Brussell, 11.6.2025

COM(2025) 319 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-sitwazzjoni attwali dwar l-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

{SWD(2025) 162 final}


1.INTRODUZZJONI

L-adozzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (il-Patt) f’Ġunju 2024 kienet pass importanti fl-iżvilupp tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA). Il-Patt jirriforma u jkompli jiżviluppa r-regoli kurrenti, abbażi ta’ approċċ komprensiv li jsaħħaħ u jintegra l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, l-ażil, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-integrazzjoni ( 1 ). Il-Patt joħloq qafas legali li jibbilanċja s-solidarjetà u r-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, f’approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni b’mod effettiv u ġust. L-atti leġiżlattivi tal-Patt daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Ġunju 2024 u se japplikaw minn nofs l-2026.

L-implimentazzjoni tal-Patt hija proċess kumpless li jinvolvi diversi atturi. Għaddejja ħidma ġmielha biex is-sett kbir u kumpless ta’ atti leġiżlattivi jittrażmetti ruħu f’realtà operazzjonali. It-tħejjija tas-sistemi tal-UE u dawk nazzjonali sa Ġunju 2026 hija sforz konġunt li jirrikjedi lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tal-UE jaħdmu mill-qrib flimkien.

F’Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil ( 2 ), li jistabbilixxi l-kompiti u l-istadji importanti ewlenin għal dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni mexxiet l-implimentazzjoni tal-Patt fil-livell tal-UE u appoġġat kontinwament lill-Istati Membri fl-isforzi nazzjonali tagħhom, flimkien mal-aġenziji tal-UE. Il-Kummissjoni qed tagħmel disponibbli EUR 3 biljun f’finanzjament addizzjonali biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-Patt u jospitaw persuni spostati mill-Ukrajna. Bħalissa, il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri biex tiffinalizza l-proċeduri meħtieġa sal-aħħar tas-sena sabiex tiffinanzja l-objettivi deskritti fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom.

F’nofs il-perjodu ta’ tranżizzjoni, sar progress konsiderevoli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-regoli l-ġodda. Xi wħud minn dawn l-isfidi huma marbuta man-nuqqasijiet kurrenti. Sfidi oħra huma marbuta mat-tħejjija tal-bażi għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti mill-Patt, b’mod partikolari l-operazzjonalizzazzjoni tal-Eurodac aġġornata, l-implimentazzjoni tal-iskrinjar u l-proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera, kif ukoll is-salvagwardji l-ġodda tad-drittijiet fundamentali. L-isfidi li fadal se jkollhom jiġu indirizzati fil-ħin għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Patt.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jkomplu u jintensifikaw l-isforzi tagħhom fejn meħtieġ biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-Patt tkun suċċess. Filwaqt li qed isir progress fil-livell tekniku, l-impenn politiku sostnut u s-sjieda fil-livell nazzjonali jibqgħu essenzjali biex l-isfidi identifikati jiġu indirizzati b’mod effettiv. Jeħtieġ li jsir kemm jista’ jkun progress fl-implimentazzjoni tal-Patt qabel il-bidu taċ-ċiklu annwali ta’ solidarjetà. B’mod partikolari, huwa kruċjali li ma jkun hemm l-ebda nuqqas kbir fl-applikazzjoni tar-regoli kurrenti, minħabba li dan jista’ jkollu impatt fuq il-valutazzjoni ġenerali tal-pressjoni u l-aċċess għar-Riżerva ta’ Solidarjetà. Il-Kummissjoni, flimkien mal-aġenziji tal-UE, se tkompli taħdem mal-Istati Membri u tappoġġahom, inkluż permezz ta’ finanzjament, b’enfasi qawwija fuq azzjoni biex jingħelbu l-isfidi identifikati.

Sabiex jadatta u jirrispondi għan-natura dinamika tal-migrazzjoni, il-Patt jeħtieġ ukoll li jiġi kkomplementat minn sforzi addizzjonali f’oqsma li ma humiex koperti mill-qafas leġiżlattiv ġdid. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni globali dwar il-migrazzjoni huwa partikolarment importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess u sostenibbli tal-Patt. L-UE investiet fi sħubijiet komprensivi ma’ pajjiżi terzi, li kkontribwew għat-tnaqqis tal-wasliet irregolari fl-UE. Abbażi tad-data tal-Frontex, fl-2024, l-għadd ta’ wasliet irregolari rreġistrati fil-fruntiera esterna tal-UE kien ta’ 240 000, tnaqqis ta’ 37 % meta mqabbel mal-2023 ( 3 ). L-Unjoni trid tkompli tibni u tespandi tali sħubijiet ma’ pajjiżi terzi b’mod li huwa ta’ benefiċċju reċiproku biex tnaqqas il-wasliet irregolari, iżżid l-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti, issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, tippromwovi l-mobbiltà tat-talent permezz ta’ Sħubijiet għat-Talenti, u tipprovdi protezzjoni lir-refuġjati spostati f’pajjiżi mhux tal-UE, inkluż permezz tar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja. L-approċċ ta’ Tim Ewropa ( 4 ) wera li kien metodu ta’ suċċess meta jsir negozjar ma’ pajjiżi terzi rilevanti biex jiġu stabbiliti sħubijiet ġodda jew biex jiġu kkalibrati mill-ġdid sħubijiet eżistenti.

B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Patt, f’konformità mal-Artikolu 84 tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni ( 5 ). Filwaqt li tibni fuq l-azzjonijiet ewlenin tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni ta’ Ġunju 2024 u b’antiċipazzjoni tat-tnedija tal-ewwel ċiklu annwali ta’ solidarjetà f’Ottubru 2025, din il-Komunikazzjoni tippreżenta s-sitwazzjoni attwali tal-progress li sar fil-livell tal-UE u dak nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Patt, u tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-istat ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mill-għaxar elementi kostitwenti. Bħala l-pass li jmiss, ir-Rapport Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil ta’ Ottubru 2025 se jinkludi sitwazzjoni attwali aġġornata tal-implimentazzjoni tal-Patt. Sal-aħħar ta’ din is-sena, imbagħad, il-Kummissjoni se tippreżenta Strateġija Ewropea fit-tul għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni biex tappoġġa approċċ integrat u kkoordinat għall-implimentazzjoni tal-Patt, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali.

Figura 1: Skeda ta’ żmien tal-perjodu ta’ tranżizzjoni

2.Twettiq fil-livell tal-UE

F’konformità mal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, ħadmu biex jiżguraw li jintlaħqu l-istadji importanti legali, u li l-ippjanar operazzjonali għall-implimentazzjoni jiġi kkoordinat kontinwament, aġġornat fejn rilevanti, u trażmess fi prattika operazzjonali. B’mod parallel, l-assistenza bilaterali diretta lill-Istati Membri rriżultat f’appoġġ imfassal apposta mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tal-UE lill-Istati Membri kollha.

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tkompli taħdem ukoll biex tlesti u tikkomplementa l-qafas leġiżlattiv tal-Patt. F’Marzu 2025, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva ġdida għal regolament li jistabbilixxi sistema Ewropea komuni għar-ritorn ( 6 ). Fejn xieraq, il-Kummissjoni wettqet ukoll minn kmieni u pproponiet li tforni xi wħud mid-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Patt. Hija pproponiet lista tal-Unjoni Ewropea ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri ( 7 ), kif ukoll reviżjoni tar-regoli dwar l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz sikur” ( 8 ), u b’hekk tissodisfa r-rekwiżit skont il-Patt biex tiġi rieżaminata l-applikazzjoni tal-kunċett sa Ġunju 2025. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni pproponiet li tantiċipa żewġ elementi ewlenin tar-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil bl-għan li tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-ażil b’mod aktar rapidu u aktar effiċjenti għall-applikanti li t-talbiet tagħhom x’aktarx ikunu bla bażi. Dan jinkludi d-dispożizzjonijiet tal-Patt relatati ma’ applikanti li ġejjin minn pajjiżi terzi b’rati baxxi ta’ rikonoxximent u l-possibbiltà li jiġu indikati pajjiżi ta’ oriġini sikuri u pajjiżi terzi sikuri b’eċċezzjonijiet.

2.1 Tmexxija, gwida u djalogu

Il-kompiti u l-istadji importanti deskritti fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni għat-twettiq fil-livell tal-UE sa Ġunju 2025 ġew issodisfati. Il-Kummissjoni stabbiliet Pjattaforma għall-Implimentazzjoni tal-Patt biex tipprovdi direzzjoni, li ltaqgħet għall-ewwel darba f’Jannar 2025 biex tiddiskuti l-ippjanar fil-livell nazzjonali u l-ipprogrammar strateġiku ta’ appoġġ finanzjarju ddedikat tal-UE. Il-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil (SCIFA, Strategic Committee on Immigration, Frontiers and Asylum) jipprovdi wkoll direzzjoni permezz ta’ diskussjonijiet regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Patt.

L-iskambju mal-Parlament Ewropew huwa rikorrenti fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ażil - l-Implimentazzjoni tal-Patt/is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.

Il-ħidma teknika tkompli b’ritmu mgħaġġel, bl-appoġġ tal-kumitati ta’ kuntatt u l-laqgħat tal-grupp ta’ esperti biex jiġu żgurati interpretazzjoni u kjarifika komuni tad-dispożizzjonijiet legali. Dan wassal għat-tħejjija f’waqtha tal-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa ( 9 ) u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin fil-komponenti kollha tal-Patt. In-networks tal-aġenziji għenu wkoll biex jiġu identifikati sfidi u soluzzjonijiet operazzjonali komuni, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ mudelli u dokumenti ta’ gwida. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, u tiġi promossa s-simplifikazzjoni, u biex jiġu żgurati s-sinerġiji, il-Kummissjoni organizzat ukoll diversi sessjonijiet konġunti ta’ kumitati u gruppi ta’ esperti, li jkopru elementi differenti tal-Patt, eżatt wara l-laqgħat tan-network tal-aġenziji.

L-appoġġ bilaterali dirett tal-Kummissjoni lill-Istati Membri jkompli jkun fokus qawwi tal-ħidma komuni fl-elementi kollha tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni. Dan l-approċċ jipprovdi appoġġ adattat għall-iskop, adattat għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-arranġamenti istituzzjonali differenti ta’ kull Stat Membru. Il-Kummissjoni stabbiliet timijiet iddedikati tal-pajjiżi u kollegament fil-livell ta’ uffiċjali għolja biex jinteraġixxu ma’ kull Stat Membru.

It-timijiet tal-pajjiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni involvew ruħhom b’mod bilaterali mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u pprovdew analiżi sottostanti tas-sistemi tal-Istati Membri u l-isfidi relatati, li kkontribwew għall-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali (NIPs, national implementation plans). Il-ħidma issa qed tiffoka fuq l-implimentazzjoni u fuq l-operazzjonalizzazzjoni tal-NIPs. L-Istati Membri qed jaħdmu bl-appoġġ tal-Kummissjoni biex jiżguraw li jiġi allokat biżżejjed finanzjament taħt il-Fondi tal-UE u l-baġits nazzjonali għall-objettivi taħt kull Pjan.

Barraminhekk, permezz ta’ sejħa ddedikata fl-2024, disa’ Stati Membri għamlu użu mill-appoġġ ipprovdut permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument) għat-tħejjija tal-NIPs tagħhom (9). Bħalissa, il-Kummissjoni tappoġġa għaxar Stati Membri permezz tat-TSI dwar l-implimentazzjoni tal-Patt. Barra minn hekk, l-Istati Membri qed jibbenefikaw minn apprendiment bejn il-pari u skambji ta’ prattika tajba stabbiliti fil-kuntest tat-TSI. Biex tippromwovi approċċ li jinvolvi diversi partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni organizzat laqgħat iddedikati ta’ informazzjoni u konsultattivi mal-partijiet ikkonċernati, bħal sħab soċjali u ekonomiċi, organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari ma’ organizzazzjonijiet immexxija mill-migranti 10 .

