European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/584

17.3.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/584

tas-16 ta’ Marzu 2026

b’appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet Afrikani lejn Afrika ħielsa mill-mini

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-Unjoni taħdem biex ikun hemm grad għoli ta’ kooperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-konflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)

Il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (il-“Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1999 u tikkostitwixxi l-qafas internazzjonali ċentrali biex jintemmu t-tbatija u l-vittmi kkawżati minn mini kontra l-persunal.

(3)

Fil-15 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u l-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jikkontribwixxi għal aktar sigurtà tal-bniedem prevista f’dik l-Istrateġija.

(4)

Fl-10 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tal-Kunsill bit-titolu “Nibnu Ewropa sostenibbli sal-2030 – Progress s’issa u l-passi li jmiss” b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata min-Nazzjonijiet Uniti, u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, l-Unjoni appoġġat b’mod konsistenti l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni permezz ta’ serje ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill, inkluż id-Deċiżjonijiet (PESK) 2017/1428 (1), (PESK) 2020/905 (2), 2(PESK) 2021/257 (3) u (PESK) 2025/781 (4).

(5)

Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta konklużjonijiet tal-Kunsill dwar pożizzjoni tal-UE dwar it-tisħiħ tal-projbizzjoni kontra l-mini kontra l-persunal bil-ħsieb tal-Ħames Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Konvenzjoni.

(6)

Fil-Ħames Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Konvenzjoni, li saret f’Siem Reap-Angkor, il-Kambodja, fl-2024, l-Istati Parti għall-Konvenzjoni adottaw il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Siem Reap-Angkor 2025-2029, li jipprovdi pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni filwaqt li jibni fuq il-kisbiet ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni preċedenti.

(7)

Fl-14 ta’ April 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/781 b’appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Siem Reap-Angkor 2025-2029,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tappoġġa lill-Istati Parti mill-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (“il-Konvenzjoni”) u li huma affettwati mill-mini fl-Afrika fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali għat-tneħħija tal-mini u biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni filwaqt li jilħqu l-objettivi tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. L-Unjoni għandha timplimenta dak l-appoġġ permezz ta’ azzjoni operazzjonali.

2.   L-objettiv tal-azzjoni operazzjonali tal-Unjoni għandu jkun li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-bniedem billi tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, f’konformità mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Siem Reap-Angkor 2025-2029 u tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni operazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

Sabiex jinkiseb l-objettiv tal-azzjoni operazzjonali tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1(2), l-Unjoni għandha tappoġġa l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

It-tisħiħ tal-isforzi tal-Istati Parti mill-Konvenzjoni fl-Afrika biex jiġu ssodisfati l-obbligi tagħhom għat-tneħħija tal-mini skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet;

(b)

il-promozzjoni tal-iskambju ta’ għarfien kompetenza esperta relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni;

(c)

il-wiri tal-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha għall-objettivi tal-Konvenzjoni u l-assigurazzjoni ta’ viżibbiltà xierqa ta’ dak l-impenn.

Artikolu 3

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti relatati mal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2 għandha tiġi fdata lill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) fi sħubija mal-Mines Advisory Group.

3.   L-UNIDIR għandu jimplimenta l-proġetti relatati mal-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2 taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNIDIR.

Artikolu 4

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-azzjoni operazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 3 000 000,36.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq iffinanzjat insemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim neċessarju mal-UNIDIR. Dak il-ftehim għandu jistipula li l-UNIDIR jiżgura identifikazzjoni u viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni li huma ekwivalenti għad-daqs ta’ dik il-kontribuzzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

5.   L-UNIDIR għandu jimplimenta l-azzjoni operazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 f’konformità mad-Deċiżjoni dwar it-tisħiħ tal-governanza u t-trasparenza finanzjarja fi ħdan l-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni, meħuda fl-Erbatax-il Laqgħa tal-Istati Parti mill-Konvenzjoni fl-2015. L-UNIDIR għandu jipprovdi, fost l-oħrajn, rappurtar, rapporti deskrittivi u trimestrali, kif ukoll qafas loġiku u matriċi ta’ attivitajiet kif stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lura lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-UNIDIR. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għal evalwazzjoni li għandha titwettaq mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Kunsill dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3) jew sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk l-ebda ftehim ma jkun ġie konkluż f’dak il-perjodu.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1428 tal-4 ta’ Awwissu 2017 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Maputo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L 204, 5.8.2017, p. 101, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1428/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/905 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1428 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Maputo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L 207, 30.6.2020, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/905/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/257 tat-18 ta’ Frar 2021 b’appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Oslo għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L 58, 19.2.2021, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/257/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/781 tal-14 ta’ April 2025 b’appoġġ għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Siem Reap-Angkor għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1997 fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom (ĠU L, 2025/781, 15.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/781/oj).


ANNESS

DOKUMENT TA' PROĠETT

Ħidma lejn Afrika ħielsa mill-mini: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet Afrikani biex jitneħħa t-theddid mill-mini kontra l-persunal għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp

Kuntest u raġunament

Il-komunità internazzjonali pprovdiet biljuni ta' dollari bi tweġiba għal talbiet għal kooperazzjoni u assistenza internazzjonali biex tappoġġa lill-Istati fit-twettiq tal-obbligi tagħhom fir-rigward tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal (APMBC). Dan l-appoġġ ippermetta t-tneħħija ta' żoni kbar ta' art affettwata mill-mini u inqerdu kwantitajiet kbar ta' mini kontra l-persunal f'ambjenti fraġli, b'kapaċità baxxa, u affettwati minn kunflitti. Dawn l-isforzi neħħew it-theddid għall-benesseri ċivili, naqqsu l-kost uman ta' dawn l-armi, u stabbilew il-pedamenti għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli.

