Rapport Speċjali
Nru03 2019

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi: Jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex il-FEIS ikun suċċess totali

Dwar ir-rapport Madankollu, aħna sibna li parti mill-appoġġ tal-FEIS sempliċement issostitwixxa fondi oħra mill-BEI u mill-UE, parti mill-finanzjament mar għal proġetti li setgħu użaw sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku jew privat, l-istimi rigward l-investiment addizzjonali attirat mill-FEIS xi kultant ġew iddikjarati b’mod eċċessiv, u l-biċċa l-kbira mill-investimenti marru fi ftit mill-Istati Membri l-kbar tal-EU-15 li għandhom banek promozzjonali nazzjonali stabbiliti sew. 
Aħna kkonkludejna li l-FEIS għen lill-BEI biex jipprovdi aktar fondi b’riskju ogħla għal investimenti, iffinanzja ħafna proġetti ta’ investiment li kieku ma kinux jitwettqu mingħajru, attira investiment pubbliku u privat addizzjonali għal dawn il-proġetti u appoġġa investimenti f’ħafna setturi ta’ politika fl-UE.
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jikkontribwixxi għall-finanjzament ta’ investimenti strateġiċi f’oqsma ewlenin bħall-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija. Huwa jieħu l-forma ta’ garanzija baġitarja tal-UE li tingħata lill-Grupp tal-BEI. L-għan tal-FEIS huwa li jippermetti li l-BEI u l-FEI jipprovdu finanzjament addizzjonali għal proġetti eliġibbli fl-UE u li jimmobilizza investiment privat u pubbliku addizzjonali għal dawn il-proġetti.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ġie stabbilit fl-2015, bħala parti mill-“Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa”, li ġie mfassal biex jindirizza d-diskrepanza fl-investiment li nħolqot b’segwitu għall-kriżi finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-2008. Huwa ġie stabbilit fi ħdan il-BEI u huwa rregolat minn Bord ta’ Tmexxija magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-BEI. Inizjalment, il-FEIS ġie stabbilit bil-ħsieb li tintuża garanzija ta’ EUR 16-il biljun mill-baġit tal-UE u EUR 5 biljun f’riżorsi proprji tal-BEI, biex il-Grupp tal-BEI jkun jista’ jipprovdi finanzjament ta’ madwar EUR 61 biljun bl-għan li, sa Lulju 2018, jiġu mmobilizzati EUR 315-il biljun addizzjonali ta’ investimenti strateġiċi fl-infrastruttura u fl-SMEs, li jkopru l-biċċa l-kbira mill-oqsma ta' politika tal-UE u l-Istati Membri kollha.

II

L-objettiv tal-awditu kien li jiġi vvalutat jekk il-FEIS kienx effettiv fil-ksib ta’ finanzjament b’appoġġ għal investimenti addizzjonali fl-UE kollha. Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, aħna eżaminajna jekk:

  1. il-BEI pprovdiex il-livell mistenni ta’ finanzjament b’riskju ogħla sa Lulju 2018;
  2. il-FEIS issostitwiex operazzjonijiet oħra ta’ finanzjament tal-BEI u tal-UE;
  3. proġetti ta' investiment setgħux jiġu ffinanzjati fil-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEIS b’fondi pubbliċi jew privati oħra;
  4. l-istimi rrappurtati fir-rigward tal-investimenti mmobilizzati mill-FEIS kinux realistiċi f’termini tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomija reali;
  5. il-portafoll ta’ investiment tal-FEIS kienx ibbilanċjat b’mod adatt f’termini tal-oqsma ta’ politika rilevanti tal-UE u tal-konċentrazzjoni ġeografika.
III

L-awditu tagħna kopra l-operazzjonijiet tal-FEIS fil-perjodu bejn it-tnedija tiegħu fl-2015 sa Lulju 2018. Bħala parti mix-xogħol tal-awditjar tagħna, aħna eżaminajna xi rapporti dwar il-prestazzjoni tal-FEIS li ġew ippubblikati saż-żmien meta sar l-awditu tagħna, analizzajna l-portafoll ta’ operazzjonijiet tal-FEIS, u eżaminajna kampjun ta’ operazzjonijiet, kif ukoll intervistajna u wettaqna stħarriġ fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-Grupp tal-BEI, il-kontropartijiet tagħhom fil-FEIS, u esperti fil-qasam.

IV

Aħna nikkonkludu li l-FEIS kien effettiv fil-ksib ta’ finanzjament b’appoġġ għal investimenti addizzjonali sostanzjali fl-UE. Madankollu, l-istima rrappurtata fir-rigward tal-investiment immobilizzat ma tiħux kont tal-fatt li xi wħud mill-operazzjonijiet tal-FEIS issostitwew operazzjonijiet oħra tal-BEI u strumenti finanzjarji oħra tal-UE, jew il-fatt li parti mill-appoġġ tal-FEIS mar għal proġetti li setgħu ġew iffinanzjati minn sorsi oħra, għalkemm fuq termini differenti. Barra minn hekk, jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex ittejjeb il-firxa ġeografika tal-investiment appoġġat mill-FEIS.

V

Aħna sibna li, sat-30 ta’ Ġunju 2018, il-Grupp tal-BEI kien irnexxielu japprova aktar minn EUR 59 biljun f’operazzjonijiet finanzjarji taħt il-FEIS. Barra minn hekk, sas-17 ta’ Lulju 2018, il-finanzjament approvat mill-Grupp tal-BEI laħaq il-EUR 65.5 biljun. Kien hemm għadd ta’ fatturi li kkontribwew għal dan ir-riżultat, inkluż l-istabbiliment tal-FEIS bħala garanzija baġitarja pprovduta lill-BEI u l-fatt li ngħata flessibbiltà operazzjonali, l-issettjar ta’ ftit miri jew limiti fuq il-portafoll ta’ investiment tal-FEIS, l-introduzzjoni ta’ arranġamenti ta’ governanza ssimplifikati, u t-titjib fil-kooperazzjoni mal-Banek jew Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali.

VI

L-appoġġ tal-FEIS ippermetta li l-BEI jżid b’erba’ darbiet oħra l-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament b’riskju ogħla meta mqabbel mal-2014. Madankollu, il-valur tal-operazzjonijiet finanzjarji b’riskju ogħla relatati mal-FEIS, li verament ġew iffirmati mill-BEI, kien aktar baxx milli previst. Il-BEI wettaq finanzjament b’riskju ogħla billi offra self superjuri klassiku ta’ investiment b’maturitajiet itwal, assuma pożizzjonijiet mhux iggarantiti fil-każijiet fejn il-mutwanti kollha, jew il-biċċa l-kbira minnhom, kellhom garanziji, u ttratta ma’ kontropartijiet b’riskju ogħla, filwaqt li relattivament ftit għamel użu minn prodotti finanzjarji oħra b’riskju ogħla li kienu disponibbli.

VII

Il-FEIS issostitwixxa wkoll parzjalment il-finanzjament minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE mmaniġġjati ċentralment, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport u tal-enerġija. Barra minn hekk, aħna identifikajna l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-BEI jieħdu kont tat-trikkib li jista’ jkun hemm fil-futur bejn l-operazzjonijiet taħt it-Tieqa tal-Infrastruttura u l-Innovazzjoni tal-FEIS u l-istrumenti finanzjarji tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

VIII

Il-fatt li operazzjoni tal-FEIS ġiet vvalutata bħala li tipprovdi addizzjonalità f’konformità mad-definizzjoni tar-Regolament dwar il-FEIS u ġiet klassifikata bħala li kellha riskju li kien ogħla minn dak ta’ operazzjoni normali tal-BEI, ma kienx neċessarjament ifisser li l-proġett ma setax jiġi ffinanzjat minn sorsi oħra. Ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna wrew li kważi terz mill-proġetti ffinanzjati taħt it-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni setgħu jitwettqu anke mingħajr l-appoġġ tal-FEIS. Fil-biċċa l-kbira, il-promoturi tal-proġetti ppreferew jirċievu finanzjament mill-FEIS, minħabba li jew kien orħos jew inkella kien joffri perjodu itwal għar-rimborż. Aħna sibna xi każijiet fejn il-proġetti taħt il-FEIS setgħu ġew iffinanzjati minn sorsi privati u pubbliċi oħra, jew inkella mill-BEI bħala operazzjoni normali, għalkemm taħt termini differenti.

IX

Il-metodoloġija użata għall-istimar tal-investiment immobilizzat, f’xi każijiet, iddikjarat b’mod eċċessiv kemm l-appoġġ tal-FEIS verament attira investiment addizzjonali fl-ekonomija reali. In-nuqqas ta’ indikaturi tal-prestazzjoni u tal-monitoraġġ kumparabbli għall-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji kollha tal-UE jnaqqas it-trasparenza u jikkomplika l-valutazzjoni tar-riżultati.

X

Fi tmiem l-2017, il-portafoll tal-FEIS kien jinsab fi ħdan il-limiti indikattivi ssettjati għall-investiment f’setturi ta’ politika speċifiċi. Madankollu, il-konċentrazzjoni ġeografika tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament iffirmati mill-FEIS ma kinitx ibbilanċjata biżżejjed, billi fil-biċċa l-kbira dawn kienu kkonċentrati fi ftit mill-Istati Membri l-kbar tal-EU-15. Il-pajjiżi li bbenefikaw l-aktar mill-appoġġ tal-FEIS kienu dawk li l-Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali tagħhom kienu l-aktar żviluppati u attivi, għaldaqstant, dan jissuġġerixxi l-ħtieġa li jiġi pprovdut appoġġ, inkluża assistenza teknika, lil dawk li huma inqas żviluppati.

XI

Abbażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet, aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex:

  1. jiġi promoss l-użu ġustifikat ta’ prodotti tal-BEI b’riskju ogħla taħt il-FEIS;
  2. tiġi mħeġġa l-komplementarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-garanziji baġitarji tal-UE;
  3. isir titjib fil-valutazzjoni ta’ jekk proġetti potenzjali tal-FEIS setgħux ġew iffinanzjati minn sorsi oħra;
  4. jiġi stmat aħjar l-investiment immobilizzat;
  5. isir titjib fil-firxa ġeografika tal-investiment appoġġat taħt il-FEIS.

Introduzzjoni

01

F’Novembru 2014, immedjatament wara li bdew il-kariga tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (“il-Grupp tal-BEI”) ħabbru b’mod konġunt il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (l-IPE jew il-“Pjan Juncker”)1. L-IPE tnieda b’rispons għat-tnaqqis fl-investimenti fl-Ewropa b’segwitu għall-kriżi finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-2008. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-restrizzjonijiet fiskali ffaċċjati mill-Istati Membri u l-flessibbiltà limitata pprovduta mill-programmi ta’ nfiq tal-UE eżistenti. Il-Kummissjoni stmat li d-diskrepanza fl-investiment kienet tinsab bejn EUR 230 biljun u EUR 370 biljun kull sena taħt il-livelli ta’ investiment “sostenibbli” fl-UE2.

02

L-għan kumplessiv tal-IPE huwa li jżid il-livelli ta’ investiment u li jelimina l-ostakli għall-investiment fl-UE. Huwa jikkonsisti fi tliet pilastri li jirrinfurzaw lil xulxin: (i) il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li jipprovdi fondi għal investiment; (ii) iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, li jipprovdi assistenza teknika għall-promoturi tal-proġetti, u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment, li jipprovdi viżibbiltà u skambju ta’ informazzjoni għal proġetti li jkunu qed ifittxu finanzjament; u (iii) riformi regolatorji u strutturali biex jiġu eliminati l-ostakli għall-investiment.

03

Il-FEIS mhuwiex entità ġuridika separata mill-BEI, iżda għandu struttura ta’ governanza distinta, li hija magħmula minn Bord ta’ Tmexxija, li jikkonsisti minn tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentant tal-BEI, li fil-qafas tiegħu d-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, kif ukoll Kumitat tal-Investment u Direttur Amministrattiv. L-istruttura ta’ governanza ġiet iffinalizzata f’Jannar 2016, meta nħatar il-Kumitat tal-Investment. Sa dak iż-żmien, l-approvazzjoni għall-użu tal-garanzija tal-UE kienet tingħata mill-Kummissjoni. L-operazzjonijiet tal-FEIS iridu wkoll jiġu approvati mill-BEI u minn korpi governattivi tal-FEI skont l-istess politika, regoli u proċeduri li japplikaw għal operazzjonijiet mhux relatati mal-FEIS.

04

Il-FEIS ġie stabbilit bl-għan li jiġu mmobilizzati EUR 315-il biljun f’investimenti ġodda fl-ekonomija reali fil-perjodu ta’ tliet snin sa Lulju 2018, biex jiġu ffinanzjati investimenti (strateġiċi) f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika tal-UE (trasport u enerġija, edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni, eċċ.), kif ukoll biex jiżdied l-aċċess għall-finanzjament għal negozji żgħar3. Dan kellu jinkiseb bl-użu ta’ kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji li tammonta għal EUR 21 biljun, magħmula minn garanzija ta’ EUR 16-il biljun mill-baġit tal-UE u mill-ammont ta’ EUR 5 biljun mir-riżorsi proprji tal-BEI, biex b’hekk il-Grupp tal-BEI jkun jista’ jipprovdi finanzjament addizzjonali (il-Figura 1), li inizjalment kien stmat għal EUR 61 biljun4.

Figura 1

Struttura tal-FEIS kif aġġustata f’Lulju 2016

Sors: Il-BEI, Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-Grupp tal-BEI taħt il-FEIS fl-2017.

05

L-operazzjonijiet ta’ investiment tal-FEIS iseħħu fi ħdan żewġ oqsma tematiċi jew “twieqi”: (i) it-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW), li hija mmaniġġjata mill-BEI u li għandha l-għan li tipprovdi finanzjament lil proġetti strateġiċi, u (ii) it-Tieqa għall-SMEs (SMEW), li hija mmaniġġjata mill-FEI u li għandha l-għan li tappoġġa lill-SMEs u lill-intrapriżi b’kapitalizzazzjoni medja (intrapriżi li għandhom sa 3 000 impjegat). Kull waħda mit-twieqi għandha operazzjonijiet tat-tip ta’ dejn u tat-tip ta’ ekwità5.

06

L-appoġġ tal-FEIS ma jiġix speċifikament assenjat skont is-settur jew iż-żona ġeografika, iżda minflok huwa xprunat mid-domanda. Madankollu, il-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS stabbilixxa li, bħala limitu indikattiv għad-diversifikazzjoni u l-konċentrazzjoni ġeografika għall-IIW, is-sehem ta’ investiment fi kwalunkwe grupp ta’ tliet Stati Membri (imkejjel skont l-ammonti ta’ self/investiment approvati u ffirmati) ma għandux ikun aktar minn 45 % tal-portafoll totali tal-FEIS6 sa tmiem il-perjodu ta’ investiment (tmiem l-2020 għall-approvazzjonijiet u tmiem l-2022 għall-firem). Għall-SMEW, ma ġewx stabbiliti limiti ta’ konċentrazzjoni.

07

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll il-ħtieġa għal involviment effettiv min-naħa tal-Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs) sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-IPE u tal-FEIS fuq l-investiment, it-tkabbir u l-impjieg. Sa Lulju 2015, tmien NPBIs kienu impenjaw lilhom infushom biex jipprovdu kofinanzjament lil proġetti u pjattaformi ta’ investiment għal volum totali ta’ finanzjament li jwassal sa EUR 34 biljun7. Ir-Regolament dwar il-FEIS jistabbilixxi bosta modi kif l-NPBIs jistgħu jikkontribwixxu għall-FEIS, inkluża parteċipazzjoni fi pjattaformi ta’ investiment jew fi proġetti individwali taħt il-FEIS bħala kofinanzjaturi.

08

Skont ir-Regolament dwar il-FEIS, jenħtieġ li l-garanzija tal-UE tingħata biex tappoġġa proġetti li, fost l-oħrajn, jipprovdu “addizzjonalità”8. Dan ifisser li l-finanzjament mill-FEIS huwa, fil-prinċipju, maħsub għal operazzjonijiet li jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment, u li l-BEI, il-FEI jew l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE ma setgħux iwettqu fl-istess perjodu li fih tista’ tintuża l-Garanzija tal-UE9, jew iwettqu bl-istess mod, mingħajr l-appoġġ tal-FEIS.

09

Jenħtieġ ukoll li l-FEIS “jikkomplementa u jkun addizzjonali għall-programmi tal-UE li għaddejjin bħalissa u l-attivitajiet tradizzjonali tal-BEI”10 u li jikkontribwixxi għall-“ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-Unjoni bħal dawk stabbiliti fir-Regolament dwar il-COSME, ir-Regolament dwar Orizzont 2020 u r-Regolament dwar l-FNE”11. L-introduzzjoni tal-FEIS seħħet fil-kuntest ta’ sehem diġà akbar tal-baġit tal-UE allokat għal strumenti finanzjarji matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2014-2020. Kif jidher fil-Figura 2, il-Kummissjoni kienet diġà stabbiliet strumenti finanzjarji, immaniġġjati b’mod ċentrali, taħt seba’ programmi tal-UE li jkopru oqsma ta’ politika differenti, b’baġit inizjali jew “pakkett finanzjarju” ta’ madwar EUR 7.4 biljun. Barra minn hekk, l-ammont ta’ strumenti finanzjarji taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) fil-perjodu 2014-2020 huwa mistenni li jkun ta’ EUR 20.2 biljun12, li huwa kważi d-doppju ta’ dak tal-perjodu preċedenti.

Figura 2

xx

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-Abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (Dokument ta’ ħidma, il-Parti X).

10

Fi tmiem l-2017, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, l-estensjoni tal-FEIS sal-2020 (“FEIS 2.0”) u żieda fl-ammont tal-kapaċità tiegħu ta’ rfigħ tar-riskji għal EUR 33.5 biljun, magħmul minn EUR 26 biljun mill-garanzija tal-UE u minn EUR 7.5 biljun mir-riżorsi proprji tal-BEI13. B’din iż-żieda, huwa għandu l-għan li jimmobilizza EUR 500 biljun f’investiment pubbliku u privat sa tmiem l-2020.

11

F’Ġunju 2018, il-Kummissjoni pproponiet mudell ta’ investiment integrat imsejjaħ “InvestEU” bħala parti mill-pakkett ta’ proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Huwa se jappoġġa l-prijoritajiet ta’ investiment tal-UE u jħeġġeġ sinerġiji bejn strumenti finanzjarji differenti tal-UE fil-perjodu 2021-202714. Il-proposta għandha l-għan li tibni fuq l-esperjenza tal-FEIS u tal-istrumenti finanzjarji fi ħdan it-tifsira tar-Regolament Finanzjarju u li timmobilizza investiment ieħor li huwa stmat li jammonta għal EUR 650 biljun billi tagħmel disponibbli garanzija baġitarja addizzjonali tal-UE ta’ EUR 38 biljun. Għalhekk, hija tista’ tirrappreżenta kontinwazzjoni ta’ programm ta’ investiment kbir li nbeda bil-FEIS. Skont il-Kummissjoni, l-InvestEU se jkun xprunat mis-suq u se jiffoka fuq erba’ oqsma ta’ politika prinċipali: (i) infrastruttura sostenibbli, (ii) riċerka, innovazzjoni u diġitalizzazzjoni, (iii) SMEs u kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja u (iv) investiment soċjali u ħiliet.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

12

L-għan tal-awditu kien li jeżamina jekk il-FEIS huwiex effettiv fil-ksib ta’ finanzjamenti b’appoġġ għal investimenti fl-UE. Aħna eżaminajna jekk:

  1. il-BEI pprovdiex il-livell mistenni ta’ finanzjament b’riskju ogħla sa Lulju 2018;
  2. il-FEIS issostitwiex operazzjonijiet oħra ta’ finanzjament tal-BEI u tal-UE;
  3. il-proġetti ta' investiment setgħux jiġu ffinanzjati fil-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEIS permezz ta’ fondi pubbliċi jew privati oħra;
  4. l-istimi rrappurtati fir-rigward tal-investimenti mmobilizzati mill-FEIS kinux realistiċi f’termini tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomija reali;
  5. il-portafoll ta’ investiment tal-FEIS kienx ibbilanċjat b’mod adatt f’termini tal-oqsma rilevanti tal-UE u tal-konċentrazzjoni ġeografika.
13

Aħna ħadna nota wkoll tal-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment tal-Programm InvestEU u wettaqna analiżi preliminari.

14

Dan l-awditu kopra l-operazzjonijiet tal-FEIS mit-tnedija tiegħu fl-2015 sa Lulju 2018. Aħna ffukajna primarjament fuq l-IIW, li jirrappreżenta kważi tliet kwarti tal-ammont tal-garanzija tal-FEIS. L-SMEW kienet koperta parzjalment minn Rapport Speċjali preċedenti tal-QEA15. Ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien jikkonsisti minn:

  1. analiżi ta’ diversi evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-BEI (inkluża l-evalwazzjoni tal-FEIS ta’ Ġunju 2018 imwettqa mill-BEI16), tal-evalwazzjonijiet tal-FEI, tad-dokumentazzjoni uffiċjali, tar-rapporti operazzjonali, eċċ. relatati mal-FEIS u mal-istrumenti finanzjarji eżistenti, kif ukoll ta’ analiżijiet u pubblikazzjonijiet minn partijiet terzi;
  2. analiżi tal-portafoll tal-operazzjonijiet tal-FEIS li kienu ġew iffirmati sal-31 ta’ Diċembru 2017 u eżami dettaljat ta’ 15-il operazzjoni tal-IIW magħżula mill-124 operazzjoni tal-IIW iffirmati sal-31 ta’ Diċembru 2016 (li tkopri l-evalwazzjoni, l-approvazzjoni, ir-rappurtar u d-dokumentazzjoni ta’ monitoraġġ tal-BEI);
  3. intervisti ma’ uffiċjali mill-Kummissjoni, mill-BEI u mill-FEI, ma’ promoturi tal-proġetti tal-IIW u ma’ NPBIs tal-Istati Membri magħżula, mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u ma’ partijiet interessati rilevanti oħra;
  4. l-istħarriġ tagħna tal-kontropartijiet diretti tal-IIW tal-BEI (il-promoturi tal-proġetti, l-investituri u l-intermedjarji finanzjarji) u l-NPBIs;
  5. konsultazzjoni ma’ esperti dwar id-diversi aspetti koperti minn dan l-awditu.

Osservazzjonijiet

Il-finanzjament b’riskju ogħla taħt il-FEIS li ġie approvat mill-Grupp tal-BEI huwa viċin tal-livelli mistennija

15

Sabiex tintlaħaq il-mira ta’ EUR 315-il biljun f’investiment immobilizzat, il-BEI kien qed jistenna li japprova EUR 61 biljun f’finanzjament appoġġat mill-FEIS sa Lulju 2018. Jenħtieġ li l-portafoll tal-FEIS ikollu profil tar-riskju ġeneralment ogħla mill-portafoll tal-investimenti appoġġati mill-BEI taħt il-politiki ta’ investiment normali tiegħu qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar il-FEIS. Jenħtieġ ukoll li proġetti appoġġati mill-FEIS tipikament ikollhom profil tar-riskju ogħla mill-proġetti appoġġati mill-operazzjonijiet normali tal-BEI17.

L-ammont totali ta’ finanzjament approvat taħt il-FEIS fl-ewwel tliet snin laħaq l-ammonti oriġinarjament mistennija

16

Fit-30 ta’ Ġunju 2018, l-ammont totali ta’ finanzjament approvat taħt il-FEIS kien jammonta għal EUR 59.3 biljun, li kien qrib il-livelli mistennija. Sas-17 ta’ Lulju 2018, il-BEI kien approva finanzjament ta’ EUR 65.5 biljun, li qabeż il-volum indikattiv ta’ finanzjament li kellu jinkiseb. Il-finanzjament totali ffirmat taħt il-FEIS għaż-żewġ twieqi, fit-30 ta’ Ġunju 2018 ammonta għal EUR 42.9 biljun. Il-BEI kien iffirma 312-il operazzjoni għal ammont ta’ EUR 30.5 biljun taħt l-IIW tal-FEIS, u 384 operazzjoni li ammontaw għal EUR 12.4 biljun taħt it-Tieqa għall-SMEs. L-Anness I jagħti sommarju tad-data dwar il-FEIS li ġiet irrappurtata sat-30 ta’ Ġunju 2018.

17

Għadd ta’ fatturi kkontribwew għal dan ir-riżultat:

  1. L-istabbiliment tal-FEIS barra mir-Regolament Finanzjarju għamilha possibbli li dan jiġi stabbilit f’perjodu ta’ żmien qasir, mingħajr evalwazzjoni ex ante jew valutazzjoni tal-impatt;
  2. Il-flessibbiltà inerenti tal-FEIS biex jiffinanzja firxa wiesgħa ta’ proġetti permezz ta’ ħafna tipi ta’ prodotti finanzjarji u bi ftit limiti fuq is-settur jew limiti ġeografiċi ppermetta li jitwettaq għadd u volum kbir ta’ operazzjonijiet finanzjarji potenzjali (ara l-Anness II). B’mod partikolari, l-interventi ffinanzjati mir-riżorsi proprji tal-BEI mhumiex suġġetti għal valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Dan jagħmel il-proċess ta’ approvazzjoni tal-FEIS aktar rapidu u aktar flessibbli mill-proċessi ta’ approvazzjoni ta’ strumenti finanzjarji tal-UE taħt ġestjoni kondiviża;
  3. L-arranġamenti ta’ governanza ssimplifikati ppermettew li l-BEI jinkludi malajr operazzjonijiet ġodda fil-portafoll tal-FEIS, speċjalment dawk li kienu diġà għaddew mill-proċess ta’ evalwazzjoni u approvazzjoni tal-BEI.
18

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE, ir-Regolament dwar il-FEIS irrikonoxxa r-rwol importanti li l-Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs) jista’ jkollhom fl-implimentazzjoni tal-FEIS billi jidentifikaw u jiżviluppaw proġetti, kif ukoll jattiraw investituri potenzjali18. Il-Figura  3 ta’ hawn taħt turi s-sehem ta’ operazzjonijiet tal-NPBIs fis-subsezzjonijiet differenti tal-FEIS. Il-kooperazzjoni bejn il-BEI u l-NPBIs issaħħet permezz tal-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma u pjattaformi ta’ investiment kollaborattivi. L-istħarriġ u l-intervisti tagħna fost l-NPBIs urew li l-maġġoranza tal-NPBIs apprezzaw il-kooperazzjoni akbar mal-Grupp tal-BEI.

Figura 3

Sehem ta’ operazzjonijiet tal-FEIS li involvew l-NPBIs (skont l-għadd relattiv ta’ operazzjonijiet) fit-30 ta’ Ġunju 2018

Sors: Ir-rapporti operazzjonali tal-SMEW u l-IIW tal-FEIS mit-30 ta’ Ġunju 2018.

Il-FEIS żied il-finanzjament b’riskju ogħla tal-BEI inqas milli kien mistenni

19

Il-BEI jirreferi għall-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament b’riskju ogħla bħala Attivitajiet Speċjali – il-Kaxxa 1, u dawn jissemmew fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-FEIS fil-kuntest tad-definizzjoni tal-addizzjonalità tal-operazzjonijiet tal-FEIS.

Kaxxa 1

Attivitajiet speċjali u l-FEIS

Attivitajiet Speċjali jinvolvu riskju akbar mir-riskju ġeneralment aċċettat mill-BEI, u huma definiti kif ġej:

  • Operazzjonijiet ta’ dejn bi profil tar-riskju ta’ D- jew inqas (jiġifieri b’telf mistenni li jkun ogħla minn 2 %);
  • L-operazzjonijiet kollha ta’ ekwità u tat-tip ta’ ekwità (eż. fondi ta’ infrastruttura u parteċipazzjonijiet oħra fil-fond, attivitajiet ta’ kapital ta’ riskju, operazzjonijiet ta’ ekwità u operazzjonijiet oħra bi profil tar-riskju ekwivalenti).

L-operazzjonijiet kollha tal-FEI taħt l-SMEW jitqiesu li huma ekwivalenti għall-profil tar-riskju tal-Attivitajiet Speċjali tal-BEI. Dan minħabba li l-investiment fl-SMEs jitqies bħala li jinsab fil-kategorija ta’ sottoinvestiment (jiġifieri b’telf mistenni ta’ aktar minn 2 %).

L-Attivitajiet Speċjali tal-BEI jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji: (i) operazzjonijiet fuq riskju proprju tal-BEI, (ii) operazzjonijiet taħt l-IIW tal-FEIS, (iii) operazzjonijiet għajr il-FEIS, fejn il-BEI jikkondividi parti mir-riskju sottostanti ma’ partijiet terzi, notevolment mal-baġit tal-UE taħt ftehimiet mal-Kummissjoni, eż. InnovFin, l-FNE jew programmi simili tal-UE.

20

Aħna analizzajna jekk il-FEIS żiedx l-attivitajiet ta’ għoti b’self b'riskju ogħla tal-BEI, u qabbilna l-profil tar-riskju tal-portafoll ta’ operazzjonijiet tal-FEIS ma’ dak tal-portafoll ta’ operazzjonijiet oħra tal-BEI.

21

Bit-tnedija tal-FEIS, inizjalment il-BEI stenna li l-livell kumplessiv tal-Attivitajiet Speċjali se jiżdied mil-linja bażi tal-2014 ta’ EUR 4.5 biljun (jew madwar 6 % tal-firem kollha) sa EUR 8.6 biljun fl-2015 (12 %), u sa EUR 21 biljun (30 %) fl-2016 u fl-201719. Il-Figura 4 tqabbel il-valuri reali u ppjanati tal-Attivitajiet Speċjali tal-BEI matul il-perjodu 2014-2017, ripartiti skont il-kategorija tagħhom.

Figura 4

Firem tal-Attivitajiet Speċjali tal-BEI għall-perjodu 2014-2017

Nota: Il-miri għall-iffirmar tal-COP għandhom limitu ta’ flessibbiltà ta’ 10 % ’l fuq/’l isfel.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq analiżi tad-data minn diversi rapporti finanzjarji u pjanijiet korporattivi tal-operat (COPs) tal-BEI li jkopru l-perjodu 2014-2017.

22

Il-volum tal-firem tal-Attivitajiet Speċjali tal-BEI żdied minn EUR 4.5 biljun fl-2014 għal EUR 18-il biljun fl-2017. Minkejja din iż-żieda ta’ erba’ darbiet aktar, aħna kkalkulajna li n-nuqqas kumulattiv matul il-perjodu 2015-2017, bi tqabbil mal-liveli ppjanati, huwa ta’ madwar EUR 13-il biljun, jiġifieri 26 % tal-mira kumulattiva ta’ EUR 50.6 biljun20. Dan in-nuqqas kien jinkludi madwar EUR 7 biljun f’Attivitajiet Speċjali taħt il-FEIS, EUR 1.5 biljun f’Attivitajiet Speċjali fuq riskju proprju tal-BEI, u EUR 4.5 biljun f’Attivitajiet Speċjali taħt mandati oħra ta’ kondiviżjoni tar-riskju.

23

Fir-rigward tal-profil tar-riskju tal-portafoll ta’ operazzjonijiet tal-FEIS, fit-30 ta’ Ġunju 2018, 98.5 % tal-portafoll tal-FEIS kien magħmul minn operazzjonijiet fil-kategorija tal-Attivitajiet Speċjali21. L-analiżi tagħna kkonfermat li l-profil tar-riskju aggregat tal-portafoll tal-FEIS kien ogħla mill-profil tar-riskju tal-portafoll mhux tal-FEIS tal-BEI.

Il-BEI għandu lok biex ikompli jippromwovi l-użu ta’ prodotti finanzjarji b’riskju ogħla għall-FEIS

24

Il-linji gwida tal-FEIS dwar l-investiment jipprovdu li l-FEIS jista’ jintuża permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti għall-finanzjament, dirett jew indirett, ta’ operazzjonijiet ġodda22. L-istrateġija operazzjonali tal-FEIS tkompli tispeċifika l-prodotti differenti li l-Grupp tal-BEI jista’ jirrikorri għalihom biex jagħmel użu mill-FEIS23. Dawn jinkludu self superjuri u self subordinarju, strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji, strumenti tas-suq ta’ kapital (eż. bonds ibridi korporattivi), u parteċipazzjonijiet ta’ ekwità jew ta’ kważi ekwità. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-operazzjonijiet bi pjattaformi ta’ investiment u NPBIs24 isemmu s-subordinazzjoni bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin għall-operazzjonijiet tal-FEIS mal-NPBIs (jiġifieri jenħtieġ li l-appoġġ tal-FEIS preferibbilment ikun subordinat għal forom oħra ta’ finanzjament, fejn ikun iġġustifikat)25.

25

Taħt l-SMEW, il-FEI primarjament ibbaża fuq il-prodotti eżistenti mmirati lejn l-SMEs li kienu diġà ntużaw taħt il-COSME, l-InnovFin, il-Faċilità ta’ Garanzija tal-Ewropa Kreattiva (CCS), il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-mandati tal-BEI u l-FEI rigward ir-Riżorsi tal-Kapital ta’ Riskju. Taħt l-IIW, il-BEI, minbarra li joqgħod fuq is-self superjuri klassiku fit-tul tiegħu għall-finanzjament ta’ korporazzjonijiet u ta’ proġetti, estenda l-użu ta’ prodotti eżistenti b’riskju ogħla u żviluppa oħrajn ġodda, inklużi l-ekwità, il-kondiviżjoni tar-riskju, it-Titoli intermedji Garantiti b’Assi (“ABS intermedju”26) u bonds ibridi korporattivi. Il-Figura 5 ta’ hawn taħt turi l-użu tal-prodotti tal-BEI taħt l-IIW tal-FEIS fil-31 ta’ Diċembru 2017.

Figura 5

Stampa ġenerali tal-użu tal-prodotti tal-BEI taħt l-IIW tal-FEIS

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data disponibbli dwar l-operazzjonijiet iffirmati taħt l-IIW tal-BEI fil-31.12.2017.

26

Il-maġġoranza tal-portafoll ta’ operazzjonijiet tal-IIW kien jikkonsisti f’self superjuri klassiku fit-tul għall-finanzjament ta’ korporazzjonijiet jew ta’ proġetti (madwar EUR 17-il biljun jew bejn wieħed u ieħor 62 % tal-ammont totali ffirmat taħt l-IIW). L-analiżi tagħna tal-operazzjonijiet tal-IIW wriet li l-BEI kiseb status b’riskju ogħla għas-self ta’ investiment prinċipalment permezz ta’ maturitajiet itwal, filwaqt li assuma pożizzjonijiet mhux iggarantiti fil-każijiet fejn il-mutwanti kollha, jew il-biċċa l-kbira minnhom, kellhom garanziji, u ttratta ma’ kontropartijiet b’riskju ogħla, iżda ftit għamel użu mis-subordinazzjoni kuntrattwali għal prodotti tad-dejn għall-finanzjament ta’ korporazzjonijiet jew ta’ proġetti.

27

Taħt il-FEIS, il-BEI żied b’mod sinifikanti l-finanzjament tiegħu tat-tip ta’ ekwità, li, sal-31 ta’ Diċembru 2017, ammonta għal EUR 3.3 biljun. Huwa beda jimmira wkoll SMEs u fondi ta’ ekwità ta’ kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja fi ħdan l-UE, permezz ta’ investimenti fl-SMEs u f’fondi ta’ ekwità ta’ kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja flimkien mal-NPBIs jew mal-FEI. Dan il-qasam, jinsab ukoll taħt il-mandat tal-FEI.

28

Il-BEI żviluppa wkoll strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji (RSIs)27 mal-NPBIs u ma’ banek kummerċjali, li jimmiraw l-SMEs u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. L-analiżi tas-suq tal-BEI indikat li teżisti domanda qawwija għal dan it-tip ta’ strument. Madankollu, fil-31 ta’ Diċembru 2017, il-BEI kien iffirma biss 14-il operazzjoni ta’ RSI taħt il-FEIS li jammontaw għal EUR 2.9 biljun28 (madwar terz tal-mira kummerċjali għal dan il-prodott), li minn dawn l-operazzjonijiet, 4 biss kienu ffirmati mal-NPBIs, għal volum ta’ EUR 0.7 biljun29. Dan kien dovut għall-kumplessità tad-diliġenza dovuta tal-BEI li hija meħtieġa għad-delega u għar-rekwiżiti regolatorji.

29

Barra minn hekk, ftit li xejn ġew iffirmati operazzjonijiet ta’ RSI fejn il-BEI ħa proporzjon tar-riskju li kien ogħla minn dak tal-NPBIs, minkejja l-fatt li l-intervisti u l-analiżi li wettaqna tad-dokumenti ta’ pożizzjoni30 tal-assoċjazzjonijiet tal-NPBIs jindikaw li dawn tal-aħħar jilqgħu operazzjonijiet bħal dawn.

Il-FEIS issostitwixxa parzjalment il-finanzjament minn strumenti finanzjarji oħra appoġġati mill-baġit tal-UE

30

Jenħtieġ li l-FEIS jikkomplementa u jevita li jissostitwixxi l-użu ta’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE31, jiġifieri strumenti finanzjarji taħt ġestjoni indiretta u strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża (jiġifieri strumenti finanzjarji taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej). Aħna eżaminajna l-impatt tal-FEIS fuq mandati oħra ta’ kondiviżjoni tar-riskji implimentati mill-BEI (strumenti finanzjarji taħt ġestjoni indiretta) u fuq strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża.

Il-FEIS u strumenti finanzjarji mmaniġġjati b’mod indirett
31

Aħna ffukajna l-analiżi tagħna ta’ trikkib possibbli tal-FEIS mal-akbar strumenti finanzjarji għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, li l-implimentazzjoni tiegħu hija ddelegata lill-Grupp tal-BEI: l-Istrument tad-Dejn tal-FNE, InnovFin (faċilitajiet ta’ InnovFin implimentati mill-BEI, ekwità u faċilitajiet ta’ garanzija ta’ InnovFin implimentati mill-FEI) u strumenti finanzjarji tal-COSME (għal stampa ġenerali, ara l-Figura 2).

32

Aħna qabbilna l-ammonti bbaġitjati inizjalment għall-perjodu kollu ta’ implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji mal-ammonti allokati sal-31 ta’ Diċembru 2017 (il-Figure 6). L-ammonti allokati għall-istrumenti finanzjarji baqgħu fi ħdan il-livelli mistennija għall-programmi COSME u InnovFin. Madankollu, l-ammonti għall-Istrument tad-dejn tal-FNE rriżultaw li kienu inqas minħabba l-volum baxx ta’ operazzjonijiet li effettivament ġew iffirmati.

Figura 6

Ammonti bbaġitjati inizjalment għal InnovFin, COSME u l-istrumenti finanzjarji tal-FNE, u allokazzjonijiet baġitarji fil-31 ta’ Diċembru 2017

* L-ammont għall-Istrument tad-dejn tal-FNE jirrappreżenta limitu massimu stabbilit mil-leġiżlatur u mhux il-baġit inizjali

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq l-Abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019 (Dokument ta’ ħidma, il-Parti X) u r-Rapporti operazzjonali għall-istrumenti finanzjarji magħżula.

