IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.6.2025
COM(2025) 317 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Interim ta' Progress dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2024/1265/UE tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri
{SWD(2025) 161 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport interim ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2024/1265/UE tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri
1.
Introduzzjoni
Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2011. Din kienet parti importanti mill-pakkett leġiżlattiv dwar it-tisħiħ tal-governanza ekonomika, magħruf ukoll bħala s-“six-pack”. Id-Direttiva stabbiliet, għall-ewwel darba, rekwiżiti minimi għall-oqfsa baġitarji għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE). Kif stipulat fid-Direttiva u meta titqies l-esperjenza mill-2011, is-sistema kollha ta’ sorveljanza ekonomika ġiet riveduta reċentement, li wasslet għal riforma tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024. F’dan il-kuntest, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE ġiet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2024/1265/UE.
Id-Direttiva 2011/85/UE kienet introduċiet rekwiżiti minimi għal sistemi ta’ kontabilità baġitarja u rapportar statistiku, regoli u proċeduri li jirregolaw it-tħejjija ta’ previżjonijiet għall-ippjanar baġitarju, regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż, oqfsa baġitarji ta’ terminu medju, u mekkaniżmi li jirregolaw ir-relazzjonijiet fiskali bejn l-awtoritajiet pubbliċi fis-sottosetturi tal-gvern ġenerali. Filwaqt li r-rieżami kopra dawn id-dispożizzjonijiet kollha, meta wieħed iħares lejn jekk kinux għadhom rilevanti u jekk kinux ġew mifhuma u applikati kif maħsub, ir-rieżami kkunsidra wkoll żviluppi ġodda. B’mod partikolari, ir-rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti żdied b’mod sinifikanti mill-2011 u l-implikazzjonijiet fiskali tat-tibdil fil-klima saru dejjem aktar urġenti. Id-Direttiva 2024/1265/UE, bl-emendi li jirriżultaw għad-Direttiva 2011/85/UE, trid tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2024/1265/UE, il-Kummissjoni hija mitluba li “tipprepara rapport interim ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri, li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2025”. Għal dak il-għan, f’Marzu 2025, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (supplenti) kwestjonarju li jagħti lill-Istati Membri l-opportunità li jagħtu dettalji tal-miżuri fis-seħħ, tar-riformi li diġà tnedew u ta’ pjanijiet speċifiċi. Għaldaqstant, dan ir-rapport interim ta’ progress huwa bbażat primarjament fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Sa April 2025, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu bagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom . Fiches dettaljati tal-pajjiżi huma ppreżentati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2025) 161).
L-għan ta’ dan ir-rapport ta’ progress interim huwa li jinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-pubbliku ġenerali dwar il-progress li sar fit-traspożizzjoni tal-emendi għad-Direttiva 2011/85/UE. Għalhekk, dan ma għandux jiġi interpretat bħala valutazzjoni tal-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-Direttiva emendata, li se titwettaq wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni f’konformità mad-dritt tal-UE. Sabiex tiġi pprovduta ħarsa ġenerali xierqa, it-Taqsima 2 ta’ dan ir-rapport hija strutturata madwar ħames subtaqsimiet li jikkorrispondu għall-oqsma ewlenin ta’ emendi għad-Direttiva, segwita minn konklużjoni li tiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin.
2.
Il-progress fit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva
2.1
Emendi għad-dispożizzjonijiet dwar il-kontabilità, l-istatistika u t-trasparenza (l-Artikoli 3 u 14(1) tad-Direttiva 2011/85/UE)
Politika fiskali soda trid tkun ibbażata fuq rapportar fiskali sod. Informazzjoni komprensiva, f’waqtha u preċiża dwar l-eżekuzzjoni baġitarja hija essenzjali għal dawk li jfasslu l-politika peress li tiżgura l-eżekuzzjoni korretta tal-baġits, il-monitoraġġ f’waqtu ta’ devjazzjonijiet possibbli mill-pjanijiet u l-ippjanar baġitarju aġġornat. Ir-rapportar finanzjarju pubbliku komprensiv u konsistenti jeħtieġ trasparenza dwar elementi li, potenzjalment, ikollhom impatt dirett jew indirett fuq il-baġit: dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, korpi u fondi li ma jagħmlux parti mill-baġit regolari iżda li huma parti mill-gvern ġenerali, mill-infiq tat-taxxa u mill-obbligazzjonijiet kontinġenti.
