-UE barra l-pajjiż f’konformità mal-linji gwida strateġiċi tal-Kunsill Ewropew u jassigura li l-azzjoni tal-UE tkun konsistenti u koerenti. Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali jikkoordina l-ħidma tal-Kunsill fid-diversi konfigurazzjonijiet tiegħu u, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, iħejji l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Il-presidenza tal-Kunsill — bl-eċċezzjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, li huwa presedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà — titmexxa minn kull Stat Membru għal 6 xhur. L-ordni li fiha jiġi okkupat l-uffiċċju ta’ president tiġi deċiża b’mod unanimu mill-Kunsill. Il-presidenza tinbidel fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena (2020: il-Kroazja, il-Ġermanja; 2021: il-Portugall, is-Slovenja; 2022: Franza, iċ-Ċekja; 2023: l-Iżvezja, Spanja). Minħabba dan it-tibdil pjuttost rapidu, kull presidenza tibbaża l-azzjoni tagħha fuq programm ta’ ħidma miftiehem maż-żewġ presidenzi li jmiss u għalhekk validu għal perjodu ta’ 18-il xahar (“tim ta’ presidenzi”). Il-presidenza hija prinċipalment responsabbli għall-koordinament ġenerali tal-ħidma tal-Kunsill u tal-kumitati li jipprovdulha input. Hija importanti wkoll f’termini politiċi billi l-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill igawdi rwol aktar importanti fix-xena dinjija, u b’hekk l-Istati Membri ż-żgħar, b’mod partikolari, jingħataw l-opportunità li jitħalltu mal-“atturi ewlenin” u jħallu l-marka tagħhom fil-politika Ewropea.

Il-ħidma tal-Kunsill tiġi ppreparata minn għadd konsiderevoli ta’ korpi preparatorji (kumitati u gruppi ta’ ħidma) komposti minn rappreżentanti mill-Istati Membri. L-aktar korp preparatorju importanti fosthom huwa l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper I u II), li bħala regola ġenerali jiltaqa’ mill-anqas darba fil-ġimgħa.

Il-Kunsill huwa appoġġat minn Segretarjat Ġenerali, li jaqa’ taħt l-awtorità ta’ segretarju ġenerali maħtur mill-Kunsill.

Is-sede tal-Kunsill tinsab fi Brussell.

Kompiti

Il-Kunsill għandu l-ħames kompiti ewlenin li ġejjin.

  • L-ewwel prijorità tal-Kunsill hija l-leġiżlazzjoni, li huwa jwettaq flimkien mal-Parlament fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
  • Il-Kunsill huwa responsabbli wkoll sabiex jassigura l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.
  • Huwa jiżviluppa l-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE abbażi ta’ linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew.
  • Il-Kunsill huwa responsabbli sabiex jikkonkludi ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi mhux membri fl-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali.
  • Huwa jistabbilixxi l-baġit abbażi ta’ abbozz mill-Kummissjoni, li mbagħad irid jiġi approvat mill-Parlament. Barra minn hekk, huwa joħroġ rakkomandazzjoni lill-Parlament dwar l-għoti tal-kwittanza lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit.

Huwa responsabbli wkoll biex jaħtar il-membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

Negozjati u teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill

Huwa fil-Kunsill li l-interessi individwali tal-Istati Membri u l-interess tal-UE jiġu bbilanċjati. Għalkemm l-Istati Membri jiddefendu primarjament l-interessi proprji tagħhom fil-Kunsill, il-membri tiegħu fl-istess ħin huma obbligati li jqisu l-objettivi u l-ħtiġijiet tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-Kunsill huwa istituzzjoni tal-UE u mhux konferenza intergovernattiva. Għaldaqstant ma huwiex l-iżgħar denominatur komuni bejn l-Istati Membri li jiġi mfittex fid-deliberazzjonijiet tal-Kunsill, iżda pjuttost il-bilanċ ġust bejn l-interessi tal-UE u l-interessi tal-Istati Membri.

Il-Kunsill jiddiskuti u jiddeċiedi biss dwar dokumenti u abbozzi li huma disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali (il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Iżvediż). Jekk kwistjoni tkun urġenti, din ir-regola tista’ titwarrab bi qbil unanimu. Dan japplika wkoll għall-proposti għal emendi mressqa u diskussi waqt laqgħa.

Skont it-trattati tal-UE, fil-votazzjoni tal-Kunsill tiġi applikata r-regola tal-maġġoranza — bħala regola ġenerali, maġġoranza kwalifikata hija biżżejjed (l-Artikolu 16(3) tat-TUE). Maġġoranza sempliċi, li biha kull membru tal-Kunsill ikollu vot wieħed, tiġi applikata biss f’ċerti oqsma, b’mod partikolari kwistjonijiet proċedurali (il-maġġoranza sempliċi għal 27 Stat Membru tinkiseb b’14-il vot).

Skont is-sistema ta’ maġġoranza doppja, maġġoranza kwalifikata tintlaħaq meta l-proposta tal-Kummissjoni tkun appoġġata b’minn tal-anqas 55 % tal-membri tal-Kunsill, li jinkludu tal-anqas 15-il Stat Membru li jirrappreżentaw tal-anqas 65 % tal-popolazzjoni tal-UE (l-Artikolu 16(4) tat-TUE) (3).

Sabiex jiġi pprevenut li Stati Membri anqas popolati jimblokkaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, minoranza li timblokka trid tkun magħmula minn tal-anqas erba’ Stati Membri li jirrappreżentaw mill-anqas 35 % tal-popolazzjoni tal-UE. Is-sistema hija kkomplementata minn mekkaniżmu supplimentari: jekk ma tintlaħaqx minoranza li timblokka, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jista’ jiġi sospiż. F’dan il-każ, il-Kunsill ma jipproċedix bil-vot, iżda jkompli n-negozjati għal perjodu ta’ żmien raġonevoli, jekk jiġi mitlub minn Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw mill-anqas 75 % tal-popolazzjoni jew mill-anqas 75 % tal-għadd ta’ Stati Membri meħtieġ għal minoranza li timblokka.

Fil-każ ta’ deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu f’oqsma politiċi partikolarment sensittivi, it-trattati jirrikjedu l-unanimità. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni, madankollu, ma tistax tiġi mblukkata permezz ta’ astensjonijiet. L-unanimità xorta hija meħtieġa għad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet bħat-taxxi, is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, l-istabbiliment ta’ jekk Stat Membru kisirx il-prinċipji kostituzzjonali, u għad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu prinċipji għall-politika estera u ta’ sigurtà komuni u li jimplimentawha, jew ċerti deċiżjonijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (l-Artikolu 18 tat-TUE)

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ma sarx il-ministru tal-affarijiet barranin tal-UE, kif kien ippjanat fil-proġett kostituzzjonali; madankollu, il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-istruttura istituzzjonali ġiet imsaħħa u estiża b’mod konsiderevoli. Ir-rappreżentant għoli għandu bażi kemm fil-Kunsill, fejn għandu l-presidenza tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, kif ukoll fil-Kummissjoni, fejn huwa l-viċi president responsabbli mill-affarijiet barranin. Ir-rappreżentant għoli jinħatar mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, bil-qbil tal-President tal-Kummissjoni. Huwa assistit minn Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, li nħoloq fl-2011 u li ġie fformat permezz ta’ fużjoni tad-dipartimenti tal-politika barranija tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u l-integrazzjoni ta’ diplomatiċi mis-servizzi diplomatiċi nazzjonali.

Il-Kummissjoni Ewropea (l-Artikolu 17 tat-TUE)

Kompożizzjoni

27 membru, inklużi

  • president
  • tliet viċi presidenti eżekuttivi
  • ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
  • erba’ viċi presidenti addizzjonali
  • 18-il kummissarju

KOMPITI

  • It-tnedija ta’ leġiżlazzjoni tal-UE
  • Il-monitoraġġ tal-osservanza u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE
  • L-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE
  • Ir-rappreżentanza tal-UE f’organizzazzjonijiet internazzjonali
Ursula von der Leyen bilwieqfa fuq il-podju, titbissem u tagħmel mossa li tinvolvi ċ-ċaqliq tal-id biex tinteraġixxi mal-udjenza.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, tagħmel id-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni lill-Membri tal-Parlament Ewropew, fi Strasburgu, Franza, fil-15 ta’ Settembru 2021.

Kompożizzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonsisti minn 27 membru, membru wieħed għal kull Stat Membru, jiġifieri 27 kummissarju (b’diversi funzjonijiet) huma attwalment attivi fil-Kummissjoni (l-Artikolu 17(4) tat-TUE). Wara deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 17(5) tat-TUE, biex mill-1 ta’ Novembru 2014 id-daqs tal-Kummissjoni jitnaqqas għal żewġ terzi tal-għadd ta’ Stati Membri, ma ġietx attivata.

Il-Kummissjoni hija mmexxija minn president, li għandu pożizzjoni b’saħħitha fi ħdan il-Kummissjoni. Il-president ma għadux sempliċement “l-ewwel fost l-ugwali” iżda jgawdi pożizzjoni prominenti billi huwa jistabbilixxi l-linji gwida li bihom trid taħdem il-Kummissjoni u jiddeċiedi wkoll dwar l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni (l-Artikolu 17(6)(a) u (b) tat-TUE). Il-president għalhekk għandu kemm l-awtorità li joħroġ linji gwida kif ukoll il-kontroll tal-organizzazzjoni. B’dawn is-setgħat, il-president huwa responsabbli sabiex jassigura li l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni tkun konsistenti u effiċjenti, u tikkonforma mal-prinċipju tal-kolleġġjalità, li huwa rifless b’mod partikolari mill-fatt li d-deċiżjonijiet jittieħdu bħala korp kolleġġjali (l-Artikolu 250(1) tat-TFUE). Il-president jorganizza u jqassam ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fost il-membri tagħha, u jista’ jibdel l-allokazzjoni ta’ dawk ir-responsabbiltajiet matul il-mandat tal-Kummissjoni (l-Artikolu 248 tat-TFUE). Il-president jaħtar il-viċi presidenti eżekuttivi u l-viċi presidenti l-oħrajn, bl-eċċezzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li diġà huwa viċi president tal-Kummissjoni ex officio. Barra minn hekk, huwa stipulat b’mod espliċitu li membru tal-Kummissjoni jrid jirriżenja jekk il-president jitlob dan (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tat-TUE). Fl-aħħar, il-pożizzjoni prominenti tal-president hija riflessa wkoll mid-dritt tiegħu li jinstema’ fir-rigward tal-għażla ta’ membri oħrajn tal-Kummissjoni u mill-fatt li huwa membru tal-Kunsill Ewropew. Minn Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea għall-ewwel darba kienet immexxija minn president mara, Ursula von der Leyen.

Taħt it-tmexxija ta’ viċi president, hemm sitt timijiet ta’ kummissarji li l-kompitu tagħhom, irrispettivament mill-prinċipju ta’ kolleġġjalità, huwa li jimmonitorjaw u javvanzaw il-ħidma fuq l-ogħla prijoritajiet politiċi:

  • Patt Ekoloġiku Ewropew, taħt ir-responsabbiltà tal-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans;
  • Ewropa lesta għall-era diġitali, taħt ir-responsabbiltà tal-Viċi President Eżekuttiv Margrethe Verstager;
  • ekonomija għas-servizz tan-nies, taħt ir-responsabbiltà tal-Viċi President Eżekuttiv Valdis Dombrovskis;
  • Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja, taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Josep Borell Fontelles;
  • promozzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropew, taħt ir-responsabbiltà tal-Viċi President Eżekuttiv Margaritis Schinas;
  • spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea, taħt ir-responsabbiltà tal-Viċi President Eżekuttiv Věra Jourová.

Il-president u l-membri tal-Kummissjoni jinħatru għal perjodu ta’ 5 snin bl-użu tal-proċedura ta’ investitura, li r-regoli tagħha nbidlu mit-Trattat ta’ Liżbona fl-Artikolu 17(7) tat-TUE. Il-proċedura tikkonsisti f’diversi stadji. L-ewwel, jiġi nnominat il-president, u mbagħad jintgħażlu l-persuni li jridu jinħatru bħala membri tal-Kummissjoni. Fit-tielet stadju, il-President tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni jinħatru b’mod uffiċjali.

Wara li jagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jipproponi lill-Parlament Ewropew kandidat għall-President tal-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew iridu jiġu kkunsidrati meta jintgħażel il-kandidat għall-kariga ta’ president. Dan ir-rekwiżit ġdid għandu l-għan li jżid il-livell ta’ politiċizzazzjoni tal-Kummissjoni. Dan fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-gruppi politiċi li jikkontrollaw il-maġġoranza fil-Parlament għandhom influwenza sinifikanti meta jinnominaw il-president.

Wara li jiġi elett il-president, il-Kunsill Ewropew jadotta “b’kunsens” (l-Artikolu 15(4) tat-TUE) il-lista tal-persuni l-oħrajn li jkun beħsiebu jaħtar bħala membri tal-Kummissjoni, li titfassal skont il-proposti tal-Istati Membri. Il-persuni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali u l-impenn Ewropew tagħhom u għandhom ikunu wkoll kompletament indipendenti fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom. Maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill hija biżżejjed għall-ħatra tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (l-Artikolu 18(1) tat-TUE). Il-Kunsill u l-president elett tal-Kummissjoni jridu jilħqu qbil dwar il-kandidati. Il-ħatra tar-rappreżentant għoli tirrikjedi wkoll il-qbil ċar tal-president nominat tal-Kummissjoni. Il-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni ma jistgħux jinħatru jekk il-president elett joħroġ veto kontra dan.

Ladarba l-president ikun ġie elett u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni jkunu ġew innominati, il-kulleġġ ikun suġġett għal vot ta’ approvazzjoni mill-Parlament. Madankollu, il-kummissarji nominati l-ewwel iridu jwieġbu għal mistoqsijiet mill-MEPs waqt seduta ta’ smigħ. Il-mistoqsijiet ġeneralment ikunu dwar suġġetti li jaqgħu fl-ambitu previst tar-responsabbiltajiet u l-attitudnijiet personali dwar il-ġejjieni tal-UE. Wara li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu, li għalih hija biżżejjed maġġoranza sempliċi, il-president u l-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni jinħatru mill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Il-Kummissjoni tibda l-funzjonijiet tagħha malli jinħatru l-membri tagħha.

Is-sede tal-Kummissjoni Ewropea tinsab fi Brussell.

Kompiti

Il-Kummissjoni hija qabelxejn il-forza li tixpruna l-politika tal-UE. Hija l-punt tat-tluq għal kull azzjoni tal-Unjoni Ewropea, billi hija l-Kummissjoni li trid tippreżenta proposti u abbozzi għal-leġiżlazzjoni tal-UE lill-Kunsill (dan jissejjaħ id-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni). Il-Kummissjoni ma hijiex libera li tagħżel l-attivitajiet proprji tagħha. Hija obbligata li taġixxi jekk l-interess tal-UE jirrikjedi dan. Il-Parlament (l-Artikolu 225 tat-TFUE), il-Kunsill (l-Artikolu 241 tat-TFUE) u grupp ta’ ċittadini tal-UE li jaġixxu f’isem inizjattiva taċ-ċittadini (l-Artikolu 11(4) tat-TUE) jistgħu jitolbu wkoll lill-Kummissjoni tfassal proposta. Il-Kummissjoni għandha s-setgħat primarji biex tibda l-leġiżlazzjoni f’ċerti oqsma (bħall-baġit tal-UE, il-Fondi Strutturali, miżuri sabiex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fiskali, l-għoti ta’ finanzjament, il-klawżoli ta’ salvagwardja). Ferm aktar estensivi, madankollu, huma s-setgħat għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE mogħtija lill-Kummissjoni mill-Parlament u mill-Kunsill (l-Artikolu 290 tat-TFUE).

Il-Kummissjoni hija wkoll il-gwardjan tat-trattati, u għalhekk tad-dritt tal-UE. Hija timmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja tal-UE mill-Istati Membri, tibda proċeduri ta’ ksur f’każ ta’ kwalunkwe ksur tad-dritt tal-UE (l-Artikolu 258 tat-TFUE) u, jekk ikun meħtieġ, tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni tintervjeni wkoll jekk id-dritt tal-UE, b’mod partikolari d-dritt tal-kompetizzjoni, jinkiser minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, u timponi penali kbar. Matul dawn l-aħħar snin, l-isforzi sabiex jiġi pprevenut l-abbuż tar-regoli tal-UE saru parti ewlenija mill-ħidma tal-Kummissjoni.

Il-kompitu li tirrappreżenta l-interessi tal-UE huwa marbut mill-qrib mar-rwol ta’ gwardjan. Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-Kummissjoni ma tista’ sservi l-ebda interess għajr dawk tal-UE. Trid taħdem b’mod kontinwu, f’dawk li sikwit jirriżultaw bħala negozjati diffiċli fi ħdan il-Kunsill, biex iġġib fuq quddiem l-interess tal-UE u tfittex soluzzjonijiet ta’ kompromess li jqisu dak l-interess. B’dan il-mod taqdi wkoll ir-rwol ta’ medjatur bejn l-Istati Membri, rwol li għalih, minħabba n-newtralità tagħha, hija partikolarment adatta u kwalifikata.

Fl-aħħar, — għalkemm f’miżura limitata — il-Kummissjoni hija korp eżekuttiv. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fejn il-Kummissjoni taġixxi bħala awtorità amministrattiva normali, tikkontrolla l-fatti, tagħti l-approvazzjoni jew toħroġ projbizzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, timponi penali. Is-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Fondi Strutturali u l-baġit tal-UE huma daqstant ieħor estensivi. Bħala regola, madankollu, huma l-Istati Membri nfushom li jridu jassiguraw li r-regoli tal-UE jiġu applikati fil-każijiet individwali. Din is-soluzzjoni magħżula mit-trattati tal-UE għandha l-vantaġġ li ċ-ċittadini jinġiebu eqreb lejn dik li għalihom għadha r-realtà “barranija” tas-sistema tal-UE permezz tal-ħidmiet u fil-forma familjari tas-sistema nazzjonali proprja tagħhom.

L-istruttura amministrattiva tal-Kummissjoni Ewropea

  • Kummissjoni (27 membru)

DIRETTORATI ĠENERALI U SERVIZZI

  • Is-Segretarjat Ġenerali
  • Is-Servizz Ġuridiku
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • IDEA — Ispira, Iddibatti, Involvi Ruħek u Aċċellera l-Azzjoni
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit
  • Id-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Informatika
  • Is-Servizz tal-Awditjar Intern
  • L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
  • Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni
  • Id-Direttorat-Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent
  • Id-Direttorat-Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika
  • Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
  • Id-Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija
  • Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tar-Riforma Strutturali
  • Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura
  • Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari
  • L-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir
  • Id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet Internazzjonali
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO)
  • Il-Eurostat
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni
  • Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni
  • L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
  • Is-Servizz tal-Istrumenti ta’ Politika Barranija
  • L-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali
  • L-Uffiċċju tal-Infrastruttura u l-Loġistika fi Brussell
  • L-Uffiċċju tal-Infrastruttura u l-Loġistika fil-Lussemburgu
  • L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal

DIPARTIMENTI OĦRAJN TAS-SERVIZZI

  • L-Uffiċjal dwar il-Protezzjoni tad-Data
  • Il-Librerija tal-Kummissjoni Ewropea
  • L-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni
  • Is-Servizz tal-Arkivji Storiċi
  • It-Task Force ta’ Rkupru u Reżiljenza
  • Is-Servizz ta’ Kelliem
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 19 tat-TUE)

Kwalunkwe sistema tibqa’ teżisti biss jekk ir-regoli tagħha jiġu sorveljati minn awtorità indipendenti. Barra minn hekk, f’unjoni ta’ stati hemm riskju li r-regoli komuni — jekk ikunu soġġetti għal kontroll mill-qrati nazzjonali — jiġu interpretati u applikati b’mod differenti minn stat għall-ieħor. L-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha għalhekk tkun ipperikolata. Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu għall-istabbiliment ta’ Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità fl-1952, hekk kif inħolqot l-ewwel Komunità (il-KEFA). Fl-1957 hija mbagħad saret ukoll il-korp ġudizzjarju għaż-żewġ Komunitajiet l-oħrajn (il-K(E)E u l-Euratom). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

Illum hija l-korp ġudizzjarju tal-UE. Il-ħidma ġudizzjarja llum titwettaq fuq żewġ livelli minn:

Fl-2004, sabiex inaqqas il-piż minn fuq il-Qorti tal-Ġustizzja u jtejjeb il-protezzjoni legali fl-UE, il-Kunsill żied qorti speċjalizzata għall-kawżi tas-servizz ċivili mal-Qorti Ġenerali (ara l-Artikolu 257 tat-TFUE). Fl-2015, madankollu, il-leġiżlatur tal-UE ddeċieda li jżid gradwalment in-numru ta’ mħallfin fil-Qorti Ġenerali (għal 54 fl-2020) u li jittrasferilha l-ġuriżdizzjoni tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili. It-Tribunal għalhekk ġie xolt fl-1 ta’ Settembru 2016.

Kompożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27 imħallef

kif ukoll

11-il avukat ġenerali

maħtura mill-gvernijiet tal-Istati Membri bi qbil komuni għal terminu ta’ 6 snin

TIPI TA’ PROċEDURI

  • Rikorsi għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont it-trattati: Il-Kummissjoni vs Stat Membru (l-Artikolu 258 tat-TFUE); Stat Membru vs Stat Membru (l-Artikolu 259 tat-TFUE)
  • Rikorsi għal annullament u rikorsi minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni ppreżentati minn istituzzjoni tal-UE jew Stat Membru (kontra l-Parlament u/jew il-Kunsill) b’rabta ma’ att illegali jew nuqqas ta’ azzjoni (l-Artikoli 263 u 265 tat-TFUE)
  • Kawżi rinvijati mill-qrati nazzjonali għal deċiżjonijiet preliminari sabiex tiġi ċċarata l-interpretazzjoni u l-validità tad-dritt tal-UE (l-Artikolu 267 tat-TFUE)
  • Appelli kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali (l-Artikolu 256 tat-TFUE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-ogħla awtorità ġudizzjarja fi kwistjonijiet tad-dritt tal-UE. F’termini ġenerali, il-kompitu tagħha huwa li “tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattati”.

Din id-deskrizzjoni ġenerali tar-responsabbiltajiet tinkludi tliet oqsma ewlenin:

  • il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, kemm fir-rigward tal-imġiba tal-istituzzjonijiet tal-UE meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tat-trattat kif ukoll fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi skont id-dritt tal-UE mill-Istati Membri u l-individwi;
  • l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE;
  • it-tfassil ulterjuri tad-dritt tal-UE.

Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, il-ħidma tal-Qorti tinvolvi kemm pariri legali kif ukoll aġġudikazzjoni. Il-pariri legali jingħataw fil-forma ta’ opinjonijiet vinkolanti dwar il-ftehimiet li l-UE tkun tixtieq tikkonkludi ma’ pajjiżi mhux tal-UE jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, il-funzjoni tagħha bħala korp għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija ferm aktar importanti. Fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni, topera fi kwistjonijiet li fl-Istati Membri jkunu assenjati lil tipi differenti ta’ qorti, skont is-sistemi nazzjonali tagħhom. Hija taġixxi bħala qorti kostituzzjonali meta quddiemha jkollha tilwim bejn istituzzjonijiet tal-UE jew meta tkun trid tirrieżamina strumenti leġiżlattivi għal-legalità tagħhom; bħala qorti amministrattiva meta tirrieżamina l-atti amministrattivi tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE; bħala qorti tax-xogħol jew tribunal industrijali meta tittratta l-libertà tal-moviment, is-sigurtà soċjali u l-opportunitajiet indaqs; bħala qorti fiskali meta tittratta kwistjonijiet li jirrigwardaw il-validità u l-interpretazzjoni tad-direttivi fl-oqsma tat-tassazzjoni u tal-liġi doganali; u bħala qorti ċivili meta tisma’ talbiet għad-danni jew tinterpreta d-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Il-Qorti Ġenerali

In-numru ta’ kawżi rinvijati lill-Qorti Ġenerali żdied b’mod kostanti u se jkompli jikber, minħabba l-potenzjal ta’ tilwim li nħoloq bl-għadd enormi ta’ direttivi li ġew adottati fil-kuntest tas-suq uniku u trasposti fid-dritt nazzjonali fl-Istati Membri. Is-sinjali diġà qegħdin hemm li t-Trattat dwar l-UE qajjem aktar kwistjonijiet li finalment iridu jiġu solvuti mill-Qorti. Din hija r-raġuni għaliex, fl-1988, ġiet stabbilita Qorti Ġenerali biex tneħħi l-pressjoni minn fuq il-Qorti tal-Ġustizzja.

Kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali

54 imħallef

ma’ kull Stat Membru li jipprovdi żewġ imħallfin maħtura mill-gvernijiet tal-Istati Membri bi qbil komuni għal terminu ta’ 6 snin

TIPI TA’ PROċEDURI

  • Rikorsi għal annullament u lmenti ta’ nuqqas ta’ azzjoni ppreżentati minn persuni fiżiċi u ġuridiċi minħabba illegalità jew nuqqas ta’ atti legali tal-Unjoni; rikorsi ppreżentati mill-Istati Membri kontra l-Kummissjoni u/jew il-Kunsill fl-oqsma tas-sussidji, tal-antidumping u tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (l-Artikoli 263 u 265 tat-TFUE)
  • Rikorsi għal danni minħabba responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali (l-Artikolu 268 u l-Artikolu 340(1) u (2) tat-TFUE)

Il-Qorti Ġenerali ma hijiex istituzzjoni ġdida tal-UE iżda pjuttost komponent kostitwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, hija korp awtonomu separat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’termini organizzattivi. Hija għandha r-reġistru u r-regoli ta’ proċedura proprji tagħha. Il-kawżi ttrattati mill-Qorti Ġenerali huma identifikati permezz ta’ “T” (Tribunal) (eż. T-1/20), filwaqt li dawk rinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom il-kodiċi “C” (Court) (eż. C-1/20).

Għalkemm il-Qorti Ġenerali oriġinarjament kienet responsabbli għal firxa limitata biss ta’ kawżi, issa għandha l-kompiti li ġejjin.

  • Fl-ewwel istanza, jiġifieri soġġett għas-superviżjoni legali tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar azzjonijiet għal annullament u azzjonijiet għal nuqqas ta’ azzjoni mressqa minn persuni fiżiċi u ġuridiċi kontra korp tal-UE; dwar azzjonijiet imressqa mill-Istati Membri kontra l-Kunsill u/jew il-Kummissjoni fl-oqsma tas-sussidji, tal-antidumping u tas-setgħat ta’ implimentazzjoni; dwar klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż mill-UE jew f’isimha; u dwar ir-rikorsi għad-danni mressqa kontra l-UE.
  • Huwa ppjanat ukoll li l-Qorti Ġenerali tingħata ġuriżdizzjoni għall-proċeduri ta’ deċiżjoni preliminari dwar ċerti oqsma; madankollu, din l-opzjoni għadha ma ntużatx.
Il-Bank Ċentrali Ewropew (l-Artikoli 129 u 130 tat-TFUE)

Il-Bank Ċentrali Ewropew, li għandu s-sede tiegħu fi Frankfurt am Main, qiegħed fil-qalba tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-kompitu tiegħu huwa li jżomm l-istabbiltà tal-munita tal-Unjoni Ewropea, l-euro, u li jikkontrolla l-ammont ta’ munita fiċ-ċirkolazzjoni (l-Artikolu 128 tat-TFUE).

Sabiex iwettaq dan il-kompitu, l-indipendenza tal-BĊE hija ggarantita minn diversi dispożizzjonijiet legali. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom jew fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom, la l-BĊE u lanqas bank ċentrali nazzjonali ma jista’ jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet tal-UE, minn gvernijiet tal-Istati Membri jew minn kwalunkwe korp ieħor. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri ma humiex se jfittxu li jinfluwenzaw lill-BĊE (l-Artikolu 130 tat-TFUE).

Is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali hija magħmula mill-BĊE u mill-banek ċentrali tal-Istati Membri (l-Artikolu 129 tat-TFUE). Hija għandha l-kompitu li tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja tal-UE, u għandha d-dritt esklużiv li tawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti fl-UE. Hija tamministra wkoll ir-riżervi monetarji uffiċjali tal-Istati Membri u tassigura l-operat mingħajr problemi tas-sistemi tal-pagamenti (l-Artikolu 127(2) tat-TFUE).

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (l-Artikoli 285 u 286 tat-TFUE)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġiet stabbilita fit-22 ta’ Lulju 1975 u bdiet taħdem fil-Lussemburgu f’Ottubru 1977. Minn dak iż-żmien ’l hawn telgħet għall-grad ta’ istituzzjoni tal-UE (l-Artikolu 13 tat-TUE). Hija tikkonsisti minn 27 membru, li jikkorrispondu għan-numru preżenti ta’ Stati Membri. Dawn jinħatru għal 6 snin mill-Kunsill, li japprova, b’maġġoranza kwalifikata u wara konsultazzjoni mal-Parlament, lista ta’ membri mfassla f’konformità mal-proposti mressqa mill-Istati Membri (l-Artikolu 286(2) tat-TFUE). Il-membri jeleġġu l-President tal-Qorti tal-Awdituri minn fosthom għal perjodu ta’ 3 snin; il-president jista’ jiġi elett mill-ġdid.

Il-kompitu tal-Qorti tal-Awdituri huwa li teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u n-nefqa kollha tkunx saret b’mod legali u regolari u jekk il-ġestjoni finanzjarja kinitx tajba. L-arma prinċipali tagħha hija l-fatt li tista’ tagħmel is-sejbiet tagħha pubbliċi. Ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħha jiġu ppreżentati fil-qosor f’rapport annwali fit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja, li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u b’hekk jinġiebu għall-attenzjoni pubblika. Hija tista’ tagħmel ukoll rapporti speċjali fi kwalunkwe ħin dwar oqsma speċifiċi tal-ġestjoni finanzjarja, u dawn jiġu ppubblikati wkoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

Korpi konsultattivi

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (l-Artikolu 301 tat-TFUE)

L-għan tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa li jagħti lid-diversi gruppi ekonomiċi u soċjali (speċjalment l-impjegaturi u l-ħaddiema, il-bdiewa, l-operaturi tat-trasport, in-nies tan-negozju, l-artiġjana, il-professjonijiet u l-maniġers tan-negozji żgħar u ta’ daqs medju) rappreżentanza f’istituzzjoni tal-UE. Huwa jipprovdi wkoll forum għall-konsumaturi, il-gruppi ambjentali u l-assoċjazzjonijiet.

Il-KESE huwa msawwar minn massimu ta’ 350 membru (bħalissa 326), ġejjin mill-organizzazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi fl-Istati Membri individwali. Dawn jinħatru għal 5 snin mill-Kunsill, li jadotta lista ta’ membri mfassla f’konformità mal-proposti magħmula minn kull Stat Membru.

L-allokazzjoni tas-siġġijiet hija kif ġej:
Il-Ġermanja, Franza, l-Italja 24
Spanja, il-Polonja 21
Ir-Rumanija 15
Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, l-Iżvezja 12
Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Litwanja, is-Slovakkja, il-Finlandja 9
Il-Latvja, is-Slovenja 7
L-Estonja 6
Ċipru, il-Lussemburgu, Malta 5

Il-membri huma maqsumin fi tliet gruppi (min iħaddem, ħaddiema u partijiet oħra rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili). L-opinjonijiet għall-adozzjoni fis-sessjonijiet plenarji jiġu mfassla minn “gruppi ta’ studju”. Il-KESE jaħdem mill-qrib ukoll mal-kumitati tal-Parlament Ewropew.

F’ċerti ċirkostanzi, huwa jrid jiġi kkonsultat fil-proċedura leġiżlattiva. Huwa joħroġ ukoll opinjonijiet fuq inizjattiva proprja. Dawn l-opinjonijiet jirrappreżentaw sinteżi ta’ perspettivi xi drabi diverġenti ħafna u huma ferm utli għall-Kunsill u għall-Kummissjoni minħabba li juru x’bidliet jixtiequ jaraw il-gruppi direttament affettwati minn proposta.

Il-KESE għandu s-sede tiegħu fi Brussell.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (l-Artikolu 305 tat-TFUE)

It-Trattat dwar l-UE (it-Trattat ta’ Maastricht) stabbilixxa korp konsultattiv ġdid flimkien mal-KESE: il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Bħall-KESE, dan ma huwiex strettament istituzzjoni tal-UE, billi l-funzjoni tiegħu hija purament waħda konsultattiva. Ma huwiex il-kompitu tiegħu li jipproduċi deċiżjonijiet legalment vinkolanti bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet sħaħ tal-UE (il-Parlament, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-BĊE, il-Qorti tal-Awdituri).

Bħall-KESE, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jikkonsisti minn massimu ta’ 350 membru (bħalissa din iċ-ċifra hija ta’ 329). Il-membri huma rappreżentanti ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Istati Membri li jrid ikollhom mandat ibbażat fuq elezzjonijiet mill-awtoritajiet li jirrappreżentaw, jew iridu jkunu politikament responsabbli lejhom.

L-allokazzjoni tas-siġġijiet hija kif ġej:
Il-Ġermanja, Franza, l-Italja 24
Il-Polonja, Spanja 21
Ir-Rumanija 15
Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, l-Iżvezja 12
Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Litwanja, is-Slovakkja, il-Finlandja 9
L-Estonja, il-Latvja, is-Slovenja 7
Ċipru, il-Lussemburgu 6
Malta 5

Hemm għadd ta’ oqsma fejn hija meħtieġa konsultazzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni (konsultazzjoni obbligatorja): l-edukazzjoni; il-kultura; is-saħħa pubblika; in-networks trans-Ewropej; it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-infrastruttura tal-enerġija; il-koeżjoni ekonomika u soċjali; il-politika tal-impjiegi u l-leġiżlazzjoni soċjali. Il-Kunsill jikkonsulta wkoll lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni b’mod regolari, u mingħajr l-ebda obbligu legali, b’rabta ma’ firxa wiesgħa ta’ abbozzi ta’ leġiżlazzjoni (konsultazzjoni mhux obbligatorja).

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għandu wkoll is-sede tiegħu fi Brussell.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (l-Artikolu 308 tat-TFUE)

Bħala aġenzija ta’ finanzjament għall-“iżvilupp ekwilibrat u regolari” tiegħu, l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Bank Ewropew tal-Investiment, li jinsab fil-Lussemburgu. Il-Bank jipprovdi self u garanziji fis-setturi ekonomiċi kollha, speċjalment sabiex jippromwovi l-iżvilupp tar-reġjuni anqas żviluppati, sabiex jiġu modernizzati jew konvertiti impriżi jew jinħolqu impjiegi ġodda u sabiex jassisti proġetti ta’ interess komuni għal diversi Stati Membri.

L-ORDNI ĠURIDIKU TAL-UNJONI EWROPEA

Il-kostituzzjoni tal-UE deskritta hawn fuq, u b’mod partikolari l-valuri fundamentali li hija tinkorpora, huma inizjalment astratti ħafna u jeħtieġ li jiġu ddefiniti mid-dritt tal-UE. Dan jagħmel l-UE realtà legali f’żewġ sensi differenti: hija maħluqa mil-liġi u hija Unjoni bbażata fuq il-liġi.

L-Unjoni Ewropea bħala ħolqien tal-liġi u Unjoni bbażata fuq il-liġi

Dak li huwa kompletament ġdid dwar l-UE u jiddistingwiha minn tentattivi preċedenti għall-unifikazzjoni tal-Ewropa huwa l-fatt li din ma taħdimx permezz tal-forza jew is-sottomissjoni iżda sempliċement permezz tal-liġi. Għal unità bbażata biss fuq deċiżjoni magħmula liberament tista’ tkun mistennija li ddum — unità bbażata fuq il-valuri fundamentali bħal-libertà u l-ugwaljanza, u protetta u tradotta f’realtà mil-liġi. Din hija l-idea li fuqha huma bbażati t-trattati li ħolqu l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-UE ma hijiex biss ħolqien tal-liġi iżda ssegwi l-għanijiet tagħha wkoll purament permezz tal-liġi. Hija Unjoni msejsa fuq il-liġi. Il-ħajja ekonomika u soċjali komuni tal-popli tal-Istati Membri hija regolata mhux bit-theddida tal-forza iżda bid-dritt tal-Unjoni. Din hija l-bażi tas-sistema istituzzjonali. Din tistabbilixxi l-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-UE u tirregola r-relazzjoni tagħhom ma’ xulxin. Din tipprovdi lill-istituzzjonijiet bil-mezzi — fil-forma ta’ regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet — sabiex jippromulgaw strumenti legali li jorbtu lill-Istati Membri u liċ-ċittadini tagħhom. Għalhekk l-individwi nfushom isiru l-fokus ewlieni tal-UE. L-ordni ġuridiku tagħha jaffettwa direttament il-ħajja tagħhom ta’ kuljum dejjem aktar. Dan jagħtihom drittijiet u jimponi fuqhom obbligi, sabiex bħala ċittadini kemm tal-istat tagħhom kif ukoll tal-UE huma jkunu regolati minn ġerarkija ta’ ordnijiet ġuridiċi — fenomenu familjari minn kostituzzjonijiet federali. Bħal kwalunkwe ordni ġuridiku ieħor, dak tal-UE jipprovdi sistema awtonoma ta’ protezzjoni legali għall-finijiet tar-rikors għal, u l-infurzar tad-dritt tal-UE. Id-dritt tal-UE jiddefinixxi wkoll ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri. L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jassiguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu mit-trattati jew li jirriżultaw mill-azzjoni meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn iridu jiffaċilitaw l-ilħuq tal-kompiti tal-UE u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-ilħuq tal-għanijiet tat-trattati. L-Istati Membri huma responsabbli għaċ-ċittadini tal-UE għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-ksur tad-dritt tal-UE.

Is-sorsi legali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea

It-terminu “sors legali” għandu żewġ tifsiriet. Fit-tifsira oriġinali tiegħu, dan jirreferi għar-raġuni għat-tfaċċar ta’ dispożizzjoni legali, jiġifieri l-motivazzjoni wara l-ħolqien ta’ kunċett legali. Skont din id-definizzjoni, is-“sors legali” tad-dritt tal-UE huwa r-rieda ta’ żamma tal-paċi u li tinħoloq Ewropa aħjar permezz ta’ rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib — żewġ pilastri tal-UE. Fil-lingwaġġ legali, min-naħa l-oħra, “sors legali” jirreferi għall-oriġini u l-forma tal-liġi.

It-trattati li jistabbilixxu l-Unjoni Ewropea bħala s-sors ewlieni tad-dritt tal-UE

L-ewwel sors tad-dritt tal-UE f’dan is-sens huma t-trattati fundaturi tal-UE, bid-diversi annessi, appendiċi u protokolli mehmużin magħhom, u biż-żidiet u bl-emendi sussegwenti. Dawn it-trattati fundaturi u l-istrumenti li jemendawhom u jissupplimentawhom (prinċipalment it-Trattati ta’ Maastricht, ta’ Amsterdam, ta’ Nizza u ta’ Liżbona) u d-diversi trattati ta’ adeżjoni jinkludu d-dispożizzjonijiet bażiċi dwar l-objettivi, l-organizzazzjoni u l-modus operandi tal-UE u partijiet mil-liġi ekonomika tagħha. L-istess jgħodd għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-istess valur legali bħat-trattati minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona (l-Artikolu 6(1) tat-TUE). Dawn għalhekk jistabbilixxu l-qafas kostituzzjonali għall-ħajja tal-UE, li mbagħad jiġi elaborat fl-interess tal-Unjoni permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva u amministrattiva mill-istituzzjonijiet tal-UE. It-trattati, billi huma strumenti legali maħluqa direttament mill-Istati Membri, huma magħrufin fl-oqsma legali bħala d-dritt primarju tal-UE.

Din il-grafika turi s-sorsi legali tad-dritt tal-UE, inkluż il-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja, il-ftehimiet internazzjonali tal-UE, il-prinċipji ġenerali tad-dritt u l-konvenzjonijiet bejn l-Istati Membri.

Is-sorsi legali tad-dritt tal-UE huma kif ġej. (1) Il-leġiżlazzjoni primarja, bħat-trattati tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipji ġenerali tad-dritt (kostituzzjonali). (2) Il-ftehimiet internazzjonali tal-UE (3) Il-leġiżlazzjoni sekondarja, bħal atti leġiżlattivi (regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet), atti mhux leġiżlattivi (strumenti legali sempliċi, atti delegati, atti ta’ implimentazzjoni), strumenti mhux vinkolanti (rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet) u atti li mhumiex atti legali (ftehimiet interistituzzjonali, riżoluzzjonijiet, dikjarazzjonijiet u programmi ta’ azzjoni). (4) Il-prinċipji ġenerali tad-dritt. (5) Il-konvenzjonijiet bejn l-Istati Membri, bħal ftehimiet internazzjonali u deċiżjonijiet tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill.

L-istrumenti legali tal-Unjoni Ewropea bħala s-sors sekondarju tad-dritt tal-UE

Il-leġiżlazzjoni magħmula mill-istituzzjonijiet tal-UE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom tissejjaħ leġiżlazzjoni sekondarja, it-tieni sors importanti tad-dritt tal-UE.

Din tikkonsisti f’atti leġiżlattivi, atti mhux leġiżlattivi (strumenti legali sempliċi, atti delegati, atti ta’ implimentazzjoni), strumenti mhux vinkolanti (opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet) u atti oħrajn li ma humiex atti legali (eż. ftehimiet interistituzzjonali, riżoluzzjonijiet, dikjarazzjonijiet, programmi ta’ azzjoni). “Atti leġiżlattivi” (l-Artikolu 289 tat-TFUE) huma atti legali adottati permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali. “Atti delegati” (l-Artikolu 290 tat-TFUE) huma atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali u vinkolanti sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv. Dawn jiġu adottati mill-Kummissjoni; att leġiżlattiv irid jitfassal sabiex jiddelega b’mod espliċitu s-setgħa lill-Kummissjoni għal dan il-għan. Fejn ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-UE, dan isir permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni xierqa, li ġeneralment jiġu adottati mill-Kummissjoni, u f’ċerti każijiet eċċezzjonali, mill-Kunsill (l-Artikolu 291 tat-TFUE). L-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet fil-forma ta’ strumenti mhux vinkolanti. Fl-aħħar nett, hemm sett sħiħ ta’ “atti li ma humiex atti legali” li l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jużaw sabiex joħorġu miżuri u dikjarazzjonijiet mhux vinkolanti jew li jirregolaw il-ħidma interna tal-UE jew l-istituzzjonijiet tagħha, bħal ftehimiet jew arranġamenti bejn l-istituzzjonijiet, jew regoli ta’ proċedura interni.

Dawn l-atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi jistgħu jieħdu forom differenti ħafna. L-aktar importanti minn dawn huma elenkati u definiti fl-Artikolu 288 tat-TFUE. Bħala atti legali vinkolanti, il-lista tinkludi r-regolamenti, id-direttivi u d-deċiżjonijiet. Bħala atti legali mhux vinkolanti, il-lista tinkludi r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. Din il-lista ta’ atti, madankollu, ma hijiex eżawrjenti. Bosta atti legali oħrajn ma jidħlux f’kategoriji speċifiċi. Dawn jinkludu r-riżoluzzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet, il-programmi ta’ azzjoni jew il-White u l-Green Papers. Hemm differenzi konsiderevoli bejn id-diversi atti f’termini tal-proċedura involuta, l-effett legali tagħhom u d-destinatarji tagħhom; dawn id-differenzi se jiġu ttrattati f’aktar dettall fis-sezzjoni “Il-mezzi ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea”.

STRUMENTI VINKOLANTI

  • Regolamenti
  • Direttivi
  • Deċiżjonijiet

ATTI LEġIżLATTIVI

= atti legali li jiġu ppromulgati permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja

STRUMENTI LEGALI SEMPLIċI

= atti legali li ma jiġux ippromulgati permezz tal-proċedura leġiżlattiva

ATTI DELEGATI

Artikolu 290 tat-TFUE

ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 291 tat-TFUE

STRUMENTI MHUX VINKOLANTI

  • Rakkomandazzjonijiet
  • Opinjonijiet

FOROM OħRAJN TA’ AZZJONI LI MA HUMIEX ATTI LEGALI

  • Riżoluzzjoni
  • Dikjarazzjonijiet
  • Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni
  • Programmi ta’ azzjoni
  • White Papers
  • Green Papers

Il-ħolqien tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE huwa proċess gradwali. Il-ħolqien tagħha jagħti l-ħajja lil-leġiżlazzjoni primarja li tirriżulta mit-trattati tal-UE, u jiġġenera u jsaħħaħ progressivament l-ordni ġuridiku Ewropew.

Ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea

It-tielet sors tad-dritt tal-UE huwa marbut mar-rwol tal-UE fil-livell internazzjonali. Bħala wieħed mill-punti fokali tad-dinja, l-Ewropa ma tistax tillimita ruħha għall-ġestjoni tal-affarijiet interni tagħha biss; hija trid tieħu ħsieb ukoll ir-relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi mal-bqija tad-dinja. Għalhekk, l-UE tikkonkludi ftehimiet fid-dritt internazzjonali ma’ pajjiżi mhux tal-UE (“pajjiżi terzi”) u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn. Ta’ min isemmi b’mod partikolari l-ftehimiet li ġejjin.

Ftehimiet ta’ assoċjazzjoni

L-assoċjazzjoni tmur lil hinn mis-sempliċi regolamentazzjoni tal-politika kummerċjali u tinvolvi kooperazzjoni ekonomika mill-qrib u assistenza finanzjarja estensiva mill-UE għall-pajjiż ikkonċernat (l-Artikolu 217 tat-TFUE). Tista’ ssir distinzjoni bejn tliet tipi differenti ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni.

Ftehimiet li jżommu rabtiet speċjali bejn ċerti Stati Membri u pajjiżi mhux tal-UE

Raġuni partikolari għall-ħolqien tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni kienet l-eżistenza ta’ pajjiżi u territorji barra mill-Ewropa li magħhom id-Danimarka, Franza, in-Netherlands u r-Renju Unit żammew rabtiet ekonomiċi partikolarment mill-qrib bħala legat tal-passat kolonjali tagħhom. L-introduzzjoni ta’ tariffa esterna komuni fl-UE kienet tfixkel serjament il-kummerċ ma’ dawn it-territorji, li fisser li kienu meħtieġa arranġamenti speċjali. Għalhekk, l-għan tal-assoċjazzjoni huwa li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-UE kollha kemm hi (l-Artikolu 198 tat-TFUE). B’riżultat ta’ dan, hemm firxa sħiħa ta’ ftehimiet preferenzjali li jippermettu l-importazzjoni ta’ merkanzija minn dawn il-pajjiżi u territorji b’rati doganali mnaqqsa jew żero. L-assistenza finanzjarja u teknika mill-UE ġiet mgħoddija permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Iżda bla dubju ta’ xejn l-aktar ftehim importanti fil-prattika huwa l-Ftehim ta’ Sħubija UE-AKP bejn l-UE u 70 stat fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (l-AKP). Dan il-ftehim bħalissa qiegħed jiġi konvertit fi ftehimiet ta’ sħubija ekonomika reġjonali, li gradwalment jagħtu lill-pajjiżi AKP aċċess liberu għas-suq intern Ewropew.

