18.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/46


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/219

tal-11 ta’ Frar 2022

li tistabbilixxi regoli ta’ proċedura għar-rieżami, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003, tal-legalità ta’ atti ta’ aġenziji eżekuttivi li jagħmlu ħsara lil parti terza u li jkunu ġew riferuti lill-Kummissjoni minn kwalunkwe persuna kkonċernata direttament jew individwalment

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, il-Kummissjoni tista’ tintalab tirrevedi l-legalità ta’ kwalunkwe att ta’ aġenzija eżekuttiva li jinġuta parti terza.

(2)

Wara li tisma’ l-argumenti mressqa mill-parti terza interessata u dawk tal-aġenzija eżekuttiva kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn.

(3)

Fid-deċiżjoni finali tagħha skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, il-Kummissjoni jew tikkonferma l-att tal-aġenzija eżekuttiva jew tiddeċiedi li l-aġenzija eżekuttiva trid timmodifikah (kompletament jew parzjalment).

(4)

L-Aġenzija eżekuttiva kkonċernata għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003.

(5)

Wara l-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-implimentazzjoni tal-att inkwistjoni jew tippreskrivi miżuri interim f’każ li jkun hemm riskju li jiġu pperikolati d-drittijiet tal-parti li tkun qiegħda tistitwixxi l-istħarriġ tal-legalità.

(6)

Abbażi tal-esperjenza miksuba, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ proċedura għar-reviżjoni tal-legalità ta’ atti ta’ aġenziji eżekuttivi skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003.

(7)

Dawn ir-regoli ta’ proċedura ma għandhomx japplikaw għall-proċeduri ta’ reviżjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, u lanqas għall-proċeduri istitwiti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu kkomplementati mill-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi linji gwida għall-istabbiliment u l-operat ta’ aġenziji eżekuttivi ffinanzjati mill-baġit tal-UE u sorsi oħra.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli ta’ proċedura għar-reviżjoni mill-Kummissjoni tal-legalità tal-atti tal-aġenziji eżekuttivi skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20in jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-11 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.


ANNESS

Regoli ta’ proċedura għar-reviżjoni, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, tal-legalità ta’ atti ta’ aġenziji eżekuttivi li jagħmlu ħsara lil parti terza u li jkunu ġew riferuti lill-Kummissjoni minn kwalunkwe persuna direttament jew individwalment ikkonċernata

Artikolu 1

Suġġett

(1)   Dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom japplikaw għal proċedimenti istitwiti minn persuna direttament jew individwalment ikkonċernata (l-“ilmentatur”) skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, li jfittxu reviżjoni tal-legalità ta’ att imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura (il-“proċedura ta’ reviżjoni tal-legalità”).

(2)   Dawn ir-regoli ta’ proċedura ma jkoprux il-proċeduri ta’ reviżjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, u lanqas il-proċeduri istitwiti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

(1)   Il-proċedura ta’ reviżjoni tal-legalità għandha tkopri l-atti li ġejjin imwettqa minn aġenzija eżekuttiva, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità amministrattiva:

(a)

iċ-ċaħdiet ta’ applikazzjoni għal għotja;

(b)

ċaħdiet ta’ offerta jew talba għal parteċipazzjoni f’offerta sottomessa fi proċedura ta’ akkwist;

(c)

iċ-ċaħdiet ta’ applikazzjoni sottomessa f’kompetizzjoni ta’ premju;

(d)

rifjuti għall-validazzjoni ta’ entità legali jew status legali speċifiku fir-Reġistru tal-Parteċipanti, kif ukoll valutazzjonijiet tal-kapaċità finanzjarja jew operattiva tal-applikanti.

(2)   Il-proċedura ta’ analiżi tal-legalità għandha tkun limitata għall-verifika ta’ dawn li ġejjin:

(a)

żbalji legali u proċedurali, bħal żbalji fil-proċedura ta’ evalwazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti tal-att soġġett għal rieżami tal-legalità;

(b)

żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jinfluwenzaw ir-riżultat globali tal-att suġġett għal stħarriġ tal-legalità;

(c)

żbalji fattwali li jinfluwenzaw l-eżitu ġenerali tal-att soġġett għal rieżami tal-legalità;

(d)

użu ħażin ta’ poter.

(3)   Il-proċedura ta’ reviżjoni tal-legalità m’għandhiex tkopri kwistjonijiet li jaqgħu fil-marġni ta’ diskrezzjoni tal-aġenzija eżekuttiva, bħall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-proposti, l-applikazzjonijiet jew l-offerti.

Artikolu 3

Servizz kompetenti

Is-servizz kompetenti għall-proċedura ta’ stħarriġ tal-legalità huwa d-Direttorat Ġenerali responsabbli biex jiddelega l-baġit ta’ programm, jew parti minn programm, lill-aġenzija eżekuttiva kkonċernata.

