Rapport Speċjali
Nru06 2019

L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni tal-UE: jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jsaħħu l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-koordinazzjoni

(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)

Dwar ir-rapport: Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Fil-qasam tal-politika ta’ Koeżjoni tal-UE, fejn hemm inċidenza sinifikanti ta’ frodi rrappurtata meta mqabbel ma’ oqsma oħra ta’ nfiq, il-korpi li jinsabu minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-frodi huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi tal-UE.
F’dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk l-awtoritajiet maniġerjali wettqux kif xieraq ir-responsabbiltajiet tagħhom f’kull stadju tal-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi: il-prevenzjoni tal-frodi, l-identifikazzjoni tal-frodi u r-rispons għall-frodi.
Aħna sibna li l-awtoritajiet maniġerjali tejbu l-mod li bih huma jivvalutaw ir-riskji ta’ frodi u jfasslu miżuri preventivi, iżda xorta waħda għad iridu jsaħħu l-identifikazzjoni tal-frodi, ir-rispons għaliha u l-koordinazzjoni tal-ġlieda kontriha fost id-diversi korpi tal-Istati Membri. B’mod partikolari, huma ma għamlux progress sinifikanti lejn l-identifikazzjoni proattiva tal-frodi u l-użu ta’ għodod ta’ analitika tad-data. L-awtoritajiet maniġerjali ma jirrappurtawx il-każijiet kollha ta’ frodi lill-Kummissjoni, u dan jaffettwa l-affidabbiltà tar-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi ppubblikati. Id-deterrenza hija limitata għat-theddida tal-irtirar tal-finanzjament mill-UE, mingħajr penali jew sanzjonijiet oħra dissważivi. Barra minn hekk, il-każijiet ta’ suspett ta’ frodi ma jiġux ikkomunikati b’mod sistematiku lill-korpi investigattivi jew ta’ prosekuzzjoni.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tiddefinixxi l-frodi bħala ksur intenzjonat li huwa, jew li jista’ jkun, ta’ preġudizzju għall-baġit tal-UE. Hija r-responsabbiltà konġunta tal-UE u tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-frodi u kull attività illegali oħra, bħall-korruzzjoni, li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Bejn l-2013 u l-2017, il-Kummissjoni u l-Istati Membri identifikaw aktar minn 4 000 irregolarità potenzjalment frodulenti. L-appoġġ tal-UE li huwa affettwat minn dawn l-irregolaritajiet ammonta għal kważi EUR 1.5 biljun, li 72 % minnhom kienu jikkonċernaw il-politika ta' Koeżjoni tal-UE. F’dan il-qasam, l-awtoritajiet maniġerjali fl-Istati Membri huma responsabbli għall-istabbiliment ta’ miżuri proporzjonati u effettivi kontra l-frodi li jieħdu kont tar-riskji identifikati. Jeħtieġ li dawn il-miżuri jkunu jkopru l-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi kollu (il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi kif ukoll ir-rispons għaliha, sa u bl-inklużjoni, tar-rappurtar dwar każijiet identifikati u l-irkupru ta’ fondi li jkunu tħallsu indebitament). Ir-rata ta’ frodi identifikata f’dak li jirrigwarda l-finanzjament mill-UE għall-qasam tal-Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 kienet tvarja minn 0 % għal 2.1 %, skont l-Istat Membru.

II

Permezz ta’ dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk l-awtoritajiet maniġerjali wettqux kif xieraq ir-responsabbiltajiet tagħhom f’kull stadju tal-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan, aħna eżaminajna jekk l-awtoritajiet maniġerjali:

  1. żviluppawx politiki kontra l-frodi, wettqux valutazzjoni tar-riskju approfondita u implimentawx miżuri adegwati għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ; u
  2. tawx rispons xieraq għal frodi identifikata f’koordinazzjoni ma’ korpi oħra ta’ kontra l-frodi.
III

Aħna sibna li għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-awtoritajiet maniġerjali vvalutaw aħjar ir-riskju ta’ frodi fl-użu tal-finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni, billi, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, użaw l-għodda “lesta għall-użu” inkluża fil-gwida tal-Kummissjoni. Madankollu, xi wħud minn dawn l-analiżijiet ma kinux approfonditi biżżejjed. Għalkemm tejbu l-miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi, ma għamlux progress sinifikanti lejn l-identifikazzjoni proattiva tal-frodi. Barra minn hekk, rari żviluppaw proċeduri għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-miżuri tagħhom għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni.

IV

Fil-qasam tar-rispons għall-frodi, l-awtoritajiet maniġerjali, f’koordinazzjoni ma’ korpi oħra ta’ kontra l-frodi, ma kinux reattivi biżżejjed għall-każijiet kollha ta’ frodi identifikati. B’mod partikolari, l-arranġamenti ta’ rappurtar mhumiex sodisfaċenti, bosta awtoritajiet maniġerjali ma jikkomunikawx sistematikament is-suspetti ta’ frodi lill-korpi kompetenti, l-effett ta’ deterrent tal-miżuri korrettivi huwa limitat, u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet kontra l-frodi mhix suffiċjenti. Aħna sibna wkoll li r-rata ta’ identifikazzjoni ta’ frodi kkomunikata għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 fir-rapport tal-2017, maħruġ mill-Kummissjoni, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE mhijiex rappreżentazzjoni korretta tal-livell ta’ frodi li realment ġie identifikat fl-Istati Membri li saritilhom żjara, iżda pjuttost turi indikazzjoni tal-każijiet ta’ frodi li huma ddeċidew jirrappurtaw lill-Kummissjoni.

V

B’riżultat tal-awditu tagħna, aħna nirrakkomandaw li:

  1. Jenħtieġ li l-Istati Membri li ma għandhomx strateġija nazzjonali kontra l-frodi jifformulaw waħda; dment li ma jkunx hemm strateġija li tkun dettaljata biżżejjed fil-livell nazzjonali, jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrikjedi lill-awtoritajiet maniġerjali biex jiżviluppaw strateġiji u politiki formali għall-ġlieda kontra l-każijiet ta’ frodi li jaffettwaw il-fondi tal-UE;
  2. l-awtoritajiet maniġerjali jagħmlu l-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi aktar robusta billi jinvolvu lill-atturi esterni rilevanti fil-proċess;
  3. l-Istati Membri jtejbu l-miżuri għall-identifikazzjoni tal-frodi billi jiġġeneralizzaw l-użu ta’ għodod ta’ analitika tad-data, u li l-Kummissjoni tippromwovi b’mod attiv l-użu ta’ metodi “proattivi” u ta’ metodi oħra ġodda ta’ identifikazzjoni tal-frodi;
  4. il-Kummissjoni timmonitorja l-mekkaniżmi ta’ rispons għall-frodi biex tiżgura li dawn jiġu applikati b’mod konsistenti; u
  5. il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jespandu l-funzjonijiet tal-AFCOSs biex isir titjib fil-koordinazzjoni.
VI

Matul in-negozjati u l-proċess ta’ approvazzjoni tas-CPR għall-perjodu 2021-2027, il-koleġiżlaturi jistgħu jikkunsidraw li:

  • jagħmlu obbligatorji l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali jew ta’ politiki kontra l-frodi u l-użu ta’ għodod ta’ analitika tad-data li jkunu xierqa (eż. Arachne);
  • jintroduċu sanzjonijiet u penali għal dawk responsabbli għal każijiet ta’ frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE.
VII

Filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Istati Membri għal flessibbiltà fid-definizzjoni u fl-organizzazzjoni tax-xogħol proprju tagħhom fil-ġlieda kontra l-każijiet ta’ frodi f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-koleġiżlaturi tal-UE jistgħu jikkunsidraw li jiddeterminaw funzjonijiet minimi għas-Servizz ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) fl-Istati Membri sabiex jiżguraw rwol effettiv ta’ koordinazzjoni.

Introduzzjoni

Il-ġlieda kontra l-frodi fl-UE

01

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tiddistingwi bejn1:

  • “Irregolaritajiet mhux frodulenti”, iddefiniti bħala kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-UE li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-UE jew il-baġit immexxi minnhom [...] minħabba nefqa mhux ġustifikata2.
  • “Irregolaritajiet frodulenti” (jew “frodi”), iddefiniti3 bħala kwalunkwe att jew ommissjoni b’intenzjoni dwar:
    • l-użu jew preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti [foloz] mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett il-misapproprjazzjoni jew iż-żamma mhux korretta ta’ fondi mill-bilanċ ġenerali tal-UE jew bilanċi mħaddma minn, jew f’isem, l-UE,
    • ma tkunx żvelata informazzjoni bi ksur ta’ obbligu speċifiku, bl-istess effett, jew
    • l-applikazzjoni ħażina ta’ dawn il-fondi għall-għanijiet barra dawk li għalihom ingħataw oriġinarjament.
02

L-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li hija r-responsabbiltà konġunta tal-UE (irrappreżentata mill-Kummissjoni) u tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Dan l-obbligu jkopri l-programmi kollha ta’ dħul u ta’ nfiq tal-UE u l-oqsma kollha ta' politika.

03

Il-politika ta' Koeżjoni tal-UE hija strutturata madwar tlieta mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej4 (FSIE): il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni (FK) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) — li flimkien huma magħrufin bħala l-fondi taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw dawn il-fondi b’mod konġunt permezz ta’ programmi operazzjonali (PO), li jagħtu dettalji ta’ kif l-Istati Membri jkunu se jonfqu l-finanzjament mill-UE matul perjodu ta' programmazzjoni:

  • Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kien hemm 440 PO fil-qasam tal-Koeżjoni. Kważi żewġ terzi minn dawn il-PO diġà ngħalqu.
  • Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 hemm 389 PO. Dawn il-PO għadhom għaddejjin.
04

Fil-livell tal-Kummissjoni, żewġ direttorati ġenerali huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika ta' Koeżjoni tal-UE: id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni u d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana. Fl-Istati Membri, tliet tipi differenti ta’ “awtoritajiet tal-programm” huma involuti fl-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ kull PO:

  • l-awtorità maniġerjali (responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali),
  • l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni (responsabbli għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal pagament lill-Kummissjoni u għat-tħejjija tal-kontijiet annwali tal-programm operazzjonali), u
  • l-awtorità tal-awditjar (responsabbli għall-forniment ta’ opinjoni indipendenti dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet, il-legalità tal-infiq imġarrab u l-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll).
05

Skont il-qafas legali għall-politika ta' Koeżjoni tal-UE fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, l-Istati Membri kienu responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet (inkluża l-frodi) u għall-irkupru ta’ fondi li jkunu tħallsu indebitament5. Dan ir-rekwiżit huwa aktar espliċitu fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, li jirrikjedi li l-awtoritajiet maniġerjali jdaħħlu “fis-seħħ miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi filwaqt li [jqisu] ir-riskji identifikati”6. Il-Kummissjoni tirrakkomanda7 li l-awtoritajiet maniġerjali jindirizzaw il-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi kollu (ara l-Figura 1), li jinkludi l-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi u r-rispons għaliha (prinċipalment ir-rappurtar dwar każijiet identifikati u l-irkupru ta’ fondi li jkunu tħallsu indebitament). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta’ “ebda tolleranza” għall-frodi u l-korruzzjoni8.

Figura 1

Il-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ frodi

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-qafas COSO.

06

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) huwa l-korp ewlieni tal-UE ta’ kontra l-frodi. Huwa jikkontribwixxi għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Kummissjoni kontra l-frodi u jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ każijiet ta’ frodi, korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il-baġit tal-UE.

07

Fil-livell tal-Istati Membri, l-awtoritajiet maniġerjali mhumiex l-uniċi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-frodi. Mill-2013 ’il hawn, kull Stat Membru kien meħtieġ jaħtar servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS) biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni ta’ natura operazzjonali, mal-OLAF9. Permezz ta’ gwida oħra10, il-Kummissjoni speċifikat li l-AFCOSs għandu jkollhom il-mandat, fi ħdan l-Istat Membru, biex jikkoordinaw l-obbligi u l-attivitajiet leġiżlattivi, amministrattivi u investigattivi kollha relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. F’ġestjoni kondiviża, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jirrappurtaw każijiet ta’ frodi suspettata jew stabbilita (u irregolaritajiet oħra) lill-Kummissjoni permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS) li tinsab fil-pjattaforma tal-OLAF għal informazzjoni kontra l-frodi.

Inċidenza sinifikanti ta’ frodi rrappurtata fil-politika ta' Koeżjoni tal-UE meta mqabbel ma’ oqsma oħra ta’ nfiq

08

Fil-5 ta’ Lulju 2017, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-“Direttiva PIF”11). Id-Direttiva tistabbilixxi definizzjoni komuni ta’ frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, b’mod partikolari fil-qasam tal-akkwist pubbliku. L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva PIF fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sas-6 ta’ Lulju 201912.

09

F’Settembru 2018, il-Kummissjoni ppubblikat id-29 rapport annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea13 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Rapport PIF 2017). Għall-ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni tħejji dan ir-rapport abbażi tal-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri permezz tal-IMS (ara l-paragrafu 07). L-analiżi tar-Rapport PIF 2017 turi li l-inċidenza ta’ frodi rrappurtata (suspettata u stabbilita) fil-politika ta' Koeżjoni tal-UE hija sinifikattivament ogħla milli f’oqsma oħra: il-Koeżjoni tirrappreżenta biss terz tal-baġit, iżda tirrappreżenta 39 % tal-każijiet kollha ta’ frodi li jiġu rrappurtati u 72 % tal-ammonti finanzjarji totali involuti f’dawn il-każijiet (ara l-Figura 2).

Figura 2

Irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti skont il-qasam ta' politika (2013-2017)

Sors: Ir-Rapport PIF 2017 - l-Anness Statistiku, il-Parti II (Infiq).

10

Skont id-data li ssostni r-Rapport PIF 2017, l-irregolaritajiet li jiġu rrappurtati bħala frodulenti mill-Istati Membri jirrappreżentaw 0.44 % tal-fondi li l-UE tħallas fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni. Dan l-indikatur huwa magħruf bħala r-rata ta’ identifikazzjoni ta’ frodi14 u jvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor (ara l-Figura 3), minn 0 % għal 2.1 % f’dak li jirrigwarda l-finanzjament mill-UE għall-qasam tal-Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kollu kemm hu. Ir-Rapport PIF 2017 ma jipprovdi l-ebda spjegazzjoni speċifika rigward ir-rata sinifikattivament ogħla ta’ identifikazzjoni ta’ frodi rrapurtata għas-Slovakkja. Il-valur individwali medju tal-irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti jammonta għal EUR 0.8 miljun.

Figura 3

Frodi identifikata u rrappurtata bħala perċentwal tal-fondi taħt il-politika ta' Koeżjoni li l-Istati Membri tal-UE rċevew fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013

N.B. Il-kalkolu tar-rata ta’ identifikazzjoni ta’ frodi li hija rrappreżentata f’din il-figura teskludi irregolaritajiet li jikkonċernaw il-politika tas-Sajd (li huma inklużi fl-istatistika ppubblikata mill-Kummissjoni taħt il-politiki ta’ Koeżjoni u tas-Sajd, u li ma jżidux ir-rata ta’ identifikazzjoni ta’ frodi tat-Total tal-UE. Din il-figura teskludi wkoll il-programmi multinazzjonali ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC). Madankollu, dawn il-programmi jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-medja tal-UE fil-figura. Fir-rigward tal-Istati Membri fejn l-FDR hija żero, il-Finlandja u l-Lussemburgu rrappurtaw li ma kien hemm l-ebda irregolarità frodulenti, filwaqt li l-Irlanda u l-Iżvezja rrappurtaw xi irregolaritajiet b’valur finanzjarju baxx.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapport PIF 2017, l-Anness statistiku, il-paġna 93.

11

Aħna dehrilna li kien meħtieġ li x-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet maniġerjali jiġi vvalutat, billi huma jinsabu minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-frodi fil-politika ta' Koeżjoni tal-UE. Skont il-Kummissjoni15, il-kombinament ta’ valutazzjoni tar-riskju approfondit li twassal għal miżuri adegwati għall-prevenzoni u l-identifikazzjoni implimentati mill-awtoritajiet maniġerjali, minn naħa waħda, u investigazzjonijiet koordinati u f’waqthom imwettqa mill-korpi kompetenti (ġeneralment il-pulizija jew il-prosekuturi), min-naħa l-oħra, jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti r-riskju ta’ frodi fil-qasam tal-politika ta' Koeżjoni u jkunu biżżejjed ta’ deterrent kontra l-frodi. Dan l-awditu kien strutturat madwar dawn iż-żewġ oqsma ġenerali.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

12

Aħna ddeċidejna li nawditjaw ix-xogħol tal-awtoritajiet maniġerjali fil-ġlieda kontra l-frodi fil-politika ta' Koeżjoni minħabba r-rwol ewlieni li għandhom, u se jibqa’ jkollhom fil-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027. Aħna eżaminajna jekk l-awtoritajiet maniġerjali wettqux kif xieraq ir-responsabbiltajiet tagħhom f’kull stadju tal-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi: il-prevenzjoni tal-frodi, l-identifikazzjoni tal-frodi u r-rispons għall-frodi (inkluż ir-rappurtar dwar il-frodi u l-irkupru ta’ fondi li jkunu tħallsu indebitament). Għal dan l-għan, aħna eżaminajna jekk l-awtoritajiet maniġerjali:

  1. żviluppawx politiki kontra l-frodi, wettqux valutazzjoni tar-riskju approfondita u implimentawx miżuri adegwati għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ; u
  2. tawx rispons xieraq għal frodi identifikata f’koordinazzjoni mal-korpi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni u mal-AFCOSs, b’kont meħud tal-istruttura ta’ dawn is-servizzi fl-Istati Membri li żorna.
13

Aħna ħarisna lejn ir-rwol li l-awtoritajiet maniġerjali u l-AFCOSs tal-Istati Membri għandhom fil-politika ta' Koeżjoni. Aħna awditjajna l-awtoritajiet maniġerjali għall-programmi operazzjonali ffinanzjati mit-tliet Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej prinċipali li jikkonċernaw il-politika ta' Koeżjoni tal-UE: l-FK, l-FSE u l-FEŻR. Aħna ddeċidejna li neskludu l-objettiv tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE) tal-FEŻR, billi l-proġetti ffinanzjati mill-PO korrispondenti jinvolvu sħab minn pajjiżi differenti taħt is-superviżjoni ta’ awtoritajiet fi Stati Membri differenti.

14

Aħna eżaminajna kif l-awtoritajiet maniġerjali kienu ħadu kont tal-qafas legali u strateġiku kontra l-frodi tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-proċess kontra l-frodi, b’mod partikolari meta kienet teżisti strateġija nazzjonali kontra l-frodi. Stedinna l-awtoritajiet maniġerjali kollha biex jipparteċipaw fi stħarriġ dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi u ksibna risposti minn awtoritajiet fi 23 Stat Membru.

15

Aħna żorna seba’ Stati Membri: il-Bulgarija, Franza, l-Ungerija, il-Greċja, il-Latvja, ir-Rumanija u Spanja. Biex għażilna dawn l-Istati Membri, aħna qisna r-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi u l-għadd ta’ każijiet ta’ frodi ppreżentati fir-Rapport PIF 2016, kif ukoll il-korrelazzjoni tagħhom ma’ indikaturi oħra tar-riskju ta’ frodi disponibbli. Matul iż-żjarat tagħna, aħna ltqajna ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ total ta’ 43 PO (22 PO għall-2007-2013 u 21 PO għall-2014-2020), u ma’ atturi ewlenin fil-ġlieda kontra l-frodi (korpi ta’ prosekuzzjoni u dawk ġudizzjarji, korpi investigattivi, aġenziji ta’ kontra l-frodi, awtoritajiet inkarigati mill-kompetizzjoni). Fl-Istati Membri li żorna, aħna awditjajna kampjun diskrezzjonali ta’ PO magħżula biex ikun rappreżentattiv tal-fondi kollha (il-FEŻR, il-FSE u, fejn applikabbli, l-FK) u firxa ta’ tipi ta’ interventi.

16

Aħna eżaminajna l-fajls tal-każijiet għal kampjun ta’ 138 irregolarità frodulenti rrappurtati lill-Kummissjoni mit-22 PO li aħna ttestjajna għall-perjodu 2007-2013. Kull meta d-daqs tal-popolazzjoni kien jippermetti, aħna applikajna l-metodu aleatorju magħruf bħala kampjunar minn unitajiet monetarji biex nagħżlu l-irregolaritajiet li għandhom jiġu eżaminati. Aħna ma vvalutajniex ix-xogħol tal-korpi ta’ investigazzjoni, ta’ prosekuzzjoni u dawk ġudizzjarji – għalkemm eżaminajna l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni tal-awtoritajiet maniġerjali ma’ dawn il-korpi.

17

Is-sejbiet f’dan ir-rapport jikkomplementaw dawk fir-Rapport Speċjali Nru 01/2019: “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”, li ġie ppubblikat fl-10 ta’ Jannar 2019 u li kopra t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi. F’dan ir-rapport, aħna ffukajna prinċipalment fuq ir-rwol li għandu l-OLAF, iżda eżaminajna wkoll ix-xogħol li sar fir-rigward tal-politiki ta’ kontra l-frodi mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ Koeżjoni tal-UE (ara l-paragrafu 04).

Osservazzjonijiet

Il-politika kontra l-frodi, miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi

L-awtoritajiet maniġerjali ġeneralment ma għandhomx politika speċifika kontra l-frodi

18

Il-Kummissjoni pprovdiet linji gwida għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet maniġerjali biex tgħinhom jistabbilixxu miżuri proporzjonati u effettivi kontra l-frodi biex b’hekk jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom.

  • Fil-livell tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali kontra l-frodi għall-protezzjoni tal-Fondi SIE, bl-objettiv li tiżgura li l-miżuri kontra l-frodi jiġu implimentati b’mod omoġenju u effettiv, speċjalment fejn l-istrutturi organizzazzjonali tal-Istati Membri jkunu deċentralizzati.
  • Fil-livell tal-programmi operazzjonali, il-Kummissjoni tirrakkomanda li, biex jindirizzaw il-frodi, l-awtoritajiet maniġerjali jiżviluppaw approċċ strutturat, li jkun organizzat madwar erba’ elementi ewlenin fil-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi: prevenzjoni, identifikazzjoni, korrezzjoni u prosekuzzjoni16.
  • Il-Kummissjoni ddefiniet ukoll kriterji konkreti biex tevalwa l-mod li bih l-awtoritajiet maniġerjali jkunu kkonformaw mal-obbligi legali tagħhom għall-istabbiliment ta’ miżuri proporzjonati u effettivi kontra l-frodi17.
19

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet maniġerjali jużaw politika formali kontra l-frodi18 biex jikkomunikaw id-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu u jindirizzaw il-frodi. B’mod partikolari, jenħtieġ li din il-politika tinkludi strateġiji għall-iżvilupp ta’ kultura kontra l-frodi u l-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet għall-indirizzar tal-frodi. Aħna nqisu li l-awtoritajiet maniġerjali kellhom iħejju politika formali kontra l-frodi jew dokument awtonomu uniku simili li jispeċifika l-miżuri tagħhom għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni u tal-frodi kif ukoll għar-rispons għaliha u jikkjarifika lill-persunal tagħhom stess, lill-benefiċjarji tal-finanzjament mill-UE u lil awtoritajiet oħra li hemm stabbiliti miżuri għall-indirizzar tal-frodi u li dawn qed jiġu implimentati.

20

Matul iż-żjarat tagħna aħna sibna li huma ftit ħafna minn dawn il-politiki li verament jikkostitwixxu dokumenti formali ta’ referenza b’sinteżi tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati f’kull stadju tal-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi, b’rispons għar-riskji ta’ frodi identifikati. Aħna sibna biss eżempji ta’ politiki formalizzati kontra l-frodi fil-Latvja, f’korpi intermedjarji speċifiċi fi Spanja, u fi Franza (fejn il-politika ma saritx pubblika). Fil-każijiet l-oħra kollha, biex ksibna deskrizzjoni sħiħa tal-miżuri kontra l-frodi kellna nikkonsultaw bosta dokumenti ta’ ġestjoni u manwali ta’ proċeduri. Aħna nqisu li n-nuqqas ta’ politiki formalizzati kontra l-frodi jillimita l-kapaċità tal-Istati Membri biex jissorveljaw u jikkoordinaw miżuri kontra l-frodi u biex jevalwaw l-effettività tagħhom. Dan huwa partikolarment rilevanti minħabba li 10 Stati Membri biss adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi19 bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (ara l-paragrafu 18).