2.2 Il-ħidma tal-aġenziji tal-UE

Il-ħidma tal-aġenziji tal-UE biex jimplimentaw il-Patt, b’mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA, European Union Asylum Agency), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex, European Border and Coast Guard Agency) u l-eu-LISA, miexja sew.

L-EUAA qiegħda tiffaċilita t-tranżizzjoni tal-Istati Membri għall-qafas legali l-ġdid li jirriżulta mill-Patt u appoġġat lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni. Fi ħdan il-qafas tan-networks ta’ esperti nazzjonali tagħha, l-EUAA aġġornat il-prodotti u l-gwida tagħha u żviluppat oħrajn ġodda fejn meħtieġ mill-Patt jew fejn hemm bżonn. Bħalissa, l-EUAA qiegħda taġġorna l-moduli ta’ taħriġ tal-Kurrikulu Ewropew fil-Qasam tal-Ażil u qiegħda tirrieżamina l-istandards u l-indikaturi operazzjonali rilevanti (aktar dettalji huma pprovduti fit-taqsima 3 taħt kull element kostitwenti).

Barra minn hekk, fl-2025 se jsiru żewġ eżerċizzji pilota ta’ monitoraġġ (fl-Estonja u fin-Netherlands) biex iħejju għall-introduzzjoni sħiħa tal-programm ta’ monitoraġġ pluriennali tal-EUAA mill-2026 ’il quddiem. Skont il-programm, l-Istati Membri kollha se jiġu mmonitorjati f’termini tal-implimentazzjoni teknika u operazzjonali tagħhom tal-Patt f’ċiklu ta’ 5 snin. L-eżiti tal-monitoraġġ se jappoġġaw ukoll il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk is-sistemi nazzjonali tal-ażil u tal-akkoljenza humiex ippreparati tajjeb.

Il-Frontex tkompli tipprovdi appoġġ f’dawk l-oqsma li jaqgħu taħt il-mandat tagħha, filwaqt li tipprovdi gwida u għodod prattiċi, kif ukoll appoġġ operazzjonali fuq talba, b’mod partikolari fir-rigward tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni ta’ proċessi ġodda fil-fruntiera. Id-diversi elementi relatati mal-implimentazzjoni tal-Patt huma diskussi fil-gruppi ta’ ħidma u fin-networks tal-Frontex, kif ukoll f’laqgħat ad hoc iddedikati mal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Frontex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fil-fażijiet kollha tal-proċess ta’ ritorn, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Koordinatur tal-UE għar-Ritorn. Il-Frontex tikkoopera wkoll mal-Istati Membri dwar l-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u għandha rwol fil-kontroll tal-kwalità tal-fruntieri. Il-valutazzjoni annwali tal-vulnerabbiltà tal-Frontex, li tevalwa l-kapaċità u t-tħejjija ta’ kull Stat Membru tal-UE u tal-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen biex jirrispondu għall-isfidi fil-fruntieri esterni tagħhom, se tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn il-qafas legali l-ġdid.

L-eu-LISA għandha rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Patt, b’mod partikolari biex issaħħaħ ulterjorment il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, l-istabbiliment ta’ regoli uniformi li jiżguraw il-kontroll, u r-reġistrazzjoni xierqa ta’ migranti irregolari u ta’ persuni li jfittxu ażil li jidħlu fl-UE. Il-funzjonament tajjeb tar-regoli l-ġodda tal-Patt jiddependi fuq id-disponibbiltà u fuq il-funzjonament effettivi tal-Eurodac il-ġdida sat-12 ta’ Ġunju 2026. L-eu-LISA qiegħda tappoġġa kontinwament lill-Istati Membri f’dan il-kompitu diffiċli (aktar dettalji huma pprovduti fit-taqsima 3.1).

Sabiex jiġu żgurati sinerġiji bejn il-ħidma tal-Kummissjoni u tal-aġenziji tal-UE, tal-ewwel għandha tiżviluppa l-gwida legali orizzontali, filwaqt li tal-aħħar għandhom jiffokaw primarjament fuq l-iżvilupp ta’ gwida u appoġġ operazzjonali mmirati. Il-Kummissjoni u l-aġenziji se jkomplu jaħdmu flimkien biex jiksbu effiċjenza ta’ livell għoli u jnaqqsu l-piż imqiegħed fuq l-Istati Membri, f’konformità mal-objettiv ġenerali tal-Kummissjoni ta’ simplifikazjzoni. 

2.3 Appoġġ finanzjarju

L-UE qiegħda tagħmel EUR 3 biljun addizzjonali disponibbli għall-Istati Membri biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Patt u jospitaw persuni spostati mill-Ukrajna. Dan jirrappreżenta żieda ulterjuri ta’ EUR 1 biljun meta mqabbel mal-ammonti mħabbra fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni. Barra minn hekk, l-Istati Membri li jikkwalifikaw jistgħu jagħmlu wkoll użu minn aktar minn EUR 1,6 biljun disponibbli skont ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Fondi għall-Affarijiet Interni 11 .

L-Istati Membri għandhom jużaw dawn il-fondi addizzjonali b’mod strateġiku biex javvanzaw kemm jista’ jkun l-isforzi ta’ implimentazzjoni tagħhom, filwaqt li jagħtu prijorità lill-indirizzar tal-aktar sfidi importanti identifikati fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom u fi djalogu mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tal-prijoritajiet tagħhom, u l-ipprogrammar ta’ dan il-finanzjament addizzjonali għandu jaqbel mal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri. Filwaqt li l-ammonti addizzjonali huma sinifikanti, l-iskala tar-riformi tal-Patt se tirrikjedi lill-Istati Membri jidentifikaw sorsi ta’ finanzjament rilevanti oħra fil-livell nazzjonali u tal-UE (eż. il-politika ta’ koeżjoni) biex jissodisfaw il-ħtiġijiet kollha tagħhom. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-emendi meħtieġa tal-programmi tal-Istati Membri jiġu ffinalizzati sa mhux aktar tard minn tmiem is-sena, u li l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku jitnedew u jitlestew fil-ħin. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu din il-mira, bi sforzi ulterjuri meħtieġa f’xi Stati Membri ( 12 ), u qed jidentifikaw sorsi ta’ finanzjament rilevanti oħra fil-livell nazzjonali, kif ukoll fondi oħra fil-livell tal-UE, bħal dawk taħt il-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jfittxu aktar sinerġiji u komplementarjetajiet.

3.Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali u l-operazzjonalizzazzjoni tal-elementi kostitwenti

3.1 Ħarsa ġenerali lejn il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali u l-koordinazzjoni

Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni stabbilixxa l-objettiv komuni li sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni jkun hemm fis-seħħ sistemi mħejjija sew. Sabiex jiġi żgurat li s-sistemi jkunu mħejjija sew, l-Istati Membri jeħtieġ li jimplimentaw ir-regoli l-ġodda tal-Patt u jindirizzaw l-isfidi eżistenti fir-rigward tal-liġijiet, il-prattiki u l-kapaċità operazzjonali nazzjonali tagħhom.

L-Istati Membri kollha kienu meħtieġa jistabbilixxu pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali (NIPs, national implementation plans) b’azzjonijiet u skedi ta’ żmien ċari, inkluż dwar il-ħtiġijiet ta’ akkwist, taħriġ, u reklutaġġ. Sal-lum, 26 Stat Membru involvew ruħhom regolarment mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Patt, u 25 Stat Membru ppreżentaw il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom ( 13 ). L-erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen ippreżentaw ukoll l-NIPs tagħhom, li jkopru elementi tal-Patt li jieħdu sehem fihom.

L-NIPs kollha huma bbażati fuq il-mudell li pprovdiet il-Kummissjoni, u b’hekk jirriflettu l-istruttura tal-element kostitwenti tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni. Madwar terz tal-pjanijiet ġew rilaxxati wkoll bħala dokumenti pubbliċi ( 14 ).

Il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri fil-valutazzjoni tas-sistemi kurrenti tagħhom biex tingħata għajnuna fl-istabbiliment ta’ linji bażi għall-ippjanar, u pprovdiet xi rakkomandazzjonijiet, li huma riflessi fil-maġġoranza l-kbira tal-NIPs. F’termini ġenerali, il-livell ta’ dettall tal-NIPs ivarja bejn l-Istati Membri u, fl-NIP ta’ Stat Membru partikolari, skont il-qasam ta’ politika jew l-element kostitwenti. Skont il-każ, dan jista’ jirrifletti l-fatt li, jew il-valutazzjonijiet u r-rieżamijiet kienu għadhom għaddejjin fil-mument tal-preżentazzjoni, jew li kien meħtieġ inqas xogħol f’xi oqsma jew elementi kostitwenti. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad iridu jiddefinixxu stadji importanti u miri konkreti biex isegwu u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni, u dan huwa utli biex jiġi identifikat u rrimedjat id-dewmien kritiku.

L-implimentazzjoni tal-Patt ma hijiex proċess ta’ darba iżda wieħed dinamiku. Mill-preżentazzjoni inizjali tal-NIPs, xi Stati Membri aġġornaw u rrieżaminaw l-elementi tal-NIPs tagħhom ( 15 ), u dan jirrifletti l-ħidma konsiderevoli li għaddejja. L-elementi leġiżlattivi huma indirizzati fl-NIPs kollha, għalkemm fi gradi differenti ta’ dettall. Il-ħidma fuq il-bidliet leġiżlattivi meħtieġa bdiet fl-Istati Membri. Mill-inqas tliet Stati Membri diġà ffinalizzaw l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u qed iħejju għall-adozzjoni ( 16 ). Għadd tajjeb ta’ Stati Membri oħra qed jistennew li jiffinalizzaw il-proċess din is-sena. Madankollu, hemm bżonn li dan il-proċess jitħaffef f’xi oħrajn.

L-Istati Membri stabbilew mekkaniżmi ta’ ppjanar u ta’ koordinazzjoni biex jiksbu riżultat fil-livell operazzjonali, u issa għandhom jużawhom biex jimplimentaw il-Patt b’mod effettiv. It-tħejjija tal-NIPs għenet biex jiġu identifikati kwistjonijiet ta’ koordinazzjoni nazzjonali. Filwaqt li ħafna Stati Membri qed isaħħu t-tfassil ta’ politika integrat permezz ta’ arranġamenti interministerjali, oħrajn jeħtieġu koordinazzjoni aktar b’saħħitha fl-oqsma ta’ politika u fil-livelli tal-gvern. Għalkemm il-ministeri tal-migrazzjoni jew tal-intern se jmexxu, l-involviment minn ministeri oħra, il-ġudikatura, u l-awtoritajiet lokali huwa essenzjali. Il-Kummissjoni tilqa’ u tkompli tappella għal koordinazzjoni tajba mal-partijiet ikkonċernati kollha, u l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll tas-soċjetà ċivili, biex jinkiseb livell għoli ta’ effiċjenza meta jiġi implimentat il-Patt. Għal dak il-għan, filwaqt li tibni fuq is-sistema simplifikata stabbilita mill-Patt (eż. proċeduri ta’ trasferiment, rabtiet aktar mill-qrib bejn l-ażil u r-ritorn, użu aħjar tal-bażijiet tad-data), il-Kummissjoni se tkompli tesplora modi biex tkompli tissimplifika l-ħidma relatata u tnaqqas il-piż amministrattiv ġenerali f’konformità mal-objettivi tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni. L-Istrateġija Ewropea fit-tul għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni li jmiss se tkun opportunità biex jiġi indirizzat aktar it-tfassil ta’ politika integrat u simplifikat.

Il-Kummissjoni tibqa’ fi djalogu mill-qrib mal-Istati Membri kollha u tappoġġahom fir-rigward tal-aspetti tal-ippjanar u dawk operazzjonali. Il-Kummissjoni hija wkoll f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri li ma ppreżentawx NIP u tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex ilestu dan il-proċess mill-aktar fis possibbli.

