|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2024/1460 |
9.2.2024 |
Notifika ta’ bidu dwar il-possibilità li jiġu estiżi fil-ħin u r-rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar
(C/2024/1460)
Fl-1 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni Ewropea (‘il-Kummissjoni’) imponiet miżuri ta’ salvagwardja definittivi fuq ċerti prodotti tal-azzar permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (1). Il-miżura attwalment fis-seħħ tikkonsisti minn kwota tar-rata tariffarja (“TRQ”), ibbażata fuq importazzjonijiet storiċi, li hija applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ kull waħda mis-26 kategorija ta’ prodotti li jinkludu l-prodott ikkonċernat. Fejn it-TRQ rilevanti tiġi eżawrita, jiġi impost dazju addizzjonali ta’ 25 %.
Il-miżura ta’ salvagwardja ġiet imposta għal perjodu inizjali ta’ tliet snin, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2021. Dan ġie estiż sat-30 ta’ Ġunju 2024 wara investigazzjoni ta’ rieżami ta’ estensjoni. (2)
1. Talba għal estensjoni tal-miżuri
Il-Kummissjoni rċeviet talba sostanzjata minn 14-il Stat Membru fit-12 ta’ Jannar 2024 biex skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) teżamina jekk il-miżura ta’ salvagwardja għandhiex tiġi estiża.
It-talba tinkludi evidenza li tissuġġerixxi li l-miżura ta’ salvagwardja għadha meħtieġa biex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju, u li l-produtturi tal-Unjoni qed jaġġustaw. B’mod partikolari, it-talba fiha informazzjoni dwar il-prestazzjoni negattiva ta’ ċerti indikaturi ewlenin tad-dannu u l-eżistenza ta’ pressjoni sinifikanti kontinwa fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi. It-talba tipprovdi wkoll elementi li jindikaw il-fatt li l-kapaċità żejda globali għadha f’livell għoli ħafna, li għadd rilevanti ta’ miżuri restrittivi għall-kummerċ u miżuri ta’ difiża kummerċjali minn pajjiżi terzi għadhom qed jiġu adottati, u li ma hemm l-ebda element li jissuġġerixxi li l-Istati Uniti se jkunu qed ineħħu l-miżuri tat-Taqsima 232 dwar l-azzar. Għalhekk, ir-riskju ta’ devjazzjoni tal-kummerċ ikompli. Jekk il-miżuri jitneħħew, l-industrija tal-Unjoni tiffaċċja għargħar ta’ importazzjonijiet li jkollu impatt negattiv ħafna fuq il-prestazzjoni ekonomika tagħha. Barra minn hekk, it-talba tinkludi eżempji relatati mal-aġġustamenti mwettqa mill-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni pprovduta, inklużi s-sorsi u l-evidenza ta’ sostenn, jikkostitwixxu bażi suffiċjenti biex tinbeda investigazzjoni.
2. Kamp ta’ applikazzjoni u objettiv tal-investigazzjoni
Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/755, it-tul ta’ miżura ta’ salvagwardja jista’ jiġi estiż. Sabiex jiġi stabbilit jekk tali estensjoni hijiex ġustifikata, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755 rispettivament.
Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tiffoka l-valutazzjoni tagħha, b’mod partikolari, fuq jekk il-miżura ta’ salvagwardja għadhiex meħtieġa biex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju, jekk hemmx evidenza li l-produtturi tal-Unjoni qed jaġġustaw, u jekk estensjoni tkunx fl-interess tal-Unjoni. L-investigazzjoni se tiddetermina wkoll it-tul ta’ żmien xieraq tal-estensjoni (jekk ikun hemm).
F’każ li l-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta’ salvagwardja jenħtieġ li tiġi estiża, l-investigazzjoni se tivvaluta wkoll jekk ikunx meħtieġ xi aġġustament tekniku għall-funzjonament tal-miżura.
Fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-investigazzjoni, u kif għamlet f’investigazzjonijiet preċedenti ta’ rieżami tal-funzjonament, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-aspetti li ġejjin:
A. Allokazzjoni u ġestjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji
Il-Kummissjoni se tanalizza l-evoluzzjoni u x-xejriet tal-użu tal-kwoti tariffarji (TRQ) u l-kummenti li l-partijiet jistgħu jagħmlu f’dak ir-rigward. Abbażi ta’ dan, u fl-interess tal-Unjoni, se tiddetermina jekk jistax ikun li huwa ġġustifikat xi aġġustament minħabba ċirkostanzi li nbidlu.
B. L-esklużjoni ta’ flussi kummerċjali tradizzjonali
Il-Kummissjoni biħsiebha teżamina jekk huwiex meħtieġ xi aġġustament speċifiku minħabba l-effetti ta’ esklużjoni bla bżonn tal-kwota tariffarja fuq il-flussi tal-kummerċ, inkluż ir-reġim għal aċċess għall-kwota tar-rata tariffarja residwa fl-aħħar trimestru ta’ perjodu.