21

Il-fatt li ma hemmx dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-awtoritajiet maniġerjali jadottaw politiki formali kontra l-frodi, aħna nqisuh bħala nuqqas fit-tfassil tal-qafas kontra l-frodi għall-2014-2020. Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 (li jikkomplementa s-CPR għall-perjodu 2014-2020) ma jsemmix nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ miżuri proporzjonati u effettivi kontra l-frodi fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ “nuqqasijiet serji” li, waħedhom, jistgħu jwasslu għas-sospensjoni ta’ pagamenti jew ta’ korrezzjonijiet finanzjarji relatati mal-programmi operazzjonali20. B’riżultat ta’ dan, fil-valutazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontrol, l-użu ta’ miżuri kontra l-frodi jingħata inqas importanza minn oqsma oħra. Il-proposta tal-Kummissjoni rigward is-CPR għall-perjodu 2021-2027 ma tqisx li l-miżuri kontra l-frodi huma waħda mill-kundizzjonijiet ta’ abilitazzjoni21 li l-Istati Membri jridu jirrispettaw qabel ma jiksbu finanzjament mill-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni.

L-awtoritajiet maniġerjali jivvalutaw sistematikament ir-riskji ta’ frodi, iżda dan il-proċess jista’ jkun aħjar

L-awtoritajiet maniġerjali jidentifikaw sistematikament ir-riskji ta’ frodi

22

Il-bidla l-aktar sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 hija li l-awtoritajiet maniġerjali issa jridu jivvalutaw ir-riskji ta’ frodi f’konformità mar-rekwiżiti tal-qafas ta’ kontroll 2014-2020 (ara l-paragrafu 05). L-iskop ta’ dan l-eżerċizzju huwa li l-awtoritajiet maniġerjali jiddeterminaw l-adegwatezza tal-kontrolli interni eżistenti biex jindirizzaw ir-riskji assoċjati ma’ xenarji differenti ta’ frodi u biex jidentifikaw l-oqsma fejn ikunu meħtieġa kontrolli addizzjonali.

23

Fost suġġetti oħra relatati mal-ġlieda kontra l-frodi, il-linji gwida tal-EGESIF għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet maniġerjali (ara l-paragrafu 18) jindirizzaw il-kompitu tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi u jipproponu għodda prattika u “lesta għall-użu” għat-twettiq tal-valutazzjoni22. L-awtoritajiet maniġerjali kollha li żorna fil-kuntest tal-awditu tagħna kienu ssodisfaw l-obbligu tagħhom li jwettqu valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi. Dan juri titjib fil-mod li bih dawn l-awtoritajiet jittrattaw il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-Koeżjoni. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, l-awtoritajiet applikaw il-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi li ġie żviluppat mill-Kummissjoni, jew il-verżjoni tagħhom ta’ dan il-mudell.

24

Fit-28 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati ta’ studju23 dwar il-prattiki fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-korruzzjoni, implimentati mill-Istati Membri b’rispons għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, li hija kienet esternalizzat f’Diċembru 2016. L-istudju kkonkluda li r-rekwiżiti leġiżlattivi ġodda, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi, kienu għenu biex l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi jsiru aktar formalizzati u sistematiċi. Madankollu, l-istudju kkonkluda wkoll li xi wħud mill-awtoritajiet jistgħu jistmaw il-livelli tar-riskju awtovalutat tagħhom b’mod insuffiċjenti (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Studju ta’ rendikont dwar il-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni fil-FSIE

L-istudju kien ibbażat fuq kampjun ta’ 50 PO tal-perjodu 2014-2020 (li 41 minnhom kienu relatati mal-Koeżjoni, b’esklużjoni tal-KTE) li ntgħażlu mill-Kummissjoni fuq bażi diskrezzjonali biex jiġu koperti l-Istati Membri kollha u firxa ta’ setturi u fondi. It-tim inkarigat mill-istudju eżamina informazzjoni mill-Istati Membri (b’mod partikolari l-eżitu tal-valutazzjonijiet tagħhom tar-riskju ta’ frodi) u wettaq intervisti mal-awtoritajiet tal-programmi u mal-AFCOSs.

L-istudju ffoka fuq it-tfassil ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u (f’livell inqas) fuq il-metodi ta’ identifikazzjoni tal-frodi, u vvaluta kemm il-miżuri kienu proporzjonati mar-riskji identifikati. Madankollu, huwa la indirizza l-mod li bih il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi kienet twettqet u lanqas ma wassal għal konklużjoni dwar l-effettività tal-miżuri stabbiliti.

Sommarju tal-lezzjonijiet ewlenin li nsiltu mill-istudju jingħata hawn taħt:

Kummenti pożittivi Oqsma fejn jista’ jsir titjib
L-isforzi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni huma aktar formalizzati u sistematiċi fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Il-proporzjonalità tal-miżuri ta’ mitigazzjoni hija l-aktar baxxa fir-rigward tar-riskji ta’ offerti kollużivi u ta’ finanzjament doppju.
Il-miżuri ta’ mitigazzjoni huma ġeneralment proporzjonati għar-riskji awtovalutati. Xi wħud mill-awtoritajiet jistgħu jistmaw il-livelli tar-riskju awtovalutat tagħhom b’mod insuffiċjenti.
Il-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet qed jużaw il-mudell tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi. Mhux l-awtoritajiet maniġerjali kollha jwettqu valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi fil-livell tal-PO.
Proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi li jkun aktar inklużiv huwa aktar adatt għat-tnaqqis ta’ dan it-tip ta’ riskji. Jeħtieġ li jkun hemm aktar komunikazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-attivitajiet kontra l-frodi.
L-awtoritajiet maniġerjali fil-kampjun iqisu li, fil-forma attwali tagħha, Arachne ma tissodisfax kompletament il-ħtiġijiet tagħhom.

Hemm xi oqsma fejn jista’ jsir aktar titjib

25

Madankollu, aħna nosservaw li xi wħud mill-awtoritajiet maniġerjali li żorna jieħdu approċċ mekkaniku għall-valutazzjoni tar-riskji ta’ frodi, li jindika li jiffavorixxu l-forma aktar mis-sustanza.

26

Barra minn hekk, huma ġeneralment jibbażaw l-identifikazzjoni tar-riskji ta’ frodi fuq l-esperjenza tagħhom stess, mingħajr l-input addizzjonali ta’ atturi oħra infurmati dwar is-suġġett (servizzi ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi, korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni jew aġenziji esperti oħra speċjalizzati f’dan il-qasam).

27

Matul iż-żjarat tagħna fl-Istati Membri, aħna sibna indikazzjonijiet li bosta awtoritajiet maniġerjali u korpi intermedjarji setgħu evalwaw ir-riskji ta’ frodi b’mod inadegwat:

  • Fil-Bulgarija, l-awtorità tal-awditjar kienet diġà identifikat li ċerti riskji ta’ frodi speċifiċi kienu ġew klassifikati b’mod skorrett bħala baxxi mill-awtoritajiet maniġerjali, li b’hekk ma użawx proċeduri ta’ kontroll addizzjonali biex jindirizzawhom.
  • Fi Franza, l-awtoritajiet maniġerjali li żorna ma kinux ivvalutaw l-impatt tal-kontrolli addizzjonali fuq ir-riskju residwu ta’ frodi.
  • Fi Spanja, fejn ir-responsabbiltà għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi tiġi parzjalment iddelegata lil korpi intermedjarji, evalwazzjoni indipendenti mitluba mill-awtorità maniġerjali identifikat problemi ta’ koerenza bejn ir-riskji identifikati u l-kontrolli ppjanati (eż. ċerti riskji mhux koperti minn pjan ta’ azzjoni jew kontrolli stabbiliti f’oqsma indikati bħala mhux applikabbli).
  • F’wieħed mill-PO awditjati fir-Rumanija, il-korpi intermedjarji li jeżerċitaw l-istess funzjonijiet iddelegati u jimmaniġġjaw finanzjament simili pprovdew valutazzjonijiet differenti tar-riskju ta’ frodi.
  • Fl-Ungerija, aħna sibna li l-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi ma kinitx komprensiva biżżejjed (hija eskludiet ir-riżultati ta’ awditi preċedenti) u ma identifikatx ir-riskji speċifikament assoċjati mat-tipi ta’ operazzjonijiet u mal-benefiċjarji koperti mill-programmi operazzjonali.
28

Fi kważi l-każijiet kollha l-awtoritajiet maniġerjali kkonkludew li l-miżuri eżistenti kontra l-frodi jindirizzaw ir-riskji ta’ frodi identifikati. Minħabba n-nuqqasijiet identifikati, aħna nqisu li din il-konklużjoni tista’ tkun ottimista żżejjed.

L-awtoritajiet maniġerjali tejbu l-miżuri tagħhom għall-prevenzjoni tal-frodi, iżda ma għamlux progress sinifikanti fl-identifikazzjoni proattiva tal-frodi

29

L-awtoritajiet maniġerjali huma mistennija jiżviluppaw miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi li jkunu effettivi u proporzjonati, b’rispons għar-riskji identifikati, b’tali mod li l-opportunità biex titwettaq il-frodi titnaqqas sostanzjalment.

L-awtoritajiet maniġerjali żviluppaw miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni tal-frodi għall-2014-2020

30

Aħna sibna li l-miżuri addizzjonali kontra l-frodi li ġew żviluppati għall-perjodu 2014-2020 fil-biċċa l-kbira jiffukaw fuq azzjonijiet preventivi, li huma aktar komprensivi minn dawk stabbiliti għall-2007-2013. L-istħarriġ tagħna wera li dawn il-miżuri preventivi addizzjonali jinkludu prinċipalment taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-frodi għall-membri tal-persunal, politiki dwar kunflitti ta’ interess u gwida etika għall-impjegati u l-benefiċjarji, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ stqarrijiet jew dikjarazzjonijiet istituzzjonali ta’ livell għoli kontra l-frodi.

31

L-istħarriġ tagħna wera wkoll li l-awtoritajiet maniġerjali jqisu li l-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-frodi (kemm it-taħriġ għall-membri tal-persunal kif ukoll il-miżuri mmirati lejn il-korpi intermedjarji u l-benefiċjarji tal-proġetti), il-politiki dwar kunflitti ta’ interess u l-kodiċi ta’ kondotta huma l-aktar mod effettiv għall-prevenzjoni tal-frodi fl-użu tal-finanzjament mill-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni (ara l-Figura 4). Miżuri oħra għall-prevenzjoni tal-frodi, bħal programmi ta’ appoġġ għall-impjegati (li għandhom l-għan li jnaqqsu l-pressjoni fuq impjegati esposti għall-frodi) u skemi ta’ għotjiet (fejn l-awtoritajiet maniġerjali jippubblikaw l-intenzjoni tagħhom li jippremjaw lill-informaturi li jissenjalaw każijiet ta’ frodi) jibqgħu infrekwenti, għalkemm jitqiesu li huma raġonevolment effettivi.

Figura 4

Miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi implimentati mill-awtoritajiet maniġerjali u l-effettività perċepita tagħhom

Sors: Stħarriġ tal-awtoritajiet maniġerjali mwettaq mill-QEA.

32

Bosta Stati Membri ħadu approċċ aktar innovattiv biex jipprevienu l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, bħal billi jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi jew billi jorganizzaw kampanji li jistaqsu dwar jekk ċerti prattiki frodulenti għandhomx ikunu aċċettabbli għas-soċjetà (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Miżuri innovattivi għall-prevenzjoni tal-frodi

Patti ta’ integrità

Fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea u Transparency International, organizzazzjoni globali nongovernattiva li tiġġieled b’mod attiv kontra l-korruzzjoni u li hija magħrufa partikolarment għall-pubblikazzjoni tagħha tal-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni (CPI), niedet proġett pilota dwar “patti ta’ integrità” bħala mod innovattiv ta’ prevenzjoni tal-frodi fil-proġetti taħt il-politika ta' Koeżjoni tal-UE. Patt ta’ integrità huwa ftehim li fih l-awtorità responsabbli għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-operaturi ekonomiċi li jippreżentaw offerti għall-kuntratt jagħmlu impenn li jastjenu minn prattiki ta’ korruzzjoni u li jiżguraw trasparenza fil-proċess ta’ akkwist. Il-patti jinkludu wkoll ftehim separat li permezz tiegħu organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili (bħal NGO, fondazzjoni jew organizzazzjoni bbażata fuq il-komunità lokali) tkun inkarigata biex timmonitorja li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenji tagħhom. L-iskop tal-patti ta’ integrità huwa li jżidu t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-governanza tajba fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jsaħħu l-fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi u li jippromwovu l-kosteffiċjenza u t-tfaddil permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist aħjar. It-tieni fażi tal-proġett bdiet fl-2016 u se tkompli għaddejja għal erba’ snin24. Aħna ddiskutejna l-użu tal-patti ta’ integrità ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Latvja, ir-Rumanija u l-Ungerija, li ġeneralment kellhom opinjoni pożittiva dwar l-inizjattiva.

Il-kampanja “FRAUD OFF!”

F’Marzu 2017, l-AFCOS Latvjan nieda kampanja ta’ sensibilizzazzjoni msejħa “FRAUD OFF!”, li tistaqsi dwar jekk ċerti tipi ta’ mġiba frodulenti għandhomx ikunu aċċettabbli għas-soċjetà. L-istazzjonijiet tat-televiżjoni nazzjonali xandru reklami dwar il-kampanja li fihom dehru ċelebritajiet nazzjonali, u tqassam materjal pubbliċitarju lil istituzzjonijiet, negozji, ħwienet u l-poplu inġenerali. Il-kampanja laħqet udjenza sinifikanti u kienet ferm popolari għal xi żmien.

Il-miżuri għall-identifikazzjoni tal-frodi għall-2014-2020 għadhom ġeneralment l-istess bħal dawk għall-2007-2013

33

Filwaqt li l-valutazzjoni obbligatorja tar-riskju ta’ frodi fissret li kien hemm fokus akbar fuq il-prevenzjoni tal-frodi, l-awtoritajiet maniġerjali ftit li xejn ma żviluppaw metodi addizzjonali ta’ identifikazzjoni tal-frodi għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Minflok huma jserrħu fuq il-kontrolli u l-proċeduri interni li kienu diġà stabbiliti għall-2007-2013, perjodu meta l-qafas ta’ kontroll kien anqas strett (ara l-Figura 5). Dawn jikkonsistu prinċipalment minn kontrolli (awditi) fuq il-post, mekkaniżmi interni għar-rappurtar ta’ frodi u, inqas ta’ spiss, l-identifikazzjoni ta’ indikaturi speċifiċi tal-frodi25 (sinjali ta’ allarm (red flags)). Kemm permezz tal-istħarriġ kif ukoll matul iż-żjarat tagħna fl-Istati Membri, aħna ftit li xejn ma sibna kontrolli addizzjonali “proattivi” għall-identifikazzjoni tal-frodi (eż. kontrolli speċifiċi għall-identifikazzjoni ta’ kolluzjoni fl-akkwist pubbliku, bħall-analiżi semantika ta’ offerti riċevuti jew l-identifikazzjoni ta’ offerti b’xejriet anormali).

Figura 5

Miżuri għall-identifikazzjoni tal-frodi implimentati mill-awtoritajiet maniġerjali u l-effettività perċepita tagħhom

Sors: Stħarriġ tal-awtoritajiet maniġerjali mwettaq mill-QEA.

Ċerti problemi prattiċi jillimitaw l-utilità tal-hotlines għas-senjalar ta’ frodi minn informaturi

34

L-istħarriġ tagħna wera li l-awtoritajiet maniġerjali ftit li xejn ma jagħmlu użu minn hotlines għas-senjalar ta’ frodi minn informaturi, anki jekk ġeneralment iqisu li din l-għodda hija metodu effettiv għall-identifikazzjoni tal-frodi. Il-hotlines u mekkaniżmi oħra għall-iżvelar ta’ informazzjoni protetta jippermettu li l-awtoritajiet maniġerjali (u awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Membri) isiru jafu bil-possibbiltà ta’ frodi li ma tkunx inqabdet minn kontrolli oħra26. Diversi studji juru li dawn il-metodi jitqiesu bħala s-sors l-aktar importanti ta’ rapporti dwar frodi27. Matul iż-żjarat tagħna, aħna vvalutajna mekkaniżmi għall-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u sibna għadd ta’ problemi prattiċi fl-użu tagħhom. Pereżempju, dawn mhux dejjem ikunu anonimi u hemm ir-riskju li l-benefiċjarji ta’ proġetti u l-pubbliku inġenerali ma jkunux jafu bihom. Fil-każ ta’ limitazzjonijiet regolatorji dwar l-użu ta’ mezzi anonimi ta’ denunzja, l-awtoritajiet maniġerjali u l-AFCOSs dejjem jistgħu jiggwidaw lill-informaturi anonimi biex jużaw is-sistema ta’ notifika tal-frodi li ġiet stabbilita mill-OLAF28.

35

Fit-23 ta’ April 2018, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar il-protezzjoni tal-informaturi. Din kellha l-għan li tunifika l-approċċi differenti li attwalment qed jiġu applikati mill-Istati Membri u li żżid il-livell ta’ protezzjoni għal persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni, inkluż il-ksur kollu li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. Fl-opinjoni li ħriġna fil-15 ta’ Ottubru 2018 dwar il-proposta, aħna ddikjarajna l-fehma tagħna li l-introduzzjoni jew l-espansjoni tal-arranġamenti ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, fl-Istati Membri kollha, jikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni tal-politiki tal-UE permezz tal-azzjonijiet li jittieħdu miċ-ċittadini u mill-impjegati. Madankollu, aħna ġbidna l-attenzjoni wkoll għal xi oqsma ta’ tħassib, bħall-kumplessità eċċessiva tal-ambitu materjali tal-proposta, li tista’ tnaqqas iċ-ċertezza legali għal informaturi potenzjali u b’hekk tiskoraġġihom milli jirrappurtaw. Aħna ġbidna wkoll l-attenzjoni għal kwistjonijiet oħra bħan-nuqqas ta’ obbligi ċari rigward is-sensibilazzjoni u t-taħriġ tal-persunal, u l-konvinzjoni tagħna li persuni li jkunu rrappurtaw b’mod anonimu ma għandhomx jiġu rifjutati l-protezzjoni mogħtija lill-informaturi jekk l-identità tagħhom tiġi sussegwentement żvelata29. F’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, fit-12 ta’ Marzu 2019, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri laħqu ftehim proviżorju dwar ir-regoli l-ġodda li se jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni għall-informaturi li jirrappurtaw ksur tal-liġijiet tal-UE30.

L-analitika tad-data ma tintużax b’mod suffiċjenti għall-identifikazzjoni tal-frodi

36

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet maniġerjali sabiex jużaw l-analitika tad-data b’mod proattiv biex jidentifikaw sitwazzjonijiet potenzjalment ta’ riskju għoli, jidentifikaw sinjali ta’ allarm (red flags) u jirfinaw l-għan tal-miżuri għall-ġlieda kontra l-frodi. Jenħtieġ li l-analitika tad-data tkun parti sistematika mill-għażla tal-proġetti, mill-verifikazzjonijiet ta’ ġestjoni u mill-awditi31. Fil-qafas tal-ġlieda kontra l-frodi, il-Kummissjoni toffri għodda speċifika ta’ estrazzjoni ta’ data (Arachne) biex tgħin lill-awtoritajiet maniġerjali jidentifikaw proġetti li jistgħu jkunu suġġetti għal riskji ta’ frodi. Skont l-informazzjoni li rċevejna mill-Kummissjoni, f’Diċembru 2018 l-għodda Arachne kienet qed tintuża minn 21 Stat Membru għal 165 PO li kienu jirrappreżentaw 54 % tal-finanzjament kollu mill-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni għall-2007-2013 (bl-esklużjoni tal-KTE). Fir-Rapport Speċjali Nru 01/2019 tagħna: “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”, aħna enfasizzajna l-importanza ta’ Arachne bħala għodda għall-prevenzjoni tal-frodi. Aħna issa vvalutajna r-rwol ta’ Arachne bħala għodda ta’ analitika tad-data għall-identifikazzjoni tal-frodi.

37

Waħda mill-osservazzjonijiet l-aktar sinifikanti li jirriżultaw mix-xogħol tal-awditjar tagħna hija li l-awtoritajiet maniġerjali ma jużawx b’mod suffiċjenti l-analitika tad-data għall-identifikazzjoni tal-frodi. L-istħarriġ tagħna wera li waħda minn kull żewġ awtoritajiet maniġerjali tuża għodod ta’ analitika tad-data għal dan l-għan (ara l-Figura 5). B’mod partikolari, Arachne ma tintużax b’mod suffiċjenti. Fl-Istati Membri li żorna aħna sibna li:

  • Stat Membru wieħed (il-Greċja) ma pprovdiex informazzjoni dwar jekk Arachne hijiex se tiġi introdotta jew le fil-futur qarib. Madankollu, l-awtoritajiet maniġerjali Griegi ma adottaw l-ebda għodda ta’ analitika tad-data ekwivalenti li tista’ tintuża għall-PO kollha fil-pajjiż.
  • F’erbgħa mis-sitt Stati Membri l-oħra, anki meta dawn iddeċidew li jużaw l-għodda Arachne, l-awtoritajiet maniġerjali ftit li xejn għamlu progress biex itellgħu d-data operazzjonali meħtieġa jew biex jużaw l-għodda għall-kontrolli interni tagħhom.
  • Il-Karta Arachne tippermetti aċċess għall-awtoritajiet maniġerjali, l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni u l-awtoritajiet tal-awditjar biss. B’hekk, Arachne ma tistax tintuża awtomatikament mill-korpi investigattivi.

Aħna sibna wkoll li fi tnejn mill-Istati Membri li żorna, l-awtoritajiet maniġerjali li inkorporaw l-għodda Arachne kompletament fil-proċeduri ta’ ġestjoni tagħhom, użawha biex tgħinhom jadattaw il-miżuri speċifiċi tagħhom kontra l-frodi għal benefiċjarji b’riskju għoli.

38

Ma ksibna l-ebda spjegazzjoni konvinċenti dwar ir-raġuni għalfejn l-awtoritajiet maniġerjali ma kinux qed jagħmlu użu sħiħ mill-għodda, li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni mingħajr ħlas. Madankollu, l-istudju li l-Kummissjoni wettqet f’Novembru 2018 (ara l-paragrafu 24 u l-Kaxxa 1) ikkonkluda li l-awtoritajiet maniġerjali jqisu li, fil-forma attwali tagħha, l-għodda Arachne ma tissodisfax għalkollox il-ħtiġijiet tagħhom. L-awturi tal-istudju kienu tal-fehma li dan huwa partikolarment preokkupanti, billi l-utilità ta’ Arachne hija fil-biċċa l-kbira perċepita bħala li tiddependi ħafna mill-għadd ta’ PO li dwarhom tiddaħħal informazzjoni fl-għodda32.

