Brussell, 17.12.2024

COM(2024) 572 final

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Qorti tal-Awdituri

Evalwazzjoni interim skont ir-Regolament (UE) 2021/785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 250/2014




{SWD(2024) 279 final}


1.Introduzzjoni

Il-frodi u l-attivitajiet illegali relatati jista’ jkollhom impatt detrimentali serju fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (UE) u tal-Istati Membri tagħha. Din il-problema hija aktar urġenti peress li l-baġit totali tal-UE taħt il-baġit pluriennali tagħha għall-2021–2027 (“QFP”) kiber għal volum bla preċedent ta’ madwar EUR 1,8 triljun, parzjalment b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19. L-infiq effiċjenti u xieraq tal-baġit tal-UE, anke fl-Istati Membri, huwa kruċjali biex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku u tal-kontribwenti. Min-naħa l-oħra, prevalenza għolja ta’ frodi tista’ toħnoq it-tkabbir ekonomiku u timmina l-irkupru ekonomiku usa’. Għalhekk, it-titjib tad-difiżi konġunti tagħna kontra l-frodi, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, għandu rwol importanti fit-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE fi żminijiet partikolarment inċerti.

Skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), l-Istati Membri u l-UE għandhom obbligu konġunt li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. F’dawn l-aħħar 10 snin, ix-xenarju tal-ġlieda kontra l-frodi għadda minn bidliet kbar fil-livell tal-UE:

·bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali ( 1 ) fl-2017;

·it-tnedija ta’ attivitajiet operazzjonali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) f’Ġunju 2021; u

·ir-reviżjoni fl-2020 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013( 2 ) (“ir-Regolament dwar l-OLAF”) biex tissaħħaħ l-effettività tal-investigazzjonijiet amministrattivi mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF, European Anti-Fraud Office)  ( 3 ).

Hemm rikonoxximent ġenerali li l-UE għandha tappoġġa lill-Istati Membri fil-ħidma tagħhom sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha. Wara kollox, il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet jiġu identifikati, investigati u mħarrka fil-livell nazzjonali.

Bħall-predeċessur tiegħu, il-programm Hercule III, il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi (UAFP, Union Anti-Fraud Programme) jipprovdi finanzjament immirat kontra l-frodi lill-benefiċjarji eliġibbli mill-Istati Membri u mill-pajjiżi assoċjati.

2.Il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi

Il-UAFP huwa l-istrument ta’ finanzjament ewlieni tal-UE ddedikat għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE mill-frodi, mill-korruzzjoni jew minn kwalunkwe irregolarità oħra.

Ir-Regolament UAFP jistabbilixxi l-objettivi tal-programm li ġejjin:

“1. L-objettivi ġenerali tal-Programm huma li:

(a) jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b) jappoġġja l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli.

2. L-objettivi speċifiċi tal-Programm huma li:

(a) jipprevjeni u jiġġieled kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b) jappoġġja r-rappurtar ta’ irregolaritajiet, inkluż il-frodi, fir-rigward tal-fondi b’ġestjoni kondiviża u l-fondi ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-baġit tal-Unjoni;

(c) jipprovdi għodod għall-iskambju ta’ informazzjoni u appoġġ għal attivitajiet operazzjonali fil-qasam tal-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali u agrikoli.”

L-Artikolu 13 tar-Regolament UAFP jagħti mandat lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni interim tal-programm:

“2. L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha ssir ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara li tibda l-implimentazzjoni tal-Programm.

(…)

4. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Qorti tal-Awdituri, u għandha tippubblikahom fuq is-sit web tal-Kummissjoni.”

L-iskadenza ta’ 4 snin wara l-bidu tal-programm tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.

Matul it-tħejjijiet għall-baġit pluriennali attwali, ġew analizzati l-irregolaritajiet u l-każijiet ta’ frodi suspettati identifikati matul l-implimentazzjoni tal-baġit u rrappurtati mill-Istati Membri ( 4 ) skont l-Artikolu 325(5) tat-TFUE. Dan żvela li matul is-snin l-impatt finanzjarju detrimentali baqa’ għoli biżżejjed biex l-UE tkompli tinforza l-obbligu tagħha li tipproteġi l-baġit tal-UE permezz ta’ programm bħall-UAFP.

Il-programm qed jiġi implimentat abbażi ta’ deċiżjonijiet ta’ finanzjament annwali u programmi ta’ ħidma adottati mill-Kummissjoni. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament UAFP stabbilixxa l-baġit disponibbli tal-UAFP għall-QFP 2021–2027 għal EUR 181,2 miljun.

Skont ir-Regolament UAFP, il-programm irid jiġi implimentat, fil-prinċipju, b’ġestjoni diretta, skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046( 5 ) (“ir-Regolament Finanzjarju”), jew (eċċezzjonalment) f’ġestjoni indiretta ma’ korp ieħor imsemmi fl-Artikolu 62(1), il-punt (c) tar-Regolament Finanzjarju (eż. organizzazzjoni internazzjonali).

