IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.3.2025
COM(2025) 116 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport ferrovjarju
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.3.2025
COM(2025) 116 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport ferrovjarju
1. INTRODUZZJONI
1.1 GĦAN TAR-RAPPORT
L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija 1 jistipula li, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament u dwar l-iżviluppi futuri sal-31 ta’ Diċembru 2020 u mbagħad kull 4 snin. Dan huwa t-tieni rapport li jissodisfa dan ir-rekwiżit 2 .
L-ewwel taqsima ta’ dan ir-rapport tispjega l-isfond, il-kuntest tal-politika, l-użu tad-data u l-kopertura tar-Regolament. It-tieni taqsima tiddeskrivi l-implimentazzjoni tiegħu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni (Eurostat), il-piż u l-ispejjeż għall-Istati Membri f’termini ta’ ġbir ta’ data, kwistjonijiet metodoloġiċi u ta’ kwalità tad-data, u d-diversi mezzi għall-pubblikazzjoni tal-istatistika dwar it-trasport ferrovjarju. L-aħħar żewġ taqsimiet jirreferu għal żviluppi futuri possibbli fl-istatistika tat-trasport ferrovjarju u jistabbilixxu l-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport.
1.2 SFOND GĦALL-QAFAS LEGALI
Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tfassal biex jipprovdi lill-Kummissjoni, lil istituzzjonijiet oħra tal-UE, lill-gvernijiet nazzjonali u lill-pubbliku ġenerali b’data statistika komparabbli, affidabbli, armonizzata, regolari u komprensiva dwar it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri.
L-emendi introdotti fl-2016 bir-Regolament (UE) 2016/2032 fittxew li jaġġornaw u jissimplifikaw l-att oriġinali (u għalhekk li jnaqqsu l-piż għall-Istati Membri). Kellhom ukoll l-għan li jottimizzaw il-qafas legali eżistenti għall-istatistika Ewropea dwar it-trasport ferrovjarju u li jagħmluh konformi mat-Trattat ta’ Lisbona.
1.3 KUNTEST TAL-POLITIKA u użu tad-data
L-iżvilupp ta’ politika komuni tat-trasport fl-UE jeħtieġ għarfien fil-fond tal-firxa tat-trasport ferrovjarju u kif dan evolva.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 3 huwa strateġija tat-tkabbir li għandha l-għan li tagħmel lill-ekonomija tal-UE sostenibbli billi tibdel l-isfidi klimatiċi u ambjentali f’opportunitajiet fl-oqsma ta’ politika kollha u billi tagħmel it-tranżizzjoni ġusta u inklużiva għal kulħadd. Fl-2022, is-settur tat-trasport (inklużi l-bunkers internazzjonali) kien jirrappreżenta madwar 28,9 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE. Biex tinkiseb in-newtralità klimatika, hemm bżonn tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet mit-trasport sal-2050. It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija huwa s-sinsla loġistika sostenibbli tal-ekonomija u t-trasport ferrovjarju jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jintlaħqu l-miri klimatiċi f’konformità mat-tkabbir ekonomiku u t-tkabbir tas-settur tat-trasport.
F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll l-“Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” 4 , li tiddeskrivi l-passi intenzjonati lejn it-trasformazzjoni tas-sistema tat-trasport tal-UE f’konformità mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-istrateġija dwar il-mobbiltà ssegwi l-viżjoni ta’ mobbiltà sostenibbli, affordabbli, inklużiva, intelliġenti, reżiljenti u kompetittiva, u tirrikjedi trasformazzjoni fundamentali tas-settur tat-trasport. Wieħed mill-approċċi tal-istrateġija tal-mobbiltà huwa li jiżdied l-użu ta’ modi li jniġġsu inqas u li proporzjon sostanzjali tal-merkanzija interna li bħalissa qed tinġarr bit-triq (75 %) jiġi ttrasferit fuq il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2024-2029 fil-qasam tat-trasport hija li tipproponi pjan għal network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja ambizzjuż biex jgħin jgħaqqad il-bliet kapitali tal-UE, inkluż permezz ta’ ferroviji ta’ billejl, u biex jiġi aċċelerat it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.
