SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

12 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Miżura intiża li tnaqqas il-prezzijiet tal-bejgħ bl‑ingrossa tal-elettriku fil-peniżola Iberika – Kriżi tal-enerġija – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Assenza ta’ diffikultajiet serji – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑596/22,

PGI Spain, SL, stabbilita f’Barcelona (Spanja),

Berry Superfos Pamplona, SA, stabbilita f’Navarre (Spanja),

Promens Packaging, SA, stabbilita f’Barcelona,

RPC Envases, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Zeller Plastik España, SL, stabbilita f’Barcelona,

irrappreżentati minn P. Holtrop, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Scharf, I. Georgiopoulos u C.‑M. Carrega, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis u M. Morales Puerta, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm (Relatur), G. Steinfatt u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: A. Marghelis, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas-17 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, PGI Spain, SL, Berry Superfos Pamplona, SA, Promens Packaging, SA, RPC Envases, SA, u Zeller Plastik España, SL, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 3942 final tat-8 ta’ Ġunju 2022 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.102454 (2022/N) – Spanja u SA.102569 (2022/N) – Il-Portugall – Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-ispiża ta’ produzzjoni maħsub sabiex jitnaqqas il-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fis-suq Iberiku (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea fl-20 u fit-23 ta’ Mejju 2022 rispettivament miżura maħsuba sabiex tnaqqas il-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-peniżola Iberika billi tissussidja l-ispiża tal-inputs tat-teknoloġiji abbażi ta’ kombustibbli fossili (iktar ’il quddiem il-“miżura nnotifikata”).

3

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9).

4

Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ddeskriviet il-karatteristiċi essenzjali tal-miżura nnotifikata. Hija rrilevat b’mod partikolari li:

–

il-miżura nnotifikata kienet taqa’ fil-kuntest tal-kriżijiet li kellhom jaffaċċjaw is-swieq nazzjonali u internazzjonali tal-enerġija f’dawn l-aħħar deċennji, li wasslu għal prezzijiet ogħla tal-kombustibbli fossili, b’mod partikolari dak tal-gass naturali (punti 4 u 5);

–

dan kellu impatt fuq l-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju taħt kuntratti rregolati fi Spanja, jiġifieri l-“precio voluntario para el pequeño consumidor” (PVPC, prezz volontarju għall-konsumaturi ż-żgħar) u l-iskont irregolat għal ċerti konsumaturi vulnerabbli msejjaħ “Bono social” (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il‑“kuntratti rregolati”), u fuq prattikament it-tipi kollha ta’ attività ekonomika (punti 6 u 7);

–

is-suq ta’ kuljum tal-elettriku tal-Unjoni Ewropea kien ibbażat fuq metodu ta’ tariffar ibbażat fuq il-prezz marġinali, li kien jimplika li l-prezz tal-elettriku kien stabbilit mill-aħħar sors ta’ produzzjoni neċessarju sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda f’mument partikolari, jiġifieri ta’ spiss l-impjanti tal-elettriku li jaħdmu b’kombustibbli fossili, li huma l-impjanti l-iktar onerużi minħabba l-ispejjeż operattivi għoljin tagħhom (punti 20 sa 23 u 34);

–

il-miżura nnotifikata kienet tikkonsisti fit-twettiq ta’ pagamenti lill-operaturi ta’ impjanti tal-elettriku li jaħdmu bil-kombustibbli fossili li jinsabu fil-peniżola Iberika sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku fis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u, konsegwentement, tal-bejgħ bl-imnut (punti 24 u 33 sa 39);

–

il-miżura nnotifikata hija, b’mod partikolari, iffinanzjata minn kontribuzzjoni (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni”) imposta mill-Operador del Mercado Ibérico de la Energía-Polo Español, SA (OMIE) fuq ix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, jiġifieri l-fornituri tal-elettriku u l-konsumaturi li jixtru direttament l-elettriku fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa għall-użu tagħhom stess (iktar ’il quddiem il-“konsumaturi diretti”), proporzjonalment mal-kwantità ta’ elettriku li huma kienu jixtru (punti 25 u 44);

–

ċerti xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku huma eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjoni u, b’mod partikolari, dawk li kkonkludew kuntratti bi prezz fiss qabel s-26 ta’ April 2022, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet u b’mod partikolari n-notifika tal-kuntratti tagħhom lill-OMIE (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mill-kontribuzzjoni”) (punt 45(d) sa punt 48).

5

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat il-klassifikazzjoni tal-miżura nnotifikata fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalkemm hija qieset li l-miżura nnotifikata kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, din il-konklużjoni ma ġietx estiża għall-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni. F’dan ir-rigward, hija qieset li x-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa li kkonkludew ftehimiet maħsuba sabiex ikopru x-xiri tal-elettriku tagħhom qabel l-adozzjoni tal-miżura nnotifikata ma kinux ser jibbenefikaw mill-effetti tal-imsemmija miżura u minn dan iddeduċiet li l-eżenzjoni ma kinitx twassal sabiex tagħtihom vantaġġ selettiv u, għaldaqstant, ma kinitx taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (punti 97 sa 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

6

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Hija qieset, b’mod partikolari, li l-imsemmija miżura kienet neċessarja, xierqa u proporzjonata (punti 107 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ma kienet tikser ebda waħda mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), u tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125) (punti 174 sa 192).

