European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2310

21.10.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2310

tad-19 ta’ Ottubru 2026

li jħassar id-dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ

(1)

F’Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazji kumpensatorji definittivi antisussidji fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 (2) (“l-investigazzjoni oriġinali”).

(2)

F’Mejju 2014, fi proċedimenti separati, il-Kummissjoni imponiet ukoll dazji anti-dumping li jvarjaw minn 0,4 % sa 36,1 % (3). F’Awwissu 2015, wara investigazzjoni mill-ġdid kontra l-assorbiment, il-Kummissjoni emendat il-miżuri anti-dumping permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 (4). Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080 (5), il-Kummissjoni estendiet, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), id-dazju anti-dumping definittiv għal 5 snin oħra

(3)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1081 (7) (ir-“rieżami ta’ skadenza preċedenti”), il-Kummissjoni estendiet, wara riezami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, id-dazju kumpensatorju definittiv għal 5 snin oħra (“il-miżuri fis-seħħ”).

(4)

Id-dazji kumpensatorji individwali attwalment fis-seħħ bħalissa jvarjaw minn 3,2 % sa 17,1 %. Il-kumpaniji l-oħra kollha huma soġġetti għal dazju ta’ 17,1 % li japplika għall-pajjiż kollu (“il-miżuri fis-seħħ”).

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(5)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika tal-iskadenza imminenti (8), il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku.

(6)

It-talba għal rieżami ġiet ippreżentata fid-19 ta’ April 2025 minn Interfloat Group, jiġifieri, Interfloat Corporation u GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (“l-applikanti”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-ħġieġ solari fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku. It-talba għal rieżami kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta f’kontinwazzjoni ta’ sussidjar u f’rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(7)

Wara li ddeterminat, wara li kkonsultat lill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, fit-22 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni bdiet rieżami ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9) (“in-Notifika tal-Bidu”).

1.4.   Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu kkunsidrat

(8)

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.5.   Partijiet interessati

(9)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-applikanti, lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-utenti tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni, lill-produtturi magħrufa fir-RPĊ u lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-importaturi, l-utenti, in-negozjanti magħrufa, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati dwar il-bidu tal-iskadenza, u stednithom jipparteċipaw.

(10)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali.

(11)

Parti waħda talbet seduta ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni. Fil-11 ta’ Mejju 2026, saret seduta ta’ smigħ bejn il-Kummissjoni u Solar Heat Europe, assoċjazzjoni li tirrappreżenta diversi utenti attivi fit-teknoloġija tas-sħana solari. Is-seduta ta’ smigħ ikkonċernat l-investigazzjonijiet ta’ rieżami, li għalihom irreġistraw bħala parti interessata u qajmu argumenti li huma spjegati f’aktar dettall fit-taqsima 6.2.

1.6.   Kampjunar

(12)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(13)

Fin-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, minkejja li l-ikkampjunar tal-produtturi tal-Unjoni ma kienx neċessarju f’dan il-każ, minħabba l-għadd żgħir ta’ produtturi fl-Unjoni Ewropea li ppreżentaw ruħhom. Il-kampjun kien jikkonsisti miż-żewġ produtturi tal-Unjoni elenkati fit-talba għal rieżami. F’dak il-mument, iż-żewġ produtturi kienu jirrappreżentaw madwar 70 % tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-Unjoni li huma rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Ma sar l-ebda kumment. Il-kampjun jikkonsisti miż-żewġ kumpaniji li ġejjin:

—

AGC Glass Europe (“AGC”);

—

GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (“GMB’) u Interfloat Corporation (“Interfloat Group”).

Kampjunar tal-importaturi

(14)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx neċessarju u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu.

(15)

Żewġ importaturi inizjalment ippreżentaw ruħhom, UAB Soli Tek Cells (“Soli Tek”), u Sunerg Solar Energy (“Sunerg”), u ntbagħtilhom il-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati. Wara li waslet it-tweġiba għall-kwestjonarju mingħand Soli Tek, ġie konkluż li din il-kumpanija hija utent u mhux importatur. Konsegwentement, il-Kummissjoni talbithom jimlew il-kwestjonarju tal-utenti. Sunerg ma weġibx għall-kwestjonarju.

Kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(16)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda tweġiba mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (GTĊ).

(17)

Ebda produttur esportatur mir-RPĊ ma kkoopera.

