European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2467

6.11.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2467

tal-5 ta’ Novembru 2026

dwar kumpens finanzjarju għall-konsumaturi finali tal-fjuwils u dwar kwoti ċeduti għall-emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30f(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (2) jipprevedi regoli dettaljati dwar id-determinazzjoni ex ante tas-sehem tal-ammonti ta’ fjuwil rilaxxati f’attività koperta mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE u għalhekk biex jiġi evitat li jiġu ċeduti kwoti għal emissjonijiet mhux koperti minn dak il-Kapitolu. Madankollu, jista’ ma jkunx dejjem possibbli li l-kategorija ta’ konsumaturi finali tiġi identifikata b’mod korrett fil-każijiet kollha, speċjalment jekk ma jkun hemm l-ebda konnessjoni diretta ta’ provvista bejn l-entità regolata u l-konsumatur finali. Konsegwentement, jista’ jseħħ li l-kwoti jiġu ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva u li l-kostijiet tal-karbonju jiġu mgħoddija lill-konsumaturi finali għall-emissjonijiet minn attività mhux koperta minn dak il-Kapitolu.

(2)

Sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn l-għadd doppju jew iċ-ċediment tal-kwoti għall-emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE ma jistgħux jiġu evitati, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-konsumaturi finali tal-fjuwils mill-Istati Membri f’konformità ma’ dik id-Direttiva. Jenħtieġ li jiġu adottati wkoll regoli dwar ir-rapportar tad-data biex il-kwantità ta’ kwoti maħruġa għall-Unjoni kollha tiġi aġġustata skont il-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva fir-rigward tal-kwoti ċeduti għall-emissjonijiet mhux koperti minn dak il-Kapitolu.

(3)

Il-kwantità ta’ kwoti kkumpensati finanzjarjament mill-Istati Membri f’livell ogħla minn żero x’aktarx li tkun aktar baxxa mill-għadd totali ta’ kwoti ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu livell pożittiv ta’ kumpens lill-konsumaturi finali kollha għall-emissjonijiet minn attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva. It-tieni, meta jagħtu kumpens finanzjarju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti li taħthom ma jagħtux livell pożittiv ta’ kumpens biex jillimitaw il-piż amministrattiv. It-tielet, xi konsumaturi finali jistgħu ma jitolbux kumpens li jistgħu jirċievu. Ir-raba’, l-Istati Membri jista’ ma jkollhomx informazzjoni dwar każijiet fejn l-entitajiet regolati jkunu ċedew kwoti għall-emissjonijiet ta’ użi finali mhux koperti mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva.

(4)

Meta Stat Membru jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għal attività mhux imsemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, f’konformità mal-Artikolu 30j ta’ dik id-Direttiva, dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-kwantità ta’ kwoti ċeduti għall-emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva. F’dak il-każ, x’aktarx li l-kwantità ta’ kwoti kkumpensati finanzjarjament minn dak l-Istat Membru f’livell ogħla minn żero x’aktarx li hija l-aktar stima affidabbli tal-kwantità ta’ kwoti li ġew ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Meta Stat Membru ma jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għal attività mhux imsemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, l-għadd totali ta’ kwoti ċeduti għal emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva, li jikkorrispondi għall-kwantità totali ta’ kwoti kkumpensati mill-Istati Membri fi kwalunkwe livell inkluż żero, jista’ jiġi stmat l-aħjar bħala d-differenza bejn l-emissjonijiet ivverifikati rrapportati skont il-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva u l-emissjonijiet tas-CO2 li jikkorrispondu għal attività koperta mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva u rrapportati fl-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Skont l-Artikolu 30c(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kwantità ta’ kwoti maħruġa għall-Unjoni kollha skont il-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva għandha tiġi aġġustata kull sena mill-2029 għall-kwoti ċeduti għall-emissjonijiet mhux koperti minn dak il-Kapitolu.

(7)

Minn dan isegwi li l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw informazzjoni kull sena lill-Kummissjoni biex jiddeterminaw il-kwantità ta’ kwoti ċeduti fl-Unjoni kollha għall-emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 30f tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jikkumpensaw finanzjarjament lill-konsumaturi finali tal-fjuwils f’każijiet fejn ma kienx possibbli li jiġi evitat iċ-ċediment tal-kwoti għall-emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva. Sabiex tiġi żgurata l-integrità ambjentali tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet koperta mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva, tali kumpens jenħtieġ li jkun proporzjonat, mhux diskriminatorju, u marbut mill-qrib mal-kostijiet tal-karbonju mġarrba. Il-metodi li jużaw l-Istati Membri biex jiżguraw li l-konsumaturi finali eliġibbli għall-kumpens finanzjarju jkunu ġarrbu kostijiet tal-karbonju minn għadd doppju jew kopertura mhux intenzjonata jenħtieġ li jinkludu l-verifika li l-entitajiet regolati rilevanti jużaw fattur tal-ambitu prestabbilit ta’ 1 fil-pjanijiet ta’ monitoraġġ approvati tagħhom, li jirrikjedu fattur tal-ambitu prestabbilit ta’ 1 għall-flussi tal-fjuwil rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 75 l(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, jew li jitolbu evidenza mill-konsumaturi finali.

