|
1.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 99/204 |
P9_TA(2021)0359
Is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2021/2777(RSP))
(2022/C 99/22)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Diċembru 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa (1) u tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar il-Liġi dwar l-“Aġenti Barranin” fin-Nikaragwa (2) , |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 (4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (5), id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/607 tal-4 ta' Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (6), ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/606 tal-4 ta' Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2019/1716 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (7) u d-deċiżjoni li ġġedded tali sanzjonijiet sal-15 ta' Ottubru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ġunju 2021 tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni politika fin-Nikaragwa li qed tkompli tiddeterjora, id-dikjarazzjoni mill-kelliem tiegħu tas-6 ta' Mejju 2021 dwar il-liġi elettorali l-ġdida, u d-dikjarazzjoni konġunta ta' 59 pajjiż dwar in-Nikaragwa fis-47 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-22 ta' Ġunju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar id-detenzjoni kontinwa tal-mexxejja tal-oppożizzjoni fin-Nikaragwa mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, tal-15 ta' Ġunju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Mejju 2021 dwar in-Nikaragwa attribwibbli għall-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-aġġornament orali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Michelle Bachelet fl-okkażjoni tas-47 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-22 ta' Ġunju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Mejju 2021 tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar l-elezzjoni tal-maġistrati tal-Kunsill Suprem Elettorali u r-riforma elettorali fin-Nikaragwa u r-riżoluzzjoni tal-OAS, tal-15 ta' Ġunju 2021, dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-bullettini ppubblikati mill-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) u r-rimarki tal-Kummissarju Antonia Urrejola, President tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fis-Sessjoni Speċjali tal-Kunsill Permanenti tal-OAS tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, |
|
— |
wara li kkunsidra l-aġġornament dwar in-Nikaragwa fir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2020, adottat mill-Kunsill fil-21 ta' Ġunju 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fin-Nikaragwa kompliet tiddeterjora serjament wara t-trażżin vjolenti tal-protesti ċiviċi f'April 2018; billi minn dakinhar mill-inqas 130 persuna ġew imċaħħda mil-libertà għal raġunijiet politiċi, filwaqt li l-avversarji tal-gvern u l-familji tagħhom iħabbtu wiċċhom mat-theddida kostanti ta' fastidju, kemm fiżiku kif ukoll online, mill-pulizija u mis-sostenituri tal-gvern; billi sa mill-protesti tal-2018, id-detenzjoni arbitrarja qed tintuża dejjem aktar bħala għodda biex tikkastiga l-attivisti u d-dissidenti; billi l-attivisti jinsabu f'riskju partikolari ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru; billi d-detenuti qed jiġu maltrattati fil-ħabs, imċaħħda mill-kura medika u mill-aċċess għall-avukati tagħhom, u qed isofru attakki u agressjonijiet sesswali, filwaqt li l-persuni li jipprotestaw kontra l-gvern jitqiegħdu f'ċelel ta' sigurtà massima, fejn jiffaċċjaw sorveljanza, tfittxijiet u iżolament intensifikati; billi hemm tħassib partikolari dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u l-adulti anzjani li qed jiċċaħħdu mil-libertà tagħhom; |
|
B. |
billi, b'riżultat tas-sitwazzjoni attwali, mill-2018 aktar minn 108 000 Nikaragwan ġew sfurzati jaħarbu u jfittxu ażil f'pajjiżi ġirien (tliet kwarti minnhom talbu protezzjoni fil-Costa Rica); |