Minkejja l-isforzi kollha madwar id-dinja, tlieta u tletin Stat Parti għall-APMBC għandhom obbligi ta' tlestija pendenti skont l-Artikolu 5. Fit-tħejjija għall-Ħames Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Parti, il-partijiet ikkonċernati ewlenin innutaw li l-ħtiġijiet ta' ħafna Stati Parti li kienu ppreżentaw talbiet għal estensjoni tal-Artikolu 5 għat-tlestija tal-qerda ta' mini kontra l-persunal fil-pajjiżi tagħhom ma kinux qed jiġu ssodisfati. (1) Il-biċċa l-kbira tad-donaturi bilaterali tal-Istati bir-raġun jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq l-Istati Parti bl-aktar riskji u tbatija umana akuti kkawżati minn dawn l-armi. Ħafna Stati Parti oħra għandhom livelli komparattivament baxxi jew medji ta' kontaminazzjoni u batew biex jiżguraw biżżejjed finanzjament nazzjonali jew internazzjonali biex iwettqu stħarriġ u attivitajiet ta' tneħħija. Huwa għal każijiet bħal dawn li l-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap-Angkor (SRAAP) 2025-2029 jinkludi dispożizzjoni biex “tiġi esplorata l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta' fond fiduċjarju volontarju biex jappoġġa lill-Istati Parti affettwati li qed jitħabtu biex jiżguraw assistenza internazzjonali għall-impenji legali u marbuta biż-żmien tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni” (verżjoni mhux disponibbli bil-Malti). (2)

Sittax mit-tlieta u tletin Stat Parti b'obbligi pendenti skont l-Artikolu 5 huma Afrikani. (3) Disa' pajjiżi Afrikani pprovdew pjanijiet ta' ħidma dettaljati, bl-ispejjeż ikkalkulati u pluriennali biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5. (4) Ħamsa rċevew l-iżgħar livelli ta' finanzjament għall-azzjoni kontra l-mini matul l-2019-23 (iċ-Chad, l-Etjopja, il-Mauritania, in-Niġer, u s-Senegal), u wieħed (il-Guinea-Bissau) l-ebda finanzjament jew finanzjament minimu mill-2018. Xi wħud minn dawn l-Istati waslu biex ilestu. Pereżempju, il-Guinea-Bissau allegatament teħtieġ ftit aktar minn USD 7,5 miljun biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5, il-Mauritania USD 3,7 miljun, u s-Senegal USD 8,9 miljun. (5)

L-azzjoni proposta tfittex li tippermetti lill-Istati Parti Afrikani jissodisfaw l-obbligi pendenti tagħhom skont l-Artikolu 5 u juru li l-azzjoni kontra l-mini tkompli ssalva l-ħajjiet u tippermetti żvilupp sostenibbli. L-Afrika hija għalhekk kontinent li l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jiffukaw fih biex jappoġġaw approċċi innovattivi “biex jgħinu lis-sħab tagħna jiksbu l-għan komuni tagħna ta' dinja ħielsa mill-mini” (verżjoni mhux disponibbli bil-Malti). (6) L-għan u l-objettivi ta' din l-azzjoni huma allinjati mill-qrib mal-mandat li rċieva l-Istitut tan-NU għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) mill-Istati Membri (7), u mal-istrateġija ta' riċerka tal-Programm tal-UNIDIR dwar l-Armi Konvenzjonali u l-Munizzjon (CAAP). Is-CAAP tal-UNIDIR ser jimplimenta din l-azzjoni f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-APMBC (APMBC-ISU) u f'kooperazzjoni mal-Mines Advisory Group (MAG) u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

1.   Għan u objettivi

L-għan ġenerali u ż-żewġ objettivi korrispondenti u konnessi u marbuta ta' din l-inizjattiva u l-azzjoni, li kif ġie nnutat huma allinjati mill-qrib mal-mandat tal-UNIDIR, huma dawn li ġejjin:

 

Għan ġenerali: Li jiġu appoġġati ħamsa mill-Istati Afrikani li jirċievu l-inqas kooperazzjoni u assistenza internazzjonali biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal (APMBC).

 

Objettiv 1. Il-bini tal-kapaċità nazzjonali f'sa ħames Stati Afrikani biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-APMBC.

 

Objettiv 2. Il-promozzjoni u l-appoġġ tal-iskambju ta' għarfien u esperjenza dwar il-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali Afrikani għall-implimentazzjoni tal-obbligi skont l-APMBC.

2.   Approċċ: Riżultati, benefiċjarji u attivitajiet

Biex jinkisbu dawn iż-żewġ objettivi konnessi u marbuta, l-azzjoni proposta fiha żewġ pakketti ta' ħidma (jiġifieri attivitajiet, outputs, riżultati/eżiti mistennija). L-enfasi u l-fokus primarju tal-azzjoni huma li tinbena u tissaħħaħ il-kapaċità nazzjonali f'mhux aktar minn ħames Stati Afrikani biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-APMBC (objettiv 1) u jsiru “ħielsa mill-mini”. Id-dokumentazzjoni sistematika tal-esperjenzi u l-identifikazzjoni tal-isfidi, il-miżuri effettivi, il-prattiki, u t-tagħlimiet meħuda minn dan jiġġeneraw għarfien siewi u utli. L-objettiv 2 jiżgura li dan l-għarfien jiġi kondiviż, promoss u skambjat għall-benefiċċju ta' Stati Parti u Stati Membri oħra tal-APMBC, kif ukoll mal-komunità internazzjonali inġenerali.

2.1.   It-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali f'mhux aktar minn ħames Stati Afrikani biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-APMBC

L-UNIDIR ser jissorvelja t-twassil ta' assistenza nazzjonali reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet lil mhux aktar minn ħames Stati Parti Afrikani li:

—

indikaw li huma qrib li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5; u

—

li ngħataw estensjonijiet mid-deċiżjonijiet mil-Laqgħat tal-Istati Parti.

