European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2499

13.11.2026

It-testi oriġinali tan-NU/KEE biss għandhom effett legali skont id-dritt internazzjonali pubbliku. L-istatus u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu vverifikati fl-aħħar verżjoni tad-dokument tal-istatus tan-NU/KEE TRANS/WP.29/343, li jinsab fuq dan l-indirizz: https://unece.org/status-1958-agreement-and-annexed-regulations

Ir-Regolament tan-NU Nru 183 - Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura fir-rigward ta’ sistema ta’ Twissija Avvanzata tad-Distrazzjoni tas-Sewwieq (ADDW) [2026/2499]

Data tad-dħul fis-seħħ: Settembru 2026 (għad trid tiġi kkonfermata)

Dan id-dokument huwa maħsub esklużivament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni. It-test awtentiku u legalment vinkolanti huwa: ECE/TRANS/WP.29/2026/40

Werrej

Regolament

0.

Introduzzjoni

1.

Kamp ta’ Applikazzjoni

2.

Definizzjonijiet

3.

Applikazzjoni għall-approvazzjoni

4.

Approvazzjoni

5.

Rekwiżiti tekniċi

6.

Modifika tat-tip ta’ vettura u estensjoni tal-approvazzjoni

7.

Konformità tal-produzzjoni

8.

Penali għan-nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

9.

Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

10.

Ismijiet u indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip

Annessi

1

Komunikazzjoni

2

Arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni

3

Pakkett ta’ dokumentazzjoni dwar il-funzjonalità tas-sistema ta’ Twissija Avvanzata tad-Distrazzjoni tas-Sewwieq

4

Pakkett ta’ dokumentazzjoni dwar l-effettività tas-sistema ta’ Twissija Avvanzata tad-Distrazzjoni tas-Sewwieq

5

Proċedura għall-ittestjar tal-verifika fuq il-post

0.   Introduzzjoni

0.1.

Dan ir-Regolament tan-NU fil-forma oriġinali tiegħu (serje ta’ emendi 00) huwa allinjat mill-qrib mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-UE (UE) 2023/2590 għas-sistemi ta’ twissija avvanzata tad-distrazzjoni tas-sewwieq, b’differenzi żgħar, inklużi għaċ-ċarezza u/jew korrezzjonijiet editorjali fejn rilevanti. Xi materjal ta’ referenza ġie wkoll mid-dokument intitolat “ADDW Q&A: Answers to the questions raised by Stakeholders on the application of the rules on Advanced Driver Distraction Warning set out in the Delegated Regulation (EU) 2023/2590”.

0.2.

Id-distrazzjoni hija meqjusa bħala problema serja u li qed tikber tas-sikurezza fit-toroq madwar id-dinja. Meta sewwieq ikun distratt, l-attenzjoni tiegħu tiġi ddevjata minn attivitajiet kritiċi għas-sewqan sikur u lejn attività li tikkompeti, li tfixkel il-prestazzjoni. L-istat ta’ sewwieq matul event ta’ distrazzjoni tipikament ikun temporanju, u bħala tali d-distrazzjoni tista’ sseħħ bl-istess mod fil-bidu tas-sewqan u/jew fi kwalunkwe ħin ieħor matul il-vjaġġ tas-sewqan.

0.3.

Forma komuni ta’ distrazzjoni hija “distrazzjoni viżiva”, pereżempju meta sewwieq ikun qed jaqra messaġġ fuq mowbajl jew informazzjoni fuq menù jew kontroll tal-konsol tal-vettura. F’każijiet bħal dawn, id-distrazzjoni viżiva tista’ tkun akkumpanjata minn “distrazzjoni manwali”, fejn is-sewwieq ikun qed iżomm u/jew iħaddem apparat jew kontroll għajr dak meħtieġ għas-sewqan sikur.

0.4.

Dan ir-regolament għandu fil-mira d-detezzjoni ta’ eventi ta’ distrazzjoni viżiva relattivament twal (aktar milli intermittenti) f’żona speċifika tal-kabina tal-vettura. Ma jindirizzax distrazzjoni viżiva barra minn din iż-żona speċifika, distrazzjoni intermittenti (b’durata qasira), jew distrazzjoni konjittiva. Huwa antiċipat li fis-serje futura ta’ emendi ta’ dan ir-regolament, ir-rekwiżiti tekniċi se jiġu żviluppati ulterjorment biex jitqiesu l-iżviluppi li għaddejjin fit-teknoloġiji ta’ twissija tad-distrazzjoni tas-sewwieq, inkluż biex tittejjeb l-effettività ta’ dawn is-sistemi u jiżdiedu l-benefiċċji għas-sikurezza fit-toroq.

0.5.

L-effetti tal-indeboliment tas-sewwieq mid-distrazzjoni jistgħu jinkludu żieda fil-ħinijiet ta’ reazzjoni u diffikultà biex tinżamm veloċità kostanti u/jew pożizzjoni fil-korsija. Dan jippreżenta periklu konsiderevoli ta’ sikurezza waqt is-sewqan fi traffiku b’densità għolja u f’żoni urbani, kif ukoll matul kundizzjonijiet tat-tip ta’ awtostrada aktar miftuħa b’veloċitajiet akbar. Barra minn hekk, hemm riskju konsiderevoli li jseħħ event ta’ distrazzjoni f’dan l-ispettru ta’ kundizzjonijiet tas-sewqan.

0.6.

Is-severità tal-ħabtiet relatati mad-distrazzjoni tista’ tkun partikolarment għolja, peress li s-sewwieqa li jkunu distratti jkunu anqas probabbli li jirreaġixxu b’mod effettiv biex inaqqsu s-severità ta’ impatt imminenti (eż. jibbrejkjaw, idawru l-isteering biex jevitaw impatt serju, eċċ.).

0.7.

Sistema ta’ Twissija Avvanzata tad-Distrazzjoni tas-Sewwieq (ADDW) tista’ tintuża biex timmonitorja direttament l-attenzjoni viżiva tas-sewwieq (eż. bl-użu ta’ kameras biex tiddetermina d-direzzjoni tal-ħarsa tas-sewwieq fil-kabina tal-vettura). Is-sistema se tkun tista’ tipprovdi twissija jekk is-sewwieq jiġi vvalutat li jkun distratt.

0.8.

Hemm xi sottogruppi ta’ vetturi fejn il-benefiċċju ta’ sistema tal-ADDW jista’ jkun aktar limitat minħabba li jintużaw primarjament f’kundizzjonijiet oħra għajr it-traffiku b’densità għolja u l-awtostradi (eż. vetturi tal-kategorija G, vetturi tal-kostruzzjoni, eċċ.). F’xi każijiet (eż. vetturi tal-kategorija G, vetturi tal-kostruzzjoni li jintużaw l-aktar f’żoni off-road u f’mogħdijiet biż-żrar, vetturi militari), l-ambjent operattiv u/jew il-mod li bih jintużaw il-vetturi jista’ jwassal għal għadd kbir ta’ twissijiet tad-distrazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn ir-riskju reali tas-sikurezza ma jkunx sinifikanti, jew għal diffikultà akbar fid-detezzjoni affidabbli ta’ eventi ta’ distrazzjoni. Irrispettivament mill-benefiċċju, jista’ jkun hemm ukoll xi tipi ta’ vetturi li għalihom l-installazzjoni ta’ sistema tal-ADDW tkun teknikament diffiċli jew mhux fattibbli (eż. vetturi bi skop speċjali).

0.9.

Il-paragrafu 1.2. jiddikjara li dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-liġijiet nazzjonali jew reġjonali relatati mal-privatezza, mal-protezzjoni tad-data u mal-ipproċessar ta’ data personali. Dan ifisser li kwalunkwe Parti Kontraenti li tapplika dan ir-regolament tista’ tippreskrivi kwalunkwe rekwiżit addizzjonali bħal dan permezz tal-liġijiet tagħha. Is-Servizzi Tekniċi u l-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni mhux se jivvalutaw il-konformità ma’ kwalunkwe liġi reġjonali jew nazzjonali bħal din bħala parti minn applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tal-ADDW tagħha. Din hija kwistjoni għall-awtoritajiet reġjonali u/jew nazzjonali rilevanti, kif ukoll għall-manifatturi tal-vetturi.

Pereżempju, sistema tal-ADDW tista’ tuża d-data minn kameras li jimmonitorjaw l-okkupanti tal-vettura. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jagħżlu li jispeċifikaw ir-rekwiżiti fil-liġi reġjonali jew nazzjonali biex jipprevjenu li din id-data tintuża biex tiġi kkonfermata l-identifikazzjoni unika ta’ kwalunkwe persuna fiżika.

Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ liġijiet aktar ġenerali dwar il-privatezza, u/jew rekwiżiti tekniċi speċifiċi, inkluż pereżempju li kwalunkwe data tinżamm f’sistema ta’ ċirkwit magħluq għal mhux aktar milli jkun meħtieġ biex is-sistema twettaq il-funzjoni ta’ sikurezza tagħha, u biex jiġi pprevenut aċċess mhux awtorizzat. Jenħtieġ li l-Partijiet Kontraenti jikkunsidraw ukoll il-possibbiltà li data personali bijometrika, u/jew il-ħżin ta’ data storika ta’ sewwieq partikolari, tista’ tintuża biex tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema tal-ADDW. Sistemi bħal dawn jistgħu pereżempju jfittxu permess mingħand sewwieq u din it-talba tista’ tkun akkumpanjata minn informazzjoni ta’ spjegazzjoni tal-bidliet fis-sistema li se jiġu implimentati u r-raġunijiet għal dawk il-bidliet.

0.10.

[Riżervat].

1.   Kamp ta’ Applikazzjoni

1.1.

Dan ir-Regolament japplika għal vetturi tal-kategoriji M u N. (1)

1.2.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-liġijiet nazzjonali jew reġjonali relatati mal-privatezza, mal-protezzjoni tad-data u mal-ipproċessar ta’ data personali.

