Brussell, 11.9.2024

COM(2024) 402 final

RIEŻAMI ANNWALI MILL-KUMMISSJONI

tar-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Istati Membri dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011


1. Introduzzjoni:

Dan ir-rieżami annwali għas-sena 2022 dwar l-attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati huwa prodott skont ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Dan ikopri attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati mwettqa mill-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni (ECAs, export credit agencies) tal-Istati Membri u huwa bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-Rapporti Annwali tal-Attività li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, anki skont ir-Regolament. Ir-rapporti jsegwu mudell standardizzat (imsejjaħ ukoll “mudell tal-lista ta’ kontroll”) li ġie rieżaminat u arrikkit maż-żmien. Il-mudell li l-Istati Membri użaw għar-rapporti tagħhom għall-2022 ilu applikabbli mis-sena ta’ rappurtar 2020, u kien jinkludi dettall addizzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, il-klima u l-protezzjoni tal-ambjent li jirrigwardaw il-verżjoni preċedenti. Mis-sena ta’ rappurtar 2023 ’il quddiem hija applikabbli verżjoni ġdida tal-mudell, u din se tagħti lok għal rieżami skont is-settur orjentat lejn il-klima tal-attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati.

2. Rapporti Annwali tal-Attività li waslu għas-sena kalendarja 2022:

Għoxrin Stat Membru pprovdew krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati fl-2022 fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati: l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja. Kollha ppreżentaw Rapport Annwali tal-Attività għas-sena 2022.

Il-kumplament tal-Istati Membri — il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja u Malta — kkonfermaw li ma pprovdewx krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati matul is-sena ta’ rappurtar.

3. Analiżi tar-Rapporti Annwali tal-Attività:

(a)Informazzjoni ġenerali:

Fl-2022, l-għoxrin Stat Membru li pprovdew krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati kollha pprovdew kopertura pura, jiġifieri krediti għall-esportazzjoni fl-għamla ta’ garanziji u/jew prodotti tal-assigurazzjoni. Minn dawn, tlettax-il Stat Membru (il-Belġju, il-Kroazja, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja) kienu wkoll fornituri ta’ appoġġ ta’ finanzjament uffiċjali, jiġifieri finanzjament dirett, finanzjament mill-ġdid ta’ self kummerċjali għal tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni jew appoġġ għar-rata tal-imgħax. Għadd żgħir ta’ Stati Membri (l-Awstrija, l-Ungerija, il-Portugall, il-Polonja, Spanja) jirrappurtaw li huma fornituri ta’ għajnuna marbuta, forma ta’ krediti għall-esportazzjoni b’element konċessjonali, irregolata fil-kuntest tal-Arranġament tal-OECD.

L-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati u r-Rakkomandazzjonijiet tal-OECD dwar kif għandhom jiġu indirizzati r-riskji assoċjati mal-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati jiżguraw l-armonizzazzjoni tal-prattiki madwar l-UE. Madankollu, f’dan il-qafas, il-gvernijiet ifasslu l-politiki tagħhom stess. Il-biċċa l-kbira tal-ECAs għandhom regoli oħra apparti dawk mil-linji gwida tal-OECD, bħal dwar il-kontenut nazzjonali u lokali, u standards aktar b’saħħithom fis-seħħ, inkluż biex jirriflettu l-politiki nazzjonali u l-impenji internazzjonali tagħhom stess, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tal-klima. Xi ECAs jagħżlu li joffru programmi mfassla apposta għal setturi partikolari jew objettivi partikolari. Dan jista’ jirrifletti l-ispeċifiċitajiet ta’ ftehim settorjali separat fl-Arranġament, strutturi ta’ koassigurazzjoni, jew orjentazzjonijiet strateġiċi.

L-istruttura organizzazzjonali tal-ECAs u l-governanza għall-offerta ta’ kopertura jvarjaw fl-UE. Il-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati huma ġestiti minn aktar minn sitta u għoxrin korp minn fost l-Istati Membri, jew aġenziji pubbliċi jew inkella kumpaniji privati li joperaw taħt mandat pubbliku u superviżjoni tal-gvern. Jinsabu elenkati fl-Anness 1. L-Istati Membri li jipprovdu kemm kopertura kif ukoll finanzjament, normalment ikollhom istituzzjoni apposta u separata biex tittratta dan tal-aħħar, li xi drabi tissejjaħ bank EXIM (għal export-import).