Matul dawn l-aħħar 25 sena, il-Kummissjoni b’mod attiv ipproponiet li s-settur tat-trasport ferrovjarju Ewropew jiġi ristrutturat sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-ferroviji fir-rigward ta’ modi oħra ta’ trasport. L-isforzi tal-Kummissjoni ffukaw fuq tliet objettivi ewlenin, li kollha huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ industrija tat-trasport ferrovjarju b’saħħitha u kompetittiva:
·il-ftuħ tas-suq tat-trasport ferrovjarju għall-kompetizzjoni;
·iż-żieda fl-interoperabbiltà u s-sikurezza tan-networks nazzjonali;
·l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport ferrovjarju.
Id-data miġbura skont ir-Regolament (UE) 2018/643 għandha rwol importanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u fit-tfassil u l-monitoraġġ tal-politiki tal-UE. Ir-riżultati tal-ġbir tad-data huma kruċjali fir-rigward tal-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju tal-UE u jintużaw regolarment bħala referenza fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, fid-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal u fil-valutazzjonijiet tal-impatt. Għarfien fil-fond tas-suq jgħin biex tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji tas-settur. Ir-Regolament jipproduċi statistika li tista’ tintuża wkoll fil-valutazzjoni tal-potenzjal għat-trasferiment tat-trasport tal-merkanzija mit-triq għall-ferrovija.
Barra minn hekk, l-Istati Membri nnotaw li d-data miġbura skont ir-Regolament hija meħtieġa fil-livell nazzjonali sabiex:
·josservaw l-evoluzzjoni tal-attività tat-trasport ferrovjarju permezz ta’ monitoraġġ fuq terminu qasir (bl-użu ta’ data trimestrali) u permezz ta’ monitoraġġ fit-tul (bl-użu ta’ data annwali);
·iwettqu analiżijiet tax-xejriet nazzjonali u jagħmlu parametraġġi referenzjarji ma’ pajjiżi oħra;
·jimmonitorjaw kif is-sehem tal-ferroviji mit-trasport globali Ewropew qed jevolvi meta mqabbel ma’ modi oħra (tqassim modali).
F’dan il-kuntest, l-Istati Membri indikaw li d-data tintuża minn:
·awtoritajiet nazzjonali;
·universitajiet, istituzzjonijiet ta’ riċerka u mudellaturi;
·istituzzjonijiet ekonomiċi;
·l-industrija ferrovjarja għall-analiżi u l-ippjanar;
·organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Forum Internazzjonali tat-Trasport u l-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti;
·dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali għall-ippjanar, il-monitoraġġ tal-miri u t-teħid tad-deċiżjonijiet.
1.4 KOPERTURA TAL-ISTATI MEMBRI U TA’ PAJJIŻI OĦRAJN
Ir-Regolament (UE) 2018/643 japplika direttament u bis-sħiħ għall-Istati Membri kollha, li huma meħtieġa jipprovdu d-data li jistipula. Malta u Ċipru biss, li ma għandhomx infrastruttura ferrovjarja u għalhekk ma għandhom l-ebda attività ta’ trasport ferrovjarju, mhumiex meħtieġa jimplimentaw ir-Regolament.
Data dwar it-trasport bil-ferrovija hija pprovduta wkoll minn tliet pajjiżi taż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA, European Free Trade Association) - in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein. Ħames pajjiżi kandidati (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija) jipprovdu data fuq bażi volontarja. F’Ġunju 2024, għall-ewwel darba, l-Ukrajna bagħtet sett ta’ data wieħed dwar it-total tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u t-total tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri għas-sena ta’ referenza 2021. L-Albanija, il-Georgia, il-Kosovo 5* u l-Moldova bħalissa qed jivvalutaw id-disponibbiltà tad-data u kif l-aħjar jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/643.