1.3.

Dan ir-Regolament ma japplikax għal vetturi tal-kategoriji X u Y. (1)

2.   Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

2.1.

“Sistema ta’ Twissija Avvanzata tad-Distrazzjoni tas-Sewwieq (ADDW)” tfisser sistema li tivvaluta l-attenzjoni viżiva tas-sewwieq u twissi lis-sewwieq permezz tal-Interfaċċa Bniedem-Magna tal-vettura meta jiġi vvalutat li jkun distratt.

2.2.

“Approvazzjoni tat-tip ta’ vettura” tfisser il-proċedura kollha li permezz tagħha Parti Kontraenti għall-Ftehim tiċċertifika li tip ta’ vettura jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi ta’ dan ir-Regolament.

2.3.

“Data bijometrika personali” tfisser data personali li tirriżulta minn ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta’ persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna fiżika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ jew id-data tal-marki tas-swaba’.

2.4.

“Interfaċċa Bniedem-Magna (HMI)” tfisser l-interfaċċa tal-utent tal-vettura li tippermetti lill-bniedem jattiva u jinteraġixxi mal-komponenti tas-software tal-vettura, inkluż għall-osservazzjoni tal-istatus tiegħu.

2.5.

“Sitwazzjoni mhux nominali” tfisser sitwazzjoni fejn is-sistema tal-ADDW tkun affettwata minn elementi relatati mas-sewwieq, mal-vettura, mal-ambjent jew minn elementi oħra, u li tibqa’ fil-limiti tal-konfini tas-sistema ddikjarati fil-pakkett ta’ dokumentazzjoni tal-manifattur deskritt fl-Annessi 3 u 4.

2.6.

“Punt ta’ referenza okulari” tfisser ir-referenza unika għall-għajnejn użata fid-disinn tal-vettura.

2.7.

“Imġiba ta’ skattar” tfisser l-azzjoni tas-sewwieq li għaliha s-sistema tal-ADDW timmonitorja u tipprovdi twissija lis-sewwieq ladarba sseħħ din l-azzjoni.

2.8.

“Tip ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tal-ADDW tagħha” tfisser kategorija ta’ vetturi li ma tvarjax f’aspetti essenzjali bħal:

(a)

l-isem kummerċjali jew it-trademark tal-manifattur;

(b)

it-tip u d-disinn tas-sistema tal-ADDW, inklużi iżda mhux limitati għal:

(i)

il-metodu/i użat(i) fil-valutazzjoni ta’ sewwieq distratt;

(ii)

il-funzjonalità u l-prestazzjoni minima tas-sensur(i) użat(i) fis-sistema tal-ADDW;

(iii)

il-metodi, l-istrateġija u l-karatteristiċi tas-sistema ta’ twissija; u

(c)

il-karatteristiċi u s-sistemi tal-vettura li jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-funzjonament jew il-prestazzjoni tas-sistema tal-ADDW.

3.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni

3.1.

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tal-ADDW tagħha għandha tiġi sottomessa mill-manifattur tal-vettura jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

3.2.

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward tas-sistema tal-ADDW tiegħu għandha tkun akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)

in-numri u/jew is-simboli li jidentifikaw it-tip ta’ vettura;

(b)

deskrizzjoni tat-tip ta’ vettura, inkluż b’mod partikolari fir-rigward tal-punti msemmija fil-paragrafu 2.8.;

(c)

pakkett ta’ dokumentazzjoni li jagħti d-dettalji dwar kif taħdem is-sistema tal-ADDW, f’konformità mal-Anness 3; u

(d)

pakkett ta’ dokumentazzjoni li jivvalida l-effettività tas-sistema tal-ADDW, f’konformità mal-Anness 4.

3.2.1.

Il-pakketti ta’ dokumentazzjoni stabbiliti fl-Annessi 3 u 4 għandhom jiġu pprovduti lill-Awtorità tal-Approvazzjoni u lis-Servizz Tekniku qabel l-eżekuzzjoni tal-ittestjar tal-verifika fuq il-post stabbilit fl-Anness 5.

3.3.

Vettura li tirrappreżenta t-tip ta’ vettura li għandha tiġi approvata għandha tiġi sottomessa lis-Servizz Tekniku responsabbli għall-valutazzjoni tad-dokumentazzjoni teknika sottomessa mill-manifattur u għat-twettiq tat-testijiet tal-verifika.

4.   Approvazzjoni

4.1.

Jekk it-tip ta’ vettura sottomess għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-paragrafu 5. ta’ hawn taħt, għandha tingħata l-approvazzjoni għal dak it-tip ta’ vettura.

4.1.1.

Il-konformità tat-tip ta’ vettura mar-rekwiżiti tekniċi fil-paragrafu 5. ta’ hawn taħt, għandha tintwera mill-manifattur permezz tas-sottomissjoni ta’ pakketti ta’ dokumentazzjoni f’konformità mal-Anness 3 u l-Anness 4.

4.1.2.

Is-Servizz Tekniku għandu jivverifika li t-tip ta’ vettura sottomess għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-paragrafu 5. ta’ hawn taħt u jgħaddi mill-ittestjar tal-verifika fuq il-post stabbilit fl-Anness 5.

4.2.

Għandu jiġi assenjat numru tal-approvazzjoni lil kull tip approvat f’konformità mal-Iskeda 4 tal-Ftehim (E/ECE/TRANS/505/Rev.3). L-istess Parti Kontraenti ma għandhiex tassenja l-istess numru lill-istess tip ta’ vettura mgħammar b’tip ieħor ta’ sistema tal-ADDW, jew lil tip ieħor ta’ vettura.

4.3.

Avviż dwar l-approvazzjoni, l-estensjoni, ir-rifjut jew l-irtirar tal-approvazzjoni, skont dan ir-Regolament għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola li tkun tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1.

4.4.

Ma’ kull vettura li tikkonforma ma’ tip ta’ vettura approvat skont dan ir-Regolament, għandha titwaħħal, b’mod li jidher u f’post li huwa faċilment aċċessibbli li jiġi speċifikat fuq il-formola tal-approvazzjoni, marka ta’ approvazzjoni internazzjonali li tikkonforma mal-mudell deskritt fl-Anness 2 u li tikkonsisti minn:

(a)

ċirku madwar l-ittra “E” segwit min-numru li jiddistingwi n-numru tal-pajjiż li ta l-approvazzjoni; (2) u

(b)

in-numru ta’ dan ir-Regolament, segwit mill-ittra “R”, sing u n-numru tal-approvazzjoni fuq il-lemin taċ-ċirku stabbilit f’dan il-paragrafu.

4.4.1.

Jekk il-vettura tkun konformi ma’ tip ta’ vettura approvat, skont Regolament ieħor jew Regolamenti oħra annessi mal-Ftehim fil-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, is-simbolu stabbilit fil-paragrafu 4.4. ma għandux għalfejn jiġi ripetut; f’dan il-każ, in-numri tar-Regolament u tal-approvazzjoni flimkien mas-simboli addizzjonali tar-Regolamenti kollha li skonthom ingħatat l-approvazzjoni fil-pajjiż li ta l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu f’kolonni vertikali fuq il-lemin tas-simbolu stabbilit fil-paragrafu 4.4.

4.5.

Il-marka tal-approvazzjoni għandha tkun tinqara b’mod ċar u ma tkunx tista’ titħassar.

4.6.

Il-marka tal-approvazzjoni għandha titqiegħed qrib il-pjanċa tad-data tal-vettura jew fuqha.

5.   Rekwiżiti tekniċi

5.1.   Applikabbiltà

5.1.1.

Kwalunkwe vettura mgħammra b’sistema tal-ADDW li tissodisfa d-definizzjoni fil-paragrafu 2.1. ta’ hawn fuq, għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 5.2. sa 5.7. ta’ hawn taħt.

5.2.

Rekwiżiti tekniċi ġenerali

5.2.1.

Sistema tal-ADDW għandha tiddetermina meta l-attenzjoni viżiva tas-sewwieq ma tkunx diretta lejn il-kompiti tas-sewqan u twissi lis-sewwieq permezz tal-HMI tal-vettura.

5.2.2.

Is-sistema tal-ADDW għandha tkun disinjata biex timminimizza r-rata ta’ errur tas-sistema (pożittiv falz) f’kundizzjonijiet reali ta’ sewqan.

5.2.3.

Is-sistema tal-ADDW u kwalunkwe sistema oħra li twissi lis-sewwieq meta dan ikun imħeddel, għandhom ikunu disinjati biex jevitaw id-duplikazzjoni u ma jinnotifikawx lis-sewwieq separatament u fl-istess ħin, jew b’mod li joħloq konfużjoni, meta azzjoni waħda tiskatta ż-żewġ sistemi.

5.2.4.

L-effettività tas-sistema tal-ADDW ma għandhiex tiġi affettwata b’mod avvers minn kampijiet manjetiċi jew elettriċi. Dan għandu jintwera billi jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tekniċi u billi jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tas-serje ta’ emendi 06 jew aktar tard tar-Regolament tan-NU Nru 10.

5.3.   Kontroll tas-sistema tal-ADDW

5.3.1.

Is-sistema tal-ADDW għandha tiġi attivata awtomatikament f’veloċità ta’ aktar minn 20 km/h, ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 5.3.2. sa 5.3.6. ta’ hawn taħt. Il-manifattur tal-vettura jista’ jagħżel li jistabbilixxi l-attivazzjoni awtomatika tas-sistema tal-ADDW b’veloċità aktar baxxa.

5.3.1.1.

Huwa permess perjodu kumulattiv ta’ mhux aktar minn minuta (1) ta’ sewqan b’veloċitajiet ta’ ≥ 20 km/h sabiex is-sistema tibda tkejjel l-istat tas-sewwieq u tikkalibra ruħha.

