29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/121


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar deterġenti u aġenti tensjoattivi, li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 648/2004”

[COM(2023) 217 final – 2023/0124 (COD)]

(2023/C 349/19)

Relatur:

Violeta JELIĆ

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 1.6.2023

Kunsill, 7.6.2023

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

29.6.2023

Adozzjoni fil-plenarja

12.7.2023

Sessjoni plenarja Nru

580

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

193/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-aġġornament u s-semplifikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 (1) dwar id-deterġenti, it-tneħħija ta’ elementi superfluwi jew obsoleti, u ż-żamma ta’ dawk li jiffunzjonaw tajjeb. Madankollu, il-KESE jqis li l-opportunitajiet għas-semplifikazzjoni huma kkumpensati jew issuperati minn piż amministrattiv akbar li jirriżulta minn aspetti oħra tal-proposta ta’ reviżjoni.

1.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza bejn ir-reviżjoni tar-Regolament dwar id-deterġenti u żviluppi leġiżlattivi u tekniċi oħra, bħal dawk marbuta mar-Regolament ((KE) Nru 1272/2008) (2) dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi kimiċi (ir-Regolament CLP) u r-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli.

1.3.

Il-KESE jimpenja ruħu bis-sħiħ li jiżgura s-sikurezza tal-konsumaturi u tal-utenti professjonali, iżda jqis li r-rekwiżiti l-ġodda dwar id-deterġenti li jkun fihom il-mikroorganiżmi huma prudenti żżejjed, huma inflessibbli u huma kontradittorji. Il-KESE jirrakkomanda li dawn ir-regoli jiġu adattati biex ikunu aktar konsistenti, kemm bejniethom kif ukoll ma’ politiki oħra, u biex jappoġġjaw aktar milli jipprevjenu l-innovazzjoni f’din il-kategorija ta’ prodotti emerġenti.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-kundizzjonijiet ekwivalenti stabbiliti għas-sorveljanza tas-suq ta’ deterġenti u aġenti tensjoattivi manifatturati fl-UE u dawk importati. Madankollu, il-KESE jqis li l-obbligu li jinħoloq u jiġi nnotifikat passaport tal-prodotti għal kull lott ta’ deterġent/aġent tensjoattiv huwa eċċessivament oneruż, u jirrakkomanda li jiġi stabbilit mekkaniżmu aktar adegwat għall-aġġornament tal-passaport tal-prodotti.

1.5.

Il-KESE jitlob kjarifika ulterjuri dwar il-valur miżjud tal-passaport tal-prodotti u l-markatura CE għas-sorveljanza tas-suq, peress li din l-informazzjoni mhijiex inkluża fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni. Il-KESE jinnota li l-markatura CE frodulenti tista’ tipperikola s-sikurezza tal-konsumaturi u tal-utenti u tikkomprometti l-kundizzjonijiet ekwivalenti għall-operaturi ekonomiċi li jikkonformaw.

1.6.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li rekwiżiti speċifiċi u tekniċi jkunu fis-seħħ fi żmien tajjeb biex jippermettu l-implimentazzjoni, u għalhekk jirrakkomanda li l-perjodi tranżitorji jibdew biss wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni addizzjonali rilevanti.

1.7.