F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/643, il-pajjiżi jibagħtu lill-Eurostat:
(I)statistika annwali dettaljata dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri;
(II)statistika kull 3 xhur dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri;
(III)statistika reġjonali dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fil-livell NUTS 6 2 (kull 5 snin, għal perjodu ta’ referenza ta’ sena);
(IV)statistika dwar il-flussi tat-traffiku fuq in-network ferrovjarju (kull 5 snin għal perjodu ta’ referenza ta’ sena);
(V)statistika annwali inqas dettaljata dwar l-attività tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri tal-impriżi ferrovjarji b’volum totali tat-trasport tal-merkanzija ta’ inqas minn 200 miljun tunnellata-kilometru u inqas minn 500 000 tunnellata, u l-impriżi b’volum totali tat-trasport tal-passiġġieri ta’ inqas minn 100 miljun passiġġier-kilometru.
2. SEGWITU TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT
2.1 KONFORMITÀ MAL-OBBLIGI LEGALI
Hemm livell għoli ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/643 dwar il-provvista tad-data, bl-Istati Membri kollha jibagħtu regolarment is-settijiet tad-data mitluba sal-iskadenzi stabbiliti. Xi kultant jista’ jkun hemm dewmien qasir minħabba tibdiliet fil-livell nazzjonali (eż. tibdiliet fis-sistemi tal-IT jew fis-suq ferrovjarju). Madankollu, dan id-dewmien qatt ma kellu impatt fuq il-produzzjoni tal-istatistika tat-trasport bil-ferrovija. Il-pajjiżi jsegwu l-metodoloġija miftiehma, filwaqt li jiżguraw li tiġi prodotta statistika ta’ kwalità għolja u affidabbli dwar it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Ewropa.
Sabiex tiġi evitata d-divulgazzjoni diretta jew indiretta ta’ informazzjoni dwar impriżi ferrovjarji individwali, diversi Stati Membri jimmarkaw id-data ferrovjarja li jibagħtu bħala kunfidenzjali. Fl-aħħar ġabriet ta’ data, id-data annwali dettaljata dwar il-passiġġieri ferrovjarji trażmessa mill-Belġju, Franza, l-Ungerija, il-Polonja u n-Netherlands ġiet ittrattata bħala kunfidenzjali jew parzjalment kunfidenzjali, filwaqt li għall-Belġju, il-Polonja u l-Iżvezja, id-data annwali dettaljata tal-merkanzija bil-ferrovija ġiet irrapportata kompletament jew parzjalment bħala kunfidenzjali. Rata ogħla ta’ kunfidenzjalità hija osservata fil-ġbir ta’ data reġjonali ta’ kull 5 snin (livell NUTS 2). F’każijiet ta’ data kunfidenzjali, l-Eurostat japplika regoli u miżuri biex jipprevjeni d-divulgazzjoni tagħha.
2.2 METODI TA’ ĠBIR TA’ DATA UŻATI FL-ISTATI MEMBRI
L-impriżi ferrovjarji jiġbru d-data skont il-metodi adottati minn kull pajjiż u jibagħtuha lill-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli għall-ipproċessar tad-data. Ir-Reference Manual on Rail transport statistics 7 tal-Eurostat jinkludi kapitolu ddedikat għall-metodoloġiji nazzjonali b’subkapitolu dwar il-kompilazzjoni tad-data u l-ġestjoni tal-kwalità.
Studju tal-Eurostat tal-2021 dwar impriżi barranin li joperaw fuq networks ferrovjarji domestiċi sab li xi pajjiżi jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jiksbu data minn dawk l-impriżi, peress li ma jistax jiġi impost fuqhom obbligu ta’ rappurtar. L-istudju rrakkomanda ċerti miżuri biex jingħelbu dawn l-ostakli.
2.3 PIŻ AMMINISTRATTIV u spejjeż għall-ISTATI MEMBRI
Ir-Regolament (UE) 2018/643 huwa mfassal biex iżomm il-piż fuq l-Istati Membri għal minimu. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jieħdu miżuri addizzjonali minħabba li l-proċessi eżistenti tagħhom huma żviluppati adegwatament biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-ġbir tad-data.