|
C. |
billi fl-4 ta' Mejju 2021, l-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa għaddiet riformi tal-Liġi Elettorali 331, li jinkorporaw liġijiet punittivi adottati reċentement; billi r-riforma msemmija tinkorpora wkoll regoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni elettorali u l-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi li jillimitaw aktar il-parteċipazzjoni tal-oppożizzjoni politika, u tillimita l-libertajiet pubbliċi, li jmur kontra l-istandards internazzjonali u, b'mod partikolari, id-dritt li wieħed jipparteċipa fit-tmexxija tal-affarijiet pubbliċi, il-libertà tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-espressjoni, id-dritt għal protesta soċjali, u d-dritt li wieħed jiddefendi d-drittijiet, fost l-oħrajn; billi dawn ir-riformi jinjoraw it-talbiet tal-oppożizzjoni, tas-soċjetà ċivili u tal-komunità internazzjonali; |
|
D. |
billi l-Kunsill Elettorali Suprem il-ġdid huwa korp li jissorvelja u jamministra l-proċess elettorali fin-Nikaragwa; billi dan huwa proċess li għandu jiġi ġestit minn korp imparzjali, indipendenti u trasparenti li jirrispetta l-prinċipji demokratiċi u l-eżerċizzju effettiv u pluralistiku tad-drittijiet ċivili u politiċi tal-popolazzjoni; billi l-membri tal-Kunsill Elettorali Suprem inħatru mill-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa li hija kkontrollata b'id soda minn Ortega; billi dan jagħmel lill-Kunsill Elettorali Suprem korp preġudikat u mhux trasparenti u jkompli jdgħajjef il-proċess politiku; billi dawn il-ħatriet, flimkien mar-riformi elettorali reċenti, mhumiex ir-riżultat ta' djalogu bejn il-gvern u l-gruppi tal-oppożizzjoni, mitlub ripetutament mill-UE u l-komunità internazzjonali, iżda ġew imposti mill-maġġoranza fil-gvern; |
|
E. |
billi l-awtoritajiet tan-Nikaragwa f'dawn l-aħħar ġimgħat xoljew żewġ partiti politiċi mingħajr proċess ġust u bl-użu ta' metodi li jmorru kontra n-normi internazzjonali; billi x-xoljiment tal-partiti politiċi – il-Partido de Restauración Democrática u l-Partido Conservador – u l-bidu ta' investigazzjonijiet kriminali ffabbrikati politikament li jistgħu jwasslu għall-iskwalifika ta' kandidati tal-oppożizzjoni demokratika, mingħajr proċess ġust, mhux biss jimminaw id-dritt ta' kandidati aspiranti li joħorġu għall-elezzjoni, iżda wkoll id-dritt tal-votanti li jeleġġu l-kandidati tal-għażla tagħhom; billi dawn il-miżuri, flimkien mal-użu politiku tas-sistema ġudizzjarja, imorru kontra l-prinċipji demokratiċi bażiċi u jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-poplu tan-Nikaragwa skont il-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa u d-dritt internazzjonali; |
|
F. |
billi sa mill-bidu ta' Ġunju 2021, mill-inqas 21 membru tal-oppożizzjoni demokratika, inklużi sitt kandidati prepresidenzjali u mexxejja politiċi u tal-għaqdiet tal-ħaddiema, ġew arrestati b'mod arbitrarju b'allegazzjonijiet kriminali ambigwi u ffabbrikati politikament mingħajr ebda evidenza fi proċess imtappan minn ksur serju tal-garanziji proċedurali, li juri n-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura; billi għexieren ta' avversarji prominenti jirrapportaw fastidju sistematiku u li qed jgħixu taħt intimidazzjoni kostanti, u l-pulizija jinsabu stazzjonati b'mod kważi permanenti quddiem djarhom jew isegwuhom fit-triq, u b'hekk iżommuhom milli jiċċaqilqu liberament; |
|
G. |
billi f'dawn l-aħħar ftit snin il-Gvern tan-Nikaragwa adotta liġijiet dejjem aktar restrittivi, bħal-Liġi għar-Regolamentazzjoni tal-Aġenti Barranin, il-Liġi Speċjali kontra ċ-Ċiberkriminalità, il-Liġi kontra r-Reati ta' Mibegħda, il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Persuni għall-Indipendenza, is-Sovranità u l-Awtodeterminazzjoni għall-Paċi, u l-Liġi li temenda l-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, li żiedet il-perjodu ta' investigazzjoni għal 90 jum minflok it-terminu kostituzzjonali ta' 48 siegħa; billi dawn il-liġijiet jistituzzjonalizzaw ir-ripressjoni u jillegalizzaw l-atti li twettqu fil-pajjiż mill-adozzjoni tagħhom; |
