5.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/82


P9_TA(2021)0429

L-effikaċja li biha l-Istati Membri jużaw il-flus tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE f'każijiet ta' diżastri naturali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-effikaċja li biha l-Istati Membri jużaw il-flus tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE f'każijiet ta' diżastri naturali (2020/2127(INI))

(2022/C 184/05)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 175, 310(5) u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament dwar il-FSUE”) u l-emendi sussegwenti tiegħu tal-15 ta' Mejju 2014 u l-30 ta' Marzu 2020,

—

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2018 dwar l-evalwazzjoni ex post tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 2002-2016,

—

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2019 dwar l-evalwazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 2002-2017 (SWD(2019)0186),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 sabiex jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni li jkunu affettwati serjament minn emerġenza tas-saħħa pubblika maġġuri (2),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2021 dwar ir-rieżami tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (3),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (4),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: valutazzjoni (5),

—

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2008 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tal-15 ta' April 2008 bit-titlu “Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: huwa rapidu, effiċjenti u flessibbli biżżejjed?”,

—

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2012 tal-QEA tat-3 ta' Awwissu 2013 bit-titlu “Ir-reazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għat-terremot tal-2009 fl-Abruzzo: ir-relevanza u l-kost tal-operazzjonijiet”,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0273/2021),

A.

billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) ġie stabbilit fl-2002 bħala reazzjoni għall-għargħar gravi li kien hemm fl-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002; billi dan inħoloq biex jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati milquta minn diżastri naturali, bħal għargħar, terremoti jew maltempati; billi l-FSUE sar wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-Unjoni għall-irkupru minn diżastri, u jikkostitwixi wkoll espressjoni ta' solidarjetà konkreta fl-Unjoni;

B.

billi l-FSUE huwa fost l-aktar espressjonijiet ta' solidarjetà konkreti tal-Unjoni, xi ħaġa li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jistennew meta jseħħu diżastri jew emerġenzi tas-saħħa pubblika serji; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, il-Parlament irrimarka li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri mhijiex fakultattiva, iżda fil-fatt hija valur fundamentali tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TUE, u obbligu li jirriżulta, fost l-oħrajn, mill-Artikoli 2 u 21 tat-TUE; billi, fl-istess riżoluzzjoni, il-Parlament iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-komponenti kollha tal-mekkaniżmi tagħha għall-ġestjoni tal-kriżijiet u r-rispons għad-diżastri;

C.

billi l-qafas regolatorju tal-FSUE ġie emendat fl-2014 u fl-2020, fid-dawl tal-bżonn li l-proċeduri jiġu ssimplifikati u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond jiġi estiż għal emerġenzi tas-saħħa pubblika bħall-COVID-19;

D.

billi fl-ambitu tal-FSUE tħallsu total ta' EUR 6,548 biljun, medja ta' EUR 339,9 miljun fis-sena; billi l-ammonti mħallsa kull sena jvarjaw b'mod sinifikanti minn sena għal oħra; billi l-fondi mhux użati f'sena partikolari jistgħu jiġu riportati għas-sena ta' wara u billi r-riżorsi allokati għas-sena ta' wara jistgħu wkoll jintużaw bil-quddiem, u din il-possibbiltà toffri l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati diżastri imprevedibbli;

E.

billi l-infiq fl-ambitu tal-FSUE żdied minn medja ta' madwar EUR 270 miljun fuq ħames snin mill-2002 sal-2015, għal medja ta' EUR 534 miljun fuq ħames snin mill-2016 sal-2020; billi din iż-żieda kienet ikkawżata minn żieda fil-ħsarat flimkien ma' żieda fl-ammont imħallas għal kull euro ta' ħsara; billi din iż-żieda hija wkoll riflessjoni tal-valur miżjud tal-Fond;

F.

billi minħabba t-tibdil fil-klima, is-severità u l-frekwenza tad-diżastri naturali u l-emerġenzi tas-saħħa pubblika ċertament se jkomplu jiżdiedu, u dan se jżid ukoll il-bżonn ta' mekkaniżmu b'saħħtu u implimentat tajjeb għall-irkupru mid-diżastri;

G.