39

Madankollu, matul iż-żjarat tagħna aħna stajna nidentifikaw xi eżempji ta’ prattika tajba fejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu żviluppaw għodod ta’ analitika tad-data biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ riskji ta’ frodi potenzjali (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Prattiki tajbin fl-analitika tad-data skont l-Istat Membru

Aħna identifikajna l-għodod ta’ analitika tad-data li ġejjin, li jintużaw direttament biex jidentifikaw każijiet ta’ frodi potenzjali fl-użu ta’ finanzjament mill-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni:

  • Fir-Rumanija, l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità żviluppat sistema tal-IT (“PREVENT”) li tqabbel l-informazzjoni dwar l-akkwist pubbliku pprovduta mill-awtoritajiet kontraenti u l-offerenti ma’ informazzjoni minn databases nazzjonali oħra (eż. ir-reġistru kummerċjali). L-użu tas-sistema inkonnessjoni mat-839 proċedura ta' akkwist pubbliku ffinanzjati mill-UE ppermetta lill-Aġenzija toħroġ 42 twissija ta’ integrità għall-korrezzjoni jew l-investigazzjoni.
  • Fi Spanja, il-korp intermedjarju responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ parti kbira mill-PO “Comunidad Valenciana”, f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, żviluppa sistema tal-IT ta’ twissija rapida (“SALER”) li tgħaqqad erba’ databases nazzjonali u reġjonali separati sabiex jiġu identifikati r-riskji ta’ frodi. L-implimentazzjoni ta’ din l-għodda għadha għaddejja.

L-awtoritajiet maniġerjali ma għandhomx proċeduri għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi

40

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet maniġerjali jiddefinixxu proċeduri għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi. Dawn iridu jkunu jinkludu arranġamenti speċifiċi għar-rappurtar tal-miżuri kontra l-frodi li ġew stabbiliti u kif qed jiġu applikati. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet maniġerjali jużaw ir-riżultati tal-monitoraġġ biex jevalwaw l-effettività tal-miżuri u biex jirrevedu l-istrateġiji u l-politiki tagħhom kontra l-frodi kif meħtieġ.

41

Aħna sibna li ħlief għal-Latvja, l-ebda waħda mill-awtoritajiet maniġerjali li żorna ma teżamina l-effettività tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi. Huma jżommu rekords limitati tal-miżuri li jintużaw u rari jorbtuhom ma’ riżultati speċifiċi. B’konsegwenza, is-sistemi kontra l-frodi ma jiġux evalwati f’termini tar-riżultati reali tagħhom – la mill-awtoritajiet maniġerjali u lanqas minn kwalunkwe awtorità oħra tal-programm (eż. l-awtorità tal-awditjar) jew l-AFCOS.

Il-livelli ta’ każijiet ta’ frodi rrappurtati kienu simili, kemm għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kif ukoll għal dak 2014-2020

42

L-awtoritajiet maniġerjali u korpi oħra tal-Istati Membri jirrappurtaw irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti lill-Kummissjoni permezz tal-IMS. F’Diċembru 2018, l-Istati Membri (prinċipalment l-awtoritajiet maniġerjali u dawk tal-awditjar) kienu rrappurtaw total ta’ 1 925 irregolarità frodulenti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u 155 għall-2014-2020. Dawn kienu jikkonċernaw każijiet ta’ frodi suspettata u ta’ frodi stabbilita li potenzjalment jaffettwaw fondi tal-UE b’valur ta’ EUR 1.6 biljun (2007-2013) u EUR 0.7 biljun (2014-2020).

43

Il-Figura 6 turi l-evoluzzjoni fl-għadd u fil-valur ta’ irregolaritajiet rrappurtati fl-IMS għall-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020. Sa issa, ġew irrappurtati 155 irregolarità frodulenti għall-2014-2020 – 10 % inqas milli fl-istadju korrispondenti tal-perjodu 2007-2013 (174). F’termini finanzjarji, is-sitwazzjoni hija pjuttost differenti: l-impatt potenzjali ta’ frodi rrappurtata fuq fondi taħt il-politika ta' Koeżjoni tal-UE fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 (EUR 0.7 biljun) huwa aktar minn tliet darbiet akbar minn dak fl-istadju korrispondenti tal-perjodu preċedenti (EUR 0.2 biljun). Madankollu, din iż-żieda sinifikanti hija r-riżultat ta’ żewġ każijiet separati ta’ frodi suspettata li nqisu li huma anomaliji fid-data33.

Figura 6

Evoluzzjoni ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-IMS.

Il-biċċa l-kbira mill-każijiet ta’ frodi rrappurtati lill-Kummissjoni jiġu identifikati minn kontrolli fuq il-post jew jiġu żvelati minn korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni jew mill-midja

44

L-IMS fiha għadd ta’ kampijiet tad-data li jridu jintużaw biex jikkaratterizzaw l-irregolaritajiet u biex jindikaw l-istatus ta’ kull proċediment. Kamp minnhom huwa intitolat “sors tal-informazzjoni li twassal għal suspett ta’ irregolarità”, li jirrappreżenta l-metodu ta’ identifikazzjoni. Ibbażat fuq id-data rreġistrata fl-IMS sa u inkluż tmiem Diċembru 2018, aħna analizzajna s-sorsi ta’ informazzjoni li wasslu biex ċerti irregolaritajiet jiġu rrappurtati bħala frodulenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 (ara l-Figura 7). Aħna ma vvalutajniex id-data għall-perjodu 2014-2020 minħabba li għadha wisq inkompleta u fiha anomaliji (ara l-paragrafu 43).

45

L-irregolaritajiet l-aktar numerużi ġew identifikati permezz ta’ kontrolli fuq il-post li twettqu mill-awtoritajiet tal-programm (ara l-paragrafu 04), segwiti minn rapporti mill-korpi investigattivi jew ta’ prosekuzzjoni. Dan jissuġġerixxi li dawn huma l-mezzi l-aktar effettivi għall-identifikazzjoni tal-frodi fl-użu tal-finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni. Madankollu, l-istatistika hija influwenzata mill-użu ġeneralizzat ta’ awditi bħala metodu għall-identifikazzjoni tal-frodi (ara l-paragrafu 33 u l-Figura 5). Jekk jitqies il-valur, il-biċċa l-kbira mir-rapporti ta’ irregolaritajiet frodulenti rriżultaw minn każijiet miftuħa direttament mill-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni, jew minn rivelazzjonijiet li saru mill-istampa u minn midja oħra. Aħna nqisu li l-istatistika rigward is-sorsi ta’ informazzjoni dwar il-frodi, skont il-valur, hija affettwata b’mod qawwi mill-inċertezza f’dak li jirrigwarda l-ammonti reali kkonċernati, għalkemm dan mhuwiex daqstant il-każ meta l-informazzjoni tkun ġejja minn korp investigattiv jew ta’ prosekuzzjoni.

Figura 7

Irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 fil-qasam tal-Koeżjoni, skont is-sors ta’ informazzjoni

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-IMS.

Rispons għall-frodi, investigazzjoni u koordinazzjoni fost il-korpi rilevanti

46

Il-Kummissjoni teħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jiżviluppaw miżuri effettivi ta’ rispons għall-frodi. Dawn iridu jkunu jinkludu mekkaniżmi ċari għar-rappurtar ta’ frodi suspettata u proċeduri ċari biex il-każijiet jiġu riferuti lill-awtoritajiet investigattivi u ta’ prosekuzzjoni kompetenti. Irid ikun hemm ukoll proċeduri biex jitwettaq segwitu tal-każijiet ta’ frodi suspettata u, fejn ikun meħtieġ, għall-irkupru tal-fondi tal-UE. L-awtoritajiet maniġerjali jridu jaħdmu mal-AFCOSs tagħhom, u jrid ikun hemm koordinazzjoni adegwata fost il-korpi kollha amministrattivi kollha u dawk inkarigati mill-infurzar liġi.

Ir-rappurtar insuffiċjenti min-naħa tal-awtoritajiet maniġerjali affettwa l-affidabbiltà tar-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi ppubblikati fir-rapporti PIF

47

L-Istati Membri jridu jużaw l-IMS biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar irregolaritajiet ta’ aktar minn EUR 10 000 li jwassluhom biex jissuspettaw jew jistabbilixxu l-frodi34. L-Istati Membri jridu jirrappurtaw każijiet ta’ frodi suspettata jew stabbilita, anki jekk dawn ikunu ġew riżolti, qabel ma jiċċertifikaw l-infiq relatat lill-Kummissjoni.

Mhux il-każijiet kollha ta’ frodi potenzjali jiġu rrappurtati bħala tali fl-IMS

48

Il-Figura 3 hawn fuq tippreżenta r-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi għall-2007-2013 fil-politika ta' Koeżjoni tal-UE. Dawn huma bbażati fuq data tal-IMS u ġew ippubblikati fir-Rapport PIF 2017. Fir-Rapport Speċjali Nru 01/2019, aħna ddikjarajna li d-data fir-rapport PIF dwar il-frodi identifikata ma kinitx kompleta35. Ix-xogħol li wettaqna għal dan l-awditu kkonferma din il-valutazzjoni. Aħna identifikajna wkoll bosta każijiet li qajmu dubji dwar il-kompletezza u l-affidabbiltà tad-data dwar il-frodi fl-IMS u li b’hekk, jillimitaw l-użu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jagħmlu mis-sistema.

49

Aħna sibna li mhux l-Istati Membri kollha jinterpretaw bl-istess mod id-definizzjoni ta’ frodi mogħtija mill-UE (ara l-paragrafu 01). Pereżempju, l-akkordji illegali bejn il-kartelli (manipulazzjoni tal-offerti) mhux dejjem jiġi rrappurtat bħala frodulenti fi Spanja iżda Stati Membri oħra, bħal-Latvja, jirrappurtaw sistematikament.

50

Aħna ltqajna ma’ każijiet fejn irregolaritajiet li jagħtu indikazzjonjiet ċari ta’ frodi ma ġewx rrappurtati kif meħtieġ lill-Kummissjoni minħabba li kienu ġew identifikati u kkoreġuti qabel iċ-ċertifikazzjoni tal-infiq relatat lill-Kummissjoni. Madankollu, l-Istati Membri huma meħtieġa li jirrappurtaw każijiet ta’ suspett ta’ frodi (bħala “attentati ta’ frodi”) anki jekk eventwalment ma jingħatax kofinanzjament mill-UE. Fl-Ungerija, l-awtoritajiet maniġerjali ma jirrappurtawx każijiet ta’ suspett ta’ frodi li jiġu riżolti qabel iċ-ċertifikazzjoni lill-Kummissjoni. Fi Spanja, l-awtorità maniġerjali responsabbli għall-FSE żammet xi pagamenti bħala miżura ta’ prekawzjoni, iżda ma rrappurtatx lill-Kummissjoni dwar l-infiq affettwat mill-każijiet ta’ frodi allegata li kienu dehru fl-istampa.

51

Aħna sibna inkonsistenzi fl-użu li l-Istati Membri għamlu minn atti amministrattivi jew atti legali biex jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Pereżempju, ir-Rumanija ma tirrappurtax sistematikament fl-IMS dwar investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin jew dwar deċiżjonijiet għal prosekuzzjoni. Kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Rumena, każijiet ta’ suspett ta’ frodi jiġu kkodifikati biss meta awtorità maniġerjali, l-awtorità tal-awditjar, l-AFCOS jew l-OLAF jippubblikaw rapport ta’ kontroll/ta’ investigazzjoni separat addizzjonali, anki jekk tkun diġà qed issir investigazzjoni jew din tkun ġiet konkluża. B’riżultat ta’ dan, ir-rappurtar fl-IMS jiddewwem għalxejn u xi kawżi fil-qrati jistgħu jiġu esklużi totalment mis-sistema.

52

Fl-aħħar nett, aħna sibna wkoll li l-AFCOS Ungeriż għandu ammont kbir ta’ każijiet b’lura li jridu jiġu analizzati qabel ma jiġu rrappurtati fl-IMS.

L-IMS fiha xi ineżattezzi u data obsoleta

53

Fl-IMS, aħna sibna eżempji ta’ data ineżatta jew obsoleta, b’mod partikolari fir-rigward tal-istatus ta’ każ u d-dati ewlenin fil-proċedura ta’ sanzjonar. Dan jista’ jindika li l-awtorità maniġerjali, il-validatur tad-data jew l-AFCOS ma vverifikawx bir-reqqa il-kwalità tad-data. Filwaqt li din is-sitwazzjoni mhijiex sodisfaċenti, ġeneralment ma taffettwax l-ammont ta’ każijiet ta’ frodi rrappurtati fl-IMS.

54

Aħna identifikajna inkonsistenzi fl-approċċ meħud mill-awtoritajiet maniġerjali biex jivvalutaw l-impatt finanzjarju ta’ frodi potenzjali. B’riżultat ta’ dan, reati legali simili jistgħu jiġu kkwantifikati b’mod differenti fl-IMS minn Stati Membri differenti. Il-biċċa l-kbira mill-każijiet ikkonċernati huma dawk fejn ikun diffiċli li jiġi ddikjarat b’mod preċiż l-ammont ta’ nfiq affettwat (eż. kunflitti ta’ interess fl-għażla ta’ proġetti jew ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku).

Ir-rappurtar insuffiċjenti affettwa l-affidabbiltà tar-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi

55

Ir-Rapport PIF 2017 jagħti r-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi għal kull Stat Membru u għall-UE fl-intier tagħha, ibbażat fuq id-data rrappurtata fl-IMS mill-awtoritajiet u mill-AFCOSs tal-Istati Membri (ara l-paragrafu 07). Huwa ma jipprovdix indikatur komparattiv simili rigward l-għadd ta’ irregolaritajiet fl-UE kollha fil-qasam tal-politika ta' Koeżjoni. Biex nikkalkulaw din iċ-ċifra, aħna qabbilna l-għadd ta’ irregolaritajiet frodulenti rrappurtati minn kull Stat Membru mal-ammont li huma kienu rċevew f’fondi mill-UE (ara l-Figura 8). Aħna sibna li Franza tirrapporta l-inqas ammont ta’ irregolaritajiet frodulenti għal kull euro li tirċievi mill-UE. Fil-fehma tagħna, Franza ma tirrappurtax l-irregolaritajiet b’mod adegwat, inklużi l-każijiet ta’ suspett ta’ frodi.

Figura 8

Fondi taħt il-politika ta' Koeżjoni – Fondi tal-UE li jiġu riċevuti għal kull irregolarità rrappurtata bħala frodulenti - perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapport PIF 2017. Din il-grafika ma tinkludix il-Finlandja jew il-Lussemburgu, li ma rrappurtaw l-ebda irregolarità frodulenti għall-perjodu.

56

Fil-fehma tagħna, ir-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi ppubblikati mill-Kummissjoni fil-fatt huma rati ta’ rappurtar ta’ frodi: huma mhux neċessarjament jirriflettu l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni tal-Istati Membri, u lanqas ma jindikaw l-ammont ta’ frodi li verament tiġi identifikata, iżda pjuttost juru l-għadd ta’ każijiet li l-Istati Membri ddeċidew li jirrappurtaw lill-Kummissjoni (ara l-paragrafi 48 sa 52). Fir-Rapport Speċjali Nru 01/2019 tagħna, aħna kkonkludejna li l-korrelazzjoni bejn ir-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi u indikaturi oħra tar-riskju ta’ korruzzjoni hija dgħajfa36.

57

Fid-dawl tal-problemi li identifikajna, aħna nqisu li r-rata ta’ identifikazzjoni ta’ frodi ppubblikata fir-Rapport PIF 2017 għall-politika ta' Koeżjoni ma tagħtix rappreżentazzjoni vera tal-inċidenza ta’ frodi fl-Istati Membri li żorna.

Bosta awtoritajiet maniġerjali ma jikkomunikawx sistematikament każijiet ta’ suspett ta’ frodi lill-korpi investigattivi jew ta’ prosekuzzjoni

58

Biex jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi u tiżdied id-deterrenza kontra l-frodi huwa essenzjali li l-korpi ġudizzjarji kompetenti (il-pulizija, il-prosekuturi u oħrajn) jinvestigaw rapporti ta’ frodi b’mod koordinat u f’waqtu. Għalkemm dan l-awditu ma kopriex ix-xogħol tal-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni, aħna fil-fatt ivvalutajna l-mod li bih l-awtoritajiet maniġerjali jikkomunikaw u jikkoordinaw magħhom.

59

Biex il-prinċipju ta’ deterrenza kontra l-frodi jiġi applikat fil-prattika, jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali (jew kull awtorità oħra li tidentifika irregolaritajiet potenzjali) jikkomunikaw fil-pront u sistematikament każijiet ta’ suspett ta’ frodi lill-korpi investigattivi jew ta’ prosekuzzjoni rilevanti, li huma l-uniċi li kapaċi jiddeterminaw intenzjoni frodulenti. F’bosta każijiet aħna sibna li l-awtoritajiet maniġerjali ma rrappurtawx sistematikament każijiet ta’ frodi suspettata lill-korpi inkarigati mill-investigazzjoni. Fil-Greċja, pereżempju, l-awtoritajiet maniġerjali ma kienu rreferew l-ebda wieħed mill-każijiet ta’ dan it-tip li kkampjunajna għall-awditu tagħna lis-servizzi ta’ prosekuzzjoni. Fi Spanja, aħna ma sibniex struzzjonijiet jew proċeduri speċifiċi li jeħtieġu li l-awtoritajiet maniġerjali jirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata b’dan il-mod. Jekk il-każijiet ta’ suspett ta’frodi ma jiġux irrappurtati, l-effett ta’ deterrent li jista’ jkollha l-possibbiltà ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni jkun limitat sew.

60

L-investigaturi u l-prosekuturi regolarment jirrifjutaw talbiet biex tinfetaħ investigazzjoni kriminali ta’ każijiet li jiġu riferuti lilhom mill-awtoritajiet maniġerjali. Dan huwa pjuttost normali, peress li huma dawn is-servizzi speċjalizzati biss li għandhom il-kapaċità legali u r-riżorsi investigattivi biex jistabbilixxu jekk setax seħħ att kriminali. Madankollu, jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali dejjem janalizzaw ir-raġunijiet għal rifjut u, meta jkun possibbli u xieraq, jemendaw il-proċeduri operazzjonali tagħhom. Aħna sibna li l-Latvja biss għamlet arranġamenti biex tanalizza għalfejn każijiet riferuti jiġu rifjutati u biex tieħu l-azzjoni meħtieġa.

L-effett ta’ deterrent tal-miżuri korrettivi huwa limitat

61

L-awtoritajiet maniġerjali huma mistennija jirkupraw il-fondi tal-UE li jintnefqu b’mod frodulenti37. Huma inkarigati wkoll milli jwettqu eżami approfondit u kritiku ta’ kull sistema ta’ kontroll intern li setgħet esponiethom għal frodi potenzjali jew frodi li tkun seħħet bi prova.

62

Il-miżura korrettiva l-aktar komuni hija li jiġi rtirat l-infiq affettwat mid-dikjarazzjonijiet li jsiru lill-Kummissjoni, iżda mingħajr ma jiġu rkuprati fondi mill-awtur tal-frodi jew mingħajr ma jiġi impost kwalunkwe tip ta’ azzjoni ta’ deterrent addizzjonali bħal sanzjoni jew penali. Ma hemm xejn mhux tas-soltu dwar din il-proċedura, peress li fil-biċċa l-kbira mill-każijiet li eżaminajna l-inċidenza reali ta’ frodi kienet għadha ma ġietx stabbilita. Madankollu, skont l-IMS, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu bdew l-irkupru tal-fondi tal-UE f’84 każ biss mill-159 każ ta’ frodi stabbilita38. L-irtirar tal-infiq mid-dikjarazzjonijiet lill-Kummissjoni huwa mod effettiv ta’ kif jistgħu jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE. Madankollu, din il-protezzjoni ma tapplikax għall-finanzjament pubbliku nazzjonali – jiġifieri l-baġits tal-Istati Membri jibqgħu affettwati jekk ma jkunx hemm irkupru – u dan jillimita l-effett ta’ deterrenti tal-azzjoni korrettiva meħuda mill-awtoritajiet maniġerjali. Ir-Rapport Speċjali Nru 01/2019 tagħna jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar l-irkupru ta’ fondi relatati ma’ każijiet ta’ frodi stabbilita39.

63

Minbarra l-irkupru tal-fondi tal-UE li jkunu affettwati mill-frodi, l-awtoritajiet maniġerjali huma mistennija jivvalutaw l-implikazzjonijiet orizzontali fuq is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom kif ukoll fuq il-proġetti l-oħra (eż. l-istess benefiċjarju jew sinjali simili ta’ frodi).

64

Mis-seba’ Stati Membri li żorna, aħna sibna evidenza ta’ dan it-tip ta’ valutazzjoni fi Spanja biss (ara l-Kaxxa 4). Madankollu, anki hemm, il-verifikazzjoni mhijiex sistematika.

Kaxxa 4

Eżempju ta’ prattika tajba: verifikazzjoni ta’ frodi sistematika bbażat fuq każ inizjali

Il-biċċa l-kbira mill-każijiet individwali ta’ suspett ta’ frodi rrappurtati minn Spanja fir-rigward tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 jistgħu jiġu ttraċċati għal investigazzjoni unika li tniedet minn korp intermedjarju.

Ibbażat fuq il-konklużjonijiet preliminari ta’ verifikazzjoni inizjali, il-korp intermedjarju wettaq kontrolli orizzontali tal-għotjiet l-oħra kollha li ngħataw lill-istess benefiċjarju finali. Huwa kkonkluda li kien hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ssuspettata frodi sistematika li kienet tinvolvi fatturazzjoni falza u kollużjoni mal-fornituri esterni.

Dan il-korp intermedjarju rrapporta debitament ir-riżultati tal-kontrolli u s-suspetti tiegħu ta’ frodi lill-prosekuturi Spanjoli u lill-Kummissjoni. Attwalment l-investigazzjoni tkopri 73 % tal-każijiet kollha ta’ frodi suspettata rrappurtati fi Spanja għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u 56 % tal-impatt potenzjali stmat tagħhom fuq il-kontribuzzjoni mill-UE.

Il-ġlieda kontra l-frodi ddgħajfet minn diversi problemi ta’ ġestjoni

L-ikkastigar tal-frodi jista’ jieħu żmien twil

65

Iż-żmien bejn it-twettiq ta’ frodi u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet jista’ jkun twil (ara l-Figura 9). Skont id-data rreġistrata fl-IMS, bħala medja, każijiet ta’ suspett ta’ frodi jitqajmu madwar sentejn wara t-twettiq ta’ irregolarità40. Tista’ tgħaddi sena oħra sakemm dawn is-suspetti jiġu kkonfermati permezz ta’ valutazzjoni preliminari li twassal għal riżultanza amministrattiva jew ġudizzjarja primarja41 u biex il-każ jiġi rrappurtat lill-Kummissjoni permezz tal-IMS. Minn dan il-punt ’il quddiem, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li timmonitorja l-każ u li tikkunsidrah għall-iskopijiet tar-rapport PIF annwali. B’segwitu għall-valutazzjoni preliminari (u b’mod parallel għar-rappurtar lill-Kummissjoni), iridu jgħaddu madwar ħames xhur sakemm jinbdew proċedimenti amministrattivi jew kriminali bil-ħsieb li jiġu imposti sanzjonijiet. Dawn il-proċedimenti jieħdu mejda ta’ tliet snin biex jiġu kkompletati.

Figura 9

Żminijiet medji meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jidentifikaw, jirrappurtaw u jagħlqu każ ta’ frodi

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni estratta mill-IMS.

Il-funzjonijiet tal-AFCOSs mhumiex iddefiniti b’mod suffiċjenti fir-Regolament u jvarjaw konsiderevolment fost l-Istati Membri

66

Anki jekk l-awtoritajiet maniġerjali huma prinċipalment responsabbli għall-ġlieda kontra l-frodi fl-użu tal-finanzjament taħt il-politika ta' Koeżjoni, l-AFCOSs għandhom rwol essenzjali fil-koordinazzjoni tax-xogħol ta’ dawn l-awtoritajiet ma’ korpi oħra tal-Istati Membri u mal-OLAF. Il-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi l-AFCOSs42 ma tipprovdix gwida rigward it-termini ta’ referenza, il-qafas organizzazzjonali jew il-kompiti tagħhom. Il-Kummissjoni pprovdiet rakkomandazzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward permezz ta’ gwida oħra43 (ara l-paragrafu 06). Madankollu, huwa l-inkarigu ta’ kull Stat Membru li jagħmel arranġamenti speċifiċi għall-AFCOS tiegħu.