5.3.2.

Għandu jkun possibbli għas-sewwieq li jiddiżattiva manwalment jew it-twissija tas-sistema tal-ADDW jew is-sistema tal-ADDW, skont liema miż-żewġ possibbiltajiet (jew it-tnejn) il-manifattur tal-vettura jkun għażel li jagħmel possibbli.

5.3.3.

Fejn definita minn qabel mill-manifattur, is-sistema tal-ADDW tista’ tiġi diżattivata awtomatikament fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta sistema oħra tieħu f’idejha l-kompitu tas-sewqan dinamiku kollu fuq bażi sostnuta;

(b)

meta sistema tal-vettura mħaddma mis-sewwieq, li tassisti lis-sewwieq uman fil-kontroll tal-moviment lonġitudinali u laterali fuq bażi sostnuta, tkun attiva u jkun fiha sistema ta’ monitoraġġ tas-sewwieq li tivvaluta b’mod komprensiv l-attenzjoni viżiva jew id-diżimpenn viżiv tas-sewwieq u twissi lis-sewwieq permezz tal-HMI tal-vettura meta dan jiġi vvalutat li jkun distratt – pereżempju sistema ta’ monitoraġġ tal-istat tas-sewwieq f’konformità mar-Regolament tan-NU Nru 171 (dwar is-sistemi ta’ assistenza fil-kontrol għas-sewwieq).

5.3.4.

Is-sistema tal-ADDW għandha tiġi attivata mill-ġdid awtomatikament hekk kif il-kundizzjonijiet li wasslu għad-diżattivazzjoni awtomatika tagħha ma jibqgħux preżenti.

5.3.4.1.

Fil-kuntest tal-paragrafu 5.3.3. (a), il-kompitu tas-sewqan dinamiku għandu jinkludi l-funzjonijiet operazzjonali kollha f’ħin reali u l-funzjonijiet tattiċi meħtieġa biex titħaddem il-vettura, esklużi l-funzjonijiet strateġiċi bħall-iskedar tal-vjaġġ u l-għażla tad-destinazzjonijiet u tal-waypoints u inklużi s-sottokompiti li ġejjin:

(a)

kontroll tal-moviment laterali tal-vettura permezz tal-isteering (operazzjonali);

(b)

kontroll tal-moviment lonġitudinali tal-vettura permezz tal-aċċellerazzjoni u tad-deċellerazzjoni(operazzjonali);

(c)

monitoraġġ tal-ambjent tas-sewqan permezz tad-detezzjoni, tar-rikonoxximent, tal-klassifikazzjoni tal-oġġetti u tal-eventi, u t-tħejjija tar-rispons (operazzjonali u tattiku);

(d)

eżekuzzjoni tar-rispons fir-rigward tal-oġġetti u tal-eventi (operazzjonali u tattiku);

(e)

pjanar tal-manuvri (tattiku); u

(f)

titjib tal-kospikwità permezz tat-tidwil, tad-daqq tal-ħorn, tas-sinjalar jew tal-ġesti (tattiku).

5.3.5.

Is-sistema tal-ADDW ma għandhiex tiġi ddiżattivata awtomatikament skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5.7., iżda t-twissijiet tad-distrazzjoni tas-sistema tal-ADDW jistgħu jiġu ddiżattivati awtomatikament. L-emissjoni tat-twissija tad-distrazzjoni għandha tiġi riattivata awtomatikament hekk kif il-kundizzjonijiet li wasslu għad-diżattivazzjoni tagħha ma jibqgħux preżenti.

5.3.6.

L-emissjoni tat-twissijiet tad-distrazzjoni mis-sistema tal-ADDW tista’ titrażżan awtomatikament f’kundizzjonijiet li fihom sistemi oħra ta’ assistenza għas-sewqan ikunu qed iwissu dwar periklu imminenti jew sitwazzjoni kritika, iżda ma hijiex kundizzjoni għad-diżattivazzjoni awtomatika tas-sistema tal-ADDW.

5.3.6.1.

Jenħtieġ li l-funzjoni tat-twissija tad-distrazzjoni tiġi attivata mill-ġdid awtomatikament malli l-kundizzjonijiet li wasslu għat-trażżin tagħha ma jibqgħux preżenti.

5.3.7.

Is-sistema tad-ADDW, inklużi t-twissijiet tal-HMI, għandha terġa’ tiġi attivata awtomatikament fil-modalità ta’ tħaddim normali ma’ kull bidu tas-sistema tal-motopropulsjoni. (3) , (4). Jistgħu jiġu introdotti kundizzjonijiet oħra ta’ ristabbiliment awtomatiku u miżjuda mill-manifattur tal-vettura.

5.4.   Kundizzjonijiet ambjentali

5.4.1.

Is-sistema tal-ADDW għandha topera b’mod effettiv kemm binhar kif ukoll billejl.

5.4.2.

Is-sistema tal-ADDW għandha topera fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet tat-temp li jillimitaw it-tħaddim tas-sistema. Il-manifattur huwa meħtieġ jipprovdi dokumentazzjoni li tinkludi l-kundizzjonijiet tat-temp u tad-dawl li fihom is-sistema taħdem b’mod effettiv, f’konformità mal-paragrafu 1. (c) tal-Anness 4.

5.5.   Monitoraġġ tad-distrazzjoni tas-sewwieq

5.5.1.

Il-preżenza tal-ħarsa tas-sewwieq għandha tiġi mmonitorjata mis-sistema tal-ADDW fiż-żoni ta’ interess imsemmija fil-paragrafi 5.5.1.4. sa 5.5.1.6.

5.5.1.1.

Il-ħarsa tas-sewwieq titqies li tibda mill-punt ta’ referenza okulari definit kif ġej:

5.5.1.2.

Għall-vetturi tal-kategoriji M u N, il-punt ta’ referenza okulari għandu jkun iċ-ċentru tal-punti okulari tas-sewwieq, kif definit fir-Regolament tan-NU 46 (dwar apparati għall-viżjoni indiretta) li jinkorpora s-serje ta’ emendi 04 jew aktar tard. Għalhekk, il-koordinati tal-punt tal-għajn huma 635 mm vertikalment ’il fuq mill-punt R tas-sit tas-sewwieq (billi l-punt “R” huwa diġà stabbilit fir-rigward tal-marki ta’ fiduċja definiti mill-manifattur tal-vettura).

5.5.1.3.

Inkella, għall-vetturi tal-kategoriji M2, M3, N2, u N3 li ma humiex ibbażati fuq pjattaforma M1, il-punt ta’ referenza okulari jista’ jkun il-punt tal-għajn E2 kif definit fir-Regolament tan-NU Nru 167 (dwar il-vetturi bil-mutur fir-rigward tal-viżjoni diretta tagħhom) li jinkorpora s-serje ta’ emendi 00 jew aktar tard. Il-punt tal-għajn E2 huwa punt li jirrappreżenta l-punt tan-nofs bejn iċ-ċentru tal-għajn tax-xellug u tal-lemin tas-sewwieq, E2 huwa definit minn spustar mill-punt tal-għarqub tal-aċċelleratur ta’ 1 163,25 mm fl-assi Z (vertikali), u 678 mm lura fl-assi X (lonġitudinali). Il-pożizzjoni ta’ E2 fl-assi Y (laterali) hija fuq pjan vertikali, parallel mal-pjan lonġitudinali medjan u li tgħaddi miċ-ċentru tas-sit tas-sewwieq.

5.5.1.4.

Iż-żona 1 hija ddeżinjata bħala sovrappożizzjoni taż-żoni li ġejjin (irreferi għall-Illustrazzjoni I):

(a)

is-saqaf tal-vettura;

(b)

kwalunkwe żona fil-vettura li tkun barra (fir-rigward tad-direzzjoni li tħares ’il quddiem tas-sewwieq meqjusa bħala 0° ta’ orjentazzjoni) iż-żewġ pjani vertikali, wieħed, imdawwar +55° (lejn il-lemin) u wieħed imdawwar –55 ° (lejn ix-xellug) fir-rigward tad-direzzjoni lonġitudinali tal-vettura, iż-żewġ pjani jinkroċjaw fil-punt ta’ referenza okulari kif definit hawn taħt.

Illustrazzjoni I

Deżinjazzjoni taż-Żona 1 (li turi s-sitwazzjoni tas-sewqan fuq ix-xellug)

Image 1

5.5.1.5.

Iż-Żona 2 hija ddeżinjata bħala l-unjoni taż-żoni elenkati hawn taħt (irreferi għall-Illustrazzjoni II):

(a)

iż-żona tal-windskrin u tat-twieqi;

(b)

10° madwar iż-żona tal-windskrin u tat-twieqi kif tidher mill-punt ta’ referenza okulari.

Illustrazzjoni II

Deżinjazzjoni taż-Żona 2 (li turi s-sitwazzjoni tas-sewqan fuq ix-xellug)

Image 2

5.5.1.6.

Iż-Żona 3 hija ddeżinjata minn kwalunkwe żona taħt pjan, 30° ’l isfel mill-punt ta’ referenza okulari tas-sewwieq u mill-interazzjoni maż-Żona 1 u maż-Żona 2 deskritti hawn taħt (irreferi għall-Illustrazzjoni III):

(a)

b’mod awtomatiku, kwalunkwe żona meqjusa fiż-Żona 1 hija eskluża miż-Żona 3;

(b)

b’mod awtomatiku, kwalunkwe żona meqjusa fiż-Żona 2 hija eskluża miż-Żona 3;

(c)

il-manifattur tal-vettura jista’ jagħżel li jinkludi parti miż-żona miż-Żona 1 u/jew miż-Żona 2 għaż-Żona 3.