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament UAFP, il-programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, għotjiet u akkwist, kif ukoll ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, kif previst fl-Artikolu 238 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programm jista’ jipprovdi finanzjament għall-attivitajiet imwettqa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 ( 6 ), b’mod partikolari, biex ikopri t-tipi ta’ spejjeż imsemmija fil-lista indikattiva fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament UAFP, fejn l-attività appoġġata tinvolvi x-xiri ta’ tagħmir, il-Kummissjoni hija meħtieġa, jekk ikun xieraq, tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni biex tiżgura l-effiċjenza u l-interoperabbiltà bejn it-tagħmir kollu mixtri bl-appoġġ ta’ programmi (oħrajn) tal-UE (eż. permezz tal-Istrument għat-Tagħmir ta’ Kontroll Doganali (CCEI, Customs Control Equipment Instrument) tad-DĠ TAXUD).

L-għotjiet mogħtija taħt il-programm jistgħu jkopru sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u debitament sostanzjati, jekk il-proġett propost ikun “azzjoni prijoritarja’ (skont il-programm ta’ ħidma annwali rilevanti), dan il-perċentwal jista’ jiżdied għall-massimu ta’ 90 % ( 7 ), taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt.

1)Għas-sejħa għall-assistenza teknika, il-perċentwal jista’ jiżdied meta:

(i) il-proposta tirrifletti s-sejbiet tar-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 325 tat-TFUE dwar il-ġlieda kontra l-frodi, b’mod partikolari, billi tidentifika sitwazzjonijiet li huma vulnerabbli u li huma l-akbar theddida għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; jew

(ii) il-proposta tirrifletti s-sejbiet tar-Rapport Speċjali 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-proċeduri ta’ importazzjoni ( 8 ).

2)Għas-sejħa għat-taħriġ, il-perċentwal jista’ jiżdied meta:

(i) proġetti mwettqa minn organizzazzjonijiet xjentifiċi u/jew ta’ riċerka jissodisfaw mill-inqas wieħed mill-kriterji (a) u (b) hawn taħt, flimkien mal-kriterju (c):

(a) il-proġett inħoloq speċifikament biex jippromwovi studji fil-liġi kriminali Ewropea; jew

(b) il-proġett jappoġġa l-ħolqien ta’ networks f’dan il-qasam; u

(c) dawn l-attivitajiet huma mmirati lejn il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; jew

(ii) il-proġetti ta’ taħriġ ikopru wieħed mill-każijiet eċċezzjonali elenkati għas-sejħa għall-assistenza teknika.

Il-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jistgħu jingħataw lil kwalunkwe entità legali li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas legali applikabbli. L-akkwist pubbliku jintuża għax-xiri ta’ aċċess għall-bażijiet tad-data, konferenzi ta’ finanzjament u taħriġ (speċjalizzat), u għall-iżvilupp ta’ għodod speċifiċi tal-IT.

Il-benefiċjarji eliġibbli tal-programm huma l-amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi assoċjati, il-korpi tar-riċerka, l-instituzzjonijiet tal-edukazzjoni u l-entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ li ġew stabbiliti fi Stat Membru u li ilhom joperaw hemmhekk għal mill-inqas sena, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali.

Fl-20 ta’ Marzu 2024, ġie ffirmat Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Ukrajna, li jagħmilha l-ewwel pajjiż mhux tal-UE li fformalizza l-parteċipazzjoni tiegħu fl-UAFP, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2023.

3.L-evalwazzjoni interim

Wara l-indikazzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13 tar-Regolament UAFP u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-evalwazzjoni interim tuża ħames kriterji biex tivvaluta l-programm:

·l-effettività tal-programm fil-kisba tal-objettivi u r-riżultati mistennija tiegħu, inkluża s-sostenibbiltà (durabbiltà) tat-tagħmir u tal-għodod akkwistati;

·l-użu effiċjenti tar-riżorsi (finanzjarji u umani);

·il-koerenza interna u esterna tal-programm ma’ oqsma oħra ta’ azzjoni tal-UE;

·ir-rilevanza tal-objettivi kollha tal-programm; u

·il-valur miżjud tal-UE tal-programm.

Il-perjodu kopert mill-evalwazzjoni huwa mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Lulju 2024. Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq is-sejbiet ta’ studju estern, iffinalizzat f’Mejju 2024 ( 9 ), li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Jannar 2024.

4.Il-metodoloġija tal-evalwazzjoni

Fit-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha primarjament fuq l-istudju msemmi hawn fuq. Hija bbażat ruħha wkoll fuq l-evalwazzjoni ex ante tal-2018 imwettqa bi tħejjija għall-proposta leġiżlattiva għall-programm UAFP, il-programmi ta’ ħidma annwali tal-UAFP, u l-ħarsiet ġenerali annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm, imħejjija mill-Kummissjoni u annessi mar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (“Rapporti PIF”).

