Brussell, 21.4.2026

COM(2026) 165 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport

{SWD(2026) 117 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport



Werrej

1    Introduzzjoni u kuntest    

2    Status tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE    

2.1    Atti delegati dwar speċifikazzjonijiet u leġiżlazzjoni relatata    

2.2    Programm ta’ ħidma ġdid għall-perjodu 2024–2028    

2.3    Standards    

2.4    Regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza    

2.5    Regoli dwar ir-responsabbiltà    

2.6    Rapportar mill-Istati Membri    

2.6.1    Regoli ġodda għar-rapportar    

2.6.2    Tagħlimiet mill-analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri    

2.7    Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI    

3    Miżuri ta’ appoġġ u kooperazzjoni    

4    Riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa    

5    Konklużjoni    



1Introduzzjoni u kuntest

Dan ir-rapport huwa l-ewwel rapport sa mill-adozzjoni fit-22 ta’ Novembru 2023 tad-Direttiva (UE) 2023/2661 li temenda d-Direttiva 2010/40/UE (“id-Direttiva STI”), li l-Istati Membri kellhom jittrasponu sal-21 ta’ Diċembru 2025. Skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva STI emendata, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u tal-atti delegati tagħha, mhux aktar tard minn 12-il xahar wara r-rapporti nazzjonali dwar is-STI li l-Istati Membri kellhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Marzu 2025 1 .

L-emenda tad-Direttiva STI segwiet diversi objettivi. Dawn ġew identifikati permezz tal-evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2 u t-tieni rapport ta’ progress tal-Kummissjoni 3 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva STI, u ġew ivvalutati ulterjorment fil-valutazzjoni tal-impatt 4 li takkumpanja l-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva STI 5 . L-objettivi kienu li: (i) tkompli tittejjeb il-koordinazzjoni fir-rigward tal-aċċessibbiltà tad-data; (ii) titqies l-emerġenza ta’ temi u ta’ sfidi ġodda relatati mas-STI; u (iii) tittejjeb id-disponibbiltà ta’ tipi ewlenin ta’ data għan-network kollu tat-trasport bit-triq.

L-emendi tad-Direttiva STI introduċew diversi rekwiżiti ġodda dwar is-sigurtà ta’ sistema ta’ trasport intelliġenti kooperattiva (STI-K), miżuri interim għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kooperazzjoni obbligatorja bejn l-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, id-disponibbiltà ta’ data u l-varar tas-servizzi, u s-simplifikazzjoni tar-rapportar kemm dwar id-Direttiva kif ukoll dwar l-atti delegati tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mudell komuni u ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) komuni. Żdiedu żewġ annessi li jistabbilixxu listi ta’ tipi ta’ data u ta’ servizzi meqjusa kruċjali għall-varar tas-STI. Fir-rigward tal-aċċessibbiltà tad-data, ġie rikonoxxut ukoll ir-rwol tal-punti ta’ aċċess nazzjonali (NAPs) 6 .

L-erba’ oqsma ta’ prijorità tad-Direttiva STI ġew definiti mill-ġdid u organizzati mill-ġdid ukoll f’erba’ kategoriji ta’ servizzi li jirrikonoxxu temi u sfidi ġodda tas-STI, bħall-Mobbiltà bħala Servizz (MaaS) u l-mobbiltà konnessa, kooperattiva u awtomatizzata (CCAM), filwaqt li jiġi żgurat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti delegati eżistenti jibqa’ kopert.

Ir-rwol tal-Kumitat Ewropew tas-STI ssaħħaħ, b’mod partikolari billi ġiet applikata l-proċedura ta’ eżami għall-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma ġodda tas-STI u l-mudell u l-KPIs għar-rapportar tal-Istati Membri. Ir-rwol tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI issaħħaħ ukoll billi żdied stadju ta’ konsultazzjoni obbligatorju qabel l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma tas-STI.

Kif meħtieġ skont id-Direttiva STI emendata, fl-2024 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet li ġejjin:

-id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 135/03 fir-rigward tal-applikabbiltà tagħha, il-kompiti tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI u t-trasparenza tal-operat tiegħu 7 .

-id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2024 li tistabbilixxi l-mudell li jinkludi l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għar-rapportar mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 . Din id-Deċiżjoni tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni preċedenti tat-13 ta’ Lulju 2011 li tadotta linji gwida għar-rappurtar mill-Istati Membri 9 . Fl-2024, mal-esperti tal-Istati Membri tħejja wkoll dokument ta’ gwida dwar il-KPIs tas-STI għall-UE 10 .

-id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2024 li tistabbilixxi programm ta’ ħidma għad-Direttiva 2010/40/UE għall-perjodu 2024–2028 11 (il-programm ta’ ħidma tas-STI 2024–2028).

Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li janalizza r-rapporti nazzjonali tas-STI tal-2025, inkluża d-disponibbiltà ta’ tipi ta’ data kruċjali elenkati fl-Anness III u l-varar ta’ servizzi elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva STI, kif previst mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva STI. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal janalizza wkoll il-KPIs ipprovduti mill-Istati Membri fir-rapporti tagħhom.

2Status tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE

2.1Atti delegati dwar speċifikazzjonijiet u leġiżlazzjoni relatata

Mill-pubblikazzjoni tat-tieni rapport ta’ progress tal-Kummissjoni, saru diversi bidliet sinifikanti fl-ispeċifikazzjonijiet adottati skont id-Direttiva STI. L-istatus kurrenti huwa kif ġej:

Azzjoni prijoritarja (a) — il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali (MMTIS) fl-UE kollha: fil-31 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1926 li jissupplimenta d-Direttiva STI fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha 12 . Dawn l-ispeċifikazzjonijiet koprew kemm il-kundizzjonijiet li jippermettu l-varar ta’ servizzi, bħall-aċċessibbiltà obbligatorja ta’ data statika eżistenti permezz tal-NAPs, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jorbtu s-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar.

