Brussell, 25.9.2025

COM(2025) 517 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Id-disa’ Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija


Werrej

1.    Introduzzjoni    

1.1 It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati    

1.2 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità    

2.    Il-funzjonament tal-Faċilità    

3.    Il-kapaċità finanzjarja, id-durata u n-natura tal-finanzjament    

4.    Implimentazzjoni tal-Faċilità    

5.    Monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar    

6.    Komunikazzjoni u viżibbiltà    

7.    Konklużjoni u l-passi li jmiss    



1.Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 1 (“id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni jeħtiġilha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (“il-Faċilità”). Skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jeħtiġilha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità ġie ppubblikat f’Marzu 2017 2 . Ir-rapporti annwali kollha jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Faċilità għar-Refuġjati. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq data sa u inkluż Frar 2025.

1.1 It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, it-Turkija hija pajjiż prominenti għall-akkoljenza u għat-tranżitu tar-refuġjati u tal-migranti. F’Jannar 2025, skont data pprovduta mill-gvern Tork, il-pajjiż ospita 2 888 876 Sirjan taħt protezzjoni temporanja u aktar minn 300 000 refuġjat u applikant għall-ażil irreġistrati, prinċipalment mill-Afganistan, mill-Iraq, mill-Iran u mis-Somalja 3 , 4 . Dan kellu impatt sinifikanti fuq il-komunitajiet ospitanti. L-ispostament fit-tul tar-refuġjati Sirjani u l-għadd dejjem jikber ta’ wasliet irregolari mill-Afganistan fit-Turkija, jirrappreżentaw sfida dejjem akbar għall-koeżjoni soċjali bejn ir-refuġjati, il-migranti u l-komunitajiet ospitanti. Fl-istess ħin, għad hemm pressjoni tul il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Iran. Wara l-waqgħa tar-reġim ta’ Assad f’Diċembru 2024, u skont id-data pprovduta mill-awtoritajiet Torok, għadd dejjem akbar ta’ Sirjani bi status ta’ protezzjoni temporanja fit-Turkija kienu qegħdin jaqsmu l-fruntiera mas-Sirja. Id-data ma hijiex ċara għalkollox dwar jekk dawn humiex ritorni permanenti jew żjarat ta’ osservazzjoni 5 . L-awtoritajiet Torok issottolinjaw li r-ritorni għandhom ikunu volontarji, sikuri, dinjitużi u ordnati.

It-Turkija qiegħda tkompli tagħmel sforzi sinifikanti ħafna biex tospita u tindirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati u tal-migranti u tenniet l-impenn tagħha li timplimenta d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 6 (“id-Dikjarazzjoni”). Id-Dikjarazzjoni kompliet tagħti riżultati konkreti fl-2024. Madankollu, għalkemm għadhom aktar baxxi miċ-ċifri ta’ qabel id-Dikjarazzjoni, il-wasliet irregolari fil-Greċja bil-baħar baqgħu jiżdiedu, kif ukoll il-wasliet bl-art fil-Bulgarija, filwaqt li l-wasliet fl-Italja u fit-territorju kkontrollat mill-gvern ta’ Ċipru naqsu b’mod konsiderevoli 7 .

L-iskema ta’ risistemazzjoni “wieħed għal kull wieħed” kompliet tiġi implimentata skont id-Dikjarazzjoni. Bejn April 2016 u Frar 2025, aktar minn 43 815-il refuġjat Sirjan ġew risistemati mit-Turkija lejn l-UE. Mill-2016, 2 140 migrant ġew irritornati mill-gżejjer Griegi lejn it-Turkija. Peress li l-awtoritajiet Torok ma rrevokawx id-deċiżjoni tagħhom ta’ Marzu 2020 li jissospendu l-operazzjonijiet ta’ ritorn skont id-Dikjarazzjoni wara l-pandemija tal-COVID-19, minn dak iż-żmien ’l hawn ma saret l-ebda operazzjoni ta’ ritorn minkejja talbiet ripetuti mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Griegi.

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2020 qabel li jniedi aġenda pożittiva bejn l-UE u t-Turkija. Ġew identifikati erba’ oqsma prijoritarji: i) it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Doganali u t-tnedija mill-ġdid tad-diskussjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tagħha; ii) il-migrazzjoni u l-appoġġ għar-refuġjati; iii) djalogi ta’ livell għoli; u iv) il-kuntatti bejn il-persuni u l-mobbiltà. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021 tenna li l-UE lesta tinteraġixxi mat-Turkija b’mod gradwali, proporzjonat u riversibbli biex tiżdied il-kooperazzjoni f’għadd ta’ oqsma ta’ interess komuni, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’Marzu 2021 u f’konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill Ewropew. Il-Komunikazzjoni Konġunta tad-29 ta’ Novembru 2023 irrispondiet għall-istedina mill-Kunsill Ewropew tad-29 u tat-30 ta’ Ġunju 2023 lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija. Hija ressqet diversi proposti sabiex tingħata spinta ġdida lir-relazzjonijiet, inkluż fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-appoġġ finanzjarju lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti. F’Novembru 2023, fi Brussell sar djalogu ta’ livell għoli bejn l-UE u t-Turkija dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà u laqgħa ġdida hija mistennija li ssir fl-ewwel nofs tal-2025.

1.2 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità

Bi tweġiba għas-sejħa mill-Istati Membri tal-UE għal finanzjament addizzjonali sinifikanti biex jiġu appoġġati r-refuġjati fit-Turkija, il-Kummissjoni stabbiliet il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015, emendata fl-10 ta’ Frar 2016 u fl-14 ta’ Marzu u fl-24 ta’ Lulju 2018. Il-Faċilità hija mekkaniżmu biex tiġi kkoordinata l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi magħmula disponibbli kemm taħt il-baġit tal-UE kif ukoll taħt kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri integrati fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat estern 8 . L-Istati Membri huma politikament impenjati li jipprovdu kontribuzzjonijiet nazzjonali bħala parti mill-Fehim Komuni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, adottat fit-3 ta’ Frar 2016, u aġġornat meta ntlaħaq qbil dwar it-tieni segment tal-Faċilità 9 . Il-Fehim Komuni stabbilixxa wkoll qafas ta’ kundizzjonalità.

Fit-18 ta’ Marzu 2016, il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-UE u tat-Turkija kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jimplimentaw il-Pjan ta’ azzjoni konġunt tagħhom u qablu dwar aktar miżuri li għandhom l-għan li japprofondixxu r-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u l-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni 10 . It-Turkija u l-UE rrikonoxxew li kienu meħtieġa aktar sforzi rapidi u determinati. B’mod aktar speċifiku, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija appellat sabiex tintemm il-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE billi jitkisser il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin u billi l-migranti jiġu offruti alternattiva minflok ma jpoġġu ħajjithom f’periklu, u biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Faċilità.

Għall-ewwel segment tal-Faċilità (2016-2017) ġie allokat total ta’ EUR 3 biljun 11 , u EUR 3 biljun addizzjonali saru disponibbli għat-tieni segment (2018-2019), li jieħu t-total tal-Faċilità għal EUR 6 biljun. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni ħadmet b’pass mgħaġġel biex tikkuntratta l-ewwel proġetti. Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni kkuntrattat l-allokazzjoni operazzjonali sħiħa tal-Faċilità, u sa tmiem l-2024 kienu ġew żborżati aktar minn EUR 5,7 biljun.