It-talbiet tal-partijiet

7

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

8

Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

9

Ir-rikorrenti huma kumpanniji Spanjoli li ma jixtrux l-elettriku tagħhom direttament fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, iżda permezz ta’ fornitur tal-elettriku. Sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà tal-prezz tal-provvista tal-elettriku, ir-rikorrenti kkonkludew ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku. Għal parti mill-provvista tal-elettriku, ir-rikorrenti kkonkludew ftehimiet li jinvolvu impriża li ma hijiex il-fornitur fiżiku tal-elettriku tagħhom u li kienu bbażati fuq pagamenti kumpensatorji skont id-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-prezz iffissat fil-kuntratt. Huma jikklassifikaw dawn it-tipi ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku bħala finanzjarji.

10

Ir-rikorrenti, bħala partijiet ikkonċernati u sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li huma jisiltu mill-Artikolu 108(2) TFUE u mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma qisitx li l-miżura nnotifikata kienet tqajjem diffikultajiet serji ta’ natura li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

11

Għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi li l-Kummissjoni kellha fil-fażi tal-eżami preliminari tal-miżura nnotifikata setgħetx oġġettivament tqajjem dubji kemm dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna kif ukoll dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet ikkonċernati previsti fl-Artikolu 1(h) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 38, u tal-5 ta’ Settembru 2024, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni,C‑447/22 P, EU:C:2024:678, punt 53).

12

Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jkun qiegħed jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod li tkun kisret id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata kellha tqajjem dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-għajnuna jew il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Madankollu, l-użu ta’ tali argumenti ma jistax ikollu l-konsegwenza li jibdel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jibdel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar il-klassifikazzjoni jew il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13

Il-prova tal-eżistenza ta’ tali dubji, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta minn min jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40, u tal-5 ta’ Settembru 2024, Is-Slovenja vs Il‑Kummissjoni, C‑447/22 P, EU:C:2024:678, punt 51).

14

B’mod partikolari, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni, li l-preżenza tagħhom tobbliga lil din tal-aħħar tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 41, u tal-5 ta’ Settembru 2024, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni,C‑447/22 P, EU:C:2024:678, punt 52).

15

Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni mhux biss fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottatha, iżda wkoll fid-dawl tal-elementi li hija seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

Issa, l-informazzjoni li l-Kummissjoni “seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha” tinkludi dik li kienet tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li kellha ssir konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 11 iktar ’il fuq u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 43, u tal-5 ta’ Settembru 2024, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni,C‑447/22 P, EU:C:2024:678, punt 54).

17

Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata tmexxi l-proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 44, u tal-5 ta’ Settembru 2024, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni,C‑447/22 P, EU:C:2024:678, punt 55).

18

Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, waqt l-eżami tal-eżistenza u tal-legalità ta’ għajnuna mill-Istat, jista’ jkun neċessarju li l-Kummissjoni, fejn meħtieġ, tmur lil hinn mill-eżami biss tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-għarfien tagħha, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li hija l-Kummissjoni li għandha tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fin-nuqqas ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li jista’ jkollha rabta mal-każ li bih hija tkun adita, anki jekk tali informazzjoni tkun tinsab fil-qasam pubbliku (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 45, u tal‑5 ta’ Settembru 2024, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni,C‑447/22 P, EU:C:2024:678, punt 56).

19

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-miżura nnotifikata, it-tieni wieħed, fuq żbalji fl-evalwazzjoni tan-natura xierqa u proporzjonata tal-miżura nnotifikata, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2019/944, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

20

Billi jibbażaw ruħhom fuq dawn il-motivi, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-miżura nnotifikata, minkejja li kienu jeżistu dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, minħabba l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-kontribuzzjoni għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku biss, u mhux għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, u minħabba l-effetti negattivi li tali limitazzjoni kellha għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut li kkonkludew ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji, bħar-rikorrenti, li fuqhom ġiet mgħoddija l-ispiża tal-kontribuzzjoni mill-fornitur fiżiku tal-elettriku tagħhom mingħajr ma bbenefikaw minn tnaqqis fil-prezz tal-elettriku tagħhom.

Fuq il-provi u l-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati fl-10 ta’ Awwissu 2023

21

Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jqisu li l-provi u l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-10 ta’ Awwissu 2023 bi tweġiba għan-nota ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, peress li dawn ġew ippreżentati tardivament. Il-Kummissjoni żżid li huma, fi kwalunkwe każ, ineffettivi, peress li seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tagħha.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, waqt il-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom fl-10 ta’ Awwissu 2023, ir-rikorrenti ppreżentaw provi ġodda, li jirrigwardaw, minn naħa, l-emenda tal-miżura nnotifikata wara d-deċiżjoni kkontestata, li issa tippermetti lix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku jinnotifikaw lill-OMIE l-ftehimiet tagħhom ta’ xiri tal-enerġija għall-perijodu minn Mejju sa Diċembru 2023, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ April 2023 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ din l-emenda tal-miżura.