L-UNIDIR ser jaħdem mill-qrib mal-APMBC-ISU kif ukoll mad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi sħab Afrikani biex jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali Afrikani. Minħabba l-Istati benefiċjarji fil-mira u t-tipi ta' attivitajiet previsti fit-talbiet u l-pjanijiet ta' estensjoni tagħhom, l-UNIDIR ser jaħdem ma' operatur strateġiku mhux governattiv tal-azzjoni kontra l-mini li għandu operazzjonijiet u preżenzi eżistenti jew reċenti fil-pajjiżi fil-mira, il-Mines Advisory Group. Dan ser jgħin biex jiġi żgurat li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-attivitajiet ta' stħarriġ u tneħħija jkun jista' jibda malajr, mingħajr il-ħtieġa li jintużaw riżorsi limitati biex tiġi stabbilita preżenza ġdida fil-pajjiż. L-enfasi hawnhekk hija li l-pajjiżi sħab ikunu jistgħu jassumu sjieda nazzjonali sħiħa tal-isforzi biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 b'mod sostenibbli.

2.1.1.   Riżultati

—

Sa żewġ Stati Afrikani jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-APMBC u jippreżentaw dikjarazzjoni volontarja tat-tlestija tat-tneħħija tal-mini bl-appoġġ ta' din l-azzjoni.

—

Tliet Stati Afrikani oħra jagħmlu progress fl-issodisfar tal-obbligi skont l-Artikolu 5 tal-APMBC.

—

L-informazzjoni rilevanti ser tiġi pprovduta fir-rapporti annwali skont l-Artikolu 7 tal-APMBC u fit-talbiet tagħhom għal estensjoni lill-Kumitat tal-Artikolu 5.

Il-progress ser ivarja minn Stat għal ieħor, influwenzat minn sitwazzjonijiet ta' sigurtà (eż., aċċess għal żoni kkontaminati), sjieda, u assistenza komplementari pprovduta minn oħrajn. Dan jista' jinkludi li Stat Parti Afrikan wieħed jew aktar tal-APMBC ikunu jistgħu jiddikjaraw it-tlestija tal-obbligi skont l-Artikolu 5, filwaqt li oħrajn ikunu jistgħu jirrilaxxaw l-art u jiddikjaraw provinċji jew żoni “ħielsa mill-mini”, jilħqu miri interim oħra stabbiliti fl-estensjonijiet (8) u l-pjanijiet nazzjonali skont l-Artikolu 5, u jkollhom perkorsi kredibbli u identifikati lejn it-tlestija. (9) L-Istati benefiċjarji kollha tal-azzjoni ser ikunu saħħew il-kapaċità nazzjonali għall-ġestjoni sostenibbli tal-obbligi li jifda skont l-Artikolu 5.

2.1.2.   Benefiċjarji u miri

Il-benefiċjarji primarji u l-Istati fil-mira huma ħames Stati Afrikani li pprovdew pjanijiet ta' ħidma dettaljati, bl-ispejjeż ikkalkulati u pluriennali f'talbiet għal estensjoni biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-APMBC, iżda li rċevew livelli baxxi ta' assistenza internazzjonali: il-Guinea-Bissau, il-Mauritania, is-Senegal, is-Sudan t'Isfel u ż-Żimbabwe. Lejn l-aħħar ta' Ottubru 2025, l-UNIDIR ikkuntattja lil dawn l-Istati benefiċjarji potenzjali biex jinfurmahom u jfittex espressjonijiet ta' interess għal din l-azzjoni proposta. (10) Sal-aħħar ta' Diċembru 2025, l-Istitut irċieva ħames tweġibiet pożittivi. (11) Il-benefiċjarji finali huma n-nies, il-komunitajiet, u l-individwi inkluż in-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien, li jbatu mill-impatti diretti u indiretti, negattivi u bbażati fuq il-ġeneru tal-mini kontra l-persunal f'dawn il-pajjiżi.

Ta' min jinnota li Stati Parti Afrikani oħra għall-APMBC jistgħu jiżdiedu mal-lista ta' benefiċjarji u miri, skont il-ħtiġijiet u r-riżorsi disponibbli. Donaturi oħra jistgħu jiġu avviċinati mill-UNIDIR, f'koordinazzjoni mas-SEAE tal-UE, biex jiġi estiż l-ambitu ġeografiku tal-azzjoni.

2.1.3.   Attivitajiet u outputs

L-azzjoni tipprevedi sett ta' attivitajiet “ewlenin” biex tinbena l-kapaċità nazzjonali fl-Istati fil-mira u benefiċjarji kollha u tippermettilhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5 tal-APMBC; u “menù” ta' attivitajiet u appoġġ (fakultattivi), skont il-prijoritajiet tal-benefiċjarji u r-riżorsi disponibbli.

L-attivitajiet “ewlenin” u r-riżultati korrispondenti jinkludu:

—

L-organizzazzjoni ta' laqgħa fil-livell nazzjonali biex jitwettaq rieżami konġunt tat-talba għal estensjoni u l-pjan nazzjonali, biex jiġu identifikati l-prijoritajiet ewlenin, u biex jiġi esplorat jekk “djalogu dwar approċċ individwali” jistax ikun utli, f'koordinazzjoni mal-APMBC-ISU;

—

L-użu ta' għodda ta' prijoritizzazzjoni biex jinkisbu riżultati ta' sjieda nazzjonali li jinfurmaw approċċ individwali u/jew talbiet għal assistenza internazzjonali; u

—

Il-kontribut għat-tħejjija tar-rapporti annwali skont l-Artikolu 7 u l-għoti ta' informazzjoni dwar it-tneħħija tal-mini (aġġornamenti annwali dwar l-Artikolu 5), f'kooperazzjoni mal-APMBC-ISU.

L-UNIDIR, f'kooperazzjoni mal-MAG, is-sieħeb operazzjonali tiegħu inkarigat mill-implimentazzjoni tal-azzjoni kontra l-mini, f'koordinazzjoni mal-APMBC-ISU, u b'ħidma mad-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż, ser jorganizza laqgħa konġunta inizjali fil-pajjiż mal-awtorità nazzjonali għall-azzjoni kontra l-mini b'appoġġ għal kull Stat benefiċjarju. Din il-laqgħa fil-pajjiż ser tirrieżamina t-talba għal estensjoni tal-Artikolu 5 u l-pjan ta' azzjoni, tuża għodda ta' prijoritizzazzjoni tal-UNIDIR biex tidentifika l-prijoritajiet ewlenin u s-sekwenzjar tagħhom, u tesplora jekk djalogu nazzjonali mal-partijiet ikkonċernati fil-livell ta' kapitali jistax jgħin biex isir progress. Eżitu ewlieni tal-laqgħa u l-użu tal-għodda tal-UNIDIR huwa l-prijoritizzazzjoni u s-sekwenzjar tal-attivitajiet ta' prijorità bħala parti minn perkors lejn it-tlestija tal-Artikolu 5. Dan jista' jgħin biex jinforma djalogu nazzjonali mal-partijiet ikkonċernati u, jekk ikun meħtieġ, talbiet oħra għal assistenza internazzjonali.

