Brussell, 18.12.2024

COM(2024) 591 final

2024/0327(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 10152/2021; ST 10152/2021 ADD1) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja

{SWD(2024) 288 final}


2024/0327 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) (ST 10152/2021; ST 10152/2021 ADD1) tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara li l-Greċja ppreżentat il-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRP - recovery and resilience plan”) tagħha fis-27 ta’ April 2021, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill biex jagħtih valutazzjoni pożittiva. Il-Kunsill approva l-valutazzjoni pożittiva permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 2 . Din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 u fis-16 ta’ Lulju 2024 3 .

(2)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Greċja għamlet talba motivata lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta biex id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 tiġi emendata f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 għar-raġuni li l-RRP ma għadux jista’ jinkiseb għalkollox minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Abbażi ta’ dan, il-Greċja ppreżentat RRP emendat.

Emendi bbażati fuq l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241

(3)L-emendi għall-RRP ppreżentati mill-Greċja minħabba ċirkostanzi oġġettivi jikkonċernaw 24 miżura.

(4)Il-Greċja spjegat li l-istadju importanti 33 u l-mira 36 u r-rekwiżiti stipulati fid-deskrizzjoni tal-miżura 16874 (Enerġija u intraprenditorija) taħt il-komponent 1.2 (Rinnovazzjoni) ma għadhomx jistgħu jinkisbu għalkollox minħabba nuqqas ta’ domanda. Abbażi ta’ dan, il-Greċja talbet li tnaqqas il-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-istadju importanti u tal-mira msemmija hawn fuq. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. 

(5)Il-Greċja spjegat li l-istadju importanti 38 tal-miżura 16873 (Interventi f’żoni residenzjali u fl-istokk tal-bini) taħt il-komponent 1.2 (Rinnovazzjoni) ma għadux jista’ jinkiseb għalkollox minħabba kwistjonijiet legali b’subproġett wieħed, li ma kinux previsti inizjalment. Abbażi ta’ dan, il-Greċja talbet li tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istadju importanti msemmi hawn fuq. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. 