L-emendi għad-Direttiva 2011/85/UE f’dan il-qasam introduċew prinċipalment bidliet fid-disponibbiltà pubblika ta’ data fiskali għas-subsetturi kollha tal-gvern ġenerali, kif huwa ddefinit mis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA, European System of Accounts) 2010. B’mod partikolari, id-data ta’ kull xahar u trimestrali bbażata fuq il-flus kontanti (jew data ekwivalenti mill-kontabilità pubblika) ġiet issostitwita b’data trimestrali dwar id-dejn u d-defiċits għas-sottosetturi kollha tal-gvern ġenerali. Madankollu, jekk Stat Membru jkollu fis-seħħ sistemi ta’ kontabilità finanzjarja fuq il-bażi tad-dovuti li jkunu integrati, komprensivi u armonizzati nazzjonalment, id-data dwar id-defiċit trimestrali skont is-sottosettur ma tintalabx. L-emendi li jifdal jikkonċernaw prinċipalment kjarifiki u aġġornamenti għat-test fid-dawl tal-esperjenza bl-interpretazzjoni tiegħu sa mill-2011.
Fir-rigward tar-reviżjoni tal-frekwenza tar-rapportar ta’ ċerta data fiskali (il-bidla ewlenija introdotta mill-emendi għall-Artikolu 3(2)), kontinġenti wkoll fuq il-prevalenza tal-kontabilità fuq il-bażi tad-dovuti, terz tal-Istati Membri jaraw li din ġiet trasposta bis-sħiħ u terz ieħor bħala li nkisbet parzjalment. Filwaqt li dawn ir-rispondenti mhux kollha jirrapportaw dwar jekk għandhomx l-intenzjoni li jkopru r-rekwiżit il-ġdid permezz tar-rapportar ta’ data dwar id-defiċit trimestrali jew b’referenza għall-maturità tas-sistema tal-kontabilità fuq il-bażi tad-dovuti tagħhom, madwar kwinta tal-Istati Membri jirrappreżentaw kull waħda miż-żewġ għażliet. Ir-rispondenti li jifdal jiffokaw aktar fuq il-proċess ippjanat, parzjalment billi jikkwotaw liġijiet speċifiċi li għandhom jiġu emendati, parzjalment b’inqas dettall.
Meta wieħed iħares lejn ir-rekwiżit iċċarat li tiġi ppubblikata, anke bħala parti minn proċessi baġitarji pluriennali, informazzjoni dwar korpi u fondi li ma jagħmlux parti mill-baġit iżda li huma parti mill-gvern ġenerali, u li tingħata informazzjoni dwar l-impatt ikkombinat tagħhom fuq il-bilanċi tal-gvern (l-Artikolu 14(1)), terz tal-Istati Membri jaraw dan bħala diġà kopert. Fost ir-rispondenti li jifdal, madwar kwinta tal-Istati Membri qed jippjanaw azzjonijiet speċifiċi filwaqt li kwinta oħra għandhom il-ħsieb li xorta jevalwaw il-ħtieġa li jagħmlu dan.
Bidliet iżgħar fl-Artikoli 2 u 3(1) ma humiex irrapportati li jeħtieġu emendi speċifiċi għal-liġijiet nazzjonali.
Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva emendata jistipula li “sal-31 ta’ Diċembru 2025 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-istat attwali ta’: (a) l-kontabbiltà pubblika mill-amministrazzjoni pubblika fl-Unjoni, filwaqt li jitqies il-progress li sar mill-valuazzjoni tagħha tal-2013 tal-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku għall-Istati Membri”. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li dan ir-rapport jiġi ppubblikat qabel tmiem l-2025 jenfasizza wkoll l-importanza tal-monitoraġġ tal-preżenza u l-iżvilupp ta’ kontabilità pubblika soda fuq il-bażi tad-dovuti fl-UE.
