Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri 2018 Rapport tal-Attività

Cover image

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Min aħna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea.

Hija ġiet stabbilita fl-1977, u hija waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE.

Is-sede tal-QEA tinsab fil-Lussemburgu u hemm madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE, impjegati f’din l-istituzzjoni fil-qasam tal-awditjar, ta’ appoġġ u f’dak amministrattiv.

Il-Kulleġġ tal-Qorti huwa magħmul minn Membru wieħed minn kull Stat Membru tal-UE.

X'nagħmlu

L-awdituri tal-Qorti jivverifikaw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb, li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b'mod korrett, u li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus.

Permezz tax-xogħol li twettaq, il-Qorti tal-Awdituri tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u għall-promozzjoni tal-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza. Hija twissi dwar il-possibbiltà ta’ riskji, tipprovdi aċċertament, tindika fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u toffri gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE.

Il-Qorti tippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.

Il-Kulleġġ tal-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-1 ta’ Mejju 2018.


Kelmtejn ta’ qabel mill-President

Għażiż qarrej,

L-istrateġija tagħna għall-2018-2020 għandha l-għan li trawwem il-fiduċja fl-Unjoni Ewropea fost iċ-ċittadini tagħha permezz ta’ awditjar indipendenti. Aħna qed inkomplu niffukaw fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni fl-azzjonijiet tal-UE, fuq il-komunikazzjoni ċara tal-messaġġi li rridu nwasslu lill-udjenzi tagħna u fuq żieda fil-valur ta’ xogħolna għall-partijiet ikkonċernati.

Dan ir-rapport tal-attività jagħti ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol li wettaqna matul l-2018, sena li fiha aħna ppubblikajna għadd rekord ta’ rapporti speċjali, analiżijiet u opinjonijiet. Barra minn hekk, huwa jipprovdi informazzjoni dwar il-persunal, il-maniġment u l-finanzi tagħna.

Ir-rapporti tagħna jipprovdu valutazzjoni imparzjali tal-politiki u l-programmi tal-UE, kif ukoll tal-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-UE fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha. Aħna nivverifikaw jekk l-infiq tal-UE jkunx konformi mar-regoli u jekk il-politiki u l-programmi tagħha jkunux qed jipprovdu valur għall-flus.

Aħna ninsabu ħerqana li naħdmu mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni li jmiss biex inkomplu ntejbu l-ġestjoni finanzjarja tal-Unjoni u biex niżguraw li l-UE tikseb ir-riżultati mistennija minnha.

Għall-ġejjieni, dan ir-rapport juri d-determinazzjoni tagħna li nkomplu nbiddlu l-organizzazzjoni tagħna sabiex din tkun “valida fil-futur” u biex aħna nibqgħu fuq quddiem nett tal-iżviluppi fil-qasam tal-awditjar tas-settur pubbliku.

Klaus-Heiner Lehne
President

Daqqa t'għajn lejn l-2018

L-attivitajiet tagħna

Strateġija

Nagħmlu progress fl-ilħuq tal-
objettivi strateġiċi tagħna

Is-sena 2018 hija l-ewwel sena tal-istrateġija attwali tagħna, li tkopri l-perjodu sal-2020. Matul dawn it-tliet snin, aħna qed nimmiraw li nilħqu l-għanijiet strateġiċi li ġejjin:

  • intejbu l-valur miżjud tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni fil-kuntest tal-ġestjoni finanzjarja attwali tal-UE;
  • inżidu l-fokus fuq l-aspetti ta’ prestazzjoni tal-azzjonijiet tal-UE; u
  • inwasslu messaġġi ċari lill-udjenzi tagħna.

Aħna qbilna wkoll li norjentaw aħjar l-organizzazzjoni tagħna lejn il-prodotti tagħna.

Biex indaħħlu fil-prattika l-istrateġija tagħna, aħna qbilna dwar pjan ta' azzjoni li jkopri dawn l-għanijiet u li jgħinna nibqgħu fuq quddiem nett tal-iżviluppi fil-qasam tal-awditjar tas-settur pubbliku. Dawn l-azzjonijiet kollha kienu għadhom għaddejjin fi tmiem l-2018. Fl-istess ħin, aħna diġà kkummissjonajna evalwazzjoni indipendenti bejn il-pari dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħna, li hija mistennija tiġi kkompletata lejn tmiem l-2019 – għal aktar informazzjoni ara l-kapitolu dwar L-obbligu tagħna ta’ rendikont.

Fokus fuq kif nikkomunikaw il-prodotti tagħna

Inwasslu messaġġi ċari lill-
udjenzi tagħna.

Il-komunikazzjoni hija essenzjali għall-ilħuq tal-għan strateġiku tagħna li nwasslu messaġġi ċari lill-udjenzi tagħna: l-awtoritajiet politiċi tal-UE u tal-Istati Membri, li huma responsabbli għall-iskrutinju u l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE, sħabna l-awdituri pubbliċi tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar, in-negozji u l-organizzazzjonijiet industrijali, l-akkademiċi u, fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-pubbliku ġenerali – il-parti kkonċernata prinċipali tagħna.

Fl-2018, aħna rajna żieda qawwija fl-interess tal-midja fix-xogħol tagħna. L-interess kien partikolarment għoli fil-każ tar-rapporti speċjali tagħna, li kienu s-suġġett ta’ għadd dejjem akbar ta’ diskussjonijiet kemm fil-midja nazzjonali kif ukoll f’dik iffukata fuq l-UE – għal aktar informazzjoni ara l-kapitolu dwar il-Preżenza fil-midja.

Prodotti ta’ komunikazzjoni ġodda u mtejbin

Previżjonijiet ta’ awditi
Ħarsa lejn ix-xogħol tal-awditjar
li għaddej

Fit-tieni nofs tal-2017, aħna bdejna proġett pilota fejn nipprovdu informazzjoni lill-pubbliku dwar kompitu tal-awditjar li jkun se jsir jew li ma jkunx ilu li nbeda.

Fl-2018, aħna ħriġna 12-il previżjoni ta’ awditi (li qabel kienu jissejħu dokumenti ta’ sfond), li kienu maħsuba bħala sors ta’ informazzjoni għal dawk interessati fil-politika jew fil-programmi li jkunu qed jiġu awditjati. L-informazzjoni hija bbażata fuq xogħol ta’ tħejjija li jsir qabel ma jinbeda kompitu tal-awditjar.

Il-previżjonijiet ta’ awditi kkontribwew għall-output stabbli u bbilanċjat tal-pubblikazzjonijiet tagħna matul is-sena: fl-2018, għall-ewwel darba, ma kienx hemm xahar mingħajr pubblikazzjoni tal-QEA. Aħna se nkomplu nippubblikaw dawn il-prodotti ta’ komunikazzjoni fl-2019.

Ġurnal
Tieqa fuq l-istituzzjoni tagħna

Filwaqt li r-rapporti tal-awditjar tagħna jippreżentaw is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu għal titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-UE, il-ġurnal tagħna jiffoka fuq il-mod kif inwettqu xogħolna u fuq in-nies li jipproduċu r-rapporti tagħna f’oqsma differenti.

Reċentement, aħna biddilna d-dehra tal-ġurnal u kkonsolidajna l-għażla ta’ suġġetti li ninkludu fih. Kull ħarġa issa turi tema ġenerali differenti.

Fl-2018, il-ġurnal tagħna ffoka fuq temi bħall-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni li tingħata mill-UE, il-finanzjament u l-awditjar tal-Parlament, il-governanza finanzjarja u ekonomika tal-UE, kif ukoll fuq ir-rapporti speċjali tagħna, il-programm ta' ħidma, u l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali u ta’ prospettiva biex l-istituzzjoni tagħna tkun “valida fil-futur”.

Kemm-il darba l-ġurnal tniżżel mis-sit web tagħna

Awditjar

Fokus akbar fuq il-prestazzjoni

Aħna nwettqu tipi differenti ta' awditi fl-oqsma differenti tal-baġit tal-UE:

  • Awditi tal-prestazzjoni dwar l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-politiki u l-programmi tal-UE – dawn l-awditi, li huma intenzjonati jivverifikaw il-valur għall-flus, jiffukaw fuq suġġetti speċifiċi ta' ġestjoni jew ta’ baġit. Aħna nagħżlu u nfasslu dawn il-kompiti tal-awditjar billi nqisu r-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità u l-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, kif ukoll l-interess politiku u pubbliku;
  • Awditi finanzjarji u tal-konformità dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet monetarji ta’ bażi – b’mod partikolari d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, kif ukoll valutazzjonijiet ta' jekk is-sistemi f’oqsma baġitarji speċifiċi jikkonformawx mar-regoli. Aħna napplikaw approċċ aleatorju għall-kampjunar biex b’hekk kull euro li jintnefaq ikollu l-istess possibbiltà li jiġi awditjat.

L-awditi tagħna jiffukaw fuq suġġetti li jirriflettu l-problemi li l-UE qed tiffaċċja, bħall-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali favur l-ambjent, it-tkabbir u l-inklużjoni, l-isfidi relatati mal-migrazzjoni u mal-iżvilupp globali, is-suq uniku u l-unjoni bankarja, u l-iżgurar li l-Unjoni Ewropea tkun kemm responsabbli kif ukoll effiċjenti.

Ibbażat fuq l-evidenza li niġbru meta nwettqu x-xogħol tal-awditjar tagħna, ir-rapporti tagħna jipprovdu konklużjonijiet ċari dwar kemm l-UE tkun laħqet l-objettivi ta’ politika tagħha kif ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-kontabbiltà baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tagħha. Dan jgħinna nagħtu rakkomandazzjonijiet prattiċi u kosteffettivi.

Aħna nwettqu l-awditi tagħna f’konformità mal-istandards tal-awditjar għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment. F’dan ix-xogħol tal-awditjar, aħna nieħdu l-passi li ġejjin:

Ippjanar tax-xogħol

Il-prijoritajiet tal-awditjar
jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet
ewlenin tal-UE

Il-Membri tagħna jilħqu qbil dwar il-programmi ta' ħidma tagħna fuq bażi annwali.

F’Jannar 2018, il-President Lehne ppreżenta l-Programm ta' Ħidma 2018 tagħna lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew u stieden lill-kumitati kollha tal-Parlament Ewropew biex jissuġġerixxu suġġetti tal-awditjar potenzjali għall-Programm ta' Ħidma 2019 tagħna, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni annwali mal-partijiet ikkonċernati.

F’Ottubru 2018, aħna ppubblikajna l-Programm ta' Ħidma 2019 tagħna, l-ewwel wieħed taħt l-istrateġija l-ġdida, li fih aħna stipulajna l-prijoritajiet tal-awditjar tagħna u tajna dettalji dwar is-36 rapport u prodott analitiku li biħsiebna nippubblikaw matul din is-sena. Dawn il-kompiti koprew, tal-inqas parzjalment, 29 mid-69 suġġeriment (42 %) li saru mill-Parlament (2017: 32 %).

L-awditi tagħna se jkomplu jindirizzaw ċerti preokkupazzjonijiet ewlenin bħall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tkabbir u l-inklużjoni, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-iżvilupp globali, is-suq uniku, kif ukoll l-obbligu ta’ rendikont u l-effiċjenza tal-UE, sabiex jistabbilixxu jekk l-UE hijiex qed twettaq dak li wiegħdet.

Xogħol fuq il-post

3 761 jum ta’ awditjar fl-UE u lil
hinn minnha

Il-biċċa l-kbira tax-xogħol tal-awditjar li nwettqu jsir fis-sede tagħna fil-Lussemburgu.

Fl-istess ħin, l-awdituri tagħna jagħmlu wkoll għadd kbir ta’ żjarat lill-Kummissjoni Ewropea – l-entità awditjata prinċipali tagħna – u lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE jew lid-delegazzjonijiet tagħha, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE.

Aħna nwettqu wkoll kontrolli fuq il-post tar-riċevituri tal-fondi tal-UE, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Permezz ta' dawn il-kontrolli, aħna nsegwu r-rendikont tal-entrati u niksbu evidenza diretta għall-awditjar mingħand dawk involuti fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE u fil-ġbir jew fil-ħlas ta’ fondi tal-UE, kif ukoll mingħand il-benefiċjarji li jirċevuhom.

Il-frekwenza u l-intensità tax-xogħol tal-awditjar li nwettqu fl-Istati Membri individwali u fil-pajjiżi benefiċjarji jiddependu mit-tip ta' awditi li jsiru. Fl-2018, l-awdituri tagħna ddedikaw 3 761 jum (2017: 3 670 jum) għall-awditjar fuq il-post – kemm fl-Istati Membri kif ukoll barra mit-territorju tal-UE.

It-timijiet tal-awditjar tagħna huma ġeneralment magħmulin minn żewġ awdituri jew tlieta, filwaqt li ż-żjarat tal-awditjar tagħna jvarjaw fit-tul minn ftit jiem għal ftit ġimgħat. Il-kontrolli fuq il-post li aħna nwettqu ġewwa l-UE spiss isiru f’kollegament mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Istati Membri kkonċernati.

Barra minn hekk, l-awdituri tagħna qattgħu 2 723 jum (2017: 2 300 jum) fl-istituzzjonijiet tal-UE fi Brussell u fil-Lussemburgu, kif ukoll f'aġenziji u korpi deċentralizzati madwar l-UE, f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti jew l-OECD, u f'ditti privati tal-awditjar. Aħna qed nagħmlu użu dejjem akbar mill-vidjokonferenzi u minn teknoloġija oħra tal-informazzjoni bħall-kondiviżjoni sikura ta’ data u ta’ dokumenti biex niksbu l-evidenza li nużaw għall-awditjar u biex nivvalidawha.

Jiem iddedikati għal żjarat tal-awditjar fl-2018 fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi

Nota: Minħabba l-arrotondament, jista’ jkun li t-total ma jkunx jikkorrispondi mas-somma tal-perċentwali individwali.

