Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 313 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jevalwa l-progress irrappurtat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/1996 sa 2001/2002

(conformément à l'article 3 de la décision 2003/530/CE du Conseil)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jevalwa l-progress irrappurtat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/1996 sa 2001/2002

(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni huwa fformulat b’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar il-kumpatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tagħha tal-ħalib (minn hawn 'il quddiem: id-deċiżjoni tal-Kunsill), skont liema l-awtoritajiet Taljani kompetenti għandhom jirrappurtaw kull sena lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-progress fl-irkupru ta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002.

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna li r-Repubblika Taljana tagħti lill-produtturi tal-ħalib, billi hi stess tħallas lill-baġit tal-Unjoni Ewropea l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib dovuta minnhom lill-UE għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002, u billi tippermetti li dawn il-produtturi jħallsu lura d-dejn tagħhom permezz ta' pagament imqassam fuq għadd ta' snin mingħajr imgħax, hija meqjusa eċċezzjonalment kumpatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk:

–il-produtturi jħallsu lura l-ammont kollu, f'pagamenti annwali ndaqs, u

–il-perjodu ta' ħlas lura, li jibda mill-1 ta' Jannar 2004, ma jaqbiżx l-erbatax-il sena.

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna tingħata biss jekk l-Italja tiddikjara l-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati lill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u tnaqqas id-dejn li jifdal permezz ta' tliet pagamenti annwali ndaqs min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, Novembru 2004 u Novembru 2005 rispettivament. Id-dikjarazzjoni tal-Italja tal-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati saret kif xieraq permezz ta' ittra tas-26 ta' Awwissu 2003. Id-dejn li jifdal tnaqqas kif xieraq min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għax-xhur ta' Novembru 2003, 2004 u 2005.

Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti Taljani huma mitluba biex kull sena jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-irkuprar tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002.

Skont id-dispożizzjoni msemmija, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw it-tnax-il rapport tagħhom dwar il-pagament annwali tal-2016 lill-Kummissjoni, permezz ta' ittra mill-AGEA (Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura) bid-data tas-7 ta’ Novembru 2017. Billi l-ewwel żewġ pagamenti (l-2004 u l-2005) kienu koperti b’rapport wieħed (id-dokument COM(2007) 34 final tat-30 ta’ Jannar 2007), dan ir-rapport jikkonċerna t-tlettax-il pagament.

Dan ir-rapport jipprovdi l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-progress irrappurtat mill-awtoritajiet Taljani għas-sena 2016 fl-irkupru tal-imposta addizzjonali għas-seba’ perjodi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, kif ukoll għal dawk li mhumiex koperti minnha.

Pagament ta' imposti skont il-faċilità ta' ħlas bin-nifs tal-2003

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Italja biex hi stess tħallas lill-baġit Komunitarju l-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib tagħha kienet tikkonċerna 25 123 produttur fl-2005, meta tħejja l-ewwel rapport lill-Kunsill. Din iċ-ċifra naqset għal 21 123 għall-2016.

Mill-produtturi kollha fir-rapport li kienu inizjalment soġġetti għall-imposta għas-seba' perjodi koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, 15 431 għażlu li jħallsu bl-iskema tal-ħlas bin-nifs tal-2003. Fl-2004, qabel ma sar l-ewwel pagament annwali, il-15 431 produttur li għażlu l-iskema tal-ħlas bin-nifs b'kollox kellhom jagħtu EUR 345 miljun bejniethom, jiġifieri madwar kwart tal-ammont totali li għad irid jitħallas mill-produtturi li rrifjutaw li jissieħbu fl-iskemi tal-ħlas bin-nifs. B'hekk jidher li l-maġġoranza tal-produtturi responsabbli għal-livelli l-aktar baxxi tal-produzzjoni eċċessivi għażlu li jidħlu f'din l-iskema. Min-naħa l-oħra, il-produtturi b’livelli ogħla ta' produzzjoni eċċessiva (madwar 8 000 produttur li jridu jagħtu madwar EUR 1 biljun f'imposti dovuti fuq is-seba' perjodi), għażlu minflok li ma jipparteċipawx fl-iskema tal-ħlas bin-nifs. Madankollu, ta' min jippreċiża li, kull sena, l-awtoritajiet Taljani jirċievu applikazzjonijiet ġodda għall-ħlas bin-nifs. Fl-2016, tressqu 39 applikazzjoni ġdida, li jikkorrispondu għal total ta' EUR 4,2 miljun. Fil-31/12/2016, l-ammont totali kopert mill-iskema tal-ħlas bin-nifs għall-2003 kien ta' EUR 372,361 miljun.