2.Il-funzjonament tal-Faċilità 

Il-Faċilità kienet mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jippermetti l-mobilizzazzjoni rapida, effettiva u effiċjenti ta’ għajnuna tal-UE lir-refuġjati fit-Turkija, filwaqt li jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba. Il-Faċilità kienet tiżgura l-aqwa mobilizzazzjoni ta’ strumenti ta’ finanzjament eżistenti fl-UE, bħala għajnuna umanitarja u/jew għall-iżvilupp, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti b’mod komprensiv u kkoordinat 12 .

Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità jipprovdi gwida strateġika dwar il-prijoritajiet, it-tip ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati, l-ammonti li għandhom jiġu allokati u l-istrumenti ta’ finanzjament li għandhom jiġu mmobilizzati u l-kundizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-impenji tat-Turkija skont il-Pjan ta’ azzjoni konġunt UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 (il-“Pjan ta’ azzjoni konġunt”) 13 .

Is-sostenibbiltà tal-proġetti tal-Faċilità u s-sjieda konġunta mill-awtoritajiet Torok jibqgħu jkunu importanti. L-importanza tas-sostenibbiltà u l-impatt ġew enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet tat-tieni rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ta’ April 2024. L-oqsma ta’ prijorità għall-għajnuna huma identifikati abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet komprensiva u indipendenti, li ġiet aġġornata fl-2018.

Il-Faċilità kkoordinat il-finanzjament mill-istrumenti ta’ finanzjament esterni li ġejjin 14 : i) l-għajnuna umanitarja; ii) l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat; iii) l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI, Development Cooperation Instrument); iv) l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA, Instrument for Pre-accession Assistance); u v) l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi. Il-miżuri ffinanzjati mill-baġit tal-UE jitwettqu skont ir-regoli u r-regolamenti finanzjarji tagħha applikabbli kemm għall-ġestjoni diretta kif ukoll għal dik indiretta. L-implimentazzjoni tal-għajnuna hija bil-kundizzjoni li t-Turkija tkun f’konformità stretta mal-impenji tal-Pjan ta’ azzjoni konġunt u tad-Dikjarazzjoni.

3.Il-kapaċità finanzjarja, id-durata u n-natura tal-finanzjament

Il-baġit totali kkoordinat mill-Faċilità huwa ta’ EUR 6 biljun, u huwa mmobilizzat f’żewġ segmenti. Il-proġetti taħt l-ewwel u t-tieni segment jibqgħu għaddejjin sal-aħħar tal-2025 (b’erba’ proġetti estiżi sal-aħħar tal-2029 minħabba force majeure bħat-terremot tal-2023) u ħafna proġetti taħt l-ewwel segment tlestew u l-biċċa l-kbira tal-proġetti huma skedati li jitlestew fil-ħin jew qabel l-iskadenza finali. B’mod eċċezzjonali, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-proġetti taħt il-Miżura Speċjali tal-2016 (EUR 1,6 biljun) ġie estiż, u dan jippermetti li l-proġetti kollha kkonċernati jilħqu l-objettivi ddikjarati tagħhom.

L-ewwel segment ammonta għal EUR 3 biljun, li EUR 1 biljun minnhom ġie mmobilizzat mill-baġit tal-UE u EUR 2 biljun ġew ipprovduti f’kontribuzzjonijiet bilaterali mill-Istati Membri. Bl-istess mod, it-tieni segment ammonta għal EUR 3 biljun, li minnhom il-baġit tal-UE pprovda EUR 2 biljun u l-Istati Membri EUR 1 biljun 15 .

Fir-rigward tar-riżorsi tal-baġit tal-UE, mill-EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE għall-2016-2017, EUR 250 miljun ġew immobilizzati fl-2016 u EUR 750 miljun fl-2017. Miż-EUR 2 biljun mill-baġit tal-UE għall-2018-2019, EUR 550 miljun ġew immobilizzati fl-2018, u l-bilanċ ġie mmobilizzat fl-2019.

Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, għall-ewwel segment, l-Istati Membri kkontribwew EUR 677 miljun għall-Faċilità fl-2016, EUR 847 miljun fl-2017, EUR 396 miljun fl-2018 u EUR 80 miljun fl-2019. Għat-tieni segment, l-Istati Membri kkontribwew EUR 68 miljun fl-2018, EUR 202 miljun fl-2019, EUR 265 miljun fl-2020, EUR 166 miljun fl-2021 u EUR 165 miljun fl-2022, bl-aħħar pagamenti li jammontaw għal EUR 134 miljun fl-2023. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri saru direttament lill-baġit tal-UE fil-forma ta’ dħul assenjat estern u ġew assenjati għal-linji baġitarji tal-IPA u tal-għajnuna umanitarja.

Ikompli jkun hemm qbil sodisfaċenti bejn ir-rata tal-ħlas mill-Istati Membri tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Faċilità u r-rata tal-iżburżar iffinanzjat minn dawk il-kontribuzzjonijiet mill-Faċilità.

Għajnuna addizzjonali tal-UE lir-refuġjati fit-Turkija, barra mill-qafas tal-Faċilità

Fl-2020, il-Kummissjoni allokat EUR 535 miljun addizzjonali biex tappoġġa azzjonijiet umanitarji fit-Turkija barra mill-qafas tal-Faċilità. Din l-għajnuna għar-refuġjati ffukat fuq il-bżonnijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u ġiet ikkuntrattata u żborżata bis-sħiħ.

Din ix-xejra kompliet fl-2021. B’segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, il-Kummissjoni mmobilizzat EUR 3 biljun għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fit-Turkija għall-2021-2023. Dan il-finanzjament kellu l-għan li jiżgura li l-interventi ewlenin tal-Faċilità jkomplu fl-oqsma prijoritarji tal-għajnuna umanitarja, tal-bżonnijiet bażiċi, tal-edukazzjoni u s-saħħa, kif ukoll tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-kontroll fuq il-fruntieri. Dan inkluda wkoll EUR 150 miljun taħt l-istrumenti tad-DĠ HOME, primarjament b’appoġġ għall-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-Istati Membri tal-UE mit-Turkija, iżda wkoll b’appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-isforzi kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin. Dan inkluda wkoll EUR 14,4-il miljun taħt Miżura ta’ Appoġġ li ġiet adottata f’Ottubru 2024.

Parti sinifikanti mill-finanzjament għall-2021-2023 ġiet immobilizzata b’reazzjoni għat-terremoti devastanti tal-2023 fit-Turkija, b’total ta’ EUR 355,6 miljun jiġu diretti lejn l-appoġġ soċjoekonomiku, l-infrastruttura muniċipali, l-infrastruttura tal-edukazzjoni u l-infrastruttura tas-saħħa.

Fi Frar 2024, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jalloka EUR 2 biljun oħra biex tinżamm kooperazzjoni effettiva dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE, inkluż appoġġ għar-refuġjati Sirjani fit-Turkija, bħala parti minn ftehim dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027.

