16.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2247

tal-15 ta’ Novembru 2022

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Brażil

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-24 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni kontra d-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku (“ECCS”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew iċ-Ċina”) u mill-Brażil (flimkien “il-pajjiżi kkonċernati”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara li tressaq ilment fit-13 ta’ Awwissu 2021 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“EUROFER”) (“l-ilmentatur”). L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

(3)

L-ilment sar f’isem il-produtturi tal-Unjoni li ġejjin: ArcelorMittal Atlantique et Lorraine (Franza), ArcelorMittal Etxebarri S.A. (Spanja) u ThyssenKrupp Rasselstein GmbH (il-Ġermanja), li allegatament jirrappreżentaw 100 % tal-industrija tal-Unjoni. Matul l-investigazzjoni, tressqet għall-attenzjoni tal-Kummissjoni l-eżistenza ta’ produttur addizzjonali tal-Unjoni tal-ECCS, jiġifieri Acciaierie d’Italia. Billi l-ilmentaturi xorta waħda kienu jirrappreżentaw [85-95] % tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, l-ilment tqies li sar mill-industrija tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

1.2.   Partijiet interessati

(4)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lill-ilmentatur, lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tal-Brażil, lil importaturi, fornituri u utenti magħrufa, lin-negozjanti, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jipparteċipaw.

1.3.   Miżuri provviżorji

(5)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fil-25 ta’ April 2022, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet ta’ dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni erba’ ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji (“il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari”). Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-akkuratezza tal-kalkoli fi żmien tlett ijiem tax-xogħol. Kif spjegat fil-premessi minn (29) sa (34) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati. Għalhekk, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma kinux soġġetti għal reġistrazzjoni matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand Baoshan Iron & Steel Co., Ltd (“Baosteel”), Handan Jintai Packing Materials Co., Ltd (“Jintai”), u CANPACK. Is-sottomissjoni ta’ Baosteel wasslet għall-korrezzjoni ta’ żball klerikali fil-kalkoli. Il-kummenti ta’ Jintai kienu relatati mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma kinux relatati mal-akkuratezza tal-kalkoli. Għalhekk, dawn tqiesu wara d-divulgazzjoni tal-miżuri provviżorji u huma indirizzati fit-Taqsima 3.1 hawn taħt. Billi l-kummenti ta’ CANPACK kienu relatati mal-interess tal-Unjoni, dawn ġew indirizzati fit-Taqsima 7 hawn taħt.

(7)

Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/802 li jimponi dazji anti-dumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksijin bil-kromu elettrolitiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Brażil (3) (“ir-Regolament provviżorju”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(8)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġew imposti dazji anti-dumping provviżorji (“divulgazzjoni provviżorja”), Eurofer (ilmentatur), Eviosys (utent tal-Unjoni), CANPACK, li jirrappreżentaw lil CANPACK Slovakia s.r.o., Can-Pack Food and Industrial Packaging Sp. z.o.o. u Tapon France S.A.S. (utenti tal-Unjoni), Astir Vitogiannis Bros Single Member S.A. (“Astir Vitogiannis”) (utent tal-Unjoni), Baosteel (produttur esportatur miċ-Ċina), Jintai (produttur esportatur miċ-Ċina), Companhia Siderurgica Nacional (“CSN”) (produttur esportatur mill-Brażil), l-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Ħadid u l-Azzar (“is-CISA”), il-Gvern tar-RPĊ (“GTĊ”) u l-Gvern tal-Brażil (“GTB”) ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub li permezz tagħhom taw il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji sal-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament provviżorju.

(9)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ ma’ Baosteel, CISA u Astir Vitogiannis.

(10)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.

(11)

Fil-31 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kellha l-ħsieb li timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksijin bil-kromu elettrolitiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Brażil (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(12)

Wara kummenti mill-partijiet interessati, fis-16 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar xi kjarifiki u korrezzjonijiet żgħar fid-divulgazzjoni finali li, madankollu, ma kellhomx impatt fuq id-dazji definittivi. Il-partijiet ingħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw. Kienet biss is-CISA li kkummentat.

(13)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mas-CISA, ma’ Baosteel, Eviosys u Eurofer.

1.5.   Kummenti dwar il-bidu

(14)

Kif spjegat fil-premessi (6) u (7) tar-Regolament provviżorju, l-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Ħadid u l-Azzar (“is-CISA”) issottomettiet kummenti wara l-bidu li affermaw li l-ilment kien jiddependi wisq fuq informazzjoni kunfidenzjali u li l-verżjoni mhux kunfidenzjali għalhekk ma kinitx biżżejjed biex tippermetti fehim xieraq tal-evidenza sottostanti għall-ilment. Is-CISA tenniet din l-affermazzjoni wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji.

(15)

Il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha fil-premessa (8) tar-Regolament provviżorju li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati kien fiha l-evidenza essenzjali kollha u s-sommarji mhux kunfidenzjali tad-data kunfidenzjali li jippermettu lill-partijiet interessati jeżerċitaw kif suppost id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, u b’hekk irrifjutat l-affermazzjoni.

1.6.   Kampjunar

(16)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-kampjunar ta’ produtturi, importaturi u produtturi esportaturi tal-Unjoni, il-premessi minn (9) sa (17) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

1.7.   Eżami individwali

(17)

Kif spjegat fil-premessa (18) tar-Regolament provviżorju, produttur esportatur fiċ-Ċina, GDH Zhongyue (Zhongshan) Tinplate Industry Co., Ltd., talab eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u pprovda tweġiba għall-kwestjonarju sad-data ta’ skadenza. Din it-talba ġiet imtennija wara d-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni kienet sabet b’mod provviżorju li eżami ta’ din it-talba kien ikun oneruż bla bżonn u ma kienx jippermetti t-tlestija tal-investigazzjoni fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni fakkret li hija kienet illimitat il-kampjun tagħha għal żewġ kumpaniji li jirrappreżentaw l-akbar volum ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina li setgħu jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Iż-żewġ kumpaniji kkooperaw bis-sħiħ, u dan kien jinkludi eżami u verifika (permezz ta’ kontroverifiki mill-bogħod jew “RCCs”) tal-informazzjoni pprovduta minn diversi entitajiet relatati kemm fiċ-Ċina kif ukoll fl-Unjoni, li pprekludew lill-Kummissjoni milli teżamina individwalment lil GDH Zhongyue (Zhongshan) Tinplate Industry Co., Ltd. flimkien mal-kumpaniji inklużi fil-kampjun. Din il-konklużjoni baqgħet valida wkoll matul l-istadju definittiv. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix eżami individwali lil din il-kumpanija.

1.8.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika

(18)

Kif stabbilit fil-premessi (19) u (21) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil tliet produtturi tal-Unjoni, lill-ilmentatur, lil importatur mhux relatat wieħed u lil utenti magħrufa, kif ukoll lil tliet produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati. Hija bagħtet ukoll kwestjonarji lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”) dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, kif ukoll dwar id-distorsjonijiet tal-materja prima fiċ-Ċina fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat.

(19)

Minbarra l-RCCs imsemmija fil-premessa (23) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni wettqet ukoll żjara ta’ verifika fl-utent tal-Unjoni li ġej:

—

Eviosys, Pariġi (Franza)

1.9.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(20)

Kif iddikjarat fil-premessa (24) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “il-PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(21)

Il-Kummissjoni tfakkar li, kif stabbilit fil-premessa (25) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat huwa prodotti ta’ ħadid jew azzar mhux illigat irromblati ċatti, mgħottijin jew miksijin b’ossidi tal-kromu jew bi kromu u ossidi tal-kromu li joriġinaw mir-RPĊ u mill-Brażil, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7210 50 00 u 7212 50 20 (“il-prodott ikkonċernat”).

(22)

L-ECCS jintużaw f’firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet, tipikament għall-imballaġġ tal-konsumatur u dak industrijali. Huma jintużaw l-aktar spiss għall-imballaġġ tal-ikel, pereżempju fil-wiċċ u l-qiegħ tal-vażetti tal-landa, fit-tappijiet bil-kamin, fit-tabs, eċċ. Tipi oħrajn ta’ użi jinkludu partijiet esterni għall-apparat tad-dar, kontenituri ta’ films fotografiċi, materjal protettiv għall-protezzjoni tal-fibra ottika jew partijiet elettriċi u elettroniċi oħrajn.

2.2.   Prodott simili

(23)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kummenti ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi (27) u (28) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.   DUMPING

3.1.   Iċ-Ċina

(24)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti bil-miktub mingħand iż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, is-CISA u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“GTĊ”) dwar is-sejbiet ta’ dumping provviżorju.

3.1.1.   Valur normali

(25)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (42) sa (109) tar-Regolament provviżorju.

3.1.2.   L-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(26)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA u l-GTĊ ikkummentaw dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fl-investigazzjoni attwali. Barra minn hekk, Baosteel approvat il-kummenti tas-CISA.

Argumenti dwar ir-Rapport  (4)

(27)

Il-GTĊ sostna li r-Rapport huwa fattwalment u legalment żbaljat u d-deċiżjonijiet ibbażati fuqu huma neqsin mill-leġittimità. Min-naħa fattwali, skont il-GTĊ, ir-Rapport huwa miżrappreżentattiv, ixaqleb lejn naħa waħda u maqtugħ mir-realtà. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ħarġet rapporti tal-pajjiżi għal ftit pajjiżi magħżula jqajjem tħassib dwar it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit (“MFN”). Barra minn hekk, fil-fehma tal-GTĊ, li l-Kummissjoni tiddependi fuq l-evidenza fir-Rapport ma huwiex konformi mal-ispirtu ta’ liġi ġusta u xierqa, minħabba li dan jipprovdi vantaġġi inġusti lill-industrija tal-Unjoni u minħabba li effettivament jammonta għal ġudizzju tal-każ qabel il-proċess.

(28)

Bl-istess mod, is-CISA sostniet li l-Kummissjoni straħet b’mod eċċessiv fuq ir-Rapport, li fl-opinjoni tas-CISA jxaqleb lejn naħa waħda, ma huwiex oġġettiv, huwa skadut, u deliberatament iħalli barra elementi fattwali biex jiffaċilita t-tressiq tal-ilmenti abbażi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, is-CISA ma qablitx mat-tweġiba tal-Kummissjoni fit-Taqsima 3.1.3. tar-Regolament provviżorju, fejn il-Kummissjoni sostniet li kemm il-GTĊ kif ukoll partijiet oħrajn kellhom l-opportunità li jissottomettu informazzjoni li tirribatti s-sorsi inklużi fir-Rapport billi jispeċifikaw li l-oneru tal-prova huwa f’dan il-każ f’idejn l-awtorità investigattiva u mhux f’idejn l-esportaturi ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, is-CISA ssottolinjat li r-Rapport ma kienx jikkonċerna l-industrija tal-ECCS, iżda huwa sempliċiment dokument wieħed li jgħodd għal kulħadd li l-Kummissjoni tuża għal diversi investigazzjonijiet b’mod indiskriminat. Barra minn hekk, is-CISA sostniet li l-Pjanijiet ta’ Ħames Snin (“FYP”) li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fl-investigazzjoni tagħha biex turi l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti huma sempliċiment dokumenti ta’ gwida li jesprimu fehmiet ta’ politika għall-futur, simili għal tali dokumenti ppubblikati wkoll fl-Unjoni Ewropea u, b’hekk, ma għandhomx effett distorsiv. Fl-aħħar nett, is-CISA sostniet li t-13-il FYP imsemmi fir-Rapport ikopri biss il-perjodu sal-2020, li jfisser li ma kienx rilevanti għat-tieni parti tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(29)

Il-Kummissjoni ma qablitx. Dawn l-argumenti kienu diġà fil-biċċa l-kbira indirizzati fir-Regolament provviżorju u, għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet mill-premessi minn (68) sa (70) tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni naqset milli tara kif, pereżempju, ir-referenza għal-leġiżlazzjoni Ċiniża fis-seħħ tista’ tkun maqtugħa mir-realtà. Bl-istess mod, is-CISA affermat li l-Kummissjoni tħalli barra ċirkostanzi, elementi u konklużjonijiet fattwali li jikkontradixxu l-iskop tar-Rapport, mingħajr ma indikat liema ċirkostanzi jew elementi fattwali speċifiċi jpoġġu f’dubju l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-oneru tal-prova, kemm ir-Rapport kif ukoll l-evidenza l-oħra mressqa kienu jfissru li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-oneru tal-prova tagħha, u li la s-CISA u lanqas partijiet interessati oħrajn ma setgħu jirribattu l-evidenza mressqa. Il-Kummissjoni ssottolinjat ukoll li l-FYPs ippubblikati mill-GTĊ ma humiex biss dokumenti ta’ gwida ġenerali, iżda huma ta’ natura legalment vinkolanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għall-analiżi dettaljata tal-pjanijiet fil-Kapitolu 4 tar-Rapport, b’taqsima ddedikata speċifikament għan-natura vinkolanti tal-pjanijiet fit-Taqsima 4.3.1.

(30)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li t-13-il FYP kien irrilevanti għat-tieni parti tal-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2021), il-Kummissjoni tenniet, kif diġà ddikjarat fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju, li l-14-il FYPs bdew jiġu ppubblikati biss matul l-2021. Bħala eżempju, l-14-il FYP Ġenerali ġie ppubblikat fit-12 ta’ Marzu, l-14-il FYP dwar ir-Ruttam tal-Azzar fil-15 ta’ Settembru u l-14-il FYP dwar l-Iżvilupp tal-Materja Prima fil-21 ta’ Diċembru 2021. Il-Kummissjoni nnotat li matul il-perjodu bejn id-data tal-applikazzjoni tat-13-il FYP u l-pubblikazzjoni tal-14-il FYP, id-dispożizzjonijiet tat-13-il FYP kienu għadhom applikabbli. Fi kwalunkwe każ, irrispettivament minn meta ġew ippubblikati eżattament l-14-il FYPs individwali, il-fatt li t-13-il FYP kien applikabbli matul l-ewwel nofs tal-perjodu ta’ investigazzjoni diġà huwa indikattiv tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(31)

Mad-divulgazzjoni finali, il-GTĊ issottometta mill-ġdid l-affermazzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapport, mingħajr ma żied aktar elementi mal-argumentazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni nnotat li dawn l-affermazzjonijiet kienu diġà indirizzati fil-premessi minn (68) sa (70) tar-Regolament provviżorju, kif ukoll fil-premessa (29) hawn fuq.

(32)

Bl-istess mod, is-CISA tenniet il-kritika tagħha tar-Rapport wara d-divulgazzjoni finali, u ddikjarat mill-ġdid il-fehma tagħha li r-Rapport jonqos milli jissodisfa l-istandards ta’ evidenza imparzjali u oġġettiva. Barra minn hekk, is-CISA qajmet mill-ġdid il-kwistjoni tat-13-il FYP, filwaqt li indikat li, minn naħa, jenħtieġ li l-pjan ma jitqiesx bħala liġi vinkolanti iżda pjuttost bħala dokument ta’ politika ġenerali, li jeżisti wkoll fl-UE, u li, min-naħa l-oħra, nofs il-PI jaqa’ barra mill-perjodu kopert mit-13-il FYP. F’dak ir-rigward, is-CISA stiednet lill-Kummissjoni tispjega kif il-kontenut tat-13-il FYP jista’ jitqies bħala evidenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti wara li l-applikazzjoni tiegħu tkun skadiet.

(33)

Il-Kummissjoni ma qablitx. L-ewwel nett, kif diġà ġie rrimarkat fil-premessa (29) hawn fuq, iċ-Ċina topera ċiklu ta’ ppjanar perjodiku ta’ ħames snin. F’dak iċ-ċiklu, id-dokumenti ta’ ppjanar individwali għaċ-ċiklu li ġej diġà kienu qed jitħejjew matul dak preċedenti filwaqt li, fl-istess ħin, id-dokumenti ta’ ppjanar individwali taċ-ċiklu li ġej jistgħu jinħarġu formalment b’xi dewmien wara l-iskadenza tad-dokumenti ta’ ppjanar korrispondenti taċ-ċiklu preċedenti. Il-fatt li d-data tat-tmiem formali tat-13-il FYP tista’ taqa’ f’nofs il-PI jew li l-14-il FYPs rilevanti ġew ippubblikati b’ċerta lakuna ta’ żmien wara t-tmiem tal-perjodu ta’ ppjanar preċedenti ma jistax ibiddel in-natura tas-sistema ta’ ppjanar Ċiniża li fiha l-awtoritajiet u l-operaturi tan-negozju dejjem isibu ruħhom parti minn ċiklu ta’ ppjanar. Il-Kummissjoni ma qablitx ukoll mal-argument tas-CISA li t-13-il FYP kien sempliċi dokument ta’ politika ġenerali dwar il-prijoritajiet ta’ investiment pubbliku. L-ewwel nett, is-CISA ma ressqet l-ebda argument li jikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni fit-Taqsima 4.3.1. tar-Rapport, kif imsemmi fil-premessa (29) hawn fuq. Barra minn hekk, it-tqabbil mis-CISA tal-“Istrateġija Industrijali l-Ġdida” tal-Kummissjoni mat-13-il FYP ma huwiex f’loku fuq għadd ta’ livelli, bħat-tipoloġija tad-dokumenti (komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE meta mqabbla ma’ dokument attwalment adottat mill-ogħla korp leġiżlattiv Ċiniż), kif ukoll in-natura u s-sustanza tagħhom (dokument ta’ spjegazzjoni li jiddeskrivi l-prijoritajiet ta’ politika jitqabbel ma’ gwida preskrittiva mimlija miri tal-output industrijali u obbligi ta’ implimentazzjoni espliċiti għas-suġġetti kollha kkonċernati).

(34)

Konsegwentement, l-argumenti mressqa mill-GTĊ u mis-CISA ġew irrifjutati u l-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi minn (68) sa (70) tar-Regolament provviżorju.

Argumenti dwar il-kompatibbiltà tad-WTO tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(35)

L-ewwel, kemm il-GTĊ kif ukoll is-CISA sostnew li l-kostruzzjoni tal-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku hija inkonsistenti mal-Ftehim dwar l-Anti-Dumping (“ADA”) tad-WTO, b’mod partikolari mal-Artikolu 2.2. tal-ADA, li jipprovdi lista eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet fejn jista’ jinħadem il-valur normali, bid-“distorsjonijiet sinifikanti” ma jkunux elenkati fost tali sitwazzjonijiet.

(36)

It-tieni, l-użu ta’ data minn pajjiż rappreżentattiv xieraq huwa, skont il-GTĊ u s-CISA, inkonsistenti mal-Artikolu VI.1(b) tal-GATT u mal-Artikolu 2.2.1.1. tal-ADA, li jirrikjedu l-użu tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini meta jinħadem il-valur normali. Fil-fehma tas-CISA, il-Kummissjoni injorat is-sejba tal-Korp tal-Appell fl-Unjoni Ewropea – Miżuri Anti-Dumping fuq il-Bijodiżil mill-Arġentina (“DS473”) li l-użu permissibbli tad-data mis-sors barra mill-pajjiż esportatur “ma jfissirx li awtorità investigattiva tista’ sempliċiment tissostitwixxi l-kost minn barra l-pajjiż tal-oriġini għall-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini.” Is-CISA fakkret ukoll li skont il-Korp tal-Appell f’DS473, meta bbażat fuq kwalunkwe informazzjoni barra mill-pajjiż biex tiddetermina l-“kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini” skont l-Artikolu 2.2 tal-ADA, awtorità investigattiva għandha tiżgura li tali informazzjoni tintuża biex tasal għall-“kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini” u dan jista’ jirrikjedi li l-awtorità tal-investigazzjoni tadatta dik l-informazzjoni. Madankollu, skont is-CISA, l-ebda rekord ma wera li l-Kummissjoni għamlet sforzi biex tadatta d-data mill-pajjiż rappreżentattiv xieraq biex tasal għall-kost tal-produzzjoni fiċ-Ċina. Fil-fehma tas-CISA, dan jidher li huwa inkonsistenti mal-obbligu tal-UE skont l-Artikolu 2.2 tal-ADA.

(37)

It-tielet, il-GTĊ u s-CISA affermaw li l-prattiki investigattivi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma inkonsistenti mar-regoli tad-WTO sa fejn il-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 2.2.1.1. tal-ADA, injorat ir-rekords tal-produtturi Ċiniżi mingħajr ma ddeterminat jekk dawk ir-rekords kinux konformi mal-prinċipji kontabilistiċi aċċettati b’mod ġenerali fiċ-Ċina u jekk jirriflettux b’mod raġonevoli l-kostijiet assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ. Is-CISA affermat f’dan ir-rigward li l-prattika tal-Kummissjoni kienet diġà nstabet li hija inkonsistenti mad-WTO fid-DS473. Il-GTĊ fakkar ukoll li l-Korp tal-Appell fid-DS473 u r-Rapport tal-Bord fl-Unjoni Ewropea – Cost Adjustment Methodologies II (ir-Russja) (“DS494”) asserixxew li, skont l-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA, sakemm ir-rekords miżmuma mill-esportatur jew mill-produttur taħt investigazzjoni jkunu jikkorrespondu – fi ħdan limiti aċċettabbli – b’mod preċiż u affidabbli, għall-kostijiet effettivi kollha mġarrba mill-produttur jew mill-esportatur partikolari għall-prodott taħt kunsiderazzjoni, huma jistgħu jitqiesu li “jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat”, u jenħtieġ li l-awtorità investigattiva tuża tali rekords biex tiddetermina l-kost tal-produzzjoni tal-produtturi investigati.