Il-KESE jappoġġja t-titjib taċ-ċarezza u l-leġġibbiltà tat-tikketti tal-prodotti bit-tneħħija ta’ duplikazzjonijiet bejn leġiżlazzjonijiet, semplifikazzjoni tal-kontenut tat-tikketti u jsir użu effettiv tat-tikkettar diġitali. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu applikati l-istess possibbiltajiet għad-diġitalizzazzjoni tat-tikkettar għal prodotti b’imballaġġ preparat minn qabel bħal fil-każ tal-bejgħ ta’ prodotti li jinbiegħu f’imballaġġ li jista’ jerġa’ jimtela, u li d-deterġenti jistgħu jiġu ttikkettati b’mod aktar ċar bl-użu ta’ pittogrammi/ikoni minflok test.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Il-Proposta taġġorna r-regoli eżistenti dwar id-deterġenti b’referenza għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata reċentement dwar il-kompetittività fit-tul tal-UE. Il-Proposta għandha l-għan li tissemplifika r-regoli tas-suq billi tneħħi r-rekwiżiti li huma meqjusa mhux meħtieġa jew superfluwi, tintroduċi tikkettar diġitali volontarju billi tagħmel distinzjoni bejn prodotti b’imballaġġ preparat minn qabel u prodotti li jinbiegħu f’imballaġġ li jista’ jerġa’ jimtela, tiffaċilita l-bejgħ ta’ prodotti sikuri innovattivi billi tintroduċi rekwiżiti ta’ sikurezza għall-mikroorganiżmi, u ssaħħaħ l-infurzar permezz tal-introduzzjoni ta’ passaport tal-prodotti.

2.2.

Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Proposta jinkludu definizzjonijiet għal “deterġenti”, “aġenti tensjoattivi” u kunċetti oħra msemmija fit-test tal-Proposta għal Regolament, li wħud minnhom ġew aġġornati u ċċarati.

2.3.

Il-Proposta tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-prodotti għad-deterġenti u l-aġenti tensjoattivi, fir-rigward tal-moviment liberu, il-bijodegradabbiltà, l-użu ta’ mikroorganiżmi fid-deterġenti u l-limitazzjonijiet fuq il-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru. L-aħħar tliet aspetti huma elaborati aktar fl-Annessi tal-Proposta għal Regolament.

2.4.

L-Anness I jinkludi kriterji finali ta’ bijodegradabbiltà u metodi ta’ ttestjar għall-aġenti tensjoattivi, bħala tali u li jinsabu fid-deterġenti. Dawn essenzjalment ma jinbidlux mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 648/2004, peress li dawn il-kriterji u l-metodi ta’ ttestjar għadhom adattati għall-iskop tagħhom u huma tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Tneħħew il-kriterji ta’ bijodegradabbiltà primarja obsoleti, kif ukoll il-proċedura ta’ deroga għal aġenti tensjoattivi li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ bijodegradabbiltà finali, li ntużat darba biss, b’entrata fl-Anness V preċedenti, li skada fl-2019, u għalhekk titqies li ma għadhiex meħtieġa.

2.5.

L-Anness II tal-Proposta jintroduċi rekwiżiti għad-deterġenti li jkun fihom il-mikroorganiżmi, bil-għan li jiġu stabbiliti regoli armonizzati li jirregolaw is-sikurezza ta’ tali prodotti u l-metodi ta’ ttestjar rilevanti biex tintwera l-konformità ma’ dawn ir-regoli. Ir-rekwiżiti jippreskrivu l-(varjanti ta’) mikroorganiżmi li jistgħu jintużaw, abbażi tal-identifikazzjoni formali tagħhom, kif ukoll rekwiżit li huma jappartjenu kemm għall-Grupp ta’ Riskju I kif definit mid-Direttiva 2000/54/KE (3) (aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol) kif ukoll għal-lista ta’ Preżunzjoni ta’ Sikurezza Kwalifikata (QPS) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). L-Anness jipprojbixxi wkoll l-użu ta’ organiżmi patoġeniċi speċifiċi jew mikroorganiżmi ġenetikament modifikati, dikjarazzjonijiet ta’ effett antimikrobiku jew diżinfettanti dment li d-deterġenti ma jikkonformawx mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 (4) dwar il-Prodotti Bijoċidali, u t-tqegħid fis-suq ta’ deterġenti li jinbiegħu f’imballaġġ li jista’ jerġa’ jimtela li fihom il-mikroorganiżmi. Barra minn hekk, l-Anness jistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji ta’ ttestjar għal deterġenti li fihom mikroorganiżmi, inkluż l-ittestjar minn partijiet terzi biex tiġi appoġġjata kwalunkwe dikjarazzjoni magħmula dwar l-azzjoni tal-mikroorganiżmi u test in vivo tat-tossiċità akuta mill-inalazzjoni (Test B.2 skont ir-Regolament (KE) Nru 440/2008 (5), jiġifieri l-linja gwida tal-OECD TG 403).