Illustrazzjoni III

Deżinjazzjoni taż-Żona 3 (li turi s-sitwazzjoni tas-sewqan fuq ix-xellug)

Image 3

Nota:

l-immaġni fil-qiegħ tirrappreżenta l-każ meta l-aktar parti baxxa taż-Żona 2 (windskrin flimkien ma’ 10°) tkun taħt l-angolu ta’ viżjoni vertikali ta’ 30°.

5.5.1.7.

Iż-żieda jew l-esklużjoni ta’ żona minn oħra dejjem issir mill-perspettiva tal-punt ta’ referenza okulari tas-sewwieq. Dan ifisser li huwa l-koordinat angolari li jrid jintuża meta tiġi pprojettata żona għal fuq oħra, u mhux il-koordinat spazjali.

Wara li ssir il-projezzjoni, il-koordinat spazjali jista’ jintuża biex jiddeskrivi ż-żona li tirriżulta u jissimplifika d-deskrizzjoni tagħha.

5.5.2.

Skattaturi ta’ twissija u sitwazzjonijiet koperti mis-sistema tal-ADDW

5.5.2.1.

Għandha tiġi pprovduta twissija lis-sewwieq malli japplikaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

veloċità tal-vettura ta’ 50 km/h jew aktar;

(b)

il-ħarsa tas-sewwieq fiż-Żona 3 iddum għal ħin massimu ta’ 3,5 sekondi fis-sitwazzjoni nominali. Sitwazzjonijiet mhux nominali stabbiliti fl-Anness 3, il-paragrafu 1.1., jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien massimu tas-sitwazzjoni nominali b’1,5 sekonda addizzjonali.

Kull meta jiġu ttestjati l-kundizzjonijiet elenkati f’(b), dawn għandhom jimplimentaw ħin ta’ lqugħ addizzjonali biex jikkumpensaw għall-inċertezzi tekniċi tal-kejl – irreferi għall-Anness 5, il-paragrafu 9.

5.5.2.2.

Għandha tiġi pprovduta twissija lis-sewwieq malli japplikaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-veloċità tal-vettura f’20 km/h jew aktar, u inqas minn 50 km/h;

(b)

il-ħarsa tas-sewwieq fiż-Żona 3 iddum għal ħin massimu ta’ 6 sekondi fis-sitwazzjoni nominali. Sitwazzjonijiet mhux nominali stabbiliti fl-Anness 3, il-paragrafu 1.1., jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien massimu tas-sitwazzjoni nominali b’1,5 sekonda addizzjonali.

Kull meta jiġu ttestjati l-kundizzjonijiet elenkati f’(b), dawn għandhom jimplimentaw ħin ta’ lqugħ addizzjonali biex jikkumpensaw għall-inċertezzi tekniċi tal-kejl – irreferi għall-Anness 5, il-paragrafu 9.

5.5.2.3.

It-tul ta’ ħin li matulu l-ħarsa tas-sewwieq tkun diretta lejn iż-Żona 3 għandu jingħadd meta tiġi attivata s-sistema tal-ADDW. Dan it-tul ta’ żmien jitkejjel irrispettivament mill-veloċità tal-vettura, sakemm is-sistema tal-ADDW tkun attivata u tkun tista’ tkejlu.

5.5.2.4.

It-tul ta’ żmien li matulu l-ħarsa tas-sewwieq tkun fiż-Żona 3 ma għandux jiġi rrisettjat minħabba artefatt possibbli tal-ipproċessar tal-immaġni jew bidla qasira fid-direzzjoni tal-ħarsa “ġewwa, barra u lura ġewwa” taż-Żona 3. It-tolleranza tal-ħin permessa għall-eventi deskritti għandha tiġi definita mill-manifattur tal-vettura, b’tolleranza tal-ħin minima ta’ 50 millisekonda (movimenti tal-għajnejn).

5.5.2.5.

Il-manifattur tal-vettura jista’ jagħżel li jistabbilixxi rekwiżit ta’ veloċità minima aktar baxx fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 5.5.2.1. u 5.5.2.2.

5.5.2.6.

Il-manifattur tal-vettura jista’ jimplimenta strateġiji ta’ twissija addizzjonali, abbażi ta’ input addizzjonali li jgħin lis-sistema tifhem l-imġiba, id-distrazzjoni konjittiva jew l-ambjent immedjat tas-sewwieq fil-vettura.

5.6.   Rekwiżiti tal-Interfaċċa Bniedem-Magna

5.6.1.   Natura tat-twissija

5.6.1.1.

Għandha tintuża twissija viżiva mis-sistema tal-ADDW biex tinforma lis-sewwieq u għandha tintuża twissija akustika u/jew tattili mis-sistema tal-ADDW biex twissi lis-sewwieq mill-aktar fis possibbli wara l-okkorrenza tal-imġiba tal-iskattar, u li tista’ tiżdied u tintensifika sakemm il-kundizzjoni tal-iskattar stabbilita fil-paragrafi 5.5.2.1., 5.5.2.2. jew 5.5.2.6. ma tibqax tiġi vverifikata.

It-twissija titqies li tibda meta t-twissija awdjo jew tattili tiġi preżentata lis-sewwieq.

5.6.1.2.

It-twissija provduta lis-sewwieq tista’ tiġi adattata biex tippermetti strateġija ta’ twissija bbażata fuq eventi preċedenti, l-imġiba tas-sewwieq, il-kundizzjonijiet tat-triq, it-temp u informazzjoni kuntestwali rilevanti oħra. Kwalunkwe adattament għat-twissija jrid jissodisfa l-kriterji tekniċi stabbiliti mill-paragrafi 5.6.2. sa 5.6.4.1.

5.6.2.   Twissija Viżiva

5.6.2.1.

It-twissija viżiva għandha tkun pożizzjonata b’mod li tkun viżibbli u rikonoxxibbli faċilment mis-sewwieq matul il-jum u billejl tkun tista’ tintuża għal kwalunkwe twissija ta’ attenzjoni, sakemm ma tikkawżax konfużjoni lis-sewwieq.

5.6.2.2.

It-twissija viżiva għandha tkun indikazzjoni stabbli jew li tteptep (eż. indikatur operatorju, messaġġ pop-up, eċċ.).

5.6.3.   Twissija akustika

5.6.3.1.

It-twissija akustika għandha tkun tingħaraf faċilment mis-sewwieq.

5.6.3.2.

Il-maġġoranza tat-twissija akustika għandha tkun fil-medda tal-frekwenza ta’ 200–8 000 Hz u fil-medda tal-amplitudni ta’ 50–90 dB. Il-manifattur tal-vettura jista’ jaġġusta l-amplitudni skont il-livell ta’ storbju tal-madwar.

5.6.3.3.

Jekk jintużaw twissijiet verbali, il-vokabularju użat għandu jkun konsistenti ma’ kwalunkwe test użat bħala parti mit-twissija viżiva.

5.6.3.4.

Il-porzjon li jinstema’ tat-twissija għandu jdum mill-anqas għad-durata li tippermetti lis-sewwieq jifhimha.

5.6.4.   Twissija tattili

5.6.4.1.

It-twissija tattili għandha tkun tista’ tiġi nnutata mis-sewwieq u għandha tiġi pprovduta direttament jew indirettament permezz ta’ kwalunkwe interfaċċa li mistennija tiġbed l-attenzjoni tas-sewwieq lura għall-kompitu tas-sewqan.

5.7.   Twissija ta’ falliment fis-sistema tal-ADDW

5.7.1.   Fallimenti permanenti

5.7.1.1.

Mad-detezzjoni ta’ falliment permanenti fis-sistema tal-ADDW, għandu jiġi pprovdut sinjal kostanti ta’ twissija ta’ falliment viżiv.

5.7.1.2.

Għandu jitlesta mill-inqas awtoverifika inizjali tas-sistema tal-ADDW wieħed qabel ma s-sistema tal-ADDW tkun operazzjonali. Sussegwentement, għandu jiġi indikat sinjal ta’ twissija ta’ falliment lis-sewwieq fil-każ ta’ falliment li jista’ jiġi identifikat elettrikament.

5.7.1.3.

Is-sistema għandha tirrikonoxxi event ta’ oskurazzjoni tas-sensur mhux temporanju u għandha tagħti s-sinjal ta’ twissija ta’ falliment kif stabbilit fil-paragrafu 5.7.1.1. li għandu jintwera. Event ta’ oskurazzjoni tas-sensur ikopri mill-inqas meta ma jitkejjel l-ebda dawl mis-sensur meta tiġi attivata s-sistema tal-ADDW.

5.7.1.4.

Fallimenti li jattivaw is-sinjal ta’ twissija, iżda li ma jiġux detetti meta s-sistema tal-ADDW tkun diżattivata, għandhom jinżammu mad-detezzjoni u għandhom ikomplu jintwerew minn kull bidu tas-sistema tal-motopropulsjoni (3) , (4) , sakemm il-falliment jew id-difett jippersisti.

5.7.2.   Fallimenti temporanji

5.7.2.1.

Mad-detezzjoni ta’ kundizzjoni temporanja ta’ falliment mhux elettriku, jista’ jintwera s-sinjal ta’ twissija ta’ falliment kif stabbilit fil-paragrafu 5.7.1.

5.7.2.2.

Għandha tiġi pprovduta informazzjoni lis-sewwieq dwar il-limitazzjoni kurrenti tas-sistema tal-ADDW u/jew il-limitazzjonijiet tipiċi tas-sistema tal-ADDW. Il-limitazzjonijiet ikkonċernati huma dawk li jwasslu sabiex is-sistema tal-ADDW taħdem temporanjament b’mod inadegwat għaliex ma jkunux jistgħux jiġu identifikati karatteristiċi tal-wiċċ tas-sewwieq suffiċjenti minħabba elementi eċċessivi relatati mas-sewwieq, mal-vettura, mal-ambjent jew elementi oħra li jaffettwaw il-prestazzjoni tas-sistema tal-ADDW u li ma jistgħux jiġu trattati bħala sitwazzjoni mhux nominali. Il-manifattur tal-vettura jista’ juża approċċ attiv permezz ta’ twissija viżiva addizzjonali u/jew approċċ passiv permezz ta’ informazzjoni bil-miktub.