67

Ir-riżorsi u l-arranġamenti organizzazzjonali tal-AFCOSs iridu jippermettulhom jimmonitorjaw kif xieraq ir-rappurtar tal-frodi u jikkoordinaw ix-xogħol tal-partijiet kollha involuti fil-ġlieda kontra l-frodi. Fin-nuqqas ta’ gwida ċara, aħna sibna li l-AFCOSs fis-seba’ Stati Membri li żorna kellhom strutturi u setgħat sinifikattivament differenti. Dawn kienu jvarjaw minn dipartimenti żgħar mingħajr awtorità investigattiva għal strutturi kumplessi li għandhom is-setgħa totali li jwettqu investigazzjonijiet amministrattivi (ara l-Figura 10). L-AFCOS Franċiż għandu l-istess numru ta’ membri tal-persunal daqs l-AFCOS Latvjan, minkejja d-differenza bejn iż-żewġ pajjiżi f’termini ta’ daqs u volum ta’ fondi riċevuti.

Figura 10

Stampa ġenerali tal-AFCOSs fl-Istati Membri li żorna

Sors: il-QEA.

68

L-AFCOS Ungeriż ma għandux arranġamenti xierqa għar-rappurtar dwar attivitajiet imwettqa mill-Istat Membru biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE. L-AFCOS ma jippubblikax rapporti dwar dawn l-attivitajiet jew dwar każijiet ta’ frodi potenzjali li jaffettwaw l-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni tal-UE (ara l-Figura 10).

69

Fit-23 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal emendi għar-Regolament dwar l-OLAF44. Qabel ma ppreżentat il-proposta, il-Kummissjoni, fl-2017, kienet wettqet evalwazzjoni45 tal-mod li bih kien qed jiġi applikat ir-Regolament dwar l-OLAF. L-evalwazzjoni identifikat diskrepanzi fil-mod kif l-AFCOSs ġew stabbiliti fl-Istati Membri differenti, kif ukoll fis-setgħat tagħhom, bħala l-fattur prinċipali li jimpedixxi l-effettività tagħhom.

70

Fit-22 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tat l-opinjoni tagħha dwar il-proposta46. Il-fehma tagħna kienet li l-proposta ma tikkontribwixxix b’mod suffiċjenti għall-implimentazzjoni aktar armonizzata u effettiva tal-AFCOSs fl-Istati Membri kollha, billi hija tindirizza biss il-kooperazzjoni tas-servizzi mal-OLAF u tonqos milli tipprovdi ċarezza fir-rigward tal-funzjonijiet minimi tagħhom.

Ir-rappurtar tal-istatus tal-każijiet ta’ frodi u s-segwitu li dan jingħata mhumiex adegwati

71

Sabiex jingħata segwitu għall-istatus ta’ każ, jista’ jkun meħtieġ li jiġu kkonsultati l-partijiet involuti fil-ġlieda kontra l-frodi li ma jkunux parti mill-istrutturi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-PO. Aħna nqisu li, billi huma l-istrutturi ċentrali li jikkollegaw mal-OLAF fil-ġlieda kontra l-frodi, l-AFCOSs huma mistennija li, fi kwalunkwe ħin, ikollhom stampa ġenerali tal-każijiet ta’ frodi li jkunu jinvolvu finanzjament mill-UE. Biex jagħmlu dan, huma jridu jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar l-istatus tal-każijiet li jkunu qed jiġu investigati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri tagħhom. Barra minn hekk, huma jrid ikollhom statistika dwar l-għadd u l-progress tal-każijiet taħt investigazzjoni, b’kont dovut għall-kunfidenzjalità proċedurali.

72

F’ħamsa mill-Istati Membri li żorna, l-AFCOSs ma kellhomx għarfien suffiċjenti tal-istatus investigattiv tal-każijiet irrappurtati lill-Kummissjoni. Fir-Rumanija u fl-Ungerija aħna ma sibna l-ebda mekkaniżmu formali għall-kooperazzjoni sistematika bejn l-awtoritajiet maniġerjali, l-AFCOS u l-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni; b’hekk l-AFCOS ma kellux stampa ġenerali sħiħa ta’ investigazzjonijiet li kienu għaddejjin dwar proġetti ffinanzjati mill-UE. Minkejja dan, l-AFCOS Rumen perjodikament jiltaqa’ mal-korpi ta’ prosekuzzjoni biex jikseb informazzjoni dwar l-istatus ta’ investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin u li jkun jaf bihom. Fi Spanja, l-AFCOS jieħu wkoll approċċ proattiv billi jitlob data dwar investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Minkejja dan, huwa ma jistax jiżgura li tintbagħat informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni.

73

Aħna sibna problemi ta’ koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni f’sitta mis-seba’ Stati Membri. Minbarra dan, ma stajniex nirrikonċiljaw l-informazzjoni rreġistrata fl-IMS rigward każijiet ta’ frodi suspettata u kkonfermata li kienet tinvolvi l-finanzjament mill-UE, mal-informazzjoni li kellhom id-diversi awtoritajiet. Din is-sejba tqajjem dubji dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni rrappurtata lill-Kummissjoni. L-Istati Membri kkonċernati ma jżommux database ċentrali jew forma oħra ta’ rekords statistiċi ċentralizzati li jistgħu jipprovdu stampa ġenerali tan-natura u tal-istatus tal-każijiet ta’ frodi (ara l-paragrafu 48).

Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni ħafna drabi jkollhom nuqqasijiet

74

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fil-livell tal-Istati Membri ma tikkonċernax esklussivament lill-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni jew lill-AFCOSs. Partijiet interessati oħra jinkludu l-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni, l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni, l-aġenziji tal-akkwist u ċerti istituzzjonijiet oħra, skont il-pajjiż. Jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni adegwati biex id-diversi atturi jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar il-miżuri meħuda u ppjanati, kif ukoll rakkomandazzjonijiet għal titjib.

75

Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri li żorna ma għandhomx mekkaniżmi xierqa ta’ koordinazzjoni li jinvolvu l-partijiet rilevanti kollha fil-ġlieda kontra l-frodi li tinvolvi l-finanzjament mill-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni.

76

Fil-Bulgarija, fejn 60 % tal-każijiet li eżaminajna kienu ġew rifjutati jew terminati mill-uffiċċju tal-prosekutur, la l-AFCOS u lanqas l-awtoritajiet maniġerjali ma janalizzaw b’mod sistematiku r-raġunijiet għal rifjut. Fl-Ungerija, l-AFCOS ma għandux stampa ġenerali tal-miżuri li verament ġew implimentati bħala parti mill-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi jew tal-istatus ta’ każijiet irrappurtati. L-AFCOS Rumen iwettaq ix-xogħol ta’ koordinazzjoni biss fuq il-bażi ta’ ftehimiet bilaterali ma’ kull waħda mill-awtoritajiet tal-programm, iżda ma hemm l-ebda mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni multilaterali li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha. Fi Spanja, l-istabbiliment ta’ korp intenzjonat li jassisti lill-AFCOS billi jikkoordina l-partijiet kollha involuti fil-ġlieda kontra l-frodi ilu pendenti minn meta ġie stabbilit l-AFCOS fl-201647.

77

Aħna sibna eżempju ta’ prattika tajba f’dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni fil-Latvja (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Koordinazjoni bejn l-awtoritajiet maniġerjali u l-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni

Fil-Latvja, l-awtoritajiet investigattivi rrifjutaw li jibdew proċedimenti kriminali f’għadd ta’ każijiet identifikati mill-awtorità maniġerjali u mill-korpi intermedjarji ddelegati tagħha. Biex janalizza r-raġunijiet għal dawn ir-rifjuti u jiddetermina jekk kinux meħtieġa kambjamenti għall-prattiki ta’ ħidma, l-AFCOS stabbilixxa grupp ta’ ħidma interistituzzjonali li jinvolvi l-awtoritajiet, il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-pulizija u l-uffiċċju tal-prosekutur tal-Istat. Il-grupp ta’ ħidma issa jiltaqa’ regolarment biex jeżamina każijiet ta’ frodi suspettata fl-implimentazzjoni tal-finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

78

Permezz ta’ dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk l-awtoritajiet maniġerjali wettqux kif xieraq ir-responsabbiltajiet tagħhom f’kull stadju tal-proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi: il-prevenzjoni tal-frodi, l-identifikazzjoni tal-frodi u r-rispons għall-frodi (inkluż ir-rappurtar dwar il-frodi u l-irkupru ta’ fondi li jkunu tħallsu indebitament). Għal dan l-għan, aħna eżaminajna jekk l-awtoritajiet maniġerjali:

  1. żviluppawx politiki kontra l-frodi, wettqux valutazzjoni tar-riskju approfondita u implimentawx miżuri adegwati għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni; u
  2. tawx rispons xieraq għal frodi identifikata f’koordinazzjoni ma’ AFCOSs u ma’ korpi oħra kompetenti ta’ kontra l-frodi.
79

Il-konklużjoni kumplessiva tagħna hija li, għalkemm sar titjib fil-mod li bih l-awtoritajiet maniġerjali jidentifikaw ir-riskji ta’ frodi u jfasslu miżuri preventivi, huma xorta waħda għad iridu jsaħħu l-identifikazzjoni tal-frodi, ir-rispons għaliha u l-koordinazzjoni tal-ġlieda kontriha.

L-awtoritajiet maniġerjali ġeneralment ma għandhomx politika speċifika kontra l-frodi

80

L-awtoritajiet maniġerjali rari jħejju politika formali kontra l-frodi jew dokument uniku simili li jispeċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u identifikazzjoni tal-frodi kif ukoll ta’ rispons għaliha (il-korrezzjoni u l-prosekuzzjoni) li huma fasslu b’segwitu għal valutazzjoni tar-riskju. Aħna nqisu li t-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ politika formali kontra l-frodi fl-għamla ta’ dokument awtonomu uniku huma essenzjali sabiex tiġi kkomunikata d-determinazzjoni tal-awtorità maniġerjali biex tiġġieled kontra l-frodi b’mod attiv. Dan huwa partikolarment rilevanti, billi 10 Stati Membri biss adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi bbażata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Aħna nqisu li l-fatt li ma jeżistux dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-awtoritajiet maniġerjali jadottaw politiki formali kontra l-frodi, huwa nuqqas fit-tfassil tal-qafas kontra l-frodi għall-2014-2020 (il-paragrafi 18 sa 21).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġu żviluppati strateġiji u politiki formali għall-ġlieda kontra l-każijiet ta’ frodi li jaffettwaw il-fondi tal-UE
  1. Jenħtieġ li l-Istati Membri li ma għandhomx strateġija nazzjonali kontra l-frodi jifformulaw waħda (ara l-paragrafu 20 u n-Nota 19 f’qiegħ il-paġna). Jenħtieġ li, tal-anqas, l-istrateġija:
    • tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskji eżistenti u titħejja bl-involviment ta’ atturi minn oqsma differenti li jkunu infurmati dwar is-suġġett (maniġers ta’ fondi tal-UE, korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni kompetenti fil-qasam tal-frodi, eċċ.);
    • tiddeskrivi miżuri konkreti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-frodi, kif ukoll għall-irkupru u s-sanzjonijiet;
    • tkun tinkludi arranġamenti speċifiċi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri kontra l-frodi u għall-kejl tar-riżultati; u
    • tassenja b’mod espliċitu r-responsabbiltajiet f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, il-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni komparattiva tal-miżuri kontra l-frodi.
  2. Dment li ma jkunx hemm strateġija dettaljata biżżejjed fil-livell nazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrikjedi lill-awtoritajiet maniġerjali biex jadottaw politika jew stqarrija formali kontra l-frodi li tkun tkopri l-programmi operazzjonali taħt ir-responsabbiltà rispettiva tagħhom. Jenħtieġ li din il-politika sservi bħala sors uniku ta’ referenza li jispeċifika l-istrateġiji għall-iżvilupp ta’ kultura kontra l-frodi, l-allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet għall-indirizzar tal-frodi, il-mekkaniżmi ta’ rappurtar għal każijiet ta’ suspett ta’ frodi, u l-mod li bih l-atturi differenti jeħtieġ li jikkooperaw f’konformità mar-Rekwiżit Ewlieni Nru 7 u l-gwida tal-Kummissjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019

81

F’konformità mal-approċċ ta’ “ebda tolleranza” għall-frodi, u matul in-negozjati u l-proċess ta’ approvazzjoni għas-CPR għall-perjodu 2021-2027, il-koleġiżlaturi jistgħu jikkunsidraw li jagħmlu obbligatorja l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali jew ta’ politiki kontra l-frodi.

L-awtoritajiet maniġerjali jivvalutaw sistematikament ir-riskji ta’ frodi, iżda dan il-proċess jista’ jittejjeb aktar

82

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-qafas ta’ kontroll 2014-2020, l-awtoritajiet maniġerjali issa jivvalutaw sistematikament ir-riskji ta’ frodi (fil-biċċa l-kbira bbażat fuq il-gwida pprovduta mill-Kummissjoni), li jirrappreżenta progress fil-ġlieda kontra l-frodi (il-paragrafi 2223). Madankollu, għal xi wħud mill-awtoritajiet maniġerjali li żorna, l-approċċ għadu mekkaniku wisq u ma jinkludix input addizzjonali minn partijiet oħra infurmati dwar is-suġġett, bħall-AFCOSs jew il-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni.

83

Ġeneralment l-awtoritajiet maniġerjali jikkonkludu li l-miżuri eżistenti tagħhom kontra l-frodi huma tajbin biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskji ta’ frodi. Aħna jidhrilna li din il-konklużjoni forsi hija ottimista wisq (il-paragrafi 24 sa 28).

Rakkomandazzjoni 2 – ll-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi ssir aktar robusta billi jiġu involuti l-atturi esterni rilevanti fil-proċess

Jenħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali, b’mod partikolari dawk li jkunu inkarigati minn programmi b’riskju partikolarment għoli u b’volum finanzjarju għoli, ifittxu li jinvolvu lill-atturi esterni rilevanti li jkollhom esperjenza ddokumentata fil-ġlieda kontra l-frodi (eż. rappreżentanti minn korpi ta’ prosekuzzjoni) biex jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tar-riskji u tal-adegwatezza tal-miżuri eżistenti kontra l-frodi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019

L-awtoritajiet maniġerjali tejbu l-miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi, iżda ma għamlux progress sinifikanti lejn l-identifikazzjoni proattiva tal-frodi

84

Il-miżuri addizzjonali kontra l-frodi li ġew żviluppati għall-perjodu 2014-2020 jiffukaw fil-biċċa l-kbira fuq miżuri preventivi, li huma aktar komprensivi minn dawk stabbiliti għall-2007-2013 (il-paragrafi 29 sa 32).

85

Madankollu, il-miżuri għall-identifikazzjoni tal-frodi għall-2014-2020 jibqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dawk għall-2007-2013, li ġew imfassla f’qafas ta’ kontroll anqas strett (il-paragrafi 33 sa 35). L-awtoritajiet maniġerjali ma jagħmlux użu suffiċjenti tal-analitika tad-data għall-identifikazzjoni tal-frodi, u l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri li żorna ma użawx il-potenzjal sħiħ tal-għodda Arachne (il-paragrafi 36 sa 38).

86

L-awtoritajiet maniġerjali ma għamlux progress sinifikanti lejn l-identifikazzjoni “proattiva” tal-frodi, pereżempju permezz ta’ kontrolli speċifiċi għall-identifikazzjoni ta’ kollużjoni fl-akkwist pubbliku (il-paragrafu 33). Għalkemm l-awtoritajiet maniġerjali jqisu li l-hotlines għas-senjalar ta’ frodi u l-mekkaniżmi għall-iżvelar ta’ informazzjoni huma metodi effettivi ħafna għall-identifikazzjoni tal-frodi, inqas minn nofs l-awtoritajiet maniġerjali li wieġbu għall-istħarriġ tagħna jużawhom fil-verità (il-paragrafi 3435).

87

Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li tiġi vvalutata l-effettività tal-miżuri għall-prevenzjoni jew l-identifikazzjoni tal-frodi, billi l-awtoritajiet maniġerjali ma għandhomx proċeduri għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom u għall-evalwazzjoni tal-effettività tagħhom (il-paragrafi 4041).

Rakkomandazzjoni 3 – Isir titjib fil-miżuri għall-identifikazzjoni tal-frodi billi jiġi ġġeneralizzat l-użu ta’ għodod ta’ analitika tad-data u jiġi promoss l-użu ta’ metodi “proattivi” oħra għall-identifikazzjoni tal-frodi
  1. Jenħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali li attwalment ma jużawx għodod ta’ analitika tad-data għall-identifikazzjoni tal-frodi, b’mod partikolari l-għodda Arachne, jibdew jużawhom minħabba l-potenzjal tagħhom f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tar-riskji ta’ frodi b’mod sistematiku u kosteffiċjenti;
  2. jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-kapaċità superviżorja tagħha taħt ġestjoni kondiviża, tippromwovi b’mod attiv l-użu ta’ metodi “proattivi” u ta’ metodi oħra ġodda ta’ identifikazzjoni tal-frodi billi tiddisemina b’mod regolari każijiet speċifiċi tal-aħjar prattika; u
  3. jenħtieġ li, f’kooperazzjoni mal-AFCOSs, il-Kummissjoni tiżviluppa arranġamenti minimi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021

88

Matul in-negozjati u l-proċess ta’ approvazzjoni għas-CPR għall-perjodu 2021-2027, il-koleġiżlaturi jistgħu jikkunsidraw jagħmlu obbligatorju l-użu ta’ għodod ta’ analitika tad-data li jkunu xierqa (eż. Arachne) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, sabiex isir titjib fl-effettività tal-identifikazzjoni tal-frodi bi spiża relattivament baxxa.

L-awtoritajiet maniġerjali ma jirrappurtawx il-każijiet kollha ta’ frodi għar-rapporti PIF u ma jikkomunikawhomx lill-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni

89

Fir-rigward tar-rispons għall-frodi, aħna sibna li l-awtoritajiet maniġerjali ma jirrappurtawx il-każijiet kollha ta’ frodi u li dan jaffettwa l-affidabbiltà tar-rati ta’ identifikazzjoni ta’ frodi ppubblikati fir-rapporti PIF (il-paragrafi 48 sa 57). Bosta awtoritajiet maniġerjali ma jikkomunikawx sistematikament każijiet ta’ suspett ta’ frodi lill-korpi investigattivi jew ta’ prosekuzzjoni (il-paragrafi 58 sa 60). Aħna sibna li l-awtoritajiet maniġerjali jiffukaw fuq l-irtirar tal-finanzjament mill-UE u mhux dejjem jirkupraw l-ammonti frodulenti mingħand l-awturi jew jimponu penali jew sanzjonijiet dissważivi (il-paragrafi 6162). L-awtoritajiet maniġerjali lanqas ma jivvalutaw b’mod sodisfaċenti l-implikazzjonijiet orizzontali possibbli ta’ każijiet fejn tkun suspettata l-frodi (il-paragrafi 6364; il-Kaxxa 4). Dawn l-aspetti kollha jillimitaw sew l-effett ta’ deterrent li jista’ jkollhom l-investigazzjonijiet tal-frodi.

Rakkomandazzjoni 4 – Jiġu mmonitorjati l-mekkaniżmi ta’ rispons għall-frodi biex jiġi żgurat li dawn ikunu qed jiġu applikati b’mod konsistenti
  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti ċari għar-rappurtar tal-frodi biex jintużaw mill-korpi tal-Istati Membri inġenerali u mill-awtoritajiet maniġerjali inpartikulari. Jenħtieġ li dawn ikunu bbażati fuq l-interpretazzjoni standard tal-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE fid-Direttiva PIF il-ġdida;
  2. jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrikjedi li l-awtoritajiet maniġerjali jivvalutaw sistematikament l-implikazzjonijiet orizzontali ta’ frodi suspettata fis-sistemi tagħhom ta’ ġestjoni u kontroll; u
  3. jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet maniġerjali biex jikkomunikaw il-każijiet kollha ta’ suspett ta’ frodi lill-korpi investigattivi jew ta’ prosekuzzjoni kriminali.
  4. Biex jiżguraw li d-deterrenza tkun effettiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jieħdu miżuri proporzjonati biex jirkupraw il-fondi pubbliċi mingħand l-awturi ta’ frodi u mhux biss jirtiraw l-ammonti tal-infiq iċċertifikat mill-finanzjament tal-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019

90

Matul in-negozjati għas-CPR għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-koleġiżlaturi jistgħu jikkunsidraw jintroduċu sanzjonijiet u penali speċifiċi għal dawk li jkunu responsabbli għal frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. B’mod partikolari, bħal f’oqsma ta’ politika oħra, dawn il-miżuri jistgħu jinkludu penali monetarja speċifika li tkun tvarja skont l-impatt finanzjarju tal-irregolarità, jew mekkaniżmu għall-esklużjoni minn finanzjament mill-UE għal għadd speċifiku ta’ snin.

Il-ġlieda kontra l-frodi ddgħajfet minħabba d-definizzjoni insuffiċjenti tal-funzjonijiet tal-AFCOS fir-Regolament u minħabba li ftit li xejn hemm koordinazzjoni fost il-korpi tal-Istati Membri

91

Rigward il-koordinazzjoni tal-attivitajiet kontra l-frodi, aħna sibna varjazzjoni konsiderevoli fil-mod kif l-AFCOSs huma organizzati u kif jingħataw ir-riżorsi (il-paragrafi 66 sa 70). F’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar l-OLAF ma tipprovdix biżżejjed ċarezza rigward il-funzjonijiet minimi ta’ AFCOS. Ir-rappurtar tal-istatus tal-każijiet ta’ frodi u s-segwitu li dan jingħata mhumiex adegwati (il-paragrafi 71 sa 73), billi l-AFCOSs mhux dejjem ikollhom aċċess għal informazzjoni dwar l-istatus tal-każijiet ta’ frodi taħt investigazzjoni. In-nuqqas frekwenti ta’ koordinazzjoni għandu impatt negattiv fuq l-effettività tal-ġlieda kontra l-frodi (il-paragrafi 74 sa 78).

Rakkomandazzjoni 5 – Tiġi appoġġata l-espansjoni tal-funzjoni tal-AFCOSs biex isir titjib fil-koordinazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jespandu r-rwol tal-AFCOSs fir-rigward tal-koordinazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet maniġerjali sabiex jiġi żgurat kollegament mal-korpi nazzjonali kollha li huma inkarigati mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ frodi suspettata.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2019

92

Filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Istati Membri għal flessibbiltà fid-definizzjoni u fl-organizzazzjoni tax-xogħol proprju tagħhom fil-ġlieda kontra l-frodi f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-koleġiżlaturi tal-UE jistgħu jikkunsidraw li jiddeterminaw funzjonijiet minimi għall-AFCOS. Dan jista’ jsir, pereżempju, fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv li jinsab għaddej għall-emenda tar-Regolament dwar l-OLAF sabiex jiġi żgurat li l-AFCOSs ikollhom rwol effettiv ta’ koordinazzjoni. Il-funzjonijiet tal-AFCOSs jistgħu jkunu jinkludu tal-inqas dan li ġej:

  • kollegament bejn l-awtoritajiet maniġerjali (u l-awtoritajiet l-oħra tal-programm) u l-korpi l-oħra tal-Istati Membri li huma involuti fil-ġlieda kontra l-frodi, b’mod partikolari l-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni;
  • monitoraġġ tal-istatus ta’ każijiet individwali u rappurtar lill-Kummissjoni dwar is-segwitu mogħti mill-awtoritajiet maniġerjali responsabbli, b’kunsiderazzjoni dovuta għall-kunfidenzjalità ta’ investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin; u
  • ċertifikazzjoni annwali, bil-ħsieb tat-tħejjija tar-rapporti PIF mill-Kummissjoni, li l-informazzjoni rreġistrata fl-IMS tkun kompleta, preċiża u aġġornata.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-27 ta’ Marzu 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AFCOS: Servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi

CPR: Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

FDR: Rata ta’ identifikazzjoni tal-frodi

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FRA: Valutazzjoni tar-Riskju ta’ Frodi

FSE: Fond Soċjali Ewropew

IMS: Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet

OLAF: Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (Office européen de lutte antifraude)

PO: Programm operazzjonali

Glossarju

Arachne: Għodda tal-IT għall-klassifikazzjoni tar-riskju żviluppata mill-Kummissjoni (id-DĠ EMPL u d-DĠ REGIO) għall-FEŻR, l-FK u l-FSE, u li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mingħajr ħlas bi skambju għal data ta’ ġestjoni.

