Rapport Speċjali
Nru13 2019

L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati:
hemm lok għal titjib

(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)

Dwar ir-rapport: F’dan ir-rapport speċjali, aħna eżaminajna jekk l-oqfsa etiċi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill Ewropew, kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea, kinux stabbiliti tajjeb. Aħna eżaminajna l-persunal fil-livelli kollha u l-Membri, u analizzajna s-sensibilizzazzjoni tal-persunal tal-istituzzjonijiet dwar il-qafas etiku permezz ta’ stħarriġ. L-implimentazzjoni tal-oqfsa etiċi fl-istituzzjonijiet li ġew awditjati ma kinitx tifforma parti mill-awditu.
Aħna kkonkludejna li, fil-biċċa l-kbira, l-istituzzjonijiet li ġew awditjati stabbilew oqfsa etiċi adegwati, iżda hemm lok għal titjib. Aħna sibna li ma hemmx qafas etiku komuni tal-UE li jirregola x-xogħol tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill.
L-awditu tagħna identifika wkoll xi dgħufijiet u oqsma fl-oqfsa etiċi li jeħtieġ li jiġu armonizzati, kif ukoll eżempji ta’ prattiki tajbin. L-istituzzjonijiet awditjati għandhom itejbu l-oqfsa etiċi tagħhom, jaħdmu flimkien biex jarmonizzawhom u jagħmlu sforzi ulterjuri biex jikkondividu prattiki tajbin dwar kwistjonijiet etiċi, kif ukoll itejbu s-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-persunal dwar il-qafas etiku u l-kultura etika.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-imġiba etika fl-affarijiet pubbliċi tfisser li l-impjegati taċ-ċivil u l-persuni f’karigi pubbliċi jridu jaqdu l-interess pubbliku, jimmaniġġjaw ir-riżorsi pubbliċi b’mod xieraq, u jieħdu deċiżjonijiet ġusti. Din l-imġiba tikkontribwixxi għat-titjib ulterjuri tal-ġestjoni finanzjarja u għaż-żieda fil-fiduċja tal-pubbliku, li hija indispensabbli għas-suċċess tal-politiki pubbliċi. Kull imġiba mhux etika min-naħa tal-persunal u tal-Membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea (UE) tattira livelli għoljin ta’ interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-UE. Din hija r-raġuni għalfejn huwa daqshekk importanti għall-istituzzjonijiet li jistabbilixxu oqfsa etiċi adegwati biex jiżguraw li r-riskju ta’ mġiba mhux etika jitnaqqas kemm jista’ jkun.

II

L-awditu tagħna eżamina jekk l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati kinux stabbiliti tajjeb. Huwa kopra l-persunal fil-livelli kollha u l-Membri tal-istituzzjonijiet li ġejjin: il-Parlament Ewropew (il-Parlament), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew (il-Kunsill) u l-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni). Aħna wettaqna wkoll stħarriġ biex nivvalutaw is-sensibilizzazzjoni dwar il-qafas etiku fost il-persunal ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Aħna ma vvalutajniex kif l-oqfsa etiċi kienu ġew implimentati.

III

Ikkonkludejna li, fil-biċċa l-kbira, l-istituzzjonijiet awditjati kienu stabbilew oqfsa etiċi adegwati, iżda hemm lok għal titjib. Aħna sibna li fil-Kunsill ma hemmx qafas etiku komuni li jirregola x-xogħol tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

IV

L-awditu tagħna identifika xi dgħufijiet (li mhux kollha japplikaw għal kull waħda mill-istituzzjonijiet awditjati) fir-rigward ta’:

  • l-istrateġiji ġenerali dwar l-etika (il-Parlament u l-Kunsill),
  • il-formalizzazzjoni ta’ proċeduri għall-verifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet u l-iżvilupp ta’ gwida aktar ċara dwar il-kriterji ta’ valutazzjoni għall-persunal (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni),
  • it-titjib tal-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-Membri billi tiġi stabbilita proċedura standard bil-miktub (il-Parlament u l-Kummissjoni),
  • il-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni),
  • l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta (il-Parlament), u
  • id-dispożizzjonijiet għall-perjodu ta’ wara t-tmiem tal-mandat (il-Parlament).

Aħna sibna wkoll oqsma fejn l-oqfsa etiċi jistgħu jibbenefikaw minn armonizzazzjoni fil-livell transistituzzjonali (eż. l-attivitajiet esterni għall-persunal, u d-dikjarazzjonijiet tal-attivitajiet professjonali mwettqa mill-konjuġi u mis-sieħeb/sieħba tal-Membri), kif ukoll eżempji ta’ prattiki tajbin.

V

Aħna stħarriġna kampjun rappreżentattiv tal-persunal fl-istituzzjonijiet awditjati. Għalkemm madwar nofs il-membri tal-persunal iqisu li l-għarfien tagħhom dwar il-qafas etiku huwa tajjeb jew tajjeb ħafna, ir-riżultati tal-istħarriġ jippreżentaw stampa mħallta fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-persunal dwar kwistjonijiet etiċi. Madankollu, ir-riżultati jvarjaw bejn l-istituzzjonijiet u l-kategoriji tal-persunal.

VI

Aħna nippreżentaw rakkomandazzjonijiet bl-għan li ngħinu lill-istituzzjonijiet awditjati biex:

  • itejbu l-oqfsa etiċi tagħhom,
  • jaħdmu flimkien biex jarmonizzaw l-elementi tal-oqfsa etiċi tagħhom u jagħmlu sforzi ulterjuri biex jikkondividu prattika tajba dwar kwistjonijiet etiċi, u
  • itejbu s-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-persunal dwar il-qafas etiku u l-kultura etika.

Introduzzjoni

01

L-imġiba etika fl-affarijiet pubbliċi tfisser li l-impjegati taċ-ċivil u l-persuni f’karigi pubbliċi jridu jaqdu l-interess pubbliku, jimmaniġġjaw ir-riżorsi pubbliċi b’mod xieraq, u jieħdu deċiżjonijiet ġusti. Din l-imġiba tikkontribwixxi għat-titjib ulterjuri tal-ġestjoni finanzjarja u għaż-żieda fil-fiduċja tal-pubbliku, li hija indispensabbli għas-suċċess tal-politiki pubbliċi.

02

Il-“qafas ta’ ġestjoni tal-integrità” introdott mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) jiġbor flimkien strumenti, proċessi, u strutturi għall-promozzjoni tal-integrità u għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni f’organizzazzjonijiet pubbliċi1. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Integrità Pubblika, “integrità pubblika” tirreferi għall-allinjament konsistenti u għall-aderenza ma’ valuri, prinċipji u normi etiċi kondiviżi għas-sostenn u l-prijoritizzazzjoni tal-interess pubbliku fuq l-interessi privati fis-settur pubbliku2.

Il-qafas tal-OECD

03

Il-prinċipji tal-OECD għall-ġestjoni tal-etika fis-settur pubbliku3 jiddeskrivu “infrastruttura tal-etika” li l-istituzzjonijiet pubbliċi għandu jkollhom fis-seħħ. Din l-“infrastruttura tal-etika” hija magħmula minn tliet elementi prinċipali: gwida, ġestjoni u kontroll.

04

L-OECD fasslet mudell għall-kunċett relatat mill-qrib ta’ “integrità pubblika” (ara l-Figura 1).

Figura 1

Elementi importanti tal-integrità pubblika

© Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar l-Integrità Pubblika, 2017.

05

Il-mudell kollu huwa bbażat fuq tliet komponenti prinċipali:

  • L-istabbiliment ta’ sistema ta’ integrità pubblika koerenti u komprensiva;
  • L-iżvilupp ta’ kultura ta’ integrità pubblika; u
  • It-twettiq ta’ obbligu ta’ rendikont effettiv.

Il-kuntest tal-UE

06

Kull imġiba mhux etika min-naħa tal-persunal u l-Membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea (UE) hija inaċċettabbli. Din l-imġiba – anki jekk tkun biss allegata – tattira livelli għoljin ta’ interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-UE. L-imġiba mhux etika hija wkoll marbuta mar-riskju ta’ korruzzjoni u frodi. Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-oqfsa etiċi fl-istituzzjonijiet tal-UE tista’ tgħin biex jiġu mmaniġġjati dawn ir-riskji.

07

L-istituzzjonijiet iridu jistabbilixxu oqfsa etiċi adegwati biex jiżguraw li r-riskji ta’ mġiba mhux etika jitnaqqsu għal livell minimu. Ir-riskju prinċipali huwa li fin-nuqqas ta’ oqfsa etiċi xierqa, l-imġiba mhux etika fl-istituzzjonijiet ma tistax tiġix ipprevenuta, identifikata u ttrattata b’mod korrett. Dan jista’ jirriżulta f’danni għar-reputazzjoni u għall-immaġni tal-UE u tal-istituzzjonijiet tagħha. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma fiha l-ebda definizzjoni statutorja ta’ qafas etiku bħala tali; madankollu, ħafna dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni primarja u ta’ dik sekondarja jistgħu jiġu interpretati bħala obbligi etiċi.

08

Filwaqt li hemm dispożizzjonijiet komuni li huma applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, hemm ukoll diversi rekwiżiti etiċi legali speċifiċi għal kull istituzzjoni tal-UE, għad-DirettoratĠenerali (DĠ) tal-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni), u għall-persunal u l-Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE. Id-dispożizzjonijiet speċifiċi jirriflettu r-rwoli, ir-responsabbiltajiet u r-riskji differenti.

09

Il-punt tat-tluq għall-obbligi kollha huwa rrappreżentat mit-Trattati fundaturi, li jinkludu dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-valuri mixtieqa li għandhom jiggwidaw l-imġiba tal-persunal u tal-Membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ċertu livell ta’ similarità fit-terminoloġija li jużaw u fl-ispirtu tal-obbligi li jistabbilixxu, iżda l-kategoriji tal-individwi kkonċernati huma naturalment pjuttost differenti, u għalhekk jeħtieġ li kull waħda minn dawn il-kategoriji tiġi indirizzata b’mod speċifiku.

10

It-Tabella 1 tagħti sommarju ta’ kif id-dispożizzjonijiet legali japplikaw għall-persunal u l-Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Tabella 1 – Dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli għall-persunal u l-Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE

PERSUNAL MEMBRI
REKWIŻITI LEGALI Il-Parlament Il-Kunsill Il-Kummissjoni Il-Parlament Il-Kunsill Il-Kummissjoni
Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu dispożizzjonijiet għal amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti. Artikoli 6 u 7 tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) Artikolu 339 tat-TFUE japplika wkoll għall-Parlament Regoli nazzjonali Artikolu 339 tat-TFUE japplika wkoll għall-Kunsill (mhux biss fil-livell ministerjali, iżda wkoll f’dak nazzjonali tal-impjegati taċ-ċivil) Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): L-obbligu ta’ indipendenza totali għall-Kummissarji (nota: ir-rapport jikkonċerna l-imġiba etika tal-persuni u mhux tal-istituzzjonijiet) Artikolu 245 tat-TFUE: indipendenza; obbligi li jirriżultaw mill-kariga; obbligi li jkomplu wara t-tmiem tal-mandat Artikolu 339 tat-TFUE dwar id-dmir li ma tingħatax informazzjoni li tkun tat-tip kopert bl-obbligu tas-sigriet professjonali
Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 11-22c)4
Regolament Finanzjarju (l-Artikoli 36 (3) u 61).
REKWIŻITI LEGALI Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba
Deċiżjonijiet amministrattivi: Gwida dwar l-obbligi tal-uffiċjali u ta’ impjegati oħra tal-Parlament Ewropew Regoli interni għall-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol Deċiżjonijiet amministrattivi: Deċiżjoni Nru 61/15 dwar l-attivitajiet esterni Deċiżjoni Nru 15/15 dwar il-fastidju Deċiżjonijiet amministrattivi: Deċiżjoni dwar l-attivitajiet u l-inkarigi esterni Deċiżjoni dwar il-leave fuq raġunijiet personali Deċiżjoni dwar il-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba Ir-Regola 11 u l-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura (RP); il-kodiċi ta’ mġiba għall-Membri tal-Parlament fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta’ interess Kodiċi ta’ mġiba għall-President tal-Kunsill Ewropew Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2018 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea (C(2018)700)5
Regolamenti tal-Persunal (l-Artikoli 22a-22c u l-Anness IX (Proċeduri dixxiplinari)) Regoli 165, 166 u 167 tal-RP (miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-istandards ta’ mġiba tal-Membri) Deċiżjoni dwar il-funzjonament tal-kumitat konsultattiv kompetenti għall-ilmenti ta’ fastidju li jikkonċernaw lill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-proċeduri tiegħu għat-trattament tal-ilmenti Regoli nazzjonali Artikolu 247 tat-TFUE: L-imġiba ħażina tal-Kummissarji; Deċiżjoni tal-KE li tistabbilixxi l-kumitat etiku ad hoc Artikolu 12 tal-kodiċi ta’ kondotta: il-Kumitat Indipendenti tal-Etika Artikolu 13 tal-kodiċi ta’ kondotta: miżuri dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta
GĦODOD U PROĊEDURI Deċiżjonijiet amministrattivi: Regoli interni li jimplimentaw l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal Deċiżjonijiet amministrattivi: Deċiżjoni Nru 3/2016 dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta Deċiżjonijiet Nru 73/06 u Nru 74/06 dwar l-inkjesti amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari Deċiżjonijiet amministrattivi: Linji gwida tal-KE dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta; Deċiżjoni  KE Nru 86/2004, Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ġenerali għall-inkjesti amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA).

11

Dawn ir-rekwiżiti legali jindirizzaw għadd ta’ tipi ewlenin ta’ kwistjonijiet etiċi:

  • diversi forom ta’ kunflitti ta’ interess, inklużi dawk li jirrigwardaw:
    • ir-reklutaġġ, matul l-impjieg u wara l-impjieg,
    • ir-rigali u d-divertiment, l-attivitajiet esterni u l-impjieg tal-konjuġi,
    • l-attivitajiet ta’ lobbying u difiża,
  • it-trasparenza,
  • il-miżuri kontra l-fastidju,
  • il-mekkaniżmi ta’ infurzar.
12

Minbarra li jistabbilixxi l-imġiba meħtieġa kemm min-naħa tal-persunal kif ukoll tal-Membri, il-qafas legali jipprovdi għodod u proċeduri għall-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ kull devjazzjoni minn dawn l-istandards, u b’hekk jgħin biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti etiċi legali jkunu qed jiġu rispettati. Għall-finijiet ta’ dan l-awditu, “qafas etiku” jirreferi l-ewwel nett għar-rekwiżiti etiċi legali, u t-tieni nett għall-proċeduri, l-għodod ta’ infurzar, il-gwida u l-komunikazzjoni li jgħinu biex jiżguraw li r-rekwiżiti legali jiġu rispettati.

13

Ir-rikonoxximent tal-importanza tal-aspetti kulturali “mhux vinkolanti” tal-etika qed ikompli jiżdied, u spiss dawn jitqiesu bħala mod aktar effiċjenti biex jinkisbu standards għoljin f’dak li jirrigwarda l-etika. Dawn l-elementi huma:

  • il-promozzjoni ta’ kultura etika;
  • it-tmexxija ta’ integrità;
  • sistema ta’ evalwazzjoni li tappoġġa l-obbligu ta’ rendikont u l-imġiba etika;
  • l-appoġġ għal kultura organizzattiva miftuħa.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

14

Aħna eżaminajna jekk l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati kinux stabbiliti tajjeb. L-awditu tagħna kopra l-persunal fil-livelli kollha u l-Membri tal-istituzzjonijiet li ġejjin: il-Parlament Ewropew (il-Parlament), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew (il-Kunsill) u l-Kummissjoni.

15

Din hija l-ewwel darba li l-Qorti awditjat l-oqfsa etiċi tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Dan l-awditu huwa konformi mal-għan strateġiku tal-Qorti għall-2018-2020, jiġifieri li tikkontribwixxi għat-trawwim tal-fiduċja fl-UE. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ntgħażlu minħabba li huma t-tliet istituzzjonijiet prinċipali tal-UE involuti fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-UE u għandhom għadd sinifikanti ta’ membri tal-persunal. L-analiżi tal-qafas etiku tagħhom tipprovdi l-aħjar opportunitajiet għal analiżi komparattiva.

16

Biex nivvalutaw jekk l-oqfsa etiċi tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni kinux ġew stabbiliti sew, aħna:

  1. eżaminajna r-rekwiżiti etiċi legali ta’ dawn l-istituzzjonijiet għall-persunal u l-Membri, u l-proċeduri tagħhom biex jinfurzaw dawn ir-rekwiżiti; u
  2. ivvalutajna s-sensibilizzazzjoni dwar il-qafas etiku fost il-persunal tal-istituzzjonijiet awditjati.

Aħna ma eżaminajniex kif l-oqfsa etiċi kienu ġew implimentati.

17

Għall-Kummissjoni, li hija l-akbar istituzzjoni, aħna ksibna spjegazzjoni mingħand id-DĠ tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà (DĠ HR) dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri ġenerali li hemm stabbiliti. Aħna ffukajna fuq ir-regoli speċifiċi li huma applikabbli fi ħdan id-DĠ li ġejjin, li jimmaniġġjaw sehem sinifikanti mill-baġit tal-UE jew li għandhom rwol importanti f’dak li jirrigwarda l-proposti jew il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE: Agrikoltura u Żvilupp Rurali (DĠ AGRI), Kompetizzjoni (DĠ COMP), Enerġija (DĠ ENER), Riċerka u Innovazzjoni (DĠ RTD) u s-Segretarjat Ġenerali (SĠ).

18

Għall-istituzzjonijiet awditjati, aħna vvalutajna b’mod partikolari r-rekwiżiti u l-proċeduri għall-kwistjonijiet elenkati hawn taħt:

19

Aħna eżaminajna wkoll il-proċeduri għall-inkjesti amministrattivi, u l-proċeduri dixxiplinari għall-persunal. Biex l-awditu jkun fattibbli, aħna ma vvalutajniex ir-regoli dwar it-trasparenza u l-lobbying, minkejja li dawn huma marbutin mal-qafas etiku ġenerali. Il-proċeduri relatati mal-kunflitt ta’ interess fil-qafas tal-akkwist pubbliku ġew ukoll esklużi mill-ambitu tal-awditu tagħna billi l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku huma suġġetti għall-awditi tal-konformità mwettqa mill-Qorti.

