DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2429
tal-24 ta’ Novembru 2025
li temenda l-Annessi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi Franza
(notifikata bid-dokument C(2025) 8102)
(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,
Billi:
|
(1)
|
L-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda hija marda infettiva li tinġarr minn vettur u li taffettwa lill-annimali bovini. L-okkorrenza tagħha tista’ tħalli impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża disturb fil-movimenti ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Fil-każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fl-annimali bovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali bovini, b’mod partikolari minħabba l-mod ewlieni ta’ trażmissjoni tagħha permezz tal-vetturi.
|
|
(2)
|
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta għandha tkun tinkludi mill-inqas żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u, jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.
|
|
(3)
|
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1708 (4) tistipula ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mat-tifqigħat tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi Franza. B’mod aktar partikolari, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708, l-Artikolu 1, jipprevedi fi Franza tiġi stabbilita żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, kif ukoll ta’ żona tat-tilqim, f’konformità mal-Anness IX, il-Parti 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/361 (5). Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 jipprevedi li dawk iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żona tat-tilqim, għandhom jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Annessi tagħha, u l-miżuri meħtieġa li għandhom jiġu applikati f’dawk iż-żoni għandhom jiġu applikati mill-inqas sad-dati stabbiliti f’dawk l-Annessi.
|
|
(4)
|
Mill-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2305 (6), Franza nnotifikat lill-Kummissjoni dwar seba’ tifqigħat addizzjonali ta’ infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi stabbilimenti tal-annimali bovini fid-dipartiment ta’ Jura, fir-reġjun ta’ Bourgogne-Franche-Comté, u fid-dipartiment ta’ Pyrénées-Orientales, fir-reġjun ta’ Occitanie, matul il-perjodu mill-1 sas-17 ta’ Novembru 2025. B’reazzjoni għal dawn it-tifqigħat il-ġodda, Franza stabbiliet żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fid-dipartiment ta’ Jura, fir-reġjun ta’ Bourgogne-Franche-Comté, u fid-dipartiment ta’ Pyrénées-Orientales, fir-reġjun ta’ Occitanie, fejn jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687.
|
|
(5)
|
Għalhekk, iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fi Franza, attwalment stipulati fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708, jenħtieġ li jiġu emendati, fl-ispazju u fiż-żmien, sabiex jiġi evitat it-tixrid ulterjuri tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi Franza u fil-bqija tal-Unjoni. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġu emendati l-lista taż-żoni ristretti u d-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fihom, stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Id-daqs taż-żoni indikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, u d-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fihom, huma bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 kif ukoll fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Il-kriterji applikati għall-għażla tad-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll tad-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fihom, ma jqisux biss is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fiż-żoni milquta minn dik il-marda, iżda anke fatturi epidemjoloġiċi oħra, fosthom il-parametri ġeografiċi u r-riskju li l-marda tkompli tinxtered fid-dawl tal-preżenza ta’ insetti vetturi. Anke meta ntgħażlet id-durata tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni tqiesu l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (7).
|
|
(6)
|
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 jipprojbixxi l-movimenti tal-annimali bovini miż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni għal destinazzjonijiet barra mill-perimetru estern ta’ dawk iż-żoni fi Franza jew barra minn dak l-Istat Membru sad-dati elenkati f’dak l-Anness. Fid-dawl tat-tifqigħat kontinwi tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi Franza, huwa neċessarju li dik il-projbizzjoni tiġi applikata fiż-żoni ristretti stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar it-tifqigħat ikkonfermati l-aktar reċenti.
|
|
(7)
|
Fid-dawl tal-aġġustament taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar it-tifqigħat fid-dipartimenti ta’ Jura u Pyrénées-Orientales fi Franza, huwa neċessarju li l-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 jiġi aġġornat. B’mod speċifiku, iż-żoni li ma għadhomx ikklassifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fl-Anness I issa jenħtieġ li jiġu inklużi fiż-Żona tat-Tilqim II fl-Anness II.
|
|
(8)
|
Sabiex jiġi żgurat kontroll ikkoordinat tal-mard u biex jiġi ssalvagwardjat il-kummerċ fl-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi, huwa neċessarju wkoll li jiġu emendati ż-żoni tat-tilqim għall-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda attwalment stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 jiġi aġġornat.
|
|
(9)
|
It-tip, id-daqs u d-durata taż-żoni tat-tilqim I u II stabbiliti fl-Anness II, il-Partijiet B u A, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 huma bbażati fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, u l-progress tal-kampanji tat-tilqim fi Franza, b’mod partikolari billi jitqiesu l-evoluzzjoni tal-livell ta’ kopertura tat-tilqim miksub, il-pjan uffiċjali tat-tilqim tal-Istat Membru u r-rapporti ta’ progress ippreżentati f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/361, kif ukoll fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IX ta’ dak ir-Regolament Delegat.
|
|
(10)
|
Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 jiġu emendati kif xieraq.
|
|
(11)
|
Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fi Franza, fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, l-emendi li għandhom isiru fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 b’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li japplikaw malajr kemm jista’ jkun biex jiġi evitat aktar tixrid tal-marda fi Franza, fi Stati Membri oħra, jew f’pajjiżi terzi u kif ukoll biex jiġi evitat kwalunkwe disturb bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni jew kwalunkwe ostaklu mhux ġustifikat għall-kummerċ ma’ pajjiżi terzi.
|
|
(12)
|
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
|
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Annessi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 huma sostitwiti bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1)
ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1708 tad-29 ta’ Lulju 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi Franza u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1336 (ĠU L, 2025/1708, 5.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1708/oj).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/361 tat-28 ta’ Novembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-użu ta’ ċerti prodotti mediċinali veterinarji għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 52, 20.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/361/oj).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2305 tal-10 ta’ Novembru 2025 li temenda l-Annessi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1708 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fi Franza (ĠU, L, 2025/2305, 13.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2305/oj).
(7)
https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/.