SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla Estiża)

12 ta’ Marzu 2025 ( *1 )

“Dritt istituzzjonali – Membru tal-Parlament – Fastidju psikoloġiku – Deċiżjonijiet tal-Presidenta tal-Parlament li jikkonkludu li jeżisti fastidju psikoloġiku fir-rigward ta’ assistent parlamentari akkreditat u li tordna sanzjoni ta’ telf tad-dritt għall-allowance ta’ residenza kontra membru tal-parlament matul għaxart ijiem – Dritt għal smigħ – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑349/23,

Monica Semedo, residenti fi Grevenmacher (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn T. Bontinck, A. Guillerme u L. Marchal, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Boytha, N. Görlitz u A. Krachler, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, R. da Silva Passos, N. Półtorak, I. Reine u T. Pynnä (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara t-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti mibgħuta mill-Qorti Ġenerali lill Parlament fil-11 ta’ Lulju 2024 u r-risposta tal-Parlament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2024,

wara s-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Monica Semedo, titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2023, li permezz tagħhom dan, fl-ewwel lok, qies li ċertu aġir invokat kontriha, meħud individwalment u fl-intier tiegħu, kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, rispettivament, l-“ewwel deċiżjoni kkontestata” u r-“Regolamenti tal-Persunal”) u, fit-tieni lok, imponitilha sanzjoni li tikkonsisti fit-telf tad-dritt għall-allowance ta’ residenza għal perijodu ta’ għaxart ijiem (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata” u, ikkunsidrata flimkien mal-“ewwel deċiżjoni kkontestata”, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kumitat Konsultattiv inkarigat biex jeżamina l-ilmenti dwar fastidju li jikkonċernaw lil Membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) informa lir-rikorrenti, li hija ex membru tal-Parlament, bil-ftuħ ta’ investigazzjoni fil-konfront tagħha minħabba t-tressiq ta’ lment mill-ex assistent parlamentari akkreditat tagħha (iktar ’il quddiem il-“lanjant”) u bagħtilha sunt tal-allegazzjonijiet tal-lanjant kif ukoll il-provi mhux kunfidenzjali prodotti minn dan tal-aħħar. Il-Kumitat stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar dawn l-allegazzjonijiet qabel is-17 ta’ Marzu 2022 u informaha li kien ser jistedinha biex tinstema’ f’laqgħa sussegwenti, probabbilment fis-26 ta’ April 2022.

3

Fis-17 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub lill-kumitat dwar l-allegazzjonijiet tal-lanjant.

4

Permezz ta’ posta elettronika tas-7 ta’ April 2022, il-Kumitat stieden lir-rikorrenti sabiex tinstema’ fis-26 ta’ April 2022. Huwa ppreċiża li l-laqgħat tal-Kumitat kienu ser jinżammu in camera u kienu jaqgħu taħt proċedura amministrattiva interna, u mhux taħt proċedura ġudizzjarja, għal liema raġuni l-avukati ma kinux ammessi għas-seduti.

5

Fit-12 ta’ April 2022, il-konsulenti legali tar-rikorrenti bagħtu ittra lill-Kumitat, fejn sostnew li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, l-assistenza ta’ avukat ma tistax tiġi rrifjutata lilha u li huma ser jassistuha waqt is-seduta tas-26 ta’ April 2022.

6

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ April 2022, il-President tal-Kumitat irrifjuta t-talba tal-konsulenti legali tar-rikorrenti li jattendu s-seduta ta’ smigħ tas-26 ta’ April 2022.

7

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ April 2022, wieħed mill-konsulenti legali tar-rikorrenti indika lill-Kumitat li din tal-aħħar ma kinitx ser tippreżenta ruħha għas-smigħ tas-26 ta’ April 2022 u lanqas għal xi taħrika oħra sakemm hija ma tkunx tista’ tiġi assistita minn avukat.

8

Fis-26 ta’ April 2022, il-lanjant instema’ mill-Kumitat.

9

Fit-28 ta’ April 2022, il-Presidenta tal-Kumitat bagħtet ittra lill-konsulenti legali tar-rikorrenti, fejn stiednet mill-ġdid lil din tal-aħħar sabiex tinstema’, fl-31 ta’ Mejju 2022.