|
H. |
billi l-fastidju u l-kriminalizzazzjoni kontinwi tal-media indipendenti jillimitaw d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u jdgħajfu d-dritt tal-pubbliku li jkun verament infurmat; billi l-libertà tal-espressjoni, kemm online kif ukoll offline, hija kruċjali għal kwalunkwe demokrazija f'kull ħin, iżda hija ta' importanza kbira matul perjodu elettorali; billi d-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet tal-gvern u mill-media favur il-gvern kellhom l-għan li jistigmatizzaw lil dawk meqjusa bħala dissidenti; |
|
I. |
billi dawn l-iżviluppi inkwetanti taħt is-superviżjoni tal-Gvern tan-Nikaragwa juru li r-reġim qed ixaqleb dejjem iktar lejn l-awtoritarjaniżmu billi qed jagħlaq l-ispazju għad-demokrazija, il-fehim nazzjonali u l-medjazzjoni internazzjonali lejn soluzzjoni paċifika għall-kunflitt, u jimpedixxi b'mod ċar li fis-7 ta' Novembru 2021 isiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti; billi l-UE, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u atturi internazzjonali oħra wissew li teżisti biża' fondata li dawn il-liġijiet jintużaw kontra l-persuni li jitkellmu kontra l-politiki ripressivi; |
|
J. |
billi l-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem diġà indika li l-metodi użati biex jitrażżnu l-protesti fit-toroq jistgħu jitqiesu bħala delitti kontra l-umanità; |
|
K. |
billi kważi l-ebda rakkomandazzjoni li saret lin-Nikaragwa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem ma ġiet implimentata, u dan irriżulta f'impunità kontinwa u aktar ksur; |
|
L. |
billi r-riformi tal-Liġi tal-Konsumatur (Liġi 842) mill-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa jobbligaw lill-banek jiftħu kontijiet għall-qraba ta' persuni li ġew sanzjonati mill-Gvern tal-Istati Uniti u minn pajjiżi oħra akkużati b'korruzzjoni, ħasil tal-flus u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-familja Ortega-Murillo hija akkużata li bniet imperu kummerċjali fit-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija u setturi oħra; |
|
M. |
billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huma parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inklużi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012; |
|
1. |
Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-popolazzjoni tan-Nikaragwa u jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet ta' trażżin kollha min-naħa tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa kontra l-partiti tal-oppożizzjoni demokratika u l-membri tagħhom, ġurnalisti u ħaddiema oħra tal-media, studenti, popli indiġeni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom, u b'mod partikolari l-imwiet ikkawżati; jappella għall-waqfien immedjat tal-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi, ir-repressjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jappella sabiex tittieħed ir-responsabbiltà għall-ksur gravi mwettaq mill-Gvern tan-Nikaragwa sa mill-2018; |
|
2. |
Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha detenuti b'mod arbitrarju, fosthom il-kandidati prepresidenzjali Cristiana Chamorro, Arturo Cruz, Félix Maradiaga, Juan Sebastián Chamorro, Miguel Mora u Medardo Mairena, il-mexxejja politiċi José Pallais, José Adán Aguerri, Dora María Téllez, Hugo Torres, Víctor Hugo Tinoco, Violeta Granera, Ana Margarita Vijil, Suyen Barahona u Pedro Joaquín Chamorro u attivisti oħrajn tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti; jitlob, barra minn hekk, li r-rispett tas-salvagwardji legali fundamentali, tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom jiġu żgurati; jitlob li l-gvern biex b'mod immedjat jipprovdi prova li dawk li jinsabu l-ħabs għadhom ħajjin u evidenza ta' fejn jinsabu; ifakkar li jridu jingħataw assigurazzjonijiet sħaħ lil dawk li jinsabu fl-eżilju biex ikunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom; |
