Brussell, 24.9.2025

COM(2025) 516 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 għas-snin 2021-2024


I.Introduzzjoni

L-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2021/1153 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għall-perjodu 2021–2027 1 jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti ta’ progress li jinkludu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FNE u jiċċaraw jekk is-setturi differenti humiex fit-triq it-tajba. Ir-Regolament dwar il-FNE ġie adottat f’Lulju 2021, 6 xhur wara l-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-2021–2027, u dan l-ewwel rapport ta’ progress se jkopri s-snin 2021–2024.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa ġiet stabbilita għall-bini, l-iżvilupp, l-immodernizzar u t-tlestija tan-networks trans-Ewropej fis-setturi diġitali, tat-trasport u tal-enerġija. Il-konnettività transfruntiera bla xkiel hija kundizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku tal-UE. Din trawwem koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar u tikkontribwixxi biex l-UE tilħaq l-impenji ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-programm attwali huwa s-suċċessur tal-programm FNE 2014–2020 (FNE1) taħt il-QFP preċedenti. Il-baġit finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm FNE 2021–2027 (FNE2) huwa ta’ EUR 33,7 biljun.

Il-FNE hija strument ġestit ċentralment. Din tiġi implimentata bl-għajnuna tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (CINEA, European Climate, Infrastructure and Environment Executive Agency) għas-setturi tat-trasport u l-enerġija, u bl-għajnuna tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA, European Health and Digital Executive Agency) għas-settur diġitali. Hija bbażata fuq il-kompetizzjoni bejn il-proġetti ppreżentati minn promoturi ta’ proġetti bħal maniġers tal-infrastruttura jew kumpaniji privati matul is-sejħiet regolari għal proposti tal-FNE. Din il-kompetizzjoni tiżgura kwalità għolja fit-tħejjija tal-proġetti u tagħmel pressjoni għall-forniment tagħhom fil-ħin. Dan il-mudell ta’ governanza jiggarantixxi li l-fondi tal-FNE jservu l-prijoritajiet stabbiliti fir-Regolament. Il-FNE hija implimentata permezz ta’ programmi ta’ ħidma pluriennali li jispeċifikaw l-iskeda ta’ żmien għas-sejħiet għal proposti, is-suġġetti, il-baġit indikattiv, u l-kriterji tal-għażla u tal-għoti tagħhom.

Trasport:

Għas-settur tat-trasport, il-FNE tappoġġa proġetti ta’ infrastruttura ta’ interess komuni relatati mat-tlestija u l-immodernizzar tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T, trans-European transport network) biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ network u infrastruttura tat-trasport trans-Ewropej effiċjenti, interkonnessi u multimodali għal mobbiltà intelliġenti, interoperabbli, sostenibbli, inklużiva, aċċessibbli, sikura u sigura. Il-FNE għandha wkoll l-għan li tadatta partijiet mit-TEN-T għall-infrastruttura tat-trasport b’użu doppju sabiex ittejjeb kemm il-mobbiltà ċivili kif ukoll dik militari. Il-baġit allokat għall-fergħa tal-FNE Trasport għall-2021–2027 jammonta għal EUR 25,8 biljun. Huwa allokat total ta’ EUR 11,3 biljun għall-pajjiżi eliġibbli biex jirċievu appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni u EUR 1,7 biljun għal proġetti ta’ mobbiltà militari b’użu doppju.

Il-programm ta’ ħidma pluriennali tal-FNE Trasport, adottat f’Awwissu 2021 2 u emendat f’Lulju 2023 3 , ikopri s-sejħiet annwali għal proposti mill-2021 sal-2024. Minħabba l-għadd għoli ta’ abbonament żejjed ta’ dawn is-sejħiet, il-maturità tal-proġetti u l-inflazzjoni li qed tiżdied wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, l-emenda tal-programm ta’ ħidma pluriennali ppermettiet li jiġi fornut minn qabel il-baġit kollu disponibbli skont il-QFP attwali għas-sejħiet tal-FNE Trasport għall-2023 u l-2024.

Enerġija:

Il-fergħa tal-FNE ddedikat għas-settur tal-enerġija (FNE Enerġija) għandha l-għan li tiżviluppa proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku fl-ambitu tal-politika tan-networks trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E) 4 sabiex ikompli jiġi integrat is-suq intern tal-enerġija, tiżdied l-interoperabbiltà tan-networks bejn il-fruntieri u s-setturi, tiġi ffaċilitata d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Jenħtieġ li l-FNE Enerġija tiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni transfruntiera fl-enerġija, inkluż għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-FNE Enerġija għandha baġit ta’ EUR 5,8 biljun għall-2021–2027.

L-ewwel programm ta’ ħidma pluriennali għall-FNE Enerġija ġie adottat f’Awwissu 2021 5 . Dan ġie emendat f’Ottubru 2022 6 wara l-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna biex jipprovdi assistenza teknika għal studji addizzjonali meħtieġa għall-aċċellerazzjoni tas-sinkronizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku tal-Istati Baltiċi man-network kontinentali Ewropew 7 .

Ir-Regolament rivedut dwar l-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (TEN-E, trans-European energy infrastructure) 8 daħal fis-seħħ fl-2022. Dan jistabbilixxi linji gwida għall-politika trans-Ewropea dwar in-network tal-enerġija u l-proċedura tal-għażla għal proġetti ta’ interess komuni (PCIs, projects of common interest) fl-UE u proġetti ta’ interess reċiproku (PMIs, projects of mutual interest) ma’ pajjiżi mhux tal-UE 9 . Dawn il-PCIs u l-PMIs infrastrutturali huma waħda miż-żewġ kategoriji ta’ proġetti li huma eliġibbli għall-finanzjament tal-FNE Enerġija (il-kategorija l-oħra hija proġetti transfruntieri fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli).

Din ir-reviżjoni allinjat ir-Regolament TEN-E mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE għall-2050, u b’hekk irrestrinġiet l-eliġibbiltà tal-proġetti tal-infrastruttura tal-gass għal dawk meħtieġa biex jintemm l-iżolament fil-qasam tal-enerġija ta’ Ċipru u Malta. Din introduċiet ukoll kategoriji ġodda ta’ proġetti: grilji tal-elettriku lil hinn mill-kosta, proġetti tal-idroġenu u elettrolizzaturi. Fid-dawl tar-reviżjoni, f’Novembru 2023 ġiet adottata lista ġdida ta’ PCI u ta’ PMI, li tidentifika l-proġetti magħżula fil-kategoriji l-ġodda u tagħmilhom eliġibbli li japplikaw għall-FNE mill-2024 10 .

Fi Frar 2024 ġie adottat programm ta’ ħidma pluriennali ġdid għall-2024–2027 11 .

Diġitali:

B’baġit ta’ madwar EUR 1.6 biljun, l-objettivi tas-settur tal-FNE Diġitali huma li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ networks diġitali u sistemi 5G sikuri u siguri b’kapaċità għolja ħafna, li jżid ir-reżiljenza u l-kapaċità tan-networks ewlenin diġitali fit-territorji tal-UE billi jorbothom ma’ territorji ġirien u li jrawwem id-diġitalizzazzjoni tan-networks tat-trasport u tal-enerġija. Il-FNE Digitali (2021–2027) għandha objettivi differenti u baġit akbar mill-predeċessur tagħha FNE Telekomunikazzjoni (2014–2020). Il-FNE Digitali tiffoka fuq għotjiet għall-implimentazjoni tal-infrastruttura tal-konnettività diġitali ta’ rilevanza pan-Ewropea, filwaqt li l-FNE Telekomunikazzjoni kienet allokat EUR 117-il miljun għal strumenti finanzjarji li jappoġġaw l-implimentazjoni tal-infrastruttura tal-broadband, EUR 130 miljun għal WiFi4EU, u l-bqija tal-baġit għas-servizzi diġitali (madwar EUR 900 miljun).

L-ewwel programm ta’ ħidma pluriennali diġitali tal-FNE , li jkopri s-sejħiet għall-2021–2023, ġie adottat f’Diċembru 2021 12 u emendat f’April 2023 13 biex jitqiesu l-bidliet fit-tħejjija u d-domanda tal-partijiet ikkonċernati u l-aħħar żviluppi fil-prijoritajiet ta’ politika. It-tieni programm ta’ ħidma pluriennali diġitali tal-FNE (2024–2027) ġie adottat f’Ottubru 2024 14 .

II.Sejħiet għal proposti mill-2021 sal-2024

Trasport:

Il-FNE Transport hija prinċipalment allokata permezz ta’ sejħiet annwali għal proposti. S’issa tnedew u ġew konklużi tliet sejħiet ġenerali u ta’ koeżjoni annwali, b’baġit disponibbli ta’ EUR 19-il biljun. Il-pakkett għall-mobbiltà militari (EUR 1,7 biljun) ġie allokat fl-intier tiegħu fi tliet sejħiet bejn l-2021 u l-2023. L-aħħar sejħa għall-pakkett ġenerali u ta’ koeżjoni (EUR 2,5 biljun) ingħalqet f’Jannar 2025 u l-evalwazzjoni għadha għaddejja. Din kienet l-ewwel sejħa bbażata fuq ir-Regolament TEN-T rivedut 15 li daħal fis-seħħ fl-2024.