Ftehimiet bħala tħejjija għall-adeżjoni possibbli fl-Unjoni Ewropea jew għall-istabbiliment ta’ unjoni doganali

L-arranġamenti ta’ assoċjazzjoni jintużaw ukoll fit-tħejjija tal-pajjiżi għal sħubija possibbli fl-UE. L-arranġament iservi bħala stadju preliminari għall-adeżjoni li matulu l-pajjiż applikant jista’ jaħdem biex jikkonverġi l-ekonomija tiegħu ma’ dik tal-UE. Din l-istrateġija fil-preżent qiegħda tiġi implimentata għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja). Hawnhekk, il-proċess ta’ adeżjoni qiegħed jiġi appoġġat mill-proċess estiż ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni (PSA), li jikkostitwixxi l-qafas ġenerali għall-progressjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, sal-adeżjoni tagħhom. Il-PSA jsegwi tliet objettivi: (1) l-istabbilizzazzjoni u t-tranżizzjoni rapida għal ekonomija tas-suq li tiffunzjona; (2) il-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali; (3) il-prospett ta’ sħubija fl-UE. Il-PSA huwa bbażat fuq sħubija progressiva li fiha l-UE toffri konċessjonijiet kummerċjali, appoġġ ekonomiku u finanzjarju u relazzjoni kuntrattwali fil-forma ta’ ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni. Kull pajjiż irid jagħmel progress speċifiku fil-qafas tal-PSA sabiex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sħubija potenzjali. Il-progress tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn sħubija possibbli fl-UE jiġi evalwat f’rapporti annwali.

Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)

Il-Ftehim ŻEE jġib il-pajjiżi (li fadal) fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) fis-suq intern u, billi jesiġi li dawn jinkorporaw kważi żewġ terzi tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jistabbilixxi bażi soda għal adeżjoni sussegwenti. Fiż-ŻEE, fuq il-bażi tal-acquis communautaire (il-korp tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja tal-UE), irid ikun hemm moviment liberu tal-merkanzija, persuni, servizzi u kapital, regoli uniformi dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat, u kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar politiki orizzontali u ta’ appoġġ (l-ambjent, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni).

Żewġ persuni, lebsin ħwejjeġ tax-xitwa, mexjin fi triq miksija bis-silġ u bi djar ikkuluriti matulha, u faċċata tagħhom hemm il-baħar b’muntanja tas-silġ fl-isfond.

In-Norveġja (f’din l-istampa jidher l-arċipelagu ta’ Svalbard) hija membru taż-ŻEE, li tinkludi wkoll l-Iżlanda u l-Liechtenstein, kif ukoll is-27 Stat Membru tal-UE. L-erba’ libertajiet (il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital) japplikaw fiż-ŻEE.

Ftehimiet ta’ kooperazzjoni

Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma humiex komprensivi daqs il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, billi huma mmirati biss lejn kooperazzjoni ekonomika intensiva. L-UE għandha ftehimiet bħal dawn mal-istati tal-Magreb (l-Alġerija, il-Marokk u t-Tuneżija), l-istati tal-Maxreq (l-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja) u ma’ Iżrael, pereżempju.

Ftehimiet kummerċjali

L-UE għandha wkoll numru konsiderevoli ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi individwali mhux membri tal-UE, ma’ gruppi ta’ pajjiżi bħal dawn jew fi ħdan organizzazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, relatati mal-politika tariffarja u kummerċjali. L-aktar ftehimiet kummerċjali internazzjonali importanti huma l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-ftehimiet kummerċjali multilaterali li joħorġu minnu, inkluż b’mod partikolari l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994; il-Kodiċi kontra d-Dumping u s-Sussidji; il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi; il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ; u l-Qbil dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw is-Soluzzjoni ta’ Tilwim. Madankollu, il-ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles saru aktar popolari mill-ftehimiet multilaterali. Minħabba d-diffikultajiet inerenti enormi biex jiġu konklużi ftehimiet multilaterali ta’ liberalizzazzjoni fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, pereżempju, il-qawwiet kummerċjali kollha, inkluża l-UE, bdew jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles. L-aktar eżempji reċenti huma l-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati kummerċjali mal-Kanada, maċ-Ċilì, mal-Ġappun, mal-Messiku, ma’ Singapore, mal-Korea t’Isfel, mal-Vjetnam, mal-pajjiżi tal-Mercosur (l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj) u ma’ New Zealand u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ sħubija bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP, preċedentement l-Istati AKP). Bħalissa għaddejjin aktar negozjati kummerċjali, b’mod partikolari mal-Awstralja, mal-Indja u mal-Indoneżja.

Sorsi tal-liġi mhux miktuba

Is-sorsi tad-dritt tal-UE deskritti sa issa għandhom karatteristika komuni bejniethom li kollha jipproduċu liġi miktuba. Madankollu, bħas-sistemi kollha tal-liġi, l-ordni ġuridiku tal-UE ma jistax jikkonsisti għalkollox minn regoli miktuba: dejjem se jkun hemm lakuni li jridu jimtlew b’liġi mhux miktuba.

Il-prinċipji ġenerali tal-liġi

Is-sorsi mhux miktuba tad-dritt tal-UE huma l-prinċipji ġenerali tal-liġi. Dawn huma regoli li jirriflettu l-kunċetti elementari tal-liġi u tal-ġustizzja li jridu jiġu rrispettati minn kwalunkwe sistema legali. Id-dritt miktub tal-UE fil-biċċa l-kbira jittratta biss kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, u jista’ jistabbilixxi regoli ta’ dan it-tip sa ċertu punt biss, li jfisser li l-prinċipji ġenerali tal-liġi jiffurmaw wieħed mill-aktar sorsi importanti tad-dritt fl-UE. Dawn jippermettu li jimtlew il-lakuni u l-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-liġi eżistenti jiġu solvuti bl-aktar mod ġust.

Dawn il-prinċipji jingħataw effett meta tiġi applikata l-liġi, b’mod partikolari fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija responsabbli sabiex tassigura li “fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat, il-liġi tiġi osservata”. Il-punti ta’ referenza ewlenin sabiex jiġu determinati l-prinċipji ġenerali tal-liġi huma l-prinċipji komuni għall-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri. Huma jipprovdu l-isfond li bih jistgħu jiġu żviluppati r-regoli tal-UE meħtieġa għas-soluzzjoni ta’ problema.

Flimkien mal-prinċipji tal-awtonomija, l-applikabbiltà diretta u l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni, prinċipji legali oħrajn jinkludu l-garanzija tad-drittijiet bażiċi (tal-anqas għall-Polonja, li ma humiex soġġetti għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minħabba nonparteċipazzjoni), il-prinċipju tal-proporzjonalità (li fil-fatt ġie regolat permezz ta’ dispożizzjoni pożittiva fl-Artikolu 5(4) tat-TUE), il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, id-dritt għal smigħ xieraq u l-prinċipju li l-Istati Membri huma responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-UE.

L-użanza legali

Id-dritt mhux miktub tal-UE jinkludi wkoll l-użanza legali. Din tfisser prattika li ġiet segwita u aċċettata u b’hekk saret legalment stabbilita, u li żżid ma’ jew timmodifika l-leġiżlazzjoni primarja jew sekondarja. L-istabbiliment possibbli tal-użanza legali fid-dritt tal-UE huwa rikonoxxut fil-prinċipju. Madankollu, hemm limitazzjonijiet konsiderevoli biex din tiġi stabbilita fil-kuntest tad-dritt tal-UE. L-ewwel ostaklu huwa l-eżistenza ta’ proċedura speċjali għall-emenda tat-trattati (l-Artikolu 48 tat-TUE). Din ma teskludix it-tfaċċar possibbli tal-użanza legali, iżda tagħmel il-kriterji li bihom prattika titqies li ġiet segwita u aċċettata għal perjodu sostanzjali, ferm aktar diffiċli biex jintlaħqu. Ostaklu ieħor għall-istabbiliment tal-użanza legali fl-istituzzjonijiet tal-UE huwa l-fatt li kwalunkwe azzjoni minn istituzzjoni tista’ tikseb il-validità tagħha biss mit-Trattati, u mhux mill-imġiba attwali ta’ dik l-istituzzjoni jew kwalunkwe intenzjoni min-naħa tagħha li toħloq relazzjonijiet legali. Dan ifisser li, fil-livell tat-trattati, l-użanza legali ma tista’ fl-ebda ċirkostanza tiġi stabbilita mill-istituzzjonijiet tal-UE; l-aktar l-aktar, l-Istati Membri biss jistgħu jagħmlu dan — u mbagħad soġġett biss għall-kundizzjonijiet stretti msemmijin hawn fuq. Il-proċeduri u l-prattiċi segwiti u aċċettati bħala parti mil-liġi mill-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu, madankollu, jintużaw fl-interpretazzjoni tar-regoli legali stabbiliti minnhom, u dan jista’ jibdel l-implikazzjonijiet legali u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-att legali kkonċernat. Madankollu, hawnhekk iridu jiġu kkunsidrati wkoll il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni primarja tal-UE.

Ftehimiet bejn l-Istati Membri

Is-sors finali tad-dritt tal-UE jinkludi l-ftehimiet bejn l-Istati Membri. Ftehimiet ta’ dan it-tip jistgħu jiġu konklużi għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mill-qrib mal-attivitajiet tal-UE, iżda ma tkun ġiet ittrasferita l-ebda setgħa lill-istituzzjonijiet tal-UE (pereżempju t-Trattat dwar l-Istabbiltà tal-2012, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, magħruf ukoll bħala t-Trattat dwar il-Patt Fiskali, li sar mingħajr iċ-Ċekja). Hemm ukoll ftehimiet internazzjonali fuq skala sħiħa (trattati u konvenzjonijiet) bejn l-Istati Membri mmirati b’mod partikolari biex jegħlbu l-iżvantaġġi ta’ arranġamenti limitati b’mod territorjali u biex joħolqu liġi li tapplika b’mod uniformi madwar l-UE kollha. Dan huwa importanti prinċipalment fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat (pereżempju l-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali (1980)).

Il-mezzi ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea

L-ilħuq tal-objettivi segwiti mill-UE jirrikjedi li l-korpi tagħha jwettqu azzjonijiet li jagħmluha possibbli għall-Unjoni Ewropea li tallinja l-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u anke ambjentali differenti fid-diversi Stati Membri. Għalhekk, id-dritt tal-UE trid tipprovdi sett ta’ strumenti legali, bħal dawk meħtieġa wkoll mill-korpi tal-istati nfushom u disponibbli għalihom għat-twettiq tal-kompiti nazzjonali tagħhom.

Madankollu, l-għażla ovvja li tiġi applikata l-firxa ta’ strumenti adottati mill-Istati Membri ma kinitx meqjusa fattibbli, minħabba li l-istati jużaw forom ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, u l-adozzjoni tal-mudell ta’ Stat Membru individwali x’aktarx li ma tissodisfax il-ħtiġijiet u l-interessi tal-UE kollha kemm hi. B’hekk, meta ġiet stabbilita l-KEE, il-leġiżlaturi ffaċċjaw il-kompitu diffiċli li “jiżviluppaw” firxa ta’ strumenti li kienu allinjati mal-istrutturi u r-responsabbiltajiet tal-Komunità. L-ewwel prijorità kienet li jiddeċiedu liema forom għandhom jieħdu dawn l-istrumenti legali u liema effetti għandu jkollhom. L-istituzzjonijiet riedu jkunu jistgħu jallinjaw il-kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u anke dawk ambjentali differenti fl-Istati Membri varji, u jagħmlu dan b’mod effettiv, jiġifieri mingħajr ma jkunu jiddependu fuq ir-rieda tajba tal-Istati Membri, sabiex ikunu jistgħu jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet tal-għajxien possibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Min-naħa l-oħra, ma kellhomx jindaħlu fis-sistemi legali nazzjonali aktar milli meħtieġ. Għalhekk, is-sistema leġiżlattiva sħiħa tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipju li fejn l-istess arranġament, anke fuq punti ta’ dettall, irid japplika fl-Istati Membri kollha, l-arranġamenti nazzjonali jridu jiġu sostitwiti bil-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda fejn dan ma jkunx meħtieġ, għandu jittieħed kont xieraq tal-ordnijiet ġuridiċi eżistenti fl-Istati Membri.

F’dan l-isfond ġiet żviluppata firxa ta’ strumenti li ppermettew lill-istituzzjonijiet tal-UE jinfluwenzaw fi gradi differenti s-sistemi legali nazzjonali. L-aktar azzjoni drastika hija s-sostituzzjoni ta’ regoli nazzjonali b’regoli tal-UE. Hemm ukoll regoli tal-UE li bihom l-istituzzjonijiet tal-UE jaġixxu biss fuq is-sistemi legali tal-Istati Membri b’mod indirett. Jistgħu jittieħdu wkoll miżuri li jaffettwaw biss destinatarju definit jew identifikabbli, sabiex jittrattaw każ partikolari. Fl-aħħar, hemm provvediment ukoll għal atti legali li ma għandhom l-ebda forza vinkolanti, la fuq l-Istati Membri u lanqas fuq iċ-ċittadini tal-UE.

Jekk inħarsu lejn il-firxa ta’ strumenti legali f’termini tal-persuni li lejhom huma indirizzati u l-effetti prattiċi tagħhom fl-Istati Membri, is-sistema tal-istrumenti legali tal-UE tista’ tinqasam kif ġej, fuq il-bażi tal-Artikolu 288 tat-TFUE.

Din il-grafika tqassam it-tipi ta’ strumenti legali tal-UE bbażati fuq l-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-regolamenti, id-direttivi, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet.

Is-sistema tal-istrumenti legali tal-UE tista’ tinqasam kif ġej, abbażi tal-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-regolamenti: dawn japplikaw għall-Istati Membri kollha u l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha. Huma direttament applikabbli u vinkolanti fl-intier tagħhom. Id-Direttivi: dawn japplikaw għall-Istati Membri kollha jew dawk speċifiċi. Huma vinkolanti fir-rigward tar-riżultat maħsub u japplikaw direttament biss f’ċirkostanzi partikolari. Id-Deċiżjonijiet (Tip 1): dawn huma mmirati għall-Istati Membri kollha jew dawk speċifiċi u għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi speċifiċi. Huma direttament applikabbli u vinkolanti fl-intier tagħhom. Id-Deċiżjonijiet (Tip 2): dawn mhumiex immirati speċifikament għad-destinatarji u huma vinkolanti fl-intier tagħhom. Ir-Rakkomandazzjonijiet: dawn jindirizzaw lill-Istati Membri kollha jew Stati Membri speċifiċi u korpi jew individwi oħrajn tal-UE. Mhumiex vinkolanti. L-Opinjonijiet: dawn jindirizzaw lill-Istati Membri kollha jew Stati Membri speċifiċi, korpi oħra tal-UE u gruppi ta’ destinatarji mhux speċifikati. Mhumiex vinkolanti.

Ir-Regolamenti bħala l-“liġijiet” tal-Unjoni Ewropea

L-atti legali li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-UE li jinfluwenzaw l-aktar is-sistemi legali nazzjonali huma r-regolamenti. Hemm żewġ karatteristiċi insoliti ħafna fid-dritt internazzjonali li jiddistingwuhom.

  • L-ewwel waħda hija n-natura tal-UE tagħhom, li tfisser li huma jistabbilixxu l-istess liġi madwar l-UE kollha, irrispettivament mill-fruntieri internazzjonali, u japplikaw b’mod sħiħ fl-Istati Membri kollha. Stat Membru ma għandux is-setgħa li japplika regolament b’mod mhux komplet jew li jagħżel biss dawk id-dispożizzjonijiet li huwa japprova bħala mezz sabiex jassigura li strument li huwa jkun oppona fil-mument tal-adozzjoni tiegħu jew li jmur kontra l-interess nazzjonali perċepit tiegħu ma jingħatax effett. Lanqas ma jista’ jinvoka dispożizzjonijiet jew prattiċi tal-liġi nazzjonali sabiex jipprekludi l-applikazzjoni obbligatorja ta’ regolament.
  • It-tieni karatteristika hija l-applikabbiltà diretta, li tfisser li l-atti legali ma għandhomx għalfejn jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali iżda jagħtu drittijiet jew jimponu obbligi fuq iċ-ċittadini tal-UE bl-istess mod bħad-dritt nazzjonali. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-qrati li jmexxuhom huma marbuta direttament bid-dritt tal-UE u għandhom jikkonformaw miegħu bl-istess mod bħad-dritt nazzjonali.

Ix-xebh bejn dawn l-atti legali u l-liġi statutorja mgħoddija fl-Istati Membri individwali huwa ċar ħafna. Għalhekk, jekk jiġu ppromulgati b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill (skont il-“proċedura leġiżlattiva ordinarja” — ara t-taqsima “Il-proċess leġiżlattiv fl-UE”), dawn jissejħu “atti leġiżlattivi”. Il-Parlament ma għandu l-ebda responsabbiltà għar-regolamenti, li jiġu ppromulgati biss mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni Ewropea u għalhekk, tal-anqas minn perspettiva proċedura, dawn ma għandhomx il-karatteristiċi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip.

Direttivi

Flimkien mar-regolament, id-direttiva hija l-aktar strument leġiżlattiv importanti. L-għan tagħha huwa li tirrikonċilja ż-żewġ objettivi kemm li tiġi assigurata l-uniformità neċessarja tad-dritt tal-UE kif ukoll li tiġi rispettata d-diversità tat-tradizzjonijiet u tal-istrutturi nazzjonali. Għalhekk, l-għan prinċipali tad-direttiva ma huwiex l-unifikazzjoni tal-liġi, li huwa l-għan tar-regolament, iżda l-armonizzazzjoni tagħha. L-idea hija li jitneħħew il-kontradizzjonijiet u l-kunflitti bejn il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali jew li gradwalment jitneħħew l-inkonsistenzi sabiex, sa fejn ikun possibbli, ikunu jeżistu l-istess kundizzjonijiet materjali fl-Istati Membri kollha. Id-direttiva hija wieħed mill-mezzi prinċipali użati fil-bini tas-suq uniku.

Direttiva hija vinkolanti fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-objettiv li jkun irid jintlaħaq iżda tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar kif l-objettiv maqbul tal-UE għandu jiġi inkorporat fis-sistemi legali domestiċi tagħhom. Ir-raġunament wara din il-forma ta’ leġiżlazzjoni huwa li din tippermetti li l-intervent fl-istrutturi ekonomiċi u legali domestiċi jieħu forma aktar moderata. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jqisu ċirkostanzi domestiċi speċjali meta jimplimentaw ir-regoli tal-UE. Li jiġri huwa li d-direttiva ma tiħux post il-liġijiet tal-Istati Membri iżda tobbliga lill-Istati Membri jadattaw id-dritt nazzjonali tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-UE. Ir-riżultat ġeneralment huwa proċess ta’ tfassil tal-liġijiet f’żewġ stadji:

L-ewwel, fl-istadju inizjali, id-direttiva tistabbilixxi l-objettiv li jrid jintlaħaq f’livell tal-UE minn kwalunkwe Stat Membru jew mill-Istati Membri kollha, li tkun indirizzata lilhom, fi żmien speċifikat. L-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu fir-realtà jiddefinixxu l-objettiv f’termini tant dettaljati li ma jħallu lill-Istati Membri l-ebda flessibbiltà, u dan fil-fatt sar f’direttivi dwar standards tekniċi u l-protezzjoni tal-ambjent.

Żewġ klijenti f’ħanut tal-apparati domestiċi, iżommu t-tikketti tal-enerġija l-antiki u l-ġodda tal-UE ħdejn xulxin. It-tikketta l-ġdida fiha kodiċi QR, pittogrammi aġġornati u skala riveduta tal-effiċjenza enerġetika li tvarja minn A sa G, filwaqt li t-tikketta l-antika tvarja minn A+++ sa D.

Id-Direttiva 2012/27/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 (id-direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija) tinkludi pakkett ta’ miżuri vinkolanti maħsuba biex jagħtu sehemhom ħalli l-UE tilħaq l-objettiv tagħha li żżid l-effiċjenza enerġetika b’20 % sal-2020. L-Istati Membri tal-UE kellhom jittrasponu d-direttiva fi dritt nazzjonali sal-5 ta’ Ġunju

It-tieni, fl-istadju nazzjonali, l-objettiv stabbilit fuq livell tal-UE jiġi tradott f’dispożizzjonijiet legali jew amministrattivi proprji fl-Istati Membri. Anke jekk l-Istati Membri fil-prinċipju huma liberi li jiddeċiedu l-forma u l-metodi li jużaw biex jittrasponu l-obbligu tagħhom tal-UE fil-liġi domestika, jintużaw kriterji tal-UE sabiex jiġi valutat jekk dawn għamlux dan skont id-dritt tal-UE. Il-prinċipju ġenerali huwa li trid tiġi ġġenerata sitwazzjoni legali li fiha d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva jistgħu jiġu rikonoxxuti b’ċarezza u b’ċertezza biżżejjed sabiex iċ-ċittadin tal-UE jkun jista’ jinvoka jew, jekk ikun xieraq, jikkontestahom fil-qrati nazzjonali. Dan normalment jinvolvi l-promulgazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi nazzjonali jew it-tħassir jew l-emenda ta’ regoli eżistenti. Il-prassi amministrattiva waħidha ma hijiex biżżejjed billi din, min-natura tagħha stess, tista’ tinbidel mill-awtoritajiet ikkonċernati meta jridu, u ma għandhiex lanqas profil għoli biżżejjed.

Id-direttivi, bħala regola, ma jagħtux direttament drittijiet jew ma jimponux obbligi fuq iċ-ċittadini tal-UE. Dawn huma indirizzati espliċitament lill-Istati Membri waħidhom. Id-drittijiet u l-obbligi għaċ-ċittadini joħorġu biss mill-miżuri promulgati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jimplimentaw id-direttiva. Dan il-punt ma huwa tal-ebda importanza għaċ-ċittadini sakemm l-Istati Membri fil-fatt jikkonformaw mal-obbligu tagħhom tal-UE. Iżda hemm żvantaġġi għaċ-ċittadini tal-UE meta Stat Membru ma jiħux il-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa sabiex jilħaq objettiv stabbilit f’direttiva li jkun ta’ benefiċċju għalihom, jew fejn il-miżuri meħuda ma jkunux adegwati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet li tittollera żvantaġġi bħal dawn, u sensiela twila ta’ kawżi stabbiliet li f’ċirkostanzi bħal dawn iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jitolbu li d-direttiva jew ir-rakkomandazzjoni jkollha effett dirett fir-rikorsi fil-qrati nazzjonali sabiex ikunu assigurati d-drittijiet mogħtija lilhom minnha. L-effett dirett huwa definit mill-Qorti kif ġej:

  • id-dispożizzjonijiet tad-direttiva jridu jistabbilixxu d-drittijiet taċ-ċittadin/tal-impriża tal-UE b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti;
  • l-eżerċizzju tad-drittijiet ikun bla kundizzjonijiet;
  • l-awtoritajiet leġiżlattivi nazzjonali ma jistgħu jingħataw l-ebda flessibbiltà fir-rigward tal-kontenut tar-regoli li għandhom jiġu ppromulgati;
  • iż-żmien permess għall-implimentazzjoni tad-direttiva jkun skada.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett huma bbażati fuq il-fehma ġenerali li l-Istat Membru jkun qiegħed jaġixxi b’mod ekwivoku u illegali jekk japplika l-liġi l-antika tiegħu mingħajr ma jadattaha għar-rekwiżiti tad-direttiva. Dan huwa abbuż tad-drittijiet mill-Istat Membru u r-rikonoxximent tal-effett dirett tad-direttiva jfittex li jiġġieldu billi jassigura li l-Istat Membru ma jikseb l-ebda benefiċċju mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-UE. Għalhekk, l-effett dirett għandu l-effett li jippenalizza lill-Istat Membru ħati ta’ ksur. F’dan il-kuntest huwa sinifikanti li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-prinċipju biss f’kawżi bejn iċ-ċittadin u l-Istat Membru, u mbagħad biss meta d-direttiva kienet għall-benefiċċju taċ-ċittadin u mhux għad-detriment tiegħu — fi kliem ieħor meta l-pożizzjoni taċ-ċittadin skont il-liġi kif emendata bid-direttiva kienet aktar favorevoli milli skont il-liġi l-antika (magħruf bħala “effett dirett vertikali”).