2.2
Dispożizzjonijiet ġodda dwar istituzzjonijiet fiskali indipendenti (l-Artikoli 2 u 8a tad-Direttiva 2011/85/UE)
L-istituzzjonijiet fiskali indipendenti (IFIs, independent fiscal institutions ) kisbu importanza sinifikanti minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2011/85/UE. Sa mill-2011, id-Direttiva talbet lil “korpi indipendenti jew korpi li għandhom awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri” biex jissorveljaw il-konformità tal-Istati Membri mar-regoli fiskali numeriċi nazzjonali tagħhom. Fl-2012, il-prinċipji komuni dwar il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ korrezzjoni fiskali (introdotti mit-Titolu III, il-“Patt fiskali”, tat-Trattat intergovernattiv dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja) inkludew ċerti rekwiżiti minimi għal korpi ta’ monitoraġġ indipendenti. Aktar tard, ir-Regolament 2013/473/UE, li japplika għaż-żona tal-euro, talab lil dawn il-korpi biex jipproduċu jew japprovaw it-tbassir makroekonomiku sottostanti għall-ippjanar baġitarju annwali u ta’ terminu medju.
L-emendi għad-Direttiva 2011/85/UE jiġbru flimkien dawn l-elementi eżistenti kollha u jagħmluhom applikabbli għall-Istati Membri kollha tal-UE. Huma jaqsmu u jtejbu xi salvagwardji ta’ indipendenza (eż. jenfasizzaw il-kapaċità ta’ komunikazzjoni tal-IFIs, jitolbu riżorsi stabbli u aċċess f’waqtu għall-informazzjoni kif ukoll jeħtieġu evalwazzjoni esterna regolari tal-IFIs). Xi kompiti ġodda huma relatati mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat. Kompiti ġodda oħra jinkludu t-twettiq ta’ valutazzjoni tal-konsistenza, il-koerenza u l-effettività tal-qafas fiskali nazzjonali u l-parteċipazzjoni, fuq stedina, għal seduti u diskussjonijiet parlamentari. Fl-aħħar nett, ġie introdott il-prinċipju “konformità jew spjegazzjoni” għall-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-IFIs.
Ma kienx sorprendenti li, l-Istati Membri kollha diġà koprew xi wħud mill-emendi jew saħansitra ħafna minnhom fuq l-IFIs fil-liġi nazzjonali, minħabba li l-emendi jiġbru flimkien, sa ċertu punt, id-dispożizzjonijiet eżistenti relatati mad-dritt tal-UE jew mal-Patt Fiskali. Il-Polonja hija każ speċifiku peress li l-pajjiż għad ma għandu l-ebda IFI operattiva fis-seħħ; madankollu, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, il-leġiżlazzjoni rilevanti daħlet fis-seħħ f’Jannar 2025 u l-IFI se jiġi stabbilit sal-1 ta’ Jannar 2026.
Fir-rigward tal-biċċa l-kbira tas-salvagwardji tal-indipendenza stabbiliti fl-Artikolu 8a(3) u (4), terz tal-Istati Membri jarawhom bħala diġà koperti fil-liġi nazzjonali tagħhom, filwaqt li aktar minn terz iqisu li xi miżuri għadhom meħtieġa. L-eċċezzjoni hija r-rekwiżit il-ġdid li l-IFIs jiġu sottomessi għal evalwazzjonijiet esterni regolari fejn ftit Stati Membri biss jirrapportaw li għandhom il-leġiżlazzjoni meħtieġa fis-seħħ. F’diversi każijiet, il-prattika stabbilita hija rrapportata li hija konformi mar-rekwiżiti l-ġodda. Madankollu, il-kodifikazzjoni legali xorta tkun meħtieġa.
Fir-rigward tal-kompiti tal-IFIs, l-Istati Membri jużaw l-opportunità li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva biex jispeċifikaw aktar xi strutturi istituzzjonali jew leġiżlazzjoni sottostanti. Dan jista’ jispjega għaliex aktar minn terz tal-Istati Membri jirrapportaw li t-traspożizzjoni ma hijiex kompluta għall-kompiti legali attwali tal-IFIs (jiġifieri li jipproduċu jew japprovaw tbassir makroekonomiku sottostanti għall-ippjanar baġitarju u li jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli fiskali nazzjonali). Bl-istess mod, l-istruttura legali ta’ spiss teħtieġ li tirrifletti l-kompiti l-ġodda tal-IFI stabbiliti fil-parti preventiva u korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, flimkien mal-kompitu li regolarment jiġu vvalutati l-konsistenza, il-koerenza u l-effettività tal-oqfsa fiskali nazzjonali.
Bl-istess mod, għalkemm il-“prinċipju konformità jew spjegazzjoni” huwa fis-seħħ sa ċertu punt f’ħafna Stati Membri (kif ġie introdott mill-prinċipji komuni relatati mal-Patt Fiskali), xorta jeħtieġ adattament għall-użu usa’ tiegħu konformi mal-emendi għad-Direttiva.
2.3
Emendi għad-dispożizzjonijiet dwar l-oqfsa baġitarji ta’ terminu medju (l-Artikoli 2, 9, 10 u 11 tad-Direttiva 2011/85/UE)
Skont id-Direttiva 2011/85/UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu qafas baġitarju kredibbli u effettiv għal terminu medju, li jippermettilhom jespandu l-ippjanar fiskali lil hinn mill-perjodu annwali u b’hekk irawmu tfassil ta’ politika aktar konsistenti, effettiv u potenzjalment ambizzjuż fuq terminu medju. Il-qafas irid ikun fih objettivi baġitarji pluriennali flimkien ma’ projezzjonijiet ta’ kull entrata ewlenija ta’ dħul u nfiq ibbażata fuq politiki mhux mibdula, bi spjegazzjonijiet tal-politiki previsti fuq terminu medju biex jitnaqqas id-distakk bejn il-projezzjonijiet ta’ ebda tibdil fil-politika u l-miri tal-politika. Barra minn hekk, irid ikun fih valutazzjoni ta’ kif il-politiki previsti x’aktarx jaffettwaw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.
L-emendi għad-Direttiva 2011/85/UE jtejbu l-elementi meħtieġa tal-qafas baġitarju ta’ terminu medju billi jitolbu deskrizzjoni tar-riformi u l-investimenti ppjanati flimkien ma’ valutazzjoni tal-impatt tal-politiki ppjanati fuq it-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Huma jiċċaraw ukoll li l-baġits annwali jridu jkunu konsistenti mal-ippjanar fuq terminu medju.
Id-definizzjoni tad-Direttiva ta’ oqfsa baġitarji ta’ terminu medju hija rrapportata li diġà hija fis-seħħ għal kwart tal-Istati Membri. Madwar kwart tar-rispondenti jirrapportaw l-intenzjoni tagħhom li jittrasponu din id-dispożizzjoni jew li jkollhom pjanijiet li jagħmlu dan skont skeda ta’ żmien ċara qabel jew sa tmiem l-2025. Kwart ieħor tal-Istati Membri ma pprovdewx informazzjoni dwar il-valutazzjoni tagħhom tas-sitwazzjoni attwali rigward it-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew il-ħtieġa li jittieħdu miżuri addizzjonali.
Nofs l-Istati Membri jirrapportaw traspożizzjoni sħiħa jew parzjali tad-dispożizzjoni biex jiżguraw li l-qafas nazzjonali jkun ibbażat fuq objettivi baġitarji nazzjonali komprensivi u trasparenti fuq terminu medju li jkunu konsistenti mar-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż fis-seħħ u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2024/1263. Aktar minn terz tar-rispondenti indikaw li dawn id-dispożizzjonijiet għadhom ma ġewx trasposti.
Bl-istess mod, aktar minn terz tal-Istati Membri jiddikjaraw traspożizzjoni sħiħa jew parzjali tad-dispożizzjoni biex jinkludu deskrizzjoni tar-riformi u l-investimenti previsti b’impatt fuq it-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Madwar nofs ir-rispondenti jirrapportaw l-intenzjoni tagħhom li jittrasponu din id-dispożizzjoni jew li jkollhom pjanijiet li jagħmlu dan skont skeda ta’ żmien ċara jew sal-aħħar tal-2025.
F’madwar kwart tal-każijiet, l-Istati Membri jirrapportaw li hemm dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ biex jiġi vvalutat l-impatt tal-politiki previsti fuq it-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Proporzjon simili tal-Istati Membri kkondividew li dawn id-dispożizzjonijiet għadhom ma ġewx trasposti.
13-il Stat Membru jiddikjaraw traspożizzjoni sħiħa jew parzjali tad-dispożizzjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni baġitarja annwali mal-objettivi baġitarji nazzjonali fuq terminu medju. 10 Stati Membri jew ma jipprovdux informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tat-traspożizzjoni ta’ dan ir-rekwiżit jew jindikaw li għadu ma ġiex traspost. Tmien Stati Membri jagħtu indikazzjonijiet ċari tal-kalendarju ta’ traspożizzjoni previst tagħhom, filwaqt li ħamsa oħra għad iridu jiddefinixxu skeda ta’ żmien.
Il-kjarifiki għall-Artikolu 11 huma rrapportati bħala diġà trasposti bis-sħiħ jew parzjalment minn disa’ Stati Membri; ħames Stati Membri jindikaw li qed jippjanaw li jissodisfaw l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ tmiem l-2025.
2.4
Dispożizzjonijiet ġodda dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar relatati ma’ riskji makrofiskali minn diżastri naturali u t-tibdil fil-klima (l-Artikoli 9(2)(d) u 14(3) tad-Direttiva 2011/85/UE)
Minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2011/85/UE, l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima u tad-diżastri naturali saru dejjem aktar evidenti għall-politika fiskali. Iż-żewġ aspetti huma marbuta iżda ma humiex identiċi. L-Istati Membri jesperjenzaw diżastri naturali aktar frekwenti u severi, spiss assoċjati mal-livelli tat-temperatura li qed jiżdiedu, u dawn jistgħu jikkawżaw kostijiet fiskali sinifikanti u obbligazzjonijiet kontinġenti sostanzjali. Barra minn hekk, il-kostijiet fiskali marbuta mat-tibdil fil-klima jistgħu jirriżultaw ukoll minn miżuri ta’ mitigazzjoni u adattament.
Għalhekk, id-Direttiva 2024/1265/UE tintroduċi rekwiżiti ġodda fid-Direttiva 2011/85/UE. L-Istati Membri issa huma mitluba jivvalutaw l-impatt tal-politiki previsti fuq is-sostenibbiltà fit-terminu medju u fit-tul tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li jqisu r-riskji makrofiskali mit-tibdil fil-klima fid-dokumenti ta’ ppjanar baġitarju tagħhom fuq terminu medju. Huma jridu jippubblikaw informazzjoni dwar id-diżastri naturali u l-obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mal-klima u jirrapportaw dwar il-kostijiet fiskali relatati mġarrba. Meta titqies il-kumplessità ta’ dawn il-kompiti u l-iżviluppi rapidi f’dan il-qasam, dawn ir-rekwiżiti kollha jridu jiġu rrispettati “sa fejn possibbli”. Għat-traspożizzjoni, l-Istati Membri huma mitluba jinkludu dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jiżguraw il-valutazzjoni u r-rapportar meħtieġa.
Huma biss ftit dawk l-oqfsa fiskali nazzjonali li diġà jinkludu, kompletament jew parzjalment, dispożizzjonijiet li jqisu r-riskji makrofiskali mit-tibdil fil-klima u l-impatt ambjentali u distribuzzjonali tiegħu fil-valutazzjoni tal-impatt tal-politiki previsti fuq terminu medju fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-terminu medju u fit-tul. Fl-istess ħin, aktar minn terz tar-rispondenti jagħtu indikazzjonijiet tal-kalendarju previst għall-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet fil-qafas fiskali nazzjonali. Toħroġ stampa simili għar-rekwiżit li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti u l-kostijiet fiskali relatati mad-diżastri u mal-klima mġarrba minħabba diżastri naturali u xokkijiet relatati mal-klima.
2.5
Emendi ta’ kjarifika (l-Artikoli 2, 3, 4, 5, 6 u 7 tad-Direttiva 2011/85/UE)
Minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2011/85/UE, il-prattika wriet li xi kunċetti u termini ġew mifhuma b’modi differenti jew jibbenefikaw minn aktar ċarezza jew aġġornament. Pereżempju, referenza għall-użu tal-istandard kontabilistiku tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA, European System of Accounts) 95 (fl-Artikolu 3(1) preċedenti) ġiet sostitwita b’referenza aktar dinamika. Għall-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kjarifiki, l-Istati Membri ntalbu prinċipalment jivverifikaw jekk il-liġijiet baġitarji nazzjonali tagħhom ikunux jeħtieġu wkoll bidliet korrispondenti.
Nofs l-Istati Membri jaraw li l-emendi ta’ kjarifika huma diġà koperti bis-sħiħ mil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Kwart ieħor jindikaw li, għalkemm il-kjarifiki huma koperti b’mod wiesa’, xorta jkunu meħtieġa xi bidliet fid-dispożizzjonijiet nazzjonali speċifiċi. Kwart ieħor jirrapporta informazzjoni aktar ġenerali dwar il-proċess tat-traspożizzjoni jew jindika valutazzjonijiet li għaddejjin bħalissa.
3.
Konklużjoni
B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrapportaw progress mhux uniformi fit-traspożizzjoni tal-emendi għad-Direttiva. B’mod korrispondenti, l-informazzjoni dwar il-passi ta’ traspożizzjoni li diġà ttieħdu varjat ħafna kemm fis-sustanza kif ukoll f’termini ta’ referenzi għall-atti legali speċifiċi li għandhom jiġu emendati. Ġeneralment, hemm nuqqas ta’ skeda ċara għall-passi li jifdal.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jirrapportaw speċifikament dwar it-traspożizzjoni tal-emendi dwar l-istatistika, il-kontabilità u t-trasparenza jqisu r-rekwiżiti bħala jew koperti jew li jistgħu jintlaħqu, filwaqt li għal diversi Stati Membri ma hemmx wisq dettalji disponibbli.
Il-progress jidher avvanzat fir-rigward tal-IFIs appoġġati minn dispożizzjonijiet simili iżda mhux identiċi li ilhom japplikaw għall-Istati Membri kollha jew għall-biċċa l-kbira tagħhom mill-2011. Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għadhom jeħtieġu kunsiderazzjoni bir-reqqa mill-Istati Membri meta jivvalutaw il-ħtieġa li jieħdu miżuri biex jittrasponuhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Xi elementi pożittivi dwar l-indipendenza f’xi każijiet huma prattika pjuttost stabbilita u jkunu jeħtieġu kodifikazzjoni legali. B’mod partikolari, elementi ġodda, bħall-enfasi fuq il-kapaċità ta’ komunikazzjoni jew l-evalwazzjoni esterna tal-IFIs, spiss għadhom jeħtieġu passi legali.
Filwaqt li ħafna Stati Membri jirrapportaw li d-definizzjoni tal-qafas baġitarju ta’ terminu medju hija konformi mad-Direttiva emendata, xi aġġustamenti għadhom ippjanati jew meħtieġa fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri biex isaħħu l-qafas u jiżguraw konsistenza mal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE fir-rigward tar-regolament il-ġdid dwar il-parti preventiva u r-regolament emendat dwar il-parti korrettiva.
Id-dispożizzjonijiet il-ġodda relatati mal-klima għadhom fil-biċċa l-kbira jridu jiġu indirizzati u l-Istati Membri għad iridu jiddefinixxu l-iskedi ta’ żmien tagħhom biex jagħmlu dan.
Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta d-Direttiva għat-taqsimiet li hija responsabbli għalihom. Wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni, hija se twettaq valutazzjoni tal-konformità sħiħa konformi mal-proċeduri standard tal-UE.