Ir-rispons għas-sejħiet wera interess qawwi mill-promoturi tal-proġetti, b’rati ta’ abbonament żejjed li jitilgħu sa kważi tliet darbiet aktar mill-baġit disponibbli. Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata mir-Russja kontra l-Ukrajna żvelat ukoll il-ħtieġa li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ infrastruttura tat-trasport ċivili-militari biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tas-sitwazzjoni ġeopolitika l-ġdida. L-impatt taż-żieda fil-prezzijiet għall-enerġija u l-materja prima, u n-nuqqas ta’ forza tax-xogħol wasslu għal aktar ħtiġijiet ta’ finanzjament. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, bi qbil mal-Kumitat tal-FNE, għamlet użu mill-flessibbiltà pprovduta fi ħdan il-programm ta’ ħidma pluriennali għas-sejħiet tal-2021 u l-2022 (l-għoti ta’ fondi addizzjonali sa 20 % tal-ammont indikat fil-programm ta’ ħidma inizjali). Barra minn hekk, il-programm ta’ ħidma pluriennali tal-FNE 2021–2027 ġie emendat f’Lulju 2023 biex isir forniment minn qabel ulterjuri tal-baġit kollu disponibbli taħt il-QFP attwali għas-sejħiet għall-FNE Trasport għall-proposti għall-2023 u l-2024.

Parti mill-baġit tal-FNE Trasport huwa allokat għall-Faċilità għall-Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi (AFIF, Alternative Fuels Infrastructure Facility), li ġiet stabbilita bħala strument ta’ taħlit li jikkombina l-għotjiet tal-FNE ma’ strumenti finanzjarji pprovduti minn banek promozzjonali jew kummerċjali nazzjonali. B’baġit ta’ EUR 2,3 biljun, l-AFIF hija ddedikata għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi bħall-punti ta’ ċċarġjar elettriku, l-elettriku mix-xatt għall-vapuri rmiġġati, l-istazzjonijiet ta’ riforniment tal-idroġenu eċċ. Is-sejħa kontinwa għal proposti tal-AFIF 2021 (b’ħames dati ta’ skadenza) għalqet fi tmiem l-2023.

It-tieni sejħa kontinwa tal-AFIF bil-baġit li jifdal ta’ EUR 1 biljun tnediet fi Frar 2024, bi tliet dati ta’ skadenza kull 6 xhur sal-bidu tal-2026. L-ewwel data ta’ skadenza kienet Settembru 2024. Għal dan il-limitu, ingħataw EUR 421 miljun lil 39 proposta magħżula.

Tabella 1: Sejħiet għal proposti tal-FNE Trasport 2021–2023

Proposti

Baġit

Rata ta’ abbonament żejjed*

Pakkett

Eliġibbli

Kienu ta’ suċċess

Indikattivi

Mitluba

Allokati

Ġenerali

909

299

8,5 biljuni

30,7 biljun

9,5 biljuni

3,6

Koeżjoni

214

109

8,8 biljuni

19,6 biljun

9 biljuni

2,2

AFIF

191

167

1,9 biljun

2 biljuni

1,7 biljun

1

Mobbiltà militari

186

95

1,7 biljun

5 biljuni

1,7 biljun

2,9

Numru totali

1 454

631

20,3 biljun

56,8 biljun

21,5 biljun

2,8

(*) Ir-rata ta’ abbonament żejjed: il-finanzjament mitlub diviż bil-baġit indikattiv tas-sejħa.

Enerġija:

Il-baġit tal-FNE Enerġija huwa allokat permezz ta’ sejħiet differenti: (i) is-sejħa għal proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija (oriġinarjament għall-PCIs biss, iżda l-PMIs ilhom eliġibbli mill-2024), u (ii) is-sejħiet għal kooperazzjoni transfruntiera fl-enerġija rinnovabbli (CB RES, cross-border cooperation in renewable energy), li jinkludu sejħa għal studji preparatorji u sejħa għal studji u xogħlijiet tekniċi.

Is-sejħa għal PCI tal-FNE saret kull sena, b’baġit indikattiv ta’ EUR 785 miljun għall-2021, EUR 800 miljun għall-2022, EUR 750 miljun għall-2023 u EUR 850 miljun għall-2024. Is-sejħiet għal PCI tal-FNE irreġistraw rati għoljin ta’ sottoskrizzjoni u rriżultaw f’għotjiet li jiswew 95 % tal-baġits indikattivi tas-sejħiet mogħtija għal proposti ta’ finanzjament xierqa.

Tabella 2: Sejħiet għal PCI tal-FNE Enerġija 2021–2024

Proposti

Baġit

Rata ta’ abbonament żejjed*

Sena

Eliġibbli

Kienu ta’ suċċess

Indikattivi

Mitluba

Allokati

2021

11

5

785 miljun

1,3 biljun

1 biljun

1,66

2022

19

8

800 miljun

1,3 biljun

601 miljun

1,68

2023

11

8

750 miljun

1,3 biljun

566 miljun

1,67

2024

70

41

850 miljun

3,1 biljuni

1,25 biljun

3,67

Numru totali

111

21

3,2 biljuni

7 biljuni

3,5 biljuni

2,20

(*) Ir-rata ta’ abbonament żejjed: il-finanzjament mitlub diviż bil-baġit indikattiv tas-sejħa.

Is-sejħa tal-2021 allokat ammont ogħla minn dak previst inizjalment fil-baġit indikattiv tas-sejħa. Filwaqt li kien hemm abbonamenti żejda għas-sejħiet sussegwenti għall-proposti fl-2022 u fl-2023, il-Kummissjoni allokat ammonti kemxejn aktar baxxi mill-baġits tas-sejħiet inizjali. Dan huwa dovut għall-għażla stretta ta’ proġetti li tqis il-maturità u għalhekk il-probabbiltà tar-realizzazzjoni tagħhom, ir-rilevanza tal-proposti sottomessi fir-rigward tal-kriterji tal-għoti, u l-ġustifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament (l-eżistenza ta’ diskrepanza fil-finanzjament li ma setgħetx tiġi eliminata mingħajr finanzjament mill-FNE).

Is-sejħa tal-2024, b’baġit indikattiv ta’ EUR 850 miljun, infetħet f’April 2024 u ngħalqet f’Ottubru 2024, li tirriżulta fl-allokazzjoni ta’ EUR 1 250 miljun għal 41 mis-70 proposta eliġibbli.

Sejħiet transfruntieri għall-enerġija rinnovabbli (CB RES)

Mill-2021 ġew organizzati ħames sejħiet tas-CB RES: tliet sejħiet għal studji preparatorji (2021, 2022, 2023) u żewġ sejħiet għal studji u xogħlijiet tekniċi (2022, 2023). Għall-istudji preparatorji, l-ewwel sejħa kellha rata ta’ abbonament pjuttost baxxa, relatata man-novità tat-tieqa tal-programm. Il-proporzjon ta’ finanzjament ittejjeb b’mod sinifikanti fis-sentejn li ġejjin, għalkemm għadu modest, u dan jirrifletti l-proċess tal-bini ta’ sensiela ta’ proġetti li jissodisfaw il-kriterji.

Tabella 3: Sejħiet għas-CB RES tal-FNE Enerġija 2021–2023

Proposti

Baġit

Rata ta’ abbonament żejjed*

Sena

Eliġibbli

Kienu ta’ suċċess

Indikattivi

Mitluba

Allokati

2021

3

2

1 miljun

473 944

298 944

0,5

2022

5

3

31 miljun

44 miljun

22 miljun

1,42

2023

10

9

51 miljun

74 miljun

68 miljun

1,45

Numru totali

18

14

83 miljun

118-il miljun

91 miljun

1,43

(*) Ir-rata ta’ abbonament żejjed: il-finanzjament mitlub diviż bil-baġit indikattiv tas-sejħa.

It-tielet sejħa għas-CB RES għal studji u xogħlijiet tekniċi, b’baġit indikattiv ta’ EUR 80 miljun, infetħet f’Ottubru 2024 u ngħalqet f’Jannar 2025. Is-sejħiet tas-CB RES għal studji preparatorji ma tkomplewx fl-2024.

Diġitali:

L-ewwel tliet sejħiet (2021, 2022, 2023) koprew is-suġġetti tal-konnettività ewlenija għall-Global Gateways Diġitali, il-5G u l-Cloud Periferika għall-Komunitajiet Intelliġenti, il-kopertura tal-5G tul il-kurituri tat-trasport u n-networks ewlenin għall-federazzjonijiet pan-Ewropej tal-cloud. Dawk is-sejħiet żvelaw domanda għolja għal ċerti suġġetti (kejbils sottomarini), u domanda aktar baxxa għal oħrajn (bħal kurituri 5G, minħabba n-nuqqas attwali ta’ stat ta’ tħejjija tas-suq). Dan wassal għal adattament dinamiku tal-programm ta’ ħidma u tal-allokazzjoni tar-riżorsi billi ffoka r-riżorsi fuq konnettività reżiljenti, b’kapaċità għolja u sovrana fl-UE u internazzjonalment. Dan kien kontribut siewi għat-tieni programm ta’ ħidma tal-FNE Diġitali (2024-2027).