Artikolu 4

Konferma tar-riċevuta u r-reġistrazzjoni

(1)   Il-wasla tat-talba għal rieżami tal-legalità għandha tiġi kkonfermata permezz ta’ konferma tar-riċevuta reġistrata.

(2)   Talbiet kompluti biss għandhom jiġu rreġistrati. It-talbiet għal rieżami tal-legalità għandhom jitqiesu kompluti meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

jiġu ppreżentati bil-miktub;

(b)

jiġu trażmessi permezz tal-mezz(i) amministrattiv(i) indikat(i) fl-att ikkontestat;

(c)

huma jidentifikaw l-ilmentatur, l-att ikkontestat u r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rieżami.

(3)   It-talba għandha tinkludi massimu ta’ 7 000 karattru (spazju, linja, għalf inkluż).

(4)   Jekk it-talba ma tkunx kompluta jew taqbeż in-numru massimu ta’ karattri stabbilit fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, is-servizz kompetenti għandu jitlob lill-ilmentatur biex jikkompletaha jew jaġġustaha fi żmien ġimagħtejn. Ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ wara s-sottomissjoni tat-talba kompluta.

(5)   Jekk l-ilmentatur ma jlestix jew ma jaġġustax it-talba fi żmien l-iskadenza ta’ ġimagħtejn, it-talba għandha titqies li ġiet irtirata u l-fajl għandu jingħalaq.

Artikolu 5

L-ammissibbiltà tat-talbiet

It-talbiet għal rieżami tal-legalità għandhom jitqiesu ammissibbli meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu ppreżentati minn persuna fiżika jew ġuridika direttament jew individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat;

(b)

jiġu ppreżentati fi żmien xahar mill-jum li fih l-ilmentatur isir jaf bl-att ikkontestat;

(c)

dawn jikkonċernaw atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003.

Artikolu 6

Talbiet għal kjarifika u informazzjoni addizzjonali

(1)   Jekk it-talba għal rieżami tal-legalità ma tkunx ċara jew jekk tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali, is-servizz kompetenti għandu jitlob lill-ilmentatur biex jiċċara t-talba jew biex jissottometti tali informazzjoni addizzjonali fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol.

(2)   It-talbiet għal kjarifika jew għal informazzjoni addizzjonali ma għandhomx jiġġustifikaw li jitqajmu raġunijiet jew argumenti ġodda, sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq elementi jew evidenza ġodda li l-ilmentatur sar jaf dwarhom wara s-sottomissjoni tat-talba għal rieżami tal-legalità.

Artikolu 7

Ilmenti paralleli

(1)   Meta t-talba għal rieżami tal-legalità tkun ġiet ippreżentata b’mod parallel ma’ talba għal proċedura ta’ rieżami amministrattiv intern fi ħdan l-aġenzija eżekuttiva u ż-żewġ talbiet jikkonċernaw l-istess att tal-aġenzija eżekuttiva, il-proċedura ta’ rieżami tal-legalità għandha tiġi sospiża sakemm titlesta l-proċedura ta’ rieżami amministrattiv fi ħdan l-aġenzija eżekuttiva.

(2)   Jekk il-proċedura ta’ reviżjoni amministrattiva interna fi ħdan l-aġenzija eżekuttiva tikkonferma l-att ikkontestat, il-proċedura ta’ reviżjoni tal-legalità għandha titkompla jekk min jagħmel l-ilment jikkonferma fi żmien xahar mid-data tal-konferma tal-att ikkontestat mill-aġenzija eżekuttiva li hu jew hi jżommu t-talba għal reviżjoni tal-legalità.

Meta min jagħmel l-ilment jikkonferma t-talba, il-proċedura ta’ reviżjoni tal-legalità għandha tkopri kemm l-att ikkontestat inizjalment kif ukoll l-att meħud mill-aġenzija eżekuttiva wara l-proċedura interna ta’ reviżjoni amministrattiva.

Meta l-ilmentatur ma jikkonfermax it-talba, din għandha titqies irtirata u l-fajl għandu jingħalaq mingħajr avviż ulterjuri.

(3)   Jekk il-proċedura ta’ reviżjoni amministrattiva interna fi ħdan l-aġenzija eżekuttiva ma tikkonfermax l-att ikkontestat, il-proċedura ta’ reviżjoni tal-legalità għandha titqies li ma għadx għandha skop u l-fajl għandu jingħalaq mingħajr avviż ulterjuri.

Artikolu 8

Sospensjoni u miżuri interim

(1)   Il-proċedura ta’ reviżjoni tal-legalità għandha tissospendi l-implimentazzjoni tal-att ikkontestat biss jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi hekk.