billi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) il-ġdid jipprevedi pakkett baġitarju ġdid bl-isem “Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza” (SEAR), li jiġbor flimkien il-FSUE u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (EAR) u huwa maħsub biex jirrispondi, minn naħa waħda, għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jirriżultaw minn diżastri maġġuri fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi kandidati (FSUE) u, min-naħa l-oħra, għal ħtiġijiet urġenti speċifiċi fl-Unjoni jew f'pajjiżi terzi, partikolarment f'każ ta' kriżijiet umanitarji (EAR);

H.

billi xi reġjuni huma strutturalment suxxettibbli għal ċerti diżastri naturali rikorrenti bħal għargħar, attività sismika jew vulkanika intensa, jew kriżijiet tas-saħħa pubblika, u għalhekk jirrikjedu approċċ proattiv speċjali;

I.

billi ż-żmien meħud biex tinħareġ l-għotja sħiħa jista' jitnaqqas aktar biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa urġenti ta' solidarjetà fl-Unjoni;

1.

Jissottolinja l-fatt li bejn l-2002 u l-2020, il-FSUE mmobilizza aktar minn EUR 6,5 biljun għal interventi f'96 avveniment katastrofiku fi 23 Stat Membru u f'pajjiż kandidat wieħed; jinnota li l-akbar għadd ta' applikazzjonijiet li tressqu kienu għal ħsarat ikkawżati minn għargħar, tant li aktar minn 60 % tad-diżastri li ngħataw appoġġ jaqgħu taħt din il-kategorija; jinnota wkoll li t-terremoti kienu l-avvenimenti li kkawżaw l-akbar ħsara totali f'termini finanzjarji u jirrappreżentaw 48 % tal-appoġġ mogħti fl-ambitu tal-FSUE;

2.

Jinnota li bħala parti mill-pakkett koordinat tal-Unjoni bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-kamp ta' applikazzjoni tal-FSUE ġie estiż bir-Regolament (UE) 2020/461 li daħal fis-seħħ emendatorju adottat fl-1 ta' April 2020; jilqa' l-fatt li l-kriżijiet tas-saħħa pubblika issa jidħlu fl-ambitu tal-FSUE, li jippermetti l-mobilizzazzjoni tiegħu, jekk ikun hemm bżonn, b'appoġġ għall-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati li jintlaqtu l-agħar; jilqa' ż-żieda li saret f'din ir-reviżjoni fir-rigward tar-rata ta' pagamenti bil-quddiem lill-pajjiżi affettwati, minn 10 % tal-ammont ta' għajnuna antiċipat (limitat għal massimu ta' EUR 30 miljun) għal 25 % (massimu ta' EUR 100 miljun); iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu minn din il-possibbiltà f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

3.

Jinnota li, f'Marzu 2021, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta' kważi EUR 400 miljun fl-ambitu tal-FSUE għal 17-il Stat Membru u tliet pajjiżi kandidati biex tiġi miġġielda l-emerġenza tas-saħħa tal-COVID-19; jinnota li l-fondi se jkopru parti min-nefqa pubblika użata għall-finanzjament ta' apparat mediku u tagħmir protettiv personali, appoġġ ta' emerġenza lill-popolazzjoni, u miżuri ta' prevenzjoni, monitoraġġ u kontroll tat-tixrid tal-marda;

4.

Jenfasizza li, minkejja l-prominenza tal-kriżi tal-COVID-19, il-FSUE jeħtieġ ikompli jipprovdi appoġġ lill-pajjiżi li qed jirkupraw minn diżastri naturali; jenfasizza li t-tibdil fil-klima huwa realtà inekwivokabbli u li għalhekk huwa essenzjali li tittieħed azzjoni anke fuq terminu medju u fit-tul; ikompli jesprimi tħassib dwar jekk il-finanzjament tal-FSUE huwiex biżżejjed, speċjalment minħabba l-estensjoni tal-ambitu tiegħu u l-fużjoni mal-EAR fil-QFP 2021-2027; jinnota li s-SEAR għandha limitu massimu ta' EUR 1,2 biljun;

5.