Tabella 4: Sejħiet tal-FNE Diġitali 2021–2023

Proposti

Baġit

Rata ta’ abbonament żejjed*

Sena

Eliġibbli

Kienu ta’ suċċess

Indikattivi

Mitluba

Allokati

2021

51

38

258 miljun

555 miljun

151 miljun

2,15

2022

63

38

277 miljun

923 miljun

260 miljun

3,33

2023

70

52

241 miljun 

578 miljun 

273 miljun

2,39

Numru totali

184

128

776 miljun

2,056 biljun

684 miljun

2,64

(*) Ir-rata ta’ abbonament żejjed: il-finanzjament mitlub diviż bil-baġit indikattiv tas-sejħa.

III.Oqsma ewlenin għall-investimenti

Trasport:

Skont l-Artikolu 3(2)(a)(i) tar-Regolament FNE, il-FNE Trasport trid tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ network tat-trasport trans-Ewropew effiċjenti, interkonness u multimodali u ta’ infrastruttura għal mobbiltà intelliġenti, interoperabbli, sostenibbli, inklużiva, aċċessibbli, sikura u sigura.

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament jiddikjara li l-FNE trid tikkontribwixxi 60 % tal-baġit finanzjarju tagħha għall-objettivi klimatiċi. Il-FNE Transport qabżet din il-mira peress li 79 % tal-finanzjament tagħha huwa ddedikat għat-trasport sostenibbli. Hija investiet fl-infrastruttura ferrovjarja elettrifikata inklużi s-subsistemi tas-sinjalar assoċjati (ERTMS), fil-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport multimodali, u fl-implimentazzjoni ta’ infrastruttura għal vetturi b’emissjonijiet żero. Il-FNE qed tiffinanzja wkoll miżuri ta’ kumpens għal proġetti infrastrutturali (riforestazzjoni, infrastruttura speċifika li tippermetti l-kontinwità tal-ħabitat naturali jew kurituri għall-qsim sikur tal-annimali). Barra minn hekk, is-sejħa għal proposti tal-2023 introduċiet element ta’ “verifika tar-reżistenza klimatika” li jintegra l-miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta’ adattament għalih fl-iżvilupp ta’ proġetti infrastrutturali.

Investimenti għal kull mezz ta’ trasport

Bejn l-2021 u l-2024, il-programm FNE ffinanzja l-infrastruttura Ewropea tat-trasport b’aktar minn EUR 21 biljun. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-investiment huwa fi proġetti ferrovjarji, li rċevew aktar minn EUR 15-il biljun. L-investimenti f’din il-kategorija jvarjaw mill-kostruzzjoni u mit-titjib tal-binarji ferrovjarji għall-implimentazjoni tas-sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju (ERTMS, European Railway Traffic Management System).

Barra minn hekk, il-FNE Trasport tappoġġa titjib fit-trasport fuq l-ilma, b’aktar minn EUR 2 biljun allokati għall-portijiet marittimi u interni, il-passaġġi fuq l-ilma interni, id-diġitalizzazzjoni (sistemi ta’ monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u ta’ informazzjoni - VTMIS u servizzi ta’ informazzjoni dwar ix-xmajjar - RIS), u titjib tat-terminals. Il-FNE Transport tiffinanzja wkoll proġetti tat-toroq, bħall-kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq tat-TEN-T, u l-iżvilupp ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u sistemi ta’ trasport intelliġenti (STI). Taħt it-trasport bl-ajru, il-FNE tiffinanzja l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (riċerka dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru uniku Ewropew - SESAR) u t-titjib tal-ajruporti (taħt il-mobbiltà militari). Barra minn hekk, il-FNE Transport tappoġġa t-titjib fl-infrastruttura fil-modi kollha biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-assi militari. Fl-aħħar nett, EUR 1,38 biljun huma allokati għall-infrastruttura tal-fjuwil alternattiv, u l-akbar sehem imur għall-iċċarġjar tal-vetturi tat-triq, segwit minn bastimenti u inġenji tal-ajru stazzjonarji.

Tabella 5: Investimenti tal-FNE Trasport għal kull modalità (2021–2024, EUR miljun) 16

AF tal-Ajru (96)

AF fuq l-Ilma (185)

AF tat-Toroq (1,103)

Ferrovjarju
(inkluż l-ERTMS, il-Mobbiltà Militari)

Fuq l-ilma
(inklużi l-RIS, il-VTMIS u l-Mobbiltà Militari)

Toroq 
(inkluż l-ITS, il-Mobbiltà Militari)

Bl-ajru
(inkluż l-ATM, il-Mobbiltà Militari)

Fjuwils alternattivi (AF)

Il-biċċa l-kbira tal-finanzjament tal-FNE (80 %) huwa allokat għal proġetti fuq in-network ewlieni tat-TEN-T, 13 % jmur għan-network komprensiv u 7 % jmur għal proġetti li ma jistgħux jiġu konnessi ma’ parti speċifika tan-network tat-TEN-T iżda għadhom importanti għat-tlestija tiegħu (eż. komponenti abbord l-SESAR, l-STI, l-ERTMS eċċ.).

Konnettività transfruntiera

Il-FNE Transport tappoġġa l-konnettività transfruntiera għal vjaġġar mingħajr xkiel fl-UE, b’78 % tal-finanzjament tal-FNE Trasport imur għal proġetti li jindirizzaw il-konnessjonijiet transfruntiera jew neqsin, filwaqt li jiġu żgurati l-multimodalità, l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwil alternattiva u l-armonizzazzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku. Dan kien jinkludi wkoll finanzjament għal ħames proġetti transfruntieri ewlenin (il-Mina ta’ Lyon-Turin, il-Mina Bażi ta’ Brenner, il-Mina ta’ Fehmarn Belt, Rail Baltica, Seine-Escaut/Scheldt) u r-rotot ta’ aċċess tagħhom.



Illustrazzjoni 1: Appoġġ mill-FNE Trasport għall-konnettività transfruntiera


EUR 16,6 biljun

mill-baġit totali tal-FNE Trasport ta’ EUR 21,2 biljun

Il-biċċa l-kbira tal-proġetti transfruntieri jtejbu jew jistabbilixxu konnessjonijiet ferrovjarji, iżda l-FNE tappoġġa wkoll il-konnessjonijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni u ftit sezzjonijiet tat-toroq. Pereżempju, punt ta’ konġestjoni kbir fuq id-Danubju fil-kuritur tar-Renu/Meuse-Main-Danubju bejn Straubing u Vilshofen fin-Nofsinhar tal-Ġermanja rċieva appoġġ mill-FNE biex jiżdiedu l-fond u l-kapaċità tal-kanal navigabbli.

Infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

Il-FNE Trasport tappoġġa l-użu ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi b’aktar minn EUR 1,38 biljun, li prinċipalment imorru għal proġetti li jimplimentaw stazzjonijiet tal-iċċarġjar fit-toroq tat-TEN-T u punti tal-iċċarġjar bl-elettriku. Dan jiffinanzja wkoll l-installazzjoni tal-elettriku mix-xatt għal vapuri rmiġġati, l-elettrifikazzjoni tal-operazzjonijiet fuq l-art tal-ajruporti, u l-istazzjonijiet ta’ riforniment tal-idroġenu.

Mill-2021 ‘l hawn, bdew joperaw madwar 1 500 punt ta’ provvista għall-fjuwils alternattivi tul in-network trans-Ewropew tat-trasport, prinċipalment għall-vetturi ħfief. Aħna nistennew li l-proġetti magħżula s’issa se jinstallaw aktar minn 25 000 punt ta’ provvista għal vetturi ħfief u kważi 2 000 punt ta’ provvista għal vetturi tqal. Il-portafoll ta’ proġetti ta’ fjuwils alternattivi se jikkontribwixxi wkoll għad-dekarbonizzazzjoni tal-operazzjonijiet f’63 ajruport Ewropew u għall-implimentazjoni ta’ ċċarġjar tal-enerġija fuq l-art għall-bastimenti fi 28 port Ewropew.