2.6.

Il-Proposta ma tbiddilx il-limitazzjonijiet dettaljati dwar il-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru previsti mir-Regolament (KE) Nru 648/2004.

2.7.

Il-Proposta tiddeskrivi l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, jiġifieri l-manifatturi, l-importaturi, id-distributuri, u r-rwol li għadu kif ġie introdott ta’ rappreżentant awtorizzat. Tneħħa l-obbligu li l-manifattur ikun stabbilit fl-Unjoni, iżda l-manifatturi stabbiliti barra mill-Unjoni huma meħtieġa jaħtru rappreżentant awtorizzat permezz ta’ mandat bil-miktub biex iwettaq ċerti kompiti (mentri dan ir-rekwiżit huwa sempliċement fakultattiv għall-manifatturi stabbiliti fl-Unjoni).

2.8.

Il-Proposta tintroduċi proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità ġdida li għandha titwettaq mill-manifatturi tad-deterġenti jew tal-aġenti tensjoattivi, li hija bbażata fuq il-Modulu A tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE (proċedura ta’ kontroll intern). Il-proċedura tinvolvi awtodikjarazzjoni tal-konformità u tirrikjedi li tiġi stabbilita dokumentazzjoni teknika li jkun fiha deskrizzjoni tad-deterġent u l-użu tiegħu, rapporti tat-testijiet imwettqa biex tintwera l-konformità u skeda bit-tagħrif dwar l-ingredjenti.

2.9.

Huma stabbiliti rekwiżiti għall-markatura CE u għat-tikkettar ta’ deterġenti u ta’ aġenti tensjoattivi, inklużi regoli għall-implimentazzjoni ta’ tikkettar diġitali f’każ li l-operatur ekonomiku jagħżel li jużah. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar huma deskritti f’aktar dettall fl-Anness V, bi speċifikazzjonijiet għat-tikkettar tal-kontenut, informazzjoni dwar id-dożaġġ li tista’ titħalla barra mit-tikketta fiżika meta tingħata permezz ta’ tikketta diġitali, u tabella tad-dożaġġ semplifikata għad-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ għall-konsumatur. Il-Proposta tintroduċi wkoll il-kunċett ta’mezz ta’ data, li jintuża biex tiġi aċċessata t-tikketta diġitali, li jrid ikun preżenti fuq id-deterġent jew fuq l-aġent tensjoattiv, fuq l-imballaġġ tiegħu jew fuq id-dokumentazzjoni li takkumpanjah.

2.10.

Il-Proposta tistabbilixxi r-rekwiżiti u l-kontenut tal-passaport tal-prodotti, introdott bħala mezz biex jiffaċilita d-dikjarazzjoni tal-konformità (permezz ta’ reġistru ċentrali) u s-sorveljanza tas-suq għal deterġenti jew aġenti tensjoattivi mqiegħda fis-suq. Il-passaport tal-prodotti għandu jiġi aċċessat permezz tal-istess mezz ta’ data dwar il-prodott kif imsemmi hawn fuq, u huwa maħsub li jkun interoperabbli ma’ kwalunkwe passaport tal-prodotti introdott, pereżempju, skont il-leġiżlazzjoni dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli. Il-Kummissjoni hija mitluba tadotta att ta’ implimentazzjoni li jippreskrivi r-rekwiżiti tekniċi għall-passaport tal-prodotti u l-mezz ta’ data.

2.11.

Il-Proposta tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati futuri biex tadatta r-rekwiżiti deskritti fil-kapitoli preċedenti fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi, xjentifiċi u tas-suq.

2.12.