L-effett dirett tad-direttivi fir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini nfushom (“effett dirett orizzontali”) ma ġiex aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tikkonkludi min-natura punittiva tal-prinċipju li dan ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn individwi privati, billi dawn ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-Istat Membru. Pjuttost, l-individwi jistgħu joqogħdu fuq iċ-ċertezza fil-liġi u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Iċ-ċittadin irid ikun jista’ jserraħ rasu li l-effett ta’ direttiva jintlaħaq permezz tal-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat prinċipju tad-dritt primarju li skontu, il-kontenut ta’ linja gwida huwa applikabbli wkoll għal kwistjonijiet tad-dritt privat, bil-kundizzjoni li dan jagħti espressjoni għall-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni. Il-ħsieb tal-Qorti tal-Ġustizzja jmur lil hinn mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, li, kif imfissra fid-direttivi rispettivi, tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali u b’mod partikolari lill-qrati nazzjonali jipprovdu, fil-limiti tal-ġuriżdizzjoni tagħhom, il-protezzjoni legali li l-individwi jiksbu mid-dritt tal-UE u li jassiguraw l-effettività sħiħa ta’ dak id-dritt, billi jneħħu jekk ikun hemm bżonn kwalunkwe dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra dak il-prinċipju. Għalhekk, minħabba l-preminenza tad-dritt tal-UE, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni kif stabbilita mid-direttivi rispettivi tieħu preċedenza fuq id-dritt nazzjonali f’kunflitt. Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti ma xeħtitx dubji fuq il-ġurisprudenza tagħha dwar in-nuqqas ta’ effett orizzontali tad-direttivi, hija effettivament waslet għal dik il-konklużjoni fir-rigward tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fil-każijiet kollha fejn din tal-aħħar hija espressa f’direttiva. Il-Qorti qabel kienet sabet li dan kien il-każ għal-linji gwida relatati mad-diskriminazzjoni tradizzjonali bbażata fuq in-nazzjonalità, is-sess jew l-età. Din madankollu għandha tapplika għal-linji gwida kollha li jiġu adottati sabiex jiġu miġġielda r-raġunijiet għad-diskriminazzjoni elenkati fl-Artikolu 19 tat-TFUE.

L-effett dirett ta’ direttiva mhux neċessarjament jimplika li dispożizzjoni tad-direttiva tagħti drittijiet lill-individwu. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkollhom effett dirett sa fejn ikollhom l-effett ta’ liġi oġġettiva. Għar-rikonoxximent ta’ dan l-effett japplikaw l-istess kundizzjonijiet bħal tar-rikonoxximent ta’ effett dirett, l-unika eċċezzjoni hija li, minflok liġi ċara u preċiża stabbilita għaċ-ċittadin jew għall-impriża tal-UE, jiġi stabbilit obbligu ċar u preċiż għall-Istati Membri. Fejn dan ikun il-każ, l-istituzzjonijiet kollha, jiġifieri l-leġiżlatur, l-amministrazzjoni u l-qrati tal-Istati Membri, ikunu marbuta bid-direttiva u jridu jikkonformaw awtomatikament magħha u japplikawha bħala dritt tal-UE bi preminenza. F’termini konkreti, huma għalhekk ikunu obbligati wkoll li jinterpretaw id-dritt nazzjonali skont id-direttivi jew jagħtu d-dispożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni l-prijorità ta’ applikazzjoni fuq id-dritt nazzjonali f’kunflitt. Barra minn hekk, id-direttivi għandhom ċerti effetti ta’ limitazzjoni fuq l-Istati Membri — anke qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni. Minħabba n-natura vinkolanti ta’ direttiva u d-dmir tagħhom li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-kompiti tal-Unjoni (l-Artikolu 4 tat-TUE), l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura, qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni, minn kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola l-ilħuq tal-objettiv tad-direttiva.

Fis-sentenzi tagħha fil-Kawżi Magħquda C-6/90 u C-9/90 Francovich u Bonifaci fl-1991, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Istati Membri huma responsabbli għall-ħlas tad-danni meta t-telf jiġġarrab minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva b’mod sħiħ jew parzjali. Iż-żewġ kawżi tressqu kontra l-Italja għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni fil-ħin tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal-20 ta’ Ottubru 1980 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, li kellha l-għan li tipproteġi d-drittijiet tal-impjegat għar-remunerazzjoni fil-perjodu li jippreċedi l-insolvenza u t-tkeċċija minħabba insolvenza. Għal dak il-għan, kellhom jiġu stabbiliti fondi ta’ garanzija bi protezzjoni mill-kredituri; dawn kellhom jiġu ffinanzjati minn min iħaddem, mill-awtoritajiet pubbliċi, jew mit-tnejn. Il-problema ffaċċjata mill-Qorti kienet li, għalkemm l-għan tad-Direttiva kien li jagħti lill-ħaddiema impjegati d-dritt personali għall-ħlas kontinwu tar-remunerazzjoni mill-fondi ta’ garanzija, dan id-dritt ma setax jingħata effett dirett mill-qrati nazzjonali, li kien ifisser li dawn ma setgħux jinfurzawh kontra l-awtoritajiet nazzjonali, billi fin-nuqqas ta’ miżuri li jittrasponu d-Direttiva, il-fond ta’ garanzija ma kienx ġie stabbilit u ma kienx possibbli jiġi aċċertat min kien id-debitur b’rabta mal-insolvenza. Il-Qorti ddeċidiet li, bin-nuqqas tagħha li timplimenta d-Direttiva, l-Italja kienet ċaħħdet lill-ħaddiema impjegati inkwistjoni mid-drittijiet tagħhom u għalhekk kienet responsabbli għad-danni. Anke jekk l-obbligu ta’ kumpens ma huwiex miktub fid-dritt tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja tqisu bħala parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-UE, billi l-effett sħiħ tiegħu ma jkunx assigurat u d-drittijiet mogħtija minnu ma jkunux protetti kieku ċ-ċittadini tal-UE ma kellhomx il-possibbiltà li jfittxu u jiksbu kumpens għall-ksur tad-drittijiet tagħhom minn Stati Membri li jaġixxu bi ksur tad-dritt tal-UE(4).

Deċiżjonijiet

Permezz tad-“deċiżjonijiet”, it-Trattat ta’ Liżbona għamel żieda mal-firxa ta’ strumenti legali. Tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ deċiżjonijiet: deċiżjonijiet li jispeċifikaw id-destinatarji, u deċiżjonijiet ġenerali, li ma għandhomx destinatarji speċifiċi (ara l-Artikolu 288(4) tat-TFUE). Filwaqt li d-deċiżjonijiet li jispeċifikaw lil min huma indirizzati jieħdu post id-deċiżjonijiet preċedenti għar-regolamentazzjoni ta’ każijiet individwali, id-deċiżjonijiet ġenerali li ma għandhomx destinatarji speċifiċi jinkludu varjetà ta’ strumenti li jikkondividu l-fatt li ma jirregolawx każijiet individwali. Huwa sfortunat li żewġ tipi differenti ħafna ta’ strument legali jissejħu bl-istess isem, billi l-kwistjonijiet inevitabbli ta’ definizzjoni jwasslu għal ħafna inċertezza legali. Kien ikun aħjar li jintuża terminu wieħed għall-miżuri li jipprovdu għal każijiet individwali, b’effett estern legalment vinkolanti fuq l-individwu, u li jiġi introdott terminu addizzjonali għall-istrumenti legali l-oħrajn b’forza vinkolanti.

Il-korpi tal-UE (b’mod partikolari l-Kunsill u l-Kummissjoni) ġeneralment jużaw deċiżjonijiet li jispeċifikaw id-destinatarji sabiex iwettqu l-funzjoni eżekuttiva tagħhom. Deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jitolbu li Stat Membru, kumpanija jew ċittadin tal-UE jwettqu jew joqogħdu lura minn azzjoni, jew jistgħu jagħtu drittijiet jew jimponu obbligi fuqhom. Is-sitwazzjoni fis-sistemi tal-Istati Membri nfushom hija eżattament l-istess; l-awtoritajiet japplikaw il-leġiżlazzjoni f’każ individwali permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva.

Il-karatteristiċi bażiċi ta’ din it-tip ta’ deċiżjoni jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

  • Hija differenti mir-regolament billi għandha applikabbiltà individwali: id-destinatarji jridu jkunu msemmija fiha u huma l-uniċi li huma marbuta biha. Dan ir-rekwiżit jintlaħaq jekk, meta tinħareġ id-deċiżjoni, il-kategorija tad-destinatarji tkun tista’ tiġi identifikata u wara ma tistax tiġi estiża. Il-kontenut attwali tad-deċiżjoni jrid ikun tali li jkollu impatt dirett u individwali fuq is-sitwazzjoni taċ-ċittadin. Anki parti terza tista’ taqa’ taħt id-definizzjoni jekk, minħabba kwalitajiet jew ċirkostanzi personali li jiddistingwuha minn oħrajn, hija tiġi affettwata b’mod individwali u tkun identifikabbli bħala tali bl-istess mod bħad-destinatarju.
  • Hija differenti mid-direttiva minħabba li hija vinkolanti fl-intier tagħha (filwaqt li d-direttiva sempliċement tistabbilixxi l-objettiv li jrid jintlaħaq).
  • Hija torbot direttament lid-destinatarji. Deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru jista’ fil-fatt ikollha l-istess effett dirett fir-rigward taċ-ċittadin bħal direttiva.

Id-deċiżjonijiet ġenerali li ma jispeċifikawx id-destinatarju huma vinkolanti fl-intier tagħhom, għalkemm ma huwiex ċar lil min jorbtu. Dan finalment jista’ jiġi stabbilit biss mill-kontenut ta’ kull deċiżjoni. Għad-deċiżjonijiet ġenerali, tista’ ssir distinzjoni bejn it-tipi ta’ strumenti li ġejjin.

  • Deċiżjonijiet sabiex jiġu emendati dispożizzjonijiet tat-trattati. Dawn id-deċiżjonijiet huma applikabbli b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri huma vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kollha tal-UE kif ukoll fuq l-Istati Membri. Wieħed jista’ jsemmi d-deċiżjonijiet għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-adozzjoni (l-Artikolu 81(3) u l-Artikolu 192(2)(c) tat-TFUE) jew għar-rilassament tar-rekwiżiti tal-maġġoranza (l-Artikoli 312(2) u 333(1) tat-TFUE).
  • Deċiżjonijiet għaż-żieda ta’ sustanza fil-liġi tat-trattati. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom effett vinkolanti fuq l-UE kollha, jew fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji rilevanti tal-UE fil-każ ta’ deċiżjoni dwar il-kompożizzjoni tagħhom; dawn ma għandhom l-ebda effett estern fuq l-individwu.
  • Deċiżjonijiet għall-adozzjoni tal-liġi intraistituzzjonali u interistituzzjonali. Dawn id-deċiżjonijiet jorbtu lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-UE li jkunu affettwati u involuti. Eżempji jinkludu r-regoli ta’ proċedura interni tal-istituzzjonijiet (liġi intraistituzzjonali) kif ukoll il-ftehimiet interistituzzjonali li jsiru bejn il-korpi tal-UE (liġi interistituzzjonali).
  • Deċiżjonijiet fil-kuntest tal-kontroll organizzazzjonali. Dawn id-deċiżjonijiet (eż. ħatriet, remunerazzjoni) jorbtu lid-detentur tal-kariga jew lill-membri tal-korpi rilevanti.
  • Deċiżjonijiet għat-tfassil tal-politika. Dawn id-deċiżjonijiet jikkompetu mar-regolamenti u mad-direttivi iżda ma humiex maħsuba sabiex ikollhom effett estern, legalment vinkolanti fuq l-individwu. Fil-prinċipju, l-effett vinkolanti tagħhom huwa limitat għall-istituzzjonijiet involuti fil-ħruġ tagħhom, b’mod partikolari meta jirrigwardaw orjentazzjonijiet jew linji gwida għall-politika futura. F’każijiet eċċezzjonali biss għandhom effetti legali ta’ natura ġenerali u astratta jew konsegwenzi finanzjarji.
  • Deċiżjonijiet fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Dawn id-deċiżjonijiet huma legalment vinkolanti fuq l-UE. Il-punt sa fejn dawn huma vinkolanti fuq l-Istati Membri huwa limitat permezz ta’ dispożizzjonijiet speċjali (eż. l-Artikoli 28(2) u (5) u 31(1) tat-TUE). Huma ma humiex soġġetti għas-supremazija tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

Kategorija finali ta’ miżuri legali espliċitament previsti fit-trattati hija r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet. Dawn jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-UE jesprimu opinjoni lill-Istati Membri, u f’xi każijiet lil ċittadini individwali, li ma hijiex vinkolanti u ma tqiegħed l-ebda obbligu legali fuq id-destinatarju.

Fir-rakkomandazzjonijiet, id-destinatarju jintalab, iżda ma jitqiegħed taħt l-ebda obbligu legali, li jġib ruħu b’mod partikolari. Pereżempju, f’każijiet fejn l-adozzjoni jew l-emenda ta’ dispożizzjoni legali jew amministrattiva fi Stat Membru tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Istat ikkonċernat dawk il-miżuri li jkunu xierqa sabiex tiġi evitata din id-distorsjoni (ara l-Artikolu 117(1), it-tieni sentenza, tat-TFUE).

L-opinjonijiet, min-naħa l-oħra, jinħarġu mill-istituzzjonijiet tal-UE meta jagħtu valutazzjoni ta’ sitwazzjoni jew ta’ żviluppi partikolari fl-UE jew fi Stati Membri individwali. F’xi każijiet, huma jħejju t-triq ukoll għal atti legalment vinkolanti sussegwenti, jew ikunu rekwiżit għall-bidu ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Artikoli 258 u 259 tat-TFUE).

Is-sinifikat reali tar-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet huwa wieħed politiku u morali. Meta ħasbu għal atti legali ta’ dan it-tip, dawk li fasslu t-trattati antiċipaw li, minħabba l-awtorità tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-viżjoni aktar wiesgħa tagħhom u l-għarfien wiesa’ ta’ kundizzjonijiet lil hinn mill-qafas nazzjonali aktar dejjaq, dawk ikkonċernati kienu se jikkonformaw b’mod volontarju mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom u kienu se jirreaġixxu b’mod xieraq għall-valutazzjoni ta’ sitwazzjoni partikolari mill-istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet jista’ jkollhom effett legali indirett meta jkunu preliminari għal strumenti obbligatorji sussegwenti jew meta l-istituzzjoni emittenti tkun impenjat ruħha, u b’hekk ħolqot aspettattivi leġittimi li jridu jintlaħqu.

Riżoluzzjonijiet, dikjarazzjonijiet u programmi ta’ azzjoni

Minbarra l-atti legali previsti fit-trattati, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ukoll disponibbli varjetà ta’ forom oħrajn ta’ azzjoni sabiex jifformaw u jsawru l-ordni ġuridiku tal-UE. L-aktar importanti minn dawn huma r-riżoluzzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-programmi ta’ azzjoni.

Riżoluzzjonijiet. Ir-riżoluzzjonijiet jistgħu jinħarġu mill-Parlament, mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill. Huma jistabbilixxu fehmiet u intenzjonijiet komuni dwar il-proċess ġenerali ta’ integrazzjoni u kompiti speċifiċi fi ħdan u barra l-UE. Ir-riżoluzzjonijiet relatati mal-ħidma interna tal-UE jirrigwardaw, pereżempju, kwistjonijiet bażiċi relatati mal-unjoni politika, il-politika reġjonali, il-politika dwar l-enerġija, u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (b’mod partikolari s-Sistema Monetarja Ewropea). L-importanza primarja ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet hija li dawn jgħinu biex jagħtu l-ħidma futura tal-Kunsill direzzjoni politika. Bħala manifestazzjonijiet ta’ rieda politika komuni, ir-riżoluzzjonijiet jagħmluha konsiderevolment aktar faċli sabiex jintlaħaq kunsens fil-Kunsill, minbarra li jiggarantixxu tal-anqas livell minimu ta’ korrelazzjoni bejn il-ġerarkiji tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri. Kwalunkwe valutazzjoni tas-sinifikat legali tagħhom trid tqis ukoll dawn il-funzjonijiet, jiġifieri huma għandhom jibqgħu strument flessibbli u ma għandhomx ikunu marbutin b’ammont eċċessiv ta’ rekwiżiti u obbligi legali.

Dikjarazzjonijiet. Hemm żewġ tipi differenti ta’ dikjarazzjonijiet. Jekk dikjarazzjoni tkun tirrigwarda l-iżvilupp ulterjuri tal-UE, bħad-dikjarazzjoni dwar l-UE, id-dikjarazzjoni dwar id-demokrazija u d-dikjarazzjoni dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, din tkun bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal riżoluzzjoni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ dan it-tip jintużaw prinċipalment biex jilħqu udjenza wiesgħa jew grupp speċifiku ta’ destinatarji. It-tip l-ieħor ta’ dikjarazzjoni jinħareġ fil-kuntest tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill u jistabbilixxi l-fehmiet tal-membri kollha jew ta’ membri individwali tal-Kunsill dwar l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Id-dikjarazzjonijiet interpretattivi ta’ dan it-tip huma prattika standard fil-Kunsill u huma mezz essenzjali sabiex jintlaħqu l-kompromessi. Is-sinifikat legali tagħhom għandu jiġi vvalutat skont il-prinċipji bażiċi tal-interpretazzjoni, li skonthom il-fattur determinanti fl-interpretazzjoni tat-tifsira ta’ dispożizzjoni legali għandu f’kull każ ikun l-intenzjoni sottostanti tal-oriġinatur tagħha. Dan il-prinċipju, madankollu, ikun validu biss jekk id-dikjarazzjoni tirċievi l-attenzjoni pubblika neċessarja; dan għaliex, pereżempju, il-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE li tagħti drittijiet diretti lill-individwi ma tistax tiġi ristretta minn ftehimiet sekondarji li ma jkunux saru pubbliċi.

Programmi ta’ azzjoni. Dawn il-programmi jitfasslu mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fuq inizjattiva proprja tagħhom jew fuq inizjattiva tal-Kunsill Ewropew u jservu sabiex ipoġġu fil-prattika l-programmi leġiżlattivi u l-għanijiet ġenerali stabbiliti fit-trattati. Jekk programm ikun previst b’mod speċifiku fit-trattati, l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu marbuta b’dawk id-dispożizzjonijiet meta jippjanawh. Min-naħa l-oħra, programmi oħra fir-realtà huma meqjusin sempliċement bħala linji gwida ġenerali mingħajr effett legalment vinkolanti. Dawn, madankollu, huma indikazzjoni tal-azzjonijiet maħsuba tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Il-White Papers u l-Green Papers huma wkoll ta’ importanza konsiderevoli fl-Unjoni. Il-White Papers jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni u jinkludu proposti konkreti għal miżuri tal-UE f’qasam ta’ politika speċifiku. Jekk White Paper tiġi riċevuta b’mod favorevoli mill-Kunsill, din tista’ tifforma l-bażi għal programm ta’ azzjoni tal-UE. Eżempji ta’ dan jinkludu l-White Papers dwar il-ġejjieni tal-Ewropa (2017) u l-intelliġenza artifiċjali (2020). Il-Green Papers huma maħsubin sabiex jistimulaw id-diskussjoni dwar suġġetti partikolari fuq livell tal-UE u jifformaw il-bażi għal konsultazzjoni u dibattitu pubbliċi dwar is-suġġetti ttrattati fil-Green Paper. Dawn jistgħu jwasslu għal żviluppi leġiżlattivi li mbagħad jiġu deskritti fil-White Papers.

Pubblikazzjoni u komunikazzjoni

L-atti leġiżlattivi tal-UE u l-atti legalment vinkolanti jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje L (L = Leġiżlazzjoni). Dawn jidħlu fis-seħħ fid-data speċifikata fihom jew, jekk ma tkun speċifikata l-ebda data, fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

Ma hemm l-ebda obbligu li jiġu ppubblikati u kkomunikati strumenti mhux vinkolanti, iżda dawn normalment jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje C (“informazzjoni u avviżi” (C = communication)). Id-dokumenti uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE huma ppubblikati wkoll fis-serje C.

L-atti leġiżlattivi li jispeċifikaw lil min huma indirizzati, jiġu nnotifikati lid-destinatarji u jidħlu fis-seħħ ma’ dik in-notifika.

Il-proċess leġiżlattiv fl-Unjoni Ewropea

Filwaqt li fi stat, ir-rieda tal-poplu normalment tiġi espressa fil-parlament, għal żmien twil kienu r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fil-Kunsill li kellhom ir-rwol deċiżiv sabiex jesprimu r-rieda tal-UE. Dan kien sempliċement għaliex l-UE ma tikkonsistix minn “nazzjon Ewropew” iżda taf l-eżistenza u l-forma tagħha għall-kontribut magħqud tal-Istati Membri tagħha. Dawn ma ttrasferewx sempliċement parti mis-sovranità tagħhom lill-UE, iżda ġabruha flimkien bil-patt li jżommu s-setgħa konġunta li jeżerċitawha. Madankollu, hekk kif il-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE żviluppa u ssaħħaħ, din id-diviżjoni tas-setgħat fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, oriġinarjament orjentata lejn id-difiża tal-interessi nazzjonali mill-Istati Membri, evolviet f’xi ħaġa ferm aktar ibbilanċjata, b’titjib kostanti tal-istatus tal-Parlament Ewropew. Il-proċedura oriġinali li biha l-Parlament kien jiġi sempliċement ikkonsultat twessgħet l-ewwel nett sabiex tinkludi l-kooperazzjoni mal-Kunsill, u l-Parlament eventwalment ingħata setgħat ta’ kodeċiżjoni fil-proċess leġiżlattiv tal-UE.

Din il-grafika turi l-proċess tal-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi fl-Unjoni Ewropea.

Il-proċedura għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi tipproċedi kif ġej. Il-Kummissjoni Ewropea tissottometti proposti lill-Parlament Ewropew (l-ewwel qari) għall-pożizzjoni tiegħu u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-opinjoni tagħhom. Il-proposti mbagħad jintbagħtu lill-Kunsill għall-ewwel qari. Jekk il-Parlament ma jipproponi l-ebda emenda jew jekk il-Kunsill japprova l-emendi kollha, u wara li jkunu saru n-negozjati tat-trilogu li jinvolvu l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-istrument leġiżlattiv jista’ jiġi adottat. Inkella, il-Kunsill jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Parlament u l-proposta tintbagħat lura lill-Parlament għat-tieni qari. Jekk il-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi approvata, l-istrument jiġi adottat bil-formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Kunsill. Jekk il-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi miċħuda mill-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs), il-proċess leġiżlattiv jintemm, u l-istrument ma jiġix adottat. Jekk il-maġġoranza tal-MEPs jipproponu l-emendi, il-Kummissjoni tapprova jew tirrifjuta l-emendi tal-Parlament. Imbagħad il-proposta tintbagħat lill-Kunsill għat-tieni qari. Jekk il-Kunsill japprova l-emendi b’maġġoranza kwalifikata jew b’mod unanimu, l-att jiġi adottat. Jekk il-Kunsill jirrifjuta l-emendi, il-proposta tiġi riferuta lill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni (li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill). Jekk jintlaħaq qbil, l-eżitu jiġi kkonfermat fit-tielet qari kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill. Jekk il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ma jirnexxilux jilħaq ftehim, l-istrument jitqies miċħud, u b’hekk il-proċess leġiżlattiv jiġi ftit-tmiem.