Skont l-informazzjoni fil-metadata nazzjonali li tikkomplementa d-data dwar it-trasport ferrovjarju, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi rapportuaturi jqisu li l-ammont ta’ xogħol involut fil-provvista tad-data huwa aċċettabbli. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi rapportaturi, il-piż tar-rispons jiġġarrab l-aktar mill-impriżi jew l-operaturi ferrovjarji u jinżamm f’livell minimu. Ir-rispondenti jistgħu jittrażmettu d-data meħtieġa permezz ta’ interfaċċa tad-data jew permezz ta’ email. Dawk li wieġbu jiġu kkuntattjati biss jekk l-iżbalji ta’ plawżibbiltà ma jkunux jistgħu jiġu solvuti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. Il-pajjiżi li jistgħu jikkwantifikaw il-kostijiet u l-piżijiet tal-ġbir tad-data ferrovjarja tagħhom jirrapportaw disparitajiet sinifikanti. Dawn id-differenzi fil-kostijiet u fil-piżijiet jiddependu fuq l-għadd ta’ impriżi u fuq il-volum ta’ data miġbura, li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, kif ukoll fuq is-sistemi nazzjonali ta’ kompilazzjoni tad-data. F’xi każijiet, in-numru ta’ impriżi ferrovjarji li wieġbu żdied minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament, b’impatt korrispondenti fuq l-ispejjeż u l-piż assoċjati. Madankollu, ir-Regolament stabbilixxa limiti fuq il-kobor tal-attività tat-trasport biex jillimita l-piż tar-rappurtar filwaqt li tinżamm il-kwalità tal-istatistika. Madankollu, il-pajjiżi jqisu li d-data dwar it-trasport ferrovjarju hija ta’ valur sinifikanti u l-benefiċċju tal-istatistika li tirriżulta huwa akbar mill-piżijiet u l-kostijiet għar-rispondenti u l-uffiċċji tal-istatistika.
Tnaqqis tal-piż amministrattiv u simplifikazzjoni
It-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa wieħed mill-objettivi kontinwi tal-Kummissjoni. F’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, l-Eurostat kien qed jimplimenta azzjonijiet speċifiċi biex inaqqas il-piż nazzjonali tal-ġbir u r-rappurtar tad-data. Dawn l-azzjonijiet jinkludu:
1. L-iżvilupp ta’ għodod, bħall-geo-viewer tal-Eurostat, biex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar ta’ data reġjonali fil-livell NUTS 2. Il-geo-viewer tal-Eurostat għandu funzjoni ta’ tiftix li tiffaċilita t-tfittxija għall-kodiċijiet NUTS. Il-pajjiżi rapportaturi jistgħu jdaħħlu l-isem ta’ stazzjon ferrovjarju, jew ta’ punt ta’ tluq/wasla, u l-geo-viewer jipprovdi l-kodiċi NUTS xieraq. L-Eurostat jista’ jipproduċi wkoll lista tal-istazzjonijiet ferrovjarji kollha bil-kodiċijiet NUTS korrispondenti.
2. Għodod ta’ validazzjoni li għadhom kif ġew żviluppati, li jippermettu lill-pajjiżi rapportaturi jivvalidaw id-data tagħhom qabel ma jittrażmettuha uffiċjalment lill-Eurostat (prevalidazzjoni) u jirċievu feedback dwar l-iżbalji għal kull sett ta’ data speċifiku.
3. Laqgħat regolari ta’ esperti mill-Istati Membri, il-pajjiżi tal-EFTA, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali fil-Grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar l-istatistika tat-trasport ferrovjarju għall-iskambju ta’ prattiki tajbin fil-ġbir u l-ipproċessar tad-data dwar it-trasport ferrovjarju.
Konsultazzjoni tal-Istati Membri f’Ġunju 2024 indikat li l-qafas definit mir-Regolament (UE) 2018/643 huwa biżżejjed biex jakkomoda l-ħtiġijiet tal-utenti mingħajr ma jimponi piż eċċessiv fuq ir-rispondenti.