20

Biex nagħmlu inventarju tal-oqfsa etiċi u tal-proċeduri stabbiliti għall-infurzar tagħhom, aħna bgħatna kwestjonarju lill-istituzzjonijiet awditjati. Aħna analizzajna wkoll id-dokumenti interni li rċevejna mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni (id-DĠ HR u d-DĠ l-oħra magħżula). Qabbilna r-rekwiżiti etiċi differenti stabbiliti fid-diversi istituzzjonijiet, u vvalutajna kif dawn jipparagunaw mal-istandards esterni rilevanti (jiġifieri l-prinċipji, il-linji gwida u l-aħjar prattiki tal-OECD, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol). Fl-aħħar nett, aħna analizzajna rapporti oħra pertinenti għall-qasam tal-etika, u intervistajna membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet li r-rwoli tagħhom kienu relatati mal-qafas etiku.

21

Il-kriterji prinċipali tal-awditjar li użajna għal dan ix-xogħol kienu l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment żviluppati mill-OECD, il-leġiżlazzjoni tal-UE, u r-rekwiżiti etiċi u l-proċeduri stabbiliti mill-istituzzjonijiet. Analiżi komparattiva tal-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet li ġew awditjati serviet ukoll bħala kriterju addizzjonali.

22

Biex nikkomplementaw dawn is-sorsi tal-awditjar, aħna organizzajna bord ta’ esperti biex jiddiskuti l-karatteristiċi ta’ qafas etiku koerenti u komprensiv f’organizzazzjonijiet pubbliċi. Aħna stedinna erba’ esperti fil-qasam: rappreżentant mill-OECD, rappreżentant minn Transparency International, rappreżentant mill-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar ta’ Stat Membru, u akkademiku. Dawn l-esperti għenuna nevalwaw elementi speċifiċi tal-oqfsa etiċi.

23

Bl-għan li niksbu fehim approfondit dwar is-sensibilizzazzjoni tal-persunal dwar l-oqfsa etiċi u l-perċezzjoni tagħhom fir-rigward tal-kultura etika, aħna wettaqna stħarriġ ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ membri tal-persunal fl-istituzzjonijiet awditjati (ara l-Anness II).

Osservazzjonijiet

L-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati għandhom oqfsa etiċi stabbiliti li, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, huma adegwati

L-elementi essenzjali tal-oqfsa etiċi preżenti

24

Għall-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE, is-sorsi primarji għall-qafas etiku huma t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Regolament Finanzjarju u t-Titolu II, “Drittijiet u obbligi tal-uffiċjali”, tar-Regolamenti tal-Persunal6 (ara t-Tabella 1). Ir-rekwiżiti huma żviluppati aktar fid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni u fil-linji gwida speċifiċi ta’ kull istituzzjoni, li jipprovdu aktar kjarifiki iżda li ma joħolqu l-ebda obbligu sostantiv ġdid. B’mod ġenerali, hemm livell għoli ta’ similarità fid-dispożizzjonijiet tal-qafas etiku għall-persunal fost l-istituzzjonijiet awditjati.

25

Għall-Membri, is-sitwazzjoni hija aktar varjata. In-natura tal-pożizzjoni u dik tad-dmirijiet tal-Membri jvarjaw fost l-istituzzjonijiet u minn dawk tal-persunal. It-TFUE huwa s-sors prinċipali tar-rekwiżiti etiċi għall-Membri: huwa jistabbilixxi wkoll il-penali u s-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti. Il-kodiċijiet ta’ kondotta u r-Regoli ta’ Proċedura (RP) li huma applikabbli jipprovdu dispożizzjonijiet aktar dettaljati (ara t-Tabella 1). Ir-regoli jiġu speċifikati f’aktar dettall f’dokumenti oħra bħal linji gwida (eż. il-Gwida għall-Membri dwar il-ġlieda kontra l-fastidju fuq il-post tax-xogħol fil-Parlament Ewropew7).

26

L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet awditjati huma konformi mar-rekwiżiti prinċipali tal-linji gwida tal-OECD u ma’ kriterji oħra (ara l-paragrafu 21). L-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati għandhom oqfsa etiċi stabbiliti li, fil-biċċa l-kbira, huma adegwati, kemm għall-persunal kif ukoll għall-Membri:

  • L-istituzzjonijiet awditjati stabbilew politiki dwar ir-rigali u d-divertiment li jiddefinixxu r-rigali, l-ospitalità u benefiċċji oħra, u li jipprevedu l-proċeduri li jridu jiġu segwiti biex dawn jiġu aċċettati u rrappurtati (ara l-Anness I — il-Parti A).
  • Ir-regoli dwar l-attivitajiet esterni għall-persunal u l-Membri, kif ukoll ir-regoli u s-sistemi għat-trattament tal-attivitajiet wara t-tmiem tal-impjieg f’istituzzjoni tal-UE għall-persunal, jindirizzaw l-oqsma ta’ riskju u jistabbilixxu l-kriterji għall-attivitajiet aċċettabbli, kif ukoll il-proċeduri ta’ rappurtar u ta’ awtorizzazzjoni (ara l-Anness I — il-Parti B u l-Parti D).
  • Il-politiki jkopru wkoll każijiet ta’ kunflitt ta’ interess, bħall-kunflitt ta’ interess fil-mument tar-reklutaġġ, il-kunflitt ta’ interess ad hoc u fir-rigward tal-impjieg tal-konjuġi u s-sieħeb/sieħba tal-persunal u tal-Membri, f’konformità mal-istandards internazzjonali użati bħala kriterji tal-awditjar (ara l-Anness I — il-Parti C).
  • L-istituzzjonijiet awditjati stabbilew politiki kontra l-fastidju, li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tal-istandards rilevanti (ara l-Anness I — il-Parti E).
  • L-istituzzjonijiet awditjati stabbilew politiki adegwati dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, li rriżultaw mir-reviżjonijiet kontinwi ta’ dawn l-aħħar snin. Il-politiki jipprovdu definizzjonijiet u jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-informaturi (l-Anness I — il-Parti F).
27

L-oqfsa etiċi huma appoġġati b’mod xieraq minn mekkaniżmi ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni. Għall-persunal tal-istituzzjonijiet awditjati, dawn il-mekkaniżmi huma simili, billi l-inkjesti amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari huma stabbiliti fl-Artikolu 86 u fl-Anness IX “Proċeduri dixxiplinari” tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-firxa ta’ sanzjonijiet hija pjuttost komprensiva u tinkludi miżuri li jaffettwaw primarjament ir-reputazzjoni ta’ uffiċjal (eż. twissijiet bil-miktub u ċanfiriet), miżuri li jaffettwaw il-pożizzjoni ta’ uffiċjal fi ħdan l-organizzazzjoni (eż. relegazzjonijiet fl-iskala u tnaqqis fil-grad), u miżuri li jbiddlu b’mod irriversibbli r-relazzjoni bejn l-uffiċjali u l-organizzazzjoni (eż. it-tneħħija mill-kariga, possibbilment akkumpanjata minn tnaqqis fid-drittijiet tal-pensjoni). Xi wħud minn dawn is-sanzjonijiet għandhom implikazzjonijiet finanzjarji.

28

Għall-Membri, is-sanzjonijiet u l-penali huma stabbiliti primarjament fit-TFUE. Dawn huma ssupplimentati mid-dispożizzjonijiet tal-kodiċi ta’ kondotta u tal-RP rispettivi. Is-sett ta’ għodod ta’ infurzar previsti mit-Trattati huwa pjuttost varjat, u jinkludi proċeduri politiċi u ġudizzjarji, kif ukoll proċeduri dixxiplinari interni.

29

Aħna identifikajna ċerti oqsma fejn il-kopertura, l-ispeċifiċità, iċ-ċarezza u l-livell ta’ gwida tal-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet għall-persunal u għall-Membri jistgħu jittejbu (ara l-paragrafi 32 sa 63) u jiġu armonizzati (ara l-paragrafi 64 sa 68). Sibna wkoll każijiet fejn kien hemm l-aħjar prattiki, prinċipalment fil-Kummissjoni (ara l-paragrafi 69 sa 76).

Ma hemmx qafas etiku komuni tal-UE li jirregola x-xogħol tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill

30

Il-Membri tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Membri tal-Kunsill) huma rispettivament il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern u l-ministri. Rappreżentanti oħra tal-Istati Membri huma l-uffiċjali nazzjonali li jipparteċipaw fi gruppi ta’ ħidma, kumitati u partijiet oħra. Bl-eċċezzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew8, dawn mhumiex suġġetti għal qafas etiku komuni fil-livell tal-UE. Ix-xogħol tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill huwa regolat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

31

Il-Kunsill ma għandux stampa ġenerali tal-oqfsa etiċi nazzjonali kollha li huma applikabbli għall-Membri tiegħu u għar-rappreżentanti l-oħra tal-Istati Membri. Ma jeżisti l-ebda aċċertament dwar jekk ir-rekwiżiti nazzjonali jkoprux l-elementi meħtieġa u r-riskji rilevanti kollha fir-rigward tan-natura tal-pożizzjoni u x-xogħol li huma jwettqu.

L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet fihom xi dgħufijiet

32

Aħna qabbilna l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet eżaminati ma’ standards internazzjonali u sibna xi dgħufijiet.

Il-Parlament u l-Kunsill ma kinux żviluppaw strateġiji ġenerali dwar l-etika

33

Il-mudell tal-OECD (ara l-paragrafu 04) jenfasizza li l-oqfsa etiċi għandhom jiġu ggwidati minn strateġija li tiddeskrivi l-objettivi u l-prijoritajiet, li tiġi żviluppata bl-użu ta’ data u indikaturi xierqa, u li tieħu kont tar-riskji leġittimi f’dak li jirrigwarda l-etika.

34

L-istrateġija ġenerali tal-Kummissjoni hija stabbilita fil-Pjan Strateġiku 2017-2020 tad-DĠ HR, li jinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw kwistjonijiet etiċi għall-persunal. L-eżerċizzju annwali ta’ valutazzjoni tar-riskji tad-DĠ HR jittratta wkoll kwistjonijiet dwar l-etika, u huwa marbut mat-tħejjija tal-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali (AMP).

35

Il-Pjan Strateġiku jistabbilixxi żewġ objettivi. L-ewwel objettiv huwa li l-maniġers u l-persunal għandhom dejjem jirrispettaw l-ogħla standards professjonali u etiċi. It-tieni huwa li r-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu applikati b’mod ċar u effettiv. L-ilħuq ta’ dawn l-objettivi jiġi mmonitorjat permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni.

36

L-eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskji għall-2018 identifika riskju ġenerali relatat mal-miżuri u/jew mal-proċessi eżistenti għat-tnaqqis ta’ kull riskju reputazzjonali marbut mal-attivitajiet esterni jew mal-imġiba tal-persunal attiv/preċedenti, li jistgħu jeħtieġu titjib supplementari biex jindirizzaw iż-żieda fis-sensittività tal-pubbliku għal din il-kwistjoni. Il-livell tar-riskju huwa evalwat bħala 9 minn 25, u l-azzjonijiet li jimmitigaw dan ir-riskju jingħataw segwitu permezz tal-AMP.

37

Fil-livell tad-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni li ġew awditjati, jitwettaq eżerċizzju annwali ta’ ġestjoni tar-riskji biex jiġu identifikati, ivvalutati, u mmaniġġjati riskji sinifikanti u kritiċi, inklużi dawk relatati mal-etika. Fost id-DĠ awditjati, id-DĠ COMP inkluda, għall-persunal tiegħu, l-azzjonijiet l-aktar speċifiċi fil-qasam tal-etika, kemm fil-proċess tiegħu ta’ ppjanar strateġiku kif ukoll f’dak ta’ ġestjoni.

38

Fil-Parlament u fil-Kunsill, ma hemm l-ebda strateġija ġenerali dwar l-etika, li tiddeskrivi l-objettivi u l-prijoritajiet li għandhom jiġu mmonitorjati permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni, la għall-persunal u lanqas għall-Membri. Filwaqt li, fl-2017, il-Parlament wettaq evalwazzjoni tal-istandards minimi ta’ kontroll intern, li kienet tkopri wkoll kwistjonijiet etiċi. Sa issa, il-Kunsill kien għadu ma wettaqx valutazzjoni kompleta tar-riskji fil-qasam tal-etika.

Il-proċeduri għall-verifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet u l-gwida għall-persunal mhumiex formalizzati biżżejjed

39

Skont l-OECD, kull organizzazzjoni trid tistabbilixxi proċeduri biex tidentifika, timmaniġġja u tirriżolvi l-kunflitti ta’ interess. Dawn il-proċeduri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali pubbliċi jkunu jafu x’inhu mistenni minnhom f’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess9.

40

Il-qafas etiku li jikkonċerna l-kunflitti ta’ interess huwa bbażat prinċipalment fuq l-awtodikjarazzjonijiet magħmula minn membri individwali tal-persunal. Sistemi bħal dawn huma bbażati fuq l-integrità individwali, kif ukoll fuq l-għarfien tal-membri tal-persunal dwar ir-rekwiżiti applikabbli. Madankollu, il-qafas etiku ma jistax ikun effettiv jekk ma jkunx hemm sistemi ta’ kontroll xierqa. Il-livell ta’ kontroll irid jirrifletti l-livell tar-riskji u jieħu kont tal-piż amministrattiv maħluq minn dawn il-kontrolli.

41

L-obbligi prinċipali għall-persunal tal-UE jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal u mir-Regolament Finanzjarju. Id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-istituzzjonijiet jirrikjedu li l-persunal jippreżenta awtodikjarazzjonijiet f’diversi ċirkustanzi (ara l-Kaxxa 1):

Kaxxa 1

Eżempji ta’ tipi ta’ dikjarazzjonijiet għall-persunal tal-istituzzjonijiet awditjati

  • ir-rigali u l-ospitalità (l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal);
  • il-kunflitt ta’ interess matul ir-reklutaġġ (l-Artikolu 11(3) tar-Regolamenti tal-Persunal);
  • id-dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess ad hoc (l-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal);
  • it-talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet esterni (l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal);
  • l-impjieg bi qligħ min-naħa tal-konjuġi (l-Artikolu 13 tar-Regolamenti tal-Persunal); u
  • l-attivitajiet ta’ wara t-tmiem tal-impjieg (l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal).
42

Dawn id-dikjarazzjonijiet spiss ikunu bbażati fuq il-ġudizzju tal-membru tal-persunal. Id-dettalji speċifiċi tal-każ iridu jiġu pprovduti biss meta membru tal-persunal jiġġudika li jkun żviluppa każ. L-istituzzjonijiet awditjati ġeneralment stabbilew proċeduri u flussi tax-xogħol biex jivvalutaw l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-persunal u jieħdu azzjoni fir-rigward tagħha (inkluż l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet, fejn ikun meħtieġ).

43

Għalkemm dawn l-istituzzjonijiet indikaw li kull informazzjoni oħra disponibbli tiġi wkoll eżaminata u kkunsidrata, il-proċeduri u l-flussi tax-xogħol ma jiddeskrivux liema informazzjoni oħra li tkun ġejja minn sorsi interni (eż. fajls personali jew dikjarazzjonijiet eżistenti oħra) jew sorsi esterni (eż. siti web) tiġi vverifikata u kontroverifikata.

44

Jekk il-membri tal-persunal iridu jikkonformaw b’mod konsistenti mar-rekwiżiti etiċi, jeħtieġ li huma jkollhom disponibbli gwida ċara u estensiva dwar dan is-suġġett. Madankollu, aħna sibna li l-gwida disponibbli ma kinitx dejjem ċara jew dettaljata biżżejjed (ara l-Kaxxa 2):

Kaxxa 2

Eżempji ta’ gwida insuffiċjenti

Dikjarazzjonijiet matul ir-reklutaġġ

Fl-istituzzjonijiet awditjati, il-kandidati jridu jiddikjaraw l-interessi finanzjarji tagħhom fil-mument tar-reklutaġġ – iżda biss jekk dawn l-interessi jistgħu potenzjalment jinfluwenzaw lill-kandidati fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Għalhekk, il-maniġers jistgħu jaġixxu biss fuq informazzjoni li l-kandidati nfushom iqisu li jeħtieġ jiddikjaraw.

Ftit teżisti gwida dwar liema sitwazzjonijiet jistgħu joħolqu kunflitt ta’ interess (potenzjali).

Nuqqas ta’ gwida speċifika dwar sitwazzjonijiet rilevanti

Id-DĠ AGRI tal-Kummissjoni ħareġ gwida dwar l-etika, li tipprovdi lill-persunal tad-DĠ b’informazzjoni prattika addizzjonali, eżempji u spjegazzjonijiet dwar ir-rekwiżiti etiċi. Iżda l-gwida ma tittrattax ċerti sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu rilevanti għax-xogħol tad-DĠ:

  • jekk il-membri tal-persunal ikunu involuti f’attività agrikola; u
  • jekk il-membri tal-persunal ikunu jirċievu sussidji mill-UE taħt il-Politika Agrikola Komuni.
45

Il-politiki dwar l-etika mhux dejjem jipprovdu gwida ċara dwar il-kriterji għall-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari dwar kif il-kriterji pprovduti fil-bażi legali għandhom jiġu applikati fil-prattika. Filwaqt li l-kriterji ta’ valutazzjoni huma ċari f’dak li jirrigwarda r-rigali u d-divertiment, u l-attivitajiet esterni paralleli, ma hemmx gwida suffiċjenti dwar il-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw mill-interessi finanzjarji tal-membri tal-persunal, l-attivitajiet li huma jwettqu wara t-tmiem tal-impjieg tagħhom, jew l-attività professjonali tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba tagħhom. Filwaqt li mhuwiex possibbli li tiġi koperta kull sitwazzjoni potenzjali, il-provvediment ta’ gwida ċara dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji legali jimmitiga r-riskju ta’ trattament inkonsistenti.

Skrutinju limitat tad-dikjarazzjonijiet tal-Membri

46

Kif issemma fil-paragrafu 42, l-informazzjoni dwar il-Membri tal-istituzzjonijiet awditjati tinġabar prinċipalment ukoll permezz ta’ awtodikjarazzjonijiet. Il-kwalità tal-informazzjoni u l-kriterji ta’ valutazzjoni huma kruċjali biex ir-riskji relatati mal-etika jiġu mmaniġġjati b’mod adegwat. Ma hemmx proċeduri standard bil-miktub u flussi tax-xogħol għall-verifikazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

47

Skont il-kodiċi ta’ kondotta tagħhom, il-Membri tal-Kummissjoni huma meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħall-attivitajiet preċedenti, l-attivitajiet esterni attwali, l-interessi finanzjarji tagħhom, u l-attività professjonali tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet jiġu suġġetti għal skrutinju li jitwettaq taħt l-awtorità tal-President. Għal darb’oħra, ma hemmx proċedura standard bil-miktub għall-verifikazzjoni tal-preċiżjoni, l-affidabbiltà jew il-kompletezza tal-informazzjoni.

