2007D0641 — MT — 24.09.2012 — 005.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

(2007/641/KE)

(ĠU L 260, 5.10.2007, p.15)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-24 ta’ Settembru 2009

  L 262

43

6.10.2009

 M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tad-29 ta’ Marzu 2010

  L 89

7

9.4.2010

 M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tas-27 ta’ Settembru 2010

  L 260

10

2.10.2010

 M4

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-31 ta’ Marzu 2011

  L 93

2

7.4.2011

 M5

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tas-26 ta’ Settembru 2011

  L 252

1

28.9.2011

►M6

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tal-24 ta’ Settembru 2012

  L 263

2

28.9.2012




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

(2007/641/KE)



IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri min naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 ( 1 ) u kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 ( 2 ) (“Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE ( 3 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ( 4 ) (“l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ġew miksura.

(2)

Il-valuri msemmija fl-Artikolu 3 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ġew miksura.

(3)

Fit-18 ta’ April 2007, skond l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, bdew konsultazzjonijiet formali mal-pajjiżi ta’ l-AKP u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi li fihom l-awtoritajiet tal-Fiġi għamlu impenji speċifiċi sabiex jirrimedjaw il-problemi identifikati mill-Unjoni Ewropea u jimplimentawhom.

(4)

Ittieħdu xi miżuri sostantivi fir-rigward ta’ wħud mill-impenji msemmija hawn fuq; madanakollu ħafna impenji importanti li jirrigwardaw l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp għadhom iridu jkunu implimentati,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:



Artikolu 1

Il-Konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp huma konklużi.

Artikolu 2

Il-miżuri xierqa stabbiliti fl-ittra annessa huma hawnhekk adottati bħala miżuri xierqa taħt l-Artikolu 96(2)(ċ) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument għall-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

▼M6

Għandha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2013. Hija għandha tiġi riveduta regolarment tal-anqas darba kull sitt xhur.

▼B

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

▼M6




ANNESS

ABBOZZ TA’ ITTRA

L-Eċċellenza Tiegħu Ratu Epeli NAILATIKAU

President tar-Repubblika tal-Fiġi

Suva

Ir-Repubblika tal-Fiġi

Eċċellenza,

L-Unjoni Ewropea(UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-UE hija bbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet umani, il-prinċipji demokratiċi u t-tmexxija skont il-liġi, li jiġbru flimkien l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u huma s-sies tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Fil-11 ta’ Diċembru 2006 l-Kunsill tal-UE kkundannat il-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-Fiġi.

Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2006 ikkostitwixxa ksur tal-elementi essenzjali elenkati fl-Artikolu 9 ta’ dak il-Ftehim, l-UE stiednet lill-Fiġi għal konsultazzjonjiet, kif previst fil-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, sabiex is-sitwazzjoni tiġi eżaminata bir-reqqa u, fejn neċessarju, jittieħdu passi biex tkun rimedjata.

Il-parti formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bdew fi Brussell fit-18 ta’ April 2007. L-UE laqgħet b’sodisfazzjon il-fatt li f’dak iż-żmien il-Gvern Interim ikkonferma għadd ta’ impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, rispett għal prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt, kif imsemmi hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom.

Sfortunatament, minn dak iż-żmien ‘il hawn kien hemm sensiela ta’ żviluppi rigressivi, b’mod partikolari f’April 2009, u dan ifisser li issal-Fiġi tinsab fi stat ta’ ksur ta’ diversi impenji li daħlet għalihom. Dan jirrigwarda partikolarment l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna fiż-żamma ta’ elezzjonijiet parlamentari, u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ddewmet b’mod sostanzjali, il-maġġoranza ta’ dawk l-impenji għadhom rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti tal-Fiġi, u huma għalhekk mehmuża ma’ din l-ittra. Peress li l-Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta’ impenji ewlenin, dan wassal għal telf għall-Fiġi f’termini ta’ fondi għall-iżvilupp.

Għalkemm għad baqa’ restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, xi passi pożittivi seħħew sa minn kmieni fl-2012; prinċipalment it-tneħħija tar-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika fis-7 ta’ Jannar 2012, it-tħabbir ta’ proċess politiku fid-9 ta’ Marzu 2012 li ser iwassal għal kostituzzjoni ġdida sa Marzu 2013 u l-isttabiliment mill-ġdid tad-demokrazzija kostituzzjonali permezz tal-elezzjonijiet parlamentari li għandhom jinħammu sa Settembru 2014..

B’rikonoxximent ta’ dawn l-iżviluppi u s-sħubija li tikkostittwixxi l-pedamenti tal-Ftehim ta’ ta’ Sħubija AKP-UE, l-UE tesprimi li hi lesta timpenja ruħha fi djalogu formali ġdid rigward dawk l-iżviluppi. Tali djalogu formali jista’ jkun ikkunsidrat fl-okkażjoni ta’ missjoni ta’ analiżi fil-qafas tal-Artikolu 96 tal-Ftehimta’ Sħubija AKP-UE, wara l-konklużjoni b’suċċess ta’ konsultazzjoni kostituzzjonali inklużiva, kredibbli u trasparenti, li mistennija jssir f’Marzu 2013.