10

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Mejju 2022, wieħed mill-konsulenti legali tar-rikorrenti indika li din tal-aħħar u hija stess kienu disponibbli għas-smigħ tal-31 ta’ Mejju 2022, iżda li hija ma kinitx ser tipparteċipa mingħajr l-avukat tagħha.

11

Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Kumitat adotta r-rapport tiegħu dwar l-ilment kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Kumitat”) u ppreżentahom lill-Presidenta tal-Parlament. Il-Kumitat ikkonkluda li l-fatti invokati mil-lanjant kienu jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa rrakkomanda li, skont l-Artikolu 176 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), tiġi imposta sanzjoni fuq ir-rikorrenti li tikkonsisti fit-telf tad-dritt għall-allowance ta’ residenza għal perijodu ta’ għoxrin jum.

12

Fid-19 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Parlament bagħtet lir-rikorrenti verżjoni anonimizzata tar-rapport tal-Kumitat u stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar dan ir-rapport qabel is-6 ta’ Jannar 2023, konformement mal-Artikolu 11(2) tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Lulju 2018 dwar il-funzjonament tal-Kumitat u l-proċeduri f’dan il-qasam (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bureau”) u mal-Artikolu 176(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.

13

Fis-16 ta’ Jannar 2023, il-konsulenti legali tar-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-rapport tal-Kumitat, li ntbagħtu mill-Presidenta tal-Parlament lill-Kumitat għall-eżami. Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti talbet b’mod partikolari li jiġi kkomunikat lilha l-fajl kollu tal-Kumitat, inklużi x-xhieda differenti li ma setgħetx tiġi anonimizzata.

14

Fid-9 ta’ Marzu 2023, il-Kumitat informa lill-Presidenta tal-Parlament li l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti tas-16 ta’ Jannar 2023 ma kinux jikkontestaw il-konklużjonijiet tar-rapport tagħha.

15

Fis-17 ta’ April 2023, il-Presidenta tal-Parlament adottat id-deċiżjoni kkontestata.

It-talbiet tal-partijiet

16

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

17

Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata u bħala infondat sa fejn huwa dirett kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet diretti kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata

18

Il-Parlament isostni li ż-żewġ motivi invokati fir-rikors jirrigwardaw biss l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Huwa jsostni li, fl-assenza ta’ argumenti dwar it-tieni deċiżjoni kkontestata, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra din id-deċiżjoni, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

19

Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument.

20

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Presidenta tal-Parlament, wara li semmiet l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija kkonkludiet li l-aġir invokat mil-lanjant kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku min-naħa tar-rikorrenti, iddeċidiet li timponi sanzjoni fuq din tal-aħħar.

21

Kif issostni ġustament ir-rikorrenti, il-legalità tat-tieni deċiżjoni kkontestata tiddependi għalhekk minn dik tal-ewwel deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel deċiżjoni kkontestata jwassal ukoll għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-assenza ta’ argumenti invokati mir-rikorrenti speċifikament kontra din tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, ir-rikors jista’ jinftiehem bħala li jqajjem argumenti li jirrigwardaw il-legalità taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati.

22

Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament, li tgħid li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

23

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tad-drittijiet tad-difiża. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-aġir bħala fastidju psikoloġiku.

24

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Parlament talli ma semgħahiex oralment u talli rrifjutalha l-assistenza ta’ avukat, l-ewwel quddiem il-Kumitat (fil-kuntest tal-ewwel parti), imbagħad quddiem il-Presidenta tal-Parlament (fil-kuntest tat-tieni parti).

25

Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan il-motiv.

26

It-tieni parti tal-ewwel motiv hija komposta minn tliet ilmenti. Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Parlament talli ma semgħahiex oralment quddiem il-Presidenta tal-Parlament, bi ksur tal-Artikolu 11(2) tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament u tal-Artikolu 48 tal-Karta. Fil-kuntest tat-tieni lment, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament irrifjutalha l-assistenza ta’ avukat quddiem il-Presidenta tal-Parlament, bi ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta, tal-ġurisprudenza dwar il-proċeduri dixxiplinari u tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Parlament talli pproċeda bl-anonimizzazzjoni tal-annessi b’mod li jirrendi d-difiża tagħha impossibbli. Ir-rikorrenti żżid li, fl-assenza ta’ dawn l-irregolaritajiet, kemm ir-rapport tal-Kumitat kif ukoll id-deċiżjonijiet ikkontestati setgħu kienu differenti.

