|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2565 |
16.12.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/2565
tal-15 ta’ Diċembru 2025
b’appoġġ għall-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-aspetti kollha tiegħu u l-Qafas Globali dwar il-Munizzjon
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti u l-Munizzjon tagħhom, intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), li tistabbilixxi l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW). L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tqis il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA tan-NU) bħala l-qafas globali biex tiġi miġġielda t-theddida ppreżentata minn SALW illeċiti u tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu fil-livell nazzjonali, reġjonali u globali. |
|
(2) |
Fis-17 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1965 (1), li kompliet l-appoġġ tal-Unjoni għall-PtA tan-NU. Permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1965 u appoġġ rilevanti ieħor tal-UE, l-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA), iċ-ċentri reġjonali u s-sħab ta’ implimentazzjoni tiegħu setgħu jimplimentaw proġetti biex jiġi miġġieled it-traffikar tas-SALW u l-munizzjon fl-Afrika, fl-Asja u fil-Paċifiku, fl-Amerka Latina u l-Karibew. |
|
(3) |
Fit-28 ta’ Ġunju 2024, l-Istati fir-Raba’ Konferenza ta’ Reviżjoni dwar il- PtA tan-NU u l-Istrument Internazzjonali li Jippermetti lill-Istati Jidentifikaw u Jittraċċaw, b’Mod f’Waqtu u Affidabbli, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti (ITI), adottaw b’kunsens dokument ta’ eżitu li jħares ’il quddiem. L-Istati qablu b’mod kollettiv dwar modi kif jiġu miġġielda ulterjorment is-SALW illeċiti, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Esperti Tekniċi Miftuħ (OETEG) ġdid immexxi mill-Istat biex jiġu indirizzati l-iżviluppi fil-manifattura, it-teknoloġija u t-tfassil tas-SALW, dwar it-titjib tal-kontroll tas-SALW reattiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru u dwar it-titjib tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi ta’ kontroll tas-SALW. |
|
(4) |
Fis-27 ta’ Ġunju 2025, Laqgħa Preparatorja tal-Istati dwar il-Qafas Globali għall-Ġestjoni tal-Munizzjon Konvenzjonali Tul il-Ħajja (GFA) adottat Rakkomandazzjonijiet bi tħejjija għal-Laqgħa tal-Istati tal-2027 u dwar il-Proċess u l-modalitajiet għall-implimentazzjoni effettiva tal-GFA, inkluż rakkomandazzjonijiet lis-Segretarjat tan-NU, li l-UNODA huwa uffiċċju tiegħu. |
|
(5) |
Fl-14 ta’ April 2025, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni tal-Armi, li inkludew it-tisħiħ tal-impenji multilaterali, bħall-PtA tan-NU, l-ITI u l-GFA, u t-titjib tal-implimentazzjoni teknika permezz ta’ miżuri bħall-ġestjoni tal-ħażniet (inkluż permezz ta’ appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ stati terzi), iż-żamma ta’ rekords, il-kontrolli tat-trasferimenti u t-traċċar, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li titnaqqas il-prevalenza ta’ armi u munizzjon illeċiti u li tiġi evitata l-ispiża umana devastanti tagħhom. Dan ser jinkiseb permezz:
|
(a) |
tat-tisħiħ tal-oqfsa internazzjonali rilevanti u tal-oqfsa ta’ politika globali; u |
|
(b) |
tat-traduzzjoni ta’ oqfsa ta’ politika globali f’azzjoni permezz tal-appoġġ għal proċessi multilaterali, kooperazzjoni reġjonali u appoġġ nazzjonali mmirat, li ser jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra s-SALW u l-munizzjon illeċiti, filwaqt li jgħinu fil-prevenzjoni tal-vjolenza u l-kunflitt bl-armi. Il-proġett huwa mfassal biex jibni r-reżiljenza tal-Istati u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipprevjeni t-traffikar illeċitu ta’ armi u munizzjon minħabba d-devjazzjoni, u biex isaħħaħ il-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon globalment. |
2. Skont il-paragrafu 1, l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
li jissaħħu eżiti ta’ politika li jħarsu ’l quddiem u orjentati lejn l-azzjoni fil-qafas tal-GFA, tal-PtA tan-NU u tal-ITI; |
|
(b) |
li tappoġġa l-implimentazzjoni kkoordinata u msaħħa tal-istrumenti internazzjonali fil-livell nazzjonali, subreġjonali u reġjonali; u, |
|
(c) |
li jiġi sfruttat il-kontroll tas-SALW u l-munizzjon f’oqfsa usa’ ta’ sforzi għall-paċi u s-sigurtà biex tiġi evitata b’mod aktar effettiv il-vjolenza bl-armi u jiġu promossi l-paċi u l-iżvilupp. |
3. Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implementazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA).
3. L-UNODA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 4 399 030,86.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament neċessarju mal-UNODA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-UNODA trid tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti narrattivi regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi 6 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta’ finanzjament f’dak il-perijodu.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1965 tas-17 ta’ Ottubru 2022 b’appoġġ għall-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (ĠU L 270, 18.10.2022, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1965/oj).
ANNESS
Dokument ta' proġett
għal Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) b'appoġġ għall-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-aspetti kollha tiegħu u l-Qafas Globali dwar il-Munizzjon
I. INFORMAZZJONI ĠENERALI
L-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom huma l-kawża ewlenija tal-imwiet vjolenti, f'kuntesti ta' kunflitt u f'dawk li mhumiex. Fil-fatt, kull żewġ minuti, madwar id-dinja tintilef ħajja minħabba munizzjon sparat minn armi żgħar.
Kemm id-domanda kif ukoll il-provvista tas-SALW u l-munizzjon konvenzjonali qed jintensifikaw bħala riżultat tat-tensjonijiet ġeopolitiċi, l-instabbiltajiet reġjonali u t-tifqigħ dejjem aktar spiss ta' kunflitti armati. Il-kunflitti tal-passat u l-inċertezza politika wrew li anke l-armi u l-munizzjon akkwistati legalment huma f'riskju li jiġu ddevjati lejn utenti mhux awtorizzati, u dan jipperpetwa l-instabbiltà ferm lil hinn mill-punti ta' oriġini tagħhom. F'kuntesti fraġli, id-disponibbiltà mifruxa tas-SALW u l-munizzjon tkattar il-vjolenza armata li għaddejja u l-kriminalità organizzata u tfixkel l-iżvilupp sostenibbli.
