23.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/184


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/665

tat-22 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-fornituri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħra tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-U-space ddeżinjati fl-ispazju tal-ajru kkontrollat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 216/2008 u (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-forniment tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ATM/ANS”) u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“funzjonijiet tan-network tal-ATM”) għat-traffiku tal-ajru ġenerali u għas-sorveljanza tagħhom.

(2)

Bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/664 (3), spazju tal-ajru tal-U-space jista’ jiġi ddeżinjat fl-ispazju tal-ajru kkontrollat meta l-inġenji tal-ajru bi bdot abbord joperaw flimkien ma’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord. Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza ta’ dawk l-operazzjonijiet, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi r-rekwiżiti meħtieġa dwar il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fir-rigward tal-koordinazzjoni mal-fornituri tas-servizzi tal-U-space u, meta jkun applikabbli, mal-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi.

(3)

Fl-ispazju tal-ajru tal-U-space ddeżinjat fl-ispazju tal-ajru kkontrollat, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jenħtieġ li jibqgħu responsabbli għall-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru bi bdot abbord. Il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jenħtieġ li jwettqu wkoll l-hekk imsejħa rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru tal-U-space biex jiżguraw li l-inġenji tal-ajru bi bdot abbord u dawk mingħajr bdot abbord jibqgħu ssegregati b’mod sikur.

(4)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri u faċilitajiet ta’ komunikazzjoni speċifiċi bejn l-unitajiet tas-servizz tat-traffiku tal-ajru xierqa, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space, l-operaturi tal-UAS u, meta jkun applikabbli, il-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi biex tiġi żgurata applikazzjoni kkoordinata tar-rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru tal-U-space mill-partijiet ikkonċernati operattivi kollha.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati affettwati jenħtieġ li jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw il-proċeduri tagħhom għall-qafas regolatorju l-ġdid qabel ma jibda japplika dan ir-Regolament.

(6)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea pproponiet miżuri fl-Opinjoni Nru 01/2020 (4) tagħha f’konformità mal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 75(2) u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Anness I jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(260)

‘spazju tal-ajru tal-U-space’ tfisser żona ġeografika tal-UAS iddeżinjata mill-Istati Membri, fejn l-operazzjonijiet tal-UAS jitħallew isiru biss bl-appoġġ ta’ servizzi tal-U-space;

(261)

‘servizz tal-U-space’ tfisser servizz li jiddependi fuq is-servizzi diġitali u l-awtomatizzazzjoni tal-funzjonijiet iddisinjati biex jappoġġaw l-aċċess sikur, sigur u effiċjenti għall-ispazju tal-ajru tal-U-space għal għadd kbir ta’ UAS;

(262)

‘servizz ta’ informazzjoni komuni’ tfisser servizz li jikkonsisti mid-disseminazzjoni tad-data statika u dinamika biex jiġi permess il-forniment tas-servizzi tal-U-space għall-ġestjoni tat-traffiku tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord;

(263)

‘rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru’ tfisser il-modifika temporanja tal-ispazju tal-ajru tal-U-space sabiex takkomoda l-bidliet f’terminu qasir fid-domanda għat-traffiku bi bdot abbord, billi jiġu aġġustati l-limiti ġeografiċi ta’ dak l-ispazju tal-ajru tal-U-space.”

(2)

Fit-Taqsima 1 tas-Subparti A tal-Anness IV jiżdied il-punt ATS.OR.127 li ġej:

“ ATS.OR.127 Koordinazzjoni mill-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru tal-U-space

Il-fornituri tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru għandhom:

(a)

jipprovdu fuq bażi mhux diskriminatorja l-informazzjoni rilevanti dwar it-traffiku fir-rigward ta’ inġenji tal-ajru bi bdot abbord li hija meħtieġa bħala parti mis-servizzi ta’ informazzjoni komuni msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/664 (*1) għal spazju tal-ajru tal-U-space stabbilit fl-ispazju tal-ajru kkontrollat fejn il-fornitur tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru jkun iddeżinjat biex jipprovdi s-servizzi tiegħu;

(b)

jistabbilixxi l-proċeduri ta’ koordinazzjoni u l-faċilitajiet ta’ komunikazzjoni bejn l-unitajiet xierqa tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru, il-fornituri tas-servizzi tal-U-space u, meta jkun applikabbli, il-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi li jippermettu l-forniment ta’ din id-data.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/664 tat-22 ta’ April 2021 dwar qafas regolatorju għall-U-space (ĠU L 139, 23.4.2021, p. 161).”."

(3)

Fit-Taqsima 2 tas-Subparti B tal-Anness IV jiddaħħal il-punt ATS.TR.237 li ġej:

“ ATS.TR.237 Rikonfigurazzjoni dinamika tal-ispazju tal-ajru tal-U-space

L-unitajiet ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru għandhom:

(a)

jillimitaw temporanjament iż-żona fl-ispazju tal-ajru tal-U-space ddeżinjat fejn jistgħu jsiru operazzjonijiet tal-UAS sabiex jiġu akkomodati bidliet f’terminu qasir fid-domanda għat-traffiku bi bdot abbord, billi jiġu aġġustati l-limiti laterali u vertikali tal-ispazju tal-ajru tal-U-space;

(b)

jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-U-space rilevanti u, meta jkun applikabbli, il-fornituri tas-servizzi ta’ informazzjoni komuni uniċi jiġu nnotifikati fil-ħin u b’mod effettiv dwar l-attivazzjoni, id-diżattivazzjoni u l-limitazzjonijiet temporanji tal-ispazju tal-ajru tal-U-space ddeżinjat.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-26 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011, ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1.

(3)  Commission Implementing Regulation (EU) 2021/664 of 22 April 2021 on a regulatory framework for the U-space (see page 161 of this Official Journal).

(4)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions