European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2021

6.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2021

tat-3 ta’ Ottubru 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/2642 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2642 tat-8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/2642.

(2)

Fit-18 ta’ Lulju 2025, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ħarġet dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni, li fiha kkundannat il-kampanji ibridi persistenti tar-Russja kontra l-Unjoni, l-Istati Membri u s-sħab tagħha. Ir-Rappreżentant Għoli ddikjarat li matul dawn l-aħħar snin, l-Unjoni osservat xejra deliberata u sistematika ta’ mġiba malizzjuża attribwita lir-Russja, bħal attakki ċibernetiċi, atti ta’ sabotaġġ, tfixkil tal-infrastruttura kritika, attakki fiżiċi, manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza, u azzjonijiet oħra moħbija jew koerċittivi. Dawk l-attivitajiet komplew jeskalaw mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u, skont ir-Rappreżentant Għoli, x’aktarx li jippersistu fil-futur prevedibbli.

(3)

Abbażi ta’ rieżami tar-Regolament (UE) 2024/2642, il-Kunsill iqis li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet fl-entrata għal persuna fiżika waħda fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbilita fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li tiġi emendata.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/2642 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU L, 2024/2642, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2642/oj.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642, fit-tabella bl-intestatura “A. Persuni fiżiċi”, l-entrata 20 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-elenkar

“20.

Hüseyin DOGRU

Nazzjonalità: Torka, Ġermaniża

Sess: raġel

Hüseyin Doğru hu l-fundatur u rappreżentant ta’ AFA Medya A.Ș., li hija kumpanija tal-media bbażata f’Istanbul. AFA Medya A.Ș. topera ‘RED’, li tikkonsisti f’diversi pjattaformi tal-media, u li għandha rabtiet finanzjarji u organizzattivi mill-qrib ma’ entitajiet u atturi ta’ propaganda tal-istat Russi, u rabtiet strutturali fil-fond, inkluż interkonnessjonijiet bejn membri tal-persunal individwali u rotazzjoni tagħhom ma’ organizzazzjonijiet tal-media tal-istat Russi.

RED użat il-pjattaformi tagħha tal-media – spiss taħt l-isem ‘redstreamnet’ jew ‘thered.stream’ – biex ixerred sistematikament informazzjoni falza dwar suġġetti politikament kontroversjali bl-għan li toħloq inkwiet etniku, politiku u reliġjuż fost l-udjenza tagħha predominantement Ġermaniża, inkluż billi xxandar in-narrattivi ta’ gruppi terroristiċi Iżlamiċi radikali bħall-Ħamas.

Waqt okkupazzjoni vjolenti ta’ università Ġermaniża bi protesta kontra Iżrael, membri tal-persunal ta’ RED ikkoordinaw mal-parteċipanti f’dan l-irvell biex ixandru xbihat tal-vandaliżmu tagħhom – li kienu jinkludu simboli tal-Ħamas –bl-użu tal-kanali online tagħhom, u b’hekk ipprovdewlhom pjattaforma esklużiva tal-media, li ffaċilitat in-natura vjolenti tal-protesta.

Hüseyin Doğru qed ikompli jxerred informazzjoni falza permezz ta’ AFA Medya A.Ș. kif ukoll permezz tal-kontijiet tal-media soċjali tiegħu stess.

Għaldaqstant, permezz ta’ AFA Medya A.Ș u l-kontijiet tal-media soċjali tiegħu stess, Hüseyin Doğru jappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni u fi Stat Membru inkluż billi indirettament jappoġġa u jiffaċilita dimostrazzjonijiet vjolenti u jieħu sehem f’manipulazzjoni ta’ informazzjoni kkoordinata.

20.5.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2021/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)