48

Il-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) huma meħtieġa wkoll jippreżentaw dikjarazzjoni tal-interessi li tkopri kwistjonijiet bħall-attività professjonali tagħhom matul il-perjodu ta’ tliet snin qabel ma jibdew il-kariga tagħhom fil-Parlament, l-attività remunerata regolari u okkażjonali (attivitajiet esterni), u kull interess finanzjarju ieħor li jista’ jinfluwenzahom fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. Id-dikjarazzjonijiet tal-MEPs jiġu vverifikati għall-plawżibbiltà ġenerali: fi kliem ieħor, biex jiġi żgurat li ma jkunx fihom informazzjoni li tkun manifestament żbaljata, li ma tkunx tista’ tinqara jew li ma tinftiehemx. Id-dikjarazzjonijiet jiġu suġġetti għal skrutinju li jitwettaq taħt l-awtorità tal-President. Dan l-iskrutinju jkopri l-iżbalji ta’ editjar li jkunu ovvji, id-diskrepanzi bejn dikjarazzjoni u oħra, u r-rispett tad-data ta’ skadenza. Jekk il-President jirċievi informazzjoni li d-dikjarazzjoni tkun sostanzjalment skorretta jew mhux aġġornata, huwa jista’ jikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri u, fejn ikun xieraq, irid jitlob lill-Membru biex jikkoreġi d-dikjarazzjoni tiegħu. Jekk ikun hemm ksur allegat tal-kodiċi ta’ kondotta, il-President irid jirreferi l-każ lill-Kumitat Konsultattiv. Il-proċeduri tal-Parlament ma jistipulawx verifikazzjonijiet oħra dwar il-preċiżjoni u l-kompletezza u/jew il-valutazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-MEP10. Għall-President tal-Kunsill Ewropew, ma hemmx proċedura għall-verifikazzjoni jew il-valutazzjoni tad-dikjarazzjoni.

49

Is-salvagwardja prinċipali dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Membri tal-Parlament, tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissarji hija t-trasparenza u l-attenzjoni tal-partijiet ikkonċernati, il-midja u l-pubbliku ġenerali u, fil-każ tal-Membri tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew. Għall-President tal-Kunsill Ewropew, l-iskrutinju addizzjonali jitwettaq mill-Istati Membri.

50

In-nuqqas ta’ proċedura standard bil-miktub għall-verifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-Membri joħloq riskju li l-obbligi jiġu interpretati b’mod inkonsistenti, u jfisser li huwa inqas probabbli li l-istituzzjoni tidentifika ineżattezzi u problemi oħra qabel ma dawn jattiraw l-attenzjoni tal-pubbliku, u li għandhom il-potenzjal li jipperikolaw il-fiduċja taċ-ċittadini.

Il-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment mhumiex kompleti u ċari

51

Skont il-linji gwida tal-OECD, l-organizzazzjonijiet iridu jittrattaw il-kunflitt ta’ interess potenzjali li jirriżulta minn rigali u benefiċċji. Dan jinkludi l-istabbiliment ta’ proċess amministrattiv għall-kontroll ta’ rigali u benefiċċji, pereżempju billi jiġu ddefiniti r-rigali aċċettabbli u dawk mhux aċċettabbli, kif ukoll għall-aċċettazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ rigali f’isem l-organizzazzjoni11.

52

B’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet awditjati stabbilew politiki tajba f’dak li jirrigwarda r-rigali u d-divertiment għall-persunal u għall-Membri (ara l-Anness I — il-Parti A). Dawn il-politiki jkopru r-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-aċċettazzjoni ta’ onorifiċenza, dekorazzjoni, favur, rigal jew ħlas ta’ kwalunkwe natura, u jipprovdu spjegazzjonijiet addizzjonali. Għall-Membri tal-Kummissjoni u għall-President tal-Kunsill Ewropew, il-kodiċijiet ta’ kondotta rilevanti jinkludu d-dispożizzjonijiet dwar ir-rigali u benefiċċji oħra. Għall-MEPs, dawn il-politiki huma spjegati f’aktar dettall fil-miżuri ta’ implimentazzjoni li jirrigwardaw il-kodiċi ta’ kondotta tagħhom12.

53

Madankollu, dawn il-politiki fihom lakuni, u xi kultant mhumiex ċari. Dawn jistgħu jittejbu f’xi oqsma (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Lakuni fil-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment

Il-Parlament

  • Ma hemm l-ebda definizzjoni ta’ rigali, jew ta’ ospitalità, fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-persunal.
  • Ir-regoli għall-persunal dwar l-aċċettazzjoni ta’ rigali, jiffukaw fuq il-valur tar-rigali, mingħajr ma jieħdu kont taċ-ċirkustanzi fejn l-aċċettazzjoni tagħhom (irrispettivament mill-valur tagħhom) tista’ tiġi perċepita bħala li tkun tikkomprometti l-indipendenza.
  • Ma hemmx stabbiliti regoli għall-persunal dwar l-aċċettazzjoni ta’ ospitalità.
  • Ma hemmx regoli għall-persunal dwar l-aċċettazzjoni ta’ rigali f’isem l-istituzzjoni.

Il-Kunsill

  • Ir-regoli għall-persunal u l-President tal-Kunsill Ewropew, b’mod ġenerali, jiskoraġġixxu l-aċċettazzjoni ta’ kwalunkwe rigal fi kwalunkwe ċirkustanza. Madankollu, ir-regoli ma jispjegawx biżżejjed iċ-ċirkustanzi fejn l-aċċettazzjoni ta’ rigali (irrispettivament mill-valur tagħhom) tista’ tiġi perċepita bħala li tkun tikkomprometti l-indipendenza.

Il-Kummissjoni

  • Ma hemm l-ebda definizzjoni ta’ rigali u ospitalità li hija applikabbli għall-Membri.

Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta mhumiex adattati għall-Assistenti Parlamentari Akkreditati

54

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti oqfsa istituzzjonali effettivi, kif ukoll proċeduri u kanali ċari li jiffaċilitaw ir-rappurtar ta’ każijiet illeċiti u korruzzjoni13. L-informaturi li jaġixxu in bona fide jridu jiġu protetti mir-ritaljazzjoni. L-Anness I — il-Parti F jipprovdi stampa ġenerali tar-regoli eżistenti tal-UE dwar din il-kwistjoni.

55

Ir-Regoli Interni (RI) tal-Parlament, li jimplimentaw l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, fihom dispożizzjonijiet li jirregolaw il-konsulenza, l-assistenza u l-miżuri ta’ protezzjoni għall-informaturi. Dawn japplikaw għall-persunal kollu, inklużi l-Assistenti Parlamentari Akkreditati (APAs) tal-MEPs.

56

In-natura tax-xogħol tal-APAs hija differenti minn dik ta’ membri oħra tal-persunal: huma jiġu reklutati b’mod differenti, u jiġu impjegati direttament mill-MEPs. Skont l-IR tal-Parlament, il-membri tal-persunal li jiżvelaw informazzjoni protetta jistgħu jiġu ttrasferiti għal kariga oħra bħala miżura ta’ protezzjoni. Madankollu, ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni ma jirreferux għal xi salvagwardja li hija speċifikament maħsuba biex tirrifletti n-natura speċifika tal-pożizzjoni tal-APAs.

Id-dispożizzjonijiet għall-perjodu ta’ wara t-tmiem tal-mandat tal-MEPs huma inqas estensivi

57

Skont il-Prattiki Tajbin Wara Impjieg Pubbliku tal-OECD14, is-sistemi ta’ wara l-impjieg għandhom ikunu operazzjonali fl-entitajiet kollha li għalihom l-attivitajiet ta’ wara t-tmiem tal-impjieg jippreżentaw problema reali jew potenzjali. Dan jirrigwarda wkoll is-sitwazzjonijiet fejn il-persuna tkun għadha fil-kariga tagħha u tkun qed tinnegozja b’mod antiċipat attivitajiet għal wara t-tmiem tal-impjieg tagħha. L-Anness I — il-Parti D jipprovdi stampa ġenerali tal-karatteristiċi prinċipali tar-regoli eżistenti dwar it-tmiem tal-impjieg u tal-mandat f’istituzzjoni tal-UE. Fin-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-imġiba mhux etika għall-ex membri tal-persunal u ex Membri, id-differenzi ta’ hawn taħt mhumiex iġġustifikati.

58

Għall-persunal, il-qafas etiku jistabbilixxi dispożizzjonijiet relatati mal-attivitajiet li jitwettqu wara t-tmiem tal-impjieg u, b’mod partikolari, ċerti dispożizzjonijiet ta’ preklużjoni. L-uffiċjali li jkun biħsiebhom jinvolvu ruħhom f’attività okkupazzjonali fi żmien sentejn minn meta jitilqu mis-servizz huma meħtieġa li jinfurmaw lill-istituzzjoni tagħhom, li tista’ tapprova jew tirrifjuta l-attività l-ġdida.

59

Matul it-12-il xahar wara li jkunu telqu mis-servizz, l-ex uffiċjali ta’ livell għoli huma pprojbiti mill-Awtorità tal-Ħatra milli jiżvolġu attivitajiet ta’ lobbying fil-konfront tal-persunal ta’ dik li kienet l-istituzzjoni tagħhom jew attivitajiet ta’ difiża f’isem negozji, klijenti jew impjegaturi li għalihom kienu responsabbli matul l-aħħar tliet snin fis-servizz. F’ċerti każijiet, l-istituzzjoni tista’ testendi dan il-perjodu ta’ 12-il xahar sa 24 xahar.

60

Id-dispożizzjonijiet ta’ wara t-tmiem tal-impjieg għall-Kummissarji huma stabbiliti fil-kodiċi ta’ kondotta tagħhom. L-ex Kummissarji jridu jinfurmaw lill-Kulleġġ dwar l-intenzjoni tagħhom li jinvolvu ruħhom f’attività professjonali matul 24 xahar (36 xahar għall-President) wara li jitilqu mill-kariga tagħhom. Il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-attività prevista tkunx kumpatibbli mad-dmir ta' integrità u diskrezzjoni. Meta l-attività prevista tkun relatata mal-portafoll tal-ex Membru, il-Kummissjoni hija meħtieġa tikkonsulta lill-Kumitat Indipendenti tal-Etika.

61

L-ex MEPs li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ lobbying u ta’ difiża marbutin mal-UE huma meħtieġa li, skont l-Artikolu 6 tal-kodiċi ta’ kondotta, jinfurmaw lill-Parlament dwar dawn l-attivitajiet u huma llimitati milli jibbenefikaw mill-faċilitajiet mogħtija lill-ex MEPs (eż. il-kard ta’ aċċess għal ħajjithom kollha). L-MEPs ma għandhomx limitazzjonijiet oħra f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet li jitwettqu wara t-tmiem tal-mandat, u l-ex Membri mhumiex obbligati li jirrappurtaw kull attività oħra lill-Parlament.

62

In-natura tal-kariga u dik tad-dmirijiet tal-MEPs huma differenti minn dawk tal-President tal-Kunsill u tal-Kummissarji, l-ewwel nett, minħabba li l-MEPs jiġu eletti direttament miċ-ċittadini. Madankollu, hemm lok għal sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti bħala kunflitt ta’ interess, billi l-MEPs jaħdmu fuq leġiżlazzjoni li tista’ taffettwa direttament lill-industriji li jkunu jagħmlu parti mill-isfond professjonali tagħhom.

63

Il-kodiċi ta’ kondotta jipprojbixxi lill-President tal-Kunsill milli jiżvolġi attivitajiet ta’ lobbying fil-konfront tal-persunal jew ta’ Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE fi żmien 18-il xahar wara t-tmiem tal-mandat tiegħu. Matul l-istess perjodu, huwa jrid jinnotifika wkoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, mill-inqas erba’ ġimgħat qabel, dwar l-intenzjoni tiegħu li jiżvolġi attività professjonali.

L-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet li ġew awditjati jinkludu oqsma li jeħtieġ li jiġu armonizzati u eżempji ta’ prattika tajba

64

L-istituzzjonijiet awditjati għandhom oqfsa etiċi differenti. Dan minħabba li x-xogħol tagħhom mhuwiex l-istess, iżda anki minħabba li r-riskji inerenti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom f’ħafna oqsma huma differenti. Madankollu, hemm ħafna oqsma fejn hemm raġunijiet tajbin għalfejn għandu jkun hemm approċċi armonizzati għat-trattament ta’ kwistjonijiet etiċi bejn l-istituzzjonijiet. Pereżempju, il-perċezzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-UE hija simili, il-persunal tal-istituzzjonijiet għandu l-istess status legali, u l-persunal jista’ jiċċaqlaq minn istituzzjoni għal oħra.

Il-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment

65

Għalkemm il-karatteristiċi prinċipali tal-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment huma simili fost l-istituzzjonijiet awditjati, aħna sibna xi differenzi li ma kinux iġġustifikati la min-natura tal-attivitajiet tagħhom u lanqas mir-riskji involuti (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Eżempju ta’ regoli eteroġeni li jirregolaw ir-rigali u d-divertiment

Definizzjoni ta’ rigali u ospitalità

L-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdix definizzjoni ta’ “rigali” jew ta’ “ospitalità”.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill jiddefinixxu r-rigali u l-ospitalità fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom għall-persunal kif ġej: somma flus jew kwalunkwe oġġett fiżiku, jew il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni b’xejn f’avvenimenti li jkunu miftuħa għall-pubbliku jew li jkunu ta’ natura privata, ikunu aċċessibbli biss bi ħlas u jirrappreżentaw ċertu valur (bħal biljetti komplementari għal avvenimenti sportivi, kunċerti, teatru, konferenzi, eċċ.), jew kwalunkwe vantaġġ ieħor b’valur pekunarju bħall-ispejjeż tat-trasport.

Il-Parlament jiddefinixxi r-rigali fid-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni li hija applikabbli għall-MEPs bħala “kwalunkwe oġġett materjali distint li jikkonsisti minn parti waħda jew aktar mogħti lil xi Membru f’okkażjoni waħda minn donatur wieħed”.

Valur ta’ rigali aċċettabbli

Fil-Kummissjoni u l-Kunsill, il-membri tal-persunal jistgħu jaċċettaw rigali b’valur ta’ inqas minn EUR 50 u ma għandhomx għalfejn jiksbu l-permess minn qabel. Huma jistgħu jaċċettaw rigali b’valur ta’ bejn EUR 50 u EUR 150 jekk jingħataw il-permess minn qabel, u fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jaċċettaw rigali b’valur ta’ aktar minn EUR 150.

Madankollu, il-membri tal-persunal tal-Parlament jistgħu jaċċettaw rigali b’valur ta’ inqas minn EUR 100 mingħajr ma jfittxu l-permess minn qabel. Ir-rigali b’valur ta’ aktar minn EUR 100 jirrikjedu permess minn qabel.

Il-politiki dwar l-attivitajiet esterni għall-persunal

66

Suġġett għal awtorizzazzjoni, il-persunal tal-UE jista’ jwettaq attivitajiet fil-ħajja privata tiegħu barra mix-xogħol. F’xi każijiet, huma jistgħu jaċċettaw pagament għal dawn l-attivitajiet. Iżda l-ammont li jistgħu legalment jirċievu jvarja bejn l-istituzzjonijiet (ara l-Anness I — il-Parti B). Il-persunal tal-Parlament ma jista’ jaċċetta l-ebda pagament għajr ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba direttament jew indirettament fit-twettiq tal-attività esterna. Fil-Kunsill, il-membri tal-persunal ma jistgħux jirċievu aktar minn EUR 5 000 għall-attivitajiet esterni f’sena partikolari. Fil-Kummissjoni, hemm limitu massimu annwali għar-remunerazzjoni netta tal-persunal (EUR 10 000). Jekk dan il-limitu massimu jinqabeż l-attività esterna hija pprojbita.

Dikjarazzjonijiet tal-Membri dwar l-interessi u l-attivitajiet tal-membri tal-familja

67

Skont il-kodiċi ta’ kondotta tagħhom, l-MEPs huma mitluba jippreżentaw dikjarazzjoni dwar l-interessi finanzjarji u l-attivitajiet personali tagħhom. L-interessi finanzjarji tal-membri tal-familja tagħhom iridu jiġu inklużi fid-dikjarazzjonijiet f’każijiet biss fejn l-MEPs iqisu li dawn l-interessi jistgħu jinfluwenzaw it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, u li huma ma jistgħu jirriżolvu l-kunflitt ta’ interess fl-ebda mod ieħor. L-istess japplika għad-dikjarazzjonijiet dwar l-attività professjonali tal-membri tal-familja tal-MEPs.

68

Min-naħa l-oħra, il-Membri tal-Kummissjoni15 u l-President tal-Kunsill Ewropew huma obbligati jiddikjaraw l-interessi finanzjarji, u l-attività professjonali tal-konjuġi u tas-sieħeb/sieħba tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha disponibbli gwida li hija speċifika u prattika

69

Waqt li konna qed neżaminaw l-oqfsa etiċi, aħna ltqajna ma’ għadd ta’ każijiet fejn istituzzjoni partikolari kellha regoli jew gwida aktar żviluppati u aktar ċari dwar ċerti aspetti tar-rekwiżiti etiċi.

70

Il-Kummissjoni, bħala l-akbar istituzzjoni, tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet etiċi l-aktar varji. F’ħafna każijiet, hija żviluppat gwida aktar speċifika u aktar ċara, speċjalment għall-persunal. Xi wħud mid-DĠ żviluppaw kodiċijiet ta’ kondotta speċifiċi u proċeduri addizzjonali li għandhom l-għan li jindirizzaw aħjar is-sitwazzjonijiet u r-riskji li jirrikorru b’mod frekwenti fil-Kummissjoni.

71

Mid-DĠ li eżaminajna, id-DĠ COMP għandu l-gwida l-aktar dettaljata u proċeduri addizzjonali. B’mod partikolari, il-kodiċi ta’ kondotta ta’ dan id-DĠ jintroduċi l-kunċett ta’ “dikjarazzjonijiet speċifiċi għal każ” li japplika b’mod ġenerali, u ta’ “dikjarazzjonijiet speċifiċi għal spezzjoni” għal spezzjonijiet ta’ antitrust u ta’ fużjonijiet. Il-gwida etika tad-DĠ AGRI tinkludi wkoll gwida, eżempji u spjegazzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżiti etiċi, għalkemm aħna indikajna xi limitazzjonijiet fil-Kaxxa 2.