Jiddispjaċih li, minħabba restrizzjonijiet baġitarji, il-pajjiżi li talbu appoġġ wara l-pandemija tal-COVID-19 fl-2020 se jirċievu inqas minn 50 % tal-ammont ta' għajnuna potenzjali; għadu mħasseb dwar ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-FSUE għall-perjodu ta' bejn l-2021 u l-2027, speċjalment fid-dawl tal-ambitu usa' tiegħu; jikkunsidra neċessarju, għaldaqstant, li jsir monitoraġġ tal-impatt eventwali tal-ammont globali u l-arranġamenti ta' allokazzjoni tas-SEAR fuq l-effikaċja tal-FSUE, fid-dawl tal-estensjoni tal-ambitu tiegħu u tal-għadd u l-iskala tad-diżastri;

6.

Jilqa' l-fatt li r-riforma tal-2014 iċċarat il-kriterji ta' ammissibbiltà għad-diżastri reġjonali, u li dan żied ir-rata ta' approvazzjoni tagħhom minn 31 % għal 85 %; jirrikonoxxi li dan kien pass importanti lejn żieda fil-prevedibbiltà tal-proċess ta' applikazzjoni u l-effikaċja tal-FSUE; jirrimarka li huwa importanti wkoll li titqies l-ispiża stmata f'termini finanzjarji tal-ħsara ambjentali kkawżata minn diżastru;

7.

Ifakkar li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi li qed jesperjenzaw sitwazzjonijiet klimatiċi diffiċli li jfixklu serjament l-iżvilupp tagħhom; iqis, għalhekk, li huwa kruċjali li jiġu adottati miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni kollha li qegħdin f'riskju partikolari ta' diżastri naturali, bħall-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u r-reġjuni b'popolazzjoni baxxa;

8.

Jenfasizza l-bżonn li tiġi rilaxxata assistenza finanzjarja permezz tal-FSUE lir-reġjuni u liż-żoni li huma partikolarment affettwati minn diżastri naturali fl-Unjoni; iqis li l-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Fond għandha titqassam b'mod ġust bejn l-aktar reġjuni u żoni tal-Istati Membri affettwati;

9.

Jenfasizza l-valur miżjud qawwi tal-Fond fl-appoġġ ta' miżuri ta' emerġenza u sforzi ta' rikostruzzjoni u t-tħaffif tal-piż finanzjarju fuq l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, anke jekk irid isir titjib f'termini ta' rapidità, konsistenza, effiċjenza u promozzjoni tal-interventi;

10.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-ħolqien ta' pjan koordinat għal valutazzjoni preċiża u rapida tal-ħsara; jistieden lil kull pajjiż benefiċjarju biex fir-rapporti ta' implimentazzjoni tiegħu jagħti dettalji dwar il-miżuri preventivi li jkun ħa jew qed jippjana li jieħu, inkluż kif se juża l-fondi strutturali tal-Unjoni biex jillimita l-ħsara fil-futur u tiġi evitata, kemm jista' jkun, rikorrenza ta' diżastri naturali simili; jenfasizza li l-isfidi tal-futur, sew dawk li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima u sew dawk relatati mal-emerġenzi tas-saħħa pubblika, jirrikjedu primarjament politika preventiva; jinnota li l-FSUE huwa ta' natura rimedjali; ifakkar, għaldaqstant, fil-bżonn ta' sinerġiji effikaċi ma' politiki u programmi oħra tal-Unjoni, partikolarment il-fondi tal-politika ta' koeżjoni, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-politiki u l-programmi tal-Unjoni li jsostnu l-prevenzjoni tad-diżastri u l-ġestjoni tar-riskji; jitlob reviżjoni tal-FSUE biex jiġi żgurat li l-prinċipju ta' “rikostruzzjoni aħjar” ikun minqux fih;

11.

Ifakkar fl-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt u s-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi, il-QEA u, fejn applikabbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom ikunu jistgħu jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-FSUE, skont il-kompetenzi u l-prerogattivi tagħhom;

12.