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti 13 , l-ispeċifikazzjonijiet ġew emendati bir-Regolament Delegat (UE) 2024/490 14 adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2023. L-ispeċifikazzjonijiet emendati jirrikjedu li d-detenturi tad-data jipprovdu aċċess għad-data dinamika eżistenti (eż. informazzjoni f’ħin reali bħal tfixkil) permezz tal-NAPs. Din id-dispożizzjoni hija estiża wkoll għal tipi ta’ data addizzjonali, pereżempju, dwar jekk il-biċikletti jistgħux jitilgħu fuq il-ferroviji u dwar l-aċċessibbiltà għall-passiġġieri b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Skont it-tip ta’ data u l-kopertura ġeografika, l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tqassmet fi stadji sal-1 ta’ Diċembru 2028.

Azzjoni prijoritarja (b) — il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali (RTTI) fl-UE kollha: fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/962 li jissupplimenta d-Direttiva STI fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha 15 . L-ispeċifikazzjonijiet kienu maħsuba jiżguraw l-aċċessibbiltà, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-aġġornament tad-data dwar it-toroq u t-traffiku mill-awtoritajiet tat-toroq, mill-operaturi tat-toroq u mill-fornituri tas-servizzi għall-forniment ta’ servizzi ta’ RTTI fl-UE kollha.

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ġew riveduti permezz tal-adozzjoni fit-2 ta’ Frar 2022 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/670 16 , li ħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2015/962 mill-1 ta’ Jannar 2025. Ir-reviżjoni żiedet tipi ta’ data mal-lista ta’ data eżistenti li d-detenturi tad-data huma meħtieġa jagħmlu aċċessibbli permezz tal-NAPs, u estendiet l-ambitu ġeografiku tal-ispeċifikazzjonijiet biex jiġi kopert in-network kollu tat-toroq tal-UE, esklużi t-toroq privati. Introduċiet ukoll obbligu għall-fornituri tas-servizzi biex fis-servizzi tagħhom jinkludu, mingħajr kostijiet addizzjonali għall-utent finali, data dwar kwalunkwe pjan ta’ ċirkolazzjoni tat-traffiku u r-regolamenti u r-restrizzjonijiet tat-traffiku implimentati mill-awtoritajiet kompetenti u magħmula aċċessibbli permezz tal-NAPs. Skont it-tip ta’ data u l-kopertura ġeografika, l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tqassmet bejn l-1 ta’ Jannar 2023 u l-31 ta’ Diċembru 2027.

Azzjoni prijoritarja (c) — data u proċeduri għall-forniment, fejn ikun possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq (SRTI) mingħajr ħlas għall-utenti: fil-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 886/2013 li jissupplimenta d-Direttiva STI fir-rigward tad-data u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti 17 . Ir-reviżjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet hija prevista fil-programm ta’ ħidma tas-STI 2024–2028 (ara aktar ’il quddiem).

Azzjoni prijoritarja (d) — il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha: fis-26 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 305/2013 dwar il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha 18 .

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 585/2014/UE 19 ġiet adottata fil-15 ta’ Mejju 2014 u r-Regolament (UE) 2015/758 20 ġie adottat fid-29 ta’ April 2015. Dawn żdiedu mal-qafas skont id-Direttiva STI billi jipprevedu l-varar obbligatorju ta’ ċentri li jirċievu t-telefonati ta’ emerġenza tal-eCall (PSAPs għall-eCall) u t-tagħmir obbligatorju għal tipi ġodda ta’ vetturi tal-kategorija M1 jew N1 (ara t-tieni rapport ta’ progress tal-Kummissjoni għal deskrizzjoni aktar dettaljata ta’ din il-leġiżlazzjoni).

Fis-6 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2024/1084 21 li jemenda r- Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013 . Dan kien jirrikjedi li l-PSAPs jappoġġaw ir-riċevuta u l-immaniġġjar tal-eCalls bl-użu tal-aktar teknoloġiji ġodda ta’ komunikazzjoni packet-switched (4G/5G) mill-1 ta’ Jannar 2026. Bl-istess mod, fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2024/1180 22 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/758 fir-rigward tal-istandards relatati mal-eCall, u fit-23 ta’ Lulju 2025 il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2025/1871 23 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/758 fir-rigward tal-istandards relatati mal-eCall u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/79 24 fir-rigward ta’ rekwiżiti tekniċi u proċeduri ta’ ttestjar għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’sistemi eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq is-servizz 112.

Azzjoni prijoritarja (e) — il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali (SSTP): fil-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 885/2013 li jissupplimenta d-Direttiva STI fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali 25 . Ir-reviżjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet hija prevista fil-programm ta’ ħidma tas-STI 2024–2028 (ara aktar ’il quddiem).

Azzjoni prijoritarja (f) — il-forniment ta’ servizzi ta’ rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali: il-Kummissjoni kkonsultat lill-esperti tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati ewlenin dwar din l-azzjoni prijoritarja, inkluż meta ddiskutiet l-aħħar programm ta’ ħidma tas-STI għall-perjodu 2024–2028. Dan wassal għall-konklużjoni li f’dan l-istadju ma kienx hemm bżonn ta’ speċifikazzjonijiet u ta’ standards dwar l-irriżervar ta’ żoni ta’ parkeġġ.

Minbarra l-ispeċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet prijoritarji tad-Direttiva STI, fit-13 ta’ Marzu 2019 il-Kummissjoni adottat Regolament Delegat 26 fir-rigward tal-iskjerament u tal-użu operattiv ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti kooperattivi (STI-K). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill oġġezzjonaw għal dan ir-Regolament Delegat, li ma daħalx fis-seħħ. Inizjattiva ġdida għall-ispeċifikazzjonijiet tas-STI-K hija prevista fil-programm ta’ ħidma tas-STI 2024–2028 (ara aktar ’il quddiem).

2.2Programm ta’ ħidma ġdid għall-perjodu 2024–2028

Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva STI fl-2010, il-Kummissjoni implimentat l-ewwel programm ta’ ħidma 27 , li ffoka prinċipalment fuq l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet prijoritarji skont id-Direttiva. Segwew żewġ aġġornamenti ta’ dan il-programm ta’ ħidma, għall-perjodi 2017–2022 28 u 2022–2027 29 , li kienu jinkludu azzjonijiet ġodda skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, u b’mod partikolari ppermettew ir-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet eżistenti.