3.2 Element Kostitwenti 1 - Il-Eurodac

L-iżvilupp rapidu u d-dħul fis-seħħ tas-sistema Eurodac irriformata huma prekundizzjonijiet kritiċi biex jiġu implimentati kif xieraq l-elementi kollha tal-Patt. Ir-riforma tal-Eurodac hija responsabbiltà kondiviża bejn il-Kummissjoni, l-eu-LISA u l-Istati Membri, u sa issa sar progress sinifikanti. It-tħejjija ta’ strumenti mhux leġiżlattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha tinsab fit-triq it-tajba, bħalma huwa l-iżvilupp tal-Eurodac il-ġdida mill-eu-LISA, li jibni parzjalment fuq il-komponenti tal-Qafas għall-Interoperabbiltà li se tuża l-Eurodac.

Minħabba l-iskeda ta’ żmien diffiċli għall-implimentazzjoni tal-Eurodac, il-Kummissjoni, l-eu-LISA u l-Istati Membri identifikaw sett ta’ miżuri biex jittaffa d-dewmien. Dawn ġew stabbiliti prinċipalment mill-eu-LISA biex jiġu appoġġati l-Istati Membri. Waħda minn dawn il-miżuri hija li l-funzjonalitajiet tal-Eurodac għandhom jitwasslu f’żewġ fażijiet (Ġunju u Diċembru 2026), filwaqt li tingħata prijorità lill-funzjonalitajiet identifikati bħala kritiċi għal Ġunju 2026. Miżura oħra hija li l-eu-LISA żviluppat soluzzjoni ċentralizzata, l-Interfaċċa tal-Utent tal-Web (WUI, Web-User Interface). Is-soluzzjoni ċentralizzata għandha tintuża mill-Istati Membri li, għal diversi raġunijiet bħan-nuqqas ta’ riżorsi, ma humiex lesti li jiksbu integrazzjoni sħiħa ta’ sistema għal sistema sa Ġunju 2026.

Barra minn hekk, l-eu-LISA għażlet li tieħu approċċ flessibbli biex timplimenta s-sistema tal-Eurodac, u dan jippermetti lill-Aġenzija tikkondividi d-diversi dokumenti tekniċi meħtieġa fi stadji. Dan kien ifisser li d-dokumentazzjoni ewlenija tista’ tiġi kondiviża kmieni mal-Istati Membri, u dan jiffaċilita l-ġbir u l-użu tal-għarfien espert komuni eżistenti fl-Istati Membri kollha. B’dan il-mod, l-ewwel Dokument ta’ Kontroll tal-Interfaċċa (ICD, Interface Control Document) ġie ppreżentat f’Ottubru 2024, segwit mill-preżentazzjoni sħiħa tal-ICD f’Diċembru 2024, kif meħtieġ mir-Regolament. L-istess approċċ flessibbli ġie adottat ukoll għall-ittestjar. L-ittestjar volontarju tal-konnettività bażika bejn l-Istati Membri u l-eu-LISA diġà beda, b’diversi Stati Membri diġà lestewh b’suċċess.

Fil-livell nazzjonali, meta jibnu s-sistema tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn li jużaw is-soluzzjoni ċentralizzata pprovduta mill-eu-LISA, jew li jibnu sistema nazzjonali li tintegra bis-sħiħ il-Eurodac, jew taħlita tat-tnejn (jiġifieri, l-ewwel is-soluzzjoni ċentralizzata u mbagħad integrazzjoni ta’ sistema għal sistema). Bis-saħħa tal-approċċ flessibbli msemmi hawn fuq adottat mill-eu-LISA, l-Istati Membri setgħu jibdew l-iżvilupp tas-sistema fil-livell nazzjonali relattivament kmieni. Laqgħat regolari organizzati mill-eu-LISA (Forum għall-Ġestjoni tal-Proġetti, Grupp Konsultattiv) jippermettu lill-Istati Membri jirrapportaw perjodikament dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u jidentifikaw kwalunkwe sfida li jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-proġett kollu fil-livell tal-UE. Sa issa, dawn l-iskambji indikaw li, minkejja progress tajjeb, xi Stati Membri qed jiffaċċjaw sfidi. Dawn jinkludu d-deċiżjoni dwar liema awtorità nazzjonali hija responsabbli għall-implimentazzjoni tas-sistema jew liema awtorità tospita l-punt ta’ aċċess nazzjonali, diffikultajiet fil-proċeduri ta’ akkwist, riżorsi skarsi (umani jew finanzjarji), jew talbiet kontinwi għad-dokumentazzjoni teknika ( 17 ).

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tipparteċipa fil-laqgħat kollha organizzati mill-eu-LISA fejn l-Istati Membri jirrapportaw dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni, u jiġu mmonitorjati u diskussi l-aħħar żviluppi u sfidi potenzjali. F’Marzu 2025, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-Istati Membri kollha li fiha ssottolinjat l-progress li ntlaħaq sa dak iż-żmien u li fiha tenniet l-importanza tal-implimentazzjoni f’waqtha tal-Eurodac, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni organizzat ukoll laqgħat bilaterali ma’ dawk l-Istati Membri li qegħdin jiffaċċjaw sfidi partikolari. It-tħejjija tal-atti meħtieġa għall-funzjonament tas-sistema (dwar il-kontenut tal-istatistika intersistemika u dwar l-interoperabbiltà) għadha għaddejja.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

L-eu-LISA għandha tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Bħalissa, l-elementi ewlenin tal-ICD għandhom jitqiesu stabbli biżżejjed biex jippermettu lill-Istati Membri jniedu proċeduri ta’ akkwist fejn meħtieġ. F’dan l-istadju, ma għandha tiġi inkluża l-ebda bidla ewlenija oħra; kwalunkwe bidla ulterjuri fid-dokument għandha tinkludi biss aġġustamenti żgħar li jirriżultaw minn ICDs, żbalji tipografiċi jew irfinar relatati mal-Interoperabbiltà wara l-ittestjar. Madankollu, issa, l-istabbilizzazzjoni tal-ICD mhux se tipprevjeni li maż-żmien isir aktar titjib fis-sistema.  Dawk l-Istati Membri li jippreferu integrazzjoni sħiħa ta’ sistema għal sistema ma għandhomx jeskludu kompletament il-possibbiltà li wieħed jibbaża fuq is-soluzzjoni ċentrali żviluppata mill-eu-LISA bħala riżerva, jekk ikun hemm dewmien fil-proċess ta’ integrazzjoni.

Matul ix-xhur li ġejjin, ir-rapportar regolari ta’ kull xahar se jkun importanti biex jiġi vvalutat l-istatus ġenerali tal-implimentazzjoni u biex il-Kummissjoni u l-eu-LISA jkunu jistgħu jipprovdu appoġġ addizzjonali fejn meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Forum għall-Ġestjoni tal-Proġetti tal-Eurodac u jinnotifikaw b’mod proattiv lill-Kummissjoni f’każ ta’ diffikultajiet kbar.  

Mil-lat prattiku, il-proċessi tal-akkwist jeħtieġ li jitlestew mill-aktar fis possibbli, jiġu stabbiliti l-pjanijiet ta’ taħriġ u l-proċessi ta’ reklutaġġ, u jsiru t-testijiet operazzjonali obbligatorji meħtieġa. Huwa importanti li tiġi rrispettata l-iskeda ta’ żmien miftiehma għall-implimentazzjoni, u li l-attenzjoni kollha tingħata lill-iżvilupp, l-ittestjar u t-tħejjija operazzjonali nazzjonali.

3.3 Element Kostitwenti 2 – Sistema ġdida għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE

Jinsabu għaddejjin it-tħejjijiet għall-istabbiliment tal-proċedura obbligatorja l-ġdida fuq il-fruntiera. F’Awwissu 2024, il-Kummissjoni adottat l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-kapaċità adegwata għal kull Stat Membru u l-għadd massimu ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li lil hinn minnhom l-Istati Membri mhux se jkunu obbligati japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera (il-“limitu massimu annwali”) ( 18 ).

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq dokument ta’ gwida dwar l-iskrinjar sabiex tipprovdi dokument ħaj li jindirizza l-iskrinjar fil-fruntieri esterni u fit-territorju, inkluż kunsiderazzjonijiet importanti wkoll għall-Istati Membri kkonċernati minn movimenti sekondarji.

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-politiki, l-iskrinjar ġie inkluż ukoll fil-linji gwida strateġiċi taċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri (EIBM, European integrated border management) ( 19 ). Il-Frontex tinsab fit-triq it-tajba biex tiżviluppa, f’kooperazzjoni mal-EUAA u mal-Kummissjoni, is-“sett ta’ għodod ta’ skrinjar” tagħha, li jinkludi għodod prattiċi għat-twettiq tal-kontrolli u l-verifiki relatati mal-iskrinjar. L-ittestjar operazzjonali ta’ dawn l-għodod huwa skedat li jibda f’Settembru 2025.

Il-Kummissjoni u l-EUAA ħarġu sensiela ta’ għodod direttament rilevanti għall-istabbiliment tal-proċedura obbligatorja l-ġdida fuq il-fruntiera. Dawn jinkludu mudelli ipotetiċi tal-kapaċità adegwata, inkluż il-possibbiltà li jkun hemm “ċentri b’diversi skopijiet” li jikkombinaw l-iskrinjar u l-proċeduri tal-ażil u ta’ ritorn fuq il-fruntiera. Dawn il-mudelli jinkludu rekwiżiti indikattivi tal-persunal u tal-akkoljenza għall-iskrinjar u għall-proċeduri fuq il-fruntiera, biex jappoġġaw l-ippjanar nazzjonali u l-istabbiliment ta’ miri għat-twettiq. L-EUAA ħarġet pjan ta’ azzjoni għal ċentri b’diversi skopijiet, li jipprevedi diversi passi tal-proċess f’post wieħed (eż. l-iskrinjar, ir-reġistrazzjoni, il-proċeduri fuq il-fruntiera) biex tingħata għajnuna lill-Istati Membri fit-tfassil ta’ dawn iċ-ċentri. L-EUAA, li tikkoopera mal-Frontex, ħarġet ukoll il-Linji Gwida l-ġodda dwar alternattivi għad-detenzjoni10 li jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-proċedura fuq il-fruntiera. Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa wkoll dokument ta’ gwida dwar il-proċedura tal-ażil u ta’ ritorn fuq il-fruntiera.

Fil-livell nazzjonali, xi Stati Membri diġà għandhom il-faċilitajiet ta’ akkoljenza u r-riżorsi umani meħtieġa biex jipprovdu għall-kapaċità adegwata tagħhom stabbilita. Oħrajn għandhom pjanijiet konkreti dwar kif jagħmlu dan, inkluż billi jallokaw fondi għall-infrastruttura u l-persunal meħtieġa ( 20 ), u pjanijiet għall-bini, ir-rinnovazzjoni jew l-adattament mill-ġdid ta’ ċentri b’diversi skopijiet. L-eżerċizzju mwettaq mir-Rumanija fl-2024 biex jiġi mmudellat l-iskrinjar kien utli biex jiġu ttestjati l-operazzjonijiet ta’ skrinjar u tiġi kondiviża l-esperjenza ma’ Stati Membri oħra.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

L-Istati Membri għandhom sa April 2026 biex jinnotifikaw il-postijiet iddeżinjati għall-proċedura fuq il-fruntiera. Sa issa, l-ebda Stat Membru ma għamel dan. L-Istati Membri jirriskjaw li jiffaċċjaw dewmien fl-istabbiliment tal-kompetenza u l-kapaċità tagħhom għall-iskrinjar u l-proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera jekk il-postijiet finali ma jiġux iddeżinjati, u li l-ippjanar finanzjarju u l-proċessi tal-akkwist relatati ma jinbdewx u ma jiġux konklużi ( 21 ). Il-programmazzjoni li għaddejja ta’ finanzjament addizzjonali tal-UE jista’ jappoġġa lill-Istati Membri biex iwettqu dan il-kompitu importanti. Il-Kummissjoni se tkun f’kuntatt mal-Istati Membri biex tavvanza f’dawn l-aspetti, b’mod partikolari peress li bħalissa ma huwiex possibbli li l-Kummissjoni tivvaluta bis-sħiħ il-progress li sar mill-Istati Membri u r-riskji possibbli li jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw.