23

Mingħajr ma huwa neċessarju li wieħed jistaqsi fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi l-ġodda u l-argumenti relatati magħhom humiex jew le ta’ natura tardiva tali li tirrendihom inammissibbli, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li tali elementi ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġustament issostni l-Kummissjoni.

24

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 15 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fil-mument meta adottatha. Din hija applikazzjoni partikolari tal-prinċipju iktar ġenerali li jipprovdi li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta dan l-att ġie adottat, b’tali mod li atti sussegwenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tagħha (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Il-provi prodotti mir-rikorrenti fl-10 ta’ Awwissu 2023 u, konsegwentement, l-argumenti ta’ dawn tal-aħħar relatati magħhom ma jistgħux, għaldaqstant, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-ewwel u r-raba’ motiv ibbażati, rispettivament, fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-miżura nnotifikata u n-natura diskriminatorja tagħha

26

Il-Qorti Ġenerali tqis li dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġi eżaminati flimkien.

27

Abbażi tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi mill-Kummissjoni tal-funzjonament tal-miżura nnotifikata ma hijiex preċiża, peress li minnha ma jirriżultax b’mod ċar jekk hija ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li x-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut użaw ukoll mekkaniżmi ta’ kopertura tax-xiri tagħhom ta’ elettriku ekwivalenti għal dawk tax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, inklużi ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-użu ta’ dan it-tip ta’ ftehimiet jirriżulta mill-organizzazzjoni ġuridika tas-suq tal-elettriku skont id-dritt tal-Unjoni u jikkostitwixxi struttura kuntrattwali sempliċi u kurrenti li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora.

28

Minn dan ir-rikorrenti jiddeduċu li l-Kummissjoni kienet f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tad-determinazzjoni eżatta tal-atturi li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Dan wassalha sabiex tawtorizza skema ta’ għajnuna li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni kienet dubjuża. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li, għalkemm il-Kummissjoni tindika li bbażat ruħha għall-bżonnijiet tal-evalwazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni pprovduta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Portugiża fin-notifika tagħhom kif ukoll fuq l-informazzjoni addizzjonali ppreżentata minn dawn l-Istati Membri, din l-informazzjoni differenti ma kinitx aċċessibbli għalihom. Huma għalhekk jitolbu li l-Kummissjoni ddaħħal fil-proċess in-notifiki kif ukoll kull informazzjoni oħra rilevanti dwar il-miżura nnotifikata li ġiet ikkomunikata lilha mill-imsemmija Stati Membri.

29

Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx il-konformità tal-miżura nnotifikata mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. F’dan il-kuntest, huma jsostnu, essenzjalment, li l-kriterju ta’ paragun rilevanti ma setax ikun dak tal-akkwist fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa jew bl-imnut, iżda kellu jkun dak relatat mal-“kapaċità li tkopri u li tirrendi koperti l-provvisti tal-elettriku tagħha”, u jenfasizzaw ix-xebh kbir li jeżisti bejn is-sitwazzjoni tagħhom u dik tal-konsumaturi diretti fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, jiġifieri l-impriżi li jakkwistaw, għall-bżonnijiet tagħhom, l-elettriku f’dan is-suq.

30

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tqis li dawn iż-żewġ motivi ma jurux l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

31

Mill-qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ motivi jirriżulta li r-rikorrenti, essenzjalment, iressqu tliet ilmenti sabiex juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-ewwel nett, huma jikkunsidraw li mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata tirriżulta l-eżistenza ta’ inċertezza fir-rigward tad-determinazzjoni eżatta tax-xerrejja tal-elettriku li jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni. It-tieni nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora li ċerti xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku kienu jiżguraw l-istabbiltà tal-prezzijiet tal-provvista tagħhom permezz ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji. It-tielet nett, huma jqisu li x-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut li jirrikorru għal tali ftehimiet jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-konsumaturi diretti fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, b’tali mod li l-miżura nnotifikata tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

32

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 4 sa 7, 24 u 33 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li l-għan tal-miżura nnotifikata huwa li jipprovoka tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku fil-kuntest ta’ pressjoni qawwija ta’ żieda fil-prezzijiet tal-kombustibbli, li hija marbuta ma’ kuntest ta’ kriżijiet li s-swieq nazzjonali u internazzjonali tal-enerġija kellhom jaffaċċjaw, u, min-naħa l-oħra, li l-miżura hija intiża li tilħaq dan l-għan permezz tas-sussidju ta’ ċerti sorsi tal-elettriku sabiex jinkiseb tnaqqis fil-prezz fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, li għandu jwassal, konsegwentement, għal tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ bl-imnut.

33

Fir-rigward, l-ewwel nett, tas-sorsi tal-enerġija ssussidjati, mill-punti 33 sa 39 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura nnotifikata għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-impjanti tal-elettriku li jaħdmu b’kombustibbli fossili u li twassal għal tnaqqis tal-offerti li huma jissottomettu għall-irkant kuljum, b’mod partikolari, fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku. Skont il-punt 43, il-kalkolu tas-sussidju korrispondenti u l-pagament effettiv tiegħu jaqgħu taħt l-OMIE.