(9)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom flessibbiltà fil-metodu li jużaw biex jiddeterminaw l-ammont ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li għandu jiġi kkumpensat sabiex ikunu jistgħu jadattawh għall-attività inkwistjoni u għat-tip ta’ konsumaturi finali eliġibbli u jillimitaw il-piż amministrattiv, sa fejn il-metodu jagħti stima affidabbli tal-emissjonijiet ta’ CO2.

(10)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeterminaw il-perjodu eliġibbli għall-kumpens finanzjarju biex jadattawh għall-attività inkwistjoni u t-tip ta’ konsumaturi finali. Il-perjodu eliġibbli jista’ jkun kull xahar, kull tliet xhur jew darbtejn fis-sena, iżda jenħtieġ li ma jaqbiżx sena kalendarja waħda biex jibqa’ konsistenti maċ-ċiklu annwali tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u biex jiġi limitat il-piż fuq il-konsumaturi finali f’attività mhux koperta mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 30f(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kalkolu tal-kumpens finanzjarju għall-konsumaturi finali tal-fjuwils għandu jkun ibbażat fuq il-prezz medju tal-kwoti fl-irkantijiet fis-sena ta’ rapportar rilevanti. Il-prezz tal-karbonju li jintuża biex jiġi ddeterminat il-kumpens jenħtieġ li jkun il-prezz medju fil-perjodu deċiż mill-Istat Membru inkwistjoni meta l-fjuwil jinxtara mill-konsumaturi finali. Dan ifisser li l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw il-prezz medju tal-karbonju matul il-perjodu li matulu jippermettu lill-konsumaturi finali japplikaw għal kumpens, pereżempju fuq bażi ta’ kull xahar, kull tliet xhur jew darbtejn fis-sena.

(12)

Sabiex jiġi limitat il-piż għall-konsumaturi finali f’attività mhux koperta mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kumpens finanzjarju jenħtieġ li jiġi pprovdut fis-sena kalendarja ta’ wara s-sena tal-perjodu eliġibbli.

(13)

Sabiex il-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni tal-Artikolu 30f(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw kull sena dwar il-kumpens finanzjarju li jkunu pprovdew.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“konsumatur finali” għall-finijiet ta’ kumpens finanzjarju, tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun l-utent finali tal-fjuwil kif definit fl-Artikolu 3 (af) tad-Direttiva 2003/87/KE għal attività mhux koperta mill-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva;

(2)

“għadd doppju” tfisser iċ-ċediment ta’ kwoti minn entitajiet regolati għar-rilaxx għall-konsum ta’ fjuwils għall-użu f’attività msemmija fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva;

(3)

“kopertura mhux intenzjonata” tfisser iċ-ċediment ta’ kwoti minn entitajiet regolati għar-rilaxx għall-konsum ta’ fjuwils użati f’attività msemmija la fl-Anness I u lanqas fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, u lanqas soġġetta għal estensjoni unilaterali skont l-Artikolu 30j ta’ dik id-Direttiva;

(4)

“kumpens finanzjarju” tfisser kumpens, fi kwalunkwe livell inkluż żero, ta’ konsumatur finali għall-kostijiet tal-karbonju mġarrba fir-rigward tal-kwoti maħruġa skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE u ċeduti f’każijiet ta’ għadd doppju jew kopertura mhux intenzjonata;

(5)

“perjodu eliġibbli” tfisser il-perjodu meta nxtara l-karburant kif definit fl-Artikolu 3 (af) tad-Direttiva 2003/87/KE u li għalih konsumatur finali jista’ jitlob kumpens, ibbażat fuq il-frekwenza tal-applikazzjoni definita mill-Istat Membru, jew, għal attività msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, il-perjodu meta ntuża l-karburant.

Artikolu 2

Regoli għall-kumpens finanzjarju f’livell ogħla minn żero

1.   Il-konsumaturi finali eliġibbli biex jirċievu kumpens finanzjarju għandhom ikunu ġarrbu kostijiet tal-karbonju minn għadd doppju jew kopertura mhux intenzjonata.

2.   Il-metodu użat biex jiġi ddeterminat il-kumpens finanzjarju għandu jkun ibbażat fuq stima affidabbli tal-emissjonijiet tas-CO2 iġġenerati mill-konsumaturi finali li jkunu ġew imposti.