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali jinkludu klawżola ta’ rieżami speċifika fl-Artikolu 32 dwar ir-rekwiżiti għal deterġenti li jkun fihom mikroorganiżmi, li tirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta r-rilevanza u l-effettività ta’ dawn ir-regoli mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis li r-Regolament (KE) Nru 648/2004 dwar id-deterġenti (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament dwar id-deterġenti) huwa rilevanti fl-għanijiet tiegħu, jiffunzjona tajjeb u fil-biċċa l-kbira laħaq l-għanijiet tiegħu.

3.2.

Il-KESE jaqbel mal-għan tal-Kummissjoni li taġġorna r-Regolament dwar id-deterġenti biex jirrifletti l-iżviluppi teknoloġiċi, kummerċjali u ta’ politika li saru minn meta r-Regolament ġie adottat fl-2004, u jappoġġja l-objettiv tagħha li tissemplifika r-rekwiżiti għall-operaturi ekonomiċi – b’mod partikolari l-SMEs – u li jitneħħew is-sovrapożizzjonijiet u d-duplikazzjoni ma’ liġijiet oħra tal-UE. Il-KESE jilqa’ s-semplifikazzjonijiet introdotti fil-Proposta, iżda jqis li l-firxa tat-tnaqqis fil-piż amministrattiv hija aktar limitata minn dik implikata mill-Kummissjoni, u fil-prattika l-piż jiżdied b’mod sinifikanti f’oqsma oħra (6).

3.3.

Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar id-deterġenti qed isseħħ b’mod parallel ma’ diversi proposti oħra għal leġiżlazzjoni riveduta jew ġdida li taffettwa wkoll lid-deterġenti, inkluż ir-Regolament CLP ((KE) Nru 1272/2008) u r-Regolament il-ġdid dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli (ESPR). Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati koerenza u konsistenza sħiħa bejn dawn il-leġiżlazzjonijiet differenti u li jiġu evitati diverġenzi u duplikazzjonijiet fid-dispożizzjonijiet tagħhom.

3.4.

Il-KESE jappoġġja d-definizzjoni semplifikata ta’ “deterġent” inkluża fil-Proposta tal-Kummissjoni, li ser tinftiehem u tiġi applikata aktar faċilment mill-operaturi ekonomiċi kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi. It-tneħħija tar-referenza għal kategoriji speċifiċi ta’ ingredjenti (sapun u/jew aġenti tensjoattivi) fid-definizzjoni ta’ deterġent tagħmel id-definizzjoni aktar inklużiva u ttejjeb iċ-ċarezza tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-innovazzjoni futura fil-kategorija tal-prodott.

3.5.

Il-KESE jilqa’ ż-żamma tar-rekwiżiti tal-bijodegradabbiltà għall-aġent tensjoattivi u t-tneħħija tal-proċedura ta’ deroga, li ma għadhiex tintuża. Dan jgħin biex jiġi ssemplifikati u tittejjeb iċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet.

3.6.

Il-KESE jqis li r-rekwiżiti proposti għad-deterġenti li fihom il-mikroorganiżmi huma preskrittivi żżejjed u mhumiex adattati sew għad-deterġenti. Ir-rekwiżiti tal-ittestjar speċifikati fl-Anness II huma kkunsidrati wisq onerużi, b’mod partikolari għall-SMEs. Fir-rigward tal-mikroorganiżmi użati fid-deterġenti b’format ta’ sprej, hemm rekwiżit li jridu jgħaddu minn test fuq l-annimali vertebrati għat-tossiċità akuta mill-inalazzjoni, li jinvolvi li jiġu ssagrifikati tipikament 30 annimal għal kull test. Dan jimmina l-impenn li sar fid-Direttiva 2010/63/UE (7) dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi, u mhuwiex meħtieġ peress li jeżistu metodi alternattivi għad-determinazzjoni tas-sikurezza (eż. read-across minn data storika, testijiet in vitro permezz ta’ linji ta’ ċelloli umani jew il-piż tal-evidenza, b’mod partikolari meta jitqies l-istatus obbligatorju tal-Grupp ta’ Riskju 1/QPS).

3.7.