Jenfasizza l-bżonn ta' appoġġ prattiku mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, partikolarment fl-istima tal-ħsara, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-kondiviżjoni ta' prattiki tajba fir-rigward tal-governanza u l-użu ta' strutturi ta' koordinazzjoni istituzzjonali f'sitwazzjonijiet ta' diżastru; jenfasizza li, f'każ ta' terremoti gravi jew għargħar fuq skala kbira, il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi jaf tieħu aktar żmien milli f'każ ta' diżastri naturali oħrajn; iqis li dan għandu jiġi rifless fi kwalunkwe reviżjoni tal-FSUE fil-futur, speċifikament billi jingħata biżżejjed żmien għall-assorbiment, lil hinn mill-iskadenzi tal-applikazzjonijiet attwali;

Il-kwalità tal-applikazzjonijiet

13.

Jinnota b'dispjaċir li l-kwalità tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament tvarja u li dan jista' jtawwal il-proċess ta' mobilizzazzjoni; jinnota li l-istima tal-ħsara sikwit tkun l-aktar komponent diffiċli f'dan ir-rigward, minħabba sfidi f'dak li għandu x'jaqsam ma' ġbir, trikkib u duplikazzjoni tad-data, u fl-iżvilupp ta' data aggregata f'konformità mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi rekwiżiti li jkunu sempliċi u ċari kemm jista' jkun, filwaqt li jibqa' jinżamm il-livell ta' dettall neċessarju; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodda jew sistema komuni biex issaħħaħ il-kapaċità tal-benefiċjarji li jsegwu approċċi standardizzati għall-kwantifikazzjoni tad-data dwar it-telf mid-diżastri u s-sistemi għall-ġbir tad-data dwar it-telf u b'hekk tnaqqas il-piż amministrattiv u tissimplifika l-proċedura tal-applikazzjoni kemm jista' jkun;

14.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali, jiġifieri l-muniċipalitajiet, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u s-soċjetà ċivili, fil-forniment ta' data minn fuq il-post lill-awtoritajiet nazzjonali; jenfasizza, għalhekk, li kooperazzjoni effikaċi mal-NGOs tista' ttejjeb ukoll il-kwalità tal-applikazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi ta' koordinazzjoni effikaċi biex isir użu sħiħ mill-kontribut tal-NGOs;

15.

Jenfasizza li l-ġbir tad-data għall-applikazzjonijiet mal-FSUE għal kriżijiet tas-saħħa pubblika huwa kunċett ġdid għall-pajjiżi, u għalhekk jista' jirriżulta partikolarment diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lil din il-kwistjoni u tgħin lill-pajjiżi b'kull mod possibbli, inkluż bl-għoti ta' assistenza teknika;

16.

Jiddispjaċih li, fil-preżent, ir-Regolament dwar il-FSUE ma jippermettix it-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna fuq bażi transfruntiera, minkejja li ċerti żoni partikolarment suxxettibbli għal diżastri naturali, bħaż-żoni muntanjużi, sikwit jaqsmu l-fruntieri;

Intervent f'waqtu

17.

Jinnota li skont l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar il-FSUE, il-Fond inħoloq sabiex l-Unjoni tkun tista' “tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza”; jinnota li fir-Rapport Speċjali Nru 3/2008 tagħha, il-QEA kkonkludiet li l-FSUE ma kienx qed jipprovdi rispons rapidu għall-emerġenzi, billi, ġeneralment, bejn id-diżastru u l-pagament kienet tgħaddi madwar sena; jinnota li, kif enfasizzat fl-evalwazzjoni tal-FSUE fl-2018, dan it-tul ta' żmien naqas bi ftit biss wara r-riforma tal-FSUE fl-2014; jibqa' mħasseb dwar it-tul futur tal-proċedura fl-ambitu tal-arranġamenti l-ġodda tal-QFP il-ġdid, issa li l-baġit tal-FSUE ġie integrat fis-SEAR;

18.

Ifakkar li hu essenzjali li l-għajnuna u l-fondi jintbagħtu bl-aktar mod rapidu, faċli u flessibbli possibbli fir-reġjuni milquta; ifakkar, f'dan is-sens, fl-importanza tas-sinerġiji bejn il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, il-komponent tal-adattament għat-tibdil fil-klima tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programmi ta' kooperazzjoni territorjali u l-FSUE; jenfasizza li tali sinerġiji huma essenzjali biex jiġi żgurat rispons komprensiv u rapidu f'każ ta' emerġenza filwaqt li jiġi offrut pakkett ta' reżiljenza b'saħħtu;

19.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li għalkemm il-valur tal-pagamenti bil-quddiem żdied minn 10 % għal 25 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata, iż-żmien meħud bħala medja biex isiru pagamenti bil-quddiem għadu twil ħafna (madwar ħames xhur);

20.