F’konformità mal-Artikolu 4a tad-Direttiva STI emendata, fit-12 ta’ Novembru 2024 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni li tistabbilixxi programm ta’ ħidma ġdid tas-STI għall-perjodu 2024–2028. Id-Deċiżjoni ġiet adottata wara konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI 30 , ħidma preparatorja mal-esperti tal-Istati Membri u vot pożittiv fil-Kumitat Ewropew tas-STI f’Settembru 2024, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami. Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati wkoll fil-kuntest ta’ sessjoni ta’ ħidma pubblika fid-19 ta’ Marzu 2024.

Il-programm ta’ ħidma tas-STI 2024–2028 jagħti dettalji dwar l-ambitu u l-iskeda ta’ żmien tal-attivitajiet li l-Kummissjoni beħsiebha twettaq biex tkompli timplimenta d-Direttiva 2010/40/UE. Huma previsti diversi kompiti ġenerali, b’mod partikolari: (a) l-adozzjoni tal-mudell komuni għar-rapportar tal-Istati Membri u għall-KPIs fl-2024; (b) it-tiġdid tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI fl-2024; (c) dan ir-rapport dwar il-progress bl-implimentazzjoni fl-2026, u r-rapport dwar is-setgħat delegati fl-2028; u (d) rieżami tad-Direttiva STI fl-2027–2028.

Attivitajiet ippjanati oħra jikkonċernaw l-oqsma ta’ prijorità differenti tad-Direttiva STI jew l-emendi tad-Direttiva nnifisha. Ix-xogħol diġà beda għal diversi minn dawn l-attivitajiet:

oFir-rigward tal-ħidma fuq l-ispeċifikazzjonijiet tas-STI-K, f’Ġunju 2025, saret l-ewwel sessjoni ta’ ħidma mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inkluż il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI, biex tingħata għajnuna fid-definizzjoni tal-ambitu tal-inizjattiva. Il-Kummissjoni se tniedi studju ta’ appoġġ fl-2026.

oIl-ħidma preparatorja biex jiġu żviluppati identifikaturi multimodali tan-nodi ta’ aċċess bdiet fi ħdan il-proġetti NAPCORE u NAPCORE-X 31 , li huma kofinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). Il-proġetti għandhom l-għan jipprovdu rakkomandazzjonijiet u jappoġġaw aktar ħidma mal-Istati Membri.

oL-istudju esploratorju biex tiġi vvalutata l-ħtieġa għal azzjonijiet komplementari fil-qasam ta’ servizzi mtejba tal-ġestjoni tat-traffiku u tal-inċidenti ġie ffinalizzat f’Lulju 2025 32 . Dan ikkonferma li kien hemm ħtieġa ċara u urġenti għal azzjoni komplementari. Fl-2026, se jsiru aktar konsultazzjonijiet u diskussjonijiet mal-esperti tal-Istati Membri.

oBdiet il-ħidma fuq ir-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet kurrenti għall-informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq. Wara l-ewwel sessjoni ta’ ħidma, f’Diċembru 2024, mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inkluż il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI, il-Kummissjoni nediet studju, fl-2025, li jinkludi analiżi tal-kostijiet-benefiċċji. L-ispeċifikazzjonijiet aġġornati huma mistennija li jiġu adottati fit-tielet trimestru tal-2026.

oBdiet il-ħidma fuq ir-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet kurrenti għas-servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għat-trakkijiet u għall-vetturi kummerċjali. Wara l-ewwel sessjoni ta’ ħidma, f’Jannar 2026, mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inkluż il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI, il-Kummissjoni se tniedi studju, li jinkludi analiżi tal-kostijiet-benefiċċji, fl-2026. L-ispeċifikazzjonijiet aġġornati huma mistennija li jiġu adottati fl-2027.

2.3Standards

L-isforzi ta’ standardizzazzjoni qed ikomplu f’diversi oqsma importanti, u jappoġġaw ulterjorment il-varar ta’ servizzi fl-erba’ oqsma ta’ prijorità tad-Direttiva STI.

L-istandards tal-eCall ġew issupplimentati b’diversi speċifikazzjonijiet tekniċi li jkopru tipi addizzjonali ta’ vetturi (vetturi motorizzati b’żewġ roti, kowċis u xarabanks, vetturi agrikoli, vetturi tqal tal-merkanzija). Dan sar bl-appoġġ tal-proġett sAFE (2018–2021), li ġie kkofinanzjat mill-FNE. Fl-2024 u fl-2025, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (ESOs), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettronika (CEN-CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI), adattaw l-istandards eżistenti tal-eCall u ħolqu standards ġodda tal-eCall għall-eCall packet-switched biex jappoġġaw l-aġġornament tal-vetturi u tal-PSAPs għan-networks ta’ komunikazzjoni mobbli tar-4G u tal-5G 33 .

Fir-rigward tas-STI-K, il-pjattaforma C-Roads 34 , f’kooperazzjoni mal-Konsorzju ta’ Komunikazzjoni CAR 2 CAR 35 , ippubblikat l-ewwel ħarġa tal-profil armonizzat ta’ komunikazzjoni għas-servizzi tas-STI-K f’Settembru 2025. Dan kien ibbażat fuq l-istandards rilevanti tal-ETSI u tas-CEN, u bħala l-ewwel pass, iffoka fuq il-profil ta’ komunikazzjoni għall-komunikazzjoni fuq medda qasira IEEE 802.11p/ETSI ITS-G5.