Mappa 1: Infrastruttura għall-iċċarġjar tal-fjuwils alternattivi appoġġata mill-FNE Trasport (2021–2024)

Provvista ta’ fjuwils alternattivi għal inġenji tal-ajru stazzjonarji

Pajjiżi tal-UE (inklużi territorji ekstra-Ewropej)

Provvista ta’ fjuwils alternattivi għall-utenti tat-triq, l-Elettriku

pajjiżi mhux tal-UE

Provvista ta’ fjuwils alternattivi għall-utenti tat-triq, l-Idroġenu

Provvista ta’ fjuwils alternattivi għall-utenti marittimi/tal-passaġġi fuq l-ilma interni

 

Toroq tat-TEN-T

Kartografija: CINEA, Ġunju 2025

© EuroGeographics għall-fruntieri amministrattivi

Diġitalizzazzjoni tat-trasport

Il-FNE Trasport tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tat-trasport Ewropew b’sejħiet speċifiċi għal proposti li jiffukaw fuq il-mobbiltà intelliġenti u interoperabbli, taħt il-pakkett ġenerali u ta’ koeżjoni. Wara dawn is-sejħiet, 93 proġett irċevew finanzjament ta’ aktar minn EUR 1,4 biljun. Kważi nofs dan l-ammont mar għall-proġetti tal-ERTMS (46 %), segwiti mill-proġetti SESAR (23 %) u ITS (17 %). Il-proġetti li jinvolvu s-sistemi li jifdal (eż. l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (eFTI, electronic freight transport information), l-RIS, is-sistema ta’ single window marittima Ewropea (EMSWe, European Maritime Single Window environment), u l-VTMIS ammontaw għal 13 %.

Trasport aktar sikur

Il-FNE Trasport tappoġġa s-sikurezza fit-toroq permezz tal-kostruzzjoni ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri, it-tneħħija ta’ passaġġi invell, it-titjib tal-allinjamenti tat-toroq għal raġunijiet ta’ sikurezza u l-implimentazjoni tal-SIT. Total ta’ 58 proġett dwar is-sikurezza fit-toroq jirċievu EUR 3 biljun.

Mobbiltà militari

Wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-FNE Trasport huwa li tadatta partijiet min-network TEN-T għall-użu doppju, filwaqt li ttejjeb kemm il-mobbiltà ċivili kif ukoll dik militari. Dan jenħtieġ li jippermetti movimenti fuq skala kbira ta’ persunal u tagħmir militari madwar l-UE fi żmien qasir f’każ ta’ kriżijiet. Taħt it-tliet sejħiet għall-mobbiltà militari (2021/2022/2023) intgħażlu total ta’ 95 proġett f’21 Stat Membru. Dawn huma bbilanċjati b’mod ġust ġeografikament madwar l-UE b’densità tajba ta’ proġetti fuq in-naħa tal-Lvant. 45 % ta’ dan il-finanzjament mar għal proġetti ferrovjarji (eż. biex jiġu aġġornati l-pontijiet ferrovjarji, jinbnew sezzjonijiet ta’ binarji b’veloċità baxxa għal ferroviji itwal u akbar, jiżdied l-għoli minimu tal-mini), 34 % għal proġetti tat-toroq (eż. biex jiġu aġġornati l-meded tat-toroq u l-pontijiet), 7 % għal proġetti tal-ajruporti (eż. biex jiżdiedu l-kapaċitajiet operazzjonali u l-aċċessibbiltà), u l-finanzjament li jifdal imur għal proġetti fil-portijiet u t-terminals (eż. biex jiżdiedu l-kapaċità u l-konnettività).

Il-FNE tippermetti l-finanzjament ta’ elementi sinerġetiċi li jappartjenu għal settur ieħor tal-FNE (sa 20 % tal-kostijiet eliġibbli). Għall-elementi sinerġetiċi tal-FNE Trasport, l-aktar fir-rigward tal-infrastruttura relatata mal-enerġija, dawn huma ffinanzjati f’34 proġett li jirċievu EUR 64 miljun f’finanzjament mill-FNE. Pereżempju, 20 proġett qed jippjanaw li jinstallaw stazzjonijiet għar-riforniment tal-idroġenu u elettrolizzaturi, filwaqt li tmien proġetti qed jippjanaw li jinstallaw pannelli solari fl-ajruporti, fil-portijiet u fit-terminals ferrovjarji-stradali.

Il-FNE Trasport taħdem ukoll f’komplementarjetà ma’ Orizzont Ewropa, pereżempju għall-ekoloġizzazzjoni tal-ajruporti. Filwaqt li l-FNE tappoġġa l-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi u l-aċċess għat-trasport pubbliku, Orizzont Ewropa jiffinanzja soluzzjonijiet innovattivi effiċjenti fl-enerġija jew soluzzjonijiet diġitali u awtomatizzati ġodda għall-operazzjonijiet tal-ajruporti 17 .

Enerġija:

Mill-2021 ‘l hawn, is-sejħiet għall-PCIs irċevew proposti minn ħames tipi differenti ta’ kategoriji ta’ proġetti (l-elettriku, il-gass, l-infrastruttura tat-trasport tas-CO2, il-grilji intelliġenti tal-elettriku, l-idroġenu u l-elettrolizzaturi).

Fis-sejħa tal-2021, l-elettriku kien l-aktar kategorija sinifikanti tal-proġett, bi tliet għotjiet għal xogħlijiet li jammontaw għal 92 % tal-finanzjament tal-UE allokat. Fis-sejħa tal-2022, l-elettriku reġa’ kien l-aktar kategorija sinifikanti li tammonta għal 52 % tal-finanzjament tal-UE allokat (64 % meta mqabbel mal-grilji intelliġenti tal-elettriku). Fis-sejħa tal-2023, l-infrastruttura tat-trasport tas-CO2 kienet l-akbar kategorija li tammonta għal 80 % tal-finanzjament tal-UE allokat. Fis-sejħa tal-2024, l-elettriku (inklużi l-grilji lil hinn mill-kosta, il-ħżin) reġa’ kien l-aktar kategorija sinifikanti li tammonta għal 57 % tal-finanzjament tal-UE allokat (59 % meta jingħadd flimkien mal-grilji intelliġenti tal-elettriku).

Bejn l-2021 u l-2024, is-sejħiet għall-PCI appoġġaw 62 proġett b’EUR 3,5 biljun f’finanzjament tal-FNE Enerġija: 43 kienu studji, b’finanzjament li jammonta għal kważi EUR 431 miljun u d-19 li jifdal kienu xogħlijiet, b’finanzjament li jammonta għal aktar minn EUR 3 biljun. Is-sejħiet tas-CB RES appoġġaw ukoll 14-il proġett (12-il studju u 2 xogħlijiet) b’finanzjament ta’ EUR 91,2 miljun.

Illustrazzjoni 2: Portafoll tal-FNE Enerġija għal kull kategorija (2021–2024)

Trażmissjoni tal-elettriku

Grilji Intelliġenti

Network tas-CO2

Idroġenu u

Elettrolizzaturi

Finanzjament mill-UE

76 Azzjoni

€3,5 biljun

2 Azzjonijiet

€40,9 miljun

3 Azzjonijiet

€128,6 miljun

7 Azzjonijiet

€67 miljun

Xogħlijiet

21 Azzjoni

€3 biljun

Azzjoni waħda

€19,6 miljun

21 Azzjoni

€258 miljun

14-il Azzjoni

€91 miljun

Studji

55 Azzjoni

€481 miljun

CB RES

Gass

12-il Azzjoni

€50,2 miljun

21 Azzjoni

€865 miljun

Tmien Azzjonijiet

€781,1 miljun

13-il Azzjoni

€83,3 miljun

4 Azzjonijiet

€209 miljun

3 Azzjonijiet

€206 miljun

Azzjoni waħda

€2,8 miljun

21 Azzjoni

€258 miljun

4 Azzjonijiet

€148 miljun

5 Azzjonijiet

€1,9 biljun

12-il Azzjoni

€2 biljun

 

Grilji tal-elettriku u tal-elettriku intelliġenti

Il-FNE appoġġat 16-il proġett tal-elettriku, li jammontaw għal aktar minn EUR 2 biljun. Proġetti notevoli li rċevew għotjiet għal xogħlijiet jinkludu: l-interkonnettur EuroAsia bejn il-Greċja u Ċipru (EUR 658 miljun, 2021), elementi infrastrutturali addizzjonali meħtieġa għas-sinkronizzazzjoni tal-Istati Baltiċi mas-sistema tal-elettriku kontinentali (EUR 166 miljun, 2021), l-interkonnettur ELMED bejn Sqallija u t-Tuneżija (EUR 308 miljun, 2022), u l-Gżira tal-Enerġija ta’ Bornholm (EUR 645 miljun, 2024).

Il-FNE appoġġat ukoll erba’ azzjonijiet ta’ grilji intelliġenti tal-elettriku f’erba’ PCIs differenti, li jammontaw għal EUR 209 miljun. L-akbar għotja għax-xogħlijiet kienet ta’ EUR 100 miljun għad-diġitalizzazzjoni tan-networks tad-distribuzzjoni tal-enerġija fil-Bavarja u fiċ-Ċekja.

Network tad-diossidu tal-karbonju

Il-FNE appoġġat 21 proġett ta’ infrastruttura tat-trasport tas-CO2 li jammontaw għal EUR 864 miljun. L-akbar għotja għax-xogħlijiet kienet ta’ EUR 161 miljun għall-fażi I taċ-Ċentru tas-CO2.ta’ Dunkirk.