(b)Volum ta’ appoġġ uffiċjali:

Ir-Rapporti Annwali tal-Attività jipprovdu informazzjoni finanzjarja rilevanti dwar l-appoġġ uffiċjali pprovdut mill-ECAs, skont l-istruttura organizzazzjonali u l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali rispettivi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda osservazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tar-Rapporti Annwali tal-Attività tal-2022.

Għall-appoġġ uffiċjali fl-għamla ta’ kopertura pura, it-tabella ta’ hawn taħt telenka l-iskopertura aggregata għar-riskju nominali rrappurtata mill-31 ta’ Diċembru 2022 għall-akbar fornituri fl-UE:

Tabella 1. Appoġġ uffiċjali fl-għamla ta’ kopertura pura fl-2022 (f’EUR biljun)

L-akbar kontributuri tal-UE skont l-iskopertura aggregata għar-riskju nominali

Skopertura totali għall-kopertura pura fl-UE

350

Il-Ġermanja

83

L-Italja

72

Franza

66

L-Iżvezja

38

In-Netherlands

28

Fir-rigward tal-appoġġ ta’ finanzjament uffiċjali, it-tabella ta’ hawn taħt telenka l-valur nominali rrappurtat tal-portafoll tas-self uffiċjalment appoġġat mill-31 ta’ Diċembru 2022 għall-akbar fornituri fl-UE:

Tabella 2. Appoġġ uffiċjali fl-għamla ta’ appoġġ ta’ finanzjament uffiċjali fl-2022 (f’EUR biljun)

L-akbar kontributuri tal-UE skont il-valur nominali tal-portafoll tas-self uffiċjalment appoġġat

Portafoll tas-self totali fl-UE

92

L-Italja

38

Il-Ġermanja

16

Franza

15

L-Iżvezja

8

Il-Finlandja

8

Nota: Iċ-ċifri fit-Tabelli 1 u 2, jenħtieġ li ma jiġux akkumulati. Mhux biss in-natura tal-istrument hija differenti, imma l-istess Stat Membru jista’ jappoġġa l-istess tranżazzjoni ta’ esportazzjoni kemm b’finanzjament dirett kif ukoll b’kopertura pura.

(c)It-trattament ta’ riskji ambjentali:

Ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar Approċċi Komuni għal Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati u Diliġenza Dovuta Ambjentali u Soċjali tistabbilixxi prinċipji komuni għat-twettiq tad-diliġenza dovuta ambjentali u soċjali. L-Istati Membri kollha tal-UE jaderixxu mar-Rakkomandazzjoni, li skontha jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti u r-riskji potenzjali assoċjati mal-applikazzjonijiet għal appoġġ uffiċjali. Ir-rakkomandazzjoni tiddependi fuq standards stabbiliti sew bħall-Istandards ta’ Prestazzjoni Ambjentali u Soċjali tal-Korporazzjoni Finanzjarja Internazzjonali, il-Linji Gwida Ambjentali, tas-Saħħa u tas-Sikurezza tal-Grupp tal-Bank Dinji u l-Politiki ta’ Salvagwardja tal-Bank Dinji u l-Istandards Ambjentali u Soċjali tal-Bank Dinji. Ir-Rakkomandazzjoni tkopri kwistjonijiet ambjentali ewlenin, bħall-emissjonijiet tal-arja, inklużi l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-immaniġġjar tal-iskart, l-istorbju u l-vibrazzjonijiet, il-ġestjoni tal-materjali perikolużi, l-impatti fuq l-ekosistemi, il-protezzjoni tal-bijodiversità, u l-użu sinifikanti tar-riżorsi naturali. Tinkludi wkoll rekwiżiti għat-tħejjija u r-rispons għall-emerġenzi, sabiex is-sidien tal-proġetti jkunu jistgħu jirreaġixxu għal inċidenti u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza b’tali mod li jiġu evitati u mmitigati l-impatti ambjentali.

Il-politiki ta’ diliġenza dovuta u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-ECAs tal-UE huma, fil-maġġorparti, ibbażati fuq ir-Rakkomandazzjoni, anki jekk din għandha rwol mhux esklużiv u l-politiki huma infurmati minn standards oħra u mill-acquis tal-UE. L-Istati Membri kollha li jipprovdu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati jirrappurtaw konformità mad-dimensjoni ambjentali tar-Rakkomandazzjoni, u li hija parti integrali mis-sistemi tagħhom ta’ diliġenza dovuta u ġestjoni tar-riskju u mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-proċeduri ta’ valutazzjoni ex ante jiddependu fuq it-tip, id-daqs u l-kategorija ta’ applikazzjoni partikolari għal kreditu għall-esportazzjoni appoġġat uffiċjalment. Ir-riskji jiġu identifikati, ikklassifikati u evalwati, u jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-eliġibbiltà għall-appoġġ. L-ECAs tal-UE kollha kkonfermaw li skrinjaw l-applikazzjonijiet kollha għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati bl-għan li jidentifikaw jekk hemmx bżonn li ssir analiżi ambjentali.