Il-ġlieda kontra l-frodi fil-baġit tal-UE

Disa’ każijiet ta’ frodi suspettata

Aħna nikkooperaw mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fil-ġlieda kontra l-frodi fil-baġit tal-UE. Aħna ngħaddu lill-OLAF kull każ ta' suspett ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew ta’ attività illegali oħra li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, u li nidentifikaw matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna. Dawn il-każijiet imbagħad jingħataw segwitu mill-OLAF, li jiddeċiedi dwar kull investigazzjoni li tirriżulta, u li jikkoopera kif meħtieġ mal-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Għalkemm l-awditi tagħna mhumiex maħsuba biex ifittxu speċifikament għall-frodi, aħna naqbdu għadd ta' każijiet fejn ikollna suspett li setgħet tkun saret attività irregolari jew frodulenti. Matul l-2018, aħna kkomunikajna lill-OLAF 9 każijiet ta' frodi suspettata bħal dawn (2017: 13-il każ) li konna identifikajna matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna.

Fir-rapporti annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE, aħna nipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar in-natura tal-każijiet ta’ frodi suspettata li jkunu ngħaddew lill-OLAF, u dwar l-irkupri rrakkomandati mill-OLAF għal dawn il-każijiet.

Pubblikazzjonijiet

Għadd rekord ta’
pubblikazzjonijiet fl-2018

Ir-rapporti tal-awditjar, l-analiżijiet u l-opinjonijiet tagħna huma element essenzjali tal-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Huma jgħinu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE biex jimmonitorjaw u jiskrutinizzaw l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE, u biex jitolbu li jingħata rendikont minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE – b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura annwali ta’ kwittanza. Dan jirrigwarda prinċipalment il-Kummissjoni Ewropea, iżda wkoll l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri wkoll għandhom rwol importanti fl-oqsma taħt ġestjoni kondiviża, bħall-Agrikoltura u l-Koeżjoni, li fuqhom tintnefaq il-parti l-kbira tal-baġit tal-UE.

Għadd ta’ rapporti speċjali u pubblikazzjonijiet analitiċi (mill-2015 sal-2018)

Il-portafoll ta’ pubblikazzjonijiet tagħna jinkludi:

Rapporti speċjali u rapporti annwali:
  • rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma speċifiċi ta’ politika jew ta’ nfiq, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni;
  • rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati ta’ awditi finanzjarji u tal-konformità relatati mal-baġit tal-Unjoni Ewropea u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll aspetti dwar il-ġestjoni tal-baġit u l-prestazzjoni;
  • rapporti annwali speċifiċi li jiġu ppubblikati separatament u li jirrigwardaw l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE.
Opinjonijiet u pubblikazzjonijiet analitiċi:
  • opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew obbligatorji taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva proprja tagħna;
  • dokumenti informattivi u analitiċi: huma dokumenti li jiddeskrivu u janalizzaw oqsma ta’ politika jew kwistjonijiet ta’ ġestjoni, u li jiffukaw fuq suġġetti speċifiċi;
  • analiżijiet panoramiċi huma simili għal dokumenti informattivi u analitiċi, iżda jiffukaw fuq oqsma ta’ politika jew kwistjonijiet ta’ ġestjoni kumplessi u fuq skala kbira, spiss minn perspettiva trażversali;
  • analiżijiet rapidi dwar każijiet speċifiċi: huma dokumenti li jistabbilixxu fatti li jikkonċernaw kwistjonijiet jew problemi speċifiċi u ffukati ħafna u, jekk ikun meħtieġ, jinkludu analiżi li tgħin fil-fehim ta’ dawk il-fatti.

Fl-aħħar nett, il-previżjonijiet ta’ awditi li noħorġu jippreżentaw informazzjoni ġenerali dwar kompitu tal-awditjar li jkun għad irid jitwettaq jew li jkun għaddej – għal aktar informazzjoni ara l-kapitolu dwar Kif nikkomunikaw il-prodotti tagħna.

Il-pubblikazzjonijiet kollha tagħna huma disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu) u huma elenkati fi tmiem dan ir-rapport.

Rapporti speċjali

Ir-rapporti speċjali jiffukaw fuq il-
valutazzjoni tal-prestazzjoni fl-
azzjonijiet tal-UE

F’konformità mal-istrateġija tagħna għall-2018-2020, aħna qed inżidu l-fokus fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni fl-azzjonijiet tal-UE biex niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jiksbu valur għal flushom. Fl-2018, aħna ppubblikajna 35 rapport speċjali (2017: 28 rapport speċjali) li koprew id-diversi oqsma ta’ nfiq tal-UE, u li indirizzaw l-isfidi li l-UE qed tiffaċċja, inkluż fir-rigward tat-tniġġis tal-arja, il-ferroviji ta’ veloċità għolja, il-faċilità għar-refuġjati fit-Turkija, is-superviżjoni bankarja u l-finanzjament ta’ NGOs.

F’dawn ir-rapporti speċjali, aħna neżaminaw jekk l-objettivi tal-politiki u l-programmi magħżula tal-UE ntlaħqux, jekk ir-riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk il-finanzjament mill-UE pprovdiex valur miżjud – jiġifieri jekk permezz tiegħu nkisbux riżultati aħjar milli kieku l-azzjonijiet twettqu fuq livell nazzjonali biss. Aħna nagħmlu wkoll rakkomandazzjonijiet, fejn nidentifikaw modi kif jistgħu jiġu ffrankati l-flus, isir xogħol aħjar, tiġi evitata l-ħela jew jintlaħqu l-objettivi ta' politika mistennija b’mod aktar kosteffiċjenti. Hawnhekk se nsemmu b’mod partikolari tnejn mir-Rapporti Speċjali tagħna tal-2018: wieħed dwar il-ferroviji ta’ veloċità għolja fl-UE u l-ieħor dwar il-faċilità għar-refuġjati fit-Turkija.

Aħna nistinkaw biex nipproduċu r-rapporti speċjali tagħna fi żmien 13-il xahar f’konformità mar-regolament finanzjarju tal-UE.

Fokus fuq rapport speċjali
Netwerk ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja: mhuwiex realtà iżda huwa sistema frammentata u ineffettiva

Il-ferroviji ta’ veloċità għolja jipprovdu bosta benefiċċji għall-passiġġieri. Huma mezz ta’ trasport komdu, sikur, flessibbli u ambjentalment sostenibbli. Barra dan, it-titjib fil-konnessjonijiet bejn ir-reġjuni madwar l-UE jagħmilhom aktar kompetittivi u jikkontribwixxi għall-integrazzjoni Ewropea billi jqarreb aktar lill-persuni lejn xulxin.

Għall-awditu tagħna aħna ħadna approċċ mill-perspettiva ta’ passiġġier, u analizzajna d-diversi konnessjonijiet, ħinijiet tal-ivvjaġġar u prezzijiet għal passiġġieri li jivvjaġġaw fuq xogħol u dawk li jivvjaġġaw għal finijiet rikreattivi. Aħna eżaminajna wkoll jekk l-investimenti kofinanzjati mill-UE fil-linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja kinux kosteffiċjenti u effettivi, kif ukoll jekk kinux maħsuba u ppjanati tajjeb.

Stati Membri li saritilhom żjara Perjodu kopert: 2000 sa 2017
10 linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja 4 konnessjonijiet transkonfinali
30 proġett Aktar minn 5 000 km ta’ linji ferrovjarji

Aħna kkonludejna li n-netwerk ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja għadu sistema frammentata u ineffettiva ta’ linji ferrovjarji nazzjonali b’konnessjonijiet inadegwati. Ma jeżistix pjan realistiku fit-tul biex issir konnessjoni bejn il-partijiet differenti tan-netwerk eżistenti tal-UE, il-kostruzzjoni ta’ linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja li jaqsmu l-fruntieri nazzjonali mhijiex prijorità għall-gvernijiet nazzjonali, u l-Kummissjoni Ewropea ma għandhiex is-setgħa biex tobbligahom jagħmlu dan. F’din is-sitwazzjoni, il-valur miżjud tal-kofinanzjament mill-UE ipprovdut għal-linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja huwa baxx. Iżda hemm ukoll aħbar tajba: l-għadd ta’ passiġġieri li jużaw il-ferroviji ta’ veloċità għolja fl-Ewropa qed jiżdied b'mod kostanti, minn madwar 15-il biljun passiġġier-kilometri fl-1990 għal aktar minn 124 biljun fl-2016.

Sabiex inwasslu l-messaġġ tagħna, aħna ppreżentajna r-rapport lill-Kumitati tal-Parlament Ewropew għat-Trasport u għall-Kontroll tal-Baġit, kif ukoll lill-Kunsill tal-UE. Iż-żewġ istituzzjonijiet laqgħu ir-rapport b’mod favorevoli u approvaw il-konklużjonijiet tagħna. Aħna ppreżentajnieh ukoll lil għadd ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali u SAIs, kif ukoll lil riċerkaturi, partijiet ikkonċernati tal-industrija u l-istampa.

Ir-rapport iġġenera interess konsiderevoli mill-istampa fl-UE kollha, b’mod partikolari fi Spanja, fil-Ġermanja u fil-midja finanzjarja u dik iffukata fuq l-UE, kif ukoll interess kbir fil-midja soċjali.

ES - El cinco días: Los auditores de la UE critican la incoherencia de los trazados del AVE

DE - Die Zeit: Bahnlinien: Ausbau schneller Zugstrecken in EU zu teuer und zu langsam

IT - La Repubblica: Alta velocità nell'Ue, la Corte dei Conti europea boccia la rete

UK - Financial Times: Bloc criticised over high-speed rail strategy

Fokus fuq rapport speċjali
Il-Faċilità għar-Refuġjati
fit-Turkija: appoġġ utli,
iżda jeħtieġ li jsir titjib biex
jinkiseb aktar valur għall-flus

It-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta’ refuġjati fid-dinja: kważi 4 miljun persuna. Dan jinkludi madwar 3.5 miljun Sirjan, li l-biċċa l-kbra minnhom qed jgħixu barra mill-kampijiet tar-refuġjati. Il-faċilità għar-refuġjati fit-Turkija tappoġġa kemm l-assistenza umanitarja kif ukoll dik mhux umanitarja għar-refuġjati u l-komunità li tospitahom, b’finanzjament totali ta’ EUR 6 biljun mill-UE u mill-Istati Membri tagħha. Il-ftehim politiku jimpenja wkoll lit-Turkija biex ittemm il-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE.

Stati Membri li saritilhom żjara Perjodu kopert: Jannar 2016 sa Marzu 2018
10 proġetti umanitarji li jkopru l-ħtiġijiet bażiċi, il-protezzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni 33 % tal-assistenza umanitarja kkuntrattata (EUR 458 miljun) Sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, eż. aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, NGOs internazzjonali

Aħna kkonkludejna li l-faċilità kienet ipprovdiet rispons rapidu għall-kriżi. Il-proġetti umanitarji għenu lir-refuġjati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom, iżda mhux dejjem ipprovdew il-valur għall-flus mistenni jew laħqu l-objettiv tal-faċilità li tikkoordina l-appoġġ b’mod effettiv. Il-proġetti umanitarji kollha li ġew awditjati pprovdew appoġġ utli lir-refuġjati. Pereżempju, il-proġett Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza pprovda assistenza fi flus kontanti lil 1.3 miljun refuġjat. Madankollu, nofs dawn il-proġetti għadhom ma kisbux l-eżiti mistennija, jiġifieri effett pożittiv u dejjiemi li jista’ jiġi sostnut mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar appoġġ finanzjarju, u 9 mill-10 proġetti kellhom jiġu estiżi.

L-ambjent operazzjonali diffikultuż kien il-fattur prinċipali li kien qed ixekkel l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ ċerti proġetti mmaniġġjati mill-NGOs. Filwaqt li l-Kummissjoni kienet stabbiliet miżuri xierqa biex timmonitorja l-proġetti, il-fatt li l-awtoritajiet Torok irrifjutaw li jagħtu aċċess għad-data dwar il-benefiċjarji għaż-żewġ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti fil-kampjun tagħna – b’valur totali ta’ EUR 1.1 biljun – ma ħalliex lill-Kummissjoni u lill-awdituri tagħna jittraċċaw il-benefiċjarji tal-proġetti mir-reġistrazzjoni sal-pagament.

Aħna ppreżentajna r-rapport waqt laqgħa konġunta tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp, għall-Affarijiet Barranin u għall-Kontroll tal-Baġit, u sussegwentement lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern. Ir-rapport ġie ppreżentat ukoll lill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar it-Tkabbir u l-Pajjiżi li qed Jinnegozjaw l-Adeżjoni mal-UE, kif ukoll lill-istampa.

Ir-rapport iġġenera interess sinifikanti mill-midja, b’mod partikolari fil-Ġermanja, iżda wkoll fid-Danimarka, fl-Awstrija, u fil-Benelux u l-pajjiżi tal-Mediterran, kif ukoll fil-midja ffukata fuq l-UE.

DE - Der Spiegel: Rechnungshof kritisiert Mängel bei EU-Flüchtlingshilfe

FR - EurActiv: La Cour des comptes plutôt satisfaite de l’aide aux réfugiés en Turquie

ES - Euronews: Turquía debe rendir cuentas por la gestión de los refugiados

UK - EU Observer: EU unable to fully trace €1 bn spent on refugees in Turkey

Rapporti annwali

Rapport Annwali dwar il-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2017
Kontijiet iċċertifikati,
opinjoni favorevoli dwar id-dħul,
opinjoni kwalifikata dwar l-infiq

Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-baġit tal-UE, filwaqt li neżaminaw jekk il-kontijiet annwali jkunux affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri jkunux konformi mar-regoli finanzjarji. Barra minn hekk, aħna nivvalutaw b'mod speċifiku kull qasam prinċipali tal-baġit tal-UE, ibbażat fuq l-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, u nipprovdu informazzjoni dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja kif ukoll dwar aspetti relatati mal-prestazzjoni. Aħna nanalizzaw ukoll għalfejn ikunu seħħew ċerti żbalji, nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex isir titjib kif ukoll neżaminaw jekk u kif ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna jkunu ġew applikati fil-prattika.

