|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/3977 |
20.8.2025 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Lulju 2025
dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji taċ-Ċekja
(C/2025/3977)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263, li daħal fis-seħħ fit-30 ta' April 2024, jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-TFUE. Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Ir-Regolament jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali tal-politika fiskali u jenfasizza l-fokus tiegħu fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u aktar koerenti. Kull Stat Membru jrid jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jkun fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment tiegħu, fuq perjodu ta' 4 jew 5 snin, skont it-tul tal-mandat leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (2) f'dawn il-pjanijiet irid ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament, inkluż ir-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat, fuq it-terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stipulati fir-Regolament, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-“RRF”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. L-RRF tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jagħtu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, l-RRF trawwem irkupru ekonomiku u soċjali filwaqt li tmexxi riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari billi tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u billi tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili Russi. Dan jgħin biex tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u jiddiversifika l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Iċ-Ċekja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(4) |
Fl-1 ta' Ġunju 2021, iċ-Ċekja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stipulati fl-Anness V. Fit-8 ta' Settembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja (5), li ġiet emendata fil-qafas tal-Artikolu 18(2) fl-16 ta' Ottubru 2023 biex tiġi aġġornata l-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (6). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5), li tiddikjara li ċ-Ċekja tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jirrikjedi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti għall-istess riforma jew investiment ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(5) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju taċ-Ċekja (7). Il-pjan ġie ppreżentat f'konformità mal-Artikolu 11 u mal-Artikolu 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263, ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta firxa ta' aġġustament fiskali fuq 4 snin. |
|
(6) |
Fis-26 ta' Novembru 2024, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport ta' Mekkaniżmu tat-Twissija tal-2025, li fih ma identifikatx liċ-Ċekja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom hemm il-ħtieġa ta' rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2025, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (8) fit-13 ta' Mejju 2025 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fl-10 ta' Marzu 2025. |
|
(7) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Hija tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli: (i) l-innovazzjoni; (ii) id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività; u (iii) is-sigurtà. Biex tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni industrijali, tappoġġa t-tkabbir tal-istart-ups permezz ta' inizjattivi bħall-Istrateġija tal-UE għall-kumpaniji Start-up u Scale-up, u tippromwovi l-adozzjoni ta' teknoloġiji avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing kwantistiku. Biex tintlaħaq il-mira ta' ekonomija aktar ekoloġika, il-Kummissjoni ħejjiet Pjan ta' Azzjoni komprensiv dwar l-Enerġija Affordabbli u Patt għal Industrija Nadifa, li jiżguraw li l-bidla lejn enerġija nadifa tibqa' kosteffettiva, favur il-kompetittività, b'mod partikolari għas-setturi intensivi fl-enerġija, u tkun fattur ewlieni tat-tkabbir. Biex tnaqqas dipendenzi eċċessivi u żżid is-sigurtà, l-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali globali, tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista u tassigura l-aċċess għall-materja prima kritika u sorsi ta' enerġija nadifa. Dawn il-prijoritajiet huma sostnuti minn faċilitaturi orizzontali, jiġifieri s-simplifikazzjoni regolatorja, l-approfondiment tas-suq uniku, il-finanzjament tal-kompetittività u Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, il-promozzjoni tal-ħiliet u tax-xogħlijiet ta' kwalità, u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività hija allinjata mas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-Kummissjoni, u li fil-governanza ekonomika jinħoloq approċċ unifikat li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(8) |
Fl-2025, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jiżviluppa biswit l-implimentazzjoni tal-RRF. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jibqgħu ugwalment rilevanti għall-valutazzjoni ta' pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati f'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(9) |
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 ikopru l-isfidi ewlenin tal-politika ekonomika li mhumiex indirizzati biżżejjed mill-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, filwaqt li jqisu l-isfidi rilevanti identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019-2024. |
|
(10) |
Fl-4 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2025 għaċ-Ċekja. F'dan ġie vvalutat il-progress taċ-Ċekja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja. Abbażi ta' din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa ċ-Ċekja. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-progress li għamlet iċ-Ċekja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
Valutazzjoni tar-Rapport ta' Progress Annwali
|
(11) |
Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta li ġejjin għaċ-Ċekja: 4,5 % fl-2025, 2,5 % fl-2026, 2,6 % fl-2027, u 2,9 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattivi massimi kkalkolati b'referenza għall-2023 ta' 10,1 % fl-2025, 12,9 % fl-2026, 15,8 % fl-2027, u 19,2 % fl-2028. Fit-30 ta' April 2025 iċ-Ċekja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali (9) tagħha, dwar l-aderenza għar-rati massimi ta' tkabbir irrakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rapportar biannwali taċ-Ċekja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(12) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni rrakkomandat biex tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (NEC, national escape clause) tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod ikkoordinat biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-UE biex tinkiseb żieda rapida u sinifikanti fin-nefqa fid-difiża u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba taċ-Ċekja fit-22 ta' Mejju 2025, fit-8 ta’ Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni li tippermetti liċ-Ċekja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u taqbeż dawn ir-rati (10). |
|
(13) |
Abbażi tad-data vvalidata mill-Eurostat (11), id-defiċit tal-gvern estiż taċ-Ċekja naqas minn 3,8 % tal-PDG fl-2023 għal 2,2 % fl-2024, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 42,5 % tal-PDG fl-aħħar tal-2023 għal 43,6 % fl-aħħar tal-2024. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal rata ta' tkabbir tan-nefqa netta ta' 0,0 % fl-2024. Fir-Rapport ta' Progress Annwali, iċ-Ċekja tistma t-tkabbir fin-nefqa netta fl-2024 fil-livell ta' 2,8 %. Il-Kummissjoni tistma li t-tkabbir fin-nefqa netta kien aktar baxx milli kien fir-Rapport ta' Tkabbir Annwali. Id-differenza bejn il-kalkoli tal-Kummissjoni u l-estimi tal-awtoritajiet nazzjonali hija minħabba r-reġistrazzjoni tal-Kummissjoni ta' nefqa ta' darba għall-2023 li toħloq bażi ogħla għall-2024, u l-impatt ta' miżuri tad-dħul diskrezzjonali minħabba differenzi metodoloġiċi bejn iċ-Ċekja u l-Kummissjoni. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (12), li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, kienet restrittiva, bi 2,4 % tal-PDG fl-2024. |
|
(14) |
Skont ir-Rapport ta' Progress Annwali, ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji miċ-Ċekja jistenna tkabbir reali tal-PDG fil-livell ta' 2,0 % fl-2025, filwaqt li l-inflazzjoni HICP hija projettata fil-livell ta' 2,3 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta tkabbir tal-PDG reali ta' 1,9 % fl-2025 u ta' 2,1 % fl-2026, u l-inflazzjoni tal-HICP hija projettata li tkun 2,2 % fl-2025 u 2,0 % fl-2026. |
|
(15) |
Fir-Rapport ta' Progress Annwali, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni jibqa' fil-livell ta' 2,2 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni jiżdied għal 44,5 % sal-aħħar tal-2025. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 3,3 % fl-2025. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 2,3 % tal-PDG fl-2025. Skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, dawn l-iżvilupp jikkorrispondu għal tkabbir tan-nefqa netta ta' 4,0 % fl-2025. Dawn il-projezzjonijiet tat-tkabbir fin-nefqa netta ogħla milli fir-Rapport ta' Progress Annwali huma minħabba t-tbassir aktar baxx tal-Kummissjoni tal-kofinanzjament nazzjonali ta' programmi tal-UE fl-2025, u reġistrazzjoni aktar baxxa ta' nefqa ta' darba fl-2025 mill-Kummissjoni. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, hija pprojettata li tkun ġeneralment newtrali fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa mistenni li jiżdied b'44,5 % sal-aħħar tal-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2025 prinċipalment tirrifletti l-bilanċ nominali negattiv, parzjalment ikkumpensat mit-tkabbir tal-PDG nominali. |
|
(16) |
In-nefqa tal-gvern estiż li tammonta għal 0,6 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2025, apparagun ta' 0,4 % tal-PDG fl-2024, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-appoġġ mhux ripagabbli tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż taċ-Ċekja. |
|
(17) |
In-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż fiċ-Ċekja ammontat għal 0,9 % tal-PDG fl-2021, 1,0 % tal-PDG fl-2022 u 1,2 % tal-PDG fl-2023 (13). Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa fid-difiża hija pprojettata għal 1,3 % tal-PDG kemm fl-2024 kif ukoll fl-2025. Dan jikkorrispondi għal żieda ta' 0,4 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbel mal-2021. Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025-2028) jippermetti liċ-Ċekja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex nefqa fid-difiża ogħla persistenti ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. |
|
(18) |
Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fiċ-Ċekja hija pprojettata li tikber b'4,0 % fl-2025 u b'4,0 % b'mod kumulattiv fl-2024 u fl-2025. Abbażi tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta taċ-Ċekja fl-2025 huwa pprojettat li jkun aktar baxx mir-rata massima ta' tkabbir irrakkomandata, kemm fis-sena kif ukoll meta jitqiesu flimkien l-2024 u l-2025. |
|
(19) |
Ir-Rapport ta' Progress Annwali ma jinkludix il-projezzjonijiet baġitarji wara l-2025. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern estiż ta' 2,2 % tal-PDG fl-2026. Dawn l-iżviluppi jikkorrispondu għal tkabbir fin-nefqa netta ta' 4,8 % fl-2026. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali, li tinkludi kemm in-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, hija pprojettata li tkun ġeneralment newtrali fl-2026. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għall-PDG huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 45,4 % sa tmiem l-2026. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2026 prinċipalment tirrifletti l-bilanċ nominali negattiv, parzjalment ikkumpensat mit-tkabbir tal-PDG nominali. |
Sfidi ta' politika ewlenin
|
(20) |