Twaqqaf grupp interservizz ta’ tmexxija tad-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni biex jappoġġa l-proċess tal-evalwazzjoni.

L-ambitu tal-evalwazzjoni interim ikopri t-tliet komponenti tal-programm (il-parti “Hercule”, is-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (AFIS) u s-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS)), il-miżuri kollha ffinanzjati mill-programm, u l-ħidma ta’ tħejjija u ta’ implimentazzjoni mwettqa mill-partijiet ikkonċernati għal dawk il-miżuri. Dan ikopri wkoll l-applikazzjonijiet għal għotjiet tal-benefiċjarji potenzjali (taħt il-komponent “Hercule”) li ma rnexxewx wara l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proposta. Dan minħabba li, jew l-applikazzjonijiet eliġibbli ma ngħatawx għotja minħabba nuqqas ta’ fondi, jew l-applikazzjonijiet ma kinux eliġibbli peress li l-punteġġi tagħhom kienu taħt il-limitu minimu ta’ 60 %.

5.Sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni interim

B’mod ġenerali, abbażi tal-evidenza miġbura, l-evalwazzjoni sabet li, sa issa, l-programm laħaq b’suċċess l-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu. Filwaqt li tenniet il-fehmiet ta’ ħafna benefiċjarji, l-evalwazzjoni kkonkludiet ukoll li huwa meħtieġ li jinżamm programm ta’ finanzjament biex jappoġġahom fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. Il-benefiċjarji qiesu li r-riżultati miksuba u l-output kumplessiv tal-programm kienu fil-biċċa l-kbira akbar mill-investiment tal-ħin, tal-isforz u tal-ispejjeż meħtieġa għall-parteċipazzjoni. Il-parteċipanti qiesu wkoll li r-rikonoxximent u r-reputazzjoni mtejba li rriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm kienu assi siewi bħala valur miżjud mhux mistenni.

5.1.Effettività

Il-valutazzjoni tas-sorsi tad-data kollha disponibbli tindika li l-programm u l-attivitajiet tiegħu kienu effettivi. B’mod partikolari, f’dan l-istadju tal-implimentazzjoni tat-tliet komponenti tal-programm, l-attivitajiet appoġġati tejbu (jew setgħu jtejbu) il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi u attivitajiet illegali oħra li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-UE. It-tliet komponenti setgħu jtejbu wkoll il-kooperazzjoni tranżnazzjonali u multidixxiplinari. B’mod kumplessiv, meta mqabbla mal-linji bażi identifikati għal kull wieħed mill-komponenti, li jirreferu għall-indikaturi tal-prestazzjoni użati bejn l-2019 (Hercule III) u l-2022 (UAFP), l-effettività baqgħet l-istess jew tjiebet mill-bidu fl-2021.

L-evalwazzjoni finali ta’ Hercule III sabet aspetti li setgħu fixklu l-effettività tal-programm; b’mod partikolari, li l-amministrazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri ma kellhomx ir-riżorsi biex ikunu jistgħu jlaħħqu mar-rekwiżiti amministrattivi tal-programm. Madankollu, minkejja dan, l-għadd ta’ applikazzjonijiet f’dawn l-aħħar snin (mill-2022 sal-2024) li waslu għall-“komponent Hercule’ tal-UAFP (proposti ta’ assistenza teknika), irdoppja. Din iż-żieda sinifikanti turi li l-isforzi tal-Kummissjoni fl-2022 u fl-2023 biex torganizza sessjonijiet ta’ ħidma għall-benefiċjarji tal-passat u dawk potenzjali, kienu effettivi biex jagħtu spinta lis-sensibilizzazzjoni u lill-attraenza tal-opportunitajiet ta’ finanzjament. Din l-offerta akbar ta’ gwida wieġbet ukoll rakkomandazzjoni mill-evalwazzjoni tal-programm Hercule III fl-2021.

L-għoti ta’ informazzjoni lill-benefiċjarji potenzjali dwar is-sejħiet għal proposti b’mod aktar immirat jista’ jkompli jżid l-għadd ta’ applikanti, kif ukoll l-għadd ta’ Stati Membri li jipparteċipaw fil-programm, speċjalment minn pajjiżi li bħalissa jippreżentaw inqas applikazzjonijiet jew saħansitra l-ebda applikazzjoni.

Sessjonijiet ta’ informazzjoni mmirati li jinvolvu lill-Istati Membri li jirrapportaw għadd kbir ta’ każijiet ta’ frodi/irregolaritajiet tal-UE, jistgħu jagħtu spinta lir-rata ta’ parteċipazzjoni u jirriżultaw f’distribuzzjoni aktar uniformi tal-fondi fost l-Istati Membri. Madankollu, għandu jiġi nnotat li għal diversi raġunijiet (bħal, pereżempju, id-disponibbiltà ta’ fondi nazzjonali), xi pajjiżi jistgħu ma jkunux interessati jipparteċipaw fil-komponent tal-għotjiet tal-UAFP.

Il-kooperazzjoni tranżnazzjonali tista’ tittejjeb billi jiġu pprovduti inċentivi lill-benefiċjarji biex jistabbilixxu timijiet ta’ proġetti multinazzjonali u jinvolvu sħab minn Stati Membri oħra.

Fir-rigward tas-sostenibbiltà (durabbiltà), l-evalwazzjoni wriet li l-miżuri ffinanzjati mill-programm huma sostenibbli, jiġifieri pproduċew effetti li damu lil hinn mid-data tat-tmiem tal-proġett. L-istudju żvela li s-sostenibbiltà tal-assistenza teknika tiddependi min-natura u mill-ispejjeż tat-tagħmir mixtri. Il-benefiċjarji tat-taħriġ u tal-konferenzi indikaw li l-opportunitajiet ta’ networking, b’mod partikolari dawk li jinvolvu kollaborazzjoni transfruntiera, idumu lil hinn mid-durata tal-proġetti rispettivi.

Għall-kuntrarju tal-komponent Hercule, l-AFIS ma tipprovdix lill-applikanti b’appoġġ finanzjarju biex jiżviluppaw il-proġetti. L-objettiv ewlieni tiegħu huwa li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-frodi bejn l-amministrazzjonijiet rilevanti nazzjonali u dawk tal-UE. L-effettività tal-AFIS tista’ tiġi evalwata mill-output tagħha.

Indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-AFIS huwa l-għadd ta’ punti ta’ informazzjoni dwar l-assistenza reċiproka li saru disponibbli u l-għadd ta’ attivitajiet appoġġati relatati mal-assistenza reċiproka. Il-miri annwali għal dan l-indikatur inqabżu għall-perjodu 2021-2023.

L-indikatur ewlieni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-output tal-AFIS huwa l-livell ta’ sodisfazzjon tal-utenti tal-AFIS, kif imkejjel minn stħarriġ perjodiku tal-utenti. Ir-riżultati mill-aħħar stħarriġ (2023) ikkonfermaw li l-AFIS hija kapaċi tipprovdi għodod li jiffunzjonaw għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-attività tagħha.

Dan l-aħħar stħarriġ kien fih ukoll mistoqsijiet dwar il-funzjonalità u l-prestazzjoni tal-għodda tal-IMS. Ir-rata kombinata ta’ sodisfazzjon tal-utenti (bil-funzjonalità u l-prestazzjoni) tal-IMS kienet ta’ madwar 91 %. Dan jitqabbel b’mod favorevoli ħafna mar-riżultati tal-2019, fejn ir-rata ta’ sodisfazzjon tal-utenti kienet ta’ 72 %.

Fl-istess ħin, l-intervisti ma’ diversi maniġers tal-pajjiżi tal-IMS żvelaw ċerti oqsma li jridu jittejbu. Pereżempju, il-formoli ta’ rapportar fihom wisq kampijiet, li xi drabi għandhom deskrizzjonijiet konfużi.

Ta’ min jinnota li din ma hijiex purament kwistjoni tal-OLAF/IMS, iżda tirrifletti domanda “kumplessiva” akbar biex id-data tiġi rreġistrata, irrapportata u skambjata għal diversi skopijiet, inklużi r-responsabbiltà u t-traċċabbiltà.

Verżjoni ġdida tal-IMS ġiet varata fl-1 ta’ Ottubru 2024. L-IMS għaddiet minn titjib profond fit-teknoloġiji tal-ogħla livell, li għamlu s-sistema aktar effiċjenti, filwaqt li ħolqu l-kundizzjonijiet għal appoġġ aktar faċli u żvilupp effiċjenti tar-rekwiżiti futuri. Ħidma teknika ġiet ikkomplementata wkoll minn diversi titjibiet oħra: dehra u impressjoni moderna, navigazzjoni aktar faċli, għodda ta’ tiftix imtejba, statistika aħjar u manwali għall-utenti aġġornati.

Taħriġ dwar is-sistema ġdida u modernizzata huwa ppjanat sal-aħħar tal-2024 għall-utenti kollha tal-IMS fl-OLAF, fis-servizzi tal-Kummissjoni u fl-Istati Membri.

L-evalwazzjoni interim tal-UAFP sabet ukoll aspetti li setgħu fixklu l-effettività tal-programm. In-nuqqas ta’ riżorsi li diġà ssemma u l-inabbiltà sussegwenti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri li jlaħħqu mar-rekwiżiti amministrattivi tal-programm jistgħu jwasslu għal inqas applikazzjonijiet. It-tqegħid ta’ aktar gwida għad-dispożizzjoni tal-applikanti (“Hercule”) u tal-utenti (tal-għodda IMS) jista’ jkun kruċjali biex tiġi rrimedjata din il-kwistjoni.

5.2.Effiċjenza

B’mod kumplessiv, l-implimentazzjoni tal-ewwel komponent tal-programm ippermettiet lill-UE u lill-awtoritajiet investigattivi nazzjonali jużaw ir-riżorsi tagħhom b’mod aktar effiċjenti biex jiġġieldu b’mod effettiv ir-reati serji li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-proġetti ta’ assistenza teknika u taħriġ għadhom fi stadju ta’ implimentazzjoni, l-evalwazzjoni kienet kapaċi tidentifika l-oqsma ewlenin fejn l-għotjiet (ta’ Hercule) ikkontribwew għall-ġestjoni tal-ispejjeż u r-riżorsi b’mod aktar effiċjenti. Dawn jinkludu x-xiri ta’ tagħmir, il-ġbir ta’ data relatata mal-frodi, l-analiżi u l-iskambju, l-attivitajiet ta’ taħriġ, it-tiswir tar-relazzjonijiet u l-investigazzjonijiet.

Il-proċess attwali ta’ applikazzjoni huwa ferm aħjar milli kien taħt il-programm preċedenti u l-partijiet ikkonċernati jsibuh effiċjenti ħafna. Il-feedback u r-rakkomandazzjonijiet biex tiġi ssimplifikata l-proċedura ta’ applikazzjoni u biex tiġi pprovduta aktar gwida lill-applikanti, li ġew ipprovduti taħt l-evalwazzjoni finali tal-programm Hercule III, tqiesu fil-programm attwali, u dan irriżulta f’aktar applikazzjonijiet kull sena.

Il-biċċa l-kbira tal-applikanti sabu li l-gwida u l-istruzzjonijiet ipprovduti għat-tħejjija tal-applikazzjoni kienu ċari u faċilment disponibbli. Is-sejħa annwali għal proposti ppubblikati taħt kull programm ta’ ħidma annwali jipprovdu ħarsa ġenerali ċara lejn il-proposti eliġibbli għall-finanzjament u jippreżentaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà b’mod ċar. Is-sejħa hija akkumpanjata wkoll minn manwal online għat-tħejjija u s-sottomissjoni tal-proposti, li l-applikanti sabu faċli biex jintuża u intuwittiv.

Aktar faċilità tal-użu għall-utenti b’diżabilità, bħal dawk b’vista batuta, tista’ wkoll tagħmel il-proċess inqas intensiv fir-riżorsi għal xi applikanti.

Il-ftehim ta’ għotja joffri lill-benefiċjarji grad tajjeb ta’ flessibbiltà baġitarja. Din il-flessibbiltà żżid l-effiċjenza tal-proġetti, peress li tnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-maniġers tal-programmi tal-Kummissjoni (OLAF).

L-evalwazzjoni interim tal-ewwel komponent tal-UAFP (“Hercule”) sabet li l-benefiċjarji kienu ffrankaw xi spejjeż. Terz tal-benefiċjarji stmaw li dak l-iffrankar kien sinifikanti ħafna jew sinifikanti. Fir-rigward tal-komponent tekniku, il-benefiċjarji nnutaw li l-kapaċitajiet u l-kompetenzi mtejba tagħhom ippermettewlhom iwettqu operazzjonijiet b’mod aktar effiċjenti fil-pajjiżi tagħhom. Fattur importanti ieħor huwa li din iż-żieda fl-effiċjenza għandha effett akkumulattiv u hija wkoll ta’ benefiċċju għall-aġenziji sħab tal-UE. Għalhekk, il-parteċipanti tal-UAFP huma mgħammra aħjar biex iwieġbu għat-talbiet għall-assistenza reċiproka u għal investigazzjonijiet konġunti mal-aġenziji sħab tal-UE.

Din l-evalwazzjoni sabet li l-AFIS saret aktar effiċjenti. Pereżempju, mill-2021 offriet appoġġ tekniku għal xi għexieren ta’ operazzjonjiet doganali konġunti. L-utenti jipperċepixxu l-finanzjament tal-UAFP għall-IMS bħala użu effiċjenti tar-riżorsi. Madankollu, huwa diffiċli li tiġi vvalutata l-effiċjenza kumplessiva assoċjata mat-titjib li sar liż-żewġ sistemi abbażi tad-data disponibbli għal din l-evalwazzjoni.

L-analiżi tissuġġerixxi li l-UAFP jidher li qed jirrappreżenta użu effiċjenti tar-riżorsi skont l-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li bid-data disponibbli f’dan l-istadju interim tal-programm, ma huwiex possibbli li jiġi prodott immappjar kwantitattiv sħiħ tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-programm, jew li jiġu monetizzati l-ispejjeż u l-benefiċċji kollha f’paragun dirett bejn xulxin.

5.3.Koerenza

Abbażi tal-analiżi tal-programmi rilevanti, kif ukoll tar-riżultati tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati mwettqa għall-evalwazzjoni, il-programm huwa kkunsidrat ġeneralment koerenti, kemm internament kif ukoll esternament. Madankollu, ġew identifikati xi duplikazzjonijiet potenzjali u/jew oqsma li jridu jittejbu.