33

L-analiżi tagħna u evalwazzjonijiet oħra kkonfermaw li l-FEIS issostitwixxa parzjalment l-Istrument tad-dejn tal-FNE. Dan kien prinċipalment dovut għat-trikkib tiegħu f’termini ta’ objettivi, kriterji ta’ eliġibbiltà, setturi mmirati u tipi ta’ benefiċjarji. L-operazzjonijiet tal-FEIS mhumiex marbuta mal-kriterji ta’ eliġibbiltà speċifiċi ssettjati għal Strumenti finanzjarji oħra tal-UE. Għalhekk, pereżempju, l-ambitu tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt is-settur tal-enerġija u t-trasport jista’ jkun ħafna akbar minn dak għall-Istrument tad-dejn tal-FNE. Il-garanziji ta’ COSME u ta’ InnovFin u l-Ekwità ta’ InnovFin kienu eċċezzjoni f’dan ir-rigward: fil-każ tal-garanziji, il-FEIS ikkomplementa dawn billi għamilha possibbli li dawn jiġu kkonċentrati fil-bidu f’volumi annwali ogħla milli kien ippjanat inizjalment, filwaqt li żamm ir-rekwiżiti sottostanti tal-programmi. Fil-każ tal-Ekwità ta’ InnovFin, il-FEIS ipparteċipa fi struttura ġdida ta’ kondiviżjoni tar-riskju flimkien mar-riżorsi ta’ Orizzont 2020 u dawk tal-FEI li rriżultaw fit-tisħiħ tal-offerta ta’ prodotti disponibbli fis-suq. Fil-każ ta’ prodott ta’ ekwita tal-COSME, il-Kummissjoni fasslet intenzjonalment il-prodott il-ġdid ta’ ekwità tal-SMEW tal-FEIS biex tkopri parti mill-pjan tal-prodott ta’ ekwità eżistenti, sabiex il-baġit tal-istrumenti finanzjarji tal-COSME jkun jista’ jerġa’ jiffoka aktar fuq il-garanziji, li għalihom id-domanda tas-suq ġiet meqjusa li taqbeż ir-riżorsi baġitarji disponibbli.

34

Il-Kummissjoni ħadet xi passi biex iżżid il-komplementarjetà bejn il-FEIS u l-istrumenti finanzjarji eżistenti mmaniġġjati ċentralment, kif ukoll biex tindirizza t-trikkib bejniethom. Pereżempju, hija qed tuża l-istrumenti finanzjarji biex tesplora prodotti u swieq ġodda li l-FEIS imbagħad jista’ jespandi, jew inkella biex tipprovdi s-sehem l-aktar riskjuż tal-finanzjament meta tikkoinvesti mal-FEIS. Barra minn hekk, f’Ġunju 2018, il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment tal-programm InvestEU, mudell ta’ investiment integrat li se jappoġġa prijoritajiet ta’ investiment kruċjali u jippermetti sinerġiji bejn il-FEIS u strumenti finanzjarji oħra tal-UE32. Ibbażat fuq l-informazzjoni disponibbli fi żmien l-awditu, l-analiżi preliminari tagħna kkonkludiet li l-programm InvestEU kien għadu ma kkjarifikax kif huwa se jindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-istima tal-investiment immobilizzat, l-addizzjonalità tal-proġetti u l-firxa ġeografika.

Il-FEIS u strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża (Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jew “Fondi SIE”)
35

Fil-perjodu 2014-2020, l-istrumenti finanzjarji taħt il-Fondi SIE jistgħu jintużaw għall-11-il objettiv tematiku kollha tal-Fondi SIE u jistgħu jiġu kkombinati ma’ għotjiet. Bl-eċċezzjoni tal-Objettiv Tematiku Nru 11 (“Kapaċità istituzzjonali”), l-oqsma koperti mill-FEIS jikkoinċidu mal-objettivi tematiċi tal-Fondi SIE. Madankollu, filwaqt li l-FEIS huwa mmirat lejn l-indirizzar tad-diskrepanza inġenerali fl-investiment, l-istrumenti finanzjarji taħt il-Fondi SIE huma intenzjonati biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ta’ koeżjoni billi jkopru diskrepanza fis-suq identifikata speċifikament f’reġjun jew f’pajjiż partikolari. L-Anness III jagħti sommarju tad-data l-aktar reċenti disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE sa tmiem l-2016.

36

Fir-rigward tal-SMEs, il-kombinament tal-FEIS ma’ strumenti finanzjarji oħra taħt ġestjoni indiretta jista’ jikkompeti mal-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE, billi dawn kollha huma mmirati lejn l-istess benefiċjarji fl-istess reġjuni. Pereżempju, l-evalwazzjoni indipendenti reċenti tal-FEIS indikat problemi relatati mal-kompetizzjoni bejn l-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE u l-prodott ta’ garanzija tal-COSME33, li huwa kkompletat mill-FEIS. Madankollu, l-esperti li kkonsultajna qiesu li ftit li xejn kien hemm sostituzzjoni fost is-sorsi differenti ta’ finanzjament immirati lejn l-SMEs, minħabba l-ħtiġijiet għoljin ta’ finanzjament ġenerali tal-SMEs.

37

Għall-IIW, attwalment ftit hemm trikkib bejn l-istrumenti finanzjarji tal-FEIS u tal-Fondi SIE, li jimmiraw l-istess objettiv tematiku, speċjalment minħabba li l-proġetti appoġġati taħt ġestjoni kondiviża ġeneralment ikunu ta’ daqs iżgħar u ma jkunux neċessarjament japplikaw għall-appoġġ tal-FEIS. Madankollu, jista’ jkun hemm trikkib akbar u possibbiltajiet ta’ kombinamenti ladarba l-awtoritajiet maniġerjali għall-Fondi SIE jkunu taħt pressjoni biex jonfqu l-fondi impenjati. L-intervisti li wettaqna ma’ esperti u mal-NPBIs jindikaw li dan it-trikkib huwa probabbli li jseħħ.

Kważi terz tal-proġetti ffirmati taħt it-Tieqa tal-Infrastruttura u l-Innovazzjoni setgħu jiġu ffinanzjati mingħajr l-appoġġ tal-FEIS, iżda mhux b’termini daqstant favorevoli

38

Fil-livell tal-proġetti individwali, wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà34 għall-użu tal-garanzija tal-UE huwa li jenħtieġ li l-proġetti jipprovdu addizzjonalità35.

39

Matul l-evalwazzjoni tal-proġetti taħt l-IIW, il-BEI jivvaluta l-eliġibbiltà tal-proġetti għall-garanzija tal-UE. Il-Kumitat tal-Investment tal-FEIS janalizza dawn l-evalwazzjonijiet u jiddeċiedi jekk jużax il-garanzija tal-UE, ibbażat fuq id-dokumentazzjoni36 mħejjija mill-BEI. L-SMEW għandha arranġamenti differenti biex tiddetermina l-eliġibbiltà. Minflok ma l-Kumitat tal-Investment jiddetermina l-eliġibbiltà fuq bażi ta’ proġetti individwali, il-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS u d-Direttur Amministrattiv tal-FEIS, f’konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Investment, jiddeterminaw l-eliġibbiltà fuq bażi ta’ prodotti individwali.

40

Fir-rigward tal-IIW, l-operazzjonijiet tal-FEIS kienu jiġu meqjusa li jipprovdu addizzjonalità, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-FEIS, li kieku ġew klassifikati bħala Attivitajiet Speċjali tal-BEI. Filwaqt li l-valutazzjoni tal-addizzjonalità tieħu inkunsiderazzjoni l-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment, hija mhux neċessarjament tinkludi valutazzjoni ta’ jekk il-proġett setax seħħ b’sorsi oħra ta’ finanzjament.

41

Aħna vvalutajna jekk il-proġetti setgħux seħħew mingħajr l-appoġġ tal-FEIS permezz ta’ stħarriġ tal-kontropartijiet diretti tal-BEI (il-promoturi tal-proġetti u l-intermedjarji finanzjarji), ikkomplementata b’analiżi tad-dokumentazzjoni ta’ evalwazzjoni u ta’ approvazzjoni għal kampjun ta’ 15-il operazzjoni tal-IIW tal-FEIS, akkumpanjata minn intervisti mal-benefiċjarji u l-koinvestituri.

42

Mis-86 rispondent għal dan l-istħarriġ, 59 (69 %) wieġbu li huma ma setgħux iwettqu l-proġett tagħhom mingħajr l-appoġġ tal-FEIS, jew tal-inqas mhux sal-istess punt jew fi żmien l-istess perjodu. Ir-raġunijiet prinċipali għalfejn għażlu l-finanzjament mill-BEI, f’ordni ta’ preferenza, kienu: (i) l-esperjenza u l-kontribut mhux finanzjarju tal-BEI (62 %); u/jew (ii) l-ispiża tal-finanzjament kienet aktar baxxa mill-alternattivi (58 %); u/jew (iii) il-maturità itwal (50 %); u/jew (iv) dan baxxa r-riskju għall-investituri l-oħra (25 %).

43

Madankollu, 27 mis-86 rispondent (31 %) iddikjaraw li l-proġett tagħhom seta’ ġie ffinanzjat kompletament minn sorsi oħra. L-evalwazzjoni l-aktar reċenti tal-FEIS imwettqa mill-BEI, minn Ġunju 2018, tinkludi sejba simili37. Kważi l-operazzjonijiet kollha fl-istħarriġ tagħna kienu ffinanzjati permezz ta’ self ta’ investiment. Ir-raġunijiet prinċipali għalfejn għażlu finanzjament mill-FEIS tal-BEI, f’ordni ta’ preferenza, kienu: (i) l-ispiża tal-finanzjament kienet aktar baxxa mill-alternattivi (88 %); u/jew (ii) il-maturità itwal (52 %); u/jew (iii) l-esperjenza tal-BEI u l-kontribut mhux finanzjarju (30 %).

44

Ir-riżultati tal-istħarriġ jenfasizzaw li parti mill-proġetti ffinanzjati mill-IIW setgħu twettqu saħansitra mingħajr l-appoġġ tal-FEIS. Ir-riskju huwa partikolarment għoli fir-rigward tal-proġetti ffinanzjati direttament permezz ta’ self ta’ investiment. Dan juri l-importanza li jiġi vvalutat jekk il-proġetti għandhomx biżżejjed finanzjament minħabba fallimenti tas-suq, sabiex jitnaqqas ir-riskju li jiġu sostitwiti sorsi oħra ta’ finanzjament li jkunu disponibbli.

45

L-analiżi tagħna tal-operazzjonijiet tal-IIW tal-FEIS uriet li, fil-prattika, il-BEI vvaluta u, sa ċertu punt, iddokumenta xi aspetti kwalitattivi tal-addizzjonalità relatati ma’ fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment. Minkejja dan, għal xi wħud mill-operazzjonijiet tal-IIW li analizzajna, il-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet subottimali ta’ investimenti ma kinux iġġustifikati u ddokumentati b’mod konsistenti.

46

F’ċerti każijiet, il-kundizzjonijiet finanzjarji l-aktar favorevoli offruti mill-BEI ntużaw biex jiġġustifikaw l-addizzjonalità ta’ operazzjoni. Hawnhekk l-addizzjonalità hija inċerta, billi l-finanzjament mill-BEI jista’ jkun ippreferut sempliċiment minħabba li huwa orħos mis-suq, u f’dak il-każ hemm ir-riskju ta’ spostament ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament. Dan huwa partikolarment rilevanti għal operazzjonijiet li jiffinanzjaw proġetti ta’ infrastruttura u ta’ utilitajiet (il-Kaxxa 2), fejn aħna identifikajna xi proġetti li kienu jiġu ffinanzjati mis-suq. B’mod simili, rapport li jkopri s-suq tal-infrastruttura tar-Renju Unit sab li l-BEI jista’ jkollu rwol importanti fl-għoti ta’ fiduċja lil mutwanti oħra ta’ proġett. Madankollu, huwa jista’ jipprovdi wkoll kreditu orħos mill-fornituri kummerċjali tad-dejn, u għalhekk jistgħu jqumu xi dubji dwar jekk il-BEI huwiex verament katalitiku jew jekk ir-rwol tiegħu huwiex, fil-biċċa l-kbira, li jnaqqas l-ispiża tal-finanzjament iffaċċjata mill-proġetti38.

Kaxxa 2

Eżempju ta’ proġett tal-FEIS li kieku kien jiġi ffinanzjat mis-suq, għalkemm mhux skont termini daqshekk favorevoli

Aħna analizzajna self superjuri dirett ta’ investiment għal kumpanija tal-utilitajiet li topera fis-settur tal-enerġija (trażmissjoni u distribuzzjoni tal-gass). Is-self mill-BEI jiffinanzja madwar nofs il-programm ta’ investiment tal-kumpanija għall-perjodu 2015-2018.

Il-BEI ġġustifika l-addizzjonalità ta’ din l-operazzjoni fuq il-bażi li hija kellha profil tar-riskju ogħla minn proġetti appoġġati mill-operazzjoni normali tal-BEI (jiġifieri kienet attività speċjali), li kien ir-riżultat tal-maturità twila tas-self (20 sena, li jirriżulta f’subordinazzjoni għad-dejn eżistenti tal-kumpanija) u l-profil tar-riskju tal-kreditu. Huwa kkwota wkoll il-fatt li s-self mill-BEI kien jippermetti li l-kumpanija żżomm livell sinifikanti ta’ nefqa kapitali, minkejja struttura tal-kapital ingranata ħafna. Barra minn hekk, il-BEI ddikjara wkoll li l-finanzjament tiegħu kien se jkollu effett ta’ sinjalar qawwi għall-inklużjoni ta’ mutwanti u investituri istituzzjonali oħra fil-futur.

Il-mutwatarju, klijent ġdid tal-BEI, kienet kumpanija tal-utilitajiet, b’aċċess għal finanzjament bankarju u kapitali mis-suq. Pereżempju, fi snin reċenti (inkluż ftit qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ self mal-BEI), il-kumpanija kienet iffinalizzat żewġ istanzi ta’ ħruġ ta’ bonds superjuri mhux garantiti (għal total ta’ EUR 0.9 biljun b’maturitajiet sa 12-il sena) u kienet kisbet faċilità ta’ kreditu rotanti ma’ banek kummerċjali.

L-intervista tagħna mar-rappreżentanti tal-mutwatarju indikat li kien ikun possibbli li jinkiseb finanzjament minn sorsi oħra biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ investiment, iżda li l-BEI offra kundizzjonijiet aħjar fir-rigward tal-maturità tas-self, it-tip ta’ rata tal-imgħax u l-ispiża tal-finanzjament. II-mutwatarju identifika NPB bħala sors ieħor ta’ finanzjament li kien qies iżda li fl-aħħar mill-aħħar ma kienx segwa, billi l-BEI kien offra biżżejjed finanzjament iżda b’kundizzjonijiet aħjar mill-NPB.

Dan juri li, għalkemm il-proġett kien f’settur prijoritarju għall-UE u kellu status ta’ riskju ogħla, huwa seta’ jiġi ffinanzjat minn sorsi oħra.

47

Il-valutazzjoni tal-BEI tiffoka fuq jekk l-appoġġ tal-FEIS jattirax sorsi oħra ta’ finanzjament aktar milli fuq jekk jevitax spostament ta’ sorsi ta’ finanzjament disponibbli minn banek kummerċjali, swieq tal-kapital, NPBIs, jew saħansitra strumenti finanzjarji tal-UE mmaniġġjati mill-BEI jew il-finanzjament ta’ riskju proprju tal-BEI (il-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Eżempju ta’ operazzjoni tal-FEIS li ssostitwiet finanzjament tradizzjonali mill-BEI

Wieħed mill-proġetti eżaminati kien għall-finanzjament tal-programm ta’ investiment ta’ kumpanija kbira elenkata fis-settur tal-enerġija. Il-mutwatarju kien kumpanija tal-utilitajiet li topera kemm fis-suq irregolat kif ukoll fis-suq mhux irregolat, u klijent rikorrenti tal-BEI, li kienet iffirmat bosta ftehimiet ta’ finanzjament mal-Bank fil-passat. Għal dan il-proġett, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI inizjalment kien approva self superjuri għall-istess ammont bħall-finanzjament sussegwenti appoġġat mill-FEIS. Is-self kien ġie approvat bħala operazzjoni normali tal-BEI (jiġifieri barra mill-kategorija ta’ Attività Speċjali).

Is-self inizjalment approvat qatt ma ġie ffirmat, billi l-BEI minflok offra lill-mutwatarju bond ibridu pilota appoġġat mill-garanzija tal-FEIS, prodott ġdid li l-BEI kien qed jiżviluppa f’dak iż-żmien (id-Dejn Ibridu Korporattiv). Meta ġiet strutturata bħala bond ibridu, il-klassifikazzjoni tar-riskju tal-operazzjoni tnaqqset għal-livell ta’ Attività Speċjali. Dan kien dovut għall-protezzjoni kuntrattwali aktar dgħajfa tal-bond ibridu subordinat ferm, kif ukoll għall-perjodu ta’ grazzja itwal għall-pagament tal-imgħax meta mqabbel mas-self superjuri. Dan il-bond ibridu pilota ppermetta li l-BEI jiżviluppa u jittestja prodott innovattiv b’riskju ogħla.

Il-kumpanija apprezzat il-kundizzjonijiet finanzjarji tal-prodott il-ġdid, li kien ikun diffiċli biex jinstabu fis-suq. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ 50 % bħala ekwità kien importanti biex tiġi evitata ż-żieda ta’ proporzjon diġà għoli ta’ ingranaġġ, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ finanzjament mill-ġdid.

Mingħajr ma jitnaqqsu l-merti tal-prodott il-ġdid ta’ bonds ibridi tal-BEI, kif ukoll il-benefiċċji tiegħu għall-kumpanija, l-appoġġ tal-FEIS ma kienx meħtieġ biex jitwettaq dan il-proġett. Tabilħaqq, il-proġett seta’ ġie appoġġat minn operazzjoni normali tal-BEI.

L-“investiment immobilizzat” u l-“effett multiplikatur” irrappurtati ġew iddikjarati b’mod eċċessiv

48

Il-mira oriġinali għall-FEIS kienet li jiġu mmobilizzati EUR 315-il biljun f’investimenti ġodda matul tliet snin (jiġifieri sa Lulju 2018)39. Il-mira għall-investimenti ġodda kienet ibbażata fuq effett multiplikatur mistenni ta’ 15-il darba aktar mill-kontribuzzjoni mill-FEIS (jiġifieri EUR 21 biljun) – il-Figura 7.

Figura 7

L-effett multiplikatur tal-FEIS

Sors: COM(2014) 903 tas-26.11.2014, p. 8.

49

Għalhekk, aħna eżaminajna jekk l-ilħuq tal-objettivi tal-FEIS huwiex imkejjel bl-użu ta’ indikaturi affidabbli u rilevanti kkalkulati fuq il-bażi ta’ metodoloġija soda.

Indikaturi tal-prestazzjoni u tal-monitoraġġ tal-FEIS
50

L-effettività tal-FEIS fil-mobilizzazzjoni ta’ investimenti addizzjonali titkejjel permezz tal-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPI) 3 “investiment totali” (jew “investiment immobilizzat”)40. Il-BEI jirrapporta wkoll dwar ir-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni mill-FEIS u l-investiment totali mmobilizzat stmat, permezz tal-indikatur ewlieni tal-monitoraġġ (KMI) 3 “il-multiplikatur intern nozzjonali ta’ garanzija u l-multiplikatur estern tal-garanzija” (jew “multiplikatur”). L-effett multiplikatur jesprimi l-investiment totali mmobilizzat bħala multiplu tal-kontribuzzjoni totali mill-FEIS. Barra minn hekk, il-BEI jirrapporta dwar l-ammont ta’ “finanzjament privat immobilizzat” (KPI 4). Dan jiġi kkalkulat billi jitnaqqas kull finanzjament pubbliku (inkluż mill-Grupp tal-BEI) mill-investiment totali mmobilizzat (KPI 3). L-Anness IV jipprovdi lista kompleta ta’ indikaturi tal-FEIS.