Is-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji tpoġġi piż kbir fuq il-ħaddiem b'paga baxxa. Il-ħaddiema b'paga baxxa ħafna drabi jirċievu ftit jew ebda benefiċċju finanzjarju mix-xogħol minħabba kontribuzzjonijiet soċjali u tas-saħħa għoljin (mhux deduċibbli) u benefiċċji li jonqsu maż-żieda fid-dħul. Għal ħaddiem waħdu b'50 % tad-dħul medju u mingħajr tfal, iċ-Ċekja għandha wieħed mill-ogħla feles ta' taxxa fuq ix-xogħol – id-distakk bejn il-paga netta f'idejn il-ħaddiema u l-kostijiet tagħha għall-impjegaturi – fl-UE, u ilha togħla għal aktar minn 10 snin. Fiċ-Ċekja, in-nases tal-inattività u tal-qgħad (it-tassazzjoni tal-persuni li jidħlu fis-suq tax-xogħol) huma ogħla mill-medja tal-UE, li jiskoraġġixxi ħaddiema b'paga baxxa u part-time milli jaħdmu. L-aġġustament tat-taxxi fuq ix-xogħol biex jitnaqqas il-piż fuq ħaddiema b'paga baxxa jwassal biex aktar persuni minn dawn l-unitajiet domestiċi fis-suq tax-xogħol, inkluż minn arranġamenti ta' xogħol informali jew prekarju għal impjieg formali u standard. Il-kombinament ta' dan ma' użu akbar ta' strumenti sottoutilizzati tat-tassazzjoni ambjentali u tal-proprjetà jagħmel is-sistema tat-taxxa tkun aktar favorevoli għat-tkabbir. |
|
(21) |
Id-dħul mit-taxxa globali taċ-Ċekja fir-rigward tal-PDG kien konsiderevolment inqas mill-medja tal-UE fl-2023 (34 % meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 39 %). Iż-żieda tas-sehem tat-taxxi li huma ta' inqas detriment għat-tkabbir hija opzjoni biex tappoġġa t-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà fiskali. Taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà huma wħud mill-inqas taxxi detrimentali għat-tkabbir, iżda d-dħul mit-tassazzjoni rikorrenti fuq il-proprjetà huwa baxx ħafna fil-livell ta' 0,2 % tal-PDG (meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 0,9 % tal-PDG fl-2023). Minkejja ż-żieda żgħira fit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà fl-2024 u fis-snin li ġejjin bħala sehem tal-PDG, is-sistema tat-tassazzjoni rikorrenti fuq it-tassazzjoni tal-bini u tal-unitajiet għadha bbażata fuq id-daqs tal-proprjetà, li jwassal għal tassazzjoni mhux ugwali ta' proprjetajiet tal-istess valur u għal tassazzjoni li mhux qed tevolvi f'konformità mal-valuri tal-proprjetà. L-implimentazzjoni ta' sistema tat-taxxa fuq il-proprjetà ibbażata fuq valuri tal-proprjetà mal-valuri tas-suq tippermetti liċ-Ċekja biex jaġġorna b'mod regolari l-valuri tal-proprjetà. Jekk ikun ikkombinat mal-elementi biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi b'introjtu baxx, dan iżid l-effikaċja tat-taxxa bħala għodda biex timmitiga żidiet fil-prezzijiet tal-proprjetà u tagħmel l-aktar użu produttiv mill-istokk ta' akkomodazzjoni. Min-naħa tiegħu, dan itejjeb l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u l-kapaċità tal-persuni biex jiċċaqilqu għax-xogħol, biex b'hekk jappoġġa t-tkabbir ekonomiku u jżid aktar id-dħul mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Fl-2024, ir-rati tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli żdiedu b'medja ta' madwar 80 %. Barra minn hekk, il-possibbiltà ġiet estiża għall-muniċipalitajiet biex jaġġustaw id-dħul mit-taxxa permezz tal-applikazzjoni ta' koeffiċjenti u ġie introdott l-indiċjar tar-rati tat-taxxa għall-inflazzjoni, u mhux għall-bidliet fil-valur tal-proprjetà. |
|
(22) |
Il-bilanċ strutturali taċ-Ċekja naqas minn qrib il-bilanċ fuq medja matul l-2014-2019 għal -1,7 % fl-2024. Dan huwa minħabba miżuri permanenti bħat-tnaqqis fit-taxxi fuq l-introjtu personali u żidiet fil-pensjonijiet u n-nefqa fid-difiża, li ma kinux iffinanzjati minn tkabbir tad-dħul korrispondenti. Fl-2023 u l-2024, iċ-Ċekja adottat riformi leġiżlattivi li jindirizzaw ir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż fit-tul fuq il-pensjonijiet. Ir-riformi jgħollu l-età statutorja tal-irtirar għal 67 sal-2056, inaqqsu r-ritmu tat-tkabbir ta' pensjonijiet li għadhom kif ingħataw, inaqqsu d-durata massima tal-irtirar bikri, u jissikkaw il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà għall-irtirar bikri. Dawn il-miżuri huma pprojettati li jżidu l-età effettiva tal-irtirar u jillimitaw iż-żieda fin-nefqa għall-pensjoni pubblika fit-tul b'1,9 pps. tal-PDG (14). L-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi tal-pensjonijiet adottati reċentement tgħin timmitiga l-pressjoni tan-nefqa relatata mat-tixjiħ u r-riskji li jirriżultaw għas-sostenibbiltà fiskali. |
|
(23) |
Jibqa' jkun hemm riskji għas-sostenibbiltà fiskali. Mill-2025, il-pensjonanti li jaħdmu huma intitolati għal skont fuq l-assigurazzjoni soċjali. L-appoġġ għall-impjegabbiltà ta' ħaddiema akbar fl-età li ma jitolbux il-pensjoni tal-irtirar, ibbażat fuq analiżi tal-kostijiet-benefiċċji ta' dak li jimmotiva l-persuni qrib l-irtirar biex ikomplu jaħdmu, inaqqas aktar ir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali. |
|
(24) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li mistennija jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennija jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, il-finalizzazzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul taċ-Ċekja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni NextGenerationEU - Il-mixja lejn l-2026, adottata fl-4 ta' Ġunju 2025, tikkjarifika l-iskeda taż-żmien applikabbli għat tmiem il-Faċilità u tagħti gwida lill-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-implimentazzjoni sal-31 ta' Awwissu 2026, inkluż dwar kif jissimplifikaw aktar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, tiddeskrivi l-għażliet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jirrieżaminawhom, u tisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar konġunt bil-galbu qabel ma jressqu l-aħħar talbiet għall-pagament fl-2026. Iċ-Ċekja diġà għamlet progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha. Biex jitwettqu l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali għaċ-Ċekja li taċċellera l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti billi tindirizza l-isfidi rilevanti. L-assorbiment ta' fondi għall-irkupru u r-reżiljenza huwa partikolarment ristrett minn kapaċità amministrattiva limitata f'xi wħud mill-korpi ta' implimentazzjoni. Dan huwa partikolarment viżibbli f'oqsma li jirrikjedu aktar għarfien espert, bħat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. L-assorbiment huwa limitat ukoll mill-użu baxx u ineffettiv ta' strumenti finanzjarji flimkien ma' appoġġ għall-għotjiet mhux immirat biżżejjed. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(25) |