72

Minbarra l-gwida speċifika maħruġa mid-DĠ, il-Kummissjoni żviluppat spjegazzjonijiet estensivi u eżempji mill-ħajja reali li jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web intern tagħha. Dawn l-eżempji jkopru suġġetti bħall-attivitajiet esterni, l-impjieg tal-konjuġi, kif ukoll ir-rigali u l-ospitalità.

Kumitat tal-Etika għall-Membri fil-Kummissjoni

73

Kemm il-Parlament kif ukoll il-Kummissjoni stabbilew kumitati li jistgħu jipprovdu pariri lill-Presidenti taż-żewġ istituzzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta għall-Membri. Fil-Parlament, dan il-kumitat jissejjaħ il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri tal-Parlament. Fil-Kummissjoni, huwa jissejjaħ il-Kumitat Indipendenti tal-Etika.

74

Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri tal-Parlament huwa magħmul minn ħames MEPs li ntgħażlu b’mod konġunt mill-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Kostituzzjonali u mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Legali. Il-Kumitat Indipendenti tal-Etika tal-Kummissjoni huwa magħmul minn tliet persuni magħżula għall-kompetenza, l-esperjenza, l-indipendenza u l-kwalitajiet professjonali tagħhom. Il-kompożizzjoni ta’ dawn il-kumitati jista’ jkollha impatt fuq l-oġġettività u l-indipendenza perċepiti.

Politiki speċifiċi kontra l-fastidju għal każijiet li jinvolvu l-Membri tal-Parlament

75

Il-Parlament adotta politika separata għal każijiet li jinvolvu lmenti relatati ma’ fastidju kontra l-MEPs. Din il-politika tipprovdi proċedura ċara u salvagwardji għal kull ilmentatur potenzjali f’każijiet sensittivi bħal dawn16.

Formulazzjoni ċara tal-politiki kontra l-fastidju għall-persunal

76

Kif deskritt fl-Anness I — il-Parti E, l-istituzzjonijiet awditjati kollha kellhom stabbiliti politiki tajbin kontra l-fastidju. Fil-Kaxxa 5 aħna niġbdu l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-politiki kontra l-fastidju li kienu partikolarment ċari u kellhom ambitu wiesa’.

Kaxxa 5

Eżempji ta’ formulazzjoni ċara fil-politiki kontra l-fastidju

Il-politika kontra l-fastidju fi ħdan il-Parlament tipprovdi eżempji illustrattivi prattiċi ta’ fastidju.

Il-politika kontra l-fastidju fi ħdan il-Kunsill issemmi mezzi moderni ta’ fastidju, bħall-internet u l-email.

Il-politika kontra l-fastidju fi ħdan il-Kummissjoni tiddikjara b’mod espliċitu li t-talbiet għal assistenza jiġu ttrattati mill-aktar fis possibbli.

Il-politika tal-Kummissjoni tinkludi referenza ċara għar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ sanzjonijiet possibbli.

Ir-riżultati tal-istħarriġ jippreżentaw stampa mħallta fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-persunal dwar kwistjonijiet etiċi

77

Kif issemma fil-paragrafu 13, l-organizzazzjonijiet li jistinkaw biex iżommu standards etiċi għoljin ma jistgħux joqgħodu biss fuq ir-regoli u l-mekkaniżmi ta’ infurzar. Minflok, huma jridu jappoġġaw l-ambizzjonijiet tagħhom billi jiżviluppaw kultura xierqa ta’ integrità. Din il-kultura tista’ tiżviluppa biss jekk il-persuni li jaħdmu fi ħdan l-organizzazzjoni jingħataw il-ħiliet u l-għarfien etiċi meħtieġa, u jekk huma jaraw l-impenn tal-organizzazzjoni favur l-etika. L-organizzazzjonijiet jistgħu jilħqu l-ewwel objettiv permezz ta’ taħriġ u gwida xierqa, filwaqt li t-tieni wieħed jista’ jintlaħaq permezz ta’ tmexxija tajba u applikazzjoni trasparenti u konsistenti tal-qafas etiku fil-prattika. Kif spjegat fil-paragrafu 16, l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE kienu l-fokus prinċipali ta’ dan l-awditu. Il-modi kif il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni implimentaw l-oqfsa etiċi tagħhom, ma jaqgħux fi ħdan l-ambitu tax-xogħol tagħna. Madankollu, aħna wettaqna stħarriġ fuq kampjun rappreżentattiv tal-persunal fit-tliet istituzzjonijiet biex nivvalutaw is-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tagħhom dwar l-oqfsa etiċi (ara l-paragrafu 23 u l-Anness II). Filwaqt li r-riżultati tal-istħarriġ mhumiex evidenza diretta għall-awditjar, huma jagħtu indikazzjoni ta’ kif il-membri tal-persunal jaraw l-attitudnijiet u l-kompetenzi proprji tagħhom u tal-kollegi, kif ukoll tal-mod kif il-qafas etiku tal-istituzzjoni tagħhom jaħdem fil-prattika. Aħna nanalizzaw dawn ir-riżultati fil-paragrafi li ġejjin.

78

L-istampa ssuġġerita mir-riżultati tal-istħarriġ hija waħda mħallta. Aħna sibna li kważi l-membri kollha tal-persunal li kkuntattjajna jqisu li huma jafu jirrikonoxxu mġiba mhux etika jekk jarawha (ara l-Figura 2), li juri li huma vvalutaw l-“istint etiku” proprju tagħhom bħala għoli. Madankollu, 23.4 % biss tal-persunal jemmnu li l-kollegi tagħhom mhumiex se joqogħdu lura milli jirrappurtaw imġiba mhux etika lis-superjuri ġerarkiċi tagħhom (ara r-risposti għall-mistoqsijiet 11.1 u 11.3 tal-istħarriġ, l-Anness II).

Figura 2

Il-biċċa l-kbira mill-persunal jafu jirrikonoxxu mġiba mhux etika

Sors: Il-QEA, ir-riżultati estrapolati mill-istħarriġ tal-persunal ta' tliet istituzzjonijiet tal-UE: it-tweġibiet għall-mistoqsija 11.1 (ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ).

79

Madwar nofs il-membri tal-persunal jiddikjaraw li għandhom tal-inqas għarfien tajjeb dwar il-qafas etiku tal-istituzzjoni tagħhom (ara l-Figura 3). Dan jindika nuqqas potenzjali fil-komunikazzjoni: l-istandards, ir-regoli, il-proċeduri u l-prattiki li jikkostitwixxu l-qafas etiku tal-istituzzjoni jeħtieġ li jiġu trażmessi b’mod konxju. F’dan il-kuntest, huwa interessanti li jiġu osservati d-differenzi bejn it-tipi differenti ta’ karigi (fejn il-maniġers jiddikjaraw li huma l-aktar infurmati, segwiti mill-amministraturi) u l-istituzzjonijiet (il-persunal tal-Kummissjoni huwa aktar kunfidenti mill-persunal li jaħdem fil-Kunsill u fil-Parlament).

Figura 3

Madwar nofs il-membri tal-persunal jivvalutaw l-għarfien tagħhom dwar il-qafas etiku bħala tajjeb jew tajjeb ħafna

Sors: Il-QEA, ir-riżultati estrapolati mill-istħarriġ tal-persunal ta' tliet istituzzjonijiet tal-UE: it-tweġibiet għall-mistoqsija 1 (ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ).

80

L-istħarriġ jikkjarifika r-raġunijiet possibbli għal-livell pjuttost baxx ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-qafas etiku. L-ewwel nett, inqas minn nofs il-membri tal-persunal jiddikjaraw li kellhom xi tip ta’ taħriġ dwar l-etika fil-kuntest tax-xogħol tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE (ara l-Figura 4). Il-proporzjon tal-persunal li jirċievi taħriġ dwar l-etika b’mod regolari huwa biss ta’ madwar 3 %.

Figura 4

Inqas minn nofs il-membri tal-persunal irċevew taħriġ dwar l-etika

Sors: Il-QEA, ir-riżultati estrapolati mill-istħarriġ tal-persunal ta' tliet istituzzjonijiet tal-UE: it-tweġibiet għall-mistoqsija 4 (ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ).

81

It-tieni nett, madwar 70 % tal-persunal jgħidu li l-gwida dwar l-etika li l-istituzzjonijiet tagħhom jipprovdu la hija speċifika u lanqas hija bbażata fuq eżempji mill-ħajja reali (ara l-Figura 5). Huwa interessanti li jiġi osservat li d-differenzi bejn it-tliet istituzzjonijiet (bir-rata ta’ tweġibiet negattivi tvarja minn 68.4 % għall-Kummissjoni għal 76.1 % għall-Parlament) huma ferm inqas sinifikanti mid-differenzi bejn it-tipi ta’ karigi (bir-rata ta’ tweġibiet negattivi tvarja minn 41.4 % għall-maniġers għal madwar 70 % għall-persunal mhux maniġerjali). Dan jissuġġerixxi li jista’ jkun li l-problema ma tirrigwardax unikament, jew saħansitra prinċipalment, il-kwalità tal-gwida nfisha, iżda wkoll id-disseminazzjoni tagħha.

Figura 5

Inqas minn terz tal-membri tal-persunal iddikjaraw li l-gwida dwar l-etika li rċevew mill-istituzzjoni tagħhom kienet speċifika u bbażata fuq eżempji mill-ħajja reali

Sors: Il-QEA, ir-riżultati estrapolati mill-istħarriġ tal-persunal ta' tliet istituzzjonijiet tal-UE: it-tweġibiet għall-mistoqsija 9 (ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ).

82

L-analiżi tagħna tar-riżultati tal-istħarriġ turi dipendenza statistikament sinifikanti bejn l-ammont u l-kwalità tat-taħriġ, il-gwida riċevuta, u l-awtovalutazzjoni tal-membri tal-persunal tal-livell tagħhom ta’ għarfien dwar l-etika (ara l-Figura 6). Il-membri tal-persunal li jirċievu aktar taħriġ, jew gwida dwar l-etika aktar speċifika u bbażata fuq il-ħajja reali, għandhom probabbiltà akbar li jħossuhom kunfidenti dwar il-kompetenzi etiċi tagħhom. Madankollu, kif issemma fil-paragrafi 8081, minoranza biss tal-membri tal-persunal iddikjaraw li rċevew taħriġ jew gwida ta’ kwalità tajba dwar l-etika.

Figura 6

Il-membri tal-persunal li jibbenefikaw minn taħriġ u gwida huma aktar kunfidenti dwar il-kompetenza etika tagħhom

(a) Taħriġ dwar l-etika vs. awtovalutazzjoni tal-għarfien dwar l-etika

(b) Gwida speċifika dwar l-etika vs. awtovalutazzjoni tal-għarfien dwar l-etika

Sors: Il-QEA, ir-riżultati estrapolati mill-istħarriġ tal-persunal ta' tliet istituzzjonijiet tal-UE: il-korrelazzjoni bejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet 4 u 9, u l-mistoqsija 1 (ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ).

83

Filwaqt li 59 % tal-persunal iqisu li l-livell tal-kultura etika tal-istituzzjoni tagħhom huwa għoli, u 51 % tal-persunal iqisu li l-istituzzjonijiet tagħhom jikkonformaw mal-politiki tagħhom dwar l-etika u l-integrità17, madwar 59 % tal-persunal jgħidu li ma jafux jekk l-istituzzjoni tagħhom tittrattax b’mod xieraq it-tħassib dwar l-etika li jiġi rrappurtat. Dawk li huma kunfidenti (24 % tal-persunal) dwar il-mod kif l-istituzzjonijiet tagħhom jittrattaw il-kwistjonijiet etiċi huma aktar minn dawk li mhumiex (17 % tal-persunal) (ara l-Figura 7).

Figura 7

Il-maġġoranza tal-persunal ma jafux jekk l-istituzzjoni tagħhom tittrattax b'mod xieraq il-kwistjonijiet etiċi

Sors: Il-QEA, ir-riżultati estrapolati mill-istħarriġ tal-persunal ta' tliet istituzzjonijiet tal-UE: it-tweġibiet għall-mistoqsija 11.12 (ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ).

84

Aħna sibna li l-persunal joqgħod lura milli jirrapporta kwistjonijiet etiċi. Filwaqt li madwar in-nofs iħossuhom kunfidenti jirrappurtaw huma stess l-imġiba mhux etika, madwar terz biss iqisu li dawk li jirrappurtaw dawn il-kwistjonijiet huma protetti (ara l-Figura 8). Fiż-żewġ każijiet, grupp wieħed ta’ membri tal-persunal – l-APAs – ipprovda tweġibiet ferm aktar negattivi. Jista’ jkun hemm rabta bejn il-livell aktar baxx ta’ sigurtà perċepita fir-rappurtar ta’ problemi etiċi u n-natura temporanja tal-kuntratti ta’ impjieg tagħhom, flimkien mad-dipendenza tagħhom, f’termini tal-prospetti tal-karriera, fuq l-MEP rispettiv tagħhom. Dan jirrinforza wkoll l-osservazzjonijiet li saru fil-paragrafi 54 sa 56.

Figura 8

Is-sigurtà perċepita fir-rappurtar ta’ kwistjonijiet etiċi hija baxxa:

(a) Madwar nofs il-persunal iħossuhom sikuri jirrappurtaw kwistjonijiet etiċi

(b) Madwar terz biss tal-persunal jemmnu li dawk li jirrappurtaw kwistjonijiet etiċi huma protetti

Sors: Il-QEA, ir-riżultati estrapolati mill-istħarriġ tal-persunal ta' tliet istituzzjonijiet tal-UE: it-tweġibiet għall-mistoqsijiet 11.2 u 11.5 (ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ).

85

Ir-riluttanza fir-rappurtar ta’ kwistjonijiet etiċi tista’ tirriżulta wkoll min-nuqqas ta’ għarfien dwar il-proċeduri u s-salvagwardji rilevanti. Madwar 55 % tal-membri tal-persunal jiddikjaraw li semgħu dwar modi ta’ kif l-imġiba mhux etika tista’ tiġi rrappurtata, iżda li ftit għandhom għarfien rigward dawn il-modi. Filwaqt li 14 % jgħidu li ma semgħux dwar modi ta’ kif l-imġiba mhux etika tista’ tiġi rrappurtata (ara l-Figura 9).

Figura 9

Kważi 70 % tal-membri tal-persunal għandhom ftit jew l-ebda għarfien dwar il-modi kif tista’ tiġi rrappurtata l-imġiba mhux etika

Sors: Il-QEA, ir-riżultati estrapolati mill-istħarriġ tal-persunal ta' tliet istituzzjonijiet tal-UE: it-tweġibiet għall-mistoqsija 3 (ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ).

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

86

Kull imġiba mhux etika min-naħa tal-persunal u l-Membri tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE tattira livelli għoljin ta’ interess pubbliku u tnaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE. Kull dgħufija f’dan ir-rigward tista’ tirriżulta f’danni għar-reputazzjoni u għall-immaġni tal-UE u tal-istituzzjonijiet tagħha. L-imġiba mhux etika hija marbuta wkoll mar-riskju ta’ korruzzjoni u frodi (ara l-paragrafi 0607).

87

Aħna kkonkludejna li l-istituzzjonijiet awditjati kienu stabbilew oqfsa etiċi għall-persunal u l-Membri li, fil-biċċa l-kbira, kienu adegwati, għalkemm hemm lok għal titjib, li jikkonsistu minn rekwiżiti legali u proċeduri biex dawn ir-rekwiżiti jiġu infurzati (inklużi mekkaniżmi ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni). Aħna sibna li ma hemmx qafas etiku komuni tal-UE li jirregola x-xogħol tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill (ara l-paragrafi 24 sa 31).

88

Aħna identifikajna għadd ta’ dgħufijiet (li mhux kollha huma applikabbli għal kull waħda mill-istituzzjonijiet awditjati) fir-rigward tal-istrateġiji dwar l-etika (ara l-paragrafi 33 sa 38), il-proċeduri ta’ verifikazzjoni, il-kriterji ta’ valutazzjoni u l-gwida dwar il-kriterji għall-persunal (ara l-paragrafi 39 sa 45), l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-Membri (ara l-paragrafi 46 sa 50), il-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment (ara l-paragrafi 5159), ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta għall-APAs (ara l-paragrafi 54 sa 56), kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ wara t-tmiem tal-impjieg għall-MEPs (ara l-paragrafi 57 sa 63).

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib fl-oqfsa etiċi

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet awditjati jindirizzaw id-dgħufijiet ta’ hawn fuq fl-oqfsa etiċi tagħhom billi:

  1. jiżviluppaw strateġiji ġenerali dwar l-etika (il-Parlament u l-Kunsill),
  2. jifformalizzaw il-proċeduri għall-verifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet u l-iżvilupp ta’ gwida aktar ċara dwar il-kriterji ta’ valutazzjoni għall-persunal (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni),
  3. itejbu l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-Membri billi jistabbilixxu proċeduri standard bil-miktub għall-verifikazzjoni tal-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni (il-Parlament u l-Kummissjoni),
  4. iżidu ċ-ċarezza u l-kopertura tal-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment (il-Parlament (għall-persunal), il-Kunsill (għall-persunal u għall-President tal-Kunsill Ewropew) u l-Kummissjoni (għall-Membri)),
  5. jadattaw ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta għall-APAs biex jirriflettu aħjar in-natura speċifika u dipendenti tal-karigi tagħhom (il-Parlament), u
  6. isaħħu d-dispożizzjonijiet ta’ wara t-tmiem tal-mandat għall-MEPs (il-Parlament).

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2020

89

L-istituzzjonijiet awditjati għandhom oqfsa etiċi differenti minħabba li r-riskji inerenti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom f’ħafna oqsma huma differenti. Madankollu, hemm oqsma fejn hemm raġunijiet tajbin għalfejn għandu jkun hemm approċċi armonizzati għat-trattament ta’ kwistjonijiet etiċi bejn l-istituzzjonijiet. Dawn l-oqsma jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw il-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment, il-politiki dwar l-attivitajiet esterni għall-persunal u d-dikjarazzjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet professjonali tal-konjuġi u s-sieħeb/sieħba tal-Membri (ara l-paragrafi 64 sa 68). Aħna identifikajna wkoll eżempji ta’ prattiki tajba (ara l-paragrafi 69 sa 76).