51

Għall-KPI 3, il-mira inizjali kienet li jiġu mmobilizzati EUR 315-il biljun f’investimenti ġodda sa Lulju 2018. Ir-Regolament dwar il-FEIS ma jispeċifikax jekk il-mira tirreferix għall-operazzjonijiet approvati jew iffirmati. Sat-30 ta’ Ġunju 2018, il-BEI rrapporta l-investiment totali mmobilizzat stmat eliġibbli għall-operazzjonijiet approvati f’livell ta’ madwar EUR 299 biljun (95 % tal-mira inizjali), filwaqt li għall-operazzjonijiet iffirmati ċ-ċifra kienet ta’ EUR 236 biljun (75 % tal-mira inizjali), b’effett multiplikatur ġenerali stmat ta’ 15-il darba aktar (l-Aness I)41. Għalhekk, skont ir-rapport operazzjonali tiegħu, il-FEIS kważi laħaq il-mira tiegħu f’termini ta’ approvazzjonijiet, iżda ma laħaqhiex f’termini ta’ firem.

52

Din id-differenza bejn l-approvazzjonijiet u l-firem tirrifletti l-fatt li jista’ jgħaddi żmien konsiderevoli bejn l-approvazzjoni u l-iffirmar ta’ operazzjoni, u li jista’ jkun li xi operazzjonijiet approvati qatt ma jiġu ffirmati. Pereżempju, aħna sibna tliet operazzjonijiet approvati matul l-2016 bħala pjattaformi ta’ investiment li kienu għadhom ma ġewx iffirmati sa tmiem l-2017. Għalhekk, billi huwa bbażat fuq l-operazzjonijiet approvati aktar milli dawk iffirmati, l-investiment immobilizzat irrappurtat ta’ EUR 299 biljun huwa effettivament stima ex ante. L-impatt ekonomiku tal-FEIS jimmaterjalizza biss ladarba l-fondi jiġu żborżati u l-investimenti jkunu fil-fatt saru.

53

Għalkemm il-FEIS huwa mistenni li jimmassimizza l-mobilizzazzjoni ta’ kapital privat, fejn possibbli42, ma ġiet issettjata l-ebda mira speċifika għall-KPI 4, li jivvaluta l-prestazzjoni tal-FEIS f’dan ir-rigward. Fi tmiem Ġunju 2018, il-BEI rrapporta li l-operazzjonijiet tal-FEIS kienu mmobilizzaw EUR 160.2 biljun f’finanzjament privat (jiġifieri 68 % tal-investiment totali mmobilizzat ibbażat fuq operazzjonijiet iffirmati)43.

54

Il-BEI jikkalkula l-KPIs billi jaggrega l-istimi tiegħu għall-investiment immobilizzat mistenni ta’ kull operazzjoni, u jikkalkula l-KMIs billi jaggrega l-multiplikaturi stmati korrispondenti44. L-investiment immobilizzat huwa ugwali għall-ispejjeż tal-proġett li huma eliġibbli għall-appoġġ mill-FEIS45. Għalhekk, il-multiplikatur jesprimi l-ispiża eliġibbli bħala multiplu tal-kontribuzzjoni mill-FEIS. Dawn l-indikaturi jiġu kkalkulati fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-proġett qabel tiġi approvata l-operazzjoni ta’ finanzjament, ibbażat fuq l-informazzjoni disponibbli f’dak iż-żmien.

55

B’hekk, iċ-ċifra li l-BEI jirrapporta bħala li ġiet “immobilizzata” mill-FEIS tinkludi l-investiment eliġibbli kollu ġġenerat mill-proġett fl-intier tiegħu, irrispettivament mis-sehem verament immobilizzat mill-FEIS. F’xi każijiet, jistgħu jkunu diġà nkisbu xi sorsi oħra ta’ finanzjament qabel l-involviment tal-BEI, u l-mobilizzazzjoni tal-fondi rrappurtati tista’ tkun primarjament attribwibbli għal sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku. Il-Kaxxa 4 turi eżempji bħal dawn.

Box 4

Finanzjament ta’ proġetti ta’ infrastruttura

Dan il-każ jikkonċerna l-kofinanzjament ta’ proġett permezz ta’ self superjuri. Il-BEI inizjalment approva self li jirrappreżenta madwar 29 % tal-ispiża tal-investiment tal-proġetti eliġibbli. Mal-iffirmar, l-ammont tas-self tnaqqas għal madwar 9 % tal-ispiża eliġibbli. Il-koinvestituri istituzzjonali superjuri eżistenti koprew id-differenza bejn il-finanzjament li ġie approvat inizjalment u l-ammont li fl-aħħar mill-aħħar ġie ffirmat mill-BEI, li kienet tkopri madwar 80 % tal-ispiża eliġibbli.

Il-BEI rrapporta effett multiplikatur ta’ madwar 53 darba aktar u investiment immobilizzat li jikkorrispondi għall-ispejjeż sħaħ tal-investiment eliġibbli tal-proġett, inkluż il-finanzjament iggarantit qabel l-intervent tal-BEI. L-investiment immobilizzat mill-FEIS jinkludi finanzjament li huwa aktar minn dak direttament attribwibbli għall-intervent tal-FEIS.

56

Aħna eżaminajna każ fejn Fond ta’ Fondi (FoF)46 nazzjonali li kien jappartjeni kompletament għal NPB ipprovda sorsi alternattivi ta’ finanzjament għal kumpaniji permezz ta’ Fondi għat-Tkabbir (GFs), Fondi ta’ Kapital ta’ Riskju u Fondi Inkubatur. Il-GFs irrappreżentaw madwar 70 % tal-volum kumplessiv iffinanzjat mill-FOF. L-FoF ġie stabbilit qabel il-FEIS, b’allokazzjoni inizjali ta’ EUR 1.2 biljun. Fl-2015, l-NPB żied l-allokazzjoni tal-FoF għal EUR 1.5 biljun, wara diskussjonijiet mal-BEI rigward il-finanzjament mill-FEIS għall-FoF.

57

Il-BEI aċċetta li jinvesti EUR 125 miljun f’finanzjament appoġġat taħt il-FEIS, bil-kundizzjoni li l-NPB jikkontribwixxi l-istess ammont. Permezz ta’ dan l-investiment, il-BEI aċċetta li jassumi riskju ta’ ekwità fuq għadd ta’ GFs mill-portafoll kumplessiv ta’ GFs tal-FoF. Il-BEI għażel 8 mit-23 GF inklużi fil-portafoll attwali tal-FoF, li jirrappreżentaw 12 % tal-valur totali tal-GFs. Il-BEI kkalkula l-investiment eliġibbli totali immobilizzat taħt il-FEIS u l-multiplikatur, abbażi tal-valur totali stmat tal-portafoll tal-GF fl-intier tiegħu, li rriżulta f’effett multiplikatur ta’ 30 darba u investiment totali mmobilizzat ta’ EUR 3.8 biljun. L-istimi kienu bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-approvazzjoni u l-iffirmar tal-operazzjoni. Aħna nistmaw li l-finanzjament addizzjonali reali pprovdut mill-FEIS (jiġifieri EUR 125 miljun) fit-tmien GFs magħżula li għalihom il-BEI assuma r-riskju, fir-realtà mmobilizza EUR 1 biljun f’investimenti, u li l-effett multiplikatur reali kien ta’ madwar tmien darbiet aktar (il- Figura 8).

Figura 8

Eżempju ta’ investiment immobilizzat stmat għal struttura ta’ Fond ta’ Fondi (FoF)

Sors: Il-QEA

Riskju ta’ għadd doppju fil-kalkolu tal-investiment totali mmobilizzat u tal-effett multiplikatur
58

Il-Grupp tal-BEI jista’ jiffinanzja investiment permezz ta’ għadd ta’ mezzi u operazzjonijiet differenti. Dan joħloq riskju ta’ għadd doppju meta jiġu kkalkulati u rrappurtati l-investiment totali mmobilizzat u l-effett multiplikatur.

59

Il-metodoloġija relatata mal-KPI-KMI tal-FEIS irrikonoxxiet dan ir-riskju u pprevediet aġġustamenti fir-rappurtar tal-indikaturi aggregati. Madankollu, fil-livell tal-operazzjonijiet individwali, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-multiplikatur ipprovdiet gwida dwar kif għandhom isiru l-aġġustamenti f’każijiet fejn l-operazzjoni tal-FEIS tkun iffinanzjata kemm mill-SMEW kif ukoll mill-IIW, iżda ma speċifikatx ix-xenarju li fih il-BEI jkun jappoġġa investiment, kemm direttament kif ukoll indirettament, permezz ta’ operazzjonijiet differenti tal-FEIS47.

60

Aħna sibna li l-Grupp tal-BEI għamel dawn l-aġġustamenti fil-każ ta’ operazzjonijiet tal-FEIS tat-tip ta’ dejn li kienu ffinanzjati b’mod konġunt mill-SMEW u mill-IIW. Madankollu, fiż-żmien tal-awditu, ma ġewx irrappurtati każijiet ta’ aġġustamenti għal tipi oħra ta’ għadd doppju fir-rapporti operazzjonali tal-FEIS.

61

Aħna sibna każ fejn kemm il-BEI kif ukoll il-FEI kienu qablu li jinvestu direttament f’żewġ fondi li l-BEI kien aċċetta wkoll li jappoġġa indirettament permezz ta’ FoF48. Il-BEI rrapporta investiment dirett ta’ EUR 40 miljun, b’investiment immobilizzat stmat tal-FEIS ta’ EUR 0.8 biljun49. Il-FEI rrapporta investiment dirett ta’ EUR 29 miljun, b’investiment immobilizzat stmat ta’ EUR 0.3 biljun50. Barra minn hekk, il-BEI rrapporta investiment ta’ EUR 125 miljun fl-FoF, b’investiment immobilizzat stmat ta’ EUR 3.8 biljun. Għalhekk, il-Grupp tal-BEI rrapporta finanzjament mill-FEIS li ammonta għal total ta’ EUR 194 miljun (EUR 40+29+125 miljun) u investiment immobilizzat mill-FEIS stmat li ammonta għal total ta’ EUR 4.9 biljun (EUR 0.3+0.8+3.8 biljun), li jagħti effett multiplikatur medju ta’ 25 darba aktar. Madankollu, huwa ma għamilx aġġustamenti għall-għadd doppju. Meta jitqies l-għadd doppju, aħna nistmaw li l-investiment immobilizzat għat-tliet operazzjonijiet tal-FEIS f’livell ta’ EUR 1 biljun, u l-effett multiplikatur medju f’livell ta’ ħames darbiet aktar. Il-Figura 9 turi dan il-każ.

Figura 9

Eżempju ta’ każ ta’ investiment f’fondi ta’ ekwità privati permezz ta’ mezzi differenti, li wassal għal għadd doppju tal-investiment immobilizzat stmat

Sors: Il-QEA.

Tqabbil mal-effett ta’ ingranaġġ
62

Billi l-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-FEIS joperaw b’modi simili, jenħtieġ li jkun hemm qafas komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom f’li jkunu katalizzatur ta’ investimenti. Fir-rapport preċedenti tagħna51, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni għall-ingranaġġ ta’ strumenti finanzjarji li huma applikabbli fl-oqsma kollha tal-baġit tal-UE. Jenħtieġ li din id-definizzjoni tindika b’mod ċar kif jiġu ddeterminati l-ammonti mmobilizzati mill-kontribuzzjonijiet mill-UE u dawk pubbliċi nazzjonali, possibbilment billi jiġu segwiti l-linji gwida tal-OECD dwar is-suġġett.

63

Il-BEI u l-Kummissjoni introduċew l-effett multiplikatur speċifikament għall-FEIS, f’konformità mar-Regolament dwar il-FEIS. Għall-istrumenti finanzjarji tal-UE eżistenti li huma appoġġati mill-baġit tal-UE, il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-effett ta’ ingranaġġ, kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju52. Filwaqt li l-effett multiplikatur jesprimi l-investiment totali mmobilizzat bħala multiplu tal-kontribuzzjoni totali mill-FEIS, l-effett ta’ ingranaġġ jesprimi l-finanzjament totali li jkun għamel għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju finali bħala multiplu tal-kontribuzzjoni mill-UE.

64

L-effett ta’ ingranaġġ jiġi kkalkulat abbażi tal-finanzjament li jkun għad-dispożizzjoni tar-riċevituri finali, għajr kwalunkwe kontribuzzjoni li jistgħu jagħmlu li ma tkunx direttament attribwibbli għall-istrument finanzjarju. Min-naħa l-oħra, l-effett multiplikatur huwa bbażat fuq l-investimenti li jsiru mir-riċevituri finali (jiġifieri bil-fondi riċevuti mill-BEI/mill-FEI jew mill-intermedjarju finanzjarju appoġġat mill-Grupp tal-BEI, bil-fondi proprji tar-riċevitur finali u/jew bil-fondi magħmula għad-dispożizzjoni tiegħu minn investituri oħra, eċċ). B’hekk, l-effett multiplikatur ġeneralment ikollu valuri ogħla mill-effett ta’ ingranaġġ53. Il-Figura 10 turi r-relazzjoni bejn iż-żewġ indikaturi, ibbażat fuq eżempju ta’ operazzjoni intermedjata54.

Figura 10

Eżempju ssimplifikat tar-relazzjoni bejn id-diversi livelli tal-katina ta’ finanzjament għal operazzjonijiet intermedjati

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq illustrazzjonijiet fil-Metodoloġija tal-FEI għall-Kalkolu tal-Multiplikatur tal-FEIS ta’ Diċembru 2015, aġġornati f’Marzu 2018.

Il-FEIS jilħaq setturi differenti iżda d-distribuzzjoni ġeografika tiegħu mhijiex ibbilanċjata

65

Ma hemmx kwoti ġeografiċi jew settorjali għall-FEIS, u dan jappoġġa proġetti fuq bażi xprunata mid-domanda. Minkejja dan, il-linji gwida tal-FEIS dwar l-investiment jistipulaw li jenħtieġ li tiġi evitata konċentrazzjoni settorjali u ġeografika eċċessiva55, u l-Orjentazzjoni Strateġika tal-FEIS56 tissettja l-limiti indikattivi għal dawn il-konċentrazzjonijiet għall-IIW, li mhumiex miri vinkolanti. Jenħtieġ li s-sehem ikkombinat tal-ammonti ffirmati taħt l-IIW fi kwalunkwe tliet Stati Membri ma jkunx aktar minn 45 % tal-volum totali tal-portafoll tal-FEIS fi tmiem il-perjodu ta’ investiment. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-firem tal-IIW ma jaqbżux il-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 30 % fi kwalunkwe settur.

66

Għalhekk, aħna analizzajna d-distribuzzjoni tal-portafoll tal-FEIS skont is-settur u l-Istat Membru. Aħna eżaminajna wkoll ir-rwol tal-NPBIs u tal-pjattaformi ta’ investiment fl-indirizzar tal-problema tal-konċentrazzjoni ġeografika. Barra minn hekk, kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-BEI u l-NPBIs, inkluż fil-livell tal-Pjattaformi ta’ Investiment, għandhom jirrinforzaw ir-riżerva ta’ proġetti tal-FEIS billi jappoġġaw l-identifikazzjoni u l-iżvilupp tal-proġetti, u b’hekk jikkontribwixxu għal firxa ġeografika aħjar.

Distribuzzjoni settorjali u ġeografika tal-FEIS
67

Rigward id-distribuzzjoni għal kull settur fit-30 ta’ Ġunju 2018, is-setturi differenti koperti mill-FEIS taħt l-IIW kienu fi ħdan is-soll ta’ 30 %, bis-settur tal-enerġija jirrappreżenta 27 %, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jirrappreżentaw 22 %, l-appoġġ finanzjarju għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja jirrappreżenta 19 % u t-trasport jirrappreżenta 15 %. L-ICT, l-ambjent u l-effiċjenza fir-riżorsi, u l-kapital uman jirrappreżentaw il-bqija57.

68

Fit-30 ta’ Ġunju 2018, il-finanzjament taħt l-IIW kien ikkonċentrat (47 %) fi tliet Stati Membri58, u b’hekk qabeż il-limitu ta’ konċentrazzjoni ġeografika tal-IIW ta’ 45 % fi kwalunkwe tliet Stati Membri, kif issettjat fl-Orjentazzjoni Strateġika tal-FEIS. Ma hemmx limiti ta’ konċentrazzjoni ssettjati għall-SMEW, iżda l-istess tliet Stati Membri rrappreżentaw 30 % tal-finanzjament.

69

Bosta studji indikaw id-distribuzzjoni ġeografika żbilanċjata tal-FEIS sa tmiem l-201659. L-“Independent Evaluation of the EFSI Regulation” (Evalwazzjoni Indipendenti tar-Regolament dwar il-FEIS) l-aktar reċenti ta’ Ġunju 2018 tikkonkludi wkoll li l-finanzjament mill-FEIS għadu kkonċentrat ħafna60 fi tmiem l-2017. B’mod partikolari, hija tindika li 82 % tal-finanzjament kollu mill-FEIS iffirmat kien dirett lejn il-15-il Stat Membru ta’ qabel it-tkabbir tal-UE fl-2004 (l-“EU 15”).

70

Fil-biċċa l-kbira, il-finanzjament mill-FEIS mar għal pajjiżi tal-EU 15, kemm f’ammonti assoluti kif ukoll per capita. Il-finanzjament mill-FEIS kien qed jindirizza l-ħtiġijiet ta’ investiment ta’ xi wħud mill-pajjiżi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi: l-Italja, Spanja, il-Greċja u l-Portugall. Għalkemm il-PDG per capita fl-EU 13 huwa sinifikattivament aktar baxx mill-medja tal-EU 15, l-appoġġ per capita tal-FEIS fl-EU 13 kien inqas (il-Figura 11). Aħna nosservaw, madankollu, li l-FEIS mhuwiex strument tal-politika ta' koeżjoni u li jopera b’mod li huwa xprunat mid-domanda.

Figura 11

Distribuzzjoni ġeografika tal-finanzjament mill-FEIS iffirmat fil-31 ta’ Diċembru 2017

Nota: Operazzjonijiet f’bosta pajjiżi li jikkorrispondu għall-SMEW mhumiex irrappreżentati.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq ir-rapporti operazzjonali tal-FEIS għall-2017 u fuq data tal-Eurostat.

Il-kontribut tal-NPBIs għad-diversifikazzjoni ġeografika
71

Fil-31 ta’ Diċembru 2017, il-parteċipazzjoni totali tal-NPBIs fi proġetti taħt il-FEIS kienet tammonta għal EUR 20.4 biljun f’operazzjonijiet iffirmati, mifruxa bejn 140 operazzjoni tal-FEIS. Din iċ-ċifra għadha ’l bogħod mill-ammont massimu indikattiv ta’ EUR 34 biljun li l-NPBIs kienu oriġinarjament wiegħdu li jipprovdu fit-tnedija tal-FEIS fl-2015. Il-Figure 12 turi l-involviment tagħhom fis-subsezzjonijiet differenti tal-FEIS.

Figura 12

Involviment tal-NPBIs f’operazzjonijiet iffirmati mill-FEIS fil-31 ta’ Diċembru 2017

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-BEI u tal-FEI.

72

L-operazzjonijiet tal-IIW ġew kofinanzjati prinċipalment mill-NPBIs minn erba’ Stati Membri: Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja. Dawn irrappreżentaw 27 mid-39 operazzjoni ffirmati mal-NPBIs (69 %) fil-31 ta’ Diċembru 2017, u EUR 3.6 biljun mill-ammont totali ta’ EUR 4.7 biljun (77 %) iffirmat mill-FEIS. Taħt l-SMEW, l-operazzjonijiet kofinanzjati mal-NPBIs ukoll ġew ikkonċentrati prinċipalment fl-Italja, fi Franza u fil-Ġermanja (portafoll tad-dejn), u bħala fokus tal-investiment (meta jiġu esklużi l-operazzjonijiet f’bosta pajjiżi) kellhom lil Spanja, lil Franza u lill-Ġermanja (portafoll tal-ekwità). L-Anness V jippreżenta informazzjoni dettaljata dwar l-involviment tal-NPBIs għal kull Stat Membru.