Awtoritajiet tal-programmi: Il-korpi tal-Istat Membru inkarigati mill-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Hemm tliet tipi: awtoritajiet maniġerjali (li ħafna drabi jingħataw appoġġ minn korpi intermedjarji), awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni u awtoritajiet tal-awditjar.

  • L-awtoritajiet maniġerjali (AM) huma inkarigati mill-ġestjoni kumplessiva ta’ kull PO. Ħafna drabi dawn jingħataw appoġġ minn “korpi intermedjarji” delegati. Il-kompiti tagħhom jinkludu l-għażla tal-operazzjonijiet eliġibbli u t-twettiq tal-kontroll finanzjarju ta’ dawn l-operazzjonijiet. L-AM huma l-awtorità prinċipali responsabbli għall-istabbiliment ta’ miżuri kontra l-frodi.
  • L-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni (AĊ) huma responsabbli għat-tħejjija tal-kontijiet annwali u għaċ-ċertifikazzjoni tal-kompletezza u l-eżattezza tagħhom. Huma wkoll responsabbli għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-pagament lill-Kummissjoni. L-AĊ jistgħu jwettqu kontrolli li jirriżultaw fl-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ frodi suspettata.
  • L-awtoritajiet tal-awditjar (AA) huma korpi indipendenti, nazzjonali jew reġjonali, responsabbli biex jistabbilixxu jekk il-kontijiet annwali ppreżentati mill-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni jagħtux stampa ġusta u eżatta, jekk l-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni huwiex legali u regolari, u jekk is-sistemi ta' kontroll tal-PO jiffunzjonawx tajjeb. L-AA jistgħu jindirizzaw miżuri kontra l-frodi stabbiliti mill-AM permezz tal-awditi tagħhom tas-sistemi u jistgħu jidentifikaw każijiet ta’ frodi suspettata permezz tal-awditi li jwettqu tal-operazzjonijiet/tat-tranżazzjonijiet.

COCOLAF: il-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi (COCOLAF) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE tat-23 ta’ Frar 1994. Il-kumitat jikkoordina l-azzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

Il-COCOLAF jissorvelja sensiela ta’ gruppi oħra, li jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi:

Il-grupp ta’ prevenzjoni tal-frodi;

Il-grupp li janalizza u jirrapporta dwar irregolaritajiet frodulenti u irregolaritajiet oħra;

Il-grupp dwar is-Servizz ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) u

In-Netwerk ta’ Komunikaturi ta’ Kontra l-Frodi tal-OLAF (OAFCN).

Deterrenza kontra l-frodi: Impatt preżunt tal-politiki u l-miżuri kontra l-frodi u t-tnaqqis tal-probabbiltà li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jaġixxu b’mod frodulenti.

EGESIF: Grupp ta’ esperti dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, li jassisti lill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-politika tal-UE fil-qasam tal-Koeżjoni, u l-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

L-EGESIF jiddiskuti u jadotta gwida speċifika dwar firxa ta’ suġġetti relatati mal-implimentazzjoni tal-finanzjament taħt il-politika ta’ Koeżjoni. Filwaqt li din il-gwida mhix legalment vinkolanti, ġeneralment tintuża mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 dan il-grupp kien jissejjaħ COCOF.

Frodi stabbilita: Irregolarità li tkun tqieset li tikkostitwixxi “frodi” f’termini ta’ deċiżjoni definittiva tal-qorti kriminali.

Frodi suspettata: Irregolarità li tagħti lok għall-inizjazzjoni ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fil-livell nazzjonali biex jiġi stabbilit jekk l-att kienx (jew l-ommissjoni) kinitx intenzjonali.

Irregolarità: Att jew ommissjoni li jikkostitwixxu ksur tal-liġijiet tal-UE (jew tal-liġijiet nazzjonali relatati mal-applikazzjoni tagħhom) u li jkollhom impatt potenzjalment negattiv fuq l-interessi finanzjarji tal-UE. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar irregolaritajiet ta’ aktar minn EUR 10 000.

Irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti: Terminu li l-Kummissjoni tuża fir-rapporti PIF annwali tagħha biex tiddistingwi l-każijiet ta’ frodi suspettata u frodi stabbilita rrappurtati mill-Istati Membri minn irregolaritajiet oħra li ma jkunux meqjusa bħala intenzjonati.

PIF: Relatat mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Mill-Franċiż “protection des intérêts financiers”.

Politika kontra l-frodi: Għodda li tintuża minn organizzazzjoni biex tikkomunika d-determinazzjoni tagħha li tiġġieled kontra u li tindirizza frodi. Din trid tkopri:

  • Strateġiji għall-iżvilupp ta’ kultura kontra l-frodi;
  • Allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet għall-indirizzar tal-frodi;
  • Mekkaniżmi ta’ rappurtar għal każijiet ta’ suspett ta’ frodi;
  • Kooperazzjoni bejn id-diversi atturi.

Il-politika kontra l-frodi għandha tkun viżibbli fi ħdan organizzazzjoni (imqassma lil kull membru ġdid tal-persunal, inklużi fuq l-intranet) u għandu jkun ċar għall-persunal li hija implimentata b’mod attiv (permezz ta’ aġġornamenti regolari dwar kwistjonijiet ta’ frodi u r-rappurtar tar-riżultati ta’ investigazzjonijiet dwar frodi). (Sors: EGESIF_14-0021-00, it-Taqsima 4.1 u l-Anness 3)

Riżultanza amministrattiva jew ġudizzjarja primarja (PACA): L-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta’ fatti speċifiċi tikkonkludi li jkun twettaq ksur, intenzjonalment jew le, li jista’ jkun ta’ detriment għall-baġit tal-UE.

Servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS): Korp maħtur minn kull Stat Membru f’konformità mar-Regolament dwar l-OLAF biex jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF.

Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS): Applikazzjoni online li tintuża mill-Istati Membri għar-rappurtar ta’ irregolaritajiet (frodulenti u mhux frodulenti) fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża.

Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF): Id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli għall-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE. L-OLAF huwa inkarigat mill-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-politiki tal-UE kontra l-frodi u mit-twettiq ta’ investigazzjonijiet dwar frodi u korruzzjoni li jinvolvu l-fondi tal-UE (dħul u nfiq) u/jew uffiċjali tal-UE.

Risposti tal-Kummissjoni

SOMMARJU EŻEKUTTIV

III

Il-Kummissjoni ordnat studju estern: “Il-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – valutazzjoni tal-prattiki fl-Istati Membri tal-UE48” biex tiġi vvalutata s-sistema ta’ miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi. Dan ġie ppubblikat f’Novembru 2018.

Dan l-istudju, ibbażat fuq l-analiżi ta’ 50 programm, ikkonkluda li l-isforzi kontra l-frodi kienu aktar formalizzati u sistematiċi fl-2014-2020. Il-maġġoranza kbira tal-awtoritajiet maniġerjali użaw l-għodda ta’ valutazzjoni tar-riskju pprovduta mill-Kummissjoni fil-Gwida tagħha tal-2014. Il-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi huwa eżempju wieħed li juri li l-isforzi kontra l-frodi saru aktar formalizzati. L-istudju jsemmi li t-twettiq ta’ dan il-proċess b’lista ta’ kontrolli rrakkomandati mill-Kummissjoni kkontribwixxa biex xi awtoritajiet adottaw kontrolli ġodda ta’ identifikazzjoni jew tejbu dawk eżistenti. Pereżempju,

  • L-eżistenza ta’ “Kummissjoni ta’ Esperti tal-Offerti” li tagħti l-possibbiltà lill-offerenti biex jirrikorru għal din il-Kummissjoni f’każ li jqisu l-proċedura difettuża;
  • Baġits predefiniti permezz ta’ riċerka tas-suq, mhux żvelati (manipulazzjoni tal-akkwist pubbliku);
  • L-użu ta’ għodod tal-IT għall-identifikazzjoni ta’ talbiet doppji (manipulazzjoni tal-ispejjeż u tal-kwalità);
  • Kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-akkwist pubbliku jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (offerta kollużiva);
  • Mekkaniżmu tal-ilmenti għall-benefiċjarji

Il-Kummissjoni fasslet u qed tippromwovi b’mod attiv l-għodda ta’ estrazzjoni tad-data, Arachne, u qed tipprovdiha lill-Istati Membri mingħajr ħlas. Attwalment, din tintuża minn 165 programm biex ittejjeb l-identifikazzjoni tas-sinjali ta’ allarm (red flags) kontra l-frodi.

IV

Diversi drabi, il-Kummissjoni indikat fir-Rapporti Annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (ir-Rapporti PIF) il-possibbiltà konkreta ta’ sottorappurtar minn xi Stati Membri. Il-Kummissjoni qed tkompli tiżviluppa l-IMS u tipprovdi gwida dwar ir-rappurtar lill-Istati Membri sabiex dawn ir-riskji jittaffew. Barra minn hekk, ġew imfassla r-rati ta’ identifikazzjoni tal-frodi u l-analiżi pluriennali relatata tagħhom filwaqt li tqiesu nuqqasijiet bħal dawn.

Il-Kummissjoni qed timmira, fil-qafas tal-Istrateġija riveduta tagħha Kontra l-Frodi (CAFS - Commission Anti-Fraud Strategy), li ttejjeb l-analiżi tagħha abbażi ta’ elementi addizzjonali, b’mod partikolari billi tiżviluppa l-profili tal-pajjiżi biex tifhem aħjar id-differenzi fl-identifikazzjoni u fir-rappurtar fost l-Istati Membri.

V

L-ewwel inċiż: il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ strateġiji nazzjonali kontra l-frodi u għal dan il-għan żviluppat, taħt l-awspiċi tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi (COCOLAF - Advisory Comittee for Coordination of Fraud Prevention), linji gwida għal strateġiji nazzjonali kontra l-frodi. Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li għaxar Stati Membri diġà għamlu dan. Permezz tal-gwida tagħha, il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll lill-awtoritajiet maniġerjali biex jadottaw dikjarazzjonijiet ta’ politika kontra l-frodi.

Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali kontra l-frodi (NAFS) mill-Istati Membri u tipprovdilhom assistenza skont il-każ. Madankollu, ma għandha l-ebda bażi ġuridika biex tesiġi lil kull waħda mill-awtoritajiet maniġerjali jadottaw politika formali u indipendenti kontra l-frodi fil-livell tal-PO. Minkejja dan, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-awtoritajiet maniġerjali biex jippubblikaw dikjarazzjoni ta’ politika kontra l-frodi u pproponiet il-gwida għal dan.

It-tieni inċiż: il-Kummissjoni tappoġġa u tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Fondi ta’ Koeżjoni u plejers nazzjonali ewlenin oħra ta’ kontra l-frodi b’mod ġenerali, u se tkompli tagħmel dan, b’mod partikolari għal programmi li jippreżentaw riskji partikolarment għoljin, jew li jinvolvu volumi finanzjarji kbar, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità.

It-tielet inċiż: il-Kummissjoni diġà pproduċiet gwida estensiva għall-Istati Membri dwar il-miżuri ta’ prevenzjoni u identifikazzjoni tal-frodi. Il-Kummissjoni tappoġġa u se tkompli tippromwovi b’mod attiv l-użu ta’ kwalunkwe għodda ta’ estrazzjoni ta’ data, inkluż b’mod partikolari Arachne, mill-awtoritajiet tal-programm. Il-Kummissjoni fasslet Arachne speċifikament biex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-programm fl-ambitu tal-Politika ta’ Koeżjoni u tipprovdi din l-għodda lill-Istati Membri mingħajr ħlas.

Ir-raba’ inċiż: skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR - Common Provisions Regulation), il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri kontra l-frodi li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri fil-livell tal-programmi operazzjonali (PO). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-qafas tal-Istrateġija Kontra l-Frodi riveduta, qed tiżviluppa profili tal-pajjiżi dwar il-kapaċitajiet tal-Istati Membri li jiġġieldu l-frodi, li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni. Dawn il-profili tal-pajjiżi se jgħinu biex tiġi vvalutata aħjar l-implimentazzjoni tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-miżuri ta’ identifikazzjoni. Madankollu, il-kejl tal-effikaċja tal-prevenzjoni tal-frodi u tal-metodi ta’ identifikazzjoni huwa kompitu kumpless ħafna u ta’ sfida, peress li l-frodi hija influwenzata minn varjetà kbira ta’ fatturi eżoġeni, li mhux kollha huma speċifiċi għad-dominju ta’ politika.

Il-ħames inċiż: il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex isaħħu r-rwol ta’ koordinazzjoni tas-Servizzi ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS - Anti-Fraud Coordination Services), b’mod partikolari permezz tal-espansjoni tan-netwerk tagħhom.

VI

Il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa kull emenda ta’ dan it-tip imressqa mill-koleġiżlaturi.

VII

Il-Kummissjoni taqbel mal-QEA dwar l-importanza li tiġi żgurata l-effikaċja tal-AFCOSs u tista’ tappoġġa definizzjoni aktar ċara tal-funzjonijiet tagħhom. Il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament tal-OLAF diġà tirrappreżenta titjib sinifikanti fuq is-sitwazzjoni attwali peress li l-AFCOSs ikunu jeħtieġu li jiżguraw li l-assistenza lill-OLAF tingħata irrispettivament mill-mod kif tiġi pprovduta (jiġifieri direttament mill-AFCOS, jew minn awtorità differenti li taġixxi fuq talba tal-AFCOS).

INTRODUZZJONI

05

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2014-2020 introduċa għall-ewwel darba rekwiżit biex ikun hemm fis-seħħ approċċ ibbażat fuq ir-riskju u biex jitqiegħdu fis-seħħ miżuri proporzjonati u effettivi kontra l-frodi fil-livell tal-programm operazzjonali. Dan huwa pass importanti lejn ġestjoni finanzjarja aħjar u lejn il-protezzjoni tal-baġit tal-UE.

07

Il-pjattaforma tal-informazzjoni kontra l-frodi msemmija mill-QEA hija s-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS - Anti-Fraud Information System) tal-OLAF.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 08 u 09:

Il-proporzjon kemm tas-suspett ta’ frodi kif ukoll ta’ irregolaritajiet mhux frodulenti rrappurtati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-ambitu tal-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jiġi interpretat bħala l-kapaċità dejjem tikber tal-Istati Membri li jidentifikaw u jirrappurtaw irregolaritajiet, inklużi każijiet ta’ frodi potenzjali, lill-Kummissjoni. L-impatt finanzjarju jvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri u minn sena għal sena.

Fir-Rapporti PIF, il-Kummissjoni osservat b’mod regolari u konsistenti li dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-proġetti ffinanzjati b’mod partikolari fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK) jistgħu jinvolvu somom kbar ħafna meta mqabbla ma’ oqsma ta’ politika oħrajn.

10

Rigward is-Slovakkja, ir-rata għolja ta’ identifikazzjoni tal-frodi għall-2007-2013 hija dovuta, tal-anqas parti minnha, għal ftit każijiet (4) b’ammonti finanzjarji eċċezzjonali involuti, li ġew rappurtati fl-2017.

OSSERVAZZJONIJIET

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 18 u 19:

Il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ l-adozzjoni ta’ strateġiji kontra l-frodi mill-Istati Membri li permezz tagħhom l-Istati Membri jindikaw lill-benefiċjarji u lill-pubbliku kif beħsiebhom jiġġieldu l-frodi. Jenħtieġ li jiġi nnutat li ma hemm l-ebda obbligu legali għall-Istati Membri li jadottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi. Minkejja dan, għaxar Stati Membri adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi u Stat Membru wieħed qed jaġġorna l-istrateġija eżistenti tiegħu (ara r-rapport PIF tal-2017).

In-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-programm dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi u l-miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi (EGESIF 14-0021 tas-16 ta’ Ġunju 2014) jinkludu mudell volontarju għad-dikjarazzjoni ta’ politika kontra l-frodi fil-livell ta’ programm.

L-għan ta’ din id-dikjarazzjoni huwa li tindika lill-benefiċjarji u lill-pubbliku li jiġi applikat il-prinċipju ta’ tolleranza żero għall-frodi u kif l-awtoritajiet maniġerjali beħsiebhom jiġġieldu l-frodi.

Barra minn hekk, sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-frodi u l-korruzzjoni u l-awtoritajiet maniġerjali jiġu megħjuna fil-ġlieda kontra l-frodi, il-Kummissjoni organizzat diversi seminars, f’kollaborazzjoni ma’ Transparency International, kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri fl-2014-2015.

Il-Kummissjoni tkompli tirreferi għall-gwida tagħha għall-valutazzjoni tar-rekwiżiti ewlenin (KR - key requirements) tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, u b’mod partikolari l-kriterju ta’ valutazzjoni 7.3 fir-rigward ta’ KR7 dwar “miżuri proporzjonati u effettivi kontra l-frodi”. Għalkemm dan il-KR ma jirreferix għal politika kontra l-frodi per se iżda għall-ħtieġa li ssir awtovalutazzjoni li twassal għal kontrolli mmirati, huwa jżid ukoll aspetti oħrajn għajr il-valutazzjoni tar-riskji ta’ frodi identifikati, u jagħmilha ċara x’għandha tkun il-pożizzjoni tal-awtoritajiet tal-programm kontra l-frodi.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 20 u 21:

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri ħadu għadd ta’ miżuri biex jimplimentaw il-gwida u l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament. Waħda mill-konklużjonijiet tal-istudju estern dwar il-miżuri kontra l-frodi fl-Istati Membri kkummissjonat mill-Kummissjoni hija li l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-frodi u l-korruzzjoni kkatalizzaw għadd ta’ bidliet fil-livell tal-Istati Membri u rriżultaw f’approċċ aktar strutturat u aktar sistematiku. B’mod partikolari, it-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskji ta’ frodi f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-mudell għen biex tingħata aktar attenzjoni lir-riskji ta’ frodi u ta’ korruzzjoni, u ħoloq rabtiet ċari bejn ir-riskji identifikati u l-miżuri ta’ mitigazzjoni speċifiċi (Studju estern ikkwotat, p. 49).

It-tieni nett, huma n-nuqqasijiet fir-Rekwiżit Ewlieni 7 abbinati ma’ rekwiżiti ewlenin oħra mhux essenzjali li jistgħu jiġu identifikati bħala “nuqqasijiet serji fil-livell tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll”, u għalhekk iwasslu għal interruzzjonijiet fl-iskadenza tal-pagament jew fil-korrezzjoni finanzjarja. F’dan il-kuntest, ir-Rekwiżit Ewlieni 4 “Verifiki ta’ ġestjoni adegwati” u 16 “Awditi adegwati tal-operazzjonijiet” jaġixxu bħala kontrolli ta’ mitigazzjoni, peress li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ frodi potenzjali. In-nonkonformità ta’ aspett wieħed mis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, assoċjata ma’ impatt finanzjarju fuq il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjoni(jiet) sottostanti twassal għal interruzzjoni tal-pagament jew għal korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, għalhekk, tqis li l-qafas legali 2014-2020 ġie msaħħaħ b’mod ċar bl-introduzzjoni tal-obbligu li jitqiegħdu fis-seħħ miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi, avolja ma ġie impost l-ebda rekwiżit legali għal politiki formali kontra l-frodi.

Il-kundizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni huma anqas numerużi u aktar iffokati fuq għanijiet speċifiċi tal-Fond ikkonċernat. Ladarba jintlaħqu, huma maħsuba biex “jippermettu” lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jibdew l-implimentazzjoni tal-Fondi. Il-miżuri kontra l-fondi huma mmirati biex jimminimizzaw ir-riskji u jeħtieġ li jiġu riveduti perjodikament. Għalhekk, il-miżuri kontra l-frodi mhumiex adatti sabiex jiġu inklużi fil-kundizzjonijiet ta’ faċilitazzjoni.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 22 sa 23bis:

L-għodda prattika tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi li hija lesta biex tintuża msemmija mill-QEA tippermetti approċċ konsistenti għall-valutazzjonijiet tar-riskju fl-Istati Membri kollha għall-programmi kollha.

L-istudju estern dwar il-miżuri kontra l-frodi msemmi mill-QEA kkonferma l-fatt li l-awtoritajiet maniġerjali issa jivvalutaw ir-riskji ta’ frodi skont ir-rekwiżiti tal-qafas ta’ kontroll 2014-2020, jiddeterminaw kemm il-kontrolli interni eżistenti huma lesti jindirizzaw ir-riskji assoċjati ma’ xenarji ta’ frodi differenti u jidentifikaw oqsma fejn huma meħtieġa kontrolli addizzjonali. Ir-rekwiżiti ġodda wasslu għal approċċ aktar strutturat għall-valutazzjoni tar-riskju tal-frodi.

Il-Kummissjoni għamlet ukoll preżentazzjonijiet prattiċi dwar l-użu tal-għodda tagħha ta’ valutazzjoni tar-riskju rrakkomandata minnha matul seminars ta’ sensibilizzazzjoni kontra l-frodi/kontra l-korruzzjoni li seħħew fl-2014-2015, li koprew 15-il Stat Membru (BG, RO, IT, SK, CZ, HR, LV, HU, MT, SI, LT, ES, PL, PT, EE). Barra minn hekk, fl-2015 l-għodda ġiet ippreżentata lill-Istati Membri kollha bħala parti mit-taħriġ tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS - Irregularity Management System). Il-Kummissjoni tikkondividi l-konklużjoni tal-QEA li l-Istati Membri użaw il-mudell imfassal mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex itejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom waqt li jiġġieldu l-frodi. Għalissa, il-modulu ġdid ta’ taħriġ għall-esperti (f’kooperazzjoni mal-EIPA) dwar l-Identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni fil-Fondi SIE 2014-2020, u studju ta’ segwitu, li se jibnu fuq ir-riżultati mill-istudju ta’ rendikont, huma ppjanati.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 24 u 25:

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-awtoritajiet maniġerjali ġeneralment jieħdu approċċ aktar proattiv lejn il-valutazzjoni tar-riskji ta’ frodi.

L-opinjoni tal-Kummissjoni hija kkonfermata minn studju estern, li sab li fil-biċċa l-kbira tal-Programmi Operazzjonali (PO) (40) l-awtoritajiet ħadu approċċ attiv biex jiżviluppaw il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi tagħhom”, “maġġoranza kbira tal-valutazzjonijiet tar-riskju ta’ frodi msejsa fuq il-mudell tal-Kummissjoni (76%) kienu mimlija b’mod komprensiv, 14% biss parzjalment, u 8% kien fihom biss informazzjoni bażika. Iż-żewġ valutazzjonijiet tar-riskju ta’ frodi (FRA - fraud risk assessments) li kellhom l-inqas informazzjoni kienu minn dawk il-PO fejn ittieħed l-approċċ passiv”. L-istudju kkonkluda wkoll li “… barra minn hekk xi awtoritajiet espandew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtovalutazzjonijiet tal-FRAs għal forom oħrajn ta’ riskji … filwaqt li AM oħra pprovdew aktar granularità għall-valutazzjoni tagħhom”. B’mod addizzjonali, l-awtoritajiet maniġerjali jinnotaw żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-persunal tagħhom fir-rigward tal-importanza ta’ valutazzjoni tar-riskju kontra l-frodi u titjib tas-sistemi tal-IT użati għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-frodi.