(6)Il-Greċja spjegat li ġew emendati erba’ miżuri biex jimplimentaw alternattivi aħjar biex tinkiseb l-ambizzjoni oriġinali ta’ dawk il-miżuri. Dan jikkonċerna, rispettivament, l-istadju importanti 142a u l-istadju importanti ġdid 142b u d-deskrizzjoni tal-miżura 16746 (Riforma tal-Politiki Passivi tas-Suq tax-Xogħol biex jiġu appoġġati Tranżizzjonijiet għall-Impjiegi) taħt il-komponent 3.1 (Promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol); l-istadju importanti 146 tal-miżura 16792 (Il-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol permezz ta’ mudell ta’ taħriġ riformat) taħt il-komponent 3.2 (L-edukazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-ħiliet); id-deskrizzjoni tal-miżura u l-mira 162 tal-miżura 16820 (Riforma fl-oqsma tas-saħħa mentali u tad-dipendenzi) taħt il-komponent 3.3 (Titjib tar-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa); u l-miri 326, 326a, 327, 327a, 328, 328a, 329 u 330 u d-deskrizzjoni tal-miżura 16980 (Faċilità ta’ Self) taħt il-komponent 4.7 (Titjib tal-kompetittività u promozzjoni tal-investimenti privati u l-esportazzjonijiet). Abbażi ta’ dan, il-Greċja talbet li temenda l-istadji importanti, il-miri u l-miżuri msemmija hawn fuq. B’mod speċifiku, il-Greċja pproponiet li żżid stadju importanti ġdid 142b li jissostitwixxi parti mill-istadju importanti 142a tal-miżura 16746, sabiex jitqiesu r-riżultati ta’ studju li se jsir fil-futur. Barra minn hekk, il-Greċja pproponiet li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura 16820. Barra minn hekk, il-Greċja pproponiet li tbiddel parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istadju importanti 146 tal-miżura 16792, li jista’ jitwettaq aħjar permezz ta’ mezzi oħra. Flimkien ma’ dan, il-Greċja pproponiet li tirrevedi l-miri 326, 326a, 327, 327a, 328, 328a, 329 u 330 tal-miżura 16980 sabiex tiffinanzja prijoritajiet nazzjonali kritiċi ġodda. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(7)Il-Greċja spjegat li ġew emendati 11-il miżura biex jiġu implimentati alternattivi aħjar li jippermettu t-tnaqqis tal-piż amministrattiv filwaqt li xorta jintlaħqu l-objettivi tal-miżura rispettiva. Dan jirrigwardja l-istadji mportanti 147, 150 u 151 tal-miżura 16289 (Strateġija għall-Eċċellenza fl-Universitajiet & Innovazzjoni) taħt il-komponent 3.2 (L-edukazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-ħiliet); l-istadju importanti 12 u d-deskrizzjoni tal-miżura 16901 (Titjib tan-network tal-Operatur tan-Network tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku Elleniku (HEDNO) bl-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza u jiġi protett l-ambjent), l-istadju importanti 13 tal-miżura 16900 (Titjib tan-network fl-għoli tal-Operatur tan-Network tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku Elleniku (HEDNO) fiż-żoni tal-foresti), u l-istadju importanti 14 u d-deskrizzjoni tal-miżura 16899 (Żieda fil-kapaċità installata fis-substazzjonijiet Vultaġġ Għoli/Vultaġġ Medju tal-Operatur tan-Network tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku Elleniku (HEDNO) għal konnessjoni RES ġdida) taħt il-komponent 1.1 (Power up); il-mira 23, il-mira 24, il-mira 25, il-mira 26 u d-deskrizzjoni tal-miżura 16872 (Rinnovazzjoni tal-enerġija fuq bini residenzjali), u l-istadju importanti 28, il-mira 29 u d-deskrizzjoni tal-miżura 16879 (Tħejjija ta’ Pjanijiet Urbani fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-politika urbana) taħt il-komponent 1.2 (Rinnovazzjoni); id-deskrizzjoni tal-miżura 16831 (Produc-E Green) taħt il-komponent 1.3 (Iċċarġjar u riforniment); id-deskrizzjoni tal-miżura 16911 (Mezzi tal-ajru għall-ġestjoni tal-kriżijiet) taħt il-komponent 1.4 (Użu sostenibbli tar-riżorsi, reżiljenza għall-klima u l-protezzjoni ambjentali); l-istadju importanti 337 tal-miżura 16985 (Modifiki għall-qafas tal-politika tat-taxxa tal-Greċja) taħt il-komponent 4.1 (Nagħmlu t-taxxi aktar favorevoli għat-tkabbir u ntejbu l-amministrazzjoni tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa); l-istadji importanti 303 u 308 u d-deskrizzjoni tal-miżura 16593 (Emenda tal-qafas legali għall-attrazzjoni ta’ investiment strateġiku), u l-istadju importanti 279 tal-miżura 16486 (Mużew ta’ antikitajiet ta’ taħt l-ilma) taħt il-komponent 4.6 (Modernizzazzjoni u titjib tar-reżiljenza tas-setturi ekonomiċi ewlenin). Abbażi ta’ dan, il-Greċja talbet li tiċċara u tissimplifika t-test tal-istadji importanti sabiex tneħħi informazzjoni ta’ sfond mhux meħtieġa jew elementi proċedurali li ma jikkontribwixxux għall-objettivi tal-miżuri, u biex tiċċara li ċerti elementi huma relatati mal-objettivi jew mal-kuntest tal-miżuri. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(8)Il-Greċja talbet ukoll li tuża r-riżorsi lliberati mit-tnaqqis tal-miżura 16980 (Faċilità ta’ Self) taħt il-komponent 4.7 (Titjib tal-kompetittività u promozzjoni tal-investimenti privati u l-esportazzjonijiet), skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241 biex jiżdiedu tliet miżuri ġodda. Dan jikkonċerna l-istadji importanti ġodda 378, 379, 380, u 381 taħt il-miżura 16400 (Programm ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli “MY HOME II”) taħt il-komponent 3.4 (Żieda fl-aċċess għal politiki soċjali effettivi u inklużivi); u l-istadji importanti ġodda 374, 375, 376, u 377 taħt il-miżura 16401 (Programm ta’ Aġġornament tal-Enerġija “UPGRADE MY HOME”) taħt il-komponent 1.2 (Rinnovazzjoni). Żdiedet riforma komplementari bl-introduzzjoni tal-istadji importanti ġodda 181 u 181a taħt il-miżura 16402 (Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli) taħt il-komponent 3.4 (Żieda fl-aċċess għal politiki soċjali effettivi u inklużivi). Barra minn hekk, il-Greċja talbet biex iżżid il-livell ta’ implimentazzjoni meħtieġa ta’ erba’ miżuri. Dan jikkonċerna d-deskrizzjoni tal-miżura, il-mira 163, il-mira 164 u l-mira 164a tal-miżura 16756 (Riformi Organizzazzjonali fis-Sistema tas-Saħħa) taħt il-komponent 3.3 (Titjib tar-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa); l-istadju importanti 62a, l-istadju importanti 63 u d-deskrizzjoni tal-miżura 16849 (Pjan Nazzjonali ta’ Riforestazzjoni “antiNERO”) taħt il-komponent 1.4 (Użu sostenibbli tar-riżorsi, reżiljenza għall-klima u protezzjoni ambjentali); l-istadju importanti 367, il-mira 369 u d-deskrizzjoni tal-miżura 16994 (Effiċjenza Enerġetika u promozzjoni tar-RES għall-awtokonsum) taħt il-komponent 5.2 (Investimenti tar-REPowerEU). u l-istadju importanti 59a tal-miżura 16772 (Liġi dwar il-ġestjoni tal-iskart għall-implimentazzjoni ta’ rimi fil-miżbliet u r-riċiklaġġ sostenibbli ) taħt il-komponent 1.4 (Użu sostenibbli tar-riżorsi, reżiljenza għall-klima u protezzjoni ambjentali). Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(9)Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet li ressqet il-Greċja jiġġustifikaw l-emendi skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(10)Id-distribuzzjoni tal-istadji importanti u l-miri f’pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi modifikata biex jitqiesu l-emendi għall-pjan u l-iskeda ta’ żmien indikattiva ppreżentata mill-Greċja.