34

Fir-rigward, it-tieni nett, tax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, minn naħa, mill-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn, bħala benefiċjarji tat-tnaqqis tal-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, huma suġġetti għal kontribuzzjoni li tkopri, parzjalment, l-ispiża tal-miżura li l-ammont tagħha huwa ddeterminat mill-OMIE skont il-volum tal-akkwisti tagħhom fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa. Min-naħa l-oħra, mill-punt 45(d) tad-deċiżjoni kkontestata u mill-Artikolu 8(3) tal-miżura nnotifikata jirriżulta li huma eżentati mill-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni għall-parti tax-xiri tal-elettriku tagħhom li għaliha kkonkludew kuntratti ta’ provvista tal-elettriku bi prezz fiss qabel s-26 ta’ April 2022, bla ħsara għan-notifika tal-imsemmija kuntratti lill-OMIE fit-termini speċifikati mill-imsemmija miżura. Mill-punti 46 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li din l-eżenzjoni hija ta’ natura temporanja peress li hija intiża li ma tapplikax iktar meta l-kuntratti jiġġeddu.

35

Fir-rigward, it-tielet nett, tax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, minn qari flimkien, b’mod partikolari, tal-punti 6, 35, 49, 50 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ssir distinzjoni skont jekk dawn ikkonkludewx, jew le, kuntratti rregolati, jiġifieri l-konsumaturi li jibbenefikaw mit-tariffa PVPC u mill-iskont imsejjaħ “Bono social”.

36

Fil-fatt, huwa biss fir-rigward tal-kuntratti rregolati li t-trasferiment kemm tat-tnaqqis fil-prezz tal-elettriku kif ukoll tal-ammont tal-kontribuzzjoni huwa ta’ natura obbligatorja. Fir-rigward tal-kuntratti mhux irregolati, l-awturi tal-miżura nnotifikata stennew, għal dawk li kienu bi prezzijiet dinamiċi, jiġifieri li kienu jirriflettu direttament il-varjazzjonijiet tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa fil-prezzijiet tal-konsum, li kemm it-tnaqqis fil-prezz tal-elettriku fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa kif ukoll l-ammont tal-kontribuzzjoni kienu ser jingħaddu direttament lill-konsumaturi finali. Għat-tipi l-oħra ta’ kuntratti mhux irregolati, l-imsemmija awturi qiesu li t-trasferiment tat-tnaqqis tal-prezz tas-suq bl-ingrossa u tal-kontribuzzjoni jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kompetizzjoni, peress li kien jeżisti numru kbir ta’ fornituri bl-imnut fis-suq Spanjol u f’dak Portugiż.

37

Fit-tieni lok u konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq l-inċertezza dwar il-portata tal-estent tal-eżenzjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa fattwalment infondat. Fil-fatt, mill-punti 34 u 35 iktar ’il fuq jirriżulta, minn naħa, li l-imsemmija eżenzjoni tapplika esklużivament għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa li kkonkludew kuntratti ta’ provvista tal-elettriku bi prezz fiss qabel s-26 ta’ April 2022 u, min-naħa l-oħra, li l-effett – kemm tat-tnaqqis tal-prezz fis-suq bl-ingrossa kif ukoll tal-eventwali ħlas tal-kontribuzzjoni – fuq il-kuntratti konklużi mill-konsumaturi finali, minbarra l-kuntratti rregolati, jaqa’ taħt l-applikazzjoni tal-operat tal-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-imnut.

38

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-punti 48, 80, 104 u 142 tad-deċiżjoni kkontestata, enfasizzati mir-rikorrenti bħala li jimplikaw, essenzjalment, li ċerti xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma jistgħux jiġu interpretati f’dan is-sens.

39

L-ewwel nett, il-punt 48 tad-deċiżjoni kkontestata jaqa’ fl-ambitu tal-punti 44 sa 48 imsemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq, li jikkonċernaw il-kontribuzzjoni li għaliha huma suġġetti x-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku u l-eventwali eżenzjoni tagħhom. B’mod iktar partikolari, huwa jesponi l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Portugiżi u Spanjoli li tgħid li din l-eżenzjoni hija ta’ natura temporanja, peress li ma għadhiex intiża li tapplika fil-każ ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ provvista tal-elettriku bi prezz fiss u, f’dan il-kuntest, jippreċiża li t-tul tagħhom huwa ġeneralment ta’ sena.

40

It-tieni nett, il-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata sempliċement ifakkar id-distinzjoni magħmula fil-punt 49 tal-imsemmija deċiżjoni u msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq, fir-rigward tat-trasferiment tal-ammont tal-kontribuzzjoni, li hija ta’ natura obbligatorja għall-konsumaturi li jaqgħu taħt kuntratti rregolati u li hija mistennija għall-oħrajn.