27

Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Huwa jsostni, l-ewwel, li l-Artikolu 11(2) tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament iħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk is-smigħ tal-membru tal-Parlament ikkonċernat mill-Presidenta tal-Parlament għandux isir permezz ta’ proċedura orali jew bil-miktub, u li l-Artikolu 176(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jirregola l-modalitajiet tas-smigħ quddiem il-President tal-Parlament, ma jipprevedix obbligu li l-membru tal-Parlament jinstema’ personalment, it-tieni, li r-rikorrenti setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha bl-assistenza tal-avukat tagħha fis-16 ta’ Jannar 2023, qabel ma ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati li jikkawżawlha preġudizzju u, it-tielet, li r-rikorrenti kellha provi bil-miktub rilevanti kif ukoll provi orali, peress li r-rapport tal-Kumitat kien fih is-sustanza tal-partijiet rilevanti tax-xhieda miġbura.

28

Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tibda bl-eżami tat-tielet ilment.

29

Ir-rikorrenti ssostni li l-anonimizzazzjoni tal-annessi tar-rapport tal-Kumitat irrendiet d-difiża tagħha impossibbli. Minn naħa, ir-rapport tal-Kumitat u l-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif ġew ikkomunikati lilha, jirreferu għal żewġ xhieda li l-kontenut tagħhom huwa riprodott biss parzjalment fir-rapport tal-Kumitat. Min-naħa l-oħra, dawn ma jinkludux il-provi bil-miktub meqjusa sabiex jiġi kkaratterizzat il-fastidju.

Fir-rigward tal-aċċess tar-rikorrenti għax-xhieda

30

Fir-rigward tal-aċċess għax-xhieda, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fi proċedura intiża biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fastidju, il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li, fl-osservanza ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, il-persuna akkużata tkun tista’, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, tara d-dokumenti kollha tal-fajl, kemm favuriha u kontriha, dwar l-imsemmi fastidju u li tinstema’ dwarhom (sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Moi vs Il-Parlament, T‑17/19, EU:T:2021:51, punt 103).

31

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, sabiex tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha b’mod utli, il-persuna akkużata b’fastidju għandha d-dritt li tiġi kkomunikata lilha, tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tad-diversi persuni kkonsultati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet intużaw mill-kumitat fir-rapport tiegħu sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet lill-Presidenta tal-Parlament, peress li l-komunikazzjoni ta’ dan is-sunt għandha ssir, jekk ikun il-każ, b’osservanza tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Settembru 2021, KN vs CESE,T‑377/20, EU:T:2021:528, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Sabiex tkun iggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhieda u l-għanijiet li tipproteġi, filwaqt li jkun assigurat li huwa b’mod utli li l-persuna interessata tinstema’ qabel ma tiġi adottata deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, jistgħu jintużaw ċerti tekniki bħall-anonimizzazzjoni, jew saħansitra l-iżvelar tas-sustanza tax-xhieda fil-forma ta’ sunt, jew ukoll li jinħbew ċerti partijiet mill-kontenut tax-xhieda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ April 2019, OZ vs BEI,C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 59, u tal-25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 66).

33

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti la kellha aċċess għad-dikjarazzjonijiet magħmula miż-żewġ xhieda quddiem il-Kumitat, u lanqas għas-sunt tas-smigħ ta’ dawn iż-żewġ xhieda li jinsab fl-Anness II tar-rapport tal-Kumitat, filwaqt li dawn id-dikjarazzjonijiet intużaw mill-kumitat fl-imsemmi rapport sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet lill-Presidenta tal-Parlament, li fid-dawl tagħhom din tal-aħħar adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, il-kontenut tal-Anness II tar-rapport tal-Kumitat, li jinkludi sunt tas-smigħ taż-żewġ xhieda, ġie kompletament moħbi.

34

F’dan ir-rigward, il-Parlament isostni li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-Kumitat tinkludi sunt li jiżvela s-sustanza tax-xhieda miġbura mill-kumitat matul l-investigazzjoni, b’tali mod li r-rikorrenti ġiet imċaħħda biss mill-elementi li jippermettu li jiġu identifikati x-xhieda mismugħa.

