Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2013 tal-Estonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Estonja għall-2012-2017 /* COM/2013/0356 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma
tal-2013 tal-Estonja
u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà
tal-Estonja għall-2012-2017 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas- 7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza
u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1],
u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[2], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[3], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
għall-Impjiegi, Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u
Finanzjarju, Billi: (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010,
il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi varata
strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020,
ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki dwar l-eknomija,
li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex
tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u
l-kompetittività. (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010,
fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta
rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki dwar
l-ekonomija tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010
adotta deċiżjoni dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi
tal-Istati Membri[4],
li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri
ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali
tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi. (3) Fid-29 ta' Ġunju 2012,
il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u
l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fuq il-livelli
nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi,
l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Iddeċidew dwar azzjoni li
għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari li
tesprimi impenn sħiħ għall-kisba tal-għanijiet
tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-implimentazzjoni
tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż. (4) Fis-6 ta’ Lulju 2012,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma
tal-Estonja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’
stabbiltà tal-Estonja għall-perjodu 2011-2015. (5) Fit-28 ta' Novembru 2012,
il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[5], li jimmarka l-bidu
tas-Semestru Ewropew tal-2013 għall-koordinazzjoni tal-politika dwar
l-ekonomija. Ukoll fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni, fuq
il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni
tal-iżbilanċi makroekonomiċi, adottat ir-Rapport ta'
Mekkaniżmu ta' Twissija[6],
li fih ma identifikatx lill-Estonja bħala wieħed mill-Istati Membri
li għalihom se titwettaq analiżi profonda. (6) Fl-14 ta’ Marzu 2013,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu żgurati
l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li trawwem
it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li ssir konsolidazzjoni fiskali
differenzjata u li tkun favorevoli għat-tkabbir, biex jiġu rkuprati
l-kundizzjonijiet normali ta’ self lill-ekonomija, għall-promozzjoni
tat-tkabbir u l-kompetittività, għall-indirizzar tal-qgħad u
l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għall-immodernizzar
tal-amministrazzjoni pubblika. (7) Fit-30 ta’ April 2013,
l-Estonja ppreżentat il-programm ta’ stabbiltà tagħha tal-2013 li
jkopri l-perjodu 2012-2017 u l-programm nazzjonali ta’ riforma tal-2013
tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom,
iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. (8) Fuq il-bażi
tal-valutazzjoni tal-programm ta' stabbiltà tal-2013 skont ir-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li x-xenarju
makroekonomiku li jappoġġa t-tbassir baġitarju fil-programm huwa
plawsibbli fl-2013-2014 meta t-tkabbir reali tal-PDG huwa mistenni li jkun