Rakkomandazzjoni 2 – Ħidma flimkien biex jiġu armonizzati l-elementi tal-qafas etiku u jsiru sforzi ulterjuri biex tiġi kondiviża prattika tajba dwar kwistjonijiet etiċi

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet awditjati jaħdmu flimkien biex jarmonizzaw l-oqfsa etiċi tagħhom billi jiffukaw fuq:

  1. id-definizzjonijiet tagħhom ta’ x’jikkostitwixxi rigal, u l-valur massimu li huwa aċċettabbli għal dawn ir-rigali,
  2. il-limiti massimi tagħhom għar-remunerazzjoni tal-persunal li hija permessa għall-attivitajiet esterni, u
  3. l-informazzjoni li trid tiġi ddikjarata mill-Membri fir-rigward tal-interessi tal-membri tal-familja tagħhom, u tal-attivitajiet professjonali tal-konjuġi u tas-sieħeb/sieħba tagħhom.

L-istituzzjonijiet awditjati huma mħeġġa, notevolment permezz ta’ forums interistituzzjonali, biex jagħmlu sforzi ulterjuri sabiex jikkondividu prattiki tajbin.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2020

90

Qafas etiku jista’ biss jiffunzjona tajjeb jekk il-persuni li jkunu jaħdmu għall-organizzazzjoni jkollhom il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa biex japplikawh, u jekk huma jkunu jemmnu fl-impenn tal-organizzazzjoni favur l-etika. Ir-riżultati tal-istħarriġ jippreżentaw stampa mħallta fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-membri tal-persunal dwar kwistjonijiet etiċi (ara l-paragrafi 77 sa 85). Madankollu, ir-riżultati jvarjaw bejn l-istituzzjonijiet u l-kategoriji tal-persunal. Aħna osservajna wkoll dan li ġej:

  1. il-biċċa l-kbira mill-persunal jafu jirrikonoxxu mġiba mhux etika,
  2. madwar nofs il-membri tal-persunal jivvalutaw l-għarfien tagħhom dwar il-qafas etiku bħala “tajjeb” jew “tajjeb ħafna”,
  3. inqas minn nofs il-membri tal-persunal iddikjaraw li kienu rċevew taħriġ dwar l-etika,
  4. inqas minn terz tal-membri tal-persunal iddikjaraw li l-gwida dwar l-etika li rċevew mill-istituzzjoni tagħhom kienet speċifika u bbażata fuq eżempji mill-ħajja reali,
  5. il-membri tal-persunal li rċevew taħriġ u gwida speċifika dwar l-etika bbażata fuq eżempji mill-ħajja reali huma ferm aktar kunfidenti dwar il-kompetenzi etiċi tagħhom,
  6. il-maġġoranza tal-persunal ma jafux jekk l-istituzzjoni tagħhom tittrattax il-kwistjonijiet etiċi b’mod xieraq,
  7. is-sigurtà perċepita fir-rappurtar ta’ kwistjonijiet etiċi hija baxxa. Filwaqt li madwar nofs il-membri tal-persunal iħossuhom sikuri jirrappurtaw kwistjonijiet etiċi, madwar terz biss iqisu li dawk li jirrappurtaw dawn il-kwistjonijiet huma protetti, u
  8. kważi 70 % tal-membri tal-persunal għandhom ftit jew l-ebda għarfien dwar il-modi kif tista’ tiġi rrappurtata l-imġiba mhux etika.
Rakkomandazzjoni 3 – Titjib fis-sensibilizzazzjoni u fil-perċezzjoni tal-persunal dwar il-qafas etiku u l-kultura etika

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet awditjati jtejbu s-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-persunal tagħhom dwar il-qafas etiku u l-kultura etika. Ir-riżultati tal-istħarriġ jissuġġerixxu li dan jista’ jsir billi jiġi żgurat li t-taħriġ dwar l-etika jkun jinkludi gwida prattika bbażata fuq eżempji mill-ħajja reali, u billi jsir titjib fil-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet etiċi mal-persunal. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari dwar jekk il-membri tal-persunal humiex infurmati dwar kif għandhom jirrappurtaw kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ mġiba mhux etika, u biex iżidu s-sens ta’ sigurtà tagħhom.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2020

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-4 ta’ Lulju 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Annessi

Anness I — Karatteristiċi prinċipali tal-oqfsa etiċi eżistenti

Parti A – Rigali u divertiment18
PERSUNAL
Ir-Regolamenti tal-Persunal19 jiddikjaraw li uffiċjal ma jistax jaċċetta favur, rigal jew ħlas minn sorsi barra mill-istituzzjoni mingħajr il-permess tal-istituzzjoni. Rigali fil-forma ta’ flus ma għandhomx jiġu aċċettati fi kwalunkwe ċirkustanza.
L-istituzzjonijiet awditjati stabbilew sollijiet bl-għan li jiddefinixxu r-rigali aċċettabbli, u jistabbilixxu f’liema każijiet il-permess jista’ jiġi preżunt.
Il-Kunsill Il-Parlament Il-Kummissjoni
Rigali aċċettabbli li għalihom il-permess jista’ jiġi preżunt Inqas minn EUR 50 Inqas minn EUR 100 Inqas minn EUR 50
Rigali aċċettabbli li għalihom ikun meħtieġ permess minn qabel Bejn EUR 50 u EUR 150 Aktar minn EUR 100 Bejn EUR 50 u EUR 150
Rigali mhux aċċettabbli (li jridu jiġu rifjutati) Aktar minn EUR 150 Mhux Applikabbli Aktar minn EUR 150
Il-permess huwa preżunt ukoll għal affarijiet bħal favuri u/jew stediniet għal ikliet u riċevimenti li fihom il-membri tal-persunal jipparteċipaw fl-interess tas-servizz bil-permess minn qabel tas-superjur ġerarkiku dirett jew ta’ awtorità kompetenti oħra. Fil-Kunsill u l-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda l-ivvjaġġar uffiċjali, l-ordni tal-ivvjaġġar approvata jew id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż jitqiesu bħala li jikkostitwixxu permess biex tiġi aċċettata kwalunkwe offerta ta’ ospitalità msemmija fl-iskeda tal-ivvjaġġar.
Meta l-membri tal-persunal ma jkunux jistgħu jirrifjutaw rigal, huma jistgħu jagħtuh bħala donazzjoni (fil-każ tal-Kummissjoni, huma jistgħu jibagħtuh lill-istituzzjoni tagħhom biex tagħtih bħala donazzjoni) lil organizzazzjoni tal-karità. L-istituzzjonijiet iżommu reġistru li jinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-rigali u d-divertiment li għalihom huwa meħtieġ il-permess, u dwar ir-rigali li jintbagħtu lill-istituzzjoni biex jingħataw bħala donazzjoni.

MEMBRI

Il-kodiċijiet ta’ kondotta għall-Membri tal-istituzzjonijiet awditjati jirregolaw ir-rigali u l-arranġamenti ta’ ospitalità. Il-Kummissarji u l-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) jistgħu jaċċettaw rigali jekk dawn ma jkunux jaqbżu s-soll ta’ EUR 150. Fil-każ tal-President tal-Kunsill Ewropew, kwalunkwe rigal b’valur ta’ aktar minn EUR 150 isir proprjetà tal-istituzzjoni.

Il-Membri jistgħu jużaw dawn ir-rigali matul il-mandat tagħhom. Ir-rigali jistgħu jingħataw bħala donazzjoni lil xi organizzazzjoni tal-karità, jew jinħażnu u jiġu esebiti fl-istituzzjonijiet. Dawn iżommu reġistru pubbliku komprensiv (fil-livell tal-Amministrazzjoni u/jew tal-Presidenza) dwar ir-rigali riċevuti li l-valur tagħhom ikun jaqbeż is-soll.

Parti B – Attivitajiet u inkarigi esterni20

PERSUNAL

Ir-Regolamenti tal-Persunal jiddikjaraw li l-membri tal-persunal iridu jitolbu l-permess mill-istituzzjoni qabel ma jinvolvu ruħhom f’xi attività esterna, bi ħlas jew mingħajr, jew inkella qabel ma jwettqu xi inkarigu barra mit-territorju tal-Unjoni. Fil-Parlament u fil-Kunsill, dan il-permess irid jingħata għal massimu ta’ sena, u jista’ jiġġedded. Il-membri tal-persunal iridu japplikaw għal dan il-permess permezz tas-superjuri ġerarkiċi diretti tagħhom.

L-istituzzjonijiet awditjati għandhom dispożizzjonijiet li jistipulaw il-każijiet fejn ġeneralment irid jingħata jew jiġi rifjutat il-permess. Dispożizzjonijiet speċifiċi japplikaw għall-uffiċjali li jkunu fuq leave għal raġunijiet personali, jaħdmu part-time, u jkunu eletti jew maħtura f’kariga pubblika.

Attivitajiet jew inkarigi li għandhom jiġu awtorizzati

Il-permess ġeneralment jingħata għal attivitajiet u inkarigi li:

  • ma joħolqux kunflitt ta’ interess reali jew potenzjali (inklużi l-imparzjalità u l-oġġettività) mad-dmirijiet tal-membru tal-persunal,
  • ma jkunux ta’ detriment għall-interessi u r-reputazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-attivitajiet tal-UE, jew inkumpatibbli magħhom,
  • ma jxekklux il-kapaċitajiet tal-membru tal-persunal li jaħdem għall-istituzzjoni, u
  • ma jiġġeneraw l-ebda dħul.

Attivitajiet jew inkarigi li għandhom jiġu rifjutati

Il-permess ġeneralment jiġi rifjutat għal attivitajiet u inkarigi li:

  • jikkostitwixxu professjonijiet regolati u jkunu bi ħlas (bħal perit, avukat, kontabilist, interpretu/traduttur, tabib, eċċ.)21,
  • jitwettqu abbażi ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ parti terza bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet edukattivi22, u
  • jinvolvu konsulenza, difiża jew lobbying fil-konfront tal-UE jew jirrigwardaw attivitajiet tal-UE.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jistabbilixxu ċertu soll fis-sena. Il-persunal tal-Parlament ma jista’ jaċċetta l-ebda pagament għajr ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba (direttament jew indirettament) bit-twettiq tal-attività inkwistjoni.

MEMBRI

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-kodiċi ta’ kondotta għall-President tal-Kunsill Ewropew u l-Membri tal-Kummissjoni jistabbilixxu projbizzjoni ġenerali fuq l-involviment fi kwalunkwe attività professjonali jew inkarigu, bi ħlas jew mingħajr, matul il-mandati tagħhom. Ir-Regoli ta’ Proċedura (RP) tal-Parlament ma jinkludu l-ebda projbizzjoni bħal din, iżda jiddikjaraw li l-MEPs iridu jirrispettaw l-istandards ġenerali ta’ mġiba meta jkunu qed jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom.

Ċerti attivitajiet u inkarigi huma permessi, bil-kundizzjoni li jkunu kumpatibbli mal-interessi tal-UE u ma jkunux jikkompromettu d-disponibbiltà tal-Membri kkonċernati (eż. korsijiet, seminars, lezzjonijiet, attivitajiet oħra ta’ komunikazzjoni; karigi onorarji f’fondazzjonijiet kulturali, artistiċi u karitattivi; immaniġġjar ta’ assi, holdings jew fortuna personali jew familjari f’kapaċità privata). Għal dawn l-attivitajiet, ma hemm l-ebda proċedura ta’ approvazzjoni, iżda hemm biss rekwiżit li dawn l-attivitajiet iridu jiġu ddivulgati fid-dikjarazzjoni tagħhom dwar l-interessi finanzjarji.

Madankollu, il-Membri tal-Kummissjoni jridu jinfurmaw lill-President dwar ċerti attivitajiet li huma permessi (bħall-karigi onorarji, il-pubblikazzjoni ta’ kotba u l-għoti ta’ korsijiet mingħajr ħlas).

Parti C – Kunflitti ta’ interess matul ir-reklutaġġ, ad hoc u fir-rigward tal-attivitajiet professjonali tal-konjuġi

PERSUNAL

Qabel ma jiġu reklutati, il-kandidati potenzjali jeħtieġ li jinfurmaw lill-istituzzjoni dwar kull kunflitt ta’ interess potenzjali jew reali li jista’ jkollhom. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, l-Awtorità tal-Ħatra trid teżamina jekk il-kandidat għandux xi interess personali li jista’ jxekkel l-indipendenza tiegħu, jew xi kunflitt ta’ interess ieħor.

Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, jeħtieġ li l-membri tal-persunal ma jittrattawx kwistjonijiet li fihom ikollhom interess personali dirett jew indirett u li jistgħu jxekklu l-indipendenza tagħhom. Dan japplika b’mod partikolari għal interessi familjari u finanzjarji. Jekk titfaċċa sitwazzjoni bħal din, il-membri tal-persunal iridu jinfurmaw lis-superjuri ġerarkiċi diretti tagħhom, li min-naħa tagħhom se jieħdu azzjoni xierqa.

Il-membri tal-persunal iridu jinfurmaw ukoll lill-istituzzjoni dwar l-impjieg attwali tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba tagħhom, biex din tkun tista’ tivvaluta l-kompatibbiltà tal-impjieg tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba ma’ dak tal-persunal.

MEMBRI

Il-kodiċi ta’ kondotta għall-Membri tal-istituzzjonijiet jirrikjedi li l-Membri jagħmlu dikjarazzjoni tal-interessi tagħhom, inklużi dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba tagħhom u l-attività professjonali li jkunu qed iwettqu.

Il-Membri jridu jieħdu l-passi meħtieġa biex jindirizzaw il-kunflitt ta’ interess, u jridu jinfurmaw lill-President tal-istituzzjoni tagħhom dwar kull tali sitwazzjoni li titfaċċa.