Il-finanzjament mill-FNE ta’ infrastruttura transfruntiera kritika għan-networks u l-ħżin tas-CO2 jaħdem ħafna b’mod kumplimentari ma’ Orizzont Ewropa li jappoġġa proġetti ta’ riċerka biex tiġi esplorata l-fattibbiltà ta’ teknoloġiji ġodda għall-ġestjoni tal-karbonju industrijali u biex tintwera l-vijabbiltà tat-teknoloġiji mill-perspettiva teknoloġika u ekonomika 18 .

Gass naturali

Il-FNE appoġġat erba’ proġetti tal-gass li jammontaw għal EUR 148 miljun. L-akbar għotja għax-xogħlijiet kienet ta’ EUR 78 miljun għall-ħżin tal-gass fil-Bulgarija. B’mod ġenerali, filwaqt li l-proġetti tal-gass naturali kienu jikkostitwixxu sehem sinifikanti mill-finanzjament mogħti taħt il-programm FNE I (EUR 1 454 miljun), is-sehem tagħhom naqas taħt il-FNE II, l-aktar minħabba li ma għadhomx eliġibbli għall-finanzjament mill-FNE Enerġija wara r-reviżjoni tar-Regolament TEN-E.

Idroġenu

Il-FNE appoġġat 21 proġett tal-idroġenu – kollha għall-istudji – li jammontaw għal EUR 258 miljun. L-akbar għotja li tammonta għal EUR 33 miljun kienet għall-proġett Ewlieni Spanjol tal-Idroġenu.

Sorsi rinnovabbli transfruntieri

Il-FNE Enerġija tappoġġa finanzjarjament ħames proġetti transfruntieri tal-enerġija rinnovabbli, li jinvolvu tmien Stati Membri differenti, u erba’ proġetti oħra li ma għandhomx l-istatus ta’ CB RES bi studji preparatorji. Sal-2024, ingħataw EUR 91 miljun f’finanzjament lil 14-il proġett, inklużi 12-il studju tekniku u preparatorju u żewġ xogħlijiet. Il-proġetti jkopru varjetà ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta u fuq l-art jew il-fotovoltajċi solari, u l-applikazzjonijiet tal-enerġija, bħat-tisħin distrettwali jew il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli.

Għall-FNE Enerġija, l-elementi sinerġetiċi jikkonċernaw l-aktar l-infrastruttura tat-trasport, bħal mollijiet u installazzjonijiet tat-tagħbija tal-bastimenti. Bil-maturità dejjem akbar tal-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija koperti mir-Regolament TEN-E l-ġdid, b’mod partikolari l-grilji intelliġenti tal-elettriku u tal-idroġenu, huma mistennija sinerġiji ulterjuri mal-fergħat diġitali u tat-trasport. Fis-settur tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli transfruntieri, il-proġetti emerġenti jiffokaw fuq il-ktajjen tal-valur tal-idroġenu kollha mill-ġenerazzjoni sal-użu f’setturi bħall-industrija u t-trasport.

Diġitali:

Billi tindirizza proġetti ta’ interess komuni u jiffoka fuq interkonnessjonijiet transfruntiera, il-FNE Diġitali taġixxi bħala katalizzatur għall-ekosistema tal-konnettività diġitali madwar l-UE. Wara l-ewwel tliet sejħiet, il-FNE Diġitali bħalissa tiffinanzja 117-il proġett li jkopru s-suġġetti ewlenin stabbiliti hawn taħt, għal baġit totali ta’ aktar minn EUR 640 miljun.

Konnettività ewlenija għal Global Gateways Diġitali

Il-FNE Diġitali tappoġġa l-implimentazjoni ta’ networks ewlenin ġodda jew l-aġġornament sinifikanti ta’ networks eżistenti, inklużi kejbils sottomarini fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom u bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE. Il-fergħa tal-FNE Diġitali ilha mill-2021 tipprovdi appoġġ finanzjarju lil 51 proġett ta’ Global Gateways Diġitali għal total ta’ EUR 420 miljun.

Dawn il-proġetti jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jagħtu spinta lill-konnessjonijiet globali bejn l-Ewropa u l-Afrika (eż. il-proġetti Medusa tal-Afrika jew Canalink-Marokk), il-Lvant Nofsani (eż. Il-proġett BlueMed tal-Lvant) u l-Asja (konnettività tal-Artiku), u biex jiġu kkonsolidati l-konnessjonijiet bejn l-Istati Membri fil-Mediterran, fl-Atlantiku, fil-Baħar Baltiku u fl-Ewropa Kontinentali (inkluża l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant). Dawn il-proġetti jappoġġaw ukoll il-konnettività fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Ewropa u fil-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej, bħal fl-Oċean Paċifiku (eż. il-proġett NUANUA), fil-Karibew (eż. il-proġett BCA), fil-Gżejjer Kanarji (eż. il-proġett PENCAN-X) u fiż-żona Azores-Madeira (eż. il-proġett Atlantiku CAM).

Il-benefiċjarji kollha ta’ dawn l-għotjiet tal-FNE huma entitajiet ikkontrollati mill-UE u l-kejbils li se jiġu implimentati huma mibnija b’teknoloġija sigura. Minbarra li tiġi ggarantita t-trażmissjoni sigura ta’ terabytes ta’ data fis-sekonda, kważi l-kejbils iffinanzjati kollha jinkludu teknoloġiji intelliġenti, li jaġixxu bħala sensuri ġeografiċi kbar biex jimmonitorjaw l-attivitajiet fil-qrib, u li jaġixxu bħala sistemi ta’ twissija bikrija biex jipproteġu l-infrastruttura nnifisha.

It-tieni programm ta’ ħidma tal-FNE Diġitali għall-2024-2027 jipprovdi EUR 542 miljun addizzjonali għall-kofinanzjament ta’ proġetti ta’ konnettività ewlenija. L-investiment totali tal-UE f’dawn l-infrastrutturi kritiċi fuq il-qafas finanzjarju attwali se jammonta għal kważi EUR 1 biljun.

Il-Paċifiku tan-Nofsinhar

L-Afrika tal-Punent

Il-Gżejjer Kanarji

Il-Karibew

Greenland

Pajjiżi tal-UE
Pajjiżi assoċjati

Xogħol
Mhux issussidjat

Studju

Mappa 2: Proġetti ta’ Global Gateway tal-FNE Diġitali

Sistemi 5G f’żoni fejn jinsabu l-ixprunaturi soċjoekonomiċi

Il-FNE Diġitali ilha mill-2021 tipprovdi appoġġ finanzjarju ta’ total ta’ EUR 128 miljun għal 41 proġett għall-implimentazjoni u l-adozzjoni rapida tal-5G għall-Komunitajiet Intelliġenti. Il-proġetti ffinanzjati jintegraw l-infrastruttura tal-5G mal-edge computing, b’enfasi fuq il-5G awtonomu, li jippermetti każijiet ta’ użu innovattiv bħal kirurġija mill-bogħod, ir-realtà virtwali għat-tagħlim, il-monitoraġġ ibbażat fuq id-droni u aktar.

Pajjiżi tal-UE
Pajjiżi assoċjati

Mappa 3: Proġetti 5G għall-Komunitajiet Intelliġenti

Kopertura tal-5G tul kurituri ewlenin tat-trasport

Il-FNE Diġitali ilha mill-2021 tipprovdi appoġġ finanzjarju għal 25 proġett (xogħlijiet u studji) għal kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni tul il-kurituri tat-trasport transfruntieri għal total ta’ EUR 93 miljun. Tnax minn dawk il-proġetti jimplimentaw infrastruttura tal-5G awtonomu tul il-kurituri transfruntiera tat-TEN-T, bħall-awtostradi, il-ferroviji, jew il-mogħdijiet marittimi, u b’hekk tiġi żgurata l-interoperabbiltà bla xkiel tas-sistemi nazzjonali tal-5G. L-infrastruttura tal-kuritur 5G se tippermetti firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ mobbiltà konnessi u awtomatizzati għall-vetturi, għas-sewwieqa, għall-passiġġieri, u għal atturi rilevanti oħra.

Xogħol
Studju

Pajjiżi tal-UE

Pajjiżi assoċjati

Konnessjoni marittima

Mappa 4: Proġetti għall-kopertura tal-5G tul rotot ewlenin tat-trasport

Il-proġetti tal-kuritur 5G tul il-kurituri ewlenin tat-TEN-T huma eżempju tajjeb għas-sinerġiji bejn il-fergħat differenti tal-FNE. Il-fergħa tal-FNE Diġitali tappoġġa wkoll l-implimentazjoni ta’ infrastruttura diġitali transfruntiera (i) biex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tas-setturi tal-enerġija u tat-trasport billi jissaħħu l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni (pjattaformi diġitali operazzjonali - ODPs, operational digital platforms) u (ii) biex jinħoloq ċirku ta’ investiment “virtuż” ta’ sħubija pubblika-privata. Is-sejħa tal-ODP tal-2022 iffinanzjat proġett ta’ koordinazzjoni u appoġġ li qed iħejji t-triq għal proġett ta’ xogħlijiet fit-tieni programm ta’ ħidma pluriennali tal-FNE Diġitali għall-2024-2027. 