35

Fid-dawl tal-argumenti li jinsabu fil-punt 34 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-Kumitat tinkludix sunt tax-xhieda miġbura mill-imsemmi Kumitat matul l-investigazzjoni, qabel ma jiġi ddeterminat, jekk ikun il-każ, jekk dan is-sunt jirriflettix is-sustanza ta’ dawn ix-xhieda (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Settembru 2021, KN vs CESE,T‑377/20, EU:T:2021:528, punt 121).

36

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-preżenza, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-kumitat, ta’ sunt tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda mismugħa, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2022 indirizzata lir-rikorrenti, il-Presidenta tal-Parlament indikat li din tal-aħħar “[kienet] ser issib verżjoni anonimizzata tar-rapport tal-imsemmi Kumitat fl-anness ta’ din l-ittra, li tirreferi għax-xhieda li [kienet] inġabret u ttieħdet inkunsiderazzjoni minnu, fil-punti 5.1.3, 5.2.2, 5.2.3, u 5.2.4 tar-rapport”.

37

B’hekk, il-punt 5.1.3 tar-rapport tal-Kumitat, dwar ix-xhieda, jindika:

“Iż-żewġ xhieda li nstemgħu mill-Kumitat tqiesu bħala kredibbli u ma kienx hemm kontradizzjonijiet fattwali kbar bejn ix-xhieda tagħhom; ġiet irrilevata biss differenza fil-perċezzjoni tal-aġir tal-Membru tal-Parlament u tas-sitwazzjonijiet kunfliġġenti kkonċernati. Meta evalwa x-xhieda taż-żewġ xhieda, il-Kumitat ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni professjonali rispettiva tagħhom. Madankollu, għal diversi elementi, ix-xhieda taż-żewġ xhieda kkonfermat l-allegazzjonijiet tal-lanjant.”

38

Il-punt 5.2.2 tar-rapport tal-Kumitat, dwar l-allegazzjoni dwar il-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol stressanti, jindika:

“ […] Minn provi orali kredibbli prodotti mix-xhieda jirriżulta li numru ta’ laqgħat ma kinux organizzati tajjeb, u li [kunfidenzjali] ma kinitx ippreparata għal dawn il-laqgħat, b’mod partikolari fir-rigward tan-noti ta’ informazzjoni mħejjija mill-APA. [kunfidenzjali] ddikjarat li rċeviet messaġġi oħra mill-Membru tal-Parlament tard filgħaxija u kmieni filgħodu.

[…]

Fi provi orali oħra (ikkonfermati minn wieħed mix-xhieda) kien hemm sitwazzjonijiet li fihom [kunfidenzjali] talbet lil [kunfidenzjali] jipprepara noti ta’ informazzjoni dwar emendi ta’ kompromess li kienu għadhom ma ġewx ippubblikati kif ukoll dwar il-konklużjonijiet ta’ laqgħa tal-Kunsill Ewropew li kienet għadha ma ntemmitx.

[…]

Skont iż-żewġ xhieda, l-organizzazzjoni tax-xogħol f’tim għal [kunfidenzjali] kienet problematika. [kunfidenzjali] spjega li l-laqgħat tat-tim kienu sors kostanti ta’ tensjoni u ta’ ansjetà, li kienu kaotiċi u nieqsa minn struttura, u li l-Membru tal-Parlament kienet tistabbilixxi skadenzi qosra u kienet tkun arroganti ħafna. [kunfidenzjali] indika li l-proċedura ta’ fastidju preċedenti kienet tiġġenera tensjonijiet, iżda li kienu saru sforzi kostanti sabiex jiġu stabbiliti prattiki tajbin ta’ xogħol fi ħdan l-uffiċċju.

[…]

Skont il-provi disponibbli, fosthom ix-xhieda orali ta’ wieħed mix-xhieda, il-Membru tal-Parlament ma laqax tajjeb lil [kunfidenzjali] fit-taħriġ, filwaqt li l-għan ta’ dan tal-aħħar kien preċiżament li tiġi rrimedjata l-problema ta’ relazzjoni professjonali bejn l-assistent u l-Membru tal-Parlament.