L-informazzjoni ġġenerata minn dawn il-laqgħat inizjali ta' rieżami konġunt u bl-użu tal-għodda ta' prijoritizzazzjoni ser tinforma wkoll ir-riċerka u l-prodotti li għandhom jiġu ppubblikati taħt din l-azzjoni, u b'hekk iżżid l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni fost l-udjenzi fil-mira (ara 2.2.3).

“Menù” ta' attivitajiet speċifiċi għall-kuntest, inkluż:

—

Stħarriġ (jiġifieri, stħarriġ mhux tekniku u tekniku, NTS, u TS), inkluż id-diżaggregazzjoni u l-kjarifika ta' żoni perikolużi “suspettati” u “kkonfermati”;

—

It-tneħħija ta' żoni bil-mini, bl-użu ta' metodoloġiji xierqa (eż., metodoloġiji manwali, mekkaniċi, jew imħallta), u r-rappurtar dwar il-progress;

—

Attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet nazzjonali fi:

—

Il-ġestjoni tal-informazzjoni;

—

Ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-istandards nazzjonali, meta rilevanti jew meħtieġ; u

—

Edukazzjoni dwar ir-riskju ta' ordinanza splussiva u kollegament mal-komunità, meta rilevanti.

L-attivitajiet operazzjonali kollha speċifiċi għall-kuntest ser jiġu implimentati, immonitorjati u evalwati f'konformità mal-Istandards Internazzjonali għal Azzjoni rigward il-Mini (IMAS) approvati min-NU.

L-għodda ta' prijoritizzazzjoni tal-UNIDIR ser tintuża biex jiġu identifikati l-attivitajiet speċifiċi għall-kuntest li għandhom jitwettqu taħt din l-azzjoni, b'kont meħud ta':

—

It-talbiet għal estensjoni u deċiżjonijiet skont l-Artikolu 5 mil-Laqgħa tal-Istati Parti;

—

Il-prijoritajiet identifikati fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dettaljati u bl-ispejjeż ikkalkulati;

—

Il-livell u l-grad ta' sjieda nazzjonali murija mill-Istat fil-mira;

—

Ir-riżorsi disponibbli;

—

Valutazzjoni ta' kwalunkwe assistenza oħra possibbli riċevuta mill-Istat jew ippjanata (minn donaturi oħra); u

—

Il-probabbiltà li l-attivitajiet appoġġati mill-azzjoni jiksbu riżultati/eżiti ta' suċċess.

F'kull każ, l-attivitajiet ser ikunu mmexxija mill-kuntest u jistgħu jiżdiedu jew jitnaqqsu biex jikkorrispondu mar-riżorsi u d-durata tal-azzjoni.

Għalkemm it-taħlita ta' attivitajiet operazzjonali ser tiġi ddeterminata mill-kuntest nazzjonali, l-esperjenza tal-UNIDIR u l-informazzjoni disponibbli mis-sħab operazzjonali tal-azzjoni kontra l-mini fl-Afrika jindikaw li ż-żewġ pakketti ta' attivitajiet speċifiċi għall-kuntest li ġejjin jistgħu jitwettqu taħt din l-azzjoni.

Eżempju 1. Il-menù ta' attivitajiet operazzjonali li għandhom jitwasslu mill-MAG f'pajjiż b'livell baxx ta' kontaminazzjoni iżda li huma operazzjonalment kumplessi jista' jinkludi:

—

It-twettiq ta' stħarriġ mhux tekniku;

—

It-taħriġ u l-kapaċità tal-persunal mibnija fuq l-istħarriġ tekniku u t-tneħħija;

—

Operazzjonijiet ta' stħarriġ u ta' tneħħija għall-kanċellazzjoni, it-tnaqqis, it-tneħħija tal-mini mill-art; u

—

Ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-istandards nazzjonali.

Tingħata prijorità liż-żoni tal-pajjiżi fejn it-tneħħija ppermettiet lill-Istat jimxi b'mod deċiżiv lejn it-twettiq tal-obbligi skont l-Artikolu 5 tal-APMBC. Tingħata prijorità wkoll lil attivitajiet li jsaħħu b'mod sostenibbli l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali għall-ippjanar, ir-rappurtar, inkluż il-ġestjoni tal-informazzjoni, kif ukoll il-ġestjoni tar-riskju residwu.

Eżempju 2. Il-menù ta' attivitajiet operazzjonali li għandhom jitwasslu mill-MAG f'pajjiż b'livell ta' kontaminazzjoni identifikat b'mod ċar iżda dens ħafna li għandu jiġi indirizzat jista' jinkludi:

—

It-twettiq ta' stħarriġ tekniku;

—

It-taħriġ u l-kapaċità tal-persunal mibnija biex isostnu l-kapaċità ta' stħarriġ tekniku u ta' tneħħija;

—

L-użu ta' assi manwali u tekniċi xierqa; u

—

Operazzjonijiet ta' tneħħija immirati ta' żoni perikolużi kkonfermati.

Tingħata prijorità liż-żamma tal-momentum fuq il-progress fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tal-APMBC, it-tnaqqis tar-riskju għall-komunità, kif ukoll il-protezzjoni tat-trajettorja għat-tlestija, filwaqt li jiġu kkomplementati l-isforzi li għaddejjin mill-awtorità nazzjonali u, potenzjalment, is-sħab internazzjonali l-oħra tagħha.