IV.Reazzjoni tal-FNE għall-kriżi riċenti

Matul l-aħħar snin, l-istrument tal-FNE wera l-flessibbiltà tiegħu biex jirreaġixxi għal sfidi u kriżijiet mhux previsti. Bil-gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata mir-Russja, l-Ukrajna u l-Moldova talbu assoċjazzjoni formali mal-programm tal-FNE (ftehimiet iffirmati fid-9 ta’ Mejju u fis-6 ta’ Ġunju 2023). Dan jippermetti lill-benefiċjarji minn dawk il-pajjiżi jipparteċipaw b’mod indipendenti fis-sejħiet tal-FNE u jkunu osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat tal-FNE. L-UE ssospendiet il-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tagħhom għall-programmi tal-UE sakemm l-isfidi finanzjarji kkawżati mill-gwerra jibqgħu għaż-żewġ pajjiżi.

Trasport:

Wara li bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022, l-allokazzjoni tal-pakkett tal-mobbiltà militari ġiet aċċellerata kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni aċċellerat l-evalwazzjoni tal-ewwel sejħa għal proposti dwar il-mobbiltà militari fl-2021 (li kienet miftuħa għall-applikazzjonijiet sa Jannar 2022), imbagħad nediet immedjatament it-tieni sejħa għall-mobbiltà militari f’Mejju 2022 (4 xhur aktar kmieni milli ppjanat). Il-baġit li jifdal ġie fornut minn qabel, bl-aħħar sejħa għal proposti mnedija f’Mejju 2023. Konsegwentement, il-pakkett tal-mobbiltà militari ta’ EUR 1.7 biljun ġie assorbit f’sentejn u nofs biss. Matul it-tliet sejħiet għal proposti, ir-rata ta’ abbonament żejjed żdiedet kontinwament minn 1,2 għas-sejħa tal-2021 għal 4,7 fl-aħħar sejħa tal-2023, li tindika wkoll ħtiġijiet ta’ investiment li qed jiżdiedu għall-infrastruttura b’użu doppju.

Illustrazzjoni 3: Xejra fid-domanda għall-finanzjament tal-mobbiltà militari tal-FNE (EUR miljun)

Mejju 2023–Settembru 2023

It-tielet sejħa MILMOB

Settembru 2021–Jannar 2022

L-ewwel sejħa MILMOB

Mejju 2022–Settembru 2022

It-tieni sejħa MILMOB

Abbonament żejjed

Finanzjament mill-FNE

Baġit disponibbli

Finanzjament mitlub

Il-FNE Trasport uriet ukoll in-natura aġli tagħha billi takkomoda ħtiġijiet kritiċi li tfaċċaw fil-fruntieri esterni tal-UE mal-Ukrajna u l-Moldova. Il-finanzjament tal-FNE Trasport qed jappoġġa l-inizjattiva “Korsiji ta’ Solidarjetà” u qed jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ rotot alternattivi għat-trasport tal-merkanzija kemm lejn u mill-Ukrajna kif ukoll il-Moldova wara l-imblokk tal-portijiet Ukreni. B’kollox (wara s-sejħiet għal proposti tal-2022 u l-2023), il-FNE Trasport ipprovda madwar EUR 1,5 biljun ta’ finanzjament għal proġetti li jtejbu l-korsiji ta’ solidarjetà u li jiżguraw li l-Ukrajna u l-Moldova jkunu konnessi aħjar mal-Istati Membri ġirien tagħhom tal-UE (il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija). Dawn il-proġetti jenħtieġ li jtejbu l-kapaċità u l-aċċess għall-punti ewlenin ta’ qsim tal-fruntieri tat-TEN-T bit-triq u bil-ferrovija billi jestendu u jaġġornaw l-infrastruttura, itejbu ż-żoni ta’ parkeġġ, il-faċilitajiet u t-tagħmir tat-trażbord. L-appoġġ lill-Ukrajna jinkludi wkoll proġetti għall-iżvilupp tal-gejġ standard Ewropew (UIC) fl-Ukrajna biex jittejbu l-konnessjonijiet ferrovjarji tagħha mal-Istati Membri ġirien. L-ewwel riżultati diġà jistgħu jidhru fil-prattika.

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna wasslu għal inflazzjoni għolja, żieda fil-kostijiet tal-materjali tal-kostruzzjoni, forza tax-xogħol imnaqqsa u tfixkil fil-ktajjen tal-provvista. Dan kien ifisser li l-proġetti tal-FNE kienu jeħtieġu injezzjoni rapida ta’ fondi biex jitwettqu l-azzjonijiet ippjanati. Għalhekk, il-programm ta’ ħidma pluriennali ġie emendat biex ikun possibbli li l-baġit kollu disponibbli taħt il-QFP attwali jiġi fornut minn qabel għas-sejħiet tal-FNE Trasport tal-2023 u l-2024.

Enerġija:

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja affettwaw ukoll l-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-enerġija ffinanzjati mill-FNE, minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, iż-żidiet sinifikanti fil-kostijiet, u n-nuqqasijiet fil-provvista fil-komponenti għal proġetti infrastrutturali. Dan irriżulta f’dewmien għal xi proġetti, b’mod partikolari b’rabta mal-ħtieġa li jiġu implimentati soluzzjonijiet tekniċi alternattivi u li jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali.

F’Mejju 2022, b’reazzjoni għall-invażjoni mir-Russja, il-Kummissjoni adottat il-pjan REPowerEU 19 tagħha, li wassal għall-adozzjoni ta’ diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni maħsuba biex inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi, jiddiversifikaw is-sorsi tal-provvista tal-gass, inaqqsu l-konsum tal-enerġija, u jaċċelleraw l-introduzzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Filwaqt li r-Regolament FNE attwali u r-Regolament TEN-E riveduti daħlu fis-seħħ qabel il-pjan tar-REPowerEU, dawn huma allinjati mal-objettivi tiegħu. Mill-2013 ‘l hawn, il-proġetti ffinanzjati mill-FNE Enerġija kkontribwew għall-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-UE billi saħħew il-konnessjonijiet transfruntieri u żiedu s-sigurtà tal-provvista. Fl-2021, l-2022 u l-2023, ġew allokati għotjiet għal xogħlijiet fil-qasam tal-ħżin tal-gass li se jindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass fix-Xlokk tal-Ewropa, li huwa r-reġjun l-aktar affettwat direttament mill-qtugħ tal-provvista tar-Russja.

Ir-Regolament TEN-E rivedut jeskludi l-kategoriji tal-infrastruttura tal-fjuwils fossili mill-eliġibbiltà għall-istatus ta’ PCI u jinkludi kategoriji ġodda ta’ infrastruttura li huma kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni, b’mod partikolari proġetti tal-idroġenu u grilji tal-elettriku lil hinn mill-kosta. Il-proġetti transfruntieri fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli jikkontribwixxu għall-implimentazjoni kosteffettiv ta’ kapaċitajiet addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli li jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili.

Diġitali:

Kif stabbilit fl-ambitu tal-proġetti ta’ interess komuni fis-settur diġitali, il-FNE tista’ tgħin biex testendi u ssaħħaħ il-konnettività diġitali bejn l-UE u l-ġirien tagħha. Il-proġett  East West Gate (iffinanzjat taħt it-tieni sejħa għal proposti) se jippermetti l-forniment ta’ servizzi diġitali lill-Ukrajna u jżid direttament il-possibbiltajiet u l-kapaċità ta’ komunikazzjoni kemm mal-Ukrajna kif ukoll bejn il-pajjiżi tal-UE.

Fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja fil-konfront tal-Ukrajna u l-kunflitti u l-instabbiltà fil-Lvant Nofsani, sar essenzjali li jiżdiedu r-reżiljenza u r-ridondanza tal-infrastruttura diġitali li tgħaqqad lill-Ewropa mal-Asja. Il-FNE diġà ffinanzjat 3 proġetti ta’ implimentazjoni tal-kejbils fir-reġjun tal-Artiku, jiġifieri Far North Fiber, Polar Connect u TUSASS CONNECT. Dawn il-proġetti huma parti mill-viżjoni tal-konnettività tal-Artiku, li eventwalment se twassal għal rotta alternattiva bejn l-Ewropa u l-Asja.

Diversi proġetti ffinanzjati taħt il-fergħa tal-FNE Diġitali jsaħħu l-konnettività diġitali madwar l-Ewropa u mar-reġjuni ġirien, inklużi l-Afrika ta’ Fuq u l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant (l-Ukrajna u l-Moldova), li jirriflettu strateġija ġeopolitika usa’ biex tissaħħaħ ir-reżiljenza diġitali tal-Ewropa, titrawwem l-integrazzjoni ekonomika u tiġi promossa l-istabbiltà reġjonali. Bl-estensjoni tan-networks ta’ kapaċità għolja u l-allinjament tal-istandards diġitali, il-programm jaġixxi bħala kontromiżura għal influwenzi esterni, filwaqt li jistabbilixxi kontroll fuq infrastrutturi diġitali kritiċi.