Fil-Konferenza dwar is-Sirja ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni wegħdet EUR 1 biljun f’appoġġ għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. Dan l-ammont kien jinkludi EUR 520 miljun mill-baġit regolari għall-2024 biex jiġi żgurat li l-assistenza għar-refuġjati tkompli, u EUR 480 miljun antiċipati mill-allokazzjoni ta’ EUR 2 biljun imsemmija hawn fuq, u dan iħalli madwar EUR 1,5 biljun għall-2025-2027. Il-pakkett ta’ EUR 1 biljun kien jinkludi ħames miżuri li jiffukaw fuq: i) l-edukazzjoni (EUR 80 miljun); ii) il-bżonnijiet bażiċi, il-kura tas-saħħa, is-servizzi muniċipali u l-koeżjoni soċjali (EUR 421 miljun); iii) il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kontroll fuq il-fruntiera (EUR 398 miljun); iv) il-proviżjonament ta’ impenn mill-ġdid futur potenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment li jiġġenera self potenzjali għal investiment relatat mar-refuġjati (EUR 75 miljun); u v) għajnuna umanitarja (EUR 26 miljun).

Il-finanzjament totali tal-UE allokat għall-għajnuna għar-refuġjati u għall-komunità ospitanti fit-Turkija mill-2011 jammonta għal EUR 12,4-il biljun. Dan jinkludi EUR 345 miljun f’għajnuna għar-refuġjati mmobilizzati bejn l-2011 u l-2016, l-EUR 6 biljun taħt il-Faċilità, EUR 535 miljun f’finanzjament tranżitorju fl-2020, EUR 3 biljun f’finanzjament addizzjonali fl-2021-2023, EUR 1 biljun fl-2024, u EUR 1,5 biljun ta’ għajnuna ppjanata sal-2027.

4.Implimentazzjoni tal-Faċilità

Il-Faċilità hija implimentata fil-forma ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp. Taħt l-ewwel segment, ġew allokati madwar EUR 1,4 biljun u EUR 1,6 biljun għall-fergħat rispettivi. Minħabba n-natura dewwiema tal-kriżi tas-Sirja, l-interventi taħt it-tieni segment iffukaw dejjem aktar fuq l-attivitajiet ta’ appoġġ soċjoekonomiku u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ għajxien. Taħt it-tieni segment, ġew allokati EUR 1,04 biljun għall-għajnuna umanitarja, u EUR 1,9 biljun għall-għajnuna għall-iżvilupp 16 .

Għall-Faċilità b’mod kumplessiv, il-qsim tal-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp f’Diċembru 2024 huwa kif ġej:

Għad-dettalji kollha, ara t-tabella tal-proġetti online 17 .

L-għajnuna pprovduta taħt il-Faċilità hija bbażata fuq il-proġetti. L-iżborżi jiddependu mill-progress fl-implimentazzjoni tal-interventi tal-Faċilità. L-appoġġ għall-faċilità jinkludi għajnuna kemm lir-refuġjati kif ukoll lill-kumditajiet ospitanti.

L-għajnuna umanitarja taħt il-Faċilità għandha l-għan li tgħin lill-aktar refuġjati vulnerabbli billi tipprovdi appoġġ dinjituż li jindirizza l-bżonnijiet bażiċi u l-protezzjoni 18 . Din tindirizza wkoll il-lakuni permezz ta’ aġenziji speċjalizzati u sħab fl-oqsma prijoritarji tas-saħħa u tal-edukazzjoni. L-għoti tal-għajnuna umanitarja tal-UE huwa ggwidat mill-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007 19 , li jistipula li l-UE, bħala attriċi umanitarja, taderixxi mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, tan-newtralità, tal-imparzjalità u tal-indipendenza, kif stabbiliti fl-Artikolu 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja (Nru 1257/96) 20 , 21 .

Taħt il-fergħa umanitarja tal-Faċilità, b’kollox ġew implimentati 65 proġett permezz ta’ 21 sieħeb kemm taħt l-ewwel segment kif ukoll taħt it-tieni wieħed. Dawn il-proġetti jkopru r-rispons għall-bżonnijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni, u s-saħħa għall-aktar refuġjati vulnerabbli fit-Turkija. Taħt l-ewwel segment, ġew allokati u kkuntrattati madwar EUR 1,4 biljun f’għajnuna umanitarja u ġew żborżati EUR 1,4 biljun, filwaqt li għat-tieni segment ġew ikkuntrattati EUR 1,05 biljun u ġew żborżati EUR 1,04 miljun.

L-għajnuna għall-iżvilupp tappoġġa l-ħtiġijiet fit-tul fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-refuġjati, b’mod partikolari f’termini ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi u għall-opportunitajiet ta’ għajxien, u tal-infrastruttura muniċipali. Din tiffoka wkoll fuq gruppi vulnerabbli u tinkludi aspett tal-ġeneru fl-interventi tagħha, eż. il-protezzjoni tan-nisa u l-bniet kontra l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u t-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva.

Taħt il-fergħa tal-iżvilupp tal-Faċilità, kompla jsir progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ 26 proġett ikkuntrattati taħt l-ewwel segment. Minn dawn il-proġetti, 15 ġew implimentati taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana għal total ta’ EUR 293 miljun, minbarra l-allokazzjoni ġestita direttament permezz tal-IPA 22 .

L-iżborżi lis-sħab ta’ implimentazzjoni laħqu kważi EUR 3,2 biljun minn total ta’ EUR 3,5 biljun allokati għall-għajnuna għall-iżvilupp taħt iż-żewġ segmenti 23 . Taħt l-ewwel segment, ġew allokati u kkuntrattati madwar EUR 1,6 biljun f’għajnuna għall-iżvilupp u ġew żborżati EUR 1,6 biljun, filwaqt li għat-tieni segment ġew ikkuntrattati EUR 1,9 biljun u ġew żborżati kważi EUR 1,7 miljun.

Il-fergħa tal-iżvilupp tal-Faċilità tinkludi 14-il kuntratt li għadhom għaddejjin.

Fl-2024, l-implimentazzjoni tal-Faċilità kompliet tiġi affettwata minn inflazzjoni għolja ħafna fit-Turkija u sfidi relatati mar-rata tal-kambju. Dan kien jirrikjedi tnaqqis fl-ambitu ta’ xi proġetti.

Interventi tal-faċilità għal kull qasam prijoritarju

Il-progress li sar għal kull qasam prijoritarju taħt iż-żewġ segmenti tal-Faċilità huwa rrapportat fir-rapporti ta’ monitoraġġ tal-Faċilità 24 . Kien hemm kisbiet sinifikanti fl-oqsma prijoritarji li ġejjin.

Edukazzjoni

Total ta’ EUR 2,08 biljun ġew allokati għall-appoġġ għall-edukazzjoni taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati.

Taħt il-fergħa umanitarja tal-Faċilità, ġew allokati aktar minn EUR 181 miljun għall-edukazzjoni. It-Trasferiment Kundizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni (CCTE, Conditional Cash Transfer in Education) jappoġġa r-reġistrazzjoni fl-iskejjel u l-attendenza ta’ tfal refuġjati billi jipprovdi pagamenti ta’ kull xahar lill-familji refuġjati, bil-kundizzjoni li l-istudenti jattendu l-iskola b’mod regolari. Fl-2024, il-programm CCTE VI appoġġa sa 585 000 tifel u tifla refuġjati vulnerabbli permezz ta’ trasferimenti ta’ flus kundizzjonali għall-edukazzjoni, bħala korrispettiv għall-attendenza regolari fl-iskejjel pubbliċi. Total ta’ 42 312-il tifel u tifla refuġjati f’riskju bbenefikaw minn servizzi ta’ protezzjoni permezz taċ-ċentri tas-servizzi soċjali tal-gvern Tork u taċ-ċentri komunitarji tan-Nofs Qamar l-Aħmar tat-Turkija.