73

Minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ NPBIs fl-UE u d-diversi livelli ta’ esperjenza, ambitu tal-attivitajiet u involviment tagħhom fi strumenti finanzjarji, il-kontribut tagħhom għall-FEIS ivarja konsiderevolment, u għaldaqstant dan jirriżulta f’konċentrazzjoni ġeografika f’dawk l-Istati Membri li għandhom NPBIs li huma stabbiliti sew. Fil-fatt, għadd ta’ Stati Membri ma kellhomx il-banek promozzjonali nazzjonali proprji tagħhom, u kien biss reċentement li bdew jistabbilixxuhom. Ir-rwol taċ-Ċentru ta’ Konsulenza kien li jappoġġa lill-NPBIs inqas żviluppati billi jipprovdi Assistenza Teknika f’diversi oqsma.

Kontribut tal-Pjattaformi ta’ Investiment għad-diversifikazzjoni ġeografika
74

B’mod ġenerali, l-NPBIs iqisu li l-Pjattaformi ta’ Investiment huma xierqa biex proġetti iżgħar jew aktar riskjużi jiġu megħjuna jingħataw finanzjament, fejn jiġi kkombinat finanzjament minn bosta sorsi u tiġi ottimizzata l-allokazzjoni tar-riskju bejn diversi investituri.

75

Madankollu, l-iżvilupp ta’ Pjattaformi ta’ Investiment seħħ bil-mod, speċjalment fl-ewwel sena u nofs tat-tħaddim tal-FEIS. L-ewwel nett, dan kien dovut għall-ħin meħtieġ biex jiġu stabbiliti r-regoli u l-proċeduri operazzjonali għal dawn il-pjattaformi (sena) u, it-tieni nett, għall-kumplessità tan-negozjar ta’ ftehimiet ta’ kofinanzjament.

76

Taħt l-SMEW, fl-2016 il-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS approva tliet Pjattaformi ta’ Investiment61. Il-pjattaformi kollha ġew stabbiliti ma’ Cassa Depositi e Prestiti, l-NPBI Taljana, għalkemm waħda mill-Pjattaformi ta’ Investiment hija miftuħa wkoll għal NPBIs oħra. Fl-2017, ma ġewx approvati u/jew iffirmati Pjattaformi ta’ Investiment ġodda taħt l-SMEW. Fi tmiem l-2017, il-Kumitat tal-Investment kien approva 35 Pjattaforma ta’ Investiment taħt l-IIW62, għal finanzjament mill-FEIS ta’ EUR 4.2 biljun, li jirrappreżenta 11 % tal-finanzjament kumplessiv approvat taħt l-IIW tal-FEIS. Minn dawn ġew iffirmati 2163, u EUR 88.5 miljun jew 3.3 % ġew żborżati lil operazzjonijiet ikklassifikati bħala Pjattaformi ta’ Investiment.

77

Mill-21 Pjattaforma ta’ Investiment iffirmati taħt l-IIW, 17 kienu jinvolvu l-NPBIs, f’xi wħud mill-każijiet dawn l-istess NPBIs ipparteċipaw f’bosta Pjattaformi ta’ Investiment. L-istabbiliment ta’ Pjattaformi ta’ Investiment jiddependi ħafna fuq il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi (NPBIs, Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali jew awtoritajiet maniġerjali). B’mod predominanti, il-Pjattaformi ta’ Investiment jinsabu f’dawk l-Istati Membri (eż. Franza, l-Italja, il-Ġermanja u Spanja) b’NPBIs attivi ħafna u stabbiliti sew (il-Figura 13). Dawk huma l-pajjiżi li jirrappreżentaw ukoll l-akbar volum ta’ finanzjament mill-FEIS u l-ogħla għadd ta’ operazzjonijiet.

Figura 13

Finanzjament mill-FEIS għal Pjattaformi ta’ Investiment sal-31 ta’ Diċembru 2017 (miljun EUR)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-BEI.

78

Fl-ewwel tliet snin tal-operazzjonijiet tal-FEIS, il-Pjattaformi ta’ Investiment ikkontribwew b’mod relattivament limitat għad-diversifikazzjoni ġeografika tal-portafoll tal-FEIS, inkluż favur swieq iżgħar u inqas żviluppati u/jew Stati Membri b’NPBIs inqas esperjenzati jew li ma għandhom ebda NPBI.

79

Ir-Regolament dwar il-FEIS 2.0 jirrinforza r-rwol tal-Pjattaformi ta’ Investiment billi joffri aktar possibbiltajiet biex il-proġetti jiġu raggruppati, u jagħmilha possibbli li jintuża l-mudell ta’ delega sħiħa għal dawn il-pjattaformi u NPBIs fil-każ ta’ sottoproġetti b’kontribuzzjoni mill-FEIS ta’ inqas minn EUR 3 miljun. Il-punt sa fejn dawn il-possibbiltajiet ġodda se jtejbu l-użu tal-pjattaformi ta’ investiment fl-Istati Membri li ma għandhomx NPBIs żviluppati se jiddependi, fost affarijiet oħra, mill-appoġġ li jingħata lil dawn tal-aħħar, inkluża l-assistenza teknika.

Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

80

Inizjalment, il-FEIS ġie stabbilit bil-ħsieb li tintuża garanzija ta’ EUR 16-il biljun mill-baġit tal-UE u EUR 5 biljun f’riżorsi proprji tal-BEI, biex il-Grupp tal-BEI jkun jista’ jipprovdi finanzjament ta’ madwar EUR 61 biljun bl-għan li, sa Lulju 2018, jiġu mmobilizzati EUR 315-il biljun addizzjonali ta’ investimenti strateġiċi fl-infrastruttura u fl-SMEs, li jkopru l-biċċa l-kbira mill-oqsma ta' politika tal-UE u l-Istati Membri kollha.

81

Aħna nikkonkludu li l-FEIS kien effettiv fil-ksib ta’ finanzjament b’appoġġ għal investimenti addizzjonali sostanzjali fl-UE. Madankollu, l-istima rrappurtata fir-rigward tal-investiment immobilizzat ma tiħux kont tal-fatt li xi wħud mill-operazzjonijiet tal-FEIS issostitwew operazzjonijiet oħra tal-BEI u strumenti finanzjarji oħra tal-UE, jew il-fatt li parti mill-appoġġ tal-FEIS mar għal proġetti li setgħu ġew iffinanzjati minn sorsi oħra, għalkemm fuq termini differenti. Barra minn hekk, jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex ittejjeb il-firxa ġeografika tal-investiment appoġġat taħt il-FEIS.

82

Aħna sibna li, sat-30 ta’ Ġunju 2018, il-Grupp tal-BEI kien approva EUR 59.3 biljun f’operazzjonijiet finanzjarji taħt il-FEIS. Barra minn hekk, sas-17 ta’ Lulju 2018, il-finanzjament approvat mill-BEI laħaq il-EUR 65.5 biljun ta’ finanzjament mill-FEIS. Kien hemm għadd ta’ fatturi li kkontribwew għal din il-kisba, inklużi l-flessibbiltà inerenti tal-istrument u l-arranġamenti ta’ governanza ssimplifikati.

83

L-appoġġ tal-FEIS ippermetta li l-BEI jżid b’aktar minn erba’ darbiet il-volum tiegħu ta’ attivitajiet ta’ self b’riskju ogħla, meta mqabbel mal-2014. Madankollu, il-BEI ffirma inqas operazzjonijiet ta’ Attivitajiet Speċjali relatati mal-FEIS milli kien previst (il- paragrafi 15 sa 23).

84

Sabiex juża l-IIW tal-FEIS, il-BEI qagħad prinċipalment fuq is-self privileġġat klassiku ta’ investiment fit-tul, iżda ftit li xejn għamel użu mill-prodott ta’ dejn subordinat għal finanzjament korporattiv jew ta’ proġetti. Il-BEI żviluppa wkoll ekwità intermedjata ġdida u prodotti tad-dejn immirati lejn l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. Madankollu, il-BEI ffirma inqas ftehimiet ta’ kondiviżjoni tar-riskji ma’ intermedjarji finanzjarji milli mistenni, minħabba t-tul u l-kumplessità tal-arranġamenti ex ante ta’ diliġenza dovuta u ta’ delega (il-paragrafi 24 sa 29).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi promoss l-użu ġustifikat ta’ prodotti tal-BEI b’riskju ogħla taħt il-FEIS

Għall-operazzjonijiet tal-FEIS mal-NBPIs, jenħtieġ li l-BEI jfittex opportunitajiet biex iżid l-użu ta’ varjetà usa ta’ finanzjament ta’ dejn subordinat, fejn ikun debitament iġġustifikat. Dan jgħin biex jiġi żgurat li l-finanzjament mill-FEIS ikun komplementari għall-finanzjament ipprovdut mill-NPBIs. Jenħtieġ li l-BEI jippromwovi wkoll l-użu ta’ prodotti xierqa ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-NPBIs kollha, speċjalment dawk li attwalment mhumiex irrappreżentati b’mod suffiċjenti fl-operazzjonijiet tal-FEIS.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: matul il-bqija tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEIS (sa tmiem l-2020).

85

Sa ċertu punt, xi wħud mill-proġetti appoġġati mill-FEIS setgħu ġew iffinanzjati permezz ta’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE mmaniġġjati ċentralment. Barra minn hekk, aħna osservajna l-ħtieġa li jitqies it-trikkib li jista’ jkun hemm bejn l-operazzjonijiet tal-FEIS taħt l-IIW u l-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża (il-paragrafi 30 sa 37).

Rakkomandazzjoni 2 – Tiġi mħeġġa l-komplementarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-garanziji baġitarji tal-UE

Fil-kuntest tal-programmi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi li l-istrumenti finanzjarji tal-UE jkunu koerenti u komplementari f’termini tal-objettivi ta’ politika rispettivi li għandhom jintlaħqu, il-fallimenti fis-suq li għandhom jiġu indirizzati, u l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-proġetti li jridu jiġu ffinanzjati, sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn l-istrumenti.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: mal-adozzjoni tal-proposti għall-programmi ta’ nfiq taħt il-Qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027.

86

Il-valutazzjoni mwettqa mill-BEI għall-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ addizzjonalità tar-Regolament dwar il-FEIS u għall-klassifikazzjoni tal-operazzjonijiet bħala Attivitajiet Speċjali ma tfissirx neċessarjament li l-proġett iffinanzjat ma setax iseħħ mingħajr l-appoġġ tal-FEIS. Ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna jenfasizzaw li proporzjon mill-proġetti ffinanzjati taħt l-IIW setgħu twettqu saħansitra mingħajr l-appoġġ tal-FEIS, u li l-finanzjament mill-BEI ngħata preferenza prinċipalment minħabba li kien orħos u/jew minħabba li l-BEI offra maturità itwal. Aħna sibna każijiet speċifiċi fejn il-proġetti taħt il-FEIS setgħu ġew iffinanzjati minn sorsi privati u pubbliċi oħra, jew inkella mill-BEI bħala operazzjoni normali, għalkemm taħt termini differenti (il-paragrafi 38 sa 47).

Rakkomandazzjoni 3 – Isir titjib fil-valutazzjoni ta’ jekk proġetti potenzjali tal-FEIS setgħux ġew iffinanzjati minn sorsi oħra

Jenħtieġ li l-BEI, fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-proġett, jivvaluta l-possibbiltà li sorsi oħra ta’ finanzjament jiġu sostitwiti. Jenħtieġ li l-BEI juża din l-informazzjoni fil-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-operazzjonijiet tal-FEIS.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: matul il-bqija tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEIS (sa nofs l-2019).

87

Aħna sibna li, f’xi każijiet, il-metodoloġija użata għall-istimar tal-investiment immobilizzat u tal-effett multiplikatur, tiddikjara b’mod eċċessiv kemm l-appoġġ tal-FEIS verament attira investiment addizzjonali fl-ekonomija reali. Għalkemm il-metodoloġija stabbilita ipprovdiet gwida dwar l-aġġustamenti li għandhom isiru fir-rigward tal-għadd doppju, fiż-żmien tal-awditu tagħna, din ma kinitx tispeċifika t-tipi kollha ta’ każijiet. In-nuqqas ta’ indikaturi tal-prestazzjoni u tal-monitoraġġ kumparabbli għall-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE jnaqqas it-trasparenza u jikkomplika l-valutazzjoni tar-riżultati (il-paragrafi 48 sa 64).

Rakkomandazzjoni 4 – Jiġi stmat aħjar l-investiment immobilizzat

  1. Għall-istrumenti kollha ta’ appoġġ għall-investiment għall-QFP li jmiss, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi sett ta’ indikaturi li jkejlu l-outputs u r-riżultati mistennija tal-garanziji baġitarji (bħall-FEIS) b’mod realistiku li jippermetti li jsir tqabbil ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE. B’mod partikolari, jekk “investiment immobilizzat” u “effett multiplikatur” jintużaw bħala indikaturi, jenħtieġ li l-metodoloġija għall-kalkolu u l-arranġamenti ta’ rappurtar jirriflettu b’mod xieraq kemm l-appoġġ tal-garanzija baġitarja tal-UE verament jattira jew jimmobilizza l-investiment min-naħa ta’ oħrajn;
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta jsiru l-proposti għall-istabbiliment ta’ strumenti finanzjarji ġodda.

  3. Jenħtieġ li l-metodoloġija għall-kalkolu tal-multiplikatur tal-FEIS, żviluppata b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-BEI, tieħu miżuri proporzjonati biex dawk il-każijiet li fihom il-BEI ikun qed jappoġġa investiment, kemm direttament kif ukoll indirettament, permezz ta’ operazzjonijiet differenti tal-FEIS, jiġu identifikati u kkoreġuti b’mod f’waqtu, sabiex jiġi evitat għadd doppju;

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa nofs l-2019

88

Fi tmiem l-2017, id-distribuzzjoni tal-IIW tal-FEIS fost is-setturi kienet taqa’ fi ħdan il-limiti indikattivi ssettjati fl-Orjentazzjoni Strateġika tal-FEIS. Madankollu, l-operazzjonijiet ta’ finanzjament iffirmati taħt il-FEIS ma kinux ġeografikament ibbilanċjati b’mod suffiċjenti. Il-pajjiżi li bbenefikaw l-aktar mill-FEIS kienu dawk li l-Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali tagħhom huma l-aktar żviluppati u attivi. Il-pjattaformi ta’ investiment juru potenzjal għall-finanzjament ta’ proġetti iżgħar u għall-kombinament ta’ sorsi differenti ta’ finanzjament, iżda l-iżvilupp tagħhom seħħ bil-mod, u sa issa ftit ikkontribwew għad-diversifikazzjoni ġeografika tal-FEIS. It-titjib fil-bilanċ ġeografiku u fl-użu tal-Pjattaformi ta’ Investiment se jiddependi, fost affarijiet oħra, mill-appoġġ li jingħata lill-NPBIs inqas żviluppati, inkluża l-assistenza teknika. (il-paragrafi 65 sa 79).

Rakkomandazzjoni 5 – Isir titjib fil-firxa ġeografika tal-investiment appoġġat taħt il-FEIS

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-BEI, permezz tal-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS, jivvalutaw il-kawżi fundamentali tal-firxa ġeografika osservata u jipprovdu rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-bqija tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEIS. Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS jivvaluta l-effett tal-miżuri meħuda.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: matul il-bqija tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEIS (sa tmiem l-2019).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Lazaros S. Lazarou, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Jannar 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Data rrappurtata għall-operazzjonijiet tal-FEIS sat-30 ta’ Ġunju 2018

Finanzjament iffirmat mill-FEIS u investiment immobilizzat stmat sat-30 ta’ Ġunju 2018
(ammonti f’miljun EUR)

Twieqi Nru ta’ operazzjonijiet iffirmati Finanzjament iffirmati mill-FEIS li minnu, ammonti żborżati Investimenti mmobilizzati eliġibbli stmati
(operazzjonijiet iffirmati)
Finanzjament privat immobilizzat Investimenti mmobilizzati stmati (approvazzjonijiet)1 Multiplikatur
ammont % f’investiment eliġibbli mmobilizzat stmat
IIW Operazzjonijiet ta’ dejn 235 26,778 12,912 90,743 54,743 60 % 130,157 11.5
Operazzjonijiet tat-tip ekwità2 77 3,684 707 58,451 48,058 82 % 62,720 15.6
Total 312 30,462 13,619 149,193 102,801 69 % 192 877 13.3
SMEW Operazzjonijiet ta’ dejn 254 8,191 58,343 38,498 66 % 67,366 38.4
Operazzjonijiet ta’ ekwità 130 4,236 28,508 18,977 67 % 38,645 9.9
Total 384 12,428 86,851 57,475 66 % 106,011 19.8
Aggregat taħt il-FEIS Operazzjonijiet ta’ dejn 489 34,970 149,086 93,242 63 % 197,523 16.5
Operazzjonijiet ta’ ekwità 207 7,920 86,958 67,035 77 % 101,365 13.1
Total 696 42,890 236,045 160,277 68 % 298,888 15.0
% sal-mira 75 % 95 %
Finanzjament mill-FEIS għal operazzjonijiet approvati taħt l-IIW li għadu ma ġiex iffirmat 12,657
Volum indikattiv ta’ approvazzjonijiet taħt l-IIW tal-FEIS mistennija għat-12-il xahar li jmiss 12,858

1 Operazzjonijiet approvati mill-FEIS jinkludu l-operazzjonijiet kollha approvati mill-Kumitat tal-Investment tal-FEIS sat-30 ta’ Ġunju 2018 (bit-tnaqqis tal-operazzjonijiet ikkanċellati jew magħluqa).

2 Operazzjonijiet tat-tip ekwità taħt l-IIW jiġu żborżati gradwalment, skont is-sejħiet tal-fondi għal kontribuzzjonijiet.

L-ammonti żborżati jikkorrispondu kemm għall-kuntratti ta’ riskju garantiti mill-UE kif ukoll għal dawk proprji tal-BEI.

Sors: Ir-Rapport Operazzjonali fi Tmiem is-Sena tal-FEIS sat-30 ta’ Ġunju 2018.

Anness II

Kategoriji ta’ prodotti tal-grupp tal-BEI

Sors: Il-preżentazzjoni tal-BEI “Delivering on the European Fund for Strategic Investments (EFSI)” (Inwasslu riżultati bil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi), Jannar 2018, is-Slajd 10.

Anness III

Strumenti finanzjarji tal-FSIE għall-perjodu 2014-2020

Impenji għall-istrumenti finanzjarji fil-ftehimiet ta’ finanzjament bħala perċentwal tal-impenn totali skont l-objettiv tematiku (OT), ibbażat fuq ir-rappurtar fi tmiem l-2016 għal ammont totali impenjat ta’ EUR 13.3 biljun (FSIE).

OT 1 – Riċerka u innovazzjoni (19 %)

OT 2 – Informazzjoni, komunikazzjoni u teknoloġija (4 %)

OT 3 – Kompetittività tal-SMEs (50 %)

OT 4 – Ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, jiġifieri prinċipalment fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli (16 %)

OT 6 – Riżorsi sostenibbli (2 %)

OT 7 – Trasport sostenibbli (2 %)

OT 8 – Impjieg u mobbiltà tal-forza tax-xogħol (5 %)

OT 9 – Ħiliet, edukazzjoni, tagħlim (2 %)

Sors: Ir-rapport tad-DĠ REGIO “Financial instruments under the European Structural and Investment Funds (the programming period 2014-2020)” (Strumenti finanzjarji taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020)), Diċembru 2017.