6.   Modifikazzjoni tat-tip ta’ vettura u estensjoni tal-approvazzjoni

6.1.

Kull modifika ta’ tip ta’ vettura fir-rigward ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi nnotifikata lill-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip li approvat it-tip ta’ vettura. L-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip imbagħad għandha jew:

(a)

Tqis li l-modifiki magħmula ma għandhomx effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-approvazzjoni u tagħti estensjoni tal-approvazzjoni;

(b)

Tqis li l-modifiki li saru jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-approvazzjoni u jeħtieġu aktar testijiet jew kontrolli addizzjonali qabel ma tagħti estensjoni tal-approvazzjoni;

(c)

Tiddeċiedi, f’konsultazzjoni mal-manifattur, li għandha tinħareġ approvazzjoni tat-tip ġdida; jew

(d)

Tapplika l-proċedura li tinsab fil-paragrafu 6.1.1. (Reviżjoni) u, fejn applikabbli, il-proċedura li tinsab fil-paragrafu 6.1.2. (Estensjoni).

6.1.1.   Reviżjoni

Meta d-dettalji rreġistrati fid-dokumenti ta’ informazzjoni jkunu nbidlu u l-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip tqis li l-modifiki li saru x’aktarx ma jkollhomx effetti avversi apprezzabbli, il-modifika għandha tissejjaħ “reviżjoni”.

F’tali każ, l-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip għandha toħroġ il-paġni riveduti tad-dokumenti ta’ informazzjoni kif meħtieġ, u timmarka kull paġna riveduta biex turi b’mod ċar in-natura tal-modifika u d-data tal-ħruġ mill-ġdid.

Verżjoni konsolidata u aġġornata tad-dokumenti ta’ informazzjoni, flimkien ma’ deskrizzjoni dettaljata tal-modifika, għandha titqies li tissodisfa dan ir-rekwiżit.

6.1.2.

Estensjoni.

Il-modifika għandha tiġi deżinjata bħala “estensjoni” jekk, minbarra l-bidla fid-dettalji reġistrati fid-dokumenti ta’ informazzjoni,

(a)

ikunu meħtieġa aktar spezzjonijiet jew testijiet; jew

(b)

tinbidel xi informazzjoni dwar id-dokument ta’ komunikazzjoni (bl-eċċezzjoni ta’ partijiet annessi miegħu); jew

(c)

Tintalab l-approvazzjoni għal serje ta’ emendi aktar tard wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

6.2.

Il-konferma jew ir-rifjut tal-approvazzjoni, li tispeċifika l-alterazzjonijiet, għandha tiġi kkomunikata lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament tan-NU permezz tal-proċedura speċifikata fil-paragrafu 4.3. ta’ hawn fuq. Barra minn hekk, l-indiċi tad-dokumenti ta’ informazzjoni u tar-rapporti tat-test, mehmuż mad-dokument ta’ komunikazzjoni tal-Anness 1, għandu jiġi emendat kif xieraq biex jindika d-data tar-reviżjoni jew tal-estensjoni l-aktar reċenti.

6.2.1.

Fil-każ ta’ estensjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tassenja numru tas-serje lil kull estensjoni, li għandu jkun magħruf bħala n-numru ta’ estensjoni.

7.   Konformità tal-produzzjoni

7.1.

Il-proċeduri għall-konformità tal-produzzjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali definiti fl-Artikolu 2 fl-Iskeda 1 tal-Ftehim (E/ECE/TRANS/505/Rev.3), u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

7.1.1.

Kull vettura approvata skont dan ir-Regolament għandha tkun manifatturata b’mod li tikkonforma mat-tip approvat billi tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 5. ta’ hawn fuq; u

7.1.2.

L-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tista’ fi kwalunkwe ħin tivverifika l-konformità tal-metodi tal-kontroll applikabbli għal kull unità tal-produzzjoni. Il-frekwenza normali ta’ tali spezzjonijiet hija ta’ darba kull sentejn, filwaqt li l-frekwenza minima għandha tkun ta’ darba kull 3 snin.

8.   Penali għan-nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

8.1.

L-approvazzjoni mogħtija għal tip ta’ vettura skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 7.1.1. ta’ hawn fuq jew jekk il-vettura jew il-vetturi magħżula ma jgħaddux mill-kontrolli preskritti fil-paragrafu 7.1.2. ta’ hawn fuq.

8.2.

Jekk Parti Kontraenti għall-Ftehim li tapplika dan ir-Regolament tirtira approvazzjoni li tkun tat qabel, din għandha tgħarraf mill-ewwel b’dan lill-Partijiet Kontraenti l-oħra li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni konformi mal-mudell fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

9.   Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

9.1.

Jekk id-detentur tal-approvazzjoni jieqaf kompletament jimmanifattura tip ta’ vettura approvat f’konformità ma’ dan ir-Regolament, għandu jinforma b’dan lill-awtorità li tat l-approvazzjoni, li min-naħa tagħha għandha tinnotifika minnufih lill-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell stabbilit fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament.

10.   Ismijiet u indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip

10.1.

Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni, u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip li jagħtu l-approvazzjoni, u fejn iridu jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew l-estensjoni jew ir-rifjut jew l-irtirar tal-approvazzjoni.

(1)  Kif definit fir-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3) (id-dokument TRANS/WP.29/78/Rev.8, il-paragrafu 2) - https://unece.org/transport/vehicle-regulations/wp29/resolutions.

(2)  In-numri distintivi tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-1958 huma riprodotti fl-Anness 3 tar-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3), id-dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.8 - https://unece.org/transport/vehicle-regulations/wp29/resolutions.

(3)  Startjar tal-magna ġdid (jew ċiklu ta’ tħaddim ġdid) li jitwettaq awtomatikament, pereżempju bit-tħaddim ta’ sistema ta’ waqfien/startjar, ma jitqiesx bħala bidu tas-sistema tal-motopropulsjoni.

(4)  Kif definit fir-Riżoluzzjoni Reċiproka Nru 2 (M.R.2) tal-Ftehimiet tal-1958 u tal-1998 - Li Fihom Definizzjonijiet tas-Sistema ta’ Propulsjoni tal-Vetturi, ara d-dokument ECE/TRANS/WP.29/1121.


ANNESS 1

Komunikazzjoni

(format massimu: A4 (210 x 297 mm))

Image 4

 (1)

maħruġa minn:

Isem l-amministrazzjoni:

…

…

…

(1)  Numru distintiv tal-pajjiż li ta, estenda, ċaħad jew irtira l-approvazzjoni (ara d-dispożizzjonijiet tal-approvazzjoni fir-Regolament).


Dwar: (2)

Approvazzjoni mogħtija

Approvazzjoni estiża

Approvazzjoni rrifjutata

Approvazzjoni rtirata

Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

(2)  Ħassar dak li ma japplikax.

ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-prestazzjoni tas-sistema tal-ADDW skont ir-Regolament tan-NU Nru 183

Nru tal-approvazzjoni …

1.   

L-isem kummerċjali jew il-marka tal-vettura: …

2.   

Tip ta’ vettura: …

3.   

Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk immarkat fuq il-vettura/il-komponent/l-unità teknika separata (2): …

4.   

Pożizzjoni ta’ dik il-marka: …

5.   

Kategorija tal-vettura: …

6.   

Isem u indirizz tal-manifattur: …

7.   

Jekk applikabbli, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur: …

8.   

Deskrizzjoni qasira tal-vettura: …

9.   

Servizz Tekniku li jwettaq il-valutazzjonijiet u l-verifiki: …

10.   

Data tar-rapport maħruġ minn dak is-Servizz Tekniku: …

11.   

Numru tar-rapport maħruġ minn dak is-Servizz Tekniku: …

12.   

Approvazzjoni mogħtija/rifjutata/estiża/irtirata: (2)…

13.   

Pożizzjoni tal-marka tal-approvazzjoni fuq il-vettura: …

14.   

Post: …

15.   

Data: …

16.   

Firma: …

17.   

Rimarki: …

18.   

Il-lista ta’ dokumenti depożitati mal-Awtorità tal-Approvazzjoni li tat l-approvazzjoni hija annessa ma’ din il-komunikazzjoni u tista’ tinkiseb fuq talba.


(1)  Numru distintiv tal-pajjiż li ta, estenda, ċaħad jew irtira l-approvazzjoni (ara d-dispożizzjonijiet tal-approvazzjoni fir-Regolament).

(2)  Ħassar dak li ma japplikax.


ANNESS 2

Arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni

Mudell A

(Ara l-paragrafu 4.4 ta’ dan ir-Regolament)

Image 5

a = 8 mm min.

Il-marka tal-approvazzjoni ta’ hawn fuq, imwaħħla ma’ vettura, turi li t-tip ta’ vettura kkonċernat, fir-rigward tas-sistema tal-ADDW tiegħu, ġie approvat fin-Netherlands (E 4) skont ir-Regolament tan-NU Nru 183 bin-Nru ta’ approvazzjoni 000192. L-ewwel żewġ ċifri (00) tan-numru ta’ approvazzjoni jindikaw li l-approvazzjoni ngħatat f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament tan-NU Nru 183 fil-forma oriġinali tiegħu.

Mudell B

(Ara l-paragrafu 4.4.1. ta’ dan ir-Regolament)

Image 6

a = 8 mm min.

Il-marka tal-approvazzjoni ta’ hawn fuq imwaħħla ma’ vettura turi li t-tip ta’ vettura konċernat ġie approvat fin-Netherlands (E 4) skont ir-Regolamenti tan-NU Nri 183 u 135. (1) L-ewwel żewġ diġits tan-numri tal-approvazzjoni jindikaw li, fid-dati meta ngħataw l-approvazzjonijiet rispettivi, ir-Regolament tan-NU Nru. 183 kien jinkorpora s-serje ta’ emendi 00 u r-Regolament tan-NU Nru. 135 kien jinkorpora s-serje ta’ emendi 01.