Il-programm tal-FNE jappoġġa l-azzjonijiet NAPCORE (2021–2025) u Data4PT (2020–2024), li issa huma amalgamati fl-azzjoni ta’ assistenza teknika tal-FNE NAPCORE-X (2025–2027), jikkoordina l-attivitajiet tal-Istati Membri 36 relatati mal-istandards tad-data dwar it-toroq (Datex II 37 u TN-ITS 38 ), mal-istandards ta’ data multimodali (Transmodel, NeTEx u SIRI) 39 , dizzjunarju tad-data 40 għall-kategoriji kollha tad-data inklużi fir-regolamenti delegati skont id-Direttiva STI, l-iskema ta’ metadata MobilityDCAT-AP 41 u Arkitettura ta’ Referenza tal-NAPs 42 bħala pjan ta’ azzjoni komuni għal punti ta’ aċċess nazzjonali armonizzati u interoperabbli.

B’dan il-mod, l-istandards jistgħu jevolvu b’mod kostanti u jinżammu aġġornati, u l-komunitajiet relatati jistgħu jiġu ġestiti u żviluppati. Jiġu organizzati koordinazzjoni bejn standards differenti u allinjament ma’ diversi komunitajiet ta’ partijiet ikkonċernati, f’oqsma bħall-fjuwils alternattivi, is-sikurezza fit-toroq, l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u s-STI-K, kif ukoll kollaborazzjoni produttiva mal-ESOs.

Żviluppi notevoli li għaddejjin jinkludu l-parteċipazzjoni permezz tal-proġett NAPCORE-X fil-ħidma fil-livell tal-ISO dwar standards għall-Ġestjoni tar-Regolamenti Elettroniċi tat-Traffiku (METR) u x-xogħol iffinanzjat mill-UE fl-ESOs dwar diversi suġġetti bħal barcodes għal biljetti multimodali, l-infrastruttura taċ-ċikliżmu, l-iskambju ta’ data mhux ipproċessata dwar it-trasport pubbliku u l-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) għall-prenotazzjonijiet.

Informazzjoni dettaljata dwar l-istandards eżistenti tas-STI tista’ tinstab fuq l-EU-ICIP GUIDE to Intelligent Transport Systems Standards 43 iffinanzjata mill-UE.

2.4Regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza

Kif iddikjarat f’rapporti preċedenti, id-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data u mal-privatezza ġew inklużi fi speċifikazzjonijiet, fejn xieraq, u dan jiċċara li l-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data trid tiġi rrispettata. Bl-istess mod, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie mistieden għal-laqgħat tal-esperti, fejn rilevanti, u l-opinjoni tiegħu ġiet ikkunsidrata kif xieraq, b’mod partikolari meta ġew riveduti l-ispeċifikazzjonijiet.

2.5Regoli dwar ir-responsabbiltà

Kif iddikjarat f’rapporti preċedenti, id-dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà ġew inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti delegati rilevanti, f’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva STI.

2.6Rapportar mill-Istati Membri

2.6.1Regoli ġodda għar-rapportar

L-Artikolu 17 tad-Direttiva STI jirrikjedi li l-Istati Membri jippreżentaw rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tal-atti delegati tagħha sal-21 ta’ Marzu 2025, u kull 3 snin wara dan ir-rapport inizjali. Bl-użu tal-mudell adottat mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jirrapportaw dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali ewlenin fl-oqsma ta’ prijorità u dwar id-disponibbiltà tad-data u tas-servizzi elenkati fl-Annessi III u IV. Dan jinkludi wkoll KPIs għall-varar, għall-benefiċċji u għall-investimenti, b’distinzjoni bejn indikaturi obbligatorji u addizzjonali, f’approċċ gradwali li jibda min-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) u l-awtostradi. Dan il-mudell ġie diskuss mal-esperti tal-Istati Membri fi tliet laqgħat fl-2024, u ġie adottat wara vot pożittiv fil-Kumitat Ewropew tas-STI f’Settembru 2024, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami.

Sabiex tiġi pprovduta informazzjoni ta’ politika ta’ livell ogħla, il-mudell jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw il-KPIs tal-varar tagħhom, filwaqt li joffru għarfien dwar il-varar u l-impatt tat-tagħmir u tas-servizzi tas-STI fl-UE. Għall-KPIs tal-benefiċċji li jevalwaw l-impatt tas-servizzi tas-STI fuq il-ħin tal-ivvjaġġar, l-għadd ta’ ħabtiet fit-toroq u l-emissjonijiet ta’ CO₂ relatati mat-traffiku, l-iskop tal-mudell huwa li jiġbor valuri ta’ referenza affidabbli bbażati fuq għadd suffiċjenti ta’ kampjuni ta’ kwalità għolja. Dan għandu jippermetti estrapolazzjonijiet prudenti, filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet inerenti fil-kalkolu ta’ dawn il-KPIs u l-isfida li jiġi iżolat l-impatt tas-STI minn fatturi influwenti oħra. Fl-aħħar nett, il-mudell jirrikjedi rapportar dwar il-KPIs finanzjarji, b’mod partikolari l-investiment annwali u l-kostijiet annwali tal-operat u tal-manutenzjoni għas-STI tat-toroq.

Ir-regoli l-ġodda għar-rapportar jippermettu wkoll simplifikazzjoni tar-rapportar tal-Istati Membri, filwaqt li jissostitwixxu r-rapportar annwali jew biennali għall-atti delegati b’rapport wieħed kull 3 snin għad-Direttiva u għall-atti delegati. L-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ il-ġdid meta jiġu riveduti l-atti delegati, se tissostitwixxi b’mod gradwali 10 rapporti b’rapport wieħed kull 3 snin.

2.6.2Tagħlimiet mill-analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri

2.6.2.1Status fl-oqsma ta’ prijorità differenti

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw attività sostnuta fl-qasam ta’ prijorità I. Rigward l-MMTIS, l-Istati Membri kollha stabbilew l-NAPs tagħhom; madankollu, l-aċċessibbiltà tad-data u l-aderenza mal-istandards tal-UE għadhom inkonsistenti, u xi NAPs se jkollhom bżonn jiġu aġġornati biex jappoġġaw l-aċċess għat-tipi kollha ta’ data. L-isforzi biex jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati żiedu l-pubblikazzjoni tad-data, iżda jeżistu disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri. Qed jiġu implimentati għodod komuni bħal mobilityDCAT-AP, flimkien ma’ proġetti kofinanzjati mill-FNE. Madankollu, l-aderenza ma’ standards bħal NeTEx u SIRI tirrikjedi titjib. Min-naħa l-oħra, hemm progress fil-varar tal-RTTI fl-inizjattivi nazzjonali u dawk Ewropej, b’diversi metodi ta’ akkwist tad-data fis-seħħ bl-użu ta’ kameras u ta’ sensuri. Minkejja l-avvanzi fl-aċċessibbiltà u fl-iskambju, għad hemm diskrepanzi fid-disponibbiltà statika u dinamika tad-data. Standards bħal DATEX II u TN-ITS qed jiġu implimentati b’mod mifrux.

