IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.5.2026
COM(2026) 242 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija
1.Introduzzjoni
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2018/643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill() jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni tista’ teżerċita din is-setgħa biex tqis żviluppi ġodda li jirrikjedu ċerti dettalji tekniċi li jkunu jridu jiġu definiti ħalli jiżguraw l-armonizzazzjoni tal-istatistika. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati sabiex:
Øtadatta d-definizzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punti (8), (9), (10), (21), (22) u (23) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 3;
Øtistabbilixxi definizzjonijiet tekniċi addizzjonali.
Meta teżerċita s-setgħa tagħha, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew ir-rispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid tiġġustifika l-azzjonijiet statistiċi stabbiliti f’dawk l-atti delegati, bl-użu, meta xieraq, ta’ analiżi tal-kosteffettività li tivvaluta l-piż fuq ir-rispondenti u l-kostijiet tal-produzzjoni.
Kif speċifikat fl-Artikolu 10(4), qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni trid tikkonsulta esperti deżinjati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet().
2.Bażi legali
Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/643, is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mit-13 ta’ Diċembru 2016. Id-delega tas-setgħa trid tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ 5 snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni. Il-Kummissjoni trid tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin. Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport fl-2021(). Dan huwa t-tieni rapport.
3.Eżerċitar tad-delega
Minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2018/643, il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament.
Il-Grupp ta’ esperti dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija u l-Grupp ta’ koordinazzjoni għall-Istatistika dwar it-trasport iddiskutew it-titjib possibbli tal-istatistika tat-trasport bil-ferrovija u fil-ġejjieni se jibqgħu jiddiskutuh. Il-kostijiet u l-piżijiet potenzjali għall-Istati Membri huma diskussi regolarment.
Il-ħtiġijiet statistiċi li qed jevolvu, li joriġinaw mill-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti (il-miri għall-2020-2050) () u inizjattivi politiċi oħra, bħall-politika tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T)(), ir-Regolament dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija (eFTI)(), il-pjan tal-UE għall-ferroviji ta’ veloċità għolja() u l-politiki dwar l-użu tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja fiż-żona ferrovjarja unika Ewropea(), fil-ġejjieni jaf jirrikjedu li l-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tadatta jew tissupplimenta d-definizzjonijiet tekniċi fir-Regolament (UE) 2018/643.