Skont ir-Rakkomandazzjoni, l-ECAs huma meħtieġa jikklassifikaw dawk l-applikazzjonijiet, skont l-impatt ambjentali negattiv potenzjali, fi tliet kategoriji ta’ riskju: għolja (Kategorija A), medja (Kategorija B) jew baxxa (Kategorija C). Bosta Stati Membri jirrappurtaw li huma japplikaw ir-Rakkomandazzjoni b’mod aktar wiesa’ mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dan jinkludi l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet kollha, inklużi dawk li fihom għandhom sehem b’valur ta’ anqas minn SDR 10 miljun, li fil-prinċipju ma jinqabdux fil-fażi tal-iskrinjar. L-Istati Membri jirrappurtaw li twettqet Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u Soċjali (ESIA, Environmental and Social Impact Assessment) f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Rakkomandazzjoni għall-applikazzjonijiet kollha tal-Kategorija A li għalihom ECA tkun ħadet impenn finali. Għall-applikazzjonijiet tal-Kategorija B, l-Istati Membri jirrappurtaw li l-applikanti dejjem ipprovdew biżżejjed informazzjoni dwar l-impatti ambjentali rilevanti tal-proġett f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Rakkomandazzjoni. L-ECAs irrappurtaw li, qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jiġi pprovdut appoġġ għal proġetti tal-Kategorija A jew B, huma dejjem evalwaw l-informazzjoni li tirriżulta mill-iskrinjar u mir-rieżami tat-tranżazzjonijiet. L-informazzjoni rilevanti waslet permezz ta’ rapporti tal-ESIA, iżda nġabret ukoll bis-saħħa tal-formoli ta’ applikazzjoni u l-kwestjonarji tal-ECAs, ir-riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni, iż-żjarat fuq il-post, ir-riċerka mwettqa minn konsulenti esterni u l-kuntatti diretti mal-applikanti.

L-Istati Membri ma rrappurtawx sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità permanenti, għalkemm jista’ jkun hemm nuqqas ta’ konformità minuri, bħal skadenzi maqbuża għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni jew rapporti. Sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jiġu solvuti f’koordinazzjoni mal-isponsors tal-proġett, billi jitfasslu azzjonijiet korrettivi u miżuri ta’ mitigazzjoni mmonitorjati maż-żmien, jew billi jiġi rtirat l-appoġġ jew jiġi rrifjutat l-indennizz. ECA waħda rrappurtat li kienet iffaċċjat sitwazzjonijiet ta’ devjazzjonijiet mill-istandards internazzjonali u l-azzjonijiet maqbula matul il-fażi ta’ monitoraġġ ta’ ċerti tranżazzjonijiet u kif poġġiet fis-seħħ miżuri skont il-każ.

(d)Kunsiderazzjoni tal-objettivi tat-tibdil fil-klima:

Fl-2022, il-maġġorparti tal-Istati Membri kienu adottaw politika speċifika dwar it-tibdil fil-klima li tapplika għall-ECA tagħhom, apparti l-applikazzjoni tar-regoli settorjali b’rabta mat-tibdil fil-klima mill-Arranġament tal-OECD.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-15 ta’ Marzu 2022, esprima fil-konklużjonijiet tiegħu rigward il-krediti għall-esportazzjoni, l-intenzjoni tal-Istati Membri li sa tmiem l-2023 jiddeterminaw fil-politiki nazzjonali tagħhom, l-iskadenzi tagħhom ibbażati fuq ix-xjenza sabiex iġibu fi tmiemhom il-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati għall-proġetti tas-settur tal-enerġija tal-fjuwils fossili, għajr f’ċirkostanzi limitati u definiti b’mod ċar li jkunu konsistenti mal-limitu ta’ tisħin ta’ 1,5°C u mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi. Inkwantu tali, l-Istati Membri kollha kkunsidraw jew qegħdin jikkunsidraw jadottaw politiki ġodda jew aġġornati b’rabta mat-tibdil fil-klima għall-attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati tagħhom. Mudell ta’ rappurtar ġdid għar-Rapporti Annwali tal-Attività, applikabbli mis-sena ta’ rappurtar 2023 ’il quddiem, se jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor informazzjoni dettaljata dwar il-politiki nazzjonali b’rabta mat-tibdil fil-klima li japplikaw għall-ECAa tal-UE u tirrapporta dwar dawn il-politiki fil-kuntest tar-rieżami annwali tal-Kummissjoni li jmiss, li se jkopri s-sena ta’ rappurtar 2023.