(18)

Konsegwentement, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet tar-RPĊ permezz tan-Note Verbale tal-5 ta’ Novembru 2025, li kellha l-ħsieb li tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku meta teżamina l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tas-sussidjar. L-awtoritajiet tar-RPĊ ma rrispondewx għan-Note Verbale.

1.7.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(19)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Gvern taċ-Ċina (GTĊ). Il-GTĊ ma pprovda l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju.

(20)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikanti, lill-produttur l-ieħor tal-Unjoni u lill-utenti biex jimlew il-kwestjonarji, li kienu disponibbli fuq is-sit web tagħha (10) fil-jum tal-bidu. Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand il-produtturi (GMB/Interfloat, u AGC) u mingħand l-utenti (Soli Tek, SOLVIS u Bisol). Intbagħtu ittri dwar in-nuqqasijiet lil GMB u lil Interfloat, lil AGC, u lil SOLVIS.

(21)

L-applikanti naqsu milli jippreżentaw il-makrokwestjonarju minkejja diversi talbiet mis-servizzi tal-Kummissjoni. Bisol ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju li kellha ħafna insuffiċjenzi, u ma weġibx għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni.

1.8.   Verifika

(22)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu u tal-interess tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku, twettqu żjarat ta’ verifika fil-kumpaniji li ġejjin:

 

Kumpanija tal-bejgħ relatata mal-Unjoni:

—

Interfloat Coporation, Rugell, il-Liechtenstein;

 

Utenti:

—

Soli Tek Cells, permezz ta’ vidjokonferenza;

—

SOLVIS, permezz ta’ vidjokonferenza.

(23)

Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ppermettietx li jsiru ż-żjarat ta’ verifika. Iż-żewġ produtturi waqqfu l-produzzjoni fil-bidu tal-2025. L-applikant, GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH, ressaq rikors għal insolvenza f’Novembru 2025, u kkanċella fi żmien qasir iż-żjarat ta’ verifika skedati f’żewġ okkażjonijiet. Il-produttur l-ieħor, AGC, ma setax jirċievi t-tim tal-każ tal-Kummissjoni minħabba l-waqfien tal-produzzjoni. Abbażi ta’ dan u fin-nuqqas ta’ assoċjazzjoni ddedikata, (11) sehem sostanzjali ta’ informazzjoni ma ġiex ippreżentat u ma setax jiġi vverifikat mill-Kummissjoni.

(24)

Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu kontroverifika mill-bogħod tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti msemmija hawn fuq.

1.9.   Proċedura sussegwenti

(25)

Fit-28 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni żvelat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha żżomm id-dazji kompensatorji fis-seħħ. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

(26)

Wara d-divulgazzjoni, ma ġie rċevut l-ebda kumment u l-ebda parti ma talbet seduta ta’ smigħ.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(27)

Il-prodott taħt ir-rieżami huwa ħġieġ solari li jikkonsisti minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b’kontenut ta’ ħadid ta’anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li għandu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (il-kodiċijiet TARIC 7007 19 80 12, 7007 19 80 18, 7007 19 80 80 u 7007 19 80 85) (“il-prodott taħt rieżami”). Il-ħġieġ solari soġġett għal dazji kumpensatorji jinkludi l-ħġieġ kollu li jissodisfa l-karatteristiċi tekniċi u fiżiċi msemmijin hawn fuq, kemm jekk jintuża għall-moduli fotovoltajċi, għall-kolletturi tal-enerġija fototermika ċatti, għall-għamara, biex jinbnew is-serer, jew għal użi oħra.

(28)

Il-ħġieġ solari jista’ jkollu disinn jew le, b’superfiċe trasparenti jew diffuża, b’tipi ta’ xfarijiet differenti. Jista’ jkun hemm disinn differenti fuq iż-żewġ naħat tal-ħġieġa, jew id-disinn jista’ jkun fuq naħa waħda biss. Il-ħġieġ jista’ jkun imtaqqab, u jista’ jiġi wkoll stampat permezz tal-applikazzjoni ta’ kuluri taċ-ċeramika, pereżempju. Is-superfiċe tal-ħġieġ tista’ tiġi ttratata bl-użu ta’ teknoloġiji differenti. L-aktar waħda komuni hija kisja antiriflessiva li tiġi applikata qabel jew wara l-proċess tal-ittemprar. Teknoloġiji oħra jippermettu l-ħġieġ solari jinkesa b’saffi funzjonali rqaq li jipprovdu proprjetajiet ta’ trażmittenza akbar, awtopulitura, kontra l-ħmieġ jew ta’ ebusija.

(29)

Il-ħġieġ solari huwa wieħed mill-komponenti li jintużaw biex isiru l-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u moduli fotovoltajċi b’rita rqiqa għall-produzzjoni tal-elettriku (il-“moduli PV”), kif ukoll kolletturi tal-enerġija fototermali ċatti użati, pereżempju, biex jiġi ġġenerat il-misħun (il-“moduli fototermali”). Jintuża wkoll għall-bini tas-serer (l-hekk imsejjaħ “ħġieġ ortikulturali” jew “ħġieġ tas-serer”).

2.2.   Prodott ikkonċernat

(30)

Il-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni huwa l-prodott taħt rieżami li joriġina fir-RPĊ li kurrentement jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (il-kodiċijiet TARIC 7007 19 80 12, 7007 19 80 18, 7007 19 80 80 u 7007 19 80 85).

2.3.   Prodott simili

(31)

Kif ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u fl-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti, il-ħġieġ solari prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni u l-ħġieġ solari prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ u l-ħġieġ solari importat fl-Unjoni mir-RPĊ għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi finali. Għalhekk, dawn jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

3.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ SUSSIDJAR

(32)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm kontinwazzjoni tas-sussidjar billi analizzat jekk is-sussidji kkumpensati fl-investigazzjoni oriġinali komplewx jibbenefikaw lill-industrija tal-ħġieġ solari.

3.1.   Introduzzjoni: l-istatus tal-industrija tal-ħġieġ solari Ċiniża

(33)

It-13-il Pjan ta’ 5 Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali tar-RPĊ (12) (“it-13-il FYP”), li jkopri l-perjodu 2016-2020, jenfasizza l-viżjoni strateġika tal-GTĊ għat-titjib u għall-promozzjoni tal-industriji importanti, bħall-industrija tal-enerġija solari. It-13-il FYP huwa s-suċċessur tat-12-il FYP, li fih l-industrija tal-ħġieġ solari kienet ġiet irrakkomandata bħala qasam ewlieni għall-iżvilupp tal-manifattura.

(34)

Il-Kapitolu 30 tat-13-il FYP jesprimi l-impenn tal-GTĊ li “[jibni] Sistema Moderna tal-Enerġija”. It-Taqsima 1 ta’ dak il-Kapitolu, b’mod partikolari, tipprovdi evidenza b’saħħitha li l-GTĊ għadu jqis l-industrija tal-ħġieġ solari bħala industrija mħeġġa. Tabilħaqq, it-Taqsima 1 tgħid li “[l-GTĊ] se jkompli jagħti spinta għall-iżvilupp ta’ (…) l-enerġija fotovoltajka”, u li “[l-GTĊ] se jkompli jtejjeb il-politiki ta’ appoġġ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-enerġija (…) solari”. Barra minn hekk, “l-iżvilupp ta’ (…) enerġija fotovoltajka fir-reġjuni tat-Tramuntana, tal-Grigal u tal-Majjistral u fiż-żoni kostali” se jiġi ottimizzat fil-kuntest tal-Proġetti tal-Iżvilupp tal-Enerġija. Dawn is-siltiet juru li l-GTĊ qed ikompli jappoġġa lill-industrija tal-enerġija solari li għaliha l-ħġieġ solari huwa essenzjali u għalhekk jifforma parti integrali mill-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija solari.

(35)

Aktar reċentement, l-14-il Pjan ta’ 5 snin (13) (“l-14-il FYP”) jiddikjara li “[l-GTĊ] se jippromwovi r-rivoluzzjoni tal-enerġija, jibni sistema tal-enerġija nadifa, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, sikura u effiċjenti, u jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ assigurazzjoni tal-provvista tal-enerġija. Se naċċelleraw l-iżvilupp tal-enerġija mhux fossili, se nżommu mal-metodi kemm ċentralizzati kif ukoll dawk distribwiti, fl-istess ħin se nżidu b’mod vigoruż l-iskala tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ u tal-enerġija fotovoltajka, se naċċelleraw l-iżvilupp tal-enerġija distribwita fir-reġjuni tal-Lvant u dawk ċentrali [u] se nżidu l-proporzjon tal-enerġija mhux fossili fil-konsum totali tal-enerġija għal madwar 20 %”.