Għar-rapport annwali l-aktar reċenti tagħna dwar il-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2017, l-awdituri tagħna kkampjunaw u ttestjaw madwar 700 pagament li saru lill-benefiċjarji fl-oqsma kollha ta' nfiq, b’valur totali ta’ madwar EUR 100 biljun. Dan ifisser li aħna vvalutajna madwar 700 każ differenti fejn il-fondi tal-UE kienu ntużaw biex jipprovdu appoġġ għal proġetti ewlenin ta' infrastruttura, SMEs, organizzazzjonijiet ta' riċerka, bdiewa, studenti fl-Istati Membri tal-UE jew benefiċjarji f'pajjiżi terzi.

Informazzjoni ewlenija
Infiq tal-UE fl-2017 EUR 137.4 biljun
Ammont awditjat EUR 100.2 biljun (703 tranżazzjonijiet ta’ pagament)
Kontijiet Vera u ġusti – iċċertifikati bħala affidabbli
Dħul Legali u regolari – opinjoni favorevoli
Infiq Legali u regolari, ħlief għar-rimborżi tal-ispejjeż – opinjoni kwalifikata (pjuttost milli opinjoni avversa)
It-tendenza li l-livelli ta’ żball stmati
jonqsu qed tkompli

Dan ix-xogħol estensiv jifforma l-bażi għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-mandat tagħna taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Bħal fi snin preċedenti, aħna ħriġna “opinjoni favorevoli” dwar il-kontijiet u dwar id-dħul tal-UE. Barra dan, għat-tieni sena konsekuttiva, aħna stajna noħorġu “opinjoni kwalifikata” (pjuttost milli “opinjoni avversa”) dwar l-infiq tal-UE.

Parti sinifikanti mill-infiq tal-2017 li ġie awditjat ma kienx milqut minn livell materjali ta’ żball. Barra minn hekk, il-livell ta’ żball stmat għall-pagamenti li saru fl-2017 kien ta’ 2.4 %, li juri tnaqqis minn 3.1 % fl-2016 u 3.8 % fl-2015.

Livelli ta’ żball stmati għall-oqsma prinċipali ta’ nfiq tal-UE (mill-2015 sal-2017)
Jiġi ssenjalat il-bidu tal-proċedura ta’
kwittanza tal-Parlament

Il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tagħna tissenjala wkoll il-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza tal-Parlament, li matulha l-koleġiżlatur u l-awtorità baġitarja tal-UE jiddeċiedi – fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill – jekk il-Kummissjoni u korpi oħra jkunux immaniġġjaw il-baġit tal-UE b’mod sodisfaċenti, u jekk dan ikun il-każ, jagħtihom “kwittanza”.

Aħna ppreżentajna r-rapport annwali tagħna lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) tal-Parlament fl-4 ta’ Ottubru, il-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu, u sussegwentement ippreżentajnieh ukoll lill-Parlament waqt sessjoni plenarja, lill-Kunsill (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) u lill-parlamenti u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ 14-il Stat Membru.

Il-President tal-QEA Lehne u l-Membru Lazaros S. Lazarou waqt il-preżentazzjoni tar-rapport annwali tagħna fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, Novembru 2018, Strasburgu.

Approċċ ġdid lejn il-mudell ta’
impenn ta’ attestazzjoni

Kif stipulajna fl-istrateġija 2018-2020, aħna ħadna l-ewwel passi biex nimmodifikaw l-approċċ tagħna għall-awditu relatat mad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni (DAS). Għall-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni, aħna eżaminajna l-qafas ta’ kontroll u ta’ aċċertament għall-2014-2020 kif ukoll l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar ir-regolarità pprovduta mill-Kummissjoni. Dan irrappreżenta l-ewwel pass lejn il-possibbiltà li d-DAS jiġi organizzat fuq il-mudell ta’ impenn ta’ attestazzjoni.

L-għan kumplessiv ta’ dan l-approċċ modifikat u l-bidla lejn impenn ta’ attestazzjoni huwa li jittieħed kont akbar tal-livelli differenti ta’ kontrolli interni li jintużaw mill-Kummissjoni Ewropea u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-ġestjoni tal-infiq tal-UE. Għaldaqstant, dan jgħin biex jiġi ċċarat fejn ikun għad hemm nuqqasijiet, kemm fil-Kummissjoni Ewropea kif ukoll fl-Istati Membri, biex b'hekk inkunu nistgħu nikkontribwixxu fil-promozzjoni tal-obbligu ta’ rendikont u fit-titjib tal-ġestjoni tal-finanzi tal-UE. Aħna mhux biħsiebna napplikaw dan l-approċċ ħlief f’każijiet fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa biex isir dan, kif stipulat fl-istandards internazzjonali tal-awditjar, ikunu ġew issodisfati.

Rapport annwali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
Opinjoni avversa dwar il-
pagamenti

Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) jipprovdu assistenza mill-UE fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u lill-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej. Huma jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri tal-UE u mmaniġġjati barra mill-qafas tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Informazzjoni ewlenija dwar l-opinjoni tal-awditjar li ħriġna fir-rigward tal-FEŻ tingħata hawn taħt.

Informazzjoni ewlenija
Baġit 2017 tal-FEŻ EUR 4.3 biljun
Ammont awditjat EUR 3.5 biljun
Kontijiet Tingħata stampa vera u ġusta – iċċertifikati bħala affidabbli
Dħul Legali u regolari – opinjoni favorevoli
Infiq Milquta minn livell materjali ta' żball – opinjoni avversa

Rapporti annwali speċifiċi

Aġenziji u korpi oħra
Opinjoni favorevoli għall-aġenziji
kollha tal-UE, ħlief brgħal waħda

L-aġenziji tal-UE jinsabu mxerrdin mal-Ewropa kollha u jimpjegaw madwar 11 000 membru tal-persunal. It-total tal-baġit tagħhom għall-2017, bl-esklużjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), ammonta għal EUR 3.5 biljun, li huwa ekwivalenti għal madwar 2.7 % tal-baġit totali tal-UE. Il-baġit għall-2017 tal-SRB kien ta’ EUR 6.6 biljun, u kien iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet li saru minn istituzzjonijiet ta’ kreditu.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) f’Londra,
li se tiġi ttrasferita għal Amsterdam.

Approċċ ġdid: rapport wieħed dwar
il-41 aġenzija tal-UE

Fl-2018, aħna ddeċidejna li nippreżentaw ir-riżultati tal-awditi finanzjarji tagħna għall-aġenziji tal-UE f’format aktar faċli għall-utent. Filwaqt li xorta pprovdejna Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni individwali għal kull aġenzija, aħna ħriġna rapport annwali wieħed li kopra l-aġenziji kollha u li kien jinkludi dokument sommarju intitolat “Awditu tal-aġenziji tal-UE fil-qosor”. Barra minn hekk, kif nagħmlu kull sena, aħna ppubblikajna r-rapporti annwali tagħna dwar l-Iskejjel Ewropej u dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-SRB, il-Kummissjoni u l-Kunsill.

Is-sedi tal-Aġenziji fl-Istati Membri

* B’segwitu għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE, il-Kunsill iddeċieda li, fl-2019, jittrasferixxi s-sede tal-EMA u dik tal-EBA għal Amsterdam u għal Pariġi rispettivament.

Konklużjonijiet prinċipali

B’mod ġenerali, l-awditu li wettaqna tal-aġenziji għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, ikkonferma r-riżultati pożittivi li rrappurtajna fi snin preċedenti. Aħna tajna:

  • opinjonijiet favorevoli (mhux kwalifikati) tal-awditjar dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji kollha;
  • opinjonijiet favorevoli (mhux kwalifikati) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji kollha;
  • opinjonijiet favorevoli (mhux kwalifikati) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji kollha, ħlief għal opinjoni avversa tal-awditjar għall-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil, fejn ġew identifikati għadd ta’ problemi.
Impriżi Konġunti
Opinjoni favorevoli għall-Impriżi Konġunti
kollha tal-UE fil-qasam tar-riċerka, ħlief
għal waħda

L-Impriżi Konġunti huma s-sħubiji pubbliċi-privati tal-UE mal-industrija, il-gruppi ta’ riċerka u l-Istati Membri, u għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' aspetti speċifiċi tal-politika tar-riċerka tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea hija l-membru pubbliku tal-impriżi konġunti u tirrappreżenta l-UE. Il-membri privati jinkludu diversi sħab mill-industrija u r-riċerka. Wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Impriżi Konġunti huwa li jimmobilizzaw il-kontribuzzjonijiet li jsiru mill-membri mill-industrija privata u mis-settur tar-riċerka; dan huwa fejn jinsab il-valur miżjud tagħhom.

Konklużjonijiet prinċipali

  • Aħna ċċertifikajna l-kontijiet 2017 tal-Impriżi Konġunti kollha tal-UE bħala affidabbli;
  • Aħna ħriġna opinjonijiet favorevoli dwar it-tranżazzjonijiet ta’ dħul u ta’ pagament għal seba’ Impriżi Konġunti, u opinjoni kwalifikata dwar l-Impriża Konġunta Komponenti u Sistemi Elettroniċi għal Tmexxija Ewropea, billi l-awdituri sabu xi problemi li f’ċerti każijiet ostakolaw il-funzjonament effettiv tal-kontroll intern.

Opinjonijiet

Mod ieħor kif nikkontribwixxu għat-titjib tal-governanza finanzjarja tal-UE huwa billi nippubblikaw opinjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta. Meta dawn ikollhom impatt finanzjarju sinifikanti, l-opinjonijiet tagħna huma meħtieġa mid-dritt tal-UE, u jintużaw prinċipalment mill-awtoritajiet leġiżlattivi — il-Parlament Ewropew u l-Kunsill — f’xogħolhom. Istituzzjonijiet oħra jistgħu wkoll jitolbuna noħorġu opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi, jew aħna nistgħu nagħmlu dan fuq l-inizjattiva proprja tagħna

Fl-2018, aħna ppubblikajna għadd rekord ta’ 10 opinjonijiet dwar diversi oqsma ta’ governanza tal-UE. Dawn kienu prinċipalment jikkonċernaw il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-QFP l-ġdid, bħar-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK), iżda wkoll dwar l-effettività tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-kooperazzjoni tiegħu mal-Uffiċċju futur tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), l-istabbiliment ta’ rabta bejn il-finanzjament mill-UE u l-istat tad-dritt, kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-informaturi.

Fokus fuq l-opinjoni dwar ir-riforma tal-PAK
Jeħtieġ li l-PAK tkun aktar ekoloġika,
ibbażata b’mod rigoruż fuq il-prestazzjoni u
ssaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont

Meta ppubblikat il-proposta leġiżlattiva tagħha għall-PAK il-ġdida wara l-2020, il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat li l-objettivi ambjentali u klimatiċi se jkollhom prijorità għolja.

Madankollu, fl-opinjoni tagħna dwar ir-riforma tal-PAK, aħna osservajna li ħafna mill-alternattivi ta’ politika proposti kienu simili ħafna għal dawk tal-PAK attwali. B’mod partikolari, l-akbar sehem tal-baġit se jkompli jkun għall-pagamenti diretti favur il-bdiewa, ibbażati fuq l-għadd ta’ ettari tal-art li tappartjeni lilhom jew li huma jużaw. Aħna sibna wkoll li dan l-istrument la kien il-mod l-aktar effiċjenti biex jingħata appoġġ għall-introjtu vijabbli u lanqas ma kien adatt biex jindirizza ħafna mill-problemi ambjentali. Aħna qisna wkoll li l-istima li l-Kummissjoni wettqet fir-rigward tal-kontribut tal-PAK għall-objettivi tal-UE relatati mat-tibdil fil-klima ma dehritx realistika, u rrakkomandajna li, fil-qafas tal-PAK li jmiss, ikun hemm pjanijiet aktar ekoloġiċi, ibbażati b’mod rigoruż fuq il-prestazzjoni u li jsaħħu l-obbligu ta’ rendikont.

Kif nagħmlu għar-rapporti tagħna, aħna ppreżentajna l-opinjoni lill-kumitati tal-Parlament Ewropew, notevolment dawk għall-Agrikoltura u l-Kontroll tal-Baġit, lill-Kunsill, lill-partijiet ikkonċernati tal-industrija mill-oqsma tal-ambjent u l-agrikoltura, kif ukoll lill-istampa.

Pubblikazzjonijiet analitiċi: analiżijiet panoramiċi, dokumenti informattivi u analitiċi kif ukoll analiżijiet rapidi dwar każijiet speċifiċi

Eżamijiet analitiċi ta’ informazzjoni
pubblika u tax-xogħol proprju tagħna
Analiżijiet panoramiċi

Fl-2018, aħna ppubblikajna żewġ analiżijiet panoramiċi. Fl-ewwel waħda, li kienet dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-prattika, aħna sħaqna dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sorveljanza li l-Kummissjoni twettaq tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri. It-tieni waħda kienet dwar il-mobbiltà u t-trasport, li aħna rrikonoxxejna bħala pedament tal-integrazzjoni Ewropea. Madankollu, aħna esprimejna tħassib dwar il-fatt li l-investiment kien waqa’ lura fid-dawl li t-tnaqqis fl-investiment għall-infrastruttura tat-trasport jżomm lura l-modernizzazzjoni tan-netwerk tat-trasport tal-UE.

Dokumenti informattivi u analitiċi

Fl-2018, aħna ħriġna sitt dokumenti informattivi u analitiċi: ħamsa dwar il-proposti tal-Kummissjoni għall-QFP futur u wieħed dwar l-integrazzjoni tal-migranti fl-UE. Il-kummenti tagħna relatati mal-QFP iffukaw b’mod partikolari fuq il-proċess propost għall-istabbiliment tal-prijoritajiet ta’ nfiq għall-UE, il-flessibbiltà tal-baġit tal-UE, l-orjentament fuq il-prestazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni, kif ukoll fuq l-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont u tal-awditjar.