Il-proċedura leġiżlattiva fl-UE ġiet riorganizzata u ristrutturata bit-Trattat ta’ Liżbona. Għandha ssir distinzjoni bejn dawn li ġejjin:

  1. il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi (l-Artikolu 289(1) tat-TFUE), li essenzjalment tikkorrispondi għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni preċedenti u tapplika bħala regola ġenerali għat-tfassil tal-liġijiet fil-livell tal-UE, flimkien mal-proċedura leġiżlattiva speċjali (l-Artikolu 289(2) tat-TFUE), li fiha l-atti leġiżlattivi jiġu adottati mill-Parlament bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill, jew minn dan tal-aħħar bil-parteċipazzjoni tal-Parlament;
  2. ċerti atti legali jridu jgħaddu minn proċedura ta’ kunsens fil-Parlament qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ;
  3. atti mhux leġiżlattivi li jiġu adottati fi proċedura simplifikata;
  4. proċeduri speċjali li huma fis-seħħ għall-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

Ordni tal-proċedura

Stadju tal-formulazzjoni

Il-proċess, fil-prinċipju, jinbeda mill-Kummissjoni, li tfassal proposta għall-miżura tal-UE li trid tittieħed (magħrufa bħala d-“dritt ta’ inizjattiva”). Il-proposta tiġi ppreparata mid-dipartiment tal-Kummissjoni li jieħu ħsieb il-qasam partikolari; ħafna drabi d-dipartiment jikkonsulta wkoll esperti nazzjonali f’dan l-istadju. Dan xi drabi jieħu l-forma ta’ deliberazzjonijiet f’kumitati msejħa apposta; inkella, l-esperti jistgħu jsirulhom mistoqsijiet mid-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata taċċetta l-parir tal-esperti nazzjonali meta tkun qiegħda tfassal il-proposti tagħha. L-abbozz imfassal mill-Kummissjoni, li jistabbilixxi l-kontenut u l-forma tal-miżura sal-anqas dettall, imur quddiem il-Kummissjoni sħiħa, meta maġġoranza sempliċi hija suffiċjenti biex dan jiġi adottat. Issa ssir “Proposta tal-Kummissjoni” u tintbagħat simultanjament lill-Parlament u lill-Kunsill u, meta tkun meħtieġa konsultazzjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, b’rimarki ta’ spjegazzjoni dettaljati.

L-ewwel qari fil-Parlament u fil-Kunsill

Il-President tal-Parlament Ewropew jgħaddi l-proposta lil kumitat ta’ koordinazzjoni tal-Parlament għal aktar konsiderazzjoni. L-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-kumitat jiġi diskuss f’sessjoni plenarja tal-Parlament, u jiġi stabbilit f’opinjoni li tista’ taċċetta jew tiċħad il-proposta jew tipproponi emendi. Imbagħad, il-Parlament jibgħat il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill.

Il-Kunsill issa jista’ jaġixxi kif ġej fl-ewwel qari.

  • Jekk japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, l-att jiġi adottat fil-formulazzjoni li tikkorrispondi ma’ dik il-pożizzjoni; dan jimmarka t-tmiem tal-proċess leġiżlattiv. Fil-prattika, saret fil-fatt ir-regola li l-proċess leġiżlattiv jitlesta fl-ewwel qari. Għal dan il-għan, sar użu mit-“trilogu informali”, li fih rappreżentanti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jpoġġu madwar mejda sabiex ifittxu kompromess aċċettabbli b’mod reċiproku f’dan l-istadju bikri tal-proċess leġiżlattiv. Dawn it-trilogi tipikament jirnexxu, li jfisser li proġetti leġiżlattivi li jkunu tassew kontroversjali biss jgħaddu mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja kollha.
  • Jekk il-Kunsill ma japprovax il-pożizzjoni tal-Parlament, jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jikkomunikaha lill-Parlament.

Il-Kunsill jinforma b’mod sħiħ lill-Parlament dwar ir-raġunijiet li wassluh sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni tinforma b’mod sħiħ lill-Parlament dwar il-pożizzjoni tagħha.

It-tieni qari fil-Parlament u fil-Kunsill

Il-Parlament għandu 3 xhur li jibdew mill-komunikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill biex jagħmel waħda minn dawn li ġejjin.

  1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill jew ma jiħux deċiżjoni — l-att ikkonċernat imbagħad jitqies li ġie adottat fil-formulazzjoni li tikkorrispondi għall-pożizzjoni tal-Kunsill;
  2. Jiċħad, b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, il-pożizzjoni tal-Kunsill — l-att propost imbagħad jitqies li ma ġiex adottat u jintemm il-proċess leġiżlattiv.
  3. Jagħmel, b’maġġoranza tal-membri tiegħu, emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill — it-test emendat b’dan il-mod imbagħad jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, li jagħtu opinjoni dwar dawk l-emendi.

Il-Kunsill jiddiskuti l-pożizzjoni emendata u għandu 3 xhur mid-data li fiha jirċievi l-emendi tal-Parlament biex jagħmel waħda minn dawn li ġejjin.

  1. Japprova l-emendi kollha tal-Parlament — l-att inkwistjoni mbagħad jitqies li ġie adottat. Maġġoranza kwalifikata hija biżżejjed jekk il-Kummissjoni wkoll taqbel mal-emendi; jekk le, il-Kunsill jista’ japprova l-emendi tal-Parlament biss b’unanimità.
  2. Jagħżel li ma japprovax l-emendi kollha tal-Parlament, jew ma jilħaqx il-maġġoranza meħtieġa — dan jirriżulta fi proċedura ta’ konċiljazzjoni.
Proċedura ta’ konċiljazzjoni

Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tinbeda mill-President tal-Kunsill bi qbil mal-President tal-Parlament Ewropew. Fil-qalba tagħha hemm il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, li bħalissa huwa kompost minn 27 rappreżentant kull wieħed mill-Parlament u mill-Kunsill. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu l-kompitu li jilħaq ftehim dwar test konġunt b’maġġoranza kwalifikata fi żmien 6 ġimgħat minn meta jissejjaħ, fuq il-bażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill fit-tieni qari. Dan jinvolvi soluzzjoni ta’ kompromess li għandha tinstab fuq il-bażi ta’ “eżami tal-aspetti kollha tan-nuqqas ta’ qbil”. Madankollu, dejjem huwa sempliċement każ li jintlaħaq kompromess bejn iż-żewġ pożizzjonijiet diverġenti tal-Parlament u tal-Kunsill. Għal dan il-għan, jistgħu jintużaw elementi ġodda li jiffaċilitaw il-proċess ta’ kompromess, bil-kundizzjoni li dawn jidħlu fl-eżitu finali tat-tieni qari. Madankollu, ma huwiex possibbli li jintużaw emendi li ma jkunx irnexxielhom jiksbu l-maġġoranzi meħtieġa fit-tieni qari.

Il-Kummissjoni tieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa sabiex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

Jekk, fi żmien 6 ġimgħat minn meta jitlaqqa’, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ma japprovax it-test konġunt, l-att propost jitqies li ma ġiex adottat.

It-tielet qari fil-Parlament u fil-Kunsill

Jekk, fi żmien il-perjodu ta’ 6 ġimgħat, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni japprova test konġunt, il-Parlament, li jaġixxi b’maġġoranza tal-voti mitfugħa, u l-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, kull wieħed ikollu perjodu ta’ 6 ġimgħat minn dik l-approvazzjoni sabiex jadotta l-att inkwistjoni f’konformità mat-test konġunt. Jekk huma jonqsu milli jagħmlu dan, l-att propost jitqies li ma ġiex adottat u l-proċess leġiżlattiv jintemm.

Pubblikazzjoni

It-test finali (fl-24 lingwa uffiċjali kurrenti tal-UE: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, , l-Irlandiż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Iżvediż), jiġi ffirmat mill-Presidenti tal-Parlament u tal-Kunsill, u mbagħad jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-proċedura ta’ kodeċiżjoni tirrappreżenta kemm sfida kif ukoll opportunità għall-Parlament. Biex il-proċedura taħdem b’suċċess, irid ikun hemm qbil fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Madankollu, il-proċedura tibdel radikalment ukoll ir-relazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill. Iż-żewġ istituzzjonijiet issa jkunu fuq l-istess livell fil-proċess leġiżlattiv, u huma l-Parlament u l-Kunsill li jridu juru l-kapaċità tagħhom għall-kompromess u jidderieġu l-enerġiji tagħhom fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni biex jaslu għal ftehim.

Il-proċedura leġiżlattiva speċjali

Il-proċedura leġiżlattiva speċjali normalment tkun ikkaratterizzata mill-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament, jieħu deċiżjoni (eż. l-Artikolu 308 tat-TFUE: L-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment) jew mill-Parlament li jadotta att legali wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Kunsill (eż. l-Artikolu 226, it-tielet paragrafu tat-TFUE: l-eżerċitar tad-dritt ta’ inkjesta permezz ta’ kumitat parlamentari ta’ inkjesta; l-Artikolu 228(4) tat-TFUE: il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman).

Hemm forom oħrajn ta’ tfassil tal-liġijiet li huma differenti minn dawn il-każijiet regolari iżda xorta waħda huma attribwibbli għal proċedura leġiżlattiva speċjali.

  • It-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-baġit (l-Artikolu 314 tat-TFUE): il-proċedura għandha regoli dettaljati u fil-biċċa l-kbira tikkorrispondi mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
  • Il-Kunsill jieħu deċiżjoni b’maġġoranza fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament (jew istituzzjonijiet u korpi konsultattivi oħrajn tal-UE). Din oriġinarjament kienet il-proċedura ta’ konsultazzjoni li inizjalment kienet il-proċedura leġiżlattiva standard fil-livell tal-UE, iżda issa tintuża biss f’każijiet iżolati bħala proċedura leġiżlattiva speċjali (eż.l-Artikolu 140(2) tat-TFUE: id-derogi fil-kuntest tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja; l-Artikolu 128(2) tat-TFUE: il-ħruġ ta’ muniti).
  • Il-Kunsill jieħu deċiżjoni mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament. Madankollu, dan jikkostitwixxi eċċezzjoni rari u — għajr fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li fih il-Parlament ikun informat b’deċiżjonijiet tal-Kunsill (l-Artikolu 36 tat-TUE) — iseħħ biss f’każijiet iżolati ħafna (eż. l-Artikolu 31 tat-TFUE: l-istabbiliment ta’ Tariffa Doganali Komuni; l-Artikolu 301(2) tat-TFUE: il-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew).

L-oqsma ta’ politika li għalihom hija prevista proċedura leġiżlattiva speċjali jistgħu jinqalbu għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja permezz ta’ “klawżoli passerelle”, jew l-unanimità fil-Kunsill tista’ tiġi ssostitwita b’maġġoranza kwalifikata. Għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ klawżoli passerelle: (1) il-klawżola passerelle ġenerali li tapplika għall-oqsma kollha ta’ politika u tirrikjedi deċiżjoni unanima mill-Kunsill Ewropew; u (2) klawżoli passerelle speċifiċi li japplikaw għal ċerti oqsma ta’ politika (eż. qafas finanzjarju pluriennali: l-Artikolu 312 tat-TFUE; kooperazzjoni ġudizzjarja fil-liġi tal-familja: l-Artikolu 81(3) tat-TFUE; kooperazzjoni msaħħa: l-Artikolu 333 tat-TFUE; il-qasam soċjali: l-Artikolu 153 tat-TFUE; l-ambjent: l-Artikolu 192 tat-TFUE). Dawn il-klawżoli huma differenti mill-klawżoli passerelle ġenerali billi, bħala regola ġenerali, il-parlamenti nazzjonali ma għandhomx id-dritt tal-veto u d-deċiżjoni tista’ tittieħed ukoll mill-Kunsill u mhux neċessarjament mill-Kunsill Ewropew.

Proċedura ta’ approvazzjoni

Forma prinċipali oħra ta’ involviment tal-Parlament fil-proċess leġiżlattiv tal-UE hija l-proċedura ta’ approvazzjoni, li biha strument legali jista’ jiġi adottat biss bl-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament. Din il-proċedura, madankollu, ma tagħti lill-Parlament l-ebda ambitu li jinfluwenza direttament in-natura tad-dispożizzjonijiet legali. Pereżempju, huwa ma jistax jipproponi emendi jew jassigura l-aċċettazzjoni tagħhom matul il-proċedura ta’ approvazzjoni; ir-rwol tiegħu huwa limitat għall-aċċettazzjoni jew għaċ-ċaħda tal-istrument legali ppreżentat lilu. Sar provvediment għal din il-proċedura b’rabta mal-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE), il-kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 329(1) tat-TFUE) jew għall-eżerċizzju ta’ setgħat dispożittivi (l-Artikolu 352(1) tat-TFUE). Il-proċedura ta’ approvazzjoni tista’ tifforma parti kemm minn proċedura leġiżlattiva speċjali għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi kif ukoll mill-proċedura leġiżlattiva simplifikata għall-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi, vinkolanti.

Proċedura għall-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi

L-atti mhux leġiżlattivi jiġu adottati fi proċedura ssimplifikata li fiha istituzzjoni tal-UE jew korp ieħor jadotta att legali fi ħdan is-setgħat proprji tiegħu. L-awtorità biex jagħmlu dan toħroġ mill-bażi rilevanti ta’ kompetenza fit-trattati tal-UE.

Din il-proċedura inizjalment tapplika għal atti leġiżlattivi vinkolanti (sempliċi) li jiġu adottati minn istituzzjoni tal-UE fi ħdan is-setgħat proprji tagħha (eż. il-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat — l-Artikolu 108(2) tat-TFUE).

Il-proċedura simplifikata tintuża wkoll għall-adozzjoni ta’ strumenti mhux vinkolanti, speċjalment rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi konsultattivi.

Proċedura għall-adozzjoni ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni

Il-Parlament u l-Kunsill ilhom żmien twil jagħtu setgħat leġiżlattivi u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Is-setgħat mogħtija ġew eżerċitati bl-istabbiliment ta’ kumitati tal-komitoloġija, li fihom l-influwenza tal-Parlament, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri kienet tvarja. Madankollu, ma kien hemm l-ebda separazzjoni ċara bejn id-delega ta’ setgħat ta’ tfassil tal-liġijiet (setgħa leġiżlattiva) u l-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni (setgħa eżekuttiva). It-Trattat ta’ Liżbona għamel distinzjoni li messha ilha li saret fil-liġi primarja fir-rigward tat-twettiq ta’ kompiti leġiżlattivi u kompiti eżekuttivi (l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE).

L-adozzjoni ta’ atti delegati titwettaq mill-Kummissjoni abbażi ta’ awtorizzazzjoni speċjali pprovduta b’att leġiżlattiv mgħoddi mill-Parlament u mill-Kunsill (l-Artikolu 290 tat-TFUE). Is-suġġett tad-delega jista’ jikkonsisti biss fl-emenda ta’ ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġiżlattiv; l-elementi essenzjali ta’ qasam ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ delega tas-setgħa. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet fundamentali jiġu adottati mill-fergħa leġiżlattiva nnifisha u ma għandhomx jiġu ddelegati lill-fergħa eżekuttiva. Dan iqis il-prinċipji tad-demokrazija u tas-separazzjoni tas-setgħat. Jekk ikunu involuti deċiżjonijiet politikament importanti b’konsegwenzi estensivi, il-Parlament u l-Kunsill għandhom dejjem jerfgħu r-responsabbiltà primarja tagħhom li jilleġiżlaw. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-għanijiet politiċi ta’ azzjoni leġiżlattiva, l-għażla tal-mezzi sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet u l-implikazzjonijiet possibbli tad-dispożizzjonijiet għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Barra minn hekk, l-atti delegati jridu jemendaw jew jissupplimentaw biss att leġiżlattiv, sabiex ma jikkompromettux l-iskop tiegħu. Fl-aħħar, id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu emendati jew issupplimentati permezz tal-att delegat iridu jkunu speċifikati b’mod ċar fl-att leġiżlattiv. Għalhekk, l-atti delegati jistgħu jinkludu adattamenti leġiżlattivi għall-iżviluppi futuri, bħal bidliet fl-aktar stat avvanzat, l-allinjament mal-bidliet prevedibbli f’leġiżlazzjoni oħra jew l-assigurazzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv jiġu applikati anke meta jinqalgħu ċirkostanzi speċjali jew toħroġ informazzjoni ġdida. Id-delega tas-setgħat tista’ tingħata limitu ta’ żmien jew, jekk din tkun trid titwettaq għal żmien indefinittiv, jista’ jkun hemm dispożizzjoni għad-dritt li tiġi revokata. Minbarra l-possibbiltà ta’ revoka tad-delega tas-setgħat, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jipprovdu d-dritt li jesprimu oġġezzjonijiet għad-dħul fis-seħħ ta’ atti delegati tal-Kummissjoni. Jekk il-Parlament u l-Kunsill ikunu ddelegaw is-setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni tal-liġi primarja li tippermetti l-inklużjoni ta’ istituzzjonijiet oħrajn. Madankollu, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tikkonsulta b’mod partikolari ma’ esperti nazzjonali, u ġeneralment tagħmel dan fil-prattika.

L-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni (l-Artikolu 291 tat-TFUE) hija maħsuba bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni amministrattiva tad-dritt tal-UE (l-Artikolu 197 tat-TFUE) u għalhekk taqa’ taħt il-kontroll tal-Istati Membri. Din hija bidla sinifikanti mill-pożizzjoni legali preċedenti, li fiha l-proċedura ta’ komitoloġija tat lill-Parlament u lill-Kunsill drittijiet ta’ kodeterminazzjoni fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni. Din il-bidla tirrifletti l-fatt li s-separazzjoni ċara tal-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni kienet tfisser li d-drittijiet ta’ kontroll u parteċipazzjoni kellhom jiġu organizzati mill-ġdid skont dan. Filwaqt li, bħala l-leġiżlatur tal-UE, il-Parlament u l-Kunsill għandhom aċċess għall-atti delegati, dan huwa f’idejn l-Istati Membri fil-każ tal-atti ta’ implimentazzjoni, f’konformità mar-responsabbiltà inerenti tagħhom għall-implimentazzjoni amministrattiva tad-dritt tal-UE. F’konformità mal-mandat leġiżlattiv tiegħu, il-leġiżlatur tal-UE (jiġifieri l-Parlament u l-Kunsill) stabbilixxa regoli u prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (ir-regolament dwar il-komitoloġija). Dan ir-regolament naqqas l-għadd ta’ proċeduri ta’ komitoloġija għal tnejn: il-proċedura konsultattiva u l-proċedura ta’ eżami. Inħolqu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għażla tal-proċedura.

Fil-proċedura konsultattiva, kumitat konsultattiv jagħti opinjonijiet b’maġġoranza sempliċi, li jiġu rreġistrati fil-minuti. Il-Kummissjoni għandha tagħtihom l-akbar konsiderazzjoni, iżda ma hijiex obbligata li tagħmel dan.

Fil-proċedura ta’ eżami, il-kumitat tal-komitoloġija, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, jivvota fuq l-abbozz tal-Kummissjoni għal miżuri ta’ implimentazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Jekk dan jiġi approvat, il-Kummissjoni trid tadotta l-miżuri kif ippreżentati. Jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ kworum, il-Kummissjoni tista’ fil-prinċipju tadotta l-abbozz tagħha. Fil-każ ta’ opinjoni negattiva mill-kumitat jew nuqqas ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tissottometti abbozz ġdid fil-kumitat dwar il-proċedura ta’ eżami jew tirreferi l-abbozz oriġinali lil kumitat ta’ appell.

Il-kumitat ta’ appell huwa t-tieni istanza fil-proċedura ta’ eżami. L-għan tar-rinviju lill-kumitat ta’ appell huwa li jintlaħaq kompromess bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq riżultat fil-kumitat tal-eżami. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni tadotta l-att ta’ implimentazzjoni. Hija tista’ tagħmel dan ukoll jekk ma tingħata l-ebda opinjoni.

Is-sistema ta’ protezzjoni legali tal-Unjoni Ewropea

Unjoni li taspira li tkun komunità regolata mil-liġi trid tipprovdi liċ-ċittadini tagħha b’sistema kompluta u effettiva ta’ protezzjoni legali. Is-sistema ta’ protezzjoni legali tal-Unjoni Ewropea tissodisfa dan ir-rekwiżit. Hija tirrikonoxxi d-dritt tal-individwu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li joħorġu mid-dritt tal-UE. Din il-protezzjoni, li hija kodifikata fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hija wieħed mill-prinċipji legali fundamentali li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u mill-KEDB (l-Artikoli 6 u 13). Din hija ggarantita mis-sistema legali tal-UE (il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali — l-Artikolu 19(1) tat-TUE). Għal dan l-għan, hemm disponibbli sensiela ta’ proċeduri, kif deskritt hawn taħt.

Proċeduri għall-ksur tat-Trattat (l-Artikolu 258 tat-TFUE)

Din hija proċedura sabiex jiġi stabbilit jekk Stat Membru jkunx naqas milli jissodisfa obbligu impost fuqu mid-dritt tal-UE. Din titwettaq esklużivament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Minħabba l-gravità tal-akkuża, ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jrid ikun preċedut minn proċedura preliminari li fiha l-Istat Membru jingħata l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk it-tilwima ma tiġix solvuta f’dak l-istadju, il-Kummissjoni (l-Artikolu 258 tat-TFUE) jew Stat Membru ieħor (l-Artikolu 259 tat-TFUE) jistgħu jibdew azzjoni fil-Qorti. Fil-prattika, l-inizjattiva ġeneralment tittieħed mill-Kummissjoni. Il-Qorti tinvestiga l-ilment u tiddeċiedi jekk ikunx inkiser trattat. Jekk iva, l-Istat Membru ħati ta’ ksur imbagħad ikun meħtieġ jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ sentenza li tkun inqatgħet kontrih, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà ta’ tieni deċiżjoni tal-Qorti li tordna lil dak l-istat iħallas multa ta’ somma f’daqqa u/jew penali (l-Artikolu 260 tat-TFUE). Għalhekk hemm implikazzjonijiet finanzjarji serji għal Stat Membru li jkompli jinjora sentenza tal-Qorti kontrih għall-ksur ta’ trattat.

Rikorsi għal annullament (l-Artikolu 263 tat-TFUE)

Ir-rikorsi għal annullament huma mezz għall-kontroll ġudizzjarju oġġettiv tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE (rieżami ġudizzjarju astratt) u jipprovdu liċ-ċittadin aċċess għall-ġustizzja tal-UE, għalkemm b’xi restrizzjonijiet (garanzija ta’ protezzjoni legali individwali).

Dawn jistgħu jitressqu kontra l-miżuri kollha tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE li jipproduċu effetti legali vinkolanti li x’aktarx jaffettwaw l-interessi tal-applikant billi jibdlu serjament il-pożizzjoni legali tiegħu. Minbarra l-Istati Membri, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri, il-BĊE u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni wkoll jistgħu jippreżentaw rikorsi għal annullament bil-kundizzjoni li jinvokaw il-ksur tad-drittijiet mogħtija lilhom.

Iċ-ċittadini u l-impriżi, min-naħa l-oħra, jistgħu jipproċedu biss kontra deċiżjonijiet li jkunu indirizzati personalment lilhom jew li, għalkemm ikunu indirizzati lil ħaddieħor, ikollhom effett individwali dirett fuqhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ikun il-każ jekk persuna tiġi affettwata b’mod tant speċifiku li tkun teżisti distinzjoni ċara bejnu jew bejnha u individwi jew impriżi oħrajn. Dan il-kriterju ta’ “immedjatezza” huwa maħsub sabiex jassigura li kwistjoni tiġi rinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali biss jekk il-fatt tal-effett negattiv fuq il-pożizzjoni legali tar-rikorrent ikun stabbilit b’mod ċar flimkien man-natura ta’ dawk l-effetti negattivi. Ir-rekwiżit tal-“interess individwali” huwa maħsub ukoll sabiex jipprevjeni li jiġu ppreżentati “kawżi relaturi”.