Fir-rigward tal-qasam ta’ prijorità II, l-Istati Membri qed itejbu b’mod attiv il-ġestjoni tat-traffiku bil-varar teknoloġiku biex jottimizzaw l-infrastruttura tat-trasport. Qed jiġu implimentati inizjattivi bħal tewmin diġitali u teknoloġiji ta’ awtomatizzazzjoni biex it-traffiku jiġi vviżwalizzat u ġestit b’mod aktar effettiv. Il-proġetti jkopru diversi modi tat-trasport lil hinn mit-toroq, inklużi l-ambjenti urbani ferrovjarji u multimodali. L-integrazzjoni tal-merkanzija għandha rwol kruċjali, bil-bliet jesperimentaw b’soluzzjonijiet differenti ta’ ġestjoni tal-aċċess għall-merkanzija biex tittejjeb il-prestazzjoni tan-network. L-inizjattivi tal-Informazzjoni Elettronika dwar it-Trasport tal-Merkanzija (eFTI) qed jippermettu t-tranżizzjoni lejn skambji ta’ data diġitali biex jittejbu l-flussi loġistiċi. L-isfidi jinkludu l-integrazzjoni ta’ ekosistemi kumplessi u l-istandardizzazzjoni tal-interfaċċi, li jindikaw il-ħtieġa għal appoġġ armonizzat fil-livell Ewropew.

Ir-rapporti dwar il-qasam ta’ prijorità III wrew maturità iżda wkoll il-ħtieġa ta’ involviment kontinwu tas-settur privat. L-Istati Membri kollha implimentaw is-sistema eCall 112, bit-tranżizzjoni li għaddejja għan-networks tar-4G/tal-5G. Id-data statika għall-parkeġġ bla periklu tat-trakkijiet għandha kopertura tajba, għalkemm għad hemm lakuni fl-aċċessibbiltà tad-data, b’mod partikolari għas-settur privat. Il-kollaborazzjoni fi ħdan il-Pjattaforma tad-Data għas-Sikurezza fit-Toroq ittejjeb l-użu tad-data fil-vettura u d-detezzjoni ta’ avvenimenti tal-SRTI. Il-konverġenza tal-SRTI mas-STI-K tespandi l-ilħuq tas-servizz. Madankollu, l-aċċess għad-data privata tal-SRTI għadu limitat. Ir-reviżjonijiet li għaddejjin tar-Regolamenti ta’ Delega (UE) Nri 885/2013 u 886/2013 għandhom l-għan jindirizzaw dawn il-limitazzjonijiet.

Fir-rigward tal-qasam ta’ prijorità IV, ġew irrapportati bosta proġetti u inizjattivi tas-STI-K, li jiffukaw fuq aspetti ewlenin bħall-implimentazzjoni fuq il-post u l-protokolli ta’ komunikazzjoni. Permezz ta’ proġetti kollaborattivi li jippromwovu l-armonizzazzjoni, diversi pajjiżi issa jużaw servizzi operattivi abbażi ta’ speċifikazzjonijiet komuni, minkejja n-nuqqasijiet leġiżlattivi preċedenti. Il-pjattaforma C-Roads tiġbor 16-il Stat Membru u pajjiżi oħra biex tiżgura l-armonizzazzjoni fil-varar tas-STI-K, filwaqt li tappoġġa diversi proġetti kofinanzjati mill-FNE, bħal C-Roads Extended, għal aktar titjib fil-kwalità tas-servizz.

2.6.2.2Disponibbiltà ta’ data u ta’ servizzi

Id-dijagrammi li ġejjin jiġbru fil-qosor id-disponibbiltà fuq in-network TEN-T tat-toroq tal-UE (TERN) tas-settijiet ta’ data kruċjali tal-RTTI, tal-SSTP u tal-SRTI elenkati fl-Anness III tad-Direttiva STI (is-sehem ta’ kull Stat Membru jiġi kkalkolat b’mod proporzjonali għat-tul tat-TERN tiegħu).

Illustrazzjoni 1: Disponibbiltà ta’ data tal-RTTI dwar it-TERN

Illustrazzjoni 2: Disponibbiltà ta’ data tal-SSTP dwar it-TERN

Illustrazzjoni 3: Disponibbiltà ta’ data tal-SRTI dwar it-TERN

Id-data dwar il-post tan-nodi ta’ aċċess identifikati għall-modi skedati kollha hija disponibbli għal 37 % tan-network kollu tat-trasport. Madankollu, l-informazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tan-nodi ta’ aċċess u tal-mogħdijiet fi ħdan interkambju spiss tkun nieqsa.

Is-servizzi tal-SRTI (l-Anness IV tad-Direttiva STI) issa huma varati fuq 83 % tat-TERN, iżda sitt Stati Membri ma ddikjaraw l-ebda.