Aħna lqajna l-isforzi tal-Kummissjoni biex timmodernizza l-baġit tal-UE għall-perjodu wara l-2020, iżda ġbidna l-attenzjoni wkoll għal bosta riskji potenzjali, identifikajna għadd ta’ dgħufijiet u pproponejna li jsir titjib speċifiku. Aħna sħaqna li s-sorveljanza parlamentari għandha tkun ibbażata fuq arranġamenti robusti tal-obbligu ta’ rendikont u li l-QEA għandha, bħala regola ġenerali, tinħatar bħala l-awditur estern għall-korpi kollha stabbiliti mill-UE.

Analiżijiet rapidi dwar każijiet speċifiċi

Fl-2018, aħna ħriġna analiżi rapida dwar il-każ speċifiku tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni, fejn osservajna li r-rimborż tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa suxxettibbli għall-iżbalji u mhux dejjem jirrappreżenta l-aħjar użu tal-fondi tal-UE. Aħna qisna li, fil-perjodu wara l-2020, il-korpi pubbliċi ma għandhomx jibqgħu jiġu rimborżati għall-VAT relatata mal-infiq kofinanzjat mill-UE.

Avvenimenti sinifikanti

Matul l-2018, aħna organizzajna u pparteċipajna f’għadd ta’ avvenimenti biex inwasslu l-fehmiet tagħna dwar il-mod kif jistgħu jiġu rinforzati l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, u kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-UE.

Konferenza dwar l-istrumenti finanzjarji

F’Jannar 2018, flimkien mal-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja, aħna organizzajna konferenza konġunta ta’ livell għoli f’Vilnius dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji. Din il-konferenza pprovdiet pjattaforma għall-iskambji ta' fehmiet u ta’ ideat fost esperti ta' livell għoli mill-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Litwanja, professjonisti kif ukoll partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati oħra.

Simpożju dwar il-finanzjament pubbliku tal-parlamenti

F’Marzu 2018, aħna lqajna fis-sede tagħna simpożju internazzjonali ta’ jumejn dwar il-finanzjament pubbliku tal-parlamenti fl-Ewropa, bl-għan li niddiskutu l-awtonomija tagħhom u nistudjaw is-sistemi baġitarji tal-Istati Ewropej.

Forum Globali ta’ Tmexxija fl-Awditjar (GALF)

Fl-2018, aħna lqajna għandna l-ħames laqgħa tal-GALF, li tlaqqa’ flimkien il-kapijiet u d-delegati ta’ madwar 20 SAI minn madwar id-dinja. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-prattika u l-limitazzjonijiet tal-awditi tal-prestazzjoni f’kuntest politiku, kif ukoll fuq l-isfidi u l-opportunitajiet relatati mal-komunikazzjoni tas-sejbiet tal-awditjar f’dinja diġitali.

Il-ħames laqgħa tal-GALF laqqgħet flimkien il-kapijiet ta’ aktar minn 20 SAI internazzjonali fil-QEA, April 2018.

Jum l-Ewropa – Jiem għall-pubbliku tal-UE

F’Mejju 2018, aħna ħadna sehem fl-avvenimenti ta’ Jum l-Ewropa li saru fi Brussell, fi Strasburgu u fil-Lussemburgu. L-awdituri tagħna tkellmu dwar ir-rwol u x-xogħol tagħna ma’ kull min żar l-istands tal-informazzjoni tagħna u ddeskrivew direttament il-mod kif aħna nwettqu l-awditi tagħna. Aħna se nkomplu norganizzaw dawn il-jiem għall-pubbliku u nieħdu sehem f’avvenimenti pubbliċi biex nistabbilixxu djalogu maċ-ċittadini.

Simpożju dwar l-amministrazzjoni pubblika tajba

F’Settembru 2018, aħna pparteċipajna f’simpożju dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-governanza pubblika dwar l-Amministrazzjoni Pubblika Tajba u l-Benefiċċji għaċ-Ċittadini – Ir-Rwol tal-Korpi Parlamentari ta’ Kontroll, li ġie organizzat mill-Qorti tal-Awditjar Awstrijaka, is-Segretarjat tal-INTOSAI u l-Ombudsman Awstrijak.

Konferenza dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE

F’Settembru 2018, b’segwitu għall-analiżi panoramika tagħna dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-prattika, aħna organizzajna konferenza dwar dan is-suġġett, li matulha ddiskutejna l-ħtieġa għat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-awditjar. Dan l-avveniment seħħ fil-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell.

Konferenza dwar il-kummerċ elettroniku u t-tassazzjoni

F’Ottubru 2018, aħna lqajna għandna konferenza dwar l-isfidi relatati mal-kummerċ elettroniku u t-tassazzjoni fl-era diġitali. Il-kelliema u l-membri tal-bord iddiskutew ir-riskji tal-mudell attwali ta’ tassazzjoni għall-VAT fuq il-kummerċ elettroniku, u ssuġġerew mudelli alternattivi ta’ tassazzjoni bl-użu ta’ teknoloġija moderna bħall-blockchain.

Konferenza dwar l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA)

F’Novembru 2018, aħna ħadna sehem fit-tmien konferenza annwali tal-EIOPA fi Frankfurt. Il-konferenza laqqgħet flimkien aktar minn 400 persuna mill-industrija tas-servizzi finanzjarji, istituzzjonijiet akkademiċi, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, il-midja, organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi tal-UE u awtoritajiet nazzjonali. Aħna ppreżentajna x-xogħol tagħna dwar l-awditjar tas-superviżjoni u l-istabbiltà finanzjarja fis-settur Ewropew tal-assigurazzjoni, is-suġġett tar-Rapport Speċjali 2018 tagħna dwar l-EIOPA.

COP24

F’Diċembru 2018, aħna ħadna sehem fil-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima (COP24) f’Katowice. Aħna ppreżentajna x-xogħol tagħna dwar l-awditjar tal-kwalità tal-arja u l-impatt tagħha fuq it-tibdil fil-klima u viċi versa, u ddiskutejna wkoll l-isfidi relatati mad-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art fl-UE – iż-żewġ suġġetti ġew indirizzati f’rapporti speċjali li ppubblikajna fl-2018

Janusz Wojciechowski, Membru tal-QEA, waqt il-preżentazzjoni tar-rapport speċjali tagħna dwar il-kwalità tal-arja, Diċembru 2018, Katowice.

Lura lejn l-iskola

Matul is-sena, il-persunal tagħna ħa sehem fil-programm “Lura lejn l-iskola” organizzat mill-istituzzjonijiet tal-UE. Saru żjarat minn 17-il impjegat tal-QEA fl-iskejjel sekondarji li kienu jattendu f’7 Stati Membri biex jitkellmu mal-istudenti dwar l-UE, dwar ir-rwol tal-istituzzjoni tagħna kif ukoll dwar il-possibbiltajiet li jistudjaw fl-UE u li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-UE. 

Relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali

L-impatt tax-xogħol tagħna
jiddependi fuq l-użu li jagħmlu
minnu l-partijiet ikkonċernati
istituzzjonali tagħna

Aħna naħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mal-parlamenti nazzjonali, billi l-impatt ta’ xogħolna jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-użu li huma jagħmlu mir-riżultati tal-awditjar u mir-rakkomandazzjonijiet tagħna.

Il-Parlament Ewropew

Għadd rekord ta’ rapporti diskussi fil-
kumitati tal-Parlament

Il-Membri tal-QEA u t-timijiet tal-awditjar jiġu mistiedna regolarment biex jippreżentaw is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, kif ukoll lil kumitati u korpi parlamentari oħra. Matul l-2018, aħna ppreżentajna lill-Parlament 33 rapport speċjali, 4 opinjonijiet u 6 pubblikazzjonijiet analitiċi. B’kollox, ipparteċipajna f’74 laqgħa mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (2017: 60) u fi 38 laqgħa ma’ 13-il kumitat u korp ta’ ħidma oħra tal-Parlament, kif ukoll ma’ grupp parlamentari.

Il-laqgħa annwali konġunta bejn il-QEA u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament seħħet fi Frar 2018. F'April 2018, il-President Lehne pparteċipa fid-dibattitu li seħħ matul sessjoni plenarja tal-Parlament dwar il-kwittanza għall-2016. F’Ottubru 2018, huwa ppreżenta r-Rapport Annwali 2017 tagħna lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u lis-sessjoni plenarja tal-Parlament.

Il-Kunsill

Għall-ewwel darba, ġie ppreżentat
rapport speċjali lill-ECOFIN

Matul l-2018, aħna pparteċipajna f’21 laqgħa mal-Kumitat tal-Baġit, l-interlokutur prinċipali tagħna fil-Kunsill. Barra minn hekk, saru 44 preżentazzjoni lil korpi preparatorji rilevanti oħra tal-Kunsill (2017: 27). B’kollox, aħna ppreżentajna 37 rapport speċjali, 4 opinjonijiet u 3 pubblikazzjonijiet analitiċi lill-Kunsill matul is-sena (2017: 27).

F’Jannar 2018 – matul il-Presidenza Bulgara tal-Kunsill – il-President Lehne ltaqa’ mal-Viċi Ministru tal-Finanzi Bulgaru biex jiddiskutu xi sejbiet tal-awditjar li kienu rilevanti fid-dawl tal-proċedura ta’ kwittanza għall-2016.

F’Marzu 2018, il-President Lehne u Neven Mates, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport speċjali tagħna dwar il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, ippreżentaw ir-rapport lill-Ministri tal-Finanzi tal-UE waqt il-laqgħa tal-ECOFIN. Din kienet l-ewwel darba li rapport speċjali ġie ppreżentat lill-Ministri tal-Finanzi tal-UE mlaqqgħin fil-Kunsill ECOFIN.

Il-President Lehne ppreżenta wkoll ir-Rapport Annwali 2017 tagħna waqt il-laqgħa tal-ECOFIN li saret f’Novembru, matul il-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill. Qabel il-laqgħa, huwa ltaqa’ mal-Ministru Federali tal-Finanzi Awstrijak, fil-kapaċità tiegħu bħala l-President tal-ECOFIN, u mal-Ministru tal-Finanzi Pubbliċi tar-Rumanija – l-Istat Membru bil-Presidenza tal-Kunsill fil-bidu tal-2019 – biex jiddiskutu r-Rapport Annwali 2017 tagħna u l-proċedura ta’ kwittanza korrispondenti tiegħu, kif ukoll biex jinfurmahom dwar xogħol rilevanti ieħor tal-QEA.

Gvernijiet u parlamenti tal-Istati Membri

Il-President tal-QEA żar ħames Stati Membri
biex jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-gvernijiet,
ta’ livell għoli

Matul is-sena, il-President Lehne żar għadd ta’ Stati Membri tal-UE – l-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u r-Rumanija – fejn huwa ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-gvernijiet, ta’ livell għoli. Xi drabi, dawn iż-żjarat kienu kkombinati ma’ parteċipazzjoni f’avveniment uffiċjali tal-Istat jew f’konferenza ta’ livell għoli.

Barra minn hekk, il-Membri tal-Qorti ppreżentaw ir-Rapport Annwali 2017 tagħna lill-parlamenti nazzjonali u/jew lil awtoritajiet nazzjonali oħra f’14-il Stat Membru. Minbarra dan, aħna għamilna sforzi addizzjonali biex nippreżentaw xi wħud mir-rapporti speċjali tagħna lill-kumitati parlamentari rilevanti fil-parlamenti nazzjonali. Xi drabi jkollna wkoll żjarat minn delegazzjonijiet ta’ rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali fl-istituzzjoni tagħna, u aħna nkomplu naraw kif nistgħu nsaħħu aktar il-kooperazzjoni tagħna mal-parlamenti nazzjonali.

Il-President Lehne u George Pufan, Membru tal-QEA,
jiltaqgħu mal-President tar-Rumanija Klaus Iohannis,
Ottubru 2018, Bucharest. 

Kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs)

SAIs tal-Istati Membri tal-UE

Kooperazzjoni attiva mas-SAIs tal-UE: sejħa
konġunta biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet relatati
mal-obbligu ta’ rendikont u mal-arranġamenti tal-
awditjar għas-superviżjoni bankarja fl-UE

Il-kooperazzjoni tagħna mas-SAIs tal-UE sseħħ prinċipalment fil-qafas tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-kapijiet tas-SAIs tal-UE. F’Ottubru 2018, aħna pparteċipajna b’mod attiv fil-laqgħa annwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt, li kienet organizzata u ppreseduta mis-SAI tal-Kroazja. Id-diskussjonijiet prinċipali ffukaw fuq l-interazzjoni maċ-ċittadini u fuq il-ftuħ tas-SAIs.

Il-President tal-QEA, Klaus-Heiner Lehne, jindirizza lill-kapijiet tas-SAIs tal-UE fil-laqgħa annwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt f’Dubrovnik, il-Kroazja, Ottubru 2018.

F’Novembru 2018, flimkien mal-kapijiet tat-28 SAI tal-UE, aħna appellajna lill-gvernijiet u l-paramenti nazzjonali, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, biex jindirizzaw in-nuqqasijiet relatati mal-obbligu ta’ rendikont u mal-arranġamenti tal-awditjar għas-superviżjoni bankarja fl-UE.

Barra minn hekk, aħna kkontribwejna għal u pparteċipajna fl-attivitajiet ta’ bosta korpi ta’ ħidma tal-Kumitat ta’ Kuntatt, bħall-Grupp ta' Ħidma dwar Attivitajiet relatati mat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, in-Netwerk dwar l-Awditjar tal-Politika Fiskali, in-Netwerk dwar l-Awditjar tal-Istrateġija Ewropa 2020 u t-Task Force dwar l-Unjoni Bankarja Ewropea, kif ukoll f’attivitajiet oħra fl-oqsma tar-rappurtar finanzjarju fis-settur pubbliku u l-awditjar tal-akkwist pubbliku.