Anness IV

Lista ta’ indikaturi tal-prestazzjoni u tal-monitoraġġ tal-FEIS

Indikatur Ewlieni tal-Prestazzjoni (KPI)/ Indikatur Ewlieni tal-Monitoraġġ (KMI) Deskrizzjoni Mira/Limitu
Użu tal-Garanzija tal-UE u lħuq tal-objettivi u l-kriterji KPI 1 Punteġġi b’valur miżjud tal-operazzjonijiet, ripartiti skont id-distribuzzjoni tal-klassifikazzjoni għal: - IIW: (i) il-kontribut għall-objettivi ta’ politika tal-FEIS; (ii) il-kwalità u s-solidità tal-proġett; u (iii) il-Kontribut tekniku u finanzjarju. - SMEW: (i) il-valutazzjoni tal-Impatt; (ii) il-valutazzjoni tal-kwalità; u (iii) il-kontribut għall-operazzjoni. Ir-Regolament dwar il-FEIS ma jiddetermina ebda mira kwalitattiva għal dan il-KPI.
KPI 2(1) Is-sehem ta’ operazzjonijiet iffirmati bħala attivitajiet speċjali (skont l-għadd ta’ operazzjonijiet u l-ammont). NB: Operazzjonijiet tal-SMEW jitqiesu bħala kompletament konformi mal-klassifikazzjoni ta’ Attivitajiet Speċjali (100 %). Ir-Regolament dwar il-FEIS ma jiddetermina ebda mira għal dan il-KPI.
KMI 1(1) Il-konċentrazzjoni ġeografika: - ripartita skont il-volum ta’ operazzjonijiet appoġġati skont il-pajjiż, u - l-għadd ta’ pajjiżi milħuqa. Limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 45 % għal tliet Stati Membri.
KMI 2(1) Il-konċentrazzjoni settorjali, ripartita skont il-volum ta’ operazzjonijiet iffirmati appoġġati mill-garanzija tal-UE. Limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 30 % għal tliet setturi.
Kontribut għal impatt makroekonomiku dirett u għall-mobilizzazzjoni tal-finanzi KPI 3 L-investiment totali (immobilizzat)(2):- IIW: il-volum ta’ investiment addizzjonali eliġibbli taħt il-FEIS (pubbliku jew privat, inkluż finanzjament immobilizzat permezz tal-FEI taħt il-FEIS) fl-ekonomija reali. - SMEW: l-ammont massimu ta’ finanzjament disponibbli għar-riċevituri finali (“Volum Massimu tal-Portafoll”) immultiplikat b’1.4 għal garanziji jew daqs tal-fond immirat/daqs tal-fond finali eliġibbli mmultiplikat b’2.5 għal prodotti ta’ ekwità. Mira biex jiġi ġġenerat investiment totali ta’ EUR 315-il biljun sal-4 ta’ Lulju 2018 (3 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 1017/2015 dwar il-FEIS).
KPI 4 Il-finanzjament privat immobilizzat: IIW: ammont totali ta’ finanzjament privat immobilizzat mill-Operazzjonijiet Garantiti tal-FEIS, iddeterminat biss abbażi tal-finanzjament u tal-kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji pprovdut minn entitajiet mhux pubbliċi. Ir-Regolament dwar il-FEIS ma jiddetermina ebda mira għal dan il-KPI. Minflok, l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEIS jappella biex “jimmassimizzaw, fejn possibbli, il-mobilizzazzjoni ta’ kapital mis-settur privat.”
KMI 3 L-effett multiplikatur: il-multiplikatur nozzjonali ta’ garanzija interna u l-multiplikatur estern tal-investiment. Mira implikata ta’ 15x
KMI 4 Impatt fuq l-impjieg: Tbassir tal-għadd ta’ impjiegi diretti maħluqa/miżmuma. Ir-Regolament dwar il-FEIS ma jiddetermina ebda mira għal dan il-KMI.
KMI 5(1) Is-sehem ta’ operazzjonijiet kofinanzjati mal-NPBIs, skont l-għadd ta’ operazzjonijiet u l-ammont. Ir-Regolament dwar il-FEIS ma jiddetermina ebda mira għal dan il-KMI.
KMI 6(1) Is-sehem ta’ operazzjonijiet ikkofinanzjati mal-Fondi SIE u ma’ strumenti oħra tal-UE għajr il-FEIS, skont l-għadd ta’ operazzjonijiet u l-ammont. Ir-Regolament dwar il-FEIS ma jiddetermina ebda mira għal dan il-KMI.

1 Data bbażata fuq l-ammonti ffirmati; id-data dwar il-KPIs/KMIs li jifdal hija bbażata fuq stimi ex ante sal-ikkompletar tal-proġetti.

2 Fl-Iskeda II tal-Ftehim dwar il-FEIS, il-KPI 3 kemm għall-IIW kif ukoll għall-SMEW jissejjaħ l-investiment totali appoġġat u l-finanzjament tal-kapital operatorju. Fir-Rapporti Operazzjonali tal-IIW u tal-SMEW tal-FEIS, dan jissejjaħ ukoll l-Investiment Immobilizzat Totali Eliġibbli Taħt il-FEIS.

Sors:Il-Ftehim dwar il-FEIS, l-Iskeda II u Metodoloġija tal-FEIS għal Indikaturi Ewlieni tal-Prestazzjoni u tal-Monitoraġġ (KPI-KMI), id-Dokument 12 ta’ SB/07/2015 tal-15 ta’ Diċembru 2015.

Anness V

Operazzjonijiet tal-FEIS bil-parteċipazzjoni tal-NPBIs sal-31 ta’ Diċembru 2017

Tieqa għall-Infrastruttura Tieqa għall-SMEs
Operazzjonijiet ta’ dejn bl-involviment tal-NPBIs Operazzjonijiet ta’ ekwità bl-involviment tal-NPBIs Operazzjonijiet ta’ dejn bl-involviment tal-NPBIs Operazzjonijiet ta’ ekwità bl-involviment tal-NPBIs
Pajjiż Għadd ta’ operazzjonijiet Parteċipazzjoni tal-FEIS (miljun EUR) Parteċipazzjoni tal-NPBIs (miljun EUR) Għadd ta’ operazzjonijiet Parteċipazzjoni tal-FEIS (miljun EUR) Parteċipazzjoni tal-NPBIs (miljun EUR) Għadd ta’ operazzjonijiet Parteċipazzjoni tal-FEIS (miljun EUR) Parteċipazzjoni tal-NPBIs (miljun EUR) Għadd ta’ operazzjonijiet Parteċipazzjoni tal-FEIS (miljun EUR) Parteċipazzjoni tal-NPBIs (miljun EUR)
Il-Belġju 2 5.7 76.3 1 30.0 10.0
Il-Bulgarija 1 150.0 75.0 2 2.4 37.6
Ir-Repubblika Ċeka 1 19.5 391.7
Id-Danimarka 6 47.6 303.7
Il-Ġermanja 4 1,004.4 2,192.0 12 111.4 1 511.9 3 110.0 30.0
L-Estonja 1 4.5 115.5
L-Irlanda 3 37.3 370.8 1 30.0 15.0
Spanja 2 531.9 10.0 4 210.0 1,720.0 3 87.5 1,480.5 4 155.0 99.4
Franza 6 845.0 2,090.5 4 215.0 635.0 6 140.0 740.0 4 145.0 88.0
Il-Kroazja 1 50.0 50.0 1 2.0 10.0
L-Italja 6 781.0 582.5 1 21.8 50.0 5 226.2 4,801.8 2 60.0 55.0
Il-Latvja 2 3.6 29.4
L-Ungerija 2 13.4 325.0
In-Netherlands 1 100.0 54.0 1 30.0 3.0
L-Awstrija 1 70.0 13.8 1 3.5 81.5 1 12.5 5.0
Il-Polonja 3 158.3 156.8 1 17.2 365.8
Is-Slovenja 1 51.0 37.0 1 8.1 171.9
Il-Finlandja 1 22.5 32.5
L-Iżvezja 3 24.0 120.1
Ir-Renju Unit 1 148.0 75.4 2 5.1 25.4 1 54.0 25.9
Bosta Pajjiżi 1 75.0 332.6 2 300.0 550.0 21 916.0 419.2
Total 28 3,964.7 5,669.7 11 746.8 2,955.0 54 759.0 10,958.8 40 1,565.0 783.0

Nota: Fit-Tieqa ta’ Ekwità tal-SMEW ġew esklużi disa’ operazzjonijiet li fihom ipparteċipaw l-NPBIs, u li fil-31.12.2017 l-ammont iffirmat għalihom kien ta’ EUR 0.

Source: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-BEI u tal-FEI.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju Eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jixtiequ jipprovdu l-informazzjoni addizzjonali li ġejja.

L-istimolu tal-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi kienu prijorità prinċipali tal-Kummissjoni. L-UE ilha tbati minn tnaqqis konsistenti fl-investiment mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali ’l hawn. B’mod partikolari, sal-2014 l-investiment kien waqa’ b’mod sinifikanti taħt il-medja storika fit-tul tiegħu. Bħala rispons għal-livelli ta’ investiment dgħajfa, f’Novembru 2014 il-Kummissjoni nediet il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa b’mira tal-investiment ta’ EUR 315-il biljun li kellhom jiġu mobilizzati fi żmien tliet snin. Bis-saħħa tas-suċċess tiegħu, fl-2017 il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ġie estiż b’mira ikbar ta’ mill-inqas EUR 500 biljun ta’ investiment li għandhom jiġu mobilizzati sal-aħħar tal-2020 (il-FEIS 2.0). Il-FEIS 2.0 jindirizza wkoll it-tliet kwistjonijiet ewlenin b’rabta mal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-FEIS: itejjeb l-addizzjonalità, il-bilanċ ġeografiku u t-trasparenza. Sas-17 ta’ Lulju 2018, il-FEIS għen biex jiġi indirizzat b’suċċess il-vojt fl-investimenti billi ġew mobilizzati EUR 334,8 biljun ta’ investiment fl-UE. Minkejja l-aċċellerazzjoni riċenti tal-investiment fl-UE, ir-rati tal-investiment għadhom ma laħqux il-medji storiċi. Għaldaqstant, hemm bżonn li jkomplu jsiru sforzi biex l-investiment jerġa’ lura għax-xejra sostenibbli tiegħu fit-tul b’enfasi partikolari fuq il-prijoritajiet tal-politika tal-UE. B’hekk, il-Kummissjoni pproponiet li tkompli bi programm ambizzjuż għall-appoġġ tal-investiment fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, jiġifieri l-Programm InvestEU.

IV

Il-Kummissjoni u l-BEI jqisu li, b’riżultat tal-introduzzjoni tal-FEIS, il-biċċa l-kbira tal-istrumenti finanzjarji l-oħra fil-fatt ġew imsaħħa b’mod sinifikanti, minflok ma ġew issostitwiti. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi strumenti finanzjarji eżistenti ġie ffokat mill-ġdid biex jitnaqqsu s-sovrappożizzjonijiet mal-FEIS li ġew osservati.

VI

L-operazzjonijiet tal-FEIS huma mmexxija mid-domanda. Għaldaqstant, jekk maturitajiet imtawla jew rekwiżiti tal-kollateral iktar baxxi huma biżżejjed biex il-finanzjament ikun garantit għar-reċipjenti finali, skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, il-Kummissjoni u l-BEI ma jinsistux fuq il-provvista ta’ finanzjament subordinat fejn dan mhuwiex meħtieġ biex jiġi stimulat l-investiment.

VII

Ġew stabbiliti miżuri ta’ mitigazzjoni biex jindirizzaw is-sovrappożizzjoni bejn l-Istrument tad-Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u l-FEIS. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni u l-BEI ressqu emenda tal-Ftehim ta’ Delega tal-Istrument tad-Dejn tal-FNE, u pproponew l-adattament tal-Istrument tad-Dejn tal-FNE biex tiżdied il-komplementarjetà tiegħu ma’ strumenti finanzjarji oħra u mal-FEIS, li huma mistennija jiġu finalizzati sal-aħħar tas-sena. L-Istrument tad-Dejn tal-FNE ġie ffokat mill-ġdid fuq proġetti iktar innovattivi u pijunieri. Rigward it-trasport ingħatat attenzjoni partikolari lil proġetti li jikkontribwixxu għal trasport iktar ekoloġiku.

VIII

Il-Grupp tal-BEI jqis li l-finanzjament ipprovdut fil-kuntest tal-FEIS mhuwiex komparabbli għalkollox ma’ sorsi oħra ta’ finanzjament, peress li normalment joffri termini u kundizzjonijiet differenti u għalhekk ma jistax jitqies li jissostitwixxihom.

Barra minn hekk, il-FEIS 2.0 ġab miegħu t-tisħiħ ulterjuri tal-kriterji tal-addizzjonalità.

IX

L-investiment mobilizzat, skont il-metodoloġija, jirrifletti l-aħjar stima tal-investiment mistenni fl-ekonomija reali. L-ammonti reali jiġu riveduti meta jitlesta l-proġett. Għalhekk, skont id-definizzjoni tiegħu, l-investiment mobilizzat ex ante huwa stima fid-data tal-approvazzjoni u mhux sovravalutazzjoni jew sottovalutazzjoni.

Il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar l-InvestEU fiha sett wiesa’ ta’ indikaturi dwar il-prestazzjoni u l-monitoraġġ. Barra minn hekk, ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid (UE 2018/1046) jiddefinixxi u jiċċara kemm il-kunċett tal-ingranaġġ kif ukoll tal-effett multiplikatur.

X

Il-konċentrazzjoni ġeografika ma tistax tiġi kkalkolata biss abbażi tal-volum ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament iffirmati f’kull Stat Membru. F’dak li għandu x’jaqsam mal-konċentrazzjoni ġeografika, irid jitqies ukoll id-daqs tal-ekonomiji u tal-popolazzjoni tal-Istati Membri individwali.

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza tad-diversifikazzjoni ġeografika tal-FEIS. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-BEI kienu u għadhom qed jimplimentaw diversi miżuri biex jiżdied il-bilanċ ġeografiku. Dawn jinkludu kooperazzjoni iktar b’saħħitha mal-banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (NPBIs, national promotional banks and institutions), inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ investiment u ta’ mudelli għal kooperazzjoni iktar b’saħħitha (eż. il-Pjattaforma tal-Ekwità FEI-NPBIs), il-faċilitazzjoni ta’ taħlita tal-Fondi Ewropej għall-Investimenti Strateġiċi u l-FEIS kif ukoll sensibilizzazzjoni lokali iktar immirata, b’mod partikolari permezz taċ-Ċentru ta’ Konsulenza.

XI

Il-Kummissjoni u l-BEI jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom u jirreferu għat-tweġibiet tagħhom fit-taqsima tar-rakkomandazzjonijiet.

Daħla

6

Primarjament, il-FEIS huwa strument immexxi mid-domanda.

Il-Linji Gwida għall-Investiment tal-FEIS jistipulaw li għandu jsir l-aħjar sforz possibbli biex jiġi garantit li tiġi koperta firxa wiesgħa ta’ setturi u reġjuni.

Permezz tat-Tieqa għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEW, Small Medium Enterprise Window), il-prodotti individwali jużaw inċentivi biex jilħqu kopertura wiesgħa u jevitaw il-konċentrazzjoni.

Osservazzjonijiet

Kaxxa 1 – Attivitajiet Speċjali u l-FEIS

It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu:

Il-profil tar-riskju tal-operazzjonijiet fil-kuntest tal-SMEW huwa komparabbli jew iktar riskjuż mill-profil tar-riskju tal-Attivitajiet Speċjali tal-BEI. Dawn jikkostitwixxu esponimenti tal-ekwità jew tal-garanzija li huma ta’ grad ta’ kwalità baxxa ta’ investiment u ma jkunx possibbli li jiġu ffinanzjati mir-riżorsi proprji tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI).

24

Ir-regoli dwar operazzjonijiet ma’ pjattaformi ta’ investiment u ma’ banek u istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (NPBIs) isemmu li s-subordinazzjoni għandha titqies bħala għażla preferuta jekk tkun vijabbli u jekk l-istruttura tipprovdi valur miżjud fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-promoturi u tal-ispejjeż globali għall-finanzjament.

30

L-għan ewlieni tal-BEI fil-kuntest tal-FEIS dejjem kien li jikkatalizza u jattira investituri ġodda. Dan l-għan intlaħaq billi l-BEI ppożizzjona ruħu f’pożizzjoni tal-kreditu subordinata favur investituri oħra.

33

Ir-Regolament tal-FEIS jistipula li l-garanzija tal-UE fil-kuntest tal-FEIS hija komplementari għal strumenti eżistenti.

Fir-rigward tal-Istrument tad-Dejn tal-FNE:

It-tnedija tal-FEIS fl-2015 kellha effett ta’ sostituzzjoni fuq l-Istrument tad-Dejn tal-FNE. Dan joħroġ biċ-ċar mill-Evalwazzjoni Interna tal-BEI tal-FEIS, mill-Evalwazzjoni Indipendenti tal-Kummissjoni tal-FEIS kif ukoll mill-Evalwazzjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-Kummissjoni tal-FNE.

Konsegwentement ġew stabbiliti l-miżuri ta’ mitigazzjoni li ġejjin:

  • f’Settembru 2015 u f’Lulju 2017 il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Istrument tad-Dejn tal-FNE pprovda gwida riveduta tal-politika biex tiġi garantita l-komplementarjetà bejn l-istrumenti. Ġie deċiż li l-Istrument tad-Dejn tal-FNE jkun jiffoka fuq il-proġetti iktar innovattivi u pijunieri f’termini tal-istruttura finanzjarja, tas-settur jew tal-pajjiż. Rigward it-trasport ingħatat attenzjoni partikolari lil proġetti li jikkontribwixxu għal trasport iktar ekoloġiku.
  • Il-Kummissjoni u l-BEI ressqu emenda tal-Ftehim ta’ Delega tal-Istrument tad-Dejn tal-FNE, u pproponew l-adattament tal-Istrument tad-Dejn tal-FNE biex tiżdied il-komplementarjetà tiegħu ma’ strumenti finanzjarji oħra u mal-FEIS, li huma mistennija jiġu finalizzati sal-aħħar tas-sena.

F’Ġunju 2017 saru valutazzjoni u ripożizzjonar simili għall-InnovFin.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li l-forniment minn qabel tal-FEIS ippermetta li jintlaħqu iktar malajr l-objettivi ta’ kull programm speċifiku tal-UE u bis-saħħa tiegħu nqabżu l-miri inizjali meta l-forniment minn qabel inbidel f’pagamenti supplimentari reali.

36

Id-daqs tad-diskrepanza fl-investiment fl-UE jfisser li għad hemm lok u bżonn ta’ intervent mill-FSIE, minn strumenti finanzjarji ġestiti ċentralment u minn strumenti finanzjarji nazzjonali. Il-valutazzjoni tal-valur miżjud tal-istrumenti finanzjarji u l-konsistenza ma’ forom oħra ta’ intervent pubbliku, inkluż il-FEIS fejn rilevanti, huma rekwiżiti essenzjali biex il-Fondi SIE jkunu marbuta mal-istrumenti finanzjarji biex jitnaqqas ir-riskju ta’ sovrappożizzjonijiet.

37

Il-FEIS jista’ jkun komplementari għall-Fondi SIE u jżid l-ingranaġġ u l-effettività tal-interventi, kif ġie ppreżentat fil-fuljett “Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi – L-Iżgurar ta’ Koordinazzjoni, Sinerġiji u Komplementarjetà” mħejji mill-Kummissjoni fi Frar 2016. Ir-Regolament 2018/1046 introduċa l-opzjoni ġdida u dedikata biex il-FEIS u l-Fondi SIE jintużaw b’mod komplementari.