(38)

Fir-rigward tal-ewwel affermazzjoni, is-CISA diġà ressqet l-argument identiku fil-kummenti tagħha dwar l-Ewwel Nota u l-Kummissjoni indirizzat dan fid-dettall fil-premessa (66) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha f’dik il-premessa.

(39)

Fir-rigward tat-tieni argument, hija fil-biċċa l-kbira affermazzjoni mill-ġdid tal-affermazzjoni diġà indirizzata fil-premessi (65) u (66) tar-Regolament Provviżorju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li meta tapplika l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, hija marbuta li tuża kostijiet mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq biex tiżgura li l-kostijiet applikati ma jiġux affettwati minn distorsjonijiet u jkunu bbażati fuq data disponibbli faċilment. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni speċifika mis-CISA li tissostanzja aktar aġġustamenti, il-kostijiet mingħajr distorsjoni fil-pajjiż rappreżentattiv ibbażati fuq id-data disponibbli faċilment tqiesu li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessa (66) tar-Regolament provviżorju u rrifjutat din l-affermazzjoni.

(40)

Fir-rigward tat-tielet argument, minbarra li tenniet il-pożizzjoni li s-CISA diġà kkomunikat fil-kummenti tagħha dwar l-Ewwel Nota u affermat li l-Kummissjoni allegatament tirrepeti l-iżbalji legali tagħha stabbiliti f’DS473, l-argument jidher li huwa tal-istess natura bħal dak diġà indirizzat fil-premessi (66) u (67) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjoni u kkonfermat is-sejbiet provviżorji tagħha.

(41)

Mad-divulgazzjoni finali, il-GTĊ issottometta mill-ġdid l-affermazzjonijiet tiegħu dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mar-regoli tad-WTO, kif ukoll dwar il-prattiki investigattivi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-użu tar-rekords tal-produtturi Ċiniżi, mingħajr ma żied aktar elementi fl-argumentazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni nnotat li dawn l-affermazzjonijiet kienu diġà indirizzati fil-premessi minn (65) sa (67) tar-Regolament provviżorju, kif ukoll fil-premessi minn (35) sa (37) hawn fuq. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat ukoll dawn l-argumenti u kkonfermat is-sejbiet provviżorji tagħha.

Argumenti oħrajn li jikkonċernaw distorsjonijiet sinifikanti

(42)

Il-GTĊ sostna li jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun konsistenti u teżamina bis-sħiħ jekk hemmx l-hekk imsejħa distorsjonijiet tas-suq fil-pajjiż rappreżentattiv. Il-fatt li d-data tal-pajjiż rappreżentattiv tiġi aċċettata faċilment mingħajr tali evalwazzjoni jirrappreżenta “standards doppji”. Il-GTĊ indika li skont id-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija obbligata li tuża prezzijiet mingħajr distorsjoni biex tikkostruwixxi l-valur normali. Għalhekk, fil-fehma tal-GTĊ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li tinvestiga u tipprova l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-pajjiżi rappreżentattivi, aktar milli tistenna b’mod passiv lill-partijiet involuti fil-każ jissottomettu l-evidenza. Il-GTĊ sostna wkoll li jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina jekk hemmx distorsjonijiet tas-suq fis-suq domestiku tal-UE, mhux l-inqas minħabba li allegatament hemm ħafna sitwazzjonijiet fl-UE li jenħtieġ li jqajmu tħassib dwar il-potenzjal ta’ “distorsjonijiet tas-suq”.

(43)

Il-GTĊ issottometta mill-ġdid dawn l-affermazzjonijiet ukoll wara divulgazzjoni definittiva, filwaqt li tenna l-pożizzjoni tiegħu li jenħtieġ li r-regolamentazzjoni meħtieġa tal-operat ekonomiku ta’ gvern ma titqiesx bħala li tfixkel is-suq u lanqas ma jenħtieġ li titqies bħala bażi biex jiżdied b’mod artifiċjali l-marġni tad-dumping ta’ prodotti importati mingħajr ma jiġi vvalutat l-impatt ta’ mġibiet simili fuq il-kostijiet tal-produzzjoni fis-suq domestiku.

(44)

Is-CISA indikat li, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tad-distorsjonijiet sinifikanti jenħtieġ li ssir għal kull esportatur separatament, xi ħaġa li ma saritx fl-investigazzjoni attwali.

(45)

Fir-rigward tal-argumenti mill-GTĊ, il-Kummissjoni fakkret li, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, hija tipproċedi biex tikkostruwixxi l-valur normali abbażi tad-data magħżula, għajr il-prezzijiet domestiċi u l-kostijiet fil-pajjiż esportatur biss fejn hija tistabbilixxi li tali data hija xierqa biex tirrifletti l-prezzijiet u l-kostijiet mingħajr distorsjoni. F’dan il-proċess, il-Kummissjoni hija marbuta li tuża biss data mingħajr distorsjoni. F’dak ir-rigward, minflok toqgħod tistenna b’mod passiv, il-Kummissjoni tagħmel l-analiżi tagħha stess u tistieden ukoll lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar is-sorsi proposti għad-determinazzjoni tal-valur normali fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni, jiġifieri permezz tan-noti dwar is-sorsi mingħajr distorsjoni li għandha l-ħsieb li tuża rilaxxati kmieni fil-proċediment. Id-deċiżjoni aħħarija tal-Kummissjoni dwar liema data mingħajr distorsjoni jenħtieġ li tintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali tqis bis-sħiħ il-kummenti kollha rċevuti mill-partijiet. Fir-rigward tat-talba tal-GTĊ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa d-distorsjonijiet possibbli fis-suq intern tal-UE, il-Kummissjoni naqset milli tara r-rilevanza ta’ dan il-punt fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(46)

L-argument mis-CISA diġà ġie diskuss u rrifjutat fil-premessi (71) u (72) tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni nnotat li s-CISA tidher li għażlet li taqra biss l-ewwel sentenza tal-premessa (72) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni rreferiet għat-tieni sentenza ta’ dik il-premessa u għall-analiżi sottostanti fit-Taqsima 3.1.3. tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ argumenti addizzjonali mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat b’mod definittiv is-sejbiet tagħha fil-premessi msemmija qabel tar-Regolament provviżorju.

3.1.3.   Pajjiż rappreżentattiv

(47)

Ma wasal l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati li jikkontesta l-adegwatezza tal-Brażil bħala pajjiż rappreżentattiv u tas-CSN bħala produttur fil-pajjiż rappreżentattiv. Għalhekk, il-konklużjoni tal-premessa (87) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata.

3.1.4.   Il-parametri referenzjarji użati biex jiġi stabbilit il-valur normali

(48)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, is-CISA u Baosteel ikkummentaw dwar xi wħud mill-prezzijiet referenzjarji u affermaw li jenħtieġ li jintużaw prezzijiet referenzjarji aktar rappreżentattivi oħrajn.

(49)

L-ewwel, is-CISA u Baosteel qajmu dubji dwar l-użu tal-prezzijiet tal-azzar domestiku Brażiljan biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet referenzjarji għall-azzar illaminat bis-sħana u għall-azzar illaminat fil-kiesaħ. Skont dawn il-partijiet, il-prezzijiet tal-azzar domestiku Brażiljan kienu ferm ogħla minn dawk f’pajjiżi ewlenin oħrajn li jipproduċu l-azzar, bħat-Turkija u l-Indja. Fil-fehma tagħhom, il-prezzijiet tal-azzar domestiku Brażiljan kienu distorti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u, għalhekk, ma setgħux jitqiesu bħala parametru referenzjarju rappreżentattiv.

(50)

Il-Kummissjoni rrimarkat li l-Brażil intgħażel bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq f’konformità mal-kriterji oġġettivi stabbiliti fl-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament Bażiku. Il-Kummissjoni qieset li l-prezzijiet domestiċi Brażiljani tal-kojls tal-azzar illaminati bis-sħana (“HRC”) u tal-kojls tal-azzar illaminati fil-kiesaħ (“CRC”) ippubblikati minn Metal Bulletin kienu xierqa f’dak ir-rigward.

(51)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda indikazzjoni li dawn il-prezzijiet domestiċi kienu distorti u mhux xierqa biex jintużaw bħala parametri referenzjarji. Il-Kummissjoni ma qisitx li kien hemm miżuri implimentati fil-Brażil li setgħu jitqiesu bħala li jfixklu l-prezzijiet domestiċi tal-kojls tal-azzar, sal-punt li jenħtieġ li dawn jiġu injorati.

(52)

Is-CISA u Baosteel indikaw in-numru limitat ta’ produtturi tal-azzar fil-Brażil u l-livell baxx konsegwenti ta’ kompetizzjoni. Is-CISA u Baosteel indikaw li skont rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Kummerċ (ITC) tal-Istati Uniti (5), “maġġoranza kbira” tal-azzar illaminat fil-kiesaħ fil-Brażil ġiet prodotta minn tliet kumpaniji. Is-CISA u Baosteel indikaw ukoll xi żviluppi reċenti tal-industrija Brażiljana tal-azzar illaminat fil-kiesaħ miġbura fil-qosor fl-istess rapport. Dawn l-iżviluppi kienu jinkludu bidliet fl-operazzjonijiet mit-tliet produtturi tal-azzar Brażiljani, bħal produzzjoni mwaqqfa, għeluq u tifi, idling temporanju u espansjonijiet matul il-perjodu 2015-2021. Barra minn hekk, il-produzzjoni grossa u l-konsum gross naqsu fil-Brażil bejn l-2018 u l-2020. Din is-sitwazzjoni kienet allegatament aggravata mid-deprezzament tar-Real Brażiljan. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li dawn l-allegazzjonijiet kollha kienu ta’ natura ġenerali u ma wrewx li l-prezzijiet domestiċi kienu affettwati minn distorsjonijiet.

(53)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-Brażil għandu produzzjoni sinifikanti ta’ prodotti tal-azzar, huwa fost l-aktar 10 pajjiżi li jipproduċu l-azzar fid-dinja bi produzzjoni ta’ 36,2 miljun tunnellata ta’ azzar mhux maħdum u 34,8 miljun tunnellata ta’ prodotti tal-azzar fl-2021 (6). Hemm 31 impjant tal-azzar fil-Brażil, immexxija minn 12-il grupp tan-negozju (7). Suq ta’ tliet kompetituri ewlenin, kif spjegat fid-dettall fir-rapport tal-ITC, u diversi atturi sekondarji, ma jistax jitqies bħala tali bħala suq mhux kompetittiv, mingħajr evidenza speċifika li dan is-suq mhux qed jiffunzjona kif suppost. Għalhekk, l-allegazzjoni li l-prezzijiet Brażiljani kienu distorti minħabba konċentrazzjoni għolja u kompetizzjoni limitata ma tistax tiġi aċċettata. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-istruttura tas-suq Brażiljan kif allegata, titqies bħala suq ikkonċentrat, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis l-allegat livell ta’ konċentrazzjoni fis-suq fih innifsu bħala “distorsjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(6a). Ma kien hemm l-ebda evidenza li l-prezzijiet domestiċi kienu konsegwenza ta’ direzzjoni jew intervent mill-Istat mal-forzi normali tas-suq. Għall-kuntrarju, l-evidenza tissuġġerixxi suq kompetittiv, u l-iżviluppi reċenti tal-industrija Brażiljana tal-azzar illaminat fil-kiesaħ deskritti fil-premessa (52) ma kinux jikkontradixxu din is-sejba. Dan jagħmel is-suq tal-azzar Brażiljan u l-prezzijiet tiegħu rappreżentattivi, u mill-inqas parzjalment protetti mill-effett ta’ fluttwazzjonijiet tal-munita.

(54)

Is-CISA u Baosteel semmew ukoll l-eżistenza ta’ dazji fuq l-importazzjoni ta’ 12 % fuq l-HRC u s-CRC bħala distorsjoni ulterjuri tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni qieset li s-sempliċi eżistenza ta’ dazji fuq l-importazzjoni fiha nnifisha ma setgħetx twassal għall-konklużjoni li l-prezzijiet domestiċi kienu distorti, u l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi japplikaw xi livell ta’ dazji fuq l-importazzjoni. Barra minn hekk, kif stabbilit fil-premessa (55), għall-biċċa l-kbira tas-sena, il-prezzijiet Brażiljani segwew mill-qrib dawk ta’ swieq emerġenti oħrajn u, b’hekk, ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ distorsjonijiet strutturali jew sistemiċi.

(55)

Is-CISA u Baosteel irreferew ukoll għal allegat żbilanċ fis-suq Brażiljan tal-azzar ċatt fl-2020, li wassal għal żieda fil-prezzijiet. Madankollu, din iż-żieda fil-prezzijiet ġiet osservata globalment. Skont l-OECD (8), f’Jannar 2021, il-prezzijiet tal-azzar ċatt kienu 47 % ogħla mis-sena ta’ qabel. Barra minn hekk, skont id-data dwar il-prezzijiet sottomessa mis-CISA u minn Baosteel, il-prezzijiet Brażiljani ġeneralment segwew dawk f’ekonomiji oħrajn ta’ pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp, ħlief għall-aħħar xahrejn tal-perjodu ta’ investigazzjoni; madankollu, f’dawk ix-xahrejn, il-prezzijiet żdiedu b’mod simili għal dawk fl-Ewropa. Għalhekk, l-iżviluppi tal-prezzijiet fil-Brażil ma dehrux li kienu diżakkoppjati mix-xejriet globali li jrendu dawk il-prezzijiet mhux rappreżentattivi jew distorti.

(56)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-prezzijiet Brażiljani kienu ferm ogħla minn dawk f’pajjiżi ewlenin oħrajn li jipproduċu l-azzar, bħat-Turkija u l-Indja, il-Kummissjoni nnotat li d-differenzi sempliċi fil-prezzijiet bħala tali bejn pajjiżi rappreżentattivi potenzjali differenti ma humiex ġustifikazzjoni suffiċjenti biex jiġu rrifjutati l-prezzijiet fil-pajjiż rappreżentattiv. Dejjem għandu jkun hemm xi differenzi fil-prezzijiet u varjazzjonijiet lokali bejn id-diversi fatturi tal-produzzjoni fil-pajjiżi rappreżentattivi potenzjali differenti. Dawn id-differenzi oġġettivi fil-prezzijiet fihom infushom ma humiex indikazzjoni ta’ distorsjonijiet fil-pajjiż rappreżentattiv magħżul. Kieku dan kien il-każ, dan iwassal biex jintużaw b’mod sistematiku l-aktar valuri baxxi fil-pajjiżi rappreżentattivi potenzjali kollha. Dan ma jkunx konformi mal-ittra u l-motiv tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Minflok, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tuża, sa fejn ikun possibbli (jiġifieri, fin-nuqqas ta’ distorsjonijiet jew sitwazzjonijiet anormali), il-prezzijiet domestiċi fl-istess pajjiż rappreżentattiv magħżul sabiex tiġi żgurata l-koerenza, billi l-kundizzjonijiet tas-suq huma simili għall-inputs kollha f’dak il-pajjiż. Barra minn hekk, kif ġie nnotat fil-premessa (55), il-prezzijiet Brażiljani ġeneralment segwew dawk ta’ ekonomiji oħrajn ta’ pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp. Iż-żieda fl-aħħar xahrejn tal-perjodu ta’ investigazzjoni ma kinitx diżakkoppjata mix-xejra globali taż-żieda fil-prezzijiet matul dak il-perjodu, u l-Kummissjoni nnotat li, fi kwalunkwe każ, iż-żieda fil-prezzijiet matul dak il-perjodu ma kellhiex impatt sinifikanti fuq il-kalkolu tal-marġni tad-dumping. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(57)

Baosteel ikkontestat ukoll il-parametru referenzjarju mill-GTA użat għall-Blokka tal-Ħadid Ippressata bis-Sħana. Baosteel sostniet li l-kodiċi NM 7326 90 (“oġġetti oħrajn tal-ħadid jew tal-wajer tal-azzar”) fih kamp ta’ applikazzjoni kbir ta’ prodotti, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma aktar għaljin minn Blokka tal-Ħadid Ippressata bis-Sħana.

(58)

Il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet tal-GTA ta’ “oġġetti oħrajn tal-ħadid jew tal-wajer tal-azzar” li jaqgħu taħt il-kodiċi SA 7326 90 kienu ta’ firxa kompletament differenti meta mqabbla mal-prezzijiet ġeneralment osservati għall-blokok u għar-ruttam tal-ħadid effettivament użati għall-produzzjoni tal-azzar fl-istadju tat-tidwib tal-konvertitur (jiġifieri fattur ta’ aktar minn 30) u li l-valur marbut ma’ dan il-kodiċi b’hekk ma kienx rappreżentattiv tal-fattur speċifiku tal-produzzjoni. Għalhekk, hija aċċettat li l-parametru referenzjarju użat b’mod provviżorju ma kienx xieraq. Il-Kummissjoni sabet li l-aktar prodott simili għall-blokok tal-ħadid ippressati bis-sħana użat għall-produzzjoni tal-azzar u li għalih kien disponibbli prezz ta’ referenza kien il-ħadid magħmul f’mattunelli meta jaħraq (jew “HBI”). Skont il-Metal Bulletin, il-prezz tal-ħadid magħmul f’mattunelli meta jaħraq, inkluża l-merkanzija (9), kien ta’ medja ta’ 2 464 CNY/tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża dan il-prezz b’mod definittiv bħala prezz ta’ referenza.

(59)

It-tielet nett, Baosteel ikkontestat il-parametru referenzjarju mill-GTA użat għal “Estrużjonijiet tal-Aluminju”.

(60)

Wara li ġie analizzat il-prodott attwalment użat minn Baosteel, instab li l-materja prima użata fil-konvertitur u fil-proċess tar-raffinar kienet ir-ruttam tal-aluminju aktar milli “Estrużjonijiet tal-Aluminju”. B’hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissostitwixxi l-parametru referenzjarju bil-prezz tal-GTA tar-ruttam u l-iskart tal-aluminju li jaqgħu taħt il-kodiċi SA għal din il-materja prima (7602 00). Il-prezz ta’ referenza mingħajr distorsjoni tar-ruttam tal-aluminju ġie ddeterminat għal 15 132 CNY/tunnellata.

(61)

Fl-aħħar nett, Baosteel ikkontestat l-użu tal-parametru referenzjarju tal-GTA għat-Trab tal-Mineral tal-Ħadid. Skont Baosteel, il-maġġoranza l-kbira ta’ din il-materja prima ġiet importata minn pajjiżi b’ekonomija tas-suq (l-aktar mill-Awstralja u mill-Brażil) u f’USD. Konsegwentement, Baosteel talbet lill-Kummissjoni tuża l-prezz tal-importazzjoni attwali rrapportat minn Baosteel minflok il-prezz ta’ referenza.

(62)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li Baosteel ma importatx direttament, iżda permezz ta’ kumpanija relatata stabbilita f’Hong Kong u li hija ma kinitx ipprovdiet biżżejjed evidenza xierqa li tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi b’mod pożittiv li l-prezz tax-xiri finali ta’ Baosteel ma kienx affettwat mir-relazzjoni bejn il-kumpaniji relatati u/jew mid-distorsjonijiet sinifikanti prevalenti fiċ-Ċina kif mitlub mit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament Bażiku. B’hekk, l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(63)

Għalhekk, il-Kummissjoni użat għad-determinazzjoni finali tagħha tal-valur normali għal Baosteel il-parametri referenzjarji stabbiliti fil-premessi minn (93) sa (102) tar-Regolament provviżorju, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ materji primi, kif spjegat hawn fuq fil-premessi (58) u (60).

(64)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkostruwiet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ex-works. Il-metodoloġija tal-kalkolu tal-valur normali ġiet stabbilita fil-premessi minn (103) sa (109) tar-Regolament provviżorju, li fin-nuqqas ta’ kummenti hija hawnhekk ikkonfermata.

3.1.5.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(65)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (110) u (111) tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet provviżorji tagħha.

3.1.6.   Tqabbil

(66)

Id-dettalji dwar it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (112) u (113) tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet provviżorji tagħha.

3.1.7.   Il-marġnijiet tad-dumping

(67)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni dwar il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-premessa (114) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata. Kif spjegat fil-premessi (116) u (117) tar-Regolament provviżorju, għall-kumpaniji li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkolat il-medja ponderata tal-marġnijiet tad-dumping taż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fiċ-Ċina, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Billi l-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ kien baxx, il-Kummissjoni ddeċidiet li kien xieraq li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping residwu fil-livell tal-ogħla marġni ta’ dumping misjub għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi mill-produttur esportatur li kkoopera inkluż fil-kampjun bl-ogħla marġni ta’ dumping.