(36)

Bl-objettiv li tiżdied il-kompetittività ewlenija tal-qasam tal-manifattura ta’ “materjali ġodda ta’ livell għoli”, l-istess FYP jiddikjara li l-gvern Ċiniż “se jippromwovi skoperti f’metalli avvanzati u f’materjali mhux metalliċi inorganiċi bħal materjali funzjonali tal-art rari ta’ livell għoli, […] u l-ħġieġ elettroniku”.

(37)

Id-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat (14) dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tad-“Dispożizzjonijiet Interim li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” (li, flimkien mad-“Dispożizzjonijiet Interim li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” tissejjaħ bħala “d-Deċiżjoni Nru 40”) tiddikjara li l-gvern Ċiniż se jappoġġa b’mod attiv l-iżvilupp ta’ industriji ġodda tal-enerġija u jħaffef l-iżvilupp tal-enerġija solari” u tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi kollha biex jipprovdu appoġġ ta’ kreditu biss lil proġetti mħeġġa; u twiegħed l-implementazzjoni ta’ “politiki preferenzjali oħra dwar il-proġetti mħeġġa”.

(38)

Barra minn hekk, “id-Deċiżjoni Nru 9 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Katalogu ta’ Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” (15) (“id-Deċiżjoni Nru 9”) “tinkoraġġixxi b’mod attiv” lill-GTĊ u lill-aġenziji pubbliċi biex “jiggwidaw l-iżvilupp tal-industriji rilevanti, jottimizzaw it-titjib tal-istruttura industrijali”. Il-Punt 12(2) tad-Deċiżjoni Nru 9 isemmi b’mod speċifiku l-inkoraġġiment tal-produzzjoni ta’ “ħġieġ irqiq ħafna” għall-industrija tal-enerġija solari.

(39)

Din id-deċiżjoni ġiet sostitwita fl-2024 mill-“Katalogu għall-Iggwidar tar-Ristrutturar tal-Industrija”, (16) imħabbar mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma (“NDRC”) taċ-Ċina, bl-istess referenza miżmuma.

(40)

Bħala konklużjoni, il-GTĊ għadu jqis lill-industrija tal-ħġieġ solari bħala waħda li għandha tiġi mħeġġa.

3.2.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni u użu tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku

(41)

Kif imsemmi fil-premessa (17), l-ebda produttur esportatur mir-RPĊ ma kkoopera. Għaldaqstant, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku.

(42)

Fil-5 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Il-GTĊ ma pprovda l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju.

(43)

Konsegwentement, il-Kummissjoni, permezz tan-Note Verbale tal-20 ta’ Frar 2026, informat lill-GTĊ li kien beħsiebha tuża l-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku rigward l-informazzjoni mitluba mingħand il-GTĊ. Il-GTĊ kien informat li sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli setgħet tkun anqas favorevoli.

(44)

Ma wasal l-ebda kumment f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, qieset li l-użu tal-fatti disponibbli kien meħtieġ sabiex tagħmel kwalunkwe determinazzjoni rigward il-kontinwazzjoni tal-prattiki ta’ sussidju taċ-Ċina fl-industrija tal-ħġieġ solari. Għaldaqstant, il-Kummissjoni użat għall-analiżi tagħha l-fatti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, b’mod partikolari:

—

It-talba għal rieżami ta’ skadenza (“it-talba għal rieżami”);

—

Is-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali u tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti; u

—

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tar-RPĊ għall-fini ta’ investigazzjoni dwar id-difiża tal-kummerċ. (17) (“ir-Rapport dwar iċ-Ċina”).

—

Sussidji u programmi tas-sussidji eżaminati fl-investigazzjoni kurrenti, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-premessi (32) sa (39) ta’ dan ir-Regolament.

(45)

Abbażi tal-evidenza fil-fajl imsemmi fil-premessa (44) ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari fil-premessi (43) sa (129) tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti u l-paragrafi 70 sa 189 tat-talbiet għal rieżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li s-sussidjar tal-industrija tal-ħġieġ solari fir-RPĊ kompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u x’aktarx li se jkompli fil-futur.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW TA’ RIKORRENZA TA’ DANNU

4.1.   Sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

(46)

L-investigazzjoni stabbiliet li, mill-bidu tal-2025, ma kien hemm l-ebda produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni. Fl-istadju tat-talba, GMB Glasmanufaktur Brandenburg u AGC Glass Europe biss kienu għadhom qed joperaw. Madankollu, iż-żewġ produtturi waqqfu l-produzzjoni fl-ewwel trimestru tal-2025, u l-iżviluppi ta’ wara l-PIR ikkonfermaw li l-produzzjoni baqgħet sospiża.