F’Settembru 2024, il-livelli ta’ għajnuna fi flus ġew aġġustati biex jiġi mmitigat l-impatt negattiv ta’ inflazzjoni għolja. Madankollu, l-għadd ta’ studenti li jibbenefikaw mill-programm naqas bi ftit matul is-sena minħabba diffikultajiet finanzjarji u l-applikazzjoni tas-sistema ta’ verifika bbażata fuq l-indirizz. Skont din is-sistema, il-familji taħt protezzjoni temporanja li bidlu r-residenza tagħhom mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet iffaċċjaw sospensjoni tal-istatus tagħhom, li twassal għall-esklużjoni tagħhom minn programmi ta’ assistenza soċjali.

F’Awwissu 2024, il-Ministru għall-Intern ħabbar li 729 000 Sirjan taħt protezzjoni temporanja ma setgħux jinstabu fl-indirizzi rreġistrati tagħhom u għandhom jattivaw mill-ġdid ir-reġistrazzjoni tagħhom. B’riżultat ta’ dan, it-tfal minn dawn il-familji ma setgħux japplikaw għal programmi ta’ assistenza soċjali, bħat-Trasferiment Kundizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni (CCTE, Conditional Cash Transfer for Education), jew kellhom jitilqu kompletament mill-programm. Sabiex jindirizza dawn l-isfidi, il-Ministeru għall-Familja u s-Servizzi Soċjali saħħaħ il-komponent tal-protezzjoni tat-tfal fl-aħħar trimestru tal-2024.

L-implimentazzjoni tal-programm emblematiku tal-Faċilità (il-Promozzjoni tal-Integrazzjoni tat-Tfal Sirjani fis-Sistema Edukattiva Torka – PIKTES II) mill-Ministeru tal-Edukazzjoni Nazzjonali, b’baġit totali ta’ EUR 400 miljun, intemmet f’Jannar 2023. Din kienet segwita minn PIKTES+ 25 b’baġit totali ta’ EUR 300 miljun iffinanzjat bis-saħħa ta’ għajnuna addizzjonali għar-refuġjati fit-Turkija. F’Novembru 2024, PIKTES+ irċieva EUR 80 miljun oħra biex jgħin fil-ħlas tas-salarji tal-għalliema.

F’dan il-qasam prijoritarju, l-għan ġenerali tal-għajnuna għar-refuġjati tal-UE jkompli jkun l-integrazzjoni tat-tfal refuġjati kollha fis-sistema edukattiva formali Torka, ikkomplementata mill-ilħuq ta’ tfal barra mill-iskola u l-ħolqien ta’ perkorsi sikuri għall-apprendiment, kif ukoll it-titjib tal-eżiti tal-apprendiment. F’Marzu 2024, 74 % (834 169) tat-tfal refuġjati kienu qegħdin jipparteċipaw fl-edukazzjoni formali (inkluża l-edukazzjoni preprimarja) fid-29 provinċja bl-aktar densità għolja ta’ refuġjati fil-mira tal-programm PIKTES+.

L-għadd ta’ studenti refuġjati u tal-komunità ospitanti li rċevew boroż ta’ studju appoġġati mill-Faċilità biex jattendu edukazzjoni u taħriġ tekniċi u vokazzjonali jew istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja laħaq id-29 049. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-istudenti kienu refuġjati u l-bilanċ bejn il-ġeneri nżamm.

Il-Faċilità kompliet tappoġġa wkoll l-iżvilupp tal-infrastruttura edukattiva u għenet tnaqqas l-iffullar fl-iskejjel. Kien hemm progress sinifikanti fl-għadd ta’ faċilitajiet edukattivi mtejba u kkompletati. Kisba kbira fit-titjib kienet l-installazzjoni ta’ 8 700 smartboard fl-iskejjel primarji u sekondarji. Sal-lum, aktar minn 12 000 faċilità ġew imtejba bl-appoġġ tal-Faċilità.

Barra minn hekk, taħt il-proġetti Edukazzjoni għal Kulħadd fi Żminijiet ta’ Kriżi u Infrastruttura tal-Edukazzjoni għar-Reżiljenza, inbnew 175 skola u bdew is-servizzi tal-edukazzjoni. Il-pannelli solari fuq il-bjut installati fl-iskejjel jiġġeneraw enerġija għal 50 skola u tlestew miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika għal 41 skola.

Fl-2024, ġew iffirmati kuntratti biex jgħinu fil-bini mill-ġdid tal-infrastruttura tal-edukazzjoni fit-Turkija wara t-terremoti ta’ Frar 2023. Dan il-finanzjament għandu l-għan li jżid l-aċċess għall-edukazzjoni kemm għar-refuġjati kif ukoll għall-komunitajiet ospitanti. Żewġ proġetti ta’ għotjiet b’valur totali ta’ EUR 20 miljun jipprovdu boroż ta’ studju u servizzi assoċjati lil studenti refuġjati u studenti minn komunitajiet ospitanti li jkunu qegħdin isegwu studji tal-ewwel grad/ta’ wara l-ewwel grad. Il-proġetti bdew f’Jannar 2023 u għandhom idumu 3 snin. Sa Jannar 2025, 5 702 studenti tal-edukazzjoni għolja ngħataw borża ta’ studju, u 3 077 minnhom kienu studenti Sirjani u 2 625 kienu studenti Torok.

Protezzjoni

Ġie allokat total ta’ EUR 352 miljun għall-appoġġ għall-protezzjoni taħt il-Faċilità u għall-appoġġ addizzjonali għar-refuġjati, prinċipalment permezz ta’ proġetti taħt il-fergħa umanitarja.

Il-fergħa umanitarja tal-Faċilità appoġġat ir-reġistrazzjoni u l-verifika tar-refuġjati, u ppermettitilhom jirregolarizzaw l-istatus tagħhom fit-Turkija u għinithom jaċċessaw is-servizzi. B’mod partikolari, hija appoġġat l-isforzi ta’ reġistrazzjoni tal-Presidenza tat-Turkija għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni u saħħet il-kapaċità istituzzjonali u teknika tagħha. Minbarra l-interventi ta’ protezzjoni awtonomi bil-għan li jeliminaw il-lakuni u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi u ta’ individwi f’riskju, il-protezzjoni ġiet integrata wkoll fil-pilastri l-oħrajn tal-istrateġija ta’ rispons umanitarju (bżonnijiet bażiċi, saħħa u edukazzjoni). L-għan ġenerali huwa li jiġu indirizzati aħjar il-vulnerabbiltajiet tar-refuġjati, li jiġi regolarizzat l-istatus tagħhom u li dawn jingħaqdu ma’ network usa’ ta’ servizzi pubbliċi u tan-NU/NGOs. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-għajnuna baqgħet iffukata fuq l-aktar gruppi vulnerabbli (eż. ħaddiema migranti agrikoli staġunali, gruppi ewlenin għar-refuġjati 26 , eċċ). Barra minn hekk, il-proġetti ffinanzjati permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE b’reazzjoni għall-Kriżi Sirjana kienu jinkludu għajnuna liċ-ċentri komunitarji li jilqgħu lir-refuġjati u jirreferu aktar lir-refuġjati vulnerabbli għal servizzi adegwati.