C. Aġġornament tal-lista tal-Pajjiżi membri tad-WTO li qed jiżviluppaw esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri abbażi tal-aktar livell reċenti tagħhom ta’ importazzjonijiet
Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-UE 2015/478 (5), ma tista’ tiġi applikata l-ebda miżura ta’ salvagwardja għal prodott li joriġina f’pajjiż membru tad-WTO li qiegħed jiżviluppa sakemm is-sehem ta’ dan il-pajjiż fl-importazzjonijiet tal-prodott fil-kwistjoni tal-Unjoni ma jaqbiżx it-3 %, dment li l-pajjiżi Membri tad-WTO li qegħdin jiżviluppaw u li jkollhom sehem fl-importazzjoni ta’ inqas mnn 3% jakkontaw b’mod kollettiv għal mhux aktar minn 9 % tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni tal-prodott interessat. Fl-investigazzjoni ta’ rieżami, il-Kummissjoni għalhekk se tirrieżamina jekk l-importazzjonijiet minn Membru tad-WTO li qed jiżviluppa qabżux il-limitu ta’ 3 % fil-perjodu rilevanti (jiġifieri, is-sena 2023) (6) u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna l-lista tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma Membri tad-WTO u li jenħtieġ li jiġu inklużi fi, jew esklużi, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura.
D. Livell ta’ liberalizzazzjoni
Il-Kummissjoni se tivvaluta, abbażi tal-evidenza ppreżentata mill-partijiet interessati, jekk kwalunkwe żieda fil-livell ta’ liberalizzazzjoni applikabbli bħalissa, jiġifieri 4 %, hijiex iġġustifikata mill-evidenza.
E. Bidliet oħra fiċ-ċirkostanzi li jistgħu jkunu jeħtieġu aġġustament fil-livell ta’ allokazzjoni tal-kwota tar-rata tariffarja
Il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx elementi oħra li jeħtieġ li jitqiesu. Il-partijiet interessati huma mistiedna wkoll iqajmu kwalunkwe kwistjoni oħra li ma taqax taħt it-taqsimiet A-E hawn fuq dment li jkunu jikkonċernaw bidliet dejjiema taċ-ċirkostanzi meta mqabbla mas-sitwazzjoni prevalenti matul l-investigazzjoni oriġinali — li l-effetti tagħhom jistgħu jkunu jeħtieġu li jiġu rieżaminati u jistgħu jiġġustifikaw, fost l-oħrajn, aġġustament fil-livell jew fl-allokazzjoni tal-kwoti tar-rata tariffarja f’kategoriji speċifiċi ta’ prodotti. Il-partijiet interessati li jixtiequ jqajmu kwistjonijiet addizzjonali huma mitluba jipprovdu biżżejjed evidenza li tissustanzja s-sottomissjonijiet tagħhom, kif ukoll proposti speċifiċi dwar kif jista’ jiġi indirizzat kwalunkwe żvilupp li jkun qed jaffettwa kategorija ta’ prodotti.
3. Prodott li qed jiġi investigat
Il-prodott taħt investigazzjoni jikkonsisti minn ċerti prodotti tal-azzar elenkati fl-Anness ta’ din in-Notifika.
4. Proċedura
Wara li ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni b’dan qed tagħti bidu għal investigazzjoni biex tiddetermina jekk għandhiex testendi t-tul ta’ żmien tal-miżuri ta’ salvagwardja attwali fuq ċerti prodotti tal-azzar u jekk ċerti aġġustamenti għall-miżura jkunux iġġustifikati f’każ ta’ estensjoni.
4.1. Tweġibiet għall-kwestjonarju (produtturi tal-Unjoni biss)
Biex twettaq valutazzjoni xierqa rigward il-ħtieġa li jiġi estiż it-tul ta’ żmien tal-miżura ta’ salvagwardja attwali biex jiġi evitat jew rimedjat dannu serju, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li tinġabar data speċifika mill-industrija tal-Unjoni. Din id-data tinkludi, fost l-oħrajn, il-prestazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi u finanzjarji ewlenin għas-snin 2022–2023 (7).
Il-produtturi tal-Unjoni huma għalhekk mitluba jimlew u jissottomettu, permezz tal-assoċjazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-Unjoni, il-kwestjonarji. Id-data ta’ skadenza biex jintbagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju hija l- 4 ta’ Marzu 2024 . Mudell tal-kwestjonarju rilevanti huwa disponibbli fuq: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2717
4.2. Preżentazzjonijiet bil-miktub
Sabiex jiksbu l-informazzjoni rilevanti kollha meqjusa meħtieġa għall-investigazzjoni, il-partijiet interessati, jiġifieri l-partijiet li għandhom rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat, huma b’dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn bil-miktub lill-Kummissjoni. Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha għandhom isiru permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI). L-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ proposta bil-miktub hija s- 26 ta’ Frar 2024 . Ara t-Taqsima 4.6 għal aktar dettalji.