(47)

Il-produtturi tal-Unjoni indikaw li l-kontinwazzjoni tal-miżuri tippermetti li l-produzzjoni terġa’ tibda ladarba jittejbu l-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, matul l-investigazzjoni, il-produtturi tal-Unjoni ma setgħux jissostanzjaw dak il-prospett. Huma ma pprovdew l-ebda element li juri li l-kundizzjonijiet tas-suq se jittejbu, u l-ebda ftehim vinkolanti, finanzjament garantit jew pjan operazzjonali li juri li jista’ jseħħ bidu mill-ġdid u meta dan jista’ jseħħ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ngħatat l-ebda dokument li jiġġustifika bidu mill-ġdid potenzjali tal-produzzjoni jew akkwiżizzjoni tal-attività rilevanti, minkejja li offriet b’mod espliċitu lill-produtturi tal-Unjoni l-opportunità li jippreżentaw tali evidenza.

(48)

Meta jitqies in-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni verifikabbli, il-Kummissjoni għalhekk ma setgħetx tistabbilixxi l-probabbiltà li tissokta l-produzzjoni tal-Unjoni f’perjodu raġonevolment prevedibbli wara l-kontinwazzjoni tal-miżuri.

(49)

Sa fejn taf il-Kummissjoni, GMB u AGC kienu l-uniċi żewġ produtturi tal-Unjoni li jifdal tal-ħġieġ solari fil-bidu tal-PIR. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonsultat lill-utenti u lill-assoċjazzjonijiet sabiex tivverifika jekk xi produtturi oħra tal-prodott taħt rieżami kinux attivi fl-Unjoni. Ġew ikkuntattjati xi produtturi possibbli oħra; madankollu, ma pprovdew l-ebda indikazzjoni ta’ xi produzzjoni jew attività fir-rigward tal-prodott taħt rieżami. L-ebda produttur ieħor ma ppreżenta ruħu matul l-investigazzjoni.

(50)

Iż-żewġ utenti vverifikati, UAB Soli Tek Cells u SOLVIS d.o.o., iddikjaraw li fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-investigazzjoni jenħtieġ li tintemm minnufih minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma baqgħetx tipproduċi l-prodott taħt rieżami.

(51)

Fil-fatt, GMB daħal fi proċedimenti ta’ insolvenza f’Lulju 2025 u, sussegwentement, allegatament daħal f’negozjati ma’ investitur ġdid biex jieħu f’idejh l-attivitajiet tiegħu.

(52)

Fir-rigward tat-talba mill-utenti biex itemmu l-investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li f’dak il-mument, minħabba l-proċedimenti ta’ insolvenza li kienu jinsabu għaddejjin, kien ikun prematur biex wieħed jikkonkludi li l-industrija ma kinitx għadha teżisti fuq bażi permanenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ma waqfitx il-proċediment abbażi tan-nuqqas ta’ industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli l-investigazzjoni u tivvaluta l-evidenza kollha disponibbli.

(53)

Madankollu, sa meta ġiet konkluża l-investigazzjoni, il-produzzjoni fl-Unjoni ma kinitx issoktat, u l-applikanti ma pprovdew l-ebda evidenza verifikabbli ta’ akkwiżizzjoni potenzjali.

(54)

Fil-fatt, sa tmiem il-PIR, l-industrija tal-ħġieġ solari tal-Unjoni ma kinitx bdiet mill-ġdid l-attivitajiet tagħha u lanqas ma fetħet mill-ġdid il-fabbriki tagħha għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami.

(55)

F’dawk iċ-ċirkostanzi, ma hemm l-ebda industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku li s-sitwazzjoni tagħha tista’ tiġi eżaminata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu, u lanqas xi produzzjoni li fir-rigward tagħha l-miżuri eżistenti jistgħu jkomplu joffru protezzjoni.

(56)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-industrija tal-Unjoni waqqfet l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħha li jikkonċernaw il-prodott taħt rieżami, u li ma jeżisti l-ebda prospett verifikabbli li dawk l-attivitajiet se jissoktaw f’perjodu raġonevolment prevedibbli. F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-Unjoni fi tmiem il-PIR, fin-nuqqas ta’ industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku, fl-impossibbiltà li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u fin-nuqqas li jiġi previst kwalunkwe prospett verifikabbli li tissokta l-produzzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu.