2.2.   Il-promozzjoni u l-appoġġ tal-iskambju ta' għarfien u esperjenza dwar il-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali Afrikani għall-implimentazzjoni tal-obbligi skont l-APMBC

L-UNIDIR ser iwettaq riċerka u, mas-sħab tiegħu, jiġbor u janalizza informazzjoni, inkluż data dwar sfidi, miżuri effettivi, u tagħlimiet meħuda, biex l-Istati Parti Afrikani jkunu jistgħu jnaqqsu r-riskju ppreżentat mill-mini kontra l-persunal f'pajjiżhom biex jgħinu fil-kisba tal-objettiv 2. L-analiżi ser tesplora wkoll l-opportunitajiet u l-isfidi ffaċċati fl-implimentazzjoni ta' approċċ reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru u inklużiv. L-UNIDIR ser jistabbilixxi qafas robust ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u tagħlim biex jiġbor tali informazzjoni u data u jagħmilha disponibbli għall-partijiet ikkonċernati ewlenin involuti fl-azzjoni kontra l-mini u l-komunità internazzjonali inġenerali. L-enfasi hawnhekk hija li l-Istati Afrikani u l-kontinent ikunu jistgħu jassumu s-sjieda fit-twettiq tal-obbligi u jimpenjaw ruħhom għal responsabbiltajiet kondiviżi fil-ħidma lejn Afrika ħielsa mill-mini.

2.2.1.   Riżultati

L-ewwel riżultat huwa għarfien akbar ta' approċċi prattiċi biex l-Istati Parti Afrikani jkunu jistgħu jnaqqsu r-riskju ppreżentat mill-mini kontra l-persunal f'pajjiżhom billi jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5. It-tieni huwa sensibilizzazzjoni akbar dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fl-appoġġ lill-Afrika biex issir ħielsa mill-impatti tal-mini kontra l-persunal.

2.2.2.   Benefiċjarji u miri

Il-193 Stat Membru tan-NU, b'mod partikolari l-Istati Parti Afrikani tal-APMBC  (12) u l-Istati Membri tal-Unjoni Afrikana huma l-benefiċjarji u dawk primarjament fil-mira. L-UNIDIR ser jinvolvi ruħu wkoll mal-istrutturi u d-Delegazzjonijiet tal-UE, l-entitajiet rilevanti tan-NU, organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u l-pubbliku ġenerali, li ser jibbenefikaw mill-attivitajiet u l-prodotti. Il-benefiċjarji aħħarija huma n-nies, il-komunitajiet, u l-individwi inkluż in-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien, li jbatu mill-impatti diretti u indiretti, negattivi u bbażati fuq il-ġeneru tal-mini kontra l-persunal f'dawn il-pajjiżi fl-Afrika u f'reġjuni oħra tad-dinja.

2.2.3.   Attivitajiet u outputs

L-UNIDIR ser jipprovdi workshop wieħed dwar it-trasferiment tal-għarfien għall-Istati Parti Afrikani għall-APMBC u rapport dwar is-sejbiet ewlenin tal-azzjoni u l-workshop dwar it-trasferiment tal-għarfien. Bħala parti minn din l-azzjoni proposta, l-Istitut ser jiżviluppa u jagħmel disponibbli għall-pubbliku qafas ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u tagħlim. L-UNIDIR ser jiżviluppa wkoll għodda ta' prijoritizzazzjoni, joħroġ sa ħames skedi informattivi u jħejji u jippubblika sa tmien punti tal-aħbarijiet dwar il-progress li jkun sar mill-benefiċjarji Afrikani. Ser jospita wkoll b'mod konġunt sa tmien avvenimenti mal-UE għas-sensibilizzazzjoni dwar l-azzjoni u jikkondividi r-riżultati b'mod immirat fost il-benefiċjarji primarji u sekondarji u l-udjenzi fil-mira. Hawn taħt qed tingħata informazzjoni dwar is-sekwenzjar tentattiv propost ta' dawn l-attivitajiet u r-riżultati.

Matul l-ewwel sitt xhur tal-azzjoni, l-UNIDIR ser jiżviluppa u jittestja l-għodda ta' prijoritizzazzjoni għall-użu mal-istati benefiċjarji, inkluż matul il-laqgħat ta' rieżami konġunt inizjali (ara 2.1.3 hawn fuq). Tul l-azzjoni kollha, l-UNIDIR, f'kooperazzjoni mal-MAG, ser iħejji ħames skedi informattivi – waħda għal kull stat Afrikan benefiċjarju. Kull skeda informattiva ser tipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tal-użu mill-pajjiż tal-għodda ta' prijoritizzazzjoni tal-UNIDIR u l-progress li sar biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 5 tal-APMBC. Dawn il-materjali jistgħu jintużaw mill-istati benefiċjarji u s-sħab tal-UNIDIR fl-Afrika, kif ukoll mill-komunità internazzjonali involuta fl-azzjoni kontra l-mini, biex jgħinu lill-Istati Parti jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 5.

Matul it-tliet snin ta' din l-azzjoni, l-UNIDIR ser jorganizza u jospita b'mod konġunt, mal-UE, żewġ avvenimenti fis-sena f'Ġinevra biex jippreżenta l-progress tal-azzjoni u s-sejbiet tar-riċerka għall-komunità ta' politika u prattika tal-azzjoni kontra l-mini. Dawn jistgħu jinkludu avvenimenti sekondarji matul il-laqgħa intersessjonali għal-Laqgħa tal-Istati Parti (LIP) tal-APMBC, il-LIP annwali tal-APMBC, il-laqgħat tad-Diretturi Nazzjonali tal-Azzjoni kontra l-Mini u tal-Konsulenti tan-Nazzjonijiet Uniti, u/jew avveniment awtonomu. L-UNIDIR ser jikkoordina u jaħdem mill-qrib mal-APMBC-ISU biex jiżgura li dawn ikunu allinjati ma' laqgħat possibbli ta' approċċ individwalizzat u jikkontribwixxu għalihom. L-avveniment sekondarju finali ta' din l-azzjoni ser isir matul il-laqgħa intersessjonali għas-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Parti għall-APMBC fl-2029. Barra minn hekk, l-UNIDIR ser jorganizza u jospita b'mod konġunt mal-UE, avvenimenti fl-Afrika fl-ewwel u t-tielet sena tal-azzjoni, f'kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana (UA) jew organizzazzjoni subreġjonali Afrikana. Biex jippromwovi l-kwistjonijiet ewlenin diskussi matul dawn l-avvenimenti, l-UNIDIR ser iħejji u jtella' punti ta' aħbarijiet fuq is-sit web tiegħu. Dawn l-attivitajiet u r-riżultati ser ikunu ta' sensibilizzazzjoni għar-rwol tal-UE fit-trawwim tal-kooperazzjoni u l-ħolqien ta' sens ta' responsabbiltà kondiviża fost il-partijiet ikkonċernati li jaħdmu lejn Afrika ħielsa mill-impatti negattivi tal-mini kontra l-persunal.