41

It-tielet nett, mill-punt 104 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mingħajr ebda ambigwità li dan jirreferi esklużivament għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa. B’mod iktar preċiż, hija eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw dawk li kkonkludew kuntratti ta’ provvista tal-elettriku bi prezz fiss qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura nnotifikata hijiex ta’ natura li tagħtihom vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

42

Finalment, ir-raba’ nett, fir-rigward tal-punt 142 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tirreferi espliċitament fl-ewwel sentenza tiegħu għall-fatt li “l-miżura teżenta mill-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni lix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, għall-parti tax-xiri tagħhom tal-elettriku li għaliha kkonkludew kuntratti ta’ provvista tal-elettriku bi prezz fiss qabel s-26 ta’ April 2022”. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet sussegwenti dwar l-importanza ta’ mitigazzjoni tar-riskji tal-prezzijiet permezz ta’ koperturi finanzjarji ma jistgħux jinftiehmu bħala li jissuġġerixxu, kif isostnu r-rikorrenti, li l-kuntratti kollha konklużi għal finijiet ta’ kopertura, inklużi minn xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evitat li l-ispiża tal-kontribuzzjoni tiġi, anki indirettament, mgħoddija fuqhom.

43

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-użu mix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji, dan lanqas ma jista’ jintlaqa’.

44

Ċertament, il-ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji tat-tip bħal dawk konklużi mir-rikorrenti għandhom karatteristiċi speċifiċi li, fir-rigward tal-funzjonament tal-miżura nnotifikata, jimplikaw għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut li kkonkludewhom trasferiment tal-ammont tal-kontribuzzjoni, iżda mhux tat-tnaqqis fil-prezz tal-elettriku. Fil-fatt, għalkemm il-miżura nnotifikata għandha bħala konsegwenza t-trasferiment tal-ispiża tal-kontribuzzjoni mill-fornitur fiżiku, l-applikazzjoni ta’ kuntratt ma’ impriża oħra, li hija bbażata fuq pagamenti kumpensatorji skont id-differenza bejn il-prezz tas-suq u l-prezz iffissat fl-imsemmi kuntratt, għandha bħala effett li l-imsemmija xerrejja ma jibbenefikawx mit-tnaqqis globali tal-prezz tal-elettriku mistenni mill-awturi tal-miżura nnotifikata.

45

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jurux li kienu jeżistu indizji li jimplikaw li ċerti ftehimiet ta’ xiri tal-elettriku konklużi mix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, minħabba l-istruttura tagħhom, ma kinux adattati, jew mhux adattati biżżejjed, sabiex it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-elettriku jgħaddi għas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, indizji li setgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tmur lil hinn mis-sempliċi eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-attenzjoni tagħha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq.

46

L-ewwel nett, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti sempliċement jenfasizzaw li l-“Kummissjoni taf mingħajr dubju bl-eżistenza ta’ [ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku] fit-tul”, b’dan l-għarfien dedott mill-possibbiltà, li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li konsumatur jagħżel dan it-tip ta’ modalitajiet ta’ provvista tal-elettriku. Madankollu, tali allegazzjoni ma tippermettix li jiġi kkonfermat li l-użu minn xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji kien ta’ natura magħrufa meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

47

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jirreferu b’mod ġenerali għal ċerti dokumenti tal-Kummissjoni, mingħajr ma jidentifikaw is-siltiet tal-imsemmija dokumenti li jirrigwardaw il-promozzjoni ta’ strutturi kuntrattwali ekwivalenti għal dawk li huma ffavorixxew. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-Proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2023 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti 2019/943 u (UE) 2019/942 u kif ukoll id-Direttivi (UE) 2018/2001 u 2019/944 sabiex tittejjeb l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni (COM/2023/148 final) jew fir-rigward tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 intitolat “Linji gwida għall-Istati Membri dwar l-aħjar prattiki biex jitħaffu l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli” (SWD/2022/0149 final). Għalkemm, ċertament, dawn id-dokumenti jenfasizzaw l-interess li tista’ tirrappreżenta l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku, huma ma jindirizzawx il-każ partikolari tal-ftehimiet tat-tip ta’ dawk konklużi mir-rikorrenti, li ma jirreferu, barra minn hekk, għal ebda silta preċiża tal-imsemmija dokumenti.

48

F’dan ir-rigward, l-unika prova prodotta mir-rikorrenti li, skont il-preżentazzjoni tagħhom, tinvoka l-istruttura kuntrattwali tagħhom ta’ provvista hija studju mwettaq għan-nom tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Kummissjoni. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li din hija analiżi prospettiva dwar il-possibbiltajiet li jiġu żviluppati l-ftehimiet ta’ xiri ta’ enerġija rinnovabbli – inklużi dawk tan-natura ta’ dawk konklużi mir-rikorrenti – fl‑Unjoni. Għaldaqstant, din ma hijiex ta’ natura li turi li l-użu ta’ dan it-tip ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku mix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut kien ta’ natura magħrufa li jimplika li l-Kummissjoni kellha hija stess tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tagħhom waqt l-eżami tal-miżura nnotifikata.

49

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn f’dan il-kuntest ir-rikorrenti jikkritikaw il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa biss, dan lanqas ma jista’ jintlaqa’.