medja ta' madwar 3,3 %. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2013
tal-Kummissjoni jipprevedi tkabbir ta' 3,5 % fl-2013-2014. L-Estonja
kisbet defiċit nominali tal-baġit ta' 0,3 % tal-PDG fl-2012.
Il-programm jikkonferma l-objettiv ta' terminu medju (OTM) preċedenti ta'
eċċess strutturali. Dan huwa aktar ambizzjuż minn dak
meħtieġ mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Minħabba li
l-bilanċ struttrali tal-Estonja kellu eċċess fl-2012,
il-pajjiż kiseb l-OTM sena qabel dak li kien previst fil-programm
preċedenti. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta
fil-Programm ta' Stabbiltà huwa li tiġi żgurata politika fiskali
sostenibbli li tappoġġa tkabbir bilanċjat, billi jinżamm
l-OTM filwaqt li jiġu żgurati biżżejjed bafers fiskali u
jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol. Id-defiċit nominali
ppjanat, 0,5 % tal-PDG fl-2013, huwa previst mill-programm li jitjieb
fil-medda ta' żmien tat-tbassir, u jilħaq bilanċ fl-2014 u
mbagħad jilħaq eċċess wara. Wara valutazzjoni globali
tal-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid, inkluża analiżi
tal-valur referenzjali tan-nefqa, l-Estonja ma tiddevjax b'mod sinifikanti
mill-OTM fl-2013, u terġa' lura għal eċċess strutturali
fl-2014. Il-proporzjon tad-dejn huwa ħafna aktar baxx minn 60 % tal-PDG
u skont il-programm x'aktarx jonqos wara l-2013 għal madwar 9 %
fl-2015-2016. L-Estonja tippjana li tintroduċu regola
għall-bilanċ tal-baġit strutturali fl-2013, b'mod konformi
mar-rekwiżiti tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u
l-Governanza. Ir-regola għandha tkun ikkumplimentata bit-tisħiħ
tan-natura vinkolanti tal-miri tan-nefqa pluriennali hekk kif ir-regola
baġitarja tidħol fis-seħħ. (9) Fir-rigward tas-suq
tax-xogħol, filwaqt li l-impjiegi jkomplu jikbru, għad fadal ostakoli
fuq it-tkabbir inkluż il-qgħad persistenti fost iż-żgħażagħ
u fuq żmien twil, in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, in-nuqqas
dejjem jikber tal-forza tax-xogħol, inkluż t-telf fil-forza
tax-xogħol minħabba problemi tas-saħħa li jdumu żmien
twil. Is-sistema tal-benefiċċji soċjali għandha ssir aktar
flessibbli u mmirata, u tipprovdi servizzi ta' appoġġ u
inċentivi għal dawk li huma qiegħda u għall-persuni
inattivi li jistgħu jerġgħu jiġu impjegati, filwaqt li
l-miżuri ta' attivazzjoni għandhom jiġu msaħħa sabiex
jiġi żgurat li jilħqu lil dawk li għandhom l-aktar
bżonn. Il-kosteffiċjenza tan-nefqa tal-politika tal-familja tista'
tittejjeb b'mod newtrali għall-baġit, inkluż billi jiġi
allokat mill-ġdid il-finanzjament mill-benefiċċji
għall-ġenituri għal miżuri aktar effiċjenti bħal
pereżempju s-servizzi għall-kura tat-tfal b'effett pożittiv
mistenni fuq l-impjiegi għan-nisa. L-iżvilupp ekonomiku
fir-reġjuni għandu jiġi indirizzat b'mod aktar ikkordinat sabiex
jiġu pprovduti riżultati aktar viżibbli. (10) Fil-qasam tal-edukazzjoni u
t-taħriġ, l-Estonja implimentat parzjalment ir-rakkomandazzjonijiet
tal-2012; ir-reforma tal-edukazzjoni għolja ġiet adottata fl-2012 u
riforma ġdida komprensiva vokazzjonali dwar l-edukazzjoni u
t-taħriġ għandha tiġi adottata fl-2013. Se tkun meħtieġa
attenzjoni partikolari sabiex jiġi żgurat involviment
suffiċjenti tas-sħab soċjali sabiex ikun hemm għadd
suffiċjenti ta' apprendistati fl-edukazzjoni vokazzjonali. Il-provvista
razzjonalizzata ta' edukazzjoni sekondarja tibqa' impenn importanti li
għadu ma ġiex issodisfat. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ
li għadu relattivament għoli għandu jiġi indirizzat
fid-dawl tas-sehem għoli ta' persuni mingħajr edukazzjoni
professjonali jew vokazzjonali. L-aċċess għat-tagħlim tul
il-ħajja għall-ħaddiema bi ftit kwalifiki għadu ma
ġiex indirizzat biżżejjed u l-miżuri għall-impjegati
żgħażagħ mhux dejjem jissodisfaw b'mod kredibbli
l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. In-nuqqas ta' konnessjoni
eżistenti bejn is-settur pubbliku tar-riċerka u l-ekonomija għadha
tfixkel lit-tkabbir tal-produttività u taffettwa l-kompetittività tal-Estonja.