[…]”

39

Il-punt 5.2.3 tar-rapport tal-Kumitat, dwar l-allegazzjoni relattivi għal reazzjonijiet aggressivi, jindika:

“ […]

Madankollu, minn provi orali jirriżulta li x-xhieda kkonfermaw, fi gradi differenti, li l-Membru tal-Parlament kienet tindirizza b’mod mhux xieraq lill-persunal tagħha, b’mod partikolari meta kienet taħt pressjoni. Ix-xhieda kkonfermaw l-allegazzjonijiet li jgħidu li [kunfidenzjali] injora u rreaġixxa b’mod aggressiv għall-ispjegazzjoni mogħtija mil-lanjant dwar it-titolu korrett ta’ proposta għal direttiva (dwar il-paga minima). Wieħed mix-xhieda kkonferma wkoll li l-Membru tal-Parlament kienet għajtet mal-lanjant fuq it-telefon minħabba żball fil-votazzjoni u semma inċident simili ieħor li x-xhud ma kienx preżenti għalih, iżda li ġie informat dwaru.

Il-provi kemm bil-miktub kif ukoll orali jikkonċernaw sitwazzjoni li seħħet fil-jum tal-5 ta’ Lulju 2021, filwaqt li [kunfidenzjali] kien qiegħed jivvjaġġa lejn Strasbourg bil-karozza, flimkien ma’ martu, u kien imġiegħel jipparteċipa f’laqgħa ta’ tim permezz ta’ Zoom. Matul din il-laqgħa, kif ikkonferma wieħed mix-xhieda, il-Membru tal-Parlament għajtet ma’ APA ieħor, u poġġiet lil [kunfidenzjali] f’sitwazzjoni ta’ stress kbir, sal-punt li huwa ħareġ minn ħarġa ħażina fit-triq sabiex jevita inċident.

Il-Kumitat qies li l-provi orali kienu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li [kunfidenzjali] wera aggressività fir-rigward tal-lanjant, jiġifieri billi akkużah li ma jinformahx b’mod suffiċjenti u fi żmien xieraq, billi rreaġixxa b’mod aggressiv għall-ispjegazzjonijiet li huwa pprovdielu, u billi ssanzjona l-iżbalji tiegħu billi għajjat miegħu u billi għamel kummenti arroganti[.]”

40

Il-punt 5.2.4 tar-rapport tal-Kumitat, dwar l-allegazzjoni relattiva għad-diżinteress fir-rigward tal-ħajja personali u tal-benesseri tal-lanjant, jindika:

“[…]

Fir-rigward tat-teħid ta’ leave ta’ [kunfidenzjali] għal raġunijiet personali, il-provi bil-miktub (sostnuti mix-xhieda orali tax-xhieda) juru li kien ċert li pprovda, sa fejn jaf hu, l-informazzjoni xierqa, anki jekk ma kienx għamel dan ħafna qabel. […]. […] Wieħed mix-xhieda indika li [kunfidenzjali] deheret ‘irritabbli’ waqt il-laqgħa wara li l-lanjant ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jieħu leave fl-okkażjoni taż-żwieġ tiegħu u li hija talbet lil [kunfidenzjali] jikkuntattja lil [kunfidenzjali] matul il-leave tiegħu sabiex jivverifika jekk kienx effettivament qiegħed jaħdem, kif imwiegħed [.]

[…]”

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-kumitat, dan tal-aħħar indika li kien ġabar ix-xhieda ta’ żewġ xhieda, mingħajr ma ppreċiża l-identità jew il-funzjoni tagħhom. Barra minn hekk, dan ir-rapport isemmi l-provi orali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kumitat waqt il-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ kull wieħed mill-fatti allegati ta’ fastidju.

42

B’mod iktar preċiż, għal kull aġir li hija akkużata bih r-rikorrenti, ir-rapport jinkludi riferimenti għad-dikjarazzjonijiet orali meħuda inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, ir-rapport jippreċiża, għal kull aġir inkwistjoni, jekk dan huwiex ikkorroborat biss minn provi bil-miktub, biss minn provi orali, jew miż-żewġ tipi ta’ provi (paġni 9, 11 u 12 tar-rapport tal-Kumitat).