(2)   Talbiet għal miżuri interim u sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-att ikkontestat għandhom jiġu deċiżi mill-Kummissjoni b’kont meħud tan-natura tal-att ikkontestat, il-plawżibbiltà tat-talba u l-urġenza tagħha.

(3)   L-implimentazzjoni tal-att ikkontestat ma għandhiex tiġi sospiża jew ma għandhomx jiġu preskritti miżuri interim jekk id-drittijiet tal-ilmentatur huma jew jistgħu jiġu ppreservati sal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ reviżjoni tal-legalità.

(4)   Jekk l-implimentazzjoni tal-att ikkontestat tiġi sospiża jew jiġu preskritti miżuri interim, l-aġenzija eżekuttiva għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tikkonforma ma’ dawn id-deċiżjonijiet.

Artikolu 9

Osservazzjonijiet tal-aġenzija eżekuttiva

(1)   It-talba għal reviżjoni tal-legalità għandha tintbagħat lill-aġenzija eżekuttiva wara r-reġistrazzjoni tagħha. L-aġenzija eżekuttiva għandha tiġi mistiedna tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien ħamest (5) ijiem ta’ xogħol.

(2)   Meta tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali, l-aġenzija eżekuttiva għandha tiġi mistiedna tipprovdi kjarifiki dwar l-osservazzjonijiet tagħha.

Artikolu 10

Skadenza għad-Deċiżjoni

(1)   Id-Deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-legalità tal-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata lill-ilmentatur u lill-aġenzija eżekuttiva fi żmien xahrejn mill-jum wara d-data tar-reġistrazzjoni jew, fil-każ ta’ lmenti paralleli kif stabbilit fl-Artikolu 7, mit-tmiem tas-sospensjoni tat-talba għal rieżami tal-legalità.

(2)   Deċiżjoni notifikata wara l-iskadenza tat-terminu perentorju ta’ xahrejn għandha tissostitwixxi kwalunkwe rifjut impliċitu kif imsemmi fl-Artikolu 22(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 58/2003.

Artikolu 11

Valutazzjoni u proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet

(1)   Trattament ġust, trasparenti u imparzjali għandu jiġi żgurat f’kull ħin, b’rispett dovut għall-informazzjoni kunfidenzjali. L-iskambji kollha għandhom isiru bil-miktub u jkunu limitati għall-kjarifika tas-sottomissjonijiet. M’għandux ikun hemm seduti ta’ smigħ.

(2)   Id-Deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-legalità għandha tiġi adottata skont l-Artikoli 12 sa 16 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (1). Id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni b’interess leġittimu fid-deċiżjoni għandhom jiġu kkonsultati permezz ta’ konsultazzjoni formali bejn is-servizzi skont l-Artikolu 23 ta’ dawk ir-Regoli ta’ Proċedura.

(3)   Il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-argumenti taż-żewġ partijiet.

(4)   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’:

(a)

tiċħad it-talba għal stħarriġ tal-legalità bħala inammissibbli;

(b)

tiċħad it-talba għal stħarriġ tal-legalità bħala infondata minħabba li ma hemmx elementi li jindikaw li l-att ikkontestat kien illegali;

(c)

jiċħad it-talba għal rieżami tal-legalità peress li l-iżball(żbalji) li nstabu ma affettwawx l-eżitu finali tad-deċiżjoni meħuda mill-aġenzija eżekuttiva;

(d)

tikkunsidra t-talba għal rieżami tal-legalità bħala raġunata sewwa.

(5)   Fil-każijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c), l-att ikkontestat għandu jiġi kkonfermat. Fil-każ imsemmi fil-punt (d), l-att ikkontestat għandu jiġi annullat.

(6)   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni m’għandhiex tkopri kwistjonijiet li jikkonċernaw il-legalità tal-att ikkontestat mhux imqajma mill-ilmentatur u identifikati biss mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ reviżjoni tal-legalità.

(7)   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tinkludi struzzjonijiet speċifiċi lill-aġenzija eżekuttiva dwar il-miżuri meħtieġa għas-segwitu.

Artikolu 12

Notifika u segwitu

(1)   Il-Kummissjoni għandha tinforma lil min jagħmel l-ilment u lill-aġenzija eżekuttiva dwar id-deċiżjoni tar-reviżjoni tal-legalità.

(2)   Jekk il-Kummissjoni tannulla l-att ikkontestat, l-aġenzija eżekuttiva għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa minnufih biex tikkonforma mad-deċiżjoni. L-Aġenzija eżekuttiva għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni lis-servizz kompetenti.

(3)   L-implimentazzjoni għandha tiġi mmonitorjata u, jekk meħtieġ, sorveljata mis-servizz kompetenti skont id-deċiżjoni li tiddelega s-setgħat lill-aġenzija.


(1)  C(2000) 3614 (ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26).