2.4 Validazzjoni u kontrolli tal-kwalità tad-data RIĊEVUTA
Il-ġbir u t-trażmissjoni tad-data huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri, iżda l-Eurostat jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura statistika ta’ kwalità għolja u jidentifika kwalunkwe żball jew implawżibbiltà fid-data riċevuta. Mill-2023, l-Eurostat implimenta sistema tal-IT sofistikata għall-ġestjoni tad-data b’żewġ komponenti mtejba: għodod ġodda għall-validazzjoni tad-data; u software b’saħħtu (Sistemi ta’ Analiżi Statistika - SAS) għall-ipproċessar, il-kontroll tal-kwalità u l-pubblikazzjoni tad-data dwar it-trasport ferrovjarju.
Il-pajjiżi rapportaturi jittrażmettu s-settijiet tad-data lill-Eurostat permezz tal-portal EDAMIS bl-użu ta’ struttura li hija kompatibbli mal-istandard SDMX (Statistical Data and Metadata eXchange, Skambju tad-Data u tal-Metadata tal-Istatistika). Imbagħad jiġi applikat proċess robust ta’ validazzjoni f’żewġ stadji għas-settijiet tad-data riċevuti:
·L-ewwel nett, l-għodda STRUVAL (STRUctural VALidation, validazzjoni strutturali) tivvalida kull sett ta’ data f’termini ta’ format, kompletezza ta’ oqsma obbligatorji u korrettezza tal-istruttura u l-kodiċijiet użati.
·It-tieni, l-għodda CONVAL (CONtent VALidation, validazzjoni tal-kontenut) tivvalida l-kontenut ta’ kull sett ta’ data abbażi ta’ regoli u limiti predefiniti. Il-pajjiżi rapportaturi jirċievu rapport ta’ validazzjoni dettaljat għal kull sett ta’ data trażmess li jagħmilha faċli li jiġi kkoreġut kwalunkwe żball. L-Eurostat qed jaġġorna kontinwament ir-regoli ta’ validazzjoni applikati sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet li qed jevolvu u jiżgura li tiġi prodotta statistika ta’ kwalità għolja.
B’mod ġenerali, il-kwalità tad-data trażmessa hija tajba ħafna. Madankollu, il-pajjiżi rapportaturi kollha jirrevedu d-data tagħhom jekk jinstabu żbalji mill-għodod ta’ validazzjoni STRUVAL u CONVAL.
Bħala l-pass li jmiss, il-Eurostat jivverifika l-konsistenza tas-serje kronoloġiċi u l-konsistenza bejn is-sett tad-data tad-data trimestrali u annwali dwar it-trasport ferrovjarju. Jekk l-ebda wieħed minn dawk il-kontrolli tad-data ma jsib xi problema, jew ladarba l-pajjiżi jkunu rrevedew is-settijiet tad-data tagħhom jew ikunu spjegaw xi inkonsistenza, id-data tinħażen għal aktar ipproċessar u pubblikazzjoni fil-bażi tad-data online tal-Eurostat.
2.5 APPOĠĠ METODOLOĠIKU GĦALL-ISTATI MEMBRI
Il-Eurostat jipprovdi lill-pajjiżi rapportaturi b’appoġġ kostanti dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/643, id-data mitluba dwar it-trasport ferrovjarju u l-metodoloġija xierqa għall-kompilazzjoni tagħha.
Il-laqgħat tal-Grupp ta’ esperti dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija jipprovdu lill-Istati Membri, lill-pajjiżi tal-EFTA, lill-pajjiżi kandidati u lill-kandidati potenzjali l-opportunità li jiddiskutu l-kwalità tad-data, il-kwistjonijiet metodoloġiċi u proġetti ġodda. L-implimentazzjoni tar-Regolament hija wkoll punt regolari tal-aġenda fil-laqgħat annwali tal-grupp ta’ koordinazzjoni għall-istatistika dwar it-trasport.