(e)Diliġenza dovuta soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem:

Minbarra d-dimensjoni ambjentali tagħha, ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Approċċi Komuni, stabbiliet, sa mill-2012, prinċipji għat-twettiq tad-diliġenza dovuta soċjali. Tkopri l-impatti soċjali potenzjali ewlenin relatati mal-proġetti inkluż fir-rigward tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (pereż. it-trattament ġust, id-diskriminazzjoni, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, in-negozjar kollettiv, l-akkomodazzjoni tal-ħaddiema), is-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà tal-komunità (pereż. l-esponiment komunitarju għall-mard, l-użu tal-persunal tas-sigurtà), l-akkwist tal-art u r-risistemazzjoni involontarja (pereż. l-ispostament fiżiku, l-ispostament ekonomiku), l-involviment adegwat mal-komunitajiet affettwati (pereż. il-proċess infurmat ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni, il-mekkaniżmu ta’ lmentar), il-popli indiġeni (pereż. il-proċess ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat), il-wirt kulturali. Tkopri wkoll l-impatti ewlenin fuq id-drittijiet tal-bniedem relatati mal-proġetti, inkluż ix-xogħol furzat, it-tħaddim tat-tfal, kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-sitwazzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol li jkunu ta’ theddida għall-ħajja. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli.

Il-prattiki ta’ diliġenza dovuta rrappurtati tal-ECAs tal-UE huma simili għal dawk għar-riskji ambjentali. L-għoxrin Stat Membru kollha li qegħdin jirrappurtaw li jipprovdu appoġġ uffiċjali jindikaw il-konformità mad-dimensjoni soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem tar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Approċċi Komuni u li tifforma parti integrali mit-teħid ta’ deċiżjonijiet, id-diliġenza dovuta u s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom. Kollha kkonfermaw li skrinjaw l-applikazzjonijiet kollha bl-għan li jidentifikaw jekk għandhiex titwettaq analiżi soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem. Irrappurtaw li twettqet ESIA għall-applikazzjonijiet kollha tal-Kategorija A. Għall-applikazzjonijiet tal-Kategorija B, irrappurtaw li l-applikanti dejjem ipprovdew biżżejjed informazzjoni biex jindirizzaw l-impatti rilevanti tal-proġett. L-Istati Membri jirrappurtaw li, qabel ma tittieħed deċiżjoni biex jingħata appoġġ uffiċjali għal proġetti tal-Kategorija A jew B li jkollhom impatt soċjali u fuq id-drittijiet tal-bniedem potenzjalment negattiv, l-ECAs tagħhom dejjem evalwaw l-informazzjoni li tirriżulta mill-iskrinjar u mill-analiżi, bl-istess mod bħal għar-riskju ambjentali.

L-Istati Membri ma rrappurtawx sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità permanenti fl-2022 fil-proċessi ta’ diliġenza dovuta soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom. ECA waħda rrappurtat li kienet iffaċċjat sitwazzjonijiet ta’ devjazzjonijiet mill-istandards internazzjonali u l-azzjonijiet maqbula matul il-fażi ta’ monitoraġġ ta’ ċerti tranżazzjonijiet u poġġiet fis-seħħ miżuri skont il-każ.

Mhux l-ECAs tal-UE kollha għad għandhom proċess ta’ konsultazzjoni parteċipattiv jew mekkaniżmu ta’ lmentar għall-komunitajiet affettwati, minkejja li l-maġġorparti għandhom wieħed fis-seħħ. Dan ma jfissirx li ma teżisti l-ebda konsultazzjoni, peress li l-isponsors tal-proġetti jistgħu jintalbu jistabbilixxu mekkaniżmi irrispettivament mill-involviment tal-ECAs, iżda dan huwa qasam fejn jista’ jsir titjib. L-Istati Membri li għandhom mekkaniżmu ta’ lmentar fis-seħħ fil-livell tal-ECA tagħhom ma rrappurtaw l-ebda lment lill-Kummissjoni fir-Rapporti Annwali tal-Attività tagħhom għall-2022.

(f)Miżuri kontra t-tixħim:

L-Istati Membri kollha li jipprovdu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati jirrappurtaw konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar it-Tixħim u l-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati. Din ir-rakkomandazzjoni tinkludi miżuri għall-iskrinjar, it-twettiq tad-diliġenza dovuta, l-evalwazzjoni u d-deċiżjoni dwar l-eliġibbiltà għall-appoġġ bl-għan li jitnaffar it-tixħim fil-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. B’mod partikolari, dan ifisser il-verifika li l-partijiet involuti fit-tranżazzjonijiet ma jkunux elenkati fil-listi ta’ esklużjoni tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Multilaterali.

