|
4.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 318/14 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1126/2010
tat-3 ta’ Diċembru 2010
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1547/2007 fir-rigward ta’ estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali għall-irtirar tar-Repubblika ta’ Cape Verde mil-lista ta’ pajjiżi li jgawdu mill-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u (KE) Nru 964/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(8) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Repubblika ta’ Cape Verde (minn hawn ’il quddiem, Cape Verde) tgawdi mill-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati (magħruf ukoll bħala l-iskema “Kollox barra l-Armi” (EBA – Everything but Arms)) taħt l-iskema tal-Unjoni ta’ preferenzi tarrifarji ġeneralizzati. |
|
(2) |
L-Artikolu 11(8) tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 jipprovdi għat-tneħħija ta’ pajjiż mill-arranġament speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati, meta dak il-pajjiż jiġi eskluż min-Nazzjonijiet Uniti mil-lista tal-pajjiżi l-anqas żviluppati. Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll għat-twaqqif ta’ perjodu tranżizzjonali ta’ mill-inqas tliet snin qabel ma t-tneħħija tibda tgħodd. |
|
(3) |
Cape Verde ġiet eskluża min-Nazzjonijiet Uniti mil-lista tal-pajjiżi l-inqas żviluppati, b'effett mill-1 ta’ Jannar 2008 (2). |
|
(4) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1547/2007 (3) jipprovdi għat-tneħħija ta’ Cape Verde mil-lista tal-pajjiżi li jgawdu mill-arranġament speċjali għall-inqas pajjiżi żviluppati b'effett mill-1 ta’ Jannar 2011 wara l-iskadenza tal-perjodu tranżizzjonali ta’ tliet snin. |
|
(5) |
Il-perjodu tranżizzjonali mogħti skont ir-Regolament (KE) Nru 1547/2007, li inzerta fi żmien ta’ kriżi ekonomika, kien karatterizzat minn tnaqqis tal-volumi kummerċjali li fixkel l-isforzi ta’ diversifikazzjoni ekonomika ta’ Cape Verde. Għalhekk, dan il-perjodu tranżizzjonali ma pprovdiex iż-żmien meħtieġ biex Cape Verde tegħleb id-dipendenza żejda fuq settur ewlieni wieħed tal-esportazzjoni u għalhekk ittaffi l-effetti potenzjalment negattivi tat-tneħħija mill-iskema EBA. Dan il-perjodu għandu għalhekk jiġi mtawwal sal-1 ta’ Jannar 2012. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1547/2007 jiġi sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 1
Ir-Repubblika ta' Cape Verde għandha titneħħa mil-lista ta’ pajjiżi li jgawdu mill-arranġament speċjali għall-inqas pajjiżi żviluppati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 732/2008, b’effett mill-1 ta' Jannar 2012.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(2) Ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-UN A/Res/59/210 tal-20 ta’ Diċembru 2004.