It-tlettax-il pagament annwali kellu jsir minn 10 395 produttur, li b'kollox kellhom jagħtu EUR 25 574 104,06 sal-31 ta' Diċembru 2016. Il-verifiki li twettqu mill-awtoritajiet Taljani juru li fl-2016, 10 186 produttur ħallsu total ta’ EUR 24 968 791,58, li jfisser li għat-tlettax-il pagament annwali, 97,9 % tal-produtturi ħallsu 97,63 % tal-imposti dovuti fil-ħin. Il-pagamenti li saru fil-ħin għat-tnax-il pagament annwali preċedenti jikkorrispondu għal 99,6 %, 97,9 %, 99,5 %, 99,7%, 96,4 %, 96,2 %, 90,5 %, 98,3 %, 96,9 %, 98,2 %, 95,9 % u 95,7 % tal-ammonti dovuti rispettivament. Għalhekk, l-imposta totali miġbura għat-tlettax-il pagament annwali tammonta għal EUR 358,326 miljun, jiġifieri għal madwar 96 % tal-ammont totali dovut b’rabta ma’ dawn il-pagamenti annwali.

Filwaqt li dawn il-livelli ċertament jindikaw l-impenn min-naħa tal-produtturi parteċipanti fl-iskema tal-ħlas bin-nifs fit-twettiq tal-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni ta' segwitu meħuda f'dawk il-każijiet fejn il-pagament ma sarx fil-limitu taż-żmien stipulat huwa sinjal ċar tal-livell ta' impenn min-naħa tal-awtoritajiet Taljani sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-iskema jitħarsu kif suppost u li, fl-aħħar nett, tinġabar l-imposta kollha dovuta.

Fir-rigward tat-tlettax-il pagament annwali, ma hemmx informazzjoni disponibbli għall-pagamenti tal-209 produttur li fadal, li jirrappreżentaw ammont ta' EUR 563 317,82. (Din l-informazzjoni se tkun parti mill-eżerċizzju li jmiss).

Għat-tnax-il pagament annwali, ir-rapport preċedenti juri li 258 produttur kienu għadhom ma għamlux il-pagament tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2015, li kien jikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 1 089 857. Skont l-informazzjoni li taw l-awtoritajiet Taljani, dawn il-każijiet kollha ġew innotifikati mill-awtoritajiet ċentrali lill-awtoritajiet reġjonali rilevanti sabiex il-pagament tal-ammont sħiħ dovut jiġi infurzat b'rata tal-imgħax li mhijiex parti mill-iskema tal-ħlas bin-nifs. Mit-258 produttur li għall-ewwel kienu maħsuba li ma ħallsux, wara ntwera li, fil-fatt, 124 minnhom kienu ħallsu. Min-naħa l-oħra, il-134 produttur li ma kinux ħallsu t-tnax il-paganament annwali tilfu l-intitolament tagħhom li jħallsu bin-nifs, u nbdew proċeduri ta' rkupru infurzat kontrihom.

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani għall-2016, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tas-sistema tal-ħlas bin-nifs approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE jidhru li ġew issodisfati, u l-iskema jidher li ġiet ġestita b’mod sodisfaċenti meta wieħed iqis il-progress li sar fl-irkupru tal-ammont dovut mill-produtturi li qed jieħdu sehem fl-iskema għall-perjodu 1995/1996-2001/2002.