40

Fil-kuntest tal-FEIS, l-addizzjonalità “tfisser is-sostenn mill-FEIS ta’ operazzjonijiet li jindirizzaw fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment, u li ma setgħux jitwettqu fil-perjodu li matulu tista’ tintuża l-garanzija tal-UE, jew mhux fl-istess miżura, mill-BEI, il-FEI jew taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni mingħajr is-sostenn tal-FEIS”.

Il-valutazzjoni tal-addizzjonalità dejjem tqis il-fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment, irrispettivament minn jekk l-operazzjoni tkunx Attività Speċjali jew le.

Ir-Regolament dwar il-FEIS 2.0 kompla jtejjeb id-definizzjoni tal-addizzjonalità billi ddefinixxa b’mod iktar ċar l-istatus ta’ Attività Speċjali u elementi oħra li jikkostitwixxu indikazzjonijiet b’saħħithom ta’ addizzjonalità. F’dan il-kuntest il-BEI jivvaluta l-potenzjal ta’ inklużjoni ta’ kull operazzjoni.

41

Il-kampjun ta’ operazzjonijiet li jagħmlu parti mit-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW, Infrastructure and Innovation Window) kien jikkonsisti fi 15-il proġett li ġew iffirmati matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-FEIS. Il-proċess ta’ valutazzjoni tal-proġetti mill-BEI ġie rinforzat matul iż-żmien għall-proġetti li ġew appoġġati mill-2017, u dan mhuwiex rifless b’mod sħiħ fil-konklużjonijiet tal-QEA.

44

Ir-Regolament dwar il-FEIS 1.0 stabbilixxa rabta bejn l-addizzjonalità u l-istatus ta’ Attività Speċjali. Il-BEI jinnota li fid-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitat tal-Investiment sa mit-tnedija tal-FEIS, ġiet ipprovduta valutazzjoni kwalitattiva tal-addizzjonalità. Ir-Regolament emendat dwar il-FEIS ikompli jiċċara d-definizzjoni tal-addizzjonalità u d-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitat tal-Investiment għalhekk tinkludi valutazzjoni iktar wiesgħa tal-aspetti ta’ addizzjonalità (inkluż dwar il-fallimenti tas-suq u dwar sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment).

45

Ir-Regolament dwar il-FEIS 2.0 tejjeb id-definizzjoni tal-addizzjonalità billi ddefinixxa b’mod iktar ċar l-istatus ta’ Attività Speċjali u elementi oħra li jikkostitwixxu indikazzjonijiet b’saħħithom ta’ addizzjonalità.

Kaxxa 2 – Eżempju ta’ proġett tal-FEIS li kien jiġi ffinanzjat mis-suq, għalkemm mhux b’termini daqstant vantaġġjużi

Il-BEI jqis li l-proġett kien jirrappreżenta sitwazzjoni subottimali ta’ investiment (penetrazzjoni tal-gass baxxa f’dak l-Istat Membru u s-sostituzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija li jniġġsu iktar), li ma kinitx se tiġi ffinanzjata mingħajr l-appoġġ tal-FEIS. It-termini tal-finanzjament offruti mill-BEI kienu iktar adattati għal dak it-tip ta’ investiment, milli dawk offruti mis-suq.

Kaxxa 3 – Eżempju ta’ operazzjoni tal-FEIS li tissostitwixxi finanzjament tradizzjonali mill-BEI

Fil-fehma tal-BEI, il-bond ibridu ma spostax il-finanzjament tradizzjonali tal-BEI peress li għandu karatteristiċi, bħalma huma l-kontenut tal-ekwità u l-esklużjoni minn proporzjonijiet ta’ ingranaġġ, li jippermettu l-ħolqien ta’ prodott ħafna iktar “addizzjonali” mis-self klassiku tal-BEI. Tabilħaqq, il-bond ibridu, bħala strument subordinat, mhux biss iġib miegħu l-likwidità (bħal fil-każ ta’ self preferenzjali normali tal-BEI), iżda għandu wkoll impatt addizzjonali billi jżid il-flessibbiltà finanzjarja tal-mutwatarju biex jagħmel investimenti addizzjonali.

55

Ladarba l-appoġġ mill-FEIS jitqies addizzjonali u jiġi approvat mill-Kumitat tal-Investiment tal-FEIS, l-ispejjeż tal-investiment eliġibbli tal-FEIS, relatati mal-operazzjoni approvata, jgħoddu mal-mira tal-investiment fil-kuntest tal-FEIS.

Kaxxa 4 – Finanzjament ta’ proġetti ta’ infrastruttura

L-ammont ta’ investiment mobilizzat ġie kkalkulat skont il-metodoloġija approvata. It-tnaqqis tal-ammont tas-self kien konsegwenza tal-inklużjoni ta’ investituri privati, iżda s-self mill-BEI kien strumentali biex jingħalaq il-vojt fil-finanzjament fiż-żmien previst għall-għeluq. Mingħajr il-BEI, il-finanzjaturi l-oħra ma kienx jirnexxielhom jagħlqu l-vojt u għalhekk l-ammonti tas-self tagħhom kien ikollhom jiżdiedu.

Ir-relazzjoni bejn il-Volum tal-Finanzjament mill-FEIS tal-BEI u l-Investiment Eleġibbli Mobilizzat tal-FEIS tipprovdi stima speċifika għall-proġett tal-estent li fih l-appoġġ mill-FEIS jista’ jintrabat ma’ investiment ġdid. Ir-relazzjoni eżatta ta’ kawża u effett li tħeġġeġ il-finanzjament ġeneralment diffiċli tiġi ppreżentata u ma tistax tiġi pprovata b’mod konklużiv, speċjalment ex ante jew matul il-fażi tad-disinn jew tal-implimentazzjoni. Skont id-disponibbiltà tad-data, l-analiżi statistika tista’ ssir ex post biex tipprovdi stima tal-kawżalità.

59

Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-multiplikatur tal-FEIS tal-BEI, adottata fl-2015, diġà kienet tispjega f’termini ġenerali kif għandu jiġi stmat l-investiment mobilizzat meta jiġi pprovdut iktar minn finanzjament wieħed mill-FEIS tal-BEI għal proġett wieħed. F’Ottubru 2018, il-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS approva metodoloġija aġġornata għall-kalkolu tal-multiplikatur tal-FEIS tal-BEI. Barra minn hekk, il-Metodoloġija tal-Multiplikatur tal-FEIS tal-BEI ġiet aġġornata f’Marzu 2018. Dawn il-metodoloġiji jiġu applikati fil-fażi tal-approvazzjoni.

60

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 59.

61

Il-FEI u l-BEI jistgħu jikkonfermaw li fil-każ inkwistjoni l-ammonti ġew aġġornati għas-sovrappożizzjoni mal-SMEW li ġiet identifikata, u ġew riveduti fir-rapporti uffiċjali u fis-sit tal-FEIS ladarba s-sovrappożizzjoni ġiet identifikata.

63

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid (UE 2018/1046) jiddefinixxi u jiċċara ż-żewġ kunċetti; l-ingranaġġ u l-effett multiplikatur.

64

Iż-żewġ indikaturi - l-effett ta’ ingranaġġ u l-effett multiplikatur - ikejlu l-effett li huwa differenti iżda relatat tal-intervent tal-UE. L-użu taż-żewġ kunċetti huwa riżultat dirett tal-atti bażiċi differenti.

Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 63.

68

Il-konċentrazzjoni ġeografika ma tistax tiġi kkalkolata biss abbażi tal-investiment mobilizzat f’kull Stat Membru. F’dak li għandu x’jaqsam mal-konċentrazzjoni ġeografika, irid jitqies ukoll id-daqs tal-ekonomiji u tal-popolazzjoni tal-Istati Membri individwali.

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza tad-diversifikazzjoni ġeografika tal-FEIS. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-BEI kienu u għadhom qed jimplimentaw diversi miżuri biex jiżdied il-bilanċ ġeografiku. Dawn jinkludu kooperazzjoni iktar b’saħħitha mal-NPBIs, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ investiment u ta’ mudelli għal kooperazzjoni iktar b’saħħitha (eż. il-Pjattaforma tal-Ekwità FEI-NPBIs) kif ukoll sensibilizzazzjoni lokali iktar immirata, b’mod partikolari permezz taċ-Ċentru ta’ Konsulenza.

70

Biex wieħed jifhem il-benefiċċju relattiv u l-impatt tal-FEIS għal Stati Membri individwali, huwa importanti li jiġi vvalutat u ppreżentat b’mod relattiv għall-indikaturi makroekonomiċi.

Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) nazzjonali wkoll jipprovdi dimensjoni rilevanti. Bħala grupp, il-pajjiżi EU–13 fl-2016 diġà bbenefikaw mill-FEIS b’sehem ugwali għas-sehem tagħhom fl-ekonomija tal-UE. Sal-aħħar tal-2017, is-sehem tagħhom fil-finanzjament mill-FEIS kien jammonta għal 12 %, b’mod proporzjonali żżejjed għas-sehem kumulattiv tagħhom ta’ 8,6 % fil-PDG tal-UE.

71

Jeżisti perjodu latenti inerenti bejn l-approvazzjoni u l-iffirmar ta’ operazzjoni (u dan iwassal għal kumplessità ogħla tan-negozjar ta’ klawsoli tal-kuntratt mal-NPBIs). Il-parteċipazzjoni tal-NPBIs se tiżdied b’mod sinifikanti, peress li sal-31 ta’ Diċembru 2017 kien hemm ħafna operazzjonijiet approvati li kienu għadhom fil-fażi tan-negozjati.

72

L-Istati Membri inkwistjoni għandhom l-NPBIs bil-livell ta’ esperjenza u sofistikazzjoni li huwa meħtieġ biex iwettqu prodotti finanzjarji b’riskju ogħla.

77

Ara l-kummenti dwar il-paragrafu 72, li jispjegaw li l-pjattaformi ta’ investiment huma prodotti li jirrikjedu kapaċitajiet tekniċi iktar avvanzati meta mqabbla mal-prodotti tradizzjonali offruti lill-NPBIs. Għaldaqstant mhuwiex sorprendenti li l-NPBIs l-iktar esperjenzati u żviluppati tajjeb kienu interessati jimplimentaw dawn l-istrutturi flimkien mal-BEI, b’mod li jkopri numru konsiderevoli ta’ Stati Membri (ara l-kumment dwar il-paragrafu 78 iktar ’l isfel).

78

Sa Ottubru 2018 il-pjattaformi ta’ investiment kienu approvaw medda ta’ 14-il Stat Membru u jkopru firxa ta’ setturi, fosthom dak diġitali, ambjentali, kif ukoll tat-trasport u tal-enerġija, b’enfasi qawwija fuq kumpaniji żgħar u medji u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja.

Konklużjonijiet U Rakkomandazzjonijiet

80

Matul l-ewwel tliet snin ta’ implimentazzjoni, il-FEIS ikkontribwixxa b’suċċess għas-sostenn tal-investimenti u għall-ħolqien tax-xogħol fl-UE. Bis-saħħa tal-FEIS, sas-17 ta’ Lulju 2018 kienu ġew mobilizzati EUR 334,8 biljun ta’ investiment li jkopri l-Istati Membri kollha. Żewġ terzi tat-EUR 334,8 biljun miġbura ġew minn riżorsi privati, li jfisser li l-FEIS laħaq ukoll l-objettiv tiegħu li jimmobilizza l-investiment privat. Barra minn hekk, madwar 697 000 SME huma mistennija jibbenefikaw minn finanzjament appoġġat mill-FEIS. Id-Dipartiment tal-Ekonomija tal-BEI u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (Joint Research Council - JRC) jistmaw li l-operazzjonijiet tal-FEIS diġà appoġġaw iktar minn 750 000 impjieg u din iċ-ċifra mistennija tiżdied għal 1,4 miljun impjieg sal-2020 meta mqabbla max-xenarju bażi. Minħabba s-suċċess tiegħu, il-FEIS ġie estiż sal-aħħar tal-2020, bil-mira li sa dak iż-żmien jintlaħqu EUR 500 biljun ta’ investiment addizzjonali.

81

Il-Kummissjoni u l-BEI jqisu li, b’riżultat tal-introduzzjoni tal-FEIS, il-biċċa l-kbira tal-istrumenti finanzjarji l-oħra fil-fatt ġew imsaħħa b’mod sinifikanti, minflok ma ġew issostitwiti. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi strumenti finanzjarji eżistenti ġie ffokat mill-ġdid biex jitnaqqsu s-sovrappożizzjonijiet mal-FEIS li ġew osservati.

Ara wkoll it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafu 33.

Rakkomandazzjonijiet 1 – Promozzjoni tal-użu ġustifikat ta’ prodotti tal-BEI b’riskju ogħla taħt il-FEIS

Fir-rwol tiegħu ta’ aġent tal-implimentazzjoni tal-FEIS, il-BEI jaċċetta r-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2 – Inkoraġġiment ta’ komplementarjetà bejn l-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-garanziji baġitarji tal-UE

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u tqis li din ir-rakkomandazzjoni ġiet indirizzata diġà fil-proposti leġiżlattivi għall-QFP ta’ wara l-2020. B’mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet li tirrazzjonalizza u ttejjeb l-istrumenti ta’ appoġġ għall-investiment tal-UE ġestiti ċentralment. L-istrumenti kollha ta’ appoġġ għall-investiment, fil-qasam tal-politiki interni tal-UE, huma proposti li jiġu implimentati fil-qafas ta’ Programm tal-InvestEU uniku permezz ta’ erba’ Twieqi tal-Politika distinti biex tiġi żgurata l-komplementarjetà. B’dan il-mod titjieb il-komplementarjetà bejn l-istrumenti ta’ investiment tal-UE billi jiġu evitati duplikazzjonijiet u sovrappożizzjonijiet.

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal-valutazzjoni ta’ jekk proġetti potenzjali tal-FEIS setgħux ġew iffinanzjati minn sorsi oħra

Fir-rwol tiegħu ta’ aġent tal-implimentazzjoni tal-FEIS, il-BEI jaċċetta r-rakkomandazzjoni u jqis li ġiet implimentata diġà għall-FEIS 2.0.

Konformi mal-Linji Gwida għall-Investiment, meta jiġu żviluppati prodotti ġodda fil-kuntest tal-FEIS, il-BEI jqis li ħa kont tal-kwistjoni bil-għan li jipproponi firxa wiesgħa ta’ prodotti li jindirizzaw il-bżonnijiet tas-suq filwaqt li jinkoraġġixxi l-investiment privat fi proġetti, mingħajr l-esklużjoni ta’ finanzjament tas-suq privat. Fil-livell tal-operazzjoni, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-FEIS 2.0, il-BEI diġà inkluda l-valutazzjoni kwalitattiva tal-addizzjonalità, inkluż tal-falliment tas-suq jew tas-sitwazzjonijiet subottimali ta’ investiment (inkluż id-disponibbiltà ta’ sorsi komplementari u alternattivi tal-finanzjament u t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom). Il-BEI jartikola din il-valutazzjoni konformi maż-żieda fir-rekwiżiti tar-Regolament dwar il-FEIS fil-proposti ppreżentati lill-Kumitat tal-Investiment. Il-BEI jfakkar li l-analiżi tal-esklużjoni ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament ikollha tipprovdi evidenza għax-xenarju kontrofattwali reali. Minħabba l-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju, l-evidenza tax-xenarju kontrofattwali hija prattikament impossibbli.

87

Il-metodoloġiji għall-kalkolu tal-multiplikatur tal-FEIS jipprevedu li kwalunkwe għadd doppju jiġi eliminat malli jiġi identifikat u li fl-approvazzjoni jittieħed kont biss tal-investiment inkrementali li ġie mobilizzat. Fil-każijiet li ġew rieżaminati mill-QEA, il-BEI jikkonferma li aġġusta l-għadd doppju malli l-informazzjoni saret disponibbli f’konformità mal-metodoloġija. L-investiment mobilizzat jirrifletti l-aħjar stima tal-investiment mistenni fl-ekonomija reali. L-ammonti reali jiġu riveduti meta jitlesta l-proġett. Għalhekk, skont id-definizzjoni tiegħu, l-investiment mobilizzat ex ante huwa stima fid-data tal-approvazzjoni u mhux sovravalutazzjoni jew sottovalutazzjoni.

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid (UE 2018/1046) jiddefinixxi u jiċċara ż-żewġ kunċetti; l-ingranaġġ u l-effett multiplikatur.

Rakkomandazzjoni 4 – Stima aħjar tal-investiment mobilizzat

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 4.a.

  1. Għall-QFP li jmiss il-Kummissjoni pproponiet sett koerenti ta’ indikaturi għall-kejl tar-riżultati mistennija konformi mar-Regolament Finanzjarju għall-istrumenti kollha ta’ appoġġ għall-investiment. Il-metodoloġija trid tibqa’ implimentabbli, filwaqt li jitqiesu wkoll l-ispejjeż u l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji finali, għall-intermedjarji finanzjarji, għas-sħab fl-implimentazzjoni u għall-Kummissjoni.
  2. Il-Kummissjoni u l-BEI jaċċettaw ir-rakkomandazzjoni 4.b u jqisuha implimentata sussegwentement wara l-awditjar tal-QEA.

F’dan ir-rigward, f’Ottubru 2018 il-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS diġà approva metodoloġija aġġornata għall-kalkolu tal-multiplikatur tal-FEIS tal-BEI. Barra minn hekk, il-Metodoloġija tal-Multiplikatur tal-FEIS tal-BEI ġiet aġġornata f’Marzu 2018. Dawn il-metodoloġiji huma applikati fil-fażi tal-approvazzjoni biex jiġi żgurat li għall-mira tal-FEIS jittieħed kont biss tal-investiment inkrementali mobilizzat. Iż-żewġ aġġornamenti li ġew approvati diġà jiċċaraw il-kunċett ta’ stima tal-Investiment Eleġibbli Mobilizzat tal-FEIS li huwa inkrementali, b’mod partikolari b’referenza għal finanzjament sussegwenti fil-kuntest tal-FEIS u koinvestimenti.

88

Il-konċentrazzjoni ġeografika ma tistax tiġi kkalkolata biss abbażi tal-volum ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament iffirmati f’kull Stat Membru. F’dak li għandu x’jaqsam mal-konċentrazzjoni ġeografika, irid jitqies ukoll id-daqs tal-ekonomiji u tal-popolazzjoni tal-Istati Membri individwali.

Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza tad-diversifikazzjoni ġeografika tal-FEIS. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-BEI kienu u għadhom qed jimplimentaw diversi miżuri biex jiżdied il-bilanċ ġeografiku. Dawn jinkludu kooperazzjoni iktar b’saħħitha mal-NPBIs, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ pjattaformi ta’ investiment u ta’ mudelli għal kooperazzjoni iktar b’saħħitha (eż. il-Pjattaforma tal-Ekwità FEI-NPBIs) kif ukoll sensibilizzazzjoni lokali iktar immirata, b’mod partikolari permezz taċ-Ċentru ta’ Konsulenza. Rakkomandazzjoni 5 – Titjib tal-firxa ġeografika tal-investiment appoġġat taħt il-FEIS

Il-Kummissjoni u l-BEI jaċċettaw din ir-rakkomandazzjoni.

Glossarju

Attivitajiet Speċjali: Il-BEI jirreferi għall-operazzjonijiet tiegħu ta’ finanzjament b’riskju ogħla bħala Attivitajiet Speċjali. Dan jinkludi operazzjonijiet ta’ dejn b’telf mistenni li jkun ogħla minn 2 %, u l-operazzjonijiet kollha tat-tip ta’ ekwità.

Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs): Entitajiet ġuridiċi li jwettqu attivitajiet finanzjarji fuq bażi professjonali li jingħataw mandat minn Stat Membru jew minn entità ta’ Stat Membru, fil-livell ċentrali, reġjonali jew lokali, biex iwettqu attivitajiet ta’ żvilupp jew ta’ promozzjoni.