|
3. |
Jitlob lill-Gvern tan-Nikaragwa jneħħi l-istat de facto ta' assedju, jirrispetta r-rwol tal-pulizija nazzjonali bħala forza mhux politika, mhux partiġġjana u mhux deliberattiva, jiddiżarma l-forzi paramilitari, jikkonforma mal-ftehimiet iffirmati mal-Alleanza Ċivika u jerġa' jagħti lura d-drittijiet liċ-ċittadini; itenni t-talba tiegħu lill-gvern biex jippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili joperaw f'ambjent sikur u abilitanti, mingħajr biża' ta' azzjonijiet bi tpattija; |
|
4. |
Itenni t-talba tiegħu għall-istabbiliment mill-ġdid tad-djalogu inklużiv u d-demokrazija bħala l-uniku mod ta' ħruġ paċifiku mill-kriżi politika, ekonomika u soċjali fin-Nikaragwa; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu adottati riformi b'mod inklużiv u trasparenti; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa biex tkompli u tintensifika l-impenn diplomatiku tagħha lejn il-proċess elettorali u tkompli tavviċina lill-awtoritajiet biex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fin-Nikaragwa; |
|
5. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jagħmlu bidliet immedjati fil-liġi elettorali bi qbil mal-parametri internazzjonali mitluba mill-OAS fir-riżoluzzjoni tagħha tal-21 ta' Ottubru 2020, biex jaħtru persuni imparzjali fl-istrutturi elettorali differenti, biex jerġgħu idaħħlu l-istatus legali tal-partiti li kien tneħħielhom, biex jirrispettaw id-dritt tal-poplu tan-Nikaragwa li jeleġġi u li jiġi elett, u biex jiggarantixxu l-preżenza bla restrizzjoni tal-korpi ta' osservazzjoni elettorali nazzjonali u internazzjonali filwaqt li jimpenjaw ruħhom għall-koeżistenza politika wara l-elezzjonijiet; jenfasizza li sabiex l-elezzjonijiet u l-gvern li jirriżulta jiġu rikonoxxuti mill-Parlament Ewropew, il-bidliet mitluba mill-OAS u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jridu jiġu implimentati, b'mod partikolari l-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet u l-libertajiet li jagħmlu possibbli proċess elettorali ħieles, kredibbli u ekwu; |
|
6. |
Jikkundanna l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġijiet restrittivi u punittivi u jitlob ir-revoka immedjata tagħhom; jenfasizza li dawn il-liġijiet imorru kontra d-drittijiet u l-libertajiet tal-poplu tan-Nikaragwa kif minquxa fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika tan-Nikaragwa, il-Karta Demokratika Inter-Amerikana u trattati internazzjonali oħra li n-Nikaragwa hija firmatarja tagħhom; jirrifjuta l-użu mhux korrett tal-istituzzjonijiet u l-liġijiet mill-gvern awtoritarju tan-Nikaragwa bl-intenzjoni li jikkriminalizza l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-avversarji politiċi; |
|
7. |
Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex jippermettu aċċess mingħajr impedimenti lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (OHCHR), lill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) u lill-Grupp Interdixxiplinarju ta' Esperti Indipendenti (GIEI) tagħha, lill-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI), lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili u lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa; itenni l-appell tiegħu biex immedjatament terġa' tiġi stabbilita l-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħas-Centro Nicaragüense de Derechos Humanos (CENIDH); |
|
8. |
Jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa joħloq unità investigattiva indipendenti li tinvolvi esperti internazzjonali biex tissorvelja investigazzjonijiet kredibbli, imparzjali u eżawrjenti min-naħa tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dwar l-allegata responsabblità ta' uffiċjali għolja tal-pulizija fir-rigward tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fil-kuntest tar-repressjoni tal-2018 u sussegwentement; |