(1)  Dan in-numru tal-aħħar huwa mogħti biss bħala eżempju.


ANNESS 3

Pakkett ta’ dokumentazzjoni dwar il-funzjonalità tas-sistema ta’ Twissija Avvanzata tad-Distrazzjoni tas-Sewwieq

1.   

Il-pakkett ta’ dokumentazzjoni pprovdut mill-manifattur kemm lill-Awtorità tal-Approvazzjoni kif ukoll lis-Servizz Tekniku li jispjega kif taħdem is-sistema tal-ADDW għandu jinkludi:

(a)

spjegazzjoni tal-funzjonijiet ta’ attivazzjoni, ta’ riattivazzjoni u ta’ diżattivazzjoni tas-sistema, inklużi l-firxiet tal-veloċità tal-vettura assoċjati;

(b)

lista tal-inputs kollha tas-sistema li jkun fihom il-metriċi kollha adottati għall-kejl tad-distrazzjoni tas-sewwieq;

(c)

deskrizzjoni ta’ kif taħdem il-metrika u kif jiġu mmonitorjati s-sewwieq u l-imġiba tas-sewqan, inkluża, jekk applikabbli, ir-relazzjoni bejn il-metrika primarja u sekondarja/ta’ riżerva;

(d)

deskrizzjoni tal-imġiba ta’ skattar li tkun qed tiġi mmonitorjata mis-sistema;

(e)

deskrizzjoni taż-żona madwar ir-referenza okulari possibbli għas-sistema u, jekk tintuża referenza għal standard, iż-żona fejn l-għajnejn tas-sewwieq tat-test ikunu mistennija li jkunu, kif stabbilit fil-paragrafu 4.1.1. (b) fl-Anness 5;

(f)

deskrizzjoni (deskrizzjoni testwali, illustrazzjoni, tpinġija teknika jew kwalunkwe mezz suffiċjenti ieħor) taż-żona fil-kabina tal-vettura li s-sistema tqis li tkun iż-Żoni 1, 2, u 3, f’konformità mal-paragrafu 5.5.1. f’dan ir-Regolament, għall-valutazzjoni tad-distrazzjoni tas-sewwieq;

(g)

iż-żona/i li tiddelimita/jiddelimitaw il-pożizzjonament ta’ kull wieħed mill-punti ta’ fissazzjoni tal-ħarsa għall-ittestjar tal-verifika fuq il-post fil-kabina tal-vettura, f’konformità mal-paragrafu 4.2. fl-Anness 5;

(h)

dokument li jagħti d-dettalji dwar il-komponenti tal-HMI tas-sistema kif ukoll il-funzjonalità maħsuba tagħhom, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti tal-HMI tas-sistema tal-ADDW f’konformità mal-paragrafu 5.6. f’dan ir-Regolament, u ġustifikazzjonijiet jekk il-manifattur tal-vettura jagħżel li ma jsegwix ir-rakkomandazzjoni stabbilita fil-paragrafu 5.6.3.2. f’dan ir-Regolament; u

(ii)

jekk applikabbli, deskrizzjoni tal-istrateġija għar-ripetizzjoni, kaskata jew eskalazzjoni tal-emissjoni ta’ twissija għall-każijiet li fihom is-sewwieq jonqos milli jikkonforma mat-twissijiet ta’ distrazzjoni emessi;

(i)

spjegazzjoni ta’ kif is-sistema tal-ADDW tista’ tiġi rfinata jekk il-vettura tiġi adattata għal sewwieq bi ħtiġijiet speċjali; u

(j)

il-perjodu ta’ tolleranza tal-ħin magħżul mill-manifattur biex jippermetti kejl kontinwu ta’ event ta’ ħarsa tas-sewwieq fiż-Żona 3 u li matulu jseħħ artifatt possibbli tal-ipproċessar tal-immaġni jew bidla qasira fid-direzzjoni tal-ħarsa (irreferi għall-paragrafu 5.5.2.4. ta’ dan ir-Regolament).

1.1.   

Il-pakkett ta’ dokumentazzjoni għandu jinkludi wkoll lista bid-deskrizzjoni tal-limitazzjonijiet tas-sistema, akkumpanjata minn evidenza dwar kif il-prestazzjoni tas-sistema tiġi affettwata f’dawk il-limitazzjonijiet.

1.1.1.   

Il-limitazzjonijiet jistgħu jkunu elementi relatati mas-sewwieq, mal-vettura jew mal-ambjent, iżda ma humiex limitati għal dawn.

1.1.2.   

Il-lista għandha tinkludi b’mod ċar l-identifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet mhux nominali li jistgħu jikkawżaw id-degradazzjoni tal-prestazzjoni tas-sistema tal-ADDW fi ħdan il-konfini tas-sistema.

1.2.   

Il-lista ta’ inputs tas-sistema għandha tiġi pprovduta biss lill-Awtorità tal-Approvazzjoni jew lis-Servizz Tekniku għall-fini ta’ verifika tas-sistema tal-ADDW għall-approvazzjoni tat-tip.

1.3.   

Il-lista ta’ kwalunkwe metrika sekondarja ma għandhiex tingħadda mis-Servizz Tekniku għal għand l-Awtorità tal-Approvazzjoni.

2.   

Id-dispożizzjonijiet għall-Ispezzjoni Teknika Perjodika tas-sistema

2.1.   

Għal spezzjonijiet tekniċi perjodiċi, id-dokumentazzjoni għandha tiddeskrivi kif l-istatus operazzjonali korrett tas-sistema jista’ jiġi kkonfermat (eż. verifika tal-operazzjoni tal-bozoz).


ANNESS 4

Pakkett ta’ dokumentazzjoni dwar l-effettività tas-sistema ta’ Twissija Avvanzata tad-Distrazzjoni tas-Sewwieq

1.   

Il-pakkett ta’ dokumentazzjoni li jagħti d-dettalji dwar kif is-sistema tal-ADDW ġiet ivvalidata fi ħdan il-medda tal-limitazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.1. fl-Anness 3 għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(a)

evidenza dwar il-prestazzjoni tas-sistema miġbura f’testijiet ripetuti mwettqa ma’ sewwieqa umani, inkluża l-informazzjoni dwar in-numru u d-demografija tal-parteċipanti tat-test ivvalutati, li tinkludi:

(i)

kriterji ta’ inklużjoni u ta’ esklużjoni li ntużaw fl-għażla tal-parteċipanti, filwaqt li jiġi żgurat li s-sistema tkun tqieset effettiva, fil-meded ta’ limitazzjoni tagħha, għal parti rappreżentattiva tal-popolazzjoni li ssuq; u

(ii)

dikjarazzjoni dwar l-adegwatezza tal-parteċipanti fir-rigward tad-demografija mmirata għall-vettura (pereżempju, parteċipanti b’liċenzja valida biex isuqu l-vettura li fuqha tiġi installata s-sistema tal-ADDW);

(b)

deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet tat-test ivvalutati, inkluża informazzjoni dwar ir-ripetibbiltà u r-riproduċibbiltà tat-test; u

(c)

evidenza li s-sistema taħdem b’mod effettiv f’kundizzjonijiet tat-temp u ta’ dawl li ma jillimitawx it-tħaddim tas-sistema.

2.   

Jekk il-validazzjoni twettqet fuq vettura oħra, id-dokumentazzjoni għandu jkollha informazzjoni li torbot il-proċess ta’ validazzjoni mar-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vettura.

3.   

Jekk l-ittestjar ta’ validazzjoni sar f’simulatur tas-sewqan, il-manifattur tal-vettura għandu jiddokumenta l-limitazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-ittestjar fi triq fil-miftuħ f’kundizzjonijiet reali għall-fini tal-ittestjar tas-sistema tal-ADDW. Din id-dokumentazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

tqabbil tad-data primarja tal-input użata għas-sistema tal-ADDW mis-simulatur u d-data primarja tal-input mill-vettura f’kundizzjonijiet reali; u

(b)

analiżi tal-validità tar-riżultati tal-validazzjoni simulata.

4.   

Jekk il-validazzjoni tkun twettqet bħala parti mir-riċerka biex tiġi stabbilita l-konformità mar-rekwiżiti tekniċi jew biex tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema għall-approvazzjoni tat-tip, id-dokumentazzjoni għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-parametri, inkluża l-medda ta’ aċċettazzjoni użata mill-manifatturi tal-vetturi biex jassiguraw lill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip li s-sistema tal-ADDW tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.


ANNESS 5

Proċedura għall-ittestjar tal-verifika fuq il-post

1.   Skop

Ittestjar tal-verifika fuq il-post skont kundizzjonijiet ambjentali esterni reali jew simulati biex jiġi żgurat li s-sistema tal-ADDW tkun operazzjonali u tkun tista’ turi t-twissijiet kollha.

2.   Apparat tal-ittestjar

2.1.

Vettura meqjusa għall-approvazzjoni tat-tip stabbilita fil-konfigurazzjoni prestabbilita tagħha.

2.1.1.

F’dan il-kuntest, tapplika konfigurazzjoni prestabbilita għall-vettura b’partijiet li jiċċaqilqu (jiġifieri li s-sewwieq jista’ jibdel mingħajr il-ħtieġa ta’ għajnuna esterna) li tista’ tbiddel il-viżibbiltà tas-sewwieq jew l-aċċess għal aktar spazju fil-kompartiment ta’ quddiem (inkluż is-saqaf).

2.1.2.

Il-konfigurazzjoni prestabbilita għat-test għandha tippermetti lis-sewwieq jara u jinteraġixxi mal-aktar punti ta’ fissazzjoni fiż-Żona 3 kif stabbilit fil-paragrafu 4.2. ta’ dan l-Anness u timminimizza l-effett ambjentali bħad-dawl tax-xemx, ir-riħ u x-xita.