2.6.2.3Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

Id-dijagramma li ġejja tiġbor fil-qosor il-KPIs tal-varar fuq it-TERN tal-UE (is-sehem ta’ kull Stat Membru jiġi kkalkolat b’mod proporzjonali mat-tul tat-TERN tiegħu):

Illustrazzjoni 4: KPIs tal-Varar fuq it-TERN

Ir-rapportar dwar il-KPIs tal-benefiċċji ma kienx obbligatorju fl-2025, madankollu xi Stati Membri rrapportaw ċifri għat-tliet KPIs tal-benefiċċji. Ġew irrapportati valuri differenti ħafna għall-bidla fil-ħin tal-ivvjaġġar u t-tnaqqis ta’ CO2, bi tnaqqis normalment modest fil-livell tan-network iżda xi drabi tnaqqis pjuttost sinifikanti għal meded partikolari tan-network qabel u wara l-varar tas-soluzzjonijiet tas-STI. Ġie rrapportat tnaqqis aktar sostanzjali għall-għadd ta’ ħabtiet fit-toroq, anke fil-livell tan-network. Diversi rapporti enfasizzaw id-diffikultà li jiġi iżolat l-impatt tas-STI minn fatturi oħra (iż-żieda fit-traffiku, l-elettrifikazzjoni tal-flotta, eċċ.).

Għalkemm ir-rapportar dwar il-KPIs finanzjarji kien obbligatorju fl-2025, intwera li, għal xi Stati Membri, kien diffiċli, u xi drabi impossibbli li dawn il-KPIs finanzjarji jiġu iżolati mill-kostijiet ġenerali tal-investiment fit-toroq u tal-manutenzjoni. Il-perċentwal tal-investiment fis-STI spiss kien madwar 1 % tal-investiment ġenerali fit-toroq, iżda laħaq l-4–6 % f’diversi Stati Membri u saħansitra aktar minn 14 % f’pajjiż wieħed, u dan probabbilment jirrifletti proġetti ġodda reċenti ta’ varar f’dawn il-pajjiżi. Bl-istess mod, il-kostijiet operatorji u ta’ manutenzjoni pubbliċi spiss kienu bejn EUR 2 000 u EUR 4 000 għal kull kilometru, bi EUR 32 000 eċċezzjonali għal kull kilometru fi Stat Membru wieħed.

2.7Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI

L-Artikolu 16 tad-Direttiva STI jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-STI (EIAG, European ITS Advisory Group) biex jagħtiha pariri dwar l-aspetti tan-negozju u tekniċi tal-varar u tal-użu tas-sistemi tas-STI. L-EIAG ġie stabbilit permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-2011 44 , li kienet tapplika sa Awwissu 2017. Id-Deċiżjoni emendatorja adottata mill-Kummissjoni fit-22 ta’ Marzu 2024 neħħiet dik il-limitazzjoni taż-żmien u għamlitha obbligatorja li jiġi kkonsultat l-EIAG dwar il-programm ta’ ħidma tad-Direttiva STI. Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni emendata, il-Kummissjoni nediet sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet għall-membri tal-EIAG, u f’Mejju 2024 intgħażlu 25 membru.

L-EIAG iltaqa’ għall-ewwel darba fis-6 ta’ Ġunju 2024 biex jiddiskuti l-abbozz tal-programm ta’ ħidma tas-STI. Sussegwentement, saru sessjonijiet ta’ ħidma komuni mal-membri tal-Kumitat Ewropew tas-STI għal konsultazzjonijiet bikrija dwar l-ambitu tal-attivitajiet tal-programm ta’ ħidma: l-ewwel f’Diċembru 2024 biex jiġi diskuss l-ambitu tar-reviżjoni tar-Regolament Delegat dwar l-SRTI, imbagħad f’Ġunju 2025 biex jiġi diskuss l-ambitu tal-ispeċifikazzjonijiet għas-STI-K, u l-aktar reċenti f’Jannar 2026 biex jiġi diskuss l-ambitu tar-reviżjoni tar-Regolament Delegat dwar l-SSTP. Fid-19 ta’ Mejju 2025, flimkien mal-kungress Ewropew tas-STI f’Sivilja, kien hemm laqgħa informali tal-“Ħbieb tas-STI” (jiġifieri membri tal-EIAG u tal-Kumitat Ewropew tas-STI) biex tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Industrijali għas-settur awtomobilistiku Ewropew 45 .

L-EIAG jiġi infurmat ukoll dwar stħarriġ relatat mas-STI, konsultazzjonijiet pubbliċi u sessjonijiet ta’ ħidma, u jiġi mistieden regolarment biex jipparteċipa fihom.

3Miżuri ta’ appoġġ u kooperazzjoni

Il-kooperazzjoni u l-varar armonizzati huma fil-qalba tad-Direttiva STI u tar-regolamenti delegati tagħha. L-emenda tad-Direttiva STI fl-2023 saħħet dawn l-aspetti billi introduċiet obbligi għall-Istati Membri biex jikkooperaw, pereżempju permezz ta’ proġetti ta’ koordinazzjoni appoġġati mill-UE u, fejn neċessarju, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar l-aspetti operattivi tal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.

Il-proġetti multinazzjonali tas-STI, li huma kofinanzjati mill-FNE u spiss ikopru diversi kurituri tat-TEN-T, jippermettu li meded twal ta’ toroq jiġu mgħammra b’infrastruttura, b’tagħmir u b’servizzi tas-STI armonizzati u interoperabbli. Il-proġetti multinazzjonali tas-STI tal-FNE li għaddejjin bħalissa, MERIDIAN, MATIS/MATIS 2, X4ITS u VERKKO, jinvolvu total ta’ 20 Stat Membru u jkopru għexieren ta’ eluf ta’ kilometri tan-network ewlieni u komprensiv tat-TEN-T (TERN), filwaqt li jipprevedu l-varar koordinat tas-servizzi tas-STI u tas-STI-K.

Il-proġett C-Roads Extended, flimkien mal-proġetti nazzjonali C-Roads u mal-proġett SCALE, jinvolvi total ta’ 15-il Stat Membru fil-qasam tas-STI-K. Il-proġett X-HeERO jinvolvi seba’ Stati Membri u l-Moldova fil-qasam tal-eCall. Il-proġett TISGRADE jinvolvi 20 Stat Membru, in-Norveġja u fornituri ewlenin tas-servizzi tal-UE li jaħdmu flimkien fuq il-ġbir, fuq il-kwalità u fuq il-validazzjoni tad-data u fuq l-aġġornamenti tal-NAPs.