Il-problema multidimensjonali tas-SALW illeċiti u l-munizzjon konvenzjonali teħtieġ sforz konġunt fil-livell internazzjonali, reġjonali, sottoreġjonali, nazzjonali u dak lokali biex il-prezz devastanti tagħhom ma jitħallasx f'ħajjiet umani. Il-passi kruċjali għall-prevenzjoni tad-devjazzjoni u għall-qerda tal-kummerċ illeċitu tas-SALW rikonoxxuti mill-Istrateġija tal-UE “Niżguraw l-Armi, Nipproteġu liċ-Ċittadini” u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tal-14 ta' April 2025 dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni tal-Armi jinkludu: it-tisħiħ tal-impenji multilaterali, bħall-Programm ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA tan-NU), l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI) u l-Qafas Globali il-ġdid għall-Ġestjoni tal-Munizzjon Konvenzjonali Tul il-Ħajja (GFA), u t-tisħiħ tal-implimentazzjoni teknika permezz ta' miżuri bħall-ġestjoni tal-ħażniet (inkluż permezz ta' appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' stati terzi), iż-żamma tar-rekords, il-kontrolli tat-trasferiment u t-traċċar.
Barra minn hekk, u kif rikonoxxut fil-Patt għall-Futur adottat mill-Istati Membri tan-NU fl-2024, jistgħu jiġu sfruttati għodod prattiċi għall-kontroll tas-SALW u l-munizzjon għall-prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi u tal-kunflitti armati. L-integrazzjoni ta' dawn il-prattiki fl-Istrateġiji Nazzjonali ta' Prevenzjoni, fl-isforzi għall-konsolidazzjoni tal-paċi u fil-pjanijiet ta' żvilupp sostenibbli ser tibni r-reżiljenza fl-Istati u l-komunitajiet, u tiġġieled id-domanda għal dawn l-armi u l-munizzjon.
Opportunità għall-progress
F'ambjent multilaterali diffiċli għall-avvanz tal-impenji u l-kooperazzjoni dinjija dwar id-diżarm u l-kontroll tal-armi, il-kooperazzjoni multilaterali dwar l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-munizzjon konvenzjonali tispikka bħala qasam li qed jagħmel progress. Pereżempju, fl-2023, permezz tal-adozzjoni tal-GFA, l-Assemblea Ġenerali tan-NU żiedet mal-impenji internazzjonali tagħha dwar id-diżarm l-ewwel strument iddedikat biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-munizzjon, bl-għan li jiġu evitati d-devjazzjoni u t-traffikar illeċitu u biex jittaffew il-konsegwenzi ta' splużjonijiet mhux ippjanati.
Fl-2024, l-Istati fir-Raba' Konferenza ta' Rieżami dwar il-Programm ta' Azzjoni (PtA) tan-NU u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI) adottaw b'kunsens dokument ta' eżitu li jħares 'il quddiem. L-Istati qablu b'mod kollettiv dwar modi kif jiġu miġġielda ulterjorment is-SALW illeċiti, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' Grupp ta' Esperti Tekniċi Miftuħ (OETEG) ġdid immexxi mill-Istat biex jiġu indirizzati l-iżviluppi fil-manifattura, it-teknoloġija u t-tfassil tas-SALW, dwar it-titjib tal-kontroll tas-SALW reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru u dwar it-titjib tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi ta' kontroll tas-SALW.
L-Istati għandhom opportunitajiet fit-tliet snin li ġejjin biex ikomplu jmexxu l-impenji kollettivi u jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta' dawn l-oqfsa kruċjali fil-livelli kollha u f'konformità mad-direzzjonijiet strateġiċi tal-UE. L-ewwel laqgħa tal-Istati skont il-GFA ser issir fl-2027, filwaqt li l-PtA tan-NU ser jorganizza żewġ laqgħat biennali tal-Istati fl-2026 u l-2028, inkluż l-ewwel laqgħa tal-OETEG. Is-suċċess ta' dawn il-laqgħat kollha jiddependi fuq (i) ħidma preparatorja b'saħħitha, b'laqgħat reġjonali li jservu bħala l-elementi kostitwenti essenzjali għal azzjoni nnegozjata, u (ii) l-iżgurar ta' parteċipazzjoni inklużiva u effettiva minn Stati u organizzazzjonijiet differenti.
Ir-rikonoxximent tal-kisbiet u l-impatt ta' proġetti preċedenti
Permezz tal-appoġġ reċenti tal-UE, inkluż id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2022/1965, l-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA), iċ-ċentri reġjonali tiegħu u s-sħab ta' implimentazzjoni stabbilew appoġġ f'diversi livelli lill-Istati. Bis-saħħa tal-pożizzjoni unika tan-NU bħala organizzazzjoni li tlaqqa' kif ukoll ir-rwol tagħha bħala s-Segretarjat tal-proċessi intergovernattivi rilevanti, flimkien mal-preżenza tagħha fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku u l-Amerka Latina u l-Karibew, l-UNODA u s-sħab ta' implimentazzjoni tiegħu setgħu jassistu lill-Istati biex isaħħu l-oqfsa globali filwaqt li sarrfuhom ukoll f'implimentazzjoni teknika.
Pereżempju, il-proġett iffaċilita l-iżvilupp tal-politika globali fil-kuntest tal-PtA permezz tal-ħidma preparatorja estensiva tal-Konferenza ta' Rieżami bħas-serje ta' seminars tal-esperti u l-laqgħat preparatorji reġjonali li żguraw l-identifikazzjoni u l-allinjament tal-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali. Dawn il-konverżazzjonijiet avvanzati wasslu għal negozjati aktar effettivi u bla xkiel fil-Konferenza, li fl-aħħar ipproduċew dokument ta' eżitu ta' kunsens.
Fil-livell reġjonali u dak nazzjonali, il-proġett iffaċilita l-kooperazzjoni reġjonali inkluż l-iżvilupp ta' Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali u tar-Repubblika Dominicana għall-Prevenzjoni tat-Traffikar Illeċitu u l-Proliferazzjoni tal-Armi tan-Nar, il-Munizzjon u l-Isplussivi, u espanda b'mod sinifikanti l-kapaċitajiet nazzjonali marbuta mal-kontroll tas-SALW. Il-proġett ta taħriġ speċjalizzat fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi f'El Salvador, il-Gwatemala, il-Kolombja, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet lill-punti ta' kuntatt nazzjonali fl-Asja u l-Paċifiku li rriżulta fl-akbar għadd ta' rapporti nazzjonali dwar il-Programm ta' Azzjoni li ġew ippreżentati f'għaxar snin. Fis-Sri Lanka, inbnew faċilitajiet għall-armerija biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ħażniet, u l-uffiċjali rċevew taħriġ dwar il-ġestjoni tal-armi. F'Papua New Guinea, fejn is-SALW illeċiti komplew ikunu ta' sfida u jirrappreżentaw sfidi tul il-perjodu tal-proġett, l-UNODA pprovda valutazzjonijiet tar-riskju tekniċi u l-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar is-SALW. Fil-Gambja u l-Burundi, il-proġett appoġġa l-istabbiliment ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar is-SALW, u fil-Burundi ġew imsewwija magni tal-immarkar difettużi filwaqt li fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ingħatat assistenza mmirata għat-traċċar ta' SALW illeċiti. Barra minn hekk, l-għodda ta' awtovalutazzjoni, il-Kompendju ta' Moduli dwar l-Implimentazzjoni tal-Kontroll tal-Armi ta' Kalibru Żgħir (MOSAIC) (1), tnieda biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jirrieżaminaw u jtejbu s-sistemi tas-SALW f'oqsma bħall-immarkar, it-traċċar u l-ġestjoni tal-ħażniet.
