European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7402

10.12.2024

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar l-eżiti tal-għaxar ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ

(C/2024/7402)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL

FILWAQT LI JFAKKRU LI

1.

Din ir-riżoluzzjoni tibni fuq ir-Riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (1) inkluż l-Anness 1 (Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ) u l-Anness 3 (Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ), tar-Riżoluzzjoni li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ (EUYD) (2), u l-eżiti taċ-ċikli ta' ħidma preċedenti tiegħu. L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tippromwovi involviment akbar taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tenfasizza l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ minn ambjenti differenti.

2.

L-EUYD huwa mekkaniżmu parteċipattiv għaż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea u, fejn xieraq, f'pajjiżi Ewropej oħra. Dan iservi ta' forum għal riflessjoni konġunta kontinwa, għal djalogu dirett u għal konsultazzjonijiet dwar il-prijoritajiet, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ bejn iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, min ifassal il-politika kif ukoll ir-riċerkaturi. Permezz tal-EUYD hija possibbli sħubija kontinwa fil-governanza ta' dawn il-proċessi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

3.

L-għaxar ċiklu tal-EUYD kien immexxi mit-Triju ta' Presidenzi Spanja, il-Belġju u l-Ungerija, li ffoka fuq l-għan Ewropej dwar iż-Żgħażagħ numru 3 dwar “Soċjetajiet Inklużivi” taħt il-motto “WE NEED YOUTH”.

4.

L-għan ta' din ir-riżoluzzjoni huwa li jiżgura li l-eżiti tal-għaxar ċiklu tal-EUYD jiġu rikonoxxuti u jingħataw segwitu mill-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, sabiex jiżguraw kwalità u kontinwità fl-implimentazzjoni tal-proċess tal-EUYD u l-eżiti tiegħu, inkluż il-monitoraġġ, il-feedback, il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni. Hija maħsuba wkoll biex ittejjeb it-trasparenza fl-EUYD kif ukoll biex tipprovdi feedback dwar il-ħidma li saret fl-għaxar ċiklu u fiċ-ċikli preċedenti.

5.

L-għaxar ċiklu tal-EUYD ġie kkoordinat fil-livell Ewropew mill-Grupp ta' Tmexxija Ewropew (ESG). L-eżiti tiegħu huma bbażati fuq il-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tat-Triju, kif ukoll fuq il-feedback taż-żgħażagħ minn konsultazzjonijiet u avvenimenti fil-livelli kollha.

6.

Il-konsultazzjonijiet u l-fażi ta' implimentazzjoni inkorporaw firxa varjata u innovattiva ta' approċċi kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, inkluż stħarriġiet, avvenimenti ta' djalogu taż-żgħażagħ online u offline (bħal djalogi ta' politika mal-Kummissarji), workshops, riċerka ta' azzjoni parteċipattiva, diskussjonijiet madwar mejda u attivitajiet immirati biex jiġu involuti gruppi differenti ta' żgħażagħ, inkluż dawk b'inqas opportunitajiet.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI

7.

L-EUYD huwa bbażat fuq it-tmexxija u s-sjieda kondiviża tal-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali (NWGs), fejn possibbli, ikkoordinati mill-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ (NYCs). Dan jippermetti li varejtà sħiħa ta' żgħażagħ jipparteċipaw fl-EUYD u jgħaqqad il-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali differenti mal-proċess.

8.

L-Organizzazzjonijiet Internazzjonali Mhux Governattivi taż-Żgħażagħ (INGYOs) iġibu firxa importanti ta' perspettivi minn madwar l-Ewropa fid-djalogu ta' politika u jiżguraw kontribut ta' kwalità bħal informazzjoni rilevanti sabiex jikkontribwixxu għad-dimensjoni tranżnazzjonali tal-proċess tal-EUYD.

9.

L-għaxar ċiklu tal-EUYD kien iggwidat mill-prinċipji ta' kooperazzjoni sinifikanti fost it-tliet presidenzi tal-UE involuti, il-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Matul l-għaxar ċiklu, aspett ewlieni tat-tmexxija tal-EUYD kien pereżempju li l-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Presidenza ppresedew b'mod konġunt il-laqgħat tal-ESG.

10.

Matul l-għaxar ċiklu tal-EUYD, l-azzjonijiet imressqa mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (3) kif ukoll l-għarfien mir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 ikkontribwew għall-isforzi fil-livell tal-UE biex jiġu promossi l-involviment u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI

11.

Iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ipparteċipaw b'mod sinifikanti fil-fażijiet kollha (it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni) taċ-ċiklu u l-attivitajiet kollha tiegħu.

12.

It-Triju ta' Presidenzi tal-għaxar ċiklu tal-EUYD żviluppa qafas ekoloġiku u etiku taċ-ċiklu (4) sabiex jirrikonoxxi d-dimensjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi tas-sostenibbiltà u jagħmel il-proċess aktar sinifikanti għaż-żgħażagħ u għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

FILWAQT LI JINNOTAW LI

13.

It-Triju ta' Presidenzi ddeċieda li jiffoka fuq is-sottomira 3 dwar l-aċċess għal ambjenti ta' tagħlim, is-sottomira 4 dwar il-kapaċitajiet tal-edukaturi u s-sottomira 6 dwar l-appoġġ soċjali fl-implimentazzjoni tal-Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ numru 3. Biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet, is-sottomira 2 dwar is-sensibilizzazzjoni u l-informazzjoni u s-sottomira 7 dwar il-parteċipazzjoni fil-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet servew bħala linja bażi metodoloġika.

14.

Il-Presidenza Spanjola ffukat fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' politika, it-tisħiħ tal-implimentazzjoni ta' Test taż-Żgħażagħ tal-UE mfassal biex jinkorpora l-perspettiva taż-żgħażagħ fil-valutazzjoni tal-impatt tal-politiki pubbliċi, li ser jiżguraw ukoll il-fiduċja taż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet Ewropej. Kien hemm ukoll enfasi fuq il-benesseri mentali taż-żgħażagħ (5).

15.

Abbażi tal-prijoritajiet tat-Triju ta' Presidenzi u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet nazzjonali matul il-fażi ta' konsultazzjoni tal-għaxar ċiklu, il-Presidenza Belġjana għamlet enfasi fuq sitt temi li jikkonċernaw soċjetajiet inklużivi, jiġifieri (1) ostakli strutturali, (2) ir-rwol tal-informazzjoni, (3) is-saħħa u l-benesseri mentali, (4) ambjenti ta' tagħlim inklużivi formali, (5) mhux formali u informali u (6) attitudnijiet u kulturi diskriminatorji diffiċli. Sitt rakkomandazzjonijiet u 34 miżura ta' implimentazzjoni possibbli ħarġu minn diskussjonijiet fi ħdan il-gruppi ta' ħidma tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li saret fil-Belġju f'Marzu 2024 u koprew dawn is-sitt temi li jikkonċernaw soċjetajiet inklużivi. Dawn l-eżiti huma inklużi fil-paragrafi 26 u 46, kif ukoll fl-Anness III tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar soċjetajiet inklużivi għaż-żgħażagħ (6).

16.

Il-Presidenza Ungeriża immirat li trawwem soluzzjonijiet li jgħinu liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet u dawk f'żoni rurali u remoti biex jirnexxu lokalment. Ingħatat ukoll attenzjoni lill-esperjenzi tal-għaxar ċiklu sabiex ikun hemm riflessjoni aħjar fuq il-problemi ffaċċati u jiġu identifikati aktar opportunitajiet ta' żvilupp fi ħdan il-proċess tal-EUYD.

JAGĦRFU LI:

17.

Il-parteċipanti tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Budapest enfasizzaw li matul l-aħħar għaxar ċikli, l-EUYD effettivament ġabret il-kontribut taż-żgħażagħ biex tinforma l-politika u trawwem l-inklużjoni u d-diversità billi ppermettiet in-networking, il-kollaborazzjoni intersettorjali u internazzjonali, u l-iskambju ta' prattiki tajbin bejn il-partijiet ikkonċernati madwar l-UE, kif ukoll fil-pajjiżi kandidati u ġirien. L-istruttura stabbilita sew tiegħu b'finanzjament stabbli saħħet l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika. L-evalwazzjoni tal-EUYD (7) tindika li kien effettiv ħafna biex jilħaq liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet iżda għandu jkollu l-għan li jilħaq aktar żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) u li huma minn żoni rurali u remoti biex tiġi żgurata rappreżentanza aħjar.

18.

Il-parteċipanti tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Budapest enfasizzaw ukoll li l-impatt tal-EUYD fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill huwa identifikabbli, iżda hemm potenzjal li jkompli jissaħħaħ ukoll possibbilment lil hinn mill-politika taż-żgħażagħ (8). Dan jeħtieġ monitoraġġ aħjar tal-viżibbiltà, mekkaniżmi ta' segwitu u integrazzjoni taż-żgħażagħ. Hemm bżonn li t-temi ta' djalogu jiġu allinjati mal-aġendi ta' politika Ewropej u li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħżlu s-suġġetti. Aktar disseminazzjoni tal-eżiti tal-EUYD, feedback aktar ċar, u viżibbiltà akbar jistgħu jrawmu r-responsabbiltà u t-trasparenza kif ukoll isaħħu l-fiduċja fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi. Tħejjija aħjar tad-delegati taż-żgħażagħ, kontinwità fiċ-ċikli kollha, u involviment aktar b'saħħtu bejn id-delegati taż-żgħażagħ u r-rappreżentanti nazzjonali jistgħu wkoll ikomplu jtejbu l-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

19.

Issaħħaħ l-EUYD billi żżid il-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni tiegħu, sabiex tinvolvi aktar organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, partijiet ikkonċernati u żgħażagħ b'inqas opportunitajiet, li jkunu differenti, ittejjeb l-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar il-proċess, pereżempju permezz ta' materjali informattivi dwar l-EUYD, tikkontribwixxi għal linji gwida, bażijiet ta' data komprensivi ta' politiki rilevanti, l-aħjar prattiki, tiżviluppa qafas futur possibbli li jista' jappoġġa l-kontinwità bejn iċ-ċikli fl-EUYD, kif ukoll pjanijiet u rapporti ta' komunikazzjoni koerenti u komprensivi.

20.

Tagħti spinta lill-użu tal-EUYD, bħala strument għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ billi trawwem rabtiet aktar mill-qrib mal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni u tesplora modi biex torbtu mat-test taż-żgħażagħ fil-livell Ewropew.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

21.

Jikkunsidraw l-eżiti tal-għaxar ċiklu tal-EUYD, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet taż-żgħażagħ stipulati fl-Anness I. Jiżviluppaw u jappoġġaw aktar il-proċessi biex ir-rakkomandazzjonijiet mill-EUYD jiġu kondiviżi mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-livelli kollha.

22.

Isaħħu u jtejbu l-proċess tal-EUYD billi jikkunsidraw u, fejn possibbli, japplikaw l-aħjar prattiki mill-għaxar ċiklu tal-EUYD u l-prinċipji li ggwidaw l-implimentazzjoni b'suċċess tiegħu.

23.

Ikomplu jappoġġaw u jikkonsolidaw ir-rwol tal-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali u tal-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ, l-impenn tagħhom li jwettqu l-proċess tal-EUYD fl-Istati Membri u jirrikonoxxu l-importanza tagħhom fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni u d-diversità tal-perspettivi.

24.

Jippromwovu l-viżibbiltà tal-EUYD f'avvenimenti lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE u jippromwovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha; jappoġġaw u jsaħħu l-kooperazzjoni fost l-ESG, il-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-INGYOs, u partijiet ikkonċernati oħra, kif xieraq.

25.

Irawmu informazzjoni u għodod ta' komunikazzjoni adattati għaż-żgħażagħ u jiffaċilitaw riżorsi biex jinvolvu aktar varjetà sħiħa ta' żgħażagħ li ġejjin minn bosta ambjenti u gruppi soċjali kif ukoll minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livelli kollha biex jgħinu biex ikomplu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti għall-proċess tal-EUYD fl-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027.

26.

Jiżguraw approċċ aktar sostenibbli, ġenerali u strateġiku għall-komunikazzjoni dwar l-EUYD, id-disponibbiltà ta' informazzjoni rilevanti u faċli għaż-żgħażagħ, u, fejn xieraq, jipprovdu lill-Gruppi ta' Ħidma Nazzjonali b'appoġġ addizzjonali. Eżempji ta' dan jistgħu jkunu permezz tal-kokreazzjoni ta' strateġija u manwal ta' komunikazzjoni taħt it-tmexxija tal-ESG biex jissaħħu l-viżibbiltà u t-trasparenza tal-EUYD li jinvolvu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, fejn rilevanti.

27.

Isaħħu l-memorja istituzzjonali fit-tul u l-kontinwità bejn iċ-ċikli tal-EUYD (pereżempju billi jiżviluppaw struttura permanenti li tista' sservi bħala segretarjat possibbli tal-EUYD u lista ta' kontroll tal-ESG li tappoġġa t-tħejjija u l-ħidma tat-triju ta' presidenzi futuri). Dan jinvolvi t-trawwim ta' skambji u koordinazzjoni regolari mmexxija miż-żgħażagħ, appoġġati b'mod adegwat mit-Triju ta' Presidenzi, l-aħħar Presidenza mit-triju preċedenti, l-ewwel Presidenza mit-triju li jmiss, il-Kummissjoni, u fejn xieraq, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ.

28.

Jipprovdu feedback regolari liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ dwar il-proċess tal-EUYD, l-eżiti u s-segwitu tiegħu sabiex jiġu żgurati djalogu sinifikanti u parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-livelli kollha.

29.

Iqisu l-eżiti taċ-ċikli preċedenti tal-EUYD meta jippjanaw u jimplimentaw ċikli futuri, u jsaħħu l-isforzi relatati mal-evalwazzjoni u l-monitoraġġ sabiex jitrawwem rieżami sistematiku tar-rakkomandazzjonijiet artikolati miż-żgħażagħ u s-segwitu tagħhom biex jiġi promoss ambjent aktar komprensiv, inklużiv u reattiv għat-tfassil tal-politika taż-żgħażagħ.

30.

Jappoġġaw il-proċess ta' tkabbir, jesploraw kif jistgħu jinvolvu ruħhom aktar ma' żgħażagħ minn pajjiżi kandidati u minn pajjiżi kandidati potenzjali fejn xieraq.

U JINNOTAW UKOLL LI:

31.

Il-prijorità tematika ġenerali tat-Triju ta' Presidenzi li jmiss (il-Polonja, id-Danimarka u Ċipru) hija l-għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ numru 1: Konnessjoni bejn l-UE u ż-żgħażagħ.

(1)  Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1).

(2)  Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (COM/2024/1 final).

(4)  Verstappen, L., Green and ethical framework for events during the Belgian EU Presidency in the field of youth. 2023. Numru tar-reġistrazzjoni D/2023/3241/441.

(5)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (ĠU C, C/2023/1337, 30.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1337/oj).

(6)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar soċjetajiet inklużivi għaż-żgħażagħ (ĠU C, C/2024/3808, 27.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3808/oj).

(7)  Moxon, D., supported by Bárta. O., Evaluation of participant inclusion levels within the EU Youth Dialogue, EU-CoE Youth Partnership, Strasbourg, Marzu 2023.

(8)  Bárta O., Moxon D. (2024). EUYD10 EU Youth Conference in Budapest, Hungary. Final Conference Report. DOI: 10.5281/zenodo.13836827.


ANNESS I

RAKKOMANDAZZJONIJIET KONĠUNTI TAL-GĦAXAR ĊIKLU TAD-DJALOGU TAL-UE MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ “GĦANDNA BŻONN IŻ-ŻGĦAŻAGĦ”

L-ideat u l-opinjonijiet taż-żgħażagħ kondiviżi fil-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f'Ottubru 2023 f'Alicante, f'Marzu 2024 f'Ghent u f'Settembru 2024 f'Budapest kienu ffukati fuq l-għan Ewropw dwar iż-Żgħażagħ numru 3 dwar “Soċjetajiet Inklużivi” taħt il-motto “GĦANDNA BŻONN IŻ-ŻGĦAŻAGĦ”. Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu fuq il-proċess li inbeda mill-Presidenza Spanjola, tkompla mill-Presidenza Belġjana, u ntemm mill-Presidenza Ungeriża.

Il-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li saret f'Alicante mit-2 sal-4 ta' Ottubru 2023 indirizzat l-ostakli, l-istrutturi ta' appoġġ, il-bidliet meħtieġa fil-qasam tal-inklużjoni kif ukoll il-kontributi mill-qasam taż-żgħażagħ.

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Konferenza, li kienu suġġetti rilevanti matul l-għaxar ċikli kollha, huma:

—

In-nuqqas ta' diversità, konnessjonijiet u riżorsi kemm fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa, fl-infrastruttura, fl-akkomodazzjoni u fl-informazzjoni, b'enfasi fuq id-distakk diġitali. Fl-istess ħin ma hemmx biżżejjed rikonoxximent dwar il-kompetenzi miksuba, speċjalment permezz ta' tagħlim mhux formali u attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet.

—

Il-ħtieġa tal-integrazzjoni tal-politika taż-żgħażagħ, l-iżgurar tal-involviment attiv taż-żgħażagħ fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika, b'enfasi fuq politika taż-żgħażagħ transettorjali u bbażata fuq l-evidenza li hija ġestita b'mod konġunt miż-żgħażagħ infushom.

—

Il-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-professjonisti fil-qasam taż-żgħażagħ, speċjalment dawk li jaħdmu ma' gruppi ta' żgħażagħ differenti, filwaqt li jiġu enfasizzati l-inklużjoni u l-intersezzjonalità, issekondati minn smigħ attiv li joħloq fiduċja u l-ħolqien ta' spazji sikuri għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.

—

Barra minn hekk, il-parteċipanti ssuġġerew miżuri biex tissaħħaħ l-aċċessibbiltà tal-iskemi ta' mobbiltà tal-UE kif ukoll miżuri ta' implimentazzjoni bħal Kunsilli Konsultattivi dwar l-Ugwaljanza u l-Inklużjoni, it-Test taż-Żgħażagħ tal-UE, is-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ rurali, appoġġ kontinwu għall-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u aktar interazzjoni bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE.

Il-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li saret f'Ghent mit-2 sal-5 ta' Marzu 2024 kellha l-għan li tistabbilixxi pedament sod għal azzjoni politika u rriżultat f'sitt rakkomandazzjonijiet u 34 miżura ta' implimentazzjoni dwar il-futur tal-inklużjoni fl-Ewropa, diretti lejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex:

—

Jappoġġaw aħjar liż-żgħażagħ li qed jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni finanzjarja biex jittranżizzjonaw lejn l-indipendenza u s-sigurtà finanzjarja billi jieħdu passi biex jippromwovu akkomodazzjoni affordabbli, iżidu l-aċċess għal xogħol u impjiegi ta' kwalità, jindirizzaw l-ostakli għall-mobbiltà, u jiżguraw il-litteriżmu finanzjarju taż-żgħażagħ.

—

Jiżguraw l-aċċess taż-żgħażagħ għal kura tas-saħħa ta' kwalità u sistemi ta' appoġġ għas-saħħa mentali affordabbli, favorevoli għaż-żgħażagħ u personalizzati. Barra minn hekk, joħolqu ambjenti sikuri u miftuħa għaż-żgħażagħ biex jitkellmu liberament u jitgħallmu dwar is-saħħa u l-benesseri mentali.

—

Jippromwovu u jinvestu fl-edukazzjoni u l-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex: jagħmlu l-ambjenti tat-tagħlim aktar aċċessibbli u inklużivi għaż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet; jadattaw għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ; iżidu l-kollaborazzjonijiet bejn l-edukazzjoni formali, l-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim informali u fis-setturi l-oħra.

—

Iżidu l-finanzjament, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u appoġġ ieħor għall-edukaturi biex ikunu involuti fit-tagħlim tul il-ħajja dwar: l-inklużjoni ta' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet; il-kapitalizzazzjoni fuq id-diversità taż-żgħażagħ; il-ħolqien ta' spazji sikuri għall-kondiviżjoni u t-tagħlim ma' u minn żgħażagħ minn sfondi differenti; u approċċi personalizzati ta' tagħlim u apprendiment iffukati fuq iż-żgħażagħ.

—

Itejbu l-kapaċità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u għalihom biex ixerrdu b'mod effettiv informazzjoni adattata għaż-żgħażagħ sabiex l-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet issir aċċessibbli. Barra minn hekk, itejbu l-litteriżmu fil-media u fl-informazzjoni taż-żgħażagħ biex jirrikonoxxu informazzjoni affidabbli u jinnavigaw l-informazzjoni b'mod sikur.

—

Jistabbilixxu politiki biex jeliminaw id-diskriminazzjoni sistematika, il-preġudizzju inkonxju, l-attitudnijiet ostili u biex jinkoraġġixxu tagħlim kontinwu dwar kull tip ta' diversità kif ukoll sforzi biex jitneħħew il-preġudizzji. Tali politiki għandhom jiġu żviluppati flimkien maż-żgħażagħ li jkunu kisbu b'mod dirett esperjenzi rilevanti fl-oqsma kollha.

Fil-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, li saret f'Budapest mis-7 sal-10 ta' Settembru 2024, iż-żgħażagħ ipproponew li ż-żoni rurali u remoti jsiru aktar vibranti u attraenti għaż-żgħażagħ billi ssir enfasi fuq:

—

It-trawwim ta' parteċipazzjoni u involviment sinifikanti taż-żgħażagħ, filwaqt li jitrawmu komunitajiet rurali ta' appoġġ, jiġi sfidat il-preġudizzju, titħeġġeġ il-kooperazzjoni interġenerazzjonali, u jinbnew djalogu aċċessibbli u spazji komuni.

—

It-titjib tal-aċċess għal infrastruttura mfassla apposta, inkluż il-konnettività tal-internet, it-trasport, l-enerġija nadifa, u s-servizzi tas-saħħa.

—

Is-sensibilizzazzjoni dwar perkorsi alternattivi ta' impjieg bħax-xogħol mill-bogħod u modi innovattivi ta' biedja, filwaqt li tiġi appoġġata l-intraprenditorija rurali permezz ta' mentoraġġ, trasformazzjoni diġitali, u inċentivi finanzjarji.

—

Il-promozzjoni ta' inizjattivi bħal skambji taż-żgħażagħ urbani-rurali u opportunitajiet ta' tagħlim u appoġġ għall-persuni mobbli li jaħdmu maż-żgħażagħ biex iwessgħu l-esperjenzi u l-ħiliet taż-żgħażagħ rurali.

—

It-tisħiħ tal-aċċess għas-servizzi u r-riżorsi tas-saħħa mentali billi titrawwem azzjoni lokali, titqajjem kuxjenza dwar il-finanzjament disponibbli, u jitħeġġeġ id-djalogu dwar il-benesseri mentali fiż-żoni rurali.

Ir-rakkomandazzjonijiet ma jimponu l-ebda rekwiżit formali fir-rigward tal-politiki nazzjonali dwar iż-żgħażagħ. Madankollu, jistgħu jservu bħala sors ta' ispirazzjoni għall-Istati Membri.


ANNESS II

Referenzi:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 (COM (2024) 1 final).

Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1).

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill li tistabbilixxi linji gwida dwar il-governanza tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019–2027 (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 1).

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (COM (2024) 162 final).

Kummissjoni Ewropea, Flash Eurobarometer Report 502: Youth and Democracy in the European Year of Youth Report. 2022, ISBN 978-92-76-51265-3.

Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE: Strengthening the EU Youth Dialogue follow-up via monitoring and transparency guidelines, SOC/795-EESC-2024.

Moxon, D., appoġġat minn Bárta. O., Evaluation of participant inclusion levels within the EU Youth Dialogue, EU-CoE Youth Partnership, Strasbourg, Marzu 2023.

Moxon, D., u Bárta, O., Desktop Analysis of the Outcomes of EU Youth Dialogue Cycles 1-10. Zenodo, Awwissu 2024.

Verstappen, L., Green and ethical framework for events during the Belgian EU Presidency in the field of youth. 2023. Numru tar-reġistrazzjoni D/2023/3241/441.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7402/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)