Valutazzjoni tal-Kummissjoni

(11)Il-Kummissjoni vvalutat l-RRP emendat skont il-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241.

Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni ekoloġika inkluża l-bijodiversità

(12)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (e), u mal-Anness V, il-kriterju 2.5, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni A) għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi jammontaw għal ammont li jirrappreżenta 38,0 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat u 81,6 % tal-kostijiet stmati totali tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU kkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241. F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat huwa konsistenti mal-informazzjoni inkluża fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima 2021-2030.

(13)L-RRP modifikat iżomm miżuri li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri tal-2030-2050 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050, kif ukoll għat-trawwim tal-bijodiversità. Pereżempju, l-ambizzjoni tal-miżura ta’ riforestazzjoni u restawr (16849) żdiedet b’mod konsiderevoli fl-RRP modifikat.

(14)Minbarra l-miżuri fl-RRP oriġinali, il-miżuri fil-kapitolu REPowerEU tal-Greċja jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata fil-Greċja u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri għall-2030-2050 u l-objettiv tal-Unjoni tan-newtralità klimatika sal-2050, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod pożittiv għat-tranżizzjoni ekoloġika. Ir-riformi u l-investimenti fil-kapitolu għandhom l-għan li jinċentivaw miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija u jaċċelleraw l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż l-istabbiliment ta’ għodod ta’ politika li jippromwovu l-kondiviżjoni tal-enerġija, l-awtokonsum kollettiv u l-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, il-miżuri tar-REPowerEU jkopru investimenti li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-ħżin tal-elettriku u riforma biex jippromwovu teknoloġiji u prattiki tal-grilji intelliġenti fis-suq tal-elettriku tal-Greċja. Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu b’mod pożittiv għat-tranżizzjoni ekoloġika fil-Greċja billi jnaqqsu d-domanda għall-enerġija, jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u jaċċelleraw it-tranżizzjoni minn sorsi tal-enerġija b’emissjonijiet għoljin għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Kontribuzzjoni għat-tranżizzjoni diġitali

(15)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (f), u mal-Anness V, il-kriterju 2.6, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat fih miżuri li jikkontribwixxu fil-biċċa l-kbira (Klassifikazzjoni А) għat-tranżizzjoni diġitali jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnha. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jwasslu għal ammont li jirrappreżenta 21.4 % tal-allokazzjoni totali tal-RRP emendat ikkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(16)Il-miżuri fl-RRP modifikat ikomplu jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali jew jgħinu jindirizzaw l-isfidi relatati u jindirizzaw tajjeb in-nuqqasijiet tal-Greċja fil-qasam diġitali kif identifikati fit-tieni r-rapport tal-2024 dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali. L-RRP modifikat ikompli jindirizza b’mod sinifikanti l-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali li qed tiffaċċja l-Greċja fl-oqsma tal-konnettività, fis-servizzi pubbliċi diġitali, fil-kapital uman u l-ħiliet diġitali, fid-diġitalizzazzjoni tan-negozji u fl-adozzjoni ta’ teknoloġija diġitali avvanzata.

La tagħmilx ħsara sinifikanti

(17)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (d), u mal-Anness V, il-kriterju 2.4, tar-Regolament (UE) 2021/241, l-RRP emendat mistenni jiżgura li l-ebda miżura (Klassifikazzjoni A) għall-implimentazzjoni ta’ riformi u ta’ proġetti tal-investimenti inklużi f’dan l-RRP ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali fit-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-prinċipju ‘‘la tagħmilx ħsara sinifikanti’’).