Il-KESE jqis li mhuwiex xieraq li jintalab li l-mikroorganiżmi użati fid-deterġenti jridu jkunu fil-lista tal-preżunzjoni ta’ sikurezza kwalifikata (QPS) tal-EFSA. Dan lanqas biss huwa rekwiżit obbligatorju biex mikroorganiżmu jintuża fl-industrija tal-ikel u tal-għalf, iżda pjuttost huwa biss punt tat-tluq għal evalwazzjoni ulterjuri mill-EFSA. Il-mikroorganiżmi li mhumiex fil-lista tal-QPS xorta jistgħu jiġu vvalutati għas-sikurezza u jintużaw fl-ikel jew fl-għalf, iżda fil-każ tad-deterġenti ma teżisti l-ebda possibbiltà bħal din sakemm sussegwentement il-Kummissjoni twettaq rieżami/reviżjoni formali tar-rekwiżiti. Mhuwiex meqjus proporzjonat li jkun hemm regoli aktar restrittivi għad-deterġenti milli għall-ikel, li jiġi inġestit direttament. Min-naħa l-oħra, jekk l-elenkar tal-QPS ikun obbligatorju tal-EFSA, il-KESE ma jqisx li huwa ġustifikat li d-deterġenti li fihom il-mikroorganiżmi jkunu meħtieġa li jiġu ttikkettati bi twissija li l-prodott ma għandux jintuża fuq kwalunkwe superfiċe li tiġi f’kuntatt mal-ikel.

3.8.

Il-limitazzjoni tal-mikroorganiżmi li jistgħu jintużaw bil-mod deskritt fl-Anness II il-ġdid għandha r-riskju li xxekkel jew tibblokka l-innovazzjoni, u tinjora kemm il-fatt li d-deterġenti li fihom il-mikroorganiżmi huma diġà koperti mir-Regolament dwar id-deterġenti u leġiżlazzjoni oħra, bħad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, kif ukoll mill-qafas żviluppat mill-industrija biex tippermetti l-ġestjoni tajba tar-riskju tal-ingredjenti mikrobiċi. Il-Proposta teżenta lid-deterġenti mqiegħda fis-suq għal skopijiet ta’ riċerka u żvilupp mill-kundizzjonijiet preskritti fl-Anness II punt 1, iżda l-uniku mekkaniżmu disponibbli biex jippermetti l-użu kummerċjali ta’ (razez ta’) mikroorganiżmi ġodda huwa permezz tal-klawżola ta’ rieżami fl-Artikolu 32 u/jew ta’ atti delegati. Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ proċess inqas restrittiv sabiex jippermetti u jrawwem l-innovazzjoni f’dan is-settur ta’ prodotti li qed jikber.

3.9.

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni żammet il-limitazzjonijiet eżistenti fuq il-kontenut tal-fosfati u komposti oħra tal-fosfru, li wrew li rnexxielhom inaqqsu l-użu tal-fosforu mill-2014 ’l hawn u jillimitaw l-użu tiegħu biss għal applikazzjonijiet fejn jirriżulta li huwa kritiku, jew meta restrizzjoni twassal għal impatti negattivi saħansitra akbar fuq l-ambjent, is-sikurezza u/jew il-prestazzjoni tat-tindif (8).

3.10.

Il-KESE jqis li hija meħtieġa aktar ċarezza dwar ir-rwoli u l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi identifikati fil-Proposta, b’mod partikolari r-rappreżentant awtorizzat kif deskritt fl-Artikolu 8. Fil-każ fejn ikun obbligatorju għal manifattur stabbilit barra mill-Unjoni li jaħtar tali rappreżentant awtorizzat, mhuwiex ċar jekk il-mandat mogħti lil dan tal-aħħar mill-manifattur mhux mill-UE għandux jinkludi, pereżempju, l-obbligu li tiġi pprovduta skeda bit-tagħrif dwar l-ingredjenti lill-korpi maħtura tal-Istati Membri, kif deskritt fl-Artikolu 7(6). Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti, huwa importanti li l-istess obbligi japplikaw għall-manifatturi kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, u li jkun ċar kif dawn l-obbligi għandhom jiġu ssodisfati.