Jerġa' jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra soluzzjonijiet aktar reattivi u, b'mod partikolari, tkompli l-ħidma tagħha fuq il-gwida għall-użu simplifikat tal-FSUE sabiex jiġu ffaċilitati l-azzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll biex tissimplifika u tħaffef il-proċedura tal-applikazzjoni għall-Istati Membri, b'attenzjoni partikolari, pereżempju, għas-simplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-attivazzjoni tal-FSUE f'diversi reġjuni fil-kuntest ta' diżastri transfruntiera, sabiex jiġi żgurat rispons aktar rapidu għall-intensifikazzjoni ta' diżastri naturali kbar u reġjonali u emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu li permezz tiegħu jingħata appoġġ finanzjarju lil Stat Membru f'emerġenza, irrispettivament minn jekk il-baġit annwali tal-FSUE jkunx intefaq;

21.

Josserva b'dispjaċir li t-traduzzjoni tad-dokumenti jew sfidi tekniċi speċifiċi oħra jistgħu jwasslu għal dewmien sostanzjali fi stadji differenti tal-interventi tal-FSUE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-arranġamenti neċessarji biex tipproċessa aktar malajr it-traduzzjoni tad-dokumenti sottomessi mill-istat milqut minn diżastru u b'hekk jiġi evitat kwalunkwe dewmien fl-interventi tal-FSUE;

22.

Jinnota bi tħassib li t-tul ta' żmien bejn id-diżastru u l-pagament sħiħ tal-għajnuna, kif irrappurtat mill-Kummissjoni fir-rapporti annwali tagħha dwar il-FSUE, jibqa' fost l-isfidi ewlenin tal-FSUE; jenfasizza li dan hu ta' importanza partikolari fis-sitwazzjoni attwali, billi l-pandemija tal-COVID-19 u t-tibdil fil-klima x'aktarx se jikkawżaw żieda sostanzjali fl-għadd ta' applikazzjonijiet, li jista' jwassal għal aktar dewmien; jieħu nota tal-fehma tal-Kummissjoni li permezz tal-bidliet introdotti fir-reviżjoni tal-FSUE tal-2014 sar kulma kien possibbli biex jitħaffef il-proċess deċiżjonali għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE u li din ma tantx hemm minn fejn tista' titħaffef aktar; ifakkar li rispons rapidu għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza jista' jkun kruċjali għall-funzjonament effikaċi tal-FSUE; jenfasizza li dan hu partikolarment rilevanti f'reġjuni b'sorsi ta' finanzjament alternattivi limitati; jistieden lill-Kummissjoni tesplora t-toroq kollha possibbli biex tħaffef il-mobilizzazzjoni tal-FSUE fl-ambitu tal-arranġamenti l-ġodda tal-QFP, partikolarment għal reġjuni inqas żviluppati;

Il-konstatazzjonijiet tal-evalwazzjoni

23.

Jinnota b'dispjaċir il-konstatazzjoni tal-evalwazzjoni li r-rapporti ta' implimentazzjoni pprovduti mill-pajjiżi benefiċjarji jvarjaw b'mod sinifikanti f'termini ta' tul, kontenut u livell ta' dettall tad-data; jinnota bi tħassib li, minħabba din il-varjazzjoni, la tista' ssir analiżi sistematika u komparattiva tal-kisbiet u lanqas ma jista' jsir eżerċizzju ta' tqabbil tar-riżultati ppjanati ma' dawk miksuba; jinnota wkoll li l-istudji tal-każijiet analizzati ħarġu fid-dieher differenzi frekwenti bejn is-suppożizzjonijiet magħmula dwar il-prijoritajiet għal appoġġ mill-FSUE fil-ftehim ta' implimentazzjoni u dak li fil-fatt kien meħtieġ fil-prattika; jesprimi tħassib dwar il-possibbiltà li dan in-nuqqas ta' informazzjoni u data komparabbli jfixkel il-monitoraġġ effikaċi tal-implimentazzjoni tal-FSUE min-naħa tal-Kummissjoni u potenzjalment jhedded l-użu effettiv u effiċjenti tal-FSUE, b'impatt negattiv fuq il-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali fl-UE;

24.