Il-FNE Diġitali għandha wkoll rwol importanti fil-ħolqien ta’ alternattivi ta’ konnettività diġitali, it-tisħiħ tar-reżiljenza tan-networks ta’ komunikazzjoni u l-esplorazzjoni ta’ rotot li jistgħu jevitaw punti ta’ konġestjoni tradizzjonali użati żżejjed bħall-Kanal ta’ Suez.

L-aħħar iżda mhux l-inqas, ir-rekwiżiti stretti ta’ eliġibbiltà fil-FNE Diġitali, fir-rigward tal-promoturi tal-proġetti u t-tagħmir implimentat, jikkontribwixxu għas-sigurtà u l-affidabbiltà tal-infrastruttura kritika tal-komunikazzjoni diġitali ffinanzjata.

V.Sitwazzjoni baġitarja attwali u valutazzjoni tal-progress

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP attwali konkluż fl-2024 ma rriżulta fl-ebda bidla fil-baġit tal-FNE tat-tliet setturi kollha. Madankollu, il-programmi settorjali differenti xorta waħda kellhom xi bidliet fil-baġits tagħhom meta mqabbla mal-ammonti ta’ referenza fil-bażi legali, kif deskritt hawn taħt.

Sabiex il-fondi tal-FNE allokati u l-proġetti appoġġati jsiru aktar viżibbli u trasparenti, is-CINEA nediet dashboard pubbliku f’Jannar 2023 20 . Dan id-dashboard ikopri l-proġetti u l-programmi kollha li s-CINEA tiġġestixxi, inklużi dawk li tiġġestixxi għall-FNE Trasport u l-FNE Enerġija. Din l-għodda tippermetti lil kulħadd isib informazzjoni aġġornata dwar il-proġetti, il-finanzjament u l-benefiċjarji tagħhom, u graffs biex jivviżwalizzaw id-data. Is-CINEA ppubblikat ukoll żewġ pubblikazzjonijiet interattivi li juru l-kisbiet tal-programm mill-2014, waħda għall-FNE Trasport 21 u waħda għall-FNE Enerġija 22 , kif ukoll pubblikazzjoni ddedikata dwar is-Sinkronizzazzjoni tal-Baltiku 23 .

Għal informazzjoni dwar l-allokazzjoni u l-proġetti tal-baġit tal-FNE Diġitali, ara s-sit web tal-HaDEA 24 .

Aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni baġitarja tal-FNE tista’ tinstab ukoll fuq il-portal tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni 25 . Din l-informazzjoni hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-programm sottomessi kull sena minn kull programm.

Trasport:

Intużaw EUR 250 miljun mill-baġit tal-FNE Trasport biex jiffinanzjaw l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep. Il-baġit tal-FNE Trasport qed jappoġġa wkoll nefqa amministrattiva addizzjonali li tirriżulta mill-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”, b’mod partikolari l-inizjattivi tal-Avjazzjoni FuelEU Maritime u ReFuelEU u aktar reċentement li jirriżultaw mir-Regolament rivedut dwar l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u mir-Regolament dwar l-Ajru Uniku Ewropew 2+.

Kif deskritt qabel, il-baġit tal-FNE Trasport ġie fornut minn qabel fl-2021–2024. S’issa ġew allokati aktar minn EUR 21 biljun, wara l-iffirmar tal-proġetti magħżula taħt is-sejħiet tal-2021/2022/2023 (EUR 10,5 biljun mill-pakkett ġenerali, EUR 9,3 biljun mill-pakkett ta’ koeżjoni) u taħt is-sejħiet għall-mobbiltà militari (EUR 1,7 biljun kollha mill-pakkett tal-mobbiltà militari). Dak l-ammont jinkludi wkoll EUR 1,3 biljun allokati għal proġetti ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi taħt l-ewwel sejħa kontinwa għall-AFIF.

Il-baġit li jifdal tal-FNE se jiġi allokat taħt is-sejħa għal proposti tal-2024 u t-tieni sejħa kontinwa tal-AFIF, b’baġit ta’ EUR 2,5 biljun u EUR 1 biljun rispettivament. Is-sejħa tal-2024 għalqet fl-aħħar ta’ Jannar 2025 u bħalissa qed tiġi evalwata, filwaqt li t-tieni sejħa kontinwa AFIF tnediet fi Frar 2024 u se tibqa’ għaddejja sal-bidu tal-2026.

L-ewwel ftehimiet ta’ għotja ta’ dan il-QFP ġew iffirmati fl-2022 wara l-ewwel sejħa għall-FNE Trasport li tnediet fl-2021. Peress li l-proġetti għall-istudji idumu sentejn sa 3 snin u l-proġetti għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni idumu erba’ sa 5 snin, il-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-FNE Trasport għadhom fl-istadji bikrija tagħhom. Bħalissa għaddejjin aktar minn 600 proġett. Huma biss ftit proġetti żgħar (23) li diġà ġew iffinalizzati (eż. infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri). S’issa, il-proġetti qed jimxu ’l quddiem kif mistenni u f’konformità mal-ftehimiet ta’ għotja rispettivi tagħhom. Dewmien possibbli jista’ jseħħ biss fis-snin li ġejjin.

Il-FNE Trasport implimentat b’suċċess il-prinċipju “tużah jew titilfu”. Jekk l-implimentazzjoni ta’ proġett tiddewwem, l-ambitu tiegħu jiġi adattat u l-għotja tiegħu titnaqqas kif xieraq. Il-baġit imbagħad isir disponibbli f’sejħa oħra għal proposti (“rifluss”).

Enerġija:

L-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-FNE Enerġija għall-2021–2023 inizjalment ammontaw għal EUR 2 397 miljun, inklużi EUR 5,9 miljun fi dħul assenjat mill-ordnijiet ta’ rkupru preċedenti tal-FNE tal-2014–2020 fl-2021 26 .

L-għotjiet mogħtija abbażi tas-sejħiet għal proposti għal proġetti ta’ PCIs u CB RES fl-2021–2024 ammontaw għal EUR 3 542 miljun, u s-sejħiet CB RES tal-2024 għadhom pendenti.

EUR 430 miljun ġew ittrasferiti mill-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-FNE Enerġija għas-sena 2023 għall-FNE Trasport. Dan juri li l-baġit tal-FNE qed jintuża bejn it-tliet setturi bl-aktar mod effiċjenti. Fl-2023, il-fergħa tal-FNE Enerġija kien għad kellha portafoll limitat ta’ proġetti li kienu ngħataw finanzjament u li wħud minnhom kienu ffaċċjaw dewmien fl-implimentazzjoni. Fl-istess ħin, il-FNE Trasport kienet qed twettaq forniment minn qabel tal-baġit tagħha u setgħet tuża l-baġit ittrasferit taħt is-sejħiet tal-FNE Trasport għall-2023.

Il-baġit ittrasferit se jiġi rritornat għall-FNE Enerġija mill-2025 u huwa mistenni li jiġi impenjat fis-snin ta’ wara, peress li huma mistennija ħtiġijiet kbar ta’ investiment fil-kategoriji l-ġodda tal-infrastruttura tal-enerġija (b’mod partikolari l-grilji lil hinn mill-kosta u l-idroġenu). Ir-riżultati tas-sejħa tal-FNE tal-2024 għall-PCIs u l-PMIs ikkonfermaw dan: l-għotjiet mogħtija jammontaw għal total ta’ EUR 1 250 miljun, u l-proġetti tal-grilji lil hinn mill-kosta u tal-idroġenu jinkludu 24 mill-41 proposta magħżula (li jammontaw għal EUR 947 miljun jew 76 % tal-finanzjament allokat).

Diġitali:

EUR 150 miljun tal-ammont ta’ referenza fil-bażi legali għall-FNE Diġitali ġew trasferiti għall-Att dwar iċ-Ċipep u EUR 110 miljun tal-ammont ta’ referenza ġew trasferiti lill-inizjattiva Infrastruttura għar-Reżiljenza, l-Interkonnettività u s-Sigurtà bis-Satellita (IRIS²) (għall-2024-2027).

Il-bidu tal-implimentazzjoni diġitali tal-FNE ddewwem xi ftit, minħabba ċertu dewmien fl-adozzjoni, in-novità tal-programm, u l-karattru innovattiv ta’ ċerti suġġetti (eż. il-5G għall-mobbiltà konnessa u awtomatizzata). Għaldaqstant, il-proġetti tas-Sejħa 1 bdew f’Jannar 2023, il-proġetti tas-Sejħa 2 bdew fil-bidu tal-2024, il-proġetti tas-Sejħa 3 bdew fil-bidu tal-2025, u l-proġetti tas-Sejħa 4 mistennija li jibdew fil-bidu tal-2026.

It-tliet sejħiet taħt il-programm ta’ ħidma 2021–2023 segwew l-iskeda ta’ ppjanar “wieħed fis-sena”, b’impenji baġitarji ġenerali tajbin ħafna f’konformità mal-allokazzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari għal proġetti tal-kejbils sottomarini ppreżentati taħt is-sejħa Digital Global Gateways.