(68)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd.

30,7  %

Handan Jintai Packing Material Co., Ltd.

53,9  %

Kumpaniji li kkooperaw

34,6  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

77,9  %

3.2.   Il-Brażil

(69)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti bil-miktub mingħand il-produttur esportatur li kkoopera, CSN, dwar is-sejbiet ta’ dumping provviżorju.

3.2.1.   Valur Normali

(70)

Id-dettalji tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (119) sa (127) tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet provviżorji tagħha.

3.2.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(71)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessa (128) tar-Regolament provviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet provviżorji tagħha.

3.2.3.   Tqabbil

(72)

Id-dettalji dwar it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (129) u (130) tar-Regolament provviżorju.

(73)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-produttur esportatur CSN afferma li fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju huwa kien enfasizza li l-kwistjonijiet ta’ kwalità jenħtieġ li jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, li huwa kien indika tali kwistjonijiet fid-data tal-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni tiegħu u li huwa kien ipprovda dimostrazzjoni ulterjuri f’dan is-sens matul l-RCCs. Għalhekk, CSN talab lill-Kummissjoni tikkunsidra fil-kalkoli tad-dumping tagħha d-differenzi fil-kwalità, billi tali differenzi jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet.

(74)

Il-Kummissjoni qieset li, għalkemm CSN kien tabilħaqq ipprovda informazzjoni rigward id-differenzi fil-kwalità tal-prodott li qed jiġi investigat, hija ma kinitx għamlet talba għal aġġustament fuq din il-bażi fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, u lanqas matul l-RCC. Madankollu, fid-dawl tal-affermazzjoni li saret wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid l-informazzjoni pprovduta fir-rigward tad-differenzi fil-kwalità. Minbarra t-talba biex jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-kwalità, ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni jew data addizzjonali minn CSN wara d-divulgazzjoni provviżorja.

(75)

Differenza fil-kwalità tal-prodott ikkonċernat, f’dan il-każ ECCS tal-ewwel u tat-tieni kwalità, hija dovuta għall-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott. L-ECCS tat-tieni kwalità għandha ċerti nuqqasijiet jew difetti li jistgħu jipprevjenu l-użu tal-ECCS fl-applikazzjoni li għaliha jkun ġie prodott. Kif spjegat minn CSN matul il-proċess ta’ defiċjenza u mill-RCC, tali ECCS tat-tieni kwalità jinbiegħ bl-ingrossa minn CSN lil klijenti ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ proċedura żgħira simili għal sejħa għall-offerti, fejn il-prodott jinbiegħ lill-ogħla offerent.

(76)

L-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku jiddikjara dan li ġej: “Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott ikkonċernat. L-ammont tal-aġġustament għandu jikkorrespondi għal stima raġonevoli tal-valur tas-suq tad-differenza.”

(77)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li ma ġiet ipprovduta l-ebda stima raġonevoli tal-valur tas-suq tad-differenza minn CSN. Bi tweġiba għal waħda mill-mistoqsijiet tal-Kummissjoni matul il-proċess ta’ defiċjenza, CSN kien semma li l-ECCS tat-tieni kwalità ġeneralment ikun ċertu perċentwal inqas mill-ewwel kwalità. Madankollu, meta ġiet eżaminata d-data pprovduta mill-kumpanija fil-livell tat-tip ta’ prodott kemm għall-esportazzjoni kif ukoll għall-bejgħ domestiku, kien ċar li ma setgħet issir l-ebda dikjarazzjoni ġenerali bħal din fir-rigward tad-differenza fil-prezz.

(78)

L-ewwel nett, it-tieni kwalità mhux dejjem kienet orħos mill-ewwel kwalità. Id-differenzi fil-prezzijiet bejn l-ewwel u t-tieni kwalità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni varjaw minn perċentwal negattiv ta’ żewġ ċifri għal perċentwal pożittiv ta’ żewġ ċifri. Dan kien minnu għall-perjodu ta’ investigazzjoni kollu kemm hu, filwaqt li d-differenzi kienu saħansitra akbar meta ġew eżaminati fuq bażi ta’ kull xahar.

(79)

It-tieni nett, id-differenza fil-prezz bejn iż-żewġ kwalitajiet tista’ tvarja minn xahar għal xahar. Pereżempju, għal tip ta’ prodott speċifiku wieħed, il-Kummissjoni nnotat li l-prodott tal-ewwel kwalità kien tabilħaqq ftit aktar għali minn dak tat-tieni kwalità f’xahar, iżda kien sostanzjalment orħos minn dak tat-tieni kwalità ftit xhur biss qabel.

(80)

Mill-analiżi kien jidher ċar li d-differenzi fil-prezzijiet seħħew fuq bażi ta’ kull xahar, fejn id-differenza fil-prezz bejn l-ECCS tal-ewwel u tat-tieni kwalità tista’ tkun jew pożittiva jew negattiva, skont ix-xahar. Għall-bejgħ tal-Unjoni, dan x’aktarx kien ikkawżat mill-proċedura simili għal sejħa għall-offerti għall-bejgħ tat-tieni kwalità msemmija fil-premessa (75), fejn l-iffissar tal-prezz tat-tieni kwalità ma kienx jiddependi fuq il-prezzijiet tal-ewwel kwalità, iżda pjuttost fuq il-provvista u d-domanda fiż-żmien ta’ offerta partikolari għat-tieni kwalità. Dan ġie kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet li saru minn CSN matul l-RCC.

(81)

Billi (i) id-differenzi fil-prezzijiet bejn l-ewwel u t-tieni kwalità kienu inkonsistenti u erratiċi, (ii) ma kinux jirriflettu d-differenza ġenerali fil-prezzijiet imsemmija minn CSN fit-tweġiba tagħhom għall-ittra ta’ defiċjenza u (iii) CSN ma pprovda l-ebda evidenza ġdida li tissostanzja l-affermazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni qieset li ma kien intwera jew li ma seta’ jiġi stmat l-ebda valur tas-suq raġonevoli tad-differenza kif meħtieġ mill-Artikolu 2(10)(a). Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat it-talba ta’ CSN għal aġġustament għad-differenzi fil-kwalità.

3.2.4.   Il-marġnijiet tad-dumping

(82)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni aċċettata dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping, il-premessa (133) tar-Regolament provviżorju hija b’dan ikkonfermata.

(83)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Companhia Siderúrgica Nacional

66,8  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

66,8  %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(84)

Fil-premessa (135) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat li billi d-data relatata mal-valutazzjoni tad-dannu kienet primarjament derivata mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li tnejn minnhom jappartjenu għall-istess grupp, iċ-ċifri kollha jingħataw f’forma indiċjata jew bħala firxiet biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data pprovduta.

(85)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA affermat li l-preżentazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi fil-forma ta’ firxiet, speċjalment dwar il-konsum tal-Unjoni u inkluża d-data tal-Eurostat rigward l-esportaturi barranin b’referenza għat-Tabella 1 u t-Tabella 4 tar-Regolament provviżorju, żammitha milli tkun tista’ tikkummenta b’mod sinifikanti dwar dawn l-indikaturi u talbet lill-Kummissjoni tipprovdi data preċiża. Is-CISA sostniet ukoll li meta wieħed iqis li hemm erba’ produtturi tal-Unjoni, li jirrappreżentaw tliet gruppi ta’ produtturi indipendenti tal-Unjoni, ma hemm l-ebda periklu li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jreġġgħu lura l-informazzjoni speċifika għall-produtturi tal-Unjoni.

(86)

F’dan ir-rigward, kif spjegat fil-premessi (31) u (135) tar-Regolament provviżorju, id-data relatata mal-valutazzjoni tad-dannu kienet primarjament derivata mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li tnejn minnhom jappartjenu għall-istess grupp. Għalhekk, iċ-ċifri kollha kellhom jiġu pprovduti f’forma indiċjata jew bħala firxiet sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data pprovduta. Barra minn hekk, għalkemm hemm erba’ produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw tliet gruppi ta’ produtturi tal-Unjoni, tnejn mill-gruppi huma relatati minħabba li ArcelorMittal għandha sehem f’Acciaierie d’Italia (10). Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li hemm bżonn li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data pprovduta u, b’hekk, li jintużaw firxiet.

(87)

Il-Kummissjoni stmat li anki d-data dwar il-konsum tal-Unjoni u d-data rigward l-importazzjonijiet u s-sehem mis-suq li tinsab fit-Tabelli 1 u 4 tar-Regolament provviżorju kellhom jiġu ppreżentati f’firxiet minħabba li ċ-ċifri assoluti jagħmluha possibbli li jiġu kkalkolati l-bejgħ totali u s-sehem mis-suq tiegħu tal-produtturi tal-Unjoni u, għalhekk, li tiġi ddivulgata informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali speċifika għal produtturi tal-Unjoni individwali. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(88)

Għalhekk, il-premessi minn (134) sa (139), kif ukoll il-premessi minn (144) sa (146) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(89)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-konsum tal-Unjoni, il-premessi minn (137) sa (139) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

4.3.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(90)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, il-premessi minn (140) sa (143) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u twaqqigħ tal-prezz

(91)

Il-GTB afferma li skont l-ADA, il-parametri bażiċi għat-twettiq ta’ test tat-twaqqigħ tal-prezz huma l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u tal-prodott simili fil-Membru importatur kollu kemm hu u li ma hemm l-ebda bażi fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 tal-ADA u lanqas fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra fil-Ftehim għall-esklużjoni tal-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jifformawx il-kampjun ta’ produtturi/esportaturi, billi dawn jitqiesu li huma l-oġġett ta’ dumping. Bl-istess mod, skont il-GTB, għal analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz, ma hemm xejn fl-ADA li jawtorizza l-esklużjoni ta’ tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati jew kwalunkwe tip ieħor ta’ bejgħ li ma jitqiesx li huwa fil-perkors normali tal-kummerċ għall-kalkolu tal-prezz ta’ prodott simili tal-Membru importatur. Il-GTB irrefera għad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet f’EC – Fasteners (China) u Morocco – Definitive anti-dumping measures on exercise books (Tunisia) f’dan ir-rigward.

(92)

Barra minn hekk, il-GTB afferma li l-kliem tal-premessa (151 (11)) tar-Regolament provviżorju jissuġġerixxi li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz twettqet fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż għaċ-Ċina u għall-Brażil, għalkemm f’konformità mal-premessa (33) tar-Regolament provviżorju, “il-Kummissjoni ddeċidiet li takkumula l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati għall-finijiet tal-analiżi deskritta fil-premessi ta’ hawn fuq”. Il-fehim tal-GTB huwa li ladarba jkunu ġew akkumulati l-importazzjonijiet għall-analiżi tad-dannu, jenħtieġ li tiġi segwita l-istess proċedura fir-rigward tal-eżamijiet kollha meħtieġa mill-Artikolu 3 tal-ADA, inklużi l-effetti fuq il-prezzijiet, u rrefera għad-deċiżjoni tal-Bord f’EC – Tube or Pipe Fittings f’dan ir-rigward.

(93)

Il-GTB talab lill-Kummissjoni tiċċara jekk il-fehim tiegħu tal-fatti tal-investigazzjoni huwiex korrett u, jekk iva, twettaq l-aġġustament li ġej fil-kalkoli:

—

li tikkunsidra l-prezz tal-bejgħ kollu tal-prodott simili mill-produtturi tal-Unjoni, inklużi l-operazzjonijiet bejn partijiet relatati;

—

li tikkunsidra l-importazzjonijiet kollha tal-prodott li qed jiġi investigat miċ-Ċina u mill-Brażil, irrispettivament mill-kampjun ta’ produtturi/esportaturi magħmul skont l-Artikolu 6.10 tal-ADA; u

—

li takkumula l-importazzjonijiet mill-oriġini investigati kollha (iċ-Ċina u l-Brażil) meta jiġi vvalutat l-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq domestiku għal prodotti simili.

(94)

Il-Kummissjoni ssottolinjat li, kif ġie ddikjarat fil-premessi (186) u (194) tar-Regolament provviżorju, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni kienu mrażżna serjament mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping kemm mill-Brażil kif ukoll miċ-Ċina, li wasslu għal żieda fit-telf finanzjarju matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, l-argumenti mill-GTB jiffokaw fuq l-istandard l-ieħor tat-tqabbil tal-prezzijiet, jiġifieri, it-twaqqigħ tal-prezzijiet (ara l-premessi (91)-(92)). Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni tnaqqsu mill-2018 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni. Anki jekk l-argumenti tal-GTB kienu maħsuba biex jirreferu għat-trażżin tal-prezzijiet, ma hemm l-ebda informazzjoni fil-fajl li l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun ikunu sostanzjalment differenti mill-prezzijiet tal-produtturi inklużi fil-kampjun u, b’hekk, li l-konklużjonijiet dwar it-trażżin tal-prezzijiet ikunu differenti. Fil-fatt, tqabbil bejn il-prezzijiet tal-importazzjoni u l-prezzijiet tal-Unjoni fit-Tabelli 5 u 6 tar-Regolament provviżorju diġà juri li l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-Unjoni (ara l-premessa (149) tar-Regolament provviżorju). B’hekk, bħala parti mill-analiżi tagħha tal-effetti fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni qieset l-effetti tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet kollha fuq il-bejgħ kollu tal-industrija tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnotat li l-għażla ta’ kampjun hija pprovduta fir-Regolament bażiku, u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-ADA tad-WTO meta jkun hemm għadd kbir ta’ partijiet u, għalhekk, l-investigazzjoni tista’ tkun limitata għal għadd raġonevoli ta’ partijiet rappreżentattivi biex jintlaħqu sejbiet rappreżentattivi. Il-ġurisprudenza ċċitata mill-GTB ma appoġġjatx l-affermazzjoni li s-sejbiet rappreżentattivi fir-rigward tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun ma setgħux jintużaw biex jintlaħqu konklużjonijiet rigward il-bqija tal-bejgħ u tal-importazzjonijiet. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet mill-GTB ġew irrifjutati.

(95)

Fir-rigward tal-affermazzjonijiet dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet u s-sett tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni użat għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet tal-ECCS tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun tqabblu biss mal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tal-istess tip ta’ prodott. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkalkolat it-twaqqigħ tal-prezz għall-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati u wettqet l-analiżi tal-effetti fuq il-prezzijiet flimkien. Ir-riżultat kien twaqqigħ tal-prezz li jvarja bejn 1,9 % u 21,8 %, jiġifieri medja ponderata għaż-żewġ pajjiżi ta’ 11,2 %.

(96)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTB tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni kellha tqis it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bejn partijiet relatati. Il-GTB sostna wkoll li l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni u esportaturi mhux inklużi fil-kampjun suppost li kellu jitqies ukoll meta twettqu l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz. Il-GTB irrefera għal rapport tal-Bord meta l-Bord irrifjuta l-approċċ tal-awtorità investigattiva li tikkostruwixxi l-prezzijiet tal-industrija domestika għall-fini ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet minħabba li l-prezzijiet instabu li ma kinux profittabbli (12). Il-Kummissjoni naqset milli tara kif dan ir-rapport huwa rilevanti għall-affermazzjoni tal-GTB li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bejn il-partijiet relatati suppost li kellhom jitqiesu wkoll għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz tiegħu. Fi kwalunkwe każ, dak ir-Rapport tal-Bord ma ġiex adottat. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (94) hawn fuq, il-Kummissjoni kienet intitolata li tapplika l-kampjunar u li tuża s-sejbiet rappreżentattivi fir-rigward tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun biex tilħaq konklużjonijiet dwar il-bqija tal-bejgħ u tal-importazzjonijiet. Konsegwentement, hija rrifjutat l-affermazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għall-analiżi tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni qieset li t-trażżin tal-prezzijiet kif stabbilit fil-premessi (186), (188), (193), (194) u (208) tar-Regolament provviżorju huwa diġà indikatur suffiċjenti. Is-sejbiet tat-trażżin tal-prezzijiet fil-livell makro ġew ikkonfermati wkoll mis-sejbiet ta’ bejgħ taħt il-prezz sinifikanti fir-rigward ta’ kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kif stabbilit fil-premessa (185), il-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz varjaw minn 23,9 % għal 53,2 %, jiġifieri medja ponderata għaż-żewġ pajjiżi ta’ 37,7 %. Barra minn hekk, kif indikat fit-Tabella 9 tar-Regolament provviżorju, fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni kien ta’ EUR/tunnellata [780-910], filwaqt li l-kost unitarju tal-produzzjoni kien ta’ EUR/tunnellata [840-980]. Konsegwentement, minħabba t-trażżin tal-prezzijiet, l-industrija tal-Unjoni biegħet bi prezzijiet li lanqas biss koprew il-kost tal-produzzjoni tagħha, aħseb u ara marġni ta’ profitt normali. Għalhekk, is-sejbiet tat-trażżin tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati ġew ikkonfermati fl-istadju definittiv.

(97)

Il-Kummissjoni nnotat li dawn is-sejbiet inekwivokabbli ta’ trażżin sinifikanti tal-prezzijiet weħidhom huma diġà legalment suffiċjenti biex jikkonfermaw li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ikkawżaw dannu sinifikanti lill-industrija tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi ma hemm l-ebda rekwiżit legali li jkun hemm analiżi separata u sejbiet dwar it-twaqqigħ tal-prezz, minħabba li huwa standard alternattiv ta’ analiżi tal-effetti fuq il-prezzijiet skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, minkejja s-sejbiet dwar it-twaqqigħ tal-prezz li saru fir-Regolament provviżorju, minħabba s-sejbiet ta’ hawn fuq dwar it-trażżin tal-prezzijiet, l-analiżi u s-sejbiet tat-twaqqigħ tal-prezz ma humiex meħtieġa għall-eżitu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, fis-sentenzi reċenti tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni tat-trażżin sinifikanti tal-prezzijiet bħala għodda biex jiġu vvalutati l-effetti tal-prezzijiet skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku (13). Fid-dawl ta’ dan, il-kummenti mill-partijiet dwar it-twaqqigħ tal-prezz huma wkoll mingħajr skop. Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza l-affermazzjonijiet mill-partijiet interessati.

(98)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTB ikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li s-sejbiet tat-twaqqigħ tal-prezz ma humiex meħtieġa għall-eżitu tal-investigazzjoni minħabba li, skont il-GTB, il-marġni tad-dannu kien ibbażat fuq it-twaqqigħ tal-prezz. Madankollu, kif spjegat fit-taqsimiet 6.1 u 6.2 hawn taħt, u għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-GTB, il-marġni tad-dannu ma kienx ibbażat fuq it-twaqqigħ tal-prezz li nstab iżda pjuttost fuq il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit għal kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun, ħlief għal Jintai, li għaliha l-marġni tad-dannu kien ugwali għall-marġni tad-dumping misjub.

(99)

Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-GTB li jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra l-prezz tal-bejgħ kollu tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni, inklużi t-tranżazzjonijiet bejn partijiet relatati, il-Kummissjoni nnotat li fl-investigazzjonijiet tagħha hija tiġbor l-informazzjoni kollha, inklużi l-prezzijiet tal-bejgħ bejn partijiet relatati. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni titlob ukoll lill-produtturi tal-Unjoni jispjegaw il-politiki tal-ipprezzar tat-trasferiment tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ ma’ partijiet relatati. Jekk dan il-bejgħ jiġi affettwat mir-relazzjoni u l-prezzijiet tiegħu ma jkunux distakkati, dawn ma jiġux ikkunsidrati fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz minħabba li l-kalkoli li jirriżultaw jiġu mniġġsa minn din ir-relazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, jekk il-bejgħ bejn il-partijiet relatati jkun distakkat u jirrifletti tranżazzjoni tas-suq, dan jista’ jitqies bis-sħiħ fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz (sakemm ma jkun hemm l-ebda aġġustament li jikkonċerna l-livell ta’ kummerċ). Dan l-approċċ huwa kompletament konformi mar-regoli tar-Regolament bażiku u mal-ġurisprudenza tad-WTO kkwotata mill-GTB. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(100)

Baosteel qajmet kwistjoni proċedurali u ta’ drittijiet ta’ difiża fir-rigward tad-dokument ta’ divulgazzjoni tal-Kummissjoni fejn il-prezzijiet tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni u l-prezzijiet ta’ unità fil-mira invokati għall-finijiet ta’ dawn il-kalkoli jiġu pprovduti f’firxiet wiesgħa, u l-istess firxiet irrispettivament mid-differenza fil-prezz bejn PCNs differenti, li żammew lill-kumpanija milli tipprovdi kummenti sinifikanti. Billi l-ammont ta’ bejgħ taħt il-prezz jiġi kkalkolat bħala differenza bejn il-valur CIF tal-esportatur u l-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni, mingħajr divulgazzjoni sinifikanti ta’ dan tal-aħħar, l-esportaturi ma jkunux jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tal-kalkoli tal-marġni ta’ bejgħ taħt il-prezz tal-Kummissjoni. Jintai esprimiet tħassib simili.

(101)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li minħabba t-tħassib dwar il-kunfidenzjalità diġà spjegat fil-premessa (86), kien meħtieġ li d-data tiġi ppreżentata f’firxiet. Wara l-affermazzjoni ta’ Baosteel, il-Kummissjoni rrevediet il-firxiet, filwaqt li qieset id-differenzi fil-prezzijiet bejn il-PCNs differenti.

(102)

Barra minn hekk, Baosteel talbet lill-Kummissjoni tiċċara jekk hija qabblitx il-prezzijiet fl-istess livell ta’ kummerċ. B’mod partikolari, Baosteel affermat li billi min-naħa tal-esportatur, il-Kummissjoni naqqset l-SG&A u l-profitti tan-negozjanti relatati, hija trid tagħmel l-istess min-naħa tal-produttur tal-Unjoni, jekk il-prodott ikkonċernat jinbiegħ permezz ta’ negozjanti relatati fis-suq tal-Unjoni.

(103)

Jintai affermat ukoll li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel tqabbil tal-prezzijiet fl-istess livell ta’ kummerċ meta kkalkolat il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz. Skont Jintai, permezz tat-twettiq, għat-tqabbil tal-prezzijiet li sar fil-kuntest tal-kalkoli tad-dannu, tal-assimilazzjoni bejn il-prezzijiet mitluba mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fil-bejgħ dirett tagħhom lil xerrejja indipendenti u l-prezzijiet mitluba mill-entitajiet tal-bejgħ relatati ta’ dawk il-produtturi lil tali xerrejja, il-Kummissjoni qieset, għal dak il-prodott, prezz li kien minfuħ u, għalhekk, mhux favorevoli għal Jintai. Fi kliem ieħor, billi qieset, b’rabta mal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, ċerti elementi li jikkonċernaw livell differenti ta’ kummerċ minn dak li użat għall-finijiet tat-tqabbil (ex-works), il-Kummissjoni ma għamlitx paragun ġust fil-kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Jintai. Jintai sostniet li jekk il-paragun korrett u xieraq isir fl-istess livell ta’ kummerċ, il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ Jintai x’aktarx ikun ferm inqas minn 0 %. Għalhekk, Jintai talbet lill-Kummissjoni tagħmel livell xieraq u ġust ta’ paragun kummerċjali biex tistabbilixxi l-marġni korrett ta’ “qtugħ eċċessiv” tal-prezz ta’ Jintai u rreferiet għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (14) u Giant Electric Vehicle Kunshan vs Il-Kummissjoni (15) f’dan ir-rigward.

(104)

Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li l-analiżi dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet hija ssupplimentata mis-sejbiet separati tagħha dwar it-trażżin tal-prezzijiet kif spjegati fid-dettall fil-premessi (185), (186) u (194) tar-Regolament provviżorju. Dawn is-sejbiet ta’ trażżin sinifikanti tal-prezzijiet diġà huma legalment suffiċjenti biex juru l-impatt negattiv fuq il-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, kif spjegat fil-premessa (97). Madankollu, kif spjegat f’dik il-premessa, il-Kummissjoni indirizzat l-argumenti dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet għall-finijiet ta’ kompletezza.

(105)

Fir-rigward tal-affermazzjoni ta’ Baosteel dwar aġġustament għall-SG&A u l-profitti tan-negozjanti relatati tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat li fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz tagħha ma kinitx għamlet aġġustament bħal dan. Kif indikat fil-premessi (150) u (151) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni għamlet għadd ta’ aġġustamenti oħrajn sabiex tiżgura paragun ġust fl-istess livell ta’ kummerċ. Dan irriżulta fit-teħid lura tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għal-livell ex-works u tal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi għal-livell tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni (16). Madankollu, il-Kummissjoni għamlet simulazzjoni billi kkalkolat it-twaqqigħ tal-prezz kemm bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, kif ukoll mingħajrha, b’analoġija għall-bejgħ ta’ Baosteel, u stabbiliet li t-twaqqigħ tal-prezz kien sinifikanti għal Baosteel fiż-żewġ każijiet, b’livell minimu ta’ 7,5 %. Konsegwentement, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni ta’ Baosteel, anki meta ma jitnaqqsux, skont l-Artikolu 2(9), l-SG&A u l-profitti tan-negozjanti relatati ta’ Baosteel, instab twaqqigħ tal-prezz sinifikanti.

(106)

Fir-rigward ta’ Jintai, il-Kummissjoni indikat li billi dan il-produttur esportatur ma esportax il-prodott li qed jiġi investigat permezz ta’ entitajiet tal-bejgħ relatati, ma sar l-ebda aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni tiegħu permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija. F’dan il-każ, il-Kummissjoni lanqas ma qieset li kien xieraq li taġġusta l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni nnotat li sabiex tiġi żgurata s-simmetrija fit-tqabbil tal-prezzijiet, jenħtieġ li l-prezzijiet rispettivi jinkludu kemm jista’ jkun l-istess elementi, u jirriflettu wkoll kemm jista’ jkun l-istess livell ta’ kummerċ. Fir-rigward tal-ewwel, il-prezz tal-esportazzjoni ta’ Jintai rrifletta bejgħ dirett mill-entità legali Ċiniża lill-klijenti indipendenti fl-Unjoni. Fl-Unjoni, produttur wieħed inkluż fil-kampjun kellu bejgħ dirett lill-klijenti finali, u l-prezz tiegħu kien jirrifletti l-istess elementi bħall-prezz ta’ Jintai. Iż-żewġ produtturi l-oħrajn tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu parti mill-Arcelor Mittal Group. It-tnejn li huma ma kellhomx bejgħ dirett mill-entitajiet produtturi, iżda biegħu permezz ta’ entitajiet relatati. Il-Kummissjoni sabet li l-entitajiet produtturi ma kellhomx l-istruttura tal-bejgħ tagħhom stess, iżda kellhom jiddependu fuq l-entitajiet tal-bejgħ relatati tagħhom sabiex iwettqu l-bejgħ. Fi kliem ieħor, il-kostijiet assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat kienu maqsuma bejn l-entitajiet produtturi li kienu qed iħallsu biss il-kostijiet tal-manifattura, u l-entitajiet tal-bejgħ relatati li jinsabu fi Stati Membri differenti kienu qed iħallsu l-kostijiet tal-bejgħ u tal-kummerċjalizzazzjoni. L-entità tal-produzzjoni ma ġarrbet l-ebda spiża tal-bejgħ, u d-dipartiment tal-bejgħ ta’ Arcelor Mittal kien jinsab kollu kemm hu fl-entitajiet legali tal-bejgħ separati. L-SG&A u l-profitt li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ Arcelor Mittal Group iġġarrbu mill-entitajiet tal-bejgħ relatati meta biegħu lill-klijenti tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni qieset il-prezz tal-entità tal-bejgħ lill-klijenti tal-Unjoni, billi dan il-prezz kien jirrifletti l-istess kostijiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni riflessi fil-prezz tal-esportazzjoni ta’ Jintai, li wettqet kemm il-produzzjoni kif ukoll il-bejgħ permezz ta’ entità waħda, l-istess bħall-produttur l-ieħor tal-Unjoni inkluż fil-kampjun. In-nuqqas ta’ teħid tal-prezz tal-entità tal-bejgħ relatata ta’ Arcelor Mittal Group jissottovaluta l-prezz attwali minħabba li ma jirriflettix il-kostijiet tal-bejgħ meħtieġa tal-entità lil klijenti indipendenti fl-Unjoni. L-entitajiet tal-bejgħ relatati tal-industrija tal-Unjoni, minn naħa waħda, u Jintai, min-naħa l-oħra, eżerċitaw funzjonijiet ta’ bejgħ simili minħabba li (1) it-tnejn iridu jsibu klijenti fl-Unjoni, (2) jiffirmaw kuntratti ta’ bejgħ u (3) jiżguraw kunsinni u pagamenti ta’ fatturi, eċċ. Għalhekk, f’konformità mas-sentenzi f’Hansol (17), CRIA u CCCMC (18), u Giant Electric Vehicles (19), dan it-tqabbil tal-prezzijiet irrifletta r-realtajiet ekonomiċi rispettivi u r-rwoli korrispondenti li għandhom l-entitajiet rispettivi kemm min-naħa tal-esportazzjoni kif ukoll min-naħa tal-UE u f’punt fejn iż-żewġ entitajiet jikkompetu fis-suq tal-Unjoni.

(107)

Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li meta tintlaqa’ t-talba ta’ Jintai (jiġifieri, li l-Kummissjoni aġġustat il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija) ma jintwera l-ebda twaqqigħ tal-prezz fir-rigward ta’ dan il-produttur esportatur, dan ma jbiddilx id-determinazzjoni tal-Kummissjoni tat-twaqqigħ tal-prezz fir-rigward taċ-Ċina u taż-żewġ pajjiżi kkonċernati b’mod ġenerali. Tabilħaqq, l-esportazzjonijiet ta’ Jintai lejn l-Unjoni jirrappreżentaw biss 6,3 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni u 11,6 % biss tal-esportazzjonijiet fil-kampjun. B’hekk, anki jekk ma jkun hemm l-ebda twaqqigħ tal-prezz fir-rigward tal-esportazzjonijiet ta’ Jintai, is-sejbiet tat-twaqqigħ tal-prezz jiġu kkonfermati abbażi tal-produttur esportatur l-ieħor inkluż fil-kampjun għaċ-Ċina, kif ukoll għaż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Bl-istess mod, kwalunkwe sejba fir-rigward tal-livell ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ Jintai ma taffettwax is-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tat-trażżin tal-prezzijiet, kif diġà ġie mfakkar fil-premessi (97) u (104). Tabilħaqq, il-prezzijiet ta’ Jintai wrew livell għoli ta’ bejgħ taħt il-prezz (ara l-premessa (185)).

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Rimarki ġenerali

(108)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA staqsiet jekk id-data dwar l-indikaturi makroekonomiċi kinitx tinkludi data li tappartjeni lil Acciaierie d’Italia. Il-Kummissjoni wieġbet fl-affermattiv.

(109)

Għalhekk, il-premessi minn (153) sa (157) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.4.2.   L-indikaturi makroekonomiċi

(110)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA talbet lill-Kummissjoni tikkonferma jekk kinitx żgurat li l-produtturi kollha, inkluż Acciaierie d’Italia, tabilħaqq ġew inklużi fis-settijiet ta’ data rilevanti dwar l-indikaturi makroekonomiċi u rrimarkat li Acciaierie d’Italia waħdu jikkostitwixxi [5-15] % tal-produzzjoni u l-bejgħ totali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni, li huwa ogħla mil-livell negliġibbli.

(111)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat li d-data relatata ma’ Acciaierie d’Italia ġiet ikkunsidrata fl-indikaturi makroekonomiċi.

4.4.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(112)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, il-premessi minn (158) sa (160) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(113)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq, il-premessi (161) u (162) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.3.   Impjiegi u produttività

(114)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward l-impjiegi u l-produttività, il-premessi (163) u (164) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.4.   Tkabbir

(115)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward it-tkabbir, il-premessi minn (165) sa (167) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.5.   Kobor tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(116)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-GTB afferma li fil-valutazzjoni tiegħu tal-kobor tal-marġni tad-dumping, il-Kummissjoni sempliċiment iddikjarat mill-ġdid il-konklużjonijiet diġà milħuqa taħt eżamijiet oħrajn. Pereżempju, il-konklużjoni li l-marġnijiet tad-dumping huma ’l fuq mil-limitu de minimis hija diġà espressa fil-premessa (141) tar-Regolament provviżorju b’rabta mal-valutazzjoni tal-akkumulazzjoni tal-importazzjonijiet u tista’ tiġi derivata mill-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji nnifisha. Barra minn hekk, l-analiżi tal-volum u tal-prezz tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping saret skont l-Artikoli 3.1, 3.2 u 3.5 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping u hija espressa fil-premessi (144) – (152) tar-Regolament provviżorju. Għalhekk, ma saret l-ebda analiżi speċifika rigward il-kobor tal-marġni tad-dumping. Għalhekk, il-GTB talab lill-Kummissjoni tanalizza dan il-fattur b’mod mhux ridondanti b’rabta ma’ indikaturi oħrajn li jinsabu fl-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping.

(117)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-kunsiderazzjoni tal-kobor tal-marġni tad-dumping tinvolvi eżami ta’ jekk, wara li jitqiesu l-volum u l-prezz tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni ma jistax jitqies bħala negliġibbli.

(118)

Il-Kummissjoni fakkret li l-marġnijiet kollha tad-dumping kienu ferm ogħla mil-livell de minimis. Il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kien sinifikanti fil-perjodu kkunsidrat u fil-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping eżerċitaw twaqqigħ tal-prezz u trażżin tal-prezzijiet fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, minħabba l-volum u l-prezz tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, l-impatt tal-marġnijiet attwali tad-dumping ma jistax jitqies negliġibbli u kien saħansitra sostanzjali, kif konkluż mill-Kummissjoni fil-premessa (168) tar-Regolament provviżorju.

(119)

Għalhekk, il-premessi (168) sa (169) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.   L-indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(120)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet, il-premessi minn (170) sa (172) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(121)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-kostijiet lavorattivi, il-premessi (173) u (174) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.3.   L-inventarji

(122)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward l-inventarji, il-premessi (175) u (176) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

(123)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital, il-premessi minn (177) sa (182) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(124)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA u Eviosys affermaw li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali u li kwalunkwe effett ekonomiku negattiv esperjenzat mill-industrija tal-Unjoni kien fil-fatt dovut għal fatturi oħrajn bħall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA tenniet l-affermazzjonijiet tagħha.

(125)

L-ewwel, is-CISA u Eviosys indikaw il-fatt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fil-fatt żdied matul il-perjodu kkunsidrat fil-kuntest ta’ konsum tal-Unjoni li qed jonqos.

(126)

It-tieni, fir-rigward tal-indikaturi makroekonomiċi, is-CISA nnotat li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ possibbilment jirriżulta f’sejba li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali. Hija indikat li l-livelli tal-kapaċità tal-produzzjoni u tal-bejgħ domestiku kienu kostanti, fi sfond ta’ tnaqqis fil-konsum, u b’hekk spjegat iż-żieda ċara fl-ishma mis-suq. Barra minn hekk, jidher ċar li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżid l-għadd ta’ persuni impjegati, li għal darba oħra indika l-kuntrarju ta’ status danneġġjat b’mod materjali.

(127)

It-tielet, b’rabta mal-indikaturi mikroekonomiċi, is-CISA nnotat li l-prezz tal-bejgħ tal-Unjoni ma naqasx bejn il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u l-perjodu ta’ investigazzjoni, u fid-durata intermedja varja biss bi ftit. Eviosys irrimarkat ukoll li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni baqgħu ġeneralment stabbli u ma qablitx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni “ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ biex tkopri ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni” u li dan allegatament kien riżultat ta’ “pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet”. F’dan ir-rigward, Eviosys affermat li t-tnaqqis fid-domanda matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni flimkien mal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 żammew lill-industrija tal-Unjoni milli żżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha.

(128)

Ir-raba’, is-CISA indikat il-varjazzjoni fiċ-ċifri tal-profittabbiltà minkejja l-fatt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied. F’dan ir-rigward, is-CISA kkontestat id-deċiżjoni tal-industrija tal-Unjoni li tkompli b’investimenti sinifikanti, minkejja l-fatt li kien jidher ċar li l-konsum tal-Unjoni ma kienx qed jiżdied u talbet lill-Kummissjoni tiċċara r-rekwiżiti legali preċiżi li taħthom l-industrija tal-Unjoni trid tagħmel investimenti u tiżgura r-rilevanza tagħhom fid-dawl tal-prodott ikkonċernat. Is-CISA nnotat ukoll li ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni ma għandha l-ebda rabta mal-esportazzjonijiet miċ-Ċina, u b’riżultat ta’ dan, jenħtieġ li dan jiġi ttrattat bħala fattur li jkisser il-kawżalità mill-Kummissjoni.

(129)

Barra minn hekk, is-CISA affermat li b’kuntrast mal-livelli ta’ profittabbiltà rrapportati fir-Regolament provviżorju, il-prospetti tas-suq rilevanti ġeneralment jitqiesu bħala pożittivi ħafna. Is-CISA għamlet referenza għal ċerti artikoli (20) u indikat li t-tliet produtturi inklużi fil-kampjun (li tnejn minnhom jappartjenu għall-istess grupp) huma kollha espliċitament referenzjati f’dawn l-artikoli, filwaqt li indikat li Arcelor Mittal żiedet il-bejgħ tagħha b’44 % matul is-sena li għaddiet, u li ThyssenKrupp żiedet id-dħul trimestrali tagħha b’39 % sena wara sena f’Diċembru 2021.

(130)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA tenniet l-affermazzjoni tagħha li jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-allegata profittabbiltà għolja miksuba minn Arcelor Mittal u ThyssenKrupp wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, kemm is-CISA kif ukoll CANPACK sostnew li l-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina u mill-Brażil żdiedu b’mod sinifikanti wara l-perjodu ta’ investigazzjoni u li dan jenħtieġ li jitqies mill-Kummissjoni.

(131)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-affermazzjonijiet. Kif iddikjarat fil-premessa (183) tar-Regolament provviżorju, l-indikaturi ekonomiċi kemm fil-livell makro kif ukoll f’dak mikro ddeterjoraw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalkemm il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni baqa’ ġeneralment stabbli u kiseb xi sehem mis-suq fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni ddeterjorat prinċipalment minħabba ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni, li ma setgħetx tiġi koperta minn żieda korrispondenti fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha. It-trażżin sinifikanti tal-prezzijiet eżerċitat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping wassal għal telf mill-2019, li kompla jiżdied fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalkemm l-għadd ta’ impjegati żdied matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, din iż-żieda seħħet prinċipalment fl-2019 u fl-2020. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, l-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħti s-sensja lill-impjegati.

(132)

Kif stabbilit fil-premessa (187) tar-Regolament provviżorju, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investiment iddeterjoraw b’mod sinifikanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan affettwa b’mod negattiv il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja lilha nnifisha, li tagħmel l-investimenti meħtieġa u li żżid il-kapital, u b’hekk impedixxa t-tkabbir tagħha u saħansitra hedded is-sopravivenza tagħha.

(133)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-investimenti li saru biex jikkonformaw mar-rekwiżiti legali, il-Kummissjoni rrimarkat li dawn l-investimenti huma relatati mal-obbligi ambjentali u soċjali u ma humiex marbuta ma’ xi żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni.

(134)

Il-prospetti tas-suq, l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet, kif ukoll l-allegata profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni miksuba wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni msemmi mis-CISA u minn CANPACK huma irrilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(135)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA għamlet rabta bejn iż-żieda fl-għadd ta’ impjegati u l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li l-investimenti li saru kienu relatati mal-istandards ambjentali u soċjali, filwaqt li sostniet li tali investimenti ma jkunux jeħtieġu żieda fl-impjegati. Hija talbet ukoll lill-Kummissjoni telabora dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-ammonti preċiżi tal-investiment li sar mill-industrija, li kienu meħtieġa biex tintlaħaq konformità mal-obbligi ambjentali u soċjali.

(136)

Il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda rabta bejn iż-żieda fl-impjiegi u l-investimenti li saru. Tabilħaqq, kif indikat fil-premessa (131) hawn fuq, l-impjiegi żdiedu prinċipalment fl-2019 u fl-2020, filwaqt li naqsu bi 8,9 % bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Fl-istess ħin, l-investimenti komplew jiżdiedu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li hija ma setgħetx tiddivulga l-kamp ta’ applikazzjoni u l-ammont preċiżi tal-investimenti li saru mill-kumpaniji inklużi fil-kampjun, billi din hija informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu, kif diġà indikat fil-premessa (133) hawn fuq, dawk l-investimenti ma kienu marbuta mal-ebda żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni, iżda pjuttost mal-adattament u/jew is-sostituzzjoni tal-kapaċitajiet diġà eżistenti.

(137)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjonijiet tal-partijiet interessati dwar in-nuqqas ta’ dannu materjali u kkonfermat il-premessi minn (183) sa (188) tar-Regolament provviżorju.

(138)

L-affermazzjonijiet dwar fatturi oħrajn li jikkawżaw dannu huma indirizzati fit-Taqsima 5 hawn taħt.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

5.1.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati

(139)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA sostniet li l-livelli tal-ishma mis-suq miżmuma mill-pajjiżi kkonċernati, li qatt ma qabżu t-18 %, u sussegwentement naqsu fil-perjodu ta’ investigazzjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala għoljin b’mod eċċessiv.

(140)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Kif spjegat fil-premessa (192) tar-Regolament provviżorju, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdied minn 13,1 % fl-2018 għal 15,4 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni qieset li tali sehem mis-suq huwa sinifikanti u, fid-dawl tal-livelli tal-prezzijiet stabbiliti, jista’ jkollu impatt fuq l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjoni u kkonfermat il-premessi minn (190) sa (192) tar-Regolament provviżorju.

5.1.2.   Il-prezz tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat u l-effett fuq il-prezzijiet

(141)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Eviosys affermat li ma hemm l-ebda evidenza ta’ xi pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u li l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni ma jidhrux li segwew il-prezzijiet Ċiniżi jew Brażiljani, li tissuġġerixxi li dawn ma ġewx affettwati minn dawn tal-aħħar.