50

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li tali kritika hija ekwivalenti għal kritika li l-Kummissjoni ma rrilevatx li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-kontribuzzjoni kien iwassal sabiex jagħti vantaġġ selettiva biss lix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u, għaldaqstant, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

51

Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ hija intiża preċiżament sabiex tidentifika l-eżistenza ta’ trattament iddifferenzjat li jista’, essenzjalment, jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju. Hija timplika li għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni tkunx tali li tiffavorixxi “ċerti kumpanniji jew ċerti prodotti” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara s‑sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

It-tieni nett, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 97 sa 101, 104 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-imsemmija eżenzjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ, peress li l-kundizzjoni ta’ selettività inerenti għal dan il-kunċett ma kinitx issodisfatta fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, mill-punt 104 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod iktar partikolari li l-Kummissjoni ddeċidiet biss b’mod espliċitu fuq il-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament bejn ix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, skont jekk kinux jibbenefikaw jew le minn eżenzjoni, kinitx il-kawża ta’ vantaġġ selettiv, iżda ma ttrattatx l-eventwali eżistenza ta’ vantaġġ selettiv minħabba l-esklużjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni tax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut.

53

Madankollu, it-tielet nett, fid-dawl tal-loġika tal-miżura nnotifikata, kif imfakkra fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 32 sa 36 iktar ’il fuq), kien evidenti li x-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli mill-perspettiva tal-mod kif it-tnaqqis tal-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u l-ħlas tal-kontribuzzjoni kien intiż li jiġi rifless fil-prezz tal-elettriku, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi espliċitament il-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-kontribuzzjoni biss għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa kinitx tikkostitwixxi vantaġġ selettiv.

54

Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, huma jixtru direttament l-elettriku tagħhom bil-prezz li jirriżulta minn dan is-suq. Il-vantaġġ li huma jibbenefikaw minnu jiddependi preċiżament mid-differenza, ikkalkolata mill-OMIE, bejn, minn naħa, il-prezz tas-suq kif jirriżulta mis-sussidju ta’ ċerti sorsi tal-enerġija u, min-naħa l-oħra, dak li kien ikun fl-assenza ta’ tali sussidju. Bl-istess mod, l-OMIE huwa inkarigat li jiddetermina b’mod preċiż l-ammont tal-kontribuzzjoni kif ukoll l-eżenzjoni għax-xerrejja li ma kinux f’pożizzjoni li jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-imsemmija prezzijiet.

55

Min-naħa l-oħra, il-prezz fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku huwa stabbilit abbażi tal-provvista u tad-domanda f’dan it-tieni suq. Kif ġie espost fil-punt 36 iktar ’il fuq, din il-kunsiderazzjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-awturi tal-miżura nnotifikata, peress li dawn – bl-eċċezzjoni tal-kuntratti rregolati – kienu jipprevedu trasferiment indirett tat-tnaqqis tal-prezz tal-elettriku, iżda wkoll tal-ammont tal-kontribuzzjoni fuq il-konsumaturi, minħabba l-kompetizzjoni f’dan is-suq, b’riferiment għan-numru kbir ta’ fornituri bl-imnut fi Spanja u fil-Portugall.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet ilment tar-rikorrenti ma huwiex tali li juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ta’ natura li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

57

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li huma jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-konsumaturi diretti fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

58

Minn naħa, tali argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni hija stess in-natura speċifika tax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut li rrikorrew għal ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 43 sa 48 iktar ’il fuq, tali premessa ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

59

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għalkemm l-akkwist tal-elettriku mill-konsumaturi diretti fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa joqrob, permezz tal-għan tiegħu, għal dak tar-rikorrenti, fis-sens li dan isir għall-konsum tagħhom stess u mhux għal finijiet ta’ provvista ta’ elettriku lil xerrejja sussegwenti, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-akkwist isir f’żewġ swieq differenti li għalihom l-iffissar tal-prezzijiet ma jsegwix l-istess loġika, u dan kif ġie espost fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq.

60

Fid-dawl tal-premess, l-ewwel u r-raba’ motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

61

Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti maħsuba, essenzjalment, sabiex jiddaħħlu fil-proċess in-notifiki magħmula mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Portugiża kif ukoll l-iskambji ta’ dawn l-Istati Membri mal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-utilità tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba minn waħda mill-partijiet prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il-Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, EU:T:1999:134, punt 284).

62

Sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddetermina jekk huwiex utli għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura li tordna l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, il-parti li tkun talbet tali produzzjoni għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti Ġenerali tal-inqas b’informazzjoni minima li turi l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-finijiet tal-kawża (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 93; ara, ukoll, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2013, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑275/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:535, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-imsemmija parti għandha b’mod partikolari tipproduċi indizji preċiżi u rilevanti ta’ natura li jispjegaw kif id-dokumenti inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ interess għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Oikonomopoulos vs Il‑Kummissjoni, T‑483/13, EU:T:2016:421, punt 253 (mhux ippubblikata)).

63

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rikorrenti kellhom aċċess għat-test tal-miżura nnotifikata u, min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet esposti waqt l-eżami ta’ dan il-motiv, li din il-miżura hija sostnuta minn loġika ċara bbażata fuq id-distinzjoni bejn akkwisti fis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut.

64

It-tieni nett, it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti, minħabba l-portata tagħha, hija intiża sabiex jiġu inklużi fid-dibattitu d-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, minkejja li r-rikorrenti, anki fil-kapaċità tagħhom ta’ partijiet interessati, ma għandhomx dritt ta’ aċċess għall-imsemmi fajl (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 58).