L-attivitajiet tal-azzjonijiet ta’ appoġġ tal-programm tal-FNE preċedenti, DATEX II, Data4PT, TN-ITS GO u NAPCORE, issa huma amalgamati fl-azzjoni ta’ assistenza teknika tal-FNE li għaddejja bħalissa, NAPCORE-X (2025–2027), li tinvolvi lill-Istati Membri kollha u tkopri l-ispeċifikazzjonijiet kollha. L-objettiv tagħha huwa li tikkoordina l-allinjament tal-aspetti operazzjonali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva STI għad-data kollha dwar it-toroq u multimodali u l-aspetti relatati mal-NAPs (eż. l-istandards u l-arkitettura tad-data, id-definizzjonijiet tad-data, il-metadata, il-kwalità tad-data, il-valutazzjoni tal-konformità, id-disseminazzjoni u t-taħriġ), b’għan ieħor li tikkontribwixxi għall-ispazju komuni Ewropew tad-data dwar il-mobbiltà 46 .

Dawn l-azzjonijiet multinazzjonali tal-FNE issa jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-proġetti tas-STI kofinanzjati mill-FNE, f’termini kemm tal-għadd kif ukoll tal-volum tal-investimenti (ara aktar ’il quddiem).

Illustrazzjoni 5: Parteċipazzjoni kurrenti tal-Istati Membri fi proġetti multinazzjonali tas-STI kofinanzjati mill-FNE

Inizjattivi li għaddejjin bħalissa tal-Istati Membri bħall-pjattaforma C-Roads, il-Pjattaforma tad-Data għas-Sikurezza fit-Toroq (DFRS, Data for Road Safety Platform) 47 u t-task force tal-RTTI, jippermettu aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati oħra 48 .

4Riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa

Minn meta ġie ppubblikat it-tieni rapport ta’ progress fl-2019, kien hemm progress sinifikanti fil-varar tas-servizzi. Peress li huwa diffiċli ħafna li jiġi iżolat il-kost strettament relatat mal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet mill-kost tal-varar u tal-operat tas-servizzi tal-STI u tal-infrastrutturi fiżiċi tal-STI nfushom, xi wħud miċ-ċifri li ġejjin għandhom jinftiehmu bħala stampa ġenerali tal-isforz ġenerali biex jiġu varati t-tali servizzi, li ma kienx rekwiżit skont id-Direttiva STI nnifisha.

B’mod partikolari, il-baġit tal-FNE (FNE 1 u 2, inklużi proġetti ffinanzjati taħt il-baġit ta’ Koeżjoni) kien strumentali biex jiġi appoġġat dan il-varar. Fil-perjodu 2014–2025, ipprovda aktar minn EUR 850 miljun f’finanzjament mill-UE, li skatta EUR 1,9 biljun f’investimenti għall-varar tas-STI (inkluż l-eCall) u tas-servizzi tas-STI-K 49 .

Matul dawn l-aħħar 5 snin, il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-fondi kienu ddedikati għal proġetti multinazzjonali tas-STI kif deskritt hawn fuq, li wħud minnhom se jdumu sa tmiem l-2027. L-Illustrazzjoni 6 ta’ hawn taħt turi s-sehem ta’ finanzjament f’EUR għal kull pajjiż għal dawn id-disa’ proġetti multinazzjonali tas-STI li għaddejjin (ħlief NAPCORE/NAPCORE-X).

Illustrazzjoni 6: Kontribuzzjoni tal-UE għall-proġetti multinazzjonali tas-STI tal-FNE

Sa mill-aħħar rapport ta’ progress, tnedew l-azzjonijiet addizzjonali ta’ appoġġ tal-programm tal-FNE, NAPCORE u Data4PT, kif ukoll l-azzjoni ta’ assistenza teknika tal-FNE li għaddejja, NAPCORE-X, li tinvolvi lill-Istati Membri kollha, biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, inkluża l-ħidma preparatorja dwar l-istandards. Dan irriżulta f’kontribuzzjoni globali massima ta’ EUR 23,5 miljun mill-UE. B’mod simili, il-finanzjament tal-FNE ġie allokat għall-istabbiliment u għall-ġestjoni miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kredenzjali tas-Sigurtà tas-STI-K tal-UE, b’kost totali ta’ EUR 6,26 miljun għall-perjodu 2017–2026.

Il-kostijiet addizzjonali jinkludu dawk imġarrba fir-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet (l-RTTI, l-MMTIS, l-eCall u l-SRTI) u d-Direttiva STI, li kienet tinvolvi studji ta’ konsulenza (EUR 1,8 miljun għall-2018–2025), u fl-organizzazzjoni u fil-parteċipazzjoni f’avvenimenti li jkopru s-STI bħall-kungressi Dinjija u Ewropej dwar is-STI (EUR 1,1 miljun għall-2018–2025).

Fir-rigward tal-istandards, il-biċċa l-kbira tal-kostijiet iġġarrbu b’riżultat tal-ħidma preparatorja fi ħdan l-azzjonijiet ta’ appoġġ u ta’ assistenza teknika tal-programm tal-FNE msemmija hawn fuq, flimkien ma’ għotjiet diretti lill-ESOs (EUR 1,4 miljun għall-2018–2025).

Mill-pandemija tal-2020, il-laqgħat kollha tal-Kumitat tas-STI 50 u tal-Grupp Konsultattiv dwar is-STI 51 u kważi l-laqgħat kollha tal-grupp ta’ esperti tas-STI u tal-Pjattaforma Ewropea għall-Implimentazzjoni tal-eCall (EeIP, eCall Implementation Platform) 52 ġew organizzati permezz ta’ vidjokonferenza, u għalhekk ma kienx neċessarju li jiġu rimborżati l-ispejjeż.

Kif diġà ssemma fit-tieni rapport ta’ progress, il-kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva STI u tar-regolamenti delegati tagħha, li huma fil-biċċa l-kbira relatati mal-iffaċilitar u mal-armonizzazzjoni tal-aċċess għad-data li għandha terġa’ tintuża biex jiġu żviluppati s-servizzi tas-STI, jidhru li huma raġonevoli. Dan huwa partikolarment il-każ meta dawk il-kostijiet jitqabblu mal-kostijiet tal-varar tas-servizzi. Se jkun meħtieġ sforz kontinwu biex jiġu implimentati r-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-emenda tal-2023 tad-Direttiva, b’mod partikolari dawk relatati mad-disponibbiltà u mal-varar obbligatorji ta’ data u ta’ servizzi kruċjali.