Parti D – Wara t-tmiem tal-impjieg u tal-mandat f’istituzzjoni tal-UE
PERSUNAL
L-ex membri tal-persunal huma suġġetti għal ċerti obbligi, li xi wħud minnhom japplikaw għall-uffiċjali attivi. Dawn l-obbligi huma stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal; huma jinkludu dispożizzjonijiet dwar: il-kunflitti ta’ interess, id-divulgazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni, l-involviment f’attivitajiet okkupazzjonali, l-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet u benefiċċji, l-invenzjonijiet, u l-ksib ta’ benefiċċji soċjali u allowances.
Kunflitt ta’ interess
Meta l-uffiċjali jsibu lilhom infushom f’kunflitt ta’ interess, huma jridu jinfurmaw lill-istituzzjoni tagħhom minnufih (ara l-Parti C ta’ dan l-Anness). Dan japplika wkoll għall-persunal li jkun għadu fil-kariga iżda li jkun qed jinnegozja b’mod antiċipat attivitajiet għal wara t-tmiem tal-impjieg.
Divulgazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni
L-uffiċjali ma jistgħu jiddivulgaw l-ebda informazzjoni riċevuta waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà saret disponibbli għall-pubbliku. Dan japplika wkoll għall-persunal li jitlaq mill-impjieg tiegħu f’istituzzjoni tal-UE.
Involviment f’attivitajiet okkupazzjonali
L-ex uffiċjali li jkun biħsiebhom jinvolvu ruħhom f’attività okkupazzjonali (sew jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr) fi żmien sentejn minn meta jitilqu mis-servizz, iridu jinfurmaw lill-istituzzjoni tagħhom. Jekk l-attività prevista tkun relatata max-xogħol imwettaq mill-uffiċjal matul l-aħħar tliet snin tas-servizz u tista’ twassal għal kunflitt mal-interessi leġittimi tal-istituzzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ jew tipprojbixxi lill-uffiċjal milli jwettaq din l-attività, jew inkella tista’ tagħti l-approvazzjoni tagħha, suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet.
L-ex uffiċjali ta’ livell għoli huma suġġetti għal regoli speċifiċi addizzjonali fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ lobbying fil-konfront tal-persunal ta’ dik li kienet l-istituzzjoni tagħhom, jew attivitajiet ta’ difiża f’isem negozji, klijenti jew impjegaturi li għalihom kienu responsabbli matul l-aħħar tliet snin fis-servizz.
Aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet u benefiċċji
Wara li jitilqu mis-servizz, l-uffiċjali jibqgħu marbuta bid-dmir li jġibu ruħhom b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji (eż. onorifiċenzi, dekorazzjonijiet, favuri, rigali jew ħlasijiet).
Invenzjonijiet
Kull invenzjoni relatata max-xogħol tal-UE magħmul mill-uffiċjali matul is-sena ta’ wara l-iskadenza tal-mandat tagħhom, jeħtieġ li titqies li tkun saret matul jew f’konnessjoni mat-twettiq tax-xogħol tagħhom.
Ksib ta’ benefiċċji soċjali u allowances
Il-membri tal-persunal li jirċievu allowance tal-invalidità ma jistgħux jinvolvu ruħhom f’impjieg bi ħlas mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-istituzzjoni tagħhom. Jekk jagħmlu dan, l-allowance tal-pensjoni tagħhom tista’ titnaqqas. L-istess japplika għall-allowances relatati ma’ “stat mhux attiv”, “leave fl-interessi tas-servizz” u “irtirar fl-interessi tas-servizz”. L-ex uffiċjali li jwettqu attivitajiet bi ħlas mhumiex koperti mill-iskema tas-sigurtà soċjali tal-UE.
MEMBRI
L-ex Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE huma suġġetti għal ċerti obbligi, li xi wħud minnhom japplikaw għalihom matul il-mandat tagħhom (eż. id-divulgazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni). Il-biċċa l-kbira minn dawn l-obbligi ġejjin mit-TFUE u mill-kodiċijiet ta’ kondotta għall-Membri tal-istituzzjonijiet.
Hemm dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw l-involviment f’attivitajiet okkupazzjonali, kif ukoll dwar il-ksib ta’ benefiċċji soċjali u allowances.
Ir-rekwiżiti ġenerali fir-rigward tal-kunflitt ta’ interess (ara l-Parti C ta’ dan l-Anness) japplikaw ukoll għas-sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet antiċipati għal wara t-tmiem tal-impjieg.
Attivitajiet okkupazzjonali
Il-Parlament
L-ex MEPs li jkunu involuti f’attivitajiet ta’ lobbying u ta’ difiża marbutin mal-UE ma jistgħux jibbenefikaw mill-faċilitajiet mogħtija lill-ex MEPs (eż. il-kard ta’ aċċess għal ħajjithom kollha).
Il-Kunsill
L-ex Presidenti tal-Kunsill Ewropew, wara li jieqfu mill-kariga, jibqgħu marbutin bid-dmir li jġibu ruħhom b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji. Matul it-18-il xahar wara t-tmiem tal-mandat tagħhom, huma ma jistgħux jiżvolġu attivitajiet ta’ lobbying fil-konfront ta’ Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE jew ta’ persunal tagħhom, jew attivitajiet ta’ difiża f’isem negozju, klijent jew impjegatur.
L-ex Presidenti li jkunu biħsiebhom jinvolvu ruħhom f’okkupazzjoni matul it-18-il xahar wara li jieqfu mill-kariga, iridu jinfurmaw lis-Segretarju Ġenerali fi żmien xieraq, sa fejn ikun possibbli b’notifika ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. Is-Segretarju Ġenerali jeżamina n-natura tal-okkupazzjoni prevista u, jekk iqis li din tkun xierqa, jinforma lill-Kunsill. Dan ma japplikax għal każijiet fejn l-ex President ikun iwettaq rwol f’kariga pubblika.
Il-Kummissjoni
Wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom, l-ex Membri jibqgħu marbutin bid-dmir tagħhom li jġibu ruħhom b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji, u bid-dmirijiet ta’ kolleġġjalità u diskrezzjoni.
Huma jridu jinfurmaw lill-istituzzjoni tagħhom minn qabel dwar kull attività professjonali li jkunu biħsiebhom iwettqu wara li jiskadi l-mandat tagħhom (matul perjodu ta’ sentejn għall-Kummissarji, u ta’ tliet snin għall-President). Jekk l-okkupazzjoni prevista tkun relatata mal-kontenut tal-portafoll tal-ex Membru, il-Kulleġġ jista’ jiddeċiedi biss wara li jkun ikkonsulta lill-Kumitat Indipendenti tal-Etika, ħlief meta l-ex Kummissarji jinvolvu ruħhom f’kariga pubblika. Matul is-sentejn (tliet snin għall-ex Presidenti) wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom, huma ma jistgħux jiżvolġu attivitajiet ta’ lobbying fil-konfront tal-Membri tal-Kummissjoni u l-persunal tagħhom f’isem xi negozju, klijent jew impjegatur dwar kwistjonijiet li kienu responsabbli għalihom fi ħdan il-portafoll tagħhom bħala Kummissarji matul il-mandat tagħhom.
Ksib ta’ benefiċċji soċjali u allowances
Il-Parlament
L-ex MEPs huma intitolati għal allowance tranżitorja wara li jkunu temmew il-kariga tagħhom. Din l-allowance ma titnaqqasx jekk huma jassumu kariga pubblika mingħajr ma jsiru uffiċjali għolja li jeżerċitaw awtorità pubblika jew jiġu impjegati fis-settur privat.
L-MEPs li huma intitolati għal allowance tranżitorja u għal pensjoni tax-xjuħija jew tal-invalidità jridu jagħżlu waħda minn dawn it-tliet skemi. Il-pagament tal-pensjoni tax-xjuħija jiġi sospiż għal kull riċevitur tal-pensjoni li jerġa’ jiġi elett fil-Parlament. Il-pensjoni tal-invalidità li ex MEP ikun rċieva permezz ta’ mandat li huwa jkun eżerċita f’parlament ieħor fl-istess ħin mal-mandat fil-Parlament Ewropew, tiġi kkumpensata mill-pensjoni tal-invalidità mħallsa mill-UE.
Il-Kunsill u l-Kummissjoni
Kull attività remunerata mwettqa minn ex Presidenti tal-Kunsill Ewropew u minn Membri tal-Kummissjoni tnaqqas l-allowance tranżitorja tagħhom. L-ex President tal-Kunsill Ewropew jew il-Kummissarju ma jibqgħux intitolati għal allowance tranżitorja jekk jerġgħu jinħatru f’kariga fl-istituzzjonijiet tal-UE, jiġu eletti fil-Parlament, jilħqu l-età tal-pensjoni, jew f’każ ta’ mewt. Il-prinċipju tan-nuqqas ta’ akkumulazzjoni ta’ allowances tranżitorji u ta’ pensjonijiet japplika wkoll għall-Membri li jkunu okkupaw kariga pubblika aktar minn darba, jekk l-ammont ikkombinat ikun jaqbeż l-ammont tar-remunerazzjoni riċevuta matul il-kariga.
Parti E – Kontra l-fastidju
PERSUNAL
It-tliet istituzzjonijiet kollha koperti minn dan ir-rapport stabbilew l-elementi ewlenin ta’ politika kontra l-fastidju.
Politiki kontra l-fastidju
Il-politiki tal-istituzzjonijiet awditjati kkundannaw b’mod ċar il-fastidju fil-forom kollha tiegħu u ddikjaraw li l-pożizzjoni tal-persuna akkużata b’fastidju fl-organizzazzjoni mhix rilevanti.
It-tliet istituzzjonijiet kollha stabbilew proċeduri xierqa għall-ilmenti li huma miftuħa għall-vittmi ta’ fastidju.
Monitoraġġ u evalwazzjoni
It-tliet istituzzjonijiet, fid-dokumenti strateġiċi tagħhom (f’riżoluzzjoni fil-każ tal-Parlament), iddikjaraw l-impenn tagħhom li jimmonitorjaw u jevalwaw il-politiki tagħhom kontra l-fastidju.
MEMBRI
Il-Parlament stabbilixxa sett speċifiku ta’ regoli u ta’ proċeduri kontra l-fastidju għall-Membri tiegħu.
Fiż-żewġ istituzzjonijiet l-oħra (il-Kunsill u l-Kummissjoni), ir-regoli kontra l-fastidju li huma applikabbli għall-Membri (il-President tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissarji) huma bbażati fuq obbligi etiċi aktar ġeneriċi stabbiliti fil-kodiċijiet ta’ kondotta rilevanti.
Parti F – Żvelar ta’ informazzjoni protetta
PERSUNAL
L-istituzzjonijiet awditjati stabbilew politiki dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta li jkopru d-definizzjoni, il-kanali ta’ rappurtar u l-miżuri ta’ protezzjoni.
MEMBRI
Japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-TFUE, kif ukoll il-kodiċijiet ta’ kondotta għall-President tal-Kunsill Ewropew, għall-MEPs u għall-Kummissarji.
Ma hemmx miżuri ta’ protezzjoni u proċeduri li japplikaw għall-Membri li huma ekwivalenti għal dawk tal-persunal.

Anness II — Riżultati tal-istħarriġ

Nota dwar il-metodoloġija

Aħna għażilna kampjun aleatorju tal-persunal minn tliet istituzzjonijiet tal-UE, li stratifikajna abbażi ta’ żewġ kriterji:

  • L-istituzzjoni li timpjega:
    • il-Parlament Ewropew; fiż-żmien tal-kampjunar kien jimpjega 9 764 membru tal-persunal,
    • il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għall-finijiet tal-istħarriġ ġew ittrattati bħala istituzzjoni waħda; fiż-żmien tal-kampjunar kienu jimpjegaw 3 031 membru tal-persunal, u
    • il-Kummissjoni Ewropea; fiż-żmien tal-kampjunar kienet timpjega 30 372 membru tal-persunal.
  • It-tip ta’ kariga okkupata:
    • maniġer (inklużi s-Segretarji Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali, id-Diretturi, il-Kapijiet tal-Kabinett, il-Kapijiet ta’ Unità u l-Konsulenti Prinċipali),
    • amministratur (inkluż il-persunal li jokkupa karigi “AD” mingħajr dmirijiet maniġerjali – eż. l-amministraturi ġenerali, it-tradutturi u l-avukati; l-aġenti kuntrattwali tal-grupp ta’ funzjoni IV u l-esperti nazzjonali sekondati),
    • Assistent Parlamentari Akkreditat (APA) – fil-Parlament Ewropew biss, u
    • oħrajn (inkluż il-persunal f’karigi “AST” – eż. l-assistenti f’livell għoli u l-assistenti; il-persunal f’karigi “SC” – eż. is-segretarji u l-iskrivani; u l-aġenti kuntrattwali tal-grupp ta’ funzjoni I-III).

Bl-użu ta’ dawn il-kriterji, aħna slitna l-kampjun tagħna ta’ rispondenti minn 10 sottopopolazzjonijiet distinti ta’ persunal (tliet istituzzjonijiet multiplikati bi tliet tipi ta’ karigi kondiviżi, flimkien ma’ tip addizzjonali ta’ kariga waħda (APA) preżenti biss fil-Parlament Ewropew).

L-għadd totali ta’ risposti validi kien ta’ 798. Ir-rata ta’ rispons kumplessiva kienet ta’ 39 %. Għas-sottopopolazzjonijiet individwali, ir-rata ta’ rispons kienet tvarja bejn 34 % u 69 %, bl-eċċezzjoni tal-kategorija tal-APA, fejn ir-rata ta’ rispons kienet ta’ 12 %. Iċ-ċifri ta’ hawn taħt huma r-riżultati estrapolati mill-istħarriġ. Huma jirrappreżentaw l-aqwa stima tagħna għall-kategoriji rispettivi tal-persunal fi ħdan it-tliet istituzzjonijiet. It-Tabella 2 tippreżenta stampa ġenerali tar-riżultati prinċipali tal-istħarriġ.

Tabella 2 – Stampa ġenerali tar-riżultati prinċipali tal-istħarriġ

Sors: Il-QEA.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AMP: Pjan ta’ Ġestjoni Annwali,

APA(s): Assistent(i) Parlamentari Akkreditat(i),

CEOS: Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea,

CoI: Kunflitt ta’ Interess,

DĠ: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea,

AGRI: Agrikoltura u Żvilupp Rurali,

COMP: Kompetizzjoni,

ENER: Enerġija,

HR: Riżorsi Umani u Sigurtà,

RTD: Riċerka u Innovazzjoni u

SG: Segretarjat Ġenerali,

Il-Kummissjoni: Il-Kummissjoni Ewropea,

Il-Kunsill: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew,

Il-Parlament: Il-Parlament Ewropew,

MEP(s): Membru/i tal-Parlament Ewropew,

OECD: L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi,

RI: Regoli Interni,

RP: Regoli ta’ Proċedura,

TFUE: It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

TUE: It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

UE: Unjoni Ewropea,

Glossarju

Assistent Parlamentari Akkreditat: Dan huwa membru tal-persunal magħżul minn Membru tal-Parlament Ewropew (MEPs) wieħed jew aktar, li jiġi ngaġġat permezz ta’ kuntratt dirett mill-Parlament biex jipprovdi assistenza diretta lill-MEPs fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, taħt id-direzzjoni u l-awtorità tagħhom, u fir-relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka.

Attivitajiet u inkarigi esterni: Dawn huma attivitajiet jew inkarigi, bi ħlas jew mingħajr, li jsiru barra mill-ambitu tat-twettiq tad-dmirijiet tal-uffiċjali jew tal-Membri. Dawn l-attivitajiet u inkarigi għandhom karatteristika okkupazzjonali u/jew imorru lil hinn minn dawk li jistgħu raġonevolment jitqiesu bħala attivitajiet ta’ divertiment.

Awtodikjarazzjoni: Din hija għodda, li hija stabbilita fl-istituzzjonijiet tal-UE, u li tippermetti lill-persunal u lill-Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-etika. L-awtodikjarazzjonijiet tal-persunal jiġu indirizzati lill-Awtorità tal-Ħatra. Għall-Membri, dawn huma pubbliċi.

Awtorità tal-Ħatra: Hija l-persuna u/jew il-korp fl-istituzzjonijiet tal-UE li għandhom is-setgħa li jaħtru l-membri tal-persunal u jtemmu l-impjieg tagħhom. Din il-funzjoni hija eżerċitata mill-Kulleġġ tal-Membri, li jiddelega l-biċċa l-kbira tagħha lis-Segretarju Ġenerali. Dan tal-aħħar ġeneralment jissottodelega din il-funzjoni lil uffiċjali b’pożizzjonijiet maniġerjali.

Inkjesti amministrattivi: Dawn ifissru l-azzjonijiet kollha meħuda mill-uffiċjali awtorizzati biex jistabbilixxu l-fatti u, fejn ikun meħtieġ, jiddeterminaw jekk kienx hemm nuqqas ta’ konformità mal-obbligi imposti għall-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE. Fil-Kummissjoni, l-inkjesti amministrattivi jitwettqu mill-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina.

Integrità pubblika: Din tirreferi għall-allinjament konsistenti u għall-aderenza ma’ valuri, prinċipji u normi etiċi kondiviżi għas-sostenn u l-prijoritizzazzjoni tal-interess pubbliku fuq l-interessi privati fis-settur pubbliku (kif iddefinit mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)).

Konsulenza: Fil-kuntest tar-regoli kontra l-fastidju, dan huwa proċess li abbażi tiegħu l-vittmi jiddeċiedu li jsegwu proċeduri informali biex jirriżolvu l-każ. Il-konsulenti huma persuni mħarrġa biex jagħtu gwida dwar problemi personali jew psikoloġiċi (ara wkoll Medjazzjoni).

Kontra l-fastidju: F’dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-fastidju, fil-qafas tal-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani, il-fastidju fuq il-post tax-xogħol huwa qasam li qed isir dejjem aktar sensittiv. Huwa magħruf ukoll bħala “mobbying”, u jinkludi tipi differenti ta’ diskriminazzjoni u atti ta’ vjolazzjoni li mhumiex limitati għal grupp speċifiku ta’ persunal. Il-fastidju jista’ jiġi kklassifikati f’abbuż emozzjonali jew fiżiku.

Kumitat tal-Etika (fl-istituzzjonijiet tal-UE): Dan huwa korp li jipprovdi pariri lill-Presidenti dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta li jikkonċerna l-Membri.

Kunflitt ta’ Interess (CoI): Din hija sitwazzjoni fejn persuna jew organizzazzjoni tkun involuta f’bosta interessi, finanzjarji jew oħrajn, u fejn il-qadi ta’ interess wieħed jista’ jmur kontra interess ieħor. Fl-istituzzjonijiet tal-UE, hemm diversi forom ta’ kunflitti ta’ interess, inklużi dawk li jinħolqu matul ir-reklutaġġ, matul l-impjieg u wara t-tmiem tal-impjieg; relatati mar-rigali u d-divertiment, l-attivitajiet esterni u l-impjieg bi qligħ tal-konjuġi; u marbuta ma’ attivitajiet ta’ lobbying u difiża.

Medjazzjoni: Fil-kuntest tar-regoli kontra l-fastidju, dan huwa proċess li abbażi tiegħu l-vittmi jiddeċiedu li jsegwu proċeduri informali biex jirriżolvu l-każ. Il-medjaturi huma l-persuni li permezz tal-isforzi tagħhom il-persuni involuti f’kunflitt jaslu għal ftehim (ara wkoll Konsulenza).

Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE: Il-membri tal-istituzzjonijiet huma l-persuni li nħatru jew inkella ġew eletti biex jiffurmaw parti mill-korp deċiżjonali tal-istituzzjoni.

Ospitalità: Din tinkludi l-forniment ta’ ikel, xorb, ikliet u akkomodazzjoni. Tista’ tinvolvi wkoll attivitajiet ta’ divertiment u rikreazzjoni.

Perjodu ta’ preklużjoni: Fl-istituzzjonijiet tal-UE, dan huwa l-perjodu ta’ żmien li matulu ex membru tal-persunal jew ex Membru għandhom jinfurmaw lill-Awtorità tal-Ħatra jew lill-Kulleġġ dwar l-attività l-ġdida tagħhom u ma jridux iwettqu attivitajiet ta’ lobbying fil-konfront ta’ dik li kienet l-istituzzjoni tagħhom.

Persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE: Dawn huma l-membri kollha tal-persunal impjegati direttament mill-UE taħt skemi ta’ impjieg differenti: uffiċjali, aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali, aġenti lokali, konsulenti speċjali u assistenti parlamentari akkreditati. Persuni oħra li jaħdmu bħala esperti nazzjonali sekondati u t-trainees huma assimilati mal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE.

Proċeduri dixxiplinari: Dawn huma mod stabbilit biex impjegatur jittratta l-imġiba ħażina perċepita tal-impjegati. Huma jinkludu smigħ dixxiplinarju fejn il-membru tal-persunal jingħata ċ-ċans li jispjega l-fatti.

Qafas etiku: Għall-finijiet ta’ dan l-awditu aħna nirreferu, l-ewwel nett, għar-rekwiżiti legali etiċi, u t-tieni nett, għall-proċeduri, l-għodod ta’ infurzar, il-gwida u l-komunikazzjoni li jgħinu biex jiżguraw li r-rekwiżiti legali jiġu rispettati.

Reġistru tar-rigali: Dan huwa reġistru, li jinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti dwar ir-rigali u d-divertiment aċċettati mill-persunal u mill-Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE. Għall-persunal, dan huwa reġistru intern immaniġġjat mill-Amministrazzjoni, u jinkludi biss ir-rigali li għalihom huwa meħtieġ permess. Għall-Membri, ir-reġistru huwa pubblikament disponibbli; huwa mmaniġġjat mill-President u jinkludi r-rigali kollha aċċettati.

Regolamenti tal-Persunal: Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali, u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/6823.

Rigali u divertiment: Dawn huma somom ta’ flus jew kwalunkwe oġġett fiżiku ieħor offrut bla ħlas jew il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni b’xejn f’avvenimenti li jkunu aċċessibbli biss bi ħlas. Jistgħu jkunu wkoll offerti ta’ ikel, xorb, ikliet u akkomodazzjoni.

Wara t-tmiem tal-impjieg u tal-mandat f’istituzzjoni tal-UE: L-ex membri tal-persunal jew l-ex Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE huma suġġetti għal ċerti obbligi, li xi wħud minnhom huma applikabbli għall-uffiċjali attivi jew għad-durata tal-mandat tagħhom. Dawn l-obbligi huma previsti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll fil-kodiċijiet ta’ kondotta għall-Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jinkludu notevolment: il-projbizzjoni ta’ divulgazzjoni mhux awtorizzata ta’ informazzjoni, l-obbligu li kwalunkwe attività okkupazzjonali tiġi nnotifikata fi żmien sentejn wara t-tluq mis-servizz, id-dmir li wieħed iġib ruħu b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet u benefiċċji, id-dispożizzjonijiet relatati ma’ invenzjonijiet u l-ksib ta’ benefiċċji soċjali u allowances.

Żvelar ta’ informazzjoni protetta: Dan huwa proċess li abbażi tiegħu persuna (eż. membru tal-persunal) tirrapporta fatti li jkunu ġew skoperti matul jew b’rabta mad-dmirijiet tagħha, li jindikaw l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji. Ir-rappurtar irid isir bil-miktub u mingħajr dewmien. Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta jipprovdu pariri, assistenza u miżuri ta’ protezzjoni għall-informaturi.