L-implimentazzjoni tal-proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn mekkaniżmu indipendenti ta’ monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali (ara t-taqsima 3.10) u tiddependi fuq kooperazzjoni effettiva mal-ġudikatura biex jiġu ssodisfati l-iskadenzi u jitqiesu l-bidliet proċedurali introdotti mill-Patt. L-Istati Membri identifikaw il-kooperazzjoni mal-ġudikatura bħala element importanti tal-proċess ta’ implimentazzjoni. Dan jirrikjedi li jitqiesu l-ħtiġijiet addizzjonali tal-ġudikatura, li tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura u li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-UE għall-qrati jew għat-tribunali.

Jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-involviment f’waqtu ta’ diversi partijiet ikkonċernati u l-allokazzjoni ta’ biżżejjed fondi għall-elementi kollha tal-kapaċità adegwata. Fir-rigward tal-introduzzjoni gradwali tal-iskrinjar, hemm xi sfidi relatati mad-deżinjazzjoni ta’ biżżejjed faċilitajiet u riżorsi umani, materjali u tekniċi biex ilaħħqu mal-ogħla livelli fil-flussi migratorji, kif ukoll biex jipprovdu mekkaniżmi effettivi u għodod legali biex jipprevjenu l-ħarba. Iridu jsiru wkoll sforzi biex ikun hemm fis-seħħ biżżejjed persunal imħarreġ u professjonisti mediċi biex iwettqu l-iskrinjar, u biex l-infrastruttura teknika tikkonsulta malajr il-bażijiet tad-data rilevanti tal-UE u nazzjonali, kemm fil-fruntieri deżinjati kif ukoll fit-territorju.

3.4 Element Kostitwenti 3 - Kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-akkoljenza

Kważi l-Istati Membri kollha qed jimplimentaw riformi amministrattivi u organizzattivi b’reazzjoni għall-bidliet introdotti mill-Patt.

Dan il-proċess jinvolvi bidliet fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-każijiet u fl-infrastruttura tal-IT tagħhom ( 22 ), bl-użu wkoll tal-appoġġ tat-TSI, kif ukoll investiment fl-infrastruttura, kemm f’termini ta’ rinnovazzjoni kif ukoll ta’ stabbiliment ta’ strutturi ġodda. Kważi nofs l-Istati Membri kollha qed jippjanaw għal ċentri ġodda ta’ akkoljenza ta’ tipi differenti u għal gruppi differenti ta’ residenti ( 23 ). Barra minn hekk, l-Istati Membri qed jirrieżaminaw il-flussi operazzjonali u qed jistabbilixxu arranġamenti ġodda ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenziji mal-fornituri ta’ servizzi u s-sħab, pereżempju relatati mal-proċeduri ta’ akkwist, il-kura tas-saħħa, l-assistenza li għandha tiġi pprovduta lill-minorenni mhux akkumpanjati jew is-suq tax-xogħol.

L-Istati Membri qed jesploraw ukoll modi biex isaħħu l-awtodipendenza u l-appoġġ għall-applikanti li volontarjament jirrinunzjaw għal soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni sponsorjati mill-Istat ( 24 ). Xi Stati Membri jiffokaw fuq miżuri ta’ integrazzjoni bikrija, inkluż klassijiet tal-lingwi f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza ( 25 ). Stati Membri oħrajn identifikaw azzjonijiet biex isaħħu l-appoġġ mediku u psikosoċjali ( 26 ).

Barra minn hekk, l-Istati Membri jinsabu fil-proċess li jittrasponu d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza u l-għodod il-ġodda tagħha għall-ġestjoni tal-akkoljenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. L-isforzi ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri huma appoġġati mill-Kummissjoni u mill-EUAA fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza u min-Network tal-EUAA tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar l-Akkoljenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żviluppat dokument ta’ spjegazzjoni li ġie kondiviż mal-Istati Membri f’Diċembru 2024 ( 27 ). B’mod parallel, l-Istati Membri qed jiżviluppaw metodi biex jimmonitorjaw il-preżenza tal-applikanti u biex jagħmlu disponibbli u japplikaw alternattivi għad-detenzjoni ( 28 ).

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

It-traspożizzjoni f’waqtha tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza tkompli tirrikjedi attenzjoni fl-Istati Membri kollha. Li jiġu żgurati biżżejjed kapaċità u kundizzjonijiet adegwati huwa element ewlieni biex Stat Membru jkun ippreparat sew.

Għad hemm sfidi f’għadd ta’ Stati Membri ( 29 ) relatati ma’ kapaċità xierqa fis-sistemi nazzjonali ta’ akkoljenza. F’xi każijiet, dan diġà ġie identifikat mill-qrati rilevanti. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet reali ta’ akkoljenza tal-lum, kif meħtieġ mill-acquis kurrenti, u li jżommu biżżejjed kapaċità fis-sistema ta’ akkoljenza tagħhom li tiżgura standard ta’ għajxien adegwat, filwaqt li l-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom jiġu żviluppati sew u aġġornati (aktar informazzjoni dwar il-kontinġenza fit-taqsima 3.9).

Peress li r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza tkompli tarmonizza l-istandards li għandhom jiġu pprovduti lill-applikanti, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jnaqqsu jew jitbiegħdu minn dawn l-istandards jew milli jnaqqsu l-kapaċità ġenerali tas-sistemi ta’ akkoljenza tagħhom. Barra minn hekk, is-sistemi tal-Istati Membri għandhom jippermettu differenzjazzjoni ċara bejn “standards ta’ għajxien adegwati” u kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali mnaqqsa f’ċerti każijiet ( 30 ) marbuta ma’ abbużi mill-applikanti, kif previst fid-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza. F’każ ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali mnaqqsa, l-Istati Membri għandhom, bħala minimu, ikomplu jipprevedu l-ħtiġijiet bażiċi, li jeħtieġ li jiġu definiti fis-sistemi nazzjonali wkoll f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Xi Stati Membri għandhom jirrieżaminaw ukoll il-kapaċità ta’ detenzjoni tagħhom u jtejbu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet ġenerali tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, il-konverġenza lejn standards adegwati ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali hija essenzjali biex il-Patt jiffunzjona kif suppost, inkluż biex jiġu evitati movimenti sekondarji, għal trasferimenti skont ir-regoli dwar ir-responsabbiltà, u biex jiġi ddeterminat li Stat Membru huwa ppreparat sew.

Il-lakuni li fadal relatati mal-ġbir tad-data meħtieġa dwar l-akkoljenza se jkollhom jiġu indirizzati malajr. Barra minn hekk, speċjalment b’rabta ma’ miżuri ta’ integrazzjoni bikrija, l-Istati Membri għandhom jiffokaw fuq l-istabbiliment u r-rieżami f’waqthom ta’ sħubijiet adegwati bejn diversi partijiet ikkonċernati.

3.5 Element Kostitwenti 4 - Proċeduri ġusti, effiċjenti u konverġenti tal-ażil

L-Istati Membri qed jiffokaw fuq ir-rieżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex jaġġustaw għall-qafas legali l-ġdid. Xi Stati Membri qed jiffaċċjaw akkumulazzjoni sinifikanti f’każijiet tal-ażil, minħabba kwistjonijiet strutturali, jew persunal u infrastruttura limitati li jirriżultaw fi żminijiet twal ta’ pproċessar. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kkonċernati ħadu passi biex jindirizzaw backlogs eżistenti u jnaqqsu t-tul tal-proċeduri, kif ukoll jevitaw il-ħtieġa li jmexxu żewġ sistemi paralleli għal żmien twil wisq wara Ġunju 2026 - wieħed regolat mill-acquis kurrenti u mid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, u wieħed ibbażat fuq ir-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil fir-rigward tal-applikazzjonijiet ippreżentati mit-12 ta’ Ġunju 2026. Għadd ta’ Stati Membri daħħlu fis-seħħ pjanijiet biex itejbu l-kapaċità tagħhom billi jżidu l-għadd ta’ persunal permanenti ( 31 ) jew billi joħolqu timijiet iddedikati biex jindirizzaw il-backlog ( 32 ). Xi Stati Membri fittxew appoġġ addizzjonali mmirat għal dan permezz tat-TSI jew tal-EUAA ( 33 ). Id-diskussjonijiet li saru fil-kumitati esperti jservu biex jiċċaraw id-dispożizzjonijiet legali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida u jgħinu fit-tranżizzjoni bejn iż-żewġ sistemi.

Id-diġitalizzazzjoni, speċjalment l-użu ta’ sistemi integrati ta’ ġestjoni tal-każijiet, u notifiki awtomatizzati għat-trażmissjoni effiċjenti u sigura tal-informazzjoni, hija element importanti għal dawk l-Istati Membri li qed jirrieżaminaw u jissimplifikaw il-flussi tax-xogħol u l-proċeduri operattivi standard tagħhom, speċjalment meta jkunu involuti awtoritajiet differenti. Il-Bulgarija, pereżempju, qed tuża l-appoġġ tat-TSI biex timxi ’l quddiem fid-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-ażil.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Jeħtieġ li jiġu indirizzati l-isfidi eżistenti rigward l-aċċess għall-proċedura ta’ ażil, inkluż id-dewmien fir-reġistrazzjoni u fl-appuntamenti għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Fil-bini tal-kapaċità tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reklutaġġi meħtieġa jsiru fil-ħin, u li jiġi pprovdut taħriġ adegwat.

Bħala parti mill-eżerċizzju ta’ programmazzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw b’mod attiv mal-ġudikatura biex jivverifikaw u, fejn meħtieġ, jespandu l-kapaċità għall-ipproċessar tal-appelli. Dan huwa meħtieġ biex jitnaqqas il-ħin tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u biex tiġi żgurata l-effiċjenza ġenerali tas-sistema, jitnaqqsu l-backlogs eżistenti u jiġi evitat li jitfaċċaw oħrajn ġodda. B’mod simili għas-sitwazzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi, huwa ta’ importanza kruċjali li jiġi żgurat, fejn meħtieġ, taħriġ f’waqtu u adegwat tal-imħallfin.

L-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-allegazzjonijiet ta’ pushback jiġu investigati malajr biex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt ta’ aċċess għall-proċeduri ta’ ażil u l-prinċipju ta’ non-refoulement. Kif indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu mill-użu tal-migrazzjoni bħala arma ( 34 ), kwalunkwe miżura meħuda biex jiġi indirizzat l-użu tal-migrazzjoni bħala arma li taffettwa l-fruntieri mal-Belarussja u r-Russja u li tirrestrinġi d-drittijiet fundamentali (eż. id-dritt għall-ażil), għandha tkun temporanja, proporzjonali u limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ, u tiżgura li l-essenza ta’ dawk id-drittijiet tiġi rrispettata.

3.6 Element Kostitwenti 5 - Proċeduri ta’ ritorn aktar effiċjenti u ġusti

Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri, fil-kuntest tal-iżvilupp tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali, biex tqarreb l-awtoritajiet tal-ażil u tar-ritorn lejn xulxin. Sal-lum, 19-il Stat Membru diġà joħorġu deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil u deċiżjonijiet ta’ ritorn fl-istess ħin, u dawn se jkunu rekwiżit skont il-Patt, bl-għan li jkomplu jissimplifikaw u jirrazzjonalizzaw il-proċessi amministrattivi. Fi ħdan il-qafas tan-Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorni, ġew organizzati sessjonijiet ta’ ħidma ddedikati biex jiġu kondiviżi l-esperjenzi u jiġu identifikati l-aħjar prattiki ( 35 ). Ġew organizzati wkoll sessjonijiet ta’ ħidma simili dwar applikazzjonijiet għall-ażil tal-aħħar minuta u dwar modi biex jitħaffef il-proċess ta’ ritorn, tittejjeb il-koordinazzjoni u jitnaqqas iż-żmien bejn iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-ażil u l-proċeduri ta’ ritorn.

Sadanittant, diversi Stati Membri qed jaġġornaw is-sistemi nazzjonali tagħhom ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn biex jippermettu monitoraġġ aktar effiċjenti tar-ritorn, jistabbilixxu integrazzjoni awtomatizzata mas-sistemi usa’ tal-IT għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, u jiżguraw użu aktar komplut u effettiv tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Kif ippreżentat fir-rapport dwar l-Istat ta’ Schengen 2025 ( 36 ), l-evalwazzjoni tematika ta’ Schengen dwar l-effettività tas-sistema ta’ ritorn, imwettqa fl-2024, enfasizzat kemm l-iżviluppi fuq il-post kif ukoll l-ostakli interni persistenti li jfixklu r-ritorn. Xi Stati Membri stabbilew jew saħħew l-ippjanar integrat għall-awtoritajiet kollha involuti fil-proċess ta’ ritorn, u dan jippermetti koordinazzjoni regolari u allokazzjoni aktar effettiva tar-riżorsi. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ analiżi tar-riskju u ppjanar bil-quddiem aħjar għar-ritorn, li jappoġġaw it-tisħiħ tal-preparatezza u l-allokazzjoni tar-riżorsi, inkluż għad-definizzjoni tal-appoġġ meħtieġ mill-Frontex. Żewġ Stati Membri ( 37 ) ivvalutaw mill-ġdid il-kapaċitajiet ta’ ritorn eżistenti, inkluż il-kapaċità tagħhom li jindirizzaw ir-riskju ta’ ħarba, u jinsabu fil-proċess li jżidu dawk il-kapaċitajiet. F’xi Stati Membri ( 38 ), il-programmi ta’ ritorn volontarju ġew imsaħħa, u dan jista’ jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-effettività ġenerali tar-ritorn.

Il-Frontex tappoġġa b’mod attiv lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw in-novitajiet ewlenin tal-Patt dwar ir-ritorn. Dan jinkludi ħidma teknika kontinwata biex jiġu mmappjati l-ħtiġijiet tal-Istati Membri biex ikunu jistgħu jippjanaw l-appoġġ tal-Aġenzija. Il-Programm ta’ Riintegrazzjoni tal-UE tal-Frontex qed ikollu rwol dejjem aktar importanti fil-promozzjoni ta’ aktar ritorni volontarji mill-UE, u issa qed jintuża b’mod attiv minn kważi l-Istati Membri kollha

Il-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2025 għal Regolament li jistabbilixxi sistema komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali fl-Unjoni tikkostitwixxi element ewlieni biex tikkomplementa l-proposti l-oħrajn tal-Patt, bil-għan li jiġu stabbiliti ritorni aktar rapidi, sempliċi u effettivi, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali.

Abbażi tal-iskambji rilevanti mal-Istati Membri, fi tmiem l-2024, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ ħidma tal-persunal li jelenka l-modi kif jiġi prijoritizzat u simplifikat ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi meqjusa bħala theddida għas-sigurtà pubblika ( 39 ).

Fil-kuntest tal-valutazzjoni annwali tal-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni skont l-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kummissjoni qed tagħti attenzjoni partikolari lir-rilevanza tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom x’aktarx ikunu soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tqis bħala prijorità li jsir progress fin-negozjati dwar il-proposta msemmija hawn fuq għal Regolament dwar ir-ritorn u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jikkonkludu n-negozjati mill-aktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ qabel ma l-Patt jibda japplika f’Ġunju 2026.

L-Istati Membri se jkollhom bżonn jindirizzaw l-ineffiċjenzi interni eżistenti, bħall-koordinazzjoni limitata bejn l-awtoritajiet u l-proċeduri kumplessi żżejjed, biex jiżguraw l-aktar implimentazzjoni effettiva tal-obbligi l-ġodda skont il-Patt, b’mod partikolari dawk relatati mal-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera. L-effettività ġenerali tas-sistema ta’ ritorn tiddependi fuq riżorsi adegwati, proċessi bla xkiel għal segwitu kontinwu dwar ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u t-trattament ta’ ritorn bħala proċess ippjanat u prevedibbli ( 40 ).

Il-Koordinatur tal-UE għar-Ritorni jkompli jappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn l-isfidi. Il-Koordinatur għar-Ritorni qed jiżviluppa manwal dwar flussi tax-xogħol effiċjenti biex jiggwida lill-atturi involuti fil-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera fl-Istati Membri, u jkompli jħeġġeġ l-użu tal-allerta dwar ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.

Azzjoni ta’ ritorn immirata dwar il-preparatezza u l-ippjanar ta’ kontinġenza għar-ritorni, imnedija mill-Koordinatur tal-UE għar-Ritorni f’Marzu 2025, għandha l-għan li tippromwovi prattiki tajbin li xi Stati Membri diġà għandhom fis-seħħ, u tgħin biex jiġu identifikati l-elementi ewlenin u kondiviżi tal-ippjanar ta’ kontinġenza għar-ritorn, biex jitrawwem approċċ komuni koerenti madwar l-UE. Il-Frontex se jkollha rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni ta’ ritorn immirata.

Fl-2026, il-Frontex se tikkondividi stħarriġ komprensiv mal-Istati Membri dwar il-ħtiġijiet għal appoġġ possibbli tal-Frontex dwar ir-ritorn. L-Aġenzija qiegħda ssegwi l-laqgħa introduttorja li saret f’Novembru 2024 b’laqgħat bilaterali ddedikati mal-Istati Membri interessati kollha biex tippjana u tesplora aħjar kif jistgħu jiġu indirizzati l-ħtiġijiet individwali tal-Istati Membri.

3.7 Element Kostitwenti 6 - Nagħmlu r-responsabbiltà taħdem

Il-funzjonament tajjeb tar-regoli eżistenti ta’ Dublin u tar-regoli l-ġodda, kif previst mir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni (AMMR, Asylum and Migration Management Regulation), dwar it-tqassim ġust tar-responsabbiltà, huwa ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament ġenerali tal-Patt.

F’dawn l-aħħar snin, ir-rata ta’ trasferimenti ta’ Dublin madwar l-Unjoni kienet baxxa ħafna, u dan xekkel b’mod sinifikanti l-effettività tas-sistema. Il-ħidma teknika mill-Kummissjoni u fil-livell nazzjonali hija ffokata fuq it-tħaddim tat-trasferimenti.

Il-Kummissjoni qed tiffinalizza l-att ta’ implimentazzjoni li se jħassar ir-regoli ta’ implimentazzjoni kurrenti bil-ħsieb li jiġi adottat f’Lulju 2025 ( 41 ). F’termini operazzjonali, dan se jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri, u b’hekk jagħmel it-trasferimenti aktar rapidi u faċli. Barra minn hekk, dan se jinkludi formoli standard għal talbiet biex tittieħed responsabbiltà u notifiki għat-teħid lura, għal trasferimenti, kif ukoll għall-proċedura ta’ rilokazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni. Ir-regoli l-ġodda ta’ implimentazzjoni ġew abbozzati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Ladarba jiġu adottati, l-eu-LISA se timplimenta adattamenti tekniċi għall-introduzzjoni ta’ dawn il-proċeduri fis-sistema ta’ kull Stat Membru.

Matul djalogu mal-Istati Membri dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Patt, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li tittejjeb is-sistema ta’ responsabbiltà u l-funzjonament tal-unitajiet nazzjonali ta’ Dublin. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Istati Membri ffokaw fuq li jkun hemm sistema ta’ responsabbiltà li tiffunzjona tajjeb u li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ trasferimenti fost l-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri stabbilew pjanijiet biex iżidu l-persunal, jirrieżaminaw il-flussi tax-xogħol u/jew jaġġornaw l-infrastruttura eżistenti għal ġestjoni effettiva ta’ każijiet.

F’April 2025, l-EUAA ppubblikat żewġ mudelli għall-formoli dwar it-traċċar tal-familji biex tiffaċilita d-determinazzjoni tar-responsabbiltà: wieħed għall-applikanti adulti, u ieħor għall-minorenni mhux akkumpanjati ( 42 ). Iż-żewġ formoli huma akkumpanjati minn Gwida Prattika dwar it-traċċar tal-familja, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, u f’pajjiżi terzi ( 43 ).

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

L-Istati Membri kollha se jkollhom jiżguraw li japplikaw ir-regoli l-ġodda, inkluż dwar it-talbiet biex tittieħed responsabbiltà, in-notifiki għat-teħid lura u t-trasferimenti. Żieda fl-għadd ġenerali ta’ trasferimenti implimentati se tikkontribwixxi għall-funzjonament effettiv tas-sistema, tnaqqas l-inċentivi għal moviment mhux awtorizzat u tiżgura li jinżamm il-bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà tal-Patt. Peress li hemm fis-seħħ kundizzjonijiet biex it-trasferimenti jiffunzjonaw lejn l-Istati Membri kollha tal-UE u minnhom, u fid-dawl tar-regoli applikabbli, it-trasferimenti bħalissa diġà għandhom isiru lejn l-Istati Membri kollha. Dan huwa essenzjali għat-tranżizzjoni effettiva għar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà, u għall-funzjonament xieraq taċ-ċiklu annwali ta’ solidarjetà.

Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà hija marbuta mill-qrib mal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Eurodac il-ġdid. Minbarra t-tħejjija teknika, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, u jkunu jistgħu jaċċessaw is-sistema biex jaġġornaw id-data bl-informazzjoni rilevanti, bħall-indikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, f’konformità kemm mal-AMMR kif ukoll mar-Regolament Eurodac.

Ladarba jiġu adottati r-regoli ta’ implimentazzjoni l-ġodda, l-eu-LISA se tieħu miżuri tekniċi biex tagħmilha aktar faċli u aktar mgħaġġel għall-Istati Membri biex jikkomunikaw permezz tad-DubliNet.

3.8 Element Kostitwenti 7 – Nagħmlu s-solidarjetà taħdem

Il-ħidma preparatorja tkompli tibda tħaddem iċ-ċiklu annwali ta’ solidarjetà f’Ottubru 2025, u tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti u l-Forum ta’ Livell Tekniku tal-UE dwar is-Solidarjetà sa Ġunju 2026. Il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà tal-Patt jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu bejn ir-rilokazzjonijiet, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, u l-appoġġ in natura fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

Sa issa l-ħidma ffokat fuq il-“Patt” tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà, u dan laqqa’ flimkien lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-EUAA. F’April 2025, saret laqgħa dwar il-“Patt” tal-Pjattaforma ta’ Solidarjetà biex jiġu diskussi aspetti ewlenin tal-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà u biex jiġu avvanzati t-tħejjijiet għall-istabbiliment tal-Forum ta’ Livell Tekniku tal-UE dwar is-Solidarjetà. Il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tat-termini ta’ referenza u r-regoli ta’ proċedura għall-Forum ta’ Livell Tekniku tal-UE dwar is-Solidarjetà lill-Istati Membri, u ħabbret il-ħatra tal-Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE ( 44 ). Laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni (AMMR, Asylum and Migration Management Regulation) kienet iddedikata għad-diskussjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà u d-diversi modalitajiet għall-provvediment ta’ miżuri ta’ solidarjetà differenti disponibbli ( 45 ). Ġie żviluppat mekkaniżmu għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji, li għandu jiġi stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni tal-AMMR relatat.