It-Trattat ta’ Liżbona introduċa wkoll kategorija addizzjonali ta’ atti li kontrihom jistgħu jitressqu rikorsi għall-annullament direttament minn persuni fiżiċi u ġuridiċi. Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi issa għandhom il-possibbiltà wkoll li jibdew proċedimenti kontra “att regolatorju”, bil-kundizzjoni li dan “ikun ta’ interess dirett għalihom u ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”. Din il-kategorija ġdida għalqet “lakuna fil-protezzjoni legali” li kienet ġiet innotata mill-Qorti fil-kawża Jégo-Quéré, billi l-protezzjoni ġudizzjarja qabel ma kinitx garantita f’kawżi li fihom, għalkemm operatur ekonomiku kien direttament affettwat minn att leġiżlattiv tal-UE, ma kienx possibbli li tiġi rieżaminata l-legalità ta’ dak l-att billi jintużaw ir-rimedji disponibbli għal dak l-għan: il-kontestazzjonijiet permezz ta’ rikors għall-annullament (l-Artikolu 263 tat-TFUE) kienu bla suċċess minħabba n-nuqqas ta’ interess individwali; il-proċedura għal deċiżjoni preliminari (l-Artikolu 267 tat-TFUE) ma setgħetx tintuża minħabba n-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali (ħlief f’ċerti proċedimenti kriminali rigward in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont id-dritt tal-UE mill-operatur ekonomiku li, madankollu, iridu jiġu injorati għaliex l-operatur ekonomiku ma jistax ikun mistenni li jagħmel rieżami tal-legalità permezz ta’ imġiba illegali); fl-aħħar, ir-rikorsi għad-danni ma setgħu fl-ebda każ iwasslu għal soluzzjoni li tkun fl-interessi taċ-ċittadin tal-UE, billi dawn lanqas ma jistgħu jintużaw sabiex jitneħħa att leġiżlattiv illegali mill-ordni ġuridiku tal-UE.

Minħabba l-fatt li l-Artikolu 263(4) tat-TFUE neħħa l-ħtieġa tal-“interess individwali” meta jiġu sfidati atti regolatorji, u minflok jeħtieġ biss l-interess dirett u n-nuqqas ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali, parti minn din il-lakuna tneħħiet.

It-tifsira ta’ “atti regolatorji”, madankollu, hija problematika. Meta jiġi interpretat b’mod restrittiv, it-terminu jinftiehem li jirreferi biss għal atti ta’ applikazzjoni ġenerali li ma humiex atti leġiżlattivi, filwaqt li, meta jiġi interpretat b’mod wiesa’, dan jinftiehem li jinkludi l-atti kollha ta’ applikazzjoni ġenerali, inklużi l-atti leġiżlattivi. Fis-sentenza tagħha fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami, il-Qorti Ġenerali trattat dawn iż-żewġ approċċi fid-dettall u, abbażi ta’ interpretazzjoni grammatikali, storika u teleoloġika, ikkonkludiet li l-“atti regolatorji” jistgħu jitqiesu biss bħala atti ta’ applikazzjoni ġenerali li ma humiex atti leġiżlattivi. Minbarra l-atti delegati (ara l-Artikolu 290 tat-TFUE) u l-atti ta’ implimentazzjoni (ara l-Artikolu 291 tat-TFUE), dawn jinkludu wkoll id-direttivi, bil-kundizzjoni li dawn ikunu direttament applikabbli skont il-ġurisprudenza, u d-deċiżjonijiet ta’ natura astratta u ġenerali, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux ġew adottati fil-proċedura leġiżlattiva. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali adottat b’mod ċar interpretazzjoni deqja tal-kunċett ta’ “regolatorji”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din is-sejba fis-sentenza tagħha fl-appell fl-2013. Dan huwa ta’ dispjaċir mill-perspettiva tal-garanzija ta’ protezzjoni legali effettiva, billi l-lakuna stabbilita fil-protezzjoni legali tista’ tingħalaq parzjalment biss bl-użu ta’ approċċ restrittiv.

Sajjieda libsin ilbies professjonali li qed jieħdu ħsieb xibka tas-sajd fuq bastiment tat-tkarkir, fost flotta dgħajjes f’port tas-sajd.

Fil-kawża Jégo-Quéré, kumpanija tas-sajd applikat biex jitħassru xi partijiet mir-regolament dwar il-protezzjoni tal-merluzz iż-żgħir. B’mod speċifiku, dawn kienu relatati mal-projbizzjoni tax-xbieki tas-sajd li d-daqs tal-malja tagħhom kien 8 cm, bħal dawk użati minn Jégo-Quéré. Sabiex tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kunċett tal-interess individwali b’mod estensiv u sabet li r-rikors kien ammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx. Sabet li l-impożizzjoni diretta ta’ regolament ta’ applikazzjoni ġenerali ma setgħetx titqabbel ma’ interess individwali.

L-atti tal-korpi u ta’ uffiċċji oħrajn tal-UE, b’mod partikolari dawk tad-diversi aġenziji, issa jistgħu jiġu rieżaminati għal-legalità (l-Artikolu 263, il-ħames paragrafu, tat-TFUE). Għalhekk, lakuna fil-protezzjoni legali li qabel kienet imraqqgħa biss mill-ġurisprudenza ġiet rimedjata, u l-liġi primarja tqis ukoll il-fatt li xi wħud minn dawk il-korpi ngħataw setgħat li jippermettulhom li jwettqu atti li jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ partijiet terzi u għalhekk, fl-interess li jkun hemm sistema ta’ protezzjoni legali li tkun ħielsa mil-lakuni, ir-rikors għall-azzjoni legali jrid ikun disponibbli wkoll fir-rigward ta’ dawk l-atti.čenja.

Jekk l-azzjoni tirnexxi, il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali tista’ tiddikjara l-istrument null b’effett retroattiv. F’ċerti ċirkostanzi, tista’ tiddikjarah null biss mid-data tas-sentenza. Madankollu, sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-interessi ta’ dawk li jressqu rikorsi legali, id-dikjarazzjoni ta’ nullità tista’ tiġi eżentata minn kwalunkwe restrizzjoni bħal din.

Rikorsi għan-nuqqas ta’ azzjoni (l-Artikolu 265 tat-TFUE)

Din il-forma ta’ azzjoni tissupplimenta l-protezzjoni legali disponibbli kontra l-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-BĊE. Hemm proċedura preliminari li biha r-rikorrent javża lill-istituzzjoni mwissija biex twettaq id-dmir tagħha. L-ordni mfittex f’rikors mill-istituzzjonijiet huwa dikjarazzjoni li l-korp ikkonċernat ikun kiser it-trattat billi naqas milli jieħu deċiżjoni meħtieġa minnu. Meta r-rikors jitressaq minn ċittadin tal-UE jew minn impriża, dan ikun għal dikjarazzjoni li l-istituzzjoni tal-UE kisret it-trattat billi naqset milli tindirizza deċiżjoni individwali għalih. Is-sentenza sempliċement issib li n-negliġenza kienet illegali. Il-Qorti tal-Ġustizzja/Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda ġuriżdizzjoni biex tordna li tittieħed deċiżjoni: il-parti li kontriha tinqata’ s-sentenza hija meħtieġa biss li tieħu miżuri sabiex tikkonforma mas-sentenza (l-Artikolu 266 tat-TFUE).

Rikorsi għad-danni (l-Artikolu 268 u l-Artikolu 340, it-tieni paragarafu, tat-TFUE)

Iċ-ċittadini u l-impriżi — kif ukoll l-Istati Membri — li jsofru danni minħabba nuqqas imwettaq mill-persunal tal-UE għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikorsi għad-danni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-bażi għar-responsabbiltà tal-UE ma hijiex stabbilita b’mod sħiħ mit-trattati u hija regolata mod ieħor mill-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri. Il-Qorti elaborat dan, fejn sostniet li jridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin qabel ma jkunu jistgħu jiġu aġġudikati d-danni.

  1. Irid ikun hemm att illegali minn istituzzjoni tal-UE jew minn membru tal-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew tagħha. Att illegali jseħħ meta jkun hemm ksur serju ta’ regola tad-dritt tal-UE li tagħti drittijiet lil individwu, impriża jew Stat Membru jew li tkun ġiet mgħoddija biex tipproteġihom. Il-liġijiet rikonoxxuti li għandhom natura protettiva huma b’mod partikolari d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suq intern jew il-prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-proporzjonalità, iżda anke kwalunkwe stat tad-dritt ieħor direttament applikabbli li jagħti drittijiet personali liċ-ċittadini tal-UE. Il-ksur ikun suffiċjentement serju jekk l-istituzzjoni kkonċernata taqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod konsiderevoli. Il-Qorti ħafna drabi tapplika l-konklużjonijiet tagħha għal-limitatezza tal-kategorija tal-persuni affettwati mill-miżura ta’ ksur u l-iskala tad-danni sofruti, li trid taqbeż ir-riskju kummerċjali li wieħed raġonevolment jista’ jistenna fis-settur kummerċjali kkonċernat.
  2. Irid ikun iġġarrab dannu reali.
  3. Irid ikun hemm rabta ta’ kawżalità bejn l-att tal-istituzzjoni tal-UE u d-dannu mġarrab.
  4. Il-ħsieb jew in-negliġenza ma għandhiex għalfejn tingħata prova tagħhom.

Rikorsi mill-persunal tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 270 tat-TFUE)

It-tilwim bejn l-UE u l-membri tal-persunal tagħha jew il-membri tal-familja superstiti tagħhom, li jirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg, jista’ jitressaq ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-ġuriżdizzjoni għal dawn ir-rikorsi hija f’idejn il-Qorti Ġenerali.

Proċedura ta’ appell (l-Artikolu 256 tat-TFUE)

Ir-relazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali hija mfassla b’mod li s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali huma soġġetti għad-dritt ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar punti legali biss. L-appell jista’ jkun ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali, ksur tal-proċedura li jaffettwa ħażin l-interessi tal-appellant jew il-ksur tad-dritt tal-UE mill-Qorti Ġenerali. Jekk l-appell ikun iġġustifikat u proċeduralment ammissibbli, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tiġi revokata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk il-kwistjoni tkun tajba għal deċiżjoni tal-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti is-sentenza proprja tagħha; inkella, hija trid tirrinvija l-kwistjoni lura lill-Qorti Ġenerali, li tkun marbuta bil-valutazzjoni legali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Protezzjoni legali provviżorja (l-Artikoli 278 u 279 tat-TFUE)

Ir-rikorsi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew quddiem il-Qorti Ġenerali, jew l-appelli ppreżentati kontra s-sentenzi tagħhom, ma għandhomx effett ta’ sospensjoni. Madankollu, huwa possibbli li wieħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali għal ordni sabiex tissospendi l-applikazzjoni tal-att ikkontestat (l-Artikolu 278 tat-TFUE) jew għal ordni interim tal-qorti (l-Artikolu 279 tat-TFUE).

Il-merti ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal miżuri interim jiġu vvalutati mill-qrati abbażi tat-tliet kriterji li ġejjin.

  1. Il-prospett ta’ suċċess fuq il-kwistjoni prinċipali (fumus boni juris). Dan jiġi vvalutat mill-qorti f’eżami preliminari fil-qosor tal-argumenti ppreżentati mill-appellant.
  2. L-urġenza tal-ordni. Din tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ jekk l-ordni mitluba mill-appellant tkunx meħtieġa sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli. Il-kriterji użati biex issir din il-valutazzjoni jinkludu n-natura u l-gravità tal-ksur, u l-effetti negattivi speċifiċi u irriversibbli tiegħu fuq il-proprjetà tal-appellant u oġġetti oħrajn ta’ protezzjoni legali. It-telf finanzjarju jitqies li jkun ta’ natura serja u irreparabbli biss jekk dan ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat anke jekk l-appellant ikollu suċċess fil-proċedimenti ewlenin.
  3. Peżar tal-interessi. L-effetti negattivi li x’aktarx iġarrab l-appellant jekk l-applikazzjoni għal ordni interim tiġi miċħuda jiġu vvalutati mal-interess tal-UE fl-implimentazzjoni immedjata tal-miżura, u mal-effetti detrimentali fuq partijiet terzi kieku kellha tinħareġ l-ordni interim.

Deċiżjonijiet preliminari (l-Artikolu 267 tat-TFUE)

Din hija l-proċedura li biha l-qrati nazzjonali jistgħu jfittxu gwida dwar id-dritt tal-UE mill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta qorti nazzjonali tkun meħtieġa tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE f’kawża quddiemha, hija tista’ twaqqaf il-proċedimenti u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifika dwar il-validità tal-istrument tal-UE inkwistjoni u/jew l-interpretazzjoni tal-istrument u tat-trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fil-forma ta’ sentenza pjuttost milli opinjoni konsultattiva; dan jenfasizza n-natura vinkolanti tad-deċiżjoni tagħha. Il-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari, b’differenza mill-proċeduri l-oħrajn ikkunsidrati hawnhekk, ma hijiex proċedura kontenzjuża iżda sempliċiment stadju wieħed fil-proċeduri li jibdew u jispiċċaw fil-qrati nazzjonali.

L-għan ta’ din il-proċedura huwa qabelxejn li tiġi assigurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE u b’hekk l-unità tal-ordni ġuridiku tal-UE. Flimkien mal-funzjoni tal-aħħar, il-proċedura hija ta’ importanza wkoll fil-protezzjoni tad-drittijiet individwali. Il-qrati nazzjonali jistgħu jivvalutaw biss il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali u d-dritt tal-UE u, f’każ ta’ kwalunkwe inkompatibbiltà, jinfurzaw id-dritt tal-UE — li jieħu l-preċedenza u japplika direttament — jekk il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE jkunu stabbiliti b’mod ċar. Din iċ-ċarezza normalment tista’ tinkiseb biss b’deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jfisser li l-proċeduri għal tali deċiżjoni joffru liċ-ċittadini tal-UE opportunità sabiex jikkontestaw azzjonijiet tal-Istat Membru proprju tagħhom li jkunu qegħdin jiksru d-dritt tal-UE u jassiguraw l-infurzar tad-dritt tal-UE quddiem il-qrati nazzjonali. Din il-funzjoni doppja tal-proċeduri ta’ deċiżjoni preliminari tikkumpensa sa ċertu punt għar-restrizzjonijiet biex individwi jippreżentaw direttament rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk hija kruċjali għall-protezzjoni legali tal-individwu. Madankollu, is-suċċess f’dawn il-proċedimenti jiddependi fl-aħħar mill-aħħar minn kemm l-imħallfin u l-qrati nazzjonali jkunu “ħerqana” li jirrinvijaw każijiet lil awtorità ogħla.

Suġġett. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-istrumenti tad-dritt tal-UE u teżamina l-validità tal-atti ta’ importanza legali tal-istituzzjonijiet tal-UE. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma jistgħux ikunu soġġetti għal deċiżjoni preliminari. Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali jew tivvaluta l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-UE. Dan il-fatt spiss jiġi injorat fil-kwistjonijiet rinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi mitluba teżamina bosta kwistjonijiet li jirrigwardaw speċifikament il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-UE, jew li tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-UE fi proċeduri pendenti quddiem qorti nazzjonali. Għalkemm dawn il-kwistjonijiet fil-fatt huma proċeduralment inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrinvijahomx sempliċement lura lill-qorti nazzjonali; minflok, hija tinterpreta mill-ġdid il-kwistjoni rinvijata lilha bħala talba mill-qorti tar-rinviju għal kriterji bażiċi jew essenzjali għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tal-UE inkwistjoni, biex b’hekk il-qorti nazzjonali tkun tista’ tagħti l-valutazzjoni proprja tagħha tal-kompatibbiltà bejn id-dritt nazzjonali u dak tal-UE. Il-proċedura adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija li tislet mid-dokumentazzjoni ppreżentata — b’mod partikolari r-raġunijiet għar-rinviju — dawk l-elementi tad-dritt tal-UE li jeħtieġ li jiġu interpretati għall-finijiet tat-tilwima legali sottostanti.

Kapaċità għal proċediment. Il-proċedura hija disponibbli għall-“qrati tal-Istati Membri” kollha. Din l-espressjoni għandha tinftiehem skont it-tifsira tad-dritt tal-UE u għandha tiffoka mhux fuq l-isem iżda pjuttost fuq il-funzjoni u l-pożizzjoni okkupati minn korp ġudizzjarju fi ħdan is-sistemi ta’ protezzjoni legali fl-Istati Membri. Fuq din il-bażi, “qrati” huma mifhuma li jfissru l-istituzzjonijiet indipendenti kollha (jiġifieri mhux soġġetti għal struzzjonijiet) li għandhom is-setgħa li jsolvu tilwim fi stat kostituzzjonali bi proċess dovut tal-liġi. Skont din id-definizzjoni, il-qrati kostituzzjonali fl-Istati Membri u l-awtoritajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim barra s-sistema ġudizzjarja tal-istat — iżda mhux it-tribunali privati ta’ arbitraġġ — huma intitolati wkoll li jirrinvijaw il-kawżi. Id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali dwar jekk tagħmilx rinviju jew le tiddependi fuq ir-rilevanza tal-punt tad-dritt tal-UE inkwistjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha, li hija kwistjoni li trid tivvalutaha l-qorti nazzjonali. Il-partijiet jistgħu biss jitolbuha, iżda mhux jirrikjeduha, li tirrinvija kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ir-rilevanza tal-punt f’termini biss ta’ jekk il-kwistjoni kkonċernata tkunx suxxettibbli għal rinviju (jiġifieri jekk fil-fatt tirrigwardax l-interpretazzjoni tat-Trattati tal-UE jew il-validità legali ta’ att minn istituzzjoni tal-UE) jew jekk tkunx involuta tilwima legali ġenwina (jiġifieri jekk il-kwistjonijiet li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja trid tagħti l-opinjoni legali tagħha f’deċiżjoni preliminari jkunux biss ipotetiċi jew jirrigwardawx punt tal-liġi li diġà jkun ġie deċiż). Huwa eċċezzjonali li l-Qorti tirrifjuta li tikkunsidra kwistjoni għal dawn ir-raġunijiet għaliex, minħabba l-importanza speċjali tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-Qorti teżerċita kontroll fuqha nnifisha meta tapplika dawn il-kriterji. Madankollu, is-sentenzi reċenti tal-Qorti juru li din saret aktar stretta fir-rigward tal-eliġibbiltà għar-rinviju minħabba li hija partikolari ħafna dwar ir-rekwiżit diġà stabbilit li l-ordni għar-rinviju jkun fih spjegazzjoni ċara biżżejjed u dettaljata tal-isfond fattwali u legali tal-proċeduri oriġinali, u li jekk ma tingħatax din l-informazzjoni, hija tiddikjara ruħha li ma tistax tagħti interpretazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE u tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli.

Obbligu ta’ rinviju. Qorti jew tribunal nazzjonali li fil-liġi nazzjonali ma jkun hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tagħhom, huma obbligati jagħmlu rinviju. Il-kunċett tad-dritt ta’ appell jinkludi l-forom kollha ta’ rimedju legali li permezz tagħhom deċiżjoni tal-qorti tista’ tiġi rieżaminata fil-fatt u fil-liġi (appell) jew biss fil-liġi (appell fuq punti tal-liġi). Madankollu, dan il-kunċett ma jinkludix ir-rimedji legali ordinarji b’effetti limitati u speċifiċi (eż. proċedimenti ġodda, ilment kostituzzjonali). Qorti obbligata li tirrinvija kawża tista’ tevita dan ir-rinviju biss jekk il-kwistjoni ma tkun tal-ebda importanza materjali għall-eżitu tal-kawża quddiemha jew tkun diġà ġiet imwieġba mill-Qorti tal-Ġustizzja jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE ma tkunx miftuħa għal dubju raġonevoli. Madankollu, l-obbligu ta’ rinviju huwa inkondizzjonali meta tkun ikkontestata l-validità ta’ strument tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha pjuttost ċara f’dan ir-rigward li hija biss għandha s-setgħa li tiċħad dispożizzjonijiet illegali tad-dritt tal-UE. Il-qrati nazzjonali għalhekk iridu japplikaw u jikkonformaw mad-dritt tal-UE sakemm dan jiġi ddikjarat mhux validu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Japplika arranġament speċjali għall-qrati fi proċedimenti għall-għoti ta’ protezzjoni legali provviżorja. Skont sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-qrati għandhom is-setgħa, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, li jissospendu l-infurzar ta’ att amministrattiv nazzjonali li jirriżulta minn regolament tal-UE, jew li joħorġu ordnijiet interim sabiex jiddeterminaw provviżorjament l-arranġamenti tar-relazzjonijiet legali waqt li jinjoraw dispożizzjoni eżistenti tad-dritt tal-UE.

In-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ rinviju jikkostitwixxi ksur tat-trattati tal-UE, li jista’ jagħmel lill-Istat Membru kkonċernat suxxettibbli għal proċeduri ta’ ksur. Madankollu, fil-prattika l-effetti ta’ azzjoni bħal din huma limitati ħafna, billi l-gvern tal-Istat Membru kkonċernat ma jista’ jikkonforma mal-ebda ordni maħruġa mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-indipendenza tal-ġudikatura tiegħu u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat ifisser li huwa ma jistax jagħti istruzzjonijiet lill-qrati nazzjonali. Issa li ġie rikonoxxut il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istati Membri skont id-dritt tal-UE għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dan id-dritt (ara t-taqsima “Responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-UE”), il-possibbiltà li individwi jippreżentaw rikorsi għad-danni li setgħu rriżultaw għaliex l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu ta’ rinviju, toffri prospetti ta’ suċċess aħjar.

Effett. Id-deċiżjoni preliminari, maħruġa fil-forma ta’ ordni tal-qorti, torbot direttament lill-qorti tar-rinviju u lill-qrati l-oħrajn kollha li jkunu qegħdin jisimgħu l-istess kawża. Fil-prattika hija għandha wkoll status għoli ħafna bħala preċedent għal kawżi sussegwenti ta’ natura simili.

Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-UE

Ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni mġarrba minn individwi b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-UE attribwibbli lil dak l-Istat kienet stabbilita fil-prinċipju mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Marzu 1996 fil-Kawżi Magħquda C-46/93, Brasserie du pêcheur u C-48/93 Factortame. Din kienet sentenza li tistabbilixxi preċedent fuq l-istess livell ta’ sentenzi preċedenti tal-Qorti dwar il-preminenza tad-dritt tal-UE, l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE u r-rikonoxximent tas-sett ta’ drittijiet fundamentali tal-UE nnifisha. Is-sentenza saħansitra tissejjaħ mill-Qorti nnifisha bħala “l-konsegwenza neċessarja tal-effett dirett li għandhom id-dispożizzjonijiet Komunitarji li l-vjolazzjoni tagħhom hija l-kawża tad-danni”, u ttejjeb b’mod konsiderevoli l-possibbiltajiet ta’ individwu li jġiegħel il-korpi statali tat-tliet ċentri tal-poter kollha (jiġifieri l-leġiżlattiv, l-eżekuttiv u l-ġudikatura) jikkonformaw mad-dritt tal-UE u jimplimentawh. Is-sentenza hija żvilupp ulterjuri tad-deċiżjoni tal-Qorti fil-Kawżi Magħquda C-6/90 u C-9/90 Francovich u Bonifaci. Filwaqt li s-sentenzi preċedenti kienu jillimitaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal każijiet fejn l-individwi jkunu ġarrbu dannu minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni fi żmien xieraq ta’ direttiva li tagħtihom drittijiet personali iżda li ma tkunx indirizzata direttament lilhom, din is-sentenza stabbiliet il-prinċipju tar-responsabbiltà ġenerali li jinkludi kwalunkwe ksur tad-dritt tal-UE attribwibbli lil Stat Membru.

Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-UE hija definita minn tliet kriterji li huma fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dawk li japplikaw għall-UE f’sitwazzjoni simili.

  1. L-għan tad-dispożizzjoni tal-UE li tkun inkisret għandu jkun li tagħti drittijiet lill-individwu.
  2. Il-ksur irid ikun suffiċjentement serju, jiġifieri Stat Membru jrid ikun qabeż b’mod ċar il-limiti tas-setgħat diskrezzjonali tiegħu b’mod konsiderevoli. Dan irid jiġi deċiż mill-qrati nazzjonali, li għandhom ir-responsabbiltà unika sabiex jivverifikaw il-fatti u jivvalutaw il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-UE. Madankollu, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fi Brasserie du pêcheur toffri lill-qrati nazzjonali għadd ta’ linji gwida bażiċi, kif ġej:
    F’dan ir-rigward, fost l-elementi li l-qorti kompetenti tista’ tieħu in kunsiderazzjoni, għandhom jiġu enfasizzati ċ-ċarezza u l-preċiżjoni tar-regola miksura, kemm hija wiesgħa d-diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali jew [tal-Unjoni], in-natura intenzjonali jew involontarja tan-nuqqas imwettaq jew id-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew le ta’ żball eventwali ta’ dritt, il-fatt li l-attitudni ta’ istituzzjoni [tal-Unjoni] setgħet tikkontribwixxi għan-nuqqas, l-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ ta’ miżuri jew ta’ prattiki nazzjonali li jmorru kontra d-dritt [tal-Unjoni]. Fi kwalunkwe każ, vjolazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] hija kjarament gravi meta tibqa’ teżisti minkejja li tkun ingħatat sentenza li tikkonstata n-nuqqas allegat, deċiżjoni preliminari jew l-eżistenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita sewwa fil-qasam, li minnhom jirriżulta li l-aġir in kwistjoni jikkostitwixxi vjolazzjoni.”
  3. Trid tkun teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn il-ksur tal-obbligu tal-Istat Membru u d-dannu mġarrab mill-parti danneġġata. Ma huwiex meħtieġ li jintwera t-tort (intenzjoni jew negliġenza) minbarra li jiġi stabbilit li seħħ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-UE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha pjuttost ċara li l-prinċipji stabbiliti minnha sabiex tiġi determinata r-responsabbiltà japplikaw ukoll għall-aħħar waħda mit-tliet setgħat ċentrali, jiġifieri l-ġudikatura. Is-sentenzi tagħha issa ma humiex soġġetti biss għal rieżami fl-istadji suċċessivi tal-appell; jekk dawn ikunu ngħataw b’diżrispett jew bi ksur tad-dritt tal-UE, dawn jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ rikors għad-danni quddiem il-qrati kompetenti fl-Istati Membri. Fl-aċċertament tal-fatti dwar il-ksur tad-dritt tal-UE min-naħa ta’ sentenza, il-proċedimenti ta’ dan it-tip iridu jikkunsidraw mill-ġdid ukoll il-kwistjonijiet relatati mas-sustanza tad-dritt tal-UE, li fil-proċess tagħhom il-qorti kkonċernata tista’ ma tinvokax biss l-effetti vinkolanti tas-sentenza tal-qorti speċjalizzata li lilha tiġi rinvijata l-kawża. Il-qorti li lilha l-qrati nazzjonali kompetenti jridu jirrinvijaw kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u/jew tal-validità tad-dispożizzjonijiet tal-UE, kif ukoll tal-kompatibbiltà tar-reġimi ta’ responsabbiltà nazzjonali mad-dritt tal-UE, hija għal darba oħra l-Qorti tal-Ġustizzja, li lilha jistgħu jiġu rinvijati kwistjonijiet skont il-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari (l-Artikolu 267 tat-TFUE). Madankollu, ir-responsabbiltà għal ksur permezz ta’ sentenza se tibqa’ l-eċċezzjoni. Minħabba l-kundizzjonijiet stretti marbuta, ir-responsabbiltà tista’ titqies biss jekk qorti tinjora apposta d-dritt tal-UE jew, bħal fil-Kawża C-224/01 Köbler, qorti tal-aħħar istanza, bi ksur tad-dritt tal-UE, tagħti saħħa legali lil deċiżjoni għad-detriment tal-individwu mingħajr ma qabel tkun talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara s-sitwazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-UE li jkun rilevanti għad-deċiżjoni. F’dan il-każ tal-aħħar, huwa essenzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jinvokaw id-dritt tal-UE li d-danni kkawżati lilhom minn qorti tal-aħħar istanza jiġu kkumpensati.

IL-POŻIZZJONI TAD-DRITT TAL-UNJONI EWROPEA FIR-RIGWARD TAL-ORDNI ĠURIDIKU ĠENERALI

Wara dak kollu li sirna nafu dwar l-istruttura tal-UE u l-istruttura legali tagħha, ma huwiex faċli li wieħed jassenja d-dritt tal-UE l-post leġittimu tiegħu fl-ordni ġuridiku b’mod ġenerali u jiddefinixxi l-konfini bejnu u ordnijiet ġuridiċi oħrajn. Żewġ approċċi possibbli għall-klassifikazzjoni tiegħu jridu jiġu mwarrba mill-bidu nett. Id-dritt tal-UE ma jridx jitqies bħala sempliċi ġabra ta’ ftehimiet internazzjonali, u lanqas ma jista’ jitqies bħala parti minn, jew appendiċi għal, sistemi legali nazzjonali.

L-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni Ewropea

Bl-istabbiliment tal-UE, l-Istati Membri llimitaw is-sovranità leġiżlattiva tagħhom u b’dan il-mod ħolqu korp awtonomu ta’ liġi li jorbot lilhom, liċ-ċittadini tagħhom u lill-qrati tagħhom.

Waħda mill-aktar kawżi magħrufin mismugħin fil-Qorti tal-Ġustizzja kienet il-Kawża 6/64 Costa vs ENEL fl-1964, li fiha, is-Sur Costa ppreżenta rikors kontra n-nazzjonalizzazzjoni tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, u t-trasferiment konsegwenti tan-negozju tal-kumpaniji tal-elettriku preċedenti f’ENEL, il-korporazzjoni pubblika ġdida.

L-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-UE hija ta’ importanza fundamentali għan-natura tal-UE, billi hija l-unika garanzija li d-dritt tal-UE mhux se jiġi mdgħajjef bl-interazzjoni mad-dritt nazzjonali, u li se japplika b’mod uniformi madwar l-Unjoni kollha. Din hija r-raġuni għaliex il-kunċetti tad-dritt tal-UE huma interpretati fid-dawl tal-għanijiet tal-ordni ġuridiku tal-UE u tal-Unjoni b’mod ġenerali. Din l-interpretazzjoni speċifika għall-Unjoni hija indispensabbli, minħabba li drittijiet partikolari huma garantiti mid-dritt tal-UE u mingħajru dawn ikunu pperikolati, billi kull Stat Membru mbagħad ikun jista’, billi jinterpreta d-dispożizzjonijiet b’modi differenti, jiddeċiedi individwalment dwar is-sustanza tal-libertajiet li d-dritt tal-UE suppost jiggarantixxi. Eżempju ta’ dan huwa l-kunċett ta’ “ħaddiem”, li fuqu huwa bbażat l-ambitu tal-kunċett tal-moviment liberu. Il-kunċett speċifiku ta’ ħaddiem tal-UE jista’ pjuttost jiddevja mill-kunċetti li huma magħrufa u applikati fl-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-uniku standard li bih jitkejlu l-istrumenti legali tal-UE huwa d-dritt tal-UE nnifsu, u mhux il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew id-dritt kostituzzjonali.

Fl-isfond ta’ dan il-kunċett tal-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-UE, x’inhi r-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali?

Anke jekk id-dritt tal-UE jikkostitwixxi ordni ġuridiku awtosuffiċjenti fir-rigward tas-sistemi legali tal-Istati Membri, din is-sitwazzjoni ma għandhiex titqies bħala waħda fejn l-ordni ġuridiku tal-UE u s-sistemi legali tal-Istati Membri huma superimposti fuq xulxin bħal saffi tal-blat. Il-fatt li huma japplikaw għall-istess persuni, li b’hekk isiru simultanjament ċittadini ta’ stat nazzjonali u tal-UE, ineħħi tali demarkazzjoni riġida ta’ dawn l-ordnijiet ġuridiċi. It-tieni, approċċ bħal dan jinjora l-fatt li d-dritt tal-UE jista’ jsir operazzjonali biss jekk jifforma parti mill-ordnijiet ġuridiċi tal-Istati Membri. Il-verità hija li l-ordni ġuridiku tal-UE u l-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali huma interkonnessi u interdipendenti.

Interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u d-dritt nazzjonali

Dan l-aspett tar-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali jkopri dawk l-oqsma fejn iż-żewġ sistemi jikkumplimentaw lil xulxin. L-Artikolu 4(3) tat-TUE huwa ċar biżżejjed:

“Skont il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu.

L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’periklu l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni.”

Dan il-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni sinċiera kien ispirat minn għarfien li l-ordni ġuridiku tal-UE waħdu ma huwiex kapaċi jilħaq b’mod sħiħ l-għanijiet segwiti mill-istabbiliment tal-UE. B’differenza minn ordni ġuridiku nazzjonali, l-ordni ġuridiku tal-UE ma huwiex sistema awtonoma iżda jiddependi fuq l-appoġġ tas-sistemi nazzjonali għall-funzjonament tiegħu. It-tliet fergħat kollha tal-gvern — il-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura — għalhekk iridu jirrikonoxxu li l-ordni ġuridiku tal-UE ma huwiex sistema “barranija” u li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE stabbilew rabtiet indissolubbli bejniethom biex jilħqu l-għanijiet komuni tagħhom. L-UE ma hijiex biss komunità ta’ interessi; hija komunità bbażata fuq is-solidarjetà. Għalhekk l-awtoritajiet nazzjonali huma meħtieġa mhux biss li josservaw it-trattati tal-UE u l-leġiżlazzjoni sekondarja; huma jridu wkoll jimplimentawhom u jagħtuhom il-ħajja. L-interazzjoni bejn iż-żewġ sistemi tant fiha faċċati li hemm bżonn ta’ ftit eżempji.

L-ewwel eżempju ta’ kif l-ordnijiet ġuridiċi tal-UE u dawk nazzjonali jingħaqdu u jikkomplementaw lil xulxin hija d-direttiva, li diġà ġiet trattata fil-kapitolu dwar il-leġiżlazzjoni. Kulma tistabbilixxi d-direttiva nnifisha f’termini vinkolanti huwa r-riżultat li jrid jinkiseb mill-Istat Membru; huma l-awtoritajiet nazzjonali, permezz tal-liġi domestika, li jridu jiddeċiedu kif u b’liema mezzi fil-fatt jintlaħaq ir-riżultat. Fil-qasam ġudizzjarju, iż-żewġ sistemi jitħalltu permezz tal-proċedura ta’ deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 267 tat-TFUE, fejn il-qrati nazzjonali jistgħu, jew xi kultant iridu, jirrinvijaw mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dritt tal-UE lill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-deċiżjoni tagħha tista’ tkun deċiżiva sabiex tissolva t-tilwima quddiemhom. Żewġ affarijiet huma ċari: l-ewwel, il-qrati fl-Istati Membri huma meħtieġa li josservaw u japplikaw id-dritt tal-UE; u t-tieni, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE u d-dikjarazzjonijiet dwar il-validità tiegħu jistgħu jsiru biss mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-interdipendenza tad-dritt tal-UE u dak nazzjonali hija illustrata ulterjorment minn dak li jseħħ meta jkunu jridu jimtlew lakuni fid-dritt tal-UE: Id-dritt tal-Unjoni jirreferi lura għar-regoli eżistenti tad-dritt nazzjonali sabiex jikkompleta r-regoli li jistabbilixxi huwa stess. Minn ċertu punt ’il quddiem, id-destin ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-UE għalhekk jiġi ddeterminat mid-dispożizzjonijiet rispettivi tad-dritt nazzjonali. Dan il-prinċipju japplika għall-firxa sħiħa tal-obbligi fl-ambitu tad-dritt tal-UE sakemm dan tal-aħħar ma jkunx stabbilixxa regoli għall-infurzar tiegħu stess. Fi kwalunkwe każ bħal dan, l-awtoritajiet nazzjonali jinfurzaw id-dritt tal-UE bid-dispożizzjonijiet tas-sistemi legali proprji tagħhom. Imma dan il-prinċipju huwa soġġett għal kundizzjoni waħda: l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE trid tiġi ppreservata, għaliex ikun kompletament inaċċettabbli li ċ-ċittadini u l-impriżi jiġu ġġudikati bi kriterji differenti — u għalhekk jiġu ttrattati b’mod inġust.

Kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u d-dritt nazzjonali

Madankollu, ir-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali hija kkaratterizzata wkoll minn “nuqqas ta’ qbil” jew kunflitt okkażjonali bejn l-ordni ġuridiku tal-UE u l-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali. Sitwazzjoni bħal din dejjem tinħoloq meta dispożizzjoni tad-dritt tal-UE tagħti drittijiet u timponi obbligi direttament fuq iċ-ċittadini tal-UE filwaqt li l-kontenut tagħha ma jaqbilx ma’ regola tad-dritt nazzjonali. Moħbija wara dan il-qasam problematiku apparentement sempliċi hemm żewġ kwistjonijiet fundamentali li fuqhom hija msejsa l-kostruzzjoni tal-UE, li t-tweġibiet għalihom kienu destinati li jsiru t-test kritiku għall-eżistenza tal-ordni ġuridiku tal-UE, jiġifieri: l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-UE u l-preminenza tad-dritt tal-UE fuq id-dritt nazzjonali f’kunflitt.

Applikabbiltà diretta tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għad-dritt nazzjonali

L-ewwel nett, il-prinċipju tal-applikabbiltà diretta sempliċement ifisser li d-dritt tal-UE jagħti drittijiet u jimponi obbligi direttament mhux biss fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri iżda anke fuq iċ-ċittadini tal-UE.

Waħda mill-kisbiet eċċezzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li din infurzat l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-UE minkejja r-reżistenza inizjali ta’ ċerti Stati Membri, u b’hekk iggarantiet l-eżistenza tal-ordni ġuridiku tal-UE. Il-ġurisprudenza tagħha dwar dan il-punt bdiet b’kawża li diġà ssemmiet, jiġifieri dik tal-kumpanija Olandiża tat-trasport Van Gend & Loos. Il-kumpanija ressqet rikors f’qorti Olandiża kontra l-awtoritajiet doganali Olandiżi, li kienu imponew dazji doganali miżjudin fuq prodott kimiku importat mill-Ġermanja tal-Punent. Fl-aħħar analiżi, l-eżitu ta’ dawn il-proċedimenti kien jiddependi minn jekk l-individwi wkoll jistgħux jinvokaw l-Artikolu 12 tat-Trattat tal-KEE, li jipprojbixxi speċifikament l-introduzzjoni mill-Istati Membri ta’ dazji doganali ġodda u ż-żieda tad-dazji eżistenti fis-suq komuni. Minkejja l-parir ta’ diversi gvernijiet u tal-avukat ġenerali tagħha, il-Qorti ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura u l-objettiv tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE kienu direttament applikabbli fil-każijiet kollha. Fir-raġunijiet għas-sentenza tagħha, il-Qorti ddikjarat li:

... il-Komunità tikkostitwixxi ordni ġuridiku ġdid ... li s-suġġetti tiegħu jinkludu mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom. B’mod indipendenti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, id-dritt Komunitarju mhux biss jimponi obbligi fuq l-individwi iżda huwa maħsub ukoll biex jagħtihom drittijiet. Dawn id-drittijiet jirriżultaw mhux biss meta jkunu mogħtija b’mod espliċitu mit-Trattat, iżda wkoll minħabba l-obbligi li t-Trattat jimponi b’mod definit b’mod ċar fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità.”

Madankollu, dik id-dikjarazzjoni kategorika ma twassalniex ’il bogħod wisq, billi tibqa’ l-mistoqsija ta’ liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE huma direttament applikabbli. Il-Qorti qabelxejn eżaminat din il-kwistjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni primarja tal-UE u ddikjarat li l-individwi jistgħu jkunu direttament soġġetti għad-dispożizzjonijiet kollha tat-trattati tal-UE li (i) jistabbilixxu kundizzjonijiet assoluti, (ii) ikunu kompleti fihom infushom u awtonomi f’termini legali u għalhekk (iii) ma jkunu jeħtieġu l-ebda azzjoni ulterjuri min-naħa tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jitħarsu jew jiksbu effett ġuridiku.

Il-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 12 tal-KEE preċedenti kien jissodisfa dawn il-kriterji, u li l-kumpanija Van Gend & Loos għalhekk setgħet ukoll tikseb drittijiet minnu li l-qorti fin-Netherlands kienet obbligata tissalvagwardja, u b’konsegwenza ta’ dan, il-qorti Olandiża invalidat id-dazji doganali imposti bi ksur tat-trattat. Sussegwentement, il-Qorti kompliet tapplika dan ir-raġunament fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat tal-KEE li huma ta’ importanza ferm akbar għaċ-ċittadini tal-UE mill-Artikolu 12. Is-sentenzi li huma partikolarment notevoli hawnhekk jirrigwardaw l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu (l-Artikolu 45 tat-TFUE), il-libertà tal-istabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE) u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (l-Artikolu 56 tat-TFUE).

Fir-rigward tal-garanziji dwar il-libertà tal-moviment, il-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza li ddikjarathom direttament applikabbli fil-Kawża 41/74 van Duyn. Il-fatti ta’ din il-kawża kienu dawn. F’Mejju 1973, is-Sa van Duyn, ċittadina Olandiża, kienet iċċaħdet mill-permess li tidħol fir-Renju Unit, li dak iż-żmien kien Stat Membru tal-UE, sabiex tibda taħdem bħala segretarja mal-Knisja tas-Scientology, organizzazzjoni meqjusa mill-Home Office bħala “soċjalment ta’ ħsara”. Billi invokat ir-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema, is-Sa van Duyn ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Superjuri, fejn talbet deċiżjoni li hija kellha d-dritt li toqgħod fir-Renju Unit għall-iskop ta’ impjieg u li titħalla tidħol fir-Renju Unit. Bi tweġiba għal mistoqsija rinvijata mill-Qorti Superjuri, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 48 tat-Trattat KEE (issa l-Artikolu 45 tat-TFUE) kien direttament applikabbli u għalhekk kien jagħti lill-individwi drittijiet li huma eżegwibbli quddiem il-qrati ta’ Stat Membru.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet, mill-Conseil d’État Belġjan, tiddeċiedi dwar l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-libertà tal-istabbiliment. Il-Conseil d’État kellu jiddeċiedi dwar rikors ippreżentat minn avukat Olandiż, J. Reyners, li xtaq jasserixxi d-drittijiet tiegħu li joħorġu mill-Artikolu 52 tat-Trattat tal-KEE (l-Artikolu 49 tat-TFUE). Is-Sur Reyners ħassu obbligat li jippreżenta r-rikors wara li dan kien ġie miċħud l-ammissjoni fil-professjoni legali fil-Belġju minħabba n-nazzjonalità barranija tiegħu, minkejja l-fatt li kien għadda mill-eżamijiet Belġjani meħtieġa. Fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 1974, il-Qorti sostniet li t-trattament mhux ugwali taċ-ċittadini nazzjonali u l-barranin fir-rigward tal-istabbiliment ma setax jinżamm aktar, billi l-Artikolu 52 tat-Trattat tal-KEE kien direttament applikabbli mit-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali u, għalhekk, dan kien jagħti d-dritt liċ-ċittadini tal-UE li jibdew u jwettqu impjieg bi ħlas fi Stat Membru ieħor bl-istess mod bħal ċittadin ta’ dak l-istat. B’riżultat ta’ din is-sentenza, is-Sur Reyners kellu jiġi ammess fil-professjoni legali fil-Belġju.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat opportunità fil-Kawża 33/74 van Binsbergen sabiex tistabbilixxi speċifikament l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dawn il-proċedimenti kienu jinvolvu, fost affarijiet oħrajn, il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni legali Olandiża li skontha persuni abitwalment residenti fin-Netherlands biss setgħu jaġixxu bħala rappreżentanti legali quddiem qorti tal-appell kinitx kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-Qorti ddeċidiet li din ma kinitx kompatibbli għar-raġuni li r-restrizzjonijiet kollha li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jkunu suġġetti għalihom minħabba n-nazzjonalità jew il-post tar-residenza tagħhom jiksru l-Artikolu 59 tat-Trattat tal-KEE (l-Artikolu 56 tat-TFUE) u, għalhekk, huma nulli.

Ta’ importanza konsiderevoli wkoll f’termini prattiċi huwa r-rikonoxximent tal-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikolu 26 tat-TFUE), il-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa (l-Artikolu 157 tat-TFUE), il-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni (l-Artikolu 45 tat-TFUE) u l-libertà tal-kompetizzjoni (l-Artikolu 101 tat-TFUE).

Rigward il-leġiżlazzjoni sekondarja, il-kwistjoni tal-applikabbiltà diretta tinħoloq biss fir-rigward tad-direttivi u d-deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri, minħabba li r-regolamenti u d-deċiżjonijiet indirizzati lill-individwi diġà jidderivaw l-applikabbiltà diretta tagħhom mit-trattati tal-UE (l-Artikolu 288, it-tieni u r-raba’ paragrafi tat-TFUE). Mill-1970, il-Qorti estendiet il-prinċipji tagħha dwar l-applikabbiltà diretta għad-dispożizzjonijiet fid-direttivi u d-deċiżjonijiet indirizzati lill-Istati Membri.

L-importanza prattika tal-effett dirett tad-dritt tal-UE fil-forma li ġie żviluppat u mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tista’ tiġi enfasizzata biżżejjed. Huwa jtejjeb il-pożizzjoni tal-individwu billi jibdel il-libertajiet tas-suq komuni fi drittijiet li jistgħu jiġu infurzati f’qorti nazzjonali. L-effett dirett tad-dritt tal-UE għalhekk huwa wieħed mill-pilastri tal-ordni ġuridiku tal-UE.

Preminenza tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fuq id-dritt nazzjonali

L-applikabbiltà diretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-UE twassal għal mistoqsija oħra daqstant ieħor fundamentali: x’jiġri jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-UE toħloq drittijiet u obbligi diretti għaċ-ċittadin tal-UE u b’hekk tiġi f’kunflitt ma’ regola tad-dritt nazzjonali?

Tali kunflitt bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali jista’ jiġi solvut biss jekk wieħed jagħti l-preċedenza lill-ieħor. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma fiha l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar il-kwistjoni. L-ebda wieħed mit-trattati tal-UE ma fih dispożizzjoni li tgħid, pereżempju, li d-dritt tal-UE jirbaħ fuq jew li huwa subordinat għad-dritt nazzjonali. Madankollu, l-uniku mod biex jiġu solvuti l-kunflitti bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali huwa li d-dritt tal-UE jingħata l-preminenza u jitħalla jirbaħ fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha li jiddevjaw minn regola tal-UE u jieħu posthom fl-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali. Wara kollox, ftit jifdal mill-ordni ġuridiku tal-UE kieku dan kellu jiġi subordinat għad-dritt nazzjonali. Ir-regoli tal-UE jistgħu jitwarrbu bi kwalunkwe dritt nazzjonali. Ma jkunx hemm aktar il-kwistjoni tal-applikazzjoni uniformi u ugwali tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha. L-UE lanqas ma tkun tista’ twettaq il-kompiti fdati lilha mill-Istati Membri. Il-kapaċità tal-UE li tiffunzjona tkun ipperikolata, u l-bini ta’ sistema komuni ta’ dritt Ewropew li fuqha jistrieħu tant tamiet qatt ma jintlaħaq.

Ma teżisti l-ebda problema bħal din fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-dritt internazzjonali u d-dritt nazzjonali. Minħabba li d-dritt internazzjonali ma jsirx parti mill-ordni ġuridiku proprju ta’ pajjiż qabel ma dan jiġi assorbit permezz ta’ att ta’ inkorporazzjoni jew traspożizzjoni, il-kwistjoni tal-preminenza tiġi deċiża abbażi tad-dritt nazzjonali waħdu. Skont l-ordni ta’ preċedenza attribwita lid-dritt internazzjonali minn sistema legali nazzjonali, dan jista’ jieħu preċedenza fuq il-liġi kostituzzjonali, jiġi kklassifikat bejn il-liġi kostituzzjonali u l-liġi statutorja ordinarja, jew sempliċement ikollu l-istess status bħal-liġi statutorja. Ir-relazzjoni bejn id-dritt internazzjonali inkorporat jew traspost u d-dritt nazzjonali tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni tar-regola li biha d-dispożizzjonijiet legali adottati l-aħħar jirbħu fuq dawk li kienu fis-seħħ qabel (lex posterior derogat legi priori). Madankollu, dawn ir-regoli nazzjonali dwar il-kunflitt tal-liġijiet ma japplikawx għar-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali, minħabba li d-dritt tal-UE ma jifforma parti mill-ebda ordni ġuridiku nazzjonali. Kwalunkwe kunflitt bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali jista’ jiġi solvut biss abbażi tal-ordni ġuridiku tal-UE.