Matul it-tieni sena, l-UNIDIR ser jorganizza u jospita b'mod konġunt mal-UE, workshop dwar l-iskambju ta' informazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien fl-Afrika, f'kooperazzjoni mal-UA jew organizzazzjoni subreġjonali Afrikana, u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-APMBC-ISU. L-UNIDIR ser iwettaq riċerka biex jinforma s-sessjoni ta' ħidma. Dan ser jitfassal u jiġi organizzat bl-użu ta' metodoloġija speċifika biex jiġi ffaċilitat skambju ta' esperti bejn il-pari dwar l-isfidi, il-prattiki effettivi, u l-approċċi innovattivi fil-ħidma lejn it-tlestija tal-Artikolu 5 fl-Afrika. Il-workshop ser ilaqqa' flimkien 15-il Stat Parti Afrikan tal-APMBC, inkluż dawk li reċentement lestew l-obbligi skont l-Artikolu 5 u dawk li qed ifittxu li jwettquhom. Fit-tielet sena, l-UNIDIR ser jippubblika u jxerred rapport li jipprovdi informazzjoni ġġenerata minn dan il-workshop għall-użu minn partijiet ikkonċernati oħra biex jgħin fil-progress lejn Afrika ħielsa mill-mini.

3.   Impenn mal-UE u viżibbiltà

Din l-azzjoni hija mfassla kemm biex tisfrutta s-sinerġiji ma' inizjattivi u azzjonijiet oħra mmexxija mill-UE (bħall-proġett APMBC-ISU biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-SRAAP, (13) l-EUNPDC, (14) u/jew proġetti speċifiċi oħra ffinanzjati mill-UE). Din ser tipprovdi opportunitajiet għall-UE biex tkompli tikkonsolida l-profil pubbliku u t-tmexxija tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-armi konvenzjonali, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm umanitarju f'diversi livelli. L-UNIDIR ser jikkoopera mal-istrutturi tal-UE fi Brussell u jimpenja ruħu b'mod attiv mas-Servizz għall-Azzjoni Esterna tal-UE, bħala l-interlokutur ewlieni, kif ukoll mad-Delegazzjonijiet Permanenti tal-UE għan-NU f'Ġinevra u New York. Barra minn hekk, l-UNIDIR ser jinvolvi ruħu wkoll mad-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi sħab Afrikani u jaħdem magħhom, billi jibda b'laqgħat inizjali ta' rieżami konġunt fil-pajjiż (ara 2.1.3 hawn fuq), u fi Stati li jospitaw organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali Afrikani rilevanti, biex tinbena l-kapaċità nazzjonali. Minbarra l-pubblikazzjoni ta' prodotti bil-miktub f'konformità mal-linji gwida tal-UE dwar il-viżibbiltà (ara wkoll hawn taħt). L-UE ser tkun viżibbli fl-avvenimenti kollha ko-organizzati mal-UNIDIR, inkluż billi tipprovdi kummenti tal-ftuħ u/jew tal-għeluq, timmodera, jew tikkontribwixxi bħala espert. L-UNIDIR iqis il-workshop dwar l-iskambju tal-għarfien matul it-tieni sena u ż-żewġ avvenimenti matul it-tielet sena tal-azzjoni bħala opportunitajiet “flagship” biex jiġi promoss ir-rwol ewlieni tal-UE fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika.

Sakemm il-Kummissjoni Ewropea ma taqbilx jew ma titlobx mod ieħor, l-UNIDIR ser jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippubbliċizza l-fatt li l-proġett ġie ffinanzjat mill-UE, kif ukoll jenfasizza r-rwol tal-UE f'din l-azzjoni. Dawn il-miżuri ser jitwettqu skont il-Manwal ta' Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea stipulat u ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. (15) L-emblema tal-UE u d-dikjarazzjonijiet ta' finanzjament ser jintużaw biex tiġi rikonoxxuta u żgurata l-viżibbiltà tal-UE. Dan ser jiżgura li l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-azzjoni jkun viżibbli, trasparenti u mmarkat kif xieraq.

4.   Kooperazzjoni u sħubijiet

L-organizzazzjoni li timplimenta din l-azzjoni hija l-UNIDIR. L-UNIDIR ser jaħdem f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, inkluż l-Istati Parti Afrikani għall-APMBC u membri tal-Unjoni Afrikana (UA), l-APMBC-ISU, l-UA u l-komunitajiet ekonomiċi reġjonali Afrikani, entitajiet oħra tan-NU (bħall-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta' Diżarm, is-Servizz ta' Azzjoni kontra l-Mini, il-Programm ta' Żvilupp, u l-Uffiċċji fil-Pajjiżi, kif ukoll membri oħra tal-Grupp ta' Koordinazzjoni Bejn l-Aġenziji tan-NU għall-Azzjoni kontra l-Mini), organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, u organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili.