L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kontroll tas-SALW issaħħet ukoll fil-proġett permezz ta' koordinazzjoni reġjonali, seminars, u taħriġ nazzjonali. Dawn l-isforzi rriżultaw fl-integrazzjoni ta' kunsiderazzjonijiet dwar il-ġeneru fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, u fl-iskambju istituzzjonali bejn il-prattikanti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-qasam tas-SALW. Filwaqt li l-appoġġ finanzjarju globali għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili naqas matul il-perjodu tal-proġett, il-proġett irnexxielu jsostni u jespandi involviment importanti bbażat fil-komunità permezz ta' kampanji ta' promozzjoni mmirati, inizjattivi fil-livell lokali, u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'laqgħat multilaterali.
Proġett imfassal fuq approċċi ppruvati li fl-istess ħin jindirizza x-xejriet emerġenti
Il-kisbiet, is-sħubijiet u l-momentum mibnija taħt il-proġett preċedenti ser iservu biex jirfdu l-fażi li jmiss peress li l-komponenti strutturali u strateġiċi ewlenin ser jibqgħu. L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tibqa' prinċipju ewlieni, u s-sħubijiet mas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet speċjalizzati, bħan-Network Internazzjonali għal Azzjoni dwar l-Armi Ħfief (IANSA) u l-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) inżammu. Il-proġett jippreserva wkoll il-komplementarjetà tiegħu ma' proġett ieħor iffinanzjat mill-UE, b'enfasi addizzjonali fuq sinerġiji għall-implimentazzjoni teknika ma' inizjattivi li jinkludu dawk implimentati mill-UNDP-SEESAC, l-OAS, l-LAS, l-OSKE, il-GICHD-AMAT, is-CAR, u l-SAS kif ukoll mal-isforzi relatati mat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi mmexxija mill-BAFA u Expertise France u mal-EMPACT.
Il-fażi l-ġdida tal-proġett tintroduċi wkoll elementi ġodda. B'mod partikolari billi l-kopertura tematika titwessa' biex tinkludi kemm il-GFA kif ukoll il-Patt għall-Futur. Din il-fażi tagħmel enfasi akbar fuq l-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tas-SALW, filwaqt li tirrikonoxxi l-impatt tagħhom li qed jevolvi kemm permezz tal-isfidi kif ukoll tal-opportunitajiet għall-kontroll tal-armi. Barra minn hekk, il-proġett isaħħaħ l-integrazzjoni tal-kontroll tas-SALW u tal-munizzjon fl-isforzi usa' ta' prevenzjoni u ta' konsolidazzjoni tal-paċi, filwaqt li jallinja ma' approċċi komprensivi għall-paċi u l-iżvilupp sostenibbli. Fl-aħħar nett, l-ambitu ġeografiku tal-proġett twessa' biex ikopri wkoll il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, flimkien mal-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku u l-Amerka Latina u l-Karibew koperti taħt il-proġett preċedenti.
II. OBJETTIVI, EŻITI U ATTIVITAJIET TAL-PROĠETT
Fuq kollox, permezz tat-tisħiħ tal-oqfsa internazzjonali rilevanti, il-proġett għandu l-objettiv ewlieni li jnaqqas il-prevalenza ta' armi u munizzjon illeċiti u li l-prezz devastanti tagħhom ma jitħallasx f'ħajjiet umani . Ser jilħaq l-objettiv billi jsaħħaħ l-oqfsa ta' politika globali u jsarrafhom f'azzjoni permezz tal-appoġġ għall-proċessi multilaterali, il-kooperazzjoni reġjonali u l-appoġġ nazzjonali mmirat, biex b'hekk jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra s-SALW u l-munizzjon illeċiti, filwaqt li jgħin fil-prevenzjoni tal-vjolenza u l-kunflitt bl-armi. Il-proġett huwa mfassal biex jibni r-reżiljenza tal-Istati u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipprevjeni t-traffikar illeċitu ta' armi u munizzjon minħabba d-devjazzjoni u jsaħħaħ il-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon madwar id-dinja.
Dan l-objettiv ser jinkiseb permezz ta' approċċi downstream u upstream fil-livell lokali, nazzjonali, sottoreġjonali, reġjonali u dak dinji, fuq tliet pilastri biex jintlaħqu s-subobjettivi li ġejjin:
|
(1) |
It-tisħiħ tal-eżiti ta' politika li jħarsu 'l quddiem u orjentati lejn l-azzjoni fil-qafas tal-PtA tan-NU, il-GFA u l-ITI |
|
(2) |
L-appoġġ għall-implimentazzjoni kkoordinata u msaħħa tal-istrumenti internazzjonali fil-livelli nazzjonali, sottoreġjonali u reġjonali |
|
(3) |
L-isfruttament tal-kontroll tas-SALW u l-munizzjon f'oqfsa usa' ta' sforzi għall-paċi u s-sigurtà biex tiġi evitata b'mod aktar effettiv il-vjolenza bl-armi u jiġu promossi l-paċi u l-iżvilupp. |
L-eżiti trażversali mistennija jinkludu:
|
— |
Aktar koordinazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti, inkluż permezz ta' proġetti oħra ffinanzjati mill-UE. |
|
— |
Impenn imsaħħaħ tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha. |
|
— |
L-inklużjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fl-attivitajiet kollha tal-proġett. |
Objettiv 1: It-tisħiħ tal-eżiti ta' politika li jħarsu 'l quddiem u orjentati lejn l-azzjoni fil-qafas tal-PtA tan-NU, il-GFA u l-ITI.
