|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/731 |
30.3.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/731
tas-27 ta’ Marzu 2026
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tiegħu u ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar il-kampjunar
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/808 (2) jistabbilixxi regoli dwar il-prestazzjoni ta’ metodi analitiċi għal residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi użati f’annimali li jipproduċu l-ikel, fil-qafas tal-pjanijiet nazzjonali kif iddefinit fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1646 (3), dwar l-interpretazzjoni tar-riżultati, kif ukoll dwar il-metodi li jridu jintużaw għat-teħid tal-kampjuni. |
|
(2) |
Il-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni għall-għalf huma definiti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (4). Peress li l-kampjuni tal-għalf jistgħu jittieħdu wkoll fil-qafas tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1646, fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi, jenħtieġ li t-teħid tal-kampjuni tal-għalf fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2021/808 jitwettaq f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Anness. Peress li dak l-Anness ma jistabbilixxix rekwiżiti dettaljati għar-rapportar dwar il-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni u għat-trasport u l-ħżin tal-kampjuni, u dawk ir-rekwiżiti huma meħtieġa għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali tas-sustanzi farmakoloġikament attivi u tar-residwi tagħhom fl-għalf, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti fil-punti minn 5 sa 7 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808 japplikaw għall-għalf. |
|
(3) |
Il-perjodu tranżitorju li warajh il-metodi analitiċi kollha użati għall-kontrolli uffiċjali tas-sustanzi farmakoloġikament attivi u r-residwi tagħhom iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808, għandu jiskadi fl-10 ta’ Ġunju 2026. |
|
(4) |
Abbażi tal-progress irrapportat mill-Istati Membri, huwa meħtieġ aktar żmien biex jiġu vvalidati mill-ġdid xi metodi analitiċi. Ħafna Laboratorji ta’ Referenza Nazzjonali u laboratorji uffiċjali ta’ kontroll mhux se jkunu lestew il-validazzjoni mill-ġdid tal-metodi kollha għall-matriċijiet kollha sa Ġunju 2026, minkejja l-isforzi li saru matul l-aħħar 4 snin. Għalhekk, jenħtieġ li l-perjodu ta’ tranżizzjoni jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(5) |
L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808 jirrikjedi daqs ta’ kampjun ta’ mill-inqas 12-il bajda, skont il-metodi analitiċi użati. Peress li bajda waħda tan-nagħma, li tista’ tiżen 1–1,5 kg, hija ekwivalenti fil-piż għal 24 bajda tat-tiġieġa, bajda waħda tan-nagħma titqies bħala kwantità xierqa ta’ kampjun. Għalhekk, huwa neċessarju li f’dak l-Anness jiġi speċifikat id-daqs tal-kampjuni tal-bajd tan-nagħma. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel, u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 6
Metodi għat-teħid tal-kampjuni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kampjuni jittieħdu, jiġu ttrattati u ttikkettati skont il-metodi dettaljati għat-teħid ta’ kampjuni stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
It-teħid tal-kampjuni tal-għalf għandu jitwettaq f’konformità mal-metodi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (*1) u fil-punti 5, 6, u 7 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
(*1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/152/oj).” "
Artikolu 2
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Madankollu, sal-31 ta’ Diċembru 2027, ir-rekwiżiti stipulati fil-punti 2 u 3 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2002/657/KE għandhom jibqgħu japplikaw għall-metodi, li ġew ivvalidati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”
Artikolu 3
Il-punt 1 (“Kwantità tal-kampjun”) tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/808 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Kwantità tal-kampjun
Il-kwantitajiet minimi tal-kampjuni għandhom jiġu definiti fil-programm nazzjonali għall-kontroll tar-residwi. Il-kwantitajiet minimi tal-kampjuni għandhom ikunu biżżejjed biex jippermettu lil-laboratorji approvati jwettqu l-proċeduri analitiċi meħtieġa biex ilestu l-iskrinjar u l-analiżi ta’ konferma. Speċifikament għall-pollam, l-akkwakultura, il-fniek, il-kaċċa mrobbija, ir-rettili, u l-insetti, kampjun jikkonsisti minn annimal wieħed jew aktar, skont ir-rekwiżiti tal-metodi analitiċi. Fil-każ tal-bajd, id-daqs tal-kampjun huwa tal-inqas 12-il bajda, skont il-metodi analitiċi użati. Madankollu, id-daqs tal-kampjun għall-bajd tan-nagħma huwa bajda waħda. F’każ li jkun hemm bżonn li jiġu analizzati diversi kategoriji ta’ sustanzi f’kampjun wieħed b’metodi analitiċi differenti, id-daqs tal-kampjun għandu jiżdied kif xieraq.”
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/808 tat-22 ta’ Marzu 2021 dwar il-prestazzjoni ta’ metodi analitiċi għal residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi użati f’annimali li jipproduċu l-ikel u dwar l-interpretazzjoni tar-riżultati kif ukoll dwar il-metodi li jridu jintużaw għat-teħid tal-kampjuni u li jħassar id-Deċiżjonijiet 2002/657/KE u 98/179/KE (ĠU L 180, 21.5.2021, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/808/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1646 tat-23 ta’ Settembru 2022 dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-użu ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi awtorizzati bħala prodotti mediċinali veterinarji jew bħala addittivi tal-għalf u ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi pprojbiti jew mhux awtorizzati u r-residwi tagħhom, dwar il-kontenut speċifiku tal-pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali u l-arranġamenti speċifiċi għat-tħejjija tagħhom (ĠU L 248, 26.9.2022, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1646/oj).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/152/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/731/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)