L-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà teħtieġ skambju f’waqtu ta’ data ta’ kwalità mill-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-aġenziji tal-UE u mal-Istati Membri fil-qafas tan-Network tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kriżijiet tal-Migrazzjoni biex tidentifika u tindirizza l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-ġbir u/jew tat-trażmissjoni tad-data għall-fini taċ-ċiklu annwali ta’ solidarjetà. Minn April sa Novembru 2024, il-Kummissjoni wettqet test biex tiġbor id-data u tiżgura l-konsolidazzjoni u l-kondiviżjoni tal-analiżi għar-Rapport Ewropew Annwali dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni. Abbażi ta’ dan, tfassal proċess effiċjenti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll arranġamenti ta’ ħidma rilevanti mal-EUAA u mal-Frontex, u qed titħejja waħda mal-Europol. Għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt, huma essenzjali bażi ta’ evidenza komuni u kondiviżjoni tad-data.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Il-ħidma preparatorja għall-ewwel Rapport Annwali dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni għadha għaddejja. L-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE ppreżentaw l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ġunju. Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-aġenziji tal-UE rriżultat fi proċessi ssimplifikati u razzjonalizzati b’mod sinifikanti tal-ġbir tad-data u tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE se jiskambjaw dwar l-ewwel abbozz ta’ Rapport f’laqgħa ddedikata tan-Network tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kriżijiet tal-Migrazzjoni f’Lulju, bil-għan li dan jiġi adottat sal-15 ta’ Ottubru. Jibqa’ kruċjali li l-Istati Membri jkomplu jirrapportaw dwar id-data u l-informazzjoni meħtieġa b’mod f’waqtu, akkurat u komplut, filwaqt li jkopru wkoll ir-ritorn u l-akkoljenza.

L-analiżi fir-Rapport Annwali se tirfed id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tidentifika l-Istati Membri taħt pressjoni migratorja, f’riskju ta’ pressjoni migratorja jew li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti. Dik l-analiżi se sservi wkoll biex tħejji l-proposta tal-Kummissjoni għal att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni migratorja. Iż-żewġ proposti huma mistennija sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2025.

Il-ħatra mill-Kummissjoni tal-Istati Membri taħt pressjoni migratorja, f’riskju ta’ dan jew li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti se tinkludi l-valutazzjoni ta’ jekk is-sistemi nazzjonali humiex ippreparati tajjeb. Tali valutazzjoni se jkollha impatt dirett fuq il-possibbiltà li dawk l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċessaw ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u/jew jitolbu tnaqqis sħiħ jew parzjali tal-wegħda ta’ solidarjetà tagħhom.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni se tqis ukoll l-eżistenza possibbli ta’ nuqqasijiet sistemiċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli (ta’ Dublin) dwar ir-responsabbiltà fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn miżuri ta’ solidarjetà, b’mod partikolari nuqqasijiet li jistgħu jirriżultaw f’konsegwenzi negattivi serji għall-funzjonament tas-sistema ta’ Dublin. Meta sitwazzjoni bħal din tiġi identifikata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri kontribwenti ma humiex meħtieġa jimplimentaw il-wegħdiet ta’ solidarjetà tagħhom jew japplikaw kumpensi tar-responsabbiltà.

L-ewwel laqgħa tal-Forum ta’ Livell Tekniku tal-UE dwar is-Solidarjetà se ssir kmieni fl-2026. Il-finalizzazzjoni tat-termini ta’ referenza u tar-regoli ta’ proċedura għadha għaddejja. L-EUAA tinsab fil-proċess li tiżviluppa gwida prattika dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà fir-rigward tar-rilokazzjonijiet u l-kumpensi tar-responsabbiltà.

3.9 Element Kostitwenti 8 - Preparatezza u ppjanar ta’ kontinġenza

L-ippjanar ta’ kontinġenza huwa parti strumentali tal-Patt, li jiggarantixxi li s-sistemi tal-ażil u tal-akkoljenza jkunu jistgħu jkomplu jiffunzjonaw kif suppost u jadattaw malajr għal bidliet f’daqqa fis-sitwazzjoni migratorja.

Biex tappoġġa lill-Istati Membri matul it-tħejjijiet tal-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, f’Novembru 2024, l-EUAA żviluppat il-mudell li l-Istati Membri jridu jużaw. Ħarġet ukoll manwal ta’ eżempji u prattiki tajbin u organizzat sensiela ta’ webinars ta’ taħriġ. F’Marzu 2025, in-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN, European Migration Network) organizza sessjoni ta’ ħidma għall-bini tal-kapaċità dwar l-immudellar tax-xenarji u l-ippjanar ta’ kontinġenza għall-Istati Membri. B’mod aktar ġenerali, biex tintensifika l-iskambji tekniċi dwar aspetti differenti tal-ippjanar ta’ kontinġenza dwar il-migrazzjoni, il-Kummissjoni attivat mill-ġdid sottogrupp iddedikat dwar l-ippjanar ta’ kontinġenza fil-qafas tan-Network tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kriżijiet tal-Migrazzjoni.

L-iskadenza legali għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali lill-EUAA kienet it-12 ta’ April 2025. Sal-lum, 22 Stat Membru adottaw u nnotifikaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom ( 46 ).

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

L-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan għandhom jinnotifikaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom lill-EUAA bħala kwistjoni ta’ urġenza.

Il-biċċa l-kbira tal-pjanijiet innotifikati lill-EUAA jinkludu l-elementi ewlenin tal-mudell, għalkemm b’livelli differenti ta’ kompletezza. L-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw li jiġu deskritti miżuri konkreti għall-elementi kollha tal-mudell (eż. l-ażil, l-akkoljenza u l-minorenni mhux akkumpanjati), sostnuti minn xenarji u indikaturi definiti sew, kif ukoll miżuri ta’ preparatezza.

L-Istati Membri kollha jeħtieġ ukoll li jżommu l-pjanijiet adattati għall-iskop tagħhom, jaġġornawhom u jirreveduhom u jittestjawhom meta jkun possibbli. Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-koerenza ma’ pjanijiet oħra ta’ kontinġenza rilevanti għall-migrazzjoni (eż. dwar il-fruntieri jew ir-ritorn). Barra minn hekk, għandhom jittieħdu miżuri ta’ preparatezza prattika (eż. il-loġistika u l-preparatezza għall-akkwist, il-kumulazzjoni ta’ riżerva, it-taħriġ jew il-kapaċità ta’ akkoljenza ta’ riżerva) biex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet ikunu jistgħu jiġu mobilizzati b’mod flessibbli u effiċjenti. Il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar il-livell ta’ preparatezza fl-Unjoni u fl-Istati Membri fir-Rapport Annwali f’Ottubru, abbażi tal-kontribut mill-aġenziji tal-UE, b’mod partikolari l-Frontex u l-EUAA. Mill-2026 ’il quddiem, l-ippjanar ta’ kontinġenza dwar l-akkoljenza u l-ażil se jiġi vvalutat bħala parti mill-programm ta’ monitoraġġ pluriennali tal-EUAA.

3.10 Element Kostitwenti 9 - Salvagwardji ġodda għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u għall-persuni vulnerabbli, u aktar monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali

Il-Patt joħloq bilanċ importanti mhux biss bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà, iżda wkoll bejn l-obbligi u d-drittijiet tal-persuni li jfittxu protezzjoni fl-UE. Jintroduċi elementi ġodda relatati mal-monitoraġġ indipendenti tad-drittijiet fundamentali matul l-iskrinjar u l-proċeduri tal-ażil fuq il-fruntiera, salvagwardji proċedurali msaħħa u miżuri ta’ protezzjoni, bħall-għoti ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni legali bla ħlas, u jinkludi dispożizzjonijiet ċari u msaħħa għal persuni b’vulnerabbiltajiet jew bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza, b’mod partikolari t-tfal, inkluż minorenni mhux akkumpanjati. Filwaqt li għad hemm xi lakuni, il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni taċ-Ċittadini tal-Istati Membri ġeneralment jirriflettu l-bilanċ ġenerali bejn id-drittijiet u l-obbligi, u jinkorporaw dawn l-elementi l-ġodda. Huwa importanti li dan ikompli jkun il-każ matul il-proċess kollu ta’ implimentazzjoni, waqt il-leġiżlazzjoni u matul l-operazzjonalizzazzjoni u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

B’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istati Membri, fil-laqgħat tal-kumitati ta’ esperti ġew ipprovduti kjarifika u gwida dwar id-dispożizzjonijiet legali rilevanti. F’Settembru 2024, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ddedikata mal-Istati Membri li ffokat speċifikament fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet u tas-salvagwardji speċifiċi relatati mat-tfal, inkluż minorenni mhux akkumpanjati, fl-istrumenti leġiżlattivi l-ġodda kollha.

Kif meħtieġ mir-Regolament dwar l-Iskrinjar ( 47 ), f’Settembru 2024, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali ħarġet linji gwida dwar il-Mekkaniżmu Indipendenti tad-Drittijiet Fundamentali lill-Istati Membri ( 48 ). Dawk il-linji gwida jiffokaw fuq l-elementi differenti tal-mekkaniżmu biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet, jipproteġu lill-vittmi u jappoġġaw l-investigazzjonijiet dwar allegazzjonijiet ta’ għemil ħażin mill-awtoritajiet pubbliċi.

L-EUAA qed tabbozza l-materjal rilevanti għall-għoti ta’ informazzjoni, u l-Gwida Prattika dwar l-Għoti ta’ Informazzjoni fil-Proċedura tal-Ażil se tiġi ffinalizzata fl-2026. Fir-rigward tal-vulnerabbiltà, l-EUAA ħarġet gwidi prattiċi rilevanti rigward il-valutazzjoni tas-saħħa mentali tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, tal-applikanti b’orjentazzjonijiet sesswali, identitajiet tal-ġeneru, espressjonijiet tal-ġeneru u karatteristiċi tas-sess differenti( 49 ). Madankollu din is-sena, l-EUAA hija mistennija tippubblika aġġornament tal-Gwida Prattika tal-2019 dwar l-Aħjar Interess tat-Tfal fil-Proċeduri tal-Ażil, l-għodda għall-Valutazzjoni tal-Aħjar Interessi u pakkett ta’ informazzjoni xierqa għat-tfal dwar il-proċeduri tal-ażil u s-salvagwardji speċifiċi disponibbli għat-tfal. L-EUAA qiegħda taħdem ukoll fuq ir-reviżjoni ta’ diversi moduli ta’ taħriġ relatati ma’ applikanti vulnerabbli, bħall-modulu dwar it-tfal fil-proċess tal-ażil, il-modulu dwar il-vittmi ta’ Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-modulu dwar l-akkoljenza ta’ persuni vulnerabbli. Il-ħidma dwar ir-reviżjoni tal-Gwida tal-EUAA dwar il-vulnerabbiltà fl-ażil u l-akkoljenza tinsab għaddejja u hija mistennija li tiġi konkluża qabel nofs l-2026.Din is-sena, l-EUAA se tippubblika u se taġġorna l-gwida tal-2018 dwar il-valutazzjoni tal-età.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jipprevedu l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu indipendenti ta’ Monitoraġġ tad-Drittijiet Fundamentali fil-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom, u xi wħud diġà huma f’kuntatt ma’ korpi nazzjonali eżistenti u ma’ fornituri potenzjali ( 50 ). Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jew diġà għandhom konsulenza legali bla ħlas matul l-istadju amministrattiv jew inkludewha fil-pjanijiet tagħhom ( 51 ).

L-Istati Membri qed iħejju wkoll adattamenti għall-valutazzjoni u appoġġ iddedikat għal persuni b’vulnerabbiltajiet jew bi ħtiġijiet proċedurali speċjali. Dan jista’ jinkludi r-reviżjoni tal-manwali dwar il-kura tal-Proċeduri Operattivi Standard jew l-istabbiliment attiv ta’ sħubijiet ġodda għal kompiti relatati, kif pereżempju huwa previst fl-Irlanda, kif ukoll żieda fil-persunal. Diversi Stati Membri qed jantiċipaw ukoll il-ħolqien ta’ spazji ta’ akkoljenza ddedikati aktar għal persuni vulnerabbli, inkluż il-familji ( 52 ).