(18)L-RRP modifikat jivvaluta l-konformità mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont il-metodoloġija stabbilita fil-gwida teknika mogħtija fl-Avviż tal-Kummissjoni bit-titlu “Gwida teknika dwar l-applikazzjoni ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenża” 4

(19)Il-Greċja ppreżentat valutazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” għal kull miżura ġdida u riveduta b’mod sostanzjali tal-RRP modifikat. L-informazzjoni pprovduta turi li l-RRP mistenni jiżgura l-konformità ma’ dak il-prinċipju. L-informazzjoni mogħtija mill-Greċja tagħmilha possibbli li jiġi konkluż li l-RRP mistenni jiżgura li l-ebda miżura ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852.

Kostijiet

(20)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (i), u l-Anness V, il-kriterju 2.9, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-ġustifikazzjoni pprovduta fl-RRP emendat dwar l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP hija moderament (Klassifikazzjoni B) raġonevoli u plawżibbli, hija konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata mal-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni.

(21)Il-ġustifikazzjoni li tat il-Greċja dwar l-ammont tal-kostijiet stmati tal-RRP kienet moderatament raġonevoli, plawżibbli, konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza. Il-Greċja pprovdiet biżżejjed informazzjoni u evidenza li l-kostijiet stmati ma kinux koperti mill-finanzjament eżistenti jew ippjanat tal-Unjoni. Madankollu, f’għadd limitat ta’ każijiet, l-istimi tal-kostijiet ma setgħux jiġu sostanzjati biżżejjed. B’mod ġenerali, dan jiġġustifika klassifikazzjoni ta’ B skont il-kriterju ta’ valutazzjoni tal-Artikolu 19(3), il-punt (i) tar-Regolament (UE) 2021/241.  

Valutazzjoni pożittiva

(22)Wara l-valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-RRP emendat meta nstab li l-RRP jikkonforma b’mod sodisfaċenti mal-kriterji għall-valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/241, f’konformità mal-Artikolu 20(2) u mal-Anness V ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-riformi u l-proġetti ta’ investiment meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat, l-istadji importanti, il-miri u l-indikaturi rilevanti, u l-ammont disponibbli mill-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-RRP emendat fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli.

Kontribuzzjoni finanzjarja

(23)Il-kostijiet totali stmati tal-RRP emendat tal-Greċja huma ta’ EUR 36 612 904 139. Peress li l-ammont tal-kostijiet totali stmati tal-RRP modifikat huwa ogħla mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata disponibbli għall-Greċja, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 20(4) allokata għall-RRP modifikat tal-Greċja tkun ugwali għall-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja disponibbli għall-RRP emendat tal-Greċja. Dan l-ammont huwa ta’ EUR 18 220 378 076.

(24)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Greċja jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jiġi sostitwit kompletament.

Għoti ta’ self

(25)L-appoġġ fil-forma ta’ self disponibbli għall-Greċja li jammonta għal EUR 17 727 538 920 jibqa’ l-istess.

(26)Wara li qieset ir-raġunijiet imressqa mill-Greċja, it-talbiet għal appoġġ fil-forma ta’ self ta’ Stati Membri oħra u wara li applikat il-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza, l-ammont tal-appoġġ fil-forma ta’ self għall-Greċja jista’ jaqbeż il-limitu ta’ 6,8 %, f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(27)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP għall-Greċja jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill jiġi sostitwit kompletament.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Greċja hija emendata kif ġej:

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-RRP

Il-valutazzjoni tal-RRP emendat tal-Greċja fuq il-bażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2021/241 hija approvata. Ir-riformi u l-proġetti ta’ investiment skont l-RRP, l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-RRP, inklużi l-istadji importanti u l-miri rilevanti kif ukoll l-istadji importanti u l-miri addizzjonali relatati mal-pagament ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self, l-indikaturi rilevanti relatati mal-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri previsti, u l-arranġamenti għall-għoti ta’ aċċess sħiħ mill-Kummissjoni għad-data rilevanti sottostanti huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.”

l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2
Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(2)    Ara d-dokumenti ST 10152 2021 u ST 10152 2021 ADD 1 fi http://register.consilium.europa.eu.
(3)    Ara d-dokumenti ST 15831 2023 u ST 15831 2023 ADD 1 u ST 11858 2024 u ST 11858 2024 ADD 1 fi http://register.consilium.europa.eu .
(4)    ĠU C 58, 18.2.2021, p. 1.