Taħt il-fergħa tal-iżvilupp tal-Faċilità, kompliet l-implimentazzjoni ta’ għotja diretta lill-Ministeru għall-Familja u s-Servizzi Soċjali ta’ EUR 20 miljun. Dan il-proġett għandu l-għan li jżid l-aċċess għal segmenti vulnerabbli kemm tal-popolazzjoni Torka kif ukoll tar-refuġjati għal servizzi soċjali ta’ kwalità kif ukoll il-kapaċità tal-Ministeru li jipprovdi servizzi soċjali integrati u ta’ kwalità.

Saħħa

Ġie allokat total ta’ EUR 1,05 biljun għall-appoġġ tal-kura tas-saħħa taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati.

Il-pilastru ewlieni tal-finanzjament tal-Faċilità huwa l-għoti ta’ appoġġ lis-saħħa tal-migranti magħruf bħala SIHHAT, proġett iffinanzjat minn tliet allokazzjonijiet konsekuttivi: EUR 300 miljun fl-2016, EUR 210 miljun fl-2020 u EUR 210 miljun fl-2023. SIHHAT jappoġġa lill-Ministeru tas-Saħħa Tork fl-isforzi tiegħu biex jipprovdi aċċess mingħajr ħlas u ekwu għall-kura tas-saħħa lir-refuġjati kollha. Total ta’ 176 ċentru tas-saħħa tal-migranti u 9 unitajiet tas-saħħa f’kontejners kienu qegħdin joperaw fi 32 provinċja u madwar 3 500 membru tal-persunal tal-kura tas-saħħa kienu qegħdin jaħdmu f’faċilitajiet appoġġati mill-UE, li aktar minn 75 % minnhom huma ta’ oriġini Sirjana. Minħabba t-terremoti, kien hemm telf fil-persunal tal-kura tas-saħħa u 17-il ċentru ġarrbu ħsara; is-servizzi tagħhom ġew trasferiti lejn unitajiet tas-saħħa f’kontejners temporanji. L-implimentazzjoni ta’ SIHHAT II ntemmet f’nofs l-2024. SIHHAT III jiżgura li s-servizzi tal-kura tas-saħħa tar-refuġjati jkomplu b’appoġġ addizzjonali tal-UE li jammonta għal EUR 210 miljun fl-2023, u EUR 50 miljun fl-2024.

Iż-żewġ sptarijiet iffinanzjati mill-Faċilità – Dörtyol/Hatay u Kilis – ilhom kompletament operattivi mill-2022 u pprovdew servizzi tal-kura tas-saħħa kruċjali wara t-terremoti tal-2023, meta l-kapaċità taż-żewġ sptarijiet żdiedet għal 400 sodda. Barra minn hekk, il-Faċilità tkompli tibni u tirrinnova ċentri tas-saħħa tal-migranti, takkwista tagħmir mediku,

settijiet tal-maternità u tal-iġjene, u r-rinnovazzjoni tal-unitajiet tal-fiżjoterapija u tar-riabilitazzjoni, bħala komplement għal SIHHAT. Fl-2024, beda il-bini ta’ tmien ċentri tas-saħħa u ġew akkwistati 113-il oġġett ta’ apparat mediku għall-benefiċċju ta’ aktar minn 40 sptar.

F’termini ta’ appoġġ umanitarju, żewġ ċentri ta’ riabilitazzjoni fiżika f’Kilis u Reyhanli/Hatay għadhom joperaw u jipprovdu servizzi bħall-fiżjoterapija, appoġġ għas-saħħa mentali u psikosoċjali għar-refuġjati b’diżabbiltà u vulnerabbiltajiet oħra.

Infrastruttura muniċipali

Total ta’ EUR 509 miljun ġew allokati għall-appoġġ tal-infrastruttura muniċipali taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati.

Il-Faċilità tappoġġa diversi muniċipalitajiet billi tipprovdi servizzi muniċipali essenzjali, inklużi l-provvista tal-ilma, is-sanità u l-immaniġġjar tal-iskart solidu. Tappoġġa wkoll l-infrastruttura lokali billi tipprovdi servizzi ta’ rikreazzjoni. Fir-rigward tal-faċilitajiet rikreattivi, tlestew 12-il faċilità (kampijiet tal-futbol u tat-tennis) filwaqt li bħalissa qegħdin jinbnew 10 kumplessi sportivi. Il-bini ta’ proġetti tal-ilma u tal-ilma mormi fil-provinċji ta’ Kilis, Șanlıurfa, Gaziantep, Mersin, Mardin, Adıyaman, Malatya u Hatay għadu għaddej.  

Fl-2023 u fl-2024 tħejjew kuntratti ta’ infrastruttura muniċipali addizzjonali. L-għan tagħhom huwa li jippermettu t-tkomplija ta’ proġett li għandu l-għan li jsaħħaħ liż-żgħażagħ vulnerabbli billi jipprovdi infrastruttura għall-isport u għaż-żgħażagħ inklużiva, kif ukoll il-kontinwazzjoni ta’ proġett li għandu l-għan li jwassal għar-riabilitazzjoni tas-sistemi tal-provvista tal-ilma u tal-ilma mormi.

Kuntratt ieħor f’dan il-qasam prijoritarju ġie ffirmat fl-2024 mal-Ministeru Tork għall-Ambjent, l-Urbanizzazzjoni, u t-Tibdil fil-Klima biex jgħin fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-proġetti infrastrutturali muniċipali li għalihom is-self minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali se jiġi ffaċilitat permezz ta’ Ilbank.

Bżonnijiet bażiċi u appoġġ soċjoekonomiku

Ġie allokat total ta’ EUR 4 biljun għall-bżonnijiet bażiċi u l-appoġġ soċjoekonomiku taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati.

L-interventi f’dan il-qasam prijoritarju għandhom l-għan li jgħinu biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi tal-aktar refuġjati vulnerabbli u jsaħħu r-reżiljenza u l-awtodipendenza tar-refuġjati. Dan għandu jippermetti tranżizzjoni gradwali mid-dipendenza fuq l-għajnuna soċjali għal aktar opportunitajiet ta’ awtodipendenza u ta’ għajxien.

Taħt l-assistenza għall-bżonnijiet bażiċi tal-Faċilità, aktar minn 2,6 miljun refuġjat irċevew appoġġ dirett li jippermettilhom jgħixu b’dinjità. Sa Lulju 2023, il-biċċa l-kbira tal-appoġġ kien ipprovdut permezz tax-Xibka ta’ Sikurezza Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN, Emergency Social Safety Net), programm ta’ għajnuna soċjali li jagħti għajnuna fi flus kull xahar permezz ta’ sistema ta’ kards ta’ debitu lil aktar minn 1,6 miljun refuġjat benefiċjarju.