Skont il-gwida tal-Kummissjoni, il-proċess kontra l-frodi jibda b’awtovalutazzjoni bbażata fuq l-għarfien tal-awtoritajiet maniġerjali dwar l-ambjent u r-riskji speċifiċi ta’ frodi tiegħu, kif ukoll dwar skemi ta’ frodi rikonoxxuti u rikorrenti b’mod komuni. Il-Kummissjoni tirrakkomanda lit-tim ta’ awtovalutazzjoni li l-aktar atturi rilevanti jieħdu sehem fil-proċess, li jista’ jfisser dipartimenti differenti tal-awtorità maniġerjali (AM) kif ukoll l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni (AĊ) u l-korpi ta’ implimentazzjoni (KI). L-involviment ta’ AFCOS jew ta’ korpi speċjalizzati oħra jitħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet maniġerjali (it-taqsima 3.2). L-awtorità tal-awditjar (AA) se tivverifika l-proċess mingħajr ma tieħu xi rwol dirett. Fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi, l-istudju estern jikkonferma wkoll li l-involviment ta’ varjetà ta’ awtoritajiet fl-attivitajiet kontra l-frodi (AM, KI, AA, AĊ, AFCOS u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi) iwassal għal titjib fil-koordinazzjoni ta’ attivitajiet kontra l-frodi u jnaqqas ir-riskji ta’ frodi”.

26

Il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi hija eżerċizzju kontinwu, li jrid ikun irfinat u rivedut waqt l-implimentazzjoni tal-programm.

L-ewwel punt: il-mudell ta’ assigurazzjoni 2014-2020 huwa msejjes fuq is-superviżjoni tal-awtorità maniġerjali mill-awtorità tal-awditjar permezz ta’ awditi tas-sistema u awditi fuq l-operazzjonijiet, li jirriżultaw f’valutazzjoni ta’ kull rekwiżit ewlieni ta’ sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, inkluż ir-rekwiżit ewlieni (KR7) li jirreferi b’mod speċifiku għal miżuri kontra l-frodi. Fil-każ tal-Bulgarija, l-awtorità tal-awditjar identifikat xi riskji ta’ frodi u l-awtorità maniġerjali responabbli ħadet azzjoni adegwata biex tikkoreġi s-sitwazzjoni. Is-sistema kumplessiva, għalhekk, iffunzjonat biex tiżgura miżuri aktar robusti kontra l-frodi.

It-tieni punt: il-Kummissjoni se tesplora kwalunkwe azzjoni possibbli biex tqajjem kuxjenza mal-awtoritajiet Franċiżi u ttejjeb il-valutazzjoni mal-awtoritajiet maniġerjali kkonċernati u l-awtoritajiet tal-awditjar fil-kuntest ta’ laqgħat annwali rispettivi.

It-tielet punt: l-eżempju ta’ Spanja juri li l-awtorità maniġerjali tassumi r-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta’ miżuri kontra l-frodi u s-superviżjoni ta’ korpi intermedjarji b’mod serju. Permezz tal-evalwazzjoni mandata, l-awtorità maniġerjali tista’ tirrakkomanda azzjonijiet biex jaġġustaw id-dgħufijiet identifikati, segwiti mit-taqsima ta’ awditjar intern tal-awtorità maniġerjali.

Il-ħames punt: is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu rakkomandazzjonijiet ta’ awditjar lill-Ungerija għal titjib ulterjuri tal-miżuri kontra l-frodi. Pereżempju, l-awtoritajiet maniġerjali Ungeriżi għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ verifika fl-istadji ta’ verifika tal-għażla u tal-ġestjoni jinkludu miżuri proporzjonali kontra l-frodi li jinkludu tfassil apposta tas-subsistema tal-IT.

Għalhekk, il-Kumissjoni tistenna li l-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi fl-Ungerija jitjieb.

27

Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-Istati Membri huma mistennija jistabbilixxu miżuri kontra l-frodi filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dawn il-miżuri dejjem jistgħu jittejbu abbażi tal-każijiet ta’ detezzjoni ta’ frodi u riskji identifikati ġodda, madankollu jenħtieġ li huma jibqgħu proporzjonati għar-riskju identifikat.

L-istudju estern għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni kkonkluda li l-miżuri kontra l-frodi li ġew stabbiliti huma ġeneralment proporzjonati mar-riskji identifikati, anki meta jitqies li xi awtoritajiet jistgħu jissottovalutaw ir-riskji waqt l-awtovalutazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-awtoritajiet maniġerjali pproponew miżuri ta’ mitigazzjoni maħluqa minnhom infushom b’reazzjoni għar-riskji identifikati lil hinn minn dak propost mill-Kummissjoni, li jissuġġerixxi li saret xi riflessjoni dwar l-aħjar mod kif jiġu indirizzati r-riskji.

29

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet maniġerjali jadottaw approċċ proattiv, strutturat u mmirat għall-ġestjoni tar-riskju ta’ frodi. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità inkorporat fid-dispożizzjonijiet regolatorji, il-miżuri bbażati fuq ir-riskju jridu jkunu kosteffiċjenti.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 30 sa 32:

Skont il-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi u miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi, it-tekniki ta’ prevenzjoni spiss jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta’ sistema robusta ta’ kontrolli interni, flimkien ma’ valutazzjoni proattiva, strutturata u mmirata tar-riskju ta’ frodi. Addizzjonalment, attivitajiet komprensivi ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp ta’ kultura “etika” (kodiċi ta’ kondotta, dikjarazzjonijiet tal-missjoni) u allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet (biex tiġi stabbilita sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li effettivament tiġġieled il-frodi) jistgħu jkunu utli ħafna fil-ġlieda kontra l-frodi u jnaqqsu l-opportunitajiet biex titwettaq frodi. Minbarra dan, il-Kummissjoni tipproponi wkoll miżuri oħra ta’ mitigazzjoni, għal oqsma speċifiċi (kunflitt ta’ interess, akkwist pubbliku, finanzjament doppju) li, skont l-istudju estern, kważi l-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha fil-kampjun jużaw fil-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni tal-frodi tagħhom. Barra minn hekk, l-istudju kkonkluda li xi Stati Membri, minbarra li użaw dak li pproponiet il-Kummissjoni, żviluppaw ukoll il-miżuri tagħhom stess biex jipprevjenu l-frodi

B’mod addizzjonali, il-Kummissjoni qed tesplora mezzi ġodda u innovattivi għall-prevenzjoni ta’ prattiki korrotti fi proġetti ffinanzjati mill-fondi tal-UE u biex jiżguraw li l-flus tal-kontribwenti jintefqu b’mod effiċjenti u trasparenti, bħall-Patti ta’ Integrità Pilota msemmija mill-Qorti fil-Kaxxa 1.

Matul is-snin li għaddew, il-Kummissjoni ħarġet ukoll dokumenti speċifiċi biex issaħħaħ il-prevenzjoni tal-frodi, ħafna minnhom taħt l-awspiċi tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni ta’ Frodi (COCOLAF). Pereżempju:

  • Fraud in Public Procurement, A collection of Red Flags and Best Practices (Frodi fl-Akkwist Pubbliku, Ġabra ta’ Sinjali ta’ Allarm u l-Aħjar Prattiki)
  • Guidelines on National Anti-Fraud Strategies (Linji Gwida dwar Strateġiji Nazzjonali kontra l-Frodi) (2014 u 2016);
  • Identifying conflicts of interests in public procurement procedures for structural actions, A practical guide for managers (L-identifikazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal azzjonijiet strutturali, Gwida prattika għall-maniġers) (2013);
  • Compendium of anonymised cases – Structural Actions (Kompendju ta’ każijiet anonimizzati – Azzjonijiet Strutturali) (2012).
33

Il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi huma interkonnessi. L-identifikazzjoni hija fil-fatt parti minn kontroll normali fis-seħħ għall-programmi kollha, kemm fil-livell tal-awtorità maniġerjali (verifiki ta’ ġestjoni), u tal-awtorità tal-awditjar (awditi u kontrolli).

L-istudju estern ikkonferma li ġew żviluppati kontrolli addizzjonali mill-awtoritajiet maniġerjali biex jikkumplimentaw dawk rakkomandati mill-Kummissjoni għall-2014-2020. Dawn jinkludu wkoll miżuri li jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-frodi, bħal:

  • Eżistenza ta’ “Kummissjoni ta’ Esperti tal-Offerti” li tagħti l-possibbiltà lill-offerenti biex jirrikorru għal din il-Kummissjoni f’każ li jqisu l-proċedura bħala difettuża;
  • Baġits iddefiniti minn qabel permezz ta’ riċerka tas-suq, li mhumiex żvelati (manipulazzjoni tal-akkwist pubbliku);
  • Użu ta’ għodda tal-IT għal identifikazzjoni ta’ talbiet doppji (manipulazzjoni ta’ spejjeż u ta’ kwalità);
  • Kollaborazzjoni mal-akkwist pubbliku jew mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (offerta kollużiva);
  • Mekkaniżmu tal-ilmenti għall-benefiċjarji.

L-opportunitajiet ta’ għodod eżistenti u disponibbli ta’ estrazzjoni ta’ data bħal Arachne diġà qed jintużaw minn xi awtoritajiet ta’ programmi b’mod aktar komprensiv. Pereżempju, tintuża bħala għodda għall-identifikazzjoni u klassifikazzjoni tar-riskju biex tikkontrolla, fil-proċess tal-għoti u tal-konċessjoni, il-kumpaniji benefiċjarji potenzjali, is-sidien benefiċjarji tagħhom u s-sħab kummerċjali tagħhom, biex jiġu vvalutati kunflitti ta’ interess potenzjali u riskji ta’ finanzjament doppju, biex jiġu identifikati sinjali ta’ allarm (red flags) u jiżdiedu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-verifiki ta’ ġestjoni.

Fl-aħħar nett, fir-Rapport PIF tal-2017, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal tal-analiżi tar-riskju (li huwa mifhum bħala kontrolli li jiffokaw fuq il-profili ta’ riskju ta’ proġetti li għandhom jitfasslu apposta fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet fil-fond) bil-għan li jżidu l-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni proattiva tagħhom.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 34 u 35:

In-nuqqas ta’ mezzi ta’ rappurtar siguri għal rappurtar ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, kien ta’ tħassib serju espress fit-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-2017.

Il-proposta attwali tad-Direttiva dwar l-Informaturi tinkludi l-mezzi ta’ rappurtar interni u esterni li jiżguraw kunfidenzjalità fl-entitajiet kollha fis-settur privat u pubbliku, fl-UE kollha.

Id-Direttiva proposta teħtieġ: i) entitajiet legali fis-settur privat u pubbliku; ii) awtoritajiet kompetenti u, iii) Stati Membri li jipprovdu informazzjoni faċilment aċċessibbli dwar il-mezzi ta’ rappurtar, il-protezzjoni, il-kundizzjonijiet biex jibbenefikaw minn protezzjoni u rimedji disponibbli, filwaqt li b’hekk tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għall-informaturi. Barra minn hekk, il-proposta tipprevedi li l-informaturi jikkwalifikaw għall-protezzjoni jekk, meta rrappurtaw, kellhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li l-informazzjoni rappurtata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Din is-salvagwardja tiżgura li l-informaturi ma jitilfux il-protezzjoni jekk fl-aħħar jirriżulta li r-rapport ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni (jekk pereżempju l-ksur kien jinvolvi l-użu ta’ fondi nazzjonali u mhux tal-UE).

Fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni, l-emendi diskussi attwalment mal-koleġiżlaturi jagħmluha ċara li l-informaturi anonimi huma protetti fil-każ li l-identità tagħhom tiġi żvelata sussegwentement u jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-protezzjoni stabbiliti fil-proposta.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 36 u 37:

Bħala għodda għall-klassifikazzjoni tar-riskju, Arachne tista’ żżid l-effiċjenza fl-għażla tal-proġetti, il-verifiki tal-ġestjoni u l-awditjar, u tkompli ssaħħaħ l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u s-sejba tal-frodi. L-użu effettiv ta’ Arachne huwa prattika tajba sabiex jiġu identifikati s-sinjali ta’ allarm (red flags) u jimmira lejn miżuri għall-ġlieda kontra l-frodi, u għandu jitqies meta tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-kontrolli preventivi u investigattivi attwali fis-seħħ. Fir-Rapporti PIF tal-2015 u segwenti, il-Kummissjoni tirrakkomanda b’mod espliċitu lill-Istati Membri li jżidu l-użu tal-għodod tal-IT għall-klassifikazzjoni tar-riskju (jiġifieri Arachne) u l-analiżi tar-riskju u enfasizzat l-importanza tagħhom fil-ġlieda kontra l-frodi.

L-opportunitajiet ta’ għodod eżistenti u disponibbli ta’ estrazzjoni tad-data bħal Arachne diġà qed jintużaw minn xi awtoritajiet tal-programm b’mod aktar komprensiv. Pereżempju, bħala għodda għall-klassifikazzjoni u l-identifikazzjoni tar-riskju, fil-proċessi tal-għoti u tal-konċessjoni, biex tikkontrolla kumpaniji benefiċjarji potenzjali, is-sidien benefiċjarji tagħhom u s-sħab kummerċjali, biex jiġu vvalutati kunflitti potenzjali ta’ interess u riskji ta’ finanzjament doppju, biex jiġu identifikati sinjali ta’ allarm, u biex jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza ta’ verifiki tal-ġestjoni.

Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 33.

37

L-ewwel punt: is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw laqgħa mal-awtoritajiet Griegi fi Frar 2019 biex jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-integrazzjoni tal-użu ta’ Arachne fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-programmi Griegi. Il-konklużjoni ta’ din il-laqgħa hija li Arachne tista’ tkun komplementarja għall-għodod żviluppati internament mill-awtoritajiet tal-programm Griegi u għalhekk hija meħtieġa ħidma ulterjuri b’mod konġunt mal-Kummissjoni biex Arachne tiġi integrata fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.

It-tieni punt: il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi b’mod kontinwu l-Istati Membri biex jaġġornaw id-data operazzjonali sabiex tiġi sfruttata l-kapaċità sħiħa tal-għodda ta’ estrazzjoni tad-data Arachne. Għall-erba’ Stati Membri vverifikati mill-QEA, il-Kummissjoni tinnota żieda fl-għadd ta’ utenti attivi jew fl-għadd ta’ PO koperti minn Arachne.

It-tielet punt: Arachne tista’ tintuża minn korpi investigattivi fuq bażi ta’ każ b’każ b’kunsiderazzjoni xierqa għar-regolamenti tal-protezzjoni tad-data.

38

Il-Kummissjoni qed tkompli żżur l-awtoritajiet tal-programm biex tippromwovi l-benefiċċji u l-funzjonalitajiet tal-għodda ta’ estrazzjoni tad-data Arachne. B’mod parallel, il-Kummissjoni qed tesplora wkoll il-possibbiltà li jiġu mmirati aktar l-oqsma li jinsabu f’riskju billi jiġu eliminati indikaturi (antikwati) jew billi jinħolqu indikaturi ġodda, eż. indikatur biex jikkonferma l-istatus SME ta’ kumpanija.

Il-perċezzjoni minn xi Stati Membri li l-utilità tal-għodda tiddependi fuq l-għadd ta’ PO li jtellgħu u jaġġornaw id-data regolarment hija inkorretta.

L-utilità ta’ Arachne minflok tiddependi fuq l-input mill-awtoritajiet tad-data tal-programm tagħhom aġġornata regolarment. Id-data interna tal-PO mbagħad tiġi kontroverifikata u pproċessata minn Arachne ma’ data dwar kumpaniji madwar l-Ewropa u d-dinja, li tkun ġejja minn bażijiet ta’ data esterni.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 40 u 41:

Il-ġlieda kontra l-frodi tinvolvi proċess kontinwu li jibda bl-implimentazzjoni ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi u miżuri ta’ mitigazzjoni. L-awtoritajiet ta’ verifika tal-Istati Membri jridu jagħmlu rieżami b’mod sistematiku tal-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi fil-livell ta’ korpi intermedji bħala parti mill-awditjar tagħhom tas-sistema (KR7 jivvaluta l-adegwatezza ta’ miżuri bħal dawn)49. Addizzjonalment, l-implimentazzjoni ta’ miżuri kontra l-frodi hija awditjata mill-Kummissjoni.

Ir-riżultati tal-awditjar tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali sa issa juru li f’każ ta’ 263 PO ttestjati, 100 PO għandhom fis-seħħ miżuri kontra l-frodi li jiffunzjonaw tajjeb, f’każ ta’ 152 PO l-miżuri kontra l-frodi kienu jiffunzjonaw tajjeb iżda jeħtieġu xi titjib u f’każ ta’ 11-il PO dawn il-miżuri jeħtieġu titjib sinifikanti.

Huwa diffiċli li wieħed ikejjel l-effikaċja tal-azzjonijiet ta’ prevenzjoni tal-frodi, speċjalment fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni, peress li din hija marbuta mal-livell tan-nefqa fuq il-post u maċ-ċertifikazzjoni fil-konfront tal-Kummissjoni.

L-identifikazzjoni tal-frodi tista’ tiġi traċċata, iżda l-kejl tal-effikaċja tagħha jkun jeħtieġ paragrun mal-estent totali mhux magħruf ta’ frodi, inkluża frodi mhux identifikata. Madankollu, kif diġà indikat fit-tweġiba tal-Kummissjoni għar-Rapport Speċjali 1/2019, m’hemm l-ebda metodu kosteffikaċi biex tiġi stmata l-frodi mhux identifikata b’mod affidabbli biżżejjed u li jista’ jiġi difiż suffiċjentement għall-fini ta’ politika bbażata fuq l-evidenza. Barra minn hekk, l-effikaċja tal-identifikazzjoni tal-frodi tiddependi wkoll fuq fatturi eżoġeni.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jużaw is-sejbiet tal-awtoritajiet tal-awditjar biex jiżviluppaw pjanijiet ta’ azzjoni biex jittrattaw żbalji u riskji li jinstabu. Barra minn hekk, kull darba żball/riskju jiġi identifikat fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-PO, l-awtoritajiet maniġerjali u l-korpi ċentrali jintervjenu u jagħmlu rieżami tar-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-attivitajiet tal-kontroll imsemmija. Għalhekk, l-analiżi annwali tar-riskju tal-frodi ma turix l-iżbalji li nstabu matul is-sena.

43

Għandu jiġi nnutat li l-mudell ta’ assigurazzjoni 2014-2020 ġie msaħħaħ b’mod qawwi fuq ir-responsabbiltà tal-Istat Membru li flimkien mar-rekwiżit il-ġdid dwar il-miżuri kontra l-frodi fl-Artikolu 125(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (is-CPR) jista’ jispjega x-xejra murija mill-QEA.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 44 u 45:

Fir-Rapport PIF tal-2017, il-Kummissjoni ppubblikat l-analiżi tagħha stess tar-“raġunijiet għat-twettiq tal-kontroll” (qasam strutturat) li wasslu għall-identifikazzjoni fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. Ir-riżultati huma simili u komplementari50. Minkejja kollox, il-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet differenti minn din l-analiżi. Il-valur ogħla ta’ identifikazzjonijiet li joriġinaw mill-korpi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni ġie enfasizzat mir-Rapport PIF tal-201451 u, skont l-analiżi tal-Kummissjoni, huwa marbut mal-effikaċja tal-investigazzjonijiet u l-kapaċitajiet investigattivi b’saħħithom tal-awtoritajiet ikkonċernati.

46

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 li jistabbilixxi l-UPPE (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew) taħt kooperazzjoni msaħħa jipprevedi l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti kollha li jirrappurtaw każijiet ta’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew52. Dan jinkludi l-awtoritajiet maniġerjali.

Barra minn hekk, l-OLAF, kif previst fir-Regolament 883/2013, se jkompli jaqdi r-rwol ewlieni tiegħu fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha.

Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet ta’ rappurtar dwar irregolaritajiet li jinkludu frodi, previsti fil-leġiżlazzjoni settorjali, jobbligaw lill-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-eżitu ta’ kwalunkwe proċediment marbut ma’ każijiet ta’ frodi.

L-obbligi msemmija hawn fuq japplikaw ukoll għall-awtoritajiet maniġerjali.

Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll l-inkorporazzjoni ta’ miżuri kontra l-frodi fil-qasam tal-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi53. Din ir-rakkomandazzjoni ġiet segwita mil-“Linji gwida ġenerali dwar Strateġiji Nazzjonali Kontra l-Frodi”54. L-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi jippromwovu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bħala elementi ewlenin għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 47 sa 48:

Kwalunkwe użu li jsir mill-Kummissjoni tad-data rappurtata fl-IMS huwa bbażat fuq l-għarfien li r-rappurtar jista’ jkun mhux komplut. Dan huwa ddikjarat b’mod ċar ukoll f’diversi Rapporti PIF u fil-“Metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-irregolaritajiet rappurtati”55 mehmuża. Ir-rappurtar ta’ irregolaritajiet frodulenti identifikati huwa marbut mal-effiċjenza tas-sistema, peress li jimplika li korpi u awtoritajiet differenti jikkooperaw f’dan id-dominju. Fuq il-bażi ta’ dawn l-assunzjonijiet, il-Kummissjoni esprimiet b’mod ripetut id-dubji tagħha dwar l-affidabbiltà ta’ data rċevuta mill-Istati Membri li jirrappurtaw għadd ta’ irregolaritajiet baxx ħafna.

49

Il-kwistjoni ta’ interpretazzjonijiet differenti tad-definizzjoni ta’ frodi tal-UE ġiet rikonoxxuta fir-Rapporti PIF. Xi drabi, dawn id-differenzi fl-interpretazzjonijiet huma inerenti fis-sistemi legali differenti u fil-mod li bih titqies ċerta mġiba (eż. kunflitt ta’ interess jitqies bħala mġiba kriminali f’ċerti pajjiżi u mhux f’oħrajn u huwa rrappurtat b’dan il-mod). Il-Kummissjoni pproponiet li tarmonizza dawn id-definizzjonijiet fid-Direttiva PIF iżda d-Direttiva, kif adottata mill-PE u mill-Kunsill, għalkemm tipprevedi armonizzazzjoni aktar profonda tar-reati ewlenin tal-PIF, ma tinkludix definizzjonijiet tar-reati rilevanti kollha.

50

Il-Kummissjoni tqis li s-sejba tal-QEA li l-awtoritajiet maniġerjali fl-Ungerija ma jirrappurtawx b’mod xieraq is-suspetti ta’ frodi li jiġu solvuti qabel iċ-ċertifikazzjoni lill-Kummissjoni, hija prinċipalment kwistjoni ta’ miżinterpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ rappurtar mill-Istat Membru. Każijiet ta’ “suspett ta’ frodi” ladarba rappurtati ma jridux jiġu rtirati mill-IMS avolja n-nefqa ma tiġix sottomessa aktar lill-Kummissjoni, kif seta’ kien il-każ fl-Ungerija. Il-Kummissjoni se titlob l-attenzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi biex jikkoreġu l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata.

51

Il-Kummissjoni hija konxja li l-mument li jiskatta r-rappurtar jista’ jkun differenti fost l-Istati Membri u anki fl-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-“Manwal dwar ir-rappurtar ta’ irregolaritajiet”, imħejji f’kooperazzjoni mal-esperti nazzjonali, ġie ffinalizzat fl-201756. Ma jsolvix is-sitwazzjonijiet kollha, iżda żgur li se jiżgura aktar konsistenza f’dan ir-rigward. L-adozzjoni tiegħu hija riċenti wisq biex jidhru l-effetti tiegħu fuq id-data inkluża fil-kampjun tal-QEA.

Madankollu, biex tingħeleb din il-kwistjoni, fir-Rapporti PIF tagħha l-Kummissjoni ssegwi analiżi pluriennali, li fir-rigward tal-Politika ta’ Koeżjoni, tinvolvi perjodi ta’ programmazzjoni sħaħ, li b’hekk jimmitigaw l-impatt ta’ rappurtar tardiv.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 53 u 54:

Kull meta jkun hemm żviluppi relatati ma’ każ fl-IMS, l-awtoritajiet ta’ rappurtar jistgħu u jridu jaġġornaw l-informazzjoni relatata. Id-data tista’ ma tkunx preċiża u/jew ma tkunx għadha valida f’xi mument, iżda tiġi kkoreġuta wara. IMS hija “sistema ħajja” li, għalkemm mhix perfetta, għadha l-aktar sistema kompluta disponibbli sa issa.

Il-Kummissjoni tfakkar b’mod regolari lill-awtoritajiet ta’ rappurtar dwar il-ħtieġa li tiġi verifikata l-kwalità tal-informazzjoni rappurtata u li tiġi aġġornata, jekk ikun meħtieġ.