Risposti tal-Parlament

Risposta għall-Osservazzjoni 38:

Il-Parlament jemmen li r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (inklużi l-kodiċi ta' kondotta u ta' mġiba xierqa), kif ukoll il-pjan direzzjonali kontra l-fastidju, jikkostitwixxu objettivi u prijoritajiet strateġiċi dwar l-etika tal-Membri. Il-kodiċi ta' mġiba u l-politika kontra l-fastidju jesprimu l-objettivi u l-prijoritajiet strateġiċi tiegħu għall-persunal. Kif tixhed l-evalwazzjoni tal-2017, il-prestazzjoni tista' titkejjel.

Risposta għall-Osservazzjoni 43:

Id-dikjarazzjonijiet kollha dwar in-nuqqas ta' kunflitt ta' interess fil-proċess ta' reklutaġġ jintbagħtu għal verifika lill-qasam etiku tal-Unità tal-Iżvilupp tal-Karriera u tal-Etika (CDEU). Fil-prattika, il-kontroverifiki jitwettqu kull fejn possibbli, fost l-unitajiet rilevanti tal-Parlament Ewropew. Il-konsistenza tiġi garantita mill-Kap tal-Unità permezz tar-reviżjoni tal-fajls kollha. Barra minn hekk, meta l-bidliet fl-impjieg tal-konjuġi jiġu rreġistrati fl-Unità tad-Drittijiet Individwali, il-kollegi tas-CDEU isegwu dan u jibgħatu l-formola għad-dikjarazzjoni tal-impjieg bi ħlas tal-konjuġi lill-kollega kkonċernat. Id-dokumentazzjoni eżistenti tiġi kompletata bil-verifiki li għandhom jitwettqu.

Risposta għall-Osservazzjoni 48:

Il-Membri tal-PE jistgħu jitolbu l-parir tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kondotta tal-Membri tal-Parlament, b'mod kunfidenzjali. Fil-każ ta' ksur allegat ta' dawn l-obbligi ta' divulgazzjoni, hemm proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 tal-Kodiċi ta' Mġiba. Il-Parlament isostni li l-istabbiliment ta' "proċedura standard bil-miktub" ulterjuri dwar kif għandhom jitwettqu l-verifiki previsti hija problematika minħabba l-varjetà infinita ta' informazzjoni li tidħol. Għalhekk, jeħtieġ li kull biċċa informazzjoni li tidħol tiġi vvalutata fuq il-merti tagħha stess. Rekwiżit sħiħ ta' verifiki ex officio dwar l-akkuratezza jew il-kompletezza jista' jirrikjedi riżorsi umani addizzjonali sinifikanti, sa madwar 60 post AD. Barra minn hekk, ta' min jinnota li l-Parlament Ewropew m'għandu l-ebda poter ta' investigazzjoni fuq il-Membri tal-PE, li għandhom responsabbiltà fil-konfront tal-votanti, u għalhekk għandu jirrispetta l-mandat ħieles.

Risposta għall-Osservazzjoni 50:

Il-Membri tal-PE għandhom gwida bbażata fuq prattika konsistenti u stabbilita sew disponibbli għalihom.

Risposta għall-Osservazzjoni 53:

Għall-persunal tiegħu, il-Parlament għandu fis-seħħ kodiċi ta' kondotta (Gwida għall-obbligi tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Parlament Ewropew, Deċiżjoni tal-Bureau tas-7 ta' Lulju 2008). Biex itejjeb l-aċċessibbiltà u l-fehim, il-Parlament ħejja u bħalissa qiegħed fil-proċess li jvara, gwida spjegattiva addizzjonali għall-persunal li tinkludi kjarifiki, eżempji u gwida proċedurali estensiva u dettaljata dwar il-kodiċi ta' kondotta, inklużi dwar il-kwistjonijiet kollha mqajma mill-Qorti tal-Awdituri rigward ir-rigali.

Risposta għall-Osservazzjoni 56:

Il-Parlament jixtieq jirrimarka li l-APAs huma mpjegati direttament mill-Parlament Ewropew, filwaqt li jaħdmu taħt id-direzzjoni tal-Membru li jassistu u li jaġixxi bħala s-superjur ġerarkiku tagħhom (l-Artikolu 5a tas-CEOS u l-Artikolu 1 tal-miżuri ta' implimentazzjoni tat-Titolu VII tas-CEOS). Billi huma "jintgħażlu minn Membru wieħed jew aktar", mhuwiex possibbli għalihom li jiġu trasferiti f'kariga oħra fil-PE fuq deċiżjoni tal-amministrazzjoni biss. Il-Parlament ma jistax ibiddel dan b'mod unilaterali, peress li dan huwa rekwiżit leġiżlattiv. Madankollu, l-APAs għandhom forom oħra ta' assistenza mfassla apposta, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif applikabbli b'analoġija għall-APAs.

Risposta għall-Osservazzjoni 61:

Il-Parlament m'għandu l-ebda ġurisdizzjoni biex jiddefinixxi aktar restrizzjonijiet fuq ex Membri tal-PE għajr fir-rigward tal-aċċess tagħhom għall-bini, l-użu tal-faċilitajiet u l-intitolamenti finanzjarji. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li dan kien pass importanti fl-iżvilupp tad-demokrazija parlamentari li tippermetti u tinkoraġġixxi persuni li ma jistgħux isostnu lilhom infushom permezz tal-ġid disponibbli tagħhom biex jikkandidaw ruħhom għal elezzjoni f'kariga pubblika. Għaldaqstant, restrizzjonijiet ulterjuri fuq l-impjieg immedjat wara t-tmiem tal-mandat jew ifisser li wieħed jaċċetta diżinċentiv biex joħroġ għal kariga, peress li m'hemm l-ebda "garanzija ta' impjieg" għall-Membri lil hinn minn terminu leġiżlattiv wieħed, jew inkella għandhom jinstabu mekkaniżmi ta' kumpens fl-iskemi ta' allowances tranżitorji.

Risposta għall-Osservazzjoni 67:

Il-Parlament jagħti prijorità għar-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, u jirrikjedi l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni biss meta l-Membru tal-PE ma jsolvix il-kunflitt ta' interess.

Risposta għall-Osservazzjoni 74:

Il-President huwa obbligat li jqis l-esperjenza tal-Membri u l-bilanċ politiku fil-ħatra tagħhom (ara l-Artikolu 7(2) tal-Kodiċi ta' Kondotta).

Risposta għall-Osservazzjoni 80:

Sa minn Ottubru 2018, qed jiġi offrut regolarment kors ta' taħriġ ġdid imsemmi "Let's talk about Ethics" (Ejjew nitkellmu dwar l-Etika).

Sa mill-2018, l-APAs reklutati ġodda jridu jattendu taħriġ ta' induzzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

Risposta għall-Osservazzjoni 81:

Kif spjegat fil-punt 53, bħalissa l-Parlament jinsab fil-proċess li jvara gwida għall-persunal li tinkludi eżempji reali u kjarifiki dwar il-kwistjonijiet etiċi, li se tikkomplementa l-kodiċi ta' kondotta eżistenti tal-persunal.

Barra minn hekk, intbagħtu diversi komunikazzjonijiet lill-persunal sa minn Jannar 2019, prinċipalment fir-rigward ta' dikjarazzjonijiet ta' kandidatura u parteċipazzjoni fil-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet Ewropej, li l-Parlament iqis u jittratta bħala attività esterna.

Risposta għall-Osservazzjoni 82:

Ara l-punti 80 u 81 hawn fuq.

Risposta għall-Osservazzjoni 84:

L-APAs jirċievu gwida kontinwa dwar kwistjonijiet etiċi li, fost l-oħrajn, hija kkonfermata mill-għadd kbir ta' talbiet u dikjarazzjonijiet tagħhom dwar attivitajiet esterni, il-kandidatura fl-elezzjonijiet, il-pubblikazzjonijiet, eċċ.

Dwar ir-rakkomandazzjoni 1:

(1) Il-Parlament jaċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni 1(1): Is-servizzi kompetenti se jkomplu jaġġornaw u jiżviluppaw l-approċċ tagħhom rigward l-etika. Madankollu, il-Parlament ma jqisx li huwa neċessarju li jikkonsolida dan l-approċċ f'dokument ta' strateġija uniku. Il-Parlament qiegħed jiżviluppa indikaturi metriċi biex ikompli jtejjeb il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-amministrazzjoni tiegħu. [Rec 3] L-etika se titqies bħala l-fokus tas-sensibbilizzazzjoni għall-persunal u l-Membri.

(2) Il-Parlament jaċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni 1(2): Id-dokumentazzjoni eżistenti se tiġi kompletata bil-verifiki li għandhom jitwettqu. Madankollu, il-Parlament iqis li proċeduri konsistenti għall-kontrolli huma rilevanti, iżda jgħid li fil-prattika, huwa jiżgura b'mod xieraq li jkun hemm kontrolli konsistenti tad-dikjarazzjonijiet fl-unità tal-iżvilupp tal-karriera u tal-etika. Dalwaqt se tkun disponibbli gwida għall-persunal aktar dettaljata li tipprovdi gwida aktar ċara mill-Kodiċi ta' Kondotta.

(3) Il-Parlament ma jaċċettax ir-rakkomandazzjoni 1(3). Il-Parlament iqis li d-dikjarazzjoni taqdi l-iskop ta' trasparenza kif stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Membri u tippermetti skrutinju pubbliku adegwat. Kwalunkwe rekwiżit usa' biex jiġu vverifikati l-akkuratezza u l-kompletezza ex officio jkun jinvolvi l-ħtieġa ta' żidiet sinifikanti fil-persunal u/jew setgħat investigattivi, li l-ebda waħda minnhom ma hija disponibbli.

(4) Il-Parlament jaċċetta r-rakkomandazzjoni 1(4), u jirrimarka li l-gwida l-ġdida dwar l-etika, li għandha tiġi ppubblikata f'Ġunju 2019, tispjega u tispeċifika b'mod estensiv id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar ir-rigali u l-ospitalità.

(5) Il-Parlament ma jaċċettax ir-rakkomandazzjoni 1(5): Huwa jaqbel li l-APAs huma grupp speċifiku li m'għandhomx disponibbli għalihom il-miżuri kollha li jistgħu jiġu applikati għall-persunal. Madankollu, il-Parlament diġà jista', bl-applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-APA, jikseb soluzzjonijiet xierqa. Din hija koperta mir-referenza għall-Artikolu 24 fir-regoli eżistenti dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta.

(6) Il-Parlament jaċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni 1(6), u se jivvaluta jekk u x'jista' jagħmel fi ħdan il-qafas legali eżistenti. Filwaqt li l-Parlament japprezza l-interess fir-regoli ta' wara t-tmiem tal-mandat, huwa għandu ġurisdizzjoni limitata fuq l-ex Membri għajr fir-rigward tal-aċċess u l-użu tal-faċilitajiet tiegħu li diġà jeżerċita. Diġà wettaq miżuri f'dan ir-rigward. Ara wkoll il-paragrafu 61.

Dwar ir-rakkomandazzjoni 2:

(1) Il-Parlament jaċċetta r-rakkomandazzjoni 2(1) peress li huwa jinsab lest li jaħdem ma' istituzzjonijiet oħra għall-qsim tal-aħjar prattiki.

(2) Il-Parlament jaċċetta r-rakkomandazzjoni 2(2). Il-Parlament jaċċetta li l-ħidma flimkien ma' istituzzjonijiet oħra, fil-prinċipju, hija utli, iżda jirrimarka li bħalissa huwa għandu l-aktar limiti massimi ta' rimunerazzjoni għal attivitajiet esterni, jiġifieri 0.

(3) Il-Parlament jaċċetta parzjalment ir-rakkomandazzjoni 2(3). Huwa miftuħ għall-iskambju tal-aħjar prattika flimkien ma' istituzzjonijiet oħrajn filwaqt li jissottolinja li l-istatus tal-Membri tal-Parlament Ewropew huwa speċifiku għal din l-istituzzjoni, (ara wkoll il-punt 67), u hemm limitazzjonijiet ġuridiċi bbażati fuq id-drittijiet ta' privatezza tal-membri tal-familja.

Dwar ir-rakkomandazzjoni 3:

Il-Parlament jaċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Tħejjiet gwida ċentrali aktar immirata u waslet biex tiġi ppubblikata. Is-servizzi kompetenti se jkomplu jxerrdu t-taħriġ, l-għarfien u l-esperjenza (ibbażati fuq moduli eżistenti żviluppati u fuq eżerċizzji ta' taħriġ/sensibilizzazzjoni bbażati fuq stħarriġ fil-livell tad-DĠ) lid-DĠs settorjali bl-użu tal-kanali interni kollha.

Risposti tal-Kunsill

Osservazzjonijiet

25

L-istatus ta' Membri tal-Kunsill huwa speċifiku ħafna u mhuwiex komparabbli ma' dak ta' membri ta' istituzzjonijiet oħra. Il-Kunsill ma għandux membri li jinħatru jew jiġu eletti fih jew remunerati mill-baġit tal-UE.

Fil-fatt, mill-Artikolu 16(2) TUE isegwi li l-''Kunsill għandu jkun kompost minn rappreżentant ta' kull Stat Membru fil-livell ministerjali, li jista' jimpenja lill-gvern tal-Istat Membru li hu jirrappreżenta u jivvota għalih''.

Skont l-Anness I tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, ''kull Stat Membru għandu jiddetermina l-mod li bih ikun rappreżentat fil-Kunsill''. Skont l-Artikolu 16(7) TUE, ''kumitat li jikkonsisti mir‑Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għandu jkun responsabbli għall-preparazzjoni tal-ħidma tal-Kunsill''. Sabiex jgħin fit-tħejjija tal-ħidma tal-Kunsill, il‑Coreper jista' jistabbilixxi kumitati u gruppi ta' ħidma u jiddefinixxi l-mandati tagħhom (ara l‑Artikolu 19(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill). Dawn il-gruppi ta' ħidma huma komposti minn delegati minn kull Stat Membru. Skont id-definizzjonijiet tagħhom, dawk ir‑rappreżentanti u d-delegati jaġixxu f'isem l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom u jirrappreżentaw l-interessi tal-Istati Membri tagħhom.

Il-President tal-Kunsill Ewropew biss jinħatar minn dik l-istituzzjoni u jiġi remunerat mill-baġit tal-UE.

38

L-elementi importanti tal-istrateġija dwar l-etika huma inklużi fil-Gwida dwar l-Etika u l‑Kondotta tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u f'sett ta' dokumenti oħra dwar il-kondotta u l‑obbligital-persunal.

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) adotta qafas rivedut ta' kontroll intern fid-29.10.2018 b'effett mill-1.11.2018 (id-Deċiżjoni 42/18 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill). L-ewwel prinċipju tal-''Ambjent tal-Kontroll'' huwa li ''is-SĠK juri impenn lejn l-integrità u l-valuri etiċi''. Dan il-prinċipju huwa stabbilit kif ġej:

  1. Il-kultura fil-quċċata: l-amministrazzjoni tirrispetta l-integrità u l-valuri etiċi fl-istituzzjonijiet, l-azzjonijiet u l-imġiba tagħha.
  2. Kodiċi ta' kondotta jistabbilixxi l-aspettattivi rigward l-integrità u l-valuri etiċi li huma mifhuma fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni u li jiġu komunikati.'

Fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju, fl-2015 l-Unità tal-Verifika Interna wettqet awditu rigward il-politika tal-SĠK dwar l-etika. Ir-Rapport tal-Awdituri ddeskriva r-riskji relatati mal-etika identifikati mill-awdituri urrakkomanda azzjonijiet adatti.

Barra minn hekk, diversi dipartimenti tas-SĠK iwettqu valutazzjonijiet annwali tar-riskju. L‑identifikazzjoni tar-riskji fir-rigward tal-imġiba mhux etika tifforma parti minn dawn l‑eżerċizzji. Is-SĠK għażel li jwettaq valutazzjonijiet regolari tar-riskju skont id-dipartiment (jew dwar proġetti) li jkopru l-oqsma ta' riskju kollha inkluż kwistjonijiet etiċi aktar milli joħolqu reġistru tar-riskji speċifiċi ta' etika. Is-SĠK ser jistudja l-mertu tat-twettiq ta' valutazzjoni tar‑riskji ġenerali ta' etika.

48

Fir-rigward tal-President tal-Kunsill Ewropew, id-dikjarazzjonijiet ta' interessi jiġu ppreżentati fuq il-bażi tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-President tal-Kunsill Ewropew. Skont l-Artikolu 15(5) TUE, fil-każ ta' mġiba ħażina serja, il-Kunsill Ewropew jista' jtemm il-mandat tal-President permezz ta' maġġoranza kwalifikata. Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew jista' jieħu kont ta' kwalunkwe nonkonformità mal-Kodiċi ta' Kondotta, jew ksur tiegħu.

49

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 48 hawn fuq.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-oqfsa etiċi

Is-SĠK jaċċetta r-Rakkomandazzjoni 1, il-punti (1), (2) u (4).

Fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni 1, il-punt (1), l-elementi importanti tal-istrateġija dwar l‑etika huma diġà inklużi fil-Gwida tas-SĠK dwar l-Etika u l-Kondotta u sett ta' dokumenti dwar il-kondotta u l-obbligi tal-persunal. Il-punt (1) ser jiġi implimentat permezz tal-proġett li diġà għaddej bħalissa ''l-Etika taħt il-Lenti''.

Rakkomandazzjoni 2 – Ħidma flimkien biex jiġu armonizzati l-elementi tal-qafas etiku u biex isiru aktar sforzi biex tiġi kondiviża l-aħjar prattika dwar kwistjonijiet etiċi

Is-SĠK jaċċetta r-Rakkomandazzjoni 2. Madankollu, il-punt (3) mhuwiex applikabbli għall‑Kunsill.

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tas-sensibilizzazzjoni u l-perċezzjoni tal-persunal tal-qafas etiku u l‑kultura

Is-SĠK jaċċetta r-Rakkomandazzjoni 3. Diġà hemm proġett ewlieni għall-2019 ''l-Etika taħt il‑Lenti'' mmexxi mid-Direttorat tar-Riżorsi Umani tas-SĠK, bis-sensibilizzazzjoni tal-persunal u l-promozzjoni tal-imġiba etika jkunu fost l-objettivi ewlenin tiegħu.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

IV

Il-Kummissjoni tqis li l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-Membri huwa adatt għall-iskop tiegħu. Dan se jiddokumenta l-proċedura standard bil-miktub tiegħu f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

V

Il-Kummissjoni tqis li r-riżultati tal-istħarriġ huma pożittivi għall-persunal tagħha, billi 59,6 % tal-persunal jivvalutaw l-għarfien tagħhom bħala wieħed tajjeb jew tajjeb ħafna.