Taħt it-tieni segment tal-Faċilità, tlestiet l-implimentazzjoni tal-għotja diretta ta’ EUR 245 miljun mal-Ministeru għall-Familja u s-Servizzi Soċjali. Din l-għotja ppermettiet l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju ta’ kull xahar komparabbli mal-għajnuna soċjali pprovduta lil individwi vulnerabbli taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Torka, jiġifieri l-ESSN Komplementari (C-ESSN, Complementary Emergency Social Safety Net). Il-proġett twettaq b’mod parallel mal-ESSN u pprovda appoġġ lil unitajiet domestiċi b’ġenituri waħedhom, persuni akbar fl-età u persuni b’diżabbiltà (inkluż b’diżabbiltajiet severi). Fl-2024, il-kontinwità tal-programmi C-ESSN u ESSN 27 ġiet żgurata permezz tal-appoġġ addizzjonali ta’ EUR 3 biljun għar-refuġjati mmobilizzat għall-2021-2023 28 barra mill-qafas tal-Faċilità. Iż-żewġ programmi minn dak iż-żmien ’l hawn ġew amalgamati f’kuntratt wieħed. F’Lulju 2023, ġie ffirmat dan il-programm il-ġdid ta’ għajnuna fi flus “Xibka ta’ Sikurezza Soċjali għar-Refuġjati fit-Turkija (SSN, Social Safety Net)” (EUR 781 miljun) mal-Ministeru għall-Familja u s-Servizzi Soċjali. Dan l-intervent ikkaratterizza t-tranżizzjoni tal-ESSN mill-għajnuna umanitarja għall-għajnuna għall-iżvilupp fit-tul, filwaqt li d-DĠ ECHO ma għadux involut fil-ġestjoni tal-programm. Il-programm kurrenti (SSN) jappoġġa lil ftit aktar minn 1,4 miljun refuġjat biex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi ta’ kuljum tagħhom.

Għadu jingħata appoġġ soċjoekonomiku addizzjonali lir-refuġjati biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol. L-istrateġija tal-UE f’dan il-qasam prijoritarju tkopri kemm in-naħa tal-provvista kif ukoll dik tad-domanda tas-suq tax-xogħol. It-tipi ewlenin ta’ appoġġ jinkludu l-edukazzjoni u t-taħriġ tekniċi u vokazzjonali; korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali għal żmien qasir inkluż taħriġ fuq il-post tax-xogħol, taħriġ fil-ħiliet personali, servizzi ta’ konsulenza u appoġġ għall-impjiegi u vokazzjonali kif ukoll appoġġ għall-permessi tax-xogħol. Fir-rigward ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-iżvilupp tal-ħiliet vokazzjonali għal perjodu ta’ żmien qasir, ġew irreġistrati 11 779 parteċipant f’korsijiet ta’ taħriġ għall-iżvilupp tal-ħiliet vokazzjonali fuq perjodu ta’ 6 xhur fl-2024, u dan wassal biex l-għadd kumulattiv ta’ benefiċjarji jkun ta’ 83 789, li minnhom 51 % kienu rġiel. Barra minn hekk, id-data miġbura minn tliet proġetti fl-istess perjodu rrapportat żieda ta’ 8 584 impjieg ġdid maħluqa minn intrapriżi stabbiliti jew estiżi bl-appoġġ għar-refuġjati tal-UE, li ġab it-total għal 15 004 impjiegi.

It-tieni fergħa ewlenija tal-programm tiffoka fuq l-istabbiliment ta’ negozji ġodda u l-espansjoni ta’ dawk eżistenti permezz ta’ appoġġ materjali u mhux materjali biex jittejjeb il-ħolqien tal-impjiegi formali. Il-proġetti l-Appoġġ għall-Impjiegi u l-Appoġġ għat-Tranżizzjoni lejn is-Suq tax-Xogħol (ISDEP I u ISDEP II), implimentati f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Torka għall-Impjiegi (İŞKUR) flimkien mad-Direttorat Ġenerali tal-Forza tax-Xogħol Internazzjonali (DĠ ILF) tal-Ministeru għax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali, jiffokaw fuq iż-żieda fl-impjiegi formali tar-refuġjati u tal-membri tal-komunitajiet ospitanti. L-ISDEP I tlesta b’suċċess fl-2024. Għotjiet lill-imprendituri, inkluż taħriġ fl-intraprenditorija, kif ukoll appoġġ materjali u mhux materjali kemm lir-refuġjati kif ukoll lill-komunitajiet ospitanti biex jinħolqu impjiegi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Industrija Żgħira u ta’ daqs Medju tat-Turkija (KOSGEB) u lill-Bank Tork għall-Iżvilupp u l-Investiment (TKYB).

It-proġetti tat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet tal-Intraprenditorija għall-Integrazzjoni Soċjoekonomika Sostenibbli (ENHANCER, Enhancement of Entrepreneurship Capacities for Sustainable Socio-Economic Integration) u l-Intraprenditorija Soċjali, it-Tisħiħ tal-Pożizzjoni u l-Koeżjoni fil-Komunitajiet tar-Refuġjati u Ospitanti fit-Turkija għandhom l-istess objettiv u jiġu implimentati f’kooperazzjoni mal-Ministeru għall-Industrija u t-Teknoloġija. Qegħdin isiru proġetti addizzjonali fl-oqsma tal-impjiegi agrikoli, tat-taħriġ vokazzjonali u tal-apprendistati. Fl-2024 ġew iffirmati aktar kuntratti ta’ appoġġ soċjoekonomiku. Dawn jinkludu kuntratti li għandhom l-għan li jtejbu l-għajxien sostenibbli u l-impjiegi formali għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti f’żoni milquta mit-terremoti ta’ Frar 2023.

Ġestjoni tal-migrazzjoni

Ġie allokat total ta’ EUR 878 miljun għall-appoġġ tal-ġestjoni tal-migrazzjoni taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati 29 .

Żewġ proġetti ffinanzjati taħt l-ewwel segment għal total ta’ EUR 80 miljun tlestew. L-ewwel proġett ipprovda appoġġ mill-UE biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ tiftix u salvataġġ tal-gwardja tal-kosta Torka, u t-tieni kellu l-għan li jappoġġa lill-Presidenza tat-Turkija għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni 30 fil-ġestjoni tagħha tar-ritorni mill-UE.

Fl-2024, tliet proġetti li jammontaw għal EUR 30 miljun taħt appoġġ addizzjonali għar-refuġjati komplew jiġu implimentati sabiex: i) tissaħħaħ il-kapaċità tal-Presidenza tat-Turkija għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni biex tiġġieled il-migrazzjoni irregolari; ii) tittejjeb il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-aġenziji tal-ġestjoni tal-fruntieri fl-ajruporti; u iii) ikompli jiġi pprovdut appoġġ operazzjonali għall-ġestjoni taċ-ċentri ta’ tneħħija.

Kuntratt ta’ EUR 220 miljun iffirmat f’Diċembru 2023 ilu jiġi implimentat mill-2024. Dan għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri fil-fruntiera tal-Lvant u tax-Xlokk tat-Turkija. Fl-2024, taħt appoġġ addizzjonali għar-refuġjati, ġew allokati EUR 398 miljun oħra biex jappoġġaw il-kapaċità tal-migrazzjoni u tal-ġestjoni tal-fruntieri tat-Turkija. L-enfasi ta’ dan il-finanzjament hija fuq: i) ir-ritorn volontarju lejn il-pajjiżi ta’ oriġini; ii) it-tisħiħ tal-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali u temporanja; iii) il-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti; iv) is-sigurtà fil-fruntieri tal-art u tal-baħar; u l-migrazzjoni regolari. Dan kien jinkludi wkoll żieda ta’ EUR 50 miljun li ġiet allokata għall-proġett ta’ ġestjoni tal-fruntieri msemmi hawn fuq.

Aspetti relatati mal-ġeneru fil-proġetti taħt il-Faċilità

Il-pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri III “Flimkien lejn dinja b’ugwaljanza bejn il-ġeneri 2021-2025” ikompli jiggwida l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt il-Faċilità. Il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem għan-nisa u għall-bniet fid-diversità kollha tagħhom, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet baqgħu prijoritajiet fl-2024. Il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ġeneru ġew integrati fil-proġetti kollha tal-Faċilità u ġew immonitorjati kontinwament permezz ta’ data diżaggregata (76 indikatur).