43

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport tal-Kumitat tinkludi sunt tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda.

44

Fit-tieni lok, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Parlament irrispettax id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jiġi żgurat li s-sunt tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda jirrifletti s-sustanza tax-xhieda, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq.

45

Għal dan l-għan, permezz ta’ miżura istruttorja, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Parlament jipproduċi l-verżjoni kunfidenzjali tal-Anness II tar-rapport tal-Kumitat, filwaqt li jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ dan id-dokument fil-konfront tar-rikorrenti.

46

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li jeżistu differenzi fil-perċezzjoni bejn iż-żewġ xhieda orali miġbura. Dawn id-differenzi jikkonċernaw b’mod partikolari r-relazzjonijiet li kellha r-rikorrenti mal-assistenti parlamentari akkreditati barra mill-kuntest professjonali u r-responsabbiltà tal-lanjant fid-deterjorament tar-relazzjonijiet tiegħu mar-rikorrenti. Issa, dawn id-differenzi fil-perċezzjoni ma jirriżultawx mis-sunt tax-xhieda li tinsab fir-rapport tal-Kumitat.

47

Fit-tieni lok, teżisti kontradizzjoni bejn is-sunt tax-xhieda li jinsab fir-rapport tal-Kumitat u l-kontenut tal-Anness II tal-imsemmi rapport. B’hekk, diversi elementi ppreżentati fir-rapport tal-Kumitat bħala li jirriżultaw mix-xhieda, bħal, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ preparazzjoni tar-rikorrenti għal-laqgħat tat-tim u n-natura kaotika u mhux ċara tagħhom, it-trażmissjoni ta’ messaġġi kmieni filgħodu (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), l-arroganza u l-għajjat (ara l-punt 39 iktar ’il fuq) kif ukoll it-talba intiża biex jiġi vverifikat li l-lanjant jaħdem matul il-leave tiegħu (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), ma jissemmew imkien fl-Anness II tar-rapport tal-Kumitat.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport tal-Kumitat ma jirriflettix is-sustanza tax-xhieda miġbura, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, peress li, minn naħa, id-differenzi fil-perċezzjoni tax-xhieda ma jirriżultawx minnu u, min-naħa l-oħra, li jeżistu diverġenzi bejn dan id-dokument u s-sunt prodott fl-Anness II tiegħu.

49

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 30 u 31 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx irrispettati.

Fir-rigward tal-aċċess tar-rikorrenti għall-provi bil-miktub

50

Fir-rigward tal-aċċess tagħha għall-provi bil-miktub, ir-rikorrenti ssostni li r-rapport tal-Kumitat u l-ewwel deċiżjoni kkontestata, kif ġew ikkomunikati lilha, ma kinux jinkludu l-provi bil-miktub użati sabiex jiġi kkaratterizzat il-fastidju.

51

F’dan il-każ, mir-rapport tal-Kumitat u mill-ewwel deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ttieħdu inkunsiderazzjoni, insostenn tal-allegazzjoni dwar il-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol stressanti, tliet messaġġi mibgħuta mir-rikorrenti barra mill-ħinijiet tax-xogħol, rispettivament, tal-20 ta’ Ottubru 2020, tal-4 u tas-6 ta’ Ottubru 2021, u ħames talbiet bi skadenza qasira jew li jippreżentaw sfida għal-lanjant, bid-data, rispettivament, tal-20 ta’ Ottubru 2020, tal-31 ta’ Awwissu, tat-22 ta’ Settembru, tat-18 ta’ Ottubru 2021 u tax-xahar ta’ Settembru 2021.

52

Issa, fost il-provi bil-miktub imsemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, kienu biss il-posta elettronika tal-4 ta’ Ottubru 2021 u l-iskambju ta’ messaġġi fuq l-applikazzjoni WhatsApp ta’ Settembru 2021 li ntbagħtu lir-rikorrenti mill-Kumitat bħala anness mal-ittra ta’ dan tal-aħħar tal-4 ta’ Marzu 2022, li kien jinforma lir-rikorrenti bil-ftuħ ta’ investigazzjoni fil-konfront tagħha. Min-naħa l-oħra, il-provi bil-miktub l-oħra la jinsabu fost l-annessi tal-ittra tal-Kumitat indirizzata lir-rikorrenti fl-4 ta’ Marzu 2022, u lanqas fost dawk tar-rapport tal-Kumitat, ikkomunikat lir-rikorrenti mill-Presidenta tal-Parlament fid-19 ta’ Diċembru 2022 (ara l-punti 2 u 12 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, dawn ġew ipprovduti mill-Parlament matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, annessi mar-risposta.