3.11.

Il-KESE jitlob kjarifika ulterjuri dwar il-valur miżjud tal-passaport tal-prodotti u l-markatura CE bħala mezz biex tintwera u/jew tiġi vverifikata l-konformità tal-prodotti soġġetti għar-Regolament dwar id-deterġenti. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ma jidentifika l-ebda problema speċifika b’riskji ta’ konformità jew ta’ sikurezza għall-konsumaturi bħala ġustifikazzjoni għall-introduzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti, u ma jidhrux fl-għażliet ta’ politika indirizzati, u għalhekk l-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatti tagħhom hija nieqsa. Madankollu, il-KESE jappoġġja l-obbligu li l-passaport tal-prodotti jiġi applikat bl-istess mod għall-manifatturi kollha ta’ deterġenti jew aġenti tensjoattivi, kemm jekk stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll jekk huma stabbiliti mhux fl-Unjoni, biex jiġi evitat li l-kompetittività tal-prodotti Ewropej tiġi kompromessa mill-importazzjonijiet.

3.12.

It-twaħħil tal-markatura CE ma jikkostitwixxix prova li l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità twettqu f’konformità mar-Regolament, u dan xorta jrid jiġi vverifikat mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza kif inhu l-każ skont ir-Regolament attwali. Huwa magħruf li l-markatura CE frawdolenti sseħħ f’kategoriji oħra ta’ prodotti soġġetti għal leġiżlazzjoni simili u tista’ tesponi lill-konsumaturi għal riskji għas-saħħa u s-sikurezza.

3.13.

Il-KESE jitlob li kwalunkwe passaport tal-prodotti introdott skont ir-Regolament dwar id-deterġenti jiġi integrat bis-sħiħ ma’ dawk adottati skont leġiżlazzjoni oħra, bħar-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli. Sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari l-SMEs, u l-awtoritajiet pubbliċi, huwa importanti li tinżamm il-koerenza u li jiġi evitat kwalunkwe rekwiżit duplikat jew diverġenti.

3.14.

Il-KESE jqis li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-passaport tal-prodotti kif propost bħalissa huma inkonsistenti mat-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Il-ħolqien ta’ passaport tal-prodotti, in-notifika lil reġistru u l-istampar/it-twaħħil ta’ mezz ta’ data ġdid għal kull lott speċifiku ta’ prodott mhuwiex fattibbli jew proporzjonat, u r-rekwiżit li jitlestew dawn il-passi qabel it-tqegħid fis-suq x’aktarx ifixkel u jdewwem il-ktajjen tal-provvista. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadatta dawn ir-rekwiżiti għal skattar ta’ frekwenza jew ta’ varjazzjoni aktar fattibbli.

3.15.

Il-KESE jinnota li r-rekwiżiti speċifiċi u tekniċi relatati mal-passaport tal-prodotti għandhom jiġu speċifikati aktar tard permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dawn huma elementi kritiċi għall-implimentazzjoni tal-Proposta għal Regolament, u l-KESE jenfasizza l-importanza li dawn ir-rekwiżiti jiġu adottati fi żmien tajjeb qabel ma r-Regolament jidħol fis-seħħ biex tiġi evitata l-inċertezza legali. Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet, il-KESE jirrakkomanda li l-bidu tal-perjodi tranżitorji għall-implimentazzjoni tar-Regolament rivedut dwar id-deterġenti għandu jibda biss wara li jitlestew l-obbligi leġiżlattivi tal-Kummissjoni.

3.16.