Aħna kkoordinajna wkoll il-produzzjoni tal-ewwel Kompendju tal-Awditjar tal-Kumitat ta’ Kuntat (Qgħad fost iż-żgħażagħ u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol), li huwa bbażat fuq ir-rapporti tal-awditjar maħruġa mill-14-il SAI tal-UE bejn l-2013 u l-2017. Il-kompendju huwa tip ġdid ta’ pubblikazzjoni li hija intenzjonata li ssaħħaħ il-komunikazzjoni ta’ messaġġi tal-awditjar rilevanti lill-partijiet ikkonċernati tal-Kumitat ta’ Kuntatt u lill-pubbliku inġenerali.

INTOSAI/EUROSAI

Matul l-2018, aħna komplejna nkunu involuti b’mod attiv fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI) u komplejna nikkontribwixxu għalihom, notevolment bħala l-Viċi President tal-Kumitat għall-Istandards Professjonali (minn Diċembru 2016) u bħala membru tas-sottokumitati tagħha għall-awditjar finanzjarju u l-kontabbiltà, l-awditjar tal-konformità u l-awditjar tal-prestazzjoni. Aħna pparteċipajna wkoll b’mod attiv fl-attivitajiet ta’ korpi ta’ ħidma oħra tal-INTOSAI, notevolment is-Sottokumitat tal-INTOSAI inkarigat mill-Evalwazzjonijiet bejn il-Pari, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Awditjar Ambjentali, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Modernizzazzjoni Finanzjarja u r-Riforma Regolatorja, kif ukoll it-Task Force inkarigata mill-Professjonalizzazzjoni tal-Awdituri tal-INTOSAI.

Aħna konna wkoll involuti b’mod attiv fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (EUROSAI), il-Grupp Reġjonali Ewropew tal-INTOSAI, notevolment fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Awditjar Ambjentali, il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u t-Task Force inkarigata mill-Awditjar u l-Etika, kif ukoll f’bosta gruppi ta’ ħidma u seminars.

SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE

Aħna nipprovdu wkoll appoġġ lis-SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo1, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija), prinċipalment permezz ta’ netwerk simili għall-Kumitat ta’ Kuntatt kif ukoll permezz tal-appoġġ li noffru għall-attivitajiet ikkoordinati mill-OECD. Matul l-2018, seba’ awdituri mis-SAIs tan-netwerk ħadu sehem fil-programm tagħna ta’ internships. Aħna kkontribwejna wkoll b'mod attiv għal-laqgħat u l-attivitajiet ta’ dan in-netwerk, li kienu jittrattaw suġġetti bħall-awditjar finanzjarju u l-awditjar tal-IT.

  • Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

Il-maniġment tagħna

Il-Kulleġġ tal-Membri

Il-Membri tagħna jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f'indipendenza sħiħa u fl-interess ġenerali tal-UE. Hekk kif jieħdu l-kariga, huma jieħdu ġurament f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Il-Kulleġġ huwa magħmul minn Membru wieħed minn kull Stat Membru. Il-Kunsill tal-UE jaħtar lil kull Membru wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u fuq in-nomina tal-gvern nazzjonali rispettivi tal-Membru. Il-QEA ma għandiex rwol fil-proċess tan-nomina jew tal-ħatra tal-Membri.

Fl-2018, il-Kunsill ħatar erba’ Membri ġodda tal-QEA:

  • Eva Lindström (l-Iżvezja), Tony Murphy (l-Irlanda) u Hannu Takkula (il-Finlandja) mill-1 ta’ Marzu 2018, u Annemie Turtelboom (il-Belġju) mill-1 ta’ Mejju 2018;

Il-Kunsill ġedded ukoll il-mandat ta’ ħames Membri li kienu diġà fil-kariga:

  • Pietro Russo (l-Italja), Baudilio Tomé Muguruza (Spanja), Bettina Jakobsen (id-Danimarka) u João Figueiredo (il-Portugall), sad-29 ta’ Frar 2024, u Iliana Ivanova (il-Bulgarija) sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Il-Kulleġġ tal-Membri tal-QEA ltaqa’ 18-il darba fl-2018 (2017: 21 darba).

Laqgħa tal-Kulleġġ tal-Membri tal-QEA, it-28 ta’ Frar 2019, il-Lussemburgu.

President

Il-Membri jeleġġu President minn fosthom għal perjodu ta' tliet snin li jista’ jiġġedded. Huwa mbagħad jassumi r-rwol tal-ewwel fost il-pari (primus inter pares). Il-President huwa inkarigat mill-istrateġija korporattiva tal-istituzzjoni, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-prestazzjoni, il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet mal-midja, il-kwistjonijiet legali u l-awditjar intern. Huwa jirrappreżenta wkoll l-istituzzjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha. Klaus-Heiner Lehne ġie elett President f’Settembru 2016.

Il-President tal-QEA, Klaus-Heiner Lehne, jindirizza l-laqgħa annwali tal-Kulleġġ tal-Membri tal-QEA u l-Kulleġġ tal-Kummissarji, Frar 2018, il-Lussemburgu.

Il-President u l-Membri

Awli tal-awditjar u kumitati

Il-Membri jiġu assenjati f'waħda mill-ħames awli tal-awditjar tal-Qorti, fejn il-biċċa l-kbira mir-rapporti tal-awditjar, l-analiżijiet u l-opinjonijiet tagħna jitħejjew u jiġu adottati. Kull awla għandha tema bbażata fuq il-politiki tal-UE, li fuqha torjenta x-xogħol tagħha. Kull awla hija ppreseduta minn Dekan, li jiġi elett minn fost il-Membri ta’ dik l-awla, minnhom stess. Kull Membru huwa responsabbli għall-kompiti tal-awditjar li jkun inkarigat minnhom u jiġi assistit minn kabinett. Ix-xogħol tal-awditjar jitwettaq minn awdituri professjonali li jaħdmu fid-direttorati tal-awli tal-awditjar.

F’Diċembru 2018, id-Dekani tal-ħames awli tal-awditjar tal-Qorti kienu Nikolaos Milionis, Iliana Ivanova, Bettina Jakobsen, Neven Mates u Lazaros S. Lazarou. Danièle Lamarque ppresediet il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar, Oscar Herics mexxa l-Kumitat tal-Etika u Samo Jereb il-Kumitat tal-Awditjar tal-Qorti, filwaqt li Rimantas Šadžius kien il-Membru inkarigat mir-relazzjonijiet istituzzjonali.

Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi aktar ġenerali jittieħdu mill-kumitat amminstrattiv u, fejn ikun xieraq, mill-Kulleġġ tal-Membri, it-tnejn li huma ppreseduti mill-President.

Il-QEA għandha 10 direttorati fl-oqsma differenti ta’ xogħol tagħha: 5 huma assenjati għall-awli tal-awditjar, 1 għall-Kumitat għall-kontroll tal-kwalità tal-awditjar, 1 għall-President u 3 għas-Segretarju Ġenerali.

Segretarju Ġenerali u Diretturi

Kejl tal-prestazzjoni

L-ewwel sena ta’ rappurtar dwar il-
KPIs relatati mal-istrateġija 2018-
2020

Mill-2018 'il hawn, aħna applikajna indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex inżommu lill-maniġment tal-Qorti infurmat dwar il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-għanijiet tagħna, biex jiġi ffaċilitat it-teħid ta' deċiżjonijiet u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Qorti lill-partijiet ikkonċernati. Aħna u nistabbilixxu l-istrateġija 2018-2020 tal-QEA, aġġornajna wkoll is-sett tagħna ta’ KPIs għall-perjodu. Għaldaqstant, l-2018 kienet l-ewwel sena li fiha stajna nirrappurtaw dwar dawn l-indikaturi.

Is-sett ta’ ħames KPIs jipprovdi stampa ġenerali tal-prestazzjoni tagħna bħala organizzazzjoni f’dak li jirrigwarda d-disseminazzjoni, l-impatt u l-perċezzjoni tax-xogħol tagħna.

  • KPI 1 - Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna
  • KPI 2 - Feedback mill-partijiet ikkonċernati dwar ix-xogħol tagħna
  • KPI 3 - L-interventi tagħna quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-parlamenti nazzjonali
  • KPI 4 - Għadd ta’ rapporti speċjali (u prodotti simili) ippubblikati
  • KPI 5 - Il-preżenza tagħna fil-midja

Għadd ta’ rapporti speċjali u prodotti simili ppubblikati

Aħna nimmonitorjaw l-għadd u t-twaqqit ta’ rapporti li jiġu ppubblikati matul is-sena. Dan jagħti indikazzjoni tal-preċiżjoni tal-ippjanar tagħna.

Fl-2018, aħna ppubblikajna 44 rapport (35 rapport speċjali, 6 dokumenti informattivi u analitiċi, 2 analiżijiet panoramiċi u analiżi rapida waħda dwar każ speċifiku), filwaqt li konna ppjanajna 47 rapport għas-sena. Minbarra s-selezzjoni ta’ awditi ppjanati fil-programm ta' ħidma tagħna, aħna ħriġna wkoll 10 opinjonijiet.

Rapporti speċjali u prodotti simili

Interventi quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-parlamenti nazzjonali

Il-biċċa l-kbira mir-rapporti tal-awditjar tagħna jiġu ppreżentati lill-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira mill-Membri tal-QEA jippreżentaw ir-rapporti annwali tagħna lill-Parlament tal-Istat Membru tagħhom.

Fl-2018, ir-rappreżentanti tal-QEA dehru 133 darba quddiem il-Parlament Ewropew (2017: 91), 65 darba quddiem il-Kunsill (2017: 47) u 50 darba quddiem il-parlamenti nazzjonali (2017: 19). Dan jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-2017.

Interventi tal-QEA fl-2018: il-PE, il-Kunsill u l-parlamenti nazzjonali

Preżenza fil-midja

Il-preżenza tagħna fil-midja online u
fuq il-midja soċjali kważi triplikat

Fl-2018, aħna żidna l-kuntatt tagħna mal-istampa u mal-partijiet ikkonċernati mhux istituzzjonali, u tajna wkoll spinta lill-attività tagħna fuq il-midja soċjali. Aħna

  • ħriġna 76 stqarrija għall-istampa bi 23 lingwa tal-UE (2017: 57); u
  • organizzajna 20 sessjoni ta' informazzjoni għall-istampa fi Brussell (2017: 16), inklużi sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-istampa, kemm settorjali kif ukoll nazzjonali, dwar ir-rapport annwali.

Aħna organizzajna wkoll żjarat fuq il-post għall-ġurnalisti bbażati fi Brussell u fl-Istati Membri, kif ukoll bosta preżentazzjonijiet dwar selezzjoni ta’ rapporti għall-partijiet ikkonċernati tal-industrija, NGOs u gruppi ta' riflessjoni.

Żjara fuq il-post għal ġurnalisti mill-Istati Membri, Novembru 2018, il-Lussemburgu.

Aħna nimmonitorjaw kemm-il darba x-xogħol u l-istituzzjoni tagħna jidhru fil-midja, li jista’ jvarja b’mod sinifikanti skont is-suġġett u l-kumplessità ta’ rapport. Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li nagħrfu li ċerti fatturi esterni jistgħu jinfluwenzaw ħafna l-interess tal-midja fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Pereżempju, jekk id-data tal-pubblikazzjoni ta’ rapport tagħna tikkoinċidi ma’ avveniment jew ma’ żvilupp tal-politika sinifikanti, dan jista’ jżid sostanzjalment l-interess tal-pubbliku fis-suġġett.

Il-preżenza kumplessiva tagħna fil-midja, inkluża fuq il-midja soċjali, kważi triplikat minn madwar 15 500 artiklu online u referenzi fuq il-midja soċjali fl-2017 għal aktar minn 44 000 fl-2018. Fl-2018, il-posts li saru fuq il-midja soċjali mill-kontijiet uffiċjali tal-QEA dwar il-pubblikazzjonijiet tagħna ntużaw madwar 11-il miljun darba, jiġifieri kważi 18-il darba aktar milli fl-2017.

Huwa ċar li r-rapporti speċjali huma
l-prodott ewlieni tagħna f’termini
ta’ preżenza fil-midja

F’termini ta’ komunikazzjoni u ta’ preżenza fil-midja, jidher biċ-ċar li r-rapporti speċjali issa huma l-prodott ewlieni tagħna: 12 mill-15-il pubblikazzjoni tagħna li dehru l-aktar fil-midja fl-2018 kienu rapporti speċjali.

Fl-2018, kien hemm aktar minn 11 000 artiklu online dwar ir-rapporti speċjali tagħna, aktar mid-doppju meta mqabbel mal-2017. Jekk inqabblu mal-2013, meta bdejna nimmonitorjaw il-preżenza tagħna fil-midja, kien hemm biss 1 500 artiklu online.

Fl-istess ħin, meta mqabbel mal-2017, il-medja tal-preżenza tagħna fil-midja għal kull rapport speċjali żdiedet b’60 %. Dan ifisser li din iż-żieda konsiderevoli kienet dovuta mhux biss minħabba li ppubblikajna aktar rapporti, iżda wkoll għax żdied l-interess fil-pubblikazzjonijiet tagħna.

Preżenza fil-midja: rapporti annwali, rapporti speċjali u l-QEA inġenerali
Impatt rekord: ir-Rapport Speċjali dwar in-netwerk
ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja – aktar minn
4 400 artiklu online u posts fuq il-midja soċjali

Fl-2018, ir-rapporti tagħna li dehru l-aktar fil-midja kienu r-Rapport Speċjali dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja, ir-Rapport Speċjali dwar l-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta’ kriżijiet bankarji mill-Bank Ċentrali Ewropew u r-Rapport Speċjali dwar il-faċilità għar-refuġjati fit-Turkija.