Ir-riċerka sabet koerenza interna akbar meta mqabbla mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti minħabba li l-istruttura bi tliet komponenti tal-programm tnaqqas il-piż amministrattiv, u tissimplifika l-ġestjoni tal-finanzjament, il-flessibbiltà tal-baġit u r-ridistribuzzjoni tal-fondi fit-tliet komponenti.

Għall-koerenza esterna, ir-riċerka ffukat fuq għadd ta’ programmi rilevanti tal-UE. L-ogħla riskju ta’ duplikazzjoni ġie identifikat bejn il-UAFP u s-CCEI, u, sa ċertu punt, ma’ żewġ programmi oħra ta’ finanzjament ipprovduti mid-DĠ TAXUD, jiġifieri l-programm Dwana u l-programm Fiscalis. F’termini ta’ benefiċjarji tal-programm, is-CCEI jipprovdi appoġġ finanzjarju speċifikament lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. B’kuntrast ma’ dan, il-UAFP huwa (aktar) iffukat fuq l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li ma jirċevux finanzjament mis-CCEI. Is-CCEI jiffoka fuq l-attivitajiet doganali, b’mod partikolari fuq l-iżvilupp tal-kapaċità doganali fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri u l-kapaċità tal-laboratorji doganali, filwaqt li l-UAFP jiffoka fuq il-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet (finanzjarji) u mġiba frawdolenti li jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE.

Il-konsultazzjonijiet imwettqa f’din l-evalwazzjoni ma identifikaw l-ebda duplikazzjoni kbira bejn il-finanzjament ipprovdut mid-DĠ TAXUD lill-awtoritajiet doganali nazzjonali u l-attivitajiet iffinanzjati taħt il-UAFP. Dan huwa prinċipalment minħabba d-differenzi fl-ambitu ta’ dawk il-programmi u l-fatt li d-Direttorati Ġenerali kompetenti jaħdmu flimkien mill-qrib f’livelli differenti u fi stadji differenti tal-proċedura tal-għoti. Dan jippermettilhom jiżguraw il-koordinazzjoni u jipprovdu ċarezza lill-applikanti u lill-benefiċjarji dwar il-funzjonament tal-programmi u l-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament. Abbażi tar-riċerka mwettqa mill-istudju, il-UAFP jibqa’ ġeneralment koerenti mal-programmi ta’ finanzjament rilevanti l-oħra, f’konformità mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti.

5.4.Rilevanza

Il-valutazzjoni tar-rilevanza ssib li l-attivitajiet tal-UAFP kienu ġeneralment rilevanti matul dan il-perjodu ta’ evalwazzjoni, kemm għall-kisba tal-objettivi ġenerali tal-programm kif ukoll għall-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-applikanti, tal-benefiċjarji, tal-parteċipanti (Hercule), u tal-utenti (AFIS u IMS) tiegħu.

Hercule u AFIS instabu li kienu wkoll rilevanti fl-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra x-xejriet emerġenti fil-qasam tal-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE, minkejja xi evidenza li tissuġġerixxi li Hercule jibbenefika minn żieda sinifikanti fir-riżorsi finanzjarji, kif enfasizzat f’dan ir-rapport.

Ix-xejriet attwali fl-imġiba frawdolenti juru li l-proġetti li jappoġġaw il-ġlieda kontra l-frodi ffaċilitata diġitalment jeħtieġu finanzjament addizzjonali. L-għoti ta’ appoġġ kontinwu lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra li jagħmlu ħsara lill-baġit tal-UE jista’ jirrikjedi żieda konsiderevoli fil-baġit attwali tal-programm biex jiġu koperti l-ispejjeż għoljin tat-tagħmir jew tal-hardware, kif ukoll il-ħtieġa li dawk li jfasslu l-politika jlaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi.

Tali żieda fil-baġit jenħtieġ li tqis ukoll l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-programm għall-Ukrajna, issa pajjiż assoċjat mal-programm, u kwalunkwe estensjoni potenzjali għal pajjiżi kandidati (ġodda) oħra.

L-applikanti u l-benefiċjarji tal-finanzjament taħt il-komponent Hercule indikaw domanda sostanzjali għall-appoġġ addizzjonali permezz ta’ assistenza teknika u proġetti ta’ attività ta’ taħriġ, u enfasizzaw in-nuqqas ta’ appoġġ simili minn sorsi nazzjonali jew sorsi oħra.

Fl-aħħar nett, il-baġit jista’ jkollu jiżdied ukoll biex ikopri l-proporzjon dejjem akbar ta’ applikazzjonijiet annwali ta’ Hercule li bħalissa mhux qed jirnexxilhom jirċievu għotjiet, minħabba limiti baġitarji, jiġifieri madwar tliet kwarti tal-applikazzjonijiet riċevuti taħt assistenza teknika f’dawn l-aħħar snin.

5.5.Valur miżjud tal-UE

B’mod kumplessiv, id-data analizzata tirrifletti li l-programm tal-UAFP kellu prestazzjoni tajba meta mqabbel mal-indikaturi ta’ bażi dwar il-valur miżjud tal-UE.