Ir-Reference Manual on Rail transport statistics jipprovdi lill-pajjiżi rapportaturi bi gwida dettaljata dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. Il-manwal ta’ referenza jiġi aġġornat regolarment (normalment fuq bażi annwali) biex jinkludi l-aktar informazzjoni, dokumentazzjoni u linji gwida reċenti rilevanti għall-ġbir tal-istatistika tat-trasport ferrovjarju.
Fl-2019, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Forum Internazzjonali tat-Trasport, il-Eurostat ippubblika b’mod konġunt il-ħames edizzjoni tal-Glossary for transport statistics, 8 li tinkludi taqsima aġġornata u mtejba dwar it-trasport ferrovjarju. Il-glossarju għandu l-għan li jistandardizza d-definizzjonijiet tal-istatistika tat-trasport fil-livell Ewropew u internazzjonali. It-tliet organizzazzjonijiet jippjanaw aġġornament ewlieni tal-glossarju. Verżjoni ġdida hija skedata li tiġi ppubblikata fl-2025.
2.6 DISSEMINAZZJONI TAD-DATA
Il-bażi tad-data online tal-Eurostat
Il-Eurostat joħroġ id-data miġbura skont ir-Regolament (UE) 2018/643 permezz tal-bażi tad-data online tiegħu, li hija aċċessibbli liberament permezz tas-sit web tal-Eurostat. Hemm 26 tabella dwar it-trasport ferrovjarju, li jiġu aġġornati regolarment u kkomplementati minn fajls tal-metadata Ewropej u nazzjonali dettaljati.
Kull 5 snin, il-Eurostat jaġġorna żewġ settijiet ta’ data bi statistika reġjonali (il-livell NUTS 2) dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri (l-Anness IV tar-Regolament); u joħloq madwar 28 sett ta’ data (wieħed għal kull pajjiż rapportatur) dwar il-flussi tat-traffiku fuq in-network ferrovjarju (l-Anness V tar-Regolament). L-aħħar sena ta’ referenza disponibbli għal din l-istatistika hija l-2020.
Disseminazzjoni tal-prodotti
Il-Eurostat jipproduċi żewġ artikli ta’ Statistics Explained dwar it-trasport ferrovjarju li jipprovdu lill-media u lill-pubbliku b’ħarsa ġenerali lejn l-aktar żviluppi importanti u analiżi tad-data miġbura skont ir-Regolament (UE) 2018/643:
·Railway freight transport statistics 9
·Railway passenger transport statistics - quarterly and annual data 10 .
Dawn l-artikli jiġu aġġornati kull sena hekk kif jiġi ffinalizzat il-ġbir tad-data għal sena ta’ referenza partikolari.
Mezzi oħrajn ta’ tixrid
Id-data dwar it-trasport ferrovjarju tiġi mxerrda wkoll permezz ta’ estrazzjonijiet tad-data mfassla apposta għall-utenti fl-artikli tal-aħbarijiet tal-Eurostat (eż. Rail freight transport slightly down in 2022 11 ) u pubblikazzjonijiet oħra tal-Eurostat, bħal Key figures on European transport 12 , Key figures on Europe 13 , u Eurostat regional yearbook 14 . Id-data hija mxerrda wkoll fil-pubblikazzjonijiet ta’ direttorati ġenerali oħra tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (eż. fl-Istatistical pocketbook 15 tagħhom), u fil-pubblikazzjonijiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA, European Railway Agency). Id-data kollha inkluża fl-estrazzjonijiet u l-pubblikazzjonijiet imfassla apposta hija ppubblikata wkoll fil-bażi tad-data online tal-Eurostat.
Id-data dwar it-trasport ferrovjarju hija inkluża wkoll fis-Sustainable Development Monitoring Report 16 li jimmonitorja l-progress fl-objettiv ta’ politika tal-UE li l-merkanzija tiġi ttrasferita mit-triq għall-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni. Dak ir-rapport janalizza s-sehem tal-ferroviji u tal-passaġġi fuq l-ilma interni bħala proporzjon tat-trasport intern tal-merkanzija f’tunnellati-kilometri f’termini ta’ żvilupp fuq terminu qasir u żvilupp fit-tul. Indikatur ewlieni ieħor f’din il-pubblikazzjoni huwa l-iżvilupp fuq terminu qasir u twil tas-sehem tax-xarabanks u tal-ferroviji bħala proporzjon tat-trasport intern tal-passiġġieri.