2.2.

Tagħmir biex tiġi ddeterminata l-veloċità murija tal-vettura tat-test (reali jew simulata) sa ± 1 km/h biex jirreġistra u jikkonferma r-rekwiżit tal-veloċitajiet stabbilit fil-paragrafu 5.1. ta’ dan l-Anness.

2.3.

Għadd suffiċjenti ta’ kameras supplimentari li jinsabu f’post b’mod li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn il-kundizzjonijiet tat-test stabbiliti fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Anness.

3.   Kampjun tat-testjar

3.1.

It-testjar għandu jsir b’mill-anqas sewwieq wieħed tat-test fis-sit tas-sewwieq.

Is-sewwieq tat-test għandu jippreżenta l-attributi stabbiliti fil-paragrafi 3.1.1. sa 3.1.4. ta’ dan l-Anness.

3.1.1.

Is-sewwieq tat-test irid ikun f’pożizzjoni li tippermetti lil għajnejn is-sewwieq, bl-aġġustament normali tas-sit u tar-rota tal-isteering tiegħu għas-sewqan, ikunu fil-punt tal-għajn tar-referenza okulari b’varjabbiltà tal-pożizzjoni jew, skont l-għażla tal-manifattur tal-vettura:

(a)

±100 mm lonġitudinalment u ± 50 mm vertikalment madwar il-punt ta’ referenza okulari;

(b)

Abbażi ta’ standard rilevanti biex tiġi speċifikata l-pożizzjoni possibbli tal-punt okulari tas-sewwieq madwar il-punt ta’ referenza okulari, filwaqt li tiġi żgurata l-kopertura ta’ żona ta’ daqs simili jew akbar minn dik deskritta f’(a) hawn fuq.

3.1.2.

L-ebda nuċċali jew aċċessorju tar-ras, inkluż kappell jew maskra.

3.1.3.

L-ebda xagħar tal-wiċċ apparti ħuġbejn.

3.1.4.

Il-manifattur tal-vettura jista’ jagħżel li jippermetti wieħed jew aktar mill-attributi stabbiliti fil-paragrafi 3.1.2. u 3.1.3. ta’ hawn fuq għas-sewwieqa tat-test.

3.1.5.

Il-manifattur tal-vettura jista’ jagħżel li jkabbar iż-żona tal-pożizzjoni possibbli ta’ għajnejn is-sewwieq stabbilita fil-paragrafu 3.1.1. ta’ hawn fuq.

4.   Punti ta’ fissazzjoni tal-ħarsa

4.1.

Il-post xieraq tal-punti ta’ fissazzjoni li għandhom jiġu ttestjati għandu jiġi propost mill-manifattur tal-vettura skont ir-restrizzjonijiet ġeometriċi u tad-disinn tal-kabina tal-vettura meqjusa għall-approvazzjoni tat-tip.

4.2.

L-ittestjar tal-verifika fuq il-post għandu jinkludi mill-inqas punt ta’ fissazzjoni wieħed li jinsab fiż-żoni kollha li ġejjin, jekk preżenti fil-vettura, u, fejn possibbli, fiż-Żona 3 kif stabbilit fil-paragrafu 5.5.1.6. ta’ dan ir-Regolament:

(a)

l-irkoppa tax-xellug tas-sewwieq;

(b)

l-irkoppa tal-lemin tas-sewwieq;

(c)

ħoġor is-sewwieq;

(d)

il-post tas-saqajn tal-passiġġier jew post simili li jħares ’il quddiem lejn iż-żona ta’ isfel tal-vettura mix-xellug jew mil-lemin mis-sit tas-sewwieq;

(e)

is-superfiċje tas-sit tal-passiġġier jew post simili li jħares ’l isfel lejn ix-xellug jew lejn il-lemin mis-sit tas-sewwieq lejn superfiċje maħsuba biex fuqha jpoġġi passiġġier, tinħażen il-merkanzija jew tippermetti l-moviment tal-passiġġier fil-vettura;

(f)

il-kaxxa tal-ingwanti jew post simili fi 30° (vertikali) min-naħa l-oħra (min-naħa tas-sewwieq) tal-kompartiment ta’ quddiem tal-vettura;

(g)

ventijiet tal-arja fin-naħa tax-xellug immedjata tas-sewwieq;

(h)

ventijiet tal-arja fin-naħa tal-lemin immedjata tas-sewwieq;

(i)

raggruppament ta’ strumenti, minbarra l-unità tal-wiri fuq l-iskrin u lanqas unità tal-wiri li taqsam il-bażi tal-windskrin;

(j)

rota tal-isteering, meta tkun mgħammra b’buttuni biex tinteraġixxi mas-sistema ta’ inforikreazzjoni jew mas-sistemi ta’ assistenza;

(k)

apparat li jibdel il-gerijiet;

(l)

il-kontrolli tat-tisħin, tal-ventilazzjoni u tal-arja kundizzjonata;

(m)

skrin tal-inforikreazzjoni;

(n)

konsol taċ-ċentru, li jikkonsisti fiż-żona ta’ quddiem qrib il-pannell tad-dashboard, jekk ma jkunx kopert minn xi punt ta’ fissazzjoni ieħor imsemmi minn (a) sa (m).

4.3.

Jekk il-pożizzjoni tas-sewwieq tkun fiċ-ċentru tal-kompartiment ta’ quddiem jew qrib tiegħu u n-“naħa l-oħra (min-naħa tas-sewwieq) tal-kompartiment ta’ quddiem tal-vettura” tikkorrispondi għal żewġ żoni possibbli lejn ix-xellug u lejn il-lemin tal-pożizzjoni tas-sewwieq, is-servizzi tekniċi għandhom jagħżlu wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

li l-fissazzjoni tal-ħarsa tinqasam fil-“verżjoni tax-xellug” u fil-“verżjoni tal-lemin” tal-punt ta’ fissazzjoni;

(b)

jekk ikun hemm aktar minn punt ta’ fissazzjoni wieħed li jista’ jinqasam biss, li jalterna billi jagħmel il-“verżjoni tax-xellug” għal punt ta’ fissazzjoni partikolari u l-“verżjoni tal-lemin” għal punt ta’ fissazzjoni ieħor — sabiex ikopri n-naħa tax-xellug u n-naħa tal-lemin mill-anqas darba (għal kull naħa).

5.   Veloċitajiet tat-testjar

5.1.

Il-punti kollha ta’ fissazzjoni tal-ħarsa għandhom jiġu ttestjati mill-inqas darba bejn 20 km/h u 35 km/h u mill-inqas darba bejn 50 km/h u 65 km/h.

6.   Kundizzjonijiet ambjentali

6.1.

It-testijiet iridu jitwettqu fuq il-vettura f’kundizzjoni ta’ tħaddim esterna reali jew simulata għal binhar u għal billejl.

Is-sistemi mhux affettwati mid-dawl tax-xemx jistgħu jiġu ttestjati jew f’kundizzjonijiet ta’ binhar jew ta’ billejl.

6.1.1.

Fejn it-testjar jitwettaq fuq ambjent tat-triq tal-korsa tat-test:

(a)

binhar: it-testjar għandu jibda wara tlugħ ix-xemx u qabel inżul ix-xemx;

(b)

billejl: it-testjar għandu jibda wara nżul ix-xemx u qabel tlugħ ix-xemx.

6.1.2.

F’każ ta’ ttestjar imwettaq f’ambjent ta’ triq simulat:

(a)

binhar: kundizzjonijiet diffużi b’dawl ambjentali (ISO 15008:2017);

(b)

billejl: kundizzjoni ta’ illuminazzjoni ambjentali baxxa li taħtha, il-livell ta’ adattament tas-sewwieq jiġi influwenzat l-aktar mill-porzjon tat-triq quddiemu koperta mill-fanali ta’ quddiem tal-vettura stess u mid-dwal tat-triq tal-madwar, u mil-luminożità tal-wiri u tal-istrument (ISO 15008:2017).

7.   Definizzjoni tas-sollijiet temporali għat-twissijiet

7.1.

Soll primarju għall-emissjoni ta’ twissija ta’ distrazzjoni:

Għandha tiġi skattata twissija f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 5.5.2.1. u 5.5.2.2. ta’ dan ir-Regolament, fejn il-punti ta’ fissazzjoni tal-ħarsa stabbiliti fil-paragrafu 4.2, ta’ dan l-Anness għandhom ikunu l-parametri ta’ monitoraġġ.

8.   Proċedura għat-testjar tal-verifika fuq il-post

8.1.

Is-sewwieq tat-test għandu jingħata struzzjonijiet dwar il-funzjonalità tas-sistema. Il-proċess ta’ struzzjoni għandu jiġi ddokumentat b’mod ċar fid-dossier tal-evidenza pprovdut mill-manifattur tal-vettura lill-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip u lis-Servizzi Tekniċi f’konformità mal-Anness 3.

8.2.

Jekk is-sistema tal-ADDW għandha tiġi kkalibrata għal perjodu ta’ żmien wara l-inizjalizzazzjoni tagħha, il-proċeduri ta’ kalibrazzjoni għandhom isiru matul sitwazzjoni ta’ sewqan fil-linja bażi, mingħajr attivitajiet ta’ distrazzjoni paralleli.

8.2.1.

Is-sitwazzjoni ta’ sewqan fil-linja bażi għandha tiġi deskritta mill-manifattur biex tkun tista’ titwettaq b’suċċess, b’informazzjoni li tinkludi l-profil tal-veloċità-ħin tal-vettura u l-passi jew l-azzjonijiet speċifiċi meħtieġa mis-sewwieq, iżda mhux limitata għal dawn.

8.3.

It-testjar tal-punti ta’ fissazzjoni tal-ħarsa

8.3.1.