Ir-riċevituri tal-finanzjament taħt il-komponent Hercule indikaw livell għoli ħafna ta’ sodisfazzjon perċepit u kkonfermaw li l-istess livell ta’ appoġġ ma kienx ikun possibbli fil-livell nazzjonali. Dawk kollha li wieġbu għall-istħarriġ immirat u l-intervistati kkonfermaw din is-sejba.

Id-data tal-UAFP dwar l-AFIS tindika żieda kostanti kull sena fid-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar l-assistenza reċiproka skont il-programm, li regolarment tilħaq il-miri annwali għal dan l-indikatur.

Id-data ġeneralment tirrifletti sodisfazzjon kbir bl-IMS, peress li maġġoranza kbira tal-utenti huma sodisfatti bl-għodda.

Il-programm UAFP jipprovdi benefiċċji addizzjonali permezz tal-kontribut tiegħu biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin ta’ żvilupp sostenibbli. B’mod speċifiku, l-appoġġ finanzjarju mill-UE permezz tal-għotjiet ta’ assistenza teknika jikkontribwixxi għall-għan ta’ żvilupp sostenibbli li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fi ħdan u fost il-pajjiżi billi jissaħħu l-baġits tal-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Barra minn hekk, il-programm indirettament jgħin biex jinbnew istituzzjonijiet effettivi, responsabbli u inklużivi billi jappoġġa lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari permezz ta’ għotjiet biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni diġitali, kif ukoll permezz tal-għodod u l-appoġġ ipprovduti mill-AFIS u l-IMS.

L-involviment tal-OLAF jagħti wkoll kredibbiltà sostanzjali lill-attivitajiet ta’ taħriġ organizzati minn diversi benefiċjarji, li jirriżulta f’aktar parteċipanti u viżibbiltà akbar.

Il-livell u l-ambitu tal-finanzjament taħt il-UAFP għandhom mill-inqas jinżammu, peress li l-feedback tal-applikanti u tal-benefiċjarji juri li l-programm jimla niċċa unika u li kwalunkwe telf ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UAFP iħalli diskrepanza sinifikanti.

6.Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

B’mod rassikuranti, il-biċċa l-kbira tal-konklużjonijiet ippreżentati fir-rapport ta’ studju diġà huma fil-biċċa l-kbira riflessi fl-implimentazzjoni attwali tal-UAFP. Għalhekk, din l-evalwazzjoni mhux biss tappoġġa l-prattika attwali tal-Kummissjoni, iżda hija wkoll parametru referenzjarju għall-iżviluppi futuri relatati mal-programm.

Meta jitqiesu s-sejbiet ippreżentati fit-taqsimiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-programm jipprovdi bażi solida biex jgħin lill-Istati Membri u lill-pajjiżi assoċjati jindirizzaw ix-xenarju tal-frodi li dejjem qed jevolvi. Hija tqis ukoll l-istruttura istituzzjonali Ewropea l-ġdida, bit-tnedija operazzjonali tal-UPPE fl-2021.

L-UAFP jitqies li b’diversi modi qed iwieġeb għall-isfidi tal-lum.

L-ewwel nett, hekk kif qed jitwettqu dejjem aktar attivitajiet kriminali fiċ-ċiberspazju, il-programm jgħin lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità diġitali tagħhom biex jidentifikaw u jinvestigaw il-frodi. Għalhekk, il-UAFP jappoġġa x-xiri ta’ għodod u bażijiet tad-data analitiċi avvanzati, u jipprovdi taħriġ espert dwar il-forensika diġitali. Dan it-tip ta’ appoġġ ipprovdut huwa allinjat bis-sħiħ mal-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni kontra l-frodi, li tippromwovi bil-qawwa l-użu ta’ għodod analitiċi u tal-IT avvanzati.

It-tieni nett, meta titqies iż-żieda fin-nefqa tal-UE taħt il-baġit il-ġdid u n-NextGenerationEU, il-biċċa l-kbira tal-finanzjament tal-UAFP huwa dirett lejn il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq, inkluża n-nefqa taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan huwa appoġġat mill-fatt li l-UE issa stabbiliet is-CCEI għax-xiri, l-aġġornament u l-manutenzjoni tat-tagħmir ta’ kontroll doganali. Bil-baġit tiegħu ta’ madwar EUR 1 biljun għall-perjodu attwali ta’ 7 snin, dan l-istrument illibera riżorsi sinifikanti għall-UAFP li qabel kienu ġew allokati minn Hercule III biex jiffinanzjaw tagħmir u għodod ta’ kontroll doganali.

F’livell aktar operazzjonali, meta s-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni f’termini ta’ rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni futura jinġabru fil-qosor, jispikkaw żewġ aspetti.