53

Minn dan isegwi li l-provi kollha bil-miktub użati sabiex jiġi kkaratterizzat il-fastidju ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

54

Il-Parlament isostni li l-provi kollha bil-miktub kienu identifikati permezz tad-data, tal-mod ta’ komunikazzjoni, u tal-kontenut tagħhom fir-rapport tal-Kumitat, b’tali mod li r-rikorrenti, sa fejn hija kienet l-awtriċi tagħhom, setgħet faċilment tikkonsultahom u, għaldaqstant, tesprimi l-osservazzjonijiet tagħha li jikkonċernawhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kkontestatx li hija kellha l-iskambji inkwistjoni.

55

Madankollu, sabiex tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha, il-persuna akkużata għandu jkollha l-possibbiltà li tkun taf bi preċiżjoni l-atti tal-proċess li fuqhom ġew ibbażati l-akkużi mressqa kontriha fid-deċiżjonijiet li jikkonċernawha (sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Moi vs Il-Parlament, T‑17/19, EU:T:2021:51, punt 110).

56

F’dan il-każ, peress li mill-proċess jirriżulta li mhux il-provi bil-miktub kollha ġew ipprovduti lir-rikorrenti mill-Kumitat jew mill-Presidenta tal-Parlament matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq, li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx irrispettati.

Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

57

Skont il-ġurisprudenza, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tal-4 ta’ April 2019, OZ vs BEI,C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 76).

58

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-kundizzjoni msemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq tiġi ssodisfatta meta, peress li ma kellux aċċess għad-dokumenti li kellhom jiġu kkomunikati lilu b’applikazzjoni tar-rispett dovut għad-drittijiet tad-difiża, rikorrent ma setax isostni l-osservazzjonijiet tiegħu utilment, u b’hekk ġie mċaħħad minn possibbiltà, anki żgħira, li jiżgura aħjar id-difiża tiegħu (ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Moi vs Il-Parlament, T‑17/19, EU:T:2021:51, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’każ bħal dan, nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti tal-fajl li bbażat ruħha fuqhom l-amministrazzjoni jaffettwa, fil-fatt, b’mod inevitabbli, fir-rigward tal-protezzjoni dovuta tad-drittijiet tad-difiża, ir-regolarità tal-atti adottati fi tmiem proċedura li tista’ taffettwa lir-rikorrenti b’mod sfavorevoli (ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2021, Moi vs Il-Parlament, T‑17/19, EU:T:2021:51, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, matul il-proċedura li tikkonċernaha, ir-rikorrenti la kellha aċċess għal sunt li jirriproduċi s-sustanza tax-xhieda miġbura mill-Kumitat u lanqas għad-dokumenti tal-fajl li fuqhom kienu bbażati l-akkużi mressqa kontriha, b’mod partikolari l-posta elettronika jew il-messaġġi li fuqhom kienu bbażati l-akkużi, filwaqt li din l-informazzjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkonstatat il-fastidju u sabiex tiġi adottata s-sanzjoni.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 57 sa 59 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ġiet imċaħħda, f’dan il-każ, minn opportunità li tiddefendi ruħha aħjar u li din l-irregolarità affettwat, b’mod inevitabbli, il-kontenut tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

62

Id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom għalhekk jiġu annullati minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tal-ewwel motiv u lanqas it-tieni motiv.

Fuq l-ispejjeż

63

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjonijiet tal-Presidenta tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2023 li permezz tagħhom din tal-aħħar, fl-ewwel lok, qieset li ċertu aġir invokat kontra Monica Semedo kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku u, fit-tieni lok, imponiet fuq din tal-aħħar sanzjoni li tikkonsisti fit-telf tad-dritt għall-allowance ta’ residenza għal perijodu ta’ għaxart ijiem huma annullati.

 

2)

Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Papasavvas

da Silva Passos

Półtorak

Reine

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2025.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż.