European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/673

9.1.2024

Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid

(C/2024/673)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Ruster Ausbruch”

PDO-AT-02769

Data tal-applikazzjoni: 26.4.2021

1.   Isem/ismijiet

Ruster Ausbruch

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

15.

Inbid minn għeneb imqadded

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Ruster Ausbruch (DOP)

DESKRIZZJONI QASIRA

It-terminu tradizzjonali Ausbruch huwa protett għall-Awstrija. L-Ausbruch jiġi prodott prinċipalment fil-muniċipalità ta’ Rust fuq ix-xtut ta’ Neusiedlersee f’Burgenland. Għal din ir-raġuni, qed tintalab protezzjoni għat-terminu tradizzjonali Ausbruch flimkien mad-denominazzjoni ta’ oriġini Rust bħala Ruster Ausbruch (DOP).

Ir-Ruster Ausbruch (DOP) huwa tip speċjali ta’ nbid ħelu magħmul minn varjetà waħda jew aktar ta’ għeneb tal-inbid abjad ta’ kwalità. L-għeneb abjad huwa affettwat mill-Botrytis cinerea waqt li jkun għadu fuq id-dielja. Dan il-fungu jifforma b’mod partikolari f’żoni fejn is-sajf sħun, il-ħarifa ħafifa u l-umdità kkawżata mill-formazzjoni ta’ raxx minn korp tal-ilma fil-qrib joħolqu l-aqwa kundizzjonijiet. Il-fungu jrattab l-għenba u jirriżulta fi tqaddid simili għal dak taż-żbib, u b’hekk fil-konċentrazzjoni ta’ aċidu, zokkor, estratt u aroma. Iż-żieda fil-kontenut tal-gliċerol li tirriżulta tagħmel lir-Ruster Ausbruch (DOP) dens ħafna u tagħtih il-kulur karatteristiku tiegħu bejn dehbi u isfar ambra.

Il-konċentrazzjoni taz-zokkor fl-għenba tirriżulta f’kontenut eċċezzjonalment għoli ta’ zokkor naturali fil-most għar-Ruster Ausbruch (DOP). L-inbejjed Ruster Ausbruch (DOP) mhumiex iffermentati kompletament u għalhekk huma kkaratterizzati wkoll minn kontenut għoli ta’ zokkor residwu, li jagħti lir-Ruster Ausbruch (DOP) it-togħma ħelwa tiegħu. (Il-kontenut ta’ zokkor mhux iffermentat irid jikkorrispondi mad-denominazzjoni “ħelu”.) Ir-riħa u t-togħma tar-Ruster Ausbruch (DOP) huma kkaratterizzati mill-aromi tal-frott imnixxef, tal-għasel, tal-lewż karamelizzat, u tal-frott eżotiku, bħal ngħidu aħna l-banana misjura.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

15

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

5,0

Aċidità totali minima

4,0  grammi għal kull litru, espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

40

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

400

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Ruster Ausbruch (DOP)

Prattika ta’ kultivazzjoni

Ir-Ruster Ausbruch (DOP) huwa nbid magħmul prinċipalment minn għeneb botritizzat, fil-biċċa l-kbira mqadded, li l-meraq tiegħu għandu piż tal-most ta’ mill-inqas 30° Klosterneuburger Mostwaage (skala tal-piż tal-most ta’ Klosterneuburg).

L-aċidità volatili ma tridx taqbeż it–2,4 g/l (40 milliekwivalenti għal kull litru). Ir-Ruster Ausbruch (DOP) ma jridx jiġi dolċifikat, u z-zokkor residwu jrid ikun ġie prodott esklussivament billi tiġi interrotta l-fermentazzjoni. Ir-Ruster Ausbruch (DOP) ma għandux jiġi arrikkit.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.   Ruster Ausbruch

10 000 kilogramma għeneb għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

Il-muniċipalità ta’ Rust fuq ix-xtut tan-Neusiedlersee

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Blütenmuskateller

Bouvier

Chardonnay – Morillon

Frühroter Veltliner – Malvasier

Furmint

Goldburger

Grauer Burgunder – Pinot Gris

Grauer Burgunder – Ruländer

Grüner Veltliner – Weißgipfler

Jubiläumsrebe

Muscaris

Muskat-Ottonel

Muskateller – Gelber Muskateller

Muskateller – Roter Muskateller

Müller-Thurgau – Rivaner

Neuburger

Roter Veltliner

Rotgipfler

Sauvignon Blanc

Scheurebe – Sämling 88

Souvignier gris

Sylvaner – Grüner Sylvaner

Traminer – Gelber Traminer

Traminer – Gewürztraminer

Traminer – Roter Traminer

Weißer Burgunder – Klevner

Weißer Burgunder – Pinot Blanc

Weißer Burgunder – Weißburgunder

Weißer Riesling – Rheinriesling

Weißer Riesling – Riesling

Welschriesling

Zierfandler – Spätrot

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Ruster Ausbruch (DOP)

Ħamrija: il-ħamrija fit-Tramuntana tal-muniċipalità ta’ Rust hija kkaratterizzata minn ħamrija kalkarja kannella b’saff tal-trab ġulġlieni ta’ ħxuna li tvarja. (Eqreb ma tkun il-vinja lejn in-Neusiedlersee, eħxen ikun is-saff ta’ trab ġulġlieni). Il-ħamrija silika komposta minn shale immermer tiddomina fin-Nofsinhar tal-muniċipalità.

Klima: Rust tinsab fiż-żona klimatika Pannonjana, li hija kkaratterizzata essenzjalment minn sjuf sħan u xotti u xtiewi kesħin u xotti. Barra minn hekk, ir-rata għolja ta’ evaporazzjoni min-Neusiedlersee (lag baxx ħafna u sħun tal-isteppa), flimkien mat-temperaturi sħan u kostanti fil-ħarifa, tagħti lill-klima komponent speċjali.

Fattur uman: il-metodu abitwali tal-kultivazzjoni tal-vinji fl-Awstrija, bl-użu ta’ sistema ta’ kultivazzjoni fl-għoli li fiha jieħdu ħsieb id-dwieli prinċipalment bl-idejn (żbir, ġestjoni taż-żarġun u l-faxxina, irmondar tal-għenieqed, eċċ.), jintuża wkoll fiż-żona Ruster Ausbruch (DOP). Madankollu, dak li huwa speċjali dwar il-mod li bih jiġi prodott ir-Ruster Ausbruch (DOP) jirriżulta mix-xogħol li jsir qabel u matul il-ħsad.

L-għeneb botritizzat jintgħażel bl-idejn f’diversi drabi, peress li l-għeneb mhux dejjem ikun botritizzat b’mod uniformi. Għalhekk l-għenieqed tajba jridu jintgħażlu u “miksura” bl-idejn (għalhekk l-isem “Ausbruch” [litteralment: “ksur”]).

Ħolqa: Ir-Ruster Ausbruch (DOP) huwa tip speċjali ta’ nbid ħelu li fih l-għeneb huwa affettwat mill-Botrytis cinerea waqt li jkun għadu fuq id-dielja u jinħasad b’mod selettiv bl-idejn. Dan il-fungu jifforma b’mod partikolari f’żoni fejn is-sjuf sħan, il-ħarifa ħafifa u l-umdità kkawżata mill-formazzjoni ta’ raxx minn korp tal-ilma fil-qrib joħolqu l-aħjar kundizzjonijiet. Il-fungu jeqred is-saffi ta’ barra tal-għenba, u b’hekk il-komponenti likwidi jevaporaw fi ġranet sħan u xotti. Bħala riżultat ta’ dan it-“tħassir nobbli”, l-għeneb jitqadded u jinxef fuq id-dielja, filwaqt li joħorġu minnu l-aromi u z-zokkor ikkonċentrati ħafna. Il-klima Pannonjana, l-effett li jirregola l-umdità tal-lag, il-ventilazzjoni tal-vinji, u l-ħarifa ħafifa jwasslu għall-iżvilupp tat-tħassir nobbli. Għall-kuntrarju tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija, il-karatteristiċi tal-klima – b’mod partikolari l-evaporazzjoni min-Neusiedlersee – u r-rekwiżiti speċifiċi li jirriżultaw għall-mod kif jinqata’ l-għeneb għandhom influwenza qawwija fuq it-togħma u l-karattru tal-inbejjed. Meta ċ-ċpar frisk ta’ filgħodu li joħroġ min-Neusiedlersee jaqa’ fuq id-dwieli, tiġi ffurmata l-bażi ideali għall-fungu tant imfittex. Il-fungu jrattab l-għenba u jirriżulta fi tqaddid simili għal dak taż-żbib, u b’hekk fil-konċentrazzjoni ta’ aċidu, zokkor, estratt u aroma. Iż-żieda fil-kontenut tal-gliċerol li tirriżulta tagħmel lir-Ruster Ausbruch (DOP) dens ħafna u tagħtih il-kulur karatteristiku tiegħu bejn dehbi u isfar ambra.

Għalhekk jista’ jiġi konkluż li, fil-muniċipalità ta’ Rust, il-kundizzjonijiet għad-denominazzjoni tradizzjonali Ausbruch flimkien mal-kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-inbejjed jiġġustifikaw li l-isem ġeografiku “Rust” jiġi kkombinat mat-terminu tradizzjonali “Ausbruch” biex tifforma “Ruster Ausbruch”, denominazzjoni ta’ oriġini protetta skont it-tifsira tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Ruster Ausbruch (DOP)

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Ir-“Ruster Ausbruch” (DOP) irid jiġi bbottiljat f’Rust. Dan sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni jiġu ssodisfati u vverifikati. Peress li l-kwantità ta’ Ruster Ausbruch (DOP) prodotta kull sena tista’ tvarja ħafna minħabba d-differenzi fil-kundizzjonijiet tat-temp, ikun hemm riskju ta’ tbagħbis jekk l-ibbottiljar isir barra minn Rust.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.bml.gv.at/themen/landwirtschaft/landwirtschaft-in-oesterreich/pflanzliche-produktion/wein/Weinherkunft.html


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/673/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)