Introduzzjoni

07

Fir-rigward tal-Membri tal-Kummissjoni, l-Artikolu 17(3) tat-TUE u l-Artikolu 245 tat-TFUE jikkostitwixxu l-qafas etiku stabbilit fit-trattati.

Fir-rigward tal-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej, l-Artikoli minn 11 sa 26 (a) tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxu l-qafas etiku stabbilit mil-leġiżlatur. Dan il-livell ta’ leġiżlazzjoni jikkorrispondi ma’ dak li jinstab f’ħafna liġijiet nazzjonali dwar is-servizzi ċivili u huwa biżżejjed. Fuq din il-bażi, l-istituzzjonijiet jadottaw regoli aktar dettaljati għall-persunal tagħhom u jadattawhom meta jkun meħtieġ.

Osservazzjonijiet

34

Il-kwistjonijiet etiċi għall-Membri huma indirizzati f’dokumenti oħra, bħall-ittri ta’ missjoni tal-President lill-Membri individwali, il-Pjan Strateġiku tas-Segretarjat Ġenerali 2016-2020 jew il-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Segretarjat Ġenerali għall-2018.

37

L-eżerċizzju tal-ġestjoni tar-riskju fil-Kummissjoni jkopri d-dominji u l-aspetti ta’ ġestjoni kollha, inkluża l-etika. Huma biss ir-riskji sinifikanti marbuta mal-etika li jenħtieġ li jitqiegħdu fil-pjan ta’ ġestjoni. Anki meta d-DĠs awditjati ma identifikawx riskji sinifikanti speċifiċi marbuta mal-etika, dan ma waqqafx lil dawn id-DĠs awditjati milli jinkludu azzjonijiet speċifiċi (b’mod partikolari l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti xierqa relatati mal-etika) u valuri organizzattivi fil-pjan ta’ ġestjoni annwali tagħhom u / jew il-previżjoni ta’ azzjonijiet oħra f’konformità mal-Qafas ta’ Kontroll Intern.

43

Il-Kummissjoni tagħmel kontroverifika tal-informazzjoni pprovduta fit-talbiet għall-etika bl-informazzjoni interna u esterna disponibbli. Peress li t-talbiet jiġu dejjem ivvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ, id-dimensjoni tal-kontroverifika tiddependi mir-riskju potenzjali assoċjat, u tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Id-dokumentazzjoni eżistenti tal-proċeduri ewlenin għal attivitajiet esterni matul is-servizz u l-liv għal raġunijiet personali, kif ukoll għall-attivitajiet ta’ wara s-servizz, issaħħet fit-tieni nofs tal-2018 wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni riveduta dwar attivitajiet esterni, u tiddeskrivi b’mod espliċitu liema kontrolli jenħtieġ li jitwettqu. It-tisħiħ tal-proċeduri l-oħra għadu għaddej.

Kaxxa 2: Eżempji ta’ gwida insuffiċjenti

Nuqqas ta’ gwida speċifika fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet rilevanti

Hemm gwida fil-fuljett dwar l-etika u l-imġiba tal-persunal dwar x’jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess. Madankollu, tista’ tingħata gwida aktar dettaljata fil-ġejjieni dwar il-kunflitt ta’ interess fir-reklutaġġ, bl-istess mod kif sar għall-attivitajiet esterni u l-attivitajiet ta’ wara l-impjieg.

Il-gwida dwar l-etika tad-DĠ AGRI tirrifletti l-aktar kwistjonijiet frekwenti li l-kollegi mid-DĠ qajmu ma’ kollegi responsabbli għall-etika fid-DĠ.

Kunflitti ta’ interess possibbli marbuta mal-involviment f’attività professjonali jew li wieħed ikun benefiċjarju ta’ sussidji tal-UE huma koperti kif xieraq mir-regoli ġenerali dwar il-kunflitt ta’ interess u dwar attivitajiet esterni. Ma jfissirx li dawn is-sitwazzjonijiet jokkorru aktar fid-DĠ AGRI milli f’servizzi oħra tal-Kummissjoni.

47

Il-Kummissjoni se tiddokumenta l-proċedura standard tagħha. Hija tfakkar f’dan ir-rigward li l-ewwel skrutinju importanti jsir fil-kuntest tan-nomina u s-smigħ ta’ Membri nominati qabel il-ħatra tal-Kummissjoni. Notevolment, il-Membri maħtura jridu jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom lill-Parlament Ewropew fi żmien xieraq li jippermetti lill-Parlament li jeżaminahom, u huma responsabbli għad-dikjarazzjonijiet tagħhom.

Wara l-ħatra u wara kull aġġornament, id-dikjarazzjonijiet huma soġġetti għal skrutinju taħt l-awtorità tal-President tal-Kummissjoni kif jirriżulta mill-Artikolu 2 il-paragrafu 6, l-Artikolu 3 l-paragrafu 1, u l-Artikolu 4 l-paragrafi 2 u 4 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni. L-iskrutinju jkopri l-eżistenza ta’ kull sitwazzjoni li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess jew li tista’ raġonevolment tiġi perċepita bħala tali. Jekk tali sitwazzjoni tiġi identifikata u kkonfermata mill-President, il-President jista’ jieħu miżuri bħar-riallokazzjoni ta’ fajl jew it-talba ta’ bejgħ ta’ interessi finanzjarji. Issir ukoll verifika ġenerali tal-kompletezza tad-dikjarazzjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

Il-Membri huma responsabbli individwalment għad-dikjarazzjonijiet tagħhom.

50

Il-Kummissjoni tfakkar li l-iskrutinju, anki jekk għadu mhux stabbilit fi proċedura standard bil-miktub, huwa komprensiv, jinvolvi verifika ġenerali tal-kompletezza bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli u għandu kriterji ċari.

Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-Membri tal-Kummissjoni u l-aġġornamenti tagħhom huma ppubblikati u soġġetti għal skrutinju pubbliku permanenti.

Kaxxa 3: Lakuni fil-politiki dwar ir-rigali u d-divertiment Kummissjoni

Il-kunċetti ta’ “rigal” u “ospitalità” fil-Kodiċi ta’ Kondotta jintużaw fis-sens komuni ta’ kuljum biex ikopru s-sitwazzjonijiet kollha li Membru tal-Kummissjoni jista’ jiffaċċja f’konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-dispożizzjoni dwar ir-rigali u l-kunflitti ta’ interessi (l-Artikolu 6 l-paragrafu 4 u l-Artikolu 2 il-paragrafu 6 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni). Se tiġi pprovduta gwida ulterjuri.

80

Il-Kummissjoni stabbiliet politika komprensiva ħafna ta’ taħriġ dwar l-etika li tilħaq lill-persunal fi stadji differenti tal-karriera tagħhom. Din il-politika kompliet tissaħħaħ aktar fl-2018 (notevolment permezz ta’ taħriġ obbligatorju dwar id-dħul fis-servizz għall-persunal kollu u għal kull Kap ta’ Unità li jkun għadu kif inħatar). L-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri juri li għall-Kummissjoni, 50,6 % tal-membri tal-persunal iddikjaraw li attendew kors ta’ taħriġ dwar l-etika. Minħabba l-miżuri stabbiliti, din iċ-ċifra appik li tiżdied, u l-Kummissjoni tistenna li fis-snin li ġejjin, il-politika ta’ taħriġ tissarraf f’livell saħansitra aħjar ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-qafas etiku.

83

Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-Rapport ta’ Attività Annwali tal-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) huma ta’ importanza kbira. Għalkemm dawn ir-Rapporti huma ppubblikati fuq MyIntracomm u jsiru preżentazzjonijiet għal ħafna Direttorati Ġenerali (DĠ) u servizzi, jidher li hemm ħtieġa għal aktar.

84

Il-Kummissjoni twettaq kampanja qawwija ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-etika u l-integrità fid-DĠs, kif ukoll għall-membri l-ġodda tal-persunal. Korsijiet addizzjonali jiġu organizzati għall-persunal fil-katalogu ta’ taħriġ tal-Kummissjoni.

Rigward il-protezzjoni tal-persunal li jirrapporta mġiba mhux etika, l-IDOC jiżgura l-ogħla livell ta’ kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data, u dan il-punt ġie kkunsidrat fil-kuntest tar-reviżjoni li għaddejja tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni Ġenerali tal-IDOC, u fid-Deċiżjoni l-ġdida dwar il-protezzjoni tad-data (Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/165 tal-1 ta’ Frar 2019).

85

Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni biex tindirizza din il-kwistjoni, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-etika u l-integrità, il-preżentazzjoni addizzjonali dwar il-proċeduri tal-IDOC u l-pubbliċità tar-Rapport Annwali dwar l-Attività tal-IDOC.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjoni 1 (2)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Fir-rigward tal-formalizzazzjoni ta’ proċeduri għal kontrolli fuq id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li r-rakkomandazzjoni hija diġà implimentata għal talbiet għal attivitajiet esterni matul is-servizz u l-liv għal raġunijiet personali kif ukoll għal attivitajiet ta’ wara s-servizz. It-tisħiħ tal-proċeduri l-oħra għadu għaddej.

Rakkomandazzjoni 1 (3)

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Hija tqis li l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi huwa komprensiv, jinvolvi verifika ġenerali tal-kompletezza bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli u għandu kriterji ċari.

Il-Kummissjoni se tiddokumenta l-proċedura standard interna tagħha għall-iskrutinju skont l-Artikolu 4(2) tal-Kodiċi ta’ Kondotta biex tiżgura l-kwalità u l-konsistenza tal-proċess.

Rakkomandazzjoni 1 (4) – rigali u divertiment

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se tipprovdi gwida, informazzjoni u eżempji ulterjuri bbażati fuq l-Artikolu 6 tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

Rakkomandazzjoni 2 – Ħidma flimkien għall-armonizzazzjoni tal-elementi tal-qafas etiku u aktar sforzi għall-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba dwar kwistjonijiet etiċi

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

Il-Kummissjoni taċċetta li tkompli tiddiskuti ma’ istituzzjonijiet oħra dwar kwistjonijiet etiċi ta’ interess komuni fil-qafas ta’ fora interistituzzjonali eżistenti, b’mod partikolari mas-CPQS (Comité pour les Questions statutaires) jew fil-livell tas-servizzi u biex tikkondividi l-aħjar prattiki.

Fir-rigward tat-tliet punti fejn il-QEA tixtieq tara l-armonizzazzjoni, il-Kummissjoni għandha bażijiet ġuridiċi u testi li huma riċenti, dettaljati, u adattati għall-iskop tagħhom.

Rigward l-attivitajiet esterni, id-Deċiżjoni applikabbli ġiet riveduta dan l-aħħar u l-Kummissjoni mhijiex beħsiebha temendaha fil-ġejjieni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhijiex beħsiebha tieħu xi inizjattiva rigward il-linji gwida tagħha dwar ir-rigali u l-ospitalità, billi dawn huma kkunsidrati xierqa għall-iskop tagħhom.

Rigward il-Membri, id-dikjarazzjoni tal-attivitajiet professjonali attwali tal-konjuġi jew tal-partner hija diġà obbligatorja għall-Membri tal-Kummissjoni. L-istess japplika taħt ċerti kundizzjonijiet għall-interessi finanzjarji tal-konjuġi, tal-partner u tat-tfal minorenni tal-Membri. Il-Kummissjoni mhijiex beħsiebha tieħu inizjattivi f’dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ tali rakkomandazzjoni ma tiddependix biss fuq il-Kummissjoni.

90

(2) L-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri juri li 59,6 % tal-persunal tal-Kummissjoni vvalutaw l-għarfien tagħhom tal-qafas etiku bħala “tajjeb” jew “tajjeb ħafna”.

(3) L-istħarriġ tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri juri li 54,7 % tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni ddikjaraw li rċevew taħriġ dwar l-etika.

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib fis-sensibilizzazzjoni u fil-perċezzjoni tal-persunal f’dak li għandu x’jaqsam mal-qafas etiku u l-kultura etika

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u tqis li diġà qiegħda tiġi implimentata.

Il-Kummissjoni diġà ħadet miżuri estensivi biex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-persunal f’dak li għandu x’jaqsam mal-etika u se tkompli timplimenta dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni stabbiliet politika komprensiva ħafna ta’ taħriġ dwar l-etika li tilħaq lill-persunal f’mumenti differenti tal-karriera tagħhom, kif spjegat fit-tweġiba għall-paragrafu 80. Din il-politika ssaħħet aktar fl-2018. Il-Kummissjoni se tkompli tibni fuq dawn l-isforzi u tistenna li din il-politika ttejjeb il-livelli ta’ għarfien tal-persunal fuq perjodu ta’ żmien qasir.

It-tim tal-awditjar

Dan ir-rapport speċjali tal-QEA jippreżenta r-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u Amministrazzjoni tal-Unjoni, li hija mmexxija minn Lazaros S. Lazarou, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Mihails Kozlovs, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Edite Dzalbe, Kap tal-Kabinett u Laura Graudina, Attaché tal-Kabinett; Alberto Gasperoni, Maniġer Prinċipali; Gediminas Macys, Kap tal-Kompitu; Michal Machowski, Deputat Kap tal-Kompitu; Aino Nyholm, Elisa Paladini24, Christian Geoffroy u Angela Onno25, Awdituri. Richard Moore pprovda appoġġ lingwistiku u Emanuele Fossati pprovda appoġġ f’dak li jirrigwarda l-IT.

Mix-xellug għal-lemin: Alberto Gasperoni, Michal Machowski, Laura Graudina, Gediminas Mačys, Mihails Kozlovs, Edite Dzalbe, Aino Nyholm, Christian Geoffrroy.

Noti finali

1 Integrity framework (Qafas ta’ integrità), OECD, 2009.

2 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-Integrità Pubblika, OECD, Pariġi, 2017.

3 “1998 Recommendation of the OECD Council on Improving Ethical Conducting the Public Service, including Principles for Managing Ethics in the Public Service” (Rakkomandazzjoni 1998 tal-Kunsill tal-OECD dwar it-Titjib fl-Imġiba Etika fis-Servizz Pubbliku, inklużi l-Prinċipji għall-Ġestjoni tal-Etika fis-Settur Pubbliku), fir-rapport tal-OECD intitolat: Trust in Government. Ethics measures in OECD Countries (Fiduċja fil-Gvern. Miżuri dwar l-Etika fil-Pajjiżi tal-OECD), Pariġi, 2000.

4 Għall-membri tal-persunal li mhumiex uffiċjali, fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) hemm stipulati rekwiżiti simili. L-istituzzjonijiet jippreċiżaw aktar fid-dettall dawn id-dispożizzjonijiet billi jadottaw regoli ta’ implimentazzjoni aktar speċifiċi.

5 ĠU C 65, 21.2.2018, p. 7.

6 Għall-membri tal-persunal li mhumiex uffiċjali, fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) hemm stipulati rekwiżiti simili.

7 “Zero harassment in the workplace – A guide for Members of the European Parliament” (Żero fastidju fuq il-post tax-xogħol – Gwida għall-Membri tal-Parlament Ewropew), 2017.

8 Ara l-Artikolu 15 tat-TFUE, u l-kodiċi ta’ kondotta li huwa strument pubbliku ta’ awtoregolamentazzjoni adottat mill-President tal-Kunsill Ewropew.

9 Managing conflict of interest in the public sector (Ġestjoni tal-kunflitt ta’ interess fis-settur pubbliku), OECD, 2005.

10 Għandu jiġi osservat li, f’xi Stati Membri (bħal Franza u l-Polonja), id-dikjarazzjonijiet tal-Membri tal-istituzzjonijiet huma suġġetti għall-iskrutinju addizzjonali mill-awtoritajiet rilevanti fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

11 Managing Conflict of Interest in the Public Sector, A Toolkit (Ġestjoni tal-Kunflitt ta’ Interess fis-Settur Pubbliku, Sett ta’ għodod), OECD, 2005.

12 Il-Parlament Ewropew, Bureau Decision implementing measures for the code of conduct for the MEPs with respect to financial interests and CoI (Id-Deċiżjoni tal-Bureau li timplimenta miżuri għall-kodiċi ta’ kondotta għall-MEPs fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitt ta’ interess) (15 ta’ April 2013).

13 Whistleblower protection: encouraging reporting (Protezzjoni tal-informaturi: ninkoraġġixxu r-rappurtar), CleanGovBiz guidance, OECD, 2012.

14 Post-Public Employment Good Practices for preventing CoI (Prattiki Tajbin Wara Impjieg Pubbliku għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess), OECD, 2010.

15 Fil-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni trid tinkludi wkoll l-interessi finanzjarji ta’ tfal minorenni fejn dawn jistgħu jitqiesu li jwasslu għal kunflitt ta’ interess. Ara l-Artikolu 3(4)(a) tal-kodiċi ta’ kondotta għall-Kummissarji.

16 Gwida għall-Membri dwar il-ġlieda kontra l-fastidju (ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna).

17 It-tweġibiet għall-mistoqsijiet 11.9 u 11.10 tal-istħarriġ, ara l-Anness II — Riżultati tal-istħarriġ.

18 Dawn huma somom ta’ flus jew kwalunkwe oġġett fiżiku ieħor offrut bla ħlas jew il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni b’xejn f’avvenimenti li jkunu aċċessibbli biss bi ħlas. Dan jinkludi offerti ta’ ospitalità, inklużi ikel, xorb, ikliet u akkomodazzjoni.

19 Għall-membri tal-persunal li mhumiex uffiċjali, fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) hemm stipulati rekwiżiti simili. L-istituzzjonijiet jippreċiżaw aktar fid-dettall dawn id-dispożizzjonijiet billi jadottaw regoli ta’ implimentazzjoni aktar speċifiċi.

20 Dawn huma attivitajiet jew inkarigi, bi ħlas jew mingħajr, li l-uffiċjali jew il-Membri jwettqu barra mill-ambitu tad-dmirijiet tagħhom. It-terminu jirreferi għal attivitajiet ta’ natura professjonali, jew għal dawk li jmorru lil hinn minn dak li jista’ raġonevolment jitqies bħala attivitajiet ta’ divertiment.

21 Fil-każ tal-Kummissjoni, dawn jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ.

22 ibidem

23 ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

24 sa April 2018

25 sa Awwissu 2018

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-2291-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/388721 QJ-AB-19-010-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-2272-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/513785 QJ-AB-19-010-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.