L-UNIDIR ser jikkoopera, jikkoordina u jikkollabora mill-qrib, b'mod partikolari mal-APMBC-ISU, fl-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni, filwaqt li jiżgura li l-attivitajiet u r-riżultati tiegħu jinfurmaw jew jibnu fuq, u joħolqu u jimmassimizza sinerġiji u komplementarjetajiet mal-proġett appoġġat mill-UE tal-APMBC-ISU b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-SRAAP. Hekk kif iż-żewġ organizzazzjonijiet/entitajiet huma bbażati f'Ġinevra, ser isiru laqgħat regolari bejn l-UNIDIR u l-APMBC-ISU biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet u l-avvenimenti. L-UNIDIR ser jistieden lill-ISU biex tipparteċipa fl-avvenimenti kollha organizzati u ospitati b'mod konġunt mal-UE, u jżomm lill-ISU infurmata regolarment dwar l-attivitajiet u l-outputs tal-azzjoni.

4.1.   Sorveljanza tas-sħab mill-UNIDIR

L-UNIDIR ser jinvolvi operaturi mhux governattivi tal-azzjoni kontra l-mini min-network eżistenti tiegħu ta' sħab li magħhom għandu ftehimiet kooperattivi (jiġifieri memoranda ta' qbil) u li għandhom operazzjonijiet f'pajjiżi benefiċjarji Afrikani, bħala sħab ta' implimentazzjoni biex iwettqu attivitajiet taħt 2.1.3, u jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv 1. L-UNIDIR jikkonforma mar-regoli u r-regolamenti tan-NU għall-ġestjoni tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u japplikahom. (16) Għandu s-sistema u l-proċessi fis-seħħ biex jimmaniġġa u jaħdem b'mod effettiv u effiċjenti ma' sħab operazzjonali bħal dawn fil-pajjiżi Afrikani. Dan jinkludi standards għall-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju u orjentat lejn ir-riżultati għad-diliġenza dovuta, l-għażla, il-monitoraġġ tal-prestazzjoni, l-evalwazzjoni, u s-sorveljanza finanzjarja.

5.   Tul ta' żmien tal-azzjoni

It-tul ta' żmien tal-azzjoni stmat li jdum 36 xahar.

6.   Entità ta' implimentazzjoni u sieħeb

6.1.   Dwar l-UNIDIR

L-UNIDIR huwa istitut awtonomu fis-sistema tan-NU li jipprovdi riċerka indipendenti, spazju għal djalogu, pariri, għodod, u bini tal-kapaċità lill-Istati u partijiet interessati oħra dwar kwistjonijiet kritiċi għas-sigurtà, il-kontroll tal-armi, id-diżarm, inkluż id-diżarm umanitarju, u l-iżvilupp. L-istorja, ir-riċerka u l-ħidma tal-Istitut lejn id-diżarm umanitarju jmorru lura għas-snin 90, qabel l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-APMBC. (17) Għoxrin sena ilu, l-UE kkooperat mal-UNIDIR biex tinforma l-istrateġiji tagħha għall-azzjoni kontra l-mini, il-fdalijiet splussivi tal-gwerra, u l-programmazzjoni tal-kontroll tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir. (18) Għal aktar minn deċennju, l-UNIDIR u s-CAAP tiegħu ħadmu mill-qrib mas-sħab reġjonali Afrikani u l-Istati Membri biex jappoġġaw it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-programmazzjoni biex jindirizzaw armi illeċiti u jnaqqsu l-ħsara kkawżata minn theddid splussiv fil-kontinent Afrikan. F'dawn l-aħħar snin, l-UNIDIR ikkonċentra l-isforzi tiegħu f'dan il-qasam fuq l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni effettivi tat-trattati b'mod ġenerali, inkluż l-APMBC, l-użu ta' armi splussivi f'żoni popolati, it-theddid ikkawżat minn mini tal-art improvviżati, (19) u r-rwol tal-ġeneru f'azzjoni effettiva kontra l-mini. (20) L-Istitut huwa impenjat li jippromwovi l-għanijiet u l-objettivi relatati mal-ġeneru adottati min-NU, u jibqa' ddedikat għall-avvanz tal-kontributi tan-nisa fid-diżarm, inkluż id-diżarm umanitarju, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi, il-paċi u s-sigurtà, u b'hekk jikkontribwixxi għall-aġenda dwar id-WPS. L-UNIDIR iżomm relazzjonijiet u kooperazzjoni b'saħħithom u ta' fiduċja mal-Istati Afrikani, b'aċċess uniku fil-livelli strateġiċi u operazzjonali tal-gvern. Dan jibbenefika minn sħubijiet b'saħħithom u stabbiliti sew ma' organizzazzjonijiet ta' azzjoni kontra l-mini li joperaw madwar l-Afrika. L-UNIDIR huwa rikonoxxut għan-newtralità, l-oġġettività u l-imparzjalità tar-riċerka u l-ħidma tiegħu biex inaqqas il-ħsara kkawżata mill-armi. Għalhekk, l-UNIDIR jinsab f'pożizzjoni ideali u mgħammar biex jilħaq l-għan u l-objettivi tal-azzjoni.

6.2.   Dwar il-MAG

Il-Mines Advisory Group (MAG) huwa organizzazzjoni umanitarja u ta' promozzjoni madwar id-dinja li jsib, ineħħi u jeqred il-mini tal-art, il-munizzjon dispersiv u l-bombi mhux sploduti minn postijiet affettwati minn kunflitti. Mill-1989, il-ħidma tal-MAG appoġġat direttament aktar minn 22 miljun persuna f'aktar minn 70 pajjiż biex jibnu mill-ġdid ħajjithom u l-għajxien tagħhom wara l-gwerra. Meqjus bħala waħda mill-organizzazzjonijiet umanitarji ewlenin fid-dinja għall-azzjoni kontra l-mini, il-MAG irċieva l-Hilton Humanitarian Prize fl-2025 u rċieva b'mod konġunt il-Premju Nobel għall-Paċi fl-1997. Il-MAG jikkollabora mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, ma' NGOs internazzjonali oħra u ma' sħab lokali biex itejjeb l-effiċjenza, l-innovazzjoni, is-sikurezza u l-produttività. Il-MAG għandu memorandum ta' qbil formali mal-UNIDIR, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi inkluż il-GICHD, is-Small Arms Survey, u International Alert, u huwa wkoll membru tal-Uffiċċju ta' Kollegament Ewropew għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi.