Il-Faċilità tat spinta sinifikanti lill-impjegabbiltà tan-nisa, b’aktar minn 26 000 li lestew taħriġ fil-ħiliet vokazzjonali għal żmien qasir, madwar 40 000 li bbenefikaw minn servizzi ta’ konsulenza dwar l-impjiegi, u 500 negozju b’sidien nisa li rċevew appoġġ konsultattiv jew finanzjarju. Il-Faċilità pprovdiet korsijiet tal-lingwa Torka lin-nisa refuġjati, li lestewhom b’eżitu pożittiv madwar 25 000 refuġjata adulta u 20 000 studenta. Barra minn hekk, madwar 55 000 tifla refuġjata attendew edukazzjoni preprimarja li saret possibbli bis-saħħa tal-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità, bi 15 000 studenta nisa jirċievu boroż ta’ studju edukattivi. B’mod partikolari, kważi 50 % tal-għalliema u tal-persunal edukattiv imqabbda mill-Faċilità huma nisa. Il-programmi ta’ trasferiment ta’ flus huma ta’ benefiċċju ugwali għal aktar minn miljun mara refuġjata, u bi trasferimenti regolari ta’ riżorsi mingħajr kundizzjonijiet. Barra minn hekk, madwar 400 000 familja ta’ studenti nisa rċevew flus kondizzjonali għall-appoġġ edukattiv. B’mod separat mill-programmi ta’ trasferiment ta’ flus, madwar 500 000 mara refuġjata rċevew servizzi ta’ riferiment għal protezzjoni, filwaqt li madwar 550 000 mara refuġjata bbenefikaw minn servizzi ta’ protezzjoni permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-Faċilità.

5.Monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar

Fl-2024, ir-rapportar dwar il-kisbiet tal-Faċilità kompla jkun ibbażat fuq il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità 31 u t-Teorija tal-Bidla 32 . It-13-il rapport ta’ monitoraġġ tal-Faċilità ġie ppubblikat f’Diċembru 2024 u jista’ jiġi aċċessat fuq is-sit web tad-DĠ ENEST 33 .

Fi tmiem l-2024, il-Kummissjoni ffirmat kuntratt ġdid biex tiżgura t-tkomplija tas-sistema ta’ monitoraġġ u ġestjoni tad-data tal-Faċilità kif stabbilita taħt l-ewwel kuntratt ta’ assistenza teknika (SUMAR) 34 . Il-kuntratt oriġinali ta’ SUMAF 35 intemm f’Diċembru; dan irrapporta 127 missjoni ta’ monitoraġġ (li jkopru erba’ missjonijiet ad hoc), 53 kontroll fuq il-post u 112-il missjoni ta’ monitoraġġ 36 .

F’Mejju 2024, il-Kummissjoni ffirmat kuntratt qafas għall-evalwazzjoni finali tal-Faċilità. Wara l-evalwazzjoni strateġika ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità tal-2021, l-evalwazzjoni finali għandha tiffoka fuq it-tieni segment tal-Faċilità u għandha titlesta fi tmiem l-2025, li tikkaratterizza l-konklużjoni tal-Faċilità.

F’April 2024, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ħarġet it-tieni awditu tal-prestazzjoni tagħha tal-Faċilità. Ir-rapport tal-awditjar, inklużi s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, u t-tweġibiet tal-Kummissjoni, ġie ppubblikati fl-24 ta’ April 2024 u huwa disponibbli online 37 . Rakkomandazzjoni ewlenija mill-Qorti kienet li l-Kummissjoni ttejjeb il-mod kif jitkejjel l-impatt tal-proġetti tal-Faċilità, u li tibda diskussjoni mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet Torok dwar kif għandha tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom.

6.Komunikazzjoni u viżibbiltà 

Fl-2024, l-attivitajiet komplew isaħħu l-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-Faċilità u jgħollu l-profil tal-UE fl-għajnuna lit-Turkija biex tospita l-popolazzjoni tar-refuġjati. Minħabba ż-żieda qawwija fir-retorika uffiċjali negattiva u fis-sentiment pubbliku fil-konfront tar-refuġjati matul dan il-perjodu, l-attivitajiet kienu ffukati fuq l-għajnuna tal-UE lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti wara t-terremoti ta’ Frar 2023. Fost l-eżempji nsibu: i) vjaġġ tal-ġurnalisti fl-aħħar ta’ Jannar 2024; ii) diversi stejjer ta’ suċċess u vidjows; iii) avveniment, pubblikazzjoni, vidjow u album tar-ritratti “Aktar b’Saħħitna Flimkien” dwar ir-rwol tal-ħaddiema ta’ salvataġġ tal-UE fl-għajnuna lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fi Frar 2023, organizzati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE f’Ankara; u iv) viżibbiltà għolja taż-żjara mill-Kummissarju Ferreira fl-aħħar ta’ April 2024.

7.Konklużjoni u l-passi li jmiss

Il-Faċilità kompliet tiġi implimentata fl-2024. Il-baġit operazzjonali sħiħ tal-Faċilità ġie kkuntrattat sa tmiem l-2020, u EUR 5,7 biljun żborżati sa tmiem l-2024. Il-Faċilità kompliet tipprovdi għajnuna tant meħtieġa lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. L-għajnuna addizzjonali għar-refuġjati allokata għall-2020-2024 għandha l-għan li tiżgura s-sostenibbiltà tal-kisbiet tal-Faċilità.

Il-passi li jmiss jinkludu:

·it-tkomplija tal-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti tal-Faċilità kollha għall-benefiċċju tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti, f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

·it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni relatati mal-Faċilità;

·l-organizzazzjoni ta’ Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità finali fl-2025;

·l-ipprogrammar ta’ appoġġ addizzjonali għall-2025-2027 għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti fit-Turkija biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-kisbiet tal-Faċilità.

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni – il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija.

(2)

  https://enlargement.ec.europa.eu/document/download/9dc8736f-c734-48be-8678-aca919a6a1bf_en .  

(3)

  https://en.goc.gov.tr/irregular-migration .

(4)

Karatteristika speċifika tas-sistema tal-ażil tat-Turkija hija marbuta mal-fatt li l-pajjiż iffirma l-Protokoll ta’ New York tal-1967 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 b’riżerva. Għaldaqstant, il-maġġoranza l-kbira tar-refuġjati fit-Turkija ma jistgħux japplikaw għal status ta’ refuġjat sħiħ iżda biss għal status ta’ “Refuġjat Kondizzjonali”, li jekk jingħata, jillimita l-permanenza fil-pajjiż sal-mument li refuġjat rikonoxxut jiġi “risistemat f’pajjiż terz”.

(5)

Fid-29 ta’ Jannar 2025, il-Ministeru Tork għall-Intern ħabbar li mid-9 ta’ Diċembru 2024, 81 576 refuġjat kienu rritornaw lejn is-Sirja. Barra minn hekk, f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-UNHCR, huwa kkonferma li l-President Erdoğan approva żjarat ta’ osservazzjoni għas-Sirjani mit-Turkija mill-1 ta’ Jannar sal-1 ta’ Lulju 2025. F’dan il-perjodu ta’ 6 xhur, kap maħtur tal-familja se jkun jista’ jidħol/joħroġ mill-pajjiż tliet darbiet mingħajr ma jitlef l-istatus ta’ protezzjoni temporanja tiegħu.