Għal darba oħra reġgħet kienet il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ dawn l-implikazzjonijiet, li tistabbilixxi — minkejja l-oppożizzjoni minn diversi Stati Membri — il-prinċipju tal-preminenza tad-dritt tal-UE li huwa essenzjali għall-eżistenza tal-ordni ġuridiku tal-UE. B’dan il-mod, hija stabbiliet it-tieni pilastru tal-ordni ġuridiku tal-UE flimkien mal-applikabbiltà diretta, li finalment kellu jittrasforma dak l-ordni ġuridiku fi struttura solida.

F’Costa vs ENEL, il-Qorti għamlet żewġ osservazzjonijiet importanti dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali.

L-ewwel, l-Istati Membri ttrasferew definittivament id-drittijiet sovrani lil Komunità maħluqa minnhom, u miżuri unilaterali sussegwenti ma jkunux konsistenti mal-kunċett tad-dritt tal-UE.

It-tieni, huwa prinċipju tat-trattat li l-ebda Stat Membru ma jista’ jikkontesta l-istatus tad-dritt tal-UE bħala sistema applikabbli b’mod uniformi u ġenerali fl-Unjoni kollha.

Minn dan joħroġ li d-dritt tal-UE, li ġie ppromulgat f’konformità mas-setgħat stabbiliti fit-trattati, għandu preminenza fuq kwalunkwe liġi konfliġġenti tal-Istati Membri. Mhux biss huwa aktar b’saħħtu mid-dritt nazzjonali preċedenti, iżda għandu wkoll effett limitattiv fuq il-liġijiet li jiġu adottati wara.

Fl-aħħar mill-aħħar, fis-sentenza tagħha dwar Costa vs ENEL, il-Qorti ma kkontestatx in-nazzjonalizzazzjoni tal-industrija Taljana tal-elettriku, iżda stabbiliet b’mod pjuttost qawwi l-preminenza tad-dritt tal-UE fuq id-dritt nazzjonali.

Il-konsegwenza legali ta’ din ir-regola tal-preċedenza hija li, f’każ ta’ kunflitt tal-liġijiet, id-dritt nazzjonali li jkun qiegħed jikser id-dritt tal-UE ma jibqax japplika u ma tista’ tiġi introdotta l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida sakemm din ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-UE.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Qorti sostniet b’mod konsistenti din il-konklużjoni u, fil-fatt, żviluppatha ulterjorment f’aspett wieħed. Filwaqt li s-sentenza Costa kienet tirrigwarda biss il-kwistjoni tal-preminenza tad-dritt tal-UE fuq il-liġijiet nazzjonali ordinarji, il-Qorti kkonfermat il-prinċipju tal-preminenza wkoll fir-rigward tar-relazzjoni bejn id-dritt tal-UE u d-dritt kostituzzjonali nazzjonali. Wara eżitazzjoni inizjali, il-qrati nazzjonali fil-prinċipju aċċettaw l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fin-Netherlands, ma setgħet tinqala’ l-ebda diffikultà xorta waħda, minħabba li l-preminenza tad-dritt tal-UE fuq il-liġi statutorja nazzjonali hija stabbilita b’mod ċar fil-kostituzzjoni (l-Artikoli 65 sa 67). Fl-Istati Membri l-oħrajn, il-prinċipju tal-preminenza tad-dritt tal-UE fuq id-dritt nazzjonali ġie rikonoxxut bl-istess mod mill-qrati nazzjonali. Madankollu, il-qrati kostituzzjonali tal-Ġermanja u tal-Italja fil-bidu rrifjutaw li jaċċettaw il-preminenza tad-dritt tal-UE fuq id-dritt kostituzzjonali nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni garantita tad-drittijiet fundamentali. Huma rtiraw l-oġġezzjonijiet tagħhom biss wara li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ordni ġuridiku tal-UE kienet laħqet standard li kien jikkorrispondi fis-sustanza għal dak tal-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, il-Qorti Kostituzzjonali Federali tal-Ġermanja kompliet bid-dubji dwar integrazzjoni ulterjuri, peress li għamlitha pjuttost ċara fis-sentenzi tagħha dwar it-Trattat ta’ Maastricht u, aktar reċentement, it-Trattat ta’ Liżbona, filwaqt li bbażat fuq l-argument tagħha f’termini ta’ “rieżami ultra vires ” li fih il-Qorti Kostituzzjonali Federali tesprimi l-intenzjoni tagħha li teżamina jekk l-istrumenti legali tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibqgħux fi ħdan il-limiti tas-setgħat sovrani mogħtijin lilhom jew jekk fil-fatt il-qrati tal-UE jinterpretawx it-trattati b’mod aktar espansiv, li jkun ekwivalenti għal emenda awtonoma inammissibbli tat-trattat. Sussegwentement, il-Qorti Kostituzzjonali Federali kkategorizzat dan ir-rieżami ultra vires taħt il-ħtieġa ta’ “attenzjoni meħtieġa”, bil-kundizzjoni li dan ir-rieżami jista’ jitwettaq biss mill-Qorti Kostituzzjonali Federali (u mhux, pereżempju, minn qrati nazzjonali oħrajn), u biss b’restrizzjoni u b’mod li jkun miftuħ għad-dritt tal-UE. B’mod partikolari:

  1. il-Qorti Kostituzzjonali Federali fil-prinċipju trid tqis id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala interpretazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-UE;
  2. qabel ma jiġi adottat att ultra vires, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tingħata l-opportunità, skont il-qafas ta’ proċedura għal deċiżjonijiet preliminari (l-Artikolu 267 tat-TFUE), li tinterpreta l-ftehim u li tiddeċiedi dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-att legali inkwistjoni;
  3. rieżami jiġi applikat biss jekk ikun evidenti li l-azzjoni meħuda mill-korpi tal-UE tkun marret lil hinn mis-setgħat mogħtijin lil dawk il-korpi.

B’dan in-network dens ta’ kundizzjonijiet, ikun hemm kull raġuni sabiex wieħed jemmen li kwalunkwe att legali ultra vires ma jibqax ħlief bħala kunċett teoretiku. Madankollu, ir-realtà tgħallimna mod ieħor. Fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Mejju 2020 dwar il-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-BĊE, il-Qorti Kostituzzjonali Federali kkritikat ix-xiri ta’ bonds tal-gvern mill-BĊE bħala ksur tal-kompetenzi u ksur tad-Dritt Bażiku tal-Ġermanja. Sentenza dwar il-legalità tal-UE tal-programm ta’ xiri ta’ bonds li qabel kienet mitluba mill-Qorti Kostituzzjonali Federali minigħand il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ deċiżjoni preliminari kienet ikkaratterizzata mill-Qorti Kostituzzjonali Federali bħala “assolutament inkomprensibbli” fir-rigward tal-verifika dwar il-proporzjonalità tal-atti legali mgħoddijin għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri, u, għalhekk, ġiet miċħuda. Fl-għoti ta’ din is-sentenza, il-Qorti Kostituzzjonali Federali stabbiliet ruħha fuq perkors ċar ta’ kolliżjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li fl-istess ħin għamlitha ċara li xtaqet tirrieżamina hija stess, fuq bażi ta’ każ b’każ, il-preminenza tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fuq id-dritt nazzjonali, li hija stess kienet qieset, f’deċiżjoni preċedenti, essenzjali għall-funzjonament tal-UE. Barra minn hekk, huwa ċar li ma għandha l-ebda eżitazzjoni li tinjora sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kwistjoni. It-tama hija li ż-żewġ qrati dalwaqt se jkunu jistgħu jsewwu d-diskrepanza li tqajmet mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali u jsibu lura t-triq sabiex jaħdmu f’kooperazzjoni soda u b’rispett reċiproku, b’mod partikolari minħabba li l-Qorti Kostituzzjonali Federali ma tiddubitax fil-fond mill-preminenza tad-dritt tal-UE, inkluż fuq il-liġi kostituzzjonali nazzjonali, iżda minflok tirriżerva d-dritt ta’ skrutinju finali f’ċerti każijiet rari ħafna. Is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward ta’ sentenza maqtugħa mit-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja fis-7 ta’ Ottubru 2021, li ddikjarat taqsimiet tad-dritt tal-UE inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka. Fl-opinjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja, it-tentattiv tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterferixxi fis-sistema ġudizzjarja tal-Polonja jikser il-prinċipju tal-preminenza kostituzzjonali u tas-sovranità tal-Polonja. F’Marzu 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat li l-UE hija intitolata tobbliga lill-Istati Membri jinjoraw id-dispożizzjonijiet individwali tad-dritt nazzjonali, inkluż id-dritt kostituzzjonali. F’termini konkreti, l-imħallfin tal-UE kienu mħassbin li l-proċedura sabiex isiru l-ħatriet fil-Qorti Suprema tal-Polonja tista’ tikser id-dritt tal-UE. Dan kien ikun ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet iġġiegħel lill-Polonja tħassar partijiet mir-riforma kontroversjali. Wara din is-sentenza, il-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara minnufih li l-prinċipji fundamentali tal-ordni ġuridiku tal-UE ma kellhomx jiġu nnegozjati bejn il-qrati nazzjonali, inklużi l-qrati kostituzzjonali, u li d-dritt tal-UE jieħu preċedenza fuq id-dritt nazzjonali, inkluż id-dritt kostituzzjonali nazzjonali. Il-Kummissjoni żammet il-possibbiltajiet kollha li għandha għad-dispożizzjoni miftuħin bl-għan li tagħmel użu mis-setgħat tagħha skont it-trattati u tiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi u l-integrità tad-dritt tal-UE.

Ilbies protettiv ġo loker, lest għall-pumpieri f’każ ta’ xi intervent.

Fil-kawża Pfeiffer et. tal-2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-ħaddiema tal-emerġenza jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tad-direttiva dwar il-ħin tax-xogħol (id-Direttiva 93/104/KE). Il-ħin tal-għassa (on-call) kellu jitqies kollu kemm hu fil-kalkolu tal-perjodu massimu tal-ħin tax-xogħol, li huwa 48 siegħa fil-ġimgħa .

Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea

Sabiex jiġi pprevenut il-kunflitt bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regola tal-preċedenza, il-korpi statali kollha li speċifikament jimplimentaw jew jiddeċiedu l-liġi jridu li inizjalment jibbażaw fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-UE.

Ħa żmien twil mhux ħażin biex il-kunċett tal-interpretazzjoni f’konformità mad-dritt tal-UE jiġi rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja u jiġi inkorporat fl-ordni ġuridiku tal-UE. Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet inizjalment qisitu xieraq li tassigura li l-liġijiet nazzjonali jkunu f’armonija ma’ direttiva biss meta tintalab tagħmel dan mill-qrati nazzjonali, hija stabbiliet l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat f’konformità mad-direttivi għall-ewwel darba fl-1984, fil-Kawża 14/83 von Colson u Kamann. Din il-kawża ddeċidiet dwar l-ammont ta’ kumpens li għandu jingħata għad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet legali Ġermaniżi rilevanti kienu jipprovdu biss għal kumpens għall-Vertrauensschaden (dipendenza inutli fuq aspettattiva leġittima), id-Direttiva 76/207/KEE tiddikjara li d-dritt nazzjonali jrid jipprovdi għal penali effettivi sabiex ikun assigurat li jiġu pprovduti opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg. Madankollu, billi l-penali rilevanti ma kinux stabbiliti f’aktar dettall, id-direttiva ma setgħetx titqies direttament applikabbli fuq dan il-punt, u kien hemm ir-riskju li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi li, għalkemm id-dritt nazzjonali naqas milli jikkonforma mad-dritt tal-UE, ma kien hemm l-ebda bażi biex il-qrati nazzjonali ma jqisux id-dritt nazzjonali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali kienu obbligati li jinterpretaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fi kwistjonijiet ċivili b’mod li jkun hemm penali effettivi għad-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru. Kumpens purament simboliku ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ applikazzjoni effettiva tad-direttiva.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tattribwixxi l-bażi ġuridika għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-UE għall-prinċipju ġenerali tal-kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) tat-TUE). Skont dan l-artikolu, l-Istati Membri jridu jieħdu kull miżura xierqa, kemm jekk ġenerali kif ukoll jekk partikolari, sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattat tal-UE jew li jirriżultaw mill-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE, jitwettqu. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati wkoll li jġibu l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, li huwa sekondarju għad-dritt tal-UE, f’konformità mal-formulazzjoni u l-għan tad-dritt tal-UE (id-dmir ta’ kooperazzjoni — il-Kawżi Magħquda C-397/01 sa C-403/01 Pfeiffer et). Għall-qrati nazzjonali, dan huwa rifless fir-rwol tagħhom bħala qrati Ewropej fis-sens li huma jassiguraw l-applikazzjoni korretta u l-osservanza tad-dritt tal-UE.

Forma partikolari ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-UE hija dik tal-interpretazzjoni f’konformità mad-direttivi, li biha l-Istati Membri huma obbligati li jimplimentaw id-direttivi. Il-professjonisti legali u l-qrati jridu jgħinu lill-Istati Membri tagħhom jissodisfaw dan l-obbligu b’mod sħiħ billi japplikaw il-prinċipju tal-interpretazzjoni f’konformità mad-direttivi. L-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali skont id-direttivi tassigura li jkun hemm konformità mad-direttivi fil-livell li fih tiġi applikata l-liġi, u b’hekk tassigura li l-liġi ta’ implimentazzjoni nazzjonali tiġi interpretata u applikata b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Dan jipprevjeni li kwistjonijiet li jkunu għadhom kif ġew armonizzati fuq livell tal-UE permezz ta’ direttiva jiġu differenzjati fil-livell nazzjonali.

Il-limiti ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-UE qegħdin fil-formulazzjoni ċara ta’ dritt nazzjonali li ma jkunx miftuħ għall-interpretazzjoni; għalkemm hemm obbligu skont id-dritt tal-UE li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat skont id-dritt tal-UE, id-dritt nazzjonali ma jistax jiġi interpretat bħala contra legem. Dan japplika wkoll f’każijiet fejn il-leġiżlatur nazzjonali jirrifjuta b’mod espliċitu li jittrasponi direttiva fid-dritt nazzjonali. Il-kunflitt li jirriżulta bejn id-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali jista’ jiġi solvut biss permezz ta’ proċedimenti kontra l-Istat Membru kkonċernat għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont it-trattat (l-Artikoli 258 u 259 TFUE).

KONKLUŻJONIJIET

Xi stampa ġenerali toħroġ tal-ordni ġuridiku tal-UE?

L-ordni ġuridiku tal-UE huwa l-bażi vera tal-Unjoni, li jagħtiha sistema komuni ta’ liġi li biha topera. Huwa biss bil-ħolqien u bil-ħarsien ta’ liġi ġdida li jistgħu jintlaħqu l-għanijiet fundamentali tal-UE. L-ordni ġuridiku tal-UE diġà wettaq ħafna f’dan ir-rigward. Huwa wkoll bis-saħħa ta’ dan l-ordni ġuridiku ġdid li l-fruntieri fil-biċċa l-kbira miftuħa, il-kummerċ sostanzjali f’oġġetti u servizzi, il-migrazzjoni tal-ħaddiema u l-għadd kbir ta’ rabtiet tranżnazzjonali bejn kumpaniji, diġà għamlu s-suq intern Ewropew parti mill-ħajja ta’ kuljum għal 447 miljun ruħ. Karatteristika oħra storikament importanti tal-ordni ġuridiku tal-UE hija r-rwol tiegħu ta’ paċifikatur. Bl-objettiv tiegħu li jżomm il-paċi u l-libertà, huwa jissostitwixxi l-forza bħala mezz sabiex jiġu solvuti l-kunflitti, b’regoli tal-liġi li jorbtu kemm lill-individwi kif ukoll lill-Istati Membri f’komunità unika. Għaldaqstant, l-ordni ġuridiku tal-UE huwa strument importanti għall-preservazzjoni u l-ħolqien tal-paċi.

Il-komunità tad-dritt tal-UE u l-ordni ġuridiku sottostanti tagħha jistgħu jibqgħu jeżistu biss jekk l-osservanza u s-salvagwarda ta’ dak l-ordni ġuridiku jiġu ggarantiti miż-żewġ pilastri: l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-UE u l-preminenza tad-dritt tal-UE fuq id-dritt nazzjonali. Dawn iż-żewġ prinċipji, li l-eżistenza u ż-żamma tagħhom huma sostnuti b’mod sod mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiggarantixxu l-applikazzjoni uniformi u prijoritarja tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha.

Minkejja l-imperfezzjonijiet kollha tiegħu, l-ordni ġuridiku tal-UE jagħmel kontribut imprezzabbli għas-soluzzjoni tal-problemi politiċi, ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

ĠURISPRUDENZA KKWOTATA

Id-deċiżjonijiet kollha maħruġa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jistgħu jinstabu online (www.eur-lex.europa.eu). Barra minn hekk, is-sit EUR-Lex jagħtik ukoll aċċess b’xejn, fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE, għal dawn li ġejjin:

  • id-dritt tal-UE (it-trattati, ir-regolamenti, id-direttivi, id-deċiżjonijiet, il-leġiżlazzjoni konsolidata, eċċ. tal-UE);
  • il-ħidma preparatorja (proposti leġiżlattivi, rapporti, Green u White Papers, eċċ.);
  • il-konvenzjonijiet internazzjonali;
  • is-sommarji tal-leġiżlazzjoni tal-UE li jpoġġu l-atti leġiżlattivi fil-kuntest politiku tagħhom.

In-natura u l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni

Il-Kawża 26/62 Van Gend u Loos [1963] Ġabra 1 (in-natura tad-dritt tal-Unjoni; id-drittijiet u l-obbligi tal-individwi).

Il-Kawża 6/64 Costa vs ENEL [1964] Ġabra 1251 (in-natura tad-dritt tal-Unjoni; l-applikabbiltà diretta, il-preminenza tad-dritt tal-Unjoni).

Il-Kawża 14/83 von Colson u Kamann [1984] Ġabra 1891 (l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni).

Il-Kawża C-213/89 Factortame [1990] Ġabra I-2433 (l-applikabbiltà diretta u l-preminenza tad-dritt tal-Unjoni).

Il-Kawżi Magħquda C-6/90 Francovich u C-9/90 Bonifaci [1991] Ġabra I-5357 (l-effett tad-dritt tal-Unjoni; ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Unjoni; hawnhekk: in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva).

Il-Kawżi Magħquda C-46/93 Brasserie du pêcheur u C-48/93 Factortame [1996] Ġabra I-1029 (l-effett tad-dritt tal-Unjoni; ir-responsabbiltà ġenerali tal-Istati Membri għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Unjoni).

Il-Kawżi Magħquda C-397/01 sa C-403/01 Pfeiffer et [2004] Ġabra I-8835 (l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni).

Is-setgħat tal-UE

Il-Kawżi Magħquda 3, 4 u 6-76. Kramer [1976] Ġabra 1279 (ir-relazzjonijiet esterni; l-impenji internazzjonali; l-awtorità tal-UE).

L-Opinjoni 2/91 [1993] Ġabra I-1061 (id-distribuzzjoni tas-setgħat bejn l-UE u l-Istati Membri).

L-Opinjoni 2/94 [1996] Ġabra I-1759 (l-adeżjoni tal-KE għall-KEDB; in-nuqqas ta’ setgħat).

L-Opinjoni 2/13 EU:C:2014:2454 (l-inkompatibbiltà bejn l-abbozz ta’ ftehim dwar l-adeżjoni tal-UE mal-KEDB u d-dritt tal-UE).

L-effetti tal-atti legali

Il-Kawża 2/74 Reyners [1974] Ġabra 631 (l-applikabbiltà diretta; il-libertà ta’ stabbiliment).

Il-Kawża 33/74 van Binsbergen [1974] Ġabra 1299 (l-applikabbiltà diretta; il-forniment ta’ servizzi).

Il-Kawża 41/74 van Duyn [1974] Ġabra 1337 (l-applikabbiltà diretta; il-libertà tal-moviment).

Id-drittijiet fundamentali

Il-Kawża 29/69 Stauder [1969] Ġabra 419 (id-drittijiet fundamentali; il-prinċipji ġenerali tal-liġi).

Il-Kawża C-112/00 Eugen Schmidberger [2003] Ġabra I-5659 (il-moviment liberu tal-merkanzija, id-drittijiet fundamentali).

Il-protezzjoni legali

Il-Kawża T-177/01, Jégo-Quéré et Cie vs Il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-2265 (lakuna fil-protezzjoni legali f’atti b’effett dirett iżda nieqsa mill-interess individwali); il-pożizzjoni differenti meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fl-appell tal-1 ta’ April 2004 fil-Kawża C-263/02 P, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré et Cie [2004], Ġabra I-3425

Il-Kawża T-18/10, Inuit Tapiriit Kanatami [2010] Ġabra II-5599 (id-definizzjoni ta’ “att regolatorju”); ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha dwar appell tat-3 ta’ Ottubru 2013 fil-Kawża C-583/11 P.

NOTI FINALI

1 Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija f’konformità mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

2 Ir-riżenja tal-Kummissjoni Santer fl-1999 kienet ikkawżata miċ-ċaħda tal-Parlament li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja; il-mozzjoni ta’ ċensura li ġiet ukoll ippreżentata ma għaddietx, għalkemm b’marġni żgħir biss.

3 Iċ-ċifri tal-popolazzjoni u l-kalkolu jistgħu jiġu aċċessati permezz tal-iperlink li ġejja: https://www.consilium.europa.eu/mt/council-eu/voting-system/voting-calculator/.

4 Aktar dettalji fit-taqsima “Ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt tal-UE”.

DWAR

Il-pubblikazzjoni L-ABĊ tad-Dritt tal-UE tista’ tinstab fuq l-internet fuq https://op.europa.eu/mt/publications.

Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizzi Editorjali u Sensibilizzazzjoni Mmirata
1049 Brussell
Il-BELĠJU

Il-manuskritt tlesta f’Marzu 2023

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

L-informazzjoni u l-fehmiet f’din il-pubblikazzjoni huma biss dawk tal-awtur u mhux bilfors jirriflettu l-pożizzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Print ISBN 978-92-76-10116-1 doi:10.2775/61508 NA-03-19-655-MT-C
PDF ISBN 978-92-76-10154-3 doi:10.2775/734758 NA-03-19-655-MT-N
HTML ISBN 978-92-76-11129-0 doi:10.2775/62453 NA-03-19-655-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Creative Commons BY licence icon

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39). Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.

Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata, dment li s-sors jiġi rikonoxxut. Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li ma humiex tal-UE, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet rispettivi.

 

L-ABĊ tad-Dritt tal-UE

L-ordni ġuridiku maħluq mill-Unjoni Ewropea jsawwar il-ħajja politika u s-soċjetà tagħna. Il-persuni ma humiex biss ċittadini tal-pajjiż, tal-belt jew tad-distrett tagħhom; huma wkoll ċittadini tal-UE.

L-ABĊ tad-dritt tal-UE mill-Prof. Dr. Klaus-Dieter Borchardt jeżamina l-għeruq tal-proġett Ewropew u l-iżvilupp tiegħu bħala ordni ġuridiku, u huwa xogħol ta’ referenza definittiv dwar is-suġġett.

Huwa maħsub għall-qarrejja interessati li jixtiequ għarfien inizjali fuq l-istruttura tal-Unjoni Ewropea u l-pilastri li fuqhom huwa mibni l-ordni ġuridiku Ewropew.

 

Il-Prof. Dr. Klaus-Dieter Borchardt kellu diversi rwoli fil-Kummissjoni Ewropea sakemm irtira fl-2019. Huwa Professur Onorarju tal-Università ta’ Würzburg u ppubblika diversi xogħlijiet dwar id-dritt Ewropew.