Aħna għandna ħames kontijiet fuq il-midja soċjali:

Segwaċi fl-2018 Żieda meta mqabbel mal-2017 Impressjonijiet* totali
7 674 31 % 3 419 137
10 080 23 % 256 268
4 800 83 % 9 590 234
869 27 % 117 800
1 134 149 % M/A

* Drabi li l-posts tagħna ntużaw.

Matul is-sena, aħna osservajna żieda esponenzjali f’kemm-il darba dehrna u konna involuti fuq il-midja soċjali – speċjalment fuq Facebook, Twitter u LinkedIn – li saru parti indispensabbli mix-xogħol ta’ komunikazzjoni tagħna u li jippermettulna ninteraġixxu b’mod dirett maċ-ċittadini. Aħna osservajna żieda fl-għadd ta’ segwaċi u fid-drabi li l-posts tagħna ntużaw (jiġifieri, l-“impressjonijiet” tagħna).

Impatt u perċezzjoni tax-xogħol tagħna

Ir-rapporti tagħna jitqiesu li huma
utli u għandhom impatt

Aħna nivvalutaw l-impatt u l-perċezzjoni tax-xogħol tagħna fuq il-bażi ta' evalwazzjonijiet li jsiru mill-partijiet ikkonċernati u s-segwitu li jingħata għar-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu sabiex isir titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-UE.

Fil-bidu tal-2018, aħna bdejna nitolbu lill-partijiet ikkonċernati (mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-aġenziji tal-UE, ir-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri, l-aġenziji tal-Istati Membri u s-SAIs, l-NGOs, l-istituzzjonijiet akkademiċi, il-midja u partijiet ikkonċernati oħra) biex jagħtu l-feedback tagħhom dwar kemm ir-rapporti tagħna huma utli u x’impatt probabbilment ikollhom. Aħna nagħmlu dan għal selezzjoni ta’ rapporti speċjali u ta’ analiżijiet, kif ukoll għar-rapport annwali, permezz ta’ stħarriġ elettroniku anonimizzat li jintbagħat lil dawk kollha li jkunu rċevew kopja ta’ dawn ir-rapporti. L-istħarriġ jagħti wkoll l-opportunità lill-partijiet ikkonċernati biex jagħtu feedback kwalitattiv dwar ir-rapporti u biex jagħmlu suġġerimenti ġenerali dwar ix-xogħol tal-QEA.

B’mod ġenerali, 87 % tar-rispondenti jqisu li r-rapporti tagħna huma utli għax-xogħol tagħhom u 78 % jqisu li dawn għandhom impatt.

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħna

Il-biċċa l-kbira mir-
rakkomandazzjonijiet tagħna ġew
implimentati

Fl-2018, aħna bdejna nibbażaw dan l-indikatur fuq eżerċizzju ta’ segwitu mwettaq mill-awdituri tagħna, minflok fuq ir-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment tal-Kummissjoni Ewropea. Għall-2018, aħna analizzajna r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Annwali 2014 u fir-rapporti speċjali tal-istess sena.

Din l-analiżi turi li 74 % tar-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-Rapport Annwali 2014 tagħna u 94 % tar-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-Rapporti Speċjali tagħna tal-istess sena kienu ġew implimentati bis-sħiħ, fil-biċċa l-kbira mill-aspetti, jew inkella f’xi wħud mill-aspetti.

Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA, skont is-sena li fiha saru

Il-persunal tagħna

Allokazzjoni tal-persunal

Fi tmiem l-2018, kien hemm 834 uffiċjal u membru tal-persunal temporanju jaħdmu fl-istituzzjoni tagħna. It-tabella tal-persunal tal-QEA kien fiha 853 post permanenti u temporanju, li minnhom 541 kienu fl-awli tal-awditjar, inklużi 112 fil-kabinetti tal-Membri.

Persunal tal-QEA: postijiet fl-awditjar, fit-traduzzjoni, fl-amministrazzjoni u fil-presidenza

Barra minn hekk, fi tmiem is-sena kien hemm 76 membru tal-persunal kuntrattwali u 15-il espert nazzjonali sekondat fil-QEA.

Reklutaġġ

Il-membri tal-persunal tagħna għandhom varjetà kbira ta' kwalifiki akkademiċi u esperjenza professjonali. Fil-politika ta’ reklutaġġ tagħna, aħna nsegwu l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll nippromwovu opportunitajiet indaqs fil-livelli kollha.

Fl-2018, aħna rreklutajna 79 impjegat: 15-il uffiċjal, 32 membru tal-persunal temporanju, 22 membru tal-persunal kuntrattwali, u 10 esperti nazzjonali sekondati.

Aħna pprovdejna wkoll 60 internship lil gradwati universitarji għal perjodi ta’ minn tlieta sa ħames xhur.

Profil tal-etajiet

Il-profil tal-etajiet tal-persunal f’servizz attiv fil-31 ta’ Diċembru 2018 juri li kważi nofs il-membri tal-persunal tagħna għandhom 44 sena jew inqas.

Mill-64 direttur u maniġer prinċipali impjegati mal-QEA, 30 (47 %) għandhom 55 sena jew aktar. Dan ifisser li matul il-5 sa 10 snin li ġejjin bosta maniġers superjuri ġodda se jieħdu post dawk li jirtiraw.

Profil tal-etajiet

Nota: Minħabba l-arrotondament, jista’ jkun li t-total ma jkunx jikkorrispondi mas-somma tal-perċentwali individwali.

Bilanċ bejn is-sessi

Aħna nipprovdu opportunitajiet indaqs lill-membri tal-persunal tagħna fir-rigward tal-karriera tagħhom, sewwa jekk ikunu nisa u sewwa jekk irġiel. B'mod ġenerali, aħna rnexxielna niksbu proporzjonijiet indaqs ta' nisa u rġiel fil-forza tax-xogħol tagħna, u 45 % tal-awdituri u l-amministraturi tagħna huma nisa.

Bilanċ bejn is-sessi skont il-livell ta' responsabbiltà

Aħna nibqgħu impenjati li niksbu bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-livelli maniġerjali kollha. Pereżempju, f’dawn l-aħħar snin, aħna żidna l-proporzjon ta’ nisa f’karigi maniġerjali fl-awli tal-awditjar tagħna, minn 7 % fi tmiem l-2015 għal kważi 24 % fi tmiem l-2018.

Il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs għall-perjodu 2018-2020 tindirizza wkoll il-kwistjonijiet ta’ età u ta’ diżabbiltà.

Maniġers skont in-nazzjonalità u l-ġeneru

Appoġġ għall-awditjar

Taħriġ professjonali

Mingħajr taħriġ, il-persunal u l-istituzzjoni tagħna
ma jistgħux ikunu mħejjija għall-futur

F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li nħarġu mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti, l-għan tagħna huwa li nipprovdu medja ta’ 40 siegħa (5 ijiem) ta’ taħriġ professjonali fis-sena lill-awdituri tagħna. Fl-2018, għal darb’oħra erġajna qbiżna din il-mira, billi pprovdejna 6.9 ijiem ta’ taħriġ professjonali lil kull awditur.

Aħna komplejna wkoll nestendu l-firxa ta’ korsijiet ta’ taħriġ li noffru lill-awdituri u lil membri oħra tal-persunal, kif ukoll nipprovdu appoġġ lill-awdituri biex jiksbu ċertifikazzjonijiet differenti. Aħna komplejna bis-sensiela ta' preżentazzjonijiet, li kellha ħafna suċċess, minn esperti interni jew esterni dwar żviluppi fil-qasam tal-awditjar jew dwar suġġetti relatati max-xogħol tal-awdituri tagħna.

Komplejna wkoll bl-iskema ta’ premjijiet ta’ rikonoxximent tal-prestazzjoni, li jingħataw lil membri tal-persunal mhux maniġerjali biex ikunu jistgħu jattendu taħriġ speċifiku estern.

Għadd medju ta’ jiem ta' taħriġ professjonali fis-sena
Kooperazzjoni produttiva mal-
istituzzjonijiet akkademiċi

Aħna ffirmajna ftehim ta’ sħubija mal-Kulleġġ tal-Ewropa (Bruges, il-Belġju), li jipprevedi kooperazzjoni f’bosta oqsma, inkluż taħriġ, traineeships u abbozzar ta’ rapporti. Aħna kkonkludejna wkoll ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika u ma’ organizzazzjonijiet oħra, li permezz tagħhom il-membri tal-persunal tagħna jistgħu jattendu għal taħriġ organizzat minn dawn il-korpi.

Aħna komplejna bil-kooperazzjoni tagħna mal-Università ta’ Lorraine u żviluppajniha aktar: għal darb’oħra, erġajna organizzajna t-taħriġ għal diploma universitarja postgradwatorja fl-awditjar ta’ organizzazzjonijiet u politiki pubbliċi, kif ukoll il-programm ta’ lawrja ta' Master fil-ġestjoni ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi, u introduċejna programm postgradwatorju ġdid dwar l-elementi fundamentali tal-istatistika applikati għall-awditjar.

Fl-aħħar nett, awdituri minn SAIs oħra attendew għall-korsijiet ta’ taħriġ intern tagħna, u xi wħud minnhom qasmu l-esperjenza tagħhom billi tkellmu dwar diversi rapporti matul il-Jum ta' Taħriġ li jsir kull sena fil-QEA, u li għalih attendew aktar minn 450 parteċipant.

Korsijiet elettroniċi interattivi għall-
pubbliku

Aħna ftaħna l-kors ta’ tagħlim elettroniku dwar l-awditjar tal-prestazzjoni għall-pubbliku, u organizzajna żewġ sessjonijiet interattivi għal aktar minn 150 parteċipant minn madwar id-dinja kollha.

Traduzzjoni

Fl-2018, id-Direttorat tat-Traduzzjoni, Servizzi Lingwistiċi u Pubblikazzjoni tal-Qorti ttraduċa u rreveda aktar minn 251,000 paġna, żieda ta’ aktar minn 18 % meta mqabbel mal-2017. Din iż-żieda wasslet ukoll għal rata ogħla ta’ esternalizzazzjoni. It-timijiet kollha tagħna tat-traduzzjoni issa jużaw metodi ta' ħidma armonizzati.

It-tradutturi pparteċipaw aktar u aktar fl-attivitajiet tal-awditjar tagħna, billi pprovdew appoġġ lingwistiku matul iż-żjarat tal-awditjar u appoġġ fl-abbozzar tal-biċċa l-kbira mir-rapporti. Dan ħoloq ukoll sinerġiji ulterjuri mal-awdituri tagħna.

It-tim tal-pubblikazzjoni issa ġie inkorporat għalkollox fid-direttorat. B’riżultat ta’ dan, il-katina kollha ta’ produzzjoni tar-rapporti tal-QEA, mir-reviżjoni lingwistika għat-traduzzjoni u anke għall-pubblikazzjoni, issa hija integrata fi fluss tax-xogħol komuni u razzjonalizzat.

Teknoloġija tal-informazzjoni, ambjent tax-xogħol u innovazzjoni

Id-Direttorat għall-Informazzjoni, l-Ambjent tax-Xogħol u l-Innovazzjoni tal-Qorti jgħin lill-membri tal-persunal tagħna biex jagħmlu użu effettiv u effiċjenti mit-teknoloġiji tal-informazzjoni, billi jippromwovi l-innovazzjoni u l-ġestjoni tal-għarfien. Dan id-Direttorat huwa inkarigat ukoll mill-ġestjoni tal-binjiet tagħna.

Ġestjoni tal-informazzjoni

Aħna nedejna l-inizjattiva tECAway, soluzzjoni ġdida ta’ aċċess mill-bogħod għall-membri tal-persunal li jkunu qed jivvjaġġaw. Din tippermettilhom jaċċessaw is-servizzi u r-riżorsi diġitali tal-QEA minn kull apparat, kull fejn ikunu u f’kull ħin

Aħna ħloqna sistema ġdida u armonizzata ta’ ġestjoni tad-dokumenti u introduċejna apparat multifunzjonali għall-istampar, il-fotokopjar u l-iskennjar, li permezz tagħhom nistgħu ntejbu s-sigurtà tal-informazzjoni u nnaqqsu l-konsum tal-karti.

Aħna adottajna mudell ġdid ta’ governanza taċ-ċibersigurtà u bħalissa qegħdin nimplimentaw il-pjan għaċ-ċibersigurtà.

Il-proġetti kollha u l-forniment tal-prodotti kollha tal-IT twettqu b’kunsiderazzjoni dovuta għall-kontinwità tal-operat filwaqt li ġiet żgurata d-disponibbiltà totali ta’ sistemi kritiċi.

Innovazzjoni

Aħna stabbilejna l-ECAlab laboratorju ta’ innovazzjoni interdixxiplinari li jiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-awditjar bl-użu ta’ data u teknoloġija. F’dan il-laboratorju qed isiru esperimenti dwar l-użu ta’ teknoloġiji bħall-intelliġenza artifiċjali, l-ipproċessar tal-lingwa naturali u l-estrazzjoni ta’ testijiet fil-qafas ta’ attivitajiet tal-awditjar. Bosta attivitajiet u pubblikazzjonijiet diġà bbenefikaw minn dan l-appoġġ.

Aħna implimentajna wkoll proġett pilota dwar l-użu ta’ teknoloġiji blockchain biex naċċertaw l-awtentiċità tal-evidenza għall-awditjar u tal-pubblikazzjonijiet. Il-prototip li rriżulta, ir-“Reġistru tal-QEA”, intgħażel mis-Sħubija Ewropea tal-Blockchain – li ġiet stabbilita mill-Istati Membri tal-UE u mill-Kummissjoni – biex ikun parti mill-Infrastruttura Ewropea ta' Servizzi tal-Blockchain, li se tibda tiġi żviluppata fl-2019.