5Konklużjoni

Minn meta ġiet adottata, sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva STI. L-emenda reċenti bid-Direttiva (UE) 2023/2661 introduċiet bidliet kruċjali, b’mod partikolari biex jittejbu l-aċċessibbiltà, il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tad-data ma’ temi ġodda tas-STI. L-inizjattivi kollaborattivi mmexxija mill-finanzjament tal-FNE ffaċilitaw il-varar estensiv tas-servizzi tas-STI u tas-STI-K fit-TERN kollu u lil hinn minnu, u dan enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati u ppromwova wkoll l-armonizzazzjoni u t-titjib fil-kwalità tas-servizzi permezz ta’ azzjoni koordinata. Il-kostijiet raġonevoli kienu assoċjati ma’ dan il-varar, u se jkunu meħtieġa sforzi kontinwi biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti l-ġodda introdotti mill-emenda tal-2023. Il-Kumitat Ewropew tas-STI u l-Grupp Konsultattiv dwar is-STI, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u bejniethom, kienu kruċjali fit-tiswir u fl-iggwidar ta’ dawn l-iżviluppi.

Ir-rapportar evolva b’mod sinifikanti bis-saħħa tal-introduzzjoni tal-mudell il-ġdid u tal-KPIs li jippermettu fehim aħjar tal-varar, tal-impatti u tal-finanzjament tas-STI. Filwaqt li l-iżolament b’mod akkurat tal-impatt tas-soluzzjonijiet tas-STI minn fatturi oħra tan-network jibqa’ sfida, ir-rapportar xorta waħda ta informazzjoni intuwittiva siewja dwar xejriet bħat-tnaqqis fil-ħabtiet fit-toroq u l-emissjonijiet ta’ CO2. L-impenn għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandu jiżgura li dawn l-iżviluppi pożittivi jkomplu, filwaqt li jrawwem ambjent fejn is-STI jistgħu jirnexxu permezz tal-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni. Fil-futur, l-investiment sostnut fit-teknoloġija u fl-istandardizzazzjoni se jkun kruċjali biex jiġi sfruttat is-STI għal mobbiltà u għal sikurezza mtejba tat-trasport madwar l-UE kollha.

(1)

Ir-rapporti nazzjonali dwar is-STI huma disponibbli fuq https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/smart-mobility/road/its-directive-and-action-plan/its-national-reports_en?prefLang=mt .

(2)

SWD(2019) 369 final.

(3)

 COM(2019) 464 final.

(4)

SWD(2021) 474 final.

(5)

COM(2021) 813 final.

(6)

  https://transport.ec.europa.eu/transport-themes/smart-mobility/road/its-directive-and-action-plan/national-access-points_en?prefLang=mt .

(7)

ĠU C, C/2024/2348, 27.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2348/oj .

(8)

ĠU L, 2025/264, 10.2.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/264/oj .

(9)

ĠU L 193, 23.7.2011, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/453/oj .

(10)

Disponibbli fuq ITS national reports - Mobility and Transport - European Commission .

(11)

ĠU C, C/2024/6798, 13.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6798/oj .

(12)

 ĠU L 272, 21.10.2017, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1926/oj .

(13)

  COM/2020/789 final .

(14)

 ĠU L, 2024/490, 13.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/490/oj .

(15)

 ĠU L 157, 23.6.2015, p. 21, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/962/oj .

(16)

 ĠU L 122, 25.4.2022, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/670/oj .

(17)

 ĠU L 247, 18.9.2013, p. 6, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/886/oj .

(18)

 ĠU L 91, 3.4.2013, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/305/oj .

(19)

 ĠU L 164, 3.6.2014, p. 6, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2014/585(2)/oj .

(20)

 ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2015/758/oj .

(21)

 ĠU L, 2024/1084, 12.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1084/oj .

(22)

ĠU L, 2024/1180, 19.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1180/oj .

(23)

ĠU L, 2025/1871, 28.10.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1871/oj .

(24)

ĠU L 12, 17.1.2017, p. 44, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/79/oj .

(25)

 ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/885/oj .

(26)

C(2019) 1789 final.

(27)

 C(2011) 289 final.

(28)

 C(2018) 8264 final.

(29)

 C(2022) 9140 final.

(30)

Il-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Ġunju 2024 huma ppubblikati fir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u Entitajiet Oħra Simili, in-numru tal-kodiċi E02736.

(31)

https://napcore.eu/ .

(32)

  Exploratory study to assess the need for complementary action in the field of enhanced traffic and incident management services - l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE .

(33)

  The interoperable EU-wide eCall - Mobility and Transport .

(34)

  https://www.c-roads.eu/ .

(35)

  https://www.car-2-car.org/ .

(36)

  https://napcore.eu/standards/ .

(37)

  https://datex2.eu/ .

(38)

  https://tn-its.eu/ .

(39)

  https://data4pt-project.eu/ .

(40)

  https://github.com/NAPCORE/Data-dictionary .

(41)

  https://mobilitydcat-ap.github.io/mobilityDCAT-AP/releases/index.html .

(42)

  https://napcore.github.io/Reference-Architectures-website/ .

(43)

  https://www.mobilityits.eu/ .

(44)

  2011/C 135/03, ĠU C 135, 5.5.2011, p. 3.

(45)

  COM/2025/95 final .

(46)

  COM(2023) 751 final .

(47)

  https://www.dataforroadsafety.eu/ .

(48)

  Dawn l-inizjattivi huma deskritti aktar fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament.

(49)

Sors: L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent ( CINEA , European Climate, Infrastructure and Environment Executive Agency).

(50)

  https://ec.europa.eu/transparency/comitology-register/screen/committees/C39400 .

(51)

  https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupID=1941 .

(52)

  https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupID=2481 .