(1)  Ara, pereżempju, il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal – Proċess ta' Talba għal Estensjoni, Rapport mill-Kumitat dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 5, 2023, 21MSP-Committee-Art5-Extension-Request-Process.pdf

(2)  Il-Pjan ta' Azzjoni ta' Siem Reap-Angkor 2025-2029, APLC/CONF/2024/15, il-paragrafu 14, p. 18, 5RC-Final-Report-en.pdf

(3)  Dawn l-Istati Parti jinkludu l-Angola, il-Burkina Faso, iċ-Chad, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Guinea-Bissau, il-Mali, il-Mauritania, in-Niġer, in-Niġerja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, is-Senegal, is-Somalja, is-Sudan t'Isfel, is-Sudan, u ż-Żimbabwe.

(4)  Status of implementation of the Convention by States Parties with outstanding obligations, il-Ħames Konferenza ta' Reviżjoni, APLC/CONF/2024/12, 13 ta' Novembru 2024, APLC/CONF/2024/1

(5)  Landmine Monitor 2024, International Campaign to Ban Landmines, Ġinevra: ICBL-CMC, Novembru 2024, Landmine-Monitor-2024-Final-Web.pdf; u Landmine Monitor, Ġinevra: ICBL-CMC, Diċembru 2025, Landmine-Monitor-2025-Final-Online.pdf

(6)  Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal, il-Ħames Konferenza ta' Reviżjoni, Siem Reap, 25-29 ta' Novembru 2024, Dikjarazzjoni tal-UE dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Internazzjonali, 5RC-8ei-Coop-zz-org-European-Union.pdf

(7)  Ara l-mandat tal-UNIDIR: https://unidir.org/unidir-statute/. Ara wkoll, Activities and operations of UNIDIR, Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, riżoluzzjoni A/C.1/79/L.66, 17 ta' Ottubru 2024. Ara wkoll, Work of the Advisory Board on Disarmament Matters and UNIDIR's Board of Trustees, Rapport tas-Segretarju Ġenerali, A/80/240, 23 ta' Lulju 2025, https://unidir.org/wp-content/uploads/2025/08/UNIDIR-2025-ABDM-Report.pdf

(8)  Ara https://www.apminebanconvention.org/en/implementation/article-5/extension-requests

(9)  Ara, pereżempju, Pathways to Completion: Achieving A Common Goal Through Article 5 in Context, Mines Advisory Group, MAG, 2024, https://maginternational.org/media/filer_public/9c/d1/9cd17054-fb51-461b-ba81-16d962828267/pathways_to_completion-4.pdf

(10)  Wara l-laqgħa tal-CONOP tal-UE li saret fil-15 ta' Ottubru 2025, u fuq suġġeriment u rakkomandazzjoni mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, intbagħtu ittri uffiċjali mill-UNIDIR lejn l-aħħar ta' Ottubru 2025.

(11)  L-ittri ta' tweġiba u l-komunikazzjonijiet uffiċjali ġew ipprovduti lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. L-UNIDIR ikkuntattja wkoll is-sitt pajjiż addizzjonali f'każ li wieħed mill-ħames stati fil-mira primarji ma jkunx irid jibbenefika minn din l-azzjoni.

(12)  L-Afrika t'Isfel, l-Alġerija, l-Angola, il-Benin, il-Botswana, il-Burkina Faso, il-Burundi, Cabo Verde, iċ-Chad, Comoros, il-Djibouti, l-Eritrea, l-Eswatini, l-Etjopja, il-Gabon, il-Gambja, il-Ghana, il-Guinea, il-Guinea-Bissau, il-Kamerun, il-Kenja, il-Kosta tal-Avorju, il-Lesoto, il-Liberja, Madagascar, il-Malawi, il-Mali, il-Mauritania, Mauritius, il-Mozambique, in-Namibja, in-Niġer, in-Niġerja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Repubblika tal-Kongo, ir-Rwanda, São Tomé u Príncipe, is-Senegal, is-Seychelles, Sierra Leone, is-Somalja, is-Sudan, is-Sudan t'Isfel, it-Tanzanija, it-Togo, it-Tuneżija, l-Uganda, iż-Żambja, iż-Żimbabwe. Ara https://treaties.unoda.org/t/mine_ban/participants

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/781, 14 ta' April 2025, Anness, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L_202500781

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/889, 12 ta' Mejju 2025, Anness, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L_202500889

(15)  Ara Communication and raising EU visibility: Guidance for external actions – 2022, 16 ta' Settembru 2024, https://international-partnerships.ec.europa.eu/knowledge-hub/communicating-and-raising-eu-visibility-guidance-external-actions_en#visibility

(16)  Regolamenti u Regoli Finanzjarji tan-NU (FFR), il-Bullettin tas-Segretarju Ġenerali ST/SGB/2018/3, u JIU/REP/2021/4.

(17)  Ara, għal aktar informazzjoni, Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (2006) “Disarmament as Humanitarian Action: From Perspective to Practice”, UNIDIR, Ġinevra, https://unidir.org/files/publication/pdfs/disarmament-as-humanitarian-action-from-perspective-to-practice-288.pdf

(18)  Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (2006), “European Action on Small Arms and Light Weapons and Explosive Remnants of War: Final Report”, UNIDIR, Ġinevra, https://unidir.org/publication/european-action-on-small-arms-and-light-weapons-and-explosive-remnants-of-war-final-report/

(19)  Dan kien jinkludi, pereżempju, l-għoti ta' appoġġ lill-presidenza tal-Ġermanja tal-APMBC dwar id-dokument ta' ħidma dwar mini kontra l-persunal ta' natura improvviżata u l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Mini Kontra l-Persunal, 21MSP-President-Paper-Improvised-AP-Mines.pdf

(20)  Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (2023), “Beyond Oslo: Taking Stock of Gender and Diversity Mainstreaming in the Anti-Personnel Mine Ban Convention”, UNIDIR, Ġinevra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/584/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)