Għadd ta’ Stati Membri ħadu passi biex iħejju għall-implimentazzjoni tal-proċess il-ġdid ta’ valutazzjoni tal-età multidixxiplinari u daħħlu fis-seħħ ir-riformi meħtieġa tas-sistema tagħhom biex jipprovdu kustodji jew rappreżentanti legali lil minorenni mhux akkumpanjati f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda. F’xi Stati Membri dan ifisser li jiġu rieżaminati l-proċeduri għall-ħatra ta’ rappreżentanti għal minorenni mhux akkumpanjati, filwaqt li oħrajn issa qed jiżviluppaw jew isaħħu l-proċeduri u l-gwida għall-valutazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal u s-segwitu relatat.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Sfida ġenerali f’dan l-element kostitwenti hija relatata mal-ħtieġa ta’ koordinazzjoni ma’ sħab u entitajiet differenti, kemm jekk għall-għajnuna legali, għall-edukazzjoni, għall-benesseri soċjali jew għas-saħħa, biex jiġu stabbiliti l-arranġamenti operazzjonali meħtieġa. Diversi Stati Membri indikaw ukoll sfidi relatati mar-riformi relatati mal-minorenni ( 53 ) u mar-rekwiżiti relatati mal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u l-appoġġ sussegwenti. Stati Membri oħra jkomplu jiffaċċjaw nuqqas ta’ postijiet ta’ akkoljenza xierqa għal persuni bi bżonnijiet speċjali, inkluż it-tfal u/jew nuqqas ta’ postijiet ta’ akkoljenza b’mod ġenerali ( 54 ).

Matul ix-xhur li ġejjin, l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jiżguraw li l-entitajiet nazzjonali għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali jiġu ddefiniti u maħtura, li l-indipendenza tagħhom tkun garantita, u li l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni rilevanti jiġu stabbiliti ( 55 ). L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll riżorsi adegwati għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali u konsulenza legali bla ħlas li jiżguraw, permezz tar-reklutaġġ u tat-taħriġ, il-kapaċità meħtieġa u li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità jekk tali servizzi jiġu esternalizzati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll għadd suffiċjenti ta’ rappreżentanti mħarrġa sew għal minorenni mhux akkumpanjati, f’konformità mar-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil. F’ħafna każijiet, dan jista’ jirrikjedi li jsir kuntatt mal-awtoritajiet u l-ministeri nazzjonali rilevanti l-oħra. L-Istati Membri fejn il-pjanijiet għad iridu jiġu stabbiliti jew ikkonfermati, iridu jagħmlu dan b’mod urġenti biex jevitaw aktar dewmien fl-operazzjonalizzazzjoni ( 56 ).

3.11 Element Kostitwenti 10 - Integrazzjoni u perkorsi legali għall-protezzjoni

Il-politiki effettivi dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni huma importanti għal politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil ġestita tajjeb, u dan jgħin biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali. B’dan il-mod, il-migranti jistgħu jappoġġaw lilhom infushom u jikkontribwixxu għas-soċjetà u għall-ekonomija kif ukoll għall-kompetittività tal-UE.

Diversi Stati Membri indirizzaw il-ħtieġa li jinvestu aktar jew ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw l-integrazzjoni tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fil-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ integrazzjoni bikrija u proċess aktar effiċjenti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tal-ħiliet. L-aċċess effettiv għall-akkomodazzjoni jibqa’ kwistjoni kumplessa ( 57 ).

L-UE tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom għall-integrazzjoni permezz ta’ finanzjament, żvilupp ta’ gwida u trawwim ta’ sħubijiet f’diversi livelli li jinvolvu l-migranti, il-komunitajiet ospitanti, is-sħab soċjali u ekonomiċi, is-soċjetà ċivili u s-settur privat ( 58 ).

F’Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 ( 59 ), bħala waħda mill-ewwel azzjonijiet meta tressaq il-Patt. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta dokument ta’ ħidma tal-persunal li jirreżamina l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni f’nofs it-terminu u qiegħda tidentifika l-prattiki tajbin, l-isfidi li fadal u l-oqsma fejn għad irid isir aktar xogħol. Ir-rieżami jipprovdi wkoll għarfien u għodod dwar l-integrazzjoni ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni bil-ħsieb li jassisti lill-Istati Membri bl-operazzjonalizzazzjoni u bl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika ( 60 ) u tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, inkluż miżuri għall-integrazzjoni bikrija tal-applikanti u tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

Fir-rigward tal-perkorsi legali għall-protezzjoni, il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja ( 61 ) qed tavvanza. F’konformità man-natura volontarja tal-istrument, l-Istati Membri vvalutaw il-ħtiġijiet tagħhom biex jemendaw programmi u flussi tax-xogħol eżistenti biex jallinjaw man-novitajiet miġjuba mir-Regolament. Il-Kummissjoni sejħet tliet laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar ir-Risistemazzjoni biex isir skambju dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament u l-implimentazzjoni tagħhom. Il-laqgħat tan-Network ta’ Risistemazzjoni u ta’ Ammissjoni Umanitarja tal-EUAA ddiskutew ukoll is-sostenn operazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu meta jwettqu l-programmi tagħhom skont ir-regoli l-ġodda. Sabiex tipprepara l-ewwel Pjan tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja, il-Kummissjoni sejħet żewġ laqgħat tal-Kumitat ta’ Livell Għoli għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja, fejn il-parteċipanti kellhom skambju dwar il-prijoritajiet.

Sfidi ewlenin u l-passi li jmiss

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni juri li b’mod ġenerali l-eżiti tal-integrazzjoni tal-migranti tjiebu mill-2021. Fl-istess ħin, għad hemm sfidi fl-erba’ oqsma ewlenin kollha ta’ intervent: l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni ( 62 ). Iż-żamma ta’ interventi mmirati lejn il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali tibqa’ meħtieġa, b’mod partikolari għan-nisa, it-tfal u l-persuni bi bżonnijiet speċifiċi. Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu jisħaq ukoll fuq l-importanza ta’ approċċ aktar integrat u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-livelli differenti ta’ governanza tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-ippjanar u tal-appoġġ finanzjarju. Fl-aħħar nett, ir-rieżami ta’ nofs it-terminu jirrikonoxxi wkoll l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri biex isibu l-bilanċ it-tajjeb bejn l-integrazzjoni tal-migranti u l-benesseri tal-popolazzjonijiet tagħhom stess. Għall-ġejjieni, il-Kummissjoni se tqis it-tagħlimiet meħuda mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni.

B’mod aktar ġenerali, fi swieq tal-akkomodazzjoni li diġà jinsabu f’diffikultà, in-nuqqas ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni għall-benefiċjarji għandu konsegwenzi fuq il-kapaċità ta’ akkoljenza minħabba li jagħmilha aktar diffiċli li jiġu lliberati postijiet ta’ akkoljenza. Barra minn hekk, is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tad-dewmien fl-għoti ta’ permessi ta’ residenza u dokumentazzjoni oħra meħtieġa lill-benefiċjarji huma wkoll mira għal ftit Stati Membri.

Ir-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja huma kontribut importanti għal approċċ sostenibbli u komprensiv għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. Wara l-indikazzjonijiet fil-Kumitat ta’ Livell Għoli u l-kontribuzzjonijiet preliminari stabbiliti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tippreżenta sal-ħarifa l-proposta tagħha għall-Pjan tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja. Il-Pjan tal-Unjoni għandu l-għan li jservi bħala għodda strateġika biex jiġu inkorporati aktar l-isforzi tal-Unjoni għar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja fi sħubijiet u djalogi komprensivi ma’ pajjiżi terzi ewlenin. Wara l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri se jiffinalizzaw il-Pjan tal-Unjoni u jaħdmu lejn l-adozzjoni tiegħu mill-Kunsill qabel tmiem l-2025, għal implimentazzjoni f’waqtha bejn l-2026 u l-2027.

4.KONKLUŻJONI U L-PASSI LI JMISS

F’nofs il-perjodu ta’ tranżizzjoni, sar progress importanti kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali. Madankollu, irid jinżamm pass kostanti u, f’diversi każijiet, aċċellerat biex jiġu indirizzati l-isfidi li baqa’ fl-elementi kostitwenti kollha.

Iż-żamma ta’ dan il-momentum pożittiv u t-tkomplija tal-ħidma flimkien se jiżguraw proċess simplifikat u kkoordinat, filwaqt li jippermettu li l-interdipendenzi kritiċi fid-diversi flussi ta’ ħidma jiġu mmonitorjati b’mod effettiv. Iż-żamma ta’ rendikont tal-implimentazzjoni se tirrikjedi skambju kontinwu ta’ informazzjoni, il-promozzjoni tat-tagħlim reċiproku u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin. Biex tiffaċilita dan, il-Kummissjoni se tippromwovi skambju ta’ informazzjoni aktar strutturat u trasparenti u se tipprovdi appoġġ immirat lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sfidi. B’mod parallel, se tingħata attenzjoni lis-simplifikazzjoni tal-proċessi u lill-mitigazzjoni tal-piżijiet amministrattivi fejn possibbli, biex jiġi żgurat li l-isforzi jibqgħu ffokati, effiċjenti u orjentati lejn ir-riżultati. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll bl-involviment tagħha mal-Istati Membri fuq bażi bilaterali biex tipprovdi appoġġ imfassal apposta għall-implimentazzjoni tal-Patt.

L-ewwel ċiklu annwali ta’ solidarjetà li jibda f’Ottubru 2025 jagħmilha saħansitra aktar importanti li jiġu indirizzati l-isfidi eżistenti, li jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda nuqqas sinifikanti fl-applikazzjoni tar-regoli kurrenti, inkluż fis-sistema ta’ Dublin u dwar l-akkoljenza, u li jsir progress kontinwu fl-implimentazzjoni tal-Patt. It-tħejjija tajba tirfed l-obbligi skont il-Patt, u sservi wkoll bħala linja bażi biex jitqiesu dawk l-Istati Membri taħt pressjoni migratorja, dawk li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti jew dawk li qed jiffaċċjaw kriżi, u biex ikollhom aċċess għall-grupp ta’ Solidarjetà.

Riżultat importanti se jkun l-adozzjoni ta’ Strateġija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni ta’ 5 snin sa Diċembru 2025. Din l-Istrateġija se tibni fuq l-istrateġiji nazzjonali li l-Istati Membri jeħtieġ li jadottaw u jittrażmettu lill-Kummissjoni sat-12 ta’ Ġunju 2025, li jkopru kemm id-dimensjoni interna kif ukoll dik esterna tal-migrazzjoni f’approċċ komprensiv u integrat.

Biex tikkomplementa u tappoġġa l-implimentazzjoni sostenibbli tal-Patt, il-Kummissjoni se tkompli bil-ħidma tagħha dwar id-dimensjoni esterna tal-politika dwar il-migrazzjoni, b’mod partikolari dwar sħubijiet komprensivi ma’ pajjiżi terzi, fi spirtu ta’ Tim Ewropa u skont approċċ ta’ rotta sħiħa. Se ssir enfasi, fost l-oħrajn, fuq it-tnaqqis tal-wasliet irregolari lejn l-UE, fuq il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u fuq iż-żieda fl-effiċjenza tal-isforzi tagħna ta’ ritorn.

Is-suċċess tas-sistema se jiddependi fuq l-impenn u t-tħejjija tal-Istati Membri kollha fl-elementi kostitwenti kollha, peress li l-azzjonijiet f’qasam wieħed jista’ jkollhom implikazzjonijiet usa’ għal kulħadd. Il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE se jkomplu jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom u se jibbażaw fuq l-impenn kostruttiv u sostnut tagħhom. Fl-istess ħin, filwaqt li tfakkar li kwalunkwe qafas legali huwa biss effettiv daqs l-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-progress u tinsab lesta li tuża l-proċeduri xierqa f’konformità mat-Trattati biex tiżgura l-konformità. Dan jenfasizza r-responsabbiltà politika kondiviża ta’ kulħadd biex jimpenja ruħu bis-sħiħ għall-objettivi tal-Patt.