1.2
|
— |
L-Istati Membri huma infurmati tajjeb dwar l-objettivi u l-miżuri tal-GFA, filwaqt li jappoġġaw parteċipazzjoni u preżentazzjoni aktar ippreparati fir-rigward tal-ħarsiet ġenerali inizjali volontarji qabel l-Ewwel Laqgħa tal-Istati dwar il-GFA. |
|
— |
L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti għandhom għarfien tekniku u kapaċità msaħħa marbuta mal-implimentazzjoni tal-PtA u l-ITI u l-iżviluppi fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW, u dan iwassal għal Laqgħat Biennali tal-Istati aktar infurmati u d-deliberazzjonijiet tal-OETEG. Il-parteċipazzjoni fil-proċessi intergovernattivi dwar is-SALW u l-munizzjon hija inklużiva u rappreżentattiva tal-Istati affettwati u ta' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati. |
1.3
1.3.1 Qafas Globali dwar il-Munizzjon: Laqgħat Preparatorji Reġjonali għall-ewwel Laqgħa tal-Istati
Qabel l-ewwel Laqgħa tal-Istati dwar il-GFA fl-2027, qed issir sensiela ta' laqgħat preparatorji reġjonali biex jipprovdu pjattaforma għall-Istati u l-organizzazzjonijiet reġjonali biex jidentifikaw l-isfidi u l-prijoritajiet tal-ġestjoni tal-munizzjon speċifiċi għar-reġjun. Ser tingħata attenzjoni speċjali lill-appoġġ tat-tħejjijiet għall-preżentazzjoni tal-ħarsiet ġenerali inizjali volontarji fl-2026. Il-President ser jingħata rapport ta' sinteżi li jiddeskrivi l-punti ewlenin tad-diskussjonijiet tal-laqgħat għall-użu fid-deliberazzjonijiet. Kull laqgħa ser isservi wkoll biex ittejjeb l-għarfien dwar l-implimentazzjoni nazzjonali prattika fil-kuntesti reġjonali.
|
Pajjiżi mis-sottoreġjuni |
Ċentru reġjonali |
Post Indikattiv |
|
Karibew Amerka Latina |
UNLIREC |
Virtwali (żewġ laqgħat) |
|
Nofsinhar tal-Asja Xlokk tal-Asja Asja Ċentrali Grigal tal-Asja Paċifiku |
UNRCPD |
Kathmandu, in-Nepal (laqgħa waħda) |
|
Lvant Nofsani Afrika ta' Fuq |
UNRCPD u UNREC |
Il-post għad irid jiġi deċiż (laqgħa waħda) |
|
Lvant tal-Afrika Afrika t'Isfel Afrika tal-Punent Afrika Ċentrali |
UNREC |
Il-postijiet għad iridu jiġu deċiżi (żewġ laqgħat) |
1.3.2 L-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni b'appoġġ għall-ewwel Laqgħa tal-Istati dwar il-Qafas Globali dwar il-Munizzjon fl-2027
Qed tiġi organizzata sensiela ta' diskussjonijiet virtwali ta' esperti madwar mejda, u s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' kull diskussjoni ser jiġu tradotti u ppubblikati online għall-kunsiderazzjoni mill-Istati qabel il-Laqgħa tal-Istati. Dawn ir-rapporti ser jiġu ppreżentati u diskussi wkoll fil-laqgħat preparatorji reġjonali u jistgħu jservu bħala kontribut għad-deliberazzjonijiet tal-Istati dwar temi ta' laqgħat futuri ta' esperti tekniċi governattivi.
1.3.3 Webinars ta' esperti biex jiġi ġġenerat materjal sostantiv u tinbena l-kapaċità reġjonali dwar l-iżviluppi fil-manifattura, it-teknoloġija u d-disinn tas-SALW
L-OETEG dwar l-iżviluppi fit-teknoloġiji, il-manifattura u d-disinn tas-SALW ser jiltaqa' fil-ġimgħa tal-Laqgħat Biennali tal-Istati fl-2026 u l-2028, bil-kompitu li jiżviluppa rakkomandazzjonijiet maqbula b'kunsens għall-kunsiderazzjoni mill-Istati fil-proċess politiku tal-PtA sal-2030. Biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-Istati u tal-President fil-perjodu intersessjonali, ser isiru webinars virtwali reġjonali u dinjija għall-esperti u d-diplomatiċi biex jiġġeneraw l-għarfien, isaħħu l-kapaċitajiet u jinfurmaw l-iżvilupp tar-rakkomandazzjonijiet.
1.3.4 Sponsorizzazzjoni biex il-parteċipanti ta' Stati li qed jiżviluppaw jew li huma affettwati serjament jattendu laqgħat intergovernattivi ewlenin dwar is-SALW u l-munizzjon
Ħafna mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew dawk affettwati serjament mis-SALW u l-munizzjon spiss ma jkunux jistgħu jattendu l-konferenzi bbażati fi New York. Programm ta' sponsorizzazzjoni għal pajjiżi magħżula jippermetti parteċipazzjoni aktar diversa, u b'hekk jiġu arrikkiti d-deliberazzjonijiet fil-Laqgħa tal-Istati tal-GFA tal-2027 u laqgħat oħra taħt il-PtA tan-NU kif meħtieġ.
Il-parteċipanti jiġu identifikati mill-UNODA, inkluż iċ-ċentri reġjonali tiegħu, abbażi ta' kriterji stabbiliti biex tiġi żgurata parteċipazzjoni diversa. L-isponsorizzazzjoni ser tinkludi komponent ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jiġi żviluppat għarfien dwar il-kontenut sostantiv tad-diskussjonijiet kif ukoll biex jiġu żviluppati ħiliet għall-parteċipazzjoni fil-proċess politiku, u komponent ta' networking biex ilaqqa' flimkien il-parteċipanti. Meta rilevanti, l-isponsorizzazzjoni tqis il-kollaborazzjoni mal-fellowships immexxija min-NU dwar is-SALW u l-munizzjon. L-isponsorizzazzjoni ser tagħti prijorità lill-parteċipazzjoni ugwali, sħiħa u effettiva tan-nisa.
1.3.5 Parteċipazzjoni msaħħa tas-soċjetà ċivili fil-proċessi intergovernattivi globali
Qabel il-Laqgħa tal-Istati tal-GFA u l-Laqgħa Biennali tal-Istati dwar il-PtA inkluż l-OETEG, l-IANSA ser jipproduċi materjali inkluż gwida għall-koordinazzjoni tal-prijoritajiet u l-istrateġiji għall-involviment tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, ser isir programm ta' sponsorizzazzjoni għas-soċjetà ċivili, inkluż rappreżentanti taż-żgħażagħ, biex jattendu l-laqgħat.
1.4
|
i. |
Massimu ta' sitt (6) laqgħat preparatorji reġjonali organizzati għall-GFA. |
|
ii. |
Massimu ta' erba' (4) diskussjonijiet virtwali ta' esperti madwar mejda dwar il-munizzjon qabel il-Laqgħa tal-Istati dwar il-GFA tal-2027. |
|
iii. |
Massimu ta' tmien (8) webinars virtwali dinjija u reġjonali għall-esperti fil-perjodu intersessjonali tal-OETEG. |
|
iv. |
Sponsorizzazzjoni ta' mhux aktar minn ħmistax-il (15) parteċipant minn Stati li qed jiżviluppaw jew li huma affettwati serjament biex jattendu konferenzi politiċi. |
|
v. |
Programm ta' sponsorizzazzjoni u gwida għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex isaħħu r-rappreżentanza u l-kontribut sostantiv għall-proċessi tal-PtA u tal-GFA. |
Objettiv 2: L-appoġġ għall-implimentazzjoni kkoordinata u msaħħa tal-istrumenti internazzjonali fil-livelli nazzjonali, sottoreġjonali u reġjonali
2.2
|
— |
Implimentazzjoni msaħħa tal-PtA tan-NU, l-ITI u l-GFA permezz ta' assistenza nazzjonali lill-Istati u l-iżvilupp ta' għodod imsaħħa. |
|
— |
Koordinazzjoni reġjonali msaħħa biex jitnaqqsu s-SALW u l-munizzjon illeċiti. |
2.3
2.3.1 Titjib tal-MOSAIC u tisħiħ tal-Għodda ta' Valutazzjoni tal-MOSAIC
Is-sensibilizzazzjoni u l-utilità tal-Għodda ta' Valutazzjoni MOSAIC huma msaħħa permezz tal-implimentazzjoni u t-taħriġ ta' diversi partijiet ikkonċernati kif ukoll l-iżvilupp ta' kriterji ta' valutazzjoni addizzjonali u karatteristiċi ġodda għall-komponent tas-software. Abbażi tal-feedback mill-utenti, ir-repożitorju tal-kriterji ta' valutazzjoni tal-Għodda ta' Valutazzjoni MOSAIC ser jiġi estiż biex ikopri moduli MOSAIC addizzjonali, u b'hekk jippermetti valutazzjonijiet dwar oqsma rilevanti oħra tal-kontroll tas-SALW. Dawn l-attivitajiet ser jiġu implimentati f'kollaborazzjoni mal-UNIDIR u l-Istati Membri.
2.3.2 Appoġġ lill-Istati biex isaħħu l-isforzi ta' implimentazzjoni u l-kooperazzjoni tal-PtA tan-NU/ITI u l-Qafas Globali dwar il-Munizzjon
Fl-Asja-Paċifiku implimentat mill-UNRCPD
|
— |
Appoġġ għad-Dikjarazzjoni tal-ASEAN dwar il-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni tal-Kuntrabandu tal-Armi: Biex titnaqqas il-proliferazzjoni illeċita ta' armi u munizzjon fl-Istati tal-ASEAN, ser issir sensiela ta' seminars, workshops u sessjonijiet ta' ħidma sottoreġjonali, inkluż laqgħat tematiċi, skambji bejn il-pari u żjarat biex l-impenji politiċi tad-Dikjarazzjoni tal-ASEAN jissarrfu f'objettivi, miri u indikaturi azzjonabbli, filwaqt li jiġu appoġġati wkoll mekkaniżmi reġjonali rilevanti oħra. L-UNRCPD ser jipprovdi gwida matul il-proċess kollu, filwaqt li jaħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati reġjonali rilevanti, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u korpi reġjonali bħall-ASEAN. L-inizjattiva ser tallinja mal-Laqgħa tal-Uffiċjali Għolja tal-ASEAN dwar il-Kriminalità Tranżnazzjonali u fora reġjonali rilevanti oħra biex jiġu żgurati s-sinerġija u l-integrazzjoni mal-mekkaniżmi eżistenti. L-inizjattiva ser tinvolvi sħab ta' implimentazzjoni u donaturi addizzjonali biex jappoġġaw il-proċess, biex b'hekk jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-appoġġ sostenibbli sikur għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-ASEAN. Barra minn hekk, l-attivitajiet ser jippromwovu sinerġiji ma' oqfsa ewlenin oħra, bħall-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali tal-ASEAN dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, biex b'hekk jiġu allinjati l-impenji politiċi reġjonali ma' aġendi usa' ta' paċi u sigurtà. |
|
— |
It-tisħiħ tar-rwol tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NPCs) u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni fil-qafas tal-PtA tan-NU u l-GFA: Filwaqt li tibni fuq il-ħidma preċedenti tal-UNRCPD għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' kooperazzjoni reġjonali, bħall-komunità tal-NPCs tal-PtA għall-Asja-Paċifiku u l-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni Reġjonali dwar l-Armi Konvenzjonali mniedi fl-2023, din l-inizjattiva għandha l-għan li tiftaħ il-komunità tal-NPC tal-PtA biex tinkludi uffiċjali tal-gvern li jaħdmu fuq il-GFA. |
|
— |
Valutazzjonijiet u assistenza fil-pajjiż f'mhux aktar minn tliet pajjiżi: Ser tingħata assistenza ddedikata fil-livell nazzjonali biex jiġu appoġġati l-oqfsa regolatorji, it-tfassil u l-ġestjoni tas-sistemi ta' kontroll tas-SALW u l-munizzjon, u appoġġ operazzjonali kif mitlub. Dan l-appoġġ jista' jinkludi taħriġ, sessjonijiet ta' ħidma, laqgħat, ġbir ta' data, assistenza teknika u/jew attivitajiet ta' riċerka, u ser jiżgura li l-attivitajiet kollha jkunu reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru u inklużivi. L-inizjattiva ser tgħin sa tliet stati benefiċjarji, inkluż pajjiż wieħed tal-Lvant Nofsani, f'koordinazzjoni ma' atturi rilevanti oħra, u ser isservi bħala katalist biex tikkumplementa flussi oħra ta' finanzjament, inkluż SALIENT, UNSCAR, u l-Fond Fiduċjarju Volontarju tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, biex tssaħħaħ il-kapaċità reġjonali u ttejjeb il-koordinazzjoni fil-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-munizzjon. |
Fl-Afrika implimentati mill-UNREC
|
— |
Erba' attivitajiet ta' assistenza fil-pajjiż, fosthom żewġ valutazzjonijiet: Filwaqt li jibni fuq il-missjonijiet ta' valutazzjoni u l-assistenza fil-pajjiż għall-iżvilupp ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) dwar is-SALW fil-Burundi u fil-Gambja, l-UNREC ser isostni l-appoġġ tiegħu lil dawn iż-żewġ pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-NAPs tagħhom. Barra minn hekk, iċ-ċentru ser jestendi l-appoġġ għal żewġ Stati magħżula addizzjonali fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom ta' kontroll tas-SALW u/jew ta' ġestjoni tal-munizzjon. Il-pajjiżi magħżula jistgħu jirċievu għajnuna bl-użu tal-Għodda ta' Valutazzjoni MOSAIC u jingħataw appoġġ tekniku u konsolidazzjoni tal-kapaċità mmirat biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-oqfsa globali abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom. Bħala parti mill-offerta ta' għajnuna, l-UNREC qed jespandi lil hinn mill-kontroll tas-SALW biex ikopri wkoll il-ġestjoni tal-munizzjon u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-GFA, inkluż appoġġ għar-rappurtar u l-preżentazzjoni ta' ħarsiet ġenerali inizjali. L-assistenza ser tippromwovi l-użu ta' għodod ta' valutazzjoni eżistenti dwar il-munizzjon. |
|
— |
It-trawwim ta' komunità kontinentali ta' prattikanti għall-kontroll tas-SALW u l-munizzjon: Filwaqt li tibni fuq l-involviment tal-UNREC ma' firxa wiesgħa ta' esperti dwar is-SALW u l-munizzjon fil-kontinent Afrikan, l-inizjattiva ser tinkludi sensiela ta' sessjonijiet online għall-awtoritajiet nazzjonali, esperti tekniċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dinja akkademika, istituzzjonijiet kontinentali u reġjonali, u entitajiet rilevanti tan-NU. It-trawwim tal-komunità kontinentali ta' prattikanti dwar is-SALW u l-munizzjon ser joħloq pjattaforma ta' riflessjonijiet/impenji biex i) tingħata spinta lill-implimentazzjoni ta' strumenti internazzjonali, kontinentali, reġjonali u nazzjonali dwar il-ġestjoni illeċita tas-SALW u l-munizzjon; ii) jinqasmu t-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni effettiva tal-inizjattivi għall-kontroll tal-armi; u iii) jingħataw rakkomandazzjonijiet ewlenin orjentati lejn il-politika u l-azzjoni biex tiġi miġġielda l-proliferazzjoni rapida tas-SALW u l-munizzjon. Pereżempju, jistgħu jiġu diskussi temi ewlenin inkluż l-impatt ta' teknoloġiji emerġenti fuq is-SALW u l-edukazzjoni dwar id-diżarm li tinvolvi ż-żgħażagħ. |
Fl-Amerka Latina u l-Karibew implimentati mill-UNLIREC
|
— |
Appoġġ għall-iżvilupp ta' Pjan Direzzjonali Andin: L-iżvilupp ta' Pjan Direzzjonali għall-Istati Andini (il-Bolivja, il-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù) bil-ħsieb li jappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Riżoluzzjoni tad-Deċiżjoni 922 dwar is-Sigurtà (Plan de Acción Resolutivo de la Decisión 922 en materia de Seguridad), adottat f'Jannar 2024 mill-Komunità Andina. Il-Pjan jinkludi, fost prijoritajiet oħra, kooperazzjoni msaħħa għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi. L-attivitajiet ser ikunu magħmula minn seminars subreġjonali, workshops, u sessjonijiet ta' ħidma tekniċi (inkluż laqgħat ta' abbozzar u tematiċi). L-iżvilupp tal-pjan direzzjonali ser isir b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) u s-Segretarjat tal-Komunità Andina (Communidad Andina, CAN), li jikkomplementaw l-azzjonijiet skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) adottata fis-16 ta' Lulju 2025. |
|
— |
It-tisħiħ tal-prattiki tal-immarkar tal-munizzjon fl-Amerka Latina u l-Karibew b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Qafas Globali dwar il-Munizzjon. L-immarkar tal-munizzjon fl-Amerka Latina u l-Karibew jissaħħaħ permezz tal-iżvilupp ta' pubblikazzjoni reġjonali ta' prattiki tajbin, materjal ta' taħriġ aġġornati, u ħidma mal-awtoritajiet nazzjonali biex jissaħħu l-prattiki tal-immarkar inkluż permezz ta' korsijiet tal-immarkar mogħtija f'pajjiżi magħżula. Il-kapaċitajiet tekniċi tal-laboratorji ballistiċi u forensiċi huma msaħħa permezz ta' taħriġ speċjalizzat dwar l-irkupru tal-immarkar tal-armi. Separatament, l-isforzi nazzjonali biex jiġi miġġieled u interċettat it-traffikar illeċitu ta' armi u munizzjon jistgħu jiġu appoġġati permezz ta' korsijiet immirati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet. |
2.3.3 Ktejjeb u assistenza mmirata għas-soċjetà ċivili u l-parlamentari f'mhux aktar minn tliet (3) pajjiżi dwar appoġġ effettiv lill-awtoritajiet nazzjonali biex jimplimentaw il-PtA/ITI tan-NU u l-GFA: Minħabba l-għarfien espert ferm żviluppat ta' xi organizzazzjonijiet nazzjonali tas-soċjetà ċivili fi kwistjonijiet relatati mal-PtA tan-NU, l-ITI u l-GFA, jitwettaq sett ta' assistenza lil organizzazzjonijiet pilota u parlamentari f'mhux aktar minn tliet pajjiżi. L-assistenza tinkludi ktejjeb li għandu l-għan li jappoġġa l-universalizzazzjoni tal-GFA mill-angolu ewlieni ta' “x'tista” tagħmel is-soċjetà ċivili?" inkluż kif jintużaw materjal u għodod prodotti minn proġetti oħra ta' deċiżjoni tal-UE u l-Kunsill mill-UNODA u organizzazzjonijiet sħab oħra kif ukoll kif jiġi appoġġat ir-rappurtar nazzjonali jew l-istabbiliment ta' miri. L-għajnuna ser tkun kontribuzzjoni konkreta għall-Objettiv 15 tal-GFA.
2.4
|
i. |
L-Għodda ta' Valutazzjoni MOSAIC hija aġġornata b'karatteristiċi u kriterji addizzjonali faċli għall-utent, abbażi tar-reazzjonijiet tal-utenti. |
|
ii. |
Taħriġ dwar l-Għodda ta' Valutazzjoni MOSAIC u l-użu tagħha minn diversi partijiet ikkonċernati (inkluż dawk marbuta mal-Attività 2.3.3 skont kemm fattibbli). |
|
iii. |
Fl-Asja-Paċifiku:
|
|
iv. |
Fl-Afrika:
|
|
v. |
Fl-Amerka Latina u l-Karibew:
|
|
vi. |
Ktejjeb għas-soċjetà ċivili u/jew il-membri parlamentari, biex jappoġġa lill-gvernijiet fuq talba għall-implimentazzjoni tal-PtA tan-NU, l-ITI u l-GFA permezz ta' għodod eżistenti u ppilotat f'mhux aktar minn tliet (3) pajjiżi. |
Objettiv 3: Li jiġi sfruttat il-kontroll tas-SALW u l-munizzjon f'oqfsa usa' ta' sforzi għall-paċi u s-sigurtà biex tiġi evitata b'mod aktar effettiv il-vjolenza bl-armi u jiġu promossi l-paċi u l-iżvilupp.
3.2
|
— |
Tisħiħ tal-isforzi kollettivi għall-prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi u s-sostenn tal-paċi permezz tal-kontroll tas-SALW u l-munizzjon. |
|
— |
Kontribut għall-implimentazzjoni tal-Patt għall-Futur permezz tal-integrazzjoni tal-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-munizzjon fl-isforzi nazzjonali għall-prevenzjoni, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-iżvilupp sostenibbli. |
|
— |
Tisħiħ ta' sforzi ta' kontroll tas-SALW sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru. |
|
— |
Tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ biex titnaqqas id-domanda għal SALW u munizzjon illeċiti u jiġu implimentati l-PtA, l-ITI u l-GFA. |
3.3
3.3.1 Żvilupp ta' “pakkett ta' appoġġ” għall-integrazzjoni tal-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-munizzjon fl-isforzi għall-prevenzjoni u l-konsolidazzjoni tal-paċi
Ser jiġi żviluppat pakkett ta' appoġġ għall-Istati biex jintegraw il-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-munizzjon fl-istrateġiji nazzjonali ta' prevenzjoni, l-attivitajiet ta' konsolidazzjoni tal-paċi u pjanijiet għall-iżvilupp. Il-pakkett ser jinkludi firxa ta' prodotti bħall-immappjar ta' inizjattivi u atturi eżistenti ta' prevenzjoni u SALW/munizzjon; nota ta' gwida dwar prattiki tajbin għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn dawn l-oqsma; l-iżvilupp ta' eżempji personalizzabbli ta' miri nazzjonali għall-użu tal-Istati; modulu ġdid MOSAIC dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi (tradott f'mill-inqas żewġ lingwi); u kampanja dinjija biex tqajjem kuxjenza u żżid il-komunikazzjoni. Dan il-materjal, flimkien ma' riżorsi eżistenti rilevanti oħra, ser jidher fuq sit web iddedikat dwar il-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-munizzjon u ż-żamma tal-paċi li jista' jservi bħala ċentru ta' riżorsi għall-Istati fl-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward.
3.3.2 Sett ta' għodod għall-ġbir tad-data dwar is-SALW u l-munizzjon
Qed jiġi żviluppat sett ta' għodod għall-Istati u organizzazzjonijiet rilevanti biex jipprovdi prattika tajba u gwida għall-indikaturi tad-data diżaggregata skont il-ġeneru/sess, l-età u d-diżabilità u l-elementi varjabbli marbutin mas-SALW u l-munizzjon. Is-sett ta' għodod ser jagħti wkoll gwida dwar il-ġbir etiku ta' data u dwar il-privatezza, ser jipprovdi referenzi għall-ħidma eżistenti f'dan il-qasam, inkluż dik żviluppata skont it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, u jista' jkun fiċ-“ċentru tar-riżorsi”.
3.3.3 Żvilupp u tnedija ta' Nota ta' Gwida Operazzjonali Afrikana/UA dwar il-Ġeneru, is-SALW u l-Munizzjon
L-UNREC u l-Unjoni Afrikana ser jiżviluppaw Nota ta' Gwida Operazzjonali dwar il-Ġeneru, is-SALW u l-Munizzjon. Din ser tappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni tal-matriċi ta' kooperazzjoni UNODA-UA ffirmata fl-2023 u ser timplimenta r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-workshops tal-UNREC dwar il-Ġeneru u d-Diżarm li saru fl-2025, li permezz tagħhom saru konsultazzjonijiet inizjali dwar in-nota u l-ambitu tagħha. In-nota ser tipprovdi gwida dwar l-iżvilupp ta' tfassil ta' politika u programmazzjoni tas-SALW sensittivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, bl-appoġġ tal-parteċipazzjoni sħiħa, ugwali u effettiva tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-kontroll tal-armi u l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali li jintegraw perspettivi u ħtiġijiet tal-ġeneru u taż-żgħażagħ. In-nota ser tipprovdi wkoll gwida dwar l-aħjar prattika għall-ġbir, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tad-data dwar programmi tas-SALW sensittivi għall-ġeneru (marbuta mal-Attività 3.3.2).
3.3.4 Appoġġ għal network informali ta' esperti taż-żgħażagħ dwar is-SALW u l-munizzjon biex jippromwovu l-ħidma tagħhom għall-prevenzjoni tal-vjolenza u l-implimentazzjoni ta' oqfsa dinjija rilevanti
Din l-inizjattiva ser trawwem network informali u mmexxi miż-żgħażagħ ta' esperti fil-qasam tas-SALW u l-munizzjon, li jippermetti l-qsim tal-għarfien, il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet, u l-amplifikazzjoni tad-dokumenti u l-ilħna tagħhom f'attivitajiet appoġġati min-NU dwar il-PtA, l-ITI u l-GFA tan-NU, b'enfasi fuq il-kontributi għall-prevenzjoni tal-vjolenza u ż-żamma tal-paċi. Fejn fattibbli, l-esperti taż-żgħażagħ ser jiġu mistiedna jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Proġett fil-pilastri I u II (eż. l-Attivitajiet 1.3.1, 1.3.2, 1.3.3, 2.3.2 u 2.3.3).
3.3.5 Inizjattiva għall-Prevenzjoni tal-Armi tan-Nar fl-Iskejjel
Is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċità istituzzjonali biex jindirizzaw il-preżenza tal-armi tan-nar fl-iskejjel fl-Amerka Latina u l-Karibew jissaħħu permezz ta' webinars nazzjonali, it-tixrid ta' materjal edukattiv, u/jew appoġġ tekniku mfassal apposta lill-Istati, fost l-oħrajn l-iżvilupp ta' linji gwida għall-awtoritajiet tal-iskejjel biex jipprevjenu u jirrispondu għal inċidenti marbutin mal-armi tan-nar.
3.3.6 Programm ta' għotjiet żgħar għas-soċjetà ċivili
Programm ta' għotjiet żgħar għas-soċjetà ċivili jitwettaq biex jappoġġa inizjattivi ta' promozzjoni bbażati fuq il-fatti minn organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili biex jinvolvu b'mod kostruttiv lill-awtoritajiet rilevanti u lill-pubbliku. Ser jiġu pprovduti xi għotjiet żgħar b'rabta mal-laqgħat preparatorji reġjonali dwar il-munizzjon (Attività 1.3.1).
3.3.7 Involviment f'fora aktar ġenerali ta' paċi u sigurtà u żvilupp
L-involviment ta' esperti f'fora rilevanti oħra ta' paċi u sigurtà u żvilupp ser jgħin biex jippromwovi l-kontroll tas-SALW u l-munizzjon konvenzjonali biex jintlaħqu l-objettivi ta' paċi u sigurtà u l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli, inkluż l-Għan 5 (l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni) u l-Għan16 (soċjetajiet paċifiċi u inklużivi). Bil-parteċipazzjoni f'networks bħan-Network ta' Punti Fokali dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u l-kampanja ta' The Pathfinder, Halving Global Violence, l-UNODA ser ikun jista' juża s-sinerġiji biex jippromwovi approċċi komprensivi għall-paċi u s-sigurtà u jidentifika opportunitajiet biex jinvolvi komunità usa' dwar l-importanza tal-kontroll tas-SALW u l-munizzjon biex jintlaħqu għanijiet reċiproċi.
3.4
|
i. |
Pakkett ta' riżorsi dwar l-integrazzjoni tal-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-munizzjon fl-isforzi għall-prevenzjoni u l-konsolidazzjoni tal-paċi:
|
|
ii. |
Pubblikazzjoni ta' sett ta' għodod biex itejjeb il-ġbir ta' data marbuta mal-kontroll tas-SALW u l-munizzjon u diżaggregata skont il-ġeneru, l-età u d-diżabilità. |
|
iii. |
Pubblikazzjoni ta' Nota ta' Gwida Operazzjonali dwar il-Ġeneru, is-SALW u l-Munizzjon bejn l-Afrika u l-Unjoni Afrikana. |
|
iv. |
Il-ħolqien ta' network informali ta' żgħażagħ b'għarfien espert fil-prevenzjoni permezz tal-kontroll tas-SALW u l-munizzjon. |
|
v. |
Il-prevenzjoni tal-inizjattiva tal-Armi tan-Nar fl-Iskejjel għall-Istati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, li tista' tinkludi webinars ta' sensibilizzazzjoni, il-kunsinna ta' materjal edukattiv, u/jew l-għoti ta' appoġġ tekniku lil pajjiż magħżul dwar l-ippjanar, il-kunċettwalizzazzjoni, l-abbozzar u t-tlestija ta' linji gwida għall-awtoritajiet tal-iskejjel għall-prevenzjoni u r-rispons għall-preżenza u l-użu tal-armi tan-nar fl-iskejjel. |
|
vi. |
Programm ta' għotjiet biex l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili jingħataw is-setgħa li jsaħħu l-azzjoni fil-livell tal-komunità u l-involviment taż-żgħażagħ għall-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-munizzjon fil-komunitajiet milquta. |
|
vii. |
It-tkomplija tal-involviment fin-Network ta' Punti Fokali Nazzjonali dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (WPS), il-Grupp ta' Esperti Informali dwar id-WPS tal-Kunsill tas-Sigurtà u n-network ta' azzjoni tan-NU kontra l-Vjolenza Sesswali relatata mal-Kunflitti, kif ukoll il-kampanja ta' The Pathfinder, Halving Global Violence. |
3 KOMUNIKAZZJONI U SĦUBIJIET
Filwaqt li jibni fuq il-kooperazzjoni fil-passat bejn l-UE u l-UNODA, u permezz tas-setgħa ta' tlaqqigħ li n-NU għandha mad-dinja, il-proġett ser jgħaqqad entitajiet ewlenin tan-NU, gvernijiet, organizzazzjonijiet reġjonali, is-soċjetà ċivili, u istituzzjonijiet ta' riċerka.
Il-proġett ser jappoġġa t-tixrid tal-informazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet proposti lil udjenza wiesgħa u mħallta. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni ser issir fil-qafas tal-azzjonijiet rilevanti kollha permezz tal-involviment tal-mezzi tax-xandir, attivitajiet sekondarji u għodod tal-web.
L-UNODA u s-sħab tiegħu responsabbli mill-implimentazzjoni ser jiġġeneraw impatt sostnut permezz ta' sensibilizzazzjoni effettiva, promozzjoni, komunikazzjoni, u sħubiji. L-UNODA ser juża firxa ta' għodod ta' komunikazzjoni, fosthom paġna web, kampanja ġdida ta' komunikazzjoni, stqarrijiet għall-istampa bil-miktub, il-bulettin Saving Lives, għażla ta' għodod tal-mezzi soċjali, attivitajiet sekondarji u tgħarrif informali. L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha ser tiġi ssorveljata permezz ta' għodod ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, inkluż stħarriġ ta' parteċipanti u laqgħat regolari tal-grupp ta' ħidma rispettiv.
L-UNODA ser jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura viżibilità xierqa tal-kontribut tal-Unjoni għall-azzjoni. Dawn il-miżuri ser jittieħdu f'konformità mal-Manwal tal-Kummissjoni ta' Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea.
Il-koordinazzjoni ma' firxa wiesgħa ta' sħab, fosthom dawk li jibbenefikaw minn Deċiżjonijiet oħra tal-Kunsill tal-UE, ser tiġi żgurata matul l-implimentazzjoni tal-proġett. L-UNODA ser jippromwovi l-użu ta' għodod tekniċi għall-valutazzjoni, l-immarkar, it-traċċar, is-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet, filwaqt li jqis kif xieraq dawk iffinanzjati jew kofinanzjati mill-UE.
L-UNODA ser iżomm l-impenn tiegħu biex jippromwovi l-proġett u l-eżiti tiegħu billi jieħu sehem f'networks, fora jew gruppi rilevanti, u jkompli jimmaniġġa l-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni informali dwar il-Ġeneri u s-SALW, li nħoloq taħt il-proġett preċedenti ffinanzjat mill-UE fl-2019.
4 BENEFIĊJARJI
Dan il-proġett ser ikun ta' benefiċċju għal diversi partijiet ikkonċernati relatati mal-kontroll tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-ġestjoni tal-munizzjon. Dawn jinkludu organizzazzjonijiet reġjonali, awtoritajiet nazzjonali u/jew servizzi tas-sigurtà u forzi tad-difiża kif ukoll is-soċjetà ċivili li topera fil-livell nazzjonali u komunitarju fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku, l-Amerka Latina u l-Karibew, u l-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani. Barra minn hekk, dan il-proġett ser jikkollabora wkoll mal-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-prevenzjoni u l-konsolidazzjoni tal-paċi, filwaqt li jsaħħaħ l-isforzi reċiproċi biex tonqos il-vjolenza bl-armi. Billi l-proġett jikkonċentra fuq approċċi aktar inklużivi għall-paċi u s-sigurtà, in-nisa, iż-żgħażagħ u gruppi emarġinati oħra ser ikunu benefiċjarji wkoll.
5 TUL TA' ŻMIEN
Il-proġett, inkluż l-attivitajiet kollha fit-tliet pilastri tiegħu, huwa stmat li ser idum 36 xahar.
6 RAPPURTAR
L-UNODA ser iħejji rapporti regolari skont il-ftehim innegozjat.
(1) L-Għodda ta' Valutazzjoni hija għodda ta' software biex tappoġġa l-valutazzjoni bbażata fuq kriterji ta' prattika tajba f'oqsma bħall-ġestjoni tal-ħażniet, l-immarkar u t-traċċar tas-SALW u ġiet żviluppata skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2022/1965.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2565/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)