Il-KESE jappoġġja t-tneħħija tal-iskeda bit-tagħrif dwar l-ingredjenti għad-deterġenti li jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala perikolużi skont ir-Regolament CLP, peress li dan ineħħi duplikazzjoni bla bżonn mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament CLP. Fir-rigward tad-deterġenti mhux perikolużi, il-KESE jissuġġerixxi li l-iskeda bit-tagħrif dwar l-ingredjenti għandha tiġi pprovduta fuq talba motivata mill-korpi maħtura mill-Istati Membri, li tirriżulta minn ħtiġijiet jew tħassib identifikati dwar il-protezzjoni tal-konsumatur; b’dan il-mod, il-formulazzjoni tkun aktar koerenti mal-Artikolu 8(3)(c) tal-Proposta kif ukoll mal-Anness VIII tar-Regolament CLP.

3.17.

Il-KESE jilqa’ l-bidliet proposti fir-rekwiżiti tat-tikkettar, għalkemm relattivament limitati, biex titneħħa d-duplikazzjoni bejn ir-Regolament CLP u r-Regolament dwar id-deterġenti fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-ingredjenti. Dan se jgħin biex jittejbu ċ-ċarezza u r-rilevanza tat-tikketti għall-konsumaturi/utenti finali, li skont riċerka indipendenti dawn jippreferu tikketti b’inqas informazzjoni iżda li tkun aktar ċara (9). F’dan il-kuntest, il-KESE jipproponi li t-tikkettar tad-deterġenti jiġi ssemplifikat aktar bl-użu ta’ sistema ta’ pittogrammi jew ikoni minflok test.

3.18.

Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjonijiet tal-Proposta li jippermettu t-tikkettar diġitali, li se jgħinu wkoll biex itejbu l-leġibbiltà tat-tikketti fiżiċi filwaqt li joffru aċċess għal esperjenza mtejba għall-konsumaturi/utenti aħħarin f’termini ta’ informazzjoni, għażla tal-lingwa u leġġibbiltà. Il-KESE jappoġġja wkoll l-aċċess kemm għat-tikketti diġitali kif ukoll għall-informazzjoni dwar il-passaport tal-prodotti permezz ta’ mezz uniku ta’ data, sabiex jiġu minimizzati l-konfużjoni u t-tgerfix fuq it-tikketti.

3.19.

Il-KESE jilqa’ l-Proposta li l-biċċa l-kbira tat-tikkettar meħtieġ tkun tista’ tiġi pprovduta b’mod diġitali għall-prodotti li jinbiegħu f’imballaġġ li jista’ jerġa’ jimtela, iżda jistaqsi għaliex l-istess regoli m’għandhomx jiġu applikati wkoll għall-prodotti b’imballaġġ preparat minn qabel bħal fil-każ tal-bejgħ ta’ prodotti li jinbiegħu f’imballaġġ li jista’ jerġa’ jimtela. Dan jiżgura aħjar kundizzjonijiet ekwivalenti għad-deterġenti mqiegħda fis-suq.

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (is-seba’ direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 440/2008 tat- 30 ta' Mejju 2008 li jistabbilixxi metodi ta' ttestjar skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 142, 31.5.2008, p. 1).

(6)  Għal aktar informazzjoni dwar il-piż amministrattiv għall-industrija tad-deterġenti, ara l-iskeda informattiva tal-AISE dwar il-Valutazzjoni tal-Ispejjeż Kumulattivi.

(7)  Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33).

(8)  Relevance of professional laundry and machine dishwashing on the entry of phosphate and other phosphorus compounds (P) into wastewater (Ir-rilevanza tal-ħasil tal-platti u tal-ħwejjeġ b’mod professjonali permezz tal-magni fuq il-preżenza tal-fosfat u ta’ komposti oħra tal-fosfru (P) fl-ilma mormi), Umweltbundesamt 98/2021.

(9)  Geuens M, Byrne D, Boeije G, Peeters V, Vandecasteele B., Investigating the effectiveness of simplified labels for safe use communication: the case of household detergents (Ninvestigaw l-effettività ta’ tikketti semplifikati għall-komunikazzjoni b’użu sikur: il-każ ta’ deterġenti li jintużaw fid-djar), Int J Consum Stud. 2021; 45(6):1410–24. https://doi.org/10.1111/ijcs.12662.