Il-Kummissjoni se tippreżenta s-sitwazzjoni attwali li jmiss dwar l-implimentazzjoni tal-Patt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala parti mir-Rapport Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil f’Ottubru.

(1) ()    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, COM(2024) 251 final, ( https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52024DC0251).
(2) ()    Monitoraġġ u Analiżi tar-Riskju tal-Frontex: https://www.frontex.europa.eu/what-we-do/monitoring-and-risk-analysis/migratory-map/ .
(3) ()    Inizjattivi ta’ Tim Ewropa: https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/team-europe-initiatives_mt .
(4) () Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, COM(2020) 758 final https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32024R1351 .
(5) ()    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tistabbilixxi sistema komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fl-Unjoni, u li tħassar id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE, COM(2025) 101 final EUR-Lex - 52025PC0101 - MT - EUR-Lex .
(6) ()    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1348 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini sikuri fil-livell tal-Unjoni COM(2025) 186 final EUR-Lex - 52025PC0186 - MT - EUR-Lex .
(7) ()    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1348 fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz sikur”, COM(2025) 259 final EUR-Lex - 52025PC0259 - MT - EUR-Lex .
(8) () L-atti ta’ implimentazzjoni differenti għall-atti leġiżlattivi tal-Patt huma elenkati fl-Anness tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni: EUR-Lex - 52024DC0251 - MT - EUR-Lex . 
(9) ( ) European Commission and NGOs discuss the implementation of the Migration Pact:     https://home affairs.ec.europa.eu/news/european-commission-and-ngos-discuss-implementation-migration-pact-2024-05-27_en .
(10) () Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF, Asylum, Migration and Integration Fund) u l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBMF, Integrated Border Management Fund).
(11) () Mis-6 ta’ Ġunju, hemm dewmien ta’ tħassib, jekk għal raġunijiet differenti, fi: il-Belġju, il-Greċja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, Spanja.
(12) ()    L-Ungerija kkomunikat lill-Kummissjoni li ma għandhiex l-intenzjoni li tħejji NIP. Il-Polonja ppreżentat il-pożizzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Patt. L-Irlanda ppreżentat ukoll NIP minħabba li nnotifikat il-parteċipazzjoni tagħha fil-Patt tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil
(13) ()    l-Awstrija; il-Bulgarija; iċ-Ċekja; il-Ġermanja; il-Litwanja; il-Lussemburgu; in-Netherlands; is-Slovakkja; is-Slovenja; l-Iżvezja (fuq talba).
(14) ()    Pereżempju, il-Greċja, Spanja u l-Belġju.
(15) () Iċ-Ċekja, l-Estonja, in-Netherlands.
(16) ()    Matul il-laqgħa tal-Grupp Konsultattiv fil-15 u fis-16 ta’ Mejju, l-Istati Membri li ġejjin irrapportaw lilhom infushom bħala li jinsabu f’riskju jew tqiesu bħala tali minħabba nuqqas ta’ rapportar: id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, Ċipru, il-Greċja.
(17) () Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2150 tal-5 ta’ Awwissu 2024 li tistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-kapaċità adegwata tal-Istati Membri u l-għadd massimu ta’ applikazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati minn Stat Membru kull sena fil-proċedura fuq il-fruntiera , ĠU L, 2024/2150, 9.8.2024   http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2150/oj https://eur-lex.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2150/oj . 
(18) ()    F’Novembru 2024, il-Frontex aġġornat l-Anness tal-Istrateġija Teknika u Operazzjonali għall-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri biex jinkludi l-Iskrinjar.
(19) () L-Istati Membri li jew diġà laħqu r-rekwiżiti ta’ kapaċità adegwata tagħhom jew li qed javvanzaw biex jilħquhom fil-ħin: il-Belġju, il-Finlandja, il-Lussemburgu, iċ-Ċekja, Franza, Malta, in-Netherlands, ir-Rumanija.
(20) ()    Il-pajjiżi fejn hemm tħassib dwar li tintlaħaq fil-ħin il-kapaċità adegwata minħabba t-tul tal-proċeduri ta’ akkwist jinkludu: l-Italja, il-Ġermanja. Tħassib akbar: l-Estonja u l-Greċja.
(21) () L-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Kroazja, l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Portugall.
(22) ()    Ċentri b’diversi skopijiet: iċ-Ċekja u l-Kroazja; Akkomodazzjoni għal minorenni mhux akkumpanjati: Ċipru u l-Italja; Akkomodazzjoni għal persuni vulnerabbli: is-Slovakkja; Ċentri ta’ Dublin: il-Belġju; Ċentri (b’diversi skopijiet) fil-fruntiera: l-Irlanda, il-Portugall u s-Slovakkja. Oħrajn jiffokaw fuq li jżidu l-kapaċità ġenerali: il-Lussemburgu u r-Rumanija u ċ-ċentri ta’ detenzjoni: l-Italja.
(23) ()    Pereżempju, il-Belġju u l-Estonja.
(24) ()    Dan jinkludi ċ-Ċekja, Ċipru, l-Italja u Franza.
(25) () Pereżempju, iċ-Ċekja, il-Belġju, is-Slovenja, il-Litwanja u l-Latvja.
(26) ()    Fix-xhur li ġejjin, l-EUAA se toħroġ ukoll il-gwida prattika tagħha dwar l-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ ċentru tal-wasla/ta’ akkoljenza.
(27) ()    Eżempji huma ċ-Ċekja, il-Portugall u l-Lussemburgu.
(28) ()    Dan jinkludi l-Belġju, Franza, il-Greċja, in-Netherlands.
(29) ()    Pereżempju, jekk l-applikant jiċċaqlaq mingħajr awtorizzazzjoni lejn Stat Membru ieħor jew jonqos milli jikkonforma mad-dmirijiet ta’ rapportar jew iqarraq lill-awtoritajiet.
(30) ()    Kif sar fil-Bulgarija.
(31) ()    Kif sar fil-Portugall.
(32) () Il-Belġju u l-Ġermanja.
(33) ()    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-kunsill dwar il-ġlieda kontra t-theddid ibridu mill-użu tal-migrazzjoni bħala arma u t-tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE, COM(2024) 570 final, EUR-LEX - 52024DC0570 - MT - EUR-LEX .
(34) () In-Netherlands u n-Norveġja.
(35)

( ) Commission reports on the State of Schengen, celebrating 40 years: https://home-affairs.ec.europa.eu/news/commission-reports-state-schengen-celebrating-40-years-2025-04-23_mt .

(36) ()    Il-Belġju u Franza.
(37) ()    L-Awstrija, il-Bulgarija, in-Netherlands u n-Norveġja.
(38)

( ) Commission Staff Working Document on the return of illegally staying third-country nationals posing a security threat, 17.12.2024: https://home-affairs.ec.europa.eu/document/1a5b1f9c-af3b-4dc7-a01f-55d64c43b926_mt .

(39) ()    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen 2025, COM(2025) 185 final EUR-Lex - 52025DC0185 - MT - EUR-Lex .
(40) () Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat- 30 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz , ĠU L 39, 8.2.2014, p. 1-43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/118/oj .
(41) () L-Artikolu 22(1) tal-AMMR.
(42) () Practical Guide on Family Tracing Part 1: https://euaa.europa.eu/publications/practical-guide-family-tracing-part-i-principles-practices ; Practical Guide on Family Tracing Part II: https://euaa.europa.eu/publications/practical-guide-family-tracing-part-ii-tracing-AMMR .
(43) ()    Koordinatur tas-Solidarjetà tal-UE, stabbilit mir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, se jikkoordina l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà, b’mod partikolari permezz tal-Forum ta’ Livell Tekniku dwar is-Solidarjetà.
(44) ()    L-Artikolu 46(2) tal-AMMR.
(45) ()    26 Stat Membru huma meħtieġa jippreżentaw pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali lill-EUAA. Iċ-Ċekja, il-Polonja u n-Netherlands infurmaw lill-EUAA bid-dewmien. L-Ungerija ma pprovdiet l-ebda informazzjoni.
(46) ()    Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817, ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2024/1356/oj/eng .
(47) ( )     Monitoring fundamental rights during screening and the asylum border procedure – A guide on national independent mechanisms: Monitoring fundamental rights during screening and the asylum border procedure – A guide on national independent mechanisms | European Union Agency for Fundamental Rights https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2024-independent-border-monitoring-mechanisms_en.pdf .
(48) ( )     Practical guide on applicants with diverse sexual orientations, gender identities, gender expressions and sex characteristics – Cross-cutting elements : https://euaa.europa.eu/publications/practical-guide-SOGIESC-cross-cutting-elements ; Mental Health and Well-being of Applicants for International Protection Part I: https://euaa.europa.eu/sites/default/files/publications/2024-11/Practical-guide-mental-health-well-being-applicants-part-i-senior-management.pdf ; Mental Health and Well-being of Applicants for International Protection Part II:   https://euaa.europa.eu/sites/default/files/publications/2024-11/Practical-guide-mental-health-well-being-applicants-part-ii-first-line-officers.pdf .  
(49) ()    Madwar 23 Stat Membru jipprovdu informazzjoni rilevanti fl-NIPs tagħhom, għalkemm hemm nuqqas ta’ dettalji għal xi wħud minnhom. Diġà ġew indikati xi kwistjonijiet, inkluż għall-Bulgarija, l-Italja u Malta. L-Awstrija u l-Greċja ma jagħmlu l-ebda referenza għal dan.
(50) ()    Xi Stati Membri diġà għandhom fis-seħħ konsulenza legali bla ħlas: il-Ġermanja, il-Belġju, il-Kroazja, Franza, il-Portugall, għalkemm huma meħtieġa xi adattamenti. Madwar 18-il Stat Membru jipprevedu dan fl-NIP tagħhom. Għadha ma hijiex fis-seħħ fil-Greċja, fl-Ungerija, fil-Polonja.
(51) ()    Dawn jinkludu pereżempju Ċipru, il-Latvja, Malta u s-Slovenja.
(52) () Pereżempju, fir-rigward tal-proċess tal-ħatra ta’ rappreżentanti għal minorenni mhux akkumpanjati u l-iżgurar ta’ biżżejjed kustodji legali: l-Estonja, Franza, il-Latvja, il-Litwanja.
(53) () Pereżempju, il-Belġju, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands u Ċipru.
(54) ()     Ara wkoll: https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2024-independent-border-monitoring-mechanisms_en.pdf .
(55) () Pereżempju, l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, il-Polonja u l-Ungerija.
(56) () Dan kien ukoll suġġett ewlieni għad-deliberazzjoni fl-aħħar laqgħa biannwali tan-Network tal-EUAA tal-Punti ta’ Kuntatt dwar l-Akkoljenza (Mejju 2025).
(57) () Eżempji jinkludu n-Network Ewropew dwar l-Integrazzjoni, li jgħaqqad rappreżentanti mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali responsabbli għall-integrazzjoni tal-migranti fis-27 Stat Membru kollha, kif ukoll fl-Iżlanda u fin-Norveġja; il-Grupp ta’ Esperti dwar il-fehmiet tal-migranti; is-sħubija tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Integrazzjoni tal-Migranti; is-Sħubija tal-Aġenda Urbana dwar l-Inklużjoni, li tlaqqa’ flimkien sħab minn livelli differenti ta’ governanza.
(58) () Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027, COM(2020) 758 final,  EUR-Lex - 52020DC0758 - MT - EUR-Lex .
(59) ()    Ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L, 2024/1347, 22.5.2024, Ir-Regolament - UE - 2024/1347 - MT - EUR-Lex .
(60) ()    Ir-Regolament (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147, ĠU L, 2024/1350, 22.5.2024, Regalament - UE - 2024/1350 - MT - EUR-Lex .
(61) () Għal aktar dettalji, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027 li jakkumpanja din il-komunikazzjoni.