3. ŻVILUPP ULTERJURI TAL-ISTATISTIKA DWAR IT-TRASPORT BIL-FERROVIJA
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ippreżenta sett ta’ politiki trasformattivi fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż it-trasport. L-istatistika dwar it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u tal-passiġġieri tista’ tgħin fl-istabbiliment u l-monitoraġġ tal-miri ta’ politika billi tipprovdi data dwar il-volumi ta’ merkanzija ttrasportata, l-għadd ta’ passiġġieri, il-kilometri vvjaġġati, u t-tagħmir u l-infrastruttura. Dik l-informazzjoni tinġabar prinċipalment skont ir-Regolament (UE) 2018/643 u parzjalment permezz tal-ġbir volontarju tad-data – il-Eurostat/ITF/UNECE Common Questionnaire on inland transport statistics.
F’xi pajjiżi, il-kunfidenzjalità tad-data tillimita l-potenzjal għall-pubblikazzjoni tad-data kollha miġbura skont ir-Regolament (UE) 2018/643 u xi aggregati tal-UE. Il-Eurostat u l-Istati Membri jiddiskutu b’mod kostanti kif ir-restrizzjonijiet imposti mill-kunfidenzjalità tad-data jistgħu jittaffew.
Biex tinkiseb kopertura usa’ tal-istatistika tat-trasport ferrovjarju, il-Eurostat iffirma ftehim amministrattiv mal-ERA biex jirċievi u jippubblika data dwar:
·it-tul tal-linji u tal-binarji mgħammra bis-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS, European railway traffic management system);
·l-għadd ta’ stazzjonijiet ferrovjarji mgħammra b’faċilitajiet għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa.
Id-data dwar il-linji mgħammra bl-ERTMS ġiet ippubblikata kull sena mit-tielet kwart tal-2020. Il-bqija tad-data msemmija hawn fuq se tiġi ppubblikata meta tkun disponibbli mill-ERA.
Mill-2022, l-ERA u l-Eurostat ikkoordinaw ukoll l-isforzi tagħhom biex jiksbu data aktar armonizzata u konsistenti dwar l-infrastruttura ferrovjarja u t-tagħmir tat-trasport. Kompitu ewlieni kien li d-data ġeoreferenzjata dwar is-sezzjonijiet tal-linji ferrovjarji pprovduta mir-reġistru tal-infrastruttura (RINF) tal-ERA titqabbel mad-data dwar is-segmenti tan-network mibgħuta skont l-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/643. Dan ippermetta li jiġu identifikati u ġġustifikati d-differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni bejn iż-żewġ settijiet ta’ statistika u għamilha possibbli li jiġu ppubblikati l-ewwel mapep tal-flussi tat-traffiku skont is-segment tan-network ferrovjarju fl-2023 għas-sena ta’ referenza 2020. Minbarra l-kollaborazzjoni stabbilita mal-ERA, il-ġbir tad-data skont l-Anness V għas-sena ta’ referenza 2025 se jiġi ffaċilitat bl-użu ta’ informazzjoni mir-RINF (eż. l-ismijiet tal-istazzjonijiet u l-linji ferrovjarji u l-karatteristiċi tas-segmenti tan-network li jiġu rreġistrati fl-RINF skont it-taqsima tal-linja).