Filwaqt li l-ewwel riżultati tal-proġett se jkunu disponibbli biss mill-2025, il-portafoll attwali ta’ proġetti jista’ jitqies li jinsab fit-triq it-tajba. Wara l-ewwel tliet sejħiet inizjali, il-FNE Diġitali bħalissa tiffinanzja 117-il proġett li jkopru s-suġġetti ewlenin tagħha, b’baġit totali ta’ aktar minn EUR 640 miljun.

VI.Konklużjonijiet u prospetti għall-perjodu tal-QFP li jifdal

Il-baġit kollu għall-fergħa tal-FNE Trasport se jiġi impenjat fl-2025 u ma hemm l-ebda sejħa oħra ppjanata taħt il-QFP attwali, sakemm ma jkunx hemm xi rimborsi limitati ta’ fondi mhux użati mill-proġetti.

Il-proġetti magħżula fis-sejħiet tal-FNE Trasport kollha għandhom valur miżjud għoli tal-UE u jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-tlestija tan-network TEN-T. Fl-istess ħin, il-ħtiġijiet ta’ investiment għan-network tat-TEN-T għadhom għoljin. Skont id-dokument ta’ pożizzjoni tal-Koordinaturi tat-TEN-T minn April 2024 27 , l-investiment totali meħtieġ biex jitlesta n-network ewlieni u estiż tat-TEN-T huwa ta’ EUR 845 biljun matul il-15-il sena li ġejjin. Dan in-numru jqis ir-rekwiżiti l-ġodda kollha miżjuda matul ir-reviżjoni tar-Regolament TEN-T. Għal proġetti bl-ogħla valur miżjud tal-UE biss, l-ammont li jifdal li għandu jiġi investit huwa stmat għal madwar EUR 210 biljun.

Il-kuntest ġeopolitiku attwali jirrikjedi li ninvestu kemm jista’ jkun malajr fi proġetti ta’ mobbiltà militari li jżidu l-kapaċità għal movimenti fuq skala kbira ta’ truppi u materjal tqil fi żmien qasir. Tali proġetti jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod koordinat bejn l-Istati Membri biex jippermettu mobbiltà transfruntiera bla xkiel.

Għall-fergħa tal-FNE Enerġija, il-Kummissjoni se tkompli torganizza sejħiet għal proposti għal PCIs u PMIs u għal proġetti rinnovabbli transfruntieri sal-2027, u l-baġit kollu huwa mistenni li jiġi impenjat sa tmiem il-programm. Il-valur miżjud għoli tal-UE tal-proġetti tal-FNE Enerġija ġej mill-kontributi tagħhom għall-integrazzjoni tas-swieq interni tal-enerġija, għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija.

Skont studju tal-ħtiġijiet ta’ investiment ippubblikat f’Jannar 2025 28 , matul l-2024-2040 il-ħtiġijiet ta’ investiment għal proġetti tal-elettriku transfruntieri u konnessjonijiet lil hinn mill-kosta waħedhom se jammontaw għal EUR 130 biljun. Il-proġetti ta’ kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli (proġetti CB RES) huma kruċjali biex jiġu ingranati l-assimetriji tal-potenzjal tal-ġenerazzjoni u tad-domanda, u diġà huma essenzjali għall-Istati Membri fejn ġew eżawriti l-possibbiltajiet kollha għal implimentazjoni iffukata domestikament. L-appoġġ tal-UE huwa strumentali fl-iffaċilitar ta’ tali proġetti, li jinvolvu nefqiet kapitali intensivi u livell akbar ta’ kumplessità u riskji, pereżempju minħabba d-diffikultà li jinstabu ftehimiet ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji bejn l-Istati Membri.

It-tieni programm ta’ ħidma tal-FNE Diġitali (2024-2027) jibni fuq ir-riżultati u t-tagħlimiet meħuda bl-implimentazzjoni tal-ewwel programm ta’ ħidma (2021–2023) u fuq il-prijoritajiet ta’ politika li qed jevolvu fil-qasam tal-infrastruttura tal-konnettività diġitali. Il-FNE Diġitali se tkompli tappoġġa s-suġġetti ewlenin tal-konnettività u tal-5G msemmija hawn fuq, b’xi adattamenti għas-sejħiet relatati mal-5G, li issa huma integrati fi “proġetti pilota fuq skala kbira tal-5G” (li jibdew bis-Sejħa 4, li nfetħet fit-22 ta’ Ottubru 2024).

Id-distribuzzjoni ppjanata tal-baġit ta’ EUR 865 miljun disponibbli għall-2024-2027 tagħti prijorità liż-żieda fil-kapaċità, lir-reżiljenza u lis-sigurtà tal-konnettività transfruntiera tal-UE, b’EUR 542 miljun f’finanzjament għal global gateways jew kejbils sottomarini. Prijorità oħra hija t-tkomplija tal-implimentazjoni ta’ konnettività tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għal applikazzjonijiet avvanzati u innovattivi, b’EUR 205 miljun għall-proġetti pilota 5G. Ġew allokati EUR 90 miljun għall-implimentazjoni ta’ rabtiet ta’ komunikazzjoni kwantistika transfruntiera bejn l-Istati Membri.

Il-ħidma fuq l-evalwazzjoni interim tal-FNE tal-2021–2027 għadha għaddejja, biex il-programm tal-FNE jiġi analizzat f’aktar dettall. Ġie offrut studju ta’ appoġġ u f’Novembru 2024 il-Kummissjoni ppubblikat il-“Qafas ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni” (SWD(2024) 276) 29 .

(1)

  Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38–81 .

(2)

  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5763 final tal-5 ta’ Awwissu 2021 dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Is-settur tat-trasport u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2021–2027 .

(3)

  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2023) 4886 final tal-25 ta’ Awwissu 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 5763 final dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Is-settur tat-trasport u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2021–2027 .

(4)

Definita fir- Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45-102 .

(5)

  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2021) 5791 final tas-6 ta’ Awwissu 2021 dwar il-finanzjament tas-settur tal-enerġija taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali għall-perjodu 2021–2027 .

(6)

  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2022) 7393 final tat-13 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 5791 final dwar il-finanzjament tas-settur tal-enerġija taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali għall-perjodu 2021–2027 .

(7)

Ara: Funding for projects of common interest (europa.eu) .

(8)

  Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013,ĠU L 152 , 3.6.2022, p. 45–102.

(9)

Il-PMIs ġew introdotti permezz tar-reviżjoni tar-Regolament TEN-E fl-2022 u kienu eliġibbli għall-ewwel darba biex japplikaw għall-FNE Enerġija fl-2024.

(10)

  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1041 tat-28 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u proġetti ta’ interess reċiproku, ĠU L, 2024/1041, 8.4.2024 . 

(11)

  L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2024) 482 final tal-1 ta’ Frar 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 7393 dwar il-finanzjament tas-settur tal-enerġija taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u dwar l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali għall-perjodu 2021–2027 .

(12)

 L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2021) 9463 final tas-16 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – is-Settur diġitali u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali għall-2021–2025.  Il-Programm ta’ ħidma pluriennali għall-2021–2023 - Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - | Diġitali Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa .

(13)

 L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2023) 2533 final tad-19 ta’ April 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2021) 9463 dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – is-Settur diġitali u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali għall-2021–2025.  Il-Programm ta’ ħidma pluriennali għall-2021–2023 - Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - | Diġitali Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa .

(14)

  L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (2024) 6891 tad-9 ta’ Ottubru 2024 dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – is-Settur diġitali u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali għall-2024-2027.  

(15)

  Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1153 u (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024 .

(16)

Esklużi l-ftehimiet ta’ għotja li qed jitħejjew.

(17)

  L-iżgurar ta’ ajruporti kompetittivi u sostenibbli

(18)

  Industrial Carbon Management: Interactive Stories. Industrial carbon management funded by the European Union

(19)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2022) 230 final tat-18.5.2022 dwar il-Pjan REPowerEU .

(20)

  CINEA Project Portfolio - Welcome | Sheet - Qlik Sense (europa.eu) .

(21)

  Greener Transport Infrastructure for Europe 2014-2024: Building future-proof infrastructure thanks to the Connecting Europe Facility Transport .

(22)

  Interconnected sustainable energy infrastructure for Europe 2014-2024: Building a future-proof European Energy network with the Connecting Europe Facility Energy .

(23)

  CEF Energy: instrumental funding to achieve the Baltic synchronisation with the Continental European Network .

(24)

  About Connecting Europe Facility - Digital - European Health and Digital Executive Agency .

(25)

  Connecting Europe Facility - Performance - European Commission .

(26)

Skont l-ewwel programm ta’ ħidma pluriennali fl-2021, C(2021) 5791 final tas-6 ta’ Awwissu 2021: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma pluriennali għall-perjodu 2021–2027.

(27)

  Connecting Europe. A transport funding and financing that is adapted to the challenges ahead. TEN-T Coordinators’ Position Paper .

(28)

  Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, Finesso, A., Kralli, A., Bene, C., Goodall, F. et al., Investment needs of European energy infrastructure to enable a decarbonised economy – Final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2025.

(29)

  Commission Staff Working Document. Monitoring and Evaluation Framework for the Connecting Europe Facility 2021–2027 .