L-implimentazzjoni ta' programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu l-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JFT, Just Transition Fund), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), aċċellerat fiċ-Ċekja. Huwa importanti li jkomplu għaddejjin l-isforzi biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida ta' dawn il-programmi, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Iċ-Ċekja diġà qed tieħu azzjoni fil-qafas tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni soċjali. Fl-istess ħin, iċ-Ċekja tkompli tiffaċċa l-isfidi, inklużi dawn relatati mal-għoti ta' spinta lill-potenzjal innovattiv tagħha, inkluż billi tinvesti f'teknoloġiji kritiċi, u ż-żieda fil-pressjonijiet fil-qasam tal-akkomodazzjoni u n-nuqqasijiet ta' ħiliet u l-ispariġġi fil-ħiliet. F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, iċ-Ċekja hija meħtieġa – bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni – tirrevedi kull programm filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2024. Il-proposti tal-Kummissjoni adottati fl-1 ta' April 2025 (15) jestendu l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' valutazzjoni – għal kull programm – tal-eżitu tar-rieżami ta' nofs it-terminu għal wara l-31 ta' Marzu 2025. Dawn jipprovdu wkoll flessibbiltajiet biex jgħinu l-implimentazzjoni tal-programmi ssir aktar malajr u inċentivi biex l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni għal ħames oqsma ta' prijorità strateġika tal-Unjoni, jiġifieri l-kompetittività f'teknoloġiji strateġiċi, id-difiża, l-akkomodazzjoni, ir-reżiljenza tal-ilma u t-tranżizzjoni tal-enerġija, u għal investimenti fil-ħiliet f'setturi ta' prijorità filwaqt li l-attenzjoni tinżamm fuq il-persuni fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli fil-programmi tal-FSE+. |
|
(26) |
Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) tipprovdi l-opportunità ta' investiment fi prijorità strateġika ewlenija tal-UE billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-UE. STEP titwassal permezz ta' 11-il fond tal-UE eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-Programm InvestEU li jappoġġa l-investimenti f'oqsma ta' prijorità. Iċ-Ċekja tista' tuża dawn l-inizjattivi bl-aħjar mod biex tappoġġa l-iżvilupp jew il-manifattura ta' teknoloġiji kritiċi, inkluż it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi. |
|
(27) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, jenħtieġ li ċ-Ċekja tindirizza b'mod effettiv l-isfidi li fadal relatati mad-dekarbonizzazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika, l-ambjent tan-negozju u l-ħiliet u l-edukazzjoni. |
|
(28) |
Iċ-Ċekja bdiet riformi sostanzjali tas-servizz ċivil biex ittejjeb il-funzjonament tas-servizz ċivil tagħha, inkluż emendi tal-Att dwar is-Servizz Ċivil, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak reġjonali, li daħħlu limiti ta'mandati għal pożizzjonijiet għolja u reklutaġġ aktar flessibbli. Madankollu, sfidi sistemiċi jippersistu fl-attrazzjoni, iż-żamma u l-iżvilupp ta' professjonisti bil-ħiliet, partikolarment f'rwoli esperti, maniġerjali u diġitali. L-immaniġġjar tar-riżorsi umani frammentat u pagi komparattivament baxxi tas-settur pubbliku jimminaw il-kompetittività tal-amministrazzjoni pubblika bħala impjegatur. L-impatt potenzjali tar-riformi ma ġiex immonitorjat b'mod adegwat u huwa diffiċli li jiġi ttraċċat il-progress minħabba data limitata. It-tisħiħ tal-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja biex tattira, iżżomm u tiżviluppa t-talent huwa kruċjali biex jiżdiedu l-effettività u l-kwalità tas-servizzi, u min-naħa tagħhom jagħtu spinta lill-kompetittività u l-iżvilupp ekonomiku. |
|
(29) |
Għalkemm il-prestazzjoni tas-settur pubbliku baqgħet relattivament stabbli, distakki fl-ippjanar strateġiku, il-koordinazzjoni transdipartimentali u t-tfassil ta' politika informat mill-evidenza jkomplu jaffettaw il-kwalità u l-koerenza ta' politiki. In-nuqqas ta' qafas komprensiv għall-ippjanar tal-investiment fit-tul jimmina l-implimentazzjoni u l-impatt tal-politika. It-tisħiħ tat-tmexxija strateġika u t-tnaqqis ta' kompartimenti dipartimentali itejjeb il-konsistenza u t-twassil tal-politika. |
|
(30) |
Kif stabbilit fil-Boxxla għall-Kompetittività, l-istituzzjonijiet kollha lokali, nazzjonali u tal-UE jridu jagħmlu sforz maġġuri biex jipproduċu regoli aktar sempliċi u jaċċelleraw il-ħeffa ta' proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni stabbiliet għanijiet ambizzjużi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv: b'mill-inqas 25 % u b'mill-inqas 35 % għall-SMEs; u ħolqot għodod ġodda biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, inkluż test sistematiku tal-istress tal-istokk tal-leġiżlazzjoni tal-UE u djalogu msaħħaħ tal-partijiet ikkonċernati. Biex tissodisfa din l-ambizzjoni, iċ-Ċekja hija meħtieġa wkoll tieħu azzjoni. 72 % tan-negozji jqisu l-kumplessità ta' proċeduri amministrattivi bħala problema għall-kumpanija tagħhom meta jagħmlu n-negozju fiċ-Ċekja (16). |
|
(31) |