Il-proċedura tal-ittestjar għandha tidentifika l-okkorrenzi ta’ ħarsiet uniċi, mhux interrotti fit-tul mis-sewwieq lil hinn mis-sitwazzjoni tas-sewqan. L-identifikazzjoni ta’ dawk l-okkorrenzi għandha tibda meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-vettura tirreġistra l-veloċità li għandha tiġi ttestjata, skont il-paragrafu 5.1. ta’ hawn fuq; u

(b)

is-sistema tal-ADDW tivvaluta lis-sewwieq bħala li ma jkunx distratt għal mill-inqas 60 sekonda – dan il-perjodu minimu ta’ 60 sekonda jibda ladarba titlesta kwalunkwe kalibrazzjoni neċessarja tas-sistema tal-ADDW f’konformità mal-paragrafu 8.2. ta’ dan l-Anness u mal-paragrafu 5.3.1.1. ta’ dan ir-Regolament.

8.3.2.

L-awtorità responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip tista’ tiddeċiedi s-sekwenza li fiha jiġu ttestjati l-punti ta’ fissazzjoni.

8.3.3.

Matul it-test, l-azzjonijiet mis-sewwieq għandhom ikunu limitati għal dawk li huma mistennija b’mod naturali mill-punti ta’ fissazzjoni meqjusa.

8.3.3.1.

L-azzjonijiet mistennija b’mod naturali mis-sewwieq tipikament ikunu moviment kombinat kemm tar-ras kif ukoll tal-għajnejn. Madankollu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom tiġi osservata mġiba simili għall-moviment tal-għajnejn biss (bħall-gremxula) jew moviment tar-ras biss (bħall-kokka).

8.3.4.

Għandhom jiġu ttestjati l-punti ta’ fissazzjoni kollha assenjati liż-żoni stabbiliti fil-paragrafu 4.2. ta’ hawn fuq, u li jinsabu fiż-Żona 3.

8.3.5.

Għall-kejl ta’ kull punt ta’ fissazzjoni tal-ħarsa individwali, il-bidu tal-kejl jiġi skattat hekk kif is-sewwieq tat-test jiġi vvalutat mis-sistema bħala li ma jkunx distratt għal mill-anqas 15-il sekonda.

8.3.6.

Il-manifattur tal-vettura jista’ jipprovdi informazzjoni permezz tad-dokumentazzjoni, imsemmija fl-Anness 3, biex jiddefinixxi l-imġiba/l-attivitajiet ewlenin li ma humiex se jiġu rikonoxxuti bħala azzjonijiet ta’ distrazzjoni għall-finijiet ta’ dak it-test.

8.3.7.

Is-sewwieq tat-test jingħata struzzjonijiet biex iċaqlaq il-ħarsa tiegħu lejn wieħed mill-punti ta’ fissazzjoni, billi jiġi applikat ir-rekwiżit mill-paragrafu 8.3.3. ta’ hawn fuq bl-aħjar mod possibbli.

8.3.8.

Is-sewwieq tat-test iżomm il-ħarsa tiegħu ffukata fuq il-punt ta’ fissazzjoni, sakemm tinħareġ twissija, jew mill-inqas 3 sekondi wara l-ħin li tkun mistennija sseħħ twissija.

8.3.9.

Wara l-kejl ta’ kull punt ta’ fissazzjoni individwali, is-sewwieq għandu jiġi vvalutat mis-sistema bħala li ma jkunx ġie distratt għal mill-anqas 15-il sekonda qabel ma jgħaddi għall-punt ta’ fissazzjoni li jmiss.

9.   Riżultati tat-test

9.1.

Il-kejl għandu jiġi trattat bħala negattiv falz meta s-sewwieq iżomm il-ħarsa tiegħu ffukata fuq punt ta’ fissazzjoni li jinsab fiż-Żona 3 stabbilita fil-paragrafu 5.5.1.6. f’dan ir-Regolament u skont il-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 5.5.2.1. f’dan ir-Regolament u l-ebda twissija ta’ distrazzjoni ma tiġi emessa f’temp ta’ 4 sekondi (li tinkludi riżerva ta’ inċertezza ta’ 0,5 sekonda).

9.1.1.

Kejl jista’ jinbidel minn negattiv falz għal “mhux applikabbli” jekk tkun ġiet skattata twissija akustika jew tattili minn sistema differenti tal-vettura, fil-ħin mistenni għal sistema tal-ADDW, jew ikun marbut mal-valutazzjoni tal-imġiba tas-sewwieq imsemmija fil-paragrafu 8.3.6. f’dan l-Anness.

9.2.

Il-kejl għandu jiġi trattat bħala negattiv falz meta s-sewwieq iżomm il-ħarsa tiegħu ffukata fuq punt ta’ fissazzjoni li jinsab fiż-Żona 3 stabbilita fil-paragrafu 5.5.1.6. f’dan ir-Regolament u skont il-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 5.5.2.2. f’dan ir-Regolament u l-ebda twissija ta’ distrazzjoni ma tiġi emessa f’temp ta’ 6,5 sekondi (li tinkludi riżerva ta’ inċertezza ta’ 0,5 sekonda).

9.2.1.

Kejl jista’ jinbidel minn negattiv falz għal “mhux applikabbli” jekk tkun ġiet skattata twissija akustika jew tattili minn sistema differenti tal-vettura, fil-ħin mistenni għal sistema tal-ADDW, jew ikun marbut mal-valutazzjoni tal-imġiba tas-sewwieq imsemmija fil-paragrafu 8.3.6. f’dan l-Anness.

10.   Proċedura ta’ ttestjar mill-ġdid biex tiġi ffiltrata valutazzjoni imperfetta tal-imġiba umana

10.1.

Il-proċedura ta’ ttestjar mill-ġdid trid issir għal massimu ta’ darbtejn għal kull punt ta’ fissazzjoni vvalutat bħala negattiv falz f’konformità mal-paragrafu 9.1. ta’ hawn fuq, li ġie ttestjat bejn 50 km/h u 65 km/h, u trid titwettaq għal massimu ta’ darbtejn għal punt ta’ fissazzjoni vvalutat bħala negattiv falz f’konformità mal-paragrafu 9.2. ta’ hawn fuq, li ġie ttestjat bejn 20 km/h u 35 km/h.

10.2.

Il-proċedura ta’ ttestjar mill-ġdid trid issegwi l-pass tal-proċedura ta’ ttestjar stabbilita fil-paragrafi 8.2 sa 8.3.9. ta’ hawn fuq, bl-adattament li ġej:

(a)

Il-lista tal-punti ta’ fissazzjoni tinkludi biss punti ta’ fissazzjoni li qabel kienu kklassifikati bħala negattivi foloz; u

(b)

Is-sewwieq tat-test irid iwettaq azzjoni differenti, relatata ma’ mġiba ta’ distrazzjoni, għal kull ittestjar mill-ġdid ta’ punt ta’ fissazzjoni partikolari.

Is-servizzi tekniċi jistgħu jużaw l-istess sewwieq tat-test jew sewwieq differenti, dment li s-sewwieq tat-test jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 3.1.1. sa 3.1.4. ta’ hawn fuq.

11.   Riżultati finali tat-test

11.1.

Il-kejl matul il-proċedura ta’ ttestjar mill-ġdid għandu jiġi trattat bħala “falliment” jekk punt ta’ fissazzjoni jiġi ttestjat mill-ġdid u vvalutat darbtejn bħala negattiv falz f’konformità mal-paragrafu 9.1. ta’ hawn fuq, jekk jiġi ttestjat bejn 50 km/h u 65 km/h. Negattiv falz riassenjat bħala “mhux applikabbli” jew pożittiv veru ma għandux jibqa’ jitqies bħala negattiv falz u ma għandux jiġġenera “falliment”. Jekk ikun sar ittestjar mill-ġdid wieħed u dan ikun negattiv falz, għandu jsir it-tieni ttestjar mill-ġdid tal-punt ta’ fissazzjoni.

11.2.

Il-kejl matul il-proċedura ta’ ttestjar mill-ġdid għandu jiġi trattat bħala “falliment” jekk punt ta’ fissazzjoni jiġi ttestjat mill-ġdid u vvalutat darbtejn bħala negattiv falz f’konformità mal-paragrafu 9.2. ta’ hawn fuq, jekk jiġi ttestjat bejn 20 km/h u 35 km/h. Negattiv falz riassenjat bħala “mhux applikabbli” jew pożittiv veru ma għandux jibqa’ jitqies bħala negattiv falz u ma għandux jiġġenera “falliment”. Jekk ikun sar ittestjar mill-ġdid wieħed u dan ikun negattiv falz, għandu jsir it-tieni ttestjar mill-ġdid tal-punt ta’ fissazzjoni.

12.   Kriterji ta’ aċċettazzjoni

12.1.

Il-verifika tal-issodisfar tar-rekwiżiti tekniċi kollha għas-sistemi tal-ADDW permezz ta’ ttestjar tal-verifika fuq il-post.

12.1.1.

Kriterju ta’ falliment

Is-sistema tal-ADDW għandha titqies li falliet mill-ittestjar tal-verifika fuq il-post meta fost il-punti ta’ fissazzjoni tal-ħarsa kollha stabbiliti fil-paragrafu 4.2. ta’ hawn fuq, ittestjati f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 8. ta’ hawn fuq, u possibbilment ittestjati mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 10. ta’ hawn fuq, jinstab kejl wieħed jew aktar ta’ “falliment”, f’konformità mal-paragrafu 11. ta’ hawn fuq.

12.1.2.

Kriterju ta’ suċċess

Is-sistema tal-ADDW għandha titqies li tkun għaddiet mill-ittestjar tal-verifika fuq il-post meta ma jiġix issodisfat il-kriterju tal-falliment stabbilit fil-paragrafu 12.1.1. ta’ hawn fuq.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/2499/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)