5.   KAWŻALITÀ

(57)

L-investigazzjoni stabbiliet in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu, u b’hekk ma kinitx meħtieġa analiżi dwar il-kawżalità minħabba l-konklużjonijiet stabbiliti fit-taqsima ta’ hawn fuq.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

(58)

Għalkemm is-sejba stabbilita fil-premessa (56) fiha nnifisha hija biżżejjed biex tikkonkludi li l-miżuri jenħtieġ li ma jinżammux, il-Kummissjoni eżaminat ukoll, għal raġunijiet ta’ kompletezza u f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, jekk iż-żamma tal-miżuri kumpensatorji eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjoni ta’ kull wieħed mid-diversi interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni u tal-utenti.

6.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(59)

Kif huwa spjegat fit-Taqsima 4, l-investigazzjoni stabbiliet li, l-industrija tal-Unjoni waqqfet il-produzzjoni tal-ħġieġ solari matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u b’hekk, de facto, attwalment ma hemm l-ebda industrija attiva tal-Unjoni.

(60)

L-industrija tal-Unjoni argumentat li l-estensjoni tal-miżura se tirrestawra l-industrija dment li l-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu. Kif imsemmi fil-premessa (47), il-Kummissjoni tirrifjuta din id-dikjarazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn.

(61)

Kif huwa spjegat fit-Taqsima 1.8, l-ebda informazzjoni ppreżentata mill-produtturi tal-Unjoni ma setgħet tiġi vverifikata. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-applikant, u b’mod partikolari tal-inkapaċità ripetuta tiegħu li jippreżenta l-informazzjoni mitluba u li jippermetti li l-informazzjoni ppreżentata tiġi vverifikata, il-Kummissjoni qieset li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx turi interess li baqa’ għaddej u reali fil-kontinwazzjoni tal-miżuri.

(62)

Konsegwentement, fis-sitwazzjoni kurrenti, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe produzzjoni attiva tal-prodott taħt rieżami mill-industrija tal-Unjoni u, mingħajr l-ebda prospett verifikabbli li tissokta l-produzzjoni, il-Kummissjoni ma setgħet tidentifika l-ebda interess għall-industrija tal-Unjoni biex testendi l-miżuri biex tipproteġi lill-industrija kontra prattiki kummerċjali inġusti potenzjali li jikkonċernaw prodott li ma għadhiex tipproduċi.

6.2.   Interess tal-utenti

(63)

L-utenti tal-ħġieġ solari jikkonsistu mill-manifatturi tal-moduli fotovoltajċi, l-industrija termali solari, u sa ċertu punt, il-manifatturi tas-serer.

(64)

L-utenti kollha esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-kontinwazzjoni tal-miżuri. L-utenti argumentaw li fin-nuqqas ta’ produzzjoni tal-ħġieġ solari fl-Unjoni, il-miżuri jaġixxu de facto bħala taxxa.

(65)

Il-Kummissjoni wettqet kontroverifika remota ta’ żewġ utenti, iż-żewġ manifatturi tal-pannelli solari. Matul il-verifika, il-Kummissjoni vvalutat l-impatt taż-żewġ eżiti possibbli tal-investigazzjoni.

(66)

Il-kontinwazzjoni tal-miżuri ma tbiddilx is-sitwazzjoni tal-utenti. Il-ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina xorta jkun soġġett għal dazji kumpensatorji. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-Unjoni, l-utenti tal-Unjoni, madankollu, ma għandhom l-ebda għażla għajr li jimportaw il-ħġieġ solari tagħhom. Għalhekk, iż-żamma tal-miżuri żżid il-kostijiet fuq l-utenti downstream li jiksbu l-ħġieġ solari tagħhom miċ-Ċina mingħajr ma jiġi pprovdut l-ebda benefiċċju protettiv lil industrija upstream li effettivament waqfet topera.

(67)

Min-naħa l-oħra, it-terminazzjoni tal-miżuri tirriżulta f’impatt pożittiv dirett fuq il-kost tal-produzzjoni tal-utenti. L-investigazzjoni stabbiliet li l-ħġieġ solari jikkostitwixxi sehem sinifikanti tal-istruttura tal-kostijiet tal-produtturi tal-pannelli solari. Il-ħġieġ solari jammonta għal madwar 12 % sa 18 % tal-kost tal-produzzjoni tal-moduli standard. Meta wieħed iqis iż-żmien tal-produzzjoni u l-konsenja miċ-Ċina, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-utenti tkun teħtieġ mill-anqas 4 xhur qabel ma tibbenefika mit-terminazzjoni tal-miżuri, fil-forma ta’ tnaqqis tal-kost tal-produzzjoni tagħhom, li fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fi profitti ogħla jew fi gwadann tal-kompetittività fl-Unjoni.

(68)

F’suq downstream ikkaratterizzat minn pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet u marġnijiet dojoq, anke tnaqqis żgħir fil-kost tal-produzzjoni tal-utenti huwa mistenni li jtejjeb il-kapaċità tagħhom li jikkompetu mal-moduli importati.

(69)

Abbażi ta’ dan, il-kontinwazzjoni tal-miżuri mhijiex fl-interess tal-Unjoni, filwaqt li t-terminazzjoni tagħhom ittejjeb il-kompetittività tal-industrija downstream tal-moduli solari mingħajr ma tagħmel ħsara lill-ebda produttur tal-Unjoni peress li l-ebda wieħed ma huwa attiv f’dan is-suq.

6.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(70)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, wara li qieset l-interessi involuti, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti relatata mal-interess tal-Unjoni biex testendi l-miżuri.

(71)

Għall-kuntrarju, l-analiżi tal-interess tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-interess tal-utenti, issostni li l-miżuri jitħallew jiskadu. Fin-nuqqas ta’ industrija attiva tal-Unjoni, il-miżuri ma għadhomx iservu l-iskop li għalih ġew imposti.

7.   KONKLUŻJONI

(72)

Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, id-dazji kumpensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, imposti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 471/2014 u estiżi permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1081, jenħtieġ li jitħassru. Kif imsemmi fil-premessa (70), il-Kummissjoni tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ interess tal-Unjoni li jiġġustifika l-kontinwazzjoni tal-miżuri.

(73)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazji kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir u s-soda, b’kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (il-kodiċijiet TARIC 7007 19 80 12, 7007 19 80 18, 7007 19 80 80 u 7007 19 80 85) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma b’dan imħassra, u l-proċediment li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet huwa tterminat.

2.   Kwalunkwe dazju miġbur mid-data tal-bidu ta’ din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza fuq merkanzija li ġiet rilaxxata mid-dwana għandu jitħallas lura dment li dan ikun rikjest mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u mogħti minn dawk l-awtoritajiet skont il-leġislazzjoni doganali tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-ħlas lura u remissjoni tad-dazju. Tali ħlas lura ma għandux jagħti lok għall-ħlas ta’ mgħax mill-awtoritajiet doganali nazzjonali kkonċernati.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1037/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/471/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/470/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 tat-13 ta’ Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/588 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 215, 14.8.2015, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1394/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1080 tat-22 ta’ Lulju 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 238, 23.7.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1080/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1081 tat-22 ta’ Lulju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 238, 23.7.2020, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1081/oj).

(8)  L-Avviż tal-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antisussidji (ĠU C, C/2024/6328, 24.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6328/oj).

(9)  In-Notifika tal-bidu ta’ rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antisussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2025/4010, 22.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4010/oj).

(10)  Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea, https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2807.

(11)  EU Pro Sun Glass, l-assoċjazzjoni kummerċjali tal-ħġieġ solari tal-Unjoni, ma baqgħetx teżisti mill-investigazzjoni preċedenti.

(12)  It-traduzzjoni Ingliża hija disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://leap.unep.org/en/countries/cn/national-legislation/13th-five-year-plan-national-economic-and-social-development.

(13)  It-traduzzjoni Ingliża hija disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://cset.georgetown.edu/publication/china-14th-five-year-plan/.

(14)  It-traduzzjoni Ingliża hija disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://www.lawinfochina.com/display.aspx?lib=law&id=4828&CGid=.

(15)  Disponibbli fuq is-sit web: https://www.ndrc.gov.cn/xxgk/zcfb/fzggwl/201104/t20110426_960731.html.

(16)   https://www.ndrc.gov.cn/xxgk/zcfb/fzggwl/202312/P020231229700886191069.pdf.

(17)  Commission Staff Working Document on Significant Distortions in the Economy of the People’s Republic of China for the purposes of Trade Defence Investigations, l-10 ta’ April 2024, SWD(2024) 91 final, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2024)91&lang=mt.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2310/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)