Jibqa' jkun hemm sfidi f'termini tal-kapaċità ta' implimentazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Proċessi bħall-ġestjoni tat-territorju jibqgħu kumplessi u kajmani, li jsiru restrizzjoni maġġuri fuq l-ambjent tan-negozju, il-kompetittività u l-iżvilupp ekonomiku. Dawn huma r-raġunijiet ewlenin għaliex iċ-Ċekja għandha is-7 l-iżgħar żona ta' kostruzzjoni għal kull persuna ta' permessi maħruġa fl-UE fl-2023. Iżommu lura n-negozji billi jnaqqsu r-ritmu u jgħollu l-kost tal-iżvilupp kummerċjali, inaqqsu r-ritmu tal-introduzzjoni tal-infrastruttura diġitali b'veloċità għolja, jgħollu l-kost tal-enerġija minħabba l-modernizzazzjoni kajmana tal-infrastruttura tal-enerġija, u jnaqqsu l-mobilità tal-forza tax-xogħol minħabba provvista mhux adegwat ta' akkomodazzjoni affordabbli. L-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni hija aggravata aktar minn inċentivi subottimali tat-taxxa, li jonqsu milli jinkoraġġixxu l-użu tal-art, jissussidjaw ix-xiri tal-akkomodazzjoni aktar milli l-kostruzzjoni, u jipprijoritizzaw xirjiet fuq terminu qasir minflok xirjiet fit-tul. Ir-regoli tal-ġestjoni tat-territorju huma partikolarment ta' piż fi bliet kbar, fejn l-aġġornament ta' pjan urban jista' jieħu aktar minn deċennju. Hija meħtieġa riforma biex taċċellera l-proċess, speċjalment billi jiġu aġġustati l-kompetenzi u differenzjati r-rekwiżiti ta' ppjanar bejn iż-żoni żgħar u kbar ta' kostruzzjoni. Tali miżuri jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-effiċjenza u r-risponsività fl-iżvilupp urban. Rigward il-ħruġ tal-permessi, għalkemm sar progress fil-qafas legali u, sa ċertu punt, fid-diġitalizzazzjoni, impatti pożittivi għadhom mhumiex viżibbli fuq il-post. It-titjib ulterjuri tad-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità u l-ġestjoni tal-uffiċċji tal-kostruzzjoni jistgħu jgħinu jaċċelleraw il-proċess. |
|
(32) |
Il-governanza muniċipali frammentata taċ-Ċekja hija sfida sinifikanti għall-kompetittività peress li tillimita l-effiċjenza amministrattiva u l-użu effettiv tal-finanzjament tal-UE, speċjalment minn muniċipalitajiet żgħar u partijiet ikkonċernati lokali. Għalkemm qafas legali ġdida għal komunitajiet ta' muniċipalitajiet għandu lok li jipprovdi servizzi u persunal kondiviżi, l-użu kien limitat ħafna. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni intermuniċipali, fost l-oħrajn billi tissaħħaħ l-adozzjoni tal-qafas legali l-ġdid għall-komunitajiet tal-muniċipalitajiet, il-professjonalizzazzjoni tal-prattiki tal-akkwist u l-provvediment ta' aktar appoġġ lill-benefiċjarji (permezz ta' maniġers tal-proġetti, pjattaformi tas-servizz konġunt u gwida) iżidu l-kapaċità u l-effikaċja tal-amministrazzjoni lokali u jagħti spinta lill-koeżjoni reġjonali. |
|
(33) |
Iċ-Ċekja għandha potenzjal mhux sfruttat biex tingħata spinta lill-kompetittività, mhux l-inqas f'reġjunijiet affettwati b'mod strutturali. It-telf tal-kompetittività kien partikolarment viżibbli f'reġjuni affettwati b'mod strutturali (ir-reġjunijiet Karlovarský, Ústecký u Moravskoslezský), immanifestat fi flussi ta' akkoljenza netti ta' żgħażagħ. Hemm nuqqas ta' appoġġ effettiv biex tinbena l-kapaċità amministrattiva ta' dawn reġjuni. |
|
(34) |
L-unitajiet domestiċi Ċeki għandhom rata ta' tfaddil ogħla mill-medja tal-UE, bil-flus kontanti u d-depożiti jammontaw għal 42,7 % tal-assi tal-unitajiet domestiċi, ogħla mill-medja tal-UE. Il-mobilizzazzjoni ta' dawn l-assi biex jiffinanzjaw permezz tas-swieq kapitali l-proċess meħtieġ ħafna tad-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tista' tiżblokka finanzjament addizzjonali għan-negozji li s-sorsi ewlenin tagħhom ta' finanzjament huma l-finanzjament intern tad-ditti u s-self bankarju. Iż-żieda tas-sehem attwali (ta' 6,6 %) tal-ishma u l-bonds elenkati fit-taħlita tas-sorsi ta' finanzjament tan-negozji tista' tagħti spinta b'mod sinifikanti lill-kompetittività taċ-Ċekja u tnaqqas l-impatt tal-inflazzjoni fuq it-tfaddil tal-unitajiet domestiċi. |
|
(35) |
L-ingranaġġ tal-finanzjament jibqa' kruċjali biex jimmobilizza l-finanzjament privat biex jappoġġa l-kompetittività. Iċ-Ċekja għad għandha rata baxxa ta' użu ta' strumenti finanzjarji, bħal dawk rotanti appoġġati mill-Fondi ta' Koeżjoni (2,36 % meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 9 %). Barra minn hekk, l-esperjenza ma' strumenti finanzjarji ta' implimentazzjoni taħt l-RRF turi li hemm lok sinifikanti biex jittejjeb u jiġi estiż l-użu ta' dawn l-istrumenti biex jinċentivaw l-investiment privat fl-ekonomija Ċeka u jappoġġaw it-tranżizzjoni lil hinn mill-appoġġ għall-għotjiet. Madankollu, il-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp ikompli jopera f'livell aktar baxx mill-potenzjal sħiħ tiegħu b'saħħa limitata mqabbla mal-pari tiegħu tal-UE u kapaċità amministrattiva insuffiċjenti. It-tisħiħ tal-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp jgħin jiżblokka l-potenzjali tiegħu biex jindirizza l-fallimenti tas-suq u n-nuqqas tal-kapital ta' riskju biex jagħti spinta lill-innovazzjoni, mingħajr ma jeskludi istituzzjonijiet finanzjarji privati. |
|
(36) |
L-appoġġ għall-ekosistema tal-intrapriżi spin-off u start-up, inkluż il-ħolqien u l-espansjoni tan-negozju, jibqa' kruċjali biex jaċċellera t-tkabbir u l-innovazzjoni. L-isfidi għall-istart-ups jippersistu peress li jesperjenzaw diffikultajiet fl-iżgurar tal-finanzjament, nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet u burokrazija kumplessa. In-negozji Ċeki għadhom jiċċitaw il-kumplessità tal-proċessi amministrattivi bħala ostaklu sinifikanti biex jagħmlu n-negozju (72 % meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 66 %), inklużi start-ups li ma jużawx pjan ta' opzjonijiet fuq l-ishma għall-impjegati għaliex il-qafas ma jirriflettix il-ħtiġijiet reali tan-negozji. Biex jittejbu l-attrattività u l-kompetittività tan-negozji innovattivi Ċeki, jgħin li jiżdied l-appoġġ għal start-ups u spin-offs billi jiġi żblukkat il-finanzjament, tissaħħaħ l-attrattività tagħhom għal ħaddiema b'ħiliet u jitnaqqas il-piż amministrattiv, b'mod partikolari billi jiġi ottimizzat il-qafas li jirregola l-opzjonijiet fuq l-ishma għall-impjegati. |
|
(37) |