Il-Eurostat żviluppa matriċi tad-distanza ferrovjarja biex tgħin fil-kalkolu tal-indikaturi tat-tqassim modali skont il-klassi tad-distanza mingħajr ma jiġi impost piż addizzjonali fuq il-pajjiżi rapportaturi. Il-matriċi tad-distanza għall-ferroviji hija bbażata fuq il-klassifikazzjoni tar-reġjuni skont il-livell NUTS 2 sabiex taqbel mal-ġbir tad-data dwar it-trasport ferrovjarju reġjonali skont l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2018/643. L-iżvilupp ulterjuri tal-matriċi tad-distanza nnifsu jiddependi fuq it-titjib tan-networks ġeografiċi. Madankollu, l-applikazzjoni tiegħu se tiddependi prinċipalment fuq id-disponibbiltà u l-kwalità tad-data ferrovjarja rrapportata fil-livell reġjonali (eż. tnaqqis fir-rappurtar ta’ reġjuni mhux magħrufa skont il-pajjiżi).
Il-kopertura ġeografika tal-istatistika tat-trasport ferrovjarju tista’ tiġi estiża bħala riżultat tat-tkabbir futur tal-UE. Il-Eurostat jappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali biex jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2018/643 billi jiddiskuti kwistjonijiet metodoloġiċi, il-kwalità tad-data u l-progress futur.
Skont kwestjonarju mibgħut lill-membri tal-Grupp ta’ esperti dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija f’Ġunju 2024, l-Istati Membri bħalissa ma jarawx il-ħtieġa għal bidliet jew titjib fir-Regolament (UE) 2018/643. Dan se jżomm il-piż għar-rispondenti fil-livell attwali. Madankollu, inizjattivi ta’ politika nazzjonali, Ewropej u internazzjonali ġodda dwar is-sostenibbiltà u t-trasformazzjoni tas-sistemi tat-trasport jistgħu joħolqu ħtiġijiet ġodda ta’ data. Ladarba jiġu identifikati dawk il-ħtiġijiet, dawn se jiġu evalwati u diskussi fil-ħin fi ħdan il-Grupp ta’ esperti dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija.
4. KONKLUŻJONIJIET
L-esperjenza miksuba u r-riżultati miksuba mill-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika għat-trasport bil-ferrovija jibqgħu pożittivi. L-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tal-provvista tad-data, u r-riżorsi allokati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Kummissjoni jippermettu li jinkisbu riżultati ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom tar-Regolament u tħeġġeġ lill-pajjiżi kandidati u lill-kandidati potenzjali biex jiksbu u jikkompilaw data dwar it-trasport ferrovjarju mill-maniġers tal-infrastruttura nazzjonali, mill-impriżi ferrovjarji jew mill-ministeri nazzjonali tat-trasport tagħhom. Il-Kummissjoni mmodernizzat is-sistema tal-IT tagħha għall-validazzjoni u l-ipproċessar tad-data dwar it-trasport ferrovjarju, filwaqt li ffaċilitat il-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. Il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija jibqa’ l-korp li fih jiġu diskussi b’mod attiv l-implimentazzjoni tar-Regolament u t-titjib potenzjali għalih.
Ir-Regolament (UE) 2018/643 għadu għodda effiċjenti u effettiva għall-produzzjoni ta’ statistika tat-trasport ferrovjarju affidabbli u komparabbli kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali. L-istatistika prodotta hija mxerrda permezz tal-bażi tad-data online tal-Eurostat, artikli statistiċi, artikli tal-aħbarijiet u f’estrazzjonijiet tad-data mfassla apposta. L-istatistika dwar it-trasport ferrovjarju hija siewja għal dawk li jfasslu l-politika, għall-industrija ferrovjarja u għall-organizzazzjonijiet nazzjonali, u għat-tfassil u l-valutazzjoni tal-politiki tal-UE mmirati lejn it-trawwim ta’ trasport sostenibbli, nadif u sikur.
ĠU L 112, 2.5.2018, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/643/oj
https://ec.europa.eu/eurostat/documents/29567/3217334/Rail_Reference_Manual_Ver+11.pdf/bd5bf79a-b6d3-be9e-ceb5-779a36cc0a7c?t=1698140752878 (Disponibbli bl-Ingliż biss).
https://doi.org/10.2832/319371 (Disponibbli bl-Ingliż biss).