Ġestjoni tal-għarfien

F’Lulju 2018, flimkien mal-Università ta’ Pisa u l-Assoċjazzjoni ta' Kontabilisti Kkwalifikati u Ċċertifikati (ACCA), aħna organizzajna l-ewwel kors annwali tas-sajf iddedikat għall-awditjar tas-settur pubbliku, bl-għan li jiġu eżaminati problemi globali emerġenti rilevanti għall-professjoni. Dan il-kors iffoka fuq l-analitika tad-data għal skopijiet tal-awditjar u attira 45 parteċipant minn SAIs, istituzzjonijiet tal-UE u universitajiet oħra.

Aħna organizzajna wkoll konferenza dwar il-blockchain biex neżaminaw l-opportunitajiet li hija toffri u l-applikazzjonijiet prattiċi tagħha għall-kontroll tal-infiq tal-UE. Il-konferenza kienet immirata prinċipalment lejn parteċipanti minn istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Binjiet

Attwalment aħna l-proprjetarji ta' tliet binjiet (“K1”, “K2” u “K3”) li joperaw bħala entità teknika integrata waħda. Aħna nikru wkoll uffiċċji fil-Lussemburgu għaċ-ċentru tagħna ta’ rkupru f’każ ta’ diżastru.

K1

Il-binja K1, li nfetħet fl-1988, fiha uffiċċji li jesgħu sa 310 membri tal-persunal, u fiha wkoll kmamar għal-laqgħat. Il-livelli ta' taħt l-art fihom il-parkeġġi, faċilitajiet tekniċi, żoni ta’ ħżin, il-librerija u l-kamra prinċipali tal-arkivji, filwaqt li s-sular ta' fuq nett jintuża kollu kemm hu għal faċilitajiet tekniċi.

Il-binja K1 ġiet immodernizzata fl-2008 biex tkun konformi mar-rekwiżiti nazzjonali tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent. Kull fejn possibbli, it-teknoloġija f’K1 ġiet adattata biex tkun kumpatibbli ma' dik użata f’K2 u K3.

K2

Il-binja K2 nfetħet fl-2003. Il-livelli ta' taħt l-art fihom il-parkeġġi, faċilitajiet tekniċi u żoni ta’ ħżin, kif ukoll iċ-ċentru tal-fitness. Is-sular ta' fuq nett jintuża kollu kemm hu għal faċilitajiet tekniċi. Is-sulari l-oħra jintużaw għal uffiċċji li jesgħu sa 241 membru tal-persunal, kmamar għal-laqgħat, sala tal-konferenzi b'kabini tal-interpretazzjoni, kmamar għall-vidjokonferenzi, kafetterija u spazji għal kċejjen bażiċi.

Aħna biħsiebna nimmodernizzaw il-binja K2, billi nottimizzaw l-organizzazzjoni tal-ispazji tax-xogħol u naġġornaw xi wħud mill-installazzjonijiet tekniċi. Studju dettaljat għal dan il-proġett se jitwettaq fl-2019, u x-xogħol huwa mistenni li jibda sa tmiem is-sena.

Kif ġie maqbul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f'Marzu 2014, aħna se nkopru l-ispiża ta' din il-modernizzazzjoni mill-baġit li fadal mill-proġett ta' kostruzzjoni tal-binja K3, li ġie kkompletat ftit snin ilu.

K3

Il-binja K3 nfetħet fl-2012. Il-livelli ta' taħt l-art fihom parkeġġi, faċilitajiet tekniċi u żoni tal-ħżin, żoni tal-ħatt, faċilitajiet ta' ħżin tal-iskart, l-istamperija, il-kċejjen u l-arkivji. Is-sular ta’ isfel jinkludi l-kantin, kafetterija u kmamar tat-taħriġ. Hemm ukoll uffiċċji li jesgħu sa 503 membri tal-persunal, kmamar tal-laqgħat u kamra tal-IT. Is-sitt sular fih swali ta' riċeviment, kċina u faċilitajiet tekniċi. Il-binja K3 ġiet ikklassifikata bħala "tajba ħafna” skont BREEAM, li huwa l-metodu prinċipali fid-dinja għall-evalwazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini.

Is-sede tal-QEA fil-Plateau de Kirchberg, il-Lussemburgu.

Rinfurzar tal-sigurtà tal-QEA

Matul l-2018, ġie kkompletat proġett għar-rinfurzar tas-sigurtà periferali tal-istituzzjoni u għall-protezzjoni tal-persunal tagħna. Ċentru modern għall-kontroll tas-sigurtà u ċentru estern tal-akkreditazzjoni u ta’ kontroll tal-aċċess tal-persunal u l-viżitaturi bdew joperaw f’Settembru 2018.

Il-binja prinċipali “K1” u ċ-ċentru l-ġdid tas-sigurtà tal-QEA f’rue Alcide De Gasperi, il-Lussemburgu.

Ġestjoni ambjentali

Bħala istituzzjoni tal-UE, aħna għandna d-dmir li napplikaw il-prinċipju tal-ġestjoni ambjentali tajba fl-attivitajiet kollha tagħna. Għalhekk, aħna impenjati li nnaqqsu kontinwament l-impatt tagħna fuq l-ambjent.

Il-QEA hija kburija biċ-ċertifikazzjoni EMAS (Skema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali) li kisbet. Aħna issa noperaw b’suċċess sistema ta’ ġestjoni ambjentali li hija konformi mal-EMAS, u nikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ISO 14001:2015.

Aħna għandna l-għan li nkomplu nnaqqsu b’mod sistematiku l-emissjonijiet tagħna ta’ CO2, u nanalizzaw regolarment l-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jiġu ġġenerati mill-attivitajiet tagħna. Il-produzzjoni totali tagħna ta’ gassijiet serra fl-2017 kienet ta’ 10,451 tunnellata ta’ ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju (tCO2e), tnaqqis ta’ 3 % meta mqabbel maċ-ċifri tal-2016. Għall-2018, aħna analizzajna l-marka tal-karbonju tagħna għar-raba’ sena konsekuttiva, u r-riżultati se jkunu disponibbli fuq is-sit web tagħna fit-tieni nofs tal-2019. 

L-obbligu tagħna ta' rendikont

Informazzjoni finanzjarja

L-istituzzjoni tagħna hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala nefqa amministrattiva.

Fl-2018, il-baġit tagħna ammonta għal madwar EUR 146 miljun. Dan l-ammont jirrappreżenta inqas minn 0.1 % tal-infiq totali tal-UE jew madwar 1.5 % tal-infiq amministrattiv totali tagħha. Il-proporzjon tal-Baġit għall-2018 li ntuża kien ta’ 96 %.

Implimentazzjoni tal-Baġit għall-2018

SENA FINANZJARJA 2018 Approprjazzjonijiet finali Impenji Rata
ta’ użu
Pagamenti
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni (elf EUR)
10 - Membri tal-istituzzjoni 12 265 11 245 92 % 11 186
12 - Uffiċjali u persunal temporanju 105 044 102 543 98 % 102 528
14 - Persunal ieħor u servizzi esterni 6 335 5 914 93 % 5 825
162 - Vjaġġar 3 450 3 050 88 % 2 537
161 + 163 + 165 - Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni 2 990 2 883 96 % 2 221
Subtotal Titolu 1 130 084 125 635 97 % 124 297
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja
20 - Beni immobbli 2 956 2 945 99 % 1 822
210 - IT u telekomunikazzjoni 8 708 8 707 99 % 4 714
212 + 214 + 216 - Beni mobbli u kostijiet relatati 1 129 1 066 94 % 749
23 - Nefqa amministrattiva kurrenti 557 353 63 % 241
25 - Laqgħat, konferenzi 708 581 82 % 332
27 - Informazzjoni u pubblikazzjoni 1 874 1 197 64 % 922
Subtotal Titolu 2 15 932 14 849 93 % 8 780
Total Il-Qorti tal-Awdituri 146 016 140 484 96 % 133 077

Baġit għall-2019

Il-Baġit għall-2019 jirrappreżenta żieda ta' 0.6 % meta mqabbel mal-Baġit għall-2018.

BAĠIT 2019 2018
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni (elf EUR)
10 - Membri tal-istituzzjoni 11 474 12 515
12 - Uffiċjali u persunal temporanju 107 666 106 600
14 - Persunal ieħor u servizzi esterni 6 381 5 745
162 - Vjaġġar 3 450 3 450
161 + 163 + 165 - Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni 3 098 2 990
Subtotal Titolu 1 132 069 131 300
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja
20 - Beni immobbli 2 984 2 930
210 - IT u telekomunikazzjoni 7 605 7 492
212 + 214 + 216 - Beni mobbli u kostijiet relatati 998 1 157
23 - Nefqa amministrattiva kurrenti 548 555
25 - Laqgħat, konferenzi 700 706
27 - Informazzjoni u pubblikazzjoni 1 986 1 876
Subtotal Titolu 2 14 821 14 716
Total Il-Qorti tal-Awdituri 146 890 146 016

Awditjar intern u estern

Awditjar intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tagħna jipprovdi pariri lill-istituzzjoni tagħna dwar kif għandha timmaniġġja r-riskji. Huwa jipprovdi servizzi indipendenti u oġġettivi ta’ aċċertament u ta’ konsulenza maħsuba biex jipprovdu valur miżjud u jtejbu l-operazzjonijiet tal-istituzzjoni tagħna. L-IAS jirrapporta lill-Kumitat tal-Awditjar Intern, li huwa magħmul minn tlieta mill-Membri tagħna u minn espert estern. Il-kumitat jimmonitorja regolarment il-progress tad-diversi kompiti stipulati fil-programm ta' ħidma annwali tal-IAS u jiżgura l-indipendenza ta’ dan is-servizz.

Fl-2018, l-IAS awditja s-sistemi taċ-ċibersigurtà tal-istituzzjoni tagħna u x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati mas-sigurtà tal-perimetru tagħha. Huwa analizza wkoll l-implimentazzjoni tal-politika tagħna dwar il-ġestjoni tar-riskju u d-dikjarazzjonijiet annwali pprovduti mill-uffiċjali awtorizzanti. Barra minn hekk, huwa mmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu, filwaqt li żgura li l-pjanijiet ta' azzjoni maqbula kienu ġew implimentati.

Fl-2018, l-awditi tal-IAS ma żvelawx nuqqasijiet li, min-natura jew il-kobor tagħhom, jixħtu dubji serji fuq l-affidabbiltà kumplessiva tas-sistemi ta' kontroll intern stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-QEA.

Kull sena, aħna nirrappurtaw lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-attvità tal-awditjar intern tagħna.

Awditjar estern

Il-kontijiet annwali tagħna jiġu awditjati minn awditur indipendenti estern. Dan huwa aspett importanti tal-istituzzjoni tagħna u aħna napplikaw l-istess prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont għalina nfusna bħalma napplikaw għall-entitajiet li nawditjaw. L-awditur estern tagħna — PricewaterhouseCoopers Sàrl — ippubblika r-rapport tiegħu dwar il-kontijiet tagħna għas-sena finanzjarja 2017 fis-17 ta’ Mejju 2018.

Opinjonijiet tal-awditur estern tagħna — sena finanzjarja 2017

Dwar ir-rapporti finanzjarji tagħna:

“Fl-opinjoni tagħna, ir-rapporti finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri - il-QEA fil-31 ta' Diċembru 2017, u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1) u l-emendi sussegwenti tiegħu, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ir-"Regolament Finanzjarju", u mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1) li jistabbilixxi regoli dettaljati tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament Finanzjarju u l-emendi sussegwenti tiegħu.”

Dwar l-użu li aħna għamilna mir-riżorsi u mill-proċeduri ta’ kontroll:

"Fuq il-bażi tax-xogħol tagħna kif deskritt f’dan ir-rapport, ma ġie xejn għall-attenzjoni tagħna li jġegħilna nemmnu li fl-aspetti materjali kollha u fuq il-bażi tal-kriterji deskritti hawn fuq:

  • Ir-riżorsi assenjati lill-Qorti ma ntużawx għall-iskopijiet intenzjonati tagħhom;
  • Il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti ma jipprovdux il-garanziji meħtieġa biex jiżguraw
    il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.”

Kwittanza

Bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE, aħna suġġetti għall-proċess ta' kwittanza. F'April 2018, il-Parlament Ewropew ta l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tagħna fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tagħna għas-sena finanzjarja 2016. Kif nagħmlu kull sena, aħna analizzajna sew il-kwistjonijiet kollha li tqajmu matul l-eżerċizzju ta' kwittanza fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħna relatati mal-awditjar u mal-ġestjoni, ħadna azzjoni xierqa u rrappurtajna b’mod dettaljat lill-Parlament Ewropew dwar l-azzjonijiet ta' segwitu li ħadna.

Fis-26 ta’ Marzu 2019, il-Parlament Ewropew ta l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tagħna għas-sena finanzjarja 2017. Dan ifisser li l-kontijiet tagħna għall-2017 ġew ikklerjati (jiġifieri ngħalqu u ġew approvati).

Evalwazzjonijiet bejn il-pari

L-evalwazzjonijiet bejn il-pari jinvolvu valutazzjoni indipendenti u trasparenti tal-kapaċitajiet ta’ SAI partikolari minn SAIs oħra. Kull SAI involuta fl-evalwazzjoni bejn il-pari tkompli tirrispetta l-indipendenza tas-SAIs l-oħra waqt li tkun qed twettaqha.

Fl-2018, aħna stedinna lis-SAIs tal-Estonja (is-SAI prinċipali), tad-Danimarka, tan-Netherlands u tal-Istati Uniti tal-Amerka biex jevalwaw jekk, f’nofs il-perjodu li kien qed jiġi eżaminat, konniex mixjin fit-triq it-tajba biex nilħqu l-għanijiet strateġiċi tagħna għall-2018-2020, u jekk kienx probabbli li l-azzjonijiet li konna ħadna sa dak iż-żmien biex nimplimentaw l-istrateġija se jiksbu l-effetti mixtieqa. Ir-rapport dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari huwa mistenni li jiġi ppubblikat fl-2019.