L-ewwel nett, il-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni gwida aktar dettaljata dwar it-tħejjija tal-applikazzjoni. L-OLAF għalhekk se jipprovdi aktar appoġġ u gwida lill-applikanti, speċjalment lill-pajjiżi li huma l-aktar membri ġodda tal-programm. Il-preżenza fuq il-web tal-programm fuq il-paġna esterna tal-OLAF se tiġi estiża biex tipprovdi aktar informazzjoni, l-aħjar prattiki u manwali għall-komponent tal-għotja.

It-tieni nett, is-sejbiet tal-evalwazzjoni jistgħu jissuġġerixxu li jitqies il-bilanċ delikat bejn ix-xewqa qawwija li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq l-applikanti u l-ħtieġa ta’ informazzjoni aktar faċilment disponibbli għar-rapportar, il-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet ex post. Dan il-bilanċ ma huwiex faċli biex jintlaħaq, u għal dak l-għan il-Kummissjoni jaf tkun trid teżamina l-possibbiltajiet għal aktar irfinar tal-għodod ta’ rapportar u monitoraġġ tagħha.

Fir-rigward tal-konsistenza u l-koerenza esterna tal-programm, is-servizzi tal-Kummissjoni jikkoordinaw ma’ xulxin meta jħejju u jadottaw il-programmi ta’ ħidma annwali tagħhom għall-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE relatati mal-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni.

Taħt il-QFP attwali, il-Kummissjoni żviluppat qafas trasversali ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ għall-programmi kollha ta’ nfiq. Il-programm tejjeb ukoll il-qafas attwali billi żviluppa għadd xieraq ta’ indikaturi speċifiċi għall-proġetti eliġibbli. Dawn jintużaw kull sena fil-ħarsa ġenerali annwali tal-programm (bħala parti mir-Rapporti PIF tal-Kummissjoni) għar-rapportar dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programm. Mill-2017, il-proġetti kollha, li ngħataw għotja, huma rreġistrati fl-għodda “e-Grant” tal-Kummissjoni, bażi tad-data ta’ valur għall-implimentazzjoni tal-programm.

Din l-evalwazzjoni interim ipprovdiet bażi għal valutazzjoni tal-impatt futura fid-dawl tat-tħejjijiet leġiżlattivi għall-programm li jmiss. Ir-rilevanza kontinwa u d-daqs dejjem jikber tal-programm f’termini ta’ attivitajiet fi ħdan il-komponenti tiegħu, enfasizzati minn din l-evalwazzjoni, jipprovdu raġunijiet biex jiġġustifikaw l-appoġġ ta’ baġit globali miżjud b’mod konsiderevoli għall-programm futur (2028-2034).

Meta jitqies dan kollu ta’ hawn fuq, il-programm huwa vvalutat bħala effiċjenti, effettiv, rilevanti u koerenti, kif ukoll li jipprovdi valur miżjud sinifikanti tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi assoċjati biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li jiġġieldu l-frodi u l-attivitajiet irregolari li jaffettwaw il-baġit tal-UE.

Il-Kummissjoni se tinvestiga aktar: (i) it-titjib tal-gwida pprovduta lill-applikanti; (ii) l-aġġornament tat-tip ta’ attivitajiet iffinanzjati, filwaqt li jitqies il-progress teknoloġiku rapidu; u (iii) l-iżgurar kontinwu ta’ koordinazzjoni u koerenza sistematiċi fil-livell tal-Kummissjoni bejn il-UAFP u programmi oħra tal-UE.

(1) () Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017).
(2) ()    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1), kif emendat: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2223/oj
(3) () Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020).
(4) () Ir-rapporti annwali skont l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE rigward il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (Rapporti PIF) huma disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/anti-fraud/reports_mt .
(5) () Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1). Mit-30 ta’ Settembru 2024, dan ir-regolament ġie sostitwit bir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, (ĠU L 2024/2509, 26.9.2024). Madankollu, peress li r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 kien applikabbli matul il-perjodu taħt evalwazzjoni, ir-referenzi kollha f’dan id-dokument għar-“Regolament Finanzjarju” jsiru fir-rigward ta’ dak ir-regolament.
(6) () Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1). Ir-Regolament kien evalwat mill-Kummissjoni (OLAF) fl-2023: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=SWD%3A2023%3A429%3AFIN .
(7) () L-Artikolu 8 tar- Regolament UAFP, dwar il-kofinanzjament: “Ir-rata ta’ kofinanzjament għall-għotjiet mogħtija taħt il-Programm ma għandhiex taqbeż it-80 % tal-kostijiet eliġibbli. Kwalunkwe finanzjament li jaqbeż dak il-limitu massimu għandu jingħata biss f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, li għandhom jiġu definiti fil-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 11, u tali finanzjament ma għandux jaqbeż id-90 % tal-kostijiet eliġibbli.”
(8) () https://www.eca.europa.eu/en/publications?did=44169  
(9) () L-istudju twettaq minn ICF Belgium S.A., Brussell. Disponibbli fuq: https://op.europa.eu/s/zXCm