Barra minn hekk, l-internazzjonalizzazzjoni u l-prjoritizzazzjoni tas-sistema
tar-riċerka u l-innovazzjoni tibqa' sfida minħabba d-daqs
żgħir tal-ekonomija. (11) L-intensità tal-enerġija
tal-Estonja għadha għolja ħafna. Filwaqt li l-Gvern ħa
ċerti passi, l-isforzi għandhom jitkomplew u jiżdiedu, b'enfasi
addizzjonali fuq ir-restawr tal-bini residenzjali. Il-flotta ta' karozzi
ġodda fl-Estonja hija l-aktar intensiva fl-enerġija fl-UE u x-xejriet
tal-konsumaturi mhux qed jinbidlu minkejja ż-żieda fid-dazji tas-sisa
fuq il-fjuwil. Fin-nuqqas ta' miżuri addizzjonali, l-Estonja x'aktarx li
ma tissodisfax il-mira tagħha tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett
serra, b'mod partikolari jekk ma jittieħdu l-ebda miżuri fil-qasam
tat-trasport u d-djar. Is-suq tal-enerġija tal-Estonja jibqa'
relattivament iżolat minħabba li l-konnessjonijiet bejn il-fruntieri
huma insuffiċjenti. (12) Il-provvista tas-servizzi li
l-gvern lokali huwa legalment obbligat li jagħti mhijiex effettiva
b'ħafna mis-setturi, b'mod partikolari fil-kura għal żmien twil,
is-servizzi għall-appoġġ tal-familji, il-kura
tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-trasport. Dan huwa minħabba
l-kapaċità amministrattiva baxxa tal-gvernijiet lokali u d-diskrepanza
bejn id-dħul tal-gvern lokali u r-responsabbiltajiet devoluti. Għadu
ma ġie stabbilit l-ebda pjan vijabbli għat-titjib
tal-amministrazzjoni lokali. (13) Fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika
ekonomika tal-Estonja. Hija vvalutat il-programm ta’ stabbiltà u l-programm
nazzjonali ta’ riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom
għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fl-Estonja imma
wkoll kemm jikkonformaw mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl
tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika
kumplessiva tal-Unjoni billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE
għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet
tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet
minn (1) sa (5) hawn taħt. (14) Fid-dawl ta’ din
il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Estonja,
u l-opinjoni tiegħu[7]
hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt. (15) Fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika
taż-żona tal-euro b'mod globali. Fuq din il-bażi il-Kunsill
ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati
lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-Estonja wkoll
għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin ta'
dawn ir-rakkomandazzjonijiet, B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja
tieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 biex: 1. Tkompli l-isforzi tagħha għal
politika fiskali favur it-tkabbir u żżomm pożizzjoni fiskali
soda kif previst, filwaqt li tiżgura konformità mal-objettiv baġitarju
ta' terminu medju fil-medda ta' żmien tal-programm. Tikkumplimenta
r-regola tal-baġit ippjanata ma' regoli dwar in-nefqa pluriennali aktar
vinkolanti fil-qafas baġitarju ta' terminu medju u tkompli
ssaħħaħ l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. 2. Ittejjeb l-inċentivi
għax-xogħol billi tagħmel is-sistemi varji ta'
benefiċċji soċjali eżistenti aktar konsistenti u billi
żżid il-flessibbiltà u l-mira tal-allokazzjoni
tal-benefiċċji. Ittejjeb il-provvista tas-servizzi soċjali,
inkluża l-kura tat-tfal, filwaqt li żżid l-effiċjenza u
l-kosteffettività tal-politika tal-familja. Issaħħaħ
il-miżuri ta' attivazzjoni biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn lejn
is-suq tax-xogħol tal-persuni li ilhom qiegħda għal żmien
twil u tal-persuni li jirċievu l-benefiċċji
għad-diżabbiltà u għall-inkapaċità għax-xogħol.
Tistabbilixxi strateġija kkoordinata għat-trawwim tal-iżvilupp
ekonomiku fir-reġjuni affettwati minn rata ta' qgħad għolja. 3. Tkompli l-isforzi tagħha biex
ittejjeb ir-rilevanza tas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u
t-taħriġ, inkluż billi tinvolvi aktar is-sħab soċjali
u billi timplimenta miżuri mmirati għall-indirizzar tal-qgħad
fost iż-żgħażagħ. Iżżid b'mod sinifikanti
l-parteċipazzjoni tal-persuni bi ftit kwalifiki fit-tagħlim tul
il-ħajja. Tintensifika l-isforzi tagħha biex tipprijoritizza u
tinternazzjonalizza s-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni u
ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn in-negozji, l-edukazzjoni
għolja u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. 4. Ittejjeb l-effiċjenza
tal-enerġija, b'mod partikolari fil-bini u t-trasport, u
ssaħħaħ l-inċentivi ambjentali li jikkonċernaw
il-vetturi u l-iskart, billi tqis it-tassazzjoni tal-karozzi u/jew dazji
tas-sisa ogħla fuq il-fjuwils tal-magni. Tħaffef l-iżvilupp
tal-konnessjonijiet tal-enerġija bejn il-fruntieri biex tiddeversifika
s-sorsi tal-enerġija u tippromwovi l-kompetizzjoni fis-suq
tal-enerġija. 5. Tibbilanċja aħjar id-dħul
tal-gvern lokali għar-responsabbiltajiet imqassma. Ittejjeb
l-effiċjenza tal-gvernijiet lokali u tiżgura provvista ta' kwalità
tas-servizzi pubbliċi lokali. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] COM(2013) 356 final. [3] P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053. [4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE
tat-22 ta' April 2013. [5] COM(2012) 750 final. [6] COM(2012) 751 final. [7] Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE)
Nru 1466/97.