(6)

  http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/ .  

(7)

Bejn Jannar u Diċembru 2024, waslu 65 574 migrant irregolari fl-UE mit-Turkija meta mqabbla ma’ 57 597 wasla matul l-istess perjodu fl-2023 – żieda ta’ 14 %. B’kollox, fl-2024, il-wasliet irregolari bil-baħar fil-Greċja żdiedu b’31 % meta mqabbla mal-2023. Il-wasliet fil-Greċja bl-art żdiedu b’ammont ħafna anqas bi 2 %. Fl-istess ħin, l-għadd ta’ wasliet f’Ċipru permezz tal-Linja l-Ħadra naqas bi 42 % bejn Jannar u Diċembru 2024, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023. Barra minn hekk, bejn Jannar u Frar 2025, fl-UE waslu 4 537 migrant irregolari mit-Turkija meta mqabbla ma’ 7 426 wasla matul l-istess perjodu fl-2024 – żieda ta’ 39 %. Ir-rotta migratorja mit-Turkija lejn l-Italja naqset b’mod sinifikanti fl-2024 b’madwar 3 366 wasla, u dan jagħmel it-Turkija l-oriġini ta’ 5 % tal-każijiet ta’ qsim irregolari tal-fruntiera lejn l-Italja. Fl-2015, qabel id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, il-wasliet irregolari mir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran kienu 885 386.

(8)

Dħul estern skont l-Artikolu 21(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p.1) għall-kontribuzzjonijiet fl-2016 u sal-1 ta’ Awwissu 2018 u skont l-Artikolu 21(2)(a)(ii) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(9)

  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11329-2018-INIT/en/pdf

(10)

  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/ .

(11)

Dawn it-EUR 3 biljun saru disponibbli flimkien ma’ EUR 345 miljun li l-Kummissjoni diġà allokat lit-Turkija b’reazzjoni għall-kriżi tar-refuġjati Sirjani qabel it-tnedija tal-Faċilità u kienu addizzjonali għall-għajnuna bilaterali tal-Istati Membri.

(12)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015, l-Artikolu 2 – L-Għanijiet tal-Faċilità.

(13)

Ara l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 855.

(14)

Il-kontribuzzjonijiet tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) ġew ittrasferiti u implimentati rispettivament bis-saħħa tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u l-Fond Fiduċjarju tal-UE. Fil-prinċipju, il-kontribuzzjonijiet kollha tal-Faċilità għall-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana (mill-IPA u sa ċertu punt anqas mid-DCI) ġew implimentati bħala għajnuna mhux umanitarja.

(15)

  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2018/06/29/facility-for-refugees-in-turkey-member-states-agree-details-of-additional-funding/ .  

(16)

Il-bilanċ ta’ EUR 60 miljun huwa allokat għall-appoġġ amministrattiv u operazzjonali pprovdut għall-implimentazzjoni tal-Faċilità.

(17)

  https://neighbourhood-enlargement.ec.europa.eu/enlargement-policy/turkiye/eu-support-refugees-turkiye_mt .  

(18)

Total ta’ EUR 352 miljun ġew allokati għall-protezzjoni taħt il-Faċilità, primarjament permezz ta’ għajnuna umanitarja. L-attivitajiet kienu jinkludu r-reġistrazzjoni u l-verifika tar-refuġjati, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-Presidenza tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni tat-Turkija, u interventi ta’ protezzjoni mmirati għal gruppi vulnerabbli. Il-protezzjoni ġiet integrata wkoll fil-bżonnijiet bażiċi, fis-saħħa u fl-edukazzjoni.

(19)

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

(20)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja.

(21)

L-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq pjanijiet ta’ implimentazzjoni umanitarji annwali speċifiċi għall-pajjiżi. Il-qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sħab tagħha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja huwa stabbilit bil-Ftehimiet Qafas Finanzjarji u Amministrattivi tal-Kummissjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u bil-Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija ma’ organizzazzjonijiet nongovernattivi.

(22)

Il-fondi mill-IPA taħt il-Faċilità huma ġestiti skont ir-regoli għall-azzjoni esterna li jinsabu fit-Titolu IV tat-tieni parti tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Applikazzjoni tiegħu.

(23)

Din iċ-ċifra tinkludi wkoll l-iżborżi taħt proġetti implimentati mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana, iżda li għadhom ma ġewx iddebitati lill-baġit tal-UE.

(24)

  https://enlargement.ec.europa.eu/enlargement-policy/turkiye/eu-support-refugees-turkiye_mt  

(25)

Il-Promozzjoni tal-Edukazzjoni Inklużiva għat-Tfal fis-Sistema Edukattiva Torka (PIKTES+).

(26)

Dawn jinkludu refuġjati li jgħixu fl-aktar provinċji milquta mit-terremoti tal-2023, u gruppi ta’ refuġjati u migranti vulnerabbli bi ħtiġijiet ta’ protezzjoni speċifiċi (eż. unitajiet domestiċi b’ġenitur wieħed, persuni b’diżabbiltà, superstiti ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, LGBTIQ+), inklużi madwar 300 000 tifel u tifla barra mill-iskola.

(27)

Huwa ppjanat li l-fażi li jmiss tal-programm ESSN se jieħu ħsiebha d-DĠ ENEST.

(28)

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Jannar 2022 dwar il-finanzjament tal-miżura individwali għall-konsenja tal-appoġġ fi flus kontanti lill-aktar refuġjati vulnerabbli fit-Turkija għall-2022 u l-2023 (C(2022) 7822) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2022 dwar il-finanzjament tal-miżura individwali biex tkompli l-appoġġ għall-bżonnijiet bażiċi u t-tranżizzjoni għall-opportunitajiet tal-għajxien għar-refuġjati fit-Turkija fl-2022 (C(2022) 8887).

(29)

Dan jeskludi EUR 150 miljun allokati taħt l-istrumenti ta’ HOME.

(30)

Dak iż-żmien imsejħa d-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (DGMM, Directorate-General for Migration Management).

(31)

  https://neighbourhood-enlargement.ec.europa.eu/document/download/23babb53-e316-4361-b373-78f0ce1d663e_en?filename=EU%20support%20to%20Refugees%20in%20TR_Results%20Framework.pdf  

(32)

  https://neighbourhood-enlargement.ec.europa.eu/document/download/99c1bfa3-1853-42ff-ae3b-59622f7bdab1_en?filename=EU%20support%20to%20refugees%20in%20TR_Theory%20of%20Change%202024.pdf  

(33)

  https://enlargement.ec.europa.eu/enlargement-policy/turkiye/eu-support-refugees-turkiye_mt  

(34)

Assistenza Teknika għall-Monitoraġġ tal-Prestazzjoni tal-Appoġġ tal-UE għar-Refuġjati fit-Turkija – IPA/2024/461-735.

(35)

Assistenza Teknika għall-Appoġġ tal-Monitoraġġ tal-Azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija – IPA/2021/429-105 (Addendum VI għall-Kuntratt IPA/2018/393-877).

(36)

Ċifri kumulattivi mill-2017.

(37)

  https://www.eca.europa.eu/ECAPublications/SR-2024-06/SR-2024-06_MT.pdf