Jinnota l-evidenza mill-istudji tal-każijiet fir-rapport ta' evalwazzjoni estern li l-implimentazzjoni tal-proċess sħiħ tal-akkwist pubbliku fiż-żmien limitat disponibbli f'sitwazzjoni ta' kriżi kienet ta' sfida għal xi stati benefiċjarji; iwissi li l-akkwist pubbliku f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza huwa qasam partikolarment suxxettibbli għall-frodi, il-korruzzjoni u l-irregolaritajiet, u għalhekk jenfasizza l-importanza ta' sistemi ta' kontroll u proċeduri ta' lment effikaċi; jisħaq fuq l-importanza li, b'risposta għal sitwazzjonijiet ta' kriżi, jiġi żgurat li l-Istati Membri jsegwu l-proċeduri tal-akkwist pubbliku; jenfasizza li kwalunkwe deroga għandha tiżgura l-konformità tal-proċeduri tal-akkwist mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali;

25.

Jinnota li l-attivazzjoni tal-FSUE hija kkawżata mill-okkorrenza ta' diżastru u għalhekk id-distribuzzjoni tal-fondi ma tikkorrispondix ma' kwoti territorjali; jinsab sorpriż, madankollu, bil-konstatazzjoni li l-allokazzjonijiet huma kkonċentrati f'għadd żgħir ta' benefiċjarji, b'77 % tal-fondi distribwiti lill-akbar erba' Stati Membri; jisħaq fuq il-bżonn ta' solidarjetà bbażata fuq il-ħtiġijiet, filwaqt li titqies il-kapaċità tal-pajjiżi benefiċjarji li jiffaċċjaw diżastru;

26.

Jinnota li l-FSUE huwa implimentat mill-awtoritajiet maħtura fil-pajjiżi benefiċjarji skont il-prinċipju ta' ġestjoni kondiviża; jinnota li, għaldaqstant, is-setgħat tal-Kummissjoni li tinfluwenza liema proġetti jirċievu finanzjament huma limitati; ifakkar lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-1 ta' Diċembru 2016, li fiha saħaq fuq l-importanza li jiġi ddeterminat jekk is-sussidji tal-FSUE jkunux intużaw f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu t-trasparenza u jiggarantixxu l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni matul il-proċess ta' mobilizzazzjoni tal-assistenza; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lil każijiet ta' użu potenzjalment abbużiv tal-fondi tal-FSUE b'ġestjoni kondiviża u tintroduċi passi biex ittejjeb it-trasparenza, tissorvelja u tipprevjeni tali użu abbużiv;

27.

Jinnota b'dispjaċir id-dewmien fl-għeluq ta' xi interventi; jesprimi t-tħassibu tiegħu dwar il-fatt li f'xi każijiet l-awtoritajiet nazzjonali kellhom bżonn estensjoni biex jipprovdu tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-awditi jew ma wiġbux għal talbiet ripetuti għal informazzjoni relatata magħhom; jirrikonoxxi l-importanza ta' għeluq f'waqtu; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-għeluq;

28.

Jinnota li r-rapporti annwali tal-FSUE jkopru l-perjodu mill-2008 sal-2018 u jiġu ppubblikati b'mod irregolari; jinnota wkoll li għall-2019 u l-2020 għadu ma ġie ppubblikat l-ebda rapport; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tirrapporta kull sena, qabel l-1 ta' Lulju, dwar l-attività tal-FSUE fis-sena ta' qabel; jistieden lill-QEA tinforma lill-Parlament bi kwalunkwe konstatazzjoni bħala parti mid-dikjarazzjoni annwali ta' assigurazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-FSUE;

29.

Jinsisti li r-rwol tal-awtorità baġitarja għandu jitħares bis-sħiħ; josserva li, fl-ambitu tal-QFP il-ġdid, l-approprjazzjonijiet tal-FSUE jiddaħħlu fil-baġit ġenerali u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz ta' trasferimenti; jenfasizza l-bżonn li tingħata informazzjoni f'waqtha dwar trasferimenti bħal dawn u li, irrispettivament mill-proċedura l-ġdida, il-Kummissjoni tipprovdi l-istess livell ta' informazzjoni bħal fil-QFP preċedenti; jiddeplora, barra minn hekk, in-nuqqas ta' informazzjoni ġenerali dettaljata dwar l-applikazzjonijiet għal appoġġ mill-FSUE, billi dan ixekkel l-iskrutinju, u jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha disponibbli bi qbil mal-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FSUE;

30.

Jistieden lill-QEA tagħmel awditu ġdid tal-FSUE bil-ħsieb li potenzjalment tivvaluta mill-ġdid l-istrumenti u l-baġit sabiex tiżgura li jkun hemm baġit suffiċjenti u funzjonali disponibbli biex jiġu ttrattati b'mod effikaċi diżastri naturali kbar u reġjonali kif ukoll emerġenzi tas-saħħa maġġuri;

31.

Ifakkar fl-objettiv tal-FSUE li tintwera u tissaħħaħ is-solidarjetà; jisħaq li dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss jekk iċ-ċittadini jkunu konxji mill-interventi tal-FSUE; jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-pubbliċità f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki dwar kif tista' tiżdied il-viżibilità tal-FSUE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' komunikazzjoni u pubbliċità magħmula għall-operazzjonijiet tal-FSUE fir-rapporti ta' implimentazzjoni tagħhom, sabiex tingħata ħarsa ġenerali sħiħa u sistematika tal-kopertura fil-midja;

32.

Jiddispjaċih dwar il-viżibilità skarsa tal-FSUE, li jfisser li r-rwol tal-Unjoni mhux dejjem jidher ċar; jiddispjaċih li r-Regolament dwar il-FSUE la fih obbligu ta' pubbliċità tal-appoġġ mill-FSUE u lanqas obbligu ta' rapportar f'dan ir-rigward; jissottolinja li l-Istati Membri żviluppaw prattiki tajbin għal komunikazzjoni dwar appoġġ mill-FSUE, bħall-użu ta' bnadar u logos tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jippubbliċizzaw l-assistenza finanzjarja tal-FSUE u jindikaw ix-xogħol u s-servizzi li kienu ffinanzjati mill-FSUE jew li jkunu se jiġu ffinanzjati minnu; jistenna li r-reviżjoni futura tar-Regolament dwar il-FSUE tinkludi l-obbligu li jiġi ppubbliċizzat u kkomunikat l-appoġġ mill-FSUE, pereżempju permezz tal-midja nazzjonali u mezzi oħra, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu infurmati;

33.

ifakkar li l-assistenza tal-FSUE tkopri biss ir-ritorn għall-hekk imsejjaħ status quo ante tal-infrastruttura fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u l-ilma mormi, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni, u mhux l-ispejjeż addizzjonali tar-rikostruzzjoni ta' infrastruttura aktar reżistenti għad-diżastri u aktar reżiljenti għall-klima, kif jirrakkomanda l-Patt Ekoloġiku Ewropew, li jridu jiġu ffinanzjati mill-Istat benefiċjarju permezz ta' riżorsi proprji u fondi oħra tal-Unjoni, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni; jitlob livell ogħla ta' sinerġiji bejn l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u l-FSUE;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-aktar reġjuni suxxettibbli għal diżastri naturali speċifiċi jew rikorrenti u tipproponi pjan ta' azzjoni dwar il-mitigazzjoni tar-riskju u attivitajiet antiċipatorji mmirati; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi wkoll reviżjoni tal-FSUE sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta' rispons rapidu aktar immirat, effikaċi u f'waqtu f'żoni u reġjuni suxxettibbli għal diżastri naturali speċifiċi jew rikorrenti;

o

o o

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)  ĠU L 99, 31.3.2020, p. 9.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0220.

(4)  ĠU C 316, 6.8.2021, p. 2.

(5)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 140.