Dejn subordinat: Dan huwa self jew titolu ta’ sigurtà li huwa kklassifikat f’livell aktar baxx minn self jew titoli ta’ sigurtà oħra fir-rigward ta’ pretensjonijiet fuq assi jew qligħ. Huwa jissejjaħ ukoll self subordinarju. F’każ ta’ inadempjenza tal-mutwatarju, il-kredituri li għalihom jappartjeni d-dejn subordinat jitħallsu lura biss wara li s-sidien tad-dejn superjuri ikunu tħallsu kompletament.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF): Strument ta’ finanzjament mill-UE mmirat lejn investimenti f’infrastrutturi u netwerks trans-Ewropej fil-qasam tat-trasport, l-enerġija u s-servizzi diġitali. L-istrument ġie stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

Firma: Avveniment li jirrappreżenta l-iffirmar ta’ kuntratt ta’ finanzjament mill-BEI.

Ftehim rivedut dwar il-FEIS: Ftehim dwar l-Emenda u r-Ridikjarazzjoni datat il-21 ta’ Lulju 2016 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment relatat mal-Ftehim dwar il-Ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE datat it-22 ta’ Lulju 2015.

Gradazzjoni tas-Self: Il-BEI juża sistema ta’ gradazzjoni tas-self għall-valutazzjoni interna tar-riskju tal-kreditu tal-operazzjonijiet tiegħu ta’ għoti b’self. Is-sistema ta’ gradazzjoni tas-self hija parti importanti mill-proċess ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ tas-self. Hija tintuża wkoll bħala punt ta’ referenza għall-ipprezzar tar-riskju tal-kreditu.

InnovFin: Strument finanzjarju taħt il-programm Orizzont 2020 li għandu l-għan li jiffaċilita u jsaħħaħ l-aċċess għall-finanzjament għan-negozju innovattiv u għal entitajiet innovattivi oħra fl-Ewropa. Huwa jiġi implimentat mill-Grupp tal-BEI u jikkonsisti fil-faċilità ta’ garanzija għall-SMEs (InnovFin SMEG), fil-faċilità ta’ ekwità (InnovFin Ekwità jew IFE), u f’operazzjonijiet diretti implimentati mill-BEI (InnovFin BEI).

Intrapriżi żgħar u medji (SMEs): Intrapriżi mikro, żgħar u medji kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

Kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja: Kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja huma entitajiet li jkollhom sa 499 impjegat li mhumiex SMEs (ir-Regolament dwar il-FEIS, l-Artikolu 2). Kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja jkollhom sa 3 000 impjegat.

Pjattaformi ta’ Investiment (IPs): Skont ir-Regolament dwar il-FEIS, dawn huma operazzjonijiet li:

  1. jinkludu veikolu b’għanijiet speċjali (fond b’ekwità privata jew fond ta’ infrastruttura, jew xi tip ieħor ta’ SPV), ftehim ta’ kondiviżjoni tar-riskji jew ftehim ta’ kofinanzjament sistematiku ma’ NPBI;
  2. jappoġġaw bosta proġetti, inklużi proġetti ta’ infrastruttura;
  3. jinkludu parteċipazzjonijiet minn entitajiet privati (NPBIs, Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali jew Awtoritajiet Maniġerjali) jew kontribuzzjonijiet minn sorsi ta’ finanzjament pubbliċi.

Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP): Regolament dwar il-FEIS (jew ir-Regolament dwar il-FEIS 1.0):

Regolament dwar il-FEIS (jew ir-Regolament dwar il-FEIS 1.0): Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).

Regolament dwar il-FEIS 2.0: Ir-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kif ukoll l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għal dak il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 34).

Regolament dwar Orizzont 2020: Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

Regolament Finanzjarju (applikabbli matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sat-30 ta’ Lulju 2018): Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, imħassar mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW): Operazzjonijiet garantiti mill-FEIS li jappoġġaw investimenti fl-infrastruttura u l-innovazzjoni u li jitwettqu mill-BEI. L-IIW hija magħmula minn portafoll tad-dejn u minn portafoll ta’ operazzjonijiet tat-tip tal-ekwità.

Tieqa għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEW): Operazzjonijiet garantiti mill-FEIS li għandhom l-għan li jżidu l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u għal kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, u li jitwettqu mill-FEI. L-SMEW hija magħmula minn portafoll tad-dejn u minn portafoll ta’ operazzjonijiet tat-tip ta’ ekwità.

Noti finali

1 COM(2014) 903 final tas-16.11.2014.

2 https://ec.europa.eu/commission/publications/why-eu-needs-investment-plan_en.

3 L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 169, 1.7.2018, p. 1) (“Regolament dwar il-FEIS”).

4 Il-Premessa 31 tar-Regolament dwar il-FEIS; il-Pjan Korporattiv tal-Operat (PKO) 2015-2017 tal-Grupp tal-BEI, Kelmtejn ta’ qabel u p. 10, u l-PKO 2016-2018 tal-Grupp tal-BEI, p. 8.

5 Operazzjonijiet tat-tip ta’ dejn prinċipalment jinkludu self, garanziji u kontrogaranziji standard. Operazzjonijiet tat-tip ta’ ekwità jinkludu parteċipazzjonijiet ta’ ekwità diretta u indiretta, kif ukoll dawk ta’ kważi ekwità u self subordinat.

6 Orjentazzjoni Strateġika tal-FEIS, il-15 ta’ Diċembru 2015 ( http://www.eib.org/attachments/strategies/efsi_steering_board_efsi_strategic_orientation_en.pdf).

7 COM(2015) 361 final tat-22.7.2015.

8 L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-FEIS.

9 Il-perjodu ta’ investiment inizjali, li matulu tista’ tingħata l-garanzija tal-UE biex jiġu appoġġati operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment koperti mir-Regolament dwar il-FEIS, jintemm fil-5 ta’ Lulju 2019 (approvazzjonijiet) u fit-30 ta’ Ġunju 2020 (firem) u ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2020 (approvazzjonijiet) u sal-31 ta’ Diċembru 2022 (firem).

10 Il-Premessa 8 tar-Regolament dwar il-FEIS.

11 Il-Premessa 13 tar-Regolament dwar il-FEIS.

12 Il-Pjattaforma tad-Data Miftuħa (https://cohesiondata.ec.europa.eu/dataset/ESIF-2014-2020-categorisation-ERDF-ESF-CF/9fpg-67a4) fit-22.5.2017.

13 Ir-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 34) (“Regolament dwar il-FEIS 2.0”).

14 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (COM(2018) 439 final tas-6.6.2018).

15 Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2017 “Strumenti ta’ garanzija fuq is-self iffinanzjati mill-UE: inkisbu riżultati pożittivi, iżda jeħtieġ orjentament akbar lejn il-benefiċjarji u koordinazzjoni aħjar mal-iskemi nazzjonali” (http://eca.europa.eu).

16 L-Evalwazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-BEI (Evalwazzjoni tal-Operazzjonijiet), Ġunju 2018.

17 L-Artikolu 5(1) u l-Anness II.2 tar-Regolament dwar il-FEIS.

18 Il-Premessa 34 tar-Regolament dwar il-FEIS.

19 Il-COP 2015 – 2017 tal-BEI, Kelmtejn ta’ qabel, pp. 11 u 12. Il-miri għall-iffirmar tal-COP tal-BEI għandhom limiti ta’ flessibbiltà ta’ 10 % kemm ’il fuq kif ukoll ’l isfel.

20 Kalkolu tal-QEA, ibbażat fuq il-livelli rrappurtati ta’ firem totali u firem tal-Attivitajiet Speċjali fir-Rapporti Finanzjarji tal-BEI għas-snin 2015, 2016 u 2017.

21 Ir-Rapporti Operazzjonali tal-SMEW u l-IIW tal-FEIS fil-31 ta’ Diċembru 2017.

22 L-Anness II tar-Regolament dwar il-FEIS, it-Taqsima 2.

23 L-orjentazzjoni strateġika tal-FEIS, aġġornata f’Ġunju 2017.

24 Ir-regoli applikabbli għal operazzjonijiet bi Pjattaformi ta’ Investiment u Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali, SB/10/2016, it-Taqsima 3.2

25 Is-subordinazzjoni użata f’dan il-kuntest tfisser għoti b’self taħt kundizzjonijiet li jkunu inqas favorevoli għall-mutwant (f’dan il-każ, il-BEI) milli jkunu għal forom oħra ta’ appoġġ, pereżempju: maturità itwal, ordni tal-ħlas lura, aċċess għas-sigurtà kif ukoll klassifikazzjoni fil-każ ta’ inadempjenza u allokazzjoni ta’ telf.

26 Titolu Garantit b’Assi huwa klassi ta’ investimenti li l-fluss tal-flus tagħhom huwa bbażat fuq raggruppament ta’ assi. Intermedju tfisser li jagħmel parti mir-raggruppament ta’ titoli li huwa subordinat biss għad-dejn superjuri.

27 Strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji huma kklassifikati bħala marbuta (il-BEI jew l-intermedjarju finanzjarju jagħżel self fuq kriterji predeterminati) u mhux marbuta (il-BEI jieħu r-riskju fuq sett ta’ self eżistenti approvat minn qabel filwaqt li l-intermedjarji finanzjarji jimpenjaw lilhom infushom li jiġġeneraw portafoll ġdid ta’ self eliġibbli).

28 EUR 1.4 biljun mhux marbuta, prinċipalment għal portafolli ta’ SMEs u ta’ kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, EUR 0.5 biljun marbuta b’delega sħiħa u EUR 1 biljun marbuta b’delega parzjali.

29 Kondiviżjoni tar-Riskji HBOR għal Kumpaniji b’Kapitalizzazzjoni Medja u Prijoritajiet oħra – garanzija mhux marbuta; CDC France Efficacite Energetique Logement Social (Pjattaforma ta’ Investiment) – self marbut iffinanzjat ta’ kondiviżjoni tar-riskji b’delega sħiħa; Pjattaforma ta’ Investiment KFW għal Kumpaniji b’Kapitalizzazzjoni Medja (Pjattaforma ta’ Investiment) – garanzija marbuta ta’ kondiviżjoni tar-riskju b’delega sħiħa; Żvilupp Ekonomiku tat-Territorji Franċiżi extra-Ewropej AFD (Pjattaforma ta’ Investiment) – garanzija marbuta ta’ kondiviżjoni tar-riskji b’delega parzjali.

30 L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Banek Pubbliċi (EAPB), “Position paper on the extension of the Investment Plan for Europe” (Dokument ta’ pożizzjoni dwar l-estensjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa), Novembru 2016; l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Investituri Fit-Tul (ELTI), “Investment Plan for Europe – Experience of National Promotional Banks and Institutions and possible improvements” (Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa – L-Esperjenza tal-Banek u Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali u xi titjib possibbli), Novembru 2016.

31 L-Anness II tar-Regolament dwar il-FEIS, it-Taqsima 3.

32 Ara “L-programm InvestEU – testi legali u skedi informattivi”, https://ec.europa.eu/commission/publications/investeu-programme_mt.

33 ICF, “Independent Evaluation of the EFSI Regulation” (Evalwazzjoni Indipendenti tar-Regolament dwar il-FEIS), Rapport Finali, Ġunju 2018, pp. 82-83.

34 Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEIS, jenħtieġ li l-proġetti li jkunu appoġġati mill-FEIS: (i) ikunu ekonomikament u teknikament vijabbli; (ii) ikunu konsistenti mal-politiki tal-Unjoni; (iii) jipprovdu addizzjonalità; (iv) jimmassimizzaw, fejn possibbli, il-mobilizzazzjoni ta’ kapital mis-settur privat; (v) jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali fl-Artikolu 9(2); (vi) ikunu kontropartijiet eliġibbli, tip ta’ proġett u strument/prodott finanzjarju; (vii) previsti fil-finanzjament ta’ operazzjonijiet ġodda.

35 L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-FEIS.

36 Il-Formola ta’ Talba għal Garanzija tal-FEIS u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-FEIS.

37 Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-BEI juru li bejn wieħed u ieħor, 33 % tal-operazzjonijiet tal-IIW setgħu pproċedew, mhux mibdula u fi żmien l-istess perjodu mingħajr il-parteċipazzjoni tal-BEI bbażata fuq il-FEIS (is-Servizzi ta’ Evalwazzjoni tal-BEI, “Evaluation of the European Fund for Strategic Investments” (Evalwazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi), p. 57).

38 Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Infrastruttura, “Review of the UK Infrastructure Financing Market – Final report” (Analiżi tas-Suq ta’ Finanzjament għall-Infrastruttura fir-Renju Unit – Rapport finali), CEPA, l-10 ta’ Frar 2017, p. 34.

39 Il-Premessa 8 tar-Regolament dwar il-FEIS.

40 Il-Ftehim dwar il-FEIS u l-Metodoloġija tal-KPI-KMI tal-FEIS jiddefinixxu l-KPI 3 kif ġej:

Għall-IIW dan jirrappreżenta l-volum ta’ investiment addizzjonali eliġibbli taħt il-FEIS (pubbliku jew privat, inkluż finanzjament immobilizzat permezz tal-FEI taħt il-FEIS) fl-ekonomija reali.

Għall-SMEW dan jirrappreżenta l-ammont massimu ta’ finanzjament disponibbli għar-riċevituri finali, immultiplikat b’1.4.

41 Ir-Rapport Operazzjonali fi Tmiem is-Sena tal-FEIS sat-30 ta’ Ġunju 2018.

42 L-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament dwar il-FEIS.

43 Ir-Rapport Operazzjonali fi Tmiem is-Sena tal-FEIS sat-30 ta’ Ġunju 2018.

44 Il-Grupp tal-BEI jwettaq il-kalkolu bbażat fuq metodoloġiji tal-kalkolu tal-multiplikatur li jiġu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija tal-FEIS: Il-Metodoloġija tal-BEI għall-Kalkolu tal-Multiplikatur tal-FEIS ta’ Ottubru 2015, u l-Metodoloġija tal-FEI għall-Kalkolu tal-Multiplikatur tal-FEIS ta’ Diċembru 2015, aġġornati f’Marzu 2018. Għalkemm huma stipulati f'dokumenti differenti li jkopru kull waħda miż-żewġ twieqi tal-FEIS (jiġifieri l-IIW u l-SMEW), iż-żewġ metodoloġiji japplikaw prinċipji simili.

45 L-ispiża tal-proġett li hija eliġibbli għall-appoġġ mill-FEIS tiġi ddeterminata billi jitnaqqsu l-komponenti mhux eliġibbli, bħall-ispiża tal-art jew it-tariffi ta’ ġestjoni, u dawk l-ispejjeż iffinanzjati minn sorsi oħra ta’ finanzjament tal-UE, mill-ispiża ġenerali tal-investiment tal-proġett.

46 Fond ta’ fondi (FOF) huwa strateġija ta’ investiment li fiha fond jinvesti f’tipi oħra ta’ fondi.

47 Il-Metodoloġija tal-BEI għall-Kalkolu tal-Multiplikatur tal-FEIS ta’ Ottubru 2015.

48 L-FoF huwa dak li diġà ssemma fil-paragrafu 56.

49 Ikkalkulat kif ġej: Fond fil-mira*84 % (aġġustament għat-tariffi ta’ ġestjoni)*2.54*90 % (bis-suppożizzjoni ta’ koinvestimenti ta’ 10 % barra mit-territorju tal-UE).

50 Ikkalkulat kif ġej: Daqs reali tal-fond*75 % (aġġustament għat-tariffi ta’ ġestjoni)*2.5.

51 Ir-Rakkomandazzjoni 3 tar-Rapport Speċjali tal-QEA Nru 19/2016 “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013”.

52 F’konformità mal-Artikolu 140(8) tar-Regolament Finanzjarju, għal kull strument finanzjarju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-effett ta’ ingranaġġ. L-Artikolu 223 tar-Regoli ta’ Applikazzjoni jiddefinixxu l-effett ta’ ingranaġġ ulterjurment bħala ugwali għall-ammont ta’ finanzjament lil riċevituri finali eliġibbli, diviż bl-ammont tal-kontribuzzjoni mill-Unjoni.

53 Pereżempju, għall-InnovFin – Servizzi ta’ Self ta’ Orizzont 2020 għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-ingranaġġ immirat huwa ta’ 9 darbiet aktar u l-effett multiplikatur huwa ta’ 18-il darba aktar. (Sors: L-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-Sena Finanzjarja 2019, id-Dokument ta’ Ħidma, il-Parti X – Strumenti Finanzjarji, COM(2018) 600, Mejju 2018, p. 30).

54 Operazzjoni fejn il-BEI jislef lil banek lokali jew lil intermedjarji oħra li sussegwentement jipprovdu għoti b’self addizzjonali lill-benefiċjarji finali.

55 L-Anness II tar-Regolament dwar il-FEIS, it-Taqsima 8.

56 L-Orjentazzjoni Strateġika tal-FEIS tal-15 ta’ Diċembru 2015.

57 Jiġifieri għal 9 %, 5 % u 3 % rispettivament.

58 Franza (18 % jew EUR 6.2 biljun), l-Italja (17 % jew EUR 6 biljun) u Spanja (12 % jew EUR 4.3 biljun).

59 Il-BEI, “Evaluation of the functioning of the European Fund of Strategic Investments (EFSI)” (Evalwazzjoni tal-funzjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)), Settembru 2016, it-Taqsima 2.2, p. 6 u 7, u Ernst & Young, “Ad-hoc audit of the application of the Regulation 2015/1017” (Awditu ad hoc tal-applikazzjoni tar-Regolament 2015/1017), l-14 ta’ Novembru 2016.

60 “Independent Evaluation of the EFSI Regulation” (Evalwazzjoni Indipendenti tar-Regolament dwar il-FEIS) ta’ Ġunju 2018, p. 11.

61 L-IP Tematiku tal-FEIS għall-SMEs Taljani (li bbenefika minn EUR 112.5 miljun f’appoġġ taħt l-SMEW tal-FEIS permezz tal-LGF ta’ COSME); l-IP Tematiku tal-FEIS ITAtech għat-trasferiment tat-teknoloġija fl-Italja (li bbenefika minn 50 % jew sa EUR 100 miljun f’koinvestimenti ta’ ekwità mill-FEI, primarjament mir-riżorsi tas-Sottotieqa 2 tal-Prodott ta’ Ekwità tal-SMEW); u l-Inizjattiva ta’ Titolizzazzjoni FEI –NPI (ENSI) (pjattaforma kollaborattiva għall-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riskji bejn il-FEI u bosta NPBIs fil-kuntest tal-istrument il-ġdid ta’ titolizzazzjoni ppjanat taħt l-SMEW tal-FEIS).

62 29 operazzjoni taħt l-IIW tal-FEIS, 4 Awtorizzazzjonijiet Globali u 2 ftehimiet ta’ kofinanzjament ma’ Cassa Depositi e Prestiti.

63 Għal finanzjament mill-FEIS ta’ EUR 2.65 biljun, li jirrappreżenta 10 % tal-finanzjament kumplessiv iffirmat taħt l-IIW tal-FEIS.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 4.7.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 18.10.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 8.1.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 24.1.2019

Tim tal-awditjar

Dan ir-rapport speċjali tal-QEA jippreżenta r-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u Amministrazzjoni tal-Unjoni, li hija mmexxija minn Lazaros S. Lazarou, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Leo Brincat, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Romuald Kayibanda, Kap tal-Kabinett u Annette Farrugia, Attaché tal-Kabinett; Ralph Otte, Maniġer Prinċipali; Gabriela-Elena Deica, Kap tal-Kompitu; Martin Puc, Kap tal-Kompitu; James McQuade, Mariya Zhekova, Mircea-Cristian Martinescu u Felipe Andres Miguelez, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Romuald Kayibanda, James McQuade, Gabriela-Elena Deica, Annette Farrugia, Leo Brincat, Martin Puc, Valérie Tempez-Erasmi.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-847-1673-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/91693 QJ-AB-19-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1716-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/77404 QJ-AB-19-001-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.