(142)

Kif spjegat fil-premessa (193) tar-Regolament provviżorju, il-prezz medju tal-importazzjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kien ferm inqas mill-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u dawn l-importazzjonijiet waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’medja ponderata ta’ 11,2 %. Il-volumi sinifikanti tal-importazzjoni bi prezzijiet baxxi naqqsu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li ma setgħatx tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni u b’hekk ġarrbet telf.

(143)

Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni segwewx jew le l-prezzijiet Ċiniżi u Brażiljani, huwa ċar li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati bi prezzijiet baxxi rażżnu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u b’hekk kellhom effett negattiv fuq il-prezz. L-eżistenza tat-trażżin tal-prezzijiet hija biżżejjed fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti fuq il-prezzijiet skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku biex jiġi konkluż li kien hemm impatt negattiv sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-Unjoni mill-prezzijiet tal-importazzjoni oġġett ta’ dumping. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet irrifjutata u l-premessa (193) tar-Regolament provviżorju ġiet ikkonfermata.

5.1.3.   Rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu materjali tal-industrija tal-Unjoni

(144)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Eviosys tenniet l-affermazzjoni tagħha li ebda dannu ma seta jiġi kkawżat mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u tenniet li ftit li xejn hemm relazzjoni kompetittiva bejn il-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati minħabba fatturi bħal livell ta’ kwalità aktar baxxa u n-nuqqas ta’ idoneità għal ċerti użi, żminijiet meħtieġa itwal u l-kostijiet ogħla tat-trasport, kif ukoll appoġġ limitat għall-klijenti, li jispjega wkoll il-prezzijiet differenti u l-fatt li huma ġeneralment aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(145)

Madankollu, Eviosys naqset milli tipprovdi evidenza ġdida biex tissostanzja l-affermazzjonijiet tagħha. Għalhekk, il-premessi minn (194) sa (197) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(146)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-GTB osserva li l-prezz mhux dannuż ikkalkolat fid-determinazzjoni preliminari huwa ta’ EUR/tunnellata [850-990]. Meta jitqies li dan il-valur huwa ogħla mill-prezz tal-importazzjoni tal-importazzjonijiet minn oriġini mhux investigati (EUR/tunnellata 822) u li l-volum tal-importazzjonijiet minn oriġini mhux investigati huwa ogħla minn dak li joriġina mill-Brażil u miċ-Ċina, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-implikazzjonijiet fil-valutazzjoni tal-importazzjonijiet minn oriġini mhux investigati bħala fattur ta’ dannu ieħor possibbli. B’hekk, l-effetti dannużi tagħhom għandhom jiġu sseparati u distinti minn dawk li jirriżultaw mill-allegati importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(147)

Kif iddikjarat fil-premessa (199) tar-Regolament provviżorju, il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn u s-sehem mis-suq tagħhom naqsu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni bi 23 % u 21 %, rispettivament, u l-prezz medju tal-importazzjoni tagħhom baqa’ qrib il-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija tal-Unjoni, u kienu ferm ogħla mill-prezz medju tal-importazzjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. F’dak il-kuntest, kien ċar li kwalunkwe dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien qed jiġi kkawżat mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, li kienu qed iżommu l-livelli tal-prezzijiet baxxi. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li s-sorsi l-oħrajn tal-importazzjoni, ladarba jkunu ġew imposti d-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, ikunu kawża ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, jidher b’mod ċar li dawn ma kinux kawża li setgħet tattenwa r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali osservat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(148)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prezz medju mhux dannuż, dan ġie kkalkolat abbażi ta’ taħlita speċifika ta’ prodotti bbażata fuq l-esportazzjonijiet attwali tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun u meta mqabbel mal-prezz tal-importazzjonijiet li jinħattu l-art minn dawk il-produtturi esportaturi. Bħala tali, dan ma kienx direttament komparabbli mal-prezzijiet CIF medji tal-importazzjoni.

(149)

Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet irrifjutata u l-premessi minn (198) sa (201) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

5.2.2.   Il-pandemija tal-COVID-19

(150)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA, Eviosys u CANPACK affermaw li l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u l-istat tal-industrija tal-Unjoni. Is-CISA sostniet li l-pandemija tal-COVID-19 hija fil-biċċa l-kbira kriżi min-naħa tad-domanda u mhux waħda ta’ żieda fl-importazzjonijiet li tikkawża dannu lil industrija, bir-riżultat ewlieni jkun is-sospensjoni tal-produzzjoni u, konsegwentement, reċessjoni fis-suq tal-Unjoni.

(151)

Il-GTB irrefera għall-premessi minn (203) sa (205) tar-Regolament provviżorju u sostna li l-Kummissjoni kienet tidher li timminimizza l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-industrija tal-Unjoni minħabba li “d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien diġà beda qabel il-pandemija u kompla wara li l-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni reġgħet bdiet fil-PI” . Il-GTB huwa tal-opinjoni li dan l-argument ma huwiex raġuni suffiċjenti għall-mitigazzjoni tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, billi l-pandemija msemmija hawn fuq seta’ kellha effetti negattivi tal-industrija tal-Unjoni simultanjament mal-allegati importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(152)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (203) tar-Regolament provviżorju, fejn hija rrikonoxxiet li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni, speċjalment fl-2020 meta s-siti tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kellhom jagħlqu temporanjament u li huwa possibbli li l-pandemija tal-COVID-19 setgħet ikkontribwiet għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li d-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni kien diġà beda qabel il-pandemija u kompla matul il-perjodu ta’ rkupru ta’ wara l-COVID-19, inkluż fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 ma setax jitqies bħala l-kawża ewlenija tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni sal-punt li kien jattenwa r-rabta kawżali bejn tali dannu u l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma aċċettatx dawn il-pretensjonijiet.

5.2.3.   L-evoluzzjoni tal-kost tal-produzzjoni

(153)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward l-evoluzzjoni tal-kost tal-produzzjoni wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-premessi minn (206) sa (209) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

5.2.4.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(154)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA rrimarkat li l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu sinifikanti, li jammontaw għal 22 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Hija rreferiet ukoll għat-Tabella 14 tar-Regolament provviżorju li turi li l-volum tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b’7 punti perċentwali u li l-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu b’6 punti perċentwali. Is-CISA affermat li l-iżvilupp negattiv relatat mal-bejgħ għall-esportazzjoni kellu impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni ekonomika ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

(155)

CANPACK ma qablitx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx biżżejjed biex tattenwa r-rabta kawżali hekk kif it-Tabella 14 fir-Regolament provviżorju turi b’mod ċar li l-prezz tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni lil pajjiżi barra mill-Unjoni kien f’livell simili għall-prezzijiet tal-ECCS li joriġina miċ-Ċina. CANPACK qieset li l-argument tal-produtturi tal-Unjoni li r-raġuni għall-bejgħ barra mill-Unjoni kienet li l-industrija tal-Unjoni ma tistax tbigħu fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li kien hemm domanda għolja tal-utenti tal-Unjoni għall-ECCS, ma kienx konvinċenti.

(156)

Il-GTB stima li minħabba li l-volum tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni huwa ogħla mill-allegati importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni ma setgħetx titqies bħala fattur minuri.

(157)

Fir-rigward tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-volum tal-esportazzjoni l-ewwel żdied fl-2019 u fl-2020 qabel ma naqas fil-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li l-prezzijiet medji tal-esportazzjoni naqsu mill-2020. Din l-evoluzzjoni kienet tikkorrespondi għal żieda żgħira fil-bejgħ tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, it-tnaqqis żgħir fil-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma jidhirx li għandu impatt qawwi fuq il-prestazzjoni ekonomika ġenerali tal-industrija tal-Unjoni, li ddeterjorat aktar matul l-istess perjodu ta’ żmien. Barra minn hekk, iċ-ċifri negattivi tal-profittabbiltà fit-Tabella 12 tar-Regolament provviżorju huma bbażati biss fuq il-bejgħ tal-UE, u b’hekk ma humiex ir-riżultat ta’ xi telf potenzjali mill-esportazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha fil-premessa (213) tar-Regolament provviżorju li għalkemm it-tnaqqis fil-prestazzjoni tal-esportazzjoni seta’ kkontribwixxa għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, ma kienx biżżejjed li titnaqqas ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni meta jitqies is-sehem għoli tal-bejgħ tal-Unjoni mqabbel mal-bejgħ għall-esportazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjonijiet tal-partijiet interessati f’dan ir-rigward.

5.2.5.   L-effett tal-kuntratti annwali

(158)

ġe

(159)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (208) tar-Regolament provviżorju, fejn ġie nnotat li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni, li jkopri aktar minn 3 snin. Billi din ix-xejra ġiet osservata matul perjodu twil ta’ żmien, hija ma setgħetx tiġi spjegata biss miż-żieda fil-kost tal-materja prima u mill-effett tal-kuntratti annwali f’termini ta’ prezzijiet fissi.

(160)

Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjoni u kkonfermat il-premessi (214) u (215) tar-Regolament provviżorju.

5.2.6.   Il-konsum

(161)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA u Eviosys indikaw it-tnaqqis fil-konsum bħala fattur rilevanti meta kkunsidraw il-kawżalità. Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA tenniet l-affermazzjoni tagħha billi sostniet li t-tnaqqis fil-konsum jista’ jikser ir-rabta kawżali misjuba bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu misjub. Madankollu, huma ma ssostanzjawx l-affermazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew irrifjutati.

(162)

Il-GTB ma qabilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (218) tar-Regolament provviżorju li t-tnaqqis tad-domanda tas-suq bi 3 % ma setax jitqies bħala kawża tad-dannu li attenwa r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu misjub. Skont il-GTB, it-tnaqqis fis-suq għandu wkoll il-kapaċità li jaffettwa l-volum tal-produzzjoni tal-industrija domestika u l-kostijiet fissi u jenħtieġ li jiġi analizzat flimkien ma’ fatturi oħrajn li jirriżultaw fl-istess effetti.

(163)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (217) tar-Regolament provviżorju li minkejja t-tnaqqis tas-suq bi 3 %, iċ-ċifri tal-bejgħ tal-Unjoni baqgħu kostanti, li indikaw li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni ma kienx ikkawżat minn telf tal-volumi minħabba tnaqqis fid-domanda, iżda pjuttost mit-trażżin tal-prezzijiet eżerċitat mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjoni u kkonfermat il-premessi minn (216) sa (218) tar-Regolament provviżorju.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(164)

Il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u s-sehem mis-suq tagħhom żdiedu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li l-prezzijiet tagħhom naqsu. Dan ikkoinċida fiż-żmien mad-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li hemm rabta kawżali ċara bejn dawn l-importazzjonijiet u d-dannu tal-industrija tal-Unjoni.

(165)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-GTB sostna li l-Kummissjoni ma sseparatx u ma ddistingwietx kif suppost l-effetti tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, it-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni u l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 mill-effetti li jirriżultaw mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u għamel referenza għad-deċiżjoni tal-Korp tal-Appell f’L-Istati Uniti – Azzar Illaminat bis-Sħana (il-paragrafu 226).

(166)

Il-GTB talab lill-Kummissjoni biex tivvaluta mill-ġdid dawn it-tliet fatturi, preferibbilment fuq bażi kumulattiva, fir-rigward tal-konsegwenzi tagħhom għall-output tal-industrija tal-Unjoni u għall-kostijiet fissi u biex tissepara u tiddistingwi dawk l-effetti minn dawk li jirriżultaw mill-allegati importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(167)

Eviosys affermat li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, għalkemm iffaċċjat żieda fil-kost tal-produzzjoni, minħabba t-tnaqqis fid-domanda u l-pandemija tal-COVID-19. Eviosys qieset li jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta b’aktar reqqa l-impatt ta’ fatturi oħrajn fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(168)

CANPACK qieset ukoll li l-Kummissjoni ssottovalutat l-impatt ta’ fatturi oħrajn. B’mod partikolari, huma ma qablux li l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u n-nuqqas ta’ materja prima fis-suq tal-Unjoni ma kinux biżżejjed biex jattenwaw ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(169)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma indirizzatx biżżejjed l-effetti kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li l-perjodu ta’ investigazzjoni kollu ġie stabbilit matul l-aktar impatt ekonomikament sinifikanti ta’ din il-pandemija. Barra minn hekk, is-CISA affermat li l-investimenti li saru mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun spjegaw weħidhom it-tnaqqis fil-profittabbiltà u l-istat li jirriżulta tal-industrija domestika.

(170)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat, kif iddikjarat fil-premessa (220) tar-Regolament provviżorju, li hija ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping.

(171)

Sa fejn huma kkonċernati l-investimenti, il-Kummissjoni osservat li l-kumpanija li kellha l-ogħla ammonti ta’ investimenti kellha l-aħjar prestazzjoni fost il-kumpaniji inklużi fil-kampjun. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda rabta diretta bejn il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni u l-investimenti li saru matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Minflok, l-investimenti kienu neċessarji u legalment meħtieġa u, flimkien mal-kostijiet sħaħ, kellu jkun possibbli li jiġu ffinanzjati bi profitti raġonevoli f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, fin-nuqqas tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Konsegwentement, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(172)

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt ta’ fatturi oħrajn, filwaqt li qieset il-kummenti tal-partijiet interessati u kkonkludiet li dawk il-fatturi ma attenwawx ir-rabta kawżali. Tabilħaqq, fatturi bħall-pandemija tal-COVID-19 jew il-kuntratti ta’ bejgħ annwali bi prezzijiet fissi għas-sena kollha flimkien mad-domanda dejjem tonqos tal-ECCS matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, setgħu kellhom impatt fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-fatturi ma spjegawx it-trażżin tal-prezzijiet li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(173)

Id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni beda qabel il-pandemija tal-COVID-19 u t-tfixkil tal-provvista tal-materja prima. Barra minn hekk, f’ambjent kompetittiv normali, jenħtieġ li l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ żżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha wara ż-żieda fil-kost tal-materjali tal-input; għalhekk, l-effett tal-kuntratti annwali ma setax jispjega l-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha għall-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni sabiex tibqa’ profittabbli.

(174)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni fil-premessi minn (219) sa (221) tar-Regolament provviżorju.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

6.1.   Kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz

(175)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-CISA kkummentat li, skont il-fehim tagħha, l-aġġustament marbut mal-kostijiet ambjentali futuri ma kkunsidra l-ebda kumpens eżistenti u futur lill-industrija tal-Unjoni biex jikkumpensa għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat li tali kumpensi ma tqisux fil-kalkolu tal-kostijiet ambjentali futuri.

(176)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, CSN sostna li l-kost futur addizzjonali ta’ EUR/tunnellata [10-20] imsemmi fil-premessa (228) tar-Regolament provviżorju, li jiżdied mal-prezz mhux dannuż, kien arbitrarju, spekulattiv u fixkel il-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-bejgħ tal-Unjoni u dak Brażiljan. CSN issottolinja li fi ħdan il-Ftehim bejn l-UE u l-Mercosur, il-Brażil għamel impenji qawwija fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards u l-ftehimiet multilaterali tax-xogħol, il-ftehimiet ambjentali multilaterali, u l-kummerċ u t-tibdil fil-klima. Skont is-CSN, il-Kummissjoni qed toffri lill-produtturi tal-Unjoni protezzjoni li taqbeż dak li huwa meħtieġ biex jitneħħa d-dumping dannuż u talbet lill-Kummissjoni biex ma żżid l-ebda kost futur addizzjonali fir-rigward tal-Brażil.

(177)

Il-GTB sostna qabel u wara d-divulgazzjoni finali li l-kostijiet assoċjati mal-konformità ma’ ftehimiet internazzjonali oħrajn (bħall-Ftehim ta’ Pariġi u dawk iffirmati taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol) ġew inklużi fil-prezz mhux dannuż, għalkemm ma jirriflettu bl-ebda mod l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, il-GTB sostna li l-marġni ta’ profitt użat għall-kostruzzjoni tal-prezz mhux dannuż ta’ 6 % qatt ma nkiseb matul il-perjodu tal-analiżi tad-dannu, b’hekk, bl-użu ta’ marġni ta’ profitt ta’ 6 % għall-kostruzzjoni tal-prezz mhux dannuż, il-Kummissjoni se tagħmel aktar milli tikkumpensa l-effetti dannużi tal-allegati importazzjonijiet ta’ dumping, li jiddevjaw mill-iskop stabbilit fil-paragrafu 2 tal-Artikolu VI tal-GATT 1994. Għalhekk, il-GTB talab lill-Kummissjoni tneħħi l-kostijiet addizzjonali mill-prezz mhux dannuż.

(178)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li l-kostijiet futuri tqiesu skont l-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, irrispettivament mis-sitwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards ambjentali u tax-xogħol f’pajjiż terz, u/jew ta’ ftehimiet bilaterali u/jew multilaterali li għalihom il-pajjiżi rispettivi huma partijiet. Il-Kummissjoni applikat ir-Regolament bażiku, li jiffoka esklussivament fuq il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, inklużi, inter alia, il-kostijiet futuri possibbli li jirriżultaw minn Ftehimiet u Konvenzjonijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni. Din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li dawn il-kostijiet futuri jkunu jirriflettu l-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. It-talba biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni mill-Brażil ta’ ftehimiet internazzjonali simili jew tal-Ftehim bejn l-UE u l-Mercosur (li għad irid jidħol fis-seħħ), hija irrilevanti f’dan il-kuntest. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjoni tal-GTB.

(179)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (228) sa (232) tar-Regolament provviżorju.

(180)

Għall-fini li jiġi stabbilit il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz, sabiex jiġu indirizzati l-kummenti ta’ Baosteel rigward l-assimetrija possibbli, il-Kummissjoni użat il-prezz tal-esportazzjoni kostruwit għal Baosteel stabbilit skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, applikat b’analoġija, u qabblitu ma’ prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni li ma kienx jinkludi l-SG&A tal-entitajiet tal-bejgħ relatati ta’ Arcelor Mittal. Il-prezz fil-mira b’hekk stabbilit intuża fil-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz għall-produtturi esportaturi kollha. Konsegwentement, ma tqies l-ebda kost tal-entitajiet tal-bejgħ relatati tal-produtturi tal-Unjoni u, b’riżultat ta’ dan, ma kien għad hemm l-ebda assimetrija. L-approċċ li ma jitqisux il-kostijiet tal-entitajiet tal-bejgħ relatati tal-produtturi tal-Unjoni ġie kkonfermat reċentement mill-Qorti Ġenerali (21).

(181)

Wara l-istess approċċ bħal fil-premessa (234) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun fil-pajjiżi kkonċernati mal-prezz mhux dannuż medju ponderat tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjonijiet. Għal kumpaniji oħrajn li kkooperaw fir-RPĊ li ma kinux inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni użat il-marġnijiet medji ponderati taż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(182)

Kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, u minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari, hija analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni biex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat tad-divulgazzjoni preliminari deskritt fil-premessa (7) u, għalhekk, jekk kienx meħtieġ li jiġi rifless id-dannu addizzjonali li jirriżulta minn tali żieda fid-determinazzjoni tal-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz.

(183)

Abbażi tad-data mill-bażi tad-data Sorveljanza 2, il-volumi tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari kienu 58 % ogħla mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari.

(184)

Sabiex jiġi rifless id-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi taż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, li hija meqjusa bħala l-fattur ta’ ponderazzjoni rilevanti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, hija kkalkolat fattur ta’ multiplikazzjoni stabbilit permezz tad-diviżjoni tas-somma tal-volum tal-importazzjonijiet matul l-erba’ ġimgħat tal-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari ta’ 10 109 tunnellati u t-52 ġimgħa tal-perjodu ta’ investigazzjoni bil-volum tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni estrapolat għal 56 ġimgħa. Iċ-ċifra li tirriżulta ta’ 4,1 % tirrifletti d-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet. B’hekk, il-marġnijiet tad-dannu definittiv ġew immultiplikati b’dan il-fattur.

(185)

Għalhekk, il-marġni definittiv tal-bejgħ taħt il-prezz għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha huwa kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni ta’ dumping definittiv (%)

Marġni definittiv ta’ bejgħ taħt il-prezz (%)

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd.

30,7

33,9

Handan Jintai Packing Material Co., Ltd.

53,9

23,9

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw: GDH Zhongyue (Zhongshan) Tinplate Industry Co., Ltd.; Shougang Jingtang United Iron & Steel Co., Ltd.

34,6

32,2

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

77,9

77,9

Il-Brażil

Companhia Siderúrgica Nacional

66,8

53,2

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

66,8

53,2

6.2.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni b’rabta mar-RPĊ

(186)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Jintai ikkummentat rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Hija kkontestat l-eżistenza ta’ distorsjoni (l-irtirar tar-rifużjoni tal-VAT), il-kawżalità bejn din id-distorsjoni u l-prezzijiet fis-suq Ċiniż, kif ukoll l-adegwatezza tal-prezzijiet Brażiljani li għandhom jintużaw bħala parametri referenzjarji internazzjonali.

(187)

L-ewwel, l-eżistenza ta’ distorsjoni dwar l-irtirar tar-rifużjoni tal-VAT ġiet stabbilita għal kojls illaminati bis-sħana jew “HRC” (il-kodiċi NM 7208 27) u din id-distorsjoni seħħet matul il-perjodu sħiħ ta’ investigazzjoni. Din l-informazzjoni hija disponibbli fid-dokument “Tariffa Doganali tal-Importazzjoni u tal-Esportazzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”. Tnaqqis jew irtirar tar-rifużjoni tal-VAT huwa waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati speċifikament fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku li tagħti lok għal distorsjonijiet tal-materja prima.

(188)

It-tieni, il-Kummissjoni fakkret li f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, huwa biżżejjed li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ distorsjoni (hawnhekk l-irtirar tar-rifużjoni tal-VAT) u li l-prezzijiet domestiċi tal-materja prima Ċiniża jkunu aktar baxxi meta mqabbla mal-prezzijiet fi swieq internazzjonali rappreżentattivi. Din id-dispożizzjoni ma fiha l-ebda obbligu legali li tiġi pprovata l-kawżalità bejn din id-distorsjoni u l-prezzijiet aktar baxxi fis-suq Ċiniż taħt il-qafas legali applikabbli.

(189)

It-tielet, ġiet osservata differenza sinifikanti fil-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni bejn il-prezzijiet tax-xiri tal-HRC ta’ Jintai u l-prezzijiet ex-works domestiċi Brażiljani tal-HRC, kif ukoll dawk mit-Turkija (ex-works domestiċi) (it-tnejn miksuba minn Metal Bulletin). Kif spjegat fil-premessa (242) tar-Regolament provviżorju, dawk il-prezzijiet kienu ferm ogħla mill-prezzijiet tal-input ta’ Jintai, fil-firxa ta’ [10-30] % u [30-50] %.

(190)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni analizzat jekk il-prezzijiet Torok u Brażiljani kinux prezzijiet xierqa rappreżentattivi tas-swieq internazzjonali skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni nnotat mill-bidu li fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi dwar il-prezzijiet attwali li għandhom jintużaw fir-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni skont il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qrati Ewropej. Fir-rigward tas-sustanza tal-affermazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li kien hemm għadd kbir ta’ prezzijiet referenzjarji disponibbli minn sorsi bħal Metal Bulletin u li ma kien hemm l-ebda medja aktar xierqa disponibbli, pereżempju, ma kien hemm l-ebda parametru referenzjarju aggregat minn reġjuni li setgħu jintużaw għall-fini tal-investigazzjoni. Billi qabblet il-prezzijiet domestiċi Torok u Brażiljani tal-HRC mad-diversi parametri referenzjarji internazzjonali potenzjali l-oħrajn disponibbli fil-Metal Bulletin, il-Kummissjoni nnotat li xi wħud kienu ogħla u xi wħud aktar baxxi, filwaqt li appoġġjat il-konklużjoni dwar ir-rappreżentattività tal-prezzijiet Brażiljani u Torok bħala parametru referenzjarju internazzjonali xieraq. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-kwantitajiet sottostanti tal-HRC innegozjati fil-Brażil kienu sinifikanti ħafna.

(191)

Jintai affermat ukoll li l-prezzijiet domestiċi Brażiljani tal-HRC kienu distorti mill-pandemija tal-COVID. Għal dan il-għan, Jintai qabblet il-prezzijiet tal-HRC fil-Brażil u fiċ-Ċina. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis dan it-tqabbil billi, kif stabbilit fil-premessa (75) tar-Regolament provviżorju u kkonfermat fil-premessa (46) hawn fuq, il-prezzijiet Ċiniżi tal-materja prima tal-prodott ikkonċernat, inklużi l-HRC, kienu soġġetti għal distorsjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, kif indikat hawn fuq fil-premessa (55), iż-żieda fil-prezzijiet fis-suq domestiku tal-Brażil kienet konkomitanti ma’ żieda globali fil-prezzijiet tal-prodotti ċatti tal-azzar. Fl-aħħar nett, il-prezzijiet tal-HRC ta’ Jintai kienu wkoll ferm aktar baxxi mill-prezzijiet domestiċi ex-works Torok miksuba mill-Metal Bulletin.

(192)

Wara d-divulgazzjoni finali, Jintai għamlet aktar kummenti rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Hija affermat li l-eżistenza ta’ distorsjoni hija kundizzjoni meħtieġa iżda mhux kundizzjoni suffiċjenti. Il-Gvern taċ-Ċina għamel kumment simili wara d-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku jipprevedi li teżisti distorsjoni jekk, minħabba għadd ta’ miżuri identifikati f’dik id-dispożizzjoni, prezz ta’ materja prima jkun “ferm aktar baxx meta mqabbel mal-prezzijiet fi swieq internazzjonali rappreżentattivi” u li din il-materja prima għandha tammonta għal mhux inqas minn 17 % tal-kostijiet tal-produzzjoni. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ifissru li d-distorsjoni identifikata hija distorsjoni serja li x’aktarx tħalli impatt fuq il-kompetittività tal-industrija Ċiniża, filwaqt li tikkawża dannu addizzjonali lill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li f’konformità mal-Artikolu 7(2b) tar-Regolament Bażiku, saret analiżi ulterjuri qabel ma ġie deċiż jekk għandux jiġi applikat jew le l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Meta tagħmel l-analiżi rilevanti f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni (22). Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma hijiex awtomatika kif affermat minn Jintai, iżda pjuttost l-eżitu ta’ analiżi komprensiva.

(193)

Bħala konklużjoni, il-partijiet ma ssottomettew l-ebda evidenza konvinċenti li l-prezzijiet ex-works domestiċi Brażiljani u Torok ma kinux rappreżentattivi tas-swieq internazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni provviżorja tagħha li tikkunsidra dawn il-prezzijiet rappreżentattivi bħala parametru referenzjarju internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

(194)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-affermazzjoni ta’ Jintai ġiet irrifjutata u l-premessi minn (235) sa (243) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati

(195)

F’konformità mal-premessa (239) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni investigat ukoll jekk materja prima possibbli oħra, bħal kojls illaminati fil-kiesaħ, kinitx soġġetta għal distorsjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a). Il-Kummissjoni sabet li l-ebda materja prima li tammonta għal aktar minn 17 % tal-kost tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ma kienet soġġetta għal distorsjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2a) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li, fir-rigward tal-produttur esportatur l-ieħor inkluż fil-kampjun, Baosteel, li ma xtarax l-HRC fiċ-Ċina, il-modulazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri saret irrilevanti billi l-marġni tad-dumping kien aktar baxx mill-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz.

(196)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-GTĊ irrefera għall-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, fejn sostna li l-iskop tal-evalwazzjoni ta’ jekk il-materja prima hijiex distorta huwa li jiġi eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu. Skont il-GTĊ, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-materja prima mhux neċessarjament tfisser li jenħtieġ li l-marġni tad-dannu jiżdied għal-livell tal-marġni tad-dumping. Il-GTĊ afferma li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħmel xi valutazzjoni dwar jekk il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz kienx biżżejjed biex jelimina d-dannu u applikat direttament il-marġni tad-dumping, li jmur kontra r-rekwiżiti u l-iskop tad-dritt tal-Unjoni.

(197)

Jintai rreferiet għal investigazzjonijiet reċenti li fihom il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dannu fil-livell tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz, u affermat li tali marġni jneħħi d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Anki jekk il-Kummissjoni qieset li l-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz għal Jintai ma huwiex biżżejjed biex jitneħħa d-dannu, jenħtieġ li l-marġni tad-dannu ma jiġix stabbilit awtomatikament fil-livell tal-marġni tad-dumping, iżda jenħtieġ li jiġi ddeterminat b’metodu raġonevoli ieħor. Għalhekk, Jintai talbet lill-Kummissjoni biex tuża l-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz ikkalkolat biex tiddetermina l-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, jew biex tikkalkula marġni ta’ dannu raġonevoli ieħor għal Jintai.

(198)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li “meta teżamina jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu, il-Kummissjoni għandha tqis jekk hemmx distorsjonijiet fuq il-materja prima fir-rigward tal-prodott ikkonċernat” u l-Artikolu 7(2b) jistipula li “fmeta l-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni kollha sottomessa, tista’ tikkonkludi b’mod ċar li huwa fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont tad-dazji provviżorji f’konformità mal-paragrafu 2a ta’ dan l-Artikolu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika”. Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-materja prima fir-rigward tal-prodott ikkonċernat u tikkonkludi li huwa fl-interess tal-Unjoni li tiddetermina l-ammont tad-dazji provviżorji fil-livell ta’ dumping, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa jew intitolata li tikkalkula “marġni tad-dannu raġonevoli ieħor” mill-marġni tad-dumping kif mitlub minn Jintai. Fil-każijiet kollha fejn jiġi konkluż li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku hija ġġustifikata, bħal f’dan il-każ, minħabba d-dannu addizzjonali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba l-eżistenza tad-distorsjonijiet tal-materja prima fil-pajjiż tal-esportazzjoni, il-livell ta’ dazju kkunsidrat meħtieġ biex jitneħħa tali dannu addizzjonali jitqies xieraq li jiġi stabbilit b’referenza għall-marġni tad-dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjonijiet tal-GTĊ u ta’ Jintai u kkonfermat l-applikazzjoni tal-marġni biex jiġi stabbilit l-ammont tad-dazju fil-livell tad-dumping fir-rigward ta’ Jintai, kif stabbilit fil-premessa (277) tar-Regolament provviżorju.

(199)

Għalhekk, il-premessi minn (275) sa (280) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   Interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

(200)

Fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku li kien ċar fl-interess tal-Unjoni li tiġi stabbilita r-rata tad-dazju għal Jintai fil-livell tal-marġni tad-dumping misjub minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-materja prima.

7.1.1.   Il-kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur

(201)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-kapaċitajiet ta’ riżerva fil-pajjiż esportatur, il-premessi (245) u (246) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

7.1.2.   Kompetizzjoni għall-materja prima

(202)

Il-kwistjoni relatata tal-prezzijiet domestiċi Ċiniżi tal-HRC ġiet indirizzata fil-premessi minn (186) sa (194). Fin-nuqqas ta’ kummenti aktar speċifiċi rigward il-kompetizzjoni għall-materja prima, il-premessi (247) u (248) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

7.1.3.   L-effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni

(203)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Eviosys, Astir Vitogiannis u CANPACK issottomettew affermazzjonijiet addizzjonali li l-industrija tal-Unjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi l-kwantitajiet meħtieġa ta’ ECCS, li ġġiegħelhom jiddependu fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi. Huma affermaw ukoll li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma humiex alternattiva minħabba l-proċessi ta’ validazzjoni twal u kumplessi, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ firxa suffiċjenti ta’ speċifikazzjonijiet, u l-kwoti tariffarji taħt il-miżuri ta’ salvagwardja tal-Unjoni.

(204)

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa l-evidenza kollha pprovduta mill-utenti tal-Unjoni u mill-industrija tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

(205)

Għalkemm it-tliet utenti jiddependu b’mod differenti ħafna fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi, il-Kummissjoni osservat li proporzjon żgħir ħafna ta’ ECCS miċ-Ċina nxtara mingħand Jintai u li l-biċċa l-kbira tal-kwantitajiet inxtraw mingħand Baosteel, li mhux se jiġu affettwati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku fir-rigward ta’ Jintai jew mingħand iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi l-oħrajn li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun.

(206)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku għal Jintai, li se jaffettwaw ukoll il-livell tad-dazji għall-esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx, ma twassalx għal tfixkil serju fil-katina tal-valur għall-utenti tal-Unjoni. Tabilħaqq, huma jistgħu jfornu l-ECCS mingħand Baosteel u ż-żewġ kumpaniji Ċiniżi l-oħrajn li kkooperaw iżda li ma humiex inklużi fil-kampjun. Aktar u aktar meta wieħed iqis li d-dazju anti-dumping definittiv għal Baosteel jiġi rivedut ’l isfel b’mod sinifikanti bħala riżultat tal-aġġustamenti spjegati fil-premessi minn (57) sa (60), li kkawżaw ukoll reviżjoni ’l isfel tad-dazju għall-esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, l-utenti jistgħu wkoll jimportaw l-ECCS mingħand pajjiżi terzi oħrajn li ma humiex soġġetti għal miżuri anti-dumping.

7.1.4.   Konklużjoni tal-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

(207)

Il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha fil-premessi (252) u (253) tar-Regolament provviżorju li huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dazji provviżorji b’rabta ma’ Jintai f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

7.2.   Interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku

7.2.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(208)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (255) u (256) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

7.2.2.   L-interess tal-utenti u tal-importaturi u n-negozjanti mhux relatati

(209)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, tliet utenti, jiġifieri Eviosys, CANPACK u Astir Vitogiannis, ma qablux bil-qawwa mal-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni u tennew l-affermazzjonijiet tagħhom li hemm diversi kwistjonijiet serji ta’ provvista meta l-utenti jagħmlu ordnijiet mal-produtturi tal-ECCS tal-Unjoni li jwasslu għal nuqqas fis-suq tal-Unjoni u li l-produtturi tal-Unjoni qed jesportaw porzjon sinifikanti tal-ECCS prodotti tagħhom.

(210)

It-tliet utenti msemmija hawn fuq issottomettew ċerta evidenza dwar rifjut jew impossibbiltà tal-produtturi tal-Unjoni li jfornu l-kwantitajiet mitluba tal-ECCS, kif ukoll dwar problemi ta’ kunsinna sħiħa u regolari tal-volumi miftiehma.

(211)

Eviosys esprimiet tħassib li ż-żewġ produtturi tal-Unjoni, ThyssenKrupp u ArcelorMittal, qed jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni tas-suq tagħhom li fiha huma żewġ atturi ewlenin b’sehem mis-suq ikkombinat għoli ħafna u protezzjoni sinifikanti diġà, minħabba l-miżuri ta’ salvagwardja fis-seħħ, mill-importazzjonijiet billi jsegwu politika ta’ żidiet eżorbitanti fil-prezzijiet, speċjalment mill-2021.

(212)

Eviosys, CANPACK u Astir Vitogiannis ma qablux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni għandha kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti biex tkopri d-domanda fis-suq tal-Unjoni. Skont dawn, anki jekk kien minnu li l-industrija tal-Unjoni għandha kapaċità suffiċjenti u tista’, fit-teorija, tkun kapaċi taqdi s-suq tal-Unjoni, ir-realtà hija li l-produtturi tal-Unjoni ma humiex lesti li jfornu jew ma jistgħux jissodisfaw id-domandi tal-volum tal-klijenti tagħhom waqt li jesportaw aktar minn 20 % tal-produzzjoni totali tagħhom. Skont Astir Vitogiannis, anki l-kapaċità teoretika tal-industrija tal-Unjoni, li topera b’rata ta’ utilizzazzjoni ta’ 100 %, ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa d-domanda kollha tal-Unjoni. Kwalunkwe tfixkil jew force majeure min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni, li diġà seħħu ħafna drabi fil-passat, jaffettwaw b’mod sever il-produzzjoni tagħhom tal-ECCS u, b’riżultat ta’ dan, iħallu impatt fuq il-vijabbiltà tal-industriji downstream li jiddependu ħafna fuq din l-industrija tal-fornituri kkonċentrata. CANPACK tenniet l-affermazzjoni tagħha wara d-divulgazzjoni finali.

(213)

Għall-kuntrarju, l-industrija tal-Unjoni insistiet li hija għandha kapaċità suffiċjenti biex tkopri d-domanda fis-suq tal-Unjoni u li hija tista’ tidderieġi mill-ġdid il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni biex tissodisfa d-domanda, azzjoni li diġà seħħet. Il-produtturi tal-Unjoni affermaw ukoll li l-kwistjonijiet tal-provvista tal-passat kienu r-riżultat ta’ kunsiderazzjonijiet tal-prezzijiet aktar milli minħabba nuqqas ta’ produzzjoni u provvista. L-industrija tal-Unjoni ddikjarat ukoll li d-domanda fl-Unjoni bħalissa qed tonqos u li, għalhekk, hija jkollha l-possibbiltà li tforni kwantitajiet addizzjonali.

(214)

CANPACK affermat, kemm wara d-divulgazzjoni provviżorja kif ukoll wara dik finali, li s-sitwazzjoni tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni u r-realtà tas-suq ivarjaw b’mod sinifikanti minn dik li kienet tikkostitwixxi l-bażi għall-produtturi tal-ECCS tal-Unjoni biex jibdew l-investigazzjoni u li kienet teżisti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Bħalissa, il-livell tal-prezzijiet tal-ECCS offruti mill-produtturi Ċiniżi huwa aktar komparabbli, jew saħansitra ogħla minn dawk fis-suq tal-Unjoni. CANPACK sostniet li jidher b’mod ċar li l-livell tal-miżuri imposti mill-Kummissjoni ma huwiex adegwat, minħabba li l-livelli tad-dazju provviżorju kienu bosta drabi ogħla mid-differenza bejn il-prezzijiet tal-ECCS li joriġinaw mill-Unjoni u miċ-Ċina. Fl-opinjoni ta’ CANPACK, il-miżuri jwasslu għal differenzjazzjoni enormi tal-prezzijiet offruti mill-produtturi tal-ECCS tal-Unjoni u Ċiniżi, u b’hekk tinfetaħ il-possibbiltà ta’ żidiet addizzjonali fil-prezzijiet mill-produtturi tal-Unjoni, kif ukoll duwopolju taż-żewġ produtturi ewlenin tal-ECCS fl-Unjoni. Konsegwentement, l-impożizzjoni tal-miżuri tirriżulta f’telf finanzjarju min-naħa tal-utenti tal-ECCS tal-Unjoni li jimportaw l-ECCS miċ-Ċina. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqies il-fatt li minħabba l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, l-utenti tal-ECCS tal-Unjoni se jkollhom marġnijiet ta’ profitt aktar baxxi u se jkollhom jgħaddu lill-konsumaturi (li diġà qed jitħabtu ma’ inflazzjoni għolja) kwalunkwe żieda fil-prezz fl-ECCS jew, fl-agħar xenarju possibbli, saħansitra jabbandunaw l-attivitajiet tagħhom.

(215)

Astir Vitogiannis talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-iżviluppi tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni fil-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Hija rrimarkat li għalkemm l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li “[L]-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni ma għandhiex, normalment, titqies”, il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni sostniet b’mod ċar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażi huwa relatat biss mal-valutazzjoni tad-dumping u tad-dannu u mhux mal-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, Astir Vitogiannis irreferiet għall-Kawża Kazchrome, li fiha l-Qorti Ġenerali kkonfermat li “l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku ma japplikax fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ jekk hemmx interess Komunitarju kif ikkontemplat fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, li jfisser li l-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti għall-perjodu ta’ investigazzjoni tista’ titqies għal dawk l-għanijiet”  (23) u għall-Kawża CPME, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni tinvolvi “previżjoni bbażata fuq ipoteżi rigward żviluppi futuri, li tinkludi valutazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi”  (24). B’mod aktar speċifiku, Astir Vitogiannis affermat li matul il-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni, l-industrija tal-Unjoni kienet żiedet il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha bi kważi 100 %, filwaqt li l-kost kien żdied ferm inqas, li rriżulta f’marġnijiet ta’ profitt sani u b’saħħithom skont l-aħħar riżultati finanzjarji rrapportati mill-ilmentaturi nfushom.