(g)Prattiki ta’ self sostenibbli:

L-Istati Membri kollha li jipprovdu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati jirrappurtaw konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar il-Prattiki ta’ Self Sostenibbli u l-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati. Ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tiżgura li l-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-iżvilupp ta’ pajjiżi bi dħul aktar baxx jiġi mmobilizzat mingħajr ma dawk il-pajjiżi jakkumulaw dejn eċċessiv fil-futur. L-aderenza mar-Rakkomandazzjoni timxi id f’id ma’ aderenza mill-qrib mal-politiki tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fir-rigward tal-kundizzjonalità fuq il-limiti tad-dejn għal self mhux aġevolanti u fir-rigward ta’ self sostenibbli. Skont ir-Rakkomandazzjoni, l-aderenti qablu wkoll dwar miżuri importanti ta’ trasparenza li jinkludu l-informazzjoni lill-Bank Dinji u lill-FMI. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-valutazzjonijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn huma parti mill-valutazzjonijiet tar-riskju ġenerali tal-pajjiżi li jaffettwaw il-politiki ta’ kopertura tal-pajjiżi tal-ECAs.

(h)Informazzjoni oħra li tinsab fir-Rapporti Annwali tal-Attività:

L-Istati Membri jirrappurtaw li joqogħdu attenti li jiżguraw li l-ECAs joperaw bl-aktar mod trasparenti possibbli filwaqt li jirrispettaw il-kunfidenzjalità għall-informazzjoni sensittiva għan-negozju. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Approċċi Komuni, il-proċedura armonizzata fl-UE hija d-divulgazzjoni pubblika ta’ informazzjoni dettaljata għal proġetti li jistgħu potenzjalment iħallu impatti ambjentali jew soċjali negattivi. L-ECAs dejjem iddivulgaw l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikoli 39 u 41 tar-Rakkomandazzjoni, jiġifieri informazzjoni ex ante rilevanti għal proġetti tal-Kategorija A, inklużi ESIAs, u informazzjoni ex post għall-proġetti kollha appoġġati tal-Kategorija A u B, permezz ta’ paġni apposta fuq is-siti web tagħhom, imsemmija fl-Anness 2.

Bosta ECAs tal-UE għandhom politika ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva, li tipikament tinvolvi mhux biss l-isforzi interni iżda wkoll djalogu mill-qrib mal-klijenti tal-ECA. F’dan il-kuntest, l-ECAs qegħdin jevalwaw dejjem aktar il-prattiki tagħhom stess u qegħdin jiżviluppaw pjanijiet biex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom stess inklużi l-istimi tal-impronti tal-karbonju.

4. Konformità tal-ECAs mal-objettivi u l-obbligi tal-Unjoni:

L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jelenka l-objettivi ġenerali tal-Unjoni Ewropea; l-Artikolu 21 jistabbilixxi l-prinċipji u l-objettivi tal-Azzjoni Esterna tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3, il-paragrafu 5 TUE, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni Ewropea “għandha tikkontribwixxi […] għall-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”. Fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni tal-UE, issir referenza għall-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-Artikolu 206 fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni għal dikjarazzjoni dwar jekk l-Istati Membri, meta jipprovdu krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati, ikunux konformi mal-objettivi u l-obbligi tal-UE. Il-Kummissjoni wettqet ir-rieżami annwali tagħha f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1233/2011. Bħala tali, ir-rieżami tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-Rapporti Annwali tal-Attività ppreżentati mill-Istati Membri u ma jistax jitqies bħala eżawrjenti.

Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni disponibbli tipprovdi evidenza li l-attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati fl-UE jikkonformaw mal-Artikoli 3 u 21 TUE. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD jipprovdu qafas għall-ġestjoni tal-programmi ta’ kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri. L-Istati Membri jistabbilixxu wkoll il-politiki tagħhom stess abbażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u f’konformità mal-objettivi tal-UE. Fir-rigward tal-konformità mal-obbligi internazzjonali u dawk skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, ma kien hemm l-ebda tilwim fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-attivitajiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni ta’ Stat Membru tal-UE għall-2022 u l-Kummissjoni ma rċeviet ebda lment dwar ksur potenzjali tar-regolamenti tal-UE li jinvolvu l-ECAs tal-UE.