Il-valutazzjoni tal-impatt finanzjarju ta’ każijiet frodulenti tibqa’ aspett kontroversjali f’ħafna aspetti. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali, iżda d-differenzi fl-interpretazzjoni x’aktarx mhux se jisparixxu kompletament.

55

L-għadd baxx ta’ irregolaritajiet frodulenti rappurtati minn xi Stati Membri jistgħu jkunu minħabba diversi fatturi, bħal-livell ta’ kontrolli ta’ fondi tal-UE jew il-proporzjon ta’ xi fondi tal-UE meta mqabbla mal-investiment pubbliku totali f’dak l-Istat Membru.

Is-sottorappurtar minn Franza huwa magħruf mill-Kummissjoni u diġà ġie indikat f’diversi Rapporti PIF, li kienu jinkludu rakkomandazzjonijiet speċifiċi lil dan l-Istat Membru (fost l-oħrajn).

Ara wkoll it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 47-48 u 53-54 hawn fuq.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 56 u 57:

Ir-rata ta’ detezzjoni tal-frodi tkejjel l-impatt finanzjarju ta’ irregolaritajiet frodulenti identifikati u rrappurtati fuq il-pagamenti.

Minkejja n-nuqqasijiet imsemmija, li l-Kummissjoni hija konxja tagħhom, l-IMS hija l-unika għodda li tippermetti l-analiżi ta’ frodi identifikati u rappurtati mill-Istati Membri fuq skala tal-UE.

Abbażi ta’ dawn l-analiżijiet u filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet magħrufa tas-sistema, il-Kummissjoni tislet konklużjonijiet speċifiċi rigward ir-riskji marbuta ma’ oqsma ta’ politika speċifiċi u fir-rigward tal-isforzi ta’ identifikazzjoni u tal-imġiba ta’ rappurtar tal-Istati Membri.

Fil-qafas tal-Istrateġija Kontra l-Frodi riveduta, filwaqt li toqgħod fuq IMS imtejba, il-Kummissjoni qed timmira wkoll li ttejjeb l-analiżi tagħha abbażi ta’ elementi addizzjonali, b’mod partikolari billi tiżviluppa profili tal-pajjiżi biex tifhem aħjar id-differenzi fl-identifikazzjoni u fir-rappurtar fost l-Istati Membri.

Kif diġà indikat fir-rigward tar-Rapport Speċjali tal-QEA 01/2019, l-assenza ta’ korrelazzjoni qawwija bejn ir-rati ta’ identifikazzjoni tal-frodi rapportati u l-perċezzjoni tal-korruzzjoni ma għandhiex tiġi enfasizzata żżejjed. Il-korruzzjoni hija waħda mill-ħafna modi operandi li permezz tagħhom jiġi ffrodat il-baġit tal-UE.

59

In-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi fit-taqsima 4.3.3 tgħid li “L-awtoritajiet maniġerjali għandu jkollhom mekkaniżmi ta’ rappurtar ċari li jiżguraw koordinazzjoni suffiċjenti dwar kwistjonijiet kontra l-frodi mal-awtorità tal-awditjar u mal-awtoritajiet investigattivi kompetenti fl-Istat Membru”. Dan għandu jsarraf fi struzzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u konfigurazzjoni speċifika normalment tista’ tinstab taħt id-deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ kull programm.

Fir-Rapport PIF tal-2014 il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju ta’ mmappjar tal-obbligi nazzjonali57. Fl-2014, erba’ Stati Membri biss (ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Iżvezja u d-Danimarka) speċifikaw fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju dwar il-parti speċifika tar-“Rapport skont l-Artikolu 325 TFUE”, li ma kienx jeżisti l-obbligu għal uffiċjali pubbliċi li jinformaw il-prosekuzzjoni/infurzar tal-liġi dwar każijiet potenzjali ta’ frodi58.

Ir-regolament li jistabbilixxi l-UPPE diġà pprovda obbligu ta’ rappurtar għall-awtoritajiet kompetenti kollha (l-Artikolu 24), u dan se jinkludi l-awtoritajiet maniġerjali meta l-UPPE jkun ġie stabbilit (f’Novembru 2020 l-aktar kmieni). Fil-Greċja, kull awtorità maniġerjali hija obbligata li tinforma lill-AFCOS dwar kull każ ta’ suspett ta’ frodi u, f’dan il-kuntest, persuna ta’ kollegament tal-AFCOS ġiet maħtura f’kull awtorità maniġerjali. Fl-istess ħin, prosekutur ġie sekondat fl-uffiċċju Grieg tal-AFCOS. Il-Kummissjoni se timmonitorja jekk din is-sistema tiżgurax komunikazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet maniġerjali u l-AFCOS.

Fi Spanja, uffiċjali li jaħdmu fl-amministrazzjonijiet pubbliċi huma obbligati bil-liġi nazzjonali li jirrappurtaw il-każijiet suspettati kollha ta’ frodi.

60

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-analiżi tar-raġunijiet għar-rifjut ta’ każ frodulenti potenzjali mill-awtorità kompetenti hija responsabbiltà kondiviża. Is-servizzi li janalizzaw u jinvestigaw dawn il-każijiet għandhom joffru feedback lill-awtoritajiet maniġerjali dwar ir-riċerka mwettqa u r-raġunijiet biex ma tinfetaħx investigazzjoni.

L-AFCOS jista’ jkollhom rwol akbar f’dan il-kuntest biex jiżguraw koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet maniġerjali u l-prosekutur. Pereżempju, arranġamenti ta’ dan it-tip jeżistu fil-Bulgarija (ara l-aħħar pjan ta’ azzjoni annwali, adottat fl-24 ta’ Jannar 2019 - http://www.afcos.bg/bg/node/227) u fil-Greċja (fejn is-sistema ta’ ġestjoni tal-ilmenti tinvolvi l-AFCOS).

62

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom l-ewwel nett jipproteġu l-baġit tal-UE. Dan iseħħ pereżempju permezz ta’ rtirar tan-nefqa affettwata mill-programm kofinanzjat tal-UE mill-awtoritajiet tal-programm. Madankollu, il-proċediment ġudizzjarju jista’ jkompli fil-livell nazzjonali u l-irkuprar mill-perpetraturi se jieħu l-ħin, skont l-eżitu ta’ dan il-proċediment ġudizzjarju, li jista’ jieħu diversi snin biex jiġi ffinalizzat. Għalhekk, mill-aspett tal-effiċjenza amministrattiva u tas-sigurtà legali tal-baġit tal-UE, huwa preferibbli li l-ammonti kkonċernati jiġu rtirati immedjatament mill-programm operazzjonali kofinanzjat, filwaqt li l-Istat Membru jsegwi fil-livell nazzjonali l-proċedimenti ġudizzjarji meħtieġa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda mezz legali biex iġġiegħel lill-Istati Membri jidħlu f’tali proċedimenti ġudizzjarji jew jirkupraw fondi mill-perpetratur ladarba l-infiq ikun ġie rtirat u, konsegwentement, ma jkunx għadu jagħmel parti mill-programm kofinanzjat tal-UE.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 63, 64 u l-Kaxxa 3:

Il-Kummissjoni tfakkar regolarment lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom rigward l-implikazzjonijiet orizzontali possibbli ta’ każ ta’ frodi wieħed identifikat, abbażi ta’ nota ta’ gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi, it-taqsima 4.4. Xi Stati Membri fil-fatt jivvalutaw l-implikazzjonijiet ta’ każi ta’ frodi potenzjali fuq is-sistemi tagħhom u japplikaw miżuri korrettivi.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 66 u 67:

Skont id-dispożizzjonijiet attwali tar-Regolament 883/2013, ir-rwol tal-AFCOSs huwa li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF. Madankollu, l-organizzazzjoni u s-setgħat ta’ AFCOSs huma mħollija għad-deċiżjoni ta’ kull Stat Membru. Peress li r-Regolament 883/2013 jirrigwarda l-investigazzjonijiet ta’ OLAF, ir-rwol tal-AFCOSs, kif definit fl-Artikolu 3(4) huwa limitat għal kooperazzjoni investigattiva u ma jeħtieġx l-inklużjoni ta’ kompiti bħall-monitoraġġ ta’ rappurtar ta’ frodi jew koordinazzjoni tal-ħidma tal-partijiet kollha involuti fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni, madankollu, tista’ tappoġġa l-espansjoni tar-rwol tal-AFCOSs.

Il-Kummissjoni ħarġet Nota ta’ Gwida fl-2013, ftit qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 883/2013, li tinkoraġġixxi l-Istati Membri jqisu rwol eventwali aktar wiesa’ għall-AFCOS, billi jinkarigawhom ukoll b’kompiti oħrajn kontra l-frodi. Kienet intiża li l-Istati Membri jiġu appoġġati fit-twaqqif tal-AFCOS tagħhom fil-perjodu 2013-2014 u ma kinitx vinkolanti fuq l-Istati Membri.

69

L-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF uriet li l-ħolqien tal-AFCOSs ġab miegħu titjib ċar fil-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-Istati Membri, iżda identifikat ukoll lok għal aktar titjib.

Filwaqt li d-diversità tal-AFCOSs ġiet rikonoxxuta, kien hemm fehmiet diverġenti (b’mod partikolari fost l-AFCOSs infushom) dwar il-ħtieġa li jkomplu jiġu allinjati r-rwol u s-setgħat tagħhom.

70

Filwaqt li l-Kummissjoni taqbel li aktar koerenza fost l-AFCOSs f’diversi Stati Membri tkun mixtieqa, f’dan il-punt huwa f’idejn il-koleġiżlaturi li jiddeċiedu dwar kwalunkwe bidla.

Il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar l-OLAF, li issa tinsab fil-proċess leġiżlattiv, diġà tirrappreżenta titjib sinifikanti fuq is-sitwazzjoni attwali, minn diversi perspettivi.

L-ewwel nett, hija tipproponi (l-Artikolu 12a) li jiġi speċifikat aktar ir-rwol tal-AFCOSs fl-Istati Membi b’appoġġ għall-OLAF b’mod partikolari billi jinħoloq obbligu ta’ riżultat biex jiżgura li l-OLAF jiġi pprovdut bl-assistenza li jeħtieġ għall-investigazzjonijiet tiegħu, jew direttament mill-AFCOS jew minn awtorità differenti.

Filwaqt li tastjeni mill-armonizzazzjoni tal-organizzazzjoni u tas-setgħat tal-AFCOS, il-proposta tistipula li l-AFCOS għandha “tipprovdi”, “tikseb” jew “tikkoordina” l-assistenza meħtieġa mill-OLAF.

It-tieni nett, il-proposta tintroduċi wkoll bażi ġuridika għall-AFCOS biex jikkooperaw bejniethom, orizzontalment, xi ħaġa li attwalment hija nieqsa mill-istruttura legali tal-operat tal-AFCOS.

71

Filwaqt li l-Kummissjoni taqbel li l-informazzjoni dwar l-istatus tal-każ u l-istatistika tkun utli għal koordinazzjoni effettiva kontra l-frodi, il-mandat legali attwali tal-AFCOS, kif definit fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament 883/2013, ma jesiġix aċċess bħal dan għal statistika dwar l-għadd u l-progress ta’ każijiet li qed jiġu investigati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

72

Ir-Regolament 883/2013 attwali dwar l-OLAF ma jobbligax lill-AFCOS ikollhom stampa sħiħa tal-investigazzjonijiet minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jinvolvu l-finanzjament tal-UE fl-Istat Membru rispettiv.

73

Ara t-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 47 u 48.

74

Il-Kummissjoni taqbel li għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu fis-seħħ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni adegwati fejn atturi differenti jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar il-passi meħuda u ppjanati u rakkomandazzjonijiet għal titjib.

75

L-OLAF jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu netwerks AFCOS biex titjieb il-koordinazzjoni nazzjonali tal-ġlieda kontra l-frodi.

76

L-intervent fil-livell tal-operazzjonijiet tal-Prosekutur Nazzjonali ma jaqax fil-kompetenzi tal-Kummissjoni; madankollu, il-Kummissjoni tisħaq dwar il-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn il-korpi responabbli għall-maniġment tal-fondi tal-UE, l-awditjar u l-prevenzjoni tal-frodi u korpi nazzjonali rilevanti oħra bħall-uffiċċju tal-prosekutur. F’dan il-kuntest, meta jkun xieraq, il-Kummissjoni titlob informazzjoni dwar miżuri meħuda jew intiżi li jittieħdu biex jiġi żgurat li interventi kofinanzjati mill-FSIE huma implimentati b’mod regolari, effiċjenti u effettiv.

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 46 u 75.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

80

Il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ strateġiji nazzjonali kontra l-frodi fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi. Minkejja l-assenza ta’ obbligu legali, għaxar Stati Membri fuq bażi volontarja adottaw strateġija nazzjonali kontra l-frodi u Stat Membru wieħed qed jaġġorna dik eżistenti.

In-nota ta’ gwida tal-2014 tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi u miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi tinkludi mudell volontarju għal dikjarazzjoni ta’ politika kontra l-frodi fil-livell tal-programm, li l-għan tagħha huwa li tindika lill-benefiċjarji u lill-pubbliku li l-awtoritajiet tal-programm għandhom tolleranza żero għall-frodi u kif beħsiebhom jiġġieldu l-frodi.

Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-gwida tagħha dwar kif tivvaluta r-rekwiżiti ewlenin tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll (KR), u b’mod partikolari l-kriterju ta’ valutazzjoni 7.3 fir-rigward ta’ KR7 dwar “miżuri proporzjonati u effettivi kontra l-frodi”. Għalkemm dan il-KR ma jirreferix għal politika kontra l-frodi fiha nnifisha iżda għall-ħtieġa li titwettaq awtovalutazzjoni li twassal għal kontrolli mmirati fuq ir-riskji identifikati tal-frodi, huwa jiċċara x’għandha tkun il-pożizzjoni tal-awtoritajiet tal-programm kontra l-frodi. In-nonkonformità tista’ twassal f’ċerti kundizzjonijiet ulterjuri (jiġifieri flimkien ma nuqqasijiet oħra) għall-interruzzjoni ta’ pagamenti jew korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni.

Rakkomandazzjoni 1 – Żvilupp ta’ strateġiji formali u politiki biex tiġi miġġielda l-frodi tal-fondi tal-UE

(a) Il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali kontra l-frodi mill-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni żviluppat taħt l-awspiċi tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni għall-Prevenzjoni tal-Frodi (COCOLAF) linji gwida għal strateġiji nazzjonali kontra l-frodi.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.
Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali kontra l-frodi mill-Istati Membri u se tkompli tassisti lill-Istati Membri b’dan il-mod. Madankollu, ma għandha l-ebda bażi ġuridika biex tesiġi lil kull awtorità maniġerjali tadotta politika formali u indipendenti kontra l-frodi fil-livell ta’ PO, iżda hija rrakomandatilhom li jagħmlu dan permezz tal-gwida tagħha.

Dikjarazzjoni ta’ politika ċara għal kull programm ta’ awtorità kif previst fil-gwida tal-Kummissjoni hija tabilħaqq strument xieraq biex jiġi indikat lill-benefiċjarji u lill-pubbliku kif l-awtoritajiet ta’ ġestjoni beħsiebhom jindirizzaw il-ġlieda kontra l-frodi. Dawk l-awtoritajiet maniġerjali li jixtiequ jmorru lil hinn mir-rekwiżiti regolatorji immedjati jistgħu jużaw il-mudell għal dikjarazzjoni ta’ politika kontra l-frodi fil-livell tal-programm pprovdut fil-gwida.

81

Il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa kull emenda ta’ dan it-tip imressqa mill-koleġiżlaturi.

82

Il-konklużjoni tal-istudju estern dwar il-miżuri kontra l-frodi esternalizzati mill-Kummissjoni turi li fejn l-għodda tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi tal-Kummissjoni tintuża għall-PO, l-approċċ tal-Istat Membru huwa aktar formalizzat u strutturat u li fil-maġġoranza ta’ PO ssir “awtovalutazzjoni” tar-riskju ta’ frodi. L-awtoritajiet maniġerjali mhux biss użaw b’mod mekkaniku l-miżuri ta’ mitigazzjoni proposti tal-Kummissjoni, iżda żiedu xi kontrolli li ma kinux fl-għażliet suġġeriti, li jissuġġerixxi li twettqet xi riflessjoni dwar l-aħjar mod kif jiġu identifikati r-riskji.

83

Il-miżuri kontra l-frodi li mistennija jiġu implimentati mill-Istati Membri jridu jkunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-miżuri dejjem jistgħu jittejbu abbażi ta’ identifikazzjoni ta’ frodi u riskji identifikati ġodda. L-istudju esternalizzat mill-Kummissjoni kkonkluda li l-miżuri kontra l-frodi li ddaħħlu fis-seħħ huma ġeneralment proporzjonati mar-riskji identifikati.

Rakkomandazzjoni 2 – Li l-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi ssir aktar robusta billi tinvolvi atturi esterni rilevanti fil-proċess

Il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tappoġġa u tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-fondi ta’ koeżjoni u plejers nazzjonali ewlenin oħrajn kontra l-frodi, u se tkompli tagħmel dan, b’mod partikolari għal programmi li jippreżentaw riskji partikolarment għoljin, jew b’volumi finanzjarji għoljin, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

84

Skont il-qafas legali 2014 – 2020 “il-miżuri kontra l-frodi li jqisu r-riskji identifikati” huma rekwiżit obbligatorju addizzjonali għall-awtoritajiet maniġerjali meta mqabbel mal-perjodi preċedenti (ara l-Artikolu 125(4)(c) tar-Regolament 1303/2013). L-Istati Membri ma jużawx biss l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni proposti mill-Kummissjoni fil-gwida tagħha, iżda żviluppaw ukoll il-miżuri tagħhom stess. Dawn il-kontrolli addizzjonali għal kull qasam ta’ riskju joperaw fil-livell tas-sistema u tal-proġett u jinkludu wkoll investigazzjonijiet mill-awtoritajiet investigattivi nazzjonali kompetenti.

85

Id-detezzjoni tal-frodi hija ċertament parti mill-kontrolli normali fis-seħħ, kemm fil-livell tal-awtorità maniġerjali kif ukoll fil-livell tal-awtorità maniġerjali. Il-fatt li l-awditi tas-sistema issa jkopru l-proċeduri fis-seħħ għal miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi (ir-rekwiżit ewlieni tas-sistema KR7) jipprovdi għodda addizzjonali għall-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ miżuri bħal dawn, kif muri mill-valutazzjonijiet tal-awditjar rapportati mill-awtoritajiet tal-awditjar.

L-opportunitajiet ta’ għodod ta’ estrazzjoni tad-data eżistenti u disponibbli bħal dik imfassla mill-Kummissjoni, Arachne, diġà jintużaw minn xi awtoritajiet tal-programm b’mod aktar komprensiv. Pereżempju, bħala għodda ta’ klassifikazzjoni u identifikazzjoni tar-riskju, fil-proċessi tal-għoti u tal-konċessjonijiet, biex tikkontrolla kumpaniji benefiċjarji potenzjali, is-sidien benefiċjarji u s-sħab tan-negozju tagħhom, biex tivvaluta kunflitti ta’ interess potenzjali u riskji ta’ finanzjament doppju, biex tidentifika sinjali ta’ allarm (red flags), u biex iżżid l-effikaċja u l-effiċjenza tal-verifiki tal-ġestjoni.”

Arachne ġiet modernizzata f’konformità mar-rekwiżiti tal-utenti fl-2016 u l-aġġornament kopra t-titjib ta’ funzjonalitajiet eżistenti. Għandu jerġa’ jiġi enfasizzat, li fl-assenza ta’ bażi ġuridika li tesiġi l-użu obbligatorju tagħha, Arachne hija offruta lill-Istati Membri mill-Kummissjoni fuq bażi volontarja u mingħajr ħlas. Huwa f’idejn l-Istati Membri jekk jużawx Arachne jew xi għodda oħra u sa liema punt.

86

L-awtoritajiet maniġerjali jqiegħdu enfasi dejjem akbar fuq il-miżuri ta’ identifikazzjoni, eż. ta’ offerta kollużiva permezz ta’ miżuri ta’ verifika, inkluż l-iżvilupp ta’ listi ta’ kontroll u ta’ sinjali ta’ allarm, f’kollaborazzjoni mal-akkwist pubbliku u mal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni u tqabbil ad hoc tal-ispejjeż.

Iż-żieda fl-użu ta’ hotlines u mekkaniżmi oħra ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta hija parti mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri inklużi fir-Rapport PIF tal-2017. L-OLAF jipprovdi wkoll “Sistema ta’ Notifika tal-Frodi, li hija għodda bbażata fuq l-internet disponibbli għal kwalunkwe persuna li tfittex li tgħaddi l-informazzjoni li tikkonċerna każijiet potenzjali ta’ korruzzjoni u frodihttp://ec.europa.eu/anti-fraud/olaf-and-you/report-fraud_mt

Il-proposta attwali tad-Direttiva dwar l-Informaturi tinkludi l-mezzi ta’ rappurtar interni u esterni li jiżguraw kunfidenzjalità fl-entitajiet kollha fis-settur privat u pubbliku, madwar l-UE.

87

Jenħtieġ li jiġi nnutat, li l-effikaċja u l-prevenzjoni tal-frodi fin-natura tagħha hija diffiċli li titkejjel u tiddependi fuq fatturi eżoġeni. L-identifikazzjoni tal-frodi tista’ tiġi traċċata, iżda l-kejl tal-effikaċja tagħha jkun jeħtieġ tqabbil mal-estent totali mhux magħruf tal-frodi, inkluża l-frodi. Madankollu, kif diġà ġie indikat fit-tweġiba tal-Kummissjoni għar-Rapport Speċjali 1/2019, ma hemmx metodu kosteffikaċi biex il-frodi tiġi stmata b’mod affidabbli biżżejjed u li jista’ jiġi difiż għall-fini ta’ politika abbażi tal-evidenza. L-Istati Membri jridu jimmonitorjaw u jirrappurtaw il-frodi u jivvalutaw mill-ġdid u jaġġornaw regolarment ir-riskji identifikati u jipproċedu b’kontrolli ta’ mitigazzjoni proporzjonati addizzjonali jekk meħtieġ.

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib fil-miżuri ta’ detezzjoni tal-frodi billi jiġi ġġeneralizzat l-użu ta’ għodod ta’ analitika tad-data u jiġi promoss l-użu ta’ metodi “proattivi” ta’ identifikazzjoni ta’ frodi

(a) Il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tappoġġa u se tkompli tippromwovi b’mod attiv l-użu ta’ kwalunkwe għodda ta’ estrazzjoni ta’ data, inkluża b’mod partikolari Arachne, mill-awtoritajiet tal-programm. Il-Kummissjoni fasslet Arachne b’mod speċifiku għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-programm taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u pprovdietha lill-Istati Membri mingħajr ħlas.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Skont l-Istrateġija Kontra l-Frodi riveduta li hija mistennija, il-Kummissjoni se tkompli toħroġ dokumenti biex ixxerred l-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Eżempji ta’ tali dokumenti maħruġa matul is-snin li ġejjin taħt l-awspiċi tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (COCOLAF) jinkludu:

  • Fraud in Public Procurement, A collection of Red Flags and Best Practices (Frodi fl-Akkwist Pubbliku, Ġabra ta’ Sinjali ta’ Allarm u l-Aħjar Prattiki) (2017)
  • Handbook: The role of Member States’ auditors in fraud prevention and detection for EU Structural and Investiment Funds, Experience and practice in the Member States (Manwal: ir-rwol tal-awdituri tal-Istati Membri fil-prevenzjoni u fl-identifikazzjoni tal-frodi fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE, Esperjenza u prattika fl-Istati Membri) (2014)
  • Detection of forged documents in the field of structural actions, A practical guide for managing authorities (L-identifikazzjoni ta’dokumenti ffalsifikati fil-qasam tal-azzjonijiet strutturali, Gwida prattika għall-awtoritajiet maniġerjali) (2013)
  • Identifying conflicts of interests in public procurement procedures for structural actions, A practical guide for managers (L-identifikazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal azzjonijiet strutturali, Gwida prattika għall-maniġers) (2013)
  • Compendium of anonymised cases – Structural Actions (Kompendju ta’ każijiet anonimizzati –Azzjonijiet Strutturali) (2012)

Fl-aħħar nett, uħud mill-prattiki identifikati fl-Istati Membri mill-istudju estern dwar miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi esternalizzati mill-Kummissjoni huma disponibbli pubblikament f’Kompendju dwar prattiki kontra l-frodi għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-korruzzjoni fl-FSIE fuq is-sit Europa.