(216)

Il-Kummissjoni kkunsidrat bir-reqqa l-argumenti kollha ta’ hawn fuq, inklużi dawk li jikkonċernaw l-iżviluppi tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni. Fir-rigward tal-livelli tal-prezzijiet wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet tabilħaqq żdiedu, iżda ma kellha l-ebda evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li turi li tali prezzijiet ogħla kienu strutturali. Minflok, għall-kuntrarju, fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati, il-Kummissjoni stabbiliet li wara li laħqu l-quċċata inizjali tagħhom fil-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni u b’mod partikolari fi Frar, il-prezzijiet tal-importazzjoni bdew jonqsu, kemm immedjatament qabel kif ukoll matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari (25), minkejja t-tħabbira tal-impożizzjoni li jmiss ta’ dazji provviżorji. Fir-rigward tal-allegati kwistjonijiet ta’ provvista fis-suq tal-Unjoni, meta qieset id-diversi interessi, il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li dawn kienu ta’ kobor u firxa suffiċjenti biex ipoġġu f’dubju l-eżistenza jew il-livell tal-miżuri. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet nota tad-dikjarazzjoni tal-industrija tal-Unjoni li l-bilanċ tal-provvista u tad-domanda qed ixxaqleb favur ix-xerrejja tal-ECCS, bil-prezzijiet li diġà qed jonqsu kif muri mill-iżvilupp tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Il-Kummissjoni nnotat ukoll ir-rieda tal-industrija tal-Unjoni li tidderiġi mill-ġdid il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni biex tissodisfa kwalunkwe eċċess fid-domanda, kif diġà ġara fil-passat. Barra minn hekk, fid-dawl tat-tnaqqis mistenni fir-ritmu ekonomiku għall-bqija tal-2022 u l-2023 (26), kemm il-prezzijiet kif ukoll id-domanda ma humiex mistennija li jkomplu jiżdiedu. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku jispeċifika li “il-ħtieġa li jiġu eliminati l-effetti ta’ distorsjoni tal-kummerċ ta’ dumping dannuż u li terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-utenti ma għamlux każ konvinċenti li l-livell previst ta’ miżuri jaffettwa l-profittabbiltà u l-operat tagħhom b’tali mod li jkun ferm akbar mill-ħtieġa li jiġu imposti l-miżuri sabiex jiġu evitati l-effetti ta’ distorsjoni u d-dannu materjali kkawżat lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Tabilħaqq, kif spjegat fil-premessa (265) tar-Regolament provviżorju, abbażi tad-data ta’ Eviosys, l-uniku utent li pprovda tweġiba għall-kwestjonarju, deher li kien se jkun jista’ jassorbi żieda possibbli fil-kost meta titqies il-profittabbiltà attwali tiegħu mill-bejgħ ta’ prodotti li jużaw l-ECCS u s-sehem tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati fil-portafoll ta’ akkwist tiegħu. Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata wara d-divulgazzjoni provviżorja. B’hekk, il-Kummissjoni ma sabitx li l-iżviluppi tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni kienu jfissru li l-impożizzjoni ta’ miżuri ma tkunx xierqa, wara li tqiesu d-diversi interessi kollha involuti.

(217)

Wara d-divulgazzjoni finali, Eurofer affermat li Astir reċentement irrifjutat kunsinni u ma staqsietx dwar kunsinni futuri possibbli, filwaqt li d-domanda ta’ Eviosys naqset fl-2022. Il-Kummissjoni nnotat li l-biċċa l-kbira tal-evidenza ġiet ipprovduta mill-produtturi tal-Unjoni, iżda ma ġietx ikkonfermata minn kwotazzjonijiet ta’ korrispondenza mal-utenti rispettivi. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika l-evidenza addizzjonali pprovduta, speċjalment minħabba s-sottomissjoni tard tagħha matul il-proċedimenti.

(218)

Kemm Astir Vitogiannis, kif ukoll is-CISA u CANPACK wara d-divulgazzjoni finali, esprimew ukoll tħassib li l-miżuri anti-dumping fil-forma u fil-livell imposti mir-Regolament provviżorju jipproteġu b’mod sproporzjonat u inġust u jsaħħu aktar id-duwopolju eżistenti tal-produtturi tal-Unjoni għad-detriment estrem ta’ utenti u proċessuri indipendenti. Hija affermat ukoll li ż-żieda fil-kostijiet għall-utenti tal-Unjoni se tagħmilhom ferm inqas kompetittivi meta mqabbla mal-fornituri ta’ prodotti bbażati fuq l-ECCS (imballaġġ tal-metall, sufri kuruni) f’pajjiżi terzi mingħajr miżuri anti-dumping fis-seħħ. Tali miżuri se jirriżultaw f’żidiet sinifikanti fil-kostijiet għall-utenti u għall-proċessuri għad-detriment tal-profittabbiltà tagħhom, minħabba li ma jistgħux jassorbu bis-sħiħ tali żidiet fil-kostijiet huma stess, hekk kif l-ECCS jikkostitwixxi parti kbira fil-kost tal-prodotti finali (elementi tal-imballaġġ tal-ikel u tax-xorb, sufri kuruni, eċċ.). Astir Vitogiannis affermat li t-trasferiment taż-żieda fil-kostijiet b’mod sħiħ aktar ’l isfel fil-katina tal-provvista huwa sempliċiment mhux realistiku, u ssostanzjat l-affermazzjoni tagħha b’evidenza ta’ sostenn.

(219)

Barra minn hekk, Astir Vitogiannis hija mħassba li l-miżuri anti-dumping f’tali livelli għoljin u l-applikazzjoni tagħhom diġà fl-istadju provviżorju qed ipoġġu f’riskju għoli ħafna l-utenti tal-Unjoni f’dak li jirrigwardja l-materja prima u l-ordnijiet li diġà jinsabu fi tranżitu, li jiffaċċjaw sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jimportaw il-materjal minħabba l-impatt finanzjarju estrem u l-garanziji kollaterali meħtieġa fil-proċess doganali tal-importazzjoni. Għalhekk, Astir Vitogiannis talbet lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dawn iċ-ċirkostanzi partikolari u tiżgura li jittieħdu miżuri sabiex tillimita l-konsegwenzi minn miżuri anti-dumping provviżorji fuq oġġetti li kienu fi tranżitu.

(220)

Kif spjegat ukoll hawn fuq fil-premessa (216), dawn l-utenti ddependew fuq dikjarazzjonijiet relattivament ġenerali u ma kkwantifikawx u ma ssostanzjawx l-impatt tal-miżuri fuq il-profittabbiltà u l-vijabbiltà tagħhom. Għall-kuntrarju, kif spjegat fil-premessa (265) tar-Regolament provviżorju, deher li Eviosys, li hija l-unika utenta li ssottomettiet tweġiba għall-kwestjonarju u data dwar il-kostijiet u l-profittabbiltà, tkun tista’ tassorbi żieda possibbli fil-kostijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat dawn l-affermazzjonijiet.

(221)

Eviosys esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar l-applikazzjoni simultanja tal-miżuri anti-dumping u ta’ salvagwardja, li l-effetti kkombinati tagħhom fuq l-istess prodotti importati jaggravaw kwalunkwe effett konsegwenzjali negattiv ta’ kull miżura fuq l-utenti u l-konsumaturi tal-Unjoni. Eviosys irreferiet għal sottomissjonijiet preċedenti li fihom spjegat li l-miżuri ta’ salvagwardja fis-seħħ, flimkien ma’ żviluppi reċenti oħrajn fis-suq tal-azzar fl-Ewropa u madwar id-dinja, wasslu għal nuqqasijiet sinifikanti fil-provvista tal-ECCS fl-Unjoni, li jaffettwaw kemm lil Eviosys kif ukoll l-industrija tal-imballaġġ tal-azzar kollha kemm hi. Dan ma jikkonċernax biss l-importazzjonijiet miċ-Ċina iżda wkoll l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn – li wħud minnhom lanqas biss huma allokati kwota speċifika għall-pajjiż taħt il-miżuri ta’ salvagwardja. Eviosys ma qablitx mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (250) tar-Regolament provviżorju li “l-utenti tal-Unjoni jistgħu jġibu l-prodott li qed jiġi investigat minn pajjiżi terzi oħra” . Skont Eviosys, jekk jiġu imposti dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi u Brażiljani, tali miżuri se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni ta’ provvista limitata fis-suq tal-Unjoni, speċjalment minħabba l-livell tad-dazji imposti b’mod provviżorju mill-Kummissjoni, li kienu estremament għoljin.

(222)

Il-Kummissjoni fakkret li l-miżuri anti-dumping japplikaw biss jekk u sal-punt li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ma jkunux soġġetti għall-miżuri ta’ salvagwardja. Skont ir-Regolament (UE) 2019/1382 (27), ma hemm l-ebda rimedju doppju fis-seħħ fl-istess ħin fuq l-istess prodott. Dak il-prinċipju se jiġi rifless ukoll f’dan ir-Regolament, kif stabbilit fil-premessi (262) u (263) hawn taħt. Fi kwalunkwe każ, il-partijiet naqsu milli jissostanzjaw kif il-kombinazzjoni tal-miżuri fil-fatt taffettwahom b’tali mod negattiv li trendi l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping kontra l-interess tal-Unjoni. Għalhekk, dan l-argument ġie rrifjutat.

(223)

Kemm wara d-divulgazzjoni provviżorja kif ukoll wara dik finali, CANPACK ma qablitx mas-sejba tal-Kummissjoni li l-utenti tal-ECCS tal-Unjoni għandhom alternattiva fil-forma ta’ provvisti tal-ECCS minn pajjiżi terzi, meta jitqies li l-kwoti tariffarji ta’ salvagwardja mogħtija lil pajjiżi terzi oħrajn huma aktar baxxi minn dawk mogħtija liċ-Ċina, u b’hekk qed jiġu kkonsmati ħafna aktar malajr. CANPACK affermat li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju, il-prezzijiet tal-ECCS li joriġinaw mill-Ġappun u mill-Korea ta’ Isfel fil-perjodu ta’ investigazzjoni ma kinux ogħla b’mod sinifikanti, iżda komparabbli mal-prezz medju tal-importazzjoni tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (il-Ġappun EUR 776 (+ 8,5 % meta mqabbel mal-prezzijiet Ċiniżi); il-Korea ta’ Isfel EUR 763 (+ 6,7 % meta mqabbla mal-prezzijiet Ċiniżi), filwaqt li l-livell tal-kost f’dawn iż-żewġ pajjiżi huwa ogħla milli fiċ-Ċina.

(224)

Astir Vitogiannis irrimarkat ukoll li d-dazji anti-dumping għoljin ħafna se jipprojbixxu b’mod effettiv il-maġġoranza tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u mill-Brażil, filwaqt li ma hemm l-ebda provvista alternattiva realistika u suffiċjenti minn pajjiżi terzi oħrajn u ma qablitx mal-affermazzjoni tal-Kummissjoni li t-tnaqqis fl-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux investigati oħrajn huwa dovut għal prezzijiet tal-importazzjoni allegatament baxxi u oġġett ta’ dumping mill-Brażil u miċ-Ċina, u li “[F]in-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra jiżdiedu, peress li l-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni jkunu aktar attraenti”. Skont Astir Vitogiannis, id-data tal-Eurostat disponibbli turi li l-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi mhux investigati (eż. ir-Renju Unit, il-Korea ta’ Isfel) żdiedu b’mod sinifikanti matul l-aktar passat reċenti (jiġifieri, wara tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni) minkejja l-allegati prezzijiet baxxi u oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u mill-Brażil, u bl-istess mod minkejja l-fatt li l-volumi tal-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi mhux investigati naqsu fl-istess ħin. Dan juri wkoll li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma jistgħux jiġu invokati bħala riżerva valida u garantita għall-importazzjonijiet mitlufa mill-Brażil u miċ-Ċina. Fl-aħħar nett, Astir Vitogiannis sostniet li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn jeħtieġu proċess twil ta’ kwalifika u validazzjoni sa sena minħabba n-natura tan-negozju.

(225)

Il-Kummissjoni ma qablitx. Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (250) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni sabet li l-volum totali tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn naqas bi 23 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu. Fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn x’aktarx jiżdiedu, minħabba li s-suq tal-Unjoni jkun aktar attraenti u jistgħu jintalbu prezzijiet ogħla. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni sottomessa mill-industrija tal-Unjoni, il-prezzijiet kienu diġà bdew jonqsu f’Mejju 2022, li kif spjegat fil-premessa (216), ġie kkonfermat ukoll mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati; il-bilanċ kien qed ixaqleb favur ix-xerrejja, u li fi kwalunkwe każ huma lesti li jidderieġu mill-ġdid parti mill-bejgħ għall-esportazzjoni lil xerrejja tal-provvista fl-Unjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(226)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja u finali, is-CISA sostniet li l-pressjoni inflazzjonarja attwali esperjenzata fl-ekonomija tal-Unjoni, flimkien mal-pressjoni fuq il-ktajjen tal-provvista u d-disponibbiltà limitata tal-prodott ikkonċernat u l-materja prima tiegħu minħabba żviluppi ġeopolitiċi, kif ukoll it-tfixkil serju fil-katina tal-provvista globali, jenħtieġ li jħeġġu lill-Kummissjoni tabbanduna l-miżuri jew għall-inqas tissospendihom. Barra minn hekk, is-CISA u l-GTĊ sostnew li l-ECCS jintuża primarjament għall-produzzjoni ta’ ikel fil-laned bi prezz baxx, li jiġi invokat b’mod estensiv mill-konsumaturi tal-Unjoni fil-livelli ta’ introjtu aktar baxxi, li diġà qed jesperjenzaw żieda fl-ispejjeż tal-għoli tal-ħajja minħabba l-inflazzjoni. Is-CISA u l-GTĊ irreferew ukoll għall-kummenti li saru minn Eviosys fir-rigward tan-nuqqasijiet ta’ provvista fis-suq tal-Unjoni u indikaw ukoll is-saħħa qawwija fis-suq tal-produtturi tal-Unjoni, għad-detriment tas-saħħa ta’ negozjar tal-industrija downstream. F’dan ir-rigward, huma rreferew għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tipprojbixxi l-impriża konġunta Tata steel u ThyssenKrupp (28).

(227)

Il-Kummissjoni ma qablitx. L-ewwel nett, hija nnotat li dawn l-affermazzjonijiet mis-CISA kienu ġeneriċi u ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni jew evidenza attwali tal-impatt tal-fatturi msemmija fuq is-sitwazzjoni tal-utenti. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (266) tar-Regolament provviżorju dwar l-effett possibbli fuq il-prezzijiet tal-ikel, Eviosys ma ssostanzjatx l-affermazzjoni tagħha li turi li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ECCS tirriżulta f’żieda fil-prezzijiet tal-imballaġġ tal-ikel u, fl-aħħar mill-aħħar, f’żieda fil-prezzijiet tal-oġġetti tal-ikel, jew li tali żidiet potenzjali jkunu fl-istess proporzjon bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-ECCS. Barra minn hekk, l-ECCS jintuża biss għat-truf tal-laned tal-ikel, filwaqt li l-pjanċa stanjata, li hija aktar għalja, tintuża għall-qafas tal-laned. Għalhekk, kwalunkwe żieda potenzjali fil-prezzijiet tal-ECCS weħidha x’aktarx li ma taffettwax il-prezzijiet tal-imballaġġ tal-ikel b’mod sinifikanti. Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata wara d-divulgazzjoni provviżorja. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjonijiet tas-CISA u tal-GTĊ.

(228)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni nnotat li skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, determinazzjoni dwar jekk l-interess tal-Unjoni jirrikjedix intervent għandha tkun ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha meħuda b’mod ġenerali. F’eżami bħal dan, il-ħtieġa li jiġu eliminati l-effetti ta’ distorsjoni tal-kummerċ ta’ dumping dannuż u li terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali.

(229)

Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa l-affermazzjonijiet u l-evidenza kollha b’rabta mal-interess tal-Unjoni u vverifikat jekk il-protezzjoni offruta lill-industrija tal-Unjoni permezz ta’ miżuri tkunx sproporzjonata b’mod ċar meta mqabbla mal-interess tal-utenti, kif speċifikat f’din it-taqsima.

(230)

Fid-dawl tal-istampa ċara tad-dumping u tad-dannu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri definittivi huma ġġustifikati biex jippermettu lill-produtturi tal-Unjoni jirritornaw għal livelli ta’ profitt sostenibbli. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-ħtieġa li din tiġi protetta mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati kienu prevalenti fuq il-kwistjonijiet imqajma mill-utenti. Madankollu, fid-dawl tal-kwistjonijiet deskritti mill-utenti u l-iżviluppi tas-suq wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, kif spjegat aktar fil-premessa (244) hawn taħt, il-Kummissjoni qieset l-applikazzjoni ta’ forma ta’ dazji li jkunu aktar adattati għal dawn l-iżviluppi.

(231)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni provviżorja li ma hemmx biżżejjed raġunijiet konvinċenti ta’ interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

7.2.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(232)

Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni fil-premessa (274) tar-Regolament provviżorju li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-ECCS li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Miżuri definittivi

(233)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità, il-livell tal-miżuri u l-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(234)

Skont l-istess approċċ spjegat fil-premessa (278) tar-Regolament provviżorju, id-dazju definittiv għall-kumpaniji l-oħrajn li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun fir-RPĊ kien ibbażat fuq il-marġni tad-dumping medju ponderat kif stabbilit għaż-żewġ kumpaniji inklużi fil-kampjun fir-RPĊ, li, għall-kuntrarju tal-istadju provviżorju, kien aktar baxx mill-marġni tad-dannu medju ponderat.

(235)

Wara l-kjarifiki u l-korrezzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Settembru 2022, is-CISA kkummentat li kien għadu mhux ċar jekk id-dazju fiss għal kumpaniji oħrajn li kkooperaw kienx ibbażat fuq il-marġni tad-dumping jew il-marġni tad-dannu misjub għal dawn il-kumpaniji. Barra minn hekk, hija tenniet l-argument tagħha li l-Kummissjoni ma għamlitx sejbiet ta’ materja prima għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. B’riżultat ta’ dan, jenħtieġ li l-Artikoli 7(2a) u 7(2b) tar-Regolament bażiku ma japplikawx għal dawk il-kumpaniji.

(236)

Il-Kummissjoni ċċarat li d-dazju fiss għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kien ibbażat fuq il-marġni tad-dumping medju ponderat li kien aktar baxx mill-marġni tad-dannu medju ponderat misjub. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-kampjun tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ kien rappreżentattiv u, kif indikat fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, l-ebda parti ma kkontestat jew saħansitra kkummentat dwar il-kampjun magħżul. Konsegwentement, is-sejbiet għall-kumpaniji inklużi fil-kampjun, inkluż fir-rigward tal-Artikoli 7(2a) u 7(2b) tar-Regolament bażiku għal Jintai, tqiesu wkoll bħala rappreżentattivi għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. B’hekk, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li jitqiesu dawk is-sejbiet meta jiġu kkalkolati l-marġnijiet medji ponderati tad-dannu u tad-dumping tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun abbażi taż-żewġ kumpaniji inklużi fil-kampjun. Għalhekk, hija rrifjutat l-affermazzjoni.

(237)

Kif spjegat fil-premessi (279) u (280) tar-Regolament provviżorju, minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni mill-produtturi fir-RPĊ u l-fatt li l-livell ta’ dazju għal Jintai kien ibbażat fuq il-marġni ta’ dumping misjub f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-livell tad-dazju għall-pajjiż kollu kien ibbażat fuq l-ogħla marġnijiet tad-dumping misjuba għal kull tip ta’ prodott mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi minn Jintai. Il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tikkalkula l-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz jew tad-dannu fir-rigward tal-kumpaniji li ma kkooperawx minħabba s-sejbiet ta’ distorsjonijiet tal-materja prima skont l-Artikolu 7(2a).

(238)

Fir-rigward tal-Brażil, il-kooperazzjoni kienet għolja u b’riżultat ta’ dan, id-dazju residwu ġie stabbilit fl-istess livell bħal dak applikabbli għal Companhia Siderúrgica Nacional.

(239)

Fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni imponiet dazji ad valorem. Wara d-divulgazzjoni provviżorja, CSN, Eviosys, Baosteel u l-Ministeru Grieg tal-Affarijiet Barranin talbu lill-Kummissjoni tikkunsidra l-applikazzjoni ta’ prezz minimu tal-importazzjoni (“PMI”) minflok dazji ad valorem. CSN affermat li PMI jippermetti lill-produtturi tal-Unjoni jirkupraw mill-effetti ta’ allegat dumping dannuż, filwaqt li jipprevjeni kwalunkwe effett negattiv ta’ żidiet mhux dovuti fil-prezzijiet wara l-perjodu ta’ investigazzjoni li jista’ jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq in-negozju tal-utenti. PMI jakkomoda wkoll it-tħassib tal-utenti, minħabba li jibżgħu minn nuqqas tal-prodott ikkonċernat u jipprevjeni disturbi serji fil-provvista tas-suq tal-Unjoni.

(240)

Il-Kummissjoni vvalutat dawn l-affermazzjonijiet u qieset li l-PMI ma kienx forma xierqa ta’ dazji, minħabba li għandu t-tendenza li jistabbilixxi l-prezz f’livelli fissi u b’hekk għandu l-potenzjal li jinterferixxi fis-suq b’mod aktar qawwi. Dan jista’ jkun partikolarment problematiku f’dan il-każ meta s-suq ikun ikkaratterizzat minn għadd żgħir ta’ produtturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, PMI spiss ma jkunx forma xierqa ta’ dazju għas-swieq li huma soġġetti għal volatilità (eż. volatilità tal-prezzijiet tal-materja prima), li huwa l-każ għall-prodotti tal-azzar. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat dawn it-talbiet.

(241)

Wara d-divulgazzjoni finali, Eviosys u Baosteel tennew it-talba tagħhom biex jikkunsidraw l-applikazzjoni ta’ PMI. Din it-talba kienet appoġġjata minn CANPACK. Barra minn hekk, Eviosys ipproponiet li PMI, flimkien ma’ dazju ad valorem li jsir applikabbli meta l-PMI ma jiġix irrispettat, jenħtieġ li jkunu applikabbli għall-ewwel sentejn tal-applikazzjoni tal-miżuri, li warajhom dazju fiss jissostitwixxi awtomatikament il-PMI. Eviosys iġġustifikat it-talba tagħha abbażi ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali rigward id-disponibbiltà tal-provvisti tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi tal-Unjoni li hija qieset li se jissolvew fis-sentejn li ġejjin. Barra minn hekk, hija rreferiet għal diversi Regolamenti preċedenti (29) meta l-Kummissjoni biddlet id-dazji għal PMI sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-utenti u tipprevjeni n-nuqqas ta’ provvista. Barra minn hekk, hija għamlet referenza għal investigazzjonijiet preċedenti meta d-durata tal-miżuri anti-dumping kienet limitata għal sentejn minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali tas-suq (30).

(242)

Wara d-divulgazzjoni finali, Eurofer appoġġjat is-sejbiet tal-Kummissjoni li PMI ma jkunx dazju anti-dumping xieraq fl-investigazzjoni inkwistjoni minħabba ż-żieda qawwija reċenti fil-kostijiet tal-produzzjoni għall-ECCS, li tħalli impatt fuq il-prezz tal-bejgħ tal-ECCS. Għalhekk, PMI ma jġibx serħan adegwat lill-industrija. Barra minn hekk, dan il-każ kien sostanzjalment differenti mill-investigazzjonijiet preċedenti fmeta ġie applikat PMI, u l-PMI kienu faċli biex jiġu evitati jew assorbiti.

(243)

Il-Kummissjoni osservat li ma ġiet sottomessa l-ebda informazzjoni jew evidenza ġdida minn Eviosys jew Baosteel b’appoġġ għat-talbiet imtennija tagħhom għall-impożizzjoni ta’ PMI. Għalhekk, is-sejbiet li saru fil-premessa (240) hawn fuq baqgħu validi. Barra minn hekk, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza minn Eviosys b’appoġġ għall-affermazzjoni tagħha li PMI jkun aktar xieraq mid-dazju fiss kif propost mill-Kummissjoni biex jiġi indirizzat l-allegat nuqqas temporanju ta’ provvista. Barra minn hekk, l-allegat nuqqas temporanju ta’ provvista ġie kkontestat, minħabba s-sottomissjonijiet mill-industrija tal-Unjoni li hija se tkompli tbigħ kwantitajiet suffiċjenti tal-prodott ikkonċernat. Fl-aħħar nett, anki jekk l-allegat nuqqas ta’ provvista tabilħaqq jimmaterjalizza, fil-fajl ma hemm xejn li indika li l-perjodu ta’ sentejn biex jiġi impost PMI jkun l-għodda xierqa u proporzjonata għall-indirizzar tiegħu. Sa fejn huma kkonċernati r-Regolamenti preċedenti msemmija minn Eviosys rigward l-impożizzjoni ta’ PMI, il-Kummissjoni fakkret li l-valutazzjoni ta’ jekk l-impożizzjoni ta’ PMI hijiex xierqa titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ u tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull każ. Fil-każ inkwistjoni, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (240) hawn fuq, jiġifieri li l-PMI joffri biss livell bażiku ta’ protezzjoni li ma huwiex biżżejjed f’dan il-każ fid-dawl tas-sejbiet ċari ta’ dumping u dannu, u l-kundizzjonijiet tas-suq diffiċli u volatili attwali, ġie kkunsidrat li PMI ma jkunx tip adegwat ta’ miżura anti-dumping. Fir-rigward tar-referenzi għar-Regolamenti preċedenti meta d-durata ġenerali tal-miżuri anti-dumping rispettivi kienet limitata għal sentejn, il-Kummissjoni naqset milli tara r-rilevanza tagħhom minħabba li kienu jikkonċernaw biss id-durata ġenerali tal-miżuri u mhux il-bidla tagħhom fil-forma wara bosta snin ta’ applikazzjoni kif proposta minn Eviosys. Barra minn hekk, kif irrimarkat minn Eviosys innifisha, f’kull wieħed minn dawk ir-Regolamenti, ir-raġunament biex tiġi llimitata d-durata tal-miżuri kien speċifiku ħafna għaċ-ċirkostanzi fattwali ta’ dik l-investigazzjoni partikolari u varja sostanzjalment bejniethom. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li r-Regolamenti kkwotati kienu jikkonċernaw sitwazzjonijiet differenti minn dawk tal-każ inkwistjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni rrifjutat dawn it-talbiet.

(244)

Fir-rigward tal-forma ta’ miżuri, fid-dawl tal-volatilità tal-prezzijiet tal-ECCS wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni, li kważi rdoppjat, il-Kummissjoni kkunsidrat l-applikazzjoni ta’ dazju fiss għal kull tunnellata minflok dazji ad valorem. Dazju fiss jew speċifiku jippermetti l-protezzjoni tal-industrija tal-Unjoni minn importazzjonijiet oġġett ta’ dumping dannużi mill-pajjiżi kkonċernati, filwaqt li jkun inqas projbittiv meta mqabbel ma’ dazju ad valorem f’każ ta’ żieda fil-prezzijiet, minħabba li l-piż tiegħu jitnaqqas b’mod sinifikanti f’każ bħal dan.

(245)

Id-dazju fiss se jkun ibbażat fuq il-prezz mhux dannuż jew mhux oġġett ta’ dumping rispettiv matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(246)

Jekk il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati jinbidlu b’mod sinifikanti u jekk din il-bidla tkun ta’ natura dejjiema u twassal biex il-miżuri anti-dumping isiru inqas effettivi, il-Kummissjoni tfakkar lill-partijiet li l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku jippermetti lill-Kummissjoni tqis dawn il-bidliet dejjiema biex possibbilment tadatta l-miżuri skont iċ-ċirkostanzi l-ġodda, inkluż billi tbiddel il-forma tagħhom.

(247)

Wara d-divulgazzjoni finali, Eurofer ikkontestat id-dazju fiss propost billi sostniet li l-iżviluppi fil-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni ġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dazju ad valorem. B’mod partikolari, hija affermat li l-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku fl-Unjoni żdiedu b’mod drammatiku u huma mistennija li jkomplu jiżdiedu fil-futur qrib. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-enerġija fil-Brażil u fir-RPĊ ma humiex qed isegwu l-istess xejra ’l fuq li tippermetti li l-importazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi jidħlu bi prezzijiet baxxi fl-Unjoni. Konsegwentement, Eurofer sostniet li minħabba l-livell għoli persistenti tal-prezz tal-ECCS, huma meħtieġa dazji ad valorem biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-industrija tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, minħabba li l-livell tal-prezz tal-ECCS mhux se jesperjenza livelli massimi mhux tas-soltu oħrajn, ma hemm l-ebda riskju li d-dazji ad valorem ikunu għoljin wisq.

(248)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-prezzijiet tal-enerġija tabilħaqq żdiedu. Madankollu, ma saret l-ebda affermazzjoni u ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li l-produtturi tal-ECCS ma jkunux jistgħu jżidu l-prezzijiet tagħhom u jgħaddu l-kostijiet ġenerali miżjuda tagħhom lill-utenti u kif dazju fiss minflok dazju ad valorem ikun differenti f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li d-dazji fissi kkalkolati fuq il-prezz rispettiv mhux oġġett ta’ dumping jew mhux dannuż misjub matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jimpedixxu lill-industrija tal-Unjoni milli tirkupra mid-dannu mġarrab matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fl-istess ħin, kif rikonoxxut minn Eurofer, minkejja li l-prezzijiet setgħu laħqu l-ogħla livell tagħhom fil-perjodu minn Frar sa Mejju 2022 u naqsu minn dak il-livell massimu, il-prezzijiet baqgħu, anki wara dan il-perjodu, ferm ogħla mil-livelli tal-prezzijiet tal-perjodu ta’ investigazzjoni. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessa (244) hawn fuq li d-dazju fiss se jiżgura l-protezzjoni tal-industrija tal-Unjoni minn importazzjonijiet dannużi li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati, filwaqt li fl-istess ħin it-tħassib tal-utenti fir-rigward tal-prezzijiet għoljin ġie indirizzat sa fejn kien possibbli. Fi kwalunkwe każ, kif indikat fil-premessa (246) hawn fuq, jekk il-prezzijiet mill-pajjiżi kkonċernati jinbidlu b’mod sinifikanti u jekk din il-bidla tkun ta’ natura dejjiema u twassal biex il-miżuri anti-dumping isiru inqas effettivi, il-livell u/jew il-forma tal-miżuri jistgħu jiġu riveduti.

(249)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur Brażiljan CNS offra impenn fuq il-prezz fit-13 ta’ Settembru 2022. Billi dik l-offerta ġiet riċevuta ferm wara l-iskadenza stabbilita mill-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni rrifjutat l-offerta għar-raġuni li kienet ġiet sottomessa tard. Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha b’dan permezz ta’ nota għall-fajl.

(250)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi bħala prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Il-marġni tad-dannu (%)

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Dazju anti-dumping definittiv (EUR/tunnellata)

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd.

30,7

33,9

30,7

239,82

Handan Jintai Packing Material Co., Ltd.

53,9

53,9

53,9

428,37

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw: GDH Zhongyue (Zhongshan) Tinplate Industry Co.,Ltd. Shougang Jingtang United Iron & Steel Co., Ltd.

34,6

37,6

34,6

271,01

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

77,9

77,9

77,9

607,98

Il-Brażil

Companhia Siderúrgica Nacional

66,8

53,2

53,2

348,39

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

66,8

53,2

53,2

348,39

(251)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju huma b’hekk esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(252)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (31). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(253)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jeħtiġilhom jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(254)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anki jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(255)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata(i) ta’ dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(256)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

8.2.   Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

(257)

Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping provviżorji, imposti bir-Regolament provviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

9.   TALBIET GĦAL SOSPENSJONI

(258)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Astir Vitogiannis, il-Ministeru Grieg tal-Affarijiet Barranin, Baosteel u s-CISA affermaw li jenħtieġ li l-miżuri jiġu sospiżi skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Wara d-divulgazzjoni finali, l-istess affermazzjonijiet ġew ripetuti mis-CSN u mis-CISA. Is-CISA rreferiet ukoll għas-sejħiet pubbliċi ta’ VDMA, l-Assoċjazzjoni Ġermaniża u Ewropea tal-Industrija tal-Inġinerija Mekkanika, u ta’ Orgalim, l-assoċjazzjoni rappreżentattiva tal-Unjoni tal-industriji tat-teknoloġija tal-UE, li t-tnejn li huma talbu lill-UE tissospendi d-dazji tar-rimedji kummerċjali fuq il-prodotti tal-azzar minħabba l-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Madankollu, l-ebda wieħed mill-artikoli msemmija ma kien jikkonċerna b’mod partikolari l-ECCS jew is-sitwazzjoni tas-suq għal dak il-prodott niċċa partikolari.

(259)

Baosteel ma spjegatx aktar għaliex kienet meħtieġa sospensjoni. Is-CISA u s-CSN irreferew għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni, għall-pressjoni fuq il-ktajjen tal-provvista u għad-disponibbiltà limitata tal-ECCS u tal-materja prima tagħha minħabba żviluppi ġeopolitiċi reċenti.

(260)

Astir Vitogiannis sostniet li hemm disponibbiltà limitata tal-ECCS u li d-dannu mhux se jerġa’ jibda, billi l-industrija tal-Unjoni allegatament ma għadhiex danneġġjata abbażi tar-riżultati pożittivi ġenerali taż-żewġ produtturi tal-Unjoni. Il-Ministeru Grieg tal-Affarijiet Barranin irrefera biss għall-bidliet bla preċedent u temporanji fis-suq f’termini ta’ prezzijiet għoljin ħafna fil-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni.

(261)

Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni fakkret fis-sejbiet tagħha diġà stabbiliti fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. B’mod partikolari, kif ġie nnotat fil-premessi (216) u (225), il-prezzijiet kienu bdew jonqsu. Barra minn hekk, u fid-dawl tat-tnaqqis mistenni fir-ritmu ekonomiku għall-bqija tal-2022 u l-2023, il-prezzijiet u d-domanda ma humiex mistennija li jkomplu jiżdiedu. Fid-dawl tas-sejbiet tal-firxa tad-dumping dannuż ikkawżat mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, lanqas ma kien hemm evidenza li l-kundizzjonijiet tas-suq kienu nbidlu temporanjament sal-punt li t-tkomplija immedjata tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati tkun tfisser li l-industrija tal-Unjoni x’aktarx ma ġġarrabx dannu għad-durata ta’ disa’ xhur. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma kienx xieraq li tikkunsidra aktar l-affermazzjonijiet dwar is-sospensjoni tal-miżuri f’dan iż-żmien.

10.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(262)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (32), il-Kummissjoni imponiet miżura ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-azzar għal perjodu ta’ tliet snin. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 (33), il-miżura ta’ salvagwardja ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2024. Il-prodott ikkonċernat huwa waħda mill-kategoriji ta’ prodotti koperti mill-miżura ta’ salvagwardja. Konsegwentement, ladarba jinqabżu l-kwoti tariffarji stabbiliti taħt il-miżura ta’ salvagwardja, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota u d-dazju anti-dumping isiru pagabbli fuq l-istess importazzjonijiet. Billi tali akkumulazzjoni ta’ miżuri anti-dumping b’miżuri ta’ salvagwardja tista’ twassal għal effett fuq il-kummerċ akbar milli mixtieq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipprevjeni l-applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping mad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota għall-prodott ikkonċernat għad-durata tal-impożizzjoni tad-dazju ta’ salvagwardja.

(263)

Dan ifisser li meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott ikkonċernat u jaqbeż il-livell tad-dazju anti-dumping skont dan ir-Regolament, għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping u ta’ salvagwardja, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż. Fejn id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott ikkonċernat u jkun stabbilit f’livell aktar baxx mil-livell tad-dazju anti-dumping f’dan ir-Regolament, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u l-ogħla mil-livell tad-dazju anti-dumping skont dan ir-Regolament. Il-parti tal-ammont tad-dazju anti-dumping mhux miġbur għandha tiġi sospiża.

(264)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (34), meta ammont ikollu jiġi rrimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(265)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti llaminati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar bil-karbonju, mgħottijin jew miksijin b’ossidi tal-kromu jew bi kromu u ossidi tal-kromu, deżinjati wkoll bħala prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7210 50 00 u 7212 50 20 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Brażil.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, frank fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Id-dazju anti-dumping definittiv

(EUR/tunnellata)

Il-kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd.

239,82

C039

Handan Jintai Packing Material Co., Ltd.

428,37

C862

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw: GDH Zhongyue (Zhongshan) Tinplate Industry Co., Ltd. Shougang Jingtang United Iron & Steel Co., Ltd.

271,01

C137

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

607,98

C999

Il-Brażil

Companhia Siderúrgica Nacional

348,39

C212

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

348,39

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 2 għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea u kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz tagħha) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   F’każijiet fejn il-merkanzija tkun saritilha ħsara qabel ma tidħol fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (35), l-ammont tad-dazju anti-dumping, ikkalkolat abbażi tal-ammonti ta’ hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/802 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Brażil għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti li jaqbżu r-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex jiżdiedu produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata medja ponderata xierqa ta’ dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

huwa ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 4

1.   Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) 2019/159 isir applikabbli għal prodotti tal-azzar miksijin bi kromu elettrolitiku, imsemmija fl-Artikolu 1(1), id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u l-ogħla mil-livell ad valorem ekwivalenti tad-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2).

2.   Il-parti tal-ammont ta’ dazji anti-dumping mhux miġbura skont il-paragrafu 1 għandha tiġi sospiża.

3.   Is-sospensjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu limitati fiż-żmien għall-perjodu tal-applikazzjoni tad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) 2019/159.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku (ECCS) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Brażil (ĠU C 387, 24.9.2021, p. 2).

(3)   ĠU L 143, 23.5.2022, p. 11.

(4)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet tad-Difiża tal-Kummerċ, l-20 ta’ Diċembru 2017, SWD (2017) 483 final/2.

(5)  https://www.usitc.gov/investigations/701731/2021/cold_rolled_steel_flat_products_brazil_china_india/first_review_full.htm

(6)  L-Istitut tal-Azzar tal-Brażil (https://acobrasil.org.br/)

(7)  Ibid

(8)  OECD, Steel market developments, Q2 2021, disponibbli fuq: https://www.oecd.org/industry/ind/steel-market-developments-Q2-2021.pdf

(9)  Intuża l-prezz CFR tal-portijiet Taljani. Dan kien l-uniku prezz CFR disponibbli għal dan il-prodott fuq il-bażi tad-data tal-Metal Bulletin.

(10)  https://corporate.arcelormittal.com/media/press-releases/arcelormittal-completes-investment-agreement-with-invitalia, aċċessat fit-28 ta’ Awwissu 2022.

(11)  Il-GTB irrefera bi żball għall-premessa (158) tar-Regolament provviżorju.

(12)  WT/DS578/R, Morocco — Definitive Anti-Dumping Measures on School Exercise Books from Tunisia, Rapport tal-Bord tas-27 ta’ Lulju 2021, il-paragrafu 7.207.

(13)  Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2022, Methanol Holdings (Trinidad) vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-744/19 ECLI:EU:T:2022:558, il-paragrafu 100 u tal-14 ta’ Settembru 2022, Nevinnomysskiy Azot u NAK “Azot” vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-865/19, ECLI:EU:T:2022:559, il-paragrafi 195, 261-268.

(14)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni, T-301/16, EU:T:2019:234, il-Para. (184).

(15)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2022, Giant Electric Vehicle Kunshan vs Il-Kummissjoni, T-242/19, EU:T:2022:259, il-Paragrafi (89) u (90).

(16)  Bħal fil-każ tad-dazji doganali u tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni, kif ukoll l-aġġustamenti għall-iskontijiet u r-ribassi.

(17)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni vs Hansol Paper, C-260/20 P, ECLI:EU:C:2022:370, il-para. (95)-(114).

(18)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2022, China Rubber Industry Association (CRIA) u China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters (CCCMC) vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2022:266, il-para. (139)-(140).

(19)  Ara n-nota 15 f’qiegħ il-paġna hawn fuq.

(20)  Ara “ArcelorMittal earnings skyrocket, foresees supportive 2022 conditions” , l-10 ta’ Frar 2022, disponibbli fuq https://www.kallanish.com/en/news/steel/market-reports/article-details/arcelormittal-sees-2022-market-conditions-supportive-0222/; “Thyssenkrupp cashes in on higher steel prices” , l-10 ta’ Frar 2022, disponibbli fuq https://eurometal.net/thyssenkrupp-cashes-in-on-higher-steel-prices/; “EU mills lift HRC further amid cost escalation” , l-10 ta’ Marzu 2022, disponibbli fuq https://eurometal.net/eu-mills-lift-hrc-further-amid-cost-escalation/

(21)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2022, Methanol Holdings (Trinidad) vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-744/19, ECLI:EU:T:2022:558, il-paragrafu 103.

(22)  Ara s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2022, Nevinnomysskiy Azot u NAK “Azot” vs Il-Kummissjoni, il-Kawża T-865/19, ECLI:EU:T:2022:559, il-paragrafu 377.

(23)  Ara, il-Kawża T-192/08, Il-Kumpanija Transnazzjonali “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il-Kunsill, EU:T:2011:619, il-paragrafi 221-225.

(24)  Ara, il-Kawża T-422/13, il-Kumitat tal-Manifatturi tal-Polietilentereftalat (PET) fl-Ewropa (CPME) u Oħrajn vs il-Kunsill, EU:T:2017:251, il-paragrafu 144, b’referenza għall-Kawża T-132/01, Euroalliages u Oħrajn vs il-Kummissjoni, EU:T:2003:189, il-paragrafu 47.

(25)  Id-divulgazzjoni preliminari saret fil-25 ta’ April 2022.

(26)  Il-Kummissjoni Ewropea, “Tbassir Ekonomiku tas-Sajf 2022: Il-gwerra tar-Russja taggrava l-perspettiva”, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_4511.

(27)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1382 tat-2 ta’ Settembru 2019 li jemenda ċerti Regolamenti li jimponu miżuri anti-dumping jew antisussidji fuq ċerti prodotti tal-azzar soġġetti għal miżuri ta’ salvagwardja (ĠU L 227, 3.9.2019, p. 1).

(28)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża M.8713 – Tata Steel/ThyssenKrupp/JV, il-11 ta’ Ġunju 2019, il-para. 444.

(29)  Fost l-oħrajn, dawk l-investigazzjonijiet kienu jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti rromblati ċatti orjentati lejn il-ħbub tal-azzar elettriku tas-siliċju miċ-Ċina, mir-Russja, mill-Korea, mill-Ġappun u mill-Istati Uniti, ta’ prodotti ċatti llaminati bis-sħana mill-Brażil, mill-Iran, mir-Russja u mill-Ukrajna, ta’ melamina miċ-Ċina u ta’ ħġieġ solari miċ-Ċina. Għal lista sħiħa ara pp 4-5 tas-sottomissjoni ta’ Eviosys datata t-13 ta’ Settembru 2022.

(30)  Idem, ara pp. 6-7.

(31)  Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Id-Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussell, Il-Belġju. Posta elettronika: TRADE-Defence-Complaints@ec.europa.eu

(32)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

(33)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1029 tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 biex jestendi l-miżura ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 225 I, 25.6.2021, p. 1).

(34)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(35)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).