65

It-tielet nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ikun neċessarju li r-rikorrenti jipproduċu provi li juru l-idea li, lil hinn mit-test tal-miżura nnotifikata, il-kwistjoni tal-użu mix-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji kienet ġiet ittrattata fl-okkażjoni tal-iskambji madwar in-notifika, ħaġa li kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja jiċħdu. Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali elementi huma nieqsa.

66

Għaldaqstant, it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq in-natura sproporzjonata tal-miżura nnotifikata

67

Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l-miżura nnotifikata ma kinitx ta’ natura xierqa u proporzjonata u, għaldaqstant, kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Huma jikkritikaw, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, allegata esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ ċerti modi ta’ kif jiġu koperti l-prezzijiet tal-elettriku, jiġifieri l-użu ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji, it-tieni nett, limitazzjoni tal-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn eżenzjoni biss għax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u, it-tielet nett, nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti tal-miżura nnotifikata fuq il-konsumaturi finali li jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħalhom.

68

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tfakkar, preliminarjament, li hija ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tax-xerrejja tal-elettriku fis-suq tal-bejgħ bl-imnut li jinsabu fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Hija tqis, fi kwalunkwe każ, li l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżura nnotifikata ma kien iqajjem ebda diffikultà serja.

69

Preliminarjament, sa fejn dan il-motiv huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tax-xerrejja fis-suq tal-bejgħ bl-imnut li kkonkludew ftehimiet tat-tip bħal dawk iffavoriti mir-rikorrenti, dan għandu qabelxejn jiġi miċħud, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 43 sa 48 iktar ’il fuq.

70

Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-miżura nnotifikata eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni tip ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku partikolari jirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 33 sa 35 iktar ’il fuq, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fil-punt 45(d) tad-deċiżjoni kkontestata ma jiddependix mit-tip ta’ ftehimiet konklużi, iżda mis-suq li fih jinxtara l-elettriku.

71

Għalhekk hija rilevanti biss il-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjoni tal-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni għax-xerrejja fis-suq bl-ingrossa biss kinitx tikkostitwixxi diffikultà serja mill-perspettiva tal-proporzjonalità tagħha.

72

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, imfakkar fl-Artikolu 5(4) TUE, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland,15/83, EU:C:1984:183, punt 25), filwaqt li jitqies li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tat-30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il-Kunsill (Kwota ta’ sajd għall-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

73

L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minn miżura tinkludi, għalhekk, tliet komponenti. L-ewwel komponent jirrigwarda n-natura xierqa tagħha, jiġifieri l-kapaċità tagħha li tikseb l-għan leġittimu mfittex. It-tieni komponent jirrigwarda n-neċessità tagħha u jimplika li l-imsemmi għan leġittimu ma jistax jintlaħaq b’mezzi inqas onerużi, iżda daqstant xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund, C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 69). Fl-aħħar nett, it-tielet komponent, xi drabi kklassifikat bħala “proporzjonalità fis-sens strett”, jirrigwarda n-natura proporzjonata tagħha, jiġifieri l-assenza ta’ inkonvenjenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2013, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑370/11, EU:T:2013:113, punt 89, u tas-26 ta’ Settembru 2014, Romonta vs Il-Kummissjoni, T‑614/13, EU:T:2014:835, punt 74).

74

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-komponent relatat man-neċessità tal-miżura nnotifikata, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex tiddeċiedi b’mod astratt fuq il-miżuri alternattivi kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati, peress li, għalkemm l-Istat Membru kkonċernat għandu jesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà adottati, huwa ma huwiex obbligat juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra, mid-definizzjoni tagħha ipotetika, ma tista’ tippermetti li jiġi żgurat l-għan imfittex b’mod aħjar. Għalkemm l-imsemmi Stat Membru ma huwiex suġġett għal tali obbligu, rikorrent ma jistax ikun iġġustifikat li jitlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tieħu post l-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-kompitu ta’ tiftix regolatorju sabiex teżamina kull miżura alternattiva possibbli (ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti jikkontestaw, permezz ta’ dan il-motiv, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ skema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni qieset kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, għandu jitfakkar li din tal-aħħar tibbenefika, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukoll għal dik tal-eżattezza materjali tal-fatti u tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ żball ta’ liġi u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks,C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Fl-ewwel lok, kif ġie enfasizzat fil-punt 32 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-miżura nnotifikata għandha l-għan li tikseb tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku fil-kuntest ta’ pressjoni qawwija ta’ żieda fil-prezzijiet tal-kombustibbli marbuta ma’ kuntest ta’ kriżi li s-swieq nazzjonali u internazzjonali għandhom jaffaċċjaw. Issa, minn naħa, il-materjalità ta’ dan il-kuntest ta’ kriżi u tal-effetti tiegħu fuq il-prezzijiet ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, tali għan huwa konformi ma’ dak previst fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, intiż sabiex “jirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.