3.   Il-prezz għal kull tunnellata ta’ CO2 li għandu jintuża għall-kumpens finanzjarju għandu jkun il-medja fil-perjodu eliġibbli tal-prezz tal-irkantijiet imwettqa f’konformità mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-kwoti maħruġa skont il-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpens finanzjarju jingħata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u trasparenti, u li l-konsumaturi finali li joperaw fl-istess settur u fl-istess sitwazzjoni fattwali jiġu kkumpensati finanzjarjament bl-istess kundizzjonijiet.

5.   Il-perjodu eliġibbli għall-għoti ta’ kumpens finanzjarju ma għandux jaqbeż sena kalendarja waħda.

6.   Meta jkunu eliġibbli għal kumpens finanzjarju, il-konsumaturi finali għandhom jirċievu dak il-kumpens fis-sena kalendarja ta’ wara s-sena tal-perjodu eliġibbli.

Artikolu 3

Rappurtar dwar il-kumpens finanzjarju

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni darbtejn fis-sena l-informazzjoni dwar il-kumpens finanzjarju f’konformità mal-format stabbilit fl-Anness I. Għandhom jippreżentaw rapporti annwali lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara s-sena meta jkun ingħata l-kumpens finanzjarju.

Artikolu 4

Kwantità ta’ kwoti ċeduti għall-emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE

1.   Meta Stat Membru ma jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għal attività mhux imsemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kwantità annwali ta’ kwoti ċeduti f’dak l-Istat Membru għal emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE, li jikkorrispondi għall-kwantità totali ta’ kwoti kkumpensati fi kwalunkwe livell inkluż żero, għandha tiġi determinata l-aħjar bħala d-differenza bejn l-emissjonijiet ivverifikati rrapportati skont l-Artikolu 30f(2) ta’ dik id-Direttiva u l-emissjonijiet tas-CO2 li jikkorrispondu għal attività msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE kkalkolata abbażi tal-emissjonijiet irrapportati skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999.

2.   Mill-2030, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena d-data dwar l-emissjonijiet meħtieġa għall-kalkolu tal-emissjonijiet tas-CO2 li jikkorrispondu għal attività koperta mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE, f’konformità mal-mudell fl-Anness II, billi jibdew bid-data għall-2028.

Għas-sottomissjoni tad-data dwar l-emissjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jużaw gwida metodoloġika u mudelli elettroniċi jew formati ta’ fajls speċifiċi pprovduti mill-Kummissjoni.

Jekk rapport annwali ma jkunx disponibbli jew ma jkunx komplut sal-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kwantità ta’ kwoti għal dak ir-rapport għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-gwida metodoloġika pprovduta mill-Kummissjoni.

3.   Stat Membru li jkun estenda unilateralment attività msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE skont l-Artikolu 30j ta’ dik id-Direttiva huwa eżentat mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dment li:

(a)

l-emissjonijiet medji għall-2016, l-2017 u l-2018 minn attività addizzjonali soġġetta għall-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-Istat Membru inkwistjoni skont l-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE jirrappreżentaw ammont ta’ emissjonijiet mill-inqas ekwivalenti għall-emissjonijiet nazzjonali tas-CO2 fil-kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4c għall-istess snin;

(b)

l-Istat Membru inkwistjoni għandu fis-seħħ u jżomm miżura biex jipprovdi kumpens finanzjarju f’livell ogħla minn żero għall-għadd doppju. L-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika għar-rapportar tad-data għas-snin ta’ wara l-approvazzjoni tal-estensjoni unilaterali.

Fil-każ ta’ estensjoni unilaterali tal-attività skont l-ewwel subparagrafu u jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fil-punti (a) u (b), il-kwantità annwali ta’ kwoti ċeduti għall-emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-ammont totali ta’ emissjonijiet ikkumpensati finanzjarjament f’livell ogħla minn żero mill-Istat Membru inkwistjoni u rrapportati skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Stat Membru li jkun estenda unilateralment attività msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE skont l-Artikolu 30j ta’ dik id-Direttiva huwa eżentat mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Din l-eżenzjoni tapplika għar-rapportar tad-data għas-snin ta’ wara l-approvazzjoni tal-estensjoni unilaterali, u dment li:

(a)

l-attività addizzjonali soġġetta għas-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-Istat Membru inkwistjoni skont l-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE ma tinkludix attivitajiet agrikoli koperti mill-kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4c;

(b)

l-Istat Membru inkwistjoni rrikjeda fattur ta’ ambitu predefinit ta’ 1 skont it-tifsira tal-Artikolu 75 l(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 għall-flussi kollha ta’ karburant użati f’attivitajiet agrikoli koperti mill-kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4c;

(c)

l-Istat Membru inkwistjoni għandu fis-seħħ u jżomm miżura biex jipprovdi kumpens finanzjarju f’livell ogħla minn żero għall-għadd doppju.