Il-prestazzjoni tal-innovazzjoni taċ-Ċekja tkompli tinżamm lura minn trasferiment ineffettiv tat-teknoloġija u tal-għarfien u minn rabtiet dgħajfa bejn l-akkademja u n-negozji. In-nefqa pubblika fuq ir-riċerka u l-iżvilupp iffinanzjat minn negozji għadha biss madwar nofs il-medja tal-UE (0,024 % tal-PDG, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 0,050 %), u reċentement kienet qed tonqos, li juri l-livell baxx ta' kooperazzjoni bejn l-akkademja u n-negozji, u l-inċentivi għaliha. Dan huwa ta' piż kbir fuq it-trasferiment ta' riżultati tar-riċerka fl-ekonomija u jillimita l-kapaċità ta' innovazzjoni taċ-Ċekja. Dan huwa muri, pereżempju, mir-rata baxxa ta' applikazzjonijiet għal privattiva, aktar baxx mill-medja tal-UE (l-applikazzjonijiet għal privattiva ppreżentati skont it-Trattat ta' Kooperazzjoni dwar il-Privattivi ammontaw għal 0,7 għal kull biljun euro ta' PDG fl-2022 versus il-medja tal-UE ta' 2,8). Miżuri biex itejbu u jsaħħu b'mod strutturali t-trasferiment tat-teknoloġija fiċ-Ċekja, bil-għan speċifiku li jagħmlu t-trasferiment teknoloġiku aktar effettiv u li jiffaċilitaw il-ħolqien ta' spin-offs, jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata din l-isfida. |
|
(38) |
Hemm lok biex jittejjeb kif jiġi organizzat l-appoġġ pubbliku għal kumpaniji innovattivi. Terz biss mill-kumpaniji li huma involuti b'mod konsistenti fl-R&D jużaw l-appoġġ pubbliku indirett fil-forma ta' inċentivi fiskali għall-R&D, u saħansitra inqas ditti żgħar u li għadhom jibdew jużaw l-inċentivi. Jenħtieġ li l-azzjoni biex ittejjeb dan għandha tiġi kkombinata ma' azzjoni biex tagħmel t-tnaqqis tat-taxxa fuq l-R&D aktar attraenti għall-kumpaniji u biex titnaqqas il-burokrazija. |
|
(39) |
Mill-bidu tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, iċ-Ċekja indirizzat id-dipendenza sostanzjali tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja billi ddiversifikat il-provvisti tagħha tal-gass naturali. Madankollu, iċ-Ċekja tibqa' dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili importati, bil-faħam, iż-żejt u l-gass jagħmlu 28,7 %, 25 % u 15 % rispettivament tat-taħlita enerġetika tagħha fl-2023. Barra minn hekk, is-settur tat-trasport jammonta għall-akbar sehem ta' konsum finali tal-enerġija (30,9 % mit-total), segwit mill-enerġija kkonsmata mill-unitajiet domestiċi (28,2 &) u mill-industrija (26,2 %). Il-livell sinifikanti ta' dipendenza tal-pajjiż fuq dawn il-fjuwils iħallih espost għal volatilitajiet tal-prezz, b'effetti negattivi konsiderevoli għall-unitajiet domestiċi u l-industrija intensiva fl-enerġija. Biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, huwa kruċjali li tiġi aċċellerata l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, b'fokus partikolari fuq l-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira. L-aċċellerazzjoni ta' investimenti fid-dekarbonizzazzjoni tas-setturi industrijali u tat-tisħin hija element ewlieni ieħor. |
|
(40) |
Iċ-Ċekja kienet qed tirriforma l-qafas leġiżlattiva tagħha għar-regolamentazzjoni tal-varar ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli, iżda huma meħtieġa aktar inċentivi u investimenti sostanzjali sabiex jinġiebu l-istabbiltà u l-prevedibbiltà fis-suq. Dan jattira wkoll aktar investiment privat fl-enerġija rinnovabbli. Irkanti tal-enerġija rinnovabbli u l-użu ta' ftehimiet tax-xiri tal-enerġija għadhom limitati ħafna fiċ-Ċekja, bl-ewwel ftehim korporattiv konkluż fl-2021. It-tnedija tal-irkanti tal-enerġija u l-iżvilupp ta' kuntratti fit-tul jistgħu jippermettu t-tkabbir ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala akbar lil hinn mill-iskemi ta' appoġġ tradizzjonali u joħolqu wkoll opportunitajiet għad-dekarbonizzazzjoni ta' industriji intensivi fl-enerġija. |
|
(41) |
Il-kapaċità limitata tan-network tal-grilja ta' distribuzzjoni u l-ħtieġa li tiġi aġġornata l-grilja jkomplu jfixklu l-varar u l-pass rapidi ta' investiment f'sorsi rinnovabbli tal-enerġija. Għalkemm iċ-Ċekja reċentement adottat riformi li għandhom l-għan li jqassru l-kjus tal-konnessjoni u jżidu t-trasparenza, l-investiment jibqa' aktar baxx mil-livell meħtieġ biex jakkomoda l-konnessjoni ta' sorsi ġodda tal-enerġija rinnovabbli, l-elettrifikazzjoni miżjuda, l-iżvilupp tal-mobilità sostenibbli u l-livell meħtieġ biex itejjeb is-servizzi ta' flessibbiltà ħielsa mill-fjuwils fossili, bħal sistemi ta' ħżin tal-enerġija u l-iżvilupp ta' miters intelliġenti. Iċ-Ċentru tad-Data dwar l-Elettriku beda operazzjonijiet għall-kondiviżjoni tal-enerġija. Il-fażi finali, li tippermetti l-forniment ta' servizzi tal-flessibbiltà, madankollu, tiffaċċa dewmien fl-implimentazzjoni. |
|
(42) |
L-intensità enerġetika taċ-Ċekja hija waħda mill-ogħla fl-UE, li jfisser li tibbenefika minn żieda fl-iffrankar enerġetiku billi jiġu mmirati rinnovazzjonijiet profondi. Minkejja l-programmi attwali ta' appoġġ għar-rinnovazzjoni, il-konsum finali tal-enerġija tal-bini jibqa' għoli, speċjalment f'binjiet pubbliċi. Dan huwa parzjalment minħabba l-proporzjon għoli tal-prezz tal-elettriku mal-gass, li jinkoraġġixxi l-użu tal-gass għat-tisħin u jiddiżinċentivizza l-bidla għal pompi tas-sħana u l-elettrifikazzjoni. Iż-żieda fl-azzjoni biex jiġi dekarbonizzat is-settur tat-tisħin u jiġi pprovdut appoġġ għat-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli tinkoraġġixxi il-produzzjoni ta' teknoloġiji nodfa fiċ-Ċekja (eż. pompi tas-sħana). L-użu ta' strumenti finanzjarji innovattivi, bħal kuntratti tal-prestazzjoni enerġetika, jista' jaċċellera r-rata kajmana ta' rinnovazzjoni ta' binjiet pubbliċi u jirfed l-azzjoni miċ-Ċekja biex tikseb il-mira tagħha għall-2030 biex tnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-binjiet bi 8 % għal-livelli tal-2020. |
|
(43) |
Il-kompetittività u l-produttività huma mxekkla minn nuqqas ta' ħaddiema. Iċ-Ċekja tista' żżid ir-rata tal-impjieg tan-nisa bi tfal żgħar, minħabba r-rata baxxa ta' nisa impjegati diversi snin wara li jwelldu. Anki jekk fl-2024 il-krediti tat-taxxa għall-konjuġi inattiv kienu limitati għal persuni li jieħdu ħsieb it-tfal sa tliet snin, is-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji xorta tiskoraġġixxi lill-ġenituri bi qligħ baxx, b'mod partikolari lill-ommijiet, milli jmorru lura għax-xogħol. Tnaqqis kbir mit-taxxa għal konjugi li ma jaħdmux u benefiċċji tal-familja li jinċentivaw lill-ġenitur bi dħul baxx jieħu perjodi twal ta' leave u jiskoraġġixxu lill-ġenituri, b'mod partikolari lill-ommijiet, milli jaħdmu jew li jfittxu impjieg. It-tassazzjoni fuq pagi għal ħaddiema li huma t-tieni sors ta' dħul kienet ogħla mill-medja tal-UE fl-2023, u ogħla mill-porzjon ta' taxxa għal persuna waħedha fl-istess livell ta' paga. L-inkoraġġiment tal-ġenitur bi dħul baxx biex jaħdem jew ifittex impjieg iwassal għal aktar dħul biex jiġu appoġġati l-fondi tas-sigurtà soċjali u l-finanzi pubbliċi ġenerali. |
|
(44) |
Is-sehem tan-nisa, speċjalment dawk bi tfal żgħar, fis-suq tax-xogħol huwa limitat ukoll min-nuqqas ta' servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u tal-kura fit-tul. Il-ġenituri ta' tfal taħt l-erba' snin jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu l-indukrar tat-tfal u, bħala riżultat, il-ġenitur bi dħul aktar baxx huwa ddiċentivizzat milli jaħdem. Id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi għan-nisa bejn il-25 u l-34 sena kien 36,1 pps. fl-2024 (meta mqabbla ma' medja tal-UE ta' 25,2 pps.), li tikkorrispondi ma' kważi 67 000 inqas nisa li jaħdmu milli kieku ċ-Ċekja kellha d-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi medja tal-UE. |
|
(45) |
In-nuqqas tal-ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet għadhom sfida urġenti, li jxekklu l-kompetittività tal-ekonomija taċ-Ċekja. Dawn l-isfidi jistgħu jittejbu billi jsiru eħfef it-tranżizzjonijiet bejn l-impjiegi, inklużi miżuri bħaż-żieda fl-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni jew ir-riforma tal-professjonijiet regolati biex jitnaqqsu l-ostakli kbar għaċ-ċertifikazzjoni professjonali. Barra minn hekk, iċ-Ċekja rċeviet l-ogħla influss tal-UE għal kull persuna ta' persuni spostati mill-Ukrajna taħt protezzjoni temporanja. Aktar minn 50 % tal-Ukreni spostati qed jaħdmu f'pożizzjonijiet inqas kwalifikati milli kienu fl-Ukrajna, bil-lingwa rrapportata li tkun ostaklu ċar. Barra minn hekk, madwar 30 % jiċċitaw ir-rikonoxximent ta' kwalifika bħala ostaklu biex jinstab impjieg aħjar. Is-simplifikazzjoni tal-proċess ta' rikonoxximent ta' kwalifiki barranin u ż-żieda tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi sottorappreżentati, inklużi persuni spostati mill-Ukrajna taħt protezzjoni temporanja u r-Rom, jistgħu jtaffu l-issikkar tas-suq tax-xogħol. |
|
(46) |
Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja u l-ilħuq tagħha qed jonqsu, li jaggrava n-nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet. L-ilħuq tal-edukazzjoni terzjarja fost dawk bejn il-25 u l-34 sena ilu jonqos mill-2021 u huwa r-raba' l-aktar baxx fl-UE (33,5 % meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 44,2 %), 'il bogħod ħafna mill-mira tal-UE ta' 45 %. Bejn l-2016 u l-2021, l-għadd ta' studenti rreġistrati naqas bi 11,6 % u r-rati tat-tluq mill-iskola għadhom għoljin b'mod persistenti. |
|
(47) |
Rati tat-tluq mill-iskola għoljin, partikolarment fl-oqsma ta' xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika (STEM, science, technology, engineering, and mathematics), u reġistrazzjoni li qed tonqos fil-programmi STEM mill-2017 juru sfidi sistemiċi. Fl-2022, 11,9-il mara biss minn kull elf persuna bejn l-20 u d-29 sena ggradwaw fl-oqsma STEM, inqas mill-medja tal-UE ta' 15,1. In-nuqqas ta' gwida tal-karriera u appoġġ finanzjarju suffiċjenti lill-istudenti huma fost l-ixprunaturi ta' rati għolja tat-tluq mill-iskola fl-istituzzjonijiet Ċeki tal-edukazzjoni għolja. |
|
(48) |
Iċ-Ċekja għandha nuqqas ta' skejjel sekondarji ġenerali u skop limitat biex l-istudenti jiċċaqilqu minn perkorsi ġenerali u speċjalizzati tal-edukazzjoni, li jillimita l-opzjonijiet tagħhom biex isegwu b'suċċess l-edukazzjoni terzjarja. Għalkemm l-interess tal-istudenti fl-ilħuq tal-edukazzjoni terzjarja żdied b'mod qawwi matul l-aħħar 30 sena, l-għadd ta' skejjel sekondarji ġenerali ma laħħaqx mad-domanda. In-nuqqas ta' skejjel sekondarji ġenerali jġiegħel lill-istudenti jirreġistraw fi skejjel vokazzjonali inqas kompetittivi, li jwassal għal speċjalizzazzjoni bikrija. Għalkemm żewġ terzi mill-persuni li jlestu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET, vocational education and training) jirreġistraw fl-edukazzjoni terzjarja, ir-rati ta' suċċess tagħhom huma iktar baxxi minn dawk ta' studenti f'sistemi ġenerali, li jikkontribwixxi għal ilħuq baxx b'mod konsistenti tal-edukazzjoni terzjarja. Biex tindirizza dawn l-isfidi, iċ-Ċekja reċentement ħabbret passi biex toħloq perkorsi ġodda li jikkombinaw suġġetti ġenerali u professjonali u qed tfittex li timmodernizza l-programmi tal-VET biex iġġibhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Biex jitħejjew aħjar l-istudenti li jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja għas-suq tax-xogħol u tiġi appoġġata t-tranżizzjoni tagħhom għall-edukazzjoni terzjarja, aktar titjib jista' jiffoka fuq (i) l-espansjoni ta' opportunitajiet tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, (ii) is-simplifikazzjoni ta' tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol, (iii) it-titjib tal-iskop biex l-istudenti jiċċaqilqu bejn l-edukazzjoni sekondarja ġenerali u dik vokazzjonali, (iv) iż-żieda fil-kapaċità tal-iskejjel sekondarji ġenerali u (v) id-diversifikazzjoni u l-espansjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li ċ-Ċekja tieħu azzjoni fl-2025 u l-2026 biex:
|
1. |
Issaħħaħ l-infiq ġenerali fid-difiża u fis-sigurtà u l-prontezza tad-difiża filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu tal-allowance skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għal nefqa fid-difiża ogħla. Tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ħaddiema b'paga baxxa. Iżżid id-dħul mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Ittejjeb l-inċentivi għal persuni qrib l-irtirar biex ikomplu jaħdmu. |
|
2. |
Fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għat-tlestija f'waqtha tar-riformi u l-investimenti skont ir-Regolament (UE) 2021/241, tħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni (FEŻR, JTF, FSE+, FK), filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq l-opportunitajiet offruti mir-rieżami ta' nofs it-terminu. Isir użu ottimali mill-istrumenti tal-UE, inkluż l-opportunitajiet ipprovduti mill-programm InvestEU u l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Issaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja biex tattira, iżżomm u tiżviluppa it-talent, partikolarment biex tattira persuni b'ħiliet analitiċi, maniġerjali u tal-IT. Issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' tmexxija strateġika biex ittejjeb il-konsistenza fil-politiki kollha. Tissimplifika l-ippjanar urban u tnaqqas il-piż amministrattiv billi ttejjeb id-diġitalizzazzjoni, il-kapaċità u l-ġestjoni ta' uffiċċji tal-kostruzzjoni. Tinċentivizza u tissimplifika l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet muniċipali. Tipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċità amministrattiva u timmira dan l-appoġġ lejn reġjuni affettwati b'mod strutturali. |
|
4. |
Issaħħaħ is-swieq kapitali, l-aċċess tan-negozji għal finanzjament mhux bankarju u l-kundizzjonijiet għat-tfaddil, l-investiment u l-innovazzjoni billi tippromwovi l-investimenti tal-unitajiet domestiċi fis-swieq kapitali u billi ttejjeb l-effettività tal-prodotti tat-tfaddil fit-tul fil-mobilizzazzjoni ta' investimenti ġodda fit-tul. Tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-investituri istituzzjonali f'ishma kkwotati u mhux ikkwotati, kif ukoll il-kapital ta' riskju u l-ekwità privata. Iżżid l-użu ta' strumenti finanzjarji, inkluż billi ssaħħaħ il-kapaċità tal-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp biex timmobilizza l-finanzjament privat biex tagħti spinta lill-kompetittività u lid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. Tappoġġa l-ħolqien ta' start-ups u spin-offs, pereżempju billi ttejjeb il-leġiżlazzjoni dwar il-pjanijiet tal-opzjonijiet fuq l-ishma tal-impjegati. Tagħti spinta lill-innovazzjoni, inkluż billi tiffaċilita t-trasferiment tat-teknoloġija mill-akkademja għan-negozju. Tisfrutta aħjar il-potenzjal tal-benefiċċji tat-taxxa tal-R&D biex tistimula l-innovazzjoni fis-settur privat. |
|
5. |
Tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, b'mod partikolari għat-trasport bit-triq, it-tisħin u l-ġenerazzjoni tal-enerġija. Tipprovdi aktar inċentivi għall-introduzzjoni tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira, b'mod partikolari billi tmexxi rkanti tal-enerġija rinnovabbli u billi tippromwovi l-użu ta' ftehimiet tax-xiri tal-enerġija fit-tul. Iżżid l-investiment fil-grilji tal-elettriku biex ittejjeb il-flessibbiltà ħielsa mill-fjuwils fossili u tippermetti l-elettrifikazzjoni tat-trasport u tal-proċessi industrijali. Tiżgura l-implimentazzjoni malajr tal-funzjonalitajiet sħaħ taċ-Ċentru tad-Data dwar l-Elettriku). Iddaħħal miżuri biex tnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-intensità ta' karbonju tas-settur tal-bini, speċjalment tal-istokk tal-bini pubbliku. |
|
6. |
Tnaqqas id-diżinċentivi tat-taxxi u tal-benefiċċji għall-ġenituri biex jirritornaw għax-xogħol u ttejjeb il-provvista tal-indukrar tat-tfal u tas-servizzi tal-kura biex tinkoraġġixxi aktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol. Issaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija u tnaqqas in-nuqqasijiet ta' ħaddiema billi tindirizza l-ispariġġi fil-ħiliet, tissimplifika r-rikonoxximent ta' kwalifiki barranin u żżid il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi sottorappreżentati. Tagħti spinta lill-eżiti edukattivi billi żżid il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, filwaqt li tnaqqas ir-rati tat-tluq mill-iskola u tipprovdi aktar appoġġ għall-istudenti. Iżżid l-għadd ta' studenti u gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, speċjalment nisa. Tespandi l-aċċess għall-edukazzjoni sekondarja ġenerali, tippermetti lill-istudenti jagħmlu t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni ġenerali u dik vokazzjonali, u tipprovdi aktar appoġġ għal skejjel u studenti żvantaġġati, inkluż ir-Rom. |
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min (i) in-nefqa fuq l-imgħax; (ii) mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali; (iii) min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni; (iv) min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni; (v) mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad; u (vi) minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja (ST 11047/2021 INIT; ST 11047/21 ADD 1).
(6) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja (ST 13383/23 INIT; ST 13383/23 ADD 1).
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju taċ-Ċekja (ĠU C/2025/666, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/666/oj).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2025 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2025/2782, 22.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2782/oj).
(9) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2025 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025 li tippermetti liċ-Ċekja jiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali), (ĠU C, C/2025/3962, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3962/oj).
(11) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.4.2025.
(12) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.
(13) Eurostat, nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG). Minħabba differenzi metodoloġiċi bejn id-definizzjonijiet tal-COFOG u tan-NATO, in-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tal-COFOG tista' tvarja min-nefqa bbażata fuq id-definizzjoni tan-NATO.
(14) https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en.
(15) Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu – COM(2025) 123 final.
(16) “Businesses” attitudes towards corruption in the EU' (L-Attitudnijiet tan-Negozji lejn il-Korruzzjoni) Flash Report, Rapport tal-Ewrobarometru (April 2024).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3977/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)