Stabbilimenti li għalihom il-possibbiltà ta’ ħlas bin-nifs ġiet irrevokata

Jekk produttur jonqos milli jħallas xi wieħed mill-pagamenti jiġi eskluż mill-iskema tal-ħlas bin-nifs u, konsegwentement, jesponi lilu nnifsu għall-irkupru f'daqqa tal-ammont kollu dovut u tal-imgħax.

Tlettax-il sena mit-tnedija tal-iskema tal-ħlas bin-nifs tal-2003, b’kollox 991 azjenda tilfu d-dritt li kellhom li jħallsu bin-nifs, li jikkorrispondi għal dejn totali maqsum fi ħlasijiet bin-nifs li jammonta għal EUR 33 954 483,57.

Madankollu, minn dan l-ammont, EUR 15 608 713,05 kienu tħallsu qabel ma ġie revokat dan id-dritt u EUR 5 042 636,22 ġew irkuprati wara r-revoka, li jfisser li d-dejn totali pendenti li jifdal huwa ta' EUR 2 678 653,30 u jikkonċerna 256 azjenda. Dan ifisser li d-dejn pendenti totali huwa ta’ EUR 13 314 672,82, u jikkonċerna 735 azjenda.

Dawn iċ-ċifri juru li d-diliġenza li wriet l-amministrazzjoni Taljana fil-ġbir tal-imposta mill-produtturi li ġew esklużi mill-iskema wara li naqsu milli jħallsu pagamenti annwali, ma hija sodisfaċenti xejn. Barra minn hekk, il-produtturi tal-ħalib kellhom jirtiraw l-azzjonijiet legali tagħhom quddiem il-qrati Taljani sabiex ikunu intitolati li jidħlu fl-iskema tal-ħlas bin-nifs. Filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu dan il-fatt, in-nuqqas ta’ rkupru ma jidhirx li ġej mit-tul potenzjali tal-proċedimenti fil-qorti, iżda pjuttost jista’ jkun ibbażat fuq l-inkapaċità tal-amministrazzjoni Taljana li tirkupra dawn l-ammonti b’mod effettiv.

Differiment tal-ħlas b'sitt xhur u l-konsegwenzi tiegħu fuq l-għajnuna mill-Istat

Skont l-Artikolu 2(12)(k) tad-Digriet tal-Liġi Taljana Nru 225 tad-29 ta' Diċembru 2010, li sar il-Liġi Nru 10 tas-26 ta' Frar 2011, l-Italja awtorizzat id-differiment sat-30 ta' Ġunju 2011 tal-pagament annwali tal-2010 li, fil-prinċipju, kien dovut sal-31 ta' Diċembru 2010 skont l-iskema ta' ħlasijiet bin-nifs tal-2003 approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4046 finali tas-17 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni ddikjarat li d-diferiment tal-ħlas parzjali tal-imposta tal-ħalib dovut sal-31 ta' Diċembru 2010 kien jikkostitwixxi għajnuna mhux kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li din l-għajnuna ma rrispettatx il-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE, u ħolqot, għal dawk li bbenefikaw minnha u li b'hekk ħarġu mill-qafas stabbilit mill-Kunsill, għajnuna ġdida mill-Istat. Din l-għajnuna hija kontra l-liġi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, u lanqas mhi kompatibbli mas-suq intern.

Skont id-Deċiżjoni C(2013) 4046 final, il-Kummissjoni ordnat lill-Italja biex iġġiegħel lill-benefiċjarji tad-differiment tal-pagament iħallsu lura l-ammont tal-għajnuna inkumpatibbli, flimkien mal-imgħax.

L-awtoritajiet Taljani nedew il-proċeduri amministrattivi meħtieġa biex jirkupraw l-għajnuna. Madankollu, fit-8 ta' Novembru 2013, l-Italja fetħet każ kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T-527/13). Fil-24 ta' Ġunju 2015, din tat sentenza li annullat, b'mod parzjali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni: is-sentenza kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna inerenti fid-differiment tal-ħlas bin-nifs tal-imposta dovuta fil-31 ta' Diċembru 2010, iżda rrifjutat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna l-ġdida maħluqa għal dawk li bbenefikaw minn dan id-differiment, u li b'hekk ħarġu mill-qafas tad-deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni appellat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, (il-każ C-467/15 P). Fil-25 ta’ Ottubru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha għal din il-kawża, ikkonfermat il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4046 final, li l-Qorti Ġenerali kienet annulat parzjalment fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2015 (il-Każ T-527/13). Għalhekk, l-awtoritajiet Taljani ġew mistiedna jadottaw u jimplimentaw il-miżuri nazzjonali meħtieġa għall-infurzar tad-Deċiżjoni C(2013) 4046 final, sakemm l-għajnuna mħallsa taħt l-iskema tiġi rkuprata kompletament.

Imposta addizzjonali dovuta għall-perjodu 2002/2003

Għall-perjodi mill-1995 sal-2002, l-Italja stess ħallset lill-baġit tal-Unjoni Ewropea l-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE.

Mill-2004, l-Istati Membri iħallsu l-imposta addizzjonali direttament lill-baġit tal-Unjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta' Settembru 2003.

Madankollu, il-perjodu 2002/2003 la huwa kopert mid-Deċiżjoni tal-Kunsill u lanqas mill-iskema l-ġdida stabbilita fl-2004. Jekk wieħed iqis li l-kwota nazzjonali attribwita għall-Italja nqabżet, il-produtturi tal-ħalib Taljani responsabbli għal dik il-qabża kellhom jagħtu EUR 227,76 miljun lill-baġit tal-UE għall-perjodu 2002/2003.

Minn dak l-ammont, il-produtturi tal-ħalib ikkonċernati għadhom iridu jagħtu EUR 118,4 miljun lill-baġit tal-UE minħabba l-imposta addizzjonali.

Imposti dovuti għall-perjodi 1995/96 sal-2008/2009, li mhumiex koperti mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003 jew mis-sistema tar-rimborż tal-2009

Fir-rapporti preċedenti, kienet inġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-iskema tal-ħlas bin-nifs tal-2003 u s-sistema ta’ rimborż bin-nifs stabbilita mill-Italja fl-2009 (b’rata ta’ imgħax daqs rata ta’ referenza għall-Unjoni miżjuda b’bosta punti perċentwali) fir-realtà jkopru biss parti żgħira mill-ammont tal-imposta li jrid jiġi rkuprat, jiġifieri EUR 407 miljun, jew 17% tal-ammont li jrid jiġi rkuprat. Fl-31 ta’ Diċembru 2016, kienu diġà ġew irkuprati EUR 368 miljun fil-kuntest tas-sistema tal-ħlas bin-nifs tal-2003 u tas-sistema tar-rimborż tal-2009. Dan ifisser li parti minima biss mill-ammont totali li jrid jiġi rimborżat jirrigwarda dawn il-mekkaniżmi, jiġifieri EUR 39 miljun.

Fil-verità, mill-ammont totali ta’ EUR 2 303 biljun tal-imposta ċċarġjata għall-perjodu 1995/96-2008/09, kif innotifikat mill-Italja, il-parti l-kbira tal-ammont ma jaqax taħt l-iskemi msemmija.

Filwaqt li l-informazzjoni mogħtija fir-rapport mill-awtoritajiet Taljani dwar it-tlettax-il pagament turi li s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-irkupru tal-imposta bl-iskema tal-ħlas bin-nifs stabbilita fl-2003 hija sodisfaċenti, ma jistax jingħad l-istess ħaġa għall-ġbir tal-ammonti rkuprabbli li mhumiex soġġetti għall-iskema tal-ħlas bin-nifs jew għall-iskema tar-rimborż (EUR 1 268 biljun), partikolarment fir-rigward tal-irkupru tal-ammonti soġġetti għall-infurzar (EUR 803 miljun).