|
9. |
Jistieden lis-Sistema ta' Integrazzjoni tal-Amerka Ċentrali (SICA) u lill-Istati Membri tagħha jiżvolġu rwol attiv fid-difiża, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-demokrazija, u fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa kif stabbilit fil-Protokoll ta' Tegucigalpa tal-1991 u fit-Trattat Qafas dwar is-Sigurtà Demokratika fl-Amerika Ċentrali tal-1995, li fl-Artikolu 1 jiddikjara li d-demokrazija hija bbażata fuq l-eżistenza ta' gvernijiet eletti b'suffraġju universali, liberu u sigriet, u fuq ir-rispett inkondizzjonat tad-drittijiet tal-bniedem kollha fl-istati li jiffurmaw ir-Reġjun tal-Amerka Ċentrali; |
|
10. |
Jistieden lit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) tistabbilixxi l-koordinazzjoni meħtieġa mal-Uffiċċju ta' Kontroll ta' Assi Barranin tal-Istati Uniti biex tiżgura s-sigurtà finanzjarja internazzjonali fil-konfront tal-operazzjonijiet illeċiti li joriġinaw mir-reġim Ortega-Murillo u l-kollaboraturi tiegħu u r-relazzjonijiet kummerċjali u l-assi tagħhom fil-pajjiżi Ewropej; jissottolinja l-fatt li n-Nikaragwa ilha mniżżla fil-lista s-sewda mill-FATF minn Ottubru 2020; |
|
11. |
Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri jespandu malajr il-lista ta' individwi u entitajiet li għandhom jiġu sanzjonati, inklużi l-President u l-Viċi President tan-Nikaragwa u ċ-ċirku intern tagħhom, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari biex ma ssir l-ebda ħsara lill-poplu tan-Nikaragwa; jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm l-assistenza tal-UE għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-poplu tan-Nikaragwa permezz tal-programmi ta' żvilupp u umanitarji tal-UE, fost l-oħrajn, u li jiġi żgurat li tilħaq lill-benefiċjarji veri tagħha u mhux lill-gvern u lill-awtoritajiet, sabiex ittaffi l-impatt tal-COVID-19 u r-ripressjoni governattiva attwali u tipprevjeni li din il-kriżi tinbidel fi kriżi umanitarja; ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, u jtenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; |
|
12. |
Ifaħħar u jappoġġja l-isforzi u l-ħidma pożittiva mwettqa f'ambjent ikkumplikat ħafna mid-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni fil-post permezz tar-rappreżentanti u l-ambaxxati tagħhom fin-Nikaragwa, inkluż permezz ta' monitoraġġ tal-proċessi u billi jżuru l-kritiċi u l-mexxejja tal-oppożizzjoni fil-ħabs jew li jinsabu taħt arrest domiċiljari; |
|
13. |
Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE għan-Nikaragwa u lill-Istati Membri, fejn xieraq, biex jiffaċilitaw il-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jipprovdu rifuġju temporanju għal raġunijiet politiċi fl-Istati Membri; |
|
14. |
Jitlob li l-Konferenza tal-Presidenti tiegħu tibgħat missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fin-Nikaragwa li tinvolvi d-Delegazzjoni tagħha għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali sabiex tivvaluta d-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni politika; |
|
15. |
Itenni t-talba tiegħu, mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019, għall-estradizzjoni immedjata ta' Alessio Casimirri, li għadu jgħix f'Managua taħt il-protezzjoni tal-Gvern tan-Nikaragwa, lejn l-Italja, fejn irid jiskonta sitt sentenzi definittivi ta' għomor il-ħabs għall-involviment ippruvat tiegħu fil-ħtif u l-qtil tal-ex prim ministru u mexxej tal-partit Demokristjan Aldo Moro u l-qtil tal-gwardji tiegħu f'Ruma fis-16 ta' Marzu 1978; |
|
16. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa. |
(1) ĠU C 255, 29.6.2021, p. 65.
(2) Testi addodati, P9_TA(2020)0259.
(3) ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.
(4) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1.
(5) ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.