Fil-każ ta’ estensjoni unilaterali tal-attività skont l-ewwel subparagrafu u jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fil-punti (a) u (b) u (c), il-kwantità annwali ta’ kwoti ċeduti għall-emissjonijiet mhux koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ (i) l-ammont totali ta’ emissjonijiet minn attività mhux koperta mill-kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4c li jkun ġie kkumpensat finanzjarjament f’livell ogħla minn żero u rrapportat skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u (ii) l-ammont ta’ emissjonijiet tas-CO2 irrapportati fil-kodiċi tal-kategorija tas-sors 1A4c għas-sena rilevanti skont l-inventarju nazzjonali tal-gassijiet serra skont ir-Regolament (UE) 2018/1999.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2066/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1999/oj).


ANNESS I

INFORMAZZJONI DWAR IL-KUMPENS FINANZJARJU

Informazzjoni li trid tiġi inkluża fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 3:

(1)

l-isem tal-miżura ta’ kumpens finanzjarju;

(2)

id-data tal-bidu tal-miżura ta’ kumpens finanzjarju;

(3)

l-attività koperta mill-miżura ta’ kumpens finanzjarju, inkluż il-kodiċi tal-kategorija tas-sors tal-format komuni ta’ rapportar (CRF) korrispondenti (kif definit fil-Linji Gwida tal-2006 tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra);

(4)

informazzjoni dwar it-tfassil tal-miżura:

(a)

l-awtorità kompetenti responsabbli;

(b)

il-limitu/i minimu/i għall-eliġibbiltà għall-kumpens;

(c)

il-perjodu eliġibbli u iskadenza tal-applikazzjoni;

(d)

deskrizzjoni tal-metodu użat biex jiġu determinati l-emissjonijiet CO2;

(e)

il-prezz medju tal-kwoti użati għall-kalkolu tal-kumpens finanzjarju għal kull perjodu eliġibbli;

(5)

l-għadd ta’ konsumaturi finali tal-fjuwil ikkumpensat skont il-miżura fis-sena preċedenti;

(6)

l-ammont ekwivalenti ta’ emissjonijiet CO2 kumpensati finanzjarjament f’livell ogħla minn żero fis-sena ta’ qabel;

(7)

l-ammont totali tal-kumpens finanzjarju pprovdut skont il-miżura fis-sena preċedenti.


ANNESS II

DATA DWAR L-EMISSJONIJIET LI TIKKORRISPONDI MAL-ATTIVITÀ KOPERTA MILL-KAPITOLU IVa TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

Informazzjoni li trid tiġi inkluża fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 4:

(1)

l-emissjonijiet annwali vverifikati ta’ attività koperta mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE mill-kombustjoni ta’ fjuwil f’kategoriji ta’ sorsi b’format komuni ta’ rapportar (CRF) li mhumiex koperti mill-Anness III ta’ dik id-Direttiva, inklużi l-emissjonijiet iġġenerati minn attività koperta mill-Anness I ta’ dik id-Direttiva u rreġistrati fil-kodiċijiet 1B, 1C, 1A3e (i) u 1A4c tal-kategorija tas-sorsi tas-CRF;

(2)

l-emissjonijiet annwali tal-proċess tas-CO2 fil-kategoriji tas-sorsi tas-CRF 2 A, 2B u 2C iġġenerati barra mill-attività definita fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE.

(3)

l-emissjonijiet annwali tal-proċess tas-CO2 fil-kategoriji tas-sorsi tas-CRF 1A1, 1A2, 1A3b, 1A4a u 1A4b iġġenerati barra mill-attività definita fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE.

(4)

l-emissjonijiet annwali ta’ CO2 mill-kombustjoni ta’ skart muniċipali u perikoluż f’attività definita fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.

(5)

l-emissjonijiet annwali tas-CO2 mill-kombustjoni tal-fjuwil f’installazzjonijiet koperti minn miżuri ekwivalenti skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE.

(6)

l-emissjonijiet annwali ta’ CO2 mill-kombustjoni tal-fjuwil minħabba l-użu ta’ vetturi agrikoli fuq triq pavimentata li huma rrapportati taħt il-kategorija tas-sorsi tas-CRF 1A3b.

(7)

l-emissjonijiet annwali tas-CO2 mill-kombustjoni tal-fjuwil f’attività li ntgħażlet mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE.

(8)

kwalunkwe emissjoni annwali oħra ta’ CO2 irreġistrata fil-kategoriji tas-sorsi tas-CRF 1A1, 1A2, 1A3b, 1A4a u 1A4b li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività koperta mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE u mhux inkluża taħt il-punti (1) sa (7).

Il-kodiċijiet tal-kategorija tas-sors tas-CRF huma definiti fil-Linji Gwida għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra tal-IPCC tal-2006.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2467/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)