(c) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni parzjalment.

Il-kejl tal-effikaċja tal-metodi ta’ prevenzjoni u identifikazzjoni tal-frodi huwa kompitu kumpless u diffiċli ħafna, peress li l-frodi hija influwenzata minn varjetà kbira ta’ fatturi eżoġeni, li mhux kollha huma speċifiċi għad-dominju ta’ politika. Madankollu, il-Kummissjoni, fil-qafas tal-Istrateġija Kontra l-Frodi riveduta tal-Kummissjoni, qed tiżviluppa profili ta’ pajjiżi dwar il-kapaċitajiet kontra l-frodi ta’ Stati Membri fir-rigward ta’, fost l-oħrajn, il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni. Dawn il-profili tal-pajjiżi se jgħinu biex tiġi vvalutata aħjar l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi fl-Istati Membri.

88

Il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa kwalunkwe emenda ta’ dan it-tip imressqa mill-koleġiżlaturi. Il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi b’mod attiv l-Istati Membri biex jużaw għodod ta’ estrazzjoni ta’ data, b’mod partikolari Arachne.

89

Il-Kummissjoni diversi drabi fir-Rapporti PIF nnutat il-possibbiltà konkreta ta’ sottorappurtar minn xi Stati Membri. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa l-IMS u tipprovdi gwida dwar ir-rappurtar lill-Istati Membri sabiex timmitiga riskji bħal dawn. Barra minn hekk, ir-rati ta’ identifikazzjoni tal-frodi u l-analiżi pluriennali relatata tagħhom ġew imfassla filwaqt li tqiesu dawn in-nuqqasijiet.

Il-Kummissjoni qed timmira, fil-qafas tal-Istrateġija Kontra l-Frodi riveduta, li ttejjeb l-analiżi tagħha abbażi ta’ elementi addizzjonali, b’mod partikolari billi tiżviluppa profili tal-pajjiżi biex tifhem aħjar id-differenzi fl-identifikazzjoni u fir-rappurtar fost l-Istati Membri.

Barra minn hekk, l-analiżi tar-raġunijiet għar-rifjut ta’ każ potenzjalment frodulenti mill-awtorità kompetenti hija responsabbiltà kondiviża bejn l-awtoritajiet maniġerjali u l-korpi investigattivi. Is-servizzi li janalizzaw u jinvestigaw dawn il-każijiet għandhom joffru feedback lill-awtoritajiet maniġerjali dwar ir-riċerka mwettqa u r-raġunijiet biex ma tinfetaħx investigazzjoni. F’dan il-kuntest, l-AFCOS jista’ jkollhom rwol akbar biex jiżguraw koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet maniġerjali u l-awtorità ġudizzjarja.

F’maniġment kondiviż, il-Kummissjoni tapplika s-sospensjoni tal-pagamenti, l-interruzzjoni u korrezzjonijiet finanzjarji fir-rigward tal-Istati Membri biex tiżgura li l-baġit tal-UE jiġi protett b’mod effettiv. L-Istati Membri jipproteġu wkoll il-baġit tal-UE billi jirtiraw nefqa irregolari jew frodulenti mill-programmi kofinanzjati. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiġu rkuprati l-fondi pubbliċi mill-frodaturi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ladarba l-proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali jikkonfermaw il-frodi.

Il-Kummissjoni tfakkar regolarment l-obbligi tal-Istati Membri rigward l-implikazzjonijiet orizzontali possibbli ta’ każ ta’ frodi uniku identifikat fil-livell tal-programm, abbażi ta’ nota ta’ gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi, it-taqsima 4.4. Hemm eżempji ta’ Stati Membri li vvalutaw l-implikazzjonijiet orizzontali ta’ każijiet potenzjali ta’ frodi fuq is-sistemi tagħhom jew għal benefiċjarju speċifiku u applikaw miżuri korrettivi.

Rakkomandazzjoni 4 – Monitoraġġ tal-mekkaniżmi ta’ reazzjoni għall-frodi biex jiġi żgurat li jiġu applikati b’mod konsistenti

(a) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-proposta tas-CPR għal wara l-2020 tipprovdi l-bażi ġuridika għar-rappurtar tal-irregolaritajiet. Id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni se jqisu d-definizzjoni ta’ frodi fid-Direttiva PIF.

Ir-responsabbiltà primarja tal-awtoritajiet maniġerjali fir-rigward tas-suspett ta’ frodi hija li jirrappurtaw każijiet bħal dawn lill-korpi nazzjonali kompetenti biex jinvestigaw u jipproċedu kontra l-frodi. Huwa f’idejn l-OLAF, il-Korpi Nazzjonali ta’ Investigazzjoni tal-Frodi u l-Qrati nazzjonali li jistabbilixxu jekk l-imġiba kinitx intenzjonata u għandhiex tiġi kategorizzata bħala “frodi suspettata”.

L-obbligi ta’ rappurtar huma inklużi fil-qafas legali 2021 – 2027 għall-Fondi ta’ Koeżjoni wkoll. Il-Kummissjoni ma tissuġġerixxix li dawn l-obbligi jiġu limitati għal każijiet li fihom il-frodi diġà ġiet identifikata.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jivvalutaw b’mod sistematiku l-implikazzjoni orizzontali ta’ suspett ta’ frodi identifikat fil-livell tal-programm, kif previst fit-taqsima 4.4 tan-nota ta’ gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi.

(c) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligu tagħhom li jirrappurtaw frodi lill-awtoritajiet investigattivi (ara t-taqsima 4.3.3 dwar il-mekkaniżmi ta’ rappurtar tal-Gwida tal-2014 dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi u miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi).

Ir-Regolament li jistabbilixxi l-UPPE diġà jipprovdi obbligu ta’ rappurtar għall-awtoritajiet kompetenti kollha (l-Artikolu 24), u dan se jinkludi l-awtoritajiet maniġerjali meta l-UPPE jkun ġie stabbilit (f’Novembru 2020 l-aktar kmieni).

L-aħħar inċiż: il-Kummissjoni tinnota li din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni taqbel li l-irkuprar effettiv mill-perpetraturi huwa parti mill-effett ta’ deterrent tal-miżuri meħuda.

90

Il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa kwalunkwe emenda ta’ dan it-tip imressqa mill-koleġiżlaturi.

91

Skont id-dispożizzjonijiet attwali tar-Regolament 883/2013, ir-rwol tal-AFCOSs huwa li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-OLAF. Madankollu, l-organizzazzjoni u s-setgħat tal-AFCOSs jitħallew għad-deċiżjoni ta’ kull Stat Membru. B’hekk, l-istruttura tagħhom tvarja minn Stat Membru għal ieħor, mhux l-inqas minħabba sistemi nazzjonali differenti, u l-effikaċja tal-AFCOSs hija xi drabi affettwata mis-setgħat limitati u r-riżorsi li xi Stati Membri jagħtuhom.

Il-Kummissjoni ħarġet nota ta’ gwida fl-2013 biex tgħin lill-Istati Membri jistabbilixxu l-AFCOSs tagħhom, filwaqt li tiddeskrivi rwol potenzjalment aktar wiesa’ għall-AFCOS, iżda dan id-dokument ma kellu l-ebda effett vinkolanti.

L-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-OLAF uriet li l-ħolqien tal-AFCOSs kien ġab titjib ċar fil-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-Istati Membri, iżda identifikat ukoll lok għal titjib. Filwaqt li d-diversità tal-AFCOSs ġiet rikonoxxuta, kien hemm fehmiet diverġenti (b’mod partikolari fost l-AFCOSs infushom) dwar il-ħtieġa li jkomplu jiġu allinjati r-rwol u s-setgħat tagħhom.

Il-proposta tal-Kummissjoni biex temenda r-Regolament dwar l-OLAF tiċċara r-responsabbiltajiet tal-AFCOS rigward il-provvista ta’ assistenza lil OLAF; għal dan il-għan, hija tipprovdi obbligu ta’ riżultat dwar AFCOS, filwaqt li tastjeni mill-armonizzazzjoni tal-organizzazzjoni u s-setgħat tagħhom billi tintroduċi funzjonijiet minimi. Barra minn hekk, il-proposta tipprovdi wkoll bażi ġuridika għal kooperazzjoni orizzontali bejn l-AFCOS.

Il-Kummissjoni taqbel li koordinazzjoni tajba fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri hija vitali għal ġlieda kontra l-frodi li tkun ta’ suċċess.

Rakkomandazzjoni 5 – Appoġġ tal-espansjoni tal-funzjonijiet tal-AFCOSs biex titjieb il-koordinazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

L-AFCOSs għandhom rwol ġenerali biex jappoġġaw l-investigazzjonijiet ta’ OLAF fl-Istat Membru, u dan il-kompitu jista’ tabilħaqq jesiġi kollegament bejn l-awtoritajiet maniġerjali u koordinazzjoni magħhom u korpi oħrajn tal-Istati Membri involuti fil-ġlieda kontra l-frodi. Għalhekk, din hija diġà parti mir-rwol tal-AFCOSs, u l-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi l-AFCOSs tal-Istati Membri jespandu n-netwerk tagħhom. L-AFCOSs huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw l-awtoritajiet ikkonċernati, li jistgħu jkunu diversi u varji minn Stat Membru għal ieħor.

92

Il-Kummissjoni taqbel mal-QEA dwar l-importanza li tiżgura l-effikaċja tal-AFCOS u tista’ tappoġġa definizzjoni aktar ċara tal-funzjonijiet tal-AFCOS.

Il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar l-OLAF, madankollu, ma tibdilx il-prinċipju ġenerali li l-organizzazzjoni u l-kompiti tal-AFCOS għandhom jiġu determinati mid-dritt nazzjonali. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 883/2013 huwa limitat għall-mandat investigattiv tal-OLAF u għalhekk, rigward ir-rwol ta’ AFCOS, jiffoka fuq l-appoġġ li AFCOS għandhom jipprovdu lil OLAF fl-eżerċizzju ta’ dan il-mandat. Waqt li tastjeni minn kwalunkwe armonizzazzjoni, il-proposta tistipula li l-AFCOS għandhom “jipprovdu” jew “jiksbu” l-għajnuna mitluba mill-OLAF (obbligu ta’ riżultat dwar l-AFCOS). Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni tirrappreżenta diġà titjib sinifikanti fuq is-sitwazzjoni attwali, peress li jkun meħtieġ li l-AFCOS jiżguraw li tiġi pprovduta assistenza lil OLAF, indipendentement minn jekk l-assistenza tkunx ipprovduta direttament mill-AFCOS, jew minn awtorità differenti li taġixxi fuq talba tal-AFCOS.

Noti finali

1 Aħna neħħejna r-referenzi li jirrigwardaw id-dħul tal-UE minn dawn id-definizzjonijiet.

2 L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ir-“Regolament PIF”) (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

3 L-Artikolu 1(a) tal-Anness tal-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (il-“Konvenzjoni PIF”).

4 Il-FSIE l-oħra huma l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

5 L-Artikoli 58(h),70(1)(b) u 98(1) tal-verżjoni kkonsolidata tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25), u l-Artikoli 20(2)(a), 28(1)(e) u (n), 28(2), 30 u 33(2) tal-verżjoni kkonsolidata tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1).

6 L-Artikolu 72 u 125(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320), minn hawn ’il quddiem imsejjaħ is-CPR. F’dan ir-rapport aħna nirreferu għall-“proċess ta’ ġestjoni kontra l-frodi”, li jikkorrispondi għat-terminu “ċiklu ta’ ġestjoni kontra l-frodi” li jintuża mill-Kummissjoni fid-dokumenti ta’ gwida tagħha.

7 Il-gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-programm dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-frodi u miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi (EGESIF 14-0021), il-paġna 11.

8 It-Taqsima 2.2.1 tal-Istrateġija Konġunta kontra l-Frodi 2015-2020 għall-FEŻR, l-FK, l-FSE, il-FEAD, il-FEG, l-FSUE u l-FEMS, Ares (2015) 6023058 tat-23 ta’ Diċembru 2015 (disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/sfc/sites/sfc2014/files/sfc-files/JOINT%20ANTI-FRAUD-STRATEGY2015-2020.pdf).

9 L-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2016/2030 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 1).

10 Fid-dokument intitolat “Guidance note on main tasks and responsibilities of an Anti-Fraud Co-ordination Service (AFCOS)” (Nota ta' gwida dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet prinċipali ta’ Servizz ta' Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS)), it-13 ta’ Novembru 2013, Ares (2013) 3403880.

11 L-abbrevjazzjoni PIF ġejja mill-Franċiż “protection des intérêts financiers” u ġeneralment tirreferi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

12 L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2017/1371.

13 COM(2018) 553 final tat-3 ta’ Settembru 2018.

14 Anness statistiku tar-rapport PIF 2017, il-paġna 93. L-FDR hija l-proporzjon bejn l-ammonti involuti f’każijiet irrappurati bħala frodulenti u l-pagamenti li saru fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 (il-paġna 91). Dan l-indikatur ma jinkludix frodi mhux identifikata jew mhux irrappurtata.

15 Il-gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-programm dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-frodi u miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi, il-paġna 11 (EGESIF 14-0021 tas-16 ta’ Ġunju 2014).

16 Il-Gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-programm dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-frodi u miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi (EGESIF 14-0021 tas-16 ta’ Ġunju 2014), il-manwal tal-OLAF intitolat “Handbook on the role of Member State auditors in fraud prevention and detection” (Manwal dwar ir-rwol tal-awdituri tal-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-frodi) (Ottubru 2014) u l-Gwida dwar metodoloġija komuni għall-valutazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri (EGESIF 14-0010-final tat-18 ta’ Diċembru 2014).

17 L-Artikolu 30 u l-Anness IV tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 138, 13.5.2014, p. 5) u r-rekwiżiti ewlenin li jiddefinixxu sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-funzjonament effettiv tagħhom - speċifikament ir-rekwiżit ewlieni Nru 7 (l-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri proporzjonati kontra l-frodi).

18 F’dan is-sens, il-kunċett ta’ politika formali kontra l-frodi tikkorrispondi għall-“programm tal-ġestjoni tar-riskju ta’ frodi” ddefinit mill-Assoċjazzjoni ta’ Eżaminaturi Ċċertifikati tal-Frodi (ACFE) fil-manwal “Fraud examiners manual” (Manwal tal-eżaminaturi tal-frodi) tagħha jew fil-gwida “Fraud Risk Management Guide” (Gwida tal-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Frodi) li hija żviluppat mal-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet li Jisponsorjaw il-Kummissjoni Treadway (COSO), kif ukoll għall-“istrateġiji formali għall-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni” kif iddefiniti miċ-Chartered Institute of Public Finance and Accountancy (CIPFA) fil-“Kodiċi tal-prattika dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ frodi u korruzzjoni” tagħha.

19 Jeżistu strateġiji nazzjonali kontra l-frodi f’10 mit-28 Stat Membru: il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, l-Ungerija, Malta u s-Slovakkja. Ir-Rumanija wkoll għandha strateġija, iżda din mhijiex aġġornata (Sors: ir-Rapport PIF 2017, il-paġna 12). L-Istati Membri li ma adottawx strateġija nazzjonali huma: il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Spanja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

20 L-Artikolu 30 u l-Anness IV.

21 L-Artikolu 11 u l-Anness III tal-proposta tal-Kummissjoni għal CPR għall-2021-2027, COM(2018) 375 tad-29 ta’ Mejju 2018.

22 Fid-dokument ta’ gwida, il-Kummissjoni żviluppat mudell tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi bbażat fuq 31 riskju inerenti standard, li min-naħa tagħhom huma sottodiviżi f’40 riskju u 128 kontroll ta’ mitigazzjoni rakkomandat, kollha kemm huma strutturati madwar erba’ proċessi ta’ ġestjoni ġeneriċi (l-għażla tal-applikanti, l-implimentazzjoni u l-verifikazzjoni tal-operazzjonijiet, iċ-ċertifikazzjoni u l-ħlasijiet, u l-akkwist dirett mill-awtoritajiet maniġerjali). Madankollu, id-dokument ma jkoprix l-istrumenti finanzjarji jew ir-riskji relatati mal-għajnuna mill-istat.

23 Id-DĠ REGIO – Preventing fraud and corruption in the European Structural and Investment Funds – taking stock of practices in the EU Member States (Il-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – valutazzjoni tal-prattiki fl-Istati Membri tal-UE), Ottubru 2018, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/publications/studies/2018/study-on-the-implementation-of-article-125-4-c-of-the-regulation-eu-no-1303-2013-laying-down-the-common-provisions-on-the-european-structural-and-investment-fund-in-member-states.

24 Aktar informazzjoni dwar il-patti ta’ integrità tinsab fuq is-sit web tal-Kummissjoni, http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/how/improving-investment/integrity-pacts/.

25 Ibbażat fuq dawk li l-Kummissjoni kkomunikat fin-nota ta’ informazzjoni tagħha tat-18 ta’ Frar 2009 dwar l-indikaturi tal-frodi għall-FEŻR, l-FSE u l-FK.

26 Huwa fil-każ ta’ frodi relatata mal-politika ta' Koeżjoni tal-UE li l-awturi jidentifikaw il-limitazzjonijiet tal-kontrolli eżistenti u jippruvaw jisfruttawhom sabiex jiksbu vantaġġ illegali dirett jew indirett.

27 B’mod partikolari “Report to the Nations” (Rapport lin-Nazzjonijiet), l-istudju globali tal-2018 dwar frodi u abbuż professjonali li ġie ppubblikat mill-Assoċjazzjoni ta’ Eżaminaturi Ċċertifikati tal-Frodi (ACFE). Skont dan l-istudju, il-frodi tiġi identifikata prinċipalment permezz ta’ tagħrif kunfidenzjali li jingħata sew minn impjegati, minn klijenti, minn kompetituri kif ukoll minn sorsi anonimi.

28 L-għodda “Report fraud” (Irrapporta l-frodi) fuq https://ec.europa.eu/anti-fraud/olaf-and-you/report-fraud_en.

29 Il-paragrafi 3, 12, 21, 23 u 32 tal-Opinjoni Nru 4/2018 tal-QEA li tirrigwarda l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni.

30 Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/19/1604 “Il-Kummissjoni Ewropea tilqa’ l-ftehim proviżorju biex tipproteġi aħjar lill-informaturi madwar l-UE” (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-19-1604_mt.htm).

31 Il-gwida tal-Kummissjoni għall-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-programm dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-frodi u miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi (EGESIF 14-0021).

32 Il-Paġna 51 tal-istudju tad-DĠ REGIO intitolat “Il-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej – valutazzjoni tal-prattiki fl-Istati Membri tal-UE”.

33 Iż-żewġ irregolaritajiet ġew irrappurtati mis-Slovakkja u jirrappreżentaw valur ta’ kważi EUR 0.6 biljun. Fihom infushom, jinsabu fi stadju bikri fil-proċess ta’ ġestjoni tal-frodi u għad jistgħu jevolvu b’mod sinifikanti.

34 L-Artikolu 122(2) tas-CPR; l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta’ irregolaritajiet (ĠU L 293, 10.11.2015, p. 1); l-Artikolu 28(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 (regoli għall-implimentazzjoni).

35 Ir-Rapport Speċjali Nru 01/2019 tal-QEA: “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”, il-paragrafi 21 sa 32.

36 Ir-Rapport Speċjali Nru 01/2019: “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”, il-paragrafu 29.

37 L-Anness IV tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

38 L-ammont li jrid jiġi rkuprat fir-rigward ta’ dawn l-84 każ ta’ frodi ammonta għal EUR 7 miljun.

39 Ir-Rapport Speċjali Nru 01/2019: “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni”, il-paragrafi 112 sa 115.

40 Ikkalkulat fuq il-bażi tal-informazzjoni rreġistrata fl-IMS. Kif diġà indikajna, din l-informazzjoni mhux dejjem tkun preċiża.

41 Riżultanza amministrattiva jew ġudizzjarja primarja (PACA) hija l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti li tikkonkludi li irregolarità tista’ tkun frodulenti, mingħajr preġudizzju għal valutazzjoni ulterjuri tal-każ. Il-PACAs jistgħu jkunu ta’ diversi tipi, bħal rapport ta’ verifikazzjoni tal-ġestjoni minn awtorità maniġerjali jew minn korp intermedjarju, rapport tal-awditjar mill-awtorità tal-awditjar, il-Kummissjoni jew il-Qorti, jew deċiżjoni ta’ akkuża meħuda minn prosekutur jew imħallef li jibda investigazzjoni kriminali formali.

42 Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2016/2030 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 1).

43 Fid-dokument intitolat “Guidance note on main tasks and responsibilities of an Anti-Fraud Co-ordination Service (AFCOS)” (Nota ta' gwida dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet prinċipali ta’ Servizz ta' Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS)), it-13 ta’ Novembru 2013, Ares (2013) 3403880.

44 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, COM(2018) 338 final 2018/0170 (COD).

45 Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, SWD(2017) 332 final.

46 L-Opinjoni Nru 8/2018 dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2018 biex jiġi emendat ir-Regolament Nru 883/2013 dwar l-OLAF fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF – ara b’mod partikolari l-paragrafi 16, 38 u 39.

47 Id-Digriet Reġju li jirregola l-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-korp ġie finalment adottat fl-1 ta’ Marzu 2019 u ppubblikat fid-19 ta’ Marzu 2019.

48 Ħolqa għall-istudju: https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/information/publications/studies/2018/study-on-the-implementation-of-article-125-4-c-of-the-regulation-eu-no-1303-2013-laying-down-the-common-provisions-on-the-european-structural-and-investment-fund-in-member-states

49 Il-gwida tal-Kummissjoni ssemmi: “Skont ir-riżultati tal-awditjar u l-ambjent tar-riskju ta’ frodi identifikat, l-awditjar ta’ segwitu jista’ jitwettaq kull meta jkun meħtieġ”. Approċċ immirat u proporzjonat huwa rakkomandat.

50 Ara SWD(2018) 386 final 2/2, paragrafu 4.3, paġni 86-88.

51 Ara COM(2015) 386 final, paragrafu 4.2.2, paġna 23.

52 ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.

53 Ara r-Rapport PIF 2014 - COM(2015) 386 final ta’ 31/07/2015, ir-rakkomandazzjoni 1, paġna 30.

54 Ares(2016)6943965 tat-13/12/2016, imfassla fil-qafas tas-sottogrupp ta’ COCOLAF dwar “Il-prevenzjoni tal-Frodi” f’kooperazzjoni mal-esperti nazzjonali.

55 Ara SWD(2016) 237 final, il-paragrafu 2.4.

56 ARES(2017)5692256 tal-21.11.2017.

57 (SWD(2015) 154 final, paragrafu 3.2, paġni 57-61).

58 Ara SWD(2015) 154 final, paragrafu 3.2, paġni 57-61.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 10.1.2018
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 23.1.2019
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 27.3.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 6.5.2019

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq: Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Henri Grethen, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Ildikó Preiss, Attaché tal-Kabinett; Juan Ignacio González Bastero, Maniġer Prinċipali; Jorge Guevara López, Kap tal-Kompitu (CFE); Dana Christina Ionita, Sandra Dreimane (CFE), Florence Fornaroli, Efstratios Varetidis, Márton Baranyi, Zhivka Kalaydzhieva, u Janka Nagy-Babos, Awdituri. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Márton Baranyi, Thomas Everett, Efstratios Varetidis, Henri Grethen, Ildikó Preiss, Dana Christina Ionita, Juan Ignacio González Bastero, Janka Nagy-Babos, Jorge Guevara López, Florence Fornaroli, Sandra Dreimane.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-0201-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/133070 QJ-AB-19-004-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-0128-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/282732 QJ-AB-19-004-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.