Fl-istess ħin, aħna bdejna x-xogħol bi tħejjija għall-evalwazzjoni bejn il-pari tas-SAI tal-Litwanja, f’kooperazzjoni mas-SAIs tal-Polonja u tar-Renju Unit. L-objettiv prinċipali ta’ din l-evalwazzjoni bejn il-pari se jkun li jiġi eżaminat jekk l-approċċ tal-awditjar tas-SAI tal-Litwanja jikkonformax mal-istandards internazzjonali.

Matul is-sena, aħna kkummissjonajna wkoll evalwazzjoni esterna u indipendenti tal-qafas etiku tagħna. L-evalwazzjoni qed titwettaq mill-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tal-Polonja u mill-Uffiċċju Statali tal-Awditjar tal-Kroazja. Ir-rapport huwa mistenni li jkun lest fl-2019.

Dikjarazzjoni mill-uffiċjal awtorizzanti
b’delega

Jien, hawn taħt iffirmat, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fil-kapaċità tiegħi bħala uffiċjal awtorizzanti b’delega, b'dan:

  • Niddikjara li l-informazzjoni li hawn f’dan ir-rapport hija vera u preċiża; u
  • Nistqarr li għandi aċċertament raġonevoli li:
    • ir-riżorsi assenjati għall-attivitajiet deskritti f’dan ir-rapport intużaw għall-għan li għalih kienu intenzjonati u f’konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;
    • il-proċeduri ta' kontroll stabbiliti jipprovdu l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet u jiżguraw trattament adegwat ta' allegazzjonijiet ta’ frodi, jew ta' frodi ssuspettata; u
    • l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli huma proporzjonati.

Dan l-aċċertament huwa bbażat fuq il-ġudizzju tiegħi u fuq l-informazzjoni li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi, bħar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega, ir-rapporti tal-awditur intern u r-rapporti tal-awditur estern għas-snin finanzjarji preċedenti.

Nikkonferma li ma għandi l-ebda għarfien li hemm xi ħaġa mhux irrappurtata hawnhekk li tista’ tkun ta’ detriment għall-interessi tal-istituzzjoni.

Magħmula fil-Lussemburgu, it-28 ta' Marzu 2019

Eduardo Ruiz García
Segretarju Ġenerali

Anness – pubblkazzjonijiet fl-2018:
rapporti speċjali, rapporti annwali,
opinjonijiet u prodotti analitiċi

Rapporti speċjali

  • Rapport Speċjali Nru 1/2018: Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS) – wasal iż-żmien biex l-assistenza tiġi mmirata aħjar
  • Rapport Speċjali Nru 2/2018: L-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta’ kriżijiet bankarji mill-BĊE
  • Rapport Speċjali Nru 3/2018: Awditu tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (MIP)
  • Rapport Speċjali Nru 4/2018: Assistenza mill-UE lill-Myanmar/Burma
  • Rapport Speċjali Nru 5/2018: Enerġija rinnovabbli għal żvilupp rurali sostenibbli: sinerġiji sinifikanti huma possibbli iżda fil-biċċa l-kbira mhumiex qed jiġu realizzati
  • Rapport Speċjali Nru 6/2018: Moviment Liberu tal-Ħaddiema – il-libertà fundamentali hija żgurata iżda orjentament aħjar tal-fondi tal-UE jkun ta’ għajnuna għall-mobbiltà tal-ħaddiema
  • Rapport Speċjali Nru 7/2018: Assistenza ta’ qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE lit-Turkija: Ir-riżultati li nkisbu sa issa għadhom limitati
  • Ir-Rapport Speċjali Nru 8/2018: Appoġġ mill-UE għal investimenti produttivi fin-negozji – jeħtieġ li jkun hemm fokus akbar fuq id-durabbiltà
  • Rapport Speċjali Nru 9/2018: Sħubiji Pubbliċi-Privati fl-UE: Nuqqasijiet mifruxa u benefiċċji limitati
  • Rapport Speċjali Nru 10/2018: Skema ta' Pagament Bażiku għall-bdiewa – qed topera tajjeb, iżda għandha impatt limitat fuq is-simplifikazzjoni, l-immirar u l-konverġenza tal-livelli ta’ għajnuna
  • Rapport Speċjali Nru 11/2018: Opzjonijiet ġodda għall-finanzjament ta' proġetti tal-iżvilupp rurali: Aktar sempliċi iżda mhux iffukati fuq ir-riżultati
  • Rapport Speċjali Nru 12/2018: Broadband fl-Istati Membri tal-UE: minkejja l-progress li sar, mhumiex se jintlaħqu l-miri kollha ta’ Ewropa 2020
  • Rapport Speċjali Nru 13/2018: Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu: il-Kummissjoni indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, iżda hemm xi nuqqasijiet fil-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni
  • Rapport Speċjali Nru 14/2018: Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari tal-UE: jeħtieġ li jsir aktar progress
  • Rapport Speċjali Nru 15/2018: Tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u l-Mali: il-progress huwa limitat u miexi bil-mod
  • Rapport Speċjali Nru 16/2018: Rieżaminar ex post tal-leġiżlazzjoni tal-UE: sistema stabbilita tajjeb, iżda mhux kompleta
  • Rapport Speċjali Nru 17/2018: L-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-aħħar snin tal-programmi għall-perjodu 2007-2013 indirizzaw l-assorbiment baxx iżda ma kinux iffukati biżżejjed fuq ir-riżultati
  • Rapport Speċjali Nru 18/2018: L-objettiv prinċipali tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir qiegħed jintlaħaq?
  • Rapport Speċjali Nru 19/2018: Netwerk ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja: mhuwiex realtà iżda huwa sistema frammentata u ineffettiva
  • Rapport Speċjali Nru 20/2018: L-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà: jeħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE jiġi ffukat mill-ġdid
  • Rapport Speċjali Nru 21/2018: L-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti taħt il-FEŻR u l-FSE fil-perjodu 2014-2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l-outputs
  • Rapport Speċjali Nru 22/2018: Mobbiltà taħt Erasmus+: Miljuni ta’ parteċipanti u Valur Miżjud Ewropew multidimensjonali, iżda jeħtieġ li jsir aktar titjib fil-kejl tal-prestazzjoni
  • Rapport Speċjali Nru 23/2018: It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed
  • Rapport Speċjali Nru 24/2018: Dimostrar tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u tas-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kummerċjali ġewwa l-UE: il-progress intenzjonat ma nkisibx matul dawn l-aħħar għaxar snin
  • Rapport Speċjali Nru 25/2018: Direttiva dwar l-Għargħar: inkiseb progress fil-valutazzjoni tar-riskji, iżda jeħtieġ li jsir titjib fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni
  • Rapport Speċjali Nru 26/2018: Bosta dewmien fis-Sistemi tal-IT doganali: x’mar ħażin?
  • Rapport Speċjali Nru 27/2018: Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija: appoġġ utli, iżda jeħtieġ li jsir titjib biex jinkiseb aktar valur għall-flus
  • Rapport Speċjali Nru 28/2018: Il-maġġoranza tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni integrati f’Orizzont 2020 iffaċilitaw il-ħajja tal-benefiċjarji, iżda għad hemm lok għal titjib
  • Rapport Speċjali Nru 29/2018: L-EIOPA tat kontribut importanti għas-superviżjoni u l-istabbiltà fis-settur tal-assigurazzjoni, iżda għad fadal xi sfidi sinifikanti
  • Rapport Speċjali Nru 30/2018: Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE huma komprensivi, iżda l-passiġġieri għad iridu jitħabtu biex jiksbuhom
  • Rapport Speċjali Nru 31/2018: Il-benessri tal-annimali fl-UE: tnaqqis tad-distakk bejn għanijiet ambizzjużi u implimentazzjoni prattika
  • Rapport Speċjali Nru 32/2018: Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika: għodda flessibbli, iżda mhuwiex iffukat biżżejjed
  • Rapport Speċjali Nru 33/2018: Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali
  • Rapport Speċjali Nru 34/2018: Ġestjoni tal-ispazji għal uffiċċji tal-istituzzjonijiet tal-UE – ċerti prattiki huma tajbin iżda jeżistu wkoll diversi dgħufijiet
  • Rapport Speċjali Nru 35/2018: Trasparenza fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE mill-NGOs: jeħtieġ li jsiru aktar sforzi

Rapporti annwali u rapporti annwali speċifiċi

  • Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017
  • Rapport Annwali dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u miIl-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għas-sena finanzjarja 2017
  • Rapport Annwali dwar il-41 aġenzija tal-UE għas-sena finanzjarja 2017
  • Sommarju tar-riżultati mill-awditu annwali tal-QEA għall-2017 li jirrigwarda t-tmien Impriżi Konġunti Ewropej għar-riċerka
  • Report on the annual accounts of the European Schools for the financial year 2017 (Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Iskejjel Ewropej għas-sena finanzjarja 2017)
  • Rapport dwar kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti li tinħoloq b’riżultat tat-twettiq mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Kunsill u l-Kummissjoni, tal-kompiti tagħhom skont ir-Regolament Nru 806/2014 għas-sena finanzjarja 2017

Opinjonijiet

  • Opinjoni Nru 1/2018 dwar il-proposta tat-2 ta’ Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri
  • Opinjoni Nru 2/2018: Il-kunsiderazzjonijiet tal-awditjar u tal-obbligu ta’ rendikont fir-rigward tal-proposta tas-6 ta’ Diċembru 2017 għall-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropew fi ħdan il-qafas legali tal-Unjoni
  • Opinjoni Nru 3/2018 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp
  • Opinjoni Nru 4/2018 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni
  • Opinjoni Nru 5/2018 dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar is-sistema l-ġdida tar-Riżorsi Proporji tal-Unjoni Ewropea
  • Opinjoni Nru 6/2018 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi
  • Opinjoni Nru 7/2018 dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu wara l-2020
  • Opinjoni Nru 8/2018 dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2018 biex jiġi emendat ir-Regolament Nru 883/2013 dwar l-OLAF fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF
  • Opinjoni Nru 9/2018 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi
  • Opinjoni Nru 10/2018 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali

Prodotti analitiċi

  • Dokument Informattiv u Analitiku: Future of EU finances: reforming how the EU budget operates (Il-Futur tal-finanzi tal-UE: nirriformaw il-mod kif jopera l-baġit tal-UE)
  • Dokument informattiv u analitiku: Il-Ġejjieni tal-PAK
  • Dokument informattiv u analitiku: Kontribut għas-simplifikazzjoni tal-programm ta’ riċerka tal-UE wara Orizzont 2020
  • Dokument informattiv u analitiku: L-integrazzjoni ta’ migranti li jkunu ġejjin minn barra t-territorju tal-UE
  • Dokument Informattiv u Analitiku: Is-Simplifikazzjoni fit-twettiq tal-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020
  • Dokument informattiv u analitiku: The Commission’s proposal for the 2021-2027 Multiannual Financial Framework (Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027)
  • Analiżi Panoramika: L-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-prattika: Ir-responsabbiltajiet ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
  • Analiżi panoramika: Lejn settur tat-trasport ġewwa l-UE li jkollu suċċess: sfidi li jridu jiġu indirizzati
  • Analiżi rapida dwar każ speċifiku: Rimborż tal-VAT fil-qasam tal-Koeżjoni - użu tal-fondi tal-UE li huwa suxxettibbli għall-iżbalji u li mhuwiex ottimu

Previżjonijiet ta’ awditi

  • Il-benessri tal-annimali fl-UE
  • Is-sikurezza alimentari fl-UE
  • Produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija eolika u solari fotovoltajka fl-UE
  • Ikel organiku fl-UE
  • Il-kontribut tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) għas-superviżjoni u l-istabbiltà finanzjarja fis-settur tal-assigurazzjoni tal-UE
  • Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija
  • Kura tas-saħħa transkonfinali fl-UE
  • Konsultazzjoni mal-pubbliku fit-tħejjija ta’ liġijiet tal-UE
  • Deżertifikazzjoni fl-UE
  • Ġbir tal-VAT u tad-dazji doganali fuq il-kummerċ elettroniku transfruntier
  • Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn
  • Infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-1849-8 ISSN 2362-9568 doi:10.2865/279880 QJ-AA-19-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1815-3 ISSN 2362-9568 doi:10.2865/899024 QJ-AA-19-001-MT-Q

© Unjoni Ewropea, 2019.
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li ssir referenza għas-sors.

Għal kull użu jew riproduzzjoni tal-istampi li ġejjin, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
P. 30, © Is-Salib l-Aħmar ta’ Franza
P. 31, © Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Għall-istampi li ġejjin, ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li jiġu indikati d-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u l-ismijiet tal-fotografi/periti:
Pp. 1, 5, 12, 13, 14, 24, 28, 38, 40, 43, 44, 46, 47, 48, 49, 53, © UE / il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
P. 9, © UE / il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Ġurnal
P. 20, mix-xellug għal-lemin u minn fuq għal isfel:
* © UE / il-Parlament Ewropew
* © UE, 2005 / il-Kummissjoni Ewropea, Servizz Awdjoviżiv / Alain Schroeder
* © UE, 2010 / Carlos Juan
* © UE, 2008 / il-Parlament Ewropew
* © UE, 2013 / AFP / Ronny Hartmann
* © UE, 2016 / Yasin Akgul
* © UE, 2017 / Mauro Bottaro
* © UE, 2017 / Frank Molter
* © UE, 2017 / Mauro Bottaro
P. 22, © UE, 2008 / il-Parlament Ewropew
P. 23, © UE / Eurostat – GISCO, 02/2018, data tas-sors: © EuroGeographics © DĠ MOVE
P. 25, © UE / Eurostat – GISCO, 03/2019, limiti amministrattivi: © EuroGeographics © NU-FAO ©Geonames
P. 35, © UE, 2008 / Laurent Chamussy
Pp. 6667, © UE / il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Periti tal-bini: Paul Noël (1988) u Jim Clemes (2004 & 2013).

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:

PDF
PDF General Report

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: http://europa.eu/contact

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: http://europa.eu/contact

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: http://publications.europa.eu/eubookshop. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.