77

Fit-tieni lok, kif ġie enfasizzat ukoll fil-punt 32 iktar ’il fuq, il-miżura nnotifikata tfittex li tilħaq dan l-għan permezz tas-sussidju ta’ ċerti sorsi tal-elettriku sabiex jinkiseb tnaqqis fil-prezz fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, li għandu jwassal, konsegwentement, għal tnaqqis fis-suq tal-bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 33 sa 35 u 53 sa 56 iktar ’il fuq, it-trasferiment tat-tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, minbarra f’dak li jirrigwarda l-kuntratti rregolati, jaqa’ taħt l-applikazzjoni tal-operat tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

78

F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fil-punti 131 sa 134 tad-deċiżjoni kkontestata li, fl-assenza tal-miżura nnotifikata, l-operat tal-kompetizzjoni ma kienx jippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet leġittimi.

79

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li kemm l-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament 2019/943 kif ukoll l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2019/944 jippromwovu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet tal-elettriku abbażi tal-provvista u tad-domanda. L-imsemmija artikoli jippreċiżaw li “l-prezzijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tad-domanda u l-provvista”, “ir-regoli tas-suq għandhom jinkoraġġixxu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet u għandhom jevitaw l-azzjonijiet li jipprevjenu l-formazzjoni tal-prezzijiet abbażi tad-domanda u l-provvista”, “[i]l-fornituri għandhom ikunu ħielsa li jiddeterminaw il-prezz li bih jipprovdu l-elettriku lill-klijenti” u “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet xierqa biex jiżguraw kompetizzjoni effettiva bejn il-fornituri”.

80

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura nnotifikata, sa fejn tillimita l-intervent dirett tal-awtoritajiet nazzjonali għall-formazzjoni tal-prezzijiet tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u ma testendihx għas-suq tal-bejgħ bl-imnut, ħlief f’dak li jirrigwarda l-kuntratti rregolati, tippreżerva kemm jista’ jkun il-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet tal-elettriku abbażi tal-provvista u tad-domanda li jinsabu fir-Regolament 2019/943 u fid-Direttiva 2019/944.

81

It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li t-tnaqqis fil-prezz tal-elettriku fis-suq tal-bejgħ bl-imnut kellu jitfittex billi tiġi prevista l-possibbiltà għax-xerrejja f’dan is-suq li jinnotifikaw il-ftehimiet tagħhom ta’ xiri ta’ elettriku sabiex jibbenefikaw, bħala tali, minn eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjoni, huma jressqu approċċ alternattiv għal dak iffavorit mill-Istati Membri u approvat mill-Kummissjoni, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni.

82

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-approċċ li għalih jirreferu r-rikorrenti jitbiegħed iktar mil-loġika tal-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet li jirriżulta mid-Direttiva 2019/944 u mir-Regolament 2019/943 u għalhekk ma jistax jitqies li huwa neċessarju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 iktar ’il fuq.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-miżura nnotifikata tar-Regolament 2019/943 u tad-Direttiva 2019/944

84

Ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-miżura nnotifikata titbiegħed mill-prinċipju ta’ ffissar liberu tal-prezzijiet, din kellha tkun konformi mal-kundizzjonijiet li jippermettu deroga mill-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, li jinsab fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2019/944, li ma kienx il-każ, minħabba l-effetti tal-miżura nnotifikata fuq il-konsumaturi tal-elettriku li jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħalhom.

85

Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat esklużivament fuq il-premessa li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tax-xerrejja tal-elettriku fis-suq tal-bejgħ bl-imnut li kkonkludew ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud mill-ewwel, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 43 sa 48 iktar ’il fuq, kif ġustament isostnu l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

86

Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni u, b’mod iktar ġenerali, l-Unjoni ħeġġew il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji, b’mod partikolari bl-għan tal-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli. Minn dan huma jiddeduċu li huma setgħu leġittimament jistennew li ma jiġux ittrattati b’mod inqas tajjeb mill-impriżi li ma kinux fittxew li jkopru r-riskji tas-suq, li jorganizzaw ruħhom aħjar u li jkunu inqas inkwinanti.

87

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, issostni li ma setgħet tinħoloq ebda aspettattiva leġittima fi ħdan ir-rikorrenti.

88

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u l-possibbiltà li jiġi invokat hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fir-rigward tiegħu istituzzjoni, billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, toħloq aspettattivi fondati (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il-Kummissjoni, C‑510/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:696, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Tikkostitwixxi tali assigurazzjoni, tkun xi tkun il-forma li taħtha tkun ikkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS et vs Il-Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, EU:T:2006:47, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni nisslet fir-rigward tagħhom aspettattivi leġittimi li l-konsumaturi finali li rrikorrew għal ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjari kellhom jiġu ttrattati tal-inqas b’mod favorevoli daqs dawk li kkonkludew tipi oħra ta’ ftehimiet.

91

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punti 46 sa 48 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova li turi li informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli kienet tipprevedi li s-sitwazzjoni tal-konsumaturi li jirrikorru għal ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku finanzjarji kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-kompetenzi tagħha ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

92

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

93

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi mressqa mir-rikorrenti ma jista’ juri li l-Kummissjoni kellha tirrileva l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jimplikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-miżura nnotifikata.

94

Ir-rikors għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

95

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li dawn jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta’ l-aħħar.

96

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

PGI Spain, SL, Berry Superfos Pamplona, SA, Promens Packaging, SA, RPC Envases, SA u Zeller Plastik España, SL huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess u kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Van der Woude

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Steinfatt

Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.