Skont dan, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti għall-Fiġi u li temendhom bħala l-ewwel reazzjoni għall-passi meħuda mill-Fiġi, biex partikolarment jippermettu l-varar ta’ diskussjonijiet ta’ programmazzjoni għall-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), u notifika fiż-żmien dovut ta’ allokazzjoni indikattiva għall-Fiġi. L-iffinalizzar, l-iffirmar u l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ huma maħsuba għal mal-Gvern futur elett demokratikament. Konsegwentament, huwa ta’ importanza partikolari li l-Gvern Interim jimpenja ruħu għall-proċess ta’ konsultazzjoni kostituzzjonali inklużiva, kredibbli u trasparenti u għal djalogu politiku domestiku, u jirrispetta partikolarment l-impenji tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u jirrevoka r-restrizzjonijiet li baqa’. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija ggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif ukoll mill-prinċipji fundamentali tiegħu, b’mod notevoli fir-rigward tar-rwol ċentrali ta’ djalogu u t-twettiq ta’ obbligi reċiproki, huwa enfasizzat li l-UE ma waslet għal ebda konklużjoni ppremeditata fir-rigward tal-eżitu ta’ dan id-djalogu.

Jekk l-analiżi u d-djalogu formali maħsuba jkollhom eżitu pożittiv, l-UE hija impenjata għal analiżi pożittiva ulterjuri ta’ dawn il-miżuri xierqa. Bil-maqlub, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, se jkomplu jintilfu l-fondi tal-UE għall-iżvilupp tal-Fiġi. B’mod partikolari, il-valutazzjoni ta’ progress ulterjuri li saret għar-ritorn lejn tmexxija kostituzzjonali se tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar il-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Fiġi skont il-ħdax-il-FEŻ.

Sakemm ikun sar id-djalogu formali, l-UE tistieden lill-Fiġi sabiex tkompli u tintensifika d-djalogu politiku msaħħaħ.

Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:

— l-għajnuna umanitarja u s-sostenn dirett għas-soċjetà ċivili u l-popolazzjonijiet vulnerabbli jistgħu jitkomplew,

— l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li se jsiru b’mod partikolari skont it-tmien u d-disa’ FEŻ, tħallew jibqgħu għaddejjin,

— attivitajiet ta’ kooperazzjoni li jistgħu jgħinu biex tirritorna d-demokrazija u biex tittejjeb it-tmexxija jistgħu jitkomplew, għajr taħt ċirkustastanzi verament eċċezzjonali,

— l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament għall-2006, fir-rigward tar-riforma taz-zokkor tħalliet tipproċedi. Il-ftehim ta’ finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Hu nnotat li l-ftehim ta’ finanzjament jinkludi klawżola ta’ sospensjoni;

— l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 hija żero,

— id-disponibilità tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija kredibbli u opportuna ta’ elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, b’mod partikulari dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludi l-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru 2009,

— l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet imħassra f’Mejju 2009 minħabba li l-Gvern Interim iddeċieda li jittardja l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014,

— L-allokazzjoni għall-2010 ġiet imħassra qabel l-1 ta’ Mejju 2010 peress li ma sar l-ebda progress fit-tkomplija tal-proċess demokratiku; madankollu, minħabba s-sitwazzjoni kritika tas-settur taz-zokkor, parti mill-allokazzjoni twarrbet għal għajnuna diretta lill-popolazzjoni dipendenti direttament fuq il-produzzjoni taz-zokkor sabiex tnaqqas il-konsegwenzi soċjali ħżiena. Dawn il-fondi huma ġestiti b’mod ċentral mid-Delegazzjoni tal-UE f’Suva u ma jiġux mgħoddija lill-Gvern,

— it-tħejjija u l-iffirmar eventwali tal-programm indikattiv multiannwali għall-miżuri akkumpanjanti għar-riforma taz-zokkor għall-2011-2013 jistgħu jipproċedu,

— id-disponibilità tal-allokazzjoni indikattiva taħt il-programm multiannwali għall-miżuri akkumpanjanti fir-rigward ta’ eks pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor 2011-2013 se tkun tiddependi fuq ftehim fil-proċess ta’ konsultazzjoni; fin-nuqqas ta’ tali ftehim ikunu biss intervenzjonijiet ta’ mitigazzjoni soċjali li jiġu meqjusa għall-iffinanzjar permezz ta’ din l-allokazzjoni,

— il-preparazzjoni tal-programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ tista’ tkun varata, sabiex il-Fiġi tkun tista’ tistenna li tkun notifikata b’allokazzjoni indikattiva fiż-żmien dovut,

— appoġġ speċifiku għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ impenji ewlenin, b’mod partikulari b’appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta’ elezzjonijiet, jistgħu jiġu meqjusa,

— il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, m’humiex se jiġu affettwati,

Il-monitoraġġ tal-impenji ser issir b’konformità amt-termini fl-Annessgħal din l-ittra li tikkonċerna d-djalogu regolari, u l-kooperazzoni effettiva ma’ valutazzjonijiet u missjonijiet ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ.

Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi tikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Persuni Eminenti, kif approvat mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Forum fil-laqgħa tagħhom f’Vanuatu fis-16 ta’ Marzu 2007. L-UE tilqa’ l-progress riċenti rigward l-ingaġġ mal-Grupp ta’ Kuntatt Ministerjali tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku imwaqqaf biex jimmonitorja l-progress tal-preparazzjonijiet tal-Fiġi għall-elezzjonijiet u r-ritorn agħad-demokrazija.

L-UE se tkompli ssegwi mill-viċin is-sitwazzjoni fil-Fiġi mill-qrib. Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, djalogu politiku msaħħaħ se jitwettaq mal-Fiġi biex jiġi assigurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-restawr mill-ġdid tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partijiet jikkonkludu li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-għan taghħa.

Jekk ikun hemm majnar, falliment jew rigress fl-implimentazzjoni tal-impenji li daħal għalihom il-Gvern Proviżorju, l-UE żżomm id-dritt li taġġusta mill-ġdid il-miżuri xierqa.

L-UE tenfasizza li l-privileġġi tal-Fiġi fil-kooperazzjoni tagħha mal-UE jiddipendu fuq ir-rispett lejn l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-prinċipji stabbiliti fl-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Sabiex tikkonvinċi lill-UE li l-Gvern Interim huwa kompletament ippreparat li jsegwi l-impenji li ngħataw, huwa essenzjali li jsir progress bikri u sostanzjali fit-twettiq tal-impenji miftiehma.

Dejjem tiegħek,

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

President

Għall-Kummissjoni

Kummissarju




ANNESS GĦALL-ANNESS

IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TAL-FIĠI

A.    Rispett lejn il-Prinċipji Demokratiċi

Impenn Nru 1

Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta’ Marzu 2007, suġġetti għal sejbiet ta’ evalwazzjoni li għandhom isiru mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Il-proċessi li jwasslu għall-elezzjonijiet, u t-twettiq tal-istess elezzjonijiet, għandhom ikunu, b’mod konġunt, sorveljati, adattati u riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta’ parametri maqbula b’mod konġunt. Dan jimplika b’mod partikulari:

— sat-30 ta’ Ġunju 2007 l-Gvern Interim se jadotta skeda li tistabbilixxi dati għat-tlestija ta’ diversi passi li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tħejjija tal-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda,

— l-iskeda tispeċifika ż-żmien ta’ ċensiment, l-abbozz mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali,

— Id-deċiżjoni dwar il-konfini u r-riforma elettorali se tittieħed b’konformità mal-Kostituzzjoni,

— se jittieħdu miżuri sabiex jiġi assigurat il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, inkluż il-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 b’konformità mal-Kostituzzjoni,

— il-ħatra tal-Viċi-President ser issir b’konformità mal-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Interim, meta jadotta inizjattivi u bidliet serji ta’ politika leġiżlattiva, fiskali u oħrajn, għandu jikkunsidra konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati relevanti l-oħra.

B.    L-Istat tad-Dritt

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Interim għandu jagħmel l-akbar sforzi sabiex ma jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta’ sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Interim iħares il-Kostituzzjoni tal-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-ħidma tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu ppreservati.

Impenn Nru 3

Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha kkonċernati, b’mod partikulari:

— li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jaħtar it-tribunal skont is-Sezzjoni 138(3) tal-Kostituzzjoni sal-15 ta’ Lulju 2007,

— li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta’ imħallef għandha għalhekk issir b’konformità stretta mal-proviżjonijiet kostituzzjonali u r-regoli tal-proċedura,

— li ma jkun hemm l-ebda każ ta’ interferenza, fi kwalunkwe forma, mill-forzi miltari u l-pulizija jew mill-Gvern Interim fil-proċess ġudizzjarju, inkluż rispett sħiħ għall-professjoni legali.

Impenn Nru 4

Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegati ta’ korruzzjoni joperaw fil-limiti kostituzzjonali.

C.    Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali

Impenn Nru 1

Il-Gvern Interim jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilita l-investigazzjoni jew l-indirizzar tal-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Fiġi.

Impenn Nru 2

Il-Gvern Interim biħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika f’Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza.

Impenn Nru 3

Il-Gvern Interim hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni ta’ Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b’indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 4

Li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, fil-forom kollha tagħha jkunu rispettati b’mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

D.    Is-segwitu tal-Impenji

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jżomm djalogu regolari biex tkun tista’ ssir verifika tal-progress li sar u jagħti lill-awtoritajiet/rappreżentanti tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ir-restorazzjoni paċifika tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Fiġi.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Interim jikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe missjoni mill-UE biex jiġi evalwat u sorveljat il-progress.

Impenn Nru 3

Li mit-30 ta’ Ġunju 2007, il-Gvern Interim jibda jibgħat kull tliet xhur rapporti dwar il-progress li sar fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u dwar l-impenji.

Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet tal-preżent u li jiffoka fuq il-futur.



( 1 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

( 2 ) ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

( 3 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

( 4 ) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.