Il-partijiet li jagħmlu sottomissjoni huma mitluba jiddikjaraw b’mod ċar fil-korrispondenza tagħhom liema mill-kwistjoni(jiet) ta’ hawn taħt hija(huma) kkonċernata(i) mis-sottomissjoni tagħhom, u jressqu l-argumenti tagħhom taħt l-intestaturi li ġejjin:
|
a) |
Jekk il-miżuri għadhomx meħtieġa għall-prevenzjoni u r-rimedju ta’ dannu serju, u għaliex; |
|
b) |
Kunsiderazzjonijiet ta' interess tal-Unjoni; |
|
c) |
Oħrajn |
Fir-rigward tal-aġġustamenti potenzjali għall-funzjonament tal-miżura, il-partijiet interessati huma mitluba jistrutturaw is-sottomissjonijiet tagħhom u jiddikjaraw fil-korrispondenza tagħhom (i) liema mill-kwistjoni (jiet) elenkata/i fit-Taqsima 2 (A-E) hawn fuq, u (ii) liema kategorija/i ta’ prodotti hija/huma kkonċernata(i) mis-sottomissjoni tagħhom.
Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, u kif għamlet f’investigazzjonijiet ta’ rieżami preċedenti, il-Kummissjoni awtomatikament se testendi l-istatus ta’ parti interessata lill-partijiet ikkonċernati kollha li għandhom dan l-istatus taħt il-miżura ta’ salvagwardja attwali. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal Prokura (‘PoA’).
Għal dawk il-kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew gvernijiet ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jipparteċipaw fil-proċediment mibdi mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż permezz ta’ rappreżentanti legali esterni, hija meħtieġa preżentazzjoni ta’ PoA speċifika għal dan il-proċediment.
Il-partijiet li jixtiequ jipparteċipaw fil-proċediment u li bħalissa mhumiex irreġistrati bħala partijiet interessati għall-każ huma mistiedna jispjegaw l-interess u r-rabtiet tagħhom mal-każ meta jagħmlu sottomissjoni permezz tat-TRON.
4.3. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw biss il-kwistjonijiet imqajma fis-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda. F’konfutazzjoni, il-partijiet interessati jenħtieġ li jindikaw b’mod speċifiku liema parti (jiet) qed jirribattu, u jsegwu l-istess struttura tal-intestaturi msemmija hawn fuq.
Tali kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien għaxart (10) ijiem minn meta s-sottomissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.2 kif ukoll it-tweġibijiet tal-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni jsiru disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fi TRON. Il-Kummissjoni se tinforma kif xieraq lill-partijiet interessati, permezz tat-TRON, meta jiskatta dan it-tieni stadju tal-proċediment bil-miktub.
L-aċċess għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati jsir permezz ta’ Tron.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna sabiex ikollok aċċess.
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
4.4. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub fi żmien ħmistax (15)-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-smigħ.
Il-partijiet interessati huma infurmati, madankollu, li minħabba l-ħtieġa li titlesta l-investigazzjoni u tittieħed deċiżjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024 – ara t-Taqsima 5. hawn taħt – in-numru probabbli għoli ta’ partijiet interessati u l-fatt li dawn il-partijiet interessati se jingħataw il-possibbiltà li jikkummentaw dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra, li se jiżguraw biżżejjed opportunitajiet biex jiddefendu u jesprimu l-fehmiet tagħhom, il-Kummissjoni biħsiebha twettaq l-investigazzjoni bil-miktub, mingħajr ma torganizza seduti orali sakemm il-partijiet interessati ma jkunux jistgħu juru li hemm bżonn speċjali li jinstemgħu f’forma orali.
4.5. Il-preżentazzjoni tal-informazzjoni u estensjoni għal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika. Kwalunkwe estensjoni tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika tista’ tintalab biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u tingħata biss jekk tkun debitament ġustifikata. L-estensjonijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati għad-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni normalment ikunu limitati għal massimu ta’ tlett (3) ijiem addizzjonali.
4.6. Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ proċediment tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew b’data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “ Sensitive” (8). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma meħtieġa jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-UE 2015/478 (9) u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-UE 2015/755 (10), li jiġu mmarkati “ For inspection by interested parties” . Dawk is-sommarji jenħtieġ li jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali u jridu jaslu għand il-Kummissjoni fl-istess ħin tal-verżjoni “ Sensitive ”.
Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu l-preżentazzjonijiet kollha u t-talba tagħhom permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi prokuri skennjati. Permezz ta’ TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “ KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ ” : "ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ": https://europa.eu/!7tHpY3.Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika uffiċjali tax-xogħol, li jaħdem u li jikkonsultawh kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew il-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade |
|
Directorate G, unit G5 |
|
Uffiċċju: CHAR 03/66 |
|
1049 Brussels |
|
BELGIUM |
TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI
Indirizz elettroniku: TRADE-SAFE009-REVIEW@ec.europa.eu
5. Skeda tal-investigazzjoni
Il-miżuri fis-seħħ se jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2024, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni biex dawn jiġu estiżi. F’każ ta’ estensjoni, jistgħu jsiru xi aġġustamenti tekniċi għall-funzjonament tal-miżura. Għalhekk, kwalunkwe deċiżjoni li tirriżulta minn dan il-proċediment għandha ssir qabel dik id-data.
6. Nuqqas ta’ Kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti sejbiet abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/755. Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
7. Uffiċjal tas-Seduta
L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu intervent mill-Uffiċjal tas-Seduta. Fil-prinċipju, dawn l-interventi għandhom ikunu limitati għall-kwistjonijiet li jkunu nqalgħu matul il-proċediment ta’ rieżami attwali.
Talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 4.1 sat-Taqsima 4.2 ta’ dan l-Avviż għas-sottomissjonijiet lill-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal intervent lill-Uffiċjal tas-Seduta. Fejn talbiet bħal dawn jiġu ppreżentati barra l-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn kienu tard, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-interessi tal-amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en.
8. Ipproċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni tinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.
(1) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159, tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi salvagwardja definittiva
miżuri kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar; ĠU L 31, 1.2.2019, p.27.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029, tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni
tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 biex tiġi estiża l-miżura ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar; ĠU L 225 I, 25.6.2021, p.1
(3) Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni
għall-importazzjonijiet; ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16.
(4) Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-29 ta' April 2015 dwar ir-regoli komuni
għall-importazzjonijie minn ċerti pajjiżi terzi; ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33.
(6) Sena kalendarja sħiħa (id-data kollha dwar l-importazzjonijiet se ssir disponibbli matul l-investigazzjoni).
(7) Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f’dawn is-snin bl-informazzjoni miġbura f’investigazzjonijiet preċedenti li jkopru snin preċedenti.
(8) Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/478, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/755 u l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(10) ĠU L123, 19.5.2015, p.33.
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, ĠU L295, 21.11.2018, p.39.
ANNESS
|
Numru tal-kategorija tal-prodott |
Kategorija tal-prodott |
|
1 |
Folji u Strixxi Mhux Illigati u Oħrajn Illigati Llaminati bis-Sħana |
|
2 |
Folji Mhux Illigati u Oħrajn Illigati Llaminati bil-Kesħa |
|
3.A |
Folji Elettriċi (għajr GOES) |
|
3.B |
|
|
4.A |
Folji Miksija Metalliċi |
|
4.B |
|
|
5 |
Folji Miksija Organiċi |
|
6 |
Prodotti Stanjati |
|
7 |
Pjanċi Kwarto Mhux Illigati u Oħrajn Illigati |
|
8 |
Folji u Strixxi tal-Azzar Inossidabbli Llaminati bis-Sħana |
|
9 |
Folji u Strixxi tal-Azzar Inossidabbli Llaminati bil-Kesħa |
|
10 |
Pjanċi Kwarto tal-Azzar Inossidabbli Llaminata bis-Sħana |
|
12 |
Forom tal-Metall u Forom Ħfief Mhux Illigati u Oħrajn Illigati |
|
13 |
Vireg tar-rinforz |
|
14 |
Żbarri Stainless u Forom Ħfief |
|
15 |
Virga tal-Wajer Stainless |
|
16 |
Virga tal-Wajer Mhux Illigat u Oħrajn Illigat |
|
17 |
Angoli, Forom u Qatgħat tal-Ħadid jew tal-Azzar Mhux Illigat |
|
18 |
Gzuz ta’ Pjanċi |
|
19 |
Materjali tal-Ferrovija |
|
20 |
Pajpijiet tal-gass |
|
21 |
Pajpijiet vojta minn ġewwa |
|
22 |
Tubi u Pajpijiet Stainless Seamless |
|
24 |
Tubi Seamless Oħra |
|
25.A |
Tubi kbar iwweldjati |
|
25.B |
|
|
26 |
Pajpijiet iwweldjati oħra |
|
27 |
Żbarri Mhux Illigati u Oħrajn Illigati b’finatura bil-kesħa |
|
28 |
Wajer Mhux Illigat |
ELI: http://data.europa.eu/eli/notice/C/2024/1460/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)