Fir-rapporti tal-valutazzjoni suċċessivi tagħha lill-Kunsill mill-2010 ’l hawn, il-Kummissjoni ripetutament esprimiet li ma kinitx kuntenta bin-nuqqas ta’ progress sinifikanti fl-irkupru tal-imposta addizzjonali rimborżabbli fuq il-ħalib li mhux koperta mill-iskema tal-ħlas bin-nifs jew mill-iskema tar-rimborż.

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani fir-rapport tagħhom dwar it-tlettax-il pagament annwali, ma hemmx żviluppi maġġuri ġodda x'jiġu rrappurtati fil-ġbir effettiv tal-imposta mhux koperta mill-iskemi ta' ħlas bin-nifs. Tabilħaqq, l-awtoritajiet Taljani jgħidu li EUR 798 miljun se jiġu rkuprati permezz tal-azzjonijiet legali (proċedimenti ta’ rkuprar infurzat) li għadhom pendenti, iżda sal-lum dan għad ma kellux riżultati tanġibbli.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ammont tal-imposta mhux imħallas u ta’ kemm ilha għaddejja din is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ rkupru tal-ammonti mhux imħallsa, għandu jiġi konkluż li l-awtoritajiet Taljani jinsabu 'l bogħod milli jiżguraw l-effiċjenza u l-effettività tal-liġijiet tal-UE.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ressqet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 tat-TFUE quddiem il-Qorti tal-Ġustizza tal-Unjoni Ewropea (Kawża C-433/15).

Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Jannar 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea appoġġat l-azzjoni li ħadet il-Kummissjoni: din ikkonstatat li r-Repubblika Taljana ma kinitx żammet mal-obbligi tagħha meta ma żguratx li l-imposta addizzjonali pagabbli fir-rigward tal-kwantitajiet prodotti mill-Italja b’eċċess tal-kwota nazzjonali, mill-ewwel sena li fiha ġiet fil-fatt applikata l-imposta addizzjonali fl-Italja (1995/1996) sal-aħħar sena fejn kien hemm eċċess tal-produzzjoni fl-Italja (2008/2009),

– kienet fil-fatt allokata lill-produtturi individwali li kienu kkontribwew għal kull eċċess tal-produzzjoni u

– tħallset fil-waqt ix-xieraq, meta saret in-notifikazzjoni tal-ammont pagabbli, mix-xerrejja jew mill-produtturi fil-każ ta’ bejgħ dirett, jew

– meta ma sarx il-pagament tal-imposta fil-perjodu preskritt, ġiet irreġistrata u, fejn possibbli, irkuprata permezz tal-infurzar minn dawk ix-xerrejja jew dawk il-produtturi.

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li, safejn għandu x'jaqsam it-twettiq tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' ħlas bin-nifs approvata mill-Kunsill fl-2003, il-progress li għamlu l-awtoritajiet Taljani fl-irkupru tal-ammont dovut mill-produtturi li għażlu li jipparteċipaw fl-iskema ta' ħlas bin-nifs għall-perjodi tal-1995/1996 sal-2001/2002 juri li l-iskema ġiet ġestita b'mod sodisfaċenti.

Fir-rigward tal-ammonti mhux soġġetti għall-ħlasijiet bin-nifs jew għall-iskema tar-rimborż, jeħtieġ jiġi enfasizzat li, bis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Jannar 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat in-nuqqasijiet tar-Repubblika Taljana li l-Kummissjoni qed tilmenta dwarhom. L-awtoritajiet Taljani issa għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif rikjest mill-Artiklu 260 tat-TFUE, partikolarment billi jimplimentaw minnufih arranġamenti effettivi għall-irkupru tal-ammonti dovuti, li kapaċi jipproduċu